European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/1449

24.5.2024

REGOLAMENT (UE) 2024/1449 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-14 ta’ Mejju 2024

dwar l-istabbiliment tal-Faċilità għar-Riforma u t-Tkabbir għall-Balkani tal-Punent

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 212 u l-Artikolu 322(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Qorti tal-Awdituri (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

L-Unjoni hija msejsa fuq il-valuri msemmija fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), li jinkludu d-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem. Dawk il-valuri jagħmlu parti mill-kriterji ta’ adeżjoni stabbiliti mill-Kunsill Ewropew ta’ Copenhagen f’Ġunju 1993 (il-“kriterji ta’ Copenhagen”), li jikkostitwixxu l-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà għas-sħubija fl-Unjoni.

(2)

Il-proċess tat-tkabbir huwa mibni fuq kriterji stabbiliti, kundizzjonalità ġusta u rigoruża u l-prinċipju tal-merti proprji. Impenn sod għal approċċ tal-“prijorità tal-kwistjonijiet fundamentali”, li jeħtieġ enfasi qawwija fuq l-istat tad-dritt, id-drittijiet fundamentali, il-funzjonament tal-istituzzjonijiet demokratiċi u r-riforma tal-amministrazzjoni pubblika, kif ukoll fuq il-kriterji ekonomiċi, jibqa’ essenzjali. Il-progress jiddependi fuq l-implimentazzjoni tar-riformi meħtieġa minn kull benefiċjarju biex jallinja ruħu mal-acquis tal-Unjoni. Il-kooperazzjoni reġjonali u r-relazzjonijiet tajbin ta’ viċinat jibqgħu elementi essenzjali tal-proċess tat-tkabbir.

(3)

Il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna wriet ukoll li t-tkabbir huwa investiment ġeostrateġiku fil-paċi, is-sigurtà u l-istabbiltà. Filwaqt li jfakkru fl-impenn sħiħ u inekwivoku tal-Unjoni għall-perspettiva ta’ sħubija fl-Unjoni tal-Balkani tal-Punent, l-orjentazzjoni u l-impenn tas-sħab tal-Balkani tal-Punent lejn l-Unjoni huma espressjoni qawwija tal-għażla strateġika u l-post tagħhom f’komunità ta’ valuri. Il-perkors lejn l-UE tas-sħab tal-Balkani tal-Punent jeħtieġ li jkun ankrat sew fi progress tanġibbli u konkret tar-riformi.

(4)

Huwa fl-interess komuni tal-Unjoni u tas-sħab tagħha tal-Balkani tal-Punent, jiġifieri l-Albanija, il-Bożnija-Ħerzegovina, il-Kosovo (*1), il-Montenegro, il-Maċedonja ta’ Fuq u s-Serbja (il-“benefiċjarji”), li javvanzaw l-isforzi għar-riforma tas-sistemi politiċi, legali u ekonomiċi tagħhom bil-ħsieb tas-sħubija futura tagħhom fl-Unjoni u biex jappoġġaw il-proċess ta’ adeżjoni tagħhom. Il-possibbiltà ta’ sħubija mal-Unjoni għandha effett trasformattiv qawwi fejn il-bidla pożittiva demokratika, politika, ekonomika u soċjali rabbiet l-għeruq.

(5)

Huwa meħtieġ li jiġu ppreżentati wħud mill-vantaġġi tas-sħubija mal-Unjoni qabel l-adeżjoni. Il-konverġenza ekonomika tinsab fil-qalba ta’ dawk il-benefiċċji. Bħalissa, il-konverġenza tal-Balkani tal-Punent f’termini ta’ PDG per capita espressa fl-istandards tal-kapaċità tal-akkwist għadha baxxa bejn 30 % u 50 % tal-medja tal-Unjoni u ma hijiex qiegħda tagħmel progress mgħaġġel biżżejjed.

(6)

Biex tnaqqas dik id-differenza, il-Kummissjoni fil-Kommunikazzjoni tagħha tat-8 ta’ Novembru 2023 intitolata “Pjan ġdid ta’ tkabbir għall-Balkani tal-Punent” stabbiliet pjan ġdid ta’ tkabbir għall-Balkani tal-Punent ibbażat fuq erba’ pilastri: (a) iż-żieda fl-integrazzjoni mas-Suq Uniku tal-UE; (b) tingħata spinta lill-integrazzjoni ekonomika reġjonali, ibbażata fuq ir-regoli u l-istandards tal-UE, billi jiġi implimentat bis-sħiħ il-Pjan ta’ Azzjoni Komuni tas-Suq Reġjonali eżistenti; (c) l-approfondiment tar-riformi bl-għan li jitħaffef it-tkabbir fir-reġjun, il-promozzjoni tal-konverġenza ekonomika u t-tisħiħ tal-istabbiltà reġjonali; u (d) l-istabbiliment ta’ Strument ta’ Finanzjament ġdid: il-Faċilità għar-Riforma u t-Tkabbir għall-Balkani tal-Punent (il-“Faċilità”).

(7)

L-implimentazzjoni tal-Pjan Ġdid ta’ Tkabbir teħtieġ finanzjament miżjud fl-ambitu ta’ strument ta’ finanzjament ġdid dedikat, il-Faċilità biex tgħin lir-reġjun fl-implimentazzjoni ta’ riformi għall-iżvilupp sostenibbli, l-integrazzjoni reġjonali u s-Suq Reġjonali Komuni.

(8)

Sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-Pjan Ġdid tat-Tkabbir għall-Balkani tal-Punent, jenħtieġ li ssir enfasi speċjali fir-rigward taż-żoni ta’ investiment fuq setturi li x’aktarx jiffunzjonaw bħala multiplikaturi ewlenin għall-iżvilupp soċjali u ekonomiku: il-konnettività, inklużi t-trasport sostenibbli, id-dekarbonizzazzjoni, l-enerġija, it-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali, kif ukoll l-edukazzjoni u l-iżvilupp tal-ħiliet, b’enfasi partikolari fuq iż-żgħażagħ.

(9)

L-infrastruttura tat-trasport sostenibbli hija essenzjali biex tittejjeb il-konnettività bejn il-benefiċjarji u mal-Unjoni. Jenħtieġ li tikkontribwixxi għall-integrazzjoni tar-reġjun tal-Balkani tal-Punent fl-Unjoni. Fil-proposta tagħha li tirrevedi n-network trans-Ewropew tat-trasport (TEN-T), il-Kummissjoni inkludiet Kuritur ġdid li jaqsam ir-reġjun tal-Balkani tal-Punent (kuritur bejn il-Balkani tal-Punent u l-Lvant tal-Mediterran). In-network TEN-T huwa r-referenza għall-finanzjament ta’ infrastruttura tat-trasport sostenibbli f’dak ir-reġjun, inkluż għal mezzi tat-trasport ekoloġiċi, bħall-ferroviji.

(10)

Il-Faċilità jenħtieġ li tappoġġa l-investiment u r-riformi li jippromwovu l-perkors tal-benefiċjarji lejn it-trasformazzjoni diġitali tal-ekonomija u s-soċjetà f’konformità mal-viżjoni tal-Unjoni għall-2030 ippreżentata fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta’ Marzu 2021 intitolata “Il-Kumpass Diġitali tal-2030: l-approċċ Ewropew għad-Deċennju Diġitali”, filwaqt li trawwem ekonomija diġitali inklużiva li tkun ta’ benefiċċju għaċ-ċittadini kollha. Il-Faċilità jenħtieġ li tistinka biex tiffaċilita l-ilħuq mill-benefiċjarji tal-objettivi ġenerali u tal-miri diġitali fir-rigward tal-Unjoni. Kif deskritt mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha tal-15 ta’ Ġunju 2023, intitolata “Implimentazzjoni tas-Sett ta’ Għodod dwar iċ-Ċibersigurtà tal-5G”, is-sett ta’ għodod għaċ-ċibersigurtà tal-5G jenħtieġ li jkun ir-referenza għall-finanzjament tal-Unjoni biex jiġu żgurati s-sigurtà, ir-reżiljenza u l-protezzjoni tal-integrità ta’ proġetti tal-infrastruttura diġitali fir-reġjun.

(11)

L-appoġġ fl-ambitu tal-Faċilità jenħtieġ li jiġi pprovdut biex jintlaħqu l-objettivi ġenerali u speċifiċi, abbażi ta’ kriterji stabbiliti u b’kundizzjonijiet ċari ta’ pagament. Dawk l-objettivi ġenerali u speċifiċi jenħtieġ li jiġu segwiti b’mod li jsaħħu lil xulxin. Il-Faċilità jenħtieġ li tappoġġa l-proċess tat-tkabbir billi taċċellera l-allinjament mal-valuri, il-liġijiet, ir-regoli, l-istandards, il-politiki u l-prattiki (“l-acquis”) tal-Unjoni bil-ħsieb ta’sħubija mal-Unjoni, taċċellera l-integrazzjoni ekonomika reġjonali u integrazzjonijiet progressivi tal-benefiċjarji fis-suq uniku tal-Unjoni, u taċċellera wkoll il-konverġenza soċjoekonomika mal-Unjoni. Il-Faċilità jenħtieġ li trawwem ukoll il-kooperazzjoni reġjonali, ir-relazzjonijiet tajbin ta’ viċinat, kif ukoll ir-rikonċiljazzjoni u s-soluzzjoni tat-tilwim.

(12)

Minbarra li tagħti spinta lill-konverġenza soċjoekonomika, il-Faċilità jenħtieġ li tgħin ukoll biex taċċellera r-riformi relatati mal-elementi fundamentali tal-proċess tat-tkabbir inkluż l-istat tad-dritt, id-drittijiet fundamentali, fost l-oħrajn, id-drittijiet ta’ persuni li jagħmlu parti minn minoranzi, inklużi minoranzi nazzjonali u Rom, kif ukoll id-drittijiet ta’ persuni leżbjani, gay, bisesswali, transġeneri u intersesswali (LGBTI). Jenħtieġ li ttejjeb ukoll il-funzjonament tal-istituzzjonijiet demokratiċi u l-amministrazzjonijiet pubbliċi; l-akkwist pubbliku, il-kontroll tal-għajnuna mill-Istat u l-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi; il-ġlieda kontra l-forom kollha ta’ korruzzjoni u l-kriminalità organizzata; l-edukazzjoni u t-taħriġ ta’ kwalità, kif ukoll il-politiki tal-impjiegi; l-objettivi tat-tranżizzjoni ekoloġika, tal-klima u tal-ambjent tar-reġjun.

(13)

Jenħtieġ li l-appoġġ tal-Unjoni fl-ambitu tal-Faċilità jikkomplementa l-appoġġ bilaterali u reġjonali previst fl-ambitu tar-Regolament (UE) 2021/1529 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), li jibqa’ l-istrument ewlieni fit-tħejjija tal-benefiċjarji għas-sħubija mal-Unjoni, filwaqt li jintużaw il-mekkaniżmi u l-istrutturi diġà eżistenti kull meta jkun possibbli, u jiġu mmassimizzati s-sinerġiji. L-approċċ jenħtieġ li jibni fuq il-metodoloġija eżistenti tat-tkabbir, b’mod partikolari l-Metodoloġija Riveduta tal-2020 ippreżentata mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha tal-5 ta’ Frar 2020, intitolata “It-titjib tal-proċess tal-adeżjoni – Perspettiva kredibbli tal-UE għall-Balkani tal-Punent”, u l-Pjan Ekonomiku u ta’ Investiment għall-Balkani tal-Punent adottat mill-Kummissjoni fis-6 ta’ Ottubru 2020.

(14)

Il-Faċilità jenħtieġ li tikkomplementa d-Djalogu Ekonomiku u Finanzjarju eżistenti mingħajr ma tikkomprometti l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu, u b’hekk issaħħaħ l-integrazzjoni ekonomika u t-tħejjija għas-sorveljanza multilaterali tal-politiki ekonomiċi tal-Unjoni.

(15)

Jenħtieġ li l-Faċilità tippromwovi l-prinċipji tal-effettività tal-iżvilupp, filwaqt li tirrispetta l-addizzjonalità għall-appoġġ u l-komplementjarità miegħu pprovdut fl-ambitu ta’ programmi u strumenti oħrajn tal-Unjoni u tistinka biex tiġi evitata d-duplikazzjoni u tiżgura sinerġiji bejn l-assistenza fl-ambitu ta’ dan ir-Regolament u assistenza oħra, inklużi pakketti finanzjarji integrati magħmula kemm minn finanzjament tal-esportazzjoni kif ukoll finanzjament għall-iżvilupp, ipprovduta mill-Unjoni, mill-Istati Membri, minn pajjiżi terzi, minn organizzazzjonijiet u entitajiet multilaterali u reġjonali.

(16)

F’konformità mal-prinċipju ta’ sħubijiet inklużivi, jenħtieġ li l-Kummissjoni tagħmel sforz biex tiżgura li l-partijiet ikkonċernati rilevanti fil-benefiċjarji, inklużi l-parlamenti, l-awtoritajiet lokali u reġjonali, is-sħab soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili tal-benefiċjarji, jiġu kkonsultati kif xieraq u jkollhom aċċess f’waqtu għall-informazzjoni rilevanti biex ikunu jistgħu jaqdu rwol sinifikattiv matul it-tfassil u l-implimentazzjoni tal-programmi u l-proċessi ta’ monitoraġġ relatati.

(17)

L-assistenza teknika mfassla apposta u mmirata, kif ukoll l-assistenza għall-kooperazzjoni transfruntiera, jenħtieġ li jkomplu jiġu pprovduti b’appoġġ għall-objettivi ta’ din il-Faċilità u sabiex jissaħħu l-kapaċitajiet rilevanti tal-benefiċjarji biex jimplimentaw l-Aġendi ta’ Riforma.

(18)

Il-Faċilità jenħtieġ li tiżgura l-konsistenza mal-objettivi ġenerali tal-azzjoni esterna tal-Unjoni, kif ukoll tappoġġahom, kif stabbilit fl-Artikolu 21 tat-TUE, inkluż ir-rispett għad-drittijiet fundamentali kif minqux fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Jenħtieġ li tiżgura b’mod partikolari l-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, u l-istat tad-dritt.

(19)

Il-Faċilità jenħtieġ li tagħti spinta lill-innovazzjoni, lir-riċerka, u lill-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet akkademiċi u l-industrija b’appoġġ għat-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali, u tippromwovi l-industriji lokali b’enfasi partikolari fuq l-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju u n-negozji ġodda bbażati lokalment.

(20)

Il-benefiċjarji jenħtieġ li juru impenn kredibbli għall-valuri Ewropej, inkluż permezz tal-allinjament tagħhom mal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni tal-Unjoni, inklużi l-miżuri restrittivi tal-Unjoni.

(21)

Fl-implimentazzjoni tal-Faċilità, jenħtieġ li jitqiesu l-awtonomija strateġika tal-Unjoni kif ukoll l-interessi strateġiċi tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha u l-valuri li fuqhom hija msejsa l-Unjoni.

(22)

L-attivitajiet fl-ambitu tal-Faċilità jenħtieġ li jappoġġaw il-progress lejn l-istandards soċjali, klimatiċi u ambjentali tal-Unjoni, u jappoġġaw il- progress lejn l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti, il-Ftehim ta’ Pariġi adottat fl-ambitu tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima, il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Diversità Bijoloġika u l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Ġlieda kontra d-Deżertifikazzjoni, u jenħtieġ li ma jikkontribwux għad-degradazzjoni ambjentali jew jikkawżaw ħsara lill-ambjent jew lill-klima. Il-miżuri ffinanzjati fl-ambitu tal-Faċilità jenħtieġ li jkunu f’konformità mal-Pjanijiet Nazzjonali għall-Enerġija u l-Klima tal-benefiċjarji, mal-Kontribut tagħhom Stabbilit fil-Livell Nazzjonali u mal-ambizzjoni li tinkiseb in-newtralità klimatika sal-2050. Il-Faċilità jenħtieġ li tikkontribwixxi għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u għall-kapaċità ta’ adattament għall-effetti negattivi tagħha, u trawwem ir-reżiljenza għall-klima. B’mod partikolari, il-finanzjament fl-ambitu tal-Faċilità jenħtieġ li jippromwovi t-tranżizzjoni lejn ekonomija dekarbonizzata, newtrali għall-klima, reżiljenti għall-klima u ċirkolari.

(23)

L-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament jenħtieġ li tkun iggwidata mill-prinċipji tal-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni, kif elaborati fl-istrateġiji tal-Unjoni ta’ Ugwaljanza. Dan jenħtieġ li jippromwovi u javvanza l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri, jiżgura parteċipazzjoni sinifikattiva tan-nisa fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet, u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa u tal-bniet, kif ukoll jipprevjenu u jiġġieled il-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika, filwaqt li jitqiesu l-Pjanijiet rilevanti ta’ Azzjoni tal-UE dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u l-konklużjonijiet tal-Kunsill u l-konvenzjonijiet internazzjonali rilevanti. Barra minn hekk, dan ir-Regolament jenħtieġ li jiġi implimentat b’rispett sħiħ tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, inkluż fir-rigward tal-protezzjoni tat-tfal u tad-drittijiet tal-ħaddiema. L-implimentazzjoni tal-Faċilità jenħtieġ li tkun f’konformità mal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (4) u l-protokoll tagħha u tiżgura l-aċċessibbiltà fl-investimenti u fl-assistenza teknika tagħha, f’konformità mad-Direttiva (UE) 2019/882 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5).

(24)

Dan ir-Regolament jenħtieġ li jippromwovi l-Aġenda Ekoloġika għall-Balkani tal-Punent inkluża fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Ottubru 2020 intitolata “Pjan Ekonomiku u ta’ Investiment għall-Balkani tal-Punent”, billi jsaħħaħ il-protezzjoni u r-restawr ambjentali, jikkontribwixxi għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u jżid ir-reżiljenza għat-tibdil fil-klima, u jaċċellera l-bidla lejn ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju.

(25)

Filwaqt li tirrifletti l-Patt Ekoloġiku Ewropew bħala l-istrateġija ta’ tkabbir sostenibbli tal-Ewropa u l-importanza li jiġu indirizzati l-objettivi tal-klima u tal-bijodiversità f’konformità mal-impenji tal-Ftehim Interistituzzjonali, il-Faċilità jenħtieġ li tikkontribwixxi għall-ilħuq ta’ mira ġenerali ta’ 30 % tan-nefqa baġitarja tal-Unjoni billi tappoġġa l-objettivi klimatiċi u 7,5 % fl-2024 u 10 % fl-2026 u l-2027 għall-objettivi tal-bijodiversità. Tal-inqas 37 % tal-appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli li jgħaddi mill-Qafas ta’ Investiment għall-Balkani tal-Punent (WBIF) jenħtieġ li jqis l-objettivi klimatiċi. Dak l-ammont jenħtieġ li jiġi kkalkulat bl-użu tal-indikaturi ta’ Rio b’segwitu tal-obbligu li jiġi rrapportat il-finanzjament internazzjonali tal-UE għall-klima lill-OECD, kif ukoll ftehimiet jew oqfsa internazzjonali oħra. Sa minn Ġunju 2025, il-koeffiċjenti klimatiċi tal-UE, applikabbli fil-programmi kollha fl-ambitu tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) 2021–2027 u stabbiliti fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni intitolat “Climate Mainstreaming Architecture in the 2021-2027 Multiannual Financial Framework” (Arkitettura għall-Integrazzjoni tal-Klima fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021–2027) (SWD (2022) 225), se jiġu applikati wkoll għan-nefqa klimatika fl-ambitu tal-Intestatura 6 tal-QFP (“Il-Viċinat u d-dinja”). Il-Faċilità se tallinja ruħha mal-approċċ ta’ strumenti oħra tal-Intestatura 6, inkluż l-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA III), sabiex jiġi żgurat rapportar konsistenti dwar il-klima fir-reġjun. Il-Faċilità jenħtieġ li tappoġġa attivitajiet li jirrispettaw bis-sħiħ l-istandards u l-prijoritajiet klimatiċi u ambjentali tal-Unjoni u l-prinċipju “la tagħmilx ħsara sinifikanti” fis-sens tal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6).

(26)

Il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri u l-benefiċjarji, jenħtieġ li tiżgura l-konformità, il-koerenza, il-konsistenza u l-komplementjarità, żieda fit-trasparenza u r-responsabbiltà fl-għoti tal-assistenza, inkluż bl-implimentazzjoni ta’ sistemi ta’ kontroll intern xierqa u politiki kontra l-frodi. L-appoġġ fl-ambitu tal-Faċilità jenħtieġ li jsir disponibbli taħt il-prekundizzjonijiet li kull wieħed mill-benefiċjarji jħares u jirrispetta mekkaniżmi demokratiċi effettivi, inkluża sistema parlamentari b’bosta partijiet, elezzjonijiet ħielsa u ġusti, media pluralistika, ġudikatura indipendenti u l-istat tad-dritt, u li jiġi ggarantit ir-rispett għall-obbligi kollha tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta’ persuni li jappartjenu għal minoranzi. Prekundizzjoni oħra jenħtieġ li tkun li s-Serbja u l-Kosovo jimpenjaw ruħhom b’mod kostruttiv bi progress li jista’ jitkejjel u riżultati tanġibbli fin-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet tagħhom sabiex jimplimentaw bis-sħiħ l-obbligi rispettivi tagħhom kollha li jirriżultaw mill-Ftehim dwar il-Perkors għan-Normalizzazzjoni u l-Anness ta’ Implimentazzjoni tiegħu kif ukoll il-Ftehimiet ta’ Djalogu kollha tal-passat u jinvolvu ruħhom f’negozjati dwar il-Ftehim Komprensiv dwar in-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet.

(27)

L-ammont massimu globali għall-appoġġ tal-Unjoni permezz tal-Faċilità jenħtieġ li jkun ta’ EUR 6 biljun fi prezzijiet kurrenti għall-perjodu mill-2024 sal-2027, li minnhom sa EUR 2 biljun fil-forma ta’ appoġġ mhux ripagabbli u EUR 4 biljun f’self ta’ assistenza finanzjarja aġevolanti pprovdut mill-Unjoni u fornut miż-EUR 2 biljun. Tal-inqas nofs l-ammont totali jenħtieġ li jiġi allokat permezz tad-WBIF, inkluż l-ammont kollu tal-appoġġ mhux ripagabbli, wara tnaqqis ta’ 1,5 % għall-assistenza teknika u amministrattiva, u l-ammonti meħtieġa għall-proviżjonament tas-self.

(28)

Dan ir-Regolament jistabbilixxi pakkett finanzjarju għad-durata kollha tal-Faċilità, li għandu jikkostitwixxi l-ammont ta’ referenza ewlieni, fis-sens tal-punt 18 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta’ Diċembru 2020 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar id-dixxiplina baġitarja, dwar il-kooperazzjoni fi kwistjonijiet baġitarji u dwar il-ġestjoni finanzjarja tajba, kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta’ riżorsi proprji ġodda (7), għall-Parlament Ewropew u għall-Kunsill matul il-proċedura baġitarja annwali.

(29)

Ir-responsabbiltà finanzjarja mis-self fl-ambitu tal-Faċilità jenħtieġ li ma tiġix appoġġata mill-Garanzija għall-Azzjoni Esterna, permezz ta’ deroga mill-Artikolu 31(3), it-tieni sentenza tar-Regolament (UE) 2021/947 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8). L-appoġġ fil-forma ta’ self fl-ambitu ta’ din il-Faċilità jenħtieġ li jikkostitwixxi assistenza finanzjarja fis-sens tal-Artikolu 220(1) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 (9) (ir-“Regolament Finanzjarju”). Ammont indikattiv ta’ finanzjament għal kull benefiċjarju jenħtieġ li jiġi kkalkolat abbażi tal-formula stabbilita fl-Anness I, bil-kombinazzjoni tas-sehem tal-popolazzjoni ta’ benefiċjarju fuq il-popolazzjoni ġenerali tar-reġjun tal-Balkani tal-Punent u l-PDG medju per capita għar-reġjun tal-Balkani tal-Punent fuq il-PDG per capita tal-benefiċjarju rispettiv, b’fattur ta’ ponderazzjoni ta’ 60 % u 40 % rispettivament. Jekk il-kundizzjonijiet ta’ pagament għar-rilaxx ta’ fondi ma jiġux issodisfati, jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista’ tqassam mill-ġdid parti mill-ammont jew l-ammont kollu fost benefiċjarji oħrajn.

(30)

Ir-regoli finanzjarji orizzontali adottati mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill abbażi tal-Artikolu 322 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jenħtieġ li japplikaw għal dan ir-Regolament. Dawk ir-regoli huma stabbiliti fir-Regolament Finanzjarju u jiddeterminaw b’mod partikolari l-proċedura għall-istabbiliment u l-implimentazzjoni tal-baġit permezz ta’ għotjiet, akkwist, ġestjoni indiretta, assistenza finanzjarja, operazzjonijiet ta’ taħlit u r-rimborż ta’ esperti esterni, u jipprevedu kontrolli fuq ir-responsabbiltà tal-atturi finanzjarji.

(31)

Ir-restrizzjonijiet dwar l-eliġibbiltà fil-proċeduri ta’ għoti fl-ambitu tal-Faċilità jenħtieġ li jkunu previsti, meta jkun xieraq, minħabba n-natura speċifika tal-attività jew meta l-attività taffettwa s-sigurtà jew l-ordni pubbliku.

(32)

Sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effiċjenti tal-Faċilità, inkluża l-faċilitazzjoni tal-integrazzjoni tal-benefiċjarji fil-ktajjen tal-valur Ewropej, il-provvisti u l-materjali kollha ffinanzjati u akkwistati fl-ambitu ta’ din il-Faċilità jenħtieġ li joriġinaw mill-Istati Membri, mill-benefiċjarji, mill-pajjiżi kandidati u mill-partijiet kontraenti għall-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea u mill-pajjiżi li jipprovdu livell ta’ appoġġ lill-benefiċjarji komparabbli għal dak ipprovdut mill-Unjoni, filwaqt li jitqies id-daqs tal-ekonomija tagħhom, u li għalihom huwa stabbilit aċċess reċiproku għall-assistenza esterna fil-benefiċjarji mill-Kummissjoni, sakemm il-provvisti u l-materjali ma jkunux jistgħu jinkisbu taħt kundizzjonijiet raġonevoli fi kwalunkwe wieħed minn dawk il-pajjiżi.

(33)

Filwaqt li jiġi rrispettat il-prinċipju li l-baġit tal-Unjoni jiġi stabbilit kull sena, jenħtieġ li tiġi żgurata l-possibbiltà li jiġu applikati l-flessibbiltajiet f’konformità mar-Regolament Finanzjarju għal politiki oħrajn, inkluż għar-riporti u r-riimpenji ta’ fondi, biex jiġi żgurat l-użu effiċjenti tal-fondi tal-Unjoni, b’hekk jiġu mmassimizzati l-fondi tal-Unjoni disponibbli fl-ambitu tal-Faċilità.

(34)

L-implimentazzjoni tal-Faċilità jenħtieġ li tkun sostnuta minn sett koerenti u prijoritizzat ta’ riformi mmirati u prijoritajiet ta’ investiment relatat f’kull benefiċjarju (l-“Aġenda ta’ Riforma”), li jipprovdi qafas għat-tisħiħ tat-tkabbir soċjoekonomiku inklużiv u sostenibbli, artikolat b’mod ċar u allinjat mar-rekwiżiti tal-adeżjoni tal-Unjoni u l-elementi fundamentali tal-proċess tat-tkabbir. L-Aġenda ta’ Riforma se sservi bħala qafas ġenerali biex jintlaħqu l-objettivi tal-Faċilità. L-Aġenda ta’ Riforma jenħtieġ li titħejja f’konsultazzjoni mill-qrib mal-partijiet ikkonċernati rilevanti, inklużi l-parlamenti nazzjonali, il-korpi u l-awtoritajiet rappreżentattivi lokali u reġjonali, is-sħab soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili tal-benefiċjarji u jenħtieġ li l-input tagħhom ikun rifless fl-Aġendi ta’ Riforma.

(35)

L-iżborż tal-appoġġ tal-Unjoni jenħtieġ li jkun kundizzjonali fuq il-konformità mal-kundizzjonijiet ta’ pagament u fuq progress li jista’ jitkejjel fl-implimentazzjoni tar-riformi stabbiliti fl-Aġendi ta’ Riforma vvalutati u approvati formalment mill-Kummissjoni. Ir-rilaxx ta’ fondi jenħtieġ li jkun strutturat kif xieraq, li jirrifletti l-objettivi tal-Faċilità.

(36)

L-Aġendi ta’ Riforma jenħtieġ li jinkludu miżuri ta’ riforma mmirati u oqsma ta’ investiment prijoritarju, flimkien mal-kundizzjonijiet ta’ pagament fil-forma ta’ passi kwalitattivi u kwantitattivi li jistgħu jitkejlu li jindikaw progress sodisfaċenti jew tlestija ta’ dawk il-miżuri, u skeda indikattiva għall-implimentazzjoni ta’ dawk il-miżuri. Jenħtieġ li l-Aġendi ta’ Riforma jinkludu wkoll lista preliminari ta’ proġetti ta’ investiment ippjanati maħsuba għall-finanzjament fl-ambitu tad-WBIF. Dawk il-passi jenħtieġ li jiġu ppjanati għal mhux aktar tard mill-31 ta’ Awwissu 2027, għalkemm jenħtieġ li tkun possibbli li t-tlestija ġenerali tal-miżuri li għalihom jirreferu tali passi tiġi estiża lil hinn mill-2027 iżda mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2028.

(37)

L-Aġendi ta’ Riforma jenħtieġ li jinkludu spjegazzjoni tas-sistema tal-benefiċjarju biex b’mod effettiv jiġu evitati, identifikati u kkoreġuti l-irregolaritajiet, inkluża l-korruzzjoni fil-livelli għolja, il-frodi u l-kunflitti ta’ interess, meta jintużaw il-fondi pprovduti fl-ambitu tal-Faċilità, u l-arranġamenti biex jevitaw il-finanzjament doppju mill-Faċilità u minn programmi oħrajn tal-Unjoni kif ukoll minn donaturi oħrajn.

(38)

Jenħtieġ li l-Aġendi ta’ Riforma jinkludu spjegazzjoni dwar kif il-miżuri huma mistennija jikkontribwixxu għall-objettivi klimatiċi u ambjentali u għall-prinċipju “la tagħmilx ħsara sinifikanti”, u t-trasformazzjoni diġitali.

(39)

Il-miżuri fl-ambitu tal-Aġendi ta’ Riforma jenħtieġ li jikkontribwixxu għat-titjib ta’ sistema effiċjenti ta’ ġestjoni u kontroll tal-finanzi pubbliċi, il-ħasil tal-flus, l-evitar tat-taxxa, l-evażjoni tat-taxxa, il-frodi u l-kriminalità organizzata u għal sistema effettiva ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat, bl-għan li jiġu żgurati kundizzjonijiet ġusti għall-impriżi kollha. Tali miżuri jenħtieġ li jiġu implimentati mill-benefiċjarju sa data indikattiva li tista’ tiġi stabbilita, kif xieraq għal kull miżura, fl-istadju bikri tal-implimentazzjoni tal-Faċilità.

(40)

L-Aġendi ta’ Riforma jenħtieġ li jkunu bbażati fuq ir-riżultati u jinkludu indikaturi għall-valutazzjoni tal-progress lejn l-ilħuq tal-objettivi ġenerali u speċifiċi tal-Faċilità stabbiliti f’dan ir-Regolament. Dawk l-indikaturi jenħtieġ li jkunu bbażati fuq indikaturi maqbula internazzjonalment. L-indikaturi jenħtieġ li jkunu wkoll koerenti sa fejn ikun possibbli, mal-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni inklużi fil-Qafas tar-Riżultati tal-IPA III, fil-Qafas ta’ Kejl tar-Riżultati tal-EFSD+ u fid-WBIF. L-indikaturi jenħtieġ li jkunu rilevanti, aċċettati, kredibbli, faċli u robusti.

(41)

Il-fondi fl-ambitu tal-Faċilità jenħtieġ li ma jappoġġawx attivitajiet jew miżuri li jimminaw il-ftehimiet ta’ paċi fir-reġjun.

(42)

Il-Kummissjoni jenħtieġ li tivvaluta kull Aġenda ta’ Riforma abbażi tal-lista ta’ kriterji stabbiliti f’dan ir-Regolament. Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħat ta’ implimentazzjoni biex tapprova dawk l-Aġendi ta’ Riforma. Dawk is-setgħat jenħtieġ li jiġu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10). Il-Kummissjoni se tqis kif xieraq id-deċiżjoni tal-Kunsill 2010/427/UE (11) u r-rwol tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) meta jkun xieraq, u b’mod partikolari meta timmonitorja l-issodisfar tal-prekundizzjoni rilevanti għall-appoġġ tal-Unjoni.

(43)

Id-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni msemmija f’dan ir-Regolament jenħtieġ li fl-istess ħin tikkostitwixxi programm ta’ ħidma fis-sens tal-Artikolu 110(2) tar-Regolament Finanzjarju fir-rigward tal-ammont ta’ appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli skont dan ir-Regolament.

(44)

Minħabba l-ħtieġa ta’ flessibbiltà fl-implimentazzjoni tal-Faċilità, jenħtieġ li jkun possibbli li benefiċjarju jagħmel talba motivata lill-Kummissjoni biex jemenda d-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni, meta l-Aġenda ta’ Riforma, inklużi l-kundizzjonijiet ta’ pagament rilevanti, ma tkunx għadha tista’ tinkiseb, parzjalment jew totalment, minħabba ċirkostanzi oġġettivi. Benefiċjarju jenħtieġ li jkun jista’ jagħmel talba motivata biex jemenda l-Aġenda ta’ Riforma, inkluż billi jipproponi addenda meta rilevanti.

(45)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista’ temenda d-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni, b’mod partikolari biex tqis bidla fl-ammonti disponibbli.

(46)

Fil-każ li ridistribuzzjoni tal-appoġġ fl-ambitu ta’ din il-Faċilità twassal li benefiċjarju jirċievi appoġġ addizzjonali, il-benefiċjarju kkonċernat jenħtieġ li jippreżenta Aġenda ta’ Riforma riveduta b’miżuri addizzjonali li għandhom jinkisbu. Il-Kummissjoni jenħtieġ li tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill qabel ma tieħu kwalunkwe deċiżjoni dwar ir-ridistribuzzjoni tal-appoġġ.

(47)

Jenħtieġ li jiġi konkluż Ftehim dwar il-Faċilità ma’ kull benefiċjarju biex jiġu stabbiliti l-prinċipji tal-kooperazzjoni finanzjarja bejn l-Unjoni u l-benefiċjarju, u biex jiġu speċifikati l-mekkaniżmi meħtieġa relatati mal-kontroll, mas-superviżjoni, mal-monitoraġġ, mal-evalwazzjoni, mar-rapportar u mal-awditjar tal-finanzjament tal-Unjoni fl-ambitu tal-Faċilità, ir-regoli dwar it-taxxi, id-dazji u l-imposti u l-miżuri għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni, l-investigazzjoni u l-korrezzjoni tal-irregolaritajiet, frodi, korruzzjoni u kunflitti ta’ interess. Konsegwentement, jenħtieġ li jiġi konkluż ukoll ftehim ta’ self ma’ kull benefiċjarju li jistabbilixxi dispożizzjonijiet speċifiċi għall-ġestjoni u l-implimentazzjoni tal-finanzjament ipprovdut fil-forom ta’ self. Kemm il-Ftehim dwar il-Faċilità kif ukoll il-ftehim ta’ self jenħtieġ li jiġu trażmessi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fuq talba.

(48)

Il-Ftehim dwar il-Faċilità jenħtieġ li jipprevedi l-obbligu li l-benefiċjarji jiżguraw il-ġbir ta’ data adegwata u l-aċċess għal tali data dwar persuni u entitajiet li jirċievu finanzjament, inkluża informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja, għall-implimentazzjoni tal-Aġendi ta’ Riforma, f’konformità mal-prinċipji tal-protezzjoni tad-data tal-UE u mar-regoli applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data.

(49)

L-appoġġ finanzjarju għall-Aġendi ta’ Riforma jenħtieġ li jkun possibbli fil-forma ta’ self. Fil-kuntest tal-ħtiġijiet ta’ finanzjament tal-benefiċjarji, huwa xieraq li tiġi organizzata l-assistenza finanzjarja skont l-istrateġija ta’ finanzjament diversifikata prevista fl-Artikolu 220a tar-Regolament Finanzjarju u stabbilita bħala metodu ta’ finanzjament uniku fih, li huwa mistenni li jtejjeb il-likwidità tal-bonds tal-Unjoni u l-attraenza u l-kosteffettività tal-ħruġ tal-Unjoni.

(50)

Huwa xieraq li jiġi pprovdut self lill-benefiċjarji fuq termini konċessjonali ħafna b’durata massima ta’ 40 sena u li l-pagament lura tal-kapital ma jinbediex qabel l-2034. Huwa xieraq ukoll li ssir deroga mill-Artikolu 220(4) tar-Regolament Finanzjarju.

(51)

Meta jitqies li r-riskji finanzjarji assoċjati mal-appoġġ lill-benefiċjarji fil-forma ta’ self skont fl-ambitu tal-Faċilità huma komparabbli mar-riskji finanzjarji assoċjati mal-operazzjonijiet ta’ self skont ir-Regolament (UE) 2021/947, il-proviżjonament għall-obbligazzjoni finanzjarja mis-self skont dan ir-Regolament jenħtieġ li jiġi kkostitwit bir-rata ta’ 9 %, f’konformità mal-Artikolu 211 tar-Regolament Finanzjarju u l-finanzjament tal-proviżjonament jenħtieġ li jinkiseb minn pakkett ta’ EUR 2 biljun fl-ambitu tal-Faċilità.

(52)

Sabiex jiġi żgurat li r-rata ta’ proviżjonament tibqa’ adegwata għar-riskji finanzjarji u biex jintwera l-progress fl-implimentazzjoni tal-Faċilità is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti skont l-Artikolu 290 tat-TFUE jenħtieġ li tiġi delegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-emendar tar-rata ta’ proviżjonament u fid-definizzjoni tal-elementi dettaljati tat-Tabella ta’ Valutazzjoni. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol tagħha ta’ tħejjija, ukoll fil-livell ta’ esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jiġu mwettqa f’konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (12). B’mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta’ atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta’ atti delegati.

(53)

Sabiex jiġi massimizzat l-ingranaġġ tal-appoġġ finanzjarju tal-Unjoni biex jiġi attirat investiment addizzjonali, u biex jiġi żgurat il-kontroll tal-Unjoni fuq in-nefqa, l-investimenti fl-infrastruttura li jappoġġaw l-Aġendi ta’ Riforma jenħtieġ li jiġu implimentati permezz tad-WBIF. Proġetti jew programmi individwali jenħtieġ li jiġu ppreżentati lill-Bord Operazzjonali tad-WBIF għall-opinjoni tiegħu biss mat-tlestija tal-kundizzjonijiet ta’ pagament rilevanti stabbiliti fl-Aġendi ta’ Riforma. Fil-każ li ma jiġux issodisfati l-kundizzjonijiet ta’ pagament rilevanti għall-investimenti fi żmien sena, jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista’tagħmel ridistribuzzjoni tal-finanzjament ta’ investiment fl-ambitu tad-WBIF fost il-benefiċjarji l-oħra.

(54)

Sabiex jiġi żgurat li l-benefiċjarji jeliminaw finanzjament inizjali għall-implimentazzjoni tal-ewwel riformi, kull benefiċjarju jenħtieġ li jkollu aċċess sa 7 % tal-ammont totali previst fil-Faċilità bħala assistenza finanzjarja fil-forma ta’ prefinanzjament, soġġett għad-disponibbiltà tal-finanzjament u għar-rispett tal-prekundizzjonijiet għall-appoġġ taħt il-Faċilità.

(55)

Huwa importanti li jiġu ggarantiti kemm il-flessibbiltà kif ukoll il-kapaċità tal-programmi fl-għoti ta’ appoġġ tal-Unjoni lill-benefiċjarji. Għal dak il-fini, il-fondi fl-ambitu tal-Faċilità jenħtieġ li jiġu rilaxxati skont skeda semiannwali fissa, soġġett għad-disponibbiltà tal-finanzjament, abbażi ta’ talba għar-rilaxx ta’ fondi ppreżentata mill-benefiċjarji u wara verifika mill-Kummissjoni tal-issodisfar xieraq kemm tal-kundizzjonijiet ġenerali relatati mal-istabbiltà makrofinanzjarja, il-ġestjoni finanzjarja pubblika tajba, it-trasparenza kif ukoll tas-sorveljanza tal-baġit u l-kundizzjonijiet rilevanti ta’ pagament. Meta kundizzjoni ta’ pagament ma tiġix issodisfata skont l-iskeda ta’ żmien indikattiva stabbilita fid-deċiżjoni li tapprova l-Aġenda ta’ Riforma, il-Kummissjoni tista’ żżomm l-iżborż kollu jew parzjali tal-fondi li jikkorrispondi għal dik il-kundizzjoni, b’segwitu ta’ metodoloġija dwar il-pagamenti parzjali. L-iżborż tal-fondi miżmuma korrispondenti jista’ jsir matul il-perjodu li jmiss għar-rilaxx tal-fondi u sa 12-il xahar wara l-iskadenza oriġinali stabbilita fl-iskeda ta’ żmien indikattiva, dment li l-kundizzjonijiet ta’ pagament ikunu ġew issodisfati. Fl-ewwel sena tal-implimentazzjoni, dik l-iskadenza jenħtieġ li tiġi estiża għal 24 xahar mill-valutazzjoni negattiva inizjali.

(56)

B’deroga mill-Artikolu 116(2) u (5) tar-Regolament Finanzjarju, huwa xieraq li tiġi stabbilita l-iskadenza tal-pagamenti għall-kontribuzzjonijiet għall-baġits tal-Istat mid-data tal-komunikazzjoni tad-deċiżjoni li tawtorizza l-iżborż lill-benefiċjarju u li jiġi eskluż il-ħlas tal-imgħax ta’ inadempjenza mill-Kummissjoni lill-benefiċjarju.

(57)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tipprovdi, fuq talba tal-Parlament Ewropew fil-qafas tal-proċedura ta’ kwittanza, informazzjoni dettaljata dwar l-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni fl-ambitu tal-Faċilità, b’mod partikolari fir-rigward tal-awditi mwettqa, inklużi dgħufijiet identifikati u miżuri korrettivi meħuda, u fir-rigward tal-għoti ta’ kuntratti għal investimenti fl-ambitu tad-WBIF, inkluż meta jkun applikabbli l-ammont ta’ kofinanzjament tal-benefiċjarji kif ukoll sorsi oħra ta’ kontribuzzjonijiet inkluż minn strumenti ta’ finanzjament oħra tal-Unjoni.

(58)

Fil-qafas tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni, adottati abbażi tal-Artikolu 29 tat-TUE u tal-Artikolu 215(2) tat-TFUE, l-ebda fond jew riżorsa ekonomika ma jistgħu jsiru disponibbli, direttament jew indirettament, lil persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi nnominati, jew għall-benefiċċju tagħhom. Tali entitajiet nnominati, u entitajiet li huma proprjetà tagħhom jew ikkontrollati minnhom, għalhekk jenħtieġ li ma jiġux appoġġati mill-Faċilità.

(59)

F’konformità mar-Regolament Finanzjarju, ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13) u r-Regolamenti tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 (14), (Euratom, KE) Nru 2185/96 (15) u (UE) 2017/1939 (16), l-interessi finanzjarji tal-Unjoni għandhom jiġu protetti permezz ta’ miżuri proporzjonati, inklużi miżuri relatati mal-prevenzjoni, l-identifikazzjoni, il-korrezzjoni u l-investigazzjoni ta’ irregolaritajiet, frodi, korruzzjoni, kunflitt ta’ interess, finanzjament doppju, għall-irkupru ta’ fondi mitlufa, imħallsa bi żball jew użati b’mod żbaljat.

(60)

B’mod partikolari, f’konformità mar-regolamenti (Euratom, KE) Nru 2185/96 u (UE, Euratom) Nru 883/2013, l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) jenħtieġ li jkun f’pożizzjoni li jwettaq investigazzjonijiet amministrattivi, inklużi kontrolli u spezzjonijiet fuq il-post, bil-ħsieb li jistabbilixxi jekk kienx hemm frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

(61)

F’konformità mal-Artikolu 129 tar-Regolament Finanzjarju, id-drittijiet u l-aċċess meħtieġa jenħtieġ li jingħataw lill-Kummissjoni, lill-OLAF, lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri u, meta jkun applikabbli, lill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE), inkluż minn partijiet terzi involuti fl-implimentazzjoni tal-fondi tal-Unjoni.

(62)

Il-Kummissjoni jenħtieġ li tiżgura li l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jkunu protetti b’mod effettiv fl-ambitu tal-Faċilità. Meta jitqies ir-rekord fit-tul tal-assistenza finanzjarja pprovduta lill-benefiċjarji wkoll taħt ġestjoni indiretta, u filwaqt li jitqies l-allinjament gradwali tagħhom mal-istandards u l-prattiki ta’ kontroll intern tal-Unjoni, jenħtieġ li l-Kummissjoni tistrieħ ħafna fuq it-tħaddim tas-sistemi ta’ kontroll intern u ta’ prevenzjoni tal-frodi tal-benefiċjarji. B’mod partikolari, il-Kummissjoni u l-OLAF u, meta jkun applikabbli, l-UPPE jenħtieġ li jiġu informati dwar il-każijiet suspettati kollha ta’ irregolaritajiet, frodi, korruzzjoni u kunflitti ta’ interess li jaffettwaw l-implimentazzjoni tal-fondi fl-ambitu tal-Faċilità mingħajr dewmien.

(63)

Barra minn hekk, il-benefiċjarji jenħtieġ li jirrapportaw l-irregolaritajiet inkluż il-frodi li kienu s-suġġett ta’ sejba amministrattiva jew ġudizzjarja primarja, mingħajr dewmien, lill-Kummissjoni u jżommuha infurmata dwar il-progress tal-proċedimenti amministrattivi u legali. Bl-objettiv ta’ allinjament ma’ prattiki tajbin fl-Istati Membri, dan ir-rapportar jenħtieġ li jsir b’mezzi elettroniċi, bl-użu tas-Sistema ta’ Ġestjoni tal-Irregolaritajiet, stabbilita mill-Kummissjoni.

(64)

Kull benefiċjarju jenħtieġ li jistabbilixxi sistema ta’ monitoraġġ li tikkontribwixxi għal rapport semiannwali dwar l-issodisfar tal-kundizzjonijiet ta’ pagament tal-Aġenda ta’ Riforma tiegħu li jakkumpanjaw it-talba semiannwali għar-rilaxx ta’ fondi. Il-benefiċjarji jenħtieġ li jiġbru u jipprovdu aċċess għad-data u għall-informazzjoni li jippermettu l-prevenzjoni, l-identifikazzjoni u l-korrezzjoni ta’ irregolaritajiet, frodi, korruzzjoni u kunflitti ta’ interess, fir-rigward tal-miżuri appoġġati mill-Faċilità.

(65)

Il-Kummissjoni jenħtieġ li tiżgura li jiġu stabbiliti mekkaniżmi ċari ta’ monitoraġġ u ta’ evalwazzjoni indipendenti sabiex jiġu pprovduti responsabbiltà u trasparenza effettivi fl-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni, u biex tiġi żgurata valutazzjoni effettiva tal-progress lejn l-ilħuq tal-objettivi ta’ dan ir-Regolament.

(66)

Il-Kummissjoni jenħtieġ li tipprovdi rapport annwali lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-progress lejn l-ilħuq tal-objettivi ta’ dan ir-Regolament, filwaqt li tindirizza wkoll is-sinerġiji u l-komplementarjetajiet ma’ programmi oħra tal-Unjoni, b’mod partikolari l-appoġġ ipprovdut fl-ambitu tar-Regolament (UE) 2021/1529, bil-ħsieb li tiġi evitata d-duplikazzjoni tal-assistenza u l-finanzjament doppju.

(67)

Fl-interess tat-trasparenza u r-responsabbiltà, il-benefiċjarji jenħtieġ li jippubblikaw data dwar ir-riċevituri finali li jirċievu ammonti ta’ finanzjament li jaqbżu l-ekwivalenti ta’ EUR 50 000 b’mod kumulattiv matul l-implimentazzjoni tar-riformi u l-investimenti fl-ambitu din il-Faċilità.

(68)

Il-Kummissjoni jenħtieġ li twettaq evalwazzjoni tal-Faċilità mat-tlestija tagħha.

(69)

Il-benefiċjarji jenħtieġ li jappoġġaw media pluralistika ħielsa li ssaħħaħ u tippromwovi l-fehim tal-valuri tal-Unjoni u l-benefiċċji u l-obbligi ta’ sħubija potenzjali mal-Unjoni, filwaqt li jittieħdu azzjonijiet deċiżivi f’termini tal-ġlieda kontra l-manipulazzjoni tal-informazzjoni u interferenza minn barranin. Jenħtieġ li jiżguraw ukoll komunikazzjoni pubblika proattiva, ċara u konsistenti, inkluż dwar l-appoġġ tal-Unjoni. Ir-riċevituri tal-finanzjament tal-Unjoni jenħtieġ li jirrikonoxxu b’mod attiv l-oriġini u jiżguraw il-viżibbiltà tal-finanzjament tal-Unjoni, f’konformità mal-Manwal ta’ Komunikazzjoni u Viżibbiltà għall-Azzjonijiet Esterni tal-UE.

(70)

L-implimentazzjoni tal-Faċilità jenħtieġ li tkun akkumpanjata minn tisħiħ ta’ komunikazzjoni strateġika u diplomazija pubblika għall-promozzjoni tal-valuri tal-Unjoni u biex jiġi enfasizzat l-valur miżjud tal-appoġġ tal-Unjoni.

(71)

Peress li l-objettivi ta’ dan ir-Regolament ma jistgħux jintlaħqu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda pjuttost jistgħu jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-TUE. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-objettivi.

(72)

Sabiex il-finanzjament jiġi pprovdut lill-benefiċjarji fi żmien debitu mingħajr dewmien żejjed, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU 1

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-Faċilità għar-Riforma u t-Tkabbir għall-Balkani tal-Punent (il-“Faċilità”).

Jistabbilixxi l-objettivi tal-Faċilità, il-finanzjament tagħha u l-baġit għall-perjodu mill-2024 sal-2027, il-forom ta’ finanzjament tal-Unjoni skontha u r-regoli għall-għoti ta’ tali finanzjament.

2.   Il-Faċilità għandha tikkomplementa r-Regolament (UE) 2021/1529 biex tipprovdi assistenza lill-Balkani tal-Punent għat-twettiq ta’ riformi relatati mal-UE, b’mod partikolari riformi soċjoekonomiċi inklużivi u sostenibbli u riformi li jikkonċernaw prinċipji fundamentali tal-proċess tat-tkabbir, allinjati mal-valuri tal-Unjoni, kif ukoll investimenti biex jiġu implimentati l-Aġendi ta’ Riforma rispettivi tagħhom, kif stabbilit fil-Kapitolu III.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“benefiċjarju” tfisser kwalunkwe wieħed minn dawn li ġejjin: l-Albanija, il-Bożnija-Ħerzegovina, il-Kosovo, il-Montenegro, il-Maċedonja ta’ Fuq u s-Serbja.

(2)

“qafas ta’ politika tat-tkabbir” tfisser il-qafas ta’ politika globali għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament kif definit mill-Kunsill Ewropew u l-Kunsill, u jinkludi l-metodoloġija tat-tkabbir riveduta, ftehimiet li jistabbilixxu relazzjoni legalment vinkolanti mal-benefiċjarji, l-oqfsa ta’ negozjar li jirregolaw in-negozjati ta’ adeżjoni mal-kandidati, meta jkun applikabbli, kif ukoll riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew, komunikazzjonijiet rilevanti tal-Kummissjoni, inkluż meta jkun applikabbli, dwar l-istat tad-dritt, u komunikazzjonijiet konġunti tal-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà.

(3)

“Ftehim dwar il-Faċilità” tfisser ftehim konkluż bejn il-Kummissjoni u l-benefiċjarju li jistabbilixxi l-prinċipji għall-kooperazzjoni finanzjarja bejn il-benefiċjarju u l-Kummissjoni skont dan ir-Regolament; dan l-arranġament jikkostitwixxi ftehim ta’ finanzjament skont it-tifsira tal-Artikolu 114(2) tar-Regolament Finanzjarju fir-rigward tal-pakkett finanzjarju skont l-Artikolu 6(2), il-punt (a), ta’ dan ir-Regolament;

(4)

“Ftehim ta’ self” tfisser arranġament konkluż bejn il-Kummissjoni u benefiċjarju li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet applikabbli għall-appoġġ tal-Faċilità;

(5)

“Aġenda ta’ Riforma” tfisser sett komprensiv, koerenti u prijoritizzat ta’ riformi mmirati u oqsma ta’ investiment prijoritarju f’kull benefiċjarju, inklużi kundizzjonijiet ta’ pagament li jindikaw progress sodisfaċenti jew tlestija ta’ dawk il-miżuri, u skeda ta’ żmien indikattiva għall-implimentazzjoni tagħhom;

(6)

“miżuri” tfisser riformi u investimenti kif stabbilit fl-Aġendi ta’ Riforma skont il-Kapitolu III;

(7)

“kundizzjonijiet ta’ pagament” tfisser kundizzjonijiet għar-rilaxx ta’ fondi li jieħdu l-forma ta’ passi kwalitattivi jew kwantitattivi osservabbli u li jistgħu jitkejlu li għandhom jiġu implimentati mill-benefiċjarju, kif stabbilit fl-Aġendi ta’ Riforma skont il-Kapitolu III;

(8)

“operazzjoni ta’ taħlit” tfisser operazzjoni appoġġata mill-baġit tal-Unjoni li tgħaqqad forom ta’ appoġġ mhux ripagabbli mill-baġit tal-Unjoni ma’ forom ta’ appoġġ ripagabbli mill-iżvilupp jew minn istituzzjonijiet finanzjarji pubbliċi oħrajn, inklużi aġenziji ta’ kreditu għall-esportazzjoni, jew minn istituzzjonijiet ta’ finanzjament kummerċjali u investituri.

(9)

“riċevitur finali” tfisser persuna jew entità li tirċievi finanzjament fl-ambitu tal-Faċilità; għall-parti tal-Faċilità li ssir disponibbli bħala assistenza finanzjarja, ir-riċevitur finali se jkun it-teżor tal-benefiċjarju; għall-parti tal-Faċilità li ssir disponibbli permezz tal-Qafas ta’ Investiment għall-Balkani tal-Punent (WBIF), ir-riċevitur finali se jkun il-kuntrattur jew is-sottokuntrattur li jimplimenta l-proġett ta’ investiment.

(10)

“la tagħmilx ħsara sinifikanti” tfisser li ma jiġux appoġġati jew imwettqa attivitajiet ekonomiċi li jagħmlu ħsara sinifikanti lil kwalunkwe objettiv ambjentali, meta rilevanti, fis-sens tal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2020/852.

Artikolu 3

Objettivi tal-Faċilità

1.   L-objettivi ġenerali tal-Faċilità għandhom ikunu li:

(a)

tappoġġa l-proċess tat-tkabbir billi taċċellera l-allinjament mal-valuri, il-liġijiet, ir-regoli, l-istandards, il-politiki u l-prattiki tal-Unjoni (“acquis”) permezz tal-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta’ riformi bil-ħsieb ta’ sħubija futura mal-Unjoni;

(b)

taċċellera l-integrazzjoni ekonomika reġjonali u l-integrazzjoni progressiva fis-suq uniku tal-Unjoni;

(c)

taċċellera l-konverġenza soċjoekonomika tal-ekonomiji tal-benefiċjarji mal-Unjoni;

(d)

trawwem il-kooperazzjoni reġjonali, relazzjonijiet tajbin ta’ viċinat, rikonċiljazzjoni u s-soluzzjoni tat-tilwim fil-Balkani tal-Punent, kif ukoll il-kuntatt bejn il-persuni;

2.   L-objettivi speċifiċi tal-Faċilità għandhom ikunu li:

(a)

tkompli ssaħħaħ il-prinċipji fundamentali tal-proċess tat-tkabbir, inkluż l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali, il-funzjonament tal-istituzzjonijiet demokratiċi, inkluż fil-livell reġjonali u lokali u inkluż id-depolarizzazzjoni, l-amministrazzjoni pubblika u tissodisfa l-kriterji ekonomiċi; dan jinkludi l-promozzjoni ta’ ġudikatura indipendenti, it-tisħiħ tas-sigurtà u l-istabbiltà fir-reġjun, it-tisħiħ tal-ġlieda kontra l-frodi u l-forom kollha ta’ korruzzjoni, inklużi l-korruzzjoni ta’ livell għoli u n-nepotiżmu, il-kriminalità organizzata, il-kriminalità transfruntiera u l-ħasil tal-flus kif ukoll il-finanzjament tat-terroriżmu, l-evażjoni tat-taxxa u l-frodi tat-taxxa, l-evitar tat-taxxa; iż-żieda fil-konformità mad-dritt internazzjonali; it-tisħiħ tal-libertà u l-indipendenza tal-media u l-libertà akkademika; il-ġlieda kontra d-diskors ta’ mibegħda; l-iffaċilitar ta’ ambjent għas-soċjetà ċivili, it-trawwim tad-djalogu soċjali; il-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri, l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa u l-bniet, in-nondiskriminazzjoni u t-tolleranza, biex tiżgura u ssaħħaħ ir-rispett għad-drittijiet ta’ persuni li jappartjenu għal minoranzi, inklużi minoranzi nazzjonali u r-Rom, kif ukoll id-drittijiet ta’ persuni leżbjani, omosesswali, bisesswali, transġeneri u intersesswali;

(b)

tersaq lejn l-allinjament sħiħ tal-benefiċjarji mal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni tal-Unjoni (PESK), inklużi miżuri restrittivi tal-Unjoni;

(c)

tiġġieled kontra d-diżinformazzjoni u l-Manipulazzjoni tal-Informazzjoni u l-Interferenza minn Barranin kontra l-Unjoni u l-valuri tagħha;

(d)

tersaq lejn l-armonizzazzjoni tal-politiki dwar il-viżi mal-Unjoni;

(e)

issaħħaħ l-effettività tal-amministrazzjoni pubblika, tibni l-kapaċitajiet lokali u tinvesti fil-persunal amministrattiv fil-benefiċjarji; tiżgura l-aċċess għall-informazzjoni, l-iskrutinju pubbliku u l-involviment tas-soċjetà ċivili fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet; tappoġġa t-trasparenza, ir-responsabbiltà, ir-riformi strutturali u l-governanza tajba fil-livelli kollha, inkluż fir-rigward tas-setgħat ta’ sorveljanza u inkjesta tagħhom għad-distribuzzjoni ta’ fondi pubbliċi u l-aċċess għalihom kif ukoll fl-oqsma tal-ġestjoni finanzjarja pubblika u l-akkwist pubbliku u l-kontroll tal-għajnuna mill-Istat; tappoġġa inizjattivi u korpi involuti fl-appoġġ u fl-infurzar tal-ġustizzja internazzjonali fil-benefiċjarji;

(f)

taċċellera t-tranżizzjoni tal-benefiċjarji għal ekonomiji sostenibbli, newtrali għall-klima u inklużivi, li jkunu kapaċi jifilħu għall-pressjonijiet tas-suq kompetittivi tas-suq uniku tal-Unjoni, u għal ambjent ta’ investiment stabbli u tnaqqas id-dipendenzi strateġiċi tagħhom;

(g)

tagħti spinta lill-integrazzjoni ekonomika reġjonali b’mod partikolari permezz ta’ progress fl-istabbiliment tas-Suq Reġjonali Komuni;

(h)

trawwem l-integrazzjoni ekonomika tal-benefiċjarji mas-suq uniku tal-Unjoni, b’mod partikolari permezz ta’ żieda fil-flussi tal-kummerċ u tal-investiment, u ktajjen tal-valur reżiljenti;

(i)

tappoġġa l-integrazzjoni ekonomika reġjonali u l-integrazzjoni mtejba mas-suq uniku tal-Unjoni permezz ta’ konnettività mtejba u sostenibbli fir-reġjun f’konformità man-Networks Trans-Ewropej biex jissaħħu l-kooperazzjoni reġjonali, ir-relazzjonijiet tajbin ta’ viċinat, ir-rikonċilazzjoni, kif ukoll il-kuntatt bejn il-persuni;

(j)

taċċellera t-tranżizzjoni ekoloġika inklużiva u sostenibbli lejn in-newtralità klimatika sal-2050, f’konformità mal-Ftehim ta’ Pariġi u l-Patt Ekoloġiku, f’konformità mal-Aġenda Ekoloġika tal-2020 għall-Balkani tal-Punent u li tkopri s-setturi ekonomiċi kollha, b’mod partikolari l-enerġija, inkluża t-tranżizzjoni lejn ekonomija dekarbonizzata, newtrali għall-klima, reżiljenti għall-klima u ċirkolari, filwaqt li jiġi żgurat li l-investimenti jirrispettaw il-prinċipju “la tagħmilx ħsara sinifikanti”;

(k)

tippromwovi t-trasformazzjoni diġitali u l-ħiliet diġitali bħala faċilitatur għall-iżvilupp sostenibbli u t-tkabbir inklużiv;

(l)

tagħti spinta lill-innovazzjoni, ir-riċerka, u l-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet akkademiċi u l-industrija b’appoġġ għat-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali, u tippromwovi l-industriji lokali b’enfasi partikolari fuq l-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju u n-negozji ġodda bbażati lokalment;

(m)

tagħti spinta lill-edukazzjoni, it-taħriġ, it-taħriġ mill-ġdid u t-titjib tal-ħiliet ta’ kwalità fil-livelli kollha, b’enfasi partikolari fuq iż-żgħażagħ, inkluż l-indirizzar tal-qgħad fost iż-żgħażagħ, il-prevenzjoni tal-eżodu ta’ mħuħ u l-appoġġ għal komunitajiet vulnerabbli u l-appoġġ għall-politiki tal-impjiegi, inklużi d-drittijiet tal-ħaddiema, f’konformità mal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, u l-ġlieda kontra l-faqar.

Artikolu 4

Prinċipji ġenerali

1.   Il-kooperazzjoni fl-ambitu tal-Faċilità għandha tkun ibbażata fuq il-ħtiġijiet u għandha tippromwovi l-prinċipji tal-effettività tal-iżvilupp, jiġifieri s-sjieda tal-prijoritajiet tal-iżvilupp mill-benefiċjarji, enfasi fuq il-kundizzjonalità ċara u r-riżultati tanġibbli, sħubijiet inklużivi, trasparenza u responsabbiltà reċiproka. Dik il-kooperazzjoni għandha tkun ibbażata fuq allokazzjoni u użu effettivi u effiċjenti tar-riżorsi. Il-Faċilità għandha tagħmel ħilitha biex tiżgura bilanċ ġeografiku xieraq ta’ proġetti ta’ investiment.

2.   L-għoti ta’ assistenza makrofinanzjarja ma għandux jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-Faċilità.

3.   L-appoġġ mill-Faċilità għandu jkun addizzjonali u komplementari għall-appoġġ ipprovdut taħt programmi u strumenti oħrajn tal-Unjoni. L-attivitajiet eliġibbli għall-finanzjament skont dan ir-Regolament jistgħu jirċievu appoġġ minn programmi u strumenti oħrajn tal-Unjoni dment li tali appoġġ ma jkoprix l-istess kost u li jiġu żgurati sorveljanza xierqa u kontroll baġitarju. Il-Kummissjoni għandha tiżgura komplementarjetajiet u sinerġiji bejn il-Faċilità u programmi tal-Unjoni oħrajn, bil-ħsieb li jiġu evitati d-duplikazzjoni tal-assistenza u l-finanzjament doppju. Ma għandu jkun hemm l-ebda trikkib bejn l-appoġġ ipprovdut fl-ambitu ta’ dan ir-Regolament u tar-Regolament (UE) 2021/1529.

4.   Sabiex jiġu promossi l-komplementarjetà, il-koerenza u l-effiċjenza tal-azzjonijiet tagħhom, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jikkooperaw u għandhom jagħmlu ħilithom biex jevitaw id-duplikazzjoni u jiżguraw sinerġiji bejn l-assistenza skont dan ir-Regolament u forom ta’ assistenza oħra, inklużi l-pakketti finanzjarji integrati magħmula minn finanzjament kemm għall-esportazzjoni kif ukoll għall-iżvilupp ipprovdut mill-Unjoni, mill-Istati Membri, minn pajjiżi terzi, u minn organizzazzjonijiet u entitajiet multilaterali u reġjonali, bħall-organizzazzjonijiet internazzjonali u l-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali rilevanti, l-aġenziji u d-donaturi mhux tal-Unjoni, f’konformità mal-prinċipji stabbiliti għat-tisħiħ tal-koordinazzjoni operazzjonali fil-qasam tal-assistenza esterna, inkluż permezz ta’ koordinazzjoni msaħħa mal-Istati Membri fil-livell lokali. Tali koordinazzjoni fil-livell lokali għandha tinvolvi konsultazzjonijiet regolari u f’waqthom u skambji frekwenti ta’ informazzjoni matul l-implimentazzjoni tal-Faċilità.

5.   L-attivitajiet fl-ambitu tal-Faċilità għandhom jintegraw u jippromwovu d-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, jallinjaw ruħhom b’mod progressiv mal-istandards soċjali, klimatiċi u ambjentali tal-Unjoni, jintegraw il-mitigazzjoni u l-adattament għat-tibdil fil-klima, meta rilevanti, it-tnaqqis tar-riskju ta’ diżastri, il-protezzjoni ambjentali u l-konservazzjoni tal-bijodiversità, inkluż permezz, meta jkun xieraq, valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali, u għandhom jappoġġaw il-progress lejn l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli, jippromwovu azzjonijiet integrati li jistgħu joħolqu kobenefiċċji u jilħqu diversi objettivi b’mod koerenti. Dawk l-attivitajiet għandhom jevitaw assi mhux rekuperabbli, u għandhom ikunu ggwidati mill-prinċipji ta’ “la tagħmilx ħsara sinifikanti” u ta’ “ħadd ma jitħalla jibqa’ lura”, kif ukoll mill-approċċ tal-integrazzjoni tas-sostenibbiltà li jsostni l-Patt Ekoloġiku Ewropew.

6.   Il-benefiċjarji u l-Kummissjoni għandhom jiżguraw li l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri jitqiesu u jiġu promossi matul it-tħejjija tal-Aġendi ta’ Riforma u l-implimentazzjoni tal-Faċilità. Il-benefiċjarji u l-Kummissjoni għandhom jieħdu passi xierqa biex jipprevjenu kwalunkwe diskriminazzjoni bbażata fuq il-ġeneru, l-oriġini razzjali jew etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali. Il-Kummissjoni għandha tirrapporta dwar dawn il-miżuri fil-kuntest tar-rapportar regolari tagħha skont il-Pjanijiet ta’ Azzjoni dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi.

7.   Il-Faċilità ma għandhiex tappoġġa attivitajiet jew miżuri li huma inkompatibbli mal-Pjanijiet għall-Enerġija u l-Klima tal-benefiċjarji, il-Kontribut tagħhom Stabbilit fil-Livell Nazzjonali skont il-Ftehim ta’ Pariġi, u l-ambizzjoni li sa mhux aktar tard mill-2050 tinkiseb in-newtralità klimatika jew li jiġu promossi investimenti fil-fjuwils fossili, jew li jikkawżaw effetti negattivi sinifikanti fuq l-ambjent, il-klima jew il-bijodiversità.

8.   F’konformità mal-prinċipju ta’ sħubija inklużiva, il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tiżgura, kif xieraq, skrutinju demokratiku fil-forma ta’ konsultazzjoni minn gvern ta’ benefiċjarju tal-parlament rispettiv tiegħu kif ukoll tal-partijiet ikkonċernati rilevanti, inklużi l-awtoritajiet lokali u reġjonali, is-sħab soċjali u s-soċjetà ċivili, inklużi l-gruppi vulnerabbli, il-minoranzi u l-komunitajiet kollha, kif rilevanti, sabiex ikunu jistgħu jipparteċipaw fit-tfassil u fl-implimentazzjoni tal-attivitajiet eliġibbli għall-finanzjament fl-ambitu tal-Faċilità u fil-proċessi relatati ta’ monitoraġġ, skrutinju u evalwazzjoni, kif rilevanti. Dik il-konsultazzjoni għandha tfittex li tirrappreżenta l-pluraliżmu tas-soċjetà tal-benefiċjarju.

9.   Il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri u l-benefiċjarji, jenħtieġ li tiżgura l-implimentazzjoni tal-impenji tal-Unjoni biex jiżdiedu t-trasparenza u r-responsabbiltà fl-għoti ta’ appoġġ, inkluż billi tippromwovi l-implimentazzjoni u t-tisħiħ tas-sistemi ta’ kontroll intern u l-politiki kontra l-frodi. Il-Kummissjoni għandha tagħmel l-informazzjoni dwar il-volum u l-allokazzjoni tal-appoġġ disponibbli għall-pubbliku permezz tat-Tabella ta’ Valutazzjoni msemmija fl-Artikolu 26. Il-benefiċjarji għandhom jippubblikaw data aġġornata dwar ir-riċevituri finali li jirċievu fondi tal-Unjoni għall-implimentazzjoni ta’ riformi u investimenti fl-ambitu ta’ din il-Faċilità, kif deskritt fl-Artikolu 22.

Artikolu 5

Prekundizzjonijiet għall-appoġġ tal-Unjoni

1.   Il-prekundizzjonijiet għall-appoġġ fl-ambitu tal-Faċilità għandhom ikunu li:

(a)

il-benefiċjarji jkomplu jħarsu u jirrispettaw mekkaniżmi demokratiċi effettivi, inklużi sistema parlamentari b’bosta partiti, elezzjonijiet ħielsa u ġusti, media pluralistika, ġudikatura indipendenti u l-istat tad-dritt, u jiggarantixxu r-rispett għall-obbligi kollha tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta’ persuni li jappartjenu għal minoranzi.

(b)

fir-rigward tas-Serbja u l-Kosovo, jimpenjaw ruħhom b’mod kostruttiv, bi progress li jista’ jitkejjel u riżultati tanġibbli, fin-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet tagħhom bl-għan li jimplimentaw bis-sħiħ l-obbligi rispettivi tagħhom kollha li jirriżultaw mill-Ftehim dwar il-Perkors lejn in-Normalizzazzjoni u l-Anness ta’ Implimentazzjoni tiegħu kif ukoll il-Ftehimiet ta’ Djalogu kollha tal-passat u jinvolvu ruħhom f’negozjati dwar il-Ftehim Komprensiv dwar in-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet.

2.   Il-Kummissjoni għandha timmonitorja l-issodisfar tal-prekundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 qabel ma l-fondi, inkluż il-prefinanzjament, jiġu rilaxxati lill-benefiċjarji fl-ambitu tal-Faċilità u matul il-perjodu tal-appoġġ ipprovdut fl-ambitu tal-Faċilità filwaqt li jitqies kif xieraq il-qafas ta’ politika tat-tkabbir. Il-Kummissjoni għandha tqis ukoll ir-rakkomandazzjonijiet rilevanti ta’ korpi internazzjonali, bħall-Kunsill tal-Ewropa u l-Kummissjoni ta’ Venezja tiegħu, jew l-Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE), fil-proċess ta’ monitoraġġ.

3.   Fir-rigward tal-prekundizzjoni stabbilita fil-punt (b) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni, f’konformità mad-Deċiżjoni 2010/427/UE, għandha tqis kif xieraq ir-rwol u l-kontribut tas-SEAE.

4.   Il-Kummissjoni tista’ tadotta deċiżjoni li tikkonkludi li wħud mill-prekundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu ma jiġux issodisfati, u b’mod partikolari, iżżomm ir-rilaxx ta’ fondi msemmi fl-Artikolu 21, irrispettivament minn jekk il-kundizzjonijiet ta’ pagament imsemmija fl-Artikolu 12(3) humiex issodisfati jew le.

KAPITOLU II

FINANZJAMENT U IMPLIMENTAZZJONI

Artikolu 6

Baġit

1.   Ir-riżorsi li għandhom isiru disponibbli permezz tal-Faċilità, skont il-paragrafi 2 u 3, ma għandhomx jaqbżu EUR 6 000 000 000 għall-perjodu mill-2024 sal-2027.

2.   Il-pakkett finanzjarju għall-implimentazzjoni tal-Faċilità għandu jkun ta’ EUR 2 000 000 000 għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2024 sal-31 ta’ Diċembru 2027, bid-distribuzzjoni li ġejja:

(a)

98,5 % ikunu fil-forma ta’ appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli lill-benefiċjarji għall-implimentazzjoni tal-Aġendi ta’ Riforma;

(b)

1,5 % għan-nefqa skont il-paragrafu 6.

3.   L-appoġġ fil-forma ta’ self għandu jkun disponibbli għal ammont sa EUR 4 000 000 000 għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2024 sal-31 ta’ Diċembru 2027. Dak l-ammont ma għandux jikkostitwixxi parti mill-ammont tal-Garanzija għall-Azzjoni Esterna skont it-tifsira tal-Artikolu 31(4) tar-Regolament (EU) 2021/947.

4.   Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-ammont indikattiv inizjali ta’ finanzjament disponibbli għal kull benefiċjarju, f’konformità mal-metodoloġija stabbilita fl-Anness, fid-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni korrispondenti msemmija fl-Artikolu 15, ikkalkolat fuq il-bażi tal-aħħar data disponibbli fil-jum tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament f’konformità mal-Artikolu 33. L-ammonti indikattivi jistgħu jinbidlu matul l-implimentazzjoni tal-Faċilità f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 21.

5.   Skont l-Artikolu 19 ta’ dan ir-Regolament, l-ammont ta’ fondi disponibbli skont il-Qafas ta’ Investiment għall-Balkani tal-Punent (WBIF) imsemmi fl-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) 2021/1529 għandu jkun tal-inqas 50 % tal-ammont globali stabbilit fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. Dik il-kontribuzzjoni għandha tinkludi l-ammont sħiħ ta’ appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli kif imsemmi fil-paragrafu 2, il-punt (a), ta’ dan l-Artikolu wara li jitnaqqas l-ammont ta’ proviżjonament.

6.   Ir-riżorsi msemmija fil-paragrafu 2, il-punt (b), jistgħu jintużaw għall-assistenza teknika u amministrattiva għall-implimentazzjoni tal-Faċilità, bħall-azzjonijiet preparatorji, il-monitoraġġ, il-kontroll, l-awditjar u l-attivitajiet ta’ evalwazzjoni, li huma meħtieġa għall-ġestjoni tal-Faċilità u għall-ilħuq tal-objettivi tagħha, b’mod partikolari studji, laqgħat ta’ esperti, taħriġ, konsultazzjonijiet mal-awtoritajiet tal-benefiċjarji, konferenzi, konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati, inklużi l-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, attivitajiet ta’ informazzjoni u komunikazzjoni, inklużi azzjonijiet ta’ sensibilizzazzjoni inklużivi, u komunikazzjoni korporattiva tal-prijoritajiet politiċi tal-Unjoni, sa fejn huma relatati mal-objettivi ta’ dan ir-Regolament, l-ispejjeż marbuta man-networks tal-IT li jiffukaw fuq l-ipproċessar u l-iskambju tal-informazzjoni, l-għodod korporattivi tat-teknoloġija tal-informazzjoni, kif ukoll in-nefqiet l-oħrajn kollha fil-kwartieri ġenerali u fid-delegazzjonijiet tal-Unjoni għall-appoġġ amministrattiv u ta’ koordinazzjoni meħtieġ għall-Faċilità. L-ispejjeż jistgħu jkopru wkoll il-kostijiet ta’ attivitajiet li jappoġġaw it-trasparenza u ta’ attivitajiet oħrajn bħall-kontroll tal-kwalità u l-monitoraġġ tal-proġetti jew tal-programmi fil-prattika u l-kostijiet tal-konsulenza bejn il-pari u tal-esperti għall-valutazzjoni u l-implimentazzjoni tar-riformi u tal-investimenti.

Artikolu 7

Implimentazzjoni u forom ta’ finanzjament mill-Unjoni

1.   Il-Faċilità għandha tiġi implimentata f’konformità mar-Regolament Finanzjarju, jew b’ġestjoni diretta jew b’ġestjoni indiretta ma’ kwalunkwe waħda mill-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 62(1), l-ewwel subparagrafu, il-punt (c), ta’ dak ir-Regolament.

2.   Il-finanzjament tal-Unjoni jista’ jiġi pprovdut fi kwalunkwe waħda mill-forom stabbiliti fir-Regolament Finanzjarju, b’mod partikolari l-assistenza finanzjarja, l-għotjiet, l-akkwist u l-operazzjonijiet ta’ taħlit.

3.   Skont il-kapaċità operazzjonali u finanzjarja meħtieġa, l-entità fdata li timplimenta operazzjonijiet ta’ taħlit tista’ tkun il-Grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment, istituzzjonijiet finanzjarji Ewropej multilaterali, bħall-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp, jew istituzzjonijiet finanzjarji Ewropej bilaterali, bħall-banek tal-iżvilupp, jew il-Grupp tal-Bank Dinji. Meta jkun possibbli, l-istituzzjonijiet finanzjarji multilaterali mhux Ewropej jistgħu jipparteċipaw fil-Faċilità permezz ta’ operazzjonijiet konġunti mal-istituzzjonijiet finanzjarji Ewropej. L-implimentazzjoni ta’ operazzjonijiet ta’ taħlit fl-ambitu tal-Faċilità għandha tiġi kkomplementata minn forom addizzjonali ta’ appoġġ finanzjarju minn Stati Membri jew minn partijiet terzi.

Artikolu 8

Regoli dwar l-eliġibbiltà ta’ persuni u entitajiet, dwar l-oriġini tal-provvista u tal-materjali u dwar ir-restrizzjonijiet fl-ambitu tal-Faċilità

1.   Il-parteċipazzjoni fl-akkwist u fil-proċeduri ta’ aġġudikazzjoni ta’ għotjiet għal attivitajiet iffinanzjati fl-ambitu tal-Faċilità għandha tkun miftuħa għal organizzazzjonijiet internazzjonali u reġjonali u għall-persuni fiżiċi kollha li huma ċittadini ta’, u għal persuni ġuridiċi li huma stabbiliti b’mod effettiv fi:

(a)

l-Istati Membri, il-benefiċjarji, il-pajjiżi kandidati u l-partijiet kontraenti tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea;

(b)

il-pajjiżi li jipprovdu livell ta’ appoġġ lill-benefiċjarji komparabbli għal dak ipprovdut mill-Unjoni b’kont meħud tad-daqs tal-ekonomija tagħhom u li għalihom huwa stabbilit aċċess reċiproku għall-assistenza esterna mill-Kummissjoni fil-benefiċjarji.

2.   L-aċċess reċiproku msemmi fil-paragrafu 1, il-punt (b), jista’ jingħata għal perjodu limitat ta’ mill-anqas sena, meta pajjiż jagħti eliġibbiltà fuq termini ugwali lill-entitajiet mill-Unjoni u mill-pajjiżi eliġibbli fl-ambitu tal-Faċilità.

Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar l-aċċess reċiproku wara li tikkonsulta lill-benefiċjarju kkonċernat.

3.   Il-provvisti u l-materjali kollha ffinanzjati u akkwistati fl-ambitu ta’ din il-Faċilità għandhom joriġinaw minn kwalunkwe pajjiż imsemmi fil-paragrafu 1, il-punti (a) u (b), sakemm dawk il-provvisti u l-materjali ma jkunux jistgħu jinkisbu taħt kundizzjonijiet raġonevoli fi kwalunkwe wieħed minn dawk il-pajjiżi. Barra minn hekk, għandhom japplikaw ir-regoli dwar ir-restrizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 6.

4.   Ir-regoli dwar l-eliġibbiltà skont dan l-Artikolu ma għandhomx japplikaw għal, u ma għandhomx joħolqu restrizzjonijiet fuq in-nazzjonalità għal, persuni fiżiċi impjegati jew ikkuntrattati legalment b’mod ieħor minn kuntrattur eliġibbli jew, meta jkun applikabbli, sottokuntrattur ħlief meta r-restrizzjonijiet fuq in-nazzjonalità jkunu bbażati fuq ir-regoli previsti fil-paragrafu 6.

5.   Għal attivitajiet kofinanzjati b’mod konġunt minn entità jew implimentati f’ġestjoni diretta jew indiretta ma’ entitajiet kif imsemmi fl-Artikolu 62(1), l-ewwel subparagrafu, il-punt (c), tar-Regolament Finanzjarju, għandhom japplikaw ukoll ir-regoli applikabbli għal dawk l-entitajiet. Dan huwa mingħajr preġudizzju għar-restrizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu, li għandhom jiġu riflessi kif xieraq fil-ftehimiet konklużi ma’ dawk l-entitajiet.

6.   Ir-regoli ta’ eliġibbiltà u r-regoli dwar l-oriġini tal-provvisti u l-materjali stabbiliti fil-paragrafi 1 u 3 u r-regoli dwar in-nazzjonalità tal-persuni fiżiċi stabbiliti fil-paragrafu 4 jistgħu jkunu ristretti fir-rigward tan-nazzjonalità, il-post ġeografiku jew in-natura tal-entitajiet legali li jipparteċipaw fi proċeduri ta’ għoti, kif ukoll fir-rigward tal-oriġini ġeografika tal-provvisti u l-materjali meta:

(a)

tali restrizzjonijiet ikunu meħtieġa minħabba n-natura speċifika jew l-objettivi tal-attività jew tal-proċedura speċifika ta’ għoti jew meta dawk ir-restrizzjonijiet ikunu meħtieġa għall-implimentazzjoni effettiva tal-attività;

(b)

l-attività jew il-proċeduri speċifiċi ta’ għoti jaffettwaw is-sigurtà jew l-ordni pubbliku, b’mod partikolari fir-rigward tal-assi strateġiċi u l-interessi tal-Unjoni, tal-Istati Membri, jew ta’ kwalunkwe wieħed mill-benefiċjarji, inklużi s-sigurtà, ir-reżiljenza u l-protezzjoni tal-integrità tal-infrastruttura diġitali, inkluża l-infrastruttura tan-network 5G, is-sistemi ta’ komunikazzjoni u informazzjoni, u l-ktajjen tal-provvista relatati.

7.   L-applikanti għall-offerti u l-kandidati minn pajjiżi mhux eliġibbli jistgħu jiġu aċċettati bħala eliġibbli f’każ ta’ urġenza jew meta s-servizzi ma jkunux disponibbli fis-swieq tal-pajjiżi jew tat-territorji kkonċernati, jew f’każijiet oħrajn debitament sostanzjati meta l-applikazzjoni tar-regoli ta’ eliġibbiltà tagħmel it-twettiq ta’ attività impossibbli jew diffiċli ħafna.

Artikolu 9

Ftehim dwar il-Faċilità

1.   Il-Kummissjoni għandha tikkonkludi Ftehim dwar il-Faċilità ma’ kull benefiċjarju għall-implimentazzjoni tal-Faċilità li jistabbilixxi l-obbligi u l-kundizzjonijiet ta’ pagament tal-benefiċjarji għall-iżborż tal-finanzjament tal-Faċilità.

2.   Il-Ftehim dwar il-Faċilità għandu jiġi kkomplementat bi ftehimiet dwar self f’konformità mal-Artikolu 17, li jistabbilixxu dispożizzjonijiet speċifiċi għall-ġestjoni u l-implimentazzjoni tal-finanzjament ipprovdut fil-forom ta’ self. Il-Ftehimiet dwar il-Faċilità, inkluż kwalunkwe dokumentazzjoni relatata, għandhom isiru disponibbli, fuq talba, lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill simultanjament u mingħajr dewmien.

3.   Il-finanzjament għandu jingħata lill-benefiċjarji biss wara li jkunu daħlu fis-seħħ il-Ftehimiet dwar il-Faċilità rispettivi u l-ftehimiet dwar self applikabbli.

4.   Il-Ftehim dwar il-Faċilità u l-ftehimiet dwar self konklużi ma’ kull wieħed mill-benefiċjarji, u l-ftehimiet konklużi ma’ persuna jew ma’ entitajiet li jirċievu fondi tal-Unjoni, għandhom jiżguraw li l-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 129 tar-Regolament Finanzjarju jiġu ssodisfati.

5.   Il-Ftehim dwar il-Faċilità għandu jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet dettaljati meħtieġa rigward:

(a)

l-impenn tal-benefiċarju li jagħmel progress deċiżiv lejn qafas legali robust għall-ġlieda kontra l-frodi, u jistabbilixxi sistemi ta’ kontroll aktar effiċjenti u effettivi, inkluż mekkaniżmi xierqa għall-protezzjoni tal-informaturi kif ukoll mekkaniżmi xierqa u miżuri li jipprevjenu, jidentifikaw u jikkoreġu b’mod effettiv l-irregolaritajiet, il-frodi, il-korruzzjoni u l-kunflitti ta’ interess kif ukoll li jsaħħu l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, il-kriminalità organizzata, il-miżapproprijazzjoni ta’ fondi pubbliċi, il-finanzjament tat-terroriżmu, l-evitar tat-taxxa, il-frodi tat-taxxa jew l-evażjoni tat-taxxa, u attivitajiet illegali oħra li jaffettwaw il-fondi pprovduti fl-ambitu tal-Faċilità;

(b)

ir-regoli dwar ir-rilaxx, iż-żamma, it-tnaqqis u r-ridistribuzzjoni tal-fondi f’konformità mal-Artikolu 21;

(c)

l-attivitajiet relatati mal-ġestjoni, il-kontroll, is-superviżjoni, il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni, ir-rapportar u l-awditjar fl-ambitu tal-Faċilità, kif ukoll ir-rieżamijiet tas-sistema, l-investigazzjonijiet, il-miżuri kontra l-frodi u l-kooperazzjoni;

(d)

ir-regoli dwar ir-rapportar lill-Kummissjoni dwar jekk u kif il-kundizzjonijiet ta’ pagament imsemmija fl-Artikolu 12 humiex issodisfati;

(e)

ir-regoli dwar it-taxxi, id-dazji u l-imposti f’konformità mal-Artikolu 27(9) u (10) tar-Regolament (UE) 2021/947;

(f)

il-miżuri għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni u l-korrezzjoni effettivi ta’ irregolaritajiet, frodi, korruzzjoni u kunflitti ta’ interess, u l-obbligu għall-persuni jew l-entitajiet li jimplimentaw fondi tal-Unjoni fl-ambitu tal-Faċilità li jinnotifikaw mingħajr dewmien lill-Kummissjoni, l-OLAF u, meta jkun applikabbli, l-EPPO dwar każijiet suspettati jew attwali ta’ irregolaritajiet, frodi, korruzzjoni u kunflitti ta’ interess u attivitajiet illegali oħrajn li jaffettwaw il-fondi pprovduti fl-ambitu tal-Faċilità u s-segwitu tagħhom;

(g)

l-obbligi msemmija fl-Artikoli 23 u 24, inklużi r-regoli preċiżi u skeda ta’ żmien dwar il-ġbir tad-data mill-benefiċjarju u l-aċċess tiegħu għall-Kummissjoni, l-OLAF, il-Qorti tal-Awdituri u, meta jkun applikabbli, l-EPPO;

(h)

proċedura biex jiġi żgurat li t-talbiet għall-iżborż għal appoġġ ta’ self jaqgħu taħt l-ammont ta’ self disponibbli, f’konformità mal-Artikolu 6(3);

(i)

id-dritt tal-Kummissjoni li tnaqqas b’mod proporzjonali l-appoġġ ipprovdut fl-ambitu tal-Faċilità u li tirkupra kwalunkwe ammont li jintefaq biex jintlaħqu l-objettivi tal-Faċilità jew li titlob ripagament bikri tas-self, f’każijiet ta’ irregolaritajiet, frodi, korruzzjoni u kunflitti ta’ interess li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni li ma ġewx ikkoreġuti mill-benefiċjarju, jew ta’ ksur serju ta’ obbligu previst fil-Ftehim dwar il-Faċilità;

(j)

ir-regoli u l-modalitajiet għall-benefiċjarji biex jirrapportaw għall-fini li tiġi mmonitorjata l-implimentazzjoni tal-Faċilità u jiġi vvalutat l-ilħuq tal-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 3.

(k)

l-obbligu għall-benefiċjarji li jittrażmettu b’mod elettroniku d-data msemmija fl-Artikolu 22 lill-Kummissjoni.

Artikolu 10

Riporti, pagamenti parzjali annwali, approprjazzjonijiet ta’ impenn

1.   B’deroga mill-Artikolu 12(4) tar-Regolament Finanzjarju, l-approprjazzjonijiet ta’ impenn u ta’ pagament mhux użati fl-ambitu tal-Faċilità għandhom jiġu riportati awtomatikament u jistgħu jiġu impenjati u użati, rispettivament, sal-31 ta’ Diċembru tas-sena finanzjarja ta’ wara. L-ammont riportat għandu jintuża l-ewwel fis-sena finanzjarja ta’ wara.

2.   Il-Kummissjoni għandha tressaq lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill informazzjoni dwar l-approprjazzjonijiet ta’ impenn riportati, inklużi l-ammonti involuti, f’konformità mal-Artikolu 12(6) tar-Regolament Finanzjarju.

3.   Minbarra r-regoli stabbiliti fl-Artikolu 15 tar-Regolament Finanzjarju dwar it-tqegħid tal-approprjazzjonijiet għad-dispożizzjoni mill-ġdid, l-approprjazzjonijiet ta’ impenn li jikkorrispondu għall-ammont ta’ diżimpenji magħmula bħala riżultat tan-nuqqas ta’ implimentazzjoni totali jew parzjali ta’ azzjoni fl-ambitu tal-Faċilità għandhom jerġgħu jsiru disponibbli għall-benefiċċju tal-linja baġitarja tal-oriġini.

4.   L-impenji baġitarji għal azzjonijiet li jestendu għal aktar minn sena finanzjarja waħda jistgħu jinqasmu fuq diversi snin f’pagamenti parzjali annwali, f’konformità mal-Artikolu 112(2) tar-Regolament Finanzjarju.

KAPITOLU III

AĠENDI TA’ RIFORMA

Artikolu 11

Sottomissjoni tal-Aġendi ta’ Riforma

1.   Sabiex jirċievi kwalunkwe appoġġ fl-ambitu tal-Faċilità, kull benefiċjarju għandu jippreżenta lill-Kummissjoni Aġenda ta’ Riforma għad-durata tal-Faċilità, ibbażata fuq il-parti tar-riformi strutturali tal-aħħar Programm ta’ Riforma Ekonomika u l-Gwida tal-Politika Konġunta relatata miftiehma fid-Djalogu Ekonomiku u Finanzjarju f’Mejju 2023, l-istrateġija tat-tkabbir tiegħu, meta jkun applikabbli, il-qafas ta’ politika tat-tkabbir u l-Pjan Ekonomiku u ta’ Investiment għall-Balkani tal-Punent.

2.   L-Aġendi ta’ Riforma għandhom jipprovdu qafas ġenerali biex jintlaħqu l-objettivi ġenerali u speċifiċi stabbiliti fl-Artikolu 3, u jistabbilixxu r-riformi li għandhom jitwettqu mill-benefiċjarju, kif ukoll l-oqsma ta’ investiment. L-Aġendi ta’ Riforma għandhom jinkludu miżuri għall-implimentazzjoni tar-riformi permezz ta’ pakkett komprensiv u koerenti. Fl-oqsma tal-prinċipji fundamentali tal-proċess tat-tkabbir, inklużi l-istat tad-dritt, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, li tinkludi l-korruzzjoni ta’ livell għoli, id-drittijiet fundamentali u l-libertà tal-espressjoni, l-Aġendi ta’ Riforma għandhom jirriflettu l-valutazzjonijiet fil-qafas ta’ politika tat-tkabbir.

3.   L-Aġendi ta’ Riforma għandhom ikunu konsistenti mal-aħħar qafas ta’ politika makroekonomika u fiskali ppreżentat lill-Kummissjoni fil-kuntest tad-Djalogu Ekonomiku u Finanzjarju mal-Unjoni.

4.   L-Aġendi ta’ Riforma għandhom ikunu konsistenti mal-prijoritajiet ta’ riforma identifikati fil-kuntest tal-perkors ta’ adeżjoni tal-benefiċjarju, u f’dokumenti rilevanti oħrajn, bħall-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, il-Pjan Nazzjonali għall-Enerġija u l-Klima, il-Kontribut Stabbilit fil-Livell Nazzjonali skont il-Ftehim ta’ Pariġi u l-ambizzjoni li tinkiseb in-newtralità klimatika sa mhux aktar tard mill-2050, u jappoġġawhom.

5.   L-Aġendi ta’ Riforma għandhom jirrispettaw il-prinċipji ġenerali stabbiliti fl-Artikolu 4.

6.   L-Aġendi ta’ Riforma għandhom jitħejjew b’mod inklużiv u trasparenti, f’konsultazzjoni mas-sħab soċjali u mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.

7.   Il-Kummissjoni għandha tistieden lill-benefiċjarji jippreżentaw l-Aġendi ta’ Riforma rispettivi tagħhom fi żmien 3 xhur mid-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni għandha tittrażmetti l-Aġendi ta’ Riforma tal-benefiċjarji lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill hekk kif il-Kummissjoni tirċevihom.

8.   Fil-każ li ridistribuzzjoni tal-appoġġ fl-ambitu tal-Faċilità twassal biex benefiċjarju jirċievi appoġġ addizzjonali, il-Kummissjoni għandha tistieden lil dak il-benefiċjarju jippreżenta Aġenda ta’ Riforma emendata għad-durata li jifdal tal-Faċilità fi żmien tliet xhur. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill qabel ma tieħu xi deċiżjoni dwar ir-ridistribuzzjoni.

Artikolu 12

Prinċipji għall-finanzjament skont l-Aġendi ta’ Riforma

1.   Il-Faċilità għandha tipprovdi inċentivi għall-implimentazzjoni tal-Aġenda ta’ Riforma ta’ kull benefiċjarju billi tistabbilixxi kundizzjonijiet ta’ pagament fuq ir-rilaxx tal-fondi. Dawk il-kundizzjonijiet ta’ pagament għandhom japplikaw għal fondi skont l-Artikolu 6(2), il-punt (a), u l-Artikolu 6(3) u għandhom jieħdu l-forma ta’ passi kwalitattivi jew kwantitattivi li jistgħu jitkejlu. Tali passi għandhom jirriflettu l-progress fuq riformi soċjoekonomiċi speċifiċi u fuq il-prinċipji fundamentali tal-proċess tat-tkabbir marbuta mal-ilħuq tal-objettivi tal-Faċilità stabbiliti fl-Artikolu 3, konsistenti mal-qafas ta’ politika tat-tkabbir.

L-ilħuq ta’ dawk il-kundizzjonijiet ta’ pagament għandu jwassal għal rilaxx sħiħ jew parzjali ta’ fondi, skont il-grad tat-tlestija tagħhom.

2.   Fir-rigward tal-finanzjament implimentat permezz tal-fond imsemmi fl-Artikolu 19, l-issodisfar tal-kundizzjonijiet ta’ pagament imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandu jikkostitwixxi validazzjoni preliminari. Il-fondi għandhom jitħallsu wara li jirċievu talba għall-pagament mill-maniġers tal-fondi tal-fond konġunt stabbilit skont id-WBIF biex jirċievu l-kontribuzzjonijiet tad-donaturi.

3.   L-istabbiltà makrofinanzjarja, il-ġestjoni finanzjarja pubblika tajba, it-trasparenza u s-sorveljanza tal-baġit huma kundizzjonijiet ġenerali għall-pagamenti li għandhom jiġu ssodisfati għal kwalunkwe rilaxx ta’ fondi.

4.   Il-fondi fl-ambitu tal-Faċilità ma għandhomx jappoġġaw attivitajiet jew miżuri li jfixklu l-ftehimiet ta’ paċi fir-reġjun.

Artikolu 13

Kontenut tal-Aġendi ta’ Riforma

1.   L-Aġendi ta’ Riforma għandhom b’mod partikolari jistabbilixxu l-elementi li ġejjin, li għandhom ikunu motivati u sostanzjati:

(a)

miżuri li jikkostitwixxu rispons koerenti, komprensiv u bbilanċjat b’mod adegwat għall-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 3, inklużi r-riformi strutturali, l-investimenti, u miżuri biex tiġi żgurata l-konformità mal-prekundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 5, meta jkun xieraq;

(b)

spjegazzjoni ta’ kif il-miżuri huma konsistenti mal-prinċipji ġenerali msemmija fl-Artikolu 4, kif ukoll ir-rekwiżiti, l-istrateġiji, il-pjanijiet u l-programmi msemmija fl-Artikoli 4 u 11;

(c)

spjegazzjoni ta’ kif il-miżuri huma mistennija jkomplu jsaħħu l-prinċipji fundamentali tal-proċess tat-tkabbir kif imsemmi fl-Artikolu 3(2), il-punt (a), inklużi l-istat tad-dritt, id-drittijiet fundamentali u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni;

(d)

lista indikattiva ta’ proġetti u programmi ta’ investiment maħsuba għall-finanzjament fl-ambitu tad-WBIF, inklużi l-volumi ta’ investiment ġenerali rispettivi u l-iskedi ta’ żmien previsti għall-implimentazzjoni;

(e)

spjegazzjoni tal-punt sa fejn il-miżuri huma mistennija jikkontribwixxu għall-objettivi klimatiċi u ambjentali u l-kompatibbiltà tagħhom mal-prinċipju “la tagħmilx ħsara sinifikanti”;

(f)

spjegazzjoni tal-punt sa fejn il-miżuri huma mistennija jikkontribwixxu għat-trasformazzjoni diġitali;

(g)

spjegazzjoni tal-punt sa fejn il-miżuri huma mistennija jikkontribwixxu għall-objettivi tal-edukazzjoni, tat-taħriġ, tal-impjieg u soċjali;

(h)

spjegazzjoni tal-punt sa fejn il-miżuri huma mistennija jikkontribwixxu għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa u tal-bniet, u l-promozzjoni tad-drittijiet tan-nisa u tal-bniet;

(i)

għar-riformi u l-investimenti, skeda ta’ żmien indikattiva, u l-kundizzjonijiet previsti ta’ pagament għar-rilaxx ta’ fondi fil-forma ta’ passi kwalitattivi u kwantitattivi li jistgħu jitkejlu li huma ppjanati li jiġu implimentati sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Awwissu 2027;

(j)

spjegazzjoni ta’ kif il-miżuri huma mistennija jikkontribwixxu għal allinjament progressiv u kontinwu mal-PESK, inklużi l-miżuri restrittivi tal-Unjoni;

(k)

l-arranġamenti għall-monitoraġġ, ir-rapportar u l-evalwazzjoni effettivi tal-Aġenda ta’ Riforma mill-benefiċjarju, inklużi l-passi kwalitattivi u kwantitattivi proposti li jistgħu jitkejlu u l-indikaturi rilevanti stabbiliti fil-paragrafu 2;

(l)

spjegazzjoni tas-sistema tal-benefiċjarju biex effettivament jipprevjeni, jidentifika u jikkoreġi l-irregolaritajiet, il-frodi, il-korruzzjoni, li tinkludi l-korruzzjoni ta’ livell għoli, u l-kunflitti ta’ interess u biex jinforza r-regoli dwar il-kontroll tal-għajnuna mill-Istat, u l-miżuri proposti biex jiġu indirizzati nuqqasijiet eżistenti fl-ewwel snin tal-implimentazzjoni tal-Aġenda ta’ Riforma;

(m)

għat-tħejjija u, meta jkun il-każ, għall-implimentazzjoni tal-Aġendi ta’ Riforma, sommarju tal-proċess ta’ konsultazzjoni, imwettaq f’konformità mal-qafas legali tal-benefiċjarji, tal-partijiet ikkonċernati rilevanti, inklużi l-parlamenti tal-benefiċjarji, il-korpi u l-awtoritajiet rappreżentattivi lokali u reġjonali, is-sħab soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, u l-mod kif il-kontribut ta’ dawk il-partijiet ikkonċernati huwa rifless fl-Aġendi ta’ Riforma;

(n)

pjan ta’ komunikazzjoni u viżibbiltà dwar l-Aġendi ta’ Riforma għall-udjenzi lokali tal-benefiċjarji;

(o)

kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra.

2.   L-Aġendi ta’ Riforma għandhom ikunu bbażati fuq ir-riżultati u jinkludu indikaturi għall-valutazzjoni tal-progress lejn l-ilħuq tal-objettivi ġenerali u speċifiċi stabbiliti fl-Artikolu 3. Dawk l-indikaturi għandhom ikunu bbażati, meta jkun xieraq u rilevanti, fuq indikaturi miftiehma fil-livell internazzjonali u dawk li diġà huma disponibbli relatati mal-politiki tal-benefiċjarji. L-indikaturi għandhom ikunu wkoll koerenti, sa fejn ikun possibbli, mal-indikaturi korporattivi ewlenin inklużi fil-Qafas tar-Riżultati tal-IPA III, fil-Qafas ta’ Kejl tar-Riżultati tal-EFSD+ u fid-WBIF.

Artikolu 14

Valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-Aġendi ta’ Riforma

1.   Il-Kummissjoni għandha tivvaluta r-rilevanza, il-komprensività u l-adegwatezza tal-Aġenda ta’ Riforma ta’ kull benefiċjarju jew, meta jkun applikabbli, kwalunkwe emenda għal dik l-Aġenda, mingħajr dewmien żejjed. Meta twettaq il-valutazzjoni tagħha, il-Kummissjoni għandha taġixxi f’kooperazzjoni mill-qrib mal-benefiċjarju kkonċernat, u tista’ tagħmel osservazzjonijiet, tfittex informazzjoni addizzjonali jew teħtieġ lill-benefiċjarju jirrieżamina jew jimmodifika l-Aġendi ta’ Riforma tiegħu.

2.   Fir-rigward tal-objettiv stabbilit fl-Artikolu 13(1)(j) ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni, f’konformità mad-Deċiżjoni 2010/427/UE, għandha tqis kif xieraq ir-rwol u l-kontribut tas-SEAE.

3.   Meta tivvaluta l-Aġendi ta’ Riforma, il-Kummissjoni għandha tqis l-informazzjoni analitika disponibbli rilevanti dwar il-benefiċjarju, inklużi s-sitwazzjoni makroekonomika u s-sostenibbiltà tad-dejn tiegħu, il-ġustifikazzjoni u l-elementi pprovduti mill-benefiċjarju kif imsemmi fl-Artikolu 13, kif ukoll kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra bħall-informazzjoni elenkata fl-Artikolu 11.

4.   Fil-valutazzjoni tagħha, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra b’mod partikolari l-kriterji li ġejjin:

(a)

jekk l-Aġenda ta’ Riforma tirrappreżentax rispons rilevanti, komprensiv, koerenti u bbilanċjat b’mod adegwat għall-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 3 u l-elementi stabbiliti fl-Artikolu 13;

(b)

jekk l-Aġenda ta’ Riforma u l-miżuri tagħha humiex konsistenti mal-prinċipji, l-istrateġiji, il-pjanijiet u l-programmi msemmija fl-Artikoli 4 u 11;

(c)

jekk l-Aġenda ta’ Riforma tistax tkun mistennija taċċellera l-progress lejn it-tnaqqis tad-distakk soċjoekonomiku bejn il-benefiċjarju u l-Unjoni, u b’hekk ittejjeb l-iżvilupp ekonomiku, soċjali u ambjentali tagħhom u tappoġġa l-konverġenza lejn l-istandards tal-Unjoni, tappoġġa l-inugwaljanzi u ssaħħaħ il-koeżjoni soċjali;

(d)

jekk l-Aġenda ta’ Riforma tistax tkun mistennija ssaħħaħ ulterjorment il-prinċipji fundamentali tal-proċess tat-tkabbir kif imsemmi fl-Artikolu 3(2), il-punt (a);

(e)

jekk l-Aġenda ta’ Riforma tistax tkun mistennija taċċellera t-tranżizzjoni tal-benefiċjarji lejn ekonomiji sostenibbli, newtrali għall-klima u reżiljenti għall-klima u inklużivi billi ttejjeb il-konnettività reġjonali, tagħmel progress fit-tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali, inkluża l-bijodiversità, tnaqqas id-dipendenzi strateġiċi u tagħti spinta lir-riċerka u lill-innovazzjoni, lill-edukazzjoni, lit-taħriġ, lill-impjiegi u lill-ħiliet u lis-suq tax-xogħol usa’, b’mod partikolari attenzjoni fuq iż-żgħażagħ;

(f)

jekk il-miżuri inklużi fl-Aġenda ta’ Riforma humiex kompatibbli mal-prinċipji ta’ “la tagħmilx ħsara sinifikanti” u ta’ “ħadd ma jitħalla jibqa’ lura”

(g)

jekk l-Aġenda ta’ Riforma tindirizzax b’mod xieraq ir-riskji potenzjali f’konformità mal-prekundizzjonijiet u l-kundizzjonijiet ta’ pagament;

(h)

jekk il-kundizzjonijiet ta’ pagament proposti mill-benefiċjarju humiex xierqa u ambizzjużi, konsistenti mal-qafas ta’ politika tat-tkabbir, kif ukoll sinifikanti u ċari biżżejjed biex jippermettu r-rilaxx korrispondenti ta’ fondi f’każ li jiġu ssodisfati u jekk l-indikaturi tar-rapportar proposti humiex xierqa u suffiċjenti biex jimmonitorjaw u jirrapportaw dwar il-progress li sar lejn l-objettivi ġenerali;

(i)

jekk l-arranġamenti proposti mill-benefiċjarju humiex mistennija jipprevjenu, jidentifikaw u jikkoreġu b’mod effettiv irregolaritajiet, frodi, korruzzjoni u kunflitti ta’ interess, kriminalità organizzata u ħasil tal-flus kif ukoll jinvestigaw b’mod effettiv u jipproċessaw reati kriminali li jaffettwaw il-fondi fl-ambitu tal-Faċilità, u jiżguraw li ma jkun hemm l-ebda finanzjament doppju mill-Faċilità u minn programmi oħrajn tal-Unjoni, b’mod partikolari appoġġ ipprovdut skont ir-Regolament (UE) 2021/1529, kif ukoll minn donaturi oħrajn mill-Faċilità u minn programmi oħrajn tal-Unjoni kif ukoll minn donaturi oħrajn;

(j)

jekk l-Aġenda ta’ Riforma tirriflettix b’mod effettiv il-kontributi tal-partijiet ikkonċernati rilevanti, inklużi l-parlamenti tal-benefiċjarji, il-korpi u l-awtoritajiet rappreżentattivi lokali u reġjonali, is-sħab soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.

5.   Għall-finijiet tal-valutazzjoni tal-Aġendi ta’ Riforma ppreżentati mill-benefiċjarji, il-Kummissjoni tista’ tiġi megħjuna minn esperti indipendenti.

Artikolu 15

Deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni

1.   Fil-każ ta’ valutazzjoni pożittiva, il-Kummissjoni għandha tapprova permezz ta’ deċiżjoni ta’ implimentazzjoni l-Aġenda ta’ Riforma ppreżentata mill-benefiċjarju, f’konformità mal-Artikolu 14 jew, meta applikabbli, tal-Aġendi emendati ppreżentati f’konformità mal-Artikolu 16. Dik id-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni għandha tiġi adottata f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 31.

2.   Id-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni għandha tistabbilixxi r-riformi li għandhom jiġu implimentati mill-benefiċjarju, l-oqsma ta’ investiment li għandhom jiġu appoġġati u l-kundizzjonijiet ta’ pagament li jirriżultaw mill-Aġenda ta’ Riforma, inkluża l-iskeda ta’ żmien indikattiva.

3.   Id-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni għandha tistabbilixxi wkoll:

(a)

L-ammont indikattiv ta’ fondi globali disponibbli għall-benefiċjarju, u l-pagamenti parzjali skedati li għandhom jiġu rilaxxati inkluż il-prefinanzjament, strutturati f’konformità mal-Artikolu 13, ladarba l-benefiċjarju jkun kiseb l-issodisfar xieraq tal-kundizzjonijiet ta’ pagament rilevanti fil-forma ta’ passi kwalitattivi u kwantitattivi identifikati fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Aġenda ta’ Riforma;

(b)

id-diżaggregazzjoni skont il-pagament parzjali ta’ finanzjament bejn l-appoġġ għas-self u l-appoġġ mhux ripagabbli;

(c)

il-limitu ta’ żmien sa meta jridu jitlestew il-kundizzjonijiet finali ta’ pagament għar-riformi;

(d)

l-arranġamenti u l-iskeda ta’ żmien għall-monitoraġġ, għar-rapportar u għall-implimentazzjoni tal-Aġenda ta’ Riforma, inkluż, meta jkun xieraq, permezz ta’ skrutinju demokratiku kif imsemmi fl-Artikolu 4(8) kif ukoll, meta rilevanti, il-miżuri meħtieġa għall-konformità mal-Artikolu 25;

(e)

l-indikaturi msemmija fl-Artikolu 13(2) għall-valutazzjoni tal-progress lejn l-ilħuq tal-objettivi ġenerali u speċifiċi stabbiliti fl-Artikolu 3;

Artikolu 16

Emendi għall-Aġendi ta’ Riforma

1.   Meta l-Aġenda ta’ Riforma, inklużi l-kundizzjonijiet ta’ pagament rilevanti, ma tkunx għadha tista’ tinkiseb mill-benefiċjarju, parzjalment jew totalment, minħabba ċirkostanzi oġġettivi, il-benefiċjarju jista’ jipproponi Aġenda ta’ Riforma emendata. F’dak il-każ, il-benefiċjarju jista’ jagħmel talba motivata lill-Kummissjoni biex temenda d-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tiegħu msemmija fl-Artikolu 15(1).

2.   Il-Kummissjoni tista’ temenda d-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni, b’mod partikolari biex tqis bidla fl-ammonti disponibbli f’konformità mal-prinċipji skont l-Artikolu 21.

3.   Meta l-Kummissjoni tqis li r-raġunijiet imressqa mill-benefiċjarju jiġġustifikaw emenda għall-Aġenda ta’ Riforma tagħha, il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-Aġenda emendata f’konformità mal-Artikolu 14 u tista’ temenda d-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 15(1) mingħajr dewmien żejjed.

4.   F’emenda, il-Kummissjoni tista’ taċċetta skedi ta’ żmien għall-kundizzjonijiet ta’ pagament li jestendu għall-2028. Dan ma jaffettwax l-iskadenza finali stabbilita fl-Artikolu 21(9).

Artikolu 17

Ftehim ta’ self, operazzjonijiet ta’ għoti u teħid b’self

1.   Sabiex jiġi ffinanzjat l-appoġġ fl-ambitu tal-Faċilità fil-forma ta’ self, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa, f’isem l-Unjoni, li tissellef il-fondi meħtieġa fis-swieq kapitali jew minn istituzzjonijiet finanzjarji f’konformità mal-Artikolu 220a tar-Regolament Finanzjarju.

2.   B’deroga mill-Artikolu 220(4) tar-Regolament Finanzjarju, l-iżborżi tas-self jistgħu jiġu implimentati permezz tad-WBIF f’isem il-benefiċjarju. L-ammonti rkuprati għandhom jiġu ttrasferiti lill-benefiċjarju.

3.   Il-Kummissjoni għandha tidħol fi ftehim ta’ self mal-benefiċjarju. Il-ftehim ta’ self għandu jistabbilixxi l-ammont massimu ta’ self, il-perjodu ta’ disponibbiltà u t-termini u l-kundizzjonijiet dettaljati tal-appoġġ fl-ambitu tal-Faċilità fil-forma ta’ self. Is-self għandu jkollu durata massima ta’ 40 sena mid-data tal-iffirmar tal-ftehim ta’ self.

Minbarra u b’deroga mill-Artikolu 220(5) tar-Regolament Finanzjarju, il-ftehim ta’ self għandu jkun fih l-ammont ta’ prefinanzjament u regoli dwar l-ikklerjar ta’ prefinanzjament.

Fir-rigward tal-ammonti ta’ self implimentati permezz tal-WBIF, il-ftehim ta’ self għandu wkoll:

(a)

jipprevedi li l-benefiċjarju jawtorizza b’mod irrevokabbli u mingħajr kundizzjonijiet lill-Kummissjoni biex tħallas żborżi lill-entità li timplimenta l-fond fuq talba minn dik l-entità u li l-Kummissjoni tiġi lliberata mill-obbligi ta’ pagament tagħha lejn il-benefiċjarju billi tħallas lil dik l-entità;

(b)

jipprevedi l-obbligu tal-benefiċjarju li jħallas il-kostijiet tal-implimentazzjoni u kwalunkwe tariffa dovuta fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-fond f’konformità mal-kundizzjonijiet miftiehma bejn il-Kummissjoni u l-entità li timplimenta l-fond.

4.   Il-ftehim ta’ self għandu jsir disponibbli, fuq talba, lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

Artikolu 18

Proviżjonament

1.   Skont l-Artikolu 211(1) tar-Regolament Finanzjarju, għandu jiġi kkostitwit proviżjonament għas-self skont dan ir-Regolament bir-rata ta’ 9 % meta jsir disponibbli kwalunkwe fond li jaqa’ taħt l-Artikolu 6(3) ta’ dan ir-Regolament. Il-proviżjonament għandu jkun magħmul mill-pakkett imsemmi fl-Artikolu 6(2), il-punt (a), ta’ dan ir-Regolament.

L-impenji baġitarji għall-proviżjonament għandhom isiru sal-31 ta’ Diċembru 2027. B’deroga mill-Artikolu 211(2), l-aħħar sentenza tar-Regolament Finanzjarju, il-proviżjonament għandu jitħallas progressivament u kompletament ikkostitwit mhux aktar tard minn meta s-self jiġi żborżat kompletament.

2.   Il-proviżjonament għandu jitħallas lill-fond ta’ proviżjonament komuni permezz ta’ linja baġitarja speċifika u jitħallas bħala parti mid-dispożizzjonijiet li jappoġġaw riskji simili. Ir-rata ta’ proviżjonament għandha tiġi rieżaminata tal-inqas darba kull tliet snin mit-24 ta’ Mejju 2024.

3.   Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta att delegat f’konformità mal-Artikolu 30 biex temenda r-rata ta’ proviżjonament filwaqt li tapplika l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 211(2) tar-Regolament Finanzjarju.

Artikolu 19

Implimentazzjoni ta’ proġetti u programmi ta’ investiment taħt il-Qafas ta’ Investiment għall-Balkani tal-Punent

1.   Sabiex jibbenefikaw mill-ingranaġġ tal-appoġġ finanzjarju tal-Unjoni biex jattiraw investiment addizzjonali, l-investimenti fl-infrastruttura li jappoġġaw l-Aġendi ta’ Riforma għandhom jiġu implimentati permezz tad-WBIF.

2.   Id-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni msemmija fl-Artikolu 15 għandha tistabbilixxi l-ammont tal-fondi li għandu jsir disponibbli għall-użu fl-ambitu tad-WBIF.

3.   Il-Kummissjoni għandha tippreżenta proposti rilevanti ta’ proġetti jew programmi ta’ investiment għall-opinjoni tal-Bord Operazzjonali tad-WBIF imsemmi fl-Artikolu 35(8) tar-Regolament (UE) 2021/947 wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 21(3) ta’ dan ir-Regolament.

4.   Tal-inqas 37 % tal-appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli li jgħaddi mid-WBIF għandu jqis l-objettivi klimatiċi.

5.   Il-finanzjament fl-ambitu tal-Faċilità pprovdut mill-pakkett finanzjarju msemmi fl-Artikolu 6(2) il-punt (a), wara t-tnaqqis tal-ammont ta’ proviżjonament, għandu jiġi implimentat skont ġestjoni indiretta b’kunsiderazzjoni ta’ sensiela ta’ investimenti u għandu jiġi pprovdut gradwalment permezz ta’ kontribuzzjonijiet imħallsa fil-fond konġunt stabbilit skont id-WBIF għall-kontribuzzjonijiet tad-donaturi riċeventi.

6.   Dan il-finanzjament ma għandux isir disponibbli għal investimenti li għandhom jiġu appoġġati mill-fond konġunt sakemm tiġi adottata d-deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 21(3).

7.   Il-finanzjament fl-ambitu tal-Faċilità pprovdut mis-self kif imsemmi fl-Artikolu 6(5) ta’ dan ir-Regolament, għandu jsir disponibbli permezz tad-WBIF taħt il-ftehim ta’ self bejn il-Kummissjoni u l-benefiċjarji f’konformità mal-Artikolu 17(2) ta’ dan ir-Regolament. Flimkien għall-ftehimiet kollha dwar self, għandu jkun hemm massimu ta’ 12-il talba għall-iżborżi kull sena mill-maniġers tal-fondi tal-fond konġunt imsemmi fl-Artikolu 12(2) ta’ dan ir-Regolament lill-Kummissjoni. Il-proġetti u l-programmi ta’ investiment jistgħu jirċievu appoġġ minn żewġ sorsi ta’ finanzjament, kif imsemmi fil-paragrafi 2 u 3 tal-Artikolu 6 ta’ dan ir-Regolament, kif ukoll minn programmi u strumenti oħrajn tal-Unjoni, soġġetti għal dak l-appoġġ minn sorsi, programmi u strumenti differenti u li jipprevedi addizzjonalità u ma jkoprix l-istess kost. Għal kull proġett jew programm ta’ investiment, il-Kummissjoni għandha tipprovdi valutazzjoni lill-Bord Operazzjonali tad-WBIF, inkluż dwar is-sinerġiji u l-komplementarjetajiet ma’ programmi oħra tal-Unjoni, b’mod partikolari l-appoġġ ipprovdut fl-ambitu tar-Regolament (UE) 2021/1529, bil-ħsieb li tiġi evitata d-duplikazzjoni tal-assistenza u l-finanzjament doppju.

Artikolu 20

Prefinanzjament

1.   Wara s-sottomissjoni tal-Aġenda ta’ Riforma lill-Kummissjoni, il-benefiċjarju jista’ jitlob ir-rilaxx ta’ prefinanzjament sa 7 % tal-ammont totali previst fl-ambitu ta’ din il-Faċilità f’konformità mal-Artikolu 6(4).

2.   Il-Kummissjoni tista’ tirrilaxxa l-prefinanzjament mitlub wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tagħha msemmija fl-Artikolu 15 u d-dħul fis-seħħ tal-Ftehim dwar il-Faċilità u tal-ftehim ta’ self imsemmi fl-Artikoli 9 u 17 rispettivament. Il-fondi għandhom jiġu rilaxxati f’konformità mal-Artikolu 21(3), l-ewwel sentenza, u soġġetti għar-rispett tal-prekundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 5.

3.   Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar il-perjodu ta’ żmien għall-iżborż tal-prefinanzjament, li jista’ jiġi żborżat f’segment wieħed jew aktar.

Artikolu 21

Valutazzjoni tal-issodisfar tal-kundizzjonijiet ta’ pagament, iż-żamma, it-tnaqqis u r-ridistribuzzjoni tal-fondi, regoli dwar il-pagament

1.   Darbtejn fis-sena, il-benefiċjarju għandu jippreżenta talba debitament ġustifikata għar-rilaxx ta’ fondi fir-rigward ta’ kundizzjonijiet ta’ pagament issodisfati relatati mal-passi kwantitattivi u kwalitattivi kif stabbilit fl-Aġendi ta’ Riforma.

2.   Il-Kummissjoni għandha tivvaluta mingħajr dewmien żejjed jekk il-benefiċjarju jkunx issodisfa l-prekundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 5 u l-prinċipji għall-finanzjament stabbiliti fl-Artikolu 12(3) u kiseb l-issodisfar xieraq tal-kundizzjonijiet ta’ pagament stabbiliti fid-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni msemmija fl-Artikolu 15(1). L-issodisfar xieraq ta’ dawk il-kundizzjonijiet ta’ pagament għandu jippresupponi li l-miżuri relatati mal-istess riformi li għalihom il-benefiċjarju jkun kiseb eżekuzzjoni sodisfaċenti f’deċiżjonijiet preċedenti ma jkunux ġew imreġġgħin lura mill-benefiċjarju. Il-Kummissjoni tista’ tiġi assistita minn esperti, inklużi esperti mill-Istati Membri.

3.   Meta l-Kummissjoni tagħmel valutazzjoni pożittiva tat-twettiq sodisfaċenti tal-kundizzjonijiet kollha applikabbli, għandha tadotta mingħajr dewmien żejjed deċiżjoni li tawtorizza r-rilaxx ta’ fondi li jikkorrispondu għal dawk il-kundizzjonijiet. Dik id-deċiżjoni għandha, f’konformità mal-Artikolu 6(5), tistabbilixxi l-ammont ta’ fondi li għandhom isiru disponibbli bħala assistenza finanzjarja, li jiġu mgħoddija direttament lit-teżori tal-benefiċjarji u l-ammont li għandu jsir disponibbli permezz tad-WBIF. Fir-rigward ta’ dawk l-ammonti, id-deċiżjoni għandha tikkostitwixxi l-kundizzjoni msemmija fl-Artikolu 12 għall-ammont ta’ fondi li għandhom isiru disponibbli bħala assistenza finanzjarja li tingħadda direttament lit-teżori tal-benefiċjarji u l-validazzjoni preliminari msemmija fl-Artikolu 12 għall-ammont li għandu jsir disponibbli permezz tad-WBIF.

4.   Meta l-Kummissjoni tagħmel valutazzjoni negattiva tal-issodisfar ta’ kwalunkwe kundizzjoni skont l-iskeda ta’ żmien indikattiva, ir-rilaxx ta’ fondi li jikkorrispondu għal tali kundizzjonijiet għandu jinżamm. L-ammonti miżmuma jistgħu jiġu rilaxxati biss meta l-benefiċjarju jkun debitament iġġustifika, bħala parti mit-talba sussegwenti għar-rilaxx ta’ fondi, li jkun ħa l-miżuri meħtieġa biex jiżgura l-issodisfar xieraq tal-kundizzjonijiet korrispondenti.

5.   Meta l-Kummissjoni tikkonkludi li l-benefiċjarju ma jkunx ħa l-miżuri meħtieġa f’perjodu ta’ 12-il xahar mill-valutazzjoni negattiva inizjali msemmija fil-paragrafu 4, il-Kummissjoni għandha tnaqqas l-ammont tal-appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli u tas-self b’mod proporzjonali għall-parti li tikkorrispondi għall-kundizzjonijiet ta’ pagament rilevanti. Matul l-ewwel sena tal-implimentazzjoni, għandha tapplika skadenza ta’ 24 xahar, ikkalkolata mill-valutazzjoni negattiva inizjali msemmija fil-paragrafu 4. Il-benefiċjarju jista’ jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu fi żmien xahrejn mill-komunikazzjoni lilhom tal-konklużjonijiet tal-Kummissjoni.

6.   Kwalunkwe ammont li jikkorrispondi għall-kundizzjonijiet ta’ pagament li ma jkunux ġew issodisfati sal-31 ta’ Diċembru 2028 ma għandux ikun dovut lill-benefiċjarji u għandu jiġi diżimpenjat, jew kkanċellat mill-ammont disponibbli ta’ appoġġ għas-self, kif xieraq.

7.   Il-Kummissjoni tista’ tnaqqas l-ammont tal-appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli, inkluż permezz ta’ tpaċija f’konformità mal-Artikolu 102 tar-Regolament Finanzjarju, jew tas-self, fil-każ ta’ każijiet identifikati ta’, jew tħassib serju fir-rigward ta’ irregolaritajiet, frodi, korruzzjoni u kunflitti ta’ interess li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni li ma ġewx ikkoreġuti mill-benefiċjarju, jew ksur serju ta’ obbligu li jirriżulta mill-Ftehimiet dwar il-Faċilità jew mill-ftehimiet ta’ self, inkluż abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-OLAF jew mir-rapporti tal-Qorti tal-Awdituri. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill qabel ma tieħu xi deċiżjoni dwar dan it-tnaqqis.

8.   Il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li tqassam mill-ġdid kwalunkwe ammont imnaqqas skont il-paragrafu 6 jew 7 ta’ dan l-Artikolu fost benefiċjarji oħrajn tal-Faċilità billi temenda d-deċiżjonijiet ta’ implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 15.

9.   Għall-parti tal-finanzjament tal-Faċilità mħallsa bħala assistenza finanzjarja, li tingħadda direttament lejn it-teżori tal-benefiċjarji, permezz ta’ deroga mill-Artikolu 116(2) tar-Regolament Finanzjarju, l-iskadenza għall-pagament kif imsemmi fl-Artikolu 116(1), il-punt (a), tar-Regolament Finanzjarju għandu jibda jiddekorri mid-data tal-komunikazzjoni tad-deċiżjoni li tawtorizza l-iżborż lill-benefiċjarju skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu.

10.   L-Artikolu 116(5) tar-Regolament Finanzjarju ma għandux japplika għall-pagamenti magħmula bħala assistenza finanzjarja, mgħoddija direttament lit-teżori tal-benefiċjarji skont dan l-Artikolu u l-Artikolu 23 ta’ dan ir-Regolament.

11.   Il-pagamenti ta’ appoġġ finanzjarju mhux pagabbli u tas-self fl-ambitu ta’ dan l-Artikolu għandhom isiru f’konformità mal-approprjazzjonijiet tal-baġit, kif stabbilit fil-proċedura baġitarja annwali, u soġġetti għall-finanzjament disponibbli, rispettivament. Il-fondi għandhom jitħallsu f’pagamenti parzjali. Pagament parzjali jista’ jitħallas f’segment wieħed jew aktar.

12.   L-ammont li jsir disponibbli bħala assistenza finanzjarja, li jingħadda direttament lit-teżori tal-benefiċjarji, għandu jitħallas wara d-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 3 f’konformità mal-ftehim ta’ self.

13.   Il-pagament ta’ kwalunkwe ammont tal-appoġġ fil-forma ta’ self, kemm jekk jingħadda direttament lit-teżori tal-benefiċjarji kif ukoll permezz tad-WBIF, għandu jkun soġġett għas-sottomissjoni mill-benefiċjarju ta’ talba għall-pagament fil-forma stabbilita fil-ftehim ta’ self.

14.   L-ammont li jsir disponibbli permezz tad-WBIF għandu jitħallas wara d-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 3, wara t-talba għall-pagament imsemmija fil-paragrafu 13 u wara li tasal talba għall-pagament mill-maniġers tal-fondi tal-fond konġunt stabbilit skont id-WBIF biex jirċievi l-kontribuzzjonijiet tad-donaturi.

Artikolu 22

Trasparenza fir-rigward ta’ persuni jew entitajiet li jirċievu finanzjament għall-implimentazzjoni tal-Aġendi ta’ Riforma

1.   Il-benefiċjarji għandhom jippubblikaw data aġġornata dwar ir-riċevituri finali li jirċievu ammonti ta’ finanzjament li jaqbżu l-ekwivalenti ta’ EUR 50 000 b’mod kumulattiv matul il-perjodu ta’ erba’ snin għall-implimentazzjoni tar-riformi u l-investimenti fl-ambitu ta’ din il-Faċilità.

2.   Għar-riċevituri finali msemmija fil-paragrafu 1, l-informazzjoni li ġejja għandha tiġi ppubblikata f’format li jinqara mill-magni fuq paġna web, ikklassifikata skont il-fondi totali riċevuti, filwaqt li jiġu debitament ikkunsidrati r-rekwiżiti ta’ kunfidenzjalità u ta’ sigurtà, b’mod partikolari l-protezzjoni ta’ data personali:

(a)

fil-każ ta’ persuna ġuridika, l-isem ġuridiku sħiħ tar-riċevitur u n-numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT jew in-numru ta’ identifikazzjoni tat-taxxa, meta disponibbli, jew identifikatur uniku ieħor stabbilit mil-leġiżlazzjoni applikabbli għall-persuna ġuridika;

(b)

fil-każ ta’ persuna fiżika, l-isem/ismijiet u l-kunjom/kunjomijiet tar-riċevitur;

(c)

l-ammont li rċieva r-riċevitur u r-riformi u l-investimenti taħt l-Aġendi ta’ Riforma li għall-implimentazzjoni tagħhom dan l-ammont jikkontribwixxi.

3.   L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 ma għandhiex tiġi ppubblikata meta d-divulgazzjoni tirriskja li thedded id-drittijiet u l-libertajiet tar-riċevituri finali kkonċernati jew li tagħmel ħsara serja lill-interessi kummerċjali tagħhom. Tali informazzjoni għandha ssir disponibbli għall-Kummissjoni.

4.   Il-benefiċjarji għandhom jittrażmettu elettronikament mill-inqas darba fis-sena lill-Kummissjoni, id-data dwar ir-riċevituri finali msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, f’format li jinqara mill-magni, li għandu jiġi definit fil-Ftehim dwar il-Faċilità, kif imsemmi fl-Artikolu 9(5)(k).

KAPITOLU IV

PROTEZZJONI TAL-INTERESSI FINANZJARJI TAL-UNJONI

Artikolu 23

Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni

1.   Fl-implimentazzjoni tal-Faċilità, il-Kummissjoni u l-benefiċjarji għandhom jieħdu l-miżuri xierqa kollha biex jipproteġu l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, filwaqt li jqisu l-prinċipju tal-proporzjonalità u l-kundizzjonijiet speċifiċi li skonthom se topera l-Faċilità, il-prekundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 5(1) u l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Ftehimiet dwar il-Faċilità speċifiċi, b’mod partikolari fir-rigward tal-prevenzjoni, l-identifikazzjoni u l-korrezzjoni tal-frodi, tal-korruzzjoni, tal-kunflitti ta’ interess u tal-irregolaritajiet kif ukoll l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tar-reati li jaffettwaw il-fondi previsti fl-ambitu tal-Faċilità. Kull benefiċjarju għandu jimpenja ruħu li jagħmel progress lejn sistemi effettivi u effiċjenti ta’ ġestjoni u kontroll u jiżgura li l-ammonti mħallsa bi żball jew użati b’mod żbaljat ikunu jistgħu jiġu rkuprati.

2.   Il-Ftehim dwar il-Faċilità għandu jipprevedi l-obbligi li ġejjin tal-benefiċjarju:

(a)

jivverifika regolarment li l-finanzjament ipprovdut intuża f’konformità mar-regoli applikabbli, b’mod partikolari fir-rigward tal-prevenzjoni, l-identifikazzjoni u l-korrezzjoni tal-frodi, tal-korruzzjoni, tal-kunflitti ta’ interess u tal-irregolaritajiet;

(b)

jipproteġi lill-informaturi;

(c)

jieħu miżuri xierqa biex jipprevjeni, jidentifika u jikkoreġi l-frodi, il-korruzzjoni, il-kunflitti ta’ interess u l-irregolaritajiet kif ukoll jinvestiga u jħarrek reati kriminali li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, biex jiġi identifikat u evitat il-finanzjament doppju u biex jittieħdu azzjonijiet legali għall-irkupru tal-fondi li jkunu ġew miżapproprjati, inkluż fir-rigward ta’ kwalunkwe miżura għall-implimentazzjoni ta’ riformi u proġetti jew programmi ta’ investiment fl-ambitu tal-Aġendi ta’ Riforma u jieħu miżuri xierqa biex jiġu trattati talbiet għal assistenza legali reċiproka mill-UPPE u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri rigward reati kriminali li jaffettwaw il-fondi fl-ambitu tal-Faċilità, meta jkun applikabbli u mingħajr dewmien;

(d)

għall-finijiet tal-paragrafu 1, b’mod partikolari għall-kontrolli fuq l-użu tal-fondi fir-rigward tal-implimentazzjoni tar-riformi fl-Aġendi ta’ Riforma, biex, f’konformità mal-prinċipji tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data u flimkien mar-regoli applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data, jiġi żgurat il-ġbir ta’, u aċċess għal, data adegwata dwar persuni u entitajiet, inkluża informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarji, li jirċievu finanzjament għall-implimentazzjoni ta’ miżuri tal-Aġenda ta’ Riforma taħt il-Kapitolu III;

(e)

jawtorizza b’mod espliċitu lill-Kummissjoni, lill-OLAF, lill-Qorti tal-Awdituri u, meta jkun applikabbli, lill-UPPE biex jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom kif previst fl-Artikolu 129 tar-Regolament Finanzjarju.

3.   Il-Ftehim dwar il-Faċilità għandu jipprevedi wkoll id-dritt li l-Kummissjoni tnaqqas b’mod proporzjonali l-appoġġ ipprovdut fl-ambitu tal-Faċilità u tirkupra kwalunkwe ammont li jintefaq biex jintlaħqu l-objettivi tal-Faċilità jew li titlob ripagament bikri tas-self, f’każijiet ta’ irregolaritajiet, frodi, korruzzjoni u kunflitti ta’ interess li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni li ma ġewx ikkoreġuti mill-benefiċjarju, jew ta’ ksur serju ta’ obbligu li jirriżulta minn tali ftehimiet. Meta tiddeċiedi dwar l-ammont tal-irkupru u t-tnaqqis, jew l-ammont li għandu jitħallas lura kmieni, il-Kummissjoni għandha tirrispetta l-prinċipju tal-proporzjonalità u għandha tqis is-serjetà tal-irregolarità, il-frodi, il-korruzzjoni jew il-kunflitt ta’ interessi li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, jew ta’ ksur ta’ obbligu. Il-benefiċjarju għandu jingħata l-opportunità li jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu qabel ma jsir it-tnaqqis jew jintalab ripagament bikri.

4.   Il-persuni u l-entitajiet li jimplimentaw fondi fl-ambitu tal-Faċilità għandhom jirrapportaw kwalunkwe każ suspettat ta’ frodi, korruzzjoni, kunflitti ta’ interess u irregolaritajiet li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni mingħajr dewmien, lill-Kummissjoni u lill-OLAF.

Artikolu 24

Rwol tas-sistemi interni nazzjonali u tal-Awtoritajiet Nazzjonali tal-Awditjar

1.   Għall-parti tal-finanzjament tal-Faċilità li ssir disponibbli bħala assistenza finanzjarja, il-Kummissjoni għandha tiddependi fuq l-awtoritajiet tal-awditjar stabbiliti f’kull benefiċjarju għall-fini tal-kontroll tan-nefqa pubblika. Meta jkun applikabbli, is-Servizzi ta’ Koordinazzjoni kontra l-Frodi ta’ kull benefiċjarju stabbiliti fil-qafas tal-IPA III għandu jiġi involut. Kif xieraq, il-Kummissjoni għandha sserraħ ukoll fuq skrutinju demokratiku ulterjuri kif imsemmi fl-Artikolu 4(8).

L-Aġendi ta’ Riforma għandhom jagħtu prijorità fl-ewwel snin tar-riformi ta’ implimentazzjoni tagħhom relatati mal-kapitolu 32 tan-negozjati, b’mod partikolari dwar il-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi u l-kontroll intern, kif ukoll dwar il-ġlieda kontra l-frodi, flimkien mal-Kapitoli 23 u 24, b’mod partikolari fir-rigward tal-ġustizzja, il-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata u l-Kapitolu 8, b’mod partikolari dwar il-kontroll tal-għajnuna mill-Istat.

2.   Il-benefiċjarji għandhom jirrapportaw kwalunkwe irregolarità, inkluża frodi, li kienet is-suġġett ta’ sejba amministrattiva jew ġudizzjarja primarja, mingħajr dewmien, lill-Kummissjoni u għandhom iżommu lill-Kummissjoni infurmata dwar il-progress ta’ kwalunkwe proċediment amministrattiv u legali fir-rigward ta’ tali irregolaritajiet. Tali rapportar għandu jsir b’mezzi elettroniċi, bl-użu tas-Sistema ta’ Ġestjoni tal-Irregolaritajiet, stabbilita mill-Kummissjoni.

3.   L-entitajiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom iżommu djalogu regolari mal-Qorti tal-Awdituri, mal-OLAF u, meta jkun xieraq, mal-UPPE.

4.   Il-Kummissjoni tista’ twettaq rieżamijiet dettaljati tas-sistemi tal-implimentazzjoni tal-benefiċjarji abbażi ta’ valutazzjoni tar-riskju u djalogu mal-awtoritajiet tal-awditjar, u toħroġ rakkomandazzjonijiet għal titjib fis-sistemi.

5.   Il-Kummissjoni tista’ tadotta rakkomandazzjonijiet lill-benefiċjarju dwar il-każijiet kollha fejn fil-fehma tagħha l-awtoritajiet kompetenti ma jkunux ħadu l-passi meħtieġa biex jipprevjenu, jidentifikaw u jikkoreġu l-frodi, il-korruzzjoni, il-kunflitti ta’ interess u l-irregolaritajiet li affettwaw jew li jirriskjaw serjament li jaffettwaw il-ġestjoni finanzjarja tajba tan-nefqa ffinanzjata fl-ambitu tal-Faċilità u fil-każijiet kollha fejn tidentifika nuqqasijiet li jaffettwaw it-tfassil u l-funzjonament tas-sistema ta’ kontroll stabbilita minn dawk l-awtoritajiet. Il-benefiċjarju kkonċernat għandu jimplimenta tali rakkomandazzjonijiet jew jipprovdi ġustifikazzjoni dwar għaliex ma jkunx għamel dan.

KAPITOLU V

MONITORAĠĠ, RAPPORTAR U EVALWAZZJONI

Artikolu 25

Monitoraġġ u rapportar

1.   Il-Kummissjoni għandha timmonitorja l-implimentazzjoni tal-Faċilità u tivvaluta l-ilħuq tal-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 3. Il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni għandu jkun immirat u proporzjonat għall-attivitajiet imwettqa fl-ambitu tal-Faċilità. L-indikaturi msemmija fl-Artikolu 13(2) għandhom ikunu mistennija jikkontribwixxu għall-monitoraġġ mill-Kummissjoni tal-Faċilità.

2.   Il-Ftehim dwar il-Faċilità msemmi fl-Artikolu 9 għandu jistabbilixxi regoli u modalitajiet għall-benefiċjarji biex jirrapportaw lill-Kummissjoni għall-finijiet tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

3.   Il-Kummissjoni għandha tipprovdi rapport annwali lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-progress lejn l-ilħuq tal-objettivi ta’ dan ir-Regolament. Ir-rapport annwali għandu jindirizza wkoll sinerġiji u komplementarjetajiet tal-Faċilità ma’ programmi oħra tal-Unjoni, b’mod partikolari l-appoġġ ipprovdut fl-ambitu tar-Regolament (UE) 2021/1529, bil-ħsieb li tiġi evitata d-duplikazzjoni tal-assistenza u l-finanzjament doppju. Ir-rapport annwali għandu jiġi kkomplementat minn preżentazzjonijiet dwar is-sitwazzjoni attwali tal-implimentazzjoni tal-Faċilità darbtejn fis-sena.

4.   Il-Kummissjoni għandha tipprovdi r-rapport annwali msemmi fil-paragrafu 3 lill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 31.

Artikolu 26

Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Faċilità

1.   Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi tabella ta’ valutazzjoni tal-Faċilità (it-“Tabella ta’ Valutazzjoni”), li għandha turi l-progress tal-implimentazzjoni tal-Aġendi ta’ Riforma tal-benefiċjarji.

2.   Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta att delegat f’konformità mal-Artikolu 30 biex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tiddefinixxi l-elementi dettaljati tat-Tabella ta’ Valutazzjoni bil-ħsieb li turi l-progress fl-implimentazzjoni tal-Faċilità kif imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

3.   It-Tabella ta’ Valutazzjoni għandha tkun operazzjonali sal-1 ta’ Jannar 2025 u għandha tiġi aġġornata mill-Kummissjoni darbtejn fis-sena. It-Tabella ta’ Valutazzjoni għandha tkun disponibbli għall-pubbliku online.

Artikolu 27

Evalwazzjoni tal-Faċilità

1.   Wara l-31 ta’ Diċembru 2027, u mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2031, il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni indipendenti ex post tar-Regolament. Dik l-evalwazzjoni ex post għandha tivvaluta l-kontribuzzjoni tal-Unjoni għall-ilħuq tal-objettivi ta’ dan ir-Regolament.

2.   L-evalwazzjoni ex post għandha tagħmel użu mill-prinċipji ta’ prattika tajba tal-Kumitat tal-OECD ta’ Għajnuna għall-Iżvilupp, li jfittex li jiżgura jekk l-objettivi ntlaħqux u li jifformula rakkomandazzjonijiet bl-għan li jittejbu azzjonijiet futuri.

3.   Il-Kummissjoni għandha tikkomunika s-sejbiet u l-konklużjonijiet tal-evalwazzjoni ex post akkumpanjati mill-osservazzjonijiet u s-segwitu tagħha, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Istati Membri. Din l-evalwazzjoni ex post tista’ tiġi diskussa fuq talba tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill jew tal-Istati Membri. Ir-riżultati għandhom jikkontribwixxu għat-tħejjija ta’ programmi u azzjonijiet futuri u għall-allokazzjoni tar-riżorsi. Dik l-evalwazzjoni ex post u s-segwitu għandhom ikunu disponibbli għall-pubbliku.

4.   Il-Kummissjoni għandha, sa punt xieraq, tassoċja l-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, inklużi l-benefiċjarji, is-sħab soċjali, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-awtoritajiet reġjonali u lokali fil-proċess ta’ evalwazzjoni tal-finanzjament tal-Unjoni previst skont dan ir-Regolament, u tista’, meta jkun xieraq, tfittex li twettaq evalwazzjonijiet konġunti mal-Istati Membri u ma’ sħab oħrajn b’involviment mill-qrib tal-Benefiċjarji.

Artikolu 28

Rapportar mill-benefiċjarji fil-kuntest tad-Djalogu Ekonomiku u Finanzjarju

Il-benefiċjarju għandu jirrapporta darba fis-sena fil-kuntest tad-Djalogu Ekonomiku u Finanzjarju dwar il-progress li jkun sar fil-kisba tal-parti tal-Aġenda ta’ Riforma tiegħu relatata mar-riforma.

Artikolu 29

Djalogu dwar il-Faċilità għar-Riforma u t-Tkabbir għall-Balkani tal-Punent

1.   Il-Kummissjoni għandha torganizza, mill-inqas darbtejn fis-sena, djalogu mal-kumitati kompetenti tal-Parlament Ewropew, kif rilevanti. Qabel kull djalogu, il-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-Parlament Ewropew b’informazzjoni bil-miktub dwar:

(a)

l-istat tal-progress fl-implimentazzjoni tal-Faċilità;

(b)

il-valutazzjoni tal-Aġendi ta’ Riforma;

(c)

is-sejbiet ewlenin tar-rapport imsemmija fl-Artikolu 25(3);

(d)

il-proċeduri ta’ pagament, żamma u tnaqqis, meta jkun applikabbli, inkluż kwalunkwe osservazzjoni ppreżentata biex jiġi żgurat l-issodisfar xieraq tal-kundizzjonijiet; kif ukoll

(e)

kwalunkwe element rilevanti ieħor b’rabta mal-implimentazzjoni tal-Faċilità.

2.   Id-djalogu msemmi fil-paragrafu 1 jista’ jikkoinċidi mad-Djalogu Ġeopolitiku ta’ Livell Għoli dwar l-IPA III biex jippermetti riflessjoni adegwata dwar is-sinerġiji u l-komplementarjetajiet.

3.   Il-Kummissjoni għandha tqis kwalunkwe element li jirriżulta mill-fehmiet espressi permezz tad-Djalogu dwar il-Faċilità għar-Riforma u t-Tkabbir għall-Balkani tal-Punent, inklużi r-riżoluzzjonijiet mill-Parlament Ewropew, meta rilevanti.

KAPITOLU VI

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 30

Eżerċitar tad-delega

1.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikoli 18 u 26 hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikoli 18 u 26 għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ ħames snin mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega ta’ setgħa mhux iktar tard minn disa’ xhur qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ ħames snin. Id-delega ta’ setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perjodi ta’ żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perjodu.

3.   Id-delega ta’ setgħa msemmija fl-Artikoli 18 u 26 tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta’ setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Ma għandha taffettwa l-validità tal-ebda att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.   Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti nnominati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

5.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

6.   Att delegat adottat skont l-Artikoli 18 u 26 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahar fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 31

Proċedura ta’ Kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Kumitat, stabbilit permezz tar-Regolament (UE) 2021/1529. Dak il-Kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

3.   Fir-rigward tal-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fl-Artikoli 15(1) u 16(2), meta l-kumitat ma jagħti ebda opinjoni, il-Kummissjoni m’għandhiex tadotta l-abbozz ta’ att ta’ implimentazzjoni, u għandu japplika l-Artikolu 5(4), it-tielet subparagrafu, tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 32

Informazzjoni, komunikazzjoni u pubbliċità

1.   Il-Kummissjoni għandha tinvolvi ruħha f’attivitajiet ta’ komunikazzjoni biex tiżgura l-viżibbiltà tal-finanzjament tal-Unjoni għall-appoġġ finanzjarju previst fl-Aġendi ta’ Riforma, inkluż permezz ta’ attivitajiet ta’ komunikazzjoni konġunti mal-benefiċjarji. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-appoġġ fl-ambitu tal-Faċilità jiġi kkomunikat u rikonoxxut permezz ta’ dikjarazzjoni ta’ finanzjament. L-azzjonijiet iffinanzjati fl-ambitu tal-Faċilità għandhom jitwettqu f’konformità mar-rekwiżiti ta’ komunikazzjoni u viżibbiltà fl-azzjonijiet esterni ffinanzjati mill-Unjoni u f’linji gwida rilevanti oħra.

2.   Ir-riċevituri tal-finanzjament tal-Unjoni għandhom jirrikonoxxu b’mod attiv l-oriġini u jiżguraw il-viżibbiltà tal-finanzjament tal-Unjoni, inkluż, meta jkun applikabbli, billi juru l-emblema tal-Unjoni u dikjarazzjoni ta’ finanzjament xierqa li tgħid “iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea”, b’mod partikolari meta jippromwovu l-azzjonijiet u r-riżultati tagħhom, billi tiġi pprovduta informazzjoni mmirata koerenti, effettiva u proporzjonata lil bosta udjenzi, inklużi l-media u l-pubbliku.

3.   L-informazzjoni, il-komunikazzjoni u l-pubbliċità għandhom jiġu pprovduti f’format aċċessibbli.

Artikolu 33

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Mejju 2024.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

R. METSOLA

Għall-Kunsill

Il-President

H. LAHBIB


(1)  Opinjoni tat-30 ta’ Jannar 2024 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta’ April 2024 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tas-7 ta’ Mejju 2024

(*1)  Din il-ħatra hija mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u hija konformi mal-UNSCR 1244/1999 u l-Opinjoni tal-ICJ dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo.

(3)  Ir-Regolament (UE) 2021/1529 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Settembru 2021 li jistabbilixxi l-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA III) (ĠU L 330, 20.9.2021, p. 1, ELI: https://eur-lex.europa.eu/eli/reg/2021/1529/oj).

(4)   ĠU L 23, 27.1.2010, p. 35.

(5)  Id-Direttiva (UE) 2019/882 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar ir-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà għall-prodotti u għas-servizzi (ĠU L 151, 7.6.2019, p. 70, ELI: https://eur-lex.europa.eu/eli/dir/2019/882/oj).

(6)  Ir-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2020 dwar l-istabbiliment ta’ qafas biex jiġi ffaċilitat l-investiment sostenibbli, u li jemenda r-Regolament (UE) 2019/2088 (ĠU L 198, 22.6.2020, p. 13, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2020/852/oj).

(7)   ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 28, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_interinstit/2020/1222/oj.

(8)  Ir-Regolament (UE) 2021/947 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-9 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali – Ewropa Globali, li jemenda u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 466/2014/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u jħassar ir-Regolament (UE) 2017/1601 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 480/2009 (ĠU L 209, 14.6.2021, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/947/oj).

(9)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1046/oj).

(10)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2011/182/oj).

(11)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/427/UE tas-26 ta’ Lulju 2010 li tistabbilixxi l-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (ĠU L 201, 3.8.2010, p. 30, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2010/427/oj).

(12)   ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_interinstit/2016/512/oj.

(13)  Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/883/oj).

(14)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat-18 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (ĠU L 312, 23.12.1995, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1995/2988/oj).

(15)  Ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta’ Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolarijiet oħra (ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1996/2185/oj).

(16)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 tat-12 ta’ Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (“l-UPPE”) (ĠU L 283, 31.10.2017, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2017/1939/oj).


ANNESS

Metodoloġija dwar l-allokazzjoni tar-riżorsi globali għal kull benefiċjarju

Kull allokazzjoni tal-benefiċjarju għandha tiġi kkalkulata skont il-passi li ġejjin abbażi tad-data tas-sena ta’ referenza:

Stadju 1: id-determinazzjoni ta’ koeffiċjent tal-allokazzjoni tal-popolazzjoni ibbażat fuq il-proporzjon tal-popolazzjoni tal-benefiċjarju għas-somma totali tal-popolazzjonijiet għar-reġjun tal-Balkani tal-Punent;

Stadju 2: id-determinazzjoni ta’ koeffiċjent tal-allokazzjoni tal-PDG ibbażat fuq il-proporzjon tal-PDG per capita medju għar-reġjun tal-Balkani tal-Punent għall-PDG per capita tal-Benefiċjarju rispettiv u diviż bis-somma tas-sitt proporzjonijiet;

Stadju 3: il-kombinament tal-piżijiet perċentwali ta’ kull benefiċjarju għall-popolazzjoni taħt l-Istadju 1 u l-PDG per capita taħt l-Istadju 2 b’fattur ta’ ponderazzjoni ta’ 60 % tal-popolazzjoni u 40 % tal-PDG per capita.


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1449/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)