European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/1435

27.5.2024

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/1435

tal-24 ta’ Mejju 2024

li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2023/988 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward l-istabbiliment tal-mudell għal avviż ta’ sejħa lura

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2023/988 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Mejju 2023 dwar is-sikurezza ġenerali tal-prodotti, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva (UE) 2020/1828 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar id-Direttiva 2001/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kunsill 87/357/KEE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 36(3) tiegħu,

Wara li kkonsultat il-Kumitat tar-Regolament dwar is-Sikurezza Ġenerali tal-Prodotti,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 36(1) tar-Regolament (UE) 2023/988, jekk l-informazzjoni dwar is-sejħa lura ta’ prodott għal raġunijiet ta’ sikurezza tingħata lill-konsumaturi bil-miktub, jenħtieġ li din issir f’għamla ta’ avviż ta’ sejħa lura. Skont l-Artikolu 35(4) ta’ dak ir-Regolament, meta mhux il-konsumaturi affettwati kollha jkunu jistgħu jiġu kkuntattjati direttament, l-operaturi ekonomiċi u l-fornituri tas-swieq online, f’konformità mar-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom, għandhom ixerrdu avviż ċar u viżibbli ta’ sejħa lura.

(2)

Sabiex jiġi żgurat li l-konsumaturi jirreaġixxu għas-sejħiet lura ta’ prodotti għal raġunijiet ta’ sikurezza, l-avviż ta’ sejħa lura jenħtieġ li jkun ċar, trasparenti, u jiddeskrivi b’mod ċar il-periklu inkwistjoni. Ir-Regolament (UE) 2023/988 jistabbilixxi l-informazzjoni obbligatorja li avviż ta’ sejħa lura jenħtieġ li jkun fih.

(3)

Sabiex jiġi ffaċilitat u promoss approċċ konsistenti u prattiki uniformi madwar l-UE fir-rigward tal-avviżi ta’ sejħa lura, huwa meħtieġ li jiġi stabbilit mudell għall-avviżi ta’ sejħa lura ta’ prodotti għal raġunijiet ta’ sikurezza. Mudell uniku u standardizzat għas-sejħiet lura ta’ prodotti għal raġunijiet ta’ sikurezza jenħtieġ li jagħmilha aktar faċli għall-konsumaturi li jidentifikaw u jifhmu l-avviżi ta’ sejħa lura, u jenħtieġ li jiżgura konformità aktar faċli u uniformi mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 35 u 36 tar-Regolament (UE) 2023/988 għall-operaturi ekonomiċi u l-fornituri tas-swieq online.

(4)

Ir-Regolament (UE) 2023/988 jirrikjedi li l-Kummissjoni tistabbilixxi l-mudell għal avviż ta’ sejħa lura filwaqt li tqis l-iżviluppi xjentifiċi u tas-suq, u li tagħmlu disponibbli f’format li jippermetti lill-operaturi ekonomiċi joħolqu faċilment avviż ta’ sejħa lura. L-aktar soluzzjoni teknikament xierqa biex dan il-mudell isir disponibbli tkun li l-Kummissjoni tippubblikah fuq is-sit web tagħha.

(5)

L-Artikolu 36 tar-Regolament (UE) 2023/988 jirrikjedi li l-avviż ta’ sejħa lura jenħtieġ li jkun f’formati aċċessibbli għall-persuni b’diżabilità. Dan jimplika pereżempju li meta avviż ta’ sejħa lura jiġi kondiviż online, dan iqis l-istandards u l-aħjar prattiki għall-aċċessibbiltà għall-web. B’mod partikolari, jekk informazzjoni importanti dwar il-prodott imsejjaħ lura jew l-identifikazzjoni tal-prodotti kkonċernati mis-sejħa lura tkun qiegħda fi stampa, huwa essenzjali li tali informazzjoni tiġi spjegata sabiex tkun tista’ tinqara mill-magni.

(6)

Sabiex l-operaturi ekonomiċi jingħataw biżżejjed żmien biex jadattaw il-proċessi interni tagħhom fir-rigward ta’ avviż ta’ sejħa lura, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-istess data bħar-Regolament (UE) 2023/988,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-mudell għal avviż ta’ sejħa lura f’konformità mal-Artikolu 36 tar-Regolament (UE) 2023/988.

Il-mudell huwa stabbilit fl-Anness.

Il-Kummissjoni għandha tippubblika dan il-mudell fuq is-sit web tagħha.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mit-13 ta’ Diċembru 2024.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Mejju 2024.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 135, 23.5.2023, p. 1.


ANNESS

Image 1

Image 2


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/1435/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)