European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/1403

24.5.2024

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/1403

tat-12 ta’ Marzu 2024

li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jistabbilixxi l-kundizzjonijiet u l-proċeduri għall-akkreditazzjoni mill-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea ta’ entitajiet ikkwalifikati

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2018 dwar regoli komuni fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili u li jistabbilixxi Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 2111/2005, (KE) Nru 1008/2008, (UE) Nru 996/2010, (UE) Nru 376/2014 u d-Direttivi 2014/30/UE u 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 552/2004 u (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3922/91 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 62(13), il-punt (f), tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 69 tar-Regolament (UE) 2018/1139 jippermetti lill-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni (“l-Aġenzija”) u lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali jallokaw il-kompiti tagħhom relatati maċ-ċertifikazzjoni u s-sorveljanza lill-entitajiet ikkwalifikati li ġew akkreditati f’konformità mal-atti delegati msemmija fil-punt (f) tal-Artikolu 62(13), jew l-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fil-punt (e) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 62(14), bħala konformi mal-kriterji stabbiliti fl-Anness VI ta’ dak ir-Regolament.

(2)

Jenħtieġ li l-Aġenzija talloka l-kompiti ta’ ċertifikazzjoni u sorveljanza biss lill-entitajiet ikkwalifikati li huma kapaċi jwettquhom. Għalhekk, jenħtieġ li l-Aġenzija tistabbilixxi u żżomm sistema komprensiva ta’ akkreditazzjoni biex tiżgura l-konformità tal-entitajiet ikkwalifikati mar-rekwiżiti tal-Anness VI tar-Regolament (UE) 2018/1139.

(3)

Dan ir-Regolament jenħtieġ li jipprevedi proċedura li permezz tagħha l-Aġenzija tista’ takkredita lill-entitajiet ikkwalifikati biex tiżgura li jkunu jistgħu jwettqu l-kompiti tagħhom b’mod kontinwu. Biex tiġi żgurata kooperazzjoni effettiva bejn l-Aġenzija u l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali, jenħtieġ li l-Aġenzija tkun intitolata titlob ir-rapporti ta’ akkreditazzjoni rilevanti tal-entitajiet ikkwalifikati mingħand l-awtorità nazzjonali kompetenti.

(4)

Meta jwettqu l-kompiti ta’ ċertifikazzjoni u sorveljanza f’isem l-Aġenzija, l-entitajiet ikkwalifikati akkreditati jkunu qed jeżerċitaw kompiti ta’ awtorità pubblika. Dawn il-kompiti mhumiex servizzi offruti minn operatur ekonomiku taħt kuntratt pubbliku u għalhekk mhumiex parti mir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2). Għalhekk, biex tiġi żgurata allokazzjoni trasparenti, ġusta u mhux diskriminatorja tal-kompiti lill-entitajiet ikkwalifikati, jenħtieġ li l-Aġenzija tistabbilixxi kriterji ta’ allokazzjoni bħala l-bażi li fuqha għandhom jiġu konklużi ftehimiet bil-miktub ma’ entitajiet bħal dawn.

(5)

Biex jiġi evitat kwalunkwe tfixkil possibbli fit-twettiq tal-kompiti allokati, dan ir-Regolament jenħtieġ li jispeċifika wkoll il-kundizzjonijiet skont liem entità kkwalifikata akkreditata tista’ tkompli twettaq il-kompitu tagħha meta sseħħ bidla fl-organizzazzjoni, fil-proċeduri u fil-persunal tagħha li aktarx taffettwa l-istatus ta’ akkreditazzjoni tagħha.

(6)

L-Aġenzija jenħtieġ li tiżgura s-sorveljanza kontinwa tal-entitajiet ikkwalifikati akkreditati biex tiżgura l-konformità kontinwa tagħhom mal-Anness VI tar-Regolament (UE) 2018/1139,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi:

(a)

ir-regoli u l-proċeduri għall-akkreditazzjoni tal-entitajiet ikkwalifikati mill-Aġenzija;

(b)

il-kundizzjonijiet skont liem l-Aġenzija tista’ talloka kompiti ta’ ċertifikazzjoni jew ta’ sorveljanza lill-entitajiet ikkwalifikati.

2.   Dan ir-Regolament ikopri l-oqsma kollha li fihom l-Aġenzija tista’ takkredita l-entitajiet ikkwalifikati li jaġixxu bħala awtorità kompetenti f’konformità mal-Artikolu 62(4), it-tieni subparagrafu tar-Regolament (UE) 2018/1139.

Artikolu 2

Sistema ta’ akkreditazzjoni għall-entitajiet ikkwalifikati

1.   L-Aġenzija għandha tistabbilixxi u żżomm sistema għall-akkreditazzjoni tal-entitajiet ikkwalifikati. Dik is-sistema ta’ akkreditazzjoni għandha tinkludi l-proċeduri li jirregolaw dawn kollha li ġejjin:

(a)

akkreditazzjoni inizjali tal-entitajiet ikkwalifikati;

(b)

sorveljanza u valutazzjoni kontinwi tal-konformità tal-entitajiet ikkwalifikati akkreditati;

(c)

emenda, sospensjoni, limitazzjoni u revoka tal-akkreditazzjoni;

(d)

mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim li għandu, mill-inqas, ikopri d-deċiżjonijiet tal-Aġenzija msemmija fl-Artikolu 3(5) u l-Artikolu 6(3) ta’ dan ir-Regolament.

Is-sistema ta’ akkreditazzjoni u r-riżultati tal-akkreditazzjoni inizjali u tas-sorveljanza u l-valutazzjoni kontinwi tal-entitajiet ikkwalifikati akkreditati għandhom jiġu ddokumentati u jinżammu mill-Aġenzija.

2.   Meta awtorità nazzjonali kompetenti tkun diġà akkreditat entità kkwalifikata f’konformità ma’ att ta’ implimentazzjoni adottat abbażi tal-Artikolu 62(14), il-punt (e) tar-Regolament (UE) 2018/1139, l-Aġenzija tista’ tirrikjedi li l-awtorità nazzjonali kompetenti li ħarġet l-akkreditazzjoni tipprovdi r-rapporti ta’ akkreditazzjoni rilevanti lill-Aġenzija.

3.   Meta l-Aġenzija u awtorità kompetenti nazzjonali waħda jew aktar ikollhom l-intenzjoni li jakkreditaw entità interessata b’mod konġunt, huma għandhom jikkonkludu ftehim dwar ir-rwoli u r-responsabbiltajiet rispettivi dwar il-proċeduri tas-sistema ta’ akkreditazzjoni msemmija fil-punt 1 ta’ dan l-Artikolu.

Artikolu 3

Proċedura għall-akkreditazzjoni tal-entitajiet ikkwalifikati

1.   Meta l-Aġenzija tkun biħsiebha tirrikorri għall-entitajiet ikkwalifikati, hija għandha tippubblika fuq is-sit web tagħha avviż li jistieden lill-entitajiet interessati jissottomettu applikazzjonijiet għall-akkreditazzjoni.

Dak l-avviż għandu jispeċifika b’mod partikolari:

(a)

il-kategoriji tal-kompiti ta’ ċertifikazzjoni u ta’ sorveljanza li l-Aġenzija biħsiebha twettaq permezz tal-entitajiet ikkwalifikati;

(b)

jekk l-Aġenzija tkunx biħsiebha tinkludi, fl-ambitu tal-akkreditazzjoni, il-privileġġ li toħroġ, iġġedded, temenda, tillimita, tissospendi u tirrevoka ċertifikati jew li tirċievi dikjarazzjonijiet f’isem l-Aġenzija;

(c)

id-dokumenti u l-informazzjoni li l-applikanti jenħtieġ li jissottomettu u l-iskadenza għall-applikazzjonijiet.

2.   L-Aġenzija għandha tivvaluta l-applikazzjoni għall-akkreditazzjoni sottomessa mill-applikant filwaqt li tqis il-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 3.

3.   L-Aġenzija għandha takkredita u toħroġ ċertifikat ta’ akkreditazzjoni lill-applikant jekk, wara l-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 2, tikkonkludi li:

(a)

l-applikant jikkonforma mar-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fl-Anness VI tar-Regolament (UE) 2018/1139;

(b)

il-kompetenza, l-għarfien espert u l-proċeduri tal-applikant huma fil-livell meħtieġ għall-ambitu tal-akkreditazzjoni kemm fil-livell tal-organizzazzjoni kif ukoll fir-rigward tal-esperti għall-qasam tekniku meħtieġ.

4.   L-akkreditazzjoni mogħtija mill-Aġenzija għandha tistabbilixxi fid-dettall l-ambitu tal-kompiti, il-privileġġi mogħtija u kwalunkwe kundizzjoni relatata.

5.   Meta l-applikant ma jissodisfax il-kundizzjonijiet għall-akkreditazzjoni stabbiliti fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, l-Aġenzija għandha tinforma lil dik l-entità dwar dan u tiġġustifika r-rifjut tagħha li tagħti l-akkreditazzjoni.

Artikolu 4

Allokazzjoni tal-kompiti lill-entitajiet ikkwalifikati akkreditati

1.   L-Aġenzija għandha tiżviluppa kriterji ġusti u trasparenti għall-allokazzjoni tal-kompiti lill-entitajiet ikkwalifikati akkreditati f’konformità mal-Artikolu 3. L-Aġenzija għandha tikkomunika l-kriterji għall-allokazzjoni tal-kompiti lill-entitajiet ikkwalifikati kollha.

2.   Meta jiġu żviluppati l-kriterji tal-allokazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandu jitqies dan li ġej:

(a)

l-ambitu tal-kompiti;

(b)

il-kwalifiki u l-esperjenza fil-qasam tal-attività, inklużi l-prerekwiżiti tekniċi, personali, organizzattivi u proċedurali biex jitwettqu l-kompiti li għandhom jiġu allokati;

(c)

id-disponibbiltà u l-kapaċità tal-entità kkwalifikata li twettaq il-kompiti fil-perjodu ta’ żmien meħtieġ u fil-livell tekniku, professjonali u ta’ kwalità meħtieġ;

(d)

l-interfaċċa għall-persuna fiżika jew ġuridika soġġetta għar-Regolament (UE) 2018/1139, b’mod partikolari, il-prossimità u l-kapaċità u l-kompetenza li tikkomunika b’mod effiċjenti ma’ dan tal-aħħar;

(e)

il-kosteffiċjenza;

3.   Meta talloka l-kompiti lill-entitajiet ikkwalifikati, l-Aġenzija għandha tidħol f’kuntratt bil-miktub, li għandu jistipula, mill-inqas:

(a)

il-kompiti li għandhom jitwettqu;

(b)

id-dikjarazzjoni, ir-rapporti u r-rekords li għandhom jiġu pprovduti mill-entità kkwalifikata;

(c)

il-kundizzjonijiet tekniċi li għandhom jiġu ssodisfati mill-entità kkwalifikata meta twettaq il-kompiti allokati;

(d)

il-kopertura tar-responsabbiltà relatata;

(e)

il-protezzjoni mogħtija lill-informazzjoni miksuba mill-entità kkwalifikata waqt it-twettiq tal-kompiti allokati;

(f)

ir-remunerazzjoni tal-entità kkwalifikata.

L-Aġenzija għandha tassenja t-twettiq tal-kompiti, inklużi l-funzjonijiet ta’ ġestjoni teknika, lill-entità kkwalifikata fil-forma ta’ ordni ta’ kompitu li tiddefinixxi l-ambitu ddettaljat tal-kompitu li għandu jitwettaq.

4.   Meta talloka kompitu lil entità kkwalifikata, l-Aġenzija għandha tiżgura li l-entità kkwalifikata tikkonforma mar-rekwiżiti essenzjali kollha stabbiliti fl-Anness VI tar-Regolament (UE) 2018/1139.

Artikolu 5

Bidliet fl-ambitu tal-akkreditazzjoni

1.   Entità kkwalifikata għandha, mingħajr dewmien żejjed, tinnotifika lill-Aġenzija dwar kwalunkwe bidla fl-organizzazzjoni, fil-proċeduri u fil-persunal tagħha li aktarx taffettwa l-ambitu tal-akkreditazzjoni tagħha.

2.   L-Aġenzija għandha tivvaluta l-impatt tal-bidla nnotifikata fuq l-ambitu tal-akkreditazzjoni u l-privileġġi u tiddeċiedi jekk hijiex meħtieġa valutazzjoni addizzjonali tal-entità kkwalifikata.

3.   L-Aġenzija tista’ temenda l-ambitu tal-akkreditazzjoni skont is-sinifikat tal-bidla u, jekk applikabbli, ir-riżultat tal-valutazzjoni.

Artikolu 6

Sorveljanza tal-entitajiet ikkwalifikati akkreditati

1.   L-Aġenzija għandha tivverifika l-konformità kontinwa biex tiżgura li l-kompetenza, l-għarfien espert u l-proċeduri ta’ entità kkwalifikata jikkonformaw mal-Artikolu 3(3).

2.   Il-verifika msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun ibbażata fuq sistema ta’ sorveljanza bbażata fuq ir-riskju li tqis in-natura speċifika tal-entità kkwalifikata, il-kumplessità tal-attivitajiet tagħha, u r-riżultati tal-attivitajiet ta’ sorveljanza tal-passat.

3.   Jekk fi kwalunkwe ħin, l-Aġenzija ssib li l-kundizzjonijiet għall-akkreditazzjoni msemmija fl-Artikolu 3(3) ma għadhomx jiġu ssodisfati jew jekk l-entità kkwalifikata akkreditata tkun kisret l-ambitu tal-akkreditazzjoni, l-Aġenzija għandha minnufih tieħu miżuri ta’ infurzar xierqa, u jekk ikun xieraq, tillimita, tissospendi jew tirrevoka l-akkreditazzjoni tal-entità kkwalifikata skont il-grad ta’ nuqqas ta’ konformità sakemm l-organizzazzjoni jirnexxilha tieħu azzjoni korrettiva.

Artikolu 7

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Marzu 2024.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 212, 22.8.2018, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012, (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2024/1403/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)