European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/1399

22.5.2024

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/1399

tal-10 ta’ Novembru 2023

dwar il-kundizzjonijiet għall-klassifikazzjoni, mingħajr ittestjar, ta’ pannelli u tlibbis tal-injam mastizz fir-rigward tar-reazzjoni tagħhom għan-nar u li temenda d-Deċiżjoni 2006/213/KE

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 305/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2011 li jistabbilixxi kundizzjonijiet armonizzati għall-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti għall-bini u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 89/106/KEE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 27(5), l-ewwel subparagrafu, tiegħu,

Billi:

(1)

Fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/364 kienet adottata sistema għall-klassifikazzjoni tal-prestazzjoni tal-prodotti għall-bini rigward ir-reazzjoni tagħhom għan-nar (2). Il-pannelli u t-tlibbis tal-injam mastizz huma fost il-prodotti għall-bini li għalihom japplika dak ir-Regolament Delegat.

(2)

It-Tabella 2 tal-Anness tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/213/KE (3) stabbiliet il-klassijiet tal-prestazzjoni tar-reazzjoni għan-nar għall-pannelli u t-tlibbis minn barra tal-injam mastizz. Il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dik id-Deċiżjoni għal dawk il-prodotti jeħtieġ li jiġu ċċarati sabiex l-applikazzjoni tagħha tiġi limitata b’mod espliċitu biss għall-injam mhux ittrattat.

(3)

It-testijiet urew li l-pannelli u t-tlibbis tal-injam mastizz għandhom prestazzjoni stabbli u prevedibbli f’termini ta’ reazzjoni għan-nar sakemm jissodisfaw ċerti kundizzjonijiet rigward id-densità medja minima tal-injam, il-ħxuna minima tal-profil u l-użu aħħari tal-prodott, u li l-injam ma jkun soġġett għal ebda tip ta’ trattament għajr dak tat-tnixxif fil-forn.

(4)

Għalhekk, jenħtieġ li l-pannelli u t-tlibbis tal-injam mastizz jitqiesu li jissodisfaw ċerta klassi ta’ prestazzjoni għar-reazzjoni għan-nar stabbilita fir-Regolament Delegat (UE) 2016/364 f’dawk il-kundizzjonijiet kollha mingħajr ma jkun meħtieġ aktar ittestjar.

(5)

Għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, it-Tabella 2 tal-Anness tad-Deċiżjoni 2006/213/KE jenħtieġ li titħassar u tiġi sostitwita bl-Anness ta’ dan ir-Regolament għall-pannelli u t-tlibbis tal-injam mastizz.

(6)

Sabiex il-manifatturi, b’mod partikolari l-intrapriżi żgħar u mikro, jingħataw biżżejjed żmien biex jivvalutaw l-effett ta’ dan ir-Regolament fl-attivitajiet tagħhom, jenħtieġ li d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament ikun 90 jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Pannelli u tlibbis tal-injam mastizz li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Anness għandhom jitqiesu li jissodisfaw il-klassijiet ta’ prestazzjoni indikati fl-Anness mingħajr ittestjar.

Artikolu 2

It-Tabella 2, inklużi ċ-ċifri (a) u (b), tal-Anness tad-Deċiżjoni 2006/213/KE titħassar u tiġi sostitwita bit-tabella, u l-figuri (a) u (b), stabbiliti fl-Anness.

Ir-referenzi għat-Tabella 2, u ċ-ċifri (a) u (b), tal-Anness tad-Deċiżjoni 2006/213/KE għandhom jinftiehmu bħala referenzi għat-tabella u ċ-ċifri stabbiliti fl-Anness.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fid-90 jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Novembru 2023.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 88, 4.4.2011, p. 5.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/364 tal-1 ta’ Lulju 2015 dwar il-klassifikazzjoni tal-prestazzjoni tar-reazzjoni għan-nar tal-prodotti għall-bini skont ir-Regolament (UE) Nru 305/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 68, 15.3.2016, p. 4).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/213/KE tas-6 ta’ Marzu 2006 li tistabbilixxi l-kategoriji ta’ prestazzjoni fir-rigward tar-reazzjoni għan-nar għal ċerti prodotti tal-bini li għandhom x’jaqsmu mal-injam għall-kisi tal-art u tal-ħitan minn ġewwa u minn barra (ĠU L 79, 16.3.2006, p. 27)


ANNESS

KLASSIJIET TA’ PRESTAZZJONI TAR-REAZZJONI GĦAN-NAR GĦAL PANELLAR U TLIBBIS TAL-INJAM SOLIDU

Prodott (11)

Dettalji tal-prodott (5)

Densità medja minima (6) (kg/m3)

Ħxunijiet minimi, totali/minimi (7) (mm)

Kundizzjoni tal-użu aħħari (4)

Klassi (3)

Panellar u tlibbis (1)

Biċċiet tal-injam mhux trattat b’ħanek għall-irbit (tongue and groove) jew mingħajru u b’wiċċ profilat jew mingħajru

390

9/6

Mingħajr vojt jew b’vojt magħluq warajhom

D – s2, d2

12/8

D – s2, d0

Pannellar u tlibbis (2)

Biċċiet tal-injam mhux trattat b’ħanek għall-irbit (tongue and groove) jew mingħajru u b’wiċċ profilat jew mingħajru

390

9/6

B’vojt miftuħ ta’ ≤ 20 mm warajh

D – s2, d0

18/12

Mingħajr vojt jew b’vojt miftuħ warajh

Elementi taż-żigarelli tal-injam (8)

Biċċiet tal-injam mhux trattat imwaħħla fuq qafas (9)

390

18

In-naħat kollha jmissu mal-arja ta’ barra (10)

D – s2, d0

Figura a

Kurrenti għall-pannellar u t-tlibbis tal-injam solidu

Image 1

Figura b

Erja massima esposta ta’ element ta’ żigarella tal-injam 2n (t + w) + a ≤ 1,10

Image 2

n

=

numru ta’ biċċiet ta’ injam għal kull metru

t

=

ħxuna ta’ kull biċċa injam, f’metri

w

=

wisa’ ta’ kull biċċa injam, f’metri

a

=

erja esposta tal-qafas ta’ appoġġ tal-injam (jekk applikabbli), f’m2, għal kull m2 ta’ element ta’ żigarella tal-injam


(1)  Immuntat b’mod mekkaniku fuq qafas ta’ appoġġ ta’ strixxi tal-injam, bl-ispazju magħluq jew mimli b’sottostrat ta’ mill-inqas klassi A2 – s1, d0 b’densità minima ta’ 10 kg/m3 jew mimli b’sottostrat ta’ materjal ta’ iżolament taċ-ċelluloża tal-inqas tal-klassi E u b’barriera tal-fwar wara jew mingħajrha. Il-prodott tal-injam għandu jkun iddisinjat b’tali mod li jiġi mmuntat mingħajr ġonot miftuħa.

(2)  Immuntat b’mod mekkaniku fuq qafas ta’ appoġġ ta’ strixxi tal-injam, bi spazju fil-miftuħ warajh jew mingħajru. Il-prodott tal-injam għandu jkun iddisinjat b’tali mod li jiġi mmuntat mingħajr ġonot miftuħa.

(3)  Il-klassi kif prevista fit-Tabella 1 tal-Anness tar-Regolament Delegat (UE) 2016/364.

(4)  Spazju tal-arja fil-miftuħ jista’ jinkludi l-possibbiltà ta’ ventilazzjoni wara l-prodott, filwaqt li spazju magħluq għall-arja jeskludi tali ventilazzjoni. Is-sottostrat wara l-ispazju tal-arja jrid ikun talanqas A2 – s1, d0 b’densità minima ta’ 10 kg/m3. Wara spazju magħluq tal-arja ta’ massimu ta’ 20 mm u b’biċċiet tal-injam vertikali, is-sottostrat jista’ jkun tal-inqas tal-klassi D – s2, d0.

(5)  Il-ġonot jinkludu t-tipi kollha ta’ ġonot eż., ġonot tar-ras u ġonot tal-ilsien u tal-gruvijiet; L-injam mhux ittrattat huwa njam li ma kienx miksi u li ma kienx soġġett għal xi tip ta’ trattament għajr it-tnixxif fil-forn (fiżiku, kimiku, b’imprenjazzjoni, jew trattamenti oħra).

(6)  Kundizzjonat b’mod konformi ma’ EN 13238.

(7)  Kif muri fil-Figura a. Erja profilata tan-naħa esposta tal-pannell mhux aktar minn 20 % tal-erja tal-pjan, jew 25 % jekk imkejla kemm fin-naħa esposta kif ukoll dik mhux esposta tal-pannell. Fil-każ ta’ ġonot tar-ras, l-akbar ħxuna tapplika għall-interfaċċa tal-ġonta.

(8)  Biċċiet tal-injam rettangolari, b’kantunieri rtundjati jew mingħajrhom, immuntati b’mod orizzontali jew vertikali fuq qafas ta’ appoġġ u mdawra bl-ajra fuq kull naħa, li prinċipalment jintużaw qrib elementi ta’ bini oħrajn, kemm f’applikazzjoniijiet interni u esterni.

(9)  Erja massima esposta (il-ġnub kollha tal-biċċiet rettangolari tal-injam u l-qafas ta’ appoġġ tal-injam) mhux aktar minn 110 % tal-erja totali tal-pjan, ara l-Figura b.

(10)  Elementi oħra tal-bini eqreb minn 100 mm mill-element taż-żigarella tal-injam (eskluż il-qafas ta’ appoġġ tiegħu) iridu jkunu tal-inqas tal-klassi A2 – s1, d0, f’distanzi ta’ 100–300 mm ta’ mill-inqas klassi B – s1, d0 u f’distanzi ta’ aktar minn 300 mm ta’ mill-inqas il-klassi D – s2, d0.

(11)  Japplika wkoll għat-turġien.


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2024/1399/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)