|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2024/1392 |
29.5.2024 |
REGOLAMENT (UE) 2024/1392 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tal-14 ta’ Mejju 2024
dwar miżuri temporanji ta’ liberalizzazzjoni tal-kummerċ li jissupplimentaw il-konċessjonijiet kummerċjali applikabbli għall-prodotti Ukreni skont il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(2) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (1),
Billi:
|
(1) |
Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra (2) (il-“Ftehim ta’ Assoċjazzjoni”) jikkostitwixxi l-bażi tar-relazzjoni bejn l-Unjoni u l-Ukrajna. Skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/668/UE (3), it-Titolu IV tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, li jirrigwarda l-kummerċ u kwistjonijiet relatati mal-kummerċ, applika proviżorjament mill-1 ta’ Jannar 2016, u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Settembru 2017, wara li ġie ratifikat mill-Istati Membri kollha. |
|
(2) |
Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jesprimi x-xewqa tal-Partijiet għall-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni (il-“Partijiet”) li jsaħħu u jwessgħu r-relazzjonijiet b’mod ambizzjuż u innovattiv, li jiffaċilitaw u jiksbu integrazzjoni ekonomika gradwali, u li jagħmlu dan f’konformità mad-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw mis-sħubija tal-Partijiet fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ. |
|
(3) |
L-Artikolu 25 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jipprovdi għall-istabbiliment progressiv ta’ żona ta’ kummerċ ħieles bejn il-Partijiet f’konformità mal-Artikolu XXIV tal-Ftehim Ġenerali tal-1994 dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (GATT 1994). Għal dan il-għan, l-Artikolu 29 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jipprevedi l-eliminazzjoni progressiva tad-dazji doganali f’konformità mal-Iskedi inklużi fih u l-possibbiltà li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ tali eliminazzjoni jitħaffef u jitwessa’. |
|
(4) |
Il-gwerra ta’ aggressjoni mhux provokata u mhux ġustifikata tar-Russja kontra l-Ukrajna mill-24 ta’ Frar 2022 kellha impatt negattiv profond fuq il-kapaċità tal-Ukrajna li tinnegozja mal-bqija tad-dinja, kemm minħabba l-qerda tal-kapaċità tal-produzzjoni kif ukoll minħabba n-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ proporzjon sinifikanti ta’ mezzi tat-trasport minħabba, pereżempju, ir-restrizzjoni u l-inċertezza rigward l-aċċess għall-Baħar l-Iswed. F’ċirkostanzi eċċezzjonali bħal dawn u biex jittaffa l-impatt ekonomiku negattiv tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, jenħtieġ li jitħaffef l-iżvilupp ta’ relazzjonijiet ekonomiċi aktar mill-qrib bejn l-Unjoni u l-Ukrajna sabiex ikompli jingħata appoġġ lill-awtoritajiet u lill-popolazzjoni Ukreni. Huwa għalhekk neċessarju u xieraq li jibqgħu jiġu stimulati l-flussi kummerċjali u li jingħataw konċessjonijiet fil-forma ta’ miżuri ta’ liberalizzazzjoni tal-kummerċ għall-prodotti kollha f’konformità mal-aċċellerazzjoni tal-eliminazzjoni tad-dazji doganali fuq il-kummerċ bejn l-Unjoni u l-Ukrajna. |
|
(5) |
F’konformità mal-Artikolu 21(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), l-Unjoni għandha tiżgura l-konsistenza bejn l-oqsma differenti tal-azzjoni esterna tagħha. Skont l-Artikolu 207(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), il-politika kummerċjali komuni għandha titwettaq fil-kuntest tal-prinċipji u l-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni. |
|
(6) |
Ir-Regolament (UE) 2023/1077 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) jiskadi fil-5 ta’ Ġunju 2024. |
|
(7) |
Il-miżuri temporanji ta’ liberalizzazzjoni tal-kummerċ stabbiliti b’dan ir-Regolament jenħtieġ li jieħdu l-forma li ġejja: (i) is-sospensjoni tal-applikazzjoni tas-sistema ta’ prezzijiet ta’ dħul għall-frott u l-ħxejjex; (ii) is-sospensjoni tal-kwoti tar-rati tariffarji u tad-dazji tal-importazzjoni; u (iii) is-sospensjoni tal-applikazzjoni tal-Kapitolu V u l-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) 2015/478 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5). Fil-fatt, permezz ta’ dawk il-miżuri, l-Unjoni se tipprovdi temporanjament appoġġ ekonomiku u finanzjarju xieraq għall-benefiċċju tal-Ukrajna u l-operaturi ekonomiċi li huma affettwati. |
|
(8) |
Sabiex tiġi evitata l-frodi, l-arranġamenti preferenzjali stabbiliti b’dan ir-Regolament jenħtieġ li jkunu kondizzjonali fuq li l-Ukrajna tikkonforma mal-kundizzjonijiet rilevanti kollha biex tikseb benefiċċji skont il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, inklużi r-regoli tal-oriġini tal-prodotti kkonċernati u l-proċeduri relatati magħhom, kif ukoll l-involviment tal-Ukrajna f’kooperazzjoni amministrattiva mill-qrib mal-Unjoni, kif previst mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni. |
|
(9) |
L-arranġamenti preferenzjali stabbiliti b’dan ir-Regolament jenħtieġ li jkunu kundizzjonali wkoll fuq il-fatt li l-Ukrajna tastjeni milli tintroduċi dazji jew imposti ġodda li jkollhom effett ekwivalenti u restrizzjonijiet kwantitattivi ġodda jew miżuri li jkollhom effett ekwivalenti, milli żżid il-livelli eżistenti ta’ dazji jew imposti, jew milli tintroduċi kwalunkwe restrizzjoni oħra fuq il-kummerċ mal-Unjoni, sakemm ma jkunx iġġustifikat b’mod ċar fil-kuntest tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna. |
|
(10) |
L-arranġamenti preferenzjali stabbiliti b’dan ir-Regolament jenħtieġ li jkunu kondizzjonali wkoll fuq li l-Ukrajna tkompli tirrispetta l-prinċipji ġenerali tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 2 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jipprevedi li, fost affarijiet oħra, l-osservanza għall-prinċipji demokratiċi, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, il-promozzjoni tar-rispett lejn il-prinċipji tas-sovranità u l-integrità territorjali, l-invjolabbiltà tal-fruntieri, u l-indipendenza kif ukoll il-ġlieda kontra l-proliferazzjoni tal-armi ta’ qerda massiva, materjali relatati u l-mezzi ta’ kunsinna tagħhom jikkostitwixxu elementi essenzjali tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni. Barra minn hekk, l-Artikolu 3 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jiddikjara li l-istat tad-dritt, il-governanza tajba, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, il-ġlieda kontra l-forom differenti ta’ kriminalità organizzata u terroriżmu tranżnazzjonali, il-promozzjoni ta’ żvilupp sostenibbli u multilateraliżmu effettiv huma ċentrali għat-tisħiħ tar-relazzjoni bejn il-Partijiet. |
|
(11) |
Soġġett għal valutazzjoni mill-Kummissjoni mwettqa fil-kuntest tal-monitoraġġ regolari tal-impatt ta’ dan ir-Regolament u mnedija jew wara talba debitament sostanzjata minn Stat Membru jew fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni stess, huwa meħtieġ li tiġi prevista l-possibbiltà li tittieħed kwalunkwe miżura meħtieġa rigward l-importazzjonijiet ta’ kwalunkwe prodott li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, per eżempju qamħ u ċereali oħra, li qed jaffettwa b’mod negattiv is-suq tal-Unjoni jew is-suq ta’ Stat Membru wieħed jew aktar għal prodotti simili jew li jikkompetu direttament. Hemm sitwazzjoni partikolarment prekarja fis-swieq għal bajd, pollam, zokkor, ħafur, qamħirrun, ħbub imfesdqa misħuqa u għasel li tista’ tagħmel ħsara lill-produtturi agrikoli tal-Unjoni jekk l-importazzjonijiet mill-Ukrajna kellhom jiżdiedu. Huwa xieraq li tiġi introdotta salvagwardja awtomatika għal dawk il-prodotti li tiġi attivata jekk il-volumi tal-importazzjoni kumulattivi ta’ kwalunkwe wieħed minn dawk il-prodotti f’perjodu speċifiku jilħqu ċertu livell abbażi tal-medja aritmetika tal-volumi tal-importazzjoni rreġistrati fil-perjodu mill-1 ta’ Lulju sal-31 ta’ Diċembru 2021, fl-2022 u fl-2023. |
|
(12) |
L-importazzjonijiet mill-Ukrajna, inklużi ċ-ċereali u ż-żerriegħa taż-żejt, jistgħu jsiru soġġetti għal sorveljanza taħt il-Kapitolu IV tar-Regolament (UE) 2015/478, li jinkludi l-għażla li tintalab il-produzzjoni ta’ dokument ta’ sorveljanza bħala kundizzjoni għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa (liċenzjar ta’ importazzjoni), jekk ix-xejra fl-importazzjonijiet thedded li tikkawża ħsara lill-produtturi tal-Unjoni u jekk l-interessi tal-Unjoni jeħtieġu hekk. |
|
(13) |
Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni biex tissospendi temporanjament l-arranġamenti preferenzjali previsti fl-Artikolu 1(1) jekk il-kundizzjonijiet għall-intitolament għal dawk l-arranġamenti preferenzjali ma jibqgħux jiġu rrispettati u biex tintroduċi salvagwardji f’każijiet fejn is-suq tal-Unjoni jew is-suq ta’ Stat Membru wieħed jew aktar għal prodotti simili jew li jikkompetu direttament jiġu affettwati b’mod negattiv mill-importazzjonijiet skont dan ir-Regolament. Jenħtieġ li dawk is-setgħat ikunu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6). Il-proċedura konsultattiva prevista f’dak ir-Regolament jenħtieġ li tintuża għall-adozzjoni ta’ miżuri ta’ salvagwardja provviżorji, minħabba l-effetti u n-natura ta’ dawk il-miżuri u l-loġika sekwenzjali tagħhom fir-rigward tal-adozzjoni ta’ miżuri ta’ salvagwardja definittivi. Barra minn hekk, jenħtieġ li dik il-proċedura konsultattiva tintuża għall-adozzjoni ta’ arranġamenti biex jiġu ssorveljati l-volumi ta’ importazzjoni ta’ bajd, pollam, zokkor, ħafur, qamħirrum, ħbub imfesdqa misħuqa u għasel mill-Ukrajna biex jiggarantixxu l-funzjonament effettiv tas-salvagwardja awtomatika. |
|
(14) |
Jenħtieġ li r-rapport annwali tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni taż-Żona ta’ Kummerċ Ħieles Approfondita u Komprensiva, li hija parti integrali mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, jinkludi valutazzjoni fid-dettall tal-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ liberalizzazzjoni tal-kummerċ stabbiliti permezz ta’ dan ir-Regolament. |
|
(15) |
Fid-dawl tal-iskadenza tar-Regolament (UE) 2023/1077 fil-5 ta’ Ġunju 2024, dan ir-Regolament jenħtieġ li jidħol fis-seħħ fis-6 ta’ Ġunju 2024, |
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Miżuri ta’ liberalizzazzjoni tal-kummerċ
1. Jiġu introdotti l-arranġamenti preferenzjali li ġejjin:
|
(a) |
l-applikazzjoni tas-sistema ta’ prezzijiet ta’ dħul għandha tiġi sospiża għal dawk il-prodotti li għalihom tapplika kif speċifikat fl-Anness I-A tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni. L-ebda dazju doganali ma għandu japplika għall-importazzjonijiet ta’ dawk il-prodotti; |
|
(b) |
il-kwoti tariffarji kollha stabbiliti skont l-Anness I-A tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni għandhom jiġu sospiżi u l-prodotti koperti minn dawk il-kwoti għandhom jiġu ammessi għall-importazzjoni fl-Unjoni mill-Ukrajna mingħajr ebda dazju doganali. |
2. L-applikazzjoni tal-Kapitolu V u l-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) 2015/478 għandha tiġi sospiża temporanjament fir-rigward tal-importazzjonijiet li joriġinaw fl-Ukrajna.
Artikolu 2
Kundizzjonijiet tad-dritt għall-arranġamenti preferenzjali
L-arranġamenti preferenzjali previsti fl-Artikolu 1(1) għandhom ikunu suġġetti għall-kundizzjonijiet li ġejjin:
|
(a) |
il-konformità mill-Ukrajna mar-regoli tal-oriġini tal-prodotti u l-proċeduri relatati magħhom kif previst fil-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni; |
|
(b) |
l-astensjoni tal-Ukrajna milli tintroduċi dazji jew imposti ġodda li jkollhom effett ekwivalenti u restrizzjonijiet kwantitattivi ġodda jew miżuri li jkollhom effett ekwivalenti għal importazzjonijiet li joriġinaw mill-Unjoni, milli żżid il-livelli eżistenti ta’ dazji jew imposti jew milli tintroduċi kull restrizzjoni oħra fuq il-kummerċ tal-Unjoni, inkluż miżuri diskriminatorji amministrattivi interni, sakemm dan ma jkunx iġġustifikat b’mod ċar fil-kuntest tal-gwerra; u |
|
(c) |
l-osservanza tal-Ukrajna tal-prinċipji demokratiċi, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u l-osservanza tal-prinċipju tal-istat tad-dritt kif ukoll it-tkomplija tal-isforzi sostnuti fir-rigward tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni u attivitajiet illegali previsti fl-Artikoli 2, 3 u 22 tal-Ftehim ta’ Assoċazzjoni. |
Artikolu 3
Sospensjoni temporanja
1. Fejn il-Kummissjoni ssib li jkun hemm biżżejjed evidenza ta’ nuqqas ta’ konformità mill-Ukrajna mal-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 2, hija tista’ tissospendi kompletament jew parzjalment l-arranġamenti preferenzjali previsti fl-Artikolu 1(1), permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 5(3).
2. Meta Stat Membru jitlob li l-Kummissjoni tissospendi kwalunkwe wieħed mill-arranġamenti preferenzjali abbażi tan-nuqqas mill-Ukrajna li tikkonforma mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2, il-punt (b), il-Kummissjoni għandha tipprovdi opinjoni motivata fi żmien erba’ xhur minn meta ssir tali talba dwar jekk il-pretensjoni tan-nuqqas tal-Ukrajna li tikkonforma hijiex sostanzjata. Jekk il-Kummissjoni tikkonkludi li l-allegazzjoni tkun sostanzjata, għandha tagħti bidu għall-proċedura msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.
Artikolu 4
Miżuri ta’ salvagwardja
1. Fejn prodott kopert mill-Artikolu 1(1) li joriġina fl-Ukrajna jiġi importat taħt kundizzjonijiet li jaffettwaw b’mod negattiv is-suq tal-Unjoni jew is-suq ta’ Stat Membru wieħed jew aktar għal prodotti simili jew li jikkompetu direttament, il-Kummissjoni tista’ timponi kwalunkwe miżura li tkun meħtieġa permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 5(3).
Tali miżura tista’ tiġi imposta għaż-żmien li jkun meħtieġ biex tikkontrobatti l-effetti negattivi fuq is-suq tal-Unjoni jew fuq is-suq ta’ Stat Membru wieħed jew aktar għal prodotti simili jew li jikkompetu direttament.
2. Il-Kummissjoni għandha timmonitorja regolarment l-impatt ta’ dan ir-Regolament, filwaqt li tqis l-informazzjoni dwar l-esportazzjonijiet, l-importazzjonijiet, il-prezzijiet fis-suq tal-Unjoni jew fis-suq ta’ Stat Membru wieħed jew aktar u l-produzzjoni tal-Unjoni tal-prodotti soġġetti għall-miżuri ta’ liberalizzazzjoni tal-kummerċ skont l-Artikolu 1(1), il-punt (b).
Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri dwar ir-riżultati tal-monitoraġġ regolari kull xahrejn, mis-6 ta’ Ġunju 2024.
3. Il-Kummissjoni għandha twettaq valutazzjoni tas-sitwazzjoni tas-suq tal-Unjoni jew tas-suq ta’ Stat Membru wieħed jew aktar għal prodotti simili jew f’kompetizzjoni diretta bil-ħsieb li timponi miżuri skont il-paragrafu 1. Dik il-valutazzjoni għandha titnieda:
|
(a) |
wara talba sostanzjata kif xieraq minn Stat Membru li tinkludi biżżejjed evidenza prima facie disponibbli b’mod raġonevoli għal dak l-Istat Membru skont il-paragrafu 4 ta’ importazzjonijiet li jaffettwaw b’mod negattiv lis-suq imsemmi fil-paragrafu 1, jew |
|
(b) |
fuq l-inizjattiva tagħha stess, wara li jkun ħareġ biċ-ċar għall-Kummissjoni li hemm biżżejjed evidenza prima facie ta’ importazzjonijiet li jaffettwaw b’mod negattiv lis-suq imsemmi fil-paragrafu 1. |
Il-valutazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu għandha tiġi konkluża fi żmien erba’ xhur mit-tnedija tagħha.
4. Fit-twettiq tal-valutazzjoni skont il-paragrafu 3, il-Kummissjoni għandha tqis l-iżviluppi rilevanti kollha tas-suq, inkluż l-impatt tal-importazzjonijiet ikkonċernati fuq is-sitwazzjoni tas-suq tal-Unjoni jew tas-suq ta’ Stat Membru wieħed jew aktar għal prodotti simili jew li jikkompetu direttament. Dik il-valutazzjoni għandha tinkludi fatturi bħal:
|
(a) |
ir-rata u l-ammont taż-żieda fl-importazzjoni tal-prodott ikkonċernat mill-Ukrajna f’termini assoluti u relattivi, |
|
(b) |
l-effett tal-importazzjonijiet ikkonċernati fuq il-produzzjoni u l-prezzijiet fis-suq tal-Unjoni jew fis-suq ta’ Stat Membru wieħed jew aktar, filwaqt li jitqies l-iżvilupp tal-importazzjonijiet minn sorsi oħra. |
Il-lista ta’ fatturi msemmija fl-ewwel subparagrafu mhix eżawrjenti u fatturi rilevanti oħra jistgħu wkoll jiġu kkunsidrati.
5. F’ċirkostanzi kritiċi fejn id-dewmien jikkawża dannu li jkun diffiċli li jissewwa, il-Kummissjoni tista’ timponi b’mod provviżorju kwalunkwe miżura li tkun meħtieġa permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni. Tali miżura tista’ tiġi imposta biss wara talba debitament sostanzjata minn Stat Membru skont il-paragrafu 3, il-punt (a), ta’ dan l-Artikolu u għandha tiġi adottata fi żmien 21 jum wara li tkun waslet it-talba. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 5(4). It-tul ta’ żmien ta’ miżura ta’ salvagwardja proviżorja ma għandux jaqbeż il-120 jum.
6. Meta, bħala riżultat tal-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 3, il-Kummissjoni tqis li s-suq tal-Unjoni jew is-suq ta’ Stat Membru wieħed jew aktar għal prodotti simili jew li jikkompetu direttament ikun ġie affettwat ħażin u jkollha l-ħsieb li timponi miżura definittiva skont il-paragrafu 1, hija għandha tippubblika avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea li jħabbar l-introduzzjoni ta’ tali miżura. L-avviż għandu jipprovdi sommarju tar-riżultati ewlenin tal-valutazzjoni u jispeċifika l-perjodu li fih il-partijiet interessati jistgħu jissottomettu l-fehmiet tagħhom bil-miktub. Dak il-perjodu ma għandux jeċċedi għaxart ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni tal-avviż.
7. Jekk, matul il-perjodu mis-6 ta’ Ġunju sal-31 ta’ Diċembru 2024, il-volumi kumulattivi tal-importazzjoni ta’ bajd, pollam, zokkor, ħafur, qamħirrum, ħbub imfesdqa misħuqa jew għasel mill-1 ta’ Jannar 2024 jilħqu l-medja aritmetika rispettiva tal-volumi tal-importazzjoni rreġistrati fil-perjodu mill-1 ta’ Lulju sal-31 ta’ Diċembru 2021, fl-2022 u fl-2023, il-Kummissjoni għandha, fi żmien 14-il jum u wara li tinforma lill-Kumitat dwar is-Salvagwardji stabbilit bl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) 2015/478 (il-“Kumitat dwar is-Salvagwardji”):
|
(a) |
tintroduċi mill-ġdid għal dak il-prodott il-kwota tariffarja korrispondenti sospiża mill-Artikolu 1(1), il-punt (b), ta’ dan ir-Regolament sal-31 ta’ Diċembru 2024; u |
|
(b) |
tintroduċi mill-1 ta’ Jannar 2025 jew kwota tariffarja ugwali għal ħames partijiet minn kull tnax ta’ dik il-medja aritmetika jew il-kwota tariffarja korrispondenti sospiża mill-Artikolu 1(1), il-punt (b), ta’ dan ir-Regolament skont liema tkun l-ogħla. |
Jekk, matul il-perjodu mill-1 ta’ Jannar sal-5 ta’ Ġunju 2025, il-volumi kumulattivi tal-importazzjoni ta’ bajd, pollam, zokkor, ħafur, qamħirrum, ħbub imfesdqa misħuqa jew għasel għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2025 jilħqu ħames partijiet minn kull tnax tal-medja aritmetika rispettiva tal-volumi tal-importazzjoni rreġistrati fil-perjodu mill-1 ta’ Lulju sal-31 ta’ Diċembru 2021, fl-2022 u fl-2023, il-Kummissjoni għandha, fi żmien 14-il jum u wara li tinforma lill-Kumitat dwar is-Salvagwardji, tintroduċi mill-ġdid għal dak il-prodott il-kwota tariffarja korrispondenti sospiża mill-Artikolu 1(1), il-punt (b).
Għall-finijiet ta’ dan il-paragrafu, it-termini bajd, pollam, zokkor, ħafur, qamħirrum, ħbub imfesdqa misħuqa jew għasel jirreferu għall-prodotti kollha koperti mill-kwoti tariffarji fl-Appendiċi tal-Anness I-A tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni għal, rispettivament, il-bajd u l-albumini, il-laħam tal-pollam u l-preparazzjonijiet tal-laħam tal-pollam, zokkor, ħafur, qamħirrum, dqiq u gerbub, ħbub imfesdqa misħuqa u grixa tax-xgħir; ħbub taċ-ċereali maħduma mod ieħor, u għasel. Il-medja aritmetika msemmija f’dan il-paragrafu għandha tiġi kkalkulata billi s-somma tal-volumi tal-importazzjoni fil-perjodu mill-1 ta’ Lulju sal-31 ta’ Diċembru 2021, fl-2022 u fl-2023 tiġi diviża b’tnejn u nofs.
Il-Kummissjoni tista’ tadotta att ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxi l-arranġamenti għall-monitoraġġ tal-volumi ta’ importazzjoni msemmija f’dan il-paragrafu. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat skont il-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 5(4).
8. Jekk il-Kummissjoni timponi miżura skont il-paragrafu 1, 5, jew 7 li tintroduċi mill-ġdid kwota tariffarja sospiża mill-Artikolu 1(1), il-punt (b), il-kwantità importata matul is-sena kalendarja li fiha l-Kummissjoni timponi dik il-miżura għandha titqies fil-ġestjoni ta’ dik il-kwota tariffarja.
Artikolu 5
Proċedura ta’ kumitat
1. Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat tal-Kodiċi Doganali stabbilit bl-Artikolu 285(1) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) fir-rigward tal-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-Regolament. Dak il-Kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
2. Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat dwar is-Salvagwardji fir-rigward tal-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-Regolament. Dak il-Kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
3. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
4. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
Artikolu 6
Valutazzjoni tal-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ liberalizzazzjoni tal-kummerċ
Ir-rapport annwali tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni taż-Żona ta’ Kummerċ Ħieles Approfondit u Komprensiv għandu jinkludi valutazzjoni fid-dettall tal-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ liberalizzazzjoni tal-kummerċ previsti f’dan ir-Regolament u għandu jinkludi, sa fejn ikun xieraq, valutazzjoni tal-impatt soċjali ta’ dawn il-miżuri fl-Ukrajna u fl-Unjoni. L-informazzjoni dwar l-importazzjonijiet ta’ prodotti skont l-Artikolu 1(1), il-punt (b), għandha tkun disponibbli fuq is-sit web tal-Kummissjoni u għandha tiġi aġġornata kull xahar.
Artikolu 7
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-6 ta’ Ġunju 2024.
Dan ir-Regolament għandu japplika sal-5 ta’ Ġunju 2025.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Mejju 2024.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
R. METSOLA
Għall-Kunsill
Il-President
H. LAHBIB
(1) Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta’ April 2024 (għadha mhux ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tat-13 ta’ Mejju 2024.
(2) ĠU L 161, 29.5.2014, p. 3.
(3) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/668/UE tat-23 ta’ Ġunju 2014 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra, fir-rigward tat-Titolu III (bl-eċċezzjoni tad-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw it-trattament ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi legalment impjegati bħala ħaddiema fit-territorju tal-Parti l-oħra) u t-Titoli IV, V, VI u VII tiegħu, kif ukoll l-Annessi u l-Protokolli relatati (ĠU L 278, 20.9.2014, p. 1).
(4) Ir-Regolament (UE) 2023/1077 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Mejju 2023 dwar il-miżuri ta’ liberalizzazzjoni tal-kummerċ temporanji li jissupplimenta l-konċessjonijiet kummerċjali applikabbli għall-prodotti Ukreni skont il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra (ĠU L 144, 5.6.2023, p. 1).
(5) Ir-Regolament (UE) 2015/478 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2015 dwar ir-regoli komuni għall-importazzjonijiet (ĠU L 83, 27.3.2015, p. 16).
(6) Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).
(7) Ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni ( ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).
Saret dikjarazzjoni waħda fir-rigward ta’ dan ir-Regolament li tista’ tinstab fil-ĠU C … (1)
(1) Dikjarazzjoni mill-Kummissjoni dwar il-monitoraġġ tal-importazzjonijiet taċ-ċereali mill-Ukrajna fl-okkażjoni tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2024/1392 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar miżuri temporanji ta’ liberalizzazzjoni tal-kummerċ li jissupplimentaw il-konċessjonijiet kummerċjali applikabbli għall-prodotti Ukreni skont il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra (ĠU C, C/2024/3357, 29.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/3357/oj)
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1392/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)