European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/1385

24.5.2024

DIRETTIVA (UE) 2024/1385 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-14 ta’ Mejju 2024

dwar il-ġlieda kontra l-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 82(2) u l-Artikolu 83(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li tipprovdi qafas komprensiv biex jiġu pprevenuti u miġġielda b’mod effettiv il-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika madwar l-Unjoni. Dan tagħmlu billi ssaħħaħ u tintroduċi miżuri fir-rigward tal-oqsma li ġejjin: id-definizzjoni ta’ reati u ta’ pieni kriminali rilevanti, il-protezzjoni tal-vittmi u l-aċċess għall-ġustizzja, l-appoġġ tal-vittmi, it-titjib tal-ġbir tad-data, il-prevenzjoni, il-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni.

(2)

L-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel u n-nondiskriminazzjoni huma valuri fundamentali tal-Unjoni u drittijiet fundamentali minquxa, rispettivament, fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u fl-Artikoli 21 u 23 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-“Karta”). Il-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika jipperikolaw dawk il-valuri u d-drittijiet stess, filwaqt li jimminaw id-drittijiet tan-nisa u tal-bniet għall-ugwaljanza fl-oqsma kollha tal-ħajja u jfixklu l-parteċipazzjoni tagħhom fis-soċjetà u fil-ħajja professjonali b’mod ugwali.

(3)

Il-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika huma ksur tad-drittijiet fundamentali bħad-dritt għad-dinjità tal-bniedem, id-dritt għall-ħajja u l-integrità tal-persuna, il-projbizzjoni ta’ trattament jew pieni inumani jew degradanti, id-dritt għar-rispett għall-ħajja privata u tal-familja, id-dritt għal-libertà u s-sigurtà, id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali, id-dritt għan-nondiskriminazzjoni, inkluż għal raġunijiet ta’ sess, u d-drittijiet tat-tfal, kif minquxa fil-Karta u fil-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal.

(4)

Din id-Direttiva tappoġġa l-impenji internazzjonali meħuda mill-Istati Membri biex jiġġieldu u jipprevjenu l-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika, b’mod partikolari l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Eliminazzjoni tal-forom kollha ta’ Diskriminazzjoni Kontra n-Nisa u l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabbiltà, u, meta rilevanti, il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika u l-Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol dwar l-eliminazzjoni tal-vjolenza u l-fastidju fid-dinja tax-xogħol, iffirmata fil-21 ta’ Ġunju 2019 f’Ġinevra.

(5)

Fid-dawl tal-ispeċifiċitajiet relatati mar-reati ta’ vjolenza kontra n-nisa u vjolenza domestika, jeħtieġ li jiġi stabbilit sett komprensiv ta’ regoli li jindirizzaw il-problema persistenti tal-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika b’mod immirat u li jindirizzaw il-ħtiġijiet speċifiċi tal-vittmi ta’ tali vjolenza. Id-dispożizzjonijiet eżistenti fil-livell tal-Unjoni u f’dak nazzjonali wrew li mhumiex biżżejjed biex jiġġieldu u jipprevjenu b’mod effettiv il-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika. B’mod partikolari, filwaqt li d-Direttivi 2011/36/UE (3) u 2011/93/UE (4) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li jiffukaw fuq forom speċifiċi ta’ tali vjolenza, u d-Direttiva 2012/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), li tistabbilixxi l-qafas ġenerali għall-vittmi tal-kriminalità, jipprovdu xi salvagwardji għall-vittmi, jiġifieri, għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, vittmi ta’ vjolenza kontra n-nisa u ta’ vjolenza domestika, dawn ma jindirizzawx il-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom.

(6)

Il-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika jistgħu jiġu aggravati meta jseħħu fil-kuntest ta’ diskriminazzjoni bbażata simultanjament fuq is-sess u fuq kwalunkwe raġuni oħra ta’ diskriminazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 21 tal-Karta, jiġifieri r-razza, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjoni politika jew kwalunkwe opinjoni oħra, l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, diżabbiltà, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali (“diskriminazzjoni intersezzjonali”). Għalhekk, l-Istati Membri jenħtieġ li jagħtu l-attenzjoni dovuta lill-vittmi affettwati minn tali diskriminazzjoni intersezzjonali billi jieħdu miżuri speċifiċi. Il-persuni affettwati minn diskriminazzjoni intersezzjonali huma f’riskju akbar li jesperjenzaw vjolenza abbażi tal-ġeneru. Konsegwentement, l-Istati Membri jenħtieġ li jqisu dak il-livell akbar ta’ riskju meta jimplimentaw il-miżuri previsti minn din id-Direttiva, speċjalment fir-rigward tal-valutazzjoni individwali biex jiġu identifikati l-ħtiġijiet ta’ protezzjoni tal-vittmi, l-appoġġ speċjalizzat għall-vittmi u t-taħriġ u l-informazzjoni għall-professjonisti li x’aktarx jiġu f’kuntatt mal-vittmi.

(7)

Il-vittmi huma f’riskju akbar ta’ intimidazzjoni, ritaljazzjoni u vittimizzazzjoni sekondarja u ripetuta. L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li tingħata attenzjoni partikolari lil dawk ir-riskji u lill-ħtieġa li jiġu protetti d-dinjità u l-integrità fiżika ta’ tali vittmi. Konoxxenza preċedenti jew relazzjoni preċedenti mal-awtur tar-reat hija fattur li jenħtieġ li jitqies meta jiġi vvalutat ir-riskju ta’ ritaljazzjoni.

(8)

Il-vittmi jenħtieġ li jkunu jistgħu jaċċessaw id-drittijiet tagħhom qabel, matul u għal żmien xieraq wara l-proċedimenti kriminali f’konformità mal-ħtiġijiet tagħhom u skont il-kundizzjonijiet stabbiliti f’din id-Direttiva.

(9)

Id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva li jirrigwardaw id-drittijiet tal-vittmi jenħtieġ li japplikaw għall-vittmi kollha ta’ mġiba kriminali li tikkostitwixxi vjolenza kontra n-nisa jew vjolenza domestika, kif kriminalizzata skont il-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali. Dik tinkludi r-reati kriminali definiti f’din id-Direttiva, jiġifieri l-mutilazzjoni ġenitali femminili, iż-żwieġ furzat, il-kondiviżjoni mhux kunsenswali ta’ materjal intimu jew manipulat, l-istalking online, il-fastidju online, il-flashing online u l-inċitament online għall-vjolenza jew għall-mibegħda, u l-imġiba kriminali koperta minn atti legali oħra tal-Unjoni, b’mod partikolari d-Direttivi 2011/36/UE u 2011/93/UE. Fl-aħħar nett, ċerti reati kriminali skont il-liġi nazzjonali jaqgħu taħt id-definizzjoni ta’ vjolenza kontra n-nisa. Dawn jinkludu reati bħall-femminiċidju, l-istupru, il-fastidju sesswali, l-abbuż sesswali, l-istalking, iż-żwieġ bikri, l-abort furzat, l-isterilizzazzjoni furzata u forom differenti ta’ vjolenza online, bħall-fastidju sesswali online u l-bullying online. Il-vjolenza domestika hija forma ta’ vjolenza li tista’ tiġi kriminalizzata speċifikament skont il-liġi nazzjonali jew koperta minn reati kriminali li jitwettqu fi ħdan il-familja jew l-unità domestika jew bejn konjuġi jew sħab preċedenti jew attwali, sew jekk jikkondividu unità domestika u sew jekk le. L-Istati Membri individwali jistgħu jinterpretaw b’mod usa’ x’jikkostitwixxi vjolenza kontra n-nisa skont id-dritt kriminali nazzjonali. Jenħtieġ li jiġi nnotat li din id-Direttiva ma tindirizzax l-ispettru sħiħ ta’ mġiba kriminali li tikkostitwixxi vjolenza kontra n-nisa.

(10)

Il-vjolenza kontra n-nisa hija manifestazzjoni persistenti ta’ diskriminazzjoni strutturali kontra n-nisa, li tirriżulta minn relazzjonijiet ta’ poter storikament inugwali bejn in-nisa u l-irġiel. Hija forma ta’ vjolenza abbażi tal-ġeneru mwettqa primarjament fuq in-nisa u l-bniet mill-irġiel. Għandha l-għeruq tagħha fir-rwoli, fl-imġiba, fl-attivitajiet u fl-attributi mibnija soċjalment li soċjetà partikolari tqis xierqa għan-nisa u għall-irġiel. Konsegwentement, jenħtieġ li titqies perspettiva sensittiva għall-ġeneru fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva.

(11)

Il-vjolenza domestika hija problema soċjali serja li spiss tibqa’ moħbija. Tista’ twassal għal trawma psikoloġika u fiżika serja b’konsegwenzi severi għall-ħajja personali u professjonali ta’ vittma minħabba li l-awtur tar-reat tipikament ikun persuna magħrufa mill-vittma u li l-vittma tkun tistenna li tista’ tafda. Tali vjolenza tista’ tieħu diversi forom, inklużi forom fiżiċi, sesswali, psikoloġiċi u ekonomiċi, u tista’ sseħħ f’diversi tipi ta’ relazzjonijiet. Il-vjolenza domestika spiss tinkludi l-kontroll koerċittiv u tista’ sseħħ kemm jekk l-awtur tar-reat jikkondividi jew kien ikkondivida unità domestika mal-vittma.

(12)

Il-miżuri fl-ambitu ta’ din id-Direttiva huma mfassla biex jindirizzaw il-ħtiġijiet speċifiċi tan-nisa u tal-bniet, minħabba li, kif ikkonfermat minn data u studji, huma affettwati b’mod sproporzjonat mill-forom ta’ vjolenza koperti minn din id-Direttiva, jiġifieri l-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika. Madankollu, persuni oħra wkoll jisfaw vittmi ta’ dawk il-forom ta’ vjolenza u għalhekk jenħtieġ li jibbenefikaw ukoll mill-istess miżuri għall-vittmi previsti f’din id-Direttiva. Għalhekk, it-terminu “vittma” jenħtieġ li jirreferi għall-persuni kollha, irrispettivament mill-ġeneru tagħhom u, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor f’din id-Direttiva, il-vittmi kollha jenħtieġ li jibbenefikaw mid-drittijiet relatati mal-protezzjoni tal-vittmi u l-aċċess għall-ġustizzja, l-appoġġ għall-vittmi u l-miżuri preventivi.

(13)

Minħabba l-vulnerabbiltà tagħhom, il-fatt li jaraw il-vjolenza domestika sseħħ jista’ tkun devastanti għat-tfal. It-tfal li jaraw il-vjolenza domestika fil-familja jew fl-unità domestika tipikament iġarrbu ħsara psikoloġika u emozzjonali diretta li tħalli impatt fuq l-iżvilupp tagħhom u jkollhom riskju akbar li jbatu minn mard fiżiku u mentali, kemm fuq perjodu qasir kif ukoll fit-tul. Ir-rikonoxximent li t-tfal li ġarrbu ħsara kkawżata direttament mill-fatt li raw vjolenza domestika sseħħ huma vittmi wkoll, jikkostitwixxi pass importanti fil-protezzjoni ta’ dawk it-tfal li jkunu qed ibatu minħabba l-vjolenza domestika.

(14)

Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, “awtoritajiet kompetenti” jenħtieġ li tinftiehem li huma l-awtorità jew l-awtoritajiet deżinjati skont il-liġi nazzjonali bħala kompetenti biex iwettqu dmir previst f’din id-Direttiva. Kull Stat Membru jenħtieġ li jiddetermina liema awtoritajiet għanhom ikunu kompetenti għal kull wieħed minn dawk id-dmirijiet.

(15)

Skont l-Artikolu 288 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), direttiva torbot lil kull Stat Membru li għalih hija indirizzata, f’dak li għandu x’jaqsam mar-riżultat li jrid jinkiseb, iżda tħalli l-għażla ta’ forom u metodi f’idejn l-awtoritajiet nazzjonali. Madankollu, minħabba n-natura speċjali tar-reat tal-mutilazzjoni ġenitali femminili u l-ħtieġa li tiġi żgurata l-protezzjoni tal-vittmi li jġarrbu ħsara speċifika bħala riżultat ta’ dan, dak ir-reat jenħtieġ li jiġi indirizzat speċifikament fil-liġijiet kriminali tal-Istati Membri. Il-mutilazzjoni ġenitali femminili hija prattika abbużiva u ta’ sfruttament li tikkonċerna l-organi sesswali ta’ mara jew ta’ tifla u li titwettaq bl-għan li tinżamm u tiġi asserita dominanza fuq in-nisa u l-bniet u li jiġi eżerċitat kontroll soċjali fuq is-sesswalità tan-nisa u tal-bniet. Xi drabi din issir fil-kuntest ta’ żwieġ furzat tal-bniet jew ta’ vjolenza domestika. Il-mutilazzjoni ġenitali femminili tista’ sseħħ bħala prattika tradizzjonali li xi komunitajiet iwettqu fuq il-membri nisa tagħhom. Jenħtieġ li din tkopri l-prattiki ta’ mutilazzjoni mwettqa għal raġunijiet mhux mediċi, li jikkawżaw ħsara irreparabbli u tul il-ħajja kollha għall-vittmi. Il-mutilazzjoni ġenitali femminili twassal għal ħsara psikoloġika u soċjali, li taffettwa severament il-kwalità tal-ħajja tal-vittma. It-terminu “qtugħ” jenħtieġ li jirreferi għat-tneħħija parzjali jew totali tal-clitoris u tal-labia majora. It-terminu “infibulazzjoni” jenħtieġ li jirreferi għall-għeluq tal-labia majora billi jinħietu flimkien parzjalment ix-xufftejn ta’ barra tal-vulva sabiex jiċċekken il-ftuħ vaġinali. It-terminu “twettiq ta’ kwalunkwe mutilazzjoni oħra” jenħtieġ li jirreferi għall-alterazzjonijiet fiżiċi l-oħra kollha tal-ġenitali femminili.

(16)

Iż-żwieġ furzat huwa forma ta’ vjolenza li tinvolvi ksur serju tad-drittijiet fundamentali u, b’mod partikolari, tad-drittijiet tan-nisa u l-bniet għall-integrità fiżika, il-libertà, l-awtonomija, is-saħħa fiżika u mentali, is-saħħa sesswali u riproduttiva, l-edukazzjoni u ħajja privata. Il-faqar, il-qgħad, id-drawwiet jew il-kunflitti huma kollha fatturi li jippromwovu ż-żwieġ furzat. Il-vjolenza fiżika u sesswali u t-theddid ta’ vjolenza huma forom ta’ koerċizzjoni użati ta’ spiss biex mara jew tifla tiġi mġiegħla tiżżewweġ. Ħafna drabi, maż-żwieġ sfurzat jiżdiedu forom ta’ sfruttament u vjolenza fiżiċi u psikoloġiċi, bħall-isfruttament sesswali. Huwa għalhekk meħtieġ li l-Istati Membri kollha jikkriminalizzaw iż-żwieġ furzat u jissoġġettaw lill-awturi tar-reat għal pieni xierqa. Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għad-definizzjonijiet ta’ “żwieġ” previsti fil-liġi nazzjonali jew internazzjonali. L-Istati Membri jenħtieġ li jieħdu l-miżuri neċessarji biex jipprevedu perjodu ta’ preskrizzjoni li jippermetti l-investigazzjoni, il-prosekuzzjoni, il-proċess u l-aġġudikazzjoni inkonnessjoni maż-żwieġ furzat. Minħabba li l-vittmi taż-żwieġ furzat spiss ikunu minorenni, il-perjodi ta’ preskrizzjoni jenħtieġ li jkomplu għal perjodu ta’ żmien li jkun biżżejjed u proporzjonat għall-gravità tar-reat inkwistjoni sabiex jippermettu l-bidu effiċjenti tal-proċedimenti wara li l-vittma tkun laħqet l-età ta’ 18-il sena.

(17)

Jeħtieġ li jiġu previsti definizzjonijiet armonizzati ta’ reati u ta’ pieni fir-rigward ta’ ċerti forom ta’ vjolenza online meta l-vjolenza tkun intrinsikament marbuta mal-użu ta’ teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (“ICT”) u dawk it-teknoloġiji jintużaw biex jamplifikaw b’mod sinifikanti s-severità tal-impatt ta’ ħsara tar-reat, u b’hekk jinbidlu l-karatteristiċi tar-reat. Il-vjolenza online b’mod partikolari timmira u tħalli impatt fuq il-politiċi, il-ġurnalisti u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem nisa. Id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem huma individwi, gruppi jew organizzazzjonijiet li jippromwovu u jipproteġu d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali rikonoxxuti universalment. Il-vjolenza online jista’ jkollha l-effett li ssikket lin-nisa u tfixkel il-parteċipazzjoni tagħhom fis-soċjetà fuq l-istess livell tal-irġiel. Il-vjolenza online taffettwa wkoll b’mod sproporzjonat lin-nisa u lill-bniet f’ambjenti edukattivi, bħall-iskejjel u l-universitajiet, b’konsegwenzi detrimentali għall-edukazzjoni ulterjuri tagħhom u għas-saħħa mentali tagħhom, tikkawża esklużjoni soċjali, ansjetà u twassal għall-awtomutilazzjoni u, f’każijiet estremi, tista’ twassal għal suwiċidju.

(18)

L-użu tal-ICT għandu r-riskju ta’ amplifikazzjoni faċli, rapida u mifruxa ta’ ċerti forom ta’ vjolenza online bir-riskju ċar li tinħoloq jew tissaħħaħ ħsara profonda u fit-tul lill-vittma. Il-potenzjal għal tali amplifikazzjoni, li huwa prerekwiżit għat-twettiq ta’ diversi reati ta’ vjolenza online definiti f’din id-Direttiva, jenħtieġ li jiġi rifless mill-element li ċertu materjal isir “aċċessibbli għall-pubbliku”, permezz tal-ICT. It-termini “aċċessibbli għall-pubbliku” u “aċċessibbli pubblikament” jenħtieġ li jinftiehmu bħala referenza li potenzjalment jintlaħqu għadd ta’ persuni. Dawk it-termini jenħtieġ li jiġi interpretati u applikati b’kunsiderazzjoni taċ-ċirkostanzi rilevanti, inkluża t-teknoloġija użata biex dak il-materjal isir aċċessibbli. Barra minn hekk, sabiex jiġu stabbiliti biss regoli minimi għall-aktar forom serji ta’ vjolenza online, ir-reati rilevanti definiti f’din id-Direttiva huma limitati għal imġiba li x’aktarx tikkawża ħsara serja jew ħsara psikoloġika serja lill-vittma jew għal imġiba li x’aktarx tikkawża lill-vittma biża’ serja għas-sikurezza tagħha stess jew għal dik tad-dipendenti. F’kull każ, meta jiġi vvalutat jekk l-imġiba hijiex probabbli li tikkawża ħsara serja, jenħtieġ li jitqiesu ċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-każ, mingħajr preġudizzju għall-indipendenza ġudizzjarja. Il-probabbiltà li tiġi kkawżata ħsara serja tista’ tiġi dedotta minn ċirkostanzi fattwali oġġettivi. Din id-Direttiva tistabbilixxi qafas legali minimu f’dak ir-rigward, u l-Istati Membri huma liberi li jadottaw jew iżommu regoli kriminali aktar stretti.

(19)

Speċjalment minħabba t-tendenza tiegħu għal distribuzzjoni u twettiq faċli, rapidi u wiesa’, kif ukoll in-natura intima tiegħu, il-fatt li immaġni, videos jew materjal simili li juru attivitajiet espliċitament sesswali jew il-partijiet intimi ta’ persuna jsiru aċċessibbli għall-pubbliku permezz tal-ICT mingħajr il-kunsens ta’ dik il-persuna, jista’ jkun ta’ ħsara kbira għall-vittmi. Ir-reat rilevanti definit f’din id-Direttiva jenħtieġ li jkopri t-tipi kollha ta’ tali materjal, bħal immaġni, ritratti u videos, inklużi immaġni, klipps tal-awdjo u klipps tal-video sesswalizzati. Jenħtieġ li jkopri sitwazzjonijiet li fihom il-materjal isir aċċessibbli għal-pubbliku permezz tal-ICT mingħajr il-kunsens tal-vittma, irrispettivament minn jekk il-vittma tkunx tat il-kunsens tagħha għall-ġenerazzjoni tal-materjal jew jekk setgħetx ittrażmettietu lil persuna partikolari. Ir-reat jenħtieġ li jinkludi wkoll il-produzzjoni, il-manipulazzjoni jew l-alterazzjoni mhux kunsenswali, pereżempju permezz tal-editjar tal-immaġni, inkluż permezz tal-intelliġenza artifiċjali, ta’ materjal li jagħmilha tidher daqslikieku persuna tkun involuta f’attivitajiet sesswali, sa fejn il-materjal sussegwentement isir aċċessibbli għall-pubbliku permezz tal-ICT mingħajr il-kunsens ta’ dik il-persuna. Tali produzzjoni, manipulazzjoni jew alterazzjoni jenħtieġ li tinkludi l-fabbrikazzjoni ta’ “deepfakes”, li fihom il-materjal ikun sostanzjalment jixbah lil persuna, oġġetti, postijiet jew entitajiet jew avvenimenti oħra eżistenti, juri l-attivitajiet sesswali ta’ persuna, u jkun jidher b’mod falz għal persuni oħra bħala materjal awtentiku jew veritier. Fl-interess tal-protezzjoni effettiva tal-vittmi minn tali mġiba, it-theddid ta’ involviment f’tali mġiba jenħtieġ li jkun kopert ukoll.

(20)

It-tixrid ta’ immaġni, videos jew materjal ieħor li juri attivitajiet sesswalment espliċiti jew il-partijiet intimi ta’ persuna mingħajr il-kunsens ta’ dik il-persuna lill-pubbliku permezz tal-ICT jenħtieġ li ma jiġix kriminalizzat, meta tali non-diskriminazzjoni hija neċessarja biex jiġu salvagwardjati d-drittijiet fundamentali protetti skont il-Karta, b’mod partikolari l-libertà tal-espressjoni, inkluż il-libertà li wieħed jirċievi u jagħti informazzjoni u ideat f’soċjetà miftuħa u demokratika, kif ukoll il-libertà tal-arti u x-xjenzi, inkluża l-libertà akkademika. Barra minn hekk, ir-reat jenħtieġ li ma jkoprix it-trattament ta’ materjal mill-awtoritajiet pubbliċi, b’mod partikolari biex iwettqu proċedimenti kriminali jew biex jipprevjenu, jidentifikaw jew jinvestigaw reati, u l-Istati Membri jenħtieġ li jkunu jistgħu jeżentaw lil persuna mir-responsabbiltà taħt ċirkostanzi speċifiċi, pereżempju meta l-helplines telefoniċi jew online jittrattaw materjal sabiex jirrapportaw reat lill-awtoritajiet.

(21)

L-istalking online huwa forma moderna ta’ vjolenza li spiss titwettaq kontra membri tal-familja jew persuni li jgħixu fl-istess unità domestika bħall-awtur tar-reat iżda titwettaq ukoll minn ex sħab jew konoxxenzi. Tipikament, it-teknoloġija tintuża improprjament mill-awtur tar-reat biex jintensifika l-imġiba koerċittiva u ta’ kontroll, il-manipulazzjoni u s-sorveljanza, u b’hekk jiżdiedu l-biża’, l-ansjetà u l-iżolament gradwali tal-vittma mill-ħbieb, mill-familja u mix-xogħol. Għalhekk, jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli minimi dwar l-istalking online. Ir-reat tal-istalking online jenħtieġ li jkopri s-sorveljanza ripetuta jew kontinwa, permezz tal-ICT, tal-vittma mingħajr il-kunsens tal-vittma jew awtorizzazzjoni legali. Tali sorveljanza tista’ ssir possibbli bl-ipproċessar tad-data personali tal-vittma, bħal permezz ta’ serq tal-identità, bis-serq tal-passwords, bil-hacking tal-apparati tal-vittmi, bl-attivazzjoni sigrieta ta’ keylogging software għal aċċess għall-ispazji privati tal-vittma, bl-installazzjoni ta’ apps ta’ ġeolokalizzazzjoni, inkluż stalkerware, jew bis-serq tal-apparati tal-vittma. Barra minn hekk, ir-reat tal-istalking online jenħtieġ li jkopri l-monitoraġġ tal-vittmi, mingħajr il-kunsens jew l-awtorizzazzjoni tal-vittma, permezz ta’ apparati teknoloġiċi konnessi permezz tal-Internet tal-Oġġetti, bħal apparati domestiċi intelliġenti. Madankollu, jista’ jkun hemm sitwazzjonijiet li fihom is-sorveljanza titwettaq għal raġunijiet leġittimi, pereżempju fil-kuntest ta’ ġenituri li jimmonitorjaw fejn ikunu jinsabu t-tfal tagħhom u l-attività online tagħhom, ta’ qraba li jimmonitorjaw is-saħħa ta’ persuni morda, anzjani jew vulnerabbli jew persuni b’diżabbiltà, jew ta’ monitoraġġ tal-media u intelligence minn sorsi miftuħa.

(22)

Ir-responsabbiltà kriminali jenħtieġ li tkun limitata għal sitwazzjonijiet li fihom il-monitoraġġ x’aktarx jikkawża ħsara serja lill-vittma. Meta jiġi vvalutat jekk att huwiex probabbli li jikkawża ħsara serja, l-enfasi jenħtieġ li tkun fuq jekk l-att tipikament jikkawżax ħsara lil vittma.

(23)

Fid-definizzjoni tar-reat ta’ stalking online, il-kunċett ta’ “tracking” jenħtieġ li jirreferi għat-traċċar tal-post fejn tkun tinsab persuna u għall-insegwiment tal-movimenti ta’ dik il-persuna, u l-kunċett ta’ “monitoraġġ” jenħtieġ li jirreferi għall-osservazzjoni ta’ persuna b’mod aktar ġenerali, inkluża l-osservazzjoni tal-attivitajiet ta’ dik il-persuna. Fil-kuntest tal-istalking online, iż-żewġ azzjonijiet fl-aħħar mill-aħħar għandhom l-għan li jikkontrollaw persuna.

(24)

Jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli minimi dwar ir-reat ta’ fastidju online sabiex jiġu koperti l-forom l-aktar serji ta’ fastidju online. Dawk jenħtieġ li jinkludu t-twettiq ripetut jew kontinwu ta’ mġiba ta’ theddid diretta lejn persuna tal-anqas meta tali mġiba tinvolvi theddid, permezz tal-ICT, li jitwettqu reati kriminali u meta tali mġiba x’aktarx twassal biex il-persuna tibża’ serjament għas-sikurezza tagħha stess jew għas-sikurezza tad-dipendenti. Jenħtieġ li jinkludu wkoll it-twettiq, flimkien ma’ persuni oħra, permezz tal-ICT, ta’ mġiba ta’ theddid jew inġurjuża aċċessibbli pubblikament, diretta lejn persuna, meta tali mġiba x’aktarx tikkawża ħsara psikoloġika serja lil dik il-persuna. Tali attakki fuq skala wiesgħa, inklużi attakki fi grupp, ikkoordinati u online, jistgħu jittrasformaw ruħhom f’attakk offline jew jikkawżaw ħsara psikoloġika sinifikanti u, f’każijiet estremi, iwasslu għas-suwiċidju tal-vittma. Tali attakki spiss jitwettqu kontra politiċi, ġurnalisti u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem nisa jew inkella nisa magħrufa sew, iżda jistgħu jseħħu wkoll f’kuntesti differenti, pereżempju fuq il-kampusijiet, fl-iskejjel u fuq ix-xogħol. Tali vjolenza online jenħtieġ li tiġi indirizzata speċjalment meta l-attakki jseħħu fuq skala wiesgħa, pereżempju fil-forma ta’ fastidju kumulattiv minn ammont sinifikanti ta’ persuni. Ir-regoli minimi li jikkonċernaw ir-reat ta’ fastidju online jenħtieġ li jinkludu wkoll it-trażmissjoni mhux mitluba ta’ immaġni, video jew materjal simili ieħor li juri ġenitali lil persuna (“flashing online”), meta tali mġiba x’aktarx tikkawża ħsara psikoloġika serja lil dik il-persuna. Il-flashing online huwa forma komuni ta’ intimidazzjoni tan-nisa u mod kif jissikktu. Ir-regoli minimi li jikkonċernaw ir-reat ta’ fastidju online jenħtieġ li jinkludu wkoll regoli dwar sitwazzjonijiet li fihom l-informazzjoni personali tal-vittma titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku permezz tal-ICT, mingħajr il-kunsens tal-vittma, għall-fini tal-inċitament ta’ persuni oħra biex jikkawża ħsara fiżika jew psikoloġika serja lill-vittma (“doxing”).

(25)

Matul dawn l-aħħar snin, iż-żieda fl-użu tal-internet u tal-media soċjali wasslet għal żieda qawwija fl-inċitament pubbliku għall-vjolenza u l-mibegħda, inkluż abbażi tal-ġeneru. Il-kondiviżjoni faċli, rapida u wiesgħa tad-diskors ta’ mibegħda permezz tad-dinja diġitali hija rinforzata bl-effett ta’ diżinibizzjoni online, peress li l-anonimità preżunta fuq l-internet u sens ta’ impunità jnaqqsu l-inibizzjoni tan-nies biex jagħmlu dak it-tip ta’ diskors. In-nisa spiss ikunu fil-mira ta’ mibegħda sessista u misoġena online, li tista’ teskala f’reati ta’ mibegħda offline. Jeħtieġ li dik l-imġiba tiġi prevenuta jew interċettata fi stadju bikri. Il-lingwaġġ użat f’dak it-tip ta’ inċitament mhux dejjem jirreferi direttament għall-ġeneru tal-persuna fil-mira, imma l-preġudizzju huwa faċilment deduċibbli mill-kontenut jew il-kuntest ġenerali tal-inċitament.

(26)

Ir-reat tal-inċitament għall-vjolenza jew għall-mibegħda online jippresupponi li l-inċitament ma jiġix espress f’kuntest purament privat imma pubblikament bl-użu tal-ICT. Għaldaqstant, jenħtieġ li dan ikun jirrikjedi t-tixrid lill-pubbliku, li jenħtieġ li jinftiehem bħala li jinvolvi l-aċċessibbiltà ta’ materjal partikolari li jikkostitwixxi inċitament għall-vjolenza jew għall-mibegħda, permezz tal-ICT, għal għadd potenzjalment illimitat ta’ persuni, jiġifieri l-aċċessibbiltà faċli tal-materjal għall-utenti b’mod ġenerali, mingħajr il-ħtieġa ta’ azzjoni ulterjuri mill-persuna li tkun ipprovdiet il-materjal, irrispettivament minn jekk dawk il-persuni effettivament jaċċessawx l-informazzjoni inkwistjoni. Għaldaqstant, meta l-aċċess għall-materjal jirrikjedi reġistrazzjoni jew ammissjoni fi grupp ta’ utenti, jenħtieġ li dik l-informazzjoni titqies li hija mxerrda lill-pubbliku biss meta l-utenti li jfittxu li jaċċessaw il-materjal ikunu awtomatikament reġistrati jew ammessi mingħajr deċiżjoni umana jew mingħajr l-għażla ta’ min jingħata aċċess. Meta jivvalutaw jekk materjal jistax jitqies bħala li jikkostitwixxi inċitament għall-mibegħda jew għall-vjolenza, l-awtoritajiet kompetenti jenħtieġ li jqisu d-dritt fundamentali għal-libertà tal-espressjoni kif minqux fl-Artikolu 11 tal-Karta.

(27)

Sabiex jiġi żgurat bilanċ ġust bejn il-libertà tal-espressjoni u l-prosekuzzjoni tar-reat ta’ inċitament online għall-vjolenza jew għall-mibegħda, l-Istati Membri jenħtieġ li jkunu jistgħu jagħżlu li jikkastigaw biss imġiba li titwettaq b’mod li x’aktarx ifixkel l-ordni pubbliku jew li tkun theddida, abbużiva jew inġurjuża. L-applikazzjoni ta’ dawk il-kundizzjonijiet, meta jkun meħtieġ mil-liġi nazzjonali, jenħtieġ li ma twassalx biex timmina l-effettività tad-dispożizzjoni li tiddefinixxi r-reat ta’ inċitament online għall-vjolenza jew għall-mibegħda.

(28)

Il-pieni għar-reati definiti f’din id-Direttiva jenħtieġ li jkunu effettivi, dissważivi u proporzjonati. Għal dak il-għan, jenħtieġ li jiġu stabbiliti livelli minimi għat-terminu massimu ta’ priġunerija għall-persuni fiżiċi. It-termini massimi ta’ priġunerija previsti f’din id-Direttiva għar-reati mwettqa minn persuni fiżiċi jenħtieġ li japplikaw tal-anqas għall-aktar forom serji ta’ tali reati.

(29)

Il-vittmi jenħtieġ li jkunu jistgħu jirrapportaw reati ta’ vjolenza kontra n-nisa jew ta’ vjolenza domestika u jipprovdu evidenza faċilment mingħajr ma jkunu soġġetti għal vittimizzazzjoni sekondarja jew ripetuta. Huwa ta’ importanza fundamentali li l-vittmi, meta jirrapportaw reati, jiġu riferuti għand punt ta’ kuntatt speċjalizzat, kull meta jkun possibbli, irrispettivament minn jekk jiġix ippreżentat ilment kriminali. Dak il-punt ta’ kuntatt jista’ jkun uffiċjal tal-pulizija mħarreġ jew kwalunkwe professjonist imħarreġ biex jassisti lill-vittmi.

(30)

L-Istati Membri, minbarra r-rapportar wiċċ imb wiċċ, jenħtieġ li jipprovdu l-possibbiltà li jiġu ppreżentati lmenti online jew permezz ta’ ICT aċċessibbli u sigura oħra għar-rapportar tal-vjolenza kontra n-nisa jew tal-vjolenza domestika, tal-anqas fir-rigward tar-reati online ta’ kondiviżjoni mhux kunsenswali ta’ materjal intimu jew manipulat, stalking online, fastidju online u l-inċitament għall-vjolenza jew għall-mibegħda online kif definiti f’din id-Direttiva. Il-vittmi jenħtieġ li jkunu jistgħu jtellgħu materjali relatati mar-rapport tagħhom, bħal ritratti tal-iskrin tal-imġiba vjolenti allegata.

(31)

Fid-dawl tal-ispeċifiċitajiet tal-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika, u r-riskju akbar li l-vittmi jistgħu jirtiraw l-ilment tagħhom minkejja li kienu vittmi ta’ reat, huwa importanti li l-evidenza rilevanti tinġabar b’mod komprensiv kmieni kemm jista’ jkun, f’konformità mar-regoli proċedurali nazzjonali applikabbli.

(32)

L-Istati Membri jistgħu jestendu l-għajnuna legali, inkluża l-għajnuna legali bla ħlas, lill-vittmi meta jirrapportaw reati kriminali, meta dan ikun previst mil-liġi nazzjonali. Meta jivvalutaw ir-riżorsi tal-vittma għall-fini li jiddeċiedu jekk jagħtux għajnuna legali, l-Istati Membri jenħtieġ li jikkunsidraw l-aċċess effettiv tal-vittma għar-riżorsi finanzjarji tagħha. Il-vjolenza domestika tista’ twassal għal kontroll ekonomiku mill-awtur tar-reat, u l-vittmi jista’ ma jkollhomx aċċess effettiv għar-riżorsi finanzjarji tagħhom stess.

(33)

Fil-każ ta’ vjolenza domestika u vjolenza kontra n-nisa, speċjalment meta jitwettqu minn membri tal-familja mill-qrib jew minn sħab intimi, il-vittmi jafu jkunu taħt pressjoni tant kbira mill-awtur tar-reat li jibżgħu jirrikorru għand l-awtoritajiet kompetenti, anki jekk ħajjithom tkun fil-periklu. Għalhekk, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li r-regoli ta’ kunfidenzjalità tagħhom ma jikkostitwux ostaklu għall-professjonisti tal-kura tas-saħħa biex jirrapportaw lill-awtoritajiet kompetenti, meta jkollhom motivi raġonevoli biex jemmnu li hemm riskju imminenti ta’ ħsara fiżika serja. Tali rapportar huwa ġustifikat minħabba li tali atti jafu ma jiġux irrapportati minn dawk li jesperjenzawhom jew li jarawhom iseħħu direttament. Bl-istess mod, każijiet ta’ vjolenza domestika jew vjolenza kontra n-nisa li jaffettwaw lit-tfal spiss jiġu interċettati biss minn partijiet terzi li jinnotaw imġiba irregolari jew ħsara fiżika lit-tfal. It-tfal jeħtiġilhom jiġu protetti b’mod effettiv minn tali forom ta’ vjolenza u jeħtieġ li jittieħdu miżuri adegwati minnufih. Għalhekk, il-professjonisti li jiġu f’kuntatt ma’ vittmi li huma tfal, inklużi l-professjonisti tal-kura tas-saħħa, tas-servizzi soċjali jew tal-edukazzjoni, jenħtieġ li ma jiġux ristretti minn regoli ta’ kunfidenzjalità meta jkollhom motivi raġonevoli biex jemmnu li tkun saret ħsara fiżika serja lil tfal. Meta l-professjonisti jirrapportaw tali każijiet ta’ vjolenza, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li ma jitqisux responsabbli għal ksur tal-kunfidenzjalità. Madankollu, il-privileġġ professjonali legali jenħtieġ li jiġi protett, f’konformità mal-Artikolu 7 tal-Karta, kif iġġustifikat mir-rwol fundamentali assenjat lill-avukati f’soċjetà demokratika. Meta jkun previst mil-liġi nazzjonali, is-sigriet tal-qrar, jew prinċipji ekwivalenti applikabbli sabiex tiġi salvagwardjata l-libertà tar-reliġjon, jenħtieġ li jiġu protetti wkoll. Barra minn hekk, il-possibbiltà għall-professjonisti li jirrapportaw tali każijiet ta’ vjolenza hija mingħajr preġudizzju għar-regoli nazzjonali dwar il-kunfidenzjalità tas-sorsi applikabbli fil-kuntest tal-media.

(34)

Sabiex jiġi indirizzat is-sottorapportar f’każijiet meta l-vittma tkun tfal, jenħtieġ li jiġu stabbiliti proċeduri ta’ rapportar sikuri u adatti għat-tfal. Dawk jistgħu jinkludu mistoqsijiet mill-awtoritajiet kompetenti b’lingwaġġ sempliċi u aċċessibbli. L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li, sa fejn possibbli, il-professjonisti li jispeċjalizzaw fil-kura u l-appoġġ tat-tfal jkunu preżenti sabiex jgħinuhom bil-proċeduri ta’ rapportar. Jista’ jkun hemm ċirkostanzi li fihom tali assistenza taf ma tkunx rilevanti, pereżempju minħabba l-maturità tat-tfal jew fil-każ ta’ rapportar online, jew meta tali assistenza taf tkun diffiċli, pereżempju f’żoni skarsament popolati.

(35)

Huwa importanti li l-Istati Membri jiżguraw li l-vittmi li jkunu ċittadini ta’ pajjiżi terzi, irrispettivament mill-istatus ta’ residenza tagħhom, ma jiġux skoraġġuti milli jirrapportaw każijiet ta’ vjolenza kontra n-nisa jew vjolenza domestika u jiġu ttrattati b’mod mhux diskriminatorju fir-rigward tal-istatus ta’ residenza tagħhom f’konformità mal-objettivi tad-Direttiva 2012/29/UE. Biex il-vittmi kollha jiġu protetti minn vjolenza ripetuta, huwa importanti li jiġi applikat approċċ iċċentrat fuq il-vittmi. B’mod partikolari, jenħtieġ li jiġi żgurat li l-infurzar tal-proċedura ta’ ritorn skont id-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) ma jipprevjenix lill-vittmi milli jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jinstemgħu skont id-Direttiva 2012/29/UE. L-Istati Membri, f’konformità mad-Direttiva 2008/115/KE, jistgħu jiddeċiedu li jagħtu permess ta’ residenza awtonomu jew awtorizzazzjoni oħra li toffri dritt ta’ soġġorn għal raġunijiet ta’ kompassjoni, umanitarji jew raġunijiet oħra lil ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun qiegħed illegalment fit-territorju tagħhom u għandhom jikkonformaw mal-obbligu skont dik id-Direttiva li jitqiesu sa fejn huwa possibbli l-ħtiġijiet speċjali ta’ persuni vulnerabbli matul il-perjodu għat-tluq volontarju, meta t-tali perjodu jkun ingħata skont dik id-Direttiva.

(36)

Id-dewmien fl-ipproċessar tal-ilmenti ta’ vjolenza kontra n-nisa u ta’ vjolenza domestika jista’ joħloq riskji partikolari għall-vittmi tagħhom, minħabba li xorta jafu jkunu f’periklu immedjat u li l-awturi tar-reati ta’ spiss jafu jkunu membri tal-familja mill-qrib jew konjuġi. Għalhekk, l-awtoritajiet kompetenti jenħtieġ li jkunu mħarrġa sew u jkollhom l-għarfien espert adegwat u l-għodod investigattivi effettivi suffiċjenti biex jinvestigaw u jwasslu tali atti għal prosekuzzjoni, mingħajr ma jkollhom jistabbilixxu servizzi jew unitajiet speċjalizzati.

(37)

L-investigazzjonijiet dwar jew il-prosekuzzjonijiet ta’ atti ta’ stupru jenħtieġ li ma jkunux dipendenti fuq il-fatt li vittma jew ir-rappreżentant tal-vittma jirrapportaw tali atti jew fuq ilment minn vittma jew mir-rappreżentant tal-vittma. Bl-istess mod, il-proċedimenti kriminali jenħtieġ li jkomplu anki meta l-vittma tirtira l-ilment. Dan huwa mingħajr preġudizzju għad-diskrezzjoni tal-awtoritajiet tal-prosekuzzjoni li jwaqqfu l-proċedimenti kriminali għal raġunijiet oħra, pereżempju meta jikkonkludu li ma jkunx hemm biżżejjed evidenza biex il-proċedimenti kriminali jitkomplew.

(38)

Il-vittmi ta’ vjolenza domestika u vjolenza sesswali tipikament jeħtieġu protezzjoni immedjata u appoġġ speċifiku, pereżempju fil-każ ta’ vjolenza mis-sħab intimi, fejn ir-rata ta’ reċidività għandha t-tendenza li tkun għolja. Għalhekk, valutazzjoni individwali tal-ħtiġijiet tal-vittma jenħtieġ li tinbeda fl-iktar stadju bikri possibbli, bħal meta l-vittma tiġi f’kuntatt l-ewwel darba mal-awtoritajiet kompetenti, mill-aktar fis possibbli wara li l-vittma tiġi f’kuntatt l-ewwel darba mal-awtoritajiet kompetenti, jew malli jinħoloq suspett li l-persuna tkun vittma ta’ vjolenza domestika jew vjolenza sesswali. Dak jista’ jsir qabel ma vittma tkun irrapportat reat formalment jew fuq l-inizjattiva proprja tal-awtoritajiet kompetenti jekk parti terza tirrapporta r-reat.

(39)

Meta jiġu vvalutati l-ħtiġijiet ta’ protezzjoni u ta’ appoġġ tal-vittma, it-tħassib primarju jenħtieġ li jkun l-iżgurar tas-sikurezza tal-vittma u li jiġi pprovdut appoġġ imfassal apposta, filwaqt li jitqiesu, fost affarijiet oħra, iċ-ċirkostanzi individwali tal-vittma. Iċ-ċirkostanzi li jirrikjedu attenzjoni speċjali jafu jinkludu, pereżempju, il-fatt li l-vittma tkun tqila, id-dipendenza tal-vittma fuq l-awtur tar-reat jew il-persuna suspettata jew ir-relazzjoni magħhom, ir-riskju li l-vittma tirritorna għand l-awtur tar-reat jew il-persuna suspettata, is-separazzjoni reċenti minn awtur tar-reat jew persuna suspettata, ir-riskju potenzjali li tfal jintużaw biex jiġi eżerċitat kontroll fuq il-vittma, ir-riskji għall-vittmi b’diżabbiltà, u l-użu tal-annimali ta’ kumpanija biex issir pressjoni fuq il-vittma. Il-livell ta’ kontroll eżerċitat mill-awtur tar-reat jew mill-persuna suspettata fuq il-vittma, kemm jekk psikoloġikament kif ukoll jekk ekonomikament, jenħtieġ li jitqies ukoll.

(40)

Sabiex jiġu żgurati appoġġ u protezzjoni komprensivi lill-vittmi, l-awtoritajiet kompetenti u l-korpi rilevanti kollha, mhux limitati għall-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u ġudizzjarji, jenħtieġ li jkunu involuti fil-valutazzjoni tar-riskji għall-vittmi u miżuri ta’ appoġġ xierqa abbażi ta’ linji gwida ċari maħruġa mill-Istati Membri. Tali linji gwida jenħtieġ li jinkludu fatturi li jridu jitqiesu meta jiġi vvalutat ir-riskju li jirriżulta mill-awtur tar-reat jew mill-persuna suspettata, inkluża l-kunsiderazzjoni li l-persuni suspettati akkużati b’reati żgħar x’aktarx ikunu perikolużi bħal dawk akkużati b’reati aktar severi, speċjalment f’każijiet ta’ vjolenza domestika u ta’ stalking. L-awtoritajiet kompetenti jenħtieġ li jirrieżaminaw il-valutazzjoni individwali f’intervalli regolari biex jiżguraw li ebda ħtieġa ġdida ta’ protezzjoni jew appoġġġ tal-vittma tibqa’ ma tiġix indirizzata. Pereżempju, tali rieżami jista’ jsir fi stadji importanti fil-proċess, bħall-bidu ta’ proċedimenti fil-qorti, l-għoti ta’ sentenza jew ordni, jew fil-kuntest ta’ proċedimenti għar-reviżjoni tal-arranġamenti tal-kustodja jew tad-drittijiet ta’ aċċess.

(41)

Sabiex jiġu evitati vittimizzazzjoni sekondarja u ripetuta, intimidazzjoni u ritaljazzjoni, id-dipendenti jenħtieġ li jirċievu l-istess miżuri ta’ protezzjoni bħal dawk mogħtija lill-vittma, sakemm ma jkunx hemm indikazzjonijiet li d-dipendenti ma jkollhomx ħtiġijiet speċifiċi. L-awtoritajiet kompetenti jenħtieġ li jivvalutaw jekk hemmx xi indikazzjonijiet li d-dipendenti ma għandu ebda ħtieġa speċifika ta’ protezzjoni għax jekk ikun jista’ jiġi ddeterminat li ma hemm ebda ħtieġa speċifika ta’ protezzjoni, kwalunkwe miżura bbażata fuq is-suppożizzjoni żbaljata ta’ ħtiġijiet speċifiċi ta’ protezzjoni tkun sproporzjonata. Id-dipendenti taħt l-età ta’ 18-il sena, minħabba l-vulnerabbiltà tagħhom, huma speċjalment f’riskju li jġarrbu ħsara emozzjonali li tikkomprometti l-iżvilupp tagħhom. Fejn previst mil-liġi nazzjonali, dipendenti oħra jistgħu wkoll jitqiesu li jinsabu f’riskju simili.

(42)

Il-vittmi spiss ikunu jeħtieġu appoġġ speċifiku. Biex jiġi żgurat li jirċievu b’mod effettiv offerti ta’ appoġġ, l-awtoritajiet kompetenti jenħtieġ li jirreferu lill-vittmi għal servizzi ta’ appoġġ xierqa. Dak, b’mod partikolari, jenħtieġ li jkun il-każ meta valutazzjoni individwali tkun sabet li l-vittma jkollha ħtiġijiet ta’ appoġġ partikolari. Meta jiġi ddeterminat ikunx meħtieġ li vittmi li huma tfal jiġu riferuti għal servizzi ta’ appoġġ, l-aħjar interessi ta’ dawk il-vittmi jenħtieġ li jkunu kunsiderazzjoni primarja, kif stabbilit fl-Artikolu 24 tal-Karta. L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li l-ipproċessar ta’ data personali relatata mill-awtoritajiet kompetenti jkun ibbażat fuq il-liġi, f’konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti li jikkonċernaw il-legalità tal-ipproċessar stabbiliti fir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) u f’konformità mad-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8). Tali liġi jenħtieġ li tinkludi salvagwardji xierqa tad-data personali li jirrispettaw l-essenza tad-dritt għall-protezzjoni tad-data u tipprevedi miżuri xierqa u speċifiċi biex jiġu ssalvagwardjati d-drittijiet fundamentali u l-interessi tal-individwi. Meta l-awtoritajiet kompetenti jittrasferixxu d-data personali tal-vittmi lis-servizzi ta’ appoġġ għall-finijiet tar-riferiment tal-vittmi, jenħtieġ li jiżguraw li d-data ttrasferita tkun limitata għal dak li huwa meħtieġ biex is-servizzi ta’ appoġġ jiġu infurmati dwar iċ-ċirkostanzi tal-każ, ħalli l-vittmi jirċievu appoġġ u protezzjoni xierqa. Servizz ta’ appoġġ jenħtieġ li jaħżen data personali biss għaż-żmien li jkun meħtieġ u, fi kwalunkwe każ, għal mhux aktar minn ħames snin, jew perjodu ta’ żmien iqsar jekk stabbilit mil-liġi nazzjonali, wara l-aħħar kuntatt bejn is-servizz ta’ appoġġ u l-vittma.

(43)

L-Istati Membri jenħtieġ li jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw id-disponibbiltà ta’ ordnijiet ta’ projbizzjoni f’każijiet ta’ emerġenza, ordnijiet ta’ trażżin u ordnijiet ta’ protezzjoni ħalli jiżguraw il-protezzjoni effettiva tal-vittmi u tad-dipendenti.

(44)

Mingħajr ma jikkostitwixxu alternattiva għall-arrest u d-detenzjoni tal-persuni suspettati u tal-awturi tar-reat, li jibqgħu soġġetti għal-liġi nazzjonali, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li ordnijiet ta’ projbizzjoni f’każijiet ta’ emerġenza, ordnijiet ta’ trażżin jew ordnijiet ta’ protezzjoni jistgħu jinħarġu f’sitwazzjonijiet ta’ periklu immedjat, bħal meta l-ħsara tkun imminenti jew diġà mmaterjalizzat u x’aktarx terġa’ tiġi kkawżata, u li, f’tali sitwazzjonijiet rilevanti u meta, skont il-liġi nazzjonali, tali ordnijiet ikunu soġġetti għal applikazzjoni mill-vittma, il-vittmi jiġu infurmati dwar il-possibbiltà li japplikaw għal tali ordnijiet.

(45)

L-ordnijiet ta’ protezzjoni jistgħu jinkludu l-projbizzjoni tal-awtur tar-reat jew tal-persuna suspettata milli jaċċessaw ċerti lokalitajiet; milli javviċinaw lill-vittma jew lid-dipendenti eqreb minn distanza stabbilita jew milli jidħlu f’kuntatt magħhom, inkluż bl-użu ta’ interfaċċi online. L-ordnijiet ta’ protezzjoni jistgħu jinkludu wkoll il-projbizzjoni tal-pussess ta’ armi tan-nar jew armi fatali, meta jkun meħtieġ. L-ordnijiet ta’ projbizzjoni f’każijiet ta’ emerġenza, ordnijiet ta’ trażżin jew ordnijiet ta’ protezzjoni jenħtieġ li jinħarġu jew għal perjodu speċifikat jew sakemm jiġu modifikati jew rilaxxati.

(46)

Il-monitoraġġ elettroniku jagħmilha possibbli li, meta rilevanti, tiġi żgurata l-konformità mal-ordnijiet ta’ projbizzjoni f’każijiet ta’ emerġenza, ordnijiet ta’ trażżin u ordnijiet ta’ protezzjoni, biex tiġi rreġistrata evidenza ta’ ksur ta’ tali ordnijiet u tittejjeb is-superviżjoni tal-atturi tar-reat. Meta jkun disponibbli, xieraq u rilevanti, filwaqt li jitqiesu ċ-ċirkostanzi tal-każ u n-natura legali tal-proċedimenti, il-monitoraġġ elettroniku jenħtieġ li jiġi kkunsidrat ħalli jiġi żgurat l-infurzar tal-ordnijiet ta’ projbizzjoni f’każijiet ta’ emerġenza, ordnijiet ta’ trażżin u ordnijiet ta’ protezzjoni. Meta jintuża l-monitoraġġ elettroniku, il-vittmi jenħtieġ li dejjem jiġu infurmati dwar il-kapaċitajiet u l-limitazzjonijiet tiegħu.

(47)

Sabiex tiġi ssalvagwardjata l-effettività tal-ordnijiet ta’ projbizzjoni f’każijiet ta’ emerġenza, ordnijiet ta’ trażżin u ordnijiet ta’ protezzjoni, il-ksur ta’ tali ordnijiet jenħtieġ li jkun soġġett għal pieni. Dawk il-pieni jistgħu jkunu ta’ natura kriminali jew ta’ natura mhux kriminali u jistgħu jinkludu priġonerija, multi jew kwalunkwe piena li tkun effettiva, proporzjonata u dissważiva. Huwa essenzjali li l-vittmi jkollhom l-għażla li jiġu infurmati dwar ksur ta’ ordnijiet ta’ projbizzjoni f’każijiet ta’ emerġenza, ordnijiet ta’ trażżin jew ordnijiet ta’ protezzjoni, meta tali ksur jista’ jkollu impatt fuq is-sikurezza tagħhom. Peress li ksur tal-ordnijiet ta’ projbizzjoni f’każijiet ta’ emerġenza, ordnijiet ta’ trażżin jew ordnijiet ta’ protezzjoni jista’ jżid ir-riskji u jirrikjedi li jkun hemm fis-seħħ aktar protezzjoni, reviżjoni tal-valutazzjoni individwali, meta jkun meħtieġ, jenħtieġ li titqies wara ksur rapportat.

(48)

Il-preżentazzjoni ta’ evidenza ta’ mġiba sesswali tal-passat, tal-preferenzi sesswali tal-vittma u ta’ dak li kienet liebsa l-vittma biex jiġu sfidati l-kredibbiltà u n-nuqqas ta’ kunsens tal-vittmi f’każijiet ta’ vjolenza sesswali, speċjalment każijiet ta’ stupru, tista’ ssaħħaħ il-kontinwazzjoni ta’ sterjotipi ta’ ħsara tal-vittmi u twassal għal vittimizzazzjoni ripetuta jew sekondarja. Għalhekk, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li l-evidenza li tikkonċerna l-imġiba sesswali tal-passat tal-vittma, jew aspetti oħra tal-ħajja privata tal-vittma marbuta magħha, tkun permessa biss meta jkun meħtieġ li tiġi vvalutata kwistjoni speċifika fil-każ inkwistjoni jew għall-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża.

(49)

Minħabba l-ispeċifiċitajiet u ċ-ċirkostanzi uniċi involuti fir-reati ta’ vjolenza kontra n-nisa u vjolenza domestika, il-linji gwida għall-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u tal-prosekuzzjoni għandhom valur inerenti. Minħabba l-vulnerabbiltajiet partikolari tal-vittmi, gwida dwar kif jenħtieġ li jiġu ttrattati f’kull stadju tal-proċess hija essenzjali biex titqajjem kuxjenza u tiġi evitata r-rivittimizzazzjoni fl-indirizzar ta’ dawk it-tipi ta’ reati. Il-linji gwida għall-awtoritajiet tal-prosekuzzjoni jistgħu jinftiehmu kemm bħala manwal proċedurali kif ukoll bħala referenza għall-aħjar prattika. B’mod partikolari fir-rigward ta’ kif jiġu avviċinati l-vittmi u kif jiġu ttrattati f’konformità maċ-ċirkostanzi u l-esperjenzi uniċi tagħhom, is-servizzi speċjalizzati għan-nisa jistgħu joffru pariri u gwida esperti abbażi tal-interazzjonijiet ta’ kuljum tagħhom mal-vittmi. L-Istati Membri huma mħeġġa jikkonsultaw u jikkooperaw mas-servizzi speċjalizzati għan-nisa għall-ħolqien u r-reviżjoni ta’ kwalunkwe tali linja gwida. L-Istati Membri jenħtieġ li jirrieżaminaw il-linji gwida tagħhom għall-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u tal-prosekuzzjoni meta jseħħu żviluppi importanti fl-oqfsa legali tagħhom jew fis-soċjetà inġenerali. Dawk jistgħu jinkludu każijiet li fihom ikun hemm bidliet sostanzjali fil-liġijiet eżistenti jew fil-ġurisprudenza stabbilita jew fejn jitfaċċaw xejriet jew forom ġodda ta’ vjolenza, b’mod partikolari meta l-iżviluppi teknoloġiċi jwasslu għal forom ġodda ta’ vjolenza online.

(50)

Minħabba l-kumplessitajiet u l-gravità tar-reati ta’ vjolenza kontra n-nisa u ta’ vjolenza domestika u l-ħtiġijiet speċifiċi ta’ appoġġ għall-vittmi, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li korpi deżinjati jipprovdu appoġġ u jipprevjenu tali reati. Minħabba l-għarfien espert tagħhom fi kwistjonijiet ta’ diskriminazzjoni abbażi tas-sess, il-korpi nazzjonali tal-ugwaljanza, stabbiliti f’konformità mad-Direttiva tal-Kunsill 2004/113/KE (9), u mad-Direttivi 2006/54/KE (10) u 2010/41/UE (11) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, huma f’pożizzjoni tajba biex iwettqu dawk il-kompiti. Biex dawk il-korpi jkunu jistgħu jwettqu b’mod effettiv il-kompiti tagħhom, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li jiġu pprovduti b’riżorsi umani u finanzjarji suffiċjenti.

(51)

Ċerti reati koperti minn din id-Direttiva jinvolvu r-riskju akbar ta’ vittimizzazzjoni ripetuta, imtawla fiż-żmien jew saħansitra kontinwa. Dak ir-riskju jseħħ b’mod speċjali fir-rigward ta’ reati li jinvolvu l-aċċessibbiltà ta’ materjal, li jirriżulta minn ċerti reati ta’ vjolenza online, permezz tal-ICT, meta jitqiesu l-faċilità u l-veloċità li bihom tali materjal jista’ jitqassam fuq skala kbira u d-diffikultajiet li spiss jeżistu fir-rigward tat-tneħħija ta’ tali materjal. Dak ir-riskju tipikament jibqa’ anki wara kundanna. Għalhekk, sabiex jiġu ssalvagwardjati b’mod effettiv id-drittijiet tal-vittmi ta’ dawk ir-reati, l-Istati Membri jenħtieġ li jieħdu miżuri xierqa bl-għan li l-materjal inkwistjoni jitneħħa minnufih. Meta jitqies li t-tneħħija fis-sors mhux dejjem taf tkun fattibbli, pereżempju minħabba diffikultajiet legali jew prattiċi relatati mal-eżekuzzjoni jew l-infurzar ta’ ordni ta’ tneħħija, l-Istati Membri jenħtieġ li jitħallew ukoll jipprevedu miżuri biex l-aċċess għal tali materjal jiġi diżattivat minnufih.

(52)

Id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva dwar ordnijiet u miżuri oħra għat-tneħħija u d-diżattivazzjoni tal-aċċess għal materjal rilevanti jenħtieġ li ma jaffettwawx ir-regoli rilevanti stabbiliti fir-Regolament (UE) 2022/2065 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12). B’mod partikolari, tali ordnijiet jenħtieġ li jikkonformaw mal-projbizzjoni fuq l-impożizzjoni ta’ obbligi ġenerali ta’ monitoraġġ jew tiftix attiv tal-fatti u mar-rekwiżiti speċifiċi ta’ dak ir-Regolament fir-rigward tal-ordnijiet biex jitneħħa kontenut online illegali.

(53)

Il-miżuri li jkollhom l-għan li jneħħu materjali jew jiddiżattivaw l-aċċess għal materjal minnufih jenħtieġ li jinkludu, b’mod partikolari, l-għoti tas-setgħa lill-awtoritajiet nazzjonali biex joħorġu ordnijiet lill-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting ħalli jneħħu, jew jiddiżattivaw l-aċċess għal, element speċifiku wieħed jew aktar tal-materjal inkwistjoni. L-awtoritajiet nazzjonali jenħtieġ li jkunu jistgħu jindirizzaw ukoll l-ordnijiet biex jiġi diżattivat l-aċċess għal fornituri ta’ servizzi intermedjarji rilevanti oħra.

(54)

Kwalunkwe miżura ta’ tneħħija jew ta’ diżattivazzjoni tal-aċċess, inklużi, b’mod partikolari, ordnijiet ta’ tneħħija jew diżattivazzjoni tal-aċċess, taf taffettwa d-drittijiet u l-interessi ta’ partijiet oħra għajr il-vittmi, bħall-fornituri ta’ kontenut, il-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting li s-servizzi tagħhom jafu jintużaw u l-utenti finali ta’ dawk is-servizzi, kif ukoll l-interess ġenerali. Għalhekk, jenħtieġ li jiġi żgurat li tali ordnijiet u miżuri oħra jkunu jistgħu jittieħdu biss b’mod trasparenti u li jiġu previsti salvagwardji adegwati sabiex jiġi żgurat li jibqgħu limitati għal dak li huwa meħtieġ u proporzjonat, li tiġi żgurata ċ-ċertezza legali, li l-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting, fornituri rilevanti oħra ta’ servizzi intermedjarji u l-fornituri ta’ kontenut jistgħu jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal rimedju ġudizzjarju effettiv f’konformità mal-liġi nazzjonali, u li jintlaħaq bilanċ ġust bejn id-drittijiet u l-interessi kollha involuti, inklużi d-drittijiet fundamentali tal-partijiet kollha kkonċernati f’konformità mal-Karta. Ponderazzjoni bir-reqqa tad-drittijiet u l-interessi kollha involuti fuq bażi ta’ każ b’każ hija importanti.

(55)

Meta titqies l-importanza potenzjali ta’ materjal li jaf ikun is-suġġett ta’ ordnijiet jew ta’ miżuri oħra meħuda skont din id-Direttiva biex jitneħħa jew jiġi diżattivat l-aċċess għalih għall-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni tar-reati rilevanti skont id-dritt kriminali, jenħtieġ li jittieħdu l-miżuri meħtieġa biex l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jiksbu tali materjal jew iżommuh sigur, meta jkun meħtieġ. Dawk il-miżuri jistgħu jikkonsistu, pereżempju, fil-ħtieġa li l-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting jew fornituri ta’ servizzi intermedjarji rilevanti oħra jittrażmettu l-materjal lil dawk l-awtoritajiet jew jippreservaw il-materjal għal perjodu limitat li ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ. Kwalunkwe tali miżura jenħtieġ li tiżgura s-sigurtà tal-materjal, tibqa’ limitata għal dak li huwa raġonevoli u proporzjonat u tikkonforma mar-regoli applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data personali.

(56)

Sabiex tiġi evitata vittimizzazzjoni sekondarja, il-vittmi jenħtieġ li jkunu jistgħu jiksbu kumpens matul il-proċedimenti kriminali.

(57)

Is-servizzi ta’ appoġġ speċjalizzat jenħtieġ li jipprovdu appoġġ lill-vittmi tal-forom kollha ta’ vjolenza kontra n-nisa u vjolenza domestika, inklużi l-vjolenza sesswali, il-mutilazzjoni ġenitali femminili, iż-żwieġ furzat, l-abort u l-isterilizzazzjoni furzati, il-fastidju sesswali u diversi forom ta’ vjolenza online. Il-vittmi jenħtieġ li jiġu offruti servizzi ta’ appoġġ speċjalizzat irrispettivament minn jekk ikunux ressqu lment formali jew le.

(58)

Is-servizzi ta’ appoġġ speċjalizzat jenħtieġ li jagħtu lill-vittmi appoġġ imfassal apposta għall-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom. Tali appoġġ jenħtieġ li jingħata minn persuna tal-istess ġeneru meta jkun mitlub jew xieraq u meta tali persuna tkun disponibbli. Abbażi tar-rekwiżiti stabbiliti fid-Direttiva 2012/29/UE, il-qafas legali jeħtieġ li jiġi ssupplimentat sabiex jiġi żgurat li s-servizzi ta’ appoġġ speċjalizzat jingħataw l-għodod kollha meħtieġa biex jipprovdu appoġġ immirat u integrat għall-vittmi, fid-dawl tal-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom. Tali servizzi jistgħu jingħataw flimkien mas-servizzi ġenerali ta’ appoġġ tal-vittmi, jew bħala parti integrata minnhom, li jistgħu jintalbu minn entitajiet eżistenti li jipprovdu appoġġ speċjalizzat, bħas-servizzi ta’ appoġġ speċjalizzat għan-nisa. L-appoġġ speċjalizzat jista’ jiġi pprovdut mill-awtoritajiet pubbliċi, mill-organizzazzjonijiet ta’ appoġġ għall-vittmi, jew minn organizzazzjonijiet mhux governattivi oħra, filwaqt li jitqiesu l-ġeografija u l-kompożizzjoni demografika tal-Istati Membri. Tali awtoritajiet jew organizzazzjonijiet jenħtieġ li jingħataw biżżejjed riżorsi umani u finanzjarji. Meta s-servizzi jiġu pprovduti minn organizzazzjonijiet mhux governattivi, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li jirċievu fondi xierqa.

(59)

Is-servizzi speċjalizzati tan-nisa jista’ jkollhom rwol kruċjali fl-għoti ta’ pariri u appoġġ lill-vittmi, inklużi ċentri ta’ appoġġ għan-nisa, postijiet ta’ kenn għan-nisa, helplines, ċentri għall-vittmi ta’ stupru, ċentri ta’ riferiment f’każ ta’ vjolenza sesswali u servizzi ta’ prevenzjoni primarja. Jistgħu jiġu pprovduti wkoll minn organizzazzjonijiet mhux governattivi mmexxija min-nisa.

(60)

Il-vittmi tipikament ikollhom ħtiġijiet multipli ta’ protezzjoni u ta’ appoġġ. Sabiex dawk il-ħtiġijiet jiġu indirizzati b’mod effettiv, l-Istati Membri jenħtieġ li jipprovdu servizzi ta’ appoġġ speċjalizzat fl-istess bini billi jikkoordinaw servizzi permezz ta’ punt ta’ kuntatt, jew billi jiffaċilitaw l-aċċess għal tali servizzi permezz ta’ aċċess online uniku. Aċċess online uniku jiżgura li l-vittmi f’żoni remoti jew li ma jkunux jistgħu jilħqu fiżikament tali servizzi ta’ appoġġ speċjalizzat jkunu jistgħu wkoll jaċċessaw tali servizzi. Aċċess online uniku jenħtieġ li tal-anqas jinvolvi l-istabbiliment ta’ sit web uniku u aġġornat fejn tiġi pprovduta l-informazzjoni rilevanti kollha u l-istruzzjonijiet dwar l-aċċess għas-servizzi ta’ appoġġ u protezzjoni disponibbli. Tali sit web jenħtieġ li jsegwi r-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà għall-persuni b’diżabbiltà.

(61)

Il-vittmi għandhom ħtiġijiet ta’ appoġġ uniċi minħabba t-trawma esperjenzata. Is-servizzi ta’ appoġġ speċjalizzat jenħtieġ li jipprovdu assistenza lill-vittmi li tagħti s-setgħa u li tgħin fil-proċess ta’ rkupru tagħhom. Is-servizzi ta’ appoġġ speċjalizzat jenħtieġ li jkunu disponibbli f’numri suffiċjenti u mifruxa b’mod adegwat fit-territorju ta’ kull Stat Membru, filwaqt li jitqiesu l-ġeografija u l-kompożizzjoni demografika tal-Istat Membru kkonċernat, kif ukoll l-offerta ta’ mezzi online. Bħala għajnuna f’dak ir-rigward, l-appoġġ speċjalizzat jenħtieġ li, kull meta possibbli, jiġi pprovdut b’lingwa li l-vittma tista’ tifhem u b’mod li jkun xieraq għall-età tal-vittma.

(62)

Is-servizzi ta’ appoġġ speċjalizzat, inklużi l-postijiet ta’ kenn u ċ-ċentri għall-vittmi ta’ stupru, jenħtieġ li jitqiesu essenzjali matul kriżijiet u stati ta’ emerġenza, inkluż matul kriżijiet tas-saħħa. L-għan jenħtieġ li jkun li dawk is-servizzi jibqgħu jiġu offruti f’sitwazzjonijiet fejn hemm it-tendenza li jiżdiedu każijiet ta’ vjolenza domestika u vjolenza kontra n-nisa.

(63)

L-assistenza u l-appoġġ lill-vittmi jenħtieġ li jiġu pprovduti qabel, matul u għal perjodu xieraq wara l-proċedimenti kriminali, pereżempju meta jkun għadu meħtieġ trattament mediku biex jiġu indirizzati l-konsegwenzi fiżiċi jew psikoloġiċi severi tal-vjolenza, jew meta s-sikurezza tal-vittma tkun f’riskju b’mod partikolari minħabba d-dikjarazzjonijiet magħmula mill-vittma matul dawk il-proċedimenti.

(64)

In-natura trawmatika tal-vjolenza sesswali, inkluż l-istupru, tirrikjedi rispons partikolarment sensittiv minn persunal imħarreġ u speċjalizzat. Il-vittmi ta’ vjolenza sesswali jeħtieġu appoġġ għat-trawma immedjat flimkien ma’ eżamijiet forensiċi immedjati għall-kustodja tal-evidenza meħtieġa għall-prosekuzzjoni futura. Iċ-ċentri għall-vittmi ta’ stupru jew iċ-ċentri ta’ riferiment f’każ ta’ vjolenza sesswali jenħtieġ li jkunu disponibbli f’numri suffiċjenti u mifruxa b’mod adegwat fit-territorju ta’ kull Stat Membru, filwaqt li jitqiesu l-ġeografija u l-kompożizzjoni demografika tal-Istat Membru kkonċernat. Tali ċentri jistgħu jiffurmaw parti mis-sistema tal-kura tas-saħħa eżistenti fl-Istat Membru. Bl-istess mod, il-vittmi tal-mutilazzjoni ġenitali femminili, li spiss ikunu bniet, tipikament ikollhom bżonn appoġġ immirat. Għalhekk, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li jipprovdu appoġġ dedikat imfassal apposta għal dawn il-vittmi. Meta jitqiesu ċ-ċirkostanzi uniċi tal-vittmi ta’ tali reati u l-vulnerabbiltà assoċjata tagħhom, tali appoġġ speċjalizzat jenħtieġ li jingħata bl-ogħla standards ta’ privatezza u kunfidenzjalità.

(65)

Il-fastidju sesswali fuq ix-xogħol jitqies bħala forma ta’ diskriminazzjoni abbażi tas-sess mid-Direttivi 2004/113/KE, 2006/54/KE u 2010/41/UE. Il-fastidju sesswali fuq ix-xogħol għandu konsegwenzi negattivi sinifikanti kemm għall-vittmi kif ukoll għall-impjegaturi. Jenħtieġ li jiġu pprovduti servizzi ta’ counselling intern jew estern kemm lill-vittmi kif ukoll lill-impjegaturi, meta l-fastidju sesswali fuq ix-xogħol ikun speċifikament kriminalizzat skont il-liġi nazzjonali. Tali servizzi jenħtieġ li jinkludu informazzjoni dwar modi biex jiġu indirizzati b’mod xieraq każijiet ta’ fastidju sesswali fuq ix-xogħol u dwar rimedji disponibbli biex l-awtur tar-reat jitkeċċa mill-post tax-xogħol.

(66)

L-Istati Membri huma mħeġġa jiżguraw li l-helplines nazzjonali jistgħu jintlaħqu mingħajr ħlas permezz tan-numru armonizzat fil-livell tal-UE, jiġifieri 116 016, minbarra kwalunkwe numru nazzjonali eżistenti, u li jkunu disponibbli f’kull ħin. Il-pubbliku jenħtieġ li jkun infurmat b’mod adegwat dwar l-eżistenza u l-użu ta’ dak in-numru armonizzat. Jenħtieġ li jkun possibbli li tali helplines jiġu operati minn servizzi ta’ appoġġ speċjalizzat, inklużi servizzi ta’ appoġġ speċjalizzat għan-nisa, f’konformità mal-prattika nazzjonali. Il-fornituri ta’ helplines eżistenti, inklużi l-organizzazzjonijiet mhux governattivi, għandhom esperjenza sinifikanti fil-forniment ta’ tali servizzi. L-appoġġ ipprovdut permezz ta’ tali helplines jenħtieġ li jinkludi counselling f’każ ta’ kriżijiet u l-għoti ta’ informazzjoni lill-vittmi dwar servizzi wiċċ imb wiċċ, bħal postijiet ta’ kenn, servizzi ta’ appoġġ speċjalizzat, servizzi soċjali u tas-saħħa rilevanti oħra jew il-pulizija. Il-helplines ta’ appoġġ għall-vittmi ta’ reati jenħtieġ li jkunu jistgħu jirreferu lill-vittmi għand servizzi ta’ appoġġ speċjalizzat, helplines speċjalizzati, jew it-tnejn, meta jkun meħtieġ u mitlub.

(67)

Il-postijiet ta’ kenn u akkomodazzjoni interim xierqa oħra għall-vittmi ta’ reat għandhom rwol vitali fil-protezzjoni tal-vittmi minn atti ta’ vjolenza. Minbarra li jipprovdu post sikur fejn joqogħdu l-vittmi, jenħtieġ li l-postijiet ta’ kenn jipprovdu l-appoġġ meħtieġ rigward il-problemi interkonnessi relatati mas-saħħa tal-vittmi, inkluża s-saħħa mentali, is-sitwazzjoni finanzjarja u l-benesseri tat-tfal tagħhom, u fl-aħħar mill-aħħar jippreparaw lill-vittmi għal ħajja awtonoma. L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li jkun hemm disponibbli numru suffiċjenti ta’ postijiet ta’ kenn u akkomodazzjoni interim xierqa oħra. It-terminu “numru suffiċjenti” huwa maħsub biex jiżgura li l-ħtiġijiet tal-vittmi kollha jiġu ssodisfati, kemm f’termini ta’ postijiet ta’ kenn kif ukoll ta’ appoġġ speċjalizzat. Ir-Rapport tal-Attività Finali tat-Task Force tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Ġlieda kontra l-Vjolenza kontra n-Nisa, inkluża l-Vjolenza Domestika, ta’ Settembru 2008, jirrakkomanda akkomodazzjoni sikura f’postijiet ta’ kenn speċjalizzati għan-nisa, disponibbli f’kull reġjun, b’post wieħed għall-familji għal 10 000 abitant. Madankollu, in-numru ta’ postijiet ta’ kenn jenħtieġ li jiddependi fuq stima realistika tal-ħtieġa reali. L-identità tal-vittmi li joqogħdu f’tali postijiet ta’ kenn jenħtieġ li tibqa’ kunfidenzjali sabiex tiġi żgurata s-sikurezza tan-nisa. Il-postijiet ta’ kenn jenħtieġ li jkunu mgħammra biex jindirizzaw il-ħtiġijiet speċifiċi tan-nisa, inkluż billi jkun hemm postijiet ta’ kenn għan-nisa biss. Il-postijiet ta’ kenn u akkomodazzjoni interim xierqa oħra jenħtieġ li jkunu disponibbli għal dipendenti li jkollhom inqas minn 18-il sena. Madankollu, is-sikurezza u l-benesseri tal-vittmi li joqogħdu f’tali postijiet ta’ kenn u akkomodazzjoni jibqgħu l-ewwel prijorità, b’mod partikolari meta l-vittmi u d-dipendenti qrib l-età adulta jikkondividu l-akkomodazzjoni. Meta l-postijiet ta’ kenn ma jkunux mingħajr ħlas u l-Istati Membri jitolbu kontribuzzjoni mill-vittmi meta jkunu ospitati f’postijiet ta’ kenn jew f’akkomodazzjoni interim, il-kontribuzzjoni jenħtieġ li tkun affordabbli u ma xxekkilx l-aċċess tal-vittmi għall-postijiet ta’ kenn jew għall-akkomodazzjoni interim. Il-postijiet ta’ kenn jenħtieġ li jiżguraw li jkun hemm persunal imħarreġ u speċjalizzat biex jassisti u jappoġġa lill-vittmi.

(68)

Biex jiġu indirizzati b’mod effettiv il-konsegwenzi negattivi għat-tfal, jenħtieġ li l-miżuri ta’ appoġġ għat-tfal jinkludu counselling psikoloġiku speċjalizzat adattat għall-età, il-ħtiġijiet tal-iżvilupp u s-sitwazzjoni individwali tat-tifel jew tifla, flimkien ma’ kura pedjatrika meta meħtieġ, u jiġu pprovduti hekk kif l-awtoritajiet kompetenti jkollhom motivi raġonevoli biex jemmnu li tfal setgħu kienu vittmi, inklużi xhieda li huma tfal. Fl-għoti ta’ appoġġ lit-tfal, id-drittijiet tat-tfal, kif stabbiliti fl-Artikolu 24 tal-Karta, jenħtieġ li jkunu kunsiderazzjoni primarja.

(69)

Meta jitqiesu l-konsegwenzi tul il-ħajja tal-vjolenza kontra n-nisa jew tal-vjolenza domestika għal tfal li l-ġenitur tagħhom ikun inqatel b’riżultat ta’ dawk ir-reati, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li tali tfal ikunu jistgħu jibbenefikaw bis-sħiħ minn din id-Direttiva, b’mod partikolari permezz ta’ miżuri mmirati ta’ protezzjoni u appoġġ, inkluż matul kwalunkwe proċediment ġudizzjarju rilevanti.

(70)

Sabiex tiġi żgurata s-sikurezza tat-tfal matul żjarat possibbli ma’ awtur ta’ reat jew persuna suspettata li jkunu detenturi ta’ responsabbiltà tal-ġenituri bid-drittijiet ta’ aċċess kif determinat skont ir-regoli applikabbli tad-dritt ċivili nazzjonali, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li jkunu disponibbli postijiet newtrali ssorveljati, inklużi l-uffiċċji tal-protezzjoni tat-tfal jew tal-assistenza soċjali, sabiex tali żjarat ikunu jistgħu jsiru hemmhekk fl-aħjar interessi tat-tfal. Jekk ikun meħtieġ, iż-żjarat jenħtieġ li jsiru fil-preżenza ta’ uffiċjali tal-protezzjoni jew tal-benesseri tat-tfal. Meta jkun meħtieġ li tiġi prevista akkomodazzjoni interim, it-tfal, bħala prijorità, jenħtieġ li jiġu akkomodati flimkien mad-detentur ta’ responsabbiltà tal-ġenituri li ma jkunx l-awtur tar-reat jew il-persuna suspettata. L-aħjar interessi tat-tfal jenħtieġ li jitqiesu dejjem.

(71)

Il-vittmi li jesperjenzaw diskriminazzjoni intersezzjonali huma f’riskju akbar ta’ vjolenza. Dawn jistgħu jinkludu nisa b’diżabbiltà, nisa bi status jew permess ta’ residenza dipendenti, nisa migranti mingħajr dokumenti, applikanti nisa għall-protezzjoni internazzjonali, nisa li qed jaħarbu minn kunflitt armat, nisa mingħajr dar, nisa bi sfond razzjali jew etniku minoritarju, nisa li jgħixu f’żoni rurali, nisa li jaħdmu fil-prostituzzjoni, nisa b’introjtu baxx, nisa detenuti, persuni leżbjani, gay, bisesswali, trans jew intersesswali, nisa akbar fl-età jew nisa b’disturbi relatati mal-użu tal-alkoħol jew tad-droga. Il-vittmi li jesperjenzaw diskriminazzjoni intersezzjonali jenħtieġ li konsegwentement jirċievu protezzjoni u appoġġ speċifiċi.

(72)

In-nisa b’diżabbiltà jesperjenzaw b’mod sproporzjonat vjolenza kontra n-nisa u vjolenza domestika u, minħabba d-diżabbiltà tagħhom, spiss ikollhom diffikultajiet biex jaċċessaw miżuri ta’ protezzjoni u appoġġ. Għalhekk, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li jkunu jistgħu jibbenefikaw bis-sħiħ mid-drittijiet stabbiliti f’din id-Direttiva fuq bażi ugwali ma’ persuni oħra, filwaqt li jagħtu l-attenzjoni dovuta lill-vulnerabbiltà partikolari ta’ tali vittmi u lid-diffikultà li x’aktarx ikollhom biex jitolbu l-għajnuna.

(73)

L-azzjonijiet għall-prevenzjoni tal-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika jenħtieġ li jkunu bbażati fuq approċċ komprensiv magħmul minn miżuri preventivi primarji, sekondarji u terzjarji. Il-miżuri preventivi primarji jenħtieġ li jkollhom l-għan li jipprevjenu l-vjolenza u jistgħu jinkludu azzjonijiet bħal kampanji ta’ sensibilizzazzjoni u programmi edukattivi mmirati biex jiżdied il-fehim fost il-pubbliku ġenerali tal-manifestazzjonijiet differenti tal-forom kollha ta’ vjolenza u l-konsegwenzi tagħhom u biex jiżdied l-għarfien dwar il-kunsens fir-relazzjonijiet interpersonali minn età żgħira. Il-miżuri preventivi sekondarji jenħtieġ li jkollhom l-għan li jidentifikaw il-vjolenza kmieni u jipprevjenu l-progressjoni jew l-eskalazzjoni tagħha fi stadju bikri. Il-prevenzjoni terzjarja jenħtieġ li tkun iffukata fuq il-prevenzjoni tar-reċidività u r-rivittimizzazzjoni u fuq il-ġestjoni xierqa tal-konsegwenzi tal-vjolenza u tista’ tinkludi l-promozzjoni ta’ intervent ta’ persuni fil-qrib, ċentri ta’ intervent bikri u programmi ta’ intervent.

(74)

L-Istati Membri jenħtieġ li jieħdu miżuri preventivi xierqa. Tali miżuri jistgħu jinkludu kampanji ta’ sensibilizzazzjoni biex jiġu miġġielda l-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika. Il-prevenzjoni tista’ sseħħ ukoll fl-edukazzjoni formali, b’mod partikolari permezz tat-tisħiħ tal-edukazzjoni dwar is-sesswalità, il-kompetenzi soċjoemozzjonali u l-empatija u t-tagħlim dwar kif jiġu żviluppati relazzjonijiet b’saħħithom u rispettużi. Filwaqt li jqisu l-ostakli lingwistiċi u l-livelli differenti ta’ litteriżmu u ħila, l-Istati Membri jenħtieġ li jiffukaw miżuri mmirati fuq gruppi f’riskju ogħla, li jinkludu t-tfal, filwaqt li jqisu l-età u l-maturità tagħhom, il-persuni b’diżabbiltà, il-persuni b’disturbi marbuta mal-użu tal-alkoħol u tad-droga, u l-persuni leżbjani, gay, bisesswali, trans jew intersesswali.

(75)

L-Istati Membri jenħtieġ li jieħdu miżuri biex jipprevjenu l-kultivazzjoni ta’ sterjotipi tal-ġeneru ta’ ħsara sabiex jeliminaw l-idea tal-inferjorità tan-nisa jew tar-rwoli sterjotipizzati tan-nisa u tal-irġiel. Dawn jistgħu jinkludi wkoll miżuri bl-għan li jiġi żgurat li l-kultura, id-drawwiet, ir-reliġjon, it-tradizzjoni jew l-unur ma jiġux ikkunsidrati bħala ġustifikazzjoni għal, jew ma jwasslux għal trattament aktar klementi ta’, reati ta’ vjolenza kontra n-nisa jew vjolenza domestika. Il-miżuri preventivi jenħtieġ li jħeġġu lill-irġiel u lis-subien jaġixxu bħala mudelli pożittivi biex jappoġġaw l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa, iżda jenħtieġ li jkollhom ukoll l-għan li jegħlbu l-isterjotipi fejn l-irġiel jiġu ostakolati milli jitolbu l-għajnuna f’sitwazzjonijiet ta’ vjolenza diretta kontrihom. Meta jitqies li, minn età żgħira ħafna, it-tfal huma esposti għal rwoli tal-ġeneru li jsawru l-awtoperċezzjoni tagħhom u jinfluwenzaw l-għażliet akkademiċi u professjonali tagħhom kif ukoll l-aspettattivi tar-rwoli tagħhom bħala nisa u rġiel matul ħajjithom, huwa kruċjali li jiġu indirizzati l-isterjotipi tal-ġeneru mill-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal.

(76)

Sabiex ir-riżorsi jiġu allokati fejn huma l-aktar meħtieġa, ir-rekwiżit li jittieħdu miżuri preventivi biex titqajjem kuxjenza dwar il-mutilazzjoni ġenitali femminili u ż-żwieġ furzat u l-firxa ta’ dawk il-miżuri jenħtieġ li jkunu proporzjonati għan-numru ta’ persuni f’riskju ta’, jew affettwati minn, dik il-prattika fl-Istat Membru kkonċernat.

(77)

Sabiex jiġi żgurat li l-vittmi jiġu identifikati u jirċievu appoġġ u protezzjoni xierqa, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li l-uffiċjali li x’aktarx jiġu f’kuntatt mal-vittmi jirċievu taħriġ u informazzjoni mmirata. Il-persunal tal-qorti jenħtieġ li jkun meħtieġ jirċievi tali taħriġ biss jekk x’aktarx jiġi f’kuntatt mal-vittmi u biss sa livell xieraq għall-kuntatt li jkollu mal-vittmi. It-taħriġ jenħtieġ li jiġi promoss għall-avukati, il-prosekuturi u l-imħallfin u għall-prattikanti li jipprovdu appoġġ lill-vittmi jew servizzi ta’ ġustizzja resorattiva. Tali taħriġ jenħtieġ li jinkludi, kif xieraq, taħriġ dwar is-servizzi ta’ appoġġ speċifiku li l-vittmi jenħtieġ li jkunu riferuti għalihom jew taħriġ speċjalizzat meta xogħolhom jiffoka fuq il-vittmi bi ħtiġiet speċjali u taħriġ psikoloġiku speċifiku. It-taħriġ jenħtieġ li jkopri r-riskju u l-prevenzjoni ta’ intimidazzjoni u vittimizzazzjoni ripetuta u sekondarja u d-disponibbiltà ta’ miżuri ta’ protezzjoni u appoġġ għall-vittmi. Biex jiġu evitati u indirizzati b’mod xieraq każijiet ta’ fastidju sesswali fuq ix-xogħol, il-persuni b’funzjonijiet superviżorji jenħtieġ li jirċievu taħriġ ukoll, meta l-fastidju sesswali fuq ix-xogħol ikun kriminalizzat speċifikament skont il-liġi nazzjonali. Dawk il-persuni jenħtieġ li jirċievu wkoll informazzjoni dwar ir-riskju ta’ vjolenza minn partijiet terzi. Il-“vjolenza minn partijiet terzi” tirreferi għall-vjolenza li l-persunal jista’ jġarrab fuq il-post tax-xogħol minn xi ħadd li ma jkunx kollega u tinkludi każijiet bħal infermiera ffastidjati sesswalment minn pazjent.

(78)

Biex jiġi stabbilit approċċ komprensiv għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-forom kollha ta’ vjolenza kontra n-nisa u vjolenza domestika, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li l-uffiċjali u l-professjonisti rilevanti jirċievu taħriġ dwar kooperazzjoni multidixxiplinari kkoordinata, bil-ħsieb li jiġi żgurat li l-korpi u l-awtoritajiet tal-gvern rilevanti jittrattaw malajr ir-riferimenti tal-każijiet u li l-ispeċjalisti professjonali rilevanti, inkluż fl-oqsma mediċi, legali, edukattivi jew tas-servizzi soċjali, ikunu involuti fit-trattament ta’ tali każijiet. Jenħtieġ li jkun f’idejn l-Istati Membri li jiddeċiedu kif jorganizzaw tali taħriġ. L-obbligi f’din id-Direttiva jenħtieġ li ma jiġux interpretati bħala li jinterferixxu mal-awtonomija tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja.

(79)

Sabiex jikkontrobattu s-sottorapportar, l-Istati Membri jenħtieġ li jaħdmu mal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi fl-iżvilupp ta’ taħriġ, b’mod partikolari fir-rigward tal-isterjotipi tal-ġeneru ta’ ħsara iżda anki fil-prevenzjoni tar-reati, minħabba l-kuntatt mill-qrib tipiku tagħhom ma’ gruppi f’riskju ta’ vjolenza u mal-vittmi.

(80)

Jenħtieġ li jiġu stabbiliti programmi ta’ intervent biex jipprevjenu u jimminimizzaw ir-riskju li jitwettqu reati ta’ vjolenza kontra n-nisa jew vjolenza domestika jew ir-riskju ta’ reċidività. Il-programmi ta’ intervent jenħtieġ li jitmexxew minn professjonisti mħarrġa u bil-ħiliet meħtieġa. Il-programmi ta’ intervent jenħtieġ li jkollhom l-għan speċifiku li jiżguraw relazzjonijiet sikuri u li jgħallmu lill-awturi tar-reati jew lil dawk f’riskju li jwettqu reati kif jadottaw imġiba mhux vjolenti f’relazzjonijiet interpersonali u kif jikkontrobattu x-xejriet vjolenti fl-imġiba. L-Istati Membri jistgħu jużaw standards u linji gwida komuni mħejjija mill-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi għall-programmi ta’ intervent.

(81)

L-informazzjoni fir-rigward tal-programmi ta’ intervent disponibbli jenħtieġ li tingħata lil awtur ta’ reat jew lil persuna suspettata ta’ vjolenza koperti minn din id-Direttiva li jkunu soġġetti għal ordni ta’ projbizzjoni f’każijiet ta’ emerġenza, ordni ta’ trażżin jew ordni ta’ protezzjoni.

(82)

Fir-rigward ta’ reati li jikkostitwixxu stupru, l-awturi tar-reati jenħtieġ li jiġu mħeġġa jipparteċipaw fi programmi ta’ intervent biex jiġi mmitigat ir-riskju ta’ reċidività.

(83)

L-Istati Membri jenħtieġ li jadottaw u jimplimentaw politiki effettivi, komprensivi u kkoordinati li jinkludu l-miżuri rilevanti kollha għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-forom kollha ta’ vjolenza kontra n-nisa u ta’ vjolenza domestika. Dawk il-politiki jenħtieġ li jqiegħdu d-drittijiet tal-vittma fiċ-ċentru tal-miżuri kollha. L-Istati Membri jenħtieġ li jkollhom id-diskrezzjoni li jiddeċiedu liema awtoritajiet huma deżinjati jew stabbiliti bħala korpi uffiċjali responsabbli għall-koordinazzjoni, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-politiki u l-miżuri għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-forom kollha ta’ vjolenza koperti minn din id-Direttiva, f’konformità mal-prinċipju tal-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri, dment li tali awtoritajiet ikollhom il-kompetenzi meħtieġa biex iwettqu l-kompiti previsti f’din id-Direttiva. L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw koordinazzjoni minima fil-livell ċentrali kif ukoll, meta jkun xieraq, fil-livell reġjonali jew lokali, f’konformità mal-liġi nazzjonali u mingħajr preġudizzju għad-distribuzzjoni tas-setgħat f’kull Stat Membru. Dik il-koordinazzjoni tista’ tkun parti mill-pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali.

(84)

L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, inklużi l-organizzazzjonijiet mhux governattivi li jaħdmu mal-vittmi, iħaddnu firxa wiesgħa ta’ atturi bi rwoli u mandati multipli. Tali organizzazzjonijiet jipprovdu għarfien espert siewi u l-involviment u l-kontributi tagħhom jistgħu jkunu ta’ benefiċċju matul it-tfassil, l-implimentazzjoni u l-proċessi assoċjati ta’ monitoraġġ tal-politiki tal-gvern.

(85)

Bħala parti mill-isforzi biex jiġu miġġielda l-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika, l-Istati Membri jenħtieġ li jadottaw pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali.

(86)

Sabiex jiġi żgurat li l-vittmi tar-reati ta’ vjolenza online definiti f’din id-Direttiva jkunu jistgħu effettivament jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom biex materjal illegali relatat ma’ tali reati jitneħħa, l-Istati Membri jenħtieġ li jħeġġu l-kooperazzjoni awtoregolatorja bejn il-fornituri ta’ servizzi intermedjarji rilevanti. Biex jiġi żgurat li tali materjal jiġi identifikat kmieni u jiġi indirizzat b’mod effettiv u li l-vittmi ta’ dawk ir-reati jkunu megħjuna u appoġġati b’mod adegwat, l-Istati Membri jenħtieġ li jiffaċilitaw ukoll l-istabbiliment ta’, jew iqajmu kuxjenza dwar, miżuri awtoregolatorji eżistenti ta’ natura volontarja, bħal kodiċijiet ta’ kondotta. Tali faċilitazzjoni jenħtieġ li tinkludi miżuri awtoregolatorji għall-identifikazzjoni ta’ riskji sistematiċi, b’mod partikolari biex jissaħħu mekkaniżmi mfassla biex jittrattaw il-vjolenza online u biex jittejjeb it-taħriġ tal-impjegati ta’ tali fornituri ta’ servizzi intermedjarji li jinvolvu ruħhom fil-prevenzjoni tal-vjolenza u jipprovdu assistenza u appoġġ lill-vittmi. Tali miżuri awtoregolatorji jistgħu jikkomplementaw l-azzjoni fil-livell tal-Unjoni, b’mod partikolari skont ir-Regolament (UE) 2022/2065.

(87)

L-iskambju tal-aħjar prattiki u l-konsultazzjoni f’każijiet individwali, fil-mandati tal-Eurojust, tan-Network Ġudizzjarju Ewropew f’materji kriminali u ta’ aġenziji rilevanti oħra tal-Unjoni, jistgħu jkunu ta’ valur kbir fil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-forom kollha ta’ vjolenza kontra n-nisa u ta’ vjolenza domestika.

(88)

Il-politiki biex tiġi indirizzata b’mod adegwat il-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika jistgħu jiġu fformulati biss abbażi ta’ data diżaggregata komprensiva u komparabbli. Sabiex jiġu mmonitorjati b’mod effettiv l-iżviluppi fl-Istati Membri, l-Istati Membri huma mistiedna wkoll iwettqu stħarriġiet regolarment. Dawk jistgħu jsiru bl-użu tal-metodoloġija armonizzata tal-Kummissjoni (Eurostat).

(89)

L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li d-data miġbura għall-finijiet ta’ din id-Direttiva tkun limitata għal dak li huwa strettament meħtieġ fir-rigward tal-appoġġ għall-monitoraġġ tal-prevalenza u x-xejriet tal-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika u għat-tfassil ta’ strateġiji ta’ politika ġodda f’dak il-qasam. L-Istati Membri jenħtieġ li jipprovdu d-data meħtieġa lill-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi sabiex jippermettu l-komparabbiltà, il-valutazzjoni u l-analiżi ta’ dik id-data fil-livell tal-Unjoni.

(90)

Kwalunkwe pproċessar ta’ data personali mwettaq skont din id-Direttiva, inkluż l-iskambju jew it-trażmissjoni ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti, irid jitwettaq f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/679 u mad-Direttivi 2002/58/KE (13) u (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Kwalunkwe pproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji jew l-aġenziji tal-Unjoni jrid jitwettaq f’konformità mar-Regolamenti (UE) 2016/794 (14), (UE) 2018/1725 (15) u (UE) 2018/1727 (16) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, jew kwalunkwe regola applikabbli oħra tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data.

(91)

Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli minimi, u l-Istati Membri huma għalhekk liberi li jadottaw jew iżommu regoli tad-dritt kriminali aktar stretti rigward id-definizzjoni ta’ reati u pieni kriminali fil-qasam tal-vjolenza kontra n-nisa. Fir-rigward tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva dwar id-drittijiet tal-vittmi, l-Istati Membri jistgħu jintroduċu jew iżommu dispożizzjonijiet bi standards ogħla, inklużi dawk li jipprovdu livell ogħla ta’ protezzjoni u appoġġ għall-vittmi.

(92)

Minħabba li l-objettiv ta’ din id-Direttiva, jiġifieri li jiġu evitati u miġġielda l-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika fl-Unjoni kollha abbażi ta’ regoli minimi komuni, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jista’ pjuttost, minħabba l-iskala u l-effetti tal-miżuri previsti, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-TUE. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-objettiv.

(93)

F’konformità mal-Artikolu 3 tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, anness mat-TUE u mat-TFUE, l-Irlanda nnotifikat, b’ittra tat-22 ta’ Ġunju 2022, ix-xewqa tagħha li tieħu sehem fl-adozzjoni u fl-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva.

(94)

F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness mat-TUE u mat-TFUE, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Direttiva u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

(95)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat skont l-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 u ta l-opinjoni tiegħu fil-5 ta’ April 2022,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

KAPITOLU 1

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

1.   Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika. Tistabbilixxi regoli minimi dwar:

(a)

id-definizzjoni ta’ reati u pieni kriminali fl-oqsma tal-isfruttament sesswali tan-nisa u tat-tfal u tal-kriminalità informatika;

(b)

id-drittijiet tal-vittmi tal-forom kollha ta’ vjolenza kontra n-nisa jew vjolenza domestika qabel, matul u għal perjodu ta’ żmien xieraq wara proċedimenti kriminali;

(c)

il-protezzjoni u l-appoġġ tal-vittmi, il-prevenzjoni u l-intervent bikri.

2.   Il-Kapitoli 3 sa 7 japplikaw għall-vittmi kollha ta’ reati ta’ vjolenza kontra n-nisa u ta’ vjolenza domestika, irrispettivament mill-ġeneru tagħhom. Tali vittmi huma kollha vittmi ta’ atti kriminalizzati skont il-Kapitolu 2 u vittmi ta’ kwalunkwe att ieħor ta’ vjolenza kontra n-nisa jew ta’ vjolenza domestika, kif kriminalizzat skont atti legali oħra tal-Unjoni jew skont il-liġi nazzjonali.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“vjolenza kontra n-nisa” tfisser l-atti kollha ta’ vjolenza abbażi tal-ġeneru diretti kontra mara jew tifla minħabba li hija mara jew tifla jew li jaffettwaw lin-nisa jew lill-bniet b’mod sproporzjonat, li jirriżultaw jew li x’aktarx jirriżultaw fi ħsara jew tbatija fiżika, sesswali, psikoloġika jew ekonomika, inkluż theddid ta’ tali atti, koerċizzjoni jew ċaħda arbitrarja tal-libertà, kemm jekk iseħħu fil-ħajja pubblika jew f’dik privata;

(b)

“vjolenza domestika” tfisser l-atti kollha ta’ vjolenza fiżika, sesswali, psikoloġika jew ekonomika li jseħħu fil-familja jew fl-unità domestika, irrispettivament mir-rabtiet bijoloġiċi jew legali tal-familja, jew bejn konjuġi jew sħab preċedenti jew attwali, kemm jekk l-awtur tar-reat jikkondividi jew kien jikkondividi residenza mal-vittma u kemm jekk le;

(c)

“vittma” tfisser kwalunkwe persuna, irrispettivament mill-ġeneru tagħha, li tkun ġarrbet ħsara kkawżata direttament minn vjolenza kontra n-nisa jew vjolenza domestika, inklużi tfal li ġarrbu ħsara għax raw vjolenza domestika sseħħ;

(d)

“fornitur ta’ servizzi ta’ hosting” tfisser fornitur ta’ servizzi ta’ hosting kif definit fl-Artikolu 3, il-punt (g)(iii), tar-Regolament (UE) 2022/2065;

(e)

“fornitur ta’ servizzi intermedjarji” tfisser fornitur ta’ servizzi intermedjarji kif definit fl-Artikolu 3, il-punt (g), tar-Regolament (UE) 2022/2065;

(f)

“tifel, tifla jew tfal” tfisser kull persuna taħt l-età ta’ 18-il sena;

(g)

“dipendenti” tfisser tifel jew tifla tal-vittma jew kwalunkwe persuna, minbarra l-awtur tar-reat jew il-persuna suspettata, li jgħixu fl-istess unità domestika bħall-vittma u li għalihom il-vittma tkun qed tipprovdi kura u appoġġ;

(h)

“awtorità kompetenti” tfisser kwalunkwe awtorità pubblika deżinjata skont il-liġi nazzjonali bħala kompetenti biex twettaq dmir kif previst f’din id-Direttiva.

KAPITOLU 2

REATI LI JIKKONĊERNAW L-ISFRUTTAMENT SESSWALI TAN-NISA U TAL-MINURI U L-KRIMINALITÀ INFORMATIKA

Artikolu 3

Mutilazzjoni ġenitali femminili

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-imġiba intenzjonata li ġejja tkun punibbli bħala reat kriminali:

(a)

il-qtugħ, l-infibulazzjoni jew it-twettiq ta’ kwalunkwe mutilazzjoni oħra tal-labia majora, il-labia minora jew il-clitoris jew ta’ kwalunkwe parti minnhom;

(b)

il-koerċizzjoni ta’ mara jew ta’ tifla biex tiġi soġġetta għal kwalunkwe wieħed mill-atti msemmija fil-punt (a) jew li tingħata l-mezzi għal dan il-għan.

Artikolu 4

Żwieġ furzat

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-imġiba intenzjonata li ġejja tkun punibbli bħala reat kriminali:

(a)

li adult jew tifel jew tifla jiġu mġiegħla jidħlu fi żwieġ;

(b)

li adult jew tifel jew tifla jiġu attirati lejn it-territorju ta’ pajjiż għajr dak li jirrisjedu fih bl-għan li dak l-adult jew dak it-tifel jew dik it-tifla jiġu mġiegħla jidħlu fi żwieġ.

Artikolu 5

Kondiviżjoni mhux kunsenswali ta’ materjal intimu jew manipulat

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-imġiba intenzjonata li ġejja tkun punibbli bħala reat kriminali:

(a)

l-għoti tal-aċċessibbiltà għall-pubbliku, permezz tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (“ICT”), għal immaġni, videos jew materjal simili li juru attivitajiet sesswalment espliċiti jew il-partijiet intimi ta’ persuna, mingħajr il-kunsens ta' dik l-persuna, meta tali mġiba x’aktarx tikkawża ħsara serja lil dik il-persuna;

(b)

il-produzzjoni, il-manipulazzjoni jew l-alterazzjoni u sussegwentement l-għoti tal-aċċessibbiltà lill-pubbliku, permezz tal-ICT, għal immaġni, videos jew materjal simili li jagħtu l-impressjoni daqslikieku persuna hija involuta f’attivitajiet sesswalment espliċiti, mingħajr il-kunsens ta’ dik il-persuna, meta tali mġiba x’aktarx tikkawża ħsara serja lil dik il-persuna;

(c)

it-theddid ta’ involviment fl-imġiba msemmija fil-punt (a) jew (b) sabiex persuna tiġi mġiegħla tagħmel, taċċetta jew toqgħod lura minn ċertu att.

2.   Il-paragrafu 1, il-punti (a) u (b), ta’ dan l-Artikolu ma jaffettwax l-obbligu li jiġu rrispettati d-drittijiet, il-libertajiet u l-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 6 TUE u japplika mingħajr preġudizzju għall-prinċipji fundamentali relatati mal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni u l-libertà tal-arti u x-xjenzi, kif implimentati fil-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali.

Artikolu 6

Stalking online

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-imġiba intenzjonata li persuna titqiegħed ripetutament jew kontinwament taħt sorveljanza, mingħajr il-kunsens jew awtorizzazzjoni legali ta’ dik il-persuna għal dan, permezz tal-ICT, li l-movimenti u l-attivitajiet ta’ dik il-persuna jiġu ttrekkjati jew immonitorjati, meta tali mġiba x’aktarx tikkawża ħsara serja lil dik il-persuna, tkun punibbli bħala reat kriminali.

Artikolu 7

Fastidju online

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-imġiba intenzjonata li ġejja tkun punibbli bħala reat kriminali:

(a)

l-involviment ripetut jew kontinwu f’imġiba ta’ theddid diretta lejn persuna, tal-anqas meta tali mġiba tinvolvi theddid li jitwettqu reati kriminali, permezz tal-ICT, meta tali mġiba x’aktarx twassal biex dik il-persuna tibża’ serjament għas-sikurezza tagħha stess jew għas-sikurezza tad-dipendenti;

(b)

l-involviment, flimkien ma’ persuni oħra, permezz tal-ICT, f’imġiba ta’ theddid jew inġurjuża aċċessibbli pubblikament diretta lejn persuna, meta tali mġiba x’aktarx tikkawża ħsara psikoloġika serja lil dik il-persuna;

(c)

li jintbagħtu mingħajr ma jiġu mitluba, permezz tal-ICT, immaġni, videos jew materjal simili ieħor li juru l-ġenitali lil persuna, meta tali mġiba x’aktarx tikkawża ħsara psikoloġika serja lil dik il-persuna;

(d)

li jsir aċċessibbli għall-pubbliku, permezz tal-ICT, materjal li jkun fih id-data personali ta’ persuna, mingħajr il-kunsens ta’ dik il-persuna, bl-għan li persuni oħra jiġu inċitati jikkawżaw ħsara fiżika jew psikoloġika serja lil dik il-persuna.

Artikolu 8

Inċitament għall-vjolenza jew għall-mibegħda online

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-inċitament intenzjonat għall-vjolenza jew għall-mibegħda diretta kontra grupp ta’ persuni jew membru ta’ tali grupp, definit b’riferiment għall-ġeneru, bid-disseminazzjoni lill-pubbliku, permezz tal-ICT, ta’ materjal li fih tali inċitament ikun punibbli bħala reat kriminali.

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jagħżlu li jikkriminalizzaw biss l-imġiba li jew titwettaq b’mod li x’aktarx tfixkel l-ordni pubblika jew li tkun ta’ theddida, abbużiva jew inġurjuża.

Artikolu 9

Inċitament, għajnuna u assistenza u tentattiv

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-inċitament għat-twettiq ta’ kwalunkwe wieħed mir-reati kriminali msemmija fl-Artikoli 3 sa 6 u fl-Artikolu 7, l-ewwel paragrafu, il-punt (b), ikun punibbli bħala reat kriminali.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-għajnuna u l-assistenza għat-twettiq ta’ kwalunkwe wieħed mir-reati kriminali msemmija fl-Artikolu 3, l-ewwel paragrafu, il-punt (a), u fl-Artikoli 4 sa 8 jkunu punibbli bħala reat kriminali.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li tentattiv biex jitwettaq kwalunkwe wieħed mir-reati kriminali msemmija fl-Artikoli 3 u 4 jkun punibbli bħala reat kriminali.

Artikolu 10

Pieni

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-reati kriminali msemmija fl-Artikoli 3 sa 9 jkunu punibbli b’pieni kriminali effettivi, proporzjonati u dissważivi.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-reati kriminali msemmija fl-Artikolu 3 jkunu punibbli b’terminu massimu ta’ priġunerija ta’ mill-inqas ħames snin.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-reati kriminali msemmija fl-Artikolu 4 jkunu punibbli b’terminu massimu ta’ priġunerija ta’ mill-inqas tliet snin.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-reati kriminali msemmija fl-Artikoli 5 u 6, fl-Artikolu 7, l-ewwel paragrafu, il-punti (a), (b) u (d), u fl-Artikolu 8 jkunu punibbli b’terminu massimu ta’ priġunerija ta’ mill-inqas sena.

Artikolu 11

Ċirkostanzi aggravanti

Sal-punt li ċ-ċirkostanzi li ġejjin ma jkunux jagħmlu parti mill-elementi kostituttivi tar-reati kriminali msemmija fl-Artikoli 3 sa 8, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li, fir-rigward tar-reati kriminali rilevanti msemmija f’dawk l-Artikoli, waħda jew aktar miċ-ċirkostanzi li ġejjin ikunu jistgħu, f’konformità mal-liġi nazzjonali, jitqiesu bħala ċirkostanzi aggravanti:

(a)

ir-reat, jew reat kriminali ieħor ta’ vjolenza kontra n-nisa jew ta’ vjolenza domestika, twettaq ripetutament;

(b)

ir-reat twettaq kontra persuna li saret vulnerabbli minn ċirkostanzi partikolari, bħal sitwazzjoni ta’ dipendenza jew stat ta’ diżabbiltà fiżika, mentali, intellettwali jew sensorjali;

(c)

ir-reat twettaq kontra tifel jew tifla;

(d)

ir-reat twettaq fil-preżenza ta’ tifel jew tifla;

(e)

ir-reat twettaq minn żewġ persuni jew aktar li kienu qed jaġixxu flimkien;

(f)

ir-reat kien preċedut jew akkumpanjat minn livelli estremi ta’ vjolenza;

(g)

ir-reat twettaq bl-użu ta’ arma jew b’theddid tal-użu ta’ arma;

(h)

ir-reat twettaq bl-użu tal-forza jew b’theddid ta’ użu tal-forza, jew b’mezzi ta’ koerċizzjoni;

(i)

l-imġiba kkawżat il-mewt tal-vittma jew ħsara fiżika jew psikoloġika serja għall-vittma;

(j)

l-awtur tar-reat kien diġà nstab ħati ta’ reati tal-istess natura;

(k)

ir-reat twettaq kontra konjuġi jew sieħeb preċedenti jew attwali;

(l)

ir-reat twettaq minn membru tal-familja tal-vittma jew minn persuna li tgħix mal-vittma;

(m)

ir-reat twettaq b’riżultat ta’ abbuż minn pożizzjoni rikonoxxuta ta’ fiduċja, awtorità jew influwenza;

(n)

ir-reat twettaq kontra persuna għaliex dik il-persuna kienet rappreżentant pubbliku, ġurnalist jew difensur tad-drittijiet tal-bniedem;

(o)

l-intenzjoni tar-reat kienet li jiġi mħares jew restawrat l-hekk imsejjaħ “unur” ta’ persuna, familja, komunità jew grupp simili ieħor;

(p)

l-intenzjoni tar-reat kienet li l-vittma tiġi kkastigata għall-orjentazzjoni sesswali, il-ġeneru, il-kulur, ir-reliġjon, l-oriġini soċjali jew it-twemmin politiku tal-vittma.

Artikolu 12

Ġuriżdizzjoni

1.   Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jistabbilixxi l-ġuriżdizzjoni tiegħu għar-reati kriminali msemmija fl-Artikoli 3 sa 9 meta:

(a)

ir-reat jitwettaq totalment jew parzjalment fit-territorju tiegħu; jew

(b)

l-awtur tar-reat ikun wieħed miċ-ċittadini tiegħu.

2.   Stat Membru għandu jinforma lill-Kummissjoni meta jiddeċiedi li jestendi l-ġuriżdizzjoni tiegħu għar-reati kriminali kif imsemmi fl-Artikoli 3 sa 9 li jkunu twettqu barra t-territorju tiegħu, meta:

(a)

ir-reat jitwettaq kontra wieħed miċ-ċittadini tiegħu jew kontra resident abitwali fit-territorju tiegħu; jew

(b)

l-awtur tar-reat ikun resident abitwali fit-territorju tiegħu.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ġuriżdizzjoni tagħhom stabbilita għar-reati kriminali msemmija fl-Artikoli 5 sa 9 tinkludi sitwazzjonijiet li fihom ir-reat kriminali jitwettaq permezz ta’ ICT aċċessata mit-territorju tagħhom, kemm jekk il-fornitur ta’ servizzi intermedjarji jkun ibbażat fit-territorju tagħhom u kemm jekk le.

4.   Fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 1, il-punt (b), ta’ dan l-Artikolu, kull Stat Membru għandu jiżgura li l-ġuriżdizzjoni tiegħu stabbilita għar-reati kriminali msemmija fl-Artikoli 3 u 4 ma tkunx soġġetta għall-kundizzjoni li l-imġieba msemmija f’dawk l-Artikoli tkun punibbli bħala reat kriminali fl-Istat fejn tkun imwettqa.

5.   Fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 1, il-punt (b), l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-eżerċizzju tal-ġuriżdizzjoni tagħhom ma tkunx soġġetta għall-kundizzjoni li prosekuzzjoni tista’ tinbeda biss wara li jkun sar rapport mill-vittma fil-post fejn ikun twettaq ir-reat kriminali, jew denunzja mill-Istat tal-post fejn ikun twettaq ir-reat kriminali.

Artikolu 13

Perjodi ta’ preskrizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jipprevedu perjodu ta’ preskrizzjoni li jippermetti l-investigazzjoni, il-prosekuzzjoni, il-proċess u l-aġġudikazzjoni ta’ reati kriminali kif imsemmi fl-Artikoli 3 sa 9 għal perjodu ta’ żmien suffiċjenti wara li jkunu twettqu tali reati kriminali sabiex dawk ir-reati kriminali jiġu ttrattati b’mod effettiv. Il-perjodu ta’ preskrizzjoni għandu jkun proporzjonat għall-gravità tar-reat kriminali kkonċernat.

2.   Meta l-vittma tkun tifel jew tifla, il-perjodu ta’ preskrizzjoni għar-reati kriminali kif imsemmi fl-Artikolu 3 għandu jibda mhux aktar kmieni minn meta l-vittma tkun laħqet l-età ta’ 18-il sena.

KAPITOLU 3

PROTEZZJONI TAL-VITTMI U AĊĊESS GĦALL-ĠUSTIZZJA

Artikolu 14

Rapportar ta’ vjolenza kontra n-nisa jew vjolenza domestika

1.   Minbarra d-drittijiet tal-vittmi meta jagħmlu lment skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2012/29/UE, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-vittmi jkunu jistgħu jirrapportaw atti ta’ vjolenza kontra n-nisa jew vjolenza domestika lill-awtoritajiet kompetenti permezz ta’ kanali aċċessibbli, faċli biex jintużaw, sikuri u disponibbli minnufih. Dawk għandhom jinkludu, tal-anqas għar-reati online msemmija fl-Artikoli 5 sa 8 ta’ din id-Direttiva, il-possibbiltà ta’ rapportar online jew permezz ta’ ICT aċċessibbli u sigura oħra, mingħajr preġudizzju għar-regoli proċedurali nazzjonali dwar il-formalizzazzjoni tar-rapportar online.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-possibbiltà ta’ rapportar online jew permezz ta’ ICT aċċessibbli u sigura oħra tinkludi l-possibbiltà li tiġi ppreżentata evidenza bil-mezzi stabbiliti fl-ewwel subparagrafu, mingħajr preġudizzju għar-regoli proċedurali nazzjonali dwar il-formalizzazzjoni tal-preżentazzjoni tal-evidenza.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-vittmi jkollhom aċċess għal għajnuna legali f’konformità mal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2012/29/UE. L-Istati Membri jistgħu jestendu l-għajnuna legali għall-vittmi li jirrapportaw reati kriminali, meta dan ikun previst mil-liġi nazzjonali.

3.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jinkoraġġixxu lil kwalunkwe persuna li tkun taf dwar jew tissuspetta, in bona fide, li jkunu seħħew atti ta’ vjolenza kontra n-nisa jew vjolenza domestika, jew li jkunu mistennija atti ta’ vjolenza, biex tirrapporta tali atti lill-awtoritajiet kompetenti mingħajr ma’ tibża’ minn konsegwenzi negattivi.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-professjonisti tal-kura tas-saħħa soġġetti għal obbligi ta’ kunfidenzjalità jkunu jistgħu jirrapportaw lill-awtoritajiet kompetenti meta jkollhom motivi raġonevoli biex jemmnu li hemm riskju imminenti li ssir ħsara fiżika serja lil persuna b’riżultat ta’ vjolenza kontra n-nisa jew vjolenza domestika.

5.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta l-vittma tkun tifel jew tifla, mingħajr preġudizzju għar-regoli dwar il-privileġġ professjonali legali jew, meta previst fil-liġi nazzjonali, is-sigriet tal-qrar jew prinċipji ekwivalenti, professjonisti soġġetti għal obbligi ta’ kunfidenzjalità skont il-liġi nazzjonali jkunu jistgħu jirrapportaw lill-awtoritajiet kompetenti meta jkollhom motivi raġonevoli biex jemmnu li tkun saret ħsara fiżika serja lit-tifel jew tifla b’riżultat ta’ vjolenza kontra n-nisa jew vjolenza domestika.

6.   Meta tfal jirrapportaw atti ta’ vjolenza kontra n-nisa jew vjolenza domestika lill-awtoritajiet kompetenti, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċeduri ta’ rapportar ikunu sikuri, kunfidenzjali, imfassla u aċċessibbli b’mod adatt għat-tfal u mfassla u aċċessibbli b’lingwa adatta għat-tfal, f’konformità mal-età u l-maturità tat-tfal.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-professjonisti mħarrġa biex jaħdmu mat-tfal jassistuhom fil-proċeduri ta’ rapportar biex jiżguraw li dawn ikunu fl-aħjar interessi tat-tfal.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta d-detentur ta’ responsabbiltà tal-ġenituri jkun involut fl-att ta’ vjolenza, il-kapaċità ta’ tifel jew tifla li jirrapportaw l-att ma tkunx kundizzjonali fuq il-kunsens tad-detentur tar-responsabbiltà tal-ġenituri u li l-miżuri meħtieġa biex tiġi protetta s-sikurezza tat-tifel jew tifla jittieħdu mill-awtoritajiet kompetenti qabel ma dik il-persuna tiġi infurmata dwar ir-rapportar.

Artikolu 15

Investigazzjoni u prosekuzzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni, l-unitajiet jew is-servizzi li jinvestigaw u jipprosegwixxu atti ta’ vjolenza kontra n-nisa jew ta’ vjolenza domestika jkollhom għarfien espert adegwat f’dawk il-kwistjonijiet u jkollhom għodod investigattivi effettivi għad-dispożizzjoni tagħhom biex jinvestigaw u jipprosegwixxu tali atti b’mod effettiv, speċjalment għall-fini li jiġbru, janalizzaw u jżommu sigura evidenza elettronika f’każijiet ta’ reati online kif imsemmi fl-Artikoli 5 sa 8.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-atti ta’ vjolenza kontra n-nisa jew ta’ vjolenza domestika rrapportati jiġu pproċessati u ttrasferiti mingħajr dewmien lill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet ta’ investigazzjoni u prosekuzzjoni u għall-fini tal-adozzjoni ta’ miżuri ta’ protezzjoni skont l-Artikolu 19, meta jkun meħtieġ.

3.   Meta l-awtoritajiet kompetenti jkollhom motivi raġonevoli biex jissuspettaw li seta’ twettaq reat kriminali, huma għandhom, mingħajr dewmien bla bżonn, jinvestigaw b’mod effettiv, kif jirċievu lment jew fuq inizjattiva tagħhom stess, atti ta’ vjolenza kontra n-nisa jew vjolenza domestika. Għandhom jiżguraw li jinżamm rekord uffiċjali u jippreservaw rekord tas-sejbiet u tal-evidenza rilevanti f’konformità mal-liġi nazzjonali.

4.   Sabiex jgħinu fiż-żamma sigura volontarja tal-evidenza, b’mod partikolari f’każijiet ta’ vjolenza sesswali, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jirreferu lill-vittmi, mingħajr dewmien bla bżonn, għand professjonisti rilevanti tal-kura tas-saħħa jew għand is-servizzi ta’ appoġġ imsemmija fl-Artikoli 25, 26 u 27 li jkunu speċjalizzati biex jassistu fiż-żamma sigura tal-evidenza. Il-vittmi għandhom jiġu informati dwar l-importanza li tali evidenza tinġabar mill-aktar fis possibbli.

5.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-investigazzjonijiet jew il-prosekuzzjoni ta’ atti ta’ stupru ma jkunux dipendenti fuq il-vittma jew ir-rappreżentant tal-vittma li jirraportaw l-att, jew fuq ilment minn vittma jew mir-rappreżentant tal-vittma, u li l-proċedimenti kriminali ma jitwaqqfux unikament għaliex ir-rapport jew l-ilment ġew irtirati.

Artikolu 16

Valutazzjoni individwali biex jiġu identifikati l-ħtiġijiet ta’ protezzjoni tal-vittmi

1.   Minbarra r-rekwiżiti għall-valutazzjoni individwali stabbiliti fl-Artikolu 22 tad-Direttiva 2012/29/UE, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, tal-anqas fir-rigward tal-vittmi ta’ vjolenza sesswali u tal-vittmi ta’ vjolenza domestika, ir-rekwiżti stabbiliti f’dan l-Artikolu jiġu ssodisfati.

2.   Fl-aktar stadju bikri possibbli, bħal fil-mument tal-ewwel kuntatt tal-vittma mal-awtoritajiet kompetenti jew mill-aktar fis possibbli wara li l-ewwel tiġi f’kuntatt magħhom, il-ħtiġijiet speċifiċi ta’ protezzjoni tal-vittma għandhom jiġu identifikati permezz ta’ valutazzjoni individwali, meta xieraq f’kollaborazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti rilevanti kollha.

3.   Il-valutazzjoni individwali kif imsemmi fil-paragrafu 2 għandha tiffoka fuq ir-riskju li jirriżulta mill-awtur tar-reat jew mill-persuna suspettata. Dak ir-riskju jista’ jinkludi kwalunkwe wieħed minn dawn li ġejjin:

(a)

ir-riskju ta’ vjolenza ripetuta;

(b)

ir-riskju ta’ ħsara fiżika jew psikoloġika;

(c)

l-użu possibbli ta’ armi u l-aċċess għalihom;

(d)

il-fatt li l-awtur tar-reat jew il-persuna suspettata jgħixu mal-vittma;

(e)

l-abbuż tad-droga jew tal-alkoħol mill-awtur tar-reat jew mill-persuna suspettata;

(f)

l-abbuż tat-tfal;

(g)

kwistjonijiet ta’ saħħa mentali; jew

(h)

imġiba ta’ stalking.

4.   Il-valutazzjoni individwali kif imsemmi fil-paragrafu 2 għandha tqis iċ-ċirkostanzi individwali tal-vittma, inkluż jekk il-vittma tesperjenzax diskriminazzjoni bbażata fuq kombinazzjoni ta’ sess u kwalunkwe raġuni oħra ta’ diskriminazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 21 tal-Karta (“diskriminazzjoni intersettorjali”), u, għalhekk, tiffaċċjax riskju akbar ta’ vjolenza, u r-rakkont u l-valutazzjoni tal-vittma stess tas-sitwazzjoni. Għandha ssir fl-aħjar interess tal-vittma, filwaqt li tingħata attenzjoni speċjali lill-ħtieġa li tiġi evitata vittimizzazzjoni sekondarja jew ripetuta.

5.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jieħdu miżuri ta’ protezzjoni adegwati, b’kunsiderazzjoni dovuta tal-valutazzjoni individwali kif imsemmi fil-paragrafu 2. Tali miżuri jistgħu jinkludu:

(a)

miżuri skont l-Artikoli 23 u 24 tad-Direttiva 2012/29/UE;

(b)

l-għoti ta’ ordnijiet ta’ projbizzjoni f’każijiet ta’ emerġenza, ordnijiet ta’ trażżin jew ordnijiet ta’ protezzjoni skont l-Artikolu 19 ta’ din id-Direttiva;

(c)

miżuri għajr dawk imsemmija fil-punti (a) u (b) ta’ dan il-paragrafu għall-ġestjoni tal-imġiba tal-awtur tar-reat jew tal-persuna suspettata, b’mod partikolari skont l-Artikolu 37 ta’ din id-Direttiva.

6.   Meta jkun xieraq, il-valutazzjoni individwali kif imsemmi fil-paragrafu 2 għandha ssir f’kollaborazzjoni ma’ awtoritajiet kompetenti rilevanti oħra, skont l-istadju tal-proċedimenti, u s-servizzi ta’ appoġġ rilevanti, bħaċ-ċentri għall-protezzjoni tal-vittmi, is-servizzi speċjalzzati, is-servizzi soċjali, il-professjonisti tal-kura tas-saħħa, il-postijiet ta’ kenn, is-servizzi ta’ appoġġ speċjalizzat u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra.

7.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jirrieżaminaw il-valutazzjoni individwali kif imsemmi fil-paragrafu 2 f’intervalli regolari u, meta rilevanti, jieħdu miżuri ta’ protezzjoni ġodda jew jaġġornaw dawk eżistenti f’konformità mal-paragrafu 5, biex jiżguraw li jindirizzaw is-sitwazzjoni attwali tal-vittma.

8.   Id-dipendenti għandhom ikunu preżunti li għandhom ħtiġijiet speċifiċi ta’ protezzjoni mingħajr ma jiġu soġġetti għal valutazzjoni individwali kif imsemmi fil-paragrafu 2, sakemm ma jkunx hemm indikazzjonijiet li ma jkollhomx ħtiġijiet speċifiċi ta’ protezzjoni.

Artikolu 17

Valutazzjoni individwali tal-ħtiġijiet ta’ appoġġ tal-vittmi

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, filwaqt li jqisu l-valutazzjoni individwali msemmija fl-Artikolu 16, l-awtoritajiet kompetenti jivvalutaw il-ħtiġijiet ta’ appoġġ individwali tal-vittma kif previst fil-Kapitolu 4. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jivvalutaw il-ħtiġijiet ta’ appoġġ individwali tad-dipendenti kif previst fil-Kapitolu 4, sakemm ma jkunx hemm indikazzjonijiet li ma jkollhomx ħtiġijiet ta’ appoġġ speċifiku.

2.   L-Artikolu 16(4), (6) u (7) japplika għall-valutazzjoni individwali tal-ħtiġijiet ta’ appoġġ tal-vittmi skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

Artikolu 18

Riferiment għand is-servizzi ta’ appoġġ

1.   Meta l-valutazzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 16 u 17 jidentifikaw ħtiġijiet speċifiċi ta’ appoġġ jew protezzjoni jew meta l-vittma titlob appoġġ, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-servizzi ta’ appoġġ, bħas-servizzi ta’ appoġġ speċjalizzat, f’kooperazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti, jikkuntattjaw lill-vittmi biex joffru appoġġ, b’kunsiderazzjoni dovuta għas-sikurezza tagħhom. L-Istati Membri jistgħu jagħmlu tali kuntatt soġġett għall-kunsens tal-vittma.

2.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jirrispondu għat-talba tal-vittma għall-protezzjoni u l-appoġġ mingħajr dewmien bla bżonn u b’mod koordinat.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta jkun meħtieġ, l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jirreferu lil vittmi li huma tfal għand servizzi ta’ appoġġ, meta meħtieġ mingħajr il-kunsens minn qabel tad-detentur tar-responsabbiltà tal-ġenituri.

4.   Meta jkun meħtieġ biex jiġi żgurat li l-vittma tirċievi appoġġ u protezzjoni xierqa, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jittrażmettu d-data personali rilevanti dwar il-vittma u s-sitwazzjoni tal-vittma lis-servizzi ta’ appoġġ rilevanti. Tali data għandha tiġi trażmessa b’mod kunfidenzjali. L-Istati Membri jistgħu jagħmlu t-trażmissjoni ta’ tali data soġġetta għall-kunsens tal-vittma.

5.   Is-servizzi ta’ appoġġ għandhom jaħżnu d-data personali sakemm ikun meħtieġ għall-forniment ta’ servizzi ta’ appoġġ u, fi kwalunkwe każ, għal mhux aktar minn ħames snin wara l-aħħar kuntatt bejn is-servizzi ta’ appoġġ u l-vittma.

Artikolu 19

Ordnijiet ta’ projbizzjoni f’każijiet ta’ emerġenza, ordnijiet ta’ trażżin u ordnijiet ta’ protezzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, f’sitwazzjonijiet ta’ periklu immedjat għas-saħħa jew għas-sikurezza tal-vittma jew tad-dipendenti, l-awtoritajiet kompetenti jingħataw is-setgħa biex joħorġu, mingħajr dewmien bla bżonn, ordnijiet indirizzati lil awtur ta’ reat jew lil persuna suspettata ta’ vjolenza koperti minn din id-Direttiva li jordnaw lill-awtur ta’ reat jew lill-persuna suspettata jitilqu mir-residenza tal-vittma jew tad-dipendenti għal perjodu ta’ żmien suffiċjenti u li jipprojbixxu lill-awtur ta’ reat jew lill-persuna suspettata milli jidħlu f’dik ir-residenza, jew milli jersqu eqreb minn distanza preskritta minnha, milli jidħlu fil-post tax-xogħol tal-vittma jew milli b’xi mod jikkuntattjaw lill-vittma jew lid-dipendenti.

L-ordnijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu għandu jkollhom effett immedjat u ma jkunux dipendenti fuq il-fatt li vittma tirrapporta r-reat kriminali jew fuq il-bidu ta’ valutazzjoni individwali skont l-Artikolu 16.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jingħataw is-setgħa biex joħorġu ordnijiet ta’ trażżin jew ordnijiet ta’ protezzjoni biex jipprovdu protezzjoni għal kemm ikun meħtieġ lill-vittmi minn kwalunkwe att ta’ vjolenza kopert minn din id-Direttiva.

3.   Meta l-vittma tkun adult, l-Istati Membri jistgħu jirrikjedu, f’konformità mal-liġi nazzjonali tagħhom, li l-ordnijiet ta’ projbizzjoni f’każijiet ta’ emerġenza, l-ordnijiet ta’ trażżin u l-ordnijiet ta’ protezzjoni kif previsti fil-paragrafi 1 u 2 jinħarġu fuq talba tal-vittma.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta jkun rilevanti għas-sikurezza tal-vittma, l-awtoritajiet kompetenti jinfurmaw lill-vittmi dwar il-possibbiltà li japplikaw għal ordnijiet ta’ projbizzjoni f’każijiet ta’ emerġenza, ordnijiet ta’ trażżin jew ordnijiet ta’ protezzjoni u dwar il-possibbiltà li jfittxu rikonoxximent transfruntier tal-ordnijiet ta’ protezzjoni skont id-Direttiva 2011/99/UE (17) jew ir-Regolament (UE) Nru 606/2013 (18) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

5.   Kwalunkwe ksur tal-ordnijiet ta’ projbizzjoni f’każijiet ta’ emerġenza, ordnijiet ta’ trażżin jew ordnijiet ta’ protezzjoni għandu jkun soġġett għal pieni kriminali jew penali oħra effettivi, proporzjonati u dissważivi. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta jseħħ tali ksur, tiġi kkunsidrata reviżjoni tal-valutazzjoni individwali msemmija fl-Artikolu 16 f’konformità mal-paragrafu 7 ta’ dak l-Artikolu, meta jkun meħtieġ.

6.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-vittmi jiġu offruti l-opportunità li jiġu nnotifikati, mingħajr dewmien bla bżonn, meta jkun hemm ksur ta’ ordni ta’ projbizzjoni f’każijiet ta’ emerġenza, ordni ta’ trażżin jew ordni ta’ protezzjoni li jista’ jkollu impatt fuq is-sikurezza tagħhom.

7.   Dan l-Artikolu ma jobbligax lill-Istati Membri jimmodifikaw is-sistemi nazzjonali tagħhom fir-rigward tal-kwalifika ta’ ordnijiet ta’ projbizzjoni f’każijiet ta’ emerġenza u ordnijiet ta’ protezzjoni bħala li jaqgħu taħt id-dritt kriminali, ċivili jew amministrattiv.

Artikolu 20

Protezzjoni tal-ħajja privata tal-vittmi

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fi proċedimenti kriminali, l-evidenza li tikkonċerna l-imġiba sesswali fil-passat tal-vittma jew aspetti oħra tal-ħajja privata tal-vittma relatata magħha hija permessa biss meta tkun rilevanti u neċessarja.

Artikolu 21

Linji gwida għall-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u tal-prosekuzzjoni

L-Istati Membri jistgħu joħorġu linji gwida għal każijiet li jikkonċernaw il-vjolenza kontra n-nisa jew il-vjolenza domestika għall-awtoritajiet kompetenti li jaġixxu fi proċedimenti kriminali, inklużi linji gwida tal-prosekuzzjoni. Dawk il-linji gwida għandhom ikunu sensittivi għall-ġeneru u jkollhom natura ta’ konsulenza u jistgħu jinkludu gwida dwar kif:

(a)

jiġi żgurat li l-forom kollha ta’ vjolenza kontra n-nisa u vjolenza domestika jiġu identifikati sew;

(b)

tinġabar u tiġi ppreservata l-evidenza rilevanti, inkluża l-evidenza online;

(c)

jitwettqu l-valutazzjonijiet individwali skont l-Artikoli 16 u 17, inkluż il-proċess għar-rieżami ta’ tali valutazzjonijiet;

(d)

jiġu ttrattati każijiet li jafu jirrikjedu l-ħruġ jew l-implimentazzjoni ta’ ordnijiet ta’ projbizzjoni f’każijiet ta’ emerġenza, ordnijiet ta’ trażżin jew ordnijiet ta’ protezzjoni;

(e)

il-vittmi jiġu ttrattati b’mod sensittiv għat-trawma, għall-ġeneru, għad-diżabbiltà u għat-tfal u jiġu żgurati d-dritt tat-tfal li jinstemgħu u l-aħjar interess tat-tfal;

(f)

jiġi żgurat li l-vittmi jiġu ttrattati b’rispett u li l-proċedimenti jitwettqu b’tali mod li tiġi evitata vittimizzazzjoni sekondarja jew ripetuta;

(g)

jiġu indirizzati l-ħtiġijiet akbar ta’ protezzjoni u l-ħtiġijiet kollha ta’ appoġġ rilevanti tal-vittmi li jesperjenzaw diskriminazzjoni intersezzjonali kif previst fl-Artikolu 33(1);

(h)

jiġu idenitifikati u evitati l-isterjotipi tal-ġeneru;

(i)

titqajjem kuxjenza dwar il-gruppi kollha ta’ vittmi fil-kuntest tal-vjolenza domestika;

(j)

il-vittmi jiġu riferuti għand servizzi ta’ appoġġ speċjalizzat, inklużi servizzi mediċi, sabiex jiġi żgurat it-trattament xieraq tal-vittmi u l-immaniġġjar xieraq u mingħajr dewmien bla bżonn ta’ każijiet ta’ vjolenza kontra n-nisa jew vjolenza domestika; u

(k)

jiġi żgurat li l-privatezza u l-informazzjoni kunfidenzjali tal-vittmi jiġu protetti.

Sabiex jiġi żgurat li l-linji gwida msemmija fl-ewwel paragrafu jiġu aġġornati kif xieraq, għandhom jiġu riveduti meta jkun meħtieġ, filwaqt li jitqies il-mod li bih japplikaw fil-prattika.

Artikolu 22

Ir-rwol tal-korpi nazzjonali, inklużi l-korpi ta’ ugwaljanza

1.   L-Istati Membri għandhom jiddeżinjaw u jagħmlu l-arranġamenti meħtieġa biex korp wieħed jew aktar iwettqu l-kompiti li ġejjin:

(a)

il-pubblikazjoni ta’ rapporti u t-tfassil ta’ rakkomandazzjonijiet dwar kwalunkwe kwistjoni relatata mal-vjolena kontra n-nisa u l-vjolenza domestika, inkluż il-ġbir tal-prattiki tajbin eżistenti; u

(b)

l-iskambju tal-informazzjoni disponibbli ma’ korpi Ewropej rilevanti bħall-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi.

Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu, l-Istati Membri jistgħu jikkonsultaw ma’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.

2.   Il-korpi msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jistgħu jiffurmaw parti mill-korpi ta’ ugwaljanza stabbiliti skont id-Direttivi 2004/113/KE, 2006/54/KE u 2010/41/UE.

Artikolu 23

Miżuri biex jitneħħa ċertu materjal online

1.   Mingħajr preġudizzju għar-Regolament (UE) 2022/2065, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-materjal aċċessibbli pubblikament online kif imsemmi fl-Artikolu 5(1), il-punti (a) u (b), u fl-Artikoli 7 u 8 ta’ din id-Direttiva jitneħħa minnufih jew li l-aċċess għalih jiġi diżattivat.

Il-miżuri kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu għandhom jinkludu l-possibbiltà li l-awtoritajiet kompetenti joħorġu ordnijiet legali vinkolanti biex jitneħħa jew jiġi diżattivat l-aċċess għal tali materjal. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li tali ordnijiet jissodisfaw, tal-anqas, il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 9(2) tar-Regolament (UE) 2022/2065.

2.   L-ordnijiet kif imsemmi fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1 għandhom jiġu indirizzati lill-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting.

Meta t-tneħħija ma tkunx fattibbli, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jindirizzaw ukoll l-ordnijiet biex jiġi diżattivat l-aċċess għall-materjal ikkonċernat għal fornituri ta’ servizzi intermedjarji rilevanti apparti fornituri ta’ servizzi ta’ hosting li jkollhom il-ħila teknika u operazzjonali li jieħdu azzjoni rigward il-materjal ikkonċernat.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta l-proċedimenti kriminali li jirrigwardaw reat kif imsemmi fl-Artikolu 5(1), il-punt (a) jew (b), fl-Artikolu 7 jew fl-Artikolu 8 jiġu tterminati mingħajr ma jwasslu għas-sejba li jkun twettaq reat, l-ordnijiet kif imsemmi fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jiġu rilaxxati u d-destinatarji ta’ tali ordnijiet jiġu infurmati b’dan.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ordnijiet u miżuri oħra msemmija fil-paragrafiu 1 jittieħdu skont proċeduri trasparenti u jkunu soġġetti għal salvagwardji adegwati, b’mod partikolari biex jiġi żgurat li dawk l-ordnijiet u miżuri oħra jkunu limitati għal dak li huwa meħtieġ u proporzjonat u li jitqiesu kif xieraq id-drittijiet u l-interessi tal-partijiet rilevanti kollha involuti, inklużi d-drittijiet fundamentali tagħhom f’konformità mal-Karta.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting, fornituri ta’ servizzi intermedjarji rilevanti oħra, u fornituri tal-kontenut affettwati minn ordni kif imsemmi fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1 ikollhom dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv. Tali dritt għandu jinkludi d-dritt li jikkontestaw tali ordni quddiem il-qrati tal-Istat Membru tal-awtorità kompetenti li tkun ħarġet l-ordni.

5.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-fornituri tal-kontenut rilevanti affettwati minn ordni kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 jiġu infurmati, meta xieraq mill-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting jew, minn kwalunkwe fornitur ta’ servizzi intermedjarji rilevanti kkonċernat, bir-raġunijiet għat-tneħħija jew id-diżattivazzjoni tal-aċċess għall-materjal skont l-ordnijiet jew miżuri oħra msemmija fil-paragrafu 1 u bil-possibbiltà li jkollhom aċċess għal rimedju ġudizzjarju.

6.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-tneħħija jew id-diżattivazzjoni tal-aċċess għall-materjal skont l-ordnijiet jew miżuri oħra msemmija fil-paragrafu 1 ma jwaqqfux lill-awtoritajiet kompetenti milli jiksbu jew milli jiżguraw, mingħajr dewmien bla bżonn, l-evidenza meħtieġa għall-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reat kif imsemmi fl-Artikolu 5(1), il-punt (a) jew (b), fl-Artikolu 7 jew fl-Artikolu 8.

Artikolu 24

Kumpens mill-awturi tar-reati

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-vittmi jkollhom id-dritt li jitolbu, f’konformità mal-liġi nazzjonali, kumpens sħiħ mingħand l-awturi tar-reati għal ħsara li tirriżulta mir-reati ta’ vjolenza kontra n-nisa jew vjolenza domestika.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw, meta jkun xieraq, li l-vittmi jkunu jistgħu jiksbu deċiżjoni dwar il-kumpens matul il-proċedimenti kriminali.

KAPITOLU 4

APPOĠĠ GĦALL-VITTMI

Artikolu 25

Appoġġ speċjalizzat għall-vittmi

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-servizzi ta’ appoġġ speċjalizzat kif imsemmi fl-Artikolu 8(3) u fl-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2012/29/UE jkunu disponibbli għall-vittmi, irrispettivament minn jekk ikunux ressqu lment formali.

Meta s-servizzi ta’ appoġġ speċjalizzat kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu ma jiġux ipprovduti bħala parti integrata mis-servizzi ġenerali ta’ appoġġ għall-vittmi, is-servizzi ta’ appoġġ ġenerali u speċjalizzat għandhom jiġu kkoordinati.

Is-servizzi ta’ appoġġ speċjalizzat kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu għandhom jipprovdu:

(a)

informazzjoni u appoġġ dwar kwalunkwe kwistjoni prattika rilevanti li tirriżulta mir-reat, inkluż dwar l-aċċess għall-akkomodazzjoni, l-edukazzjoni, il-kura tat-tfal, it-taħriġ, l-appoġġ finanzjarju u l-assistenza biex wieħed jibqa’ f’impjieg jew isib impjieg;

(b)

informazzjoni dwar l-aċċess għal parir legali, inkluża l-possibbiltà ta’ għajnuna legali, meta disponibbli;

(c)

informazzjoni dwar u, meta xieraq, riferiment għand servizzi li jipprovdu eżamijiet mediċi u forensiċi, li jistgħu jinkludu servizzi komprensivi tal-kura tas-saħħa, u informazzjoni dwar u, meta xieraq, riferiment għal counselling psikosoċjali, inkluża kura għat-trawma;

(d)

l-appoġġ lill-vittmi tar-reati online kif imsemmi fl-Artikoli 5 sa 8, inkluż dwar kif jiġi dokumentat ir-reat online u informazzjoni dwar ir-rimedji ġudizzjarji u r-rimedji biex jitneħħa l-kontenut online relatat mar-reat;

(e)

informazzjoni dwar u, meta xieraq, riferiment għand is-servizzi ta’ appoġġ għan-nisa, iċ-ċentri għall-vittmi ta’ stupru, il-postijiet ta’ kenn u ċ-ċentri ta’ riferiment f’każ ta’ vjolenza sesswali; u

(f)

informazzjoni dwar u, meta xieraq, riferiment għand is-servizzi ta’ appoġġ speċjalizzat għall-vittmi f’riskju akbar ta’ vjolenza, li jistgħu jinkludu servizzi għar-riabilitazzjoni u l-integrazzjoni soċjoekonomika wara sfruttament sesswali.

2.   Is-servizzi ta’ appoġġ speċjalizzat kif imsemmi fil-paragrafu 1 għandhom jiġu provvduti personalment, ikunu mfassla apposta għall-ħtiġijiet tal-vittmi u jkunu faċilment aċċessibbli u disponibbli minnufih, inkluż online jew permezz ta’ mezzi adegwati oħra, bħall-ICT.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw biżżejjed riżorsi umani u finanzjarji biex jipprovdu s-servizzi ta’ appoġġ speċjalizzat imsemmija fil-paragrafu 1.

Meta s-servizzi ta’ appoġġ speċjalizzat kif imsemmi fil-paragrafu 1 jiġu pprovduti minn organizzazzjonijiet mhux governattivi, l-Istati Membri għandhom jipprovdulhom finanzjament adegwat, filwaqt li jqisu l-proporzjon ta’ servizzi ta’ appoġġ speċjalizzat li diġà huma pprovduti mill-awtoritajiet pubbliċi.

4.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu s-servizzi ta’ protezzjoni u ta’ appoġġ speċjalizzat meħtieġa biex jindirizzaw b’mod komprensiv il-ħtiġijiet multipli tal-vittmi billi jipprovdu dawk is-servizzi, inklużi dawk ipprovduti minn organizzazzjonijiet mhux governattivi, fl-istess bini, billi jikkoordinaw tali servizzi permezz ta’ punt ta’ kuntatt, jew billi jiffaċilitaw l-aċċess għal tali servizzi permezz ta’ aċċess online ta’ punt ta’ kuntatt uniku.

Is-servizzi mesmmija fl-ewwel subparagrafu għandhom jinkludu mill-inqas kura medika diretta u riferiment għal aktar kura medika, kif previst fis-sistema nazzjonali tal-kura tas-saħħa, kif ukoll servizzi soċjali, appoġġ psikosoċjali, servizzi legali u servizzi tal-pulizija, jew informazzjoni dwar u riferiment għand tali servizzi.

5.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jinħarġu linji gwida u protokolli għall-professjonisti tal-kura tas-saħħa u tas-servizzi soċjali dwar l-identifikazzjoni u l-għoti ta’ appoġġ xieraq lill-vittmi, inkluż dwar ir-riferiment tal-vittmi għand is-servizzi ta’ appoġġ rilevanti u l-evitar ta’ vittimizzazzjoni sekondarja.

Il-linji gwida u l-protokolli msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom jindikaw kif għandhom jiġu indirizzati l-ħtiġijiet speċifiċi tal-vittmi li huma f’riskju akbar ta’ tali vjolenza bħala riżultat tal-fatt li ġarrbu diskriminazzjoni abbażi ta’ kombinazzjoni ta’ sess u kwalunkwe raġuni oħra ta’ diskriminazzjoni.

Il-linji gwida u l-protokolli msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom jiġu żviluppati b’mod sensittiv għall-ġeneru, għat-trawma u għat-tfal f’kooperazzjoni mal-fornituri ta’ servizzi ta’ appoġġ speċjalizzat u għandhom jiġu rieżaminati u, meta xieraq, aġġornati biex jirriflettu l-bidliet fil-liġi u fil-prattika.

6.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jinħarġu linji gwida u protokolli għas-servizzi tal-kura tas-saħħa li jagħtu kura medika diretta dwar l-identifikazzjoni u l-għoti ta’ appoġġ xieraq lill-vittmi.

Il-linji gwida u protokolli msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom ikopru l-preservazzjoni u d-dokumentazzjoni tal-evidenza u t-trażmissjoni ulterjuri tal-evidenza liċ-ċentri forensiċi kompetenti f’konformità mal-liġi nazzjonali.

7.   L-Istati Membri għandu jkollhom l-għan li jiżguraw li s-servizzi ta’ appoġġ imsemmija fil-paragrafu 1 speċjalizzat jibqgħu kompletament operazzjonali għall-vittmi fi żminijiet ta’ kriżi, bħal kriżijiet tas-saħħa jew stati oħra ta’ emerġenza.

8.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-servizzi ta’ appoġġ speċjalizzat imsemmija fil-paragrafu 1 ikunu disponibbli għall-vittmi qabel, matul u għal żmien xieraq wara l-proċedimenti kriminali.

Artikolu 26

Appoġġ speċjalizzat għall-vittmi ta’ vjolenza sesswali

1.   L-Istati Membri għandhom jipprevedu ċentri għall-vittmi ta’ stupru jew ta’ riferiment f’każ ta’ vjolenza sesswali li jkunu mgħammra kif xieraq u aċċessibbli faċilment, li jistgħu jiffurmaw parti mis-sistema nazzjonali tal-kura tas-saħħa, biex jiżguraw appoġġ effettiv għall-vittmi ta’ vjolenza sesswali u biex jiżguraw il-ġestjoni klinika tal-istupru, inkluża l-assistenza fil-kustodja u fid-dokumentazzjoni tal-evidenza.

Iċ-ċentri msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom jipprovdu appoġġ sensittiv għat-trawma u, meta jkun meħtieġ, riferiment għal appoġġ u counselling speċjalizzati għat-trawma għall-vittmi, wara li jkun twettaq ir-reat.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-vittmi ta’ vjolenza sesswali jkollhom aċċess għal eżamijiet mediċi u forensiċi. Dawk l-eżamijiet jistgħu jiġu pprovduti fiċ-ċentri msemmija f’dan il-paragrafu jew b’riferiment għand ċentri jew unitajiet speċjalizzati. L-Istati Membri għandhom jiżguraw il-koordinazzjoni bejn iċ-ċentri ta’ riferiment u ċ-ċentri mediċi u forensiċi kompetenti.

Meta l-vittma tkun tifel jew tifla, is-servizzi msemmija f’dan il-paragrafu għandhom jiġu pprovduti b’mod adatt għat-tfal.

2.   L-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-vittmi ta’ vjolenza sesswali jkollhom aċċess f’waqtu għas-servizzi tal-kura tas-saħħa, inklużi s-servizzi tal-kura tas-saħħa sesswali u riproduttiva, f’konformità mal-liġi nazzjonali.

3.   Is-servizzi msemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu għandhom ikunu disponibbli mingħajr ħlas, mingħajr preġudizzju għal dawk is-servizzi li huma previsti fis-sistema nazzjonali tal-kura tas-saħħa, u aċċessibbli kull jum tal-ġimgħa. Jistgħu jkunu parti mis-servizzi msemmija fl-Artikolu 25.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw distribuzzjoni ġeografika u kapaċità suffiċjenti tas-servizzi msemmija fil-paragrafi 1 u 2 madwar l-Istat Membru.

5.   L-Artikolu 25(3) u (7) għandu japplika għall-għoti ta’ appoġġ għall-vittmi ta’ vjolenza sesswali skont dan l-Artikolu.

Artikolu 27

Appoġġ speċjalizzat għall-vittmi ta’ mutilazzjoni ġenitali femminili

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw appoġġ effettiv, adatt għall-età u faċilment aċċessibbli għall-vittmi tal-mutilazzjoni ġenitali femminili, inkluż billi jipprovdu kura u counselling ġinekoloġiċi, sessjoloġiċi, psikoloġiċi u postrawmatiċi mfassla apposta għall-ħtiġijiet speċifiċi ta’ tali vittmi, wara li jkun twettaq ir-reat u sakemm ikun meħtieġ wara dan. Dak l-appoġġ għandu jinkludi l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-unitajiet fl-isptarijiet pubbliċi li jwettqu kirurġija rikostruttiva tal-ġenitali u tal-clitoris.

L-appoġġ kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu jista’ jiġi pprovdut miċ-ċentri ta’ riferiment imsemmija fl-Artikolu 26 jew minn kwalunkwe ċentru tas-saħħa ddedikat.

2.   L-Artikolu 25(3) u (7) u l-Artikolu 26(3) għandhom japplikaw għall-għoti ta’ appoġġ għall-vittmi ta’ mutilazzjoni ġenitali femminili skont dan l-Artikolu.

Artikolu 28

Appoġġ speċjalizzat għall-vittmi ta’ fastidju sesswali fuq ix-xogħol

F’każijiet ta’ fastidju sesswali fuq ix-xogħol li jikkostitwixxi reat kriminali skont il-liġi nazzjonali, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li servizzi ta’ counselling ikunu disponibbli għall-vittmi u għall-impjegaturi. Dawk is-servizzi għandhom jinkludu informazzjoni dwar modi kif jiġu indirizzati b’mod adegwat tali każijiet ta’ fastidju sesswali, inkluż dwar ir-rimedji disponibbli biex l-awtur tar-reat jitneħħa mill-post tax-xogħol.

Artikolu 29

Helplines għall-vittmi

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkunu disponibbli helplines telefoniċi mal-pajjiż kollu, mingħajr ħlas, 24 siegħa kuljum u sebat ijiem fil-ġimgħa, biex jiġu pprovduti informazzjoni u pariri lill-vittmi.

Il-helplines kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu jistgħu jiġu operati minn servizzi ta’ appoġġ speċjalizzat, f’konformità mal-prattika nazzjonali.

L-informazzjoni u l-pariri kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu għandhom jingħataw fuq bażi kunfidenzjali jew b’kunsiderazzjoni xierqa għall-anonimità tal-vittma.

L-Istati Membri huma mħeġġa jipprovdu wkoll il-helplines kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu permezz ta’ ICT sigura u aċċessibbli, inklużi applikazzjonijiet online.

2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri xierqa biex jiżguraw li s-servizzi msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jkunu aċċessibbli għall-utenti finali b’diżabbiltà, inkluż billi jipprovdu appoġġ b’lingwaġġ li tinftiehem faċilment. Dawk is-servizzi għandhom ikunu aċċessibbli bi qbil mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà għas-servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika stabbiliti fl-Anness I tad-Direttiva (UE) 2019/882 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (19).

3.   L-Istati Membri għandhom jagħmlu ħilithom biex jiżguraw l-għoti tas-servizzi msemmija fil-paragrafu 1 b’lingwa li l-vittmi jistgħu jifhmu, inkluż permezz ta’ interpretazzjoni telefonika.

4.   L-Artikolu 25(3) u (7) għandu japplika għall-forniment ta’ helplines u appoġġ permezz tal-ICT skont dan l-Artikolu.

5.   L-Istati Membri huma mħeġġa jiżguraw li s-servizzi msemmija fil-paragrafu 1 għall-vittmi ta’ vjolenza kontra n-nisa jistgħu jintlaħqu permezz tan-numru armonizzat fil-livell tal-Unjoni, jiġifieri “116 016”, minbarra kwalunkwe numru jew numri nazzjonali eżistenti.

6.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-utenti finali jiġu infurmati b’mod adegwat dwar l-eżistenza u n-numru tal-helplines, inkluż permezz ta’ kampanji regolari ta’ sensibilizzazzjoni.

Artikolu 30

Postijiet ta’ kenn u akkomodazzjoni interim oħra

1.   Il-postijiet ta’ kenn u akkomodazzjoni interim xierqa oħra kif previsti fl-Artikolu 9(3), il-punt (a), tad-Direttiva 2012/29/UE (“postijiet ta’ kenn u akkomodazzjoni interim xierqa oħra”) għandhom jindirizzaw speċifikament il-ħtiġijiet tal-vittmi tal-vjolenza domestika u l-vjolenza sesswali, inklużi dawk tal-vittmi f’riskju akbar ta’ vjolenza. Għandhom jgħinu lill-vittmi fl-irkupru tagħhom billi jipprovdu kundizzjonijiet ta’ għajxien sikuri, faċilment aċċessibbli, adegwati u xierqa bil-ħsieb li jirritornaw għal għajxien indipendenti u billi jipprovdu informazzjoni dwar servizzi ta’ appoġġ u riferimenti, inkluż għal kura medika ulterjuri.

2.   Il-postijiet ta’ kenn u akkomodazzjoni interim xierqa oħra għandhom jiġu pprovduti f’numri suffiċjenti u għandhom ikunu faċilment aċċessibbli u mgħammra biex jakkomodaw il-ħtiġijiet speċifiċi tan-nisa, inkluż billi jipprovdu postijiet ta’ kenn għan-nisa biss b’post għat-tfal, u billi jiżguraw id-drittijiet u l-ħtiġijiet tat-tfal, inklużi l-vittmi li huma tfal.

3.   Il-postijiet ta’ kenn u akkomodazzjoni interim xierqa oħra għandhom ikunu disponibbli għall-vittmi u d-dipendenti taħt l-età ta’ 18-il sena, irrispettivament min-nazzjonalità, iċ-ċittadinanza, il-post ta’ residenza jew l-istatus ta’ residenza tagħhom.

4.   L-Artikolu 25(3) u (7) japplika għal postijiet ta’ kenn u akkomodazzjoni interim xierqa oħra.

Artikolu 31

Appoġġ għall-vittmi li huma tfal

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li tifel jew tifla jingħataw appoġġ adegwat speċifiku hekk kif l-awtoritajiet kompetenti jkollhom motivi raġonevoli biex jemmnu li dak it-tifel jew tifla setgħu kienu soġġetti għal, jew setgħu raw isseħħ, vjolenza kontra n-nisa jew vjolenza domestika.

L-appoġġ lit-tfal għandu jkun speċjalizzat u xieraq għall-età, għall-ħtiġijiet ta’ żvilupp u għas-sitwazzjoni individwali tat-tifel jew tifla, filwaqt li jirrispetta l-aħjar interessi tat-tfal.

2.   Il-vittmi li huma tfal għandhom jingħataw kura medika xierqa għall-età u appoġġ emozzjonali, psikosoċjali, psikoloġiku u edukattiv, imfassal apposta għall-ħtiġijiet ta’ żvilupp u għas-sitwazzjoni individwali tat-tifel jew tifla, u kwalunkwe appoġġ xieraq ieħor imfassal apposta, b’mod partikolari, għal sitwazzjonijiet ta’ vjolenza domestika.

3.   Meta jkun meħtieġ li tiġi prevista akkomodazzjoni interim, it-tfal, wara li jkunu nstemgħu l-fehmiet tagħhom dwar il-kwistjoni, filwaqt li jitqiesu l-età u l-maturità tagħhom, għandhom bħala prijorità jitqiegħdu flimkien ma’ membri oħra tal-familja, b’mod partikolari ma’ ġenitur jew detentur ta’ responsabbiltà tal-ġenituri mhux vjolenti, f’akkomodazzjoni permanenti jew temporanja mgħammra b’servizzi ta’ appoġġ.

Il-prinċipju tal-aħjar interessi tat-tfal għandu jkun deċiżiv fil-valutazzjoni ta’ kwistjonijiet li jirrigwardaw akkomodazzjoni interim.

Artikolu 32

Sikurezza tat-tfal

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti rilevanti jkollhom aċċess għal informazzjoni dwar il-vjolenza kontra n-nisa jew il-vjolenza domestika li tinvolvi t-tfal, sal-punt li jkun meħtieġ biex dik l-informazzjoni tkun tista’ titqies meta jiġu vvalutati l-aħjar interessi tat-tfal fil-qafas tal-proċedimenti ċivili li jikkonċernaw tali tfal.

2.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu u jżommu postijiet sikuri li jippermettu kuntatt sikur bejn tifel jew tifla u detentur ta’ responsabbiltà tal-ġenituri li jkun awtur ta’ reat jew persuna suspettata ta’ vjolenza kontra n-nisa jew vjolenza domestika, sal-punt li d-detentur tar-responsabbiltà tal-ġenituri jkollu drittijiet ta’ aċċess. L-Istati Membri għandhom jiżguraw is-superviżjoni, kif xieraq, minn professjonisti mħarrġa fl-aħjar interessi tat-tfal.

Artikolu 33

Appoġġ immirat għall-vittmi bi ħtiġijiet intersezzjonali u gruppi f’riskju

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw l-għoti ta’ appoġġ speċifiku lill-vittmi li jesperjenzaw diskriminazzjoni intersezzjonali li jkunu f’riskju akbar ta’ vjolenza kontra n-nisa jew vjolenza domestika.

2.   Is-servizzi ta’ appoġġ imsemmija fl-Artikoli 25 sa 30 għandu jkollhom kapaċità suffiċjenti biex jakkomodaw lill-vittmi b’diżabbiltà, filwaqt li jqisu l-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom, inkluża l-assistenza personali.

3.   Is-servizzi ta’ appoġġ għandhom ikunu disponibbli għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu vittmi, f’konformità mal-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni msemmi fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 2012/29/UE.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-vittmi li jitolbu dan jistgħu jinżammu separati minn persuni tas-sess l-ieħor f’faċilitajiet ta’ detenzjoni għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi soġġetti għal proċeduri ta’ ritorn jew akkomodati separatament f’ċentri ta’ akkoljenza għal applikanti għal protezzjoni internazzjonali.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni jistgħu jirrapportaw okkorrenzi ta’ vjolenza kontra n-nisa jew vjolenza domestika fl-istituzzjonijiet u fiċ-ċentri ta’ akkoljenza u detenzjoni lill-persunal rilevanti u li jkun hemm fis-seħħ proċeduri biex jiżguraw li dak il-persunal jew l-awtoritajiet kompetenti jindirizzaw b’mod adegwat u rapidu tali rapporti f’konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 16, 17 u 18.

KAPITOLU 5

PREVENZJONI U INTERVENT BIKRI

Artikolu 34

Miżuri preventivi

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri xierqa biex jipprevjenu l-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika billi jadottaw approċċ komprensiv fuq diversi livelli.

2.   Il-miżuri preventivi għandhom jinkludu t-twettiq jew l-appoġġ ta’ kampanji ta’ sensibilizzazzjoni mmirati jew programmi mmirati għall-persuni minn età bikrija.

Il-kampanji jew il-programmi kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu jistgħu jinkludu programmi ta’ riċerka u edukazzjoni biex jiżdiedu s-sensibilizzazzjoni u l-fehim fost il-pubbliku ġenerali tal-manifestazzjonijiet u l-kawżi ewlenin differenti tal-forom kollha ta’ vjolenza kontra n-nisa u vjolenza domestika, il-ħtieġa tal-prevenzjoni u, meta xieraq, il-konsegwenzi ta’ tali vjolenza, b’mod partikolari fuq it-tfal.

Meta rilevanti, il-programmi kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu jistgħu jiġu żviluppati f’kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet rilevanti tas-soċjetà ċivili, is-servizzi speċjalizzati, is-sħab soċjali, il-komunitajiet milquta u partijiet ikkonċernati oħra.

3.   L-Istati Membri għandhom jagħmlu l-informazzjoni dwar il-miżuri preventivi, id-drittijiet tal-vittmi, l-aċċess għall-ġustizzja u għal avukat, u l-miżuri ta’ protezzjoni u ta’ appoġġ, inkluż it-trattament mediku, disponibbli u faċilment aċċessibbli għall-pubbliku ġenerali, filwaqt li jqisu l-lingwi l-aktar mitkellma fit-territorju tagħhom.

4.   Il-miżuri mmirati għandhom jiġu ffukati fuq gruppi f’riskju akbar, bħal dawk imsemmija fl-Artikolu 33(1).

L-informazzjoni għat-tfal għandha tiġi fformulata jew adattata b’mod xieraq għat-tfal. L-informazzjoni għandha tiġi ppreżentata f’formati aċċessibbli għal persuni b’diżabbiltà.

5.   Il-miżuri preventivi, b’mod partikolari, għandu jkollhom l-għan li jisfidaw l-isterjotipi ta’ ħsara marbuta mal-ġeneru, jippromwovu l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, ir-rispett reċiproku u d-dritt għall-integrità personali, u li jinkoraġġixxu lil kulħadd, speċjalment l-irġiel u s-subien, biex jaġixxu bħala mudelli pożittivi ħalli jappoġġaw tibdil korrispondenti fl-imġiba fis-soċjetà kollha kemm hi bi qbil mal-objettivi ta’ din id-Direttiva.

6.   Il-miżuri preventivi għandhom jindirizzaw u jnaqqsu d-domanda għal vittmi tal-isfruttament sesswali.

7.   Il-miżuri preventivi għandhom jiżviluppaw jew iżidu s-sensittività dwar il-prattiki ta’ ħsara tal-mutilazzjoni ġenitali femminili u taż-żwieġ furzat, filwaqt li jitqies l-għadd ta’ persuni f’riskju ta’, jew affettwati minn, dawk il-prattiki fl-Istat Membru kkonċernat.

8.   Il-miżuri preventivi għandhom jindirizzaw speċifikament ir-reati online msemmija fl-Artikoli 5 sa 8. B’mod partikolari, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li tali miżuri preventivi jinkludu l-iżvilupp ta’ ħiliet fil-litteriżmu diġitali, inkluż l-involviment kritiku mad-dinja diġitali u l-ħsieb kritiku, biex l-utenti jkunu jistgħu jidentifikaw u jindirizzaw każijiet ta’ vjolenza online, biex ifittxu appoġġ u biex jipprevjenu t-twettiq tagħha.

L-Istati Membri għandhom irawmu l-kooperazzjoni multidixxiplinari u bejn il-partijiet ikkonċernati, inklużi fost il-fornituri ta’ servizzi intermedjarji rilevanti u l-awtoritajiet kompetenti, biex jiżviluppaw u jimplimentaw miżuri ħalli jiġu indirizzata r-reati online msemmija fl-Artikoli 5 sa 8.

9.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 26 tad-Direttiva 2006/54/KE, l-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri adegwati u xierqa biex jindirizzaw il-fastidju sesswali fuq ix-xogħol, meta jikkostitwixxi reat kriminali skont il-liġi nazzjonali, fil-politiki nazzjonali rilevanti. Dawk il-politiki nazzjonali jistgħu jidentifikaw u jistabbilixxu l-miżuri mmirati msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu għal setturi li fihom il-ħaddiema huma l-aktar esposti.

Artikolu 35

Miżuri speċifiċi biex jiġi pprevenut l-istupru u biex jiġi promoss ir-rwol ċentrali tal-kunsens fir-relazzjonijiet sesswali

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri xierqa biex jippromwovu bidliet fix-xejriet tal-imġiba li għandhom l-għeruq tagħhom fir-relazzjonijiet ta’ poter storikament inugwali bejn in-nisa u l-irġiel jew ibbażati fuq rwoli sterjotipati għan-nisa u l-irġiel, b’mod partikolari fil-kuntest tar-relazzjonijiet sesswali, is-sess u l-kunsens.

Il-miżuri kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu għandhom ikunu bbażati fuq il-prinċipji tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u n-nondiskriminazzjoni u fuq id-drittijiet fundamentali u għandhom jindirizzaw, b’mod partikolari, ir-rwol ċentrali tal-kunsens fir-relazzjonijiet sesswali, li jrid jingħata volontarjament bħala riżultat tar-rieda ħielsa tal-persuna.

Il-miżuri kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu għandhom jinkludu kampanji jew programmi ta’ sensibilizzazzjoni, it-tqegħid għad-dispożizzjoni u d-distribuzzjoni ta’ materjal edukattiv dwar il-kunsens u t-tixrid wiesa’ ta’ informazzjoni dwar miżuri ta’ prevenzjoni tal-istupru.

Il-miżuri kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu għandhom jiġu promossi jew implimentati fuq bażi regolari, inkluż, meta xieraq, f’kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u mhux governattivi, b’mod partikolari l-organizzazzjonijiet tan-nisa.

2.   Il-kampanji jew il-programmi ta’ sensibilizzazzjoni kif imsemmi fit-tielet subparagrafu tal-paragrafu 1 għandu jkollhom l-għan, b’mod partikolari, li jżidu l-għarfien tal-fatt li s-sess mhux kunsenswali jitqies bħala reat kriminali.

3.   Il-materjal edukattiv dwar il-kunsens kif imsemmi fit-tielet subparagrafu tal-paragrafu 1 għandu jippromwovi l-fehim li l-kunsens irid jingħata volontarjament bħala riżultat tar-rieda ħielsa ta’ persuna, ir-rispett reċiproku, u d-dritt għall-integrità sesswali u l-awtonomija fiżika. Tali materjal għandu jiġi adattat għall-kapaċità li tevolvi tal-persuni li lilhom ikun indirizzat.

4.   L-informazzjoni kif imsemmi f’dan l-Artikolu għandha tiġi mxerrda b’mod wiesa’ bil-ħsieb li l-pubbliku ġenerali jiġi infurmat dwar il-miżuri eżistenti ta’ prevenzjoni tal-istupru, inkluża d-disponibbiltà tal-programmi ta’ intervent imsemmija fl-Artikolu 37.

Artikolu 36

Taħriġ u informazzjoni għall-professjonisti

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-uffiċjali li x’aktarx jiġu f’kuntatt mal-vittmi, bħall-uffiċjali tal-pulizija u l-persunal tal-qorti, jirċievu kemm taħriġ ġenerali kif ukoll speċjalizzat u informazzjoni mmirata sa livell xieraq għall-kuntatt tagħhom mal-vittmi sabiex ikunu jistgħu jidentifikaw, jipprevjenu u jindirizzaw każijiet ta’ vjolenza kontra n-nisa jew vjolenza domestika u jittrattaw lill-vittmi b’mod sensittiv għat-trawma, għall-ġeneru u għat-tfal.

2.   L-Istati Membri għandhom jippromwovu jew joffru taħriġ lill-professjonisti tal-kura tas-saħħa, lis-servizzi soċjali u lill-persunal edukattiv li x’aktarx jiġu f’kuntatt mal-vittmi sabiex ikunu jistgħu jidentifikaw każijiet ta’ vjolenza kontra n-nisa jew vjolenza domestika u jirreferu lill-vittmi għand servizzi ta’ appoġġ speċjalizzat.

3.   Mingħajr preġudizzju għall-indipendenza ġudizzjarja u d-differenzi fl-organizzazzjoni tal-ġudikatura madwar l-Unjoni, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiġi pprovdut taħriġ kemm ġenerali kif ukoll speċjalizzat għall-imħallfin u l-prosekuturi involuti fi proċedimenti u investigazzjonijiet kriminali fir-rigward tal-objettivi ta’ din id-Direttiva u xieraq għall-funzjonijiet ta’ dawk l-imħallfin u prosekuturi. Tali taħriġ għandu jkun ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem, iffukat fuq il-vittmi u sensittiv għall-ġeneru, għad-diżabbiltà u għat-tfal.

4.   Mingħajr preġudizzju għall-indipendenza tal-professjoni legali, l-Istati Membri għandhom jirrakkomandaw li dawk responsabbli għat-taħriġ tal-avukati jipprovdu taħriġ kemm ġenerali kif ukoll speċjalizzat biex jiżdied l-għarfien tal-avukati tal-ħtiġijiet tal-vittmi u biex il-vittmi jiġu ttrattati b’mod sensittiv għat-trawma, għall-ġeneru u għat-tfal.

5.   Il-professjonisti rilevanti tas-saħħa, inklużi l-pedjatri, il-ġinekologi, l-ostetriki, il-qbiela u l-persunal tal-kura tas-saħħa involut fl-appoġġ psikoloġiku, għandhom jirċievu taħriġ immirat biex jidentifikaw u jindirizzaw, b’mod sensittiv kulturalment, il-konsegwenzi fiżiċi, psikoloġiċi u sesswali tal-mutilazzjoni ġenitali femminili.

6.   Il-persuni b’funzjonijiet superviżorji fuq il-post tax-xogħol, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat, għandhom jirċievu taħriġ dwar kif jagħrfu, jipprevjenu u jindirizzaw il-fastidju sesswali fuq ix-xogħol, meta jikkostitwixxi reat kriminali skont il-liġi nazzjonali. Dawk il-persuni u l-impjegaturi għandhom jirċievu informazzjoni dwar l-effetti tal-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika fuq ix-xogħol u r-riskju ta’ vjolenza minn partijiet terzi.

7.   L-attivitajiet ta’ taħriġ imsemmija fil-paragrafi 1, 2 u 5 għandhom jinkludu taħriġ dwar il-kooperazzjoni multidixxiplinari kkoordinata biex ikun jista’ jsir trattament komprensiv u xieraq tar-riferimenti f’każijiet ta’ vjolenza kontra n-nisa jew vjolenza domestika.

8.   Mingħajr ma jaffettwaw il-libertà u l-pluraliżmu tal-media, l-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu u jappoġġaw l-istabbiliment ta’ attivitajiet ta’ taħriġ tal-media minn organizzazzjonijiet tal-professjonisti tal-media, korpi awtoregolatorji tal-media u rappreżentanti tal-industrija jew organizzazzjonijiet indipendenti rilevanti oħra biex jiġġieldu kontra r-rappreżentazzjonijiet sterjotipiċi tan-nisa u tal-irġiel, l-immaġni sessisti tan-nisa, u t-tfigħ tat-tort fuq il-vittma fil-media, bl-għan li jitnaqqas ir-riskju ta’ vjolenza kontra n-nisa jew vjolenza domestika.

L-attivitajiet ta’ taħriġ kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu jistgħu jiġu pprovduti minn organizzazzjonijiet rilevanti tas-soċjetà ċivili, organizzazzjonijiet mhux governattivi li jaħdmu mal-vittmi, is-sħab soċjali u partijiet ikkonċernati oħra.

9.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti li jirċievu rapporti ta’ reati mill-vittmi jkunu mħarrġa kif xieraq biex jiffaċilitaw ir-rapportar u jassistu fir-rapportar ta’ tali reati u biex tiġi evitata vittimizzazzjoni sekondarja.

10.   L-attivitajiet ta’ taħriġ kif imsemmi fil-paragrafi 1 sa 5 ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu kkomplimentati permezz ta’ segwitu xieraq, inkluż dwar ir-reati online msemmija fl-Artikoli 5 sa 8, u mibnija fuq l-ispeċifiċitajiet tal-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika. Tali attivitajiet ta’ taħriġ jistgħu jinkludu taħriġ dwar kif jiġu identifikati u indirizzati l-ħtiġijiet speċifiċi ta’ protezzjoni u appoġġ tal-vittmi li jiffaċċjaw riskju akbar ta’ vjolenza minħabba li jkunu esperjenzaw diskriminazzjoni intersettorjali.

11.   Il-miżuri skont il-paragrafi 1 sa 9 għandhom jiġu implimentati mingħajr preġudizzju għall-indipendenza ġudizzjarja, l-awtoorganizzazzjoni tal-professjonijiet regolati u d-differenzi fl-organizzazzjoni tal-ġudikatura madwar l-Unjoni.

Artikolu 37

Programmi ta’ intervent

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li jiġu stabbiliti programmi ta’ intervent immirati biex jipprevjenu u jimminimizzaw ir-riskju li titwettaq vjolenza kontra n-nisa jew vjolenza domestika jew ta’ reċidività.

2.   Il-programmi ta’ intervent imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu disponibbli għall-parteċipazzjoni ta’ persuni li jkunu wettqu reat ta’ vjolenza kontra n-nisa jew vjolenza domestika u jistgħu jsiru disponibbli għall-parteċipazzjoni ta’ persuni oħra li jiġu vvalutati bħala f’riskju li jwettqu tali reati. Dawn jistgħu jinkludu persuni li jħossu l-ħtieġa li jipparteċipaw, pereżempju għax jibżgħu li jistgħu jwettqu kwalunkwe reat ta’ vjolenza kontra n-nisa jew vjolenza domestika.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li awtur tar-reat ta’ stupru jiġi mħeġġeġ jipparteċipa fi programm ta’ intervent kif imsemmi fil-paragrafu 1.

KAPITOLU 6

KOORDINAZZJONI U KOOPERAZZJONI

Artikolu 38

Politiki koordinati u korp ta’ koordinazzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jimplimentaw politiki effettivi, komprensivi u koordinati fil-pajjiż kollu li jinkludu l-miżuri rilevanti kollha għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-forom kollha ta’ vjolenza kontra n-nisa u vjolenza domestika.

2.   L-Istati Membri għandhom jiddeżinjaw jew jistabbilixxu korp uffiċjali wieħed jew aktar responsabbli għall-koordinazzjoni, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni ta’ politiki u miżuri għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-forom kollha ta’ vjolenza koperti minn din id-Direttiva.

3.   Il-korp jew il-korpi deżinjati msemmija fil-paragrafu 2 għandhom jikkoordinaw il-ġbir tad-data msemmi fl-Artikolu 44 u janalizzaw u jiddisseminaw r-riżultati ta’ tali ġabriet.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-politiki jkunu koordinati fil-livell ċentrali kif ukoll, meta jkun xieraq, fil-livell reġjonali jew lokali, f’konformità mad-distribuzzjoni tal-kompetenzi fl-Istat Membru kkonċernat.

Artikolu 39

Pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika

1.   Sal-14 ta’ Ġunju 2029, l-Istati Membri għandhom jadottaw, f’konsultazzjoni mas-servizzi ta’ appoġġ speċjalizzat, meta rilevanti, pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza abbażi tal-ġeneru.

2.   Il-pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali msemmija fil-paragrafu 1 jistgħu jinkludu prijoritajiet u azzjonijiet għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika, l-objettivi u l-mekkaniżmi ta’ monitoraġġ tagħhom, ir-riżorsi meħtieġa biex tali prijoritajiet u azzjonijiet jinkisbu u kif dawk ir-riżorsi għandhom jiġu allokati.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali msemmija fil-paragrafu 1 jiġu rieżaminati u aġġornati biex jiżguraw li jibqgħu rilevanti.

Artikolu 40

Koordinazzjoni u kooperazzjoni bejn diversi aġenziji

1.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu mekkaniżmi xierqa, b’kunsiderazzjoni dovuta għad-dritt jew il-prattika nazzjonali, biex jiżguraw il-koordinazzjoni effettiva ta’, u l-kooperazzjoni effettiva bejn, l-awtoritajiet, l-aġenziji u l-korpi rilevanti, inklużi l-ombudsmen, l-awtoritajiet lokali u reġjonali, l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, l-awtoritajiet ġudizzjarji, mingħajr preġudizzju għall-indipendenza ġudizzjarja, is-servizzi ta’ appoġġ, b’mod partikolari s-servizzi ta’ appoġġ speċjalizzat għan-nisa, kif ukoll l-organizzazzjonijiet mhux governattivi, is-servizzi soċjali, inklużi l-awtoritajiet tal-protezzjoni u l-benesseri tat-tfal, il-fornituri tal-edukazzjoni u tal-kura tas-saħħa, is-sħab soċjali, mingħajr preġudizzju għall-awtonomija tagħhom, u organizzazzjonijiet u entitajiet rilevanti oħra, għall-fini tal-protezzjoni u l-appoġġ tal-vittmi ta’ vjolenza kontra n-nisa u vjolenza domestika.

2.   Il-mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni u kooperazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandhom, b’mod partikolari, jikkonċernaw, sal-punt li jkun rilevanti, il-valutazzjonijiet individwali skont l-Artikoli 16 u 17, l-għoti ta’ miżuri ta’ protezzjoni u ta’ appoġġ skont l-Artikolu 19 u l-Kapitolu 4, il-linji gwida ta’ natura konsultattiva skont l-Artikolu 21, u l-attivitajiet ta’ taħriġ għall-professjonisti msemmija fl-Artikolu 36.

Artikolu 41

Kooperazzjoni ma’ organizzazzjonijiet mhux governattivi

L-Istati Membri għandhom jikkooperaw u għandu jkollhom konsultazzjonijiet regolari ma’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, inklużi organizzazzjonijiet mhux governattivi li jaħdmu mal-vittmi, b’mod partikolari fir-rigward: tal-għoti ta’ appoġġ adegwat lill-vittmi; l-inizjattivi ta’ tfassil tal-politika; il-kampanji ta’ informazzjoni u ta’ sensibilizzazzjoni; il-programmi ta’ riċerka u edukazzjoni; it-taħriġ: u l-monitoraġġ u evalwazzjoni tal-impatt ta’ miżuri biex jappoġġaw u jipproteġu lill-vittmi.

Artikolu 42

Kooperazzjoni bejn fornituri ta’ servizzi intermedjarji

L-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu l-kooperazzjoni awtoregolatorja bejn fornituri ta’ servizzi intermedjarji rilevanti, bħall-istabbiliment ta’ kodiċijiet ta’ kondotta.

L-Istati Membri għandhom iżidu l-għarfien ta’ miżuri awtoregolatorji adottati mill-fornituri ta’ servizzi intermedjarji rilevanti b’rabta ma’ din id-Direttiva, b’mod partikolari miżuri biex jissaħħu l-mekkaniżmi implimentati minn tali fornituri ta’ servizzi intermedjarji biex jiġi indirizzat il-materjal online msemmi fl-Artikolu 23(1) u biex jittejjeb it-taħriġ tal-impjegati fir-rigward tal-prevenzjoni tar-reati msemmija f’din id-Direttiva dwar l-assistenza u l-appoġġ għall-vittmi tar-reati previsti f’din id-Direttiva.

Artikolu 43

Kooperazzjoni fil-livell tal-Unjoni

L-Istati Membri għandhom jieħdu azzjoni xierqa biex jiffaċilitaw il-kooperazzjoni bejn xulxin u fil-livell tal-Unjoni biex itejbu l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva. Bħala parti minn tali kooperazzjoni, l-Istati Membi għandu jkollhom l-għan li tal-anqas:

(a)

jiskambjaw l-aħjar prattiki bejniethom permezz ta’ networks stabbiliti li jaħdmu fuq kwistjonijiet rilevanti għall-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika, kif ukoll mal-aġenziji tal-Unjoni, fil-mandati rispettivi tagħhom; u

(b)

meta jkun meħtieġ, jikkonsultaw lil xulxin f’każijiet individwali, inkluż permezz tal-Eurojust u n-Network Ġudizzjarju Ewropew f’materji kriminali, fil-mandati rispettivi tagħhom.

Artikolu 44

Ġbir ta’ data u riċerka

1.   L-Istati Membri għandu jkollhom sistema fis-seħħ għall-ġbir, l-iżvilupp, il-produzzjoni u d-disseminazzjoni ta’ statistika dwar il-vjolenza kontra n-nisa jew il-vjolenza domestika.

2.   L-istatistika msemmija fil-paragrafu 1 għandha, bħala minimu, tinkludi d-data eżistenti li ġejja, disponibbli f’livell ċentrali, diżaggregata skont is-sess, il-grupp ta’ età (tfal/adulti) tal-vittma u tal-awtur tar-reat u, meta possibbli u rilevanti, ir-relazzjoni bejn il-vittma u l-awtur tar-reat u t-tip ta’ reat:

(a)

in-numru annwali ta’ reati rrapportati u ta’ kundanni għal vjolenza kontra n-nisa jew vjolenza domestika, miksuba minn sorsi amministrattivi nazzjonali;

(b)

in-numru ta’ vittmi li nqatlu minħabba vjolenza kontra n-nisa jew vjolenza domestika;

(c)

in-numru u l-kapaċità ta’ postijiet ta’ kenn għal kull Stat Membru; u

(d)

in-numru ta’ telefonati lill-helplines nazzjonali.

3.   L-Istati Membri għandhom jagħmlu ħilithom biex iwettqu stħarriġiet ibbażati fuq il-popolazzjoni f’intervalli regolari biex jivvalutaw il-prevalenza u x-xejriet fil-forom kollha ta’ vjolenza koperti minn din id-Direttiva.

L-Istati Membri għandhom jittrażmettu d-data li tirriżulta mill-istħarriġiet kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu lill-Kummissjoni (Eurostat) malli ssir disponibbli.

4.   Sabiex jiġu żgurati l-komparabbiltà u l-istandardizzazzjoni tad-data amministrattiva madwar l-Unjoni, l-Istati Membri għandhom jagħmlu ħilithom biex jiġbru data amministrattiva abbażi ta’ diżaggregazzjonijiet komuni żviluppati f’kooperazzjoni u f’konformità mal-istandards żviluppati mill-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi skont il-paragrafu 5. Għandhom jittrażmettu dik id-data lill-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi fuq bażi annwali. Id-data trażmessa ma għandux ikun fiha data personali.

5.   L-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi għandu jappoġġa lill-Istati Membri fil-ġbir tad-data msemmi fil-paragrafu 2, inkluż billi jistabbilixxi standards komuni filwaqt li jitqiesu r-rekwiżiti stabbiliti f’dak il-paragrafu.

6.   L-Istati Membri għandhom jagħmlu l-istatistika miġbura skont dan l-Artikolu disponibbli għall-pubbliku b’mod faċilment aċċessibbli. Dik l-istatistika ma għandux ikun fiha data personali.

7.   Sa mill-inqas it-tmiem tal-qafas finanzjarju pluriennali 2021-2027, il-Kummissjoni għandha tappoġġa jew twettaq riċerka dwar il-kawżi fundamentali, l-effetti, l-inċidenzi u r-rati ta’ kundanni tal-forom ta’ vjolenza koperti minn din id-Direttiva.

KAPITOLU 7

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 45

Rapportar u rieżami

1.   Sal-14 ta’ Ġunju 2032, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-informazzjoni rilevanti kollha dwar il-funzjonament ta’ din id-Direttiva meħtieġa biex il-Kummissjoni tfassal rapport dwar l-evalwazzjoni ta’ din id-Direttiva.

2.   Abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri skont il-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni tal-impatt ta’ din id-Direttiva u ta’ jekk l-objettiv tal-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika madwar l-Unjoni ntlaħaqx u tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Dak ir-rapport għandu jivvaluta, b’mod partikolari, jekk humiex meħtieġa estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva u l-introduzzjoni ta’ reati ġodda. Dak ir-rapport għandu jkun akkumpanjat minn proposta leġiżlattiva, jekk meħtieġ.

3.   Sal-14 ta’ Ġunju 2032, il-Kummissjoni għandha tivvaluta jekk humiex meħtieġa aktar miżuri fil-livell tal-Unjoni biex jiġu indirizzati b’mod effettiv il-fastidju u l-vjolenza sesswali fuq ix-xogħol, filwaqt li jitqiesu l-konvenzjonijiet internazzjonali applikabbli, il-qafas legali tal-Unjoni fil-qasam tat-trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjieg u xogħol u l-qafas legali dwar is-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali.

Artikolu 46

Relazzjoni ma’ atti oħra tal-Unjoni

1.   Din id-Direttiva ma taffettwax l-applikazzjoni tal-atti legali li ġejjin:

(a)

id-Direttiva 2011/36/UE;

(b)

id-Direttiva 2011/93/UE;

(c)

id-Direttiva 2011/99/UE;

(d)

id-Direttiva 2012/29/UE;

(e)

ir-Regolament (UE) Nru 606/2013;

(f)

ir-Regolament (UE) 2022/2065.

2.   Il-miżuri speċifiċi ta’ prevenzjoni, protezzjoni ta’ u appoġġ għall-vittmi previsti fil-Kapitoli 3, 4 u 5 ta’ din id-Direttiva japplikaw flimkien mal-miżuri stabbiliti fid-Direttivi 2011/36/UE, 2011/93/UE u 2012/29/UE.

Artikolu 47

Il-libertà tal-istampa u l-libertà tal-espressjoni f’media oħra

Din id-Direttiva ma għandhiex taffettwa sistemi ta’ responsabbiltà speċjali marbutin mal-prinċipji fundamentali dwar il-libertà tal-istampa u l-libertà tal-espressjoni f’media protetta li jeżistu fl-Istati Membri mit-13 ta’ Ġunju 2024, dment li tali sistemi jkunu jistgħu jiġu applikati f’konformità sħiħa mal-Karta.

Artikolu 48

Klawżola ta’ nonrigressjoni

L-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva ma għandhiex tikkostitwixxi raġuni għall-ġustifikazzjoni ta’ tnaqqis fil-livell ta’ protezzjoni tal-vittmi. Dik il-projbizzjoni ta’ tali tnaqqis fil-livell ta’ protezzjoni għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Istati Membri li jistabbilixxu, fid-dawl ta’ ċirkostanzi li jinbidlu, arranġamenti leġiżlattivi jew regolatorji għajr dawk fis-seħħ fit-13 ta’ Ġunju 2024, dment li jkun hemm konformità mar-rekwiżiti minimi stabbiliti f’din id-Direttiva.

Artikolu 49

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sal-14 ta’ Ġunju 2027. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni dwar dan.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, huma għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew jinkludu referenza għaliha meta jiġu ppubblikati uffiċjalment. Il-metodi kif issir tali referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tal-miżuri tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 50

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 51

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri skont it-Trattati.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Mejju 2024.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President I

R. METSOLA

Għall-Kunsill

l-President

H. LAHBIB


(1)   ĠU C 443, 22.11.2022, p. 93.

(2)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta’ April 2024 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-7 ta’ Mejju 2024.

(3)  Id-Direttiva 2011/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2011 dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/629/ĠAI (ĠU L 101, 15.4.2011, p. 1).

(4)  Id-Direttiva 2011/93/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2004/68/ĠAI ((ĠU L 335, 17.12.2011, p. 1).

(5)  Id-Direttiva 2012/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/220/ĠAI (ĠU L 315, 14.11.2012, p. 57).

(6)  Id-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU L 348, 24.12.2008, p. 98).

(7)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(8)  Id-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 89).

(9)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2004/113/KE tat-13 ta’ Diċembru 2004 li timplimenta l-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fl-aċċess għal u l-provvista ta’ merkanzija u servizzi (ĠU L 373, 21.12.2004, p. 37).

(10)  Id-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol (ĠU L 204, 26.7.2006, p. 23).

(11)  Id-Direttiva 2010/41/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Lulju 2010 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa li jeżerċitaw attività li fiha jaħdmu għal rashom u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 86/613/KEE (ĠU L 180, 15.7.2010, p. 1).

(12)  Ir-Regolament (UE) 2022/2065 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Ottubru 2022 dwar Suq Uniku għas-Servizzi Diġitali u li jemenda d-Direttiva 2000/31/KE (l-Att dwar is-Servizzi Diġitali) (ĠU L 277, 27.10.2022, p. 1).

(13)  Id-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjonijiet elettroniċi) (ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37).

(14)  Ir-Regolament (UE) 2016/794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) u li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2009/371/ĠAI, 2009/934/ĠAI, 2009/935/ĠAI, 2009/936/ĠAI u 2009/968/ĠAI, (ĠU L 135, 24.5.2016, p. 53).

(15)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).

(16)  Ir-Regolament (UE) 2018/1727 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Novembru 2018 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (Eurojust), u li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/187/ĠAI (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 138).

(17)  Id-Direttiva 2011/99/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar l-ordni Ewropea ta’ protezzjoni (ĠU L 338, 21.12.2011, p. 2).

(18)  Ir-Regolament (UE) Nru 606/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta’ miżuri ta’ protezzjoni f’materji ċivili (ĠU L 181, 29.6.2013, p. 4).

(19)  Id-Direttiva (UE) 2019/882 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar ir-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà għall-prodotti u għas-servizzi (ĠU L 151, 7.6.2019, p. 70).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2024/1385/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)