European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/1359

22.5.2024

REGOLAMENT (UE) 2024/1359 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-14 ta’ Mejju 2024

li jindirizza sitwazzjonijiet ta' kriżi u ta' force majeure fil-qasam tal-migrazzjoni u l-ażil u li jemenda r-Regolament (UE) 2021/1147

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 78(2) (d) u (e) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Waqt li jaġixxu f'konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

L-Unjoni, filwaqt li tikkostitwixxi spazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, jenħtieġ li tiżgura n-nuqqas ta' kontrolli fuq il-fruntieri interni għall-persuni, tiżviluppa politika komuni dwar l-ażil u l-migrazzjoni, il-kontroll fuq il-fruntieri esterni u r-ritorni, u tipprevjeni movimenti mhux awtorizzati bejn l-Istati Membri, abbażi ta' solidarjetà u kondiviżjoni ġusta tar-responsabbiltà bejn l-Istati Membri, li hija ġusta wkoll fir-rigward taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi u persuni apolidi u tħares għalkollox id-drittijiet fundamentali.

(2)

Huwa meħtieġ approċċ komprensiv, bl-objettiv li jirrinforza l-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri, li jirrikonoxxi li l-effettività tal-approċċ ġenerali jiddependi fuq li l-komponenti kollha jiġu indirizzati b'mod konġunt u implimentati b'mod integrat.

(3)

L-Unjoni u l-Istati Membri tagħha jistgħu jiffaċċaw sfidi migratorji li jistgħu jvarjaw ħafna, b'mod partikolari fir-rigward tal-iskala u l-kompożizzjoni tal-wasliet. Għalhekk huwa essenzjali li l-Unjoni tkun mgħammra b'varjetà ta' għodod biex tirrispondi għal kull tip ta' sitwazzjoni. Jenħtieġ li l-approċċ komprensiv kif deskritt fir-Regolament (UE) 2024/1351 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), inkluż permezz ta' sħubijiet mal-pajjiżi terzi rilevanti, jiżgura li l-Unjoni jkollha għad-dispożizzjoni tagħha regoli speċifiċi biex tiġġestixxi l-migrazzjoni b'mod effettiv, b'mod partikolari fir-rigward tal-iskattar ta' mekkaniżmu ta' solidarjetà obbligatorju, u li jiġu stabbiliti l-miżuri kollha meħtieġa biex tiġi evitata li jseħħu kriżijiet. Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli li huma komplementari għal dak l-approċċ kif ukoll għar-regoli stipulati fid-Direttiva tal-Kunsill 2001/55/KE (5), li jistgħu jintużaw fl-istess ħin.

(4)

Minkejja l-istabbiliment tal-miżuri preventivi meħtieġa, ma jistax jiġi eskluż li tinħoloq sitwazzjoni ta' kriżi jew ta' force majeure fil-qasam tal-migrazzjoni u l-ażil minħabba ċirkostanzi li l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha ma għandhomx kontroll fuqhom. Tali sitwazzjonijiet eċċezzjonali jistgħu jinkludu l-wasliet bil-massa ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi u persuni apolidi fit-territorju ta' Stat Membru wieħed jew aktar, jew sitwazzjoni ta' strumentalizzazzjoni tal-migranti minn pajjiż terz jew attur mhux statali ostili bl-għan li jiddestabbilizza l-Istat Membru jew l-Unjoni, jew sitwazzjoni ta' force majeure fl-Istat Membru. F'dawk iċ-ċirkostanzi, huwa possibbli illi dawk il-miżuri u l-flessibbiltà previsti skont ir-Regolament (UE) 2024/1351 u r-Regolament (UE) 2024/1348 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) mhumiex biżżejjed biex jindirizzaw tali sitwazzjonijiet eċċezzjonali. Dawk is-sitwazzjonijiet eċċezzjonali huma differenti minn dawk li fihom Stat Membru jiffaċċa sitwazzjoni migratorja sinifikanti minħabba l-effett kumulattiv tal-wasliet fuq is-sistema tal-ażil, tal-akkoljenza u tal-migrazzjoni mħejjija sew tiegħu jew fejn Stat Membru jkun taħt pressjoni migratorja minħabba l-iskala tal-wasliet, li minkejja li ma jilħqux il-livelli ta' wasliet bil-massa, madankollu joħolqu obbligi sproporzjonati fuq is-sistemi mħejjija sew tiegħu, u għal liema sitwazzjonijiet ir-Regolament (UE) 2024/1351 jipprovdi miżuri rilevanti. Barra minn hekk, dan ir-Regolament ma jaffettwax l-eżerċizzju tar-responsabbiltajiet tal-Istati Membri fir-rigward taż-żamma tal-ordni pubbliku u s-salvagwardja tas-sigurtà interna.

(5)

Dan ir-Regolament għandu l-għan li jsaħħaħ it-tħejjija u r-reżiljenza tal-Unjoni biex tiġġestixxi sitwazzjonijiet ta' kriżi u li jiffaċilita l-koordinazzjoni operazzjonali, l-appoġġ għall-kapaċità u d-disponibbiltà ta' finanzjament f'sitwazzjonijiet ta' kriżi.

(6)

Dan ir-Regolament jiżgura l-applikazzjoni effettiva tal-prinċipju ta' solidarjetà u kondiviżjoni ġusta tar-responsabbiltà bejn l-Istati Membri u l-adattament tar-regoli rilevanti dwar il-proċedura tal-ażil, inkluż l-applikazzjoni tal-proċedura mħaffa, sabiex l-Istati Membri u l-Unjoni jkollhom l-għodod legali meħtieġa għad-dispożizzjoni tagħhom biex jirreaġixxu malajr għal sitwazzjonijiet ta' kriżi u ta' force majeure, inkluż l-adattament tal-iskedi ta' żmien biex iwettqu l-proċeduri kollha.

(7)

Dan ir-Regolament jiżgura li l-Istati Membri jirċievu appoġġ sħiħ f'sitwazzjonijiet ta' kriżi u ta' force majeure, inkluż permezz tal-mekkaniżmu ta' solidarjetà li jiżgura kondiviżjoni ġusta tar-responsabbiltà u bilanċ tal-isforzi bejn l-Istati Membri f'sitwazzjonijiet ta' kriżi.

(8)

Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi u persuni apolidi u josserva l-prinċipji rikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-“Karta”), b'mod partikolari r-rispett u l-protezzjoni tad-dinjità tal-bniedem, il-projbizzjoni tat-tortura u l-piena jew it-trattament inuman jew degradanti, ir-rispett għall-ħajja privata u tal-familja, il-prinċipju tal-aħjar interessi tat-tfal, id-dritt għall-ażil u l-protezzjoni f'każ ta' tneħħija, tkeċċija jew estradizzjoni, kif ukoll il-Konvenzjoni ta' Ġinevra dwar l-Istatus tar-Rifuġjati tat-28 ta' Lulju 1951, kif issupplimentata bil-Protokoll ta' New York tal-31 ta' Jannar 1967 (il-“Konvenzjoni ta' Ġinevra”). Jenħtieġ li dan ir-Regolament jiġi implimentat f'konformità mal-Karta u mal-prinċipji ġenerali tal-liġi tal-Unjoni kif ukoll mad-dritt internazzjonali. Sabiex tiġi riflessa l-kunsiderazzjoni primarja li trid tingħata lill-aħjar interessi tat-tfal, f'konformità mal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1989 dwar id-Drittijiet tat-Tfal, u l-ħtieġa li tiġi rispettata l-ħajja tal-familja, kif ukoll biex tiġi żgurata l-protezzjoni tas-saħħa tal-persuni kkonċernati, jenħtieġ li jiġu applikati salvagwardji fir-rigward tal-minorenni u l-membri tal-familja tagħhom, kif ukoll fir-rigward tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali (l-“applikanti”) li l-istat tas-saħħa tagħhom ikun jeħtieġ appoġġ speċifiku u adegwat. Jenħtieġ li r-regoli u l-garanziji stipulati fir-Regolament (UE) 2024/1348 ikomplu japplikaw fir-rigward ta' persuni soġġetti għad-derogi previsti f'dan ir-Regolament, ħlief fejn dan ir-Regolament jipprevedi mod ieħor. Jenħtieġ li jkomplu japplikaw ir-regoli stipulati fid-Direttiva (UE) 2024/1346 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), inkluż dawk li jikkonċernaw id-detenzjoni ta' applikanti għal protezzjoni internazzjonali, mill-mument li ssir applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali.

(9)

Dan ir-Regolament ma jipprovdix għad-derogi mir-regoli u l-garanziji, inkluż dawk relatati mal-kundizzjonijiet ta' akkoljenza materjali, skont id-Direttiva (UE) 2024/1346. Jenħtieġ li Stat Membru f'sitwazzjoni ta' kriżi jipprevedi riżorsi umani u materjali addizzjonali u suffiċjenti biex ikun jista' jissodisfa l-obbligi tiegħu skont dik id-Direttiva.

(10)

Jenħtieġ li jkomplu japplikaw ir-regoli u l-garanziji stipulati fir-Regolamenti (UE) 2024/1356 (8), (UE) 2024/1358 (9) u (UE) 2024/1347 (10) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u fid-Direttiva (UE) 2024/XXX tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11) irrispettivament mid-derogi applikati skont dan ir-Regolament. Jenħtieġ li l-Istati Membri japplikaw il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament biss f’konformità mal-kundizzjonijiet li għalihom dawk il-miżuri huma soġġetti kif previst fid-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill rilevanti adottati skont dan ir-Regolament u meta huwa strettament meħtieġ u proporzjonat.

(11)

L-adozzjoni ta' miżuri skont dan ir-Regolament fir-rigward ta' Stat Membru partikolari jenħtieġ li tkun mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li jiġi applikat l-Artikolu 78(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

(12)

Wasliet bil-massa ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi jew ta' persuni apolidi jistgħu jwasslu għal sitwazzjoni fejn Stat Membru ma jkunx f'pożizzjoni li jipproċessa l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi u ta' persuni apolidi f'konformità mar-regoli stipulati fir-Regolament (UE) 2024/1351 u r-Regolament (UE) 2024/1348, u dak ikollu konsegwenzi għall-funzjonament tas-sistema tal-ażil u l-migrazzjoni, mhux biss f'dak l-Istat Membru iżda fl-Unjoni kollha kemm hi. Għalhekk, huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti regoli u mekkaniżmi speċifiċi li jenħtieġ li jippermettu azzjoni effettiva biex jiġu indirizzati tali sitwazzjonijiet.

(13)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jkollhom biżżejjed riżorsi umani u finanzjarji u infrastruttura biex jimplimentaw il-politiki dwar il-ġestjoni tal-ażil u tal-migrazzjoni b'mod effettiv. Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw koordinazzjoni xierqa bejn l-awtoritajiet nazzjonali rilevanti kif ukoll mal-awtoritajiet nazzjonali tal-Istati Membri l-oħra biex jiżguraw li s-sistemi tagħhom tal-ażil, l-akkoljenza, inkluż is-servizzi ta' protezzjoni tat-tfal, jew is-sistema ta’ ritorn huma mħejjija tajjeb, inkluż it-tħejjija u l-ippjanar ta' kontinġenza, u li kull komponent ikollu kapaċità suffiċjenti.

(14)

Sitwazzjoni ta' strumentalizzazzjoni tista' sseħħ fejn pajjiż terz jew attur mhux statali ostili jinkoraġġixxi jew jiffaċilita l-moviment ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi jew persuni apolidi lejn il-fruntieri esterni tal-Unjoni jew lejn Stat Membru, fejn tali azzjonijiet ikunu indikattivi tal-intenzjoni ta' pajjiż terz jew attur mhux statali ostili li jiddestabbilizza l-Unjoni jew Stat Membru, u fejn tali azzjonijiet jistgħu jpoġġu f'riskju l-funzjonijiet essenzjali ta’ Stat Membru, inkluż iż-żamma tal-ordni pubbliku jew is-salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali tiegħu.

(15)

Jenħtieġ li sitwazzjonijiet li fihom atturi mhux statali jkunu involuti fi kriminalità organizzata, b'mod partikolari l-faċilitazzjoni ta' dħul klandestin, ma jitqisux bħala strumentalizzazzjoni tal-migranti meta ma jkun hemm l-ebda għan li jiddestabbilizzaw l-Unjoni jew Stat Membru.

(16)

Jenħtieġ li l-għajnuna umanitarja ma titqiesx bħala strumentalizzazzjoni tal-migranti meta ma jkun hemm l-ebda għan li tiddestabbilizza l-Unjoni jew Stat Membru.

(17)

Mingħajr preġudizzju għall-miżuri applikabbli taħt oqsma ta' politika u strumenti legali oħra, biex jiġi żgurat rispons immedjat u xieraq għat-theddid ibridu f'konformità mal-liġi tal-Unjoni u l-obbligi internazzjonali, dan ir-Regolament jiffoka fuq il-miżuri speċifiċi applikabbli fil-qasam tal-migrazzjoni li għandhom l-għan li jindirizzaw is-sitwazzjonijiet ta' strumentalizzazzjoni.

(18)

F'sitwazzjoni ta' strumentalizzazzjoni, ċittadini ta' pajjiżi terzi u persuni apolidi jistgħu japplikaw għal protezzjoni internazzjonali fuq il-fruntiera esterna jew f'żona ta' tranżitu ta' Stat Membru, u dawn spiss ikunu persuni maqbuda b'rabta ma' qsim mhux awtorizzat tal-fruntiera esterna fuq l-art, bil-baħar jew bl-ajru jew li jiġu żbarkati wara operazzjonijiet ta' tfittxija u salvataġġ. Dan jista' jwassal, b'mod partikolari, għal żieda sinifikanti mhux mistennija tal-każijiet ta' applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali fil-fruntieri esterni. F'dak ir-rigward, irid jiġi żgurat aċċess effettiv u ġenwin għall-proċedura ta' protezzjoni internazzjonali f'konformità mal-Artikolu 18 tal-Karta u l-Konvenzjoni ta' Ġinevra.

(19)

Fir-rigward ta' Ċipru, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 866/2004 (12) jipprevedi regoli speċifiċi li japplikaw għal-linja bejn iż-żoni tar-Repubblika ta' Ċipru li fihom il-Gvern tar-Repubblika ta' Ċipru jeżerċita kontroll effettiv u dawk iż-żoni fejn ma jeżerċitax kontroll effettiv. Għalkemm dik il-linja ma tikkostitwix fruntiera esterna, sitwazzjoni li fiha pajjiż terz jew attur mhux statali ostili jinkoraġġixxi jew jiffaċilita l-moviment ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi jew persuni apolidi biex jaqsmu dik il-linja jenħtieġ li titqies bħala strumentalizzazzjoni, jekk ikunu preżenti l-elementi l-oħra kollha ta' strumentalizzazzjoni.

(20)

Stat Membru jista' jiffaċċa wkoll ċirkostanzi anormali u imprevedibbli barra mill-kontroll tiegħu, li l-konsegwenzi tagħhom ma setgħux jiġu evitati minkejja li eżerċita d-diliġenza kollha dovuta. Tali sitwazzjonijiet ta' force majeure jistgħu jipprevjenu lill-Istat Membru milli jikkonforma mal-obbligi tiegħu skont il-liġi tal-Unjoni u jista' jkollhom konsegwenzi mhux biss f'dak l-Istat Membru, iżda fl-Unjoni kollha kemm hi. Xi eżempji ta' sitwazzjoni ta' force majeure jinkludu, fost oħrajn, pandemiji u diżastri naturali.

(21)

Meta Stat Membru jqis lilu nnifsu f'sitwazzjoni ta' kriżi jew ta' force majeure, jenħtieġ li dak l-Istat Membru jkun jista' jitlob l-awtorizzazzjoni li japplika d-derogi u l-miżuri ta' solidarjetà previsti f'dan ir-Regolament. Dik it-talba jenħtieġ li tinkludi deskrizzjoni tas-sitwazzjoni u għandha tispeċifika liema miżuri qiegħda titlob sabiex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni speċifika. Jenħtieġ li tipprovdi wkoll ir-raġunijiet għaliex is-sitwazzjoni teħtieġ li għandu jirrikorri għal dawk il-miżuri u, fejn rilevanti, jindika liema miżuri diġà ttieħdu biex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni.

(22)

L-użu ta' miżuri inklużi fis-Sett ta' Għodod Permanenti tal-UE b’Appoġġ għall-Migrazzjoni kif stabbilit bl-Artikolu 6(3) tar-Regolament (UE) 2024/1351 (is-“Sett ta’ Għodod”) jenħtieġ li ma jkunx prekundizzjoni biex wieħed jibbenefika mill-miżuri ta' solidarjetà skont dan ir-Regolament.

(23)

F'sitwazzjoni ta' kriżi, l-Istat Membru li jkun qed jiffaċċa sitwazzjoni bħal din jenħtieġ li jkollu l-possibbiltà li jitlob mingħand Stati Membri oħra miżuri ta' solidarjetà u appoġġ li jkunu l-aktar adatti għall-ħtiġijiet tiegħu sabiex jiġġestixxi s-sitwazzjoni, u li jirrikjedu solidarjetà msaħħa meta mqabbla ma' dik prevista fir-Regolament (UE) 2024/1351 biex tittaffa r-responsabbiltà tal-Istat Membru għat-trattament ta' sitwazzjoni ta' kriżi. Il-miżuri msaħħa ta' solidarjetà u appoġġ jistgħu jieħdu l-forma ta' rilokazzjonijiet, kontribuzzjonijiet finanzjarji, miżuri alternattivi ta' solidarjetà jew taħlita ta' dawn ta' hawn fuq.

(24)

F'sitwazzjoni ta' kriżi jew ta' force majeure, l-Istat Membru li jkun qed jiffaċċa sitwazzjoni bħal din jenħtieġ li jkollu l-possibbiltà li jitlob l-awtorizzazzjoni biex japplika derogi mir-regoli rilevanti dwar il-proċedura tal-ażil, inkluż il-proċedura tal-ażil fuq il-fruntiera. Fejn rilevanti, jenħtieġ li tali talbiet jinkludu wkoll l-għażla tal-Istat Membru kkonċernat fir-rigward tal-esklużjoni jew il-waqfien tal-proċedura fuq il-fruntiera għal kategoriji speċifiċi ta' applikanti. Flimkien ma' tali talba, jenħtieġ li l-Istat Membru kkonċernat ikun jista' jinnotifika lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tiegħu li japplika d-deroga mill-iskadenza tar-reġistrazzjoni, qabel ma tiġi awtorizzata tagħmel din f’ deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill, kif ukoll bir-raġunijiet preċiżi li għalihom tkun meħtieġa azzjoni immedjata. Jenħtieġ li l-applikazzjoni ta’ dik id-deroga ma taqbiżx għaxart ijiem mill-jum ta' wara dak li fih issir it-talba dment li ma tkunx awtorizzata fid-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill. Jenħtieġ li l-Kummissjoni u l-Kunsill, meta jwettqu r-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom skont il-proċedura ta' awtorizzazzjoni, jipproċedu b'ħeffa sabiex jiġi limitat iż-żmien bejn tmiem perjodu bħal dan u l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill korrispondenti.

(25)

Meta jitqies li Stat Membru jista’ jiffaċċa diversi mis-sitwazzjonijiet deskritti f'dan ir-Regolament fl-istess ħin, huwa possibbli li dak l-Istati Membru jitlob diversi miżuri skont dan ir-Regolament u jiġi awtorizzat li japplika jew jibbenefika minn dawk il-miżuri simultanjament, li huma maħsuba bħala komplementari.

(26)

Sabiex tkun possibbli l-ġestjoni xierqa ta' sitwazzjoni ta' kriżi, inkluż ta' strumentalizzazzjoni, jew ta' force majeure, u biex tiżgura l-prevedibbiltà u l-adattament xieraq tar-regoli rilevanti dwar il-proċedura tal-ażil għal tali sitwazzjonijiet, inkluż il-proċedura tal-ażil fuq il-fruntiera, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tivvaluta s-sitwazzjoni, fuq talba motivata mill-Istat Membru kkonċernat, u biex tiddetermina, permezz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni, jekk l-Istat Membru rikjedenti jkunx qed jiffaċċa sitwazzjoni ta' kriżi, inkluż ta' strumentalizzazzjoni, jew ta' force majeure.

(27)

F'sitwazzjoni ta' kriżi, il-miżuri ta' solidarjetà biex tiġi indirizzata sitwazzjoni bħal din jenħtieġ li jmorru lil hinn minn dawk previsti fir-Regolament (UE) 2024/1351. Għal dik ir-raġuni jenħtieġ li, meta tivvaluta s-sitwazzjoni, il-Kummissjoni tqis l-indikaturi kwantitattivi u kwalitattivi previsti fl-Artikolu 9 ta’ dak ir-Regolament u l-informazzjoni sostanzjata pprovduta mill-Istat Membru rikjedenti u l-informazzjoni miġbura skont ir-Regolament (UE) 2021/2303 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13) u r-Regolament (UE) 2019/1896 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14) u r-Rapport Annwali Ewropew dwar l-Ażil u l-Migrazzjoni msemmi fir-Regolament (UE) 2024/1351. F’sitwazzjonijiet ta’ strumentalizzazzjoni, jenħtieġ li l-Kummissjoni tqis ukoll ir-raġunijiet għaliex is-Sett ta' Għodod mhuwiex suffiċjenti biex jindirizza s-sitwazzjoni. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tiġbor biżżejjed informazzjoni biex tivvaluta kif xieraq jekk l-Istat Membru rikjedenti jkunux qed jiffaċċaw sitwazzjoni ta' kriżi, inkluż ta' strumentalizzazzjoni, jew ta' force majeure, f’konsultazzjoni mal-Aġenziji rilevanti, b'mod partikolari l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ażil (l-Aġenzija għall-Ażil), l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali, kif ukoll organizzazzjonijiet internazzjonali, b'mod partikolari l-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati (UNHCR) u l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni (IOM), u organizzazzjonijiet rilevanti oħra.

(28)

Biex jiġu żgurati livell għoli ta' skrutinju u appoġġ politiku u espressjoni tas-solidarjetà tal-Unjoni, ikun rilevanti li jiġi kkunsidrat jekk il-Kunsill Ewropew ikunx irrikonoxxa li l-Unjoni jew wieħed jew aktar mill-Istati Membri tagħha jkunu qed jiffaċċaw sitwazzjoni ta' strumentalizzazzjoni tal-migranti. L-istrumentalizzazzjoni tal-migranti tista' tqiegħed f'riskju l-funzjonijiet essenzjali ta' Stat Membru, inkluż iż-żamma tal-ordni pubbliku jew is-salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali tiegħu.

(29)

Sabiex jiġi previst rispons xieraq li jkun neċessarju u proporzjonat biex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni, jenħtieġ li l-proposta tal-Kummissjoni tidentifika, fejn rilevanti, id-derogi speċifiċi li l-Istati Membri jenħtieġ li jkunu awtorizzati japplikaw. F'sitwazzjoni ta' strumentalizzazzjoni, jenħtieġ li l-persuni soġġetti għall-istrumentalizzazzjoni li għalihom jistgħu jiġu applikati d-derogi rilevanti jiġu identifikati b'mod ċar. F'sitwazzjoni ta' kriżi, fejn xieraq u wara konsultazzjoni mal-Istat Membru li jkun qed jiffaċċa s-sitwazzjoni ta' kriżi, jenħtieġ li l-Kummissjoni tinkludi fil-proposta tagħha abbozz ta' Pjan ta' Rispons ta' Solidarjetà, li jindika l-miżuri ta' solidarjetà rilevanti u l-livell tagħhom meħtieġ għas-sitwazzjoni speċifika, inkluż l-ammont totali ta' rilokazzjonijiet, kontribuzzjonijiet finanzjarji jew miżuri alternattivi ta' solidarjetà u l-livell tagħhom, li jirrikonoxxi li d-diversi tipi ta' solidarjetà huma ta' valur ugwali, u b'rispett għad-diskrezzjoni sħiħa tal-Istati Membri fl-għażla tal-miżuri ta' solidarjetà.

(30)

Filwaqt li f'sitwazzjoni ta' pressjoni migratorja, ir-rilokazzjoni jew il-kumpens għar-responsabbiltà għandhom ikopru 60 % tal-ħtiġijiet ta' rilokazzjoni skont ir-Regolament (UE) 2024/1351, f'sitwazzjoni ta' kriżi, huwa importanti li jiġu indirizzati l-ħtiġijiet kollha ta' solidarjetà tal-Istat Membru kkonċernat. Għal dik ir-raġuni, meta deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill tistabbilixxi Pjan ta’ Rispons ta’ Solidarjetà, jenħtieġ li l-Istat Membru li jkun qed jiffaċċa s-sitwazzjoni ta’ kriżi jkollu prijorità li juża l-wegħdiet ta’ solidarjetà mhux allokati jew dawk li jkunu għadhom ma ġewx implimentati u li jkunu disponibbli fir-Riżerva Annwali ta’ Solidarjetà stabbilita f’konformità mal-Artikolu 57 tar-Regolament (UE) 2024/1351. Jekk dan ma jkunx possibbli jew jekk ir-Riżerva Annwali ta’ Solidarjetà ma jkunx fiha biżżejjed wegħdiet biex jiġu koperti l-ħtiġijiet identifikati, jenħtieġ li l-Istat Membru li jkun qed jiffaċċa s-sitwazzjoni ta’ kriżi jkun jista’ jagħmel użu wkoll mill-kontribuzzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill, filwaqt li jiġi rikonoxxut li d-diversi tipi ta’ solidarjetà għandhom valur ugwali. Bil-ħsieb li jiġu indirizzati l-ħtiġijiet kollha tal-Istat Membru kkonċernat, jekk it-taħlita tal-wegħdiet ta’ rilokazzjoni disponibbli fir-Riżerva Annwali ta’ Solidarjetà u fid-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill ma tkunx suffiċjenti, jenħtieġ li l-kumpens għar-responsabbiltà jsir obbligatorju biex ikopri l-ħtiġijiet stipulati fil-Pjan ta’ Rispons ta’ Solidarjetà. Biex dak iseħħ, jenħtieġ li jkun hemm persuni preżenti fit-territorju tal-Istat Membru kontribwenti li għalih japplikaw il-kumpensi.

(31)

Sitwazzjonijiet ta’ kriżi jew ta’ force majeure jistgħu wkoll iqiegħdu f’riskju l-funzjonijiet essenzjali ta’ Stat Membru. Sabiex tissaħħaħ il-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri u biex tittejjeb il-koordinazzjoni tagħhom fil-livell tal-Unjoni, jenħtieġ li l-Kunsill jingħata setgħat ta’ implimentazzjoni biex jadotta deċiżjoni ta’ implimentazzjoni li tawtorizza lil Stat Membru japplika d-derogi u l-miżuri ta’ solidarjetà previsti f’dan ir-Regolament meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet stabbiliti. Il-perjodu ta’ żmien għall-applikazzjoni tal-miżuri awtorizzati mid-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni inizjali jenħtieġ li jkun ta’ tliet xhur. Jenħtieġ li jkun possibli li dan il-perjodu jista’ jiġi estiż għal tliet xhur oħra wara li l-Kummissjoni tikkonferma li s-s-sitwazzjoni ta’ kriżi jew ta’ force majeure tippersisti. Jenħtieġ li l-Kunsill jingħata s-setgħa jkompli jestendi l-awtorizzazzjoni biex jiġu applikati d-derogi u l-miżuri ta’ solidarjetà, sa mhux aktar minn tliet xhur, abbażi ta’ proposta tal-Kummissjoni, jekk iċ-ċirkostanzi li jiġġustifikaw l-estensjoni tad-derogi u l-miżuri ta’ solidarjetà jippersistu. Jenħtieġ li jkun possibbli li dak il-perjodu jiġi estiż għal tliet xhur oħra wara konferma mill-Kummissjoni li s-sitwazzjoni tippersisti. Jenħtieġ li l-Kunsill jingħata s-setgħa li jirrevoka l-applikazzjoni tal-miżuri abbażi ta’ proposta tal-Kummissjoni meta ċ-ċirkostanzi li jiġġustifikaw l-applikazzjoni tad-derogi u l-miżuri ta’ solidarjetà jkunu waslu fi tmiemhom. Jenħtieġ li jkun possibbli għad-deċiżjoni ta’ estensjoni tal-awtorizzazzjoni li ’temenda id-derogi applikati. Jenħtieġ li, fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħhom u fit-twettiq tar-responsabbiltajiet tagħhom, il-Kummissjoni u l-Kunsill jiżguraw f’kull ħin li l-prinċipji tal-proporzjonalità u n-neċessità jiġu rispettati.

(32)

Jenħtieġ li d-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill tispeċifika, fejn xieraq, id-derogi speċifiċi li ’Stat Membru li jkun qed jiffaċċa sitwazzjoni ta’ kriżi, jew ta' force majeure huwa awtorizzat li japplika, skont in-natura ta' kull deroga, u tistabbilixxi d-data minn meta jistgħu jiġu applikati. Barra minn hekk, jenħtieġ li d-deċiżjoni tiddikjara r-raġunijiet li fuqhom tkun ibbażata u l-ambitu personali tad-derogi.

(33)

Jenħtieġ li d-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill tistabbilixxi, fejn xieraq, Pjan ta' Rispons ta' Solidarjetà, fejn tindika l-miżuri speċifiċi ta' solidarjetà u ta' appoġġ meħtieġa u l-livelli tagħhom, kif ukoll il-wegħdiet magħmula mill-Istati Membri kontribwenti. Għal dak l-għan, jenħtieġ li l-eżerċizzju tal-wegħdiet isir fil-qafas tal-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill. Huwa importanti li tiġi żgurata d-diskrezzjoni sħiħa tal-Istati Membri kontribwenti li jagħżlu bejn it-tipi ta' miżuri ta' solidarjetà u ta' appoġġ.

(34)

Minħabba l-importanza li l-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament jiġu applikati għat-tul ta' żmien u sal-livell strettament neċessarju biss, jenħtieġ li l-Kummissjoni u l-Kunsill iżommu s-sitwazzjoni taħt monitoraġġ u rieżami kostanti fir-rigward tan-neċessità u l-proporzjonalità ta’ dawk il-miżuri. F'dak il-kuntest, jenħtieġ li l-Kummissjoni tagħti attenzjoni partikolari lill-konformità mad-drittijiet fundamentali u mal-istandards umanitarji u tista' titlob lill-Aġenzija għall-Ażil tibda eżerċizzju ta' monitoraġġ tas-sistema tal-ażil jew ta' akkoljenza tal-Istat Membru kkonċernat skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament (UE) 2021/2303.

(35)

Jenħtieġ li r-regoli proċedurali stipulati fir-Regolament (UE) 2024/1351 għat-twettiq ta' rilokazzjoni japplikaw bl-għan li tiġi żgurata l-implimentazzjoni xierqa tal-miżuri ta’ solidarjetà f’sitwazzjoni ta’ kriżi, filwaqt li jitqiesu l-gravità u l-urġenza ta’ dik is-sitwazzjoni.

(36)

Biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni bla xkiel tal-mekkaniżmu ta' solidarjetà skont dan ir-Regolament, il-Koordinatur tas-Solidarjetà tal-UE jenħtieġ li, minbarra l-kompiti stipulati fir-Regolament (UE) 2024/1351, jappoġġa l-attivitajiet ta' rilokazzjoni u jippromwovi kultura ta' tħejjija, kooperazzjoni u reżiljenza fost l-Istati Membri. F'sitwazzjoni ta' kriżi, jenħtieġ li kull ġimagħtejn il-Koordinatur tas-Solidarjetà tal-UE jipprovdi bulettin dwar l-istat tal-implimentazzjoni u l-funzjonament tal-mekkaniżmu ta' rilokazzjoni. Jenħtieġ li l-uffiċċju tal-Koordinatur tas-Solidarjetà tal-UE jiġi allokat biżżejjed persunal u riżorsi biex jissodisfa r-rwol tiegħu taħt dan ir-Regolament b'mod effettiv. Meta tiġi implimentata r-rilokazzjoni, jenħtieġ li tingħata kunsiderazzjoni primarja lil persuni vulnerabbli.

(37)

Jenħtieġ li persuni vulnerabbli, jingħataw kunsiderazzjoni primarja għar-rilokazzjoni, b'mod partikolari meta jkollhom bżonnijiet speċjali ta' akkoljenza skont it-tifsira tal-Artikolu 24 tad-Direttiva (UE) 2024/1346, jew ikunu fi bżonn ta' garanziji proċedurali speċjali kif imsemmi fl-Artikoli 20 sa 23 tar-Regolament (UE) 2024/1348. Skont l-Artikolu 24 tad-Direttiva (UE) 2024/1346, huwa aktar probabbli li applikanti li jaqgħu f'waħda mill-kategoriji li ġejjin ikollhom bżonnijiet speċjali ta' akkoljenza: minorenni, minorenni mhux akkumpanjati, persuni b'diżabbiltà, persuni akbar fl-età, nisa tqal, persuni leżbjani, omosesswali, bisesswali, trans u intersesswali, ġenituri waħedhom bi tfal minorenni, vittmi tat-traffikar ta' bnedmin, persuni b'mard serju, persuni b'disturbi mentali inkluż disturb minn stress postrawmatiku u persuni li kienu soġġetti għal tortura, stupru jew forom serji oħra ta' vjolenza psikoloġika, fiżika jew sesswali, bħal vittmi ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru, ta' mutilazzjoni ġenitali femminili, ta' żwieġ tat-tfal jew żwieġ furzat, jew ta' vjolenza mwettqa għal raġuni sesswali, razzista, reliġjuża jew marbuta mal-ġeneru.

(38)

B'kuntrast mar-regoli stipulati fir-Regolament (UE) 2024/1351, fejn l-Istati Membri mhumiex obbligati jerfgħu responsabbiltà akbar mis-sehem ġust tagħhom, f'sitwazzjoni ta' kriżi, l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Rispons ta' Solidarjetà tista' potenzjalment twassal biex Stat Membru kontribwenti wieħed jew aktar jerfgħu r-responsabbiltà biex jeżaminaw aktar applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali mis-sehem ġust tagħhom. F'każijiet bħal dawn, jenħtieġ li tali Stat Membru jkun intitolat inaqqas proporzjonalment il-parti li taqbeż is-sehem ġust mill-implimentazzjoni tal-wegħdiet ta' solidarjetà skont iċ-ċikli annwali li jkun imiss skont ir-Regolament (UE) 2024/1351 fuq perjodu ta' ħames snin. Tali tnaqqis jista' jiġi applikat ukoll f'deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill adottata skont l-Artikolu 4(3) bl-ammont korrispondenti ta' applikazzjonijiet li jeċċedi s-sehem ġust u fi żmien ħames snin mid-data li fiha d-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill li tkun wasslet biex l-Istat Membru jeċċedi s-sehem ġust tiegħu ma tibqax fis-seħħ. Jenħtieġ li jkun possibbli li t-tnaqqis fiċ-ċikli annwali li jkun imiss u f'deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill jiġi applikat b'mod alternattiv jew simultanju, dment li jikkorrispondi għall-għadd ta' applikazzjonijiet li bihom l-Istat Membru jkun ikkontribwixxu ’l fuq mis-sehem ġust tiegħu, u ma jaqbiżx dan l-ammont.

(39)

Meta Stat Membru qed jiffaċċa sitwazzjoni ta’ kriżi jew ta' force majeure, hu jista' jkollu bżonn jiddevja r-riżorsi biex jiġġestixxi il-wasliet ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi jew persuni apolidi fil-fruntieri tiegħu. B'riżultat ta' dan, dak l-Istat Membru jista' jkollu bżonn iż-żmien biex jorganizza mill-ġdid ir-riżorsi tiegħu u biex iżid il-kapaċità tiegħu, inkluż bl-appoġġ tal-aġenziji rilevanti tal-Unjoni. Dak l-Istat Membru jista' wkoll ikollu bżonn aktar żmien biex ikun jista' jiddeċiedi dwar l-applikazzjonijiet mingħajr ma jippermetti d-dħul fit-territorju tiegħu. F'sitwazzjoni bħal din, jenħtieġ li jkun possibbli għal dak l-Istat Membru li jidderoga mill-iskadenzi għar-reġistrazzjoni u l-proċedura fuq il-fruntiera.

(40)

Meta Stat Membru japplika miżura waħda jew aktar previsti f'dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-Istat Membru jinforma liċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi u lill-persuni apolidi b'lingwa li huma jifhmu jew huma raġonevolment mistennija li jifhmu, dwar id-derogi applikati u t-tul ta' żmien tal-miżuri. L-Istati Membri huma obbligati jindirizzaw kwalunkwe bżonnijiet proċedurali speċjali u l-bżonnijiet speċjali ta' akkoljenza tal-applikanti li jistgħu jirriżultaw u jipprovdu informazzjoni b'mod xieraq skont kif ikun meħtieġ. Barra minn hekk, japplikaw l-Artikolu 8 dwar l-għoti ta' informazzjoni u l-Artikolu 36(3) fir-rigward tal-informazzjoni dwar il-possibbiltà li tiġi appellata d-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni, tar-Regolament (UE) 2024/1348.

(41)

Meta jiġu applikati derogi mill-proċedura tal-ażil, jenħtieġ li s-salvagwardji għall-applikanti bi bżonnijiet proċedurali speċjali u bi bżonnijiet speċjali ta' akkoljenza, inkluż kundizzjonijiet mediċi, ikunu kunsiderazzjoni primarja għall-awtoritajiet kompetenti. Għal dik ir-raġuni, jenħtieġ li l-Istat Membru li jkun qed jiffaċċa sitwazzjoni ta' kriżi jew ta' force majeure ma japplikax, jew jieqaf japplika, d-derogi mill-proċedura tal-ażil f'każijiet meta jkun hemm raġunijiet mediċi biex ma japplikax il-proċedura fuq il-fruntiera f'konformità mal-Artikolu 53(2), il-punt (d), tar-Regolament (UE) 2024/1348, meta l-appoġġ meħtieġ ma jkunx jista' jingħata lill-applikanti bi bżonnijiet proċedurali speċjali f'konformità mal-Artikolu 53(2), il-punt (b), ta’ dak ir-Regolament jew meta l-appoġġ meħtieġ ma jkunx jista' jingħata lill-applikanti bi bżonnijiet speċjali ta' akkoljenza f'konformità mad-Direttiva (UE) 2024/1346. Jenħtieġ li l-Istat Membru kkonċernat jipprijoritizza l-eżami tal-applikazzjonijiet minn persuni bi bżonnijiet proċedurali speċjali f'konformità mar-Regolament (UE) 2024/1348 u dawk bi bżonnijiet speċjali ta' akkoljenza kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (14), tad-Direttiva (UE) 2024/1346, speċjalment il-minorenni u l-membri tal-familja tagħhom.

(42)

F'sitwazzjonijiet ta' kriżi u ta' force majeure, l-Istat Membru jenħtieġ li jkun awtorizzat li jidderoga mir-Regolament (UE) 2024/1348 sabiex jirreġistra applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali mhux aktar tard minn erba' ġimgħat minn meta jsiru. Tali estensjoni jenħtieġ li tkun mingħajr preġudizzju għad-drittijiet tal-applikanti għall-ażil iggarantiti mill-Karta, mir-Regolament (UE) 2024/1348 u mid-Direttiva (UE) 2024/1346. Mingħajr preġudizzju għall-eċċezzjoni prevista matul il-perjodu bejn it-talba u l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill, f'sitwazzjoni ta' kriżi, ikkaratterizzata minn wasliet bil-massa ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi u persuni apolidi, l-estensjoni tal-perjodu ta' reġistrazzjoni jenħtieġ li tiġi applikata biss matul il-perjodu ta' żmien stipulat fid-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni inizjali tal-Kunsill.

(43)

Meta jiffaċċa sitwazzjoni ta' kriżi jew ta' force majeure, jenħtieġ li jkun possibbli li l-Istat Membru kkonċernat jestendi l-eżami tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali fuq il-fruntiera b’sitt ġimgħat. Jenħtieġ li l-estensjoni ma tintużax flimkien mal-perjodu msemmi fl-Artikolu 51(2), it-tielet subparagrafu, tar-Regolament (UE) 2024/1348.

(44)

Meta jiffaċċa sitwazzjoni ta' kriżi jew ta' force majeure, jenħtieġ li Stat Membru jkun jista' jagħżel miżuri minn fost diversi opzjonijiet fir-rigward tal-applikazzjoni tal-proċedura fuq il-fruntiera, filwaqt li jqis il-kompożizzjoni tal-flussi u n-natura diversifikata tagħhom, skont is-sitwazzjoni preċiża ta' kriżi.

(45)

F'sitwazzjonijiet ta' kriżi, ikkaratterizzati minn wasliet bil-massa ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi u persuni apolidi, jew ta' force majeure, jista' jkun meħtieġ li Stat Membru jitħalla ma japplikax il-proċedura fuq il-fruntiera fir-rigward ta' persuni li jiġu minn pajjiżi terzi fejn ir-rata medja ta' rikonoxximent fil-livell tal-Unjoni tkun inqas minn 20 %. Sabiex tali deroga tiġi applikata, jenħtieġ li d-deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kunsill tivvaluta jekk il-miżuri li jinsabu fil-pjan ta’ kontinġenza tal-Istat Membru kkonċernat, imsemmi fl-Artikolu 32 tad-Direttiva (UE) 2024/1346 ma jkunux biżżejjed biex jindirizzaw is-sitwazzjoni. Fi kwalunkwe każ, l-Istati Membri huma obbligati japplikaw il-proċedura fuq il-fruntiera fis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 42(1), il-punti (c) u (f), tar-Regolament (UE) 2024/1348.

(46)

F'sitwazzjoni ta' kriżi kkaratterizzata minn wasliet bil-massa ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi u persuni apolidi li japplikaw għal protezzjoni internazzjonali, jista' jkun meħtieġ li Stati Membru jitħalla jbaxxi l-limitu għall-applikazzjoni obbligatorja tal-proċedura fuq il-fruntiera prevista fl-Artikolu 42(1), il-punt (j), tar-Regolament (UE) 2024/1348. Fi kwalunkwe każ, jenħtieġ li l-limitu mnaqqas ma jkunx inqas minn 5 %. L-Istati Membri huma obbligati japplikaw il-proċedura fuq il-fruntiera fis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 42(1), il-punti (c) u (f), ta’ dak ir-Regolament.

(47)

F'sitwazzjoni ta' kriżi kkaratterizzata minn wasliet bil-massa ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi u persuni apolidi li japplikaw għal protezzjoni internazzjonali, jista' jkun meħtieġ li jitwessa' l-ambitu tal-applikazzjoni tal-proċedura fuq il-fruntiera, stabbilit bl-Artikolu 43 tar-Regolament (UE) 2024/1348 u li Stat Membru jitħalla jieħu deċiżjoni fil-qafas ta' proċedura fuq il-fruntiera anke fuq il-merti ta' applikazzjoni f'każijiet fejn l-applikant ikun ċittadin ta' pajjiż terz jew, fil-każ ta' persuni apolidi, preċedentement kien resident abitwali ta' pajjiż terz, li għalih il-proporzjon ta' deċiżjonijiet li jagħtu protezzjoni internazzjonali fl-Unjoni kollha ikun 50 % jew inqas. B'riżultat ta' dan, meta tiġi applikata l-proċedura fuq il-fruntiera f'każ ta' kriżi, jenħtieġ li l-Istati Membri jkomplu japplikaw il-proċedura fuq il-fruntiera kif previst fl-Artikoli 43 sa 54 ta’ dak ir-Regolament (UE) iżda jkunu jistgħu jestendu l-applikazzjoni tal-proċedura fuq il-fruntiera għal ċittadini ta' pajjiżi terzi jew persuni apolidi li jiġu minn pajjiżi terzi fejn ir-rata medja ta' rikonoxximent fil-livell tal-Unjoni tkun ogħla minn 20 % iżda inqas minn 50 %, b'kont meħud tal-ħtiġijiet ta' protezzjoni li jevolvu malajr u li jista' jkun hemm fil-pajjiż ta' oriġini kif rifless fl-aġġornamenti trimestrali tad-data tal-Eurostat. Jenħtieġ li dan it-twessigħ tal-ambitu tal-proċedura fuq il-fruntiera ma jaffettwax ir-raġunijiet u regoli oħra applikabbli għall-proċedura obbligatorja fuq il-fruntiera skont dak ir-Regolament. Meta Stat Membru jkun awtorizzat iwessa' l-ambitu tal-proċedura fuq il-fruntiera, jenħtieġ li l-applikazzjonijiet eżaminati skont dik il-proċedura ma jitqisux bħala parti mill-kapaċità adegwata skont l-Artikolu 47 jew jingħaddu għall-applikazzjoni tal-limitu massimu annwali skont l-Artikolu 50 ta’ dak ir-Regolament.

(48)

Jenħtieġ li d-detenzjoni tal-applikanti tkun applikata f'konformità mal-prinċipju sottostanti li jenħtieġ li persuna ma tinżammx f'detenzjoni għall-unika raġuni li dik il-persuna tkun qed tfittex protezzjoni internazzjonali, b'mod partikolari f'konformità mal-obbligi legali internazzjonali tal-Istati Membri, u mal-Artikolu 31 tal-Konvenzjoni ta' Ġinevra. F'konformità mad-Direttiva (UE) 2024/1346, jenħtieġ li, bħala regola, il-minorenni ma jinżammux f'detenzjoni iżda jenħtieġ li jitqiegħdu f'akkomodazzjoni b'dispożizzjonijiet speċjali għall-minorenni, inkluż fejn xieraq f'kollokamenti mhux kustodjali bbażati fuq komunità. Minħabba l-impatt negattiv tad-detenzjoni fuq il-minorenni, detenzjoni bħal din tista' tintuża, f'konformità mal-liġi tal-Unjoni, esklużivament f'ċirkostanzi eċċezzjonali, meta jkun strettament meħtieġ, bħala miżura aħħarija biss, għall-iqsar żmien possibbli, u qatt f'akkomodazzjoni ta' ħabs jew fi kwalunkwe faċilità oħra destinata għal finijiet ta' infurzar tal-liġi. Il-minorenni ma għandhomx jiġu separati mill-ġenituri jew mill-indokraturi tagħhom, u jenħtieġ li l-prinċipju tal-unità tal-familja ġeneralment iwassal għall-użu ta' alternattivi adegwati għad-detenzjoni ta' familji b'minorenni, f'akkomodazzjoni adatta għalihom. Barra minn hekk, irid isir kull ma hu possibbli biex jiġi żgurat li jkun hemm disponibbli u aċċessibbli firxa vijabbli ta' alternattivi adegwati għad-detenzjoni ta' minorenni.

(49)

F'sitwazzjoni ta' strumentalizzazzjoni u biex jiġi evitat li pajjiż terz jew attur mhux statali ostili jkollu fil-mira nazzjonalitajiet speċifiċi jew kategoriji speċifiċi ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi jew persuni apolidi, jenħtieġ li jkun possibbli għal Stat Membru li jidderoga mill-proċedura tal-ażil stabbilita f'dan ir-Regolament billi jieħu deċiżjoni fil-qafas tal-proċedura fuq il-fruntiera, kif stipulat fl-Artikoli 44 sa 55 tar-Regolament (UE) 2024/1348 dwar il-merti tal-applikazzjonijiet kollha. Jenħtieġ li l-prinċipji u l-garanziji stipulati f’dak ir-Regolament jiġu rispettati. Jenħtieġ li d-deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kunsill li tawtorizza lill-Istat Membru japplika d-derogi msemmija, tispeċifika ċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi jew il-persuni apolidi soġġetti għas-sitwazzjoni ta' strumentalizzazzjoni. Meta tiġi applikata din id-deroga, jenħtieġ li tingħata attenzjoni speċifika lil ċerti kategoriji ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi u persuni apolidi li kienu soġġetti għall-istrumentalizzazzjoni, b'mod partikolari minorenni taħt l-età ta' 12-il sena u l-membri tal-familja tagħhom, u persuni vulnerabbli bi bżonnijiet proċedurali speċjali jew bżonnijiet speċjali ta' akkoljenza. Għalhekk, jenħtieġ li dawk il-gruppi jew jiġu esklużi mill-proċedura fuq il-fruntiera jew, meta valutazzjoni individwali tikkonkludi li l-applikazzjonijiet tagħhom x'aktarx ikollhom bażi soda, jenħtieġ li dik il-proċedura ma tibqax tapplika għalihom. L-għażla bejn dawn l-alternattivi tibqa' għad-diskrezzjoni tal-Istat Membru li jirrikjedi l-applikazzjoni ta' din id-deroga. L-għażla indikata fit-talba jenħtieġ li tkun riflessa fid-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill li tawtorizza l-applikazzjoni ta' din id-deroga. Jenħtieġ li t-twessigħ tal-ambitu tal-proċedura fuq il-fruntiera f'sitwazzjoni ta' strumentalizzazzjoni ma jaffettwax ir-raġunijiet u regoli oħra applikabbli għall-proċedura obbligatorja fuq il-fruntiera skont ir-Regolament (UE) 2024/1348. Meta Stat Membru jkun awtorizzat iwessa' l-ambitu tal-proċedura fuq il-fruntiera, jenħtieġ li l-applikazzjonijiet eżaminati skont dik il-proċedura ma jitqisux bħala parti mill-kapaċità adegwata skont l-Artikolu 48 jew jingħaddu għall-applikazzjoni tal-limitu massimu annwali skont l-Artikolu 51 ta’ dak ir-Regolament.

(50)

Sabiex l-Istat Membru kkonċernat jiġi appoġġat fl-għoti tal-assistenza meħtieġa lil ċittadini ta' pajjiżi terzi u persuni apolidi li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-aġenziji tan-Nazzjonijiet Uniti, u b'mod partikolari l-UNHCR, u organizzazzjonijiet sħab rilevanti oħra fdati b'kompiti speċifiċi mill-Istati Membri, ikollhom aċċess effettiv għall-fruntiera skont il-kundizzjonijiet stipulati fid-Direttiva (UE) 2024/1346 u r-Regolament (UE) 2024/1348. Jenħtieġ li l-UNHCR jingħata aċċess għall-applikanti, inkluż dawk fuq il-fruntiera. Għal dan l-għan, jenħtieġ li l-Istat Membru kkonċernat iżomm kooperazzjoni ma' dawk l-organizzazzjonijiet.

(51)

Jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli speċifiċi għal sitwazzjonijiet ta' kriżi ikkaratterizzati minn wasliet bil-massa u għal force majeure, biex l-Istati Membri jkunu jistgħu jestendu l-limiti ta' żmien stipulati fir-Regolament (UE) 2024/1351 skont kundizzjonijiet stretti fejn ma tkunx possibbli l-konformità ma' dawk il-limiti ta' żmien minħabba s-sitwazzjoni straordinarja. Jenħtieġ li tali estensjoni tapplika b'mod simultanju għal-limiti ta' żmien stipulati biex jintbagħtu jew jitwieġbu talbiet għat-teħid ta' responsabbiltà u notifiki għat-teħid lura kif ukoll il-limitu ta' żmien biex applikant jiġi ttrasferit lejn l-Istat Membru responsabbli. Jenħtieġ li l-limiti ta' żmien jiġu estiżi irrispettivament minn jekk dak ir-Regolament jipprevedix limiti ta' żmien iqsar għal ċerti sitwazzjonijiet.

(52)

Sabiex jiġi żgurat aċċess effettiv għall-proċedura għall-għoti ta' protezzjoni internazzjonali, fejn it-trasferiment ma jseħħx minħabba l-persistenza tas-sitwazzjoni ta' kriżi kkaratterizzata minn wasliet bil-massa jew ta' force majeure, jew meta l-Istat Membru ta' trasferiment ma jimplimentax it-trasferiment meta l-applikant ikun disponibbli għall-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta' trasferiment, jenħtieġ li jiġi stipulat limitu ta' żmien massimu biex jitwettaq it-trasferiment lejn Stat Membru li jkun qed jiffaċċa dik is-sitwazzjoni. Jenħtieġ li dak il-limitu massimu ta' żmien ma jkunx itwal minn sena mill-aċċettazzjoni tat-talba għat-teħid ta' responsabbiltà, mill-konferma tan-notifika għat-teħid lura minn Stat Membru ieħor jew mid-deċiżjoni finali dwar appell jew rieżami ta' deċiżjoni ta' trasferiment li għandu effett sospensiv f'konformità mal-Artikolu 43(3) tar-Regolament (UE) Nru 2024/1351. Dak il-limitu massimu ta' żmien huwa mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li l-limiti ta' żmien jiġu estiżi skont l-Artikolu 46(2) ta’ dak ir-Regolament għat-twettiq ta' trasferiment.

(53)

Sabiex jiġi evitat li s-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil ma tibqax funzjonali minħabba wasliet bil-massa ta' skala u intensità tant straordinarji li, anke jekk Stat Membru jkollu sistema tal-ażil, tal-akkoljenza u tar-ritorn imħejjija sew, jekk is-sitwazzjoni ma tiġix indirizzata mill-Unjoni kollha kemm hi, dan jista' joħloq riskju serju ta' nuqqasijiet serji fit-trattament tal-applikanti, jenħtieġ li, f'dawk iċ-ċirkostanzi mill-aktar eċċezzjonali, Stat Membru ikun jista' eżentat mill-obbligu tiegħu li jieħu lura applikant skont l-Artikolu 16(2) u l-Artikolu 38(4) tar-Regolament (UE) 2024/1351. Madankollu, sabiex jiġi żgurat li l-applikazzjoni ta’ tali deroga ma twassalx għal pressjoni addizzjonali fuq l-Istat Membru li jkun qed jiffaċċa dik is-sitwazzjoni, jenħtieġ li tali deroga tapplika biss b'mod retroattiv għall-applikazzjonijiet diġà rreġistrati f'dak l-Istat Membru fl-erba' xhur ta' qabel id-data li fiha tiġi adottata d-deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kunsill.

(54)

Meta, f'konformità mar-Regolament (UE) 2024/1347, ċirkostanzi oġġettivi jissuġġerixxu li l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali minn gruppi ta' applikanti minn pajjiż ta' oriġini speċifiku jew minn residenza abitwali preċedenti jew minn parti minn dak il-pajjiż jew abbażi tal-kriterji meħuda minn dak ir-Regolament jistgħu jkollhom bażi soda, huwa fl-interess kemm tal-awtoritajiet determinanti kif ukoll tal-applikanti kkonċernati li jikkonkludu l-eżami tal-merti tal-applikazzjoni mill-aktar fis u li jkun possibbli l-għoti rapidu u effiċjenti ta' protezzjoni internazzjonali f'sitwazzjoni ta' kriżi.

(55)

L-applikanti li l-applikazzjonijiet tagħhom jiġu eżaminati fil-kuntest tal-proċedura mħaffa prevista f'dan ir-Regolament igawdu d-drittijiet u l-garanziji kollha li l-applikanti huma intitolati għalihom f'konformità mar-Regolament (UE) 2024/1348, inkluż id-dritt għall-informazzjoni u għal rimedju effettiv.

(56)

Meta tiġi applikata rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-proċedura mħaffa, jenħtieġ li ma jkun hemm l-ebda intervista dwar il-merti, iżda jekk ikun hemm dubji dwar jekk l-applikant jappartjenix għall-kategorija jew kategoriji ta' persuni identifikati f’dik ir-rakkomandazzjoni jew dwar jekk japplikawx ir-raġunijiet għall-esklużjoni, tista' tkun meħtieġa tali intervista. Fil-każijiet kollha, jenħtieġ li l-proċedura ma ddumx aktar minn erba' ġimgħat mid-data tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni. Meta Stat Membru jkun stabbilixxa li applikant ikun ta' theddida għas-sigurtà interna, jenħtieġ li jkun possibbli li dak l-Istat Membru ma japplikax il-proċedura mħaffa fir-rigward ta' dak l-applikant. F'ċirkostanzi bħal dawn, l-applikazzjoni jenħtieġ li tiġi eżaminata f'konformità mal-Artikoli 36 u 40 tar-Regolament (UE) 2024/1348.

(57)

Jenħtieġ li l-applikanti, li l-applikazzjonijiet tagħhom jiġu eżaminati fil-kuntest tal-proċedura mħaffa prevista f'dan ir-Regolament, f'konformità mal-Artikolu 29 tar-Regolament (UE) 2024/1348, jirċievu dokument li jiċċertifika l-istatus tagħhom f'lingwa li jistgħu jifhmu jew li jistgħu raġonevolment suppost li jifhmu.

(58)

L-Aġenziji rilevanti tal-Unjoni, l-UNHCR u organizzazzjonijiet rilevanti oħra jistgħu jiġu kkonsultati fl-istadji differenti tal-applikazzjoni tal-proċedura mħaffa.

(59)

Jenħtieġ li, biex jiżguraw livell suffiċjenti ta' tħejjija għal sitwazzjoni ta' kriżi, l-Istati Membri jinkludu fil-pjanijiet ta' kontinġenza tagħhom il-miżuri meħtieġa biex tiġi indirizzata u solvuta sitwazzjoni ta' kriżi, inkluż il-miżuri meħtieġa biex jingħelbu l-isfidi fil-funzjonament tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil u jiġu protetti d-drittijiet tal-applikanti u l-benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali kif ukoll biex titrawwem aktar reżiljenza fl-Istat Membru kkonċernat. Jenħtieġ li l-Istati Membri jużaw ukoll l-għodod kollha disponibbli skont id-dritt nazzjonali u tal-Unjoni, inkluż l-użu ta' għodod ta' antiċipazzjoni u ta' twissija bikrija skont il-mekkaniżmu tal-UE għat-tħejjija u l-ġestjoni tal-kriżijiet relatati mal-migrazzjoni previst fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1366 (15).

(60)

Mingħajr preġudizzju għal dan ta' hawn fuq u fejn rilevanti, f'sitwazzjoni ta' kriżi, jenħtieġ li jiġu mobilizzati l-mekkaniżmi kollha għall-kriżijiet inklużi fis-Sett ta' Għodod, b'mod partikolari l-appoġġ finanzjarju u operazzjonali li l-aġenziji tal-Unjoni, il-Fondi tal-Unjoni u l-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili jistgħu jipprovdu f'konformità mal-atti legali applikabbli. Wara dan, jenħtieġ li l-Kummissjoni, fil-kuntest tal-Forum ta' Livell Tekniku dwar il-Migrazzjoni, tiżgura l-koordinazzjoni u l-iskambju ta' informazzjoni ma' pjattaformi oħra li huma rilevanti għall-ġestjoni tas-sitwazzjoni ta' kriżi, inkluż in-Network tal-UE għat-Tħejjija għall-Migrazzjoni u għall-Ġestjoni tal-Kriżijiet tal-Migrazzjoni f'konformità mar-Rakkomandazzjoni (UE) 2020/1366, u l-arranġamenti Integrati għal Rispons Politiku f'Sitwazzjonijiet ta' Kriżi (IPCR).

(61)

Stat Membru li jkun qed jiffaċċa sitwazzjoni ta' kriżi jew ta' force majeure jista' jitlob appoġġ mill-Aġenzija għall-Ażil, mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta jew mill-Europol f'konformità mal-mandati tagħhom. Barra minn hekk, u skont kif ikun xieraq, l-Aġenzija għall-Ażil tista' tipproponi assistenza fuq inizjattiva tagħha stess f'konformità mal-Artikolu 16(1), il-punt (d), tar-Regolament (UE) 2021/2303, filwaqt li l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta tista' tipproponi assistenza fil-qasam tar-ritorn f'konformità mal-Artikoli 48, 50, 52 u 53 tar-Regolament (UE) 2019/1896 bi qbil mal-Istat Membru kkonċernat, u l-Europol tista' tipproponi assistenza f'konformità mal-Artikolu 6(1) tar-Regolament (UE) 2016/794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16).

(62)

Biex jingħata appoġġ lill-Istati Membri li jużaw ir-rilokazzjoni bħala miżura ta' solidarjetà, jenħtieġ li jiġi pprovdut appoġġ finanzjarju mill-baġit tal-UE, inkluż mill-faċilità tematika kif stipulat fir-Regolament (UE) 2021/1147, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (17).

(63)

Minħabba li l-objettivi ta' dan ir-Regolament, jiġifieri li jipprevedi l-adattament neċessarju tar-regoli dwar il-proċeduri tal-ażil u fejn rilevanti dawk dwar is-solidarjetà sabiex jiġi żgurat li l-Istati Membri jkunu jistgħu jindirizzaw sitwazzjonijiet ta' kriżi u ta’ force majeure, fil-qasam tal-ġestjoni tal-ażil u tal-migrazzjoni fi ħdan l-Unjoni, ma jistgħux jinkisbu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jistgħu pjuttost, minħabba l-iskala u l-effetti tal-azzjoni, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). F'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-objettivi.

(64)

F'konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-TUE u mat-TFUE, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta' dan ir-Regolament u mhijiex marbuta bih jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu. Minħabba li l-Artikoli 12 u 13, u l-Artikoli 1 sa 6 sa fejn jikkonċernaw id-derogi fl-Artikoli 12 u 13 ta' dan ir-Regolament jikkostitwixxu emendi fit-tifsira tal-Artikolu 3 tal-Ftehim konkluż bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tad-Danimarka dwar il-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Istat responsabbli għall-eżami ta' talba għall-ażil ippreżentata fid-Danimarka jew f'xi Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea u l-“Eurodac” għat-tqabbil tal-marki tas-swaba' għall-applikazzjoni effettiva tal-Konvenzjoni ta' Dublin (18), jenħtieġ li d-Danimarka tinnotifika lill-Kummissjoni bid-deċiżjoni tagħha dwar jekk hux ser timplimenta l-kontenut ta' tali emendi fil-ħin tal-adozzjoni tal-emendi jew fi żmien 30 jum wara dan.

(65)

F'konformità mal-Artikoli 1 u 2 u l-Artikolu 4a(1) tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u tal-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, anness mat-TUE u mat-TFUE, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 ta' dak il-Protokoll, l-Irlanda mhijiex qiegħda tieħu sehem fl-adozzjoni ta' dan ir-Regolament u mhijiex marbuta bih jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu.

(66)

Fir-rigward tal-Iżlanda u n-Norveġja, l-Artikoli 12 u 13, u l-Artikoli 1 sa 6 sa fejn jikkonċernaw id-derogi fl-Artikoli 12 u 13 ta' dan ir-Regolament jikkostitwixxu leġiżlazzjoni ġdida f'qasam li huwa kopert mis-suġġett tal-Anness għall-Ftehim konkluż bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja li jikkonċerna l-kriterji u l-mekkaniżmi biex jiġi stabbilit l-Istat responsabbli biex jeżamina talba għall-ażil ippreżentata fi Stat Membru jew fl-Iżlanda jew in-Norveġja (19).

(67)

Fir-rigward tal-Iżvizzera, l-Artikoli 12 u 13, u l-Artikoli 1 sa 6 sa fejn jikkonċernaw id-derogi fl-Artikoli 12 u 13 ta' dan ir-Regolament jikkostitwixxu atti jew miżuri li jemendaw jew jibnu fuq id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1 tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar il-kriterji u l-mekkaniżmi sabiex jiġi stabbilit liema jkun l-Istat responsabbli għall-eżami ta' talba għall-ażil ippreżentata fi Stat Membru jew fl-Iżvizzera (20).

(68)

Fir-rigward tal-Liechtenstein, l-Artikoli 12 u 13, u l-Artikoli 1 sa 6 sa fejn jikkonċernaw id-derogi fl-Artikoli 12 u 13 ta' dan ir-Regolament jikkostitwixxu atti jew miżuri li jemendaw jew li jibnu fuq id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1 tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar il-kriterji u l-mekkaniżmi biex jiġi stabbilit l-Istat responsabbli għall-eżami ta' talba għall-ażil ippreżentata fi Stat Membru jew fl-Iżvizzera msemmija fl-Artikolu 3 tal-Protokoll bejn il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar il-kriterji u l-mekkaniżmi sabiex jiġi stabbilit l-Istat responsabbli għall-eżami ta' talba għall-ażil ippreżentata fi Stat Membru jew fl-Iżvizzera (21),

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DISPOSIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett

1.   Dan ir-Regolament jindirizza sitwazzjonijiet eċċezzjonali ta' kriżi, inkluż ta' strumentalizzazzjoni, u force majeure, fil-qasam tal-migrazzjoni u l-ażil fl-Unjoni permezz ta’ miżuri temporanji. Huwa jipprevedi solidarjetà u miżuri ta' appoġġ imsaħħa li jibnu fuq ir-Regolament (UE) 2024/1351 filwaqt li jiżgura l-kondiviżjoni ġusta tar-responsabbiltà, u jipprevedi regoli speċifiċi temporanji li jidderogaw minn dawk stipulati fir-Regolamenti (UE) 2024/1351 u (UE) 2024/1348.

2.   Il-miżuri temporanji adottati skont dan ir-Regolament għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti tan-neċessità u tal-proporzjonalità, ikunu xierqa biex jintlaħqu l-objettivi ddikjarati tagħhom u jiżguraw il-protezzjoni tad-drittijiet tal-applikanti u tal-benefiċjarji ta' protezzjoni internazzjonali, u jkunu konsistenti mal-obbligi tal-Istati Membri skont il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, id-dritt internazzjonali u l-acquis tal-Unjoni dwar l-ażil. Dan ir-Regolament ma għandux jaffettwa l-prinċipji u l-garanziji fundamentali stabbiliti mill-atti leġiżlattivi li minnhom huma permessi derogi skont dan ir-Regolament.

3.   Il-miżuri adottati skont dan ir-Regolament għandhom jiġu applikati biss sal-punt strettament meħtieġ mill-eżiġenzi tas-sitwazzjoni, b'mod temporanju u limitat u f'ċirkostanzi eċċezzjonali biss. L-Istati Membri jistgħu japplikaw il-miżuri previsti fil-Kapitolu IV u jibbenefikaw mill-miżuri previsti fil-Kapitolu III biss fuq talba u sal-punt previst fid-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill imsemmija fl-Artikolu 4(3) mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 10(5).

4.   Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, sitwazzjoni ta' kriżi tfisser:

(a)

sitwazzjoni eċċezzjonali ta' wasliet bil-massa ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi jew persuni apolidi permezz tal-art, l-ajru jew il-baħar, fi Stat Membru inkluż ta’ persuni li kienu żbarkati wara operazzjonijiet ta' tfittxija u salvataġġ, ta' tali skala u natura, filwaqt li jitqiesu, fost l-oħrajn, il-popolazzjoni, il-PDG u l-ispeċifiċitajiet ġeografiċi tal-Istat Membru, inkluż id-daqs tat-territorju li trendi s-sistema tal-ażil, l-akkoljenza, inkluż is-servizzi tal-protezzjoni tat-tfal jew ir-ritorn imħejjija sew tal-Istat Membru mhux funzjonali, anki bħala riżultat ta' sitwazzjoni fil-livell lokali jew reġjonali, sal-punt li jista' jkun hemm konsegwenzi serji għall-funzjonament tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil; jew

(b)

sitwazzjoni ta' strumentalizzazzjoni fejn pajjiż terz jew attur mhux statali ostili jinkoraġġixxi jew jiffaċilita l-moviment ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi jew persuni apolidi lejn il-fruntieri esterni jew lejn Stat Membru bil-għan li jiddestabbilizza l-Unjoni jew Stat Membru, u fejn tali azzjonijiet jistgħu jpoġġu f'riskju funzjonijiet essenzjali ta' Stat Membru, inkluż iż-żamma tal-ordni pubbliku jew is-salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali tiegħu.

L-Istati Membri jistgħu jitolbu l-awtorizzazzjoni biex japplikaw miżuri elenkati fil-Kapitolu III u IV b'mod partikolari fejn ikun hemm żieda sinifikanti mhux mistennija fl-ammont ta' każijiet ta' applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali fil-fruntieri esterni. L-Istati Membri jistgħu japplikaw id-derogi previsti f'deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill imsemmija fl-Artikolu 4(3) fis-sitwazzjoni ta’ strumentalizzazzjoni, fir-rigward biss ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi jew ta' persuni apolidi li huma soġġetti għall-istrumentalizzazzjoni u li jinqabdu jew jinstabu qrib il-fruntiera esterna, jiġifieri l-fruntieri fuq l-art tal-Istat Membru, inkluż il-fruntieri tax-xmajjar u tal-lagi, il-fruntieri tal-baħar u l-ajruporti, il-portijiet tax-xmajjar, il-portijiet tal-baħar u l-portijiet tal-lagi tiegħu, dment li ma jkunux fruntieri interni, b'rabta ma' qsim mhux awtorizzat fuq l-art, bil-baħar jew bl-ajru, jew li żbarkaw wara operazzjonijiet ta' tfittxija u salvataġġ jew li ppreżentaw ruħhom f'punti ta' qsim tal-fruntiera.

5.   Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, force majeure tirreferi għal ċirkostanzi mhux normali u imprevedibbli barra mill-kontroll ta’ Istat Membru, li l-konsegwenzi tagħhom ma setgħux jiġu evitati minkejja l-eżerċizzju tad-diliġenza dovuta kollha, li jipprevjenu lil dak l-Istat Membru milli jikkonforma mal-obbligi skont ir-Regolamenti (UE) 2024/1351 u (UE) 2024/1348.

KAPITOLU II

GOVERNANZA

Artikolu 2

Talba motivata minn Stat Membru

1.   Meta Stat Membru jqis li jkun jinsab f'sitwazzjoni ta' kriżi jew ta' force majeure, huwa jista', minħabba dawk iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali, jissottometti talba motivata lill-Kummissjoni, sabiex jibbenefika minn miżuri ta’ solidarjetà li tippermetti l-ġestjoni xierqa ta' dik is-sitwazzjoni u tippermetti derogi possibbli mir-regoli rilevanti dwar il-proċedura tal-ażil, filwaqt li jiżgura li d-drittijiet fundamentali tal-applikanti jiġu rispettati.

2.   Talba motivata kif imsemmi fil-paragrafu 1 għandha tinkludi:

(a)

deskrizzjoni ta':

(i)

kif, bħala riżultat ta' sitwazzjoni ta' kriżi kif imsemmi fl-Artikolu 1(4), il-punt (a), is-sistema tal-ażil, u l-akkoljenza tal-Istat Membru, inkluż is-servizzi għall-protezzjoni tat-tfal, ma baqgħetx funzjonali, kif ukoll il-miżuri li ttieħdu sa issa biex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni u ġustifikazzjoni li turi li dik is-sistema, għalkemm li hija mħejjija sew u minkejja l-miżuri li diġà ttieħdu, ma tistax tindirizza s-sitwazzjoni; jew

(ii)

kif l-Istat Membru qed jiffaċċa sitwazzjoni ta' strumentalizzazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 1(4), il-punt (b), li qiegħda tpoġġi l-funzjonijiet essenzjali tiegħu f'riskju, inkluż iż-żamma tal-ordni pubbliku jew is-salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali tiegħu; jew

(iii)

kif l-Istat Membru qed jiffaċċa ċirkostanzi mhux normali u imprevedibbli barra mill-kontroll tiegħu, li l-konsegwenzi tagħhom ma setgħux jiġu evitati minkejja l-eżerċizzju tad-diliġenza dovuta kollha, u kif dik is-sitwazzjoni ta' force majeure twaqqfu milli jissodisfa l-obbligi tiegħu stabbiliti fl-Artikolu 27, l-Artikolu 45(1) u l-Artikolu 51(2) tar-Regolament (UE) 2024/1348 u fl-Artikoli 39, 40, 41 u 46 tar-Regolament (UE) 2024/1351;

(b)

fejn rilevanti, it-tip u l-livell ta' miżuri ta' solidarjetà previsti fl-Artikolu 8(1) li huwa jqis meħtieġa;

(c)

fejn rilevanti, id-derogi previsti fl-Artikoli 10 sa 13 li huwa jqis meħtieġa; u

(d)

jekk l-Istat Membru jitlob li japplika d-deroga prevista fl-Artikolu 11(6), jekk għandux l-intenzjoni li jipprevedi l-esklużjoni ta' kategoriji speċifiċi ta' applikanti kif imsemmi fil-paragrafu 7, il-punt (a), jew fil-paragrafu 7, il-punt (b), ta' dak l-Artikolu jew il-waqfien tal-proċedura fuq il-fruntiera għal kategoriji speċifiċi ta' applikanti wara valutazzjoni individwali kif previst fil-paragrafu 9 ta' dak l-Artikolu.

Artikolu 3

Deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tistabbilixxi sitwazzjoni ta' kriżi jew ta' force majeure

1.   Wara s-sottomissjoni ta’ talba motivata kif imsemmi fl-Artikolu 2, il-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Istat Membru rikjedenti u f'konsultazzjoni mal-aġenziji rilevanti tal-Unjoni u l-organizzazzjonijiet internazzjonali, b'mod partikolari l-UNHCR u l-IOM, għandha tivvaluta malajr is-sitwazzjoni u, meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 1, tadotta deċiżjoni ta’ implimentazzjoni kif imsemmi fil-paragrafu 8 ta’ dan l-Artikolu.

2.   Il-Kummissjoni tista' tadotta wkoll rakkomandazzjoni dwar l-applikazzjoni ta' proċedura mħaffa għall-għoti ta' protezzjoni internazzjonali lil ċerti kategoriji ta' applikanti kif imsemmi fl-Artikolu 14.

3.   Il-Kummissjoni għandha tinnotifika immedjatament lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Istati Membri li qed twettaq valutazzjoni kif imsemmi fil-paragrafu 1.

4.   Meta tivvaluta jekk l-Istat Membru jkunx qed jiffaċċa sitwazzjoni ta' strumentalizzazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 1(4), il-punt (b), ta' dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tivvaluta fost l-oħrajn is-segwenti:

(a)

jekk pajjiż terz jew attur mhux statali ostili huwiex qed jiffaċilita l-moviment ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi jew persuni apolidi lejn l-Unjoni;

(b)

jekk l-informazzjoni pprovduta mill-Istat Membru turix b'mod adegwat li kwalunkwe azzjoni li taqa’ taħt il-punt (a) għandha l-għan li tiddestabbilizza l-Unjoni jew l-Istat Membru kkonċernat;

(c)

jekk hemmx żieda sinifikanti mhux mistennija fil-volum ta' każijiet ta' applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali fil-fruntieri esterni jew fl-Istat Membru kkonċernat meta mqabbel mal-għadd medju ta' applikazzjonijiet;

(d)

jekk ir-rispons għall-implikazzjonijiet tas-sitwazzjoni tal-istrumentalizzazzjoni fuq is-sistema tal-migrazzjoni u tal-ażil tal-Istat Membru kkonċernat ma jistax jiġi indirizzat biżżejjed permezz tal-miżuri li jinsabu fis-Sett ta' Għodod f'konformità mal-Artikolu 6(3) tar-Regolament 2024/1351.

5.   Il-Kummissjoni għandha tiddetermina jekk il-kundizzjonijiet fir-rigward tas-sitwazzjoni ffaċċata mill-Istati Membri kif stipulat fl-Artikolu 1 humiex issodisfati, filwaqt li tqis it-talba motivata kif imsemmi fl-Artikolu 2, u fid-dawl tal-informazzjoni pprovduta u l-indikaturi relatati mal-Istat Membru kkonċernat imsemmija fl-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2024/1351. Il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-informazzjoni pprovduta fit-talba motivata meta mqabbla mas-sitwazzjoni fl-Istat Membru kkonċernat matul ix-xahrejn preċedenti u kif imqabbla mas-sitwazzjoni ġenerali fl-Unjoni.

6.   Il-Kummissjoni għandha tiddetermina b'mod partikolari:

(a)

jekk is-sistema tal-ażil, tal-akkoljenza, inkluż is-servizzi tal-protezzjoni tat-tfal, jew is-sistema tal-migrazzjoni tal-Istat Membru rikjedenti, għalkemm imħejjija sew, u minkejja l-miżuri li jkunu diġà ttieħdu, saret mhux funzjonali bħala riżultat ta' sitwazzjoni ta' wasliet bil-massa ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi jew ta' persuni apolidi, li wassal biex dak l-Istat Membru ma jkunx jista' jindirizza s-sitwazzjoni u jekk jistax ikun hemm konsegwenzi serji għall-funzjonament tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil.

(b)

jekk l-Istat Membru huwa ffaċċat b’sitwazzjoni ta' strumentalizzazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 1(4), il-punt (b), li għandha tiġi indirizzata bl-użu neċessarju u proporzjonat tal-miżuri stabbiliti f'dan ir-Regolament;

(c)

jekk l-Istat Membru jkunx qed jiffaċċa ċirkostanzi anormali u imprevedibbli barra mill-kontroll tiegħu, li l-konsegwenzi tagħhom ma setgħux jiġu evitati minkejja l-eżerċizzju tad-diliġenza dovuta kollha, u kif tali sitwazzjoni ta' force majeure twaqqfu milli jissodisfa l-obbligi tiegħu stipulati fl-Artikolu 27, l-Artikolu 51(2) u l-Artikolu 60(1) tar-Regolament (UE) 2024/1348 u fl-Artikoli 39, 40, 41 u 46 tar-Regolament (UE) 2024/1351.

7.   Meta tadotta deċiżjoni ta’ implimentazzjoni kif imsemmi fil-paragrafu 8 ta' dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tindika għaliex ir-rispons għas-sitwazzjoni tal-istrumentalizzazzjoni ma jistax jiġi indirizzat biżżejjed permezz tal-miżuri stipulati fis-Sett ta' Għodod f'konformità mal-Artikolu 6(3) tar-Regolament (UE) 2024/1351.

8.   Fejn il-Kummissjoni tiddetermina skont il-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu li valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 turi l-eżistenza tal-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 1, filwaqt li tqis it-talba motivata kif imsemmi fl-Artikolu 2, u fid-dawl tal-informazzjoni prevista u l-indikaturi relatati mal-Istat Membru kkonċernat imsemmi fl-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2024/1351, il-Kummissjoni għandha tadotta, mingħajr dewmien u fi kwalunkwe każ mhux aktar tard minn ġimagħtejn mis-sottomissjoni tat-talba motivata msemmija fl-Artikolu 2 ta’ dan ir-Regolament, deċiżjoni ta’ implimentazzjoni li tiddetermina jekk l-Istat Membru rikjedenti huwiex f’sitwazzjoni ta’ kriżi msemmija fl-Artikolu 1(4), il-punt (a) jew (b), ta’ dan ir-Regolament, jew ta' force majeure. Il-Kummissjoni għandha tibgħat id-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

Artikolu 4

Proposta tal-Kummissjoni u deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill li jawtorizzaw derogi u jistabbilixxu miżuri ta' solidarjetà

1.   Fl-istess ħin mal-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni msemmija fl-Artikolu 3, il-Kummissjoni għandha, fejn xieraq, tagħmel proposta għal deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill. Il-Kummissjoni għandha tinforma minnufih lill-Parlament Ewropew dwar dik il-proposta.

2.   Il-proposta tal-Kummissjoni għal deċiżjoni ta’ implementazzjoni tal-Kunsill kif imsemmi fil-paragrafu 1 għandha tiżgura li l-prinċipji tal-proporzjonalità u n-neċessità jiġu rispettati u għandha tinkludi:

(a)

fejn xieraq, id-derogi speċifiċi kif imsemmi fl-Artikoli 10 sa 13 li l-Istat Membru għandu jkun awtorizzat japplika;

(b)

fejn xieraq, fejn l-Istat Membru ikun qed jiffaċċa sitwazzjoni ta' kriżi, abbozz ta' Pjan ta' Rispons ta' Solidarjetà, wara konsultazzjoni mal-Istat Membru, li jiżgura d-diskrezzjoni sħiħa tal-Istati Membri kontribwenti fl-għażla bejn it-tipi ta' miżuri ta' solidarjetà, u li jinkludi

(i)

fejn xieraq, l-ammont totali tal-kontribuzzjonijiet għar-rilokazzjoni meħtieġa biex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni ta' kriżi;

(ii)

fejn xieraq, il-miżuri ta' solidarjetà rilevanti l-oħra msemmija fl-Artikolu 8(1), il-punti (b) u (c), u l-livell meħtieġ ta’ tali miżuri biex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni speċifika ta' kriżi;

(iii)

fejn applikabli, l-ammont totali ta' miżuri ta' solidarjetà li għandhom jittieħdu mill-wegħdiet disponibbli fir-Riżerva Annwali ta' Solidarjetà;

(iv)

fejn il-wegħdiet disponibbli fir-Riżerva Annwali ta' Solidarjetà ma jkoprux il-ħtiġijiet identifikati fis-subpunti (i) u (ii) ta’ dan il-punt, il-Pjan ta' Rispons ta' Solidarjetà għandu jistipula wkoll il-wegħdiet addizzjonali meħtieġa biex ikopru tali ħtiġijiet; u

(v)

il-kontribuzzjonijiet indikattivi ta’ kull Stat Membru biex jikkontribwixxi s-sehem ġust tiegħu, ikkalkulat f'konformità mal-koeffiċjent tad-distribuzzjoni stipulat fl-Artikolu 66 tar-Regolament (UE) 2024/1351; u

(c)

fejn l-Istat Membru ikun qed jiffaċċa sitwazzjoni ta' kriżi kif imsemmi fl-Artikolu 1(4), il-punt (b), l-identifikazzjoni taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi jew ta' persuni apolidi soġġetti għal dik is-sitwazzjoni.

Meta tistabbilixxi l-ħtiġijiet ta' solidarjetà tal-Istat Membru, il-Kummissjoni għandha tqis jekk l-Istat Membru huwiex diġà Stat Membru benefiċjarju skont l-Artikoli 58 u 59 tar-Regolament (UE) 2024/1351.

Meta, fit-talba motivata msemmija fl-Artikolu 2, l-Istat Membru jikkunsidra, li r-rilokazzjoni hija l-miżura primarja jew l-unika miżura ta' solidarjetà biex jindirizza s-sitwazzjoni, il-Kummissjoni għandha tqis dik it-talba fil-proposta tagħha għal deċiżjoni ta’ implementazzjoni tal-Kunsill, mingħajr preġudizzju għad-diskrezzjoni tal-Istati Membri kontribwenti jagħżlu bejn it-tipi ta' miżuri ta' solidarjetà.

3.   Il-Kunsill għandu jivvaluta l-proposta tal-Kummissjoni għal deċiżjoni ta’ implementazzjoni tal-Kunsill kif imsemmi fil-paragrafu 1 u jadotta deċiżjoni ta’ implimentazzjoni fi żmien ġimagħtejn minn meta jirċievi dik il-proposta, li tawtorizza lill-Istat Membru li japplika d-derogi previsti fl-Artikoli 10 sa 13 u tistabbilixxi l-Pjan ta' Rispons ta' Solidarjetà kif imsemmi fil-paragrafu 2, il-punt (b), ta’ dan l-Artikolu, inkluż il-miżuri ta' solidarjetà li minnhom jista' jibbenifika l-Istat Membru sabiex jindirizza s-sitwazzjoni.

4.   Fejn xieraq, meta tadotta l-proposta għal deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill imsemmija fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni tista' tadotta rakkomandazzjoni dwar l-applikazzjoni ta' proċedura mħaffa għall-għoti ta' protezzjoni internazzjonali lil ċerti kategoriji ta' applikanti kif imsemmi fl-Artikolu 14.

5.   Id-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill għandha tiżgura li l-prinċipji tan-neċessità u tal-proporzjonalità jiġu rrispettati, għandha tiddikjara r-raġunijiet li fuqhom hija bbażata u tistipula d-data li minnha d-derogi stipulati fl-Artikoli 10 sa 13 jistgħu jiġu applikati, kif ukoll il-limitu taż-żmien għall-applikazzjoni tagħhom, f'konformità mal-Artikolu 5. Id-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill għandha:

(a)

fejn xieraq, tidentifika d-derogi speċifiċi msemmija fl-Artikoli 10 sa 13 li l-Istat Membru kkonċernat huwa awtorizzat japplika;

(b)

fejn xieraq, tistabbilixxi Pjan ta' Rispons ta' Solidarjetà li jinkludi:

(i)

l-ammont totali ta' kontribuzzjonijiet għar-rilokazzjoni meħtieġa biex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni ta' kriżi b'kunsiderazzjoni sħiħa għall-valutazzjoni tal-Kummissjoni;

(ii)

il-miżuri ta' solidarjetà rilevanti l-oħra msemmija fl-Artikoli 8(1), il-punti (b) u (c), u l-livell ta’ tali miżuri meħtieġ biex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni ta' kriżi;

(iii)

l-ammont totali ta' miżuri ta' solidarjetà li għandhom jittieħdu mir-Riżerva Annwali ta' Solidarjetà;

(iv)

il-wegħdiet addizzjonali biex ikopru l-ħtiġijiet biex tiġi indirizzata sitwazzjoni ta' kriżi, meta l-wegħdiet eżistenti fir-Riżerva ta’ Solidarjetà annwali ma jkunux biżżejjed;

(v)

il-kontribuzzjoni speċifika minn kull Stat Membru mwiegħda taħt is-sehem ġust obbligatorju kkalkolat f'konformità mal-koeffiċjent tad-distribuzzjoni stipulat fl-Artikolu 66 tar-Regolament (UE) 2024/1351;

(c)

fejn l-Istat Membru kkonċernat ikun qed jiffaċċa sitwazzjoni ta' kriżi kif imsemmi fl-Artikolu 1(4), il-punt (b), l-identifikazzjoni taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi jew ta' persuni apolidi soġġetti għal dik is-sitwazzjoni.

Il-Kunsill għandu jibgħat id-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni minnufih lill-Parlament Ewropew u lill-Kummissjoni.

Artikolu 5

Durata

1.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, il-perjodu għall-applikazzjoni tad-derogi u l-miżuri ta' solidarjetà stipulati fid-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill kif imsemmi fl-Artikolu 4(3) għandu jkun ta' tliet xhur. Sakemm dik id-deċiżjoni ma titħassarx skont l-Artikolu 6(3), dak il-perjodu jista' jiġi estiż darba għal tliet xhur wara konferma mill-Kummissjoni li dik is-sitwazzjoni ta' kriżi jew ta' force majeure tippersisti.

2.   Fi tmiem il-perjodu msemmi fil-paragrafu 1 u fuq talba tal-Istat Membru kkonċernat, il-Kummissjoni tista' tissottometti proposta għal deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill ġdid jew biex temenda jew testendi d-derogi speċifiċi jew il-Pjan ta' Rispons ta' Solidarjetà msemmija fl-Artikolu 4(5) għal perjodu li ma jaqbiżx it-tliet xhur. Sakemm dik id-Deċiżjoni ma titħassarx skont l-Artikolu 6(3), dak il-perjodu jista' jiġi estiż darba għal tliet xhur fuq konferma mill-Kummissjoni tal-persistenza tas-sitwazzjoni ta' kriżi jew ta' force majeure. L-Artikolu 4(3) u (5) għandu japplika.

3.   L-Istat Membru li jkun qed jiffaċċa sitwazzjoni ta' kriżi jew ta' force majeure għandux japplika l-Artikoli 10 sa 13 għal aktar minn dak li huwa strettament meħtieġ biex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni, u, fi kwalunkwe każ, mhux aktar mill-perjodu stipulat fid-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill imsemmija fl-Artikolu 4(3). Id-durata totali tal-applikazzjoni tal-miżuri ma għandhiex taqbeż id-durata tas-sitwazzjoni ta' kriżi jew ta' force majeure u ma għandhiex tkun aktar minn 12-il xahar.

Artikolu 6

Monitoraġġ

1.   Il-Kummissjoni u l-Kunsill għandhom jimmonitorjaw b'mod kostanti jekk tippersistix sitwazzjoni ta' kriżi jew ta' force majeure, identifikata f'deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni kif imsemmi fl-Artikolu 3(8).

2.   Il-Kummissjoni għandha tagħti attenzjoni partikolari lill-konformità mad-drittijiet fundamentali u l-istandards umanitarji u tista' titlob lill-Aġenzija għall-Ażil biex tibda eżerċizzju ta' monitoraġġ speċifiku skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament (UE) 2021/2303.

3.   Meta l-Kummissjoni tqis li ċ-ċirkostanzi li wasslu għall-istabbiliment tas-sitwazzjoni ta' kriżi jew ta' force majeure ma baqgħux jeżistu, hija għandha tipproponi li titħassar id-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill imsemmija fl-Artikolu 4(3). Fejn il-Kummissjoni tqis li jkun xieraq abbażi tal-informazzjoni rilevanti, hija għandha tipproponi l-adozzjoni ta' deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill ġdida li tawtorizza l-emenda jew l-estensjoni tal-miżuri kif stabbilit f'konformità mal-Artikolu 5(2).

4.   Kull tliet xhur wara d-dħul fis-seħħ tad-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill kif imsemmi fl-Artikolu 4(3) dwar l-applikazzjoni ta’ dik id-deċiżjoni, il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni tagħha, b'mod partikolari dwar l-effettività tal-miżuri meħuda biex tissolva s-sitwazzjoni ta' kriżi jew ta' force majeure u għandha tiddetermina jekk is-sitwazzjoni tippersistix u jekk il-miżuri jkunux għadhom neċessarji u proporzjonati.

Artikolu 7

Koordinatur tas-solidarjetà tal-UE

Il-Koordinatur tas-Solidarjetà tal-UE, kif stabbilit mill-Artikolu 15 u 60 tar-Regolament (UE) 2024/1351 għandu, minbarra l-kompiti elenkati f'dawk l-Artikoli:

(a)

jappoġġa l-attivitajiet ta' rilokazzjoni mill-Istat Membru kkonċernat lejn l-Istat Membru kontribwenti skont dan ir-Regolament;

(b)

jippromwovi kultura ta' tħejjija, kooperazzjoni u reżiljenza fost l-Istati Membri fil-qasam tal-ażil u tal-migrazzjoni, inkluż permezz tal-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki.

Għal dak l-għan, il-Koordinatur tas-Solidarjetà tal-UE għandu jiġi aġġornat min-Network tal-UE għat-Tħejjija għall-Migrazzjoni u għall-Ġestjoni ta' Kriżijiet fil-qasam tal-Migrazzjoni fil-qafas tal-istadji rilevanti tal-Blueprint dwar it-Tħejjija għall-Migrazzjoni u l-Ġestjoni ta' Kriżijiet tal-Migrazzjoni skont ir-Rakkomandazzjoni (UE) 2020/1366 fil-verżjoni oriġinali tagħha.

Kull ġimagħtejn, il-Koordinatur tas-Solidarità tal-UE għandu jipprovdi bulettin dwar l-istat tal-implimentazzjoni u l-funzjonament tal-mekkaniżmu ta' rilokazzjoni. Dak il-bulettin għandu jintbagħat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

KAPITOLU III

MIŻURI TA' SOLIDARJETÀ APPLIKABBLI F'SITWAZZJONI TA' KRIŻI

Artikolu 8

Miżuri ta' solidarjetà u ta' appoġġ f'sitwazzjoni ta' kriżi

1.   Stat Membru li jkun qed jiffaċċa sitwazzjoni ta' kriżi jista' jitlob it-tipi ta' kontribuzzjonijiet li ġejjin fit-talba motivata msemmija fl-Artikolu 2:

(a)

rilokazzjonijiet, li għandhom isiru skont il-proċeduri stipulati fl-Artikoli 67 u 68 tar-Regolament (UE) 2024/1351:

(i)

ta' applikanti għal protezzjoni internazzjonali;

(ii)

fejn ikun hemm qbil bilaterali bejn l-Istat Membru kontribwenti u dak benefiċjarju kkonċernati, ta' benefiċjarji ta' protezzjoni internazzjonali li jkunu ngħataw protezzjoni internazzjonali inqas minn tliet snin qabel l-adozzjoni tal-att ta' implimentazzjoni tal-Kunsill li jistabbilixxi r-Riżerva Annwali ta' Solidarjetà;

(b)

kontribuzzjonijiet finanzjarji mmirati lejn azzjonijiet li huma rilevanti biex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni ta' kriżi fl-Istat Membru kkonċernat jew f'pajjiżi terzi rilevanti, b'rispett sħiħ għad-drittijiet tal-bniedem, li għandhom jiġu pprovduti minn Stati Membri oħra skont l-Artikolu 64 tar-Regolament (UE) 2024/1351;

(c)

miżuri ta' solidarjetà alternattivi kif imsemmi fl-Artikolu 56(2), il-punt (c), tar-Regolament (UE) 2024/1351, meħtieġa speċifikament biex jindirizzaw is-sitwazzjoni ta' kriżi u f’konformità mal-Artikolu 65(2) u (3) ta’ dak ir-Regolament; tali miżuri għandhom jitqiesu bħala solidarjetà finanzjarja, u l-valur attwali tagħhom għandu jiġi stabbilit abbażi ta' kriterji oġġettivi.

2.   Meta jimplimentaw ir-rilokazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1, il-punt (a), ta’ dan l-Artikolu, l-Istati Membri għandhom jagħtu kunsiderazzjoni primarja lir-rilokazzjoni ta' persuni vulnerabbli f'konformità mal-Artikolu 60 tar-Regolament (UE) 2024/1351.

Artikolu 9

Kumpensi tar-responsabbiltà

1.   Fejn il-wegħdiet ta' rilokazzjoni addizzjonali stipulati fid-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill imsemmija fl-Artikolu 4(3) u l-wegħdiet disponibbli fir-Riżerva Annwali ta’ Solidarjetà ikunu inqas mill-ħtiġijiet ta' rilokazzjoni identifikati f’dik id-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill:

(a)

l-Istati Membri kontribwenti għandhom jieħdu r-responsabbiltà, sa 100 % tal-ħtiġijiet ta' rilokazzjoni identifikati fil-Pjan ta' Rispons ta' Solidarjetà stabbilit fid-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill, għall-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali li għalihom l-Istat Membru li jkun qed jiffaċċa sitwazzjoni ta' kriżi jkun ġie ddeterminat bħala responsabbli;

(b)

meta japplikaw il-punt (a) ta’ dan is-subparagrafu u fejn ikun meħtieġ, l-Istati Membri kontribwenti għandhom jerfgħu responsabbiltà ogħla mis-sehem ġust tagħhom b'deroga mill-Artikolu 63(7), tar-Regolament (UE) 2024/1351;

(c)

meta jiġu applikati l-punti (a) u (b) ta’ dan is-subparagrafu, l-Artikolu 63(6), (8) u (9) tar-Regolament (UE) 2024/1351 għandu japplika mutatis mutandis.

Meta d-Direttiva 2001/55/KE tiġi attivata fir-rigward tal-istess sitwazzjoni kif imsemmi fl-Aritkolu 1(4), il-punt (a), u l-Istati Membri jaqblu fil-mument tal-attivazzjoni li ma japplikawx l-Artikolu 11 ta’ dik id-Direttiva, il-kumpensi obbligatorji skont dan l-Artikolu ma għandhomx japplikaw. Meta d-deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kunsill imsemmija fl-Artikolu 4(3) tawtorizza lill-Istat Membru kkonċernat japplika l-Artikolu 13, il-kumpensi obbligatorji skont dan l-Artikolu ma għandhomx japplikaw.

2.   Meta l-applikazzjoni tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu ma tkunx biżżejjed biex tkopri l-100 % tal-ħtiġijiet ta' rilokazzjoni identifikati fid-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill imsemmija fl-Artikolu 4(3), il-Forum ta' Livell Għoli tal-UE dwar is-Solidarjetà għandu jerġa' jitlaqqa' b'urġenza, f'konformità mal-Artikolu 13(4) tar-Regolament (UE) 2024/1351 u skont il-proċedura stipulata fl-Artikolu 57 ta’ dak ir-Regolament.

3.   Stat Membru benefiċjarju jista' jitlob lill-Istati Membri l-oħra biex jieħdu r-responsabbiltà biex jeżaminaw applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali li għalihom l-Istat Membru benefiċjarju jkun ġie ddeterminat bħala responsabbli minflok rilokazzjonijiet f'konformità mal-proċedura stipulata fl-Artikolu 69 tar-Regolament (UE) 2024/1351.

4.   Meta Stat Membru kontribwenti jkun sar responsabbli għal aktar applikazzjonijiet mis-sehem ġust tiegħu f'konformità mal-paragrafu 1, il-punt (b), ta’ dan l-Artikolu jew l-Artikolu 13, għandu jkun intitolat li:

(a)

inaqqas proporzjonalment mis-sehem ġust tiegħu fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet ta' solidarjetà futuri skont iċ-ċikli annwali li jmiss tar-Regolament (UE) 2024/1351, bin-numru korrispondenti ta' applikazzjonijiet li għalihom dak l-Istat Membru kkontribwixxa ’l fuq mis-sehem ġust tiegħu matul perjodu ta' ħames snin; jew

(b)

inaqqas mis-sehem ġust tiegħu fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet ta' solidarjetà futuri stipulati deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill adottata skont l-Artikolu 4(3) bin-numru korrispondenti ta' applikazzjonijiet li għalihom dak l-Istat Membru kkontribwixxa ’l fuq mis-sehem ġust tiegħu; tali tnaqqis jista' jintalab biss fi żmien ħames snin mid-data meta d-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill li wasslet lill-Istat Membru jmur lil hinn mis-sehem ġust tiegħu ma tkunx għadha fis-seħħ.

5.   Meta Stat Membru jkollu l-intenzjoni li jiddisponi mill-possibbiltà prevista fil-paragrafu 4, huwa għandu jgħarraf lill-Kummissjoni b'dan. In-notifika għandu jkun fiha l-għadd ta' applikazzjonijiet li għalihom l-Istat Membru ħa r-responsabbiltà li hu ogħla mis-sehem ġust tiegħu u t-tnaqqis li biħsiebu japplika skont iċ-ċikli annwali li jkun imiss tar-Regolament (UE) 2024/1351 jew matul l-implimentazzjoni ta' deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill adottata skont l-Artikolu 4(3).

Jekk, mat-tlestija tal-eżami tagħha tan-notifika msemmija fl-ewwel subparagrafu, il-Kummissjoni tikkonferma li l-Istat Membru kkonċernat ikkontribwixxa ’l fuq mis-sehem ġust tiegħu, il-Kummissjoni għandha tawtorizza lill-Istat Membru kkonċernat, permezz ta' att ta' implimentazzjoni, biex inaqqas mis-sehem ġust tiegħu l-għadd korrispondenti ta' applikazzjonijiet li għalihom dak l-Istat Membru ikkontribwixxa ’l fuq mis-sehem ġust tiegħu skont iċ-ċikli annwali li jkun imiss tar-Regolament (UE) 2024/1351 jew meta jimplimenta deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill adottata skont l-Artikolu 4(3) fil-perjodu msemmi fil-paragrafu 4, il-punt (b), ta’ dan l-Artikolu biex jappoġġa Stat Membru ieħor jew fejn ikunu meħtieġa kumpensi tar-responsabbiltà skont il-paragrafu 1, il-punt (b), ta’ dan l-Artikolu.

6.   Fejn il-ħtiġijiet ta’ solidarjetà ta’ Stati Membri oħra li huma Stati Membri benefiċjarji skont l-Artikolu 58 jew 59 tar-Regolament (UE) 2024/1351 ma jistgħux jiġu indirizzati b’riżultat tal-użu li jkun sar mill-Istat Membru li jiffaċċa sitwazzjoni ta’ kriżi tal-wegħdiet disponibbli fir-Riżerva Annwali ta’ Solidarjetà skont l-Artikolu 4(5), il-punt (b), ta’ dan l-Artikolu, il-Forum ta’ Livell Għoli dwar is-Solidarjetà tal-UE għandu jerġa’ jitlaqqa’ b’urġenza, f’konformità mal-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) 2024/1351 u skont il-proċedura stipulata fl-Artikolu 57 ta’ dak ir-Regolament.

7.   Fejn, b'riżultat tal-miżuri meħtieġa biex jappoġġaw lill-Istat Membru li jkun qed jiffaċċa sitwazzjoni ta' kriżi li jkunu inklużi fid-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill kif imsemmi fl-Artikolu 4(3), Stat Membru ieħor iqis lilu nnifsu bħala taħt pressjoni migratorja jew li qed jiffaċċa sitwazzjoni migratorja sinifikanti skont it-tifsira tal-Artikolu 2, il-punti (24) u (25) rispettivament, tar-Regolament (UE) 2024/1351 jew li qed jiffaċċa sitwazzjoni ta' kriżi, l-Istat Membru kkonċernat jista' jitlob miżuri ta' solidarjetà, tnaqqis sħiħ jew parzjali tal-kontribuzzjonijiet ta' solidarjetà tiegħu skont dak ir-Regolament, jew miżuri ta' solidarjetà u appoġġ skont dan ir-Regolament.

Meta tivvaluta t-talba motivata tal-Istat Membru kif imsemmi fl-Artikolu 2 ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tqis ukoll jekk dak l-Istat Membru jkunx ħa r-responsabbiltà li jeżamina applikazzjonijiet għal protezzjonijiet internazzjonali aktar mis-sehem ġust tiegħu, minbarra l-informazzjoni stipulata fl-Artikoli 9 u 10 tar-Regolament 2024/1351.

KAPITOLU IV

DEROGI

Artikolu 10

Reġistrazzjoni ta' applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali f'sitwazzjonijiet ta' kriżi, jew ta' force majeure

1.   F'sitwazzjoni ta' kriżi jew ta' force majeure, b'deroga mill-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) 2024/1348, l-Istat Membru li jkun qed jiffaċċa dik is-sitwazzjoni jista' jirreġistra applikazzjonijiet magħmula fil-perjodu li matulu jiġi applikat dan il-paragrafu, mhux aktar tard minn erba' ġimgħat wara li dawk l-applikazzjonijiet ikunu saru.

2.   Meta japplika l-paragrafu 1, l-Istat Membru kkonċernat għandu jagħti prijorità lir-reġistrazzjoni tal-applikazzjonijiet ta' persuni bi bżonnijiet ta' akkoljenza speċjali kif definit fid-Direttiva (UE) 2024/1346 u ta' minorenni u l-membri tal-familja tagħhom.

3.   Meta japplikaw il-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jagħtu prijorità lir-reġistrazzjoni tal-applikazzjonijiet li x'aktarx ikollhom bażi soda.

4.   F'sitwazzjoni ta' kriżi kif imsemmi fl-Artikolu 1(4), il-punt (a), id-deroga msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu tista' tiġi applikata biss matul il-perjodu ta' żmien stipulat fid-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni inizjali tal-Kunsill imsemmija fl-Artikolu 4(3) u mhux matul kwalunkwe estensjoni sussegwenti tagħha skont l-Artikolu 5(1) jew (2).

5.   F'konformità mal-Artikolu 3 tad-Direttiva (UE) 2024/1346 u r-Regolament (UE) 2024/1348, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-applikanti jkunu jistgħu jaċċessaw u jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom b'mod effettiv taħt dawk l-istrumenti malli jippreżentaw applikazzjoni, irrispettivament minn meta sseħħ ir-reġistrazzjoni. L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma kif xieraq liċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi jew lill-persuni apolidi, b'lingwa li huma jifhmu, jew li huma raġonevolment mistennija li jifhmu, dwar il-miżuri applikati, fejn jinsabu l-punti ta' reġistrazzjoni, inkluż il-punti ta' qsim tal-fruntiera li jkunu aċċessibbli għar-reġistrazzjoni u għall-preżentazzjoni ta' applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, u t-tul ta' żmien tal-miżuri.

6.   Meta jissottometti talba motivata kif imsemmi fl-Artikolu 2(1), Stat Membru jista' jinnotifika lill-Kummissjoni li huwa jqis li jkun meħtieġ tiġi applikata d-deroga msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu qabel ma jiġi awtorizzat jagħmel dan bid-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill kif imsemmi fl-Artikolu 4(3), filwaqt li jindika r-raġunijiet preċiżi li għalihom tkun meħtiġea azzjoni immedjata.

F’każ bħal dan, l-Istat Membru kkonċernat jista’ japplika d-deroga msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għal perjodu li ma jaqbiżx għaxart ijiem mill-jum ta' wara d-data ta’ meta ssir it-talba, ħlief jekk id-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill kif imsemmi fl-Artikolu 4(3) tawtorizza lill-Istat Membru kkonċernat li jkompli japplika dik id-deroga.

7.   L-estensjoni tal-limitu ta' żmien għar-reġistrazzjoni ta' applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali hija mingħajr preġudizzju għall-obbligi li jkun hemm konformità mal-iskadenzi stipulati fl-Artikolu 15(1), il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2024/1358.

Artikolu 11

Miżuri li japplikaw għall-proċedura tal-ażil fuq il-fruntiera f'sitwazzjoni ta' kriżi jew ta' force majeure

1.   F'sitwazzjoni ta' kriżi jew ta' force majeure, l-Istati Membri jistgħu, fir-rigward tal-applikazzjonijiet li jkunu saru fil-perjodu li matulu japplika dan l-Artikolu, jidderogaw mill-Artikolu 51(2) tar-Regolament (UE) 2024/1348, billi jestendu d-durata massima tal-proċedura fuq il-fruntiera għall-eżami tal-applikazzjonijiet stipulat f'dak l-Artikolu b'perjodu addizzjonali ta' mhux iktar minn sitt ġimgħat. Dak il-perjodu m’għandux jintuża flimkien mal-perjodu msemmi fl-Artikolu 51(2), it-tielet subparagrafu, ta’ dak ir-Regolament.

2.   F'sitwazzjoni ta' kriżi kif imsemmi fl-Artikolu 1(4), il-punt (a), jew ta' force majeure, b'deroga mill-Artikolu 45(1) tar-Regolament (UE) 2024/1348, l-Istati Membri jistgħu ma jkunux meħtieġa jeżaminaw, fi proċedura fuq il-fruntiera, l-applikazzjonijiet ippreżentati mill-applikanti msemmija fl-Artikolu 42(1), il-punt (j), ta' dak ir-Regolament, meta l-miżuri fil-pjan ta' kontinġenza tal-Istat Membru kkonċernat imsemmi fl-Artikolu 32 tad-Direttiva (UE) 2024/1346 ma jkunux biżżejjed biex tiġi indirizzata dik is-sitwazzjoni.

3.   F'sitwazzjoni ta' kriżi kif imsemmi fl-Artikolu 1(4), il-punt (a), b'deroga mill-Artikolu 45(1) tar-Regolament (UE) 2024/1348, l-Istati Membri jistgħu jnaqqsu l-limitu previst fl-Artikolu 42(1), il-punt (j), għal 5 %.

4.   F'sitwazzjoni ta' kriżi msemmija fl-Artikolu 1(4), il-punt (a), b'deroga mill-Artikolu 44(1), il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2024/1348, l-Istati Membri jistgħu, fi proċedura fuq il-fruntiera, jieħdu deċiżjonijiet dwar il-merti ta' applikazzjoni f'każijiet fejn l-applikant ikun ċittadin ta' pajjiż terz, jew, fil-każ ta' persuni apolidi, preċedentement kien resident abitwali ta' pajjiż terz li għalih il-proporzjon tad-deċiżjonijiet li jagħtu protezzjoni internazzjonali mill-awtorità determinanti jkun, skont l-aħħar data annwali disponibbli tal-Eurostat dwar il-medja fl-UE kollha, 50 % jew inqas, flimkien mal-każijiet imsemmija fl-Artikolu 42(1), il-punt (j), ta’ dak ir-Regolament, b'kont meħud tal-ħtiġijiet ta' protezzjoni li jevolvu malajr u li jista' jirriżultaw fil-pajjiż ta' oriġini kif rifless fl-aġġornamenti trimestrali tad-data tal-Eurostat.

5.   Meta japplikaw il-paragrafu 3 jew 4 ta’ dan l-Artikolu, l-Istat Membru kkonċernat għandu jipprijoritizza l-eżami tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali ppreżentati minn persuni bi bżonnijiet proċedurali speċjali jew bi bżonnijiet speċjali ta' akkoljenza kif definiti fid-Direttiva (UE) 2024/1346 u fir-Regolament (UE) 2024/1348, u minorenni u l-membri tal-familja tagħhom. Meta japplika l-paragrafu 3, 4 jew 6 ta’ dan l-Artikolu, l-Istat Membru kkonċernat jista' jagħti prijorità wkoll lill-eżami ta' applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali li x'aktarx ikollhom bażi soda.

6.   F'sitwazzjoni ta' kriżi msemmija fl-Artikolu 1(4), il-punt (b), b’deroga mill-Artikoli 44(1), il-punt (b), u l-Artikolu 53(2), il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2024/1348, l-Istati Membri jistgħu, fi proċedura fuq il-fruntiera, jieħdu deċiżjonijiet dwar il-merti tal-applikazzjonijiet kollha magħmula minn kwalunkwe ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida li tkun soġġetta għall-istrumentalizzazzjoni u li huma rreġistrati fil-perjodu li matulu japplika dan il-paragrafu.

7.   Meta japplikaw il-paragrafu 6, l-Istati Membri għandhom:

(a)

jeskludu mill-proċedura fuq il-fruntiera minorenni taħt l-età ta' 12-il sena u l-membri tal-familja tagħhom, u persuni bi bżonnijiet proċedurali speċjali jew bi bżonnijiet speċjali ta' akkoljenza kif definit fid-Direttiva (UE) 2024/1346 u fir-Regolament (UE) 2024/1348 jew

(b)

jieqfu japplikaw il-proċedura fuq il-fruntiera fir-rigward tal-kategoriji ta' applikanti li ġejjin fejn jiġi ddeterminat, abbażi ta' valutazzjoni individwali, li l-applikazzjonijiet tagħhom x'aktarx ikollhom bażi soda:

(i)

minorenni taħt l-età ta' 12-il sena u l-membri tal-familja tagħhom; u

(ii)

persuni vulnerabbli bi bżonnijiet proċedurali speċjali jew bi bżonnijiet ta' akkoljenza speċjali kif definit fid-Direttiva (UE) 2024/1346 u fir-Regolament (UE) 2024/1348.

Dan il-paragrafu għandu jkun mingħajr preġudizzju għan-natura obbligatorja tal-proċedura fuq il-fruntiera kif imsemmi fl-Artikolu 46 tar-Regolament (UE) 2024/1348.

8.   Meta l-Istat Membru kkonċernat ikun awtorizzat japplika d-deroga msemmija fil-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu, id-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill kif imsemmi fl-Artikolu 4(3) għandha tispeċifika jekk il-paragrafu 7, il-punt (a) jew (b) japplikax, abbażi tal-indikazzjoni magħmula mill-Istat Membru kkonċernat f’konformità mal-Artikolu 2(2), il-punt (d).

9.   L-Istat Membru li jkun qed jiffaċċa sitwazzjoni ta' kriżi jew ta' force majeure ma għandux japplika jew għandu jieqaf japplika d-deroga mill-proċedura tal-ażil prevista fil-paragrafi 4 u 6 ta’ dan l-Artikolu f'każijiet fejn ikun hemm raġunijiet mediċi biex ma japplikax il-proċedura fuq il-fruntiera f'konformità mal-Artikolu 53(2), il-punt (d), tar-Regolament (UE) 2024/1348, jew fejn l-appoġġ meħtieġ ma jkunx jista’ jingħata lill-applikanti bi bżonnijiet speċjali ta’ akkoljenza f’konformità mad-Direttiva (UE) 2024/1346 jew bi bżonnijiet proċedurali speċjali f’konformità mal-Artikolu 53(2), il-punt (c), tar-Regolament (UE) 2024/1348.

10.   Għall-fini tal-applikazzjoni tad-derogi msemmija f'dan l-Artikolu, għandhom japplikaw il-prinċipji bażiċi tad-dritt għall-ażil u r-rispett tal-prinċipju ta' non-refoulement kif ukoll il-garanziji previsti fil-Kapitolu I u II tar-Regolament (UE) 2024/1348 biex jiġi żgurat li d-drittijiet ta' dawk li jfittxu protezzjoni internazzjonali, inkluż id-dritt għal rimedju effettiv, ikunu protetti.

Organizzazzjonijiet u persuni li skont il-liġi nazzjonali jkollhom permess jipprovdu pariri u konsulenza għandu jkollhom aċċess għal applikanti miżmuma f'faċilitajiet ta' detenzjoni jew li jinsabu f'punti ta' qsim tal-fruntiera. L-Istati Membri jistgħu jimponu limiti fuq tali aċċess fejn, minħabba l-liġi nazzjonali, ikunu oġġettivament neċessarji għas-sigurtà, l-ordni pubbliku jew il-ġestjoni amministrattiva ta' faċilità ta' detenzjoni, dment li l-aċċess ma jkunx limitat severament jew ma jsirx impossibbli.

11.   Id-derogi previsti f’dan l-Artikolu ma jaffettwawx il-proċess tad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli fil-qafas tar-Regolament (UE) 2024/1351. Meta dak il-proċess ikun itwal mid-durata massima tal-proċedura tal-ażil fuq il-fruntiera f'sitwazzjoni ta' kriżi jew ta' force majeure, il-proċess u l-bqija tal-proċedura tal-ażil għandhom jitlestew fit-territorju tal-Istat Membru determinanti f'konformità mal-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) 2024/1348.

Artikolu 12

Estensjoni tal-limiti ta' żmien stipulati għal talbiet biex tittieħed responsabbiltà, notifiki għat-teħid lura u trasferimenti f'sitwazzjoni ta' kriżi msemmija fl-Artikolu 1(4), il-punt (a), jew ta’ force majeure

1.   F’sitwazzjoni ta’ kriżi msemmija fl-Artikolu 1(4), il-punt (a), jew ta' force majeure li tagħmilha impossibbli għal Stat Membru li qed jiffaċċa tali sitwazzjoni li jikkonforma mal-limiti ta' żmien stipulati fl-Artikoli 39, 40, 41 u 46 tar-Regolament (UE) 2024/1351 jew li jirċievi persuni li għalihom ikun responsabbli skont dak ir-Regolament, l-Istati Membri jistgħu jidderogaw mil-limiti ta' żmien mogħtija fl-Artikoli 39, 40, 41 u 46 ta’ dak ir-Regolament simultanjament.

2.   Meta Stat Membru japplika d-deroga prevista fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, għandu:

(a)

jissottometti talba biex tittieħed responsabbiltà kif imsemmi fl-Artikolu 39 tar-Regolament (UE) 2024/1351 fi żmien erba' xhur mid-data li fiha l-applikazzjoni kienet irreġistrata;

(b)

iwieġeb għal talba biex tittieħed responsabbiltà kif imsemmi fl-Artikolu 40 tar-Regolament (UE) 2024/1351 fi żmien xahrejn mill-wasla tat-talba;

(c)

jissottometti notifika ta' teħid lura kif imsemmi fl-Artikolu 41 tar-Regolament (UE) 2024/1351 fi żmien xahar minn meta jirċievi l-hit tal-Eurodac jew jikkonferma l-wasla fi żmien xahar minn tali notifika; u

(d)

iwettaq trasferiment kif imsemmi fl-Artikolu 46(1) tar-Regolament (UE) 2024/1351 fi żmien sena mill-aċċettazzjoni tat-talba biex tittieħed responsabbiltà jew tal-konferma tan-notifika biex l-applikant jittieħed lura minn Stat Membru ieħor jew tad-deċiżjoni finali dwar appell jew rieżami ta' deċiżjoni ta' trasferiment li għandha effett sospensiv f'konformità mal-Artikolu 43(3) ta' dak ir-Regolament.

3.   Meta l-Istat Membru msemmi fil-paragrafu 1 ma jikkonformax mal-limiti ta' żmien stipulati fil-paragrafu 2, il-punt (a), (b) jew (d), ta’ dan l-Artikolu, ir-responsabbiltà għall-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali skont ir-Regolament (UE) 2024/1351 għandha tkun tiegħu jew tiġi ttrasferita lilu.

4.   Meta jiġi applikat il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, it-trasferimenti skont l-Artikolu 46 tar-Regolament (UE) 2024/1351 lejn l-Istat Membru responsabbli li jkun qed jiffaċċa sitwazzjoni ta' kriżi kif imsemmi fl-Artikolu 1(4), il-punt (a), ta’ dan ir-Regolament jew ta' force majeure, ma għandhomx isiru sakemm dak l-Istat Membru jkun għadu qed jiffaċċa dik is-sitwazzjoni, għajr jekk, minħabba ċ-ċirkostanzi individwali tal-applikant, l-Istat Membru responsabbli jkun qabel li jirċievi l-persuna kkonċernata. Jekk it-trasferiment ma jseħħx fi żmien sena mill-aċċettazzjoni tat-talba biex tittieħed responsabbiltà jew tal-konferma tan-notifika ta' teħid lura minn Stat Membru ieħor jew tad-deċiżjoni finali dwar appell jew rieżami ta' deċiżjoni ta' trasferiment li għandha effett ta' sospensjoni skont l-Artikolu 43(3) tar-Regolament (UE) 2024/1351, inkluż minħabba l-persistenza tas-sitwazzjoni ta' kriżi msemmija fl-Artikolu 1(4), il-punt (a), ta’ dan ir-Regolament jew ta' force majeure, b'deroga mill-Artikolu 46(1) tar-Regolament (UE) 2024/1351, l-Istat Membru responsabbli li jkun qed jiffaċċa dik is-sitwazzjoni għandu jinħeles mill-obbligi tiegħu li jieħu responsabbiltà jew li jieħu lura lill-persuna kkonċernata u r-responsabbiltà għandha tiġi ttrasferita lill-Istat Membru ta' trasferiment.

Artikolu 13

Derogi mill-obbligu ta' teħid lura ta' applikant f'sitwazzjoni ta' wasliet bil-massa

1.   B'deroga mill-Artikolu 36(1), il-punt (b), u l-Artikolu 38(4) tar-Regolament (UE) 2024/1351, f'sitwazzjoni ta' kriżi kif imsemmi fl-Artikolu 1(4), il-punt (a), ta’ dan ir-Regolament fejn il-wasliet bil-massa ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz jew persuni apolidi jkunu ta' skala u intensità tant straordinarji b'mod li jistgħu joħolqu riskju serju ta' nuqqasijiet serji fit-trattament tal-applikanti, u b'hekk jinħoloq riskju serju li s-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil ma tibqax tiffunzjona, l-Istat Membru li jkun qed jiffaċċa dik is-sitwazzjoni jista’ jinħeles mill-obbligu tiegħu li:

(a)

jieħu lura applikant, ċittadin ta' pajjiż terz jew persuna apolida li fir-rigward tagħha dak l-Istat Membru jkun ġie indikat bħala l-Istat Membru responsabbli skont l-Artikolu 16(1) tar-Regolament (UE) 2024/1358 fejn dik ir-responsabbiltà tkun ġiet iddeterminata skont l-Artikolu 16(2) tar-Regolament (UE) 2024/1351; jew

(b)

jieħu lura applikant skont l-Artikolu 38(4) tar-Regolament (UE) 2024/1351.

Dan il-paragrafu għandu japplika biss fejn l-applikazzjoni tkun ġiet irreġistrata fl-Istat Membru li jkun qed jiffaċċa dik is-sitwazzjoni fil-perjodu stipulat fid-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill imsemmija fl-Artikolu 4(3) ta’ dan ir-Regolament li m’għandux jaqbeż erba’ xhur qabel id-data tal-adozzjoni ta’ dik id-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill.

2.   Meta jiġi applikat il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, u l-Istat Membru li jkun qed jiffaċċa dik is-sitwazzjoni jkun ġie ddeterminat bħala responsabbli skont l-Artikolu 16(2) tar-Regolament (UE) 2024/1351, dak l-Istat Membru għandu jinħeles mill-obbligu tiegħu li jieħu lura l-persuna kkonċernata u r-responsabbiltà għandha tiġi ttrasferita lill-Istat Membru fejn ġiet irreġistrata t-tieni applikazzjoni.

L-Istat Membru li jsir responsabbli skont l-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu għandu jindika fil-Eurodac li sar l-Istat Membru responsabbli f’konformità mal-Artikolu 16(3) tar-Regolament (UE) 2024/1358.

3.   B'deroga mill-paragrafi 2 u 4 tal-Artikolu 38 tar-Regolament (UE) 2024/1351, meta jiġi applikat il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, u l-Istat Membru li qed jiffaċċa dik is-sitwazzjoni jkun obbligat jieħu lura applikant skont l-Artikolu 38(4) tar-Regolament (UE) 2024/1351, l-Istat Membru fejn ġiet irreġistrata t-tieni applikazzjoni għandu japplika l-proċeduri stipulati fil-Parti III ta' dak ir-Regolament, bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 16(2), l-Artikolu 17(1) u (2), l-Artikolu 25(5) u l-Artikolu 33(1) u (2), u l-obbligu li jieħu lura applikant skont l-Artikolu 38(4) għandu jiġi ttrasferit lil dak l-Istat Membru.

Fejn ma jkun jista' jista’ jiġi ddeterminat l-ebda Stat Membru responsabbli skont l-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, l-Istat Membru fejn ġiet irreġistrata t-tieni applikazzjoni għandu jkun responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. L-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali li għalihom Stat Membru jkun bagħat notifika għat-teħid lura skont l-Artikolu 41 tar-Regolament (UE) 2024/1351 qabel id-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill msemmija fl-Artikolu 4(3) ta’ dan ir-Regolament ma għandhomx jiġu affettwati minn dan is-subparagrafu.

L-Istat Membru li jsir responsabbli skont it-tieni subparagrafu ta’ dan il-paragrafu għandu jindika fil-Eurodac li sar l-Istat Membru responsabbli f’konformità mal-Artikolu 16(1) tar-Regolament (UE) 2024/1358.

KAPITOLU V

PROĊEDURA MĦAFFA

Artikolu 14

Proċedura mħaffa

1.   Fejn ċirkostanzi oġġettivi jissuġġerixxu li l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali minn gruppi ta' applikanti minn pajjiż speċifiku ta' oriġini jew ta’ residenza abitwali preċedenti, jew minn parti minn tali pajjiż, jew abbażi tal-kriterji stabbiliti fir-Regolament (UE) 2024/1347 jista’ jkollhom bażi soda, il-Kummissjoni tista’, wara konsultazzjoni mal-Forum ta’ Livell Għoli tal-UE dwar is-Solidarjetà, tadotta rakkomandazzjoni għall-applikazzjoni ta’ proċedura mħaffa billi tipprovdi l-informazzjoni rilevanti kollha bil-ħsieb li tiffaċilita, b’mod partikolari, l-applikazzjoni mill-awtoritajiet determinanti tal-Artikolu 13(11), il-punt (a), u l-Artikolu 34(5), il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2024/1348.

2.   Meta, wara l-adozzjoni ta’ rakkomandazzjoni kif imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, l-awtorità determinanti tapplika l-Artikoli 13(12)(a) tar-Regolament (UE) 2024/1348 biex tħalli barra l-intervista personali u l-Artikolu 34(5), il-punt (a), ta’ dak ir-Regolament biex tagħti prijorità lill-eżami tal-applikazzjoni minħabba li din x’aktarx ikollha bażi soda, hija għandha tiżgura, b’deroga mill-Artikolu 35(4) ta’ dak ir-Regolament, li l-eżami tal-merti tal-applikazzjoni jiġi konkluż mhux aktar tard minn erba’ ġimgħat mill-preżentazzjoni tal-applikazzjoni.

3.   Meta tikkunsidra jekk tadottax rakkomandazzjoni kif imsemmi fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni tista’ tikkonsulta l-aġenziji rilevanti tal-Unjoni, l-UNHCR u organizzazzjonijiet rilevanti oħra.

KAPITOLU VI

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 15

Dispożizzjonijiet speċifiċi u garanziji

F’sitwazzjoni ta’ kriżi, meta Stat Membru japplika deroga kif imsemmi fl-Artikoli 10 sa 13, għandu jinforma kif xieraq liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew lill-persuni apolidi, b’lingwa li huma jifhmu jew li jkunu raġonevolment mistennija li jifhmu, dwar il-miżuri applikati, fejn jinsabu l-punti ta' reġistrazzjoni, inkluż il-punti ta' qsim tal-fruntiera, li jkunu aċċessibbli għar-reġistrazzjoni u għall-preżentazzjoni ta' applikazzjoni, u d-durata tal-miżuri.

Artikolu 16

Tħejjija għall-kriżi

1.   L-istrateġiji nazzjonali stabbiliti mill-Istati Membri f'konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) 2024/1351 għandhom jinkludu wkoll:

(a)

miżuri preventivi sabiex jiġi żgurat livell suffiċjenti ta' tħejjija u sabiex jitnaqqas ir-riskju ta' sitwazzjonijiet ta' kriżi u l-ippjanar ta' kontinġenza, filwaqt li jitqies l-ippjanar ta' kontinġenza skont ir-Regolamenti (UE) 2021/2303 u (UE) 2019/1896 u d-Direttiva (UE) 2024/1346 u r-rapporti tal-Kummissjoni maħruġa fil-qafas tal-Blueprint dwar it-Tħejjija għall-Migrazzjoni u l-Ġestjoni ta' Kriżijiet tal-Migrazzjoni;

(b)

analiżi tal-miżuri meħtieġa biex jiġu indirizzati u solvuti sitwazzjonijiet ta' kriżi u ta' force majeure fl-Istat Membru kkonċernat, inkluż miżuri biex jiġu protetti d-drittijiet tal-applikanti u tal-benefiċjarji ta' protezzjoni internazzjonali u forom oħra ta' protezzjoni.

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jikkonsultaw lill-Kummissjoni u lill-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji rilevanti tal-Unjoni, b'mod partikolari l-Aġenzija għall-Ażil, kif ukoll l-awtoritajiet reġjonali u lokali, kif xieraq u f'konformità mal-liġi nazzjonali.

3.   L-Istati Membri għandhom jirrevedu, fejn meħtieġ, l-istrateġiji nazzjonali stabbiliti f'konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) 2024/1351 u fi kwalunkwe każ, mhux aktar tard minn sena mid-data li fiha tkun intemmet is-sitwazzjoni ta' kriżi f'konformità mal-Artikolu 5 ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 17

Kooperazzjoni u valutazzjoni

1.   Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni bla xkiel tal-miżuri inklużi fid-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill kif imsemmi fl-Artikolu 4(3) ta’ dan ir-Regolament, il-Koordinatur tas-Solidarjetà tal-UE għandha ssejjaħ l-ewwel laqgħa tal-Forum ta' Livell Tekniku tal-UE dwar is-Solidarjetà kif imsemmi fl-Artikolu 14(5) tar-Regolament (UE) 2024/1351 immedjatament wara l-adozzjoni ta' tali deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill. Wara dik l-ewwel laqgħa, il-Forum ta' Livell Tekniku tal-UE dwar is-Solidarjetà għandu jiltaqa' kemm-il darba jkun meħtieġ.

2.   L-Istat Membru f'sitwazzjoni ta' kriżi jista' jitlob l-assistenza tal-awtoritajiet kollha li jistgħu jżidu, fi żmien qasir, ir-riżorsi umani tal-awtoritajiet kompetenti tiegħu f'konformità mal-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2024/1348 u l-assistenza tal-esperti skjerati mill-Aġenzija għall-Ażil f'konformità mal-Artikolu 5, il-punt (a), ta’ dak ir-Regolament, u l-Artikolu 16(2), il-punt (b), u l-Artikolu 21(3), il-punt (d), tar-Regolament (UE) 2021/2303.

3.   Il-Kummissjoni, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill, l-aġenziji rilevanti tal-Unjoni u l-Istat Membru li jkun qed jiffaċċa sitwazzjoni ta' kriżi jew ta' force majeure għandhom jikkooperaw mill-qrib u jinfurmaw lil xulxin regolarment dwar l-implimentazzjoni tad-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill imsemmija fl-Artikolu 4(3).

4.   L-Istat Membru li jkun qed jiffaċċa sitwazzjoni ta’ kriżi jew ta' force majeure għandu jkompli jirrapporta d-data rilevanti kollha lill-Kummissjoni, inkluż statistika li tkun rilevanti għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament. L-Istat Membru kkonċernat għandu jipprovdi wkoll l-informazzjoni speċifika meħtieġa lill-Kummissjoni biex twettaq dan ir-rieżami skont l-Artikolu 6(3) u biex tagħmel il-proposta għat-tħassir jew l-estensjoni tad-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill kif ukoll kull informazzjoni oħra li l-Kummissjoni tista' titlob abbażi ta' dak.

5.   L-Istat Membru li jkun qed jiffaċċa sitwazzjoni ta' kriżi jew ta' force majeure għandu jkompli l-kooperazzjoni mill-qrib mal-UNHCR u ma' kwalunkwe organizzazzjoni oħra fdata mill-Istat Membru b'kompiti taħt dan il-Kapitolu u mar-Regolament (UE) 2024/1348 u d-Direttiva (UE) 2024/1346.

6.   Fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħhom u fit-twettiq tar-responsabbiltajiet tagħhom skont dan l-Artikolu, il-Kummissjoni u l-Kunsill għandhom jiżguraw f'kull ħin li l-prinċipji tan-neċessità u l-proporzjonalità jiġu rispettati.

Artikolu 18

Appoġġ finanzjarju

1.   L-Istati Membri li jwettqu rilokazzjoni bħala miżura ta' solidarjetà għandhom ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-appoġġ finanzjarju tal-Unjoni skont il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 11(9) tar-Regolament (UE) 2021/1147, inkluż għal miżuri ta' integrazzjoni bikrija implimentati mill-awtoritajiet reġjonali u lokali.

2.   L-appoġġ finanzjarju għal emerġenza għal Stat Membru f'sitwazzjoni ta' kriżi jista' jiġi allokat skont l-Artikolu 31(1), il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2021/1147, inkluż għall-kostruzzjoni, il-manutenzjoni u r-rinnovazzjoni tal-faċilitajiet ta' akkoljenza meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, f'konformità mal-istandards previsti fid-Direttiva (UE) 2024/1346.

Artikolu 19

Emenda għar-Regolament (UE) 2021/1147

Fl-Artikolu 31(1) tar-Regolament (UE) 2021/1147, jinżdied il-punt li ġej:

“(ba)

sitwazzjoni ta' kriżi fis-sens tal-Artikolu 1(4), il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2024/1359 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1).

Artikolu 20

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Lulju 2026.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri skont it-Trattati.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Mejju 2024.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

R. METSOLA

Għall-Kunsill

Il-President

H. LAHBIB


(1)   ĠU C 155, 30.4.2021, p. 58.

(2)   ĠU C 175, 7.5.2021, p. 32.

(3)  Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta’ April 2024 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-14 ta’ Mejju 2024.

(4)  Ir-Regolament (UE) 2024/1351 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Mejju 2024 dwar il-ġestjoni tal-ażil u l-migrazzjoni, u li jemenda r-Regolamenti (UE) 2021/1147 u (UE) 2021/1060 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 604/2013 (ĠU L, 2024/1351, 22.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1351/oj).

(5)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2001/55/KE tal-20 ta' Lulju 2001 dwar l-istandards minimi sabiex tingħata protezzjoni temporanja fl-eventwalità ta' influss bil-massa ta' persuni spostati u dwar il-miżuri li jippromwovu bilanċ fl-isforzi bejn l-Istati Membri meta jirċievu dawn il-persuni u li jġorru l-konsegwenzi ta' dawn (ĠU L 212, 7.8.2001, p. 12).

(6)  Ir-Regolament (UE) 2024 /1348 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Mejju 2024 li jistabbilixxi proċedura komuni għall-protezzjoni internazzjonali fl-Unjoni u li jħassar id-Direttiva 2013/32/UE (ĠU L, 2024/1348, 22.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1348/oj).

(7)  Id-Direttiva (UE) 2024/1346 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Mejju 2024 li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta' applikanti għall-protezzjoni internazzjonali (ĠU L, 2024/1346, 22.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2024/1346/oj).

(8)  Ir-Regolament (UE) 2024/1356 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Mejju 2024 li jintroduċi l-iskrinjar ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi fil-fruntieri esterni u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 767/2008, (UE) 2017/2226, (UE) 2018/1240 u (UE) 2019/817 (ĠU L, 2024/1356, 22.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1356/oj).

(9)  Ir-Regolament (UE) 2024/1358 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment tal-“Eurodac” għat-tqabbil ta’ data bijometrika għall-applikazzjoni effettiva tar-Regolamenti (UE) 2024/1351 u (UE) 2024/1350 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kunsill 2001/55/KE, għall-identifikazzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida b'soġġorn illegali u dwar talbiet għat-tqabbil mad-data tal-Eurodac mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri u mill-Europol għall-finijiet tal-infurzar tal-liġi, li jemenda r-Regolamenti (UE) 2018/1240 u (UE) 2019/818 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 603/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (OJ L, 2024/1358, 22.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1358/oj).

(10)  Ir-Regolament (UE) 2024/1347 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Mejju 2024 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew persuni apolidi bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal status uniformi għar-rifuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija u li jemenda d-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE u li jħassar id-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L, 2024/1347, 22.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1347/oj).

(11)  Id-Direttiva (UE) 2024/XXX tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill XXX li temenda d-Direttiva 2011/36/UE dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(12)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 866/2004 tad-29 ta' April 2004 dwar reġim skont l-Artikolu 2 tal-Protokoll 10 mal-Att tal-Adeżjoni (ĠU L 161, 30.4.2004, p. 128).

(13)  Ir-Regolament (UE) 2021/2303 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Diċembru 2021 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ażil u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 439/2010 (ĠU L 468, 30.12.2021, p. 1).

(14)  Ir-Regolament (UE) 2019/1896 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 2019 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1052/2013 u (UE) 2016/1624 (ĠU L 295, 14.11.2019, p. 1).

(15)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1366 tat-23 ta’ Settembru 2020 dwar mekkaniżmu tal-UE għat-Tħejjija u għall-Ġestjoni tal-Kriżijiet b’rabta mal-Migrazzjoni (ĠU L 317, 1.10.2020, p. 26).

(16)  Ir-Regolament (UE) 2016/794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2016 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) u li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2009/371/ĠAI, 2009/934/ĠAI, 2009/935/ĠAI, 2009/936/ĠAI u 2009/968/ĠAI (ĠU L 135, 24.5.2016, p. 53).

(17)  Ir-Regolament (UE) 2021/1147 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Lulju 2021 li jistabbilixxi l-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (ĠU L 251, 15.7.2021, p. 1).

(18)   ĠU L 66, 8.3.2006, p. 38.

(19)   ĠU L 93, 3.4.2001, p. 40.

(20)   ĠU L 53, 27.2.2008, p. 5.

(21)   ĠU L 160, 18.6.2011, p. 39.


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1359/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)