European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/1348

22.5.2024

REGOLAMENT (UE) 2024/1348 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-14 ta’ Mejju 2024

li jistabbilixxi proċedura komuni tal-protezzjoni internazzjonali fl-Unjoni u li jħassar id-Direttiva 2013/32/UE

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 78(2), il-punt (d) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjonijiet tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjonijiet tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Waqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

L-objettiv ta’ dan ir-Regolament hu li jorganizza aħjar, jissimplifika u jarmonizza l-arranġamenti proċedurali tal-Istati Membri billi jistabbilixxi proċedura komuni tal-protezzjoni internazzjonali fl-Unjoni. Sabiex jintlaħaq dak l-objettiv, qed isiru għadd ta’ bidliet sostantivi lid-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) u jenħtieġ li dik id-Direttiva titħassar u tiġi sostitwita minn Regolament. Jenħtieġ li r-referenzi għad-Direttiva mħassra jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament.

(2)

Politika komuni dwar l-ażil ibbażata fuq l-applikazzjoni sħiħa u inklużiva tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra dwar l-Istatus tar-Refuġjati tat-28 ta’ Lulju 1951, kif issupplimentata mill-Protokoll ta’ New York tal-31 ta’ Jannar 1967 (il-“Konvenzjoni ta’ Ġinevra”), hija parti kostitwenti mill-għan tal-Unjoni Ewropea li tistabbilixxi progressivament spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja miftuħ għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi u għal persuni apolidi li jfittxu l-protezzjoni fl-Unjoni. Jenħtieġ li tali politika tkun regolata mill-prinċipju tas-solidarjetà u l-qsim ġust tar-responsabbiltà, inkluż l-implikazzjonijiet finanzjarji tagħha, bejn l-Istati Membri.

(3)

Is-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil (CEAS) hija bbażata fuq standards komuni għal proċeduri, ir-rikonoxximent u l-protezzjoni tal-ażil offruti fil-livell tal-Unjoni u l-kundizzjonijiet tal-akkoljenza u tistabbilixxi sistema li tiddetermina l-Istat Membru responsabbli għall-eżami ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali. Minkejja l-progress li kien sar fl-iżvilupp tas-CEAS, għad hemm disparitajiet notevoli bejn l-Istati Membri rigward il-proċeduri li jintużaw, ir-rati ta’ rikonoxximent, it-tip ta’ protezzjoni li tingħata, il-livell tal-kundizzjonijiet tal-akkoljenza materjali u l-benefiċċji li jingħataw lill-applikanti u lill-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali. Dawk id-disparitajiet huma motivaturi importanti ta’ movimenti sekondarji u jdgħajfu l-objettiv li fis-CEAS jiġi żgurat li l-applikanti kollha jiġu trattati b’mod ugwali kull fejn japplikaw għal protezzjoni internazzjonali fl-Unjoni.

(4)

Fil-komunikazzjoni tagħha tas-6 ta’ April 2016“Għar-riforma tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil u għat-tisħiħ ta’ rotot legali lejn l-Ewropa”, il-Kummissjoni stipulat oqsma ta’ prijorità fejn jenħtieġ li s-CEAS tittejjeb strutturalment, jiġifieri l-istabbiliment ta’ sistema sostenibbli u ġusta biex jiġi determinat l-Istat Membru responsabbli għall-eżami ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali, it-tisħiħ tas-sistema Eurodac, il-kisba ta’ konverġenza akbar fis-sistema ta’ ażil, il-prevenzjoni ta’ movimenti sekondarji fl-Unjoni u mandat imsaħħaħ għall-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ażil stabbilita bir-Regolament (UE) 2021/2303 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) (l-“Aġenzija għall-Ażil”). Dik il-komunikazzjoni hija konformi ma’ talbiet li saru mill-Kunsill Ewropew fit-18 u d-19 ta’ Frar 2016 biex isir progress lejn ir-riforma tal-qafas eżistenti tal-Unjoni sabiex tiġi żgurata politika tal-ażil umana, ġusta u effiċjenti. Dik il-komunikazzjoni tipproponi wkoll triq ’il quddiem f’konformità mal-approċċ olistiku għall-migrazzjoni stipulat mill-Parlament Ewropew fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta’ April 2016 dwar “Is-sitwazzjoni fil-Mediterran u l-ħtieġa ta’ approċċ olistiku tal-UE għall-migrazzjoni”.

(5)

Għal CEAS li tiffunzjona sew, jenħtieġ li jsir progress sostanzjali fir-rigward tal-konverġenza ta’ sistemi nazzjonali tal-ażil. Jenħtieġ li l-proċeduri tal-ażil attwali differenti fl-Istati Membri kollha jkunu sostitwiti bi proċedura komuni għall-għoti u l-irtirar ta’ protezzjoni internazzjonali applikabbli fl-Istati Membri kollha skont ir-Regolament (UE) 2024/1347 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), li jiżgura l-puntwalità u l-effettività tal-proċedura. Applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali li jsiru minn ċittadini ta’ pajjiżi terzi u minn persuni apolidi jenħtieġ li jiġu eżaminati fi proċedura li tkun irregolata mill-istess regoli, irrispettivament mill-Istat Membru fejn tiġi ppreżentata l-applikazzjoni, sabiex jiġu żgurati l-ekwità fit-trattament tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali, iċ-ċarezza u ċ-ċertezza legali għall-applikant individwali.

(6)

Jenħtieġ li din l-armonizzazzjoni u din il-konverġenza tas-sistemi nazzjonali tal-ażil jintlaħqu mingħajr ma l-Istati Membri jiġu pprevenuti milli jintroduċu jew iżommu dispożizzjonijiet aktar favorevoli fejn dan ir-Regolament jipprevedihom.

(7)

Jenħtieġ li proċedura komuni għall-għoti u l-irtirar ta’ protezzjoni internazzjonali tillimita l-movimenti sekondarji tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali bejn Stati Membri, fejn tali movimenti jistgħu jkunu kkawżati minn differenzi fl-oqfsa legali, billi tissimplifika l-proċeduri u billi tiċċara d-drittijiet u l-obbligi tal-applikanti kif ukoll il-konsegwenzi tan-nonkonformità ma’ dawk l-obbligi, u toħloq kondizzjonijiet ekwivalenti għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2024/1347 fl-Istati Membri.

(8)

Jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika għall-applikazzjonijiet kollha għal protezzjoni internazzjonali magħmula fit-territorju tal-Istati Membri, inkluż dawk magħmula fil-fruntiera esterna, fl-ilmijiet territorjali jew fiż-żoni ta’ tranżitu tal-Istati Membri, u għall-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali. Jenħtieġ li persuni li qed ifittxu protezzjoni internazzjonali li jkunu preżenti fl-ilmijiet territorjali ta’ Stat Membru jitniżżlu fuq l-art u jkollhom l-applikazzjonijiet tagħhom eżaminati skont dan ir-Regolament.

(9)

Jenħtieġ li r-Regolament japplika għal applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali fi proċedura fejn jiġi eżaminat jekk l-applikanti jikkwalifikawx bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali skont ir-Regolament (UE) 2024/1347. Minbarra l-protezzjoni internazzjonali, l-Istati Membri jistgħu jagħtu wkoll status umanitarju nazzjonali ieħor skont il-liġi nazzjonali tagħhom lil dawk li ma jikkwalifikawx għall-istatus ta’ refuġjat jew status ta’ protezzjoni sussidjarja. Sabiex jiġu ssimplifikati l-proċeduri fl-Istati Membri, jenħtieġ li l-Istati Membri jkollhom il-possibilità li japplikaw dan ir-Regolament ukoll għal applikazzjonijiet għal kwalunkwe tip ta’ protezzjoni oħra simili.

(10)

Fir-rigward tat-trattament ta’ persuni fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, l-Istati Membri huma marbuta b’obbligi skont strumenti tal-liġi internazzjonali li tagħhom huma parti.

(11)

Jenħtieġ li jkun possibbli li jiġu mmobilizzati r-riżorsi tal-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, kif stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/1147 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), u fondi rilevanti oħra tal-Unjoni (il-“Fondi”)biex jipprovdu appoġġ lill-isforzi tal-Istati Membri fl-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, f’konformità mar-regoli li jirregolaw l-użu tal-Fondi rilevanti u mingħajr preġudizzju għal prijoritajiet oħra sostnuti mill-Fondi. F’dan il-kuntest, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jużaw l-allokazzjonijiet skont il-programmi rispettivi tagħhom, inkluż l-ammonti li jsiru disponibbli wara r-rieżami ta’ nofs it-terminu. B’mod partikolari, l-azzjonijiet meħuda mill-Istati Membri għall-istabbiliment ta’ kapaċità adegwata għat-twettiq tal-proċedura fuq il-fruntiera jistgħu jiġu appoġġati finanzjarjament mill-Fondi disponibbli taħt il-qafas finanzjarju pluriennali 2021-2027. Jenħtieġ li jkun possibbli li jsir disponibbli appoġġ addizzjonali taħt il-faċilitajiet tematiċi, b’mod partikolari għal dawk l-Istati Membri li jista’ jkollhom bżonn iżidu l-kapaċitajiet tagħhom fil-fruntieri esterni jew li jħabbtu wiċċhom ma’ pressjonijiet jew bżonnijiet speċifiċi fir-rigward tas-sistemi tal-ażil u tal-akkoljenza tagħhom u fuq il-fruntieri esterni tagħhom.

(12)

Jenħtieġ li l-Aġenzija għall-Ażil tipprovdi lill-Istati Membri bl-assistenza operazzjonali u teknika meħtieġa fl-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, b’mod partikolari billi tipprovdi esperti biex jassistu lill-awtoritajiet nazzjonali jirċievu u jirreġistraw applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali u biex jassistu lill-awtorità determinanti fit-twettiq tal-kompiti tagħha inkluż dawk rigward l-eżami tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali, u billi tipprovdi informazzjoni u analiżi aġġornati dwar pajjiżi terzi, inkluż informazzjoni dwar il-pajjiż ta’ oriġini u gwida dwar is-sitwazzjoni f’pajjiżi ta’ oriġini speċifiċi. Fl-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-Istati Membri jikkunsidraw standards operazzjonali, indikaturi, linji gwida u prattiki tajba żviluppati mill-Aġenzija għall-Ażil.

(13)

Fl-interess ta’ rikonoxximent korrett ta’ dawk il-persuni fil-bżonn ta’ protezzjoni bħala refuġjati fis-sens tal-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra jew bħala persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, jenħtieġ li kull applikant ikollu aċċess effettiv għall-proċedura, l-opportunità li jikkoopera bis-sħiħ u jikkomunika sewwa mal-awtoritajiet kompetenti sabiex, b’mod partikolari, jippreżenta l-fatti rilevanti tal-każ tiegħu u l-garanziji proċedurali suffiċjenti sabiex isegwi l-każ tiegħu matul l-istadji kollha tal-proċedura.

(14)

Jenħtieġ li l-applikant jingħata opportunità effettiva biex jippreżenta l-elementi kollha disponibbli għalih li jissostanzjaw l-applikazzjoni jew li huma rilevanti għall-proċeduri f’konformità ma’ dan ir-Regolament lill-awtoritajiet kompetenti. Għal din ir-raġuni, jenħtieġ li l-applikant, soġġett għal eċċezzjonijiet limitati, igawdi mid-dritt li jinstema’ permezz ta’ intervista personali dwar l-ammissibbiltà jew fuq il-merti tal-applikazzjoni tiegħu, kif xieraq. Jekk l-applikant ma jkunx dispost li jattendi għall-intervista personali, l-awtoritajiet jistgħu jitolbu ċertifikat mediku mill-applikant. Sabiex id-dritt għal intervista personali jkun effettiv, jenħtieġ li l-applikant ikun assistit minn interpretu fejn dan ikun meħtieġ biex tiġi żgurata komunikazzjoni xierqa u jingħata l-opportunità li jipprovdi l-ispjegazzjonijiet tiegħu rigward l-applikazzjoni tiegħu b’mod komprensiv. Jenħtieġ li l-applikant jingħata biżżejjed żmien biex jipprepara u jikkonsulta lill-konsulent legali tiegħu jew kunsillier ieħor, ammess jew permess bħala tali skont il-liġi nazzjonali biex jagħti pariri legali (il-“konsulent legali”) jew persuna fdata bl-għoti ta’ konsulenza legali. Matul l-intervista, jenħtieġ li l-applikant jitħalla jiġi assistit mill-konsulent legali. Jenħtieġ li l-intervista personali titwettaq taħt kundizzjonijiet li jiżguraw privatezza u kunfidenzjalità xierqa u minn persunal imħarreġ kif xieraq u kompetenti, inkluż fejn ikun meħtieġ, esperti mibgħuta mill-Aġenzija għall-Ażil jew persunal mill-awtoritajiet ta’ Stati Membri oħra. Meta l-intervista fuq il-merti titħalla barra, bil-ħsieb li jiġi żgurat aċċess rapidu għal protezzjoni internazzjonali, dan jenħtieġ li jsir mingħajr preġudizzju għall-obbligu li jiġi eżaminat jekk l-applikant jissodisfax il-kundizzjonijiet stipulati fir-Regolament (UE) 2024/1347 biex jingħata status ta’ refuġjat qabel ma jiġi eżaminat jekk l-applikant jissodisfax il-kundizzjonijiet biex jingħata protezzjoni sussidjarja. Minħabba li l-intervista personali hija parti essenzjali mill-eżami tal-applikazzjoni, l-intervista jenħtieġ li tiġi rreġistrata u l-applikanti, ir-rappreżentanti tagħhom u l-konsulenti legali tagħhom jenħtieġ li jingħataw aċċess għar-rapport jew it-traskrizzjonijiet ta’ dik l-intervista mill-aktar fis possibbli wara li sseħħ u fi kwalunkwe każ fi żmien debitu qabel ma l-awtorità determinanti tieħu deċiżjoni.

(15)

L-intervista personali hija parti essenzjali minn proċedura tal-ażil effettiva u ġusta. Sabiex jiġi żgurat l-aħjar ambjent possibbli għall-komunikazzjoni, l-intervisti bi preżenza fiżika jenħtieġ li jingħataw preferenza, filwaqt li t-twettiq ta’ intervisti mill-bogħod permezz ta’ vidjokonferenza jibqa’ l-eċċezzjoni. Minbarra kunsiderazzjonijiet ta’ saħħa pubblika, jista’ jkun hemm raġunijiet leġittimi biex l-awtorità determinanti tirrikorri għal intervisti mill-bogħod, b’vidjokonferenza, pereżempju fejn vulnerabbiltajiet jipprekludu l-possibbiltà ta’ vvjaġġar ta’ applikant għall-ażil jew jagħmluha diffiċli minħabba raġunijiet ta’ saħħa jew ta’ familja, biex twettaq intervisti ma’ applikanti li jkunu f’detenzjoni, f’territorji ekstra-Ewropej, jew f’sitwazzjonijiet fejn tkun meħtieġa l-parteċipazzjoni mill-bogħod ta’ interpretu b’ħiliet speċjalizzati fl-interpretazzjoni. Fil-każ ta’ intervisti mill-bogħod, jenħtieġ li l-awtorità determinanti tkun meħtieġa tapplika s-salvagwardji proċedurali kollha bħal meta jsiru intervisti bi preżenza fiżika, filwaqt li tiżgura l-privatezza u l-kunfidenzjalità, u filwaqt li tqis kif xieraq il-protezzjoni tad-data. L-adegwatezza tal-użu tal-intervisti mill-bogħod permezz tal-vidjokonferenza jenħtieġ li tiġi vvalutata individwalment qabel l-intervista peress li l-intervisti mill-bogħod jistgħu ma jkunux xierqa għall-applikanti kollha għall-ażil, minħabba l-età żgħira tagħhom, l-eżistenza ta’ nuqqasijiet fil-vista jew fis-smigħ, jew l-istat tas-saħħa mentali tagħhom, b’attenzjoni partikolari għal ċerti gruppi vulnerabbli, bħall-vittmi ta’ tortura jew applikanti trawmatizzati. Jenħtieġ li l-aħjar interessi tat-tfal ikunu kunsiderazzjoni primarja. Jenħtieġ li tingħata attenzjoni speċjali lid-diffikultajiet teknoloġiċi potenzjali li jista’ jkollhom effetti ta’ tfixkil fuq l-intervista, jirriżultaw f’reġistrazzjoni mhux sħiħa jew mhux intelliġibbli tal-intervista jew jaffettwaw il-ħżin u l-irkupru tar-reġistrazzjoni.

(16)

Huwa fl-interess kemm tal-Istati Membri kif ukoll tal-applikanti li l-applikanti jirċievu fi stadju bikri ħafna informazzjoni komprensiva dwar il-proċedura li għandha tiġi segwita u dwar id-drittijiet u l-obbligi tagħhom. Barra minn hekk, huwa essenzjali li jiġi żgurat rikonoxximent korrett tal-bżonnijiet ta’ protezzjoni internazzjonali diġà f’dan l-istadju tal-proċedura amministrattiva billi jipprovdu informazzjoni ta’ kwalità tajba u appoġġ legali li jwassal għal teħid ta’ deċiżjonijiet aktar effiċjenti u ta’ kwalità aħjar. Għal dak il-fini, jenħtieġ li l-aċċess għal konsulenza, assistenza u rappreżentanza legali jkun parti integrali mill-proċedura komuni tal-protezzjoni internazzjonali. Jenħtieġ li l-applikanti, mill-aktar fis possibbli wara li applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tkun ġiet irreġistrata, fuq talba tagħhom, jingħataw konsulenza legali mingħajr ħlas matul il-proċedura amministrattiva. Barra minn hekk, sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni effettiva tad-drittijiet tal-applikant, b’mod partikolari d-dritt għal difiża u l-prinċipju ta’ ġustizzja, jenħtieġ li l-applikanti, fuq talba tagħhom u soġġett għall-kundizzjonijiet stipulati f’dan ir-Regolament, jingħataw assistenza u rappreżentanza legali mingħajr ħlas fil-proċedura tal-appell. Jenħtieġ li jkun possibbli wkoll li l-Istati Membri jipprevedu assistenza u rappreżentanza legali mingħajr ħlas matul il-proċedura amministrattiva f’konformità mal-liġi nazzjonali.

(17)

Ċerti applikanti jistgħu jeħtieġu garanziji proċedurali speċjali minħabba, fost l-oħrajn, l-età, il-ġeneru, l-orjentazzjoni sesswali, l-identità tal-ġeneru, diżabilità, mard jew kundizzjonijietfiżiċi jew mentali serji, inkluż meta dawn ikunu konsegwenza ta’ tortura, stupru jew forom serji oħra ta’ vjolenza psikoloġika, fiżika, sesswali jew abbażi tal-ġeneru. Hemm bżonn jiġi vvalutat jekk kwalunkwe applikant individwali jkollux bżonn ta’ garanziji proċedurali speċjali.

(18)

Il-persunal rilevanti tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kif ukoll it-tabib jew psikologu li jivvaluta l-ħtieġa għal garanziji proċedurali speċjali jenħtieġ li jirċievi taħriġ biex ikun jista’ jagħraf jindividwa sinjali ta’ vulnerabbiltà ta’ applikanti li jkunu jistgħu jeħtieġu garanziji proċedurali speċjali u jindirizza dawk il-ħtiġijiet meta jiġu identifikati.

(19)

Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li l-Kummissjoni, skont l-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) 2021/2303, titlob lill-Aġenzija għall-Ażil tiżviluppa standards operazzjonali, indikaturi, linji gwida u l-aħjar prattiki marbuta mal-implimentazzjoni tal-liġi tal-Unjoni dwar l-ażil.

(20)

Applikanti li jiġu identifikati bħala fil-bżonn ta’ garanziji proċedurali speċjali jenħtieġ li jingħatalhom appoġġ adegwat sabiex jinħolqu l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-aċċess ġenwin u effettiv għall-proċeduri. Fejn ma jkunx possibbli li jingħata appoġġ xieraq fil-qafas ta’ proċedura aċċellerata ta’ eżami jew ta’ proċedura fuq il-fruntiera, jenħtieġ li applikant li jkollu bżonn ta’ garanziji proċedurali speċjali għandu jkun eżentat minn dawk il-proċeduri.

(21)

Bil-ħsieb li tiġi żgurata l-ugwaljanza sostantiva bejn applikanti nisa u rġiel, jenħtieġ li l-proċeduri ta’ eżami jkunu sensittivi għall-kwistjonijiet ta’ ġeneru. B’mod partikolari, jenħtieġ li l-intervisti personali jkunu organizzati b’tali mod li jagħmilha possibbli għall-applikanti kemm nisa kif ukoll irġiel li jħossuhom liberi li jitkellmu dwar l-esperjenzi li jkunu għaddew minnhom, inkluż f’każijiet li jinvolvu persekuzzjoni abbażi tal-ġeneru, l-identità tal-ġeneru jew l-orjentazzjoni sesswali. Għal dan il-fini, jenħtieġ li l-applikanti jingħataw opportunità effettiva li jiġu intervistati separatament mill-konjuġi jew is-sieħeb tagħhom, jew minn membri oħra tal-familja. Fejn mitlub mill-applikant u possibbli, l-intervistaturi u l-interpreti jenħtieġ li jkunu tas-sess li jippreferi l-applikant. Jenħtieġ li l-kumplessità tat-talbiet relatati mal-ġeneru titqies kif xieraq fil-proċeduri kollha.

(22)

Meta jkun meħtieġ u ġustifikat kif xieraq għall-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jenħtieġu li ssir tfittxija fuq l-applikant jew li ssir tfittxija fuq l-affarijiet tiegħu. Dawk l-oġġetti jistgħu jinkludu apparat elettroniku bħal laptops, tablets jew telefoni ċellulari. Kwalunkwe tfittxija bħal din jenħtieġ li titwettaq b’mod li jirrispetta d-drittijiet fundamentali u l-prinċipju tal-proporzjonalità.

(23)

L-aħjar interessi tat-tfal jenħtieġ li jkunu kunsiderazzjoni primarja tal-Istati Membri meta japplikaw dan ir-Regolament, f’konformità mal-Artikolu 24 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-“Karta”) u l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1989 dwar id-Drittijiet tat-Tfal. Meta jivvalutaw l-aħjar interessi tat-tfal, l-Istati Membri jenħtieġ li b’mod partikolari jieħdu kont dovut tal-benesseri u l-iżvilupp soċjali tal-minuri, inkluż il-kuntest li jkunu ġejjin minnu. Fid-dawl tal-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal rigward id-dritt li t-tfal jinstemgħu, jenħtieġ li l-awtorità determinanti tipprovdi lill-minuri bil-possibbiltà ta’ intervista personali, sakemm ma jkunx il-każ li dan ma jkunx fl-aħjar interessi tat-tfal. L-awtorità determinanti jenħtieġ li torganizza intervista personali għal minuri filwaqt li tqis b’mod partikolari l-età u l-maturità tiegħu.

(24)

Mingħajr preġudizzju għall-kompetenza tal-Istati Membri dwar il-kisba taċ-ċittadinanza u l-fatt li, skont il-liġi internazzjonali, huwa f’idejn kull Stat Membru li, filwaqt li jqis kif xieraq il-liġi tal-Unjoni, jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-kisba u t-telf taċ-ċittadinanza, fl-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-Istati Membri jirrispettaw l-obbligi internazzjonali tagħhom lejn il-persuni apolidi, f’konformità mal-istrumenti tal-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem inkluż fejn applikabbli skont il-Konvenzjoni dwar l-Istatus ta’ Persuni Apolidi, adottata fi New York fit-28 ta’ Settembru 1954. Fejn xieraq, jenħtieġ li l-Istati Membri jagħmlu ħilithom biex jidentifikaw il-persuni apolidi u jsaħħu l-protezzjoni tagħhom, biex b’hekk il-persuni apolidi jkunu jistgħu jgawdu d-drittijiet fundamentali ewlenin u jitnaqqas ir-riskju ta’ diskriminazzjoni jew trattament mhux ugwali.

(25)

Meta, wara valutazzjoni bir-reqqa mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, jiġi konkluż li l-applikant jikkostitwixxi periklu għas-sigurtà nazzjonali jew għall-ordni pubbliku, speċjalment fir-rigward ta’ reati serji jew terroriżmu, jenħtieġ li Stat Membru jkollu l-possibbiltà li jagħmel eċċezzjoni għad-dritt tal-applikant li jibqa’ fit-territorju tiegħu matul il-proċedura amministrattiva, dment li l-applikazzjoni ta’ tali eċċezzjoni ma twassalx biex l-applikant jintbagħat lejn pajjiż terz bi ksur tal-prinċipju ta’ non-refoulement.

(26)

Il-proċedura komuni tissimplifika l-limiti ta’ żmien biex individwu jaċċedi għall-proċedura u għall-eżami tal-applikazzjoni mill-awtorità determinanti. Billi għadd sproporzjonat ta’ applikazzjonijiet li jsiru fl-istess żmien jista’ joħloq ir-riskju li jiġi ttardjat l-aċċess għall-proċedura u l-eżami tal-applikazzjonijiet, jista’ jkun meħtieġ livell ta’ flessibbiltà biex dawk il-limiti ta’ żmien jiġu estiżi b’mod eċċezzjonali. Madankollu jenħtieġ li, biex jiġi żgurat proċess effettiv, l-estensjoni ta’ dawk il-limiti ta’ żmien issir bħala l-aħħar alternattiva meta jitqies li l-Istati Membri għandhom jirrieżaminaw b’mod regolari l-ħtiġijiet tagħhom biex tinżamm sistema tal-ażil effiċjenti, inkluż bit-tħejjija ta’ pjanijiet ta’ kontinġenza fejn ikun meħtieġ, u filwaqt li jitqies li l-Aġenzija għall-Ażil jenħtieġ li tipprovdi lill-Istati Membri bl-assistenza operazzjonali u teknika meħtieġa. Jenħtieġ li l-Istati Membri, fejn ibassru li mhux ser ikunu jistgħu jirrispettaw il-limiti ta’ żmien stabbiliti, jitolbu l-assistenza mill-Aġenzija għall-Ażil. Fejn ma ssir l-ebda talba bħal din, u minħabba l-pressjoni sproporzjonata s-sistema tal-ażil fi Stat Membru ssir ineffettiva għall-funzjonament tas-CEAS, jenħtieġ li l-Aġenzija għall-Ażil tkun tista’, abbażi ta’ att ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill wara proposta mill-Kummissjoni, tieħu miżuri biex tappoġġa lil dak l-Istat Membru.

(27)

Jenħtieġ li l-aċċess għall-proċedura komuni jkun imsejjes fuq approċċ fi tliet passi fejn l-applikazzjoni ssir, tiġi rreġistrata u ppreżentata. L-ewwel pass li jiskatta l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament huwa meta ssir l-applikazzjoni. Ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida jitqiesu li jkunu għamlu applikazzjoni meta jesprimu xewqa li jirċievu protezzjoni internazzjonali minn Stat Membru. Meta l-applikazzjoni tasal għand awtorità li ma tkunx responsabbli għar-reġistrazzjoni tal-applikazzjonijiet, jenħtieġ li l-Istati Membri, f’konformità mal-proċeduri u l-organizzazzjoni interni tagħhom, japplikaw dan ir-Regolament sabiex ikun jista’ jiġi żgurat aċċess effettiv għall-proċedura. Jenħtieġ li jkun possibbli li tiġi espressa x-xewqa li persuna tirċievi protezzjoni internazzjonali minn Stat Membru fi kwalunkwe forma, u l-applikant individwali mhux neċessarjament juża kliem speċifiku bħal “protezzjoni internazzjonali”, “ażil” jew “protezzjoni sussidjarja”. Jenħtieġ li l-element li jiddefinixxi jkun l-espressjoni, miċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jew mill-persuna apolida, ta’ biża’ ta’ persekuzzjoni jew ta’ ħsara serja meta dan imur lura lejn il-pajjiż ta’ oriġini, jew fil-każ ta’ persuna apolida, lejn il-pajjiż tar-residenza abitwali ta’ qabel. Meta jkun hemm dubju dwar jekk ċerta dikjarazzjoni tistax tinftiehem bħala applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, jenħtieġ li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jew il-persuna apolida jiġu mistoqsija espressament jekk jixtiqux jirċievu protezzjoni internazzjonali. Jenħtieġ li l-applikant jibbenefika mid-drittijiet skont dan ir-Regolament u d-Direttiva (UE) 2024/1346 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) hekk kif jagħmel l-applikazzjoni.

(28)

Jenħtieġ li applikazzjoni tiġi rreġistrata minnufih wara li tiġi ppreżentata. F’dak l-istadju, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti responsabbli għar-reġistrazzjoni tal-applikazzjonijiet jew l-esperti mibgħuta mill-Aġenzija għall-Ażil li jassistuhom f’dak il-kompitu jirreġistraw l-applikazzjoni flimkien mad-dettalji personali tal-applikant. Jenħtieġ li dawk l-awtoritajiet jew esperti jinfurmaw lill-applikant dwar id-drittijiet u l-obbligi tiegħu, kif ukoll il-konsegwenzi għall-applikant fil-każ ta’ nonkonformità ma’ dawk l-obbligi. Jenħtieġ li l-organizzazzjonijiet li jaħdmu mal-awtoritajiet kompetenti u jassistuhom ikunu wkoll jistgħu jipprovdu din l-informazzjoni. Jenħtieġ li l-applikant jingħata dokument li jindika li tkun saret u ġiet irreġistrata applikazzjoni. Il-limitu ta’ żmien għall-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni jibda jiddekorri mill-mument li fih tiġi rreġistrata l-applikazzjoni.

(29)

Il-preżentazzjoni tal-applikazzjoni huwa l-att li jifformalizza l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. Jenħtieġ li l-applikant jingħata l-informazzjoni meħtieġa dwar kif u fejn għandu jippreżenta l-applikazzjoni tiegħu, u jingħata opportunità effettiva biex jagħmel dan. F’dan l-istadju huwa wkoll meħtieġ li malajr kemm jista’ jkun jippreżenta l-elementi u d-dokumenti kollha għad-dispożizzjoni tiegħu meħtieġa biex jissostanzjaw u jikkompletaw l-applikazzjoni, sakemm mhux previst mod ieħor f’dan ir-Regolament. Il-limitu ta’ żmien għall-proċedura amministrattiva jibda jiddekorri mill-mument li fih tiġi ppreżentata applikazzjoni. Ftit wara li tkun ġiet ippreżentata l-applikazzjoni, jenħtieġ li l-applikant jingħata dokument li jinkludi l-istatus tiegħu bħala applikant.

(30)

Huwa partikolarment importanti li jiġi żgurat li l-minuri jingħataw informazzjoni b’mod adattat għat-tfal.

(31)

Jenħtieġ li l-applikant jiġi infurmat sew dwar id-drittijiet u l-obbligi tiegħu fil-ħin u b’lingwa li jifhem, jew li huwa raġonevolment preżunt li jifhem, bil-miktub u jekk meħtieġ bil-fomm. B’kont meħud tal-fatt li fejn, pereżempju, l-applikant jirrifjuta li jikkoopera mal-awtoritajiet nazzjonali billi, b’mod partikolari, ma jipprovdix l-elementi neċessarji għall-eżami tal-applikazzjoni jew billi ma jipprovdix il-marki tas-swaba’ jew l-immaġni tal-wiċċ tiegħu, l-applikazzjoni tiġi miċħuda jew iddikjarata bħalaimpliċitament irtirata, huwa neċessarju li l-applikant ikun ġie infurmat dwar il-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ konformità ma’ dawk l-obbligi.

(32)

Sabiex ikun jista’ jwettaq l-obbligi tiegħu, il-persunal tal-awtoritajiet li japplikaw dan ir-Regolament jenħtieġ li jkollu l-għarfien xieraq u jenħtieġ li jirċievi t-taħriġ fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali, inkluż bl-appoġġ tal-Aġenzija għall-Ażil. Jenħtieġ ukoll li jingħata l-mezzi xierqa, inkluż persunal kompetenti suffiċjenti, u gwida biex iwettaq il-kompiti tiegħu b’mod effettiv. Għal dak il-fini, jenħtieġ li kull Stat Membru jivvaluta regolarment il-ħtiġijiet tal-awtorità determinanti u tal-awtoritajiet kompetenti l-oħrajn biex jiżgura li dawn dejjem ikunu f’pożizzjoni li jittrattaw l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali b’mod effettiv, b’mod partikolari meta jkun hemm għadd sproporzjonat ta’ applikazzjonijiet fl-istess perjodu ta’ żmien.

(33)

Għall-fini ta’ aċċess effettiv għall-proċedura ta’ eżami fil-punti tal-qsim tal-fruntiera u fil-faċilitajiet ta’ detenzjoni, jenħtieġ li ssir disponibbli informazzjoni dwar il-possibbiltà li ssir applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. Il-komunikazzjoni bażika neċessarja biex tippermetti lill-awtoritajiet kompetenti jifhmu jekk il-persuni jiddikjarawx ix-xewqa tagħhom li jagħmlu applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali jenħtieġ li tiġi żgurata permezz ta’ arranġamenti għall-interpretazzjoni.

(34)

Jenħtieġ li dan ir-Regolament jipprevedi l-possibbiltà li l-applikanti jippreżentaw applikazzjoni f’isem adulti li jeħtieġu assistenza biex jeżerċitaw kapaċità ġuridika, u minuri fejn skont il-liġi nazzjonali ma jkollhomx il-kapaċità ġuridika li jippreżentaw applikazzjoni f’isimhom stess. Jenħtieġ li jkun permess l-eżami konġunt ta’ dawk l-applikazzjonijiet.

(35)

Sabiex jiġi żgurat li l-minuri mhux akkumpanjati jkollhom aċċess effettiv għall-proċedura u jkunu jistgħu jibbenefikaw mid-drittijiet u jikkonformaw mal-obbligi skont dan ir-Regolament, ir-Regolament (UE) 2024/1351 (9), id-Direttiva (UE) 2024/1346 u r-Regolament (UE) 2024/1358 (10) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, jenħtieġ li jinħatrilhom rappreżentant, inkluż fejn l-applikant jinstab li jkun minuri mhux akkumpanjat fi kwalunkwe mument matul il-proċedura tal-ażil. Jenħtieġ li r-rappreżentant jassisti u jiggwida lill-minuri matul il-proċedura bil-ħsieb li jiġu ssalvagwardjati l-aħjar interessi tat-tfal u jenħtieġ li, b’mod partikolari, jassisti fil-preżentazzjoni tal-applikazzjoni u l-intervista personali. Fejn meħtieġ, ir-rappreżentant jenħtieġ li jippreżenta l-applikazzjoni f’isem il-minuri. Jenħtieġ li persuna tiġi maħtura sabiex tassisti minuri mhux akkumpanjati sakemm jinħatar rappreżentant, inkluż, fejn applikabbli, fir-rigward tal-proċedura ta’ valutazzjoni tal-età u l-proċeduri previsti skont ir-Regolament (UE) 2024/1351 u r-Regolament (UE) 2024/1358. Sabiex jingħata appoġġ effettiv lill-minuri mhux akkumpanjati, jenħtieġ li rappreżentant jew persuna adatta biex taġixxi b’mod proviżorju bħala rappreżentant ikollha r-responsabbiltà għal għadd proporzjonat u limitat ta’ minuri mhux akkumpanjati, u f’ċirkostanzi normali għal mhux aktar minn 30 minuri mhux akkumpanjati, fl-istess waqt. Jenħtieġ li l-Istati Membri jaħtru l-awtoritajiet amministrattivi jew ġudizzjarji jewentitajiet oħra responsabbli mis-superviżjoni fuq bażi regolari ta’ dawn ir-rappreżentanti fit-twettiq tal-kompiti tagħhom. Jenħtieġ li minuri mhux akkumpanjat ikollu d-dritt li jippreżenta applikazzjoni f’ismu jekk ikollu l-kapaċità ġuridika f’konformità mal-liġi nazzjonali. Sabiex jiġu salvagwardjati d-drittijiet u l-garanziji proċedurali ta’ minuri mhux akkumpanjat li ma jkollux kapaċità ġuridika f’konformità mal-liġi nazzjonali, jenħtieġ li l-applikazzjoni tiġi ppreżentata mir-rappreżentant malajr kemm jista’ jkun b’kont meħud tal-aħjar interessi tat-tfal. Jenħtieġ li l-fatt li minuri mhux akkumpanjat jippreżenta applikazzjoni f’ismu stess ma jipprekludihx milli jiġi assenjat rappreżentant.

(36)

Sabiex jiġi żgurat li l-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali jsir b’kunsiderazzjoni xierqa għad-drittijiet tat-tfal, għandhom jiġu pprovduti salvagwardji proċedurali speċifiċi u kundizzjonijiet speċjali ta’ akkoljenza adatti għall-minuri. Fejn, wara dikjarazzjonijiet minn applikant, ikun hemm raġunijiet għal dubju dwar jekk applikant huwiex minuri, jenħtieġ li jkun possibbli li l-awtorità determinanti twettaq valutazzjoni tal-età tal-persuna kkonċernata. Jistgħu jqumu dubji dwar l-età ta’ applikant meta l-applikant jiddikjara li huwa minuri iżda wkoll meta applikant jiddikjara li huwa adult. Minħabba l-vulnerabbiltà partikolari ta’ minuri mhux akkumpanjati, li x’aktarx ma jkollhomx dokumenti ta’ identifikazzjoni jew dokumenti oħra, huwa partikolarment essenzjali li jiġu żgurati salvagwardji b’saħħithom biex jiġi żgurat li tali applikanti ma jkunux soġġetti għal proċeduri ta’ valutazzjoni tal-età skorretti jew mhux raġonevoli.

(37)

Fil-każijiet kollha, il-valutazzjonijiet tal-età jenħtieġ li jitwettqu b’mod li jagħti kunsiderazzjoni primarja lill-aħjar interessi tat-tfal matul il-proċedura. Valutazzjoni tal-età jenħtieġ li ssir f’żewġ stadji. L-ewwel pass jenħtieġ li jinkludi valutazzjoni multidixxiplinari, li tista’ tinkludi valutazzjoni psikosoċjali u metodi oħrajn mhux mediċi, bħal intervista, valutazzjoni viżwali bbażata fuq id-dehra fiżika jew valutazzjoni tad-dokumentazzjoni. Tali valutazzjoni jenħtieġ li ssir minn professjonisti b’għarfien espert fl-istima tal-età u fl-iżvilupp tat-tfal, bħal ħaddiema soċjali, psikologi jew pedjatri, sabiex jiġu vvalutati diversi fatturi, bħal fatturi fiżiċi, psikoloġiċi, tal-iżvilupp, ambjentali u kulturali. Jekk ir-riżultat tal-valutazzjoni tal-età multidixxiplinari ma jkunx konklużiv, jenħtieġ li jkun possibbli, bħala t-tieni pass, li l-awtorità determinanti titlob eżami mediku, bħala miżura tal-aħħar istanza, u b’rispett sħiħ għad-dinjità tal-individwu. Fejn jistgħu jiġu segwiti proċeduri differenti, jenħtieġ li eżami mediku jipprijoritizza l-proċeduri l-inqas invażivi qabel ma jipproċedi għal dawk aktar invażivi filwaqt li jqis il-gwida mill-Aġenzija għall-Ażil fejn rilevanti. Jekk wara l-valutazzjoni tal-età, ir-riżultati jibqgħu inkonklużivi, jenħtieġ li l-awtorità determinanti tassumi li l-applikant huwa minuri.

(38)

Sabiex ikunu garantiti d-drittijiet tal-applikanti, jenħtieġ li d-deċiżjonijiet dwar l-applikazzjonijiet kollha għal protezzjoni internazzjonali jittieħdu abbażi tal-fatti, oġġettivament, b’mod imparzjali u fuq bażi individwali wara eżami fil-fond li jikkunsidra l-elementi kollha pprovduti mill-applikant u ċ-ċirkostanzi individwali tal-applikant. Sabiex ikun żgurat eżami rigoruż ta’ applikazzjoni, jenħtieġ li l-awtorità determinanti tikkunsidra informazzjoni rilevanti, preċiża u aġġornata relatata mas-sitwazzjoni prevalenti fil-pajjiż ta’ oriġini tal-applikant fil-waqt li tkun qed tieħu deċiżjoni dwar l-applikazzjoni. Dik l-informazzjoni tista’ tinkiseb mill-Aġenzija għall-Ażil u sorsi oħra bħall-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati. Jenħtieġ li l-awtorità determinanti, fejn disponibbli, tqis ukoll l-analiżi komuni dwar is-sitwazzjoni f’pajjiżi ta’ oriġini speċifiċi u n-noti ta’ gwida żviluppati mill-Aġenzija għall-Ażil. Kwalunkwe posponiment tal-konklużjoni tal-proċedura jenħtieġ li jkun kompletament konformi mal-obbligi tal-Istati Membri skont ir-Regolament (UE) 2024/1347 u mad-dritt għal amministrazzjoni tajba, mingħajr preġudizzju għall-effiċjenza u l-ġustizzja tal-proċedura skont dan ir-Regolament.

(39)

Sabiex ikunu garantiti d-drittijiet tal-applikant, jenħtieġ li d-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni tiegħu tingħata bil-miktub. Fejn id-deċiżjoni ma tagħtix protezzjoni internazzjonali, l-applikant jenħtieġ li jingħata raġunijiet fil-fatt u fil-liġi, informazzjoni dwar il-konsegwenzi tad-deċiżjoni u l-modalitajiet għall-kontestazzjoni tagħha.

(40)

Sabiex tiżdied l-effiċjenza tal-proċeduri u biex jitnaqqas ir-riskju ta’ ħarba u l-probabbiltà ta’ movimenti mhux awtorizzati, jenħtieġ li ma jkun hemm l-ebda lakuni proċedurali bejn il-ħruġ ta’ deċiżjoni negattiva dwar applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali u l-ħruġ tad-deċiżjoni ta’ ritorn. Id-deċiżjoni ta’ ritorn jenħtieġ li tinħareġ immedjatament lill-applikanti li l-applikazzjonijiet tagħhom jiġu miċħuda. Mingħajr preġudizzju għad-dritt għal rimedju effettiv, id-deċiżjoni ta’ ritorn jenħtieġ li tkun jew parti mid-deċiżjoni negattiva dwar applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali jew, jekk tkun att separat, tinħareġ fl-istess ħin u flimkien mad-deċiżjoni negattiva jew mingħajr dewmien żejjed wara dan.

(41)

Fil-każ ta’ estradizzjoni, konsenja jew trasferiment minn qorti jew tribunal kriminali internazzjonali għal pajjiż terz jew għal Stat Membru ieħor, l-awtorità kompetenti rilevanti tista’ tqis l-elementi li ġew ikkunsidrati meta ttieħdet id-deċiżjoni dwar l-estradizzjoni, il-konsenja jew it-trasferiment li jistgħu jkunu rilevanti għal valutazzjoni tar-riskju ta’ refoulement dirett jew indirett.

(42)

Huwa neċessarju li deċiżjonijiet dwar applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali jittieħdu minn awtoritajiet li l-persunal tagħhom ikollu l-għarfien xieraq u jkun irċieva taħriġ adegwat, inkluż it-taħriġ rilevanti tal-Aġenzija għall-Ażil, fl-istandards rilevanti applikabbli fil-qasam tal-liġi dwar l-ażil u dwar ir-refuġjati, u li jwettaq l-attivitajiet tiegħu bir-rispett li jistħoqqilhom il-prinċipji etiċi applikabbli. Jenħtieġ li dak japplika għall-persunal tal-awtoritajiet minn Stati Membri oħra u esperti mibgħuta mill-Aġenzija għall-Ażil biex jassistu lill-awtorità determinanti ta’ Stat Membru fl-eżami ta’ applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali.

(43)

Mingħajr preġudizzju għat-twettiq ta’ eżami adegwat u komplet ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, huwa fl-interess kemm tal-Istati Membri kif ukoll tal-applikanti li tittieħed deċiżjoni kemm jista’ jkun malajr. Jenħtieġ li l-limiti ta’ żmien massimi għat-tul tal-proċedura amministrattiva jiġu stabbiliti sabiex jissimplifikaw il-proċedura tal-protezzjoni internazzjonali. Jenħtieġ li b’dan il-mod, l-applikanti jkunu jistgħu jirċievu deċiżjoni dwar l-applikazzjoni tagħhom fl-iqsar żmien possibbli fl-Istati Membri kollha, biex b’hekk tkun żgurata proċedura rapida u effiċjenti.

(44)

Sabiex jitqassar iż-żmien tal-proċedura kollha f’ċerti każijiet, jenħtieġ li l-Istati Membri jkollhom il-flessibbiltà, f’konformità mal-ħtiġijiet nazzjonali tagħhom, li jagħtu prijorità lill-eżami ta’ kwalunkwe applikazzjoni billi tiġi eżaminata qabel applikazzjonijiet oħra li kienu saru qabilha. Il-prijoritizzazzjoni tal-eżami tal-applikazzjonijiet jenħtieġ li ssir mingħajr deroga mill-proċeduri applikabbli normalment, b’mod partikolari l-proċedura ta’ ammissibbiltà jew il-proċedura aċċellerata ta’ eżami, il-limiti ta’ żmien, il-prinċipji u l-garanziji. Għalhekk jenħtieġ li r-rekwiżit, skont dan ir-Regolament, li ċerti applikazzjonijiet jiġu eżaminati skont il-proċedura aċċellerata jew skont il-proċedura fuq il-fruntiera jkun mingħajr preġudizzju għall-flessibbiltà tal-Istati Membri li jiddeċiedu jekk jipprijoritizzawx tali applikazzjonijiet jew le. F’ċerti ċirkostanzi, b’mod partikolari meta familji li jkollhom minuri jkunu soġġetti għall-proċedura fuq il-fruntiera, l-Istati Membri jenħtieġ li jagħtu prijorità lill-eżami tal-applikazzjoni tagħhom.

(45)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jkollhom il-possibbiltà li jiċħdu applikazzjoni bħala inammissibbli pereżempju meta pajjiż li ma jkunx Stat Membru jitqies li jkun l-ewwel pajjiż ta’ ażil jew pajjiż terz sikur għall-applikant jew meta qorti jew tribunal internazzjonali jkun pprovda rilokazzjoni sikura lill-applikant lejn Stat Membru jew pajjiż terz jew meta l-applikazzjoni ssir biss wara sebat ijiem ta’ xogħol mid-data li fiha l-applikant jirċievi d-deċiżjoni ta’ ritorn dment li jkun ġie infurmat dwar il-konsegwenzi jekk ma jagħmilx applikazzjoni f’dak il-limitu ta’ żmien u li ma jkun feġġ l-ebda element rilevanti ġdid. Peress li s-CEAS hija bbażata fuq fiduċja reċiproka u preżunzjoni ta’ konformità mad-drittijiet fundamentali, inkluż id-drittijiet ibbażati fuq il-Konvenzjoni ta’ Ġinevra, u fuq il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, il-fatt li Stat Membru ieħor ikun diġà ta protezzjoni internazzjonali huwa, bħala regola, raġuni biex applikazzjoni mill-istess applikant tiġi miċħuda bħala inammissibbli. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-Istati Membri jkollhom il-possibbiltà li jiċħdu applikazzjoni bħala inammissibbli meta applikant ikun diġà ngħata protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru ieħor. Barra minn hekk, jenħtieġ li applikazzjoni titqies bħala inammissibbli meta tkun applikazzjoni sussegwenti mingħajr elementi rilevanti ġodda.

(46)

Għall-applikazzjoni tal-kunċetti tal-ewwel pajjiż ta’ ażil u pajjiż terz sikur, huwa essenzjali li l-pajjiż terz li fir-rigward tiegħu jiġu applikati l-kunċetti jkun parti għall-Konvenzjoni ta’ Ġinevra u jikkonforma magħha, sakemm dak il-pajjiż terz ma jipprevedix mod ieħor protezzjoni effettiva fil-liġi u fil-prattika f’konformità mal-istandards bażiċi tad-drittijiet tal-bniedem bħall-aċċess għal mezzi ta’ sussistenza suffiċjenti biex jinżamm standard ta’ għajxien adegwat b’kunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni ġenerali ta’ dak il-pajjiż terz ospitanti, l-aċċess għal kura tas-saħħa u trattament essenzjali ta’ mard u għall-edukazzjoni fil-kundizzjonijiet ġeneralment previsti f’dak il-pajjiż terz. Jenħtieġ li din il-protezzjoni effettiva tibqa’ disponibbli sakemm tkun tista’ tinstab soluzzjoni durabbli. Jenħtieġ li jkun possibbli li pajjiż terz jiġi ddeżinjat bħala pajjiż terz sikur b’eċċezzjonijiet għal partijiet speċifiċi tat-territorju tiegħu jew kategoriji ta’ persuni identifikabbli b’mod ċar.

(47)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jkollhom il-possibbiltà li japplikaw il-kunċett tal-ewwel pajjiż ta’ ażil bħala raġuni għall-inammissibbiltà meta l-applikant ikun gawda protezzjoni effettiva u jkun għadu jista’ jagħmel użu minn dik il-protezzjoni f’pajjiż terz, fejn ħajtu u l-libertà tiegħu ma jkunux mhedda minħabba r-razza, ir-reliġjon, iċ-ċittadinanza, is-sħubija fi grupp soċjali partikolari jew l-opinjoni politika, fejn la jkun soġġett għal persekuzzjoni u lanqas ma jkun qed jiffaċċa riskju reali ta’ ħsara serja kif definit fir-Regolament (UE) 2024/1347 u fejn l-applikant ikun protett kontra r-refoulement u kontra t-tneħħija li jiksru d-dritt għall-protezzjoni mit-tortura u minn trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti kif stabbilit fil-liġi internazzjonali.

(48)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jkollhom il-possibbiltà li japplikaw il-kunċett ta’ pajjiż terz sikur bħala raġuni għall-inammissibbiltà fejn teżisti l-possibbiltà li l-applikant jitlob u, jekk il-kundizzjonijiet jiġu ssodisfati, jirċievi protezzjoni effettiva f’pajjiż terz, fejn ħajtu u l-libertà tiegħu ma jkunux mhedda minħabba r-razza, ir-reliġjon, iċ-ċittadinanza, is-sħubija fi grupp soċjali partikolari jew l-opinjoni politika, fejn la jkun soġġett għal persekuzzjoni u lanqas ma jiffaċċa riskju reali ta’ ħsara serja kif definit fir-Regolament (UE) 2024/1347 u fejn ikun protett kontra r-refoulement u kontra t-tneħħija li jiksru d-dritt għall-protezzjoni mit-tortura u minn trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti kif stabbilit fil-liġi internazzjonali. Madankollu, jenħtieġ li l-awtoritajiet determinanti tal-Istati Membri jżommu d-dritt li jivvalutaw il-merti ta’ applikazzjoni anke jekk il-kundizzjonijiet biex din titqies bħala inammissibbli jiġu ssodisfati, b’mod partikolari meta jkunu mġiegħla jagħmlu dan skont l-obbligi nazzjonali tagħhom. Stat Membru jenħtieġ li jkun jista’ japplika l-kunċett ta’ pajjiż terz sikur biss fejn ikun hemm rabta bejn l-applikant u l-pajjiż terz li abbażi tagħha jkun raġonevoli li l-applikant imur f’dak il-pajjiż. Ir-rabta bejn l-applikant u l-pajjiż terz sikur tista’ tiġi kkunsidrata stabbilita b’mod partikolari fejn il-membri tal-familja tal-applikant ikunu preżenti f’dak il-pajjiż jew fejn l-applikant ikun stabbilixxa ruħu jew għex f’dak il-pajjiż.

(49)

Il-preżunzjoni tas-sikurezza fir-rigward ta’ pajjiżi terzi li magħhom ikunu ġew konklużi ftehimiet tat-tip imsemmi f’dan ir-Regolament ma tapplikax fil-każ li tali ftehimiet jiġu sospiżi f’konformità mal-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

(50)

Jenħtieġ li l-kunċetti tal-ewwel pajjiż ta’ ażil u pajjiż terz sikur ma jiġux applikati fir-rigward ta’ applikant li japplika u huwa intitolat li jibbenefika, fl-Istat Membru li jeżamina l-applikazzjoni, mid-drittijiet stipulati fid-Direttiva tal-Kunsill 2003/86/KE (11) jew id-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12) bħala membru tal-familja ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz jew ta’ ċittadin tal-Unjoni.

(51)

Meta jiġi vvalutat jekk il-kriterji għal protezzjoni effettiva kif stipulati f’dan ir-Regolament humiex issodisfati minn pajjiż terz, jenħtieġ li l-aċċess għal mezzi ta’ sussistenza suffiċjenti biex jinżamm standard ta’ għajxien adegwat jinftiehem li jinkludi l-aċċess għall-ikel, l-ilbies, l-akkomodazzjoni jew il-kenn u d-dritt għal impjieg bi ħlas, pereżempju permezz ta’ aċċess għas-suq tax-xogħol, taħt kundizzjonijiet mhux inqas favorevoli minn dawk għal persuni li mhumiex ċittadini tal-pajjiż terz b’mod ġenerali fl-istess ċirkostanzi.

(52)

Sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jiċħdu applikazzjoni bħala inammissibbli fuq il-bażi tal-kunċetti tal-ewwel pajjiż ta’ ażil jew pajjiż terz sikur jenħtieġ li titwettaq valutazzjoni individwali taċ-ċirkostanzi partikolari tal-applikant, inkluż ta’ kwalunkwe element ippreżentat mill-applikant li jispjega għaliex dawk il-kunċetti ma jkunux applikabbli għalih. Fejn l-applikant ikun minuri mhux akkumpanjat, jenħtieġ li l-awtorità kompetenti tqis l-aħjar interessi tal-minuri, b’mod partikolari dwar id-disponibbiltà ta’ indukrar u arranġamenti ta’ kustodja xierqa u sostenibbli.

(53)

Jenħtieġ li applikazzjoni ma tiġix miċħuda bħala inammissibbli fuq il-bażi tal-kunċetti tal-ewwel pajjiż ta’ ażil jew pajjiż terz sikur fejn ikun diġà ċar fl-istadju tal-eżami ta’ ammissibbiltà li l-pajjiż terz ikkonċernat mhux ser jaċċetta jew jaċċetta mill-ġdid lill-applikant. Barra minn hekk, jekk l-applikant eventwalment ma jiġix ammess jew riammess fil-pajjiż terz wara li l-applikazzjoni tkun ġiet miċħuda bħala inammissibbli, jenħtieġ li l-applikant jerġa’ jkollu aċċess għall-proċedura tal-protezzjoni internazzjonali f’konformità ma’ dan ir-Regolament.

(54)

Applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali jenħtieġ li tiġi eżaminata fuq il-merti tagħha biex ikun determinat jekk applikant jikkwalifikax għal protezzjoni internazzjonali skont ir-Regolament (UE) 2024/1347. Ma hemmx bżonn li jsir eżami fuq il-merti fejn applikazzjoni tiġi miċħuda bħala inammissibbli f’konformità ma dan ir-Regolament, fejn Stat Membru ieħor ikun responsabbli f’konformità mar-Regolament (UE) 2024/1351 jew fejn applikazzjoni tiġi ddikjarata bħala impliċitament jew espliċitament irtirata.

(55)

Jenħtieġ li l-eżami ta’ applikazzjoni jiġi aċċellerat u jitlesta fi żmien massimu ta’ tliet xhur f’għadd limitat ta’ każijiet inkluż meta applikant ikun ġej minn pajjiż ta’ oriġini sikur jew applikant ikun qed jagħmel applikazzjoni sempliċiment biex jittardja jew ifixkel l-infurzar ta’ ordni ta’ tneħħija, jew fejn ikun hemm tħassib serju dwar is-sigurtà nazzjonali jew l-ordni pubbliku. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu japplikaw proċedura aċċellerata ta’ eżami għal minuri mhux akkumpanjati biss fiċ-ċirkostanzi limitati li jinsabu f’dan ir-Regolament.

(56)

Fl-interess ta’ proċeduri rapidi u ġusti għall-applikanti kollha, filwaqt li jiġi żgurat ukoll li s-soġġorn ta’ applikanti li ma jikkwalifikawx għal protezzjoni internazzjonali fl-Unjoni ma jittawwalx bla bżonn, inkluż dawk li huma ċittadini ta’ pajjiżi terzi eżentati mir-rekwiżit li jkunu fil-pussess ta’ viża skont ir-Regolament (UE) Nru 2018/1806, jenħtieġ li l-Istati Membri jaċċelleraw l-eżami tal-applikazzjonijiet ta’ applikanti li huma ċittadini jew, fil-każ ta’ persuni apolidi, residenti abitwali preċedenti ta’ pajjiż terz li għalihom, is-sehem tad-deċiżjonijiet li jagħtu protezzjoni internazzjonali huwa 20 % jew inqas tal-għadd totali ta’ deċiżjonijiet għal dak il-pajjiż terz, filwaqt li jitqiesu, fost oħrajn, id-differenzi sinifikanti bejn id-deċiżjonijiet tal-ewwel istanza u dawk finali. Fejn tkun seħħet bidla sinifikanti fil-pajjiż terz ikkonċernat minn mindu ġiet ippubblikata d-data rilevanti tal-Eurostat u b’kont meħud tan-nota ta’ gwida skont l-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) 2021/2303, jew fejn l-applikant jappartjeni għal kategorija speċifika ta’ persuni li għalihom ir-rata baxxa ta’ rikonoxximent ma tistax titqies li tkun rappreżentattiva tal-ħtiġijiet ta’ protezzjoni tagħhom minħabba raġuni speċifika ta’ persekuzzjoni, jenħtieġ li l-eżami tal-applikazzjoni ma jiġix aċċellerat. Il-każijiet fejn pajjiż terz jista’ jitqies li jkun pajjiż ta’ oriġini sikur jew pajjiż terz sikur għall-applikant skont it-tifsira ta’ dan ir-Regolament jenħtieġ li jibqgħu applikabbli bħala raġuni separata għal, rispettivament, il-proċedura aċċellerata ta’ eżami jew il-proċedura ta’ ammissibbiltà.

(57)

Ħafna applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali jsiru fil-fruntiera esterna jew f’żona ta’ tranżitu ta’ Stat Membru, inkluż minn persuni li jinqabdu b’rabta ma’ qsim irregolari tal-fruntiera esterna, jiġifieri fil-mument preċiż tal-qsim irregolari tal-fruntiera esterna jew qrib dik il-fruntiera esterna wara li nqasmet, jew minn persuni li jkunu ġew żbarkati wara operazzjoni ta’ tfittxija u salvataġġ. Sabiex jitwettaq skrinjar ta’ identifikazzjoni, sigurtà u saħħa fil-fruntiera esterna u sabiex iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi u l-persuni apolidi kkonċernati jiġu diretti għall-proċeduri rilevanti, huwa meħtieġ skrinjar. Wara l-iskrinjar, iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi u l-persuni apolidi jenħtieġ li jiġu direzzjonati għall-proċedura xierqa tal-ażil jew tar-ritorn, jew id-dħul jiġi rrifjutat. Għalhekk, jenħtieġ li tiġi stabbilita fażi ta’ qabel id-dħul li tikkonsisti fi proċeduri ta’ skrinjar u proċeduri fuq il-fruntieri għall-ażil u r-ritorn. Jenħtieġ li jkun hemm rabtiet effiċjenti u bla intopp bejn l-istadji kollha tal-proċeduri rilevanti għall-wasliet irregolari kollha.

(58)

Il-fini tal-proċedura fuq il-fruntiera għall-ażil u r-ritorn jenħtieġ li jkun li jiġi vvalutat malajr fil-prinċipju fil-fruntieri esterni jekk l-applikazzjonijiet ikunux mingħajr bażi jew inammissibbli u li dawk mingħajr dritt ta’ soġġorn jiġu rritornati malajr, b’mod li jirrispetta bis-sħiħ il-prinċipju ta’ non-refoulement, filwaqt li jiġi żgurat li dawk b’talbiet li jkollhom bażi soda jiġu direzzjonati lejn il-proċedura regolari u jingħataw aċċess rapidu għal protezzjoni internazzjonali. Għalhekk, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jitolbu lill-applikanti għal protezzjoni internazzjonali biex bħala regola ġenerali jirrisjedu fil-fruntiera esterna jew qrib tagħha jew f’żona ta’ tranżitu, jew f’postijiet deżinjati oħra fit-territorju tagħhom, sabiex jivvalutaw l-ammissibbiltà tal-applikazzjonijiet. F’ċirkostanzi definiti sew, l-Istati Membri jenħtieġ li jkunu jistgħu jipprevedu l-eżami tal-merti ta’ applikazzjoni u, fil-każ ta’ ċaħda tal-applikazzjoni, għar-ritorn taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi u persuni apolidi kkonċernati. Sabiex iwettqu l-proċeduri tal-ażil fuq il-fruntiera, u l-proċedura tar-ritorn fuq il-fruntiera, stabbiliti bir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (UE) 2024/1349 (13), jenħtieġ li l-Istati Membri jieħdu l-miżuri neċessarji biex jistabbilixxu kapaċità adegwata, f’termini ta’ akkoljenza u riżorsi umani, persunal partikolarment kwalifikat u mħarreġ tajjeb, meħtieġa biex fi kwalunkwe mument jiġi eżaminat għadd identifikat ta’ applikazzjonijiet u jiġu infurzati deċiżjonijiet ta’ ritorn.

(59)

Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament fir-rigward tal-kalkolu tan-numri li jikkorrispondu għall-kapaċità adegwata ta’ kull Stat Membru u n-numru massimu ta’ applikazzjonijiet Stat Membru huwa meħtieġ li jeżamina fil-proċedura tal-fruntiera kull sena, jenħtieġ li jingħataw setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni. Jenħtieġ li l-kapaċità adegwata ta’ Stat Membru tiġi stabbilita permezz ta’ formula bbażata fuq l-aggregazzjoni tal-qsim mhux awtorizzat tal-fruntieri, kif irrappurtat mill-Istati Membri lill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta stabbilita permezz tar-Regolament (UE) 2019/1896 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14) (“Frontex”), li tinkludi wkoll wasliet wara operazzjonijiet ta’ tfittxija u salvataġġ, u rifjuti ta’ dħul fil-fruntiera esterna, skont id-data tal-Eurostat, ikkalkulata fuq perjodu ta’ tliet snin. Meta l-att ta’ implimentazzjoni jiġi adottat f’konformità ma’ dan ir-Regolament, l-adozzjoni tiegħu jenħtieġ li tiġi allinjata mal-adozzjoni tar-Rapport Ewropew Annwali dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil skont ir-Regolament (UE) 2024/1351, li jivvaluta s-sitwazzjoni tul ir-rotot migratorji kollha u fl-Istati Membri kollha. Bħala element addizzjonali ta’ stabbiltà u prevedibbiltà, jenħtieġ li jiġi ffissat l-għadd massimu ta’ applikazzjonijiet li Stat Membru jenħtieġ li jkun meħtieġ jeżamina fil-proċedura fuq il-fruntiera kull sena, li jammonta għal erba’ darbiet tal-kapaċità adegwata ta’ dak l-Istat Membru. Jenħtieġ li l-portata tal-obbligu tal-Istat Membru li jistabbilixxi l-kapaċità adegwata jieħu kont xieraq tat-tħassib tal-Istati Membri rigward is-sigurtà nazzjonali u l-ordni pubbliku. Huma biss l-applikazzjonijiet soġġetti għall-proċedura fuq il-fruntiera li jenħtieġ li jitqiesu biex tiġi kkalkulata l-kapaċità adegwata.

(60)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jivvalutaw l-applikazzjonijiet fi proċedura fuq il-fruntiera fejn l-applikant ikun ta’ periklu għas-sigurtà nazzjonali jew għall-ordni pubbliku, fejn l-applikant, wara li jkun ingħata l-opportunità sħiħa li juri raġuni tajba, jitqies li inganna intenzjonalment lill-awtoritajiet billi ppreżenta informazzjoni jew dokumenti foloz jew billi żamm għalih informazzjoni jew dokumenti rilevanti fir-rigward tal-identità jew tan-nazzjonalità tiegħu li setgħu kellhom impatt negattiv fuq id-deċiżjoni u fejn x’aktarx l-applikazzjoni hija mingħajr bażi minħabba li l-applikant huwa ta’ nazzjonalità li għaliha l-proporzjon ta’ deċiżjonijiet li jagħtu protezzjoni internazzjonali huma 20 % jew anqas tan-numru totali ta’ deċiżjonijiet għal dak il-pajjiż terz. Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 50, it-tielet paragrafu, ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li jingħataw setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni. F’każijiet oħra, bħal meta l-applikant ikun minn pajjiż ta’ oriġini sikur jew minn pajjiż terz sikur, jenħtieġ li l-użu tal-proċedura fuq il-fruntiera jkun fakultattiv għall-Istati Membri.

(61)

Skont il-Kapitolu IV tad-Direttiva (UE) 2024/1346, l-Istati Membri li jipprovdu faċilitajiet ta’ akkoljenza għat-twettiq tal-proċedura tal-ażil fuq il-fruntiera għandhom l-obbligu li jqisu s-sitwazzjoni u l-ħtiġijiet speċjali ta’ persuni vulnerabbli, inkluż minuri, persuni b’diżabilità u persuni anzjani. Konsegwentement, jenħtieġ li tali persuni jiġu ammessi biss għal proċedura fuq il-fruntiera f’każ li l-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza f’dik il-proċedura jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fil-Kapitolu IV ta’ dik id-Direttiva. Barra minn hekk, f’każ li l-kundizzjonijiet tal-akkoljenza disponibbli bħala parti minn proċedura fuq il-fruntiera ma jibqgħux jikkonformaw mar-rekwiżiti u l-istandards stabbiliti fil-Kapitolu IV ta’ dik id-Direttiva, jenħtieġ li l-proċedura fuq il-fruntiera ma tibqax tapplika għall-persuni kkonċernati.

(62)

Jista’ jkun hemm ukoll ċirkostanzi fejn, irrispettivament mill-faċilitajiet disponibbli, is-sitwazzjoni speċifika jew il-ħtiġijiet speċjali tal-applikanti fi kwalunkwe każ jipprekluduhom milli jiġu ammessi jew milli jibqgħu fi proċedura fuq il-fruntiera. F’dan il-kuntest, jenħtieġ li ma tiġix applikata proċedura fuq il-fruntiera, jew jenħtieġ li tieqaf tapplika, fejn l-appoġġ meħtieġ ma jkunx jista’ jingħata lill-applikanti fi bżonn ta’ garanziji proċedurali speċjali jew fejn ikun ġustifikat għal raġunijiet ta’ saħħa, fosthom raġunijiet relatati mas-saħħa mentali ta’ persuna. Bl-istess mod, b’kont meħud tal-importanza tad-drittijiet tat-tfal u tal-ħtieġa li jitqiesu l-aħjar interessi tat-tfal, jenħtieġ li l-minuri mhux akkumpanjati, bħala regola, ma jiġux soġġetti għall-proċedura fuq il-fruntiera sakemm ma jkunx hemm raġunijiet validi biex jitqies li l-minuri jirrappreżenta periklu għas-sigurtà nazzjonali jew għall-ordni pubbliku tal-Istat Membru jew l-applikant ikun tkeċċa bil-forza għal raġunijiet serji ta’ sigurtà nazzjonali jew ordni pubbliku skont il-liġi nazzjonali.

(63)

Jenħtieġ li ma tiġix applikata proċedura fuq il-fruntiera, jew jenħtieġ li tieqaf tapplika, meta din twassal għad-detenzjoni tal-applikanti f’ċirkostanzi fejn il-kundizzjonijiet għad-detenzjoni ta’ persuni u l-garanziji applikabbli għad-detenzjoni kif stipulati fid-Direttiva (UE) 2024/1346 ma jkunux issodisfati.

(64)

Minħabba li l-fini tal-proċedura fuq il-fruntiera huwa fost oħrajn li tippermetti l-valutazzjoni rapida ta’ applikazzjonijiet li x’aktarx ikunu inammissibbli jew mingħajr bażi, bil-ħsieb li jsir possibbli r-ritorn rapidu ta’ dawk li ma jkollhomx dritt ta’ soġġorn, jenħtieġ li dik il-proċedura ma tiġix applikata jew tieqaf tapplika meta l-awtorità determinanti tqis li r-raġunijiet għaċ-ċaħda ta’ applikazzjoni bħala inammissibbli jew għall-applikazzjoni tal-proċedura ta’ eżami aċċellerata ma jkunux applikabbli jew ma jkunux għadhom applikabbli.

(65)

Meta japplikaw il-proċedura fuq il-fruntiera għall-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li jsiru l-arranġamenti meħtieġa biex jakkomodaw lill-applikanti fil-fruntiera esterna jew fiż-żoni ta’ tranżitu jew qribhom bħala regola ġenerali, skont id-Direttiva (UE) 2024/1346. L-Istati Membri jistgħu jeżaminaw l-applikazzjonijiet f’post differenti fil-fruntiera esterna minn dak fejn issir l-applikazzjoni għall-ażil billi jittrasferixxu lill-applikanti għal post speċifiku fuq il-fruntiera esterna tal-Istat Membru kkonċernat jew qribha, jew f’postijiet deżinjati oħra fit-territorju tiegħu fejn jeżistu faċilitajiet xierqa. Jenħtieġ li l-Istati Membri jżommu d-diskrezzjoni fid-deċiżjoni dwar f’liema postijiet speċifiċi jiġu stabbiliti tali faċilitajiet. Madankollu, jenħtieġ li l-Istati Membri jfittxu li jillimitaw il-ħtieġa għat-trasferiment tal-applikanti għal dan il-fini, u għalhekk jimmiraw li jistabbilixxu tali faċilitajiet b’kapaċità suffiċjenti fil-punti ta’ qsim tal-fruntieri, jew taqsimiet tal-fruntiera esterna, fejn issir il-maġġoranza tal-għadd ta’ applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali, filwaqt li jitqies ukoll it-tul tal-fruntiera esterna u l-għadd ta’ punti ta’ qsim tal-fruntiera jew żoni ta’ tranżitu. Jenħtieġ li huma jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-postijiet speċifiċi fejn ser jitwettqu l-proċeduri fuq il-fruntiera..

(66)

Minħabba li ċerti faċilitajiet jistgħu jkunu f’postijiet b’aċċessibbiltà diffiċli, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw aċċess adegwat għall-persunal li jaħdem f’faċilitajiet bħal dawn.

(67)

Jenħtieġ li l-aħjar interessi tat-tfal ikunu konsiderazzjoni primarja għall-Istati Membri meta jimplimentaw id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament li possibbilment jaffetwaw minuri. F’dan il-kuntest, u minħabba l-bżonnijiet speċjali ta’ akkoljenza tal-minuri, fejn tiġi applikata l-proċedura fuq il-fruntiera u l-għadd ta’ applikanti f’mument partikolari jaqbeż l-għadd li jikkorrispondi għall-kapaċità adegwata ta’ Stat Membru, jenħtieġ li dak l-Istat Membru ma jagħtix prijorità lill-minuri u lill-membri tal-familja tagħhom biex jiddetermina lil min ser jissoġġetta għall-proċedura fuq il-fruntiera, sakemm ma jitqisux, għal raġunijiet serji, li joħolqu periklu għas-sigurtà nazzjonali u għall-ordni pubbliku ta’ Stat Membru. Meta jiġu soġġetti għall-proċedura tal-fruntiera, l-eżami tal-applikazzjonijiet tal-minuri u tal-membri tal-familja tagħhom jenħtieġ li jingħata prijorità. Il-faċilitajiet ta’ akkoljenza għall-minuri u l-membri tal-familja tagħhom jenħtieġ li jkunu xierqa għall-ħtiġijiet tagħhom, b’rispett sħiħ tad-Direttiva (UE) 2024/1346. Minħabba li l-protezzjoni tat-tfal hija ta’ importanza primarja, fejn l-informazzjoni miksuba permezz tal-monitoraġġ magħmul skont ir-Regolament (UE) 2021/2303 tindika nuqqas minn Stat Membru li jikkonforma mar-rekwiżiti ta’ akkoljenza għall-minuri u l-membri tal-familja tagħhom, jenħtieġ li l-Kummissjoni tirrakkomanda li l-applikazzjoni tal-proċedura fuq il-fruntiera għal familji b’minuri tiġi sospiża, u l-Istat Membru kkonċernat jenħtieġ li jinforma lill-Kummissjoni dwar il-miżuri meħuda biex jiġi indirizzat kwalunkwe nuqqas imsemmi fir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni. Jenħtieġ li r-rakkomandazzjoni tiġi ppubblikata.

(68)

Jenħtieġ li t-tul ta’ żmien tal-proċedura fuq il-fruntiera għall-eżami ta’ applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali jkun qasir kemm jista’ jkun filwaqt li fl-istess ħin jiggarantixxi eżami sħiħ u ġust tat-talbiet. Jenħtieġ li fi kwalunkwe każ ma jaqbiżx it-12-il ġimgħa, inkluż id-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli. L-Istati Membri jenħtieġ li jkunu jistgħu jestendu din l-iskadenza għal 16-il ġimgħa fejn il-persuna tiġi trasferita skont ir-Regolament (UE) 2024/1351. Jenħtieġ li din l-iskadenza tinftiehem bħala skadenza awtonoma għall-proċedura tal-ażil fuq il-fruntiera, minn meta ssir ir-reġistrazzjoni tal-applikazzjoni sakemm l-applikant ma jkollux id-dritt li jibqa’ u ma jitħalliex jibqa’ fit-territorju. F’dan il-perjodu, l-Istati Membri huma intitolati li jistabbilixxu l-iskadenza fil-liġi nazzjonali kemm għall-passi amministrattivi kif ukoll għad-diversi passi proċedurali sussegwenti, iżda jenħtieġ li jistabbiluhom b’mod li jiżguraw li l-proċedura ta’ eżami tiġi konkluża u li sussegwentement, jekk ikun rilevanti, id-deċiżjoni dwar it-talba biex l-applikant jibqa’ u, jekk applikabbli, id-deċiżjoni dwar l-appell jinħarġu fi żmien 12-il ġimgħa jew, jekk applikabbli, 16-il ġimgħa. Wara dak il-perjodu, jekk l-Istat Membru madankollu jkun naqas milli jieħu d-deċiżjonijiet rilevanti, jenħtieġ li l-applikant jiġi awtorizzat jidħol fit-territorju tal-Istat Membru, soġġett għal eċċezzjonijiet limitati, sabiex titkompla l-proċedura xierqa. Madankollu, id-dħul fit-territorju mhuwiex awtorizzat fejn l-applikant ma jkollu l-ebda dritt li jibqa’, fejn ma jkunx talab li jitħalla jibqa’ għall-finijiet ta’ proċedura ta’ appell, jew fejn qorti jew tribunal ikun iddeċida li jenħtieġ li ma jitħalliex jibqa’ sakemm joħroġ ir-riżultat ta’ proċedura ta’ appell. F’każijiet bħal dawn, biex tiġi żgurata l-kontinwità bejn il-proċedura tal-ażil u l-proċedura ta’ ritorn, jenħtieġ li l-proċedura ta’ ritorn titwettaq ukoll fil-kuntest ta’ proċedura ta’ ritorn fuq il-fruntiera prevista fir-Regolament (UE) 2024/1349 għal perjodu li ma jaqbiżx it-12-il ġimgħa.

(69)

Filwaqt li l-proċedura fuq il-fruntiera għall-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tista’ tiġi applikata mingħajr rikors għad-detenzjoni, jenħtieġ li l-Istati Membri madankollu jkunu jistgħu japplikaw ir-raġunijiet għad-detenzjoni matul il-proċedura fuq il-fruntiera skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva (UE) 2024/1346 sabiex jiddeċiedu dwar id-dritt tal-applikant li jidħol fit-territorju. Jekk matul tali proċedura tintuża d-detenzjoni, jenħtieġ li japplikaw id-dispożizzjonijiet dwar id-detenzjoni ta’ dik id-Direttiva, inkluż il-garanziji għal applikanti detenuti, il-kundizzjonijiet tad-detenzjoni, il-kontroll ġudizzjarju, u l-fatt li tkun meħtieġa valutazzjoni individwali ta’ kull każ. Bħala regola, jenħtieġ li l-minuri ma jinżammux f’detenzjoni. Jenħtieġ li jkun biss f’ċirkostanzi eċċezzjonali, bħala miżura tal-aħħar u wara li jkun ġie stabbilit li ma jistgħux jiġu applikati b’mod effettiv miżuri alternattivi inqas koerċittivi, fost l-oħrajn kollokamenti mhux kustodjali bbażati fuq komunità, u wara li d-detenzjoni tiġi vvalutata bħala fl-aħjar interess tagħhom f’konformità mad-Direttiva (UE) 2024/1346, li jkun possibbli li jiġu detenuti l-minuri.

(70)

Meta applikazzjoni tiġi miċħuda fil-kuntest tal-proċedura fuq il-fruntiera, jenħtieġ li l-applikant, ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida kkonċernata li jkunu immedjatament soġġetti għal deċiżjoni ta’ ritorn jew, fejn il-kundizzjonijiet rilevanti stipulati fir-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15) ikunu ssodisfati, għal rifjut tad-dħul. Biex jiġi ggarantit it-trattament ugwali taċ-ċittadini kollha ta’ pajjiżi terzi u tal-persuni apolidi li l-applikazzjoni tagħhom tkun ġiet miċħuda fil-kuntest tal-proċedura fuq il-fruntiera, fejn Stat Membru jkun iddeċieda li ma japplikax id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16) għad-deroga rilevanti stabbilita fiha għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi u persuni apolidi u li ma joħroġx deċiżjoni ta’ ritorn liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat, it-trattament u l-livell ta’ protezzjoni tal-applikant, ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida kkonċernata jenħtieġ li jkunu f’konformità mad-dispożizzjoni tad-Direttiva 2008/115/KE dwar l-aktar dispożizzjonijiet favorevoli fir-rigward ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dik id-Direttiva u jkunu ekwivalenti għal dawk applikabbli għal persuni soġġetti għal deċiżjoni ta’ ritorn.

(71)

Il-proċedura fuq il-fruntiera jenħtieġ li titwettaq f’konformità sħiħa mal-Karta u mal-liġi tal-Unjoni. Jenħtieġ li kull Stat Membru f’dak il-kuntest jipprevedi mekkaniżmu ta’ monitoraġġ tad-drittijiet fundamentali b’rabta mal-proċedura fuq il-fruntiera li jissodisfa l-kriterji stipulati fir-Regolament (UE) 2024/1356 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (17).

(72)

Fi ħdan il-mandati rispettivi tagħhom, l-aġenziji tal-Unjoni, u b’mod partikolari l-Aġenzija għall-Ażil, jenħtieġ li jkunu jistgħu jipprovdu appoġġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni, fuq talba tagħhom, bil-ħsieb li jiġu żgurati l-implimentazzjoni u l-funzjonament xierqa ta’ dan ir-Regolament, inkluż id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament relatati mal-proċeduri aċċellerati u l-proċeduri fuq il-fruntiera. L-aġenziji tal-Unjoni, u b’mod partikolari l-Aġenzija għall-Ażil, jistgħu jipproponu appoġġ speċifiku lil Stat Membru.

(73)

Jenħtieġ li jkun possibbli li Stat Membru li fih ikun ġie ttrasferit applikant skont ir-Regolament (UE) 2024/1351, jeżamina l-applikazzjoni fi proċedura fuq il-fruntiera sakemm l-applikant ma jkunx għadu ġie awtorizzat jidħol fit-territorju tal-Istati Membri kkonċernati u l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ tali proċedura jkunu ssodisfati fl-Istat Membru li minnu l-applikant ikun ġie ttrasferit u mill-Istat Membru li għalih ikun ġie ttrasferit l-applikant.

(74)

Il-kunċett ta’ ordni pubbliku jista’, fost l-oħrajn, ikopri sentenza ta’ kundanna għat-twettiq ta’ delitt gravi.

(75)

Sakemm applikant ikun jista’ jagħti raġuni tajba, jenħtieġ li n-nuqqas ta’ dokumenti mad-dħul jew l-użu ta’ dokumenti ffalsifikati ma jwassalx per se għal rikors awtomatiku għal proċedura aċċellerata ta’ eżami jew proċedura fuq il-fruntiera.

(76)

Fejn applikant ma jikkonformax ma’ ċerti obbligi li jirriżultaw minn dan ir-Regolament, ir-Regolament (UE) 2024/1351 jew mid-Direttiva (UE) 2024/1346, jenħtieġ li l-applikazzjoni ma tiġix eżaminata aktar u jenħtieġ li fil-prinċipju tiġi miċħuda jew iddikjarata bħala impliċitament irtirata, u kwalunkwe applikazzjoni ġdida mill-istess applikant fl-Istati Membri wara dik id-deċiżjoni għandha titqies bħala applikazzjoni sussegwenti. Meta persuna tkun għamlet applikazzjoni sussegwenti fi Stat Membru ieħor u tiġi ttrasferita lill-Istat Membru responsabbli skont ir-Regolament (UE) 2024/1351, jenħtieġ li l-Istat Membru responsabbli ma jkunx obbligat jeżamina l-applikazzjoni magħmula fl-Istat Membru l-ieħor.

(77)

Fejn applikant jagħmel applikazzjoni sussegwenti mingħajr ma jippreżenta elementi ġodda li jżidu b’mod sinifikanti l-possibbiltà li hu jikkwalifika bħala benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali jew li jirrigwardjaw ir-raġunijiet li għalihom l-applikazzjoni preċedenti kienet miċħuda bħala inammissibbli, jenħtieġ li dik l-applikazzjoni sussegwenti ma tkunx soġġetta għal proċedura tal-eżami ġdida sħiħa. F’dawk il-każijiet, wara eżami preliminari, jenħtieġ li l-applikazzjonijiet jiġu miċħuda bħala inammissibbli f’konformità mal-prinċipju res judicata. Jenħtieġ li l-eżami preliminari jitwettaq fuq il-bażi ta’ preżentazzjonijiet bil-miktub jew intervista personali. B’mod partikolari, l-intervista personali tista’ ma ssirx f’każijiet fejn, mill-preżentazzjonijiet bil-miktub, ikun ċar li l-applikazzjoni ma tagħtix elementi ġodda. Fil-każ ta’ applikazzjonijiet sussegwenti, jistgħu jsiru eċċezzjonijiet għad-dritt tal-individwu li jibqa’ fit-territorju ta’ Stat Membru.

(78)

Applikant li jippreżenta applikazzjoni sussegwenti fl-aħħar minuta sempliċiment sabiex jittardja jew biex ifixkel it-tneħħija tiegħu jenħtieġ li ma jkunx awtorizzat li jibqa’ fit-territorju sal-finalizzazzjoni tad-deċiżjoni li tiddikjara l-applikazzjoni bħala inammissibbli f’każijiet fejn ikun ċar immedjatament għall-awtorità determinanti li ma ġie ppreżentat l-ebda element ġdid u ma hemm l-ebda riskju ta’ refoulement. Jenħtieġ li l-awtorità determinanti toħroġ deċiżjoni skont il-liġi nazzjonali li tikkonferma li dawn il-kriterji huma ssodisfati sabiex l-applikant ma jkunx awtorizzat jibqa’.

(79)

Kunsiderazzjoni ewlenija fir-rigward ta’ jekk applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali jkollhiex bażi soda jew le hija s-sigurtà tal-applikant fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu. B’kunsiderazzjoni għall-fatt li r-Regolament (UE) 2024/1347 għandu l-għan li jikseb livell għoli ta’ konverġenza rigward il-kwalifika ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi u persuni apolidi bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, dan ir-Regolament jistabbilixxi kriterji komuni biex pajjiżi terzi jiġu ddeżinjati bħala pajjiżi ta’ oriġini sikuri, minħabba l-ħtieġa li tissaħħaħ l-applikazzjoni tal-kunċett tal-pajjiż ta’ oriġini sikur bħala għodda essenzjali li tappoġġa l-eżami rapidu ta’ applikazzjonijiet li x’aktarx huma mingħajr bażi.

(80)

Jenħtieġ li jkun possibbli li pajjiż terz jiġi ddeżinjat bħala pajjiż ta’ oriġini sikur b’eċċezzjonijiet għal partijiet speċifiċi tat-territorju tiegħu jew kategoriji ta’ persuni identifikabbli b’mod ċar. Barra minn hekk, il-fatt li pajjiż terz ikun inkluż f’lista ta’ pajjiżi ta’ oriġini sikuri ma jistax jistabbilixxi garanzija assoluta ta’ sikurezza għaċ-ċittadini ta’ dak il-pajjiż, anki għal dawk li ma jappartjenux għal kategorija ta’ persuni li għalihom issir tali eċċezzjoni, u għalhekk ma jwarrabx il-ħtieġa li jkun hemm eżami individwali xieraq tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. Fin-natura stess tagħha, il-valutazzjoni li tkun il-bażi tad-deżinjazzjoni tista’ tieħu kont biss taċ-ċirkostanzi ġenerali, ċivili, legali u politiċi f’dak il-pajjiż u tikkunsidra jekk l-awturi tal-persekuzzjoni, tat-tortura jew ta’ trattament jew kastig inuman jew degradanti humiex soġġetti għal sanzjonijiet fil-prattika meta jinstabu responsabbli f’dak il-pajjiż. Għal din ir-raġuni, jenħtieġ li jkun possibbli li l-kunċett ta’ pajjiż ta’ oriġini sikur jiġi applikat biss meta l-applikant ma jkunx jista’ jipprovdi elementi li jiġġustifikaw għaliex il-kunċett ta’ pajjiż ta’ oriġini sikur ma jkunx applikabbli għalih, fil-qafas ta’ valutazzjoni individwali.

(81)

Jenħtieġ li d-deżinjazzjoni ta’ pajjiżi ta’ oriġini sikuri u pajjiżi terzi sikuri fil-livell tal-Unjoni tindirizza wħud mid-diverġenzi eżistenti bejn il-listi nazzjonali ta’ pajjiżi sikuri stabbiliti mill-Istati Membri. Jenħtieġ li filwaqt li l-Istati Membri jżommu d-dritt li japplikaw jew jintroduċu leġiżlazzjoni li tippermetti d-deżinjazzjoni nazzjonali ta’ pajjiżi terzi minbarra dawk iddeżinjati bħala pajjiżi terzi sikuri jew pajjiżi ta’ oriġini sikuri fil-livell tal-Unjoni, jenħtieġ li tali deżinjazzjoni jew lista komuni tiżgura li l-kunċetti jiġu applikati mill-Istati Membri kollha b’mod uniformi fir-rigward ta’ applikanti li l-pajjiżi tagħhom ta’ oriġini jkunu ddeżinjati jew li għalihom hemm pajjiż terz sikur. Jenħtieġ li dan jiffaċilita l-konverġenza fl-applikazzjoni tal-proċeduri u b’hekk jiġu skoraġġuti wkoll il-movimenti sekondarji ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali.

(82)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni, assistita mill-Aġenzija għall-Ażil, tirrieżamina s-sitwazzjoni f’pajjiżi terzi deżinjati bħala pajjiżi terzi sikuri jew pajjiżi ta’ oriġini sikuri fil-livell tal-Unjoni. Fejn ikun hemm bidla sinifikanti għall-agħar fis-sitwazzjoni ta’ tali pajjiż terz u wara valutazzjoni sostanzjata, jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista’ tissospendi d-deżinjazzjoni ta’ dak il-pajjiż terz bħala pajjiż terz sikur jew pajjiż ta’ oriġini sikur fil-livell tal-Unjoni għal perjodu limitat ta’ żmien permezz ta’ att delegat. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista’ testendi wkoll is-sospensjoni tad-deżinjazzjoni ta’ pajjiż terz bħala pajjiż terz sikur jew pajjiż ta’ oriġini sikur fil-livell tal-Unjoni għal perjodu ta’ sitt xhur, bil-possibbiltà li ġġedded dik l-estensjoni darba. Sabiex jiġu indirizzati bidliet sinifikanti għall-agħar f’pajjiż terz maħtur bħala pajjiż terz sikur jew pajjiż ta’ oriġini sikur fil-livell tal-Unjoni, jenħtieġ li tiġi delegata lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 TFUE fir-rigward tas-sospensjoni tad-deżinjazzjoni ta’ dak il-pajjiż terz bħala pajjiż terz sikur jew pajjiż sikur ta’ oriġini fil-livell tal-Unjoni għal perjodu ta’ sitt xhur fejn il-Kummissjoni tqis, abbażi ta’ valutazzjoni sostanzjata, li l-kundizzjonijiet stabbiliti minn dan ir-Regolament ma għadhomx jiġu ssodisfati, u sabiex tiġi estiża s-sospensjoni tad-deżinjazzjoni ta’ pajjiż terz bħala pajjiż terz sikur jew pajjiż ta’ oriġini sikur fil-livell tal-Unjoni għal perjodu ta’ sitt xhur, bil-possibbiltà li tiġġedded dik l-estensjoni darba. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol tagħha ta’ tħejjija, ukoll fil-livell ta’ esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jiġu mwettqa f’konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (18). B’mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta’ atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta’ atti delegati.

(83)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni kontinwament tirrevedi s-sitwazzjoni f’dak il-pajjiż terz filwaqt li tqis fost l-oħrajn l-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri u l-Aġenzija tal-Ażil dwar bidliet sussegwenti fis-sitwazzjoni ta’ dak il-pajjiż terz. Barra minn hekk, f’dan il-każ, il-Kummissjoni jenħtieġ li tipproponi emenda skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja biex titneħħa l-ħatra ta’ dak il-pajjiż terz bħala pajjiż sikur fil-livell tal-Unjoni fi żmien 3 xhur mill-adozzjoni tal-att delegat li jissospendi dak il-pajjiż terz. Għall-finijiet tal-valutazzjoni sostanzjata, jenħtieġ li l-Kummissjoni tikkunsidra varjetà ta’ sorsi ta’ informazzjoni għad-dispożizzjoni tagħha, b’mod partikolari r-rapporti ta’ progress annwali għal pajjiżi terzi ddeżinjati bħala pajjiżi kandidati mill-Kunsill Ewropew, rapporti regolari mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u l-informazzjoni mill-Istati Membri, l-Aġenzija għall-Ażil, il-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati, il-Kunsill tal-Ewropa u organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti oħra.

(84)

Meta jiskadu l-perjodu ta’ validità tal-att delegat u l-estensjonijiet tiegħu, mingħajr ma jkun ġie adottat att delegat ġdid, jenħtieġ li d-deżinjazzjoni tal-pajjiż terz bħala pajjiż terz sikur jew pajjiż ta’ oriġini sikur fil-livell tal-Unjoni ma tibqax sospiża. Jenħtieġ li dan ikun mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe emenda proposta għat-tneħħija tal-pajjiż terz mid-deżinjazzjoni.

(85)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni, bl-assistenza tal-Aġenzija għall-Ażil, tirrieżamina s-sitwazzjoni f’pajjiżi terzi li jkunu tneħħew mid-deżinjazzjoni bħala pajjiżi ta’ oriġini sikuri jew pajjiżi terzi sikuri fil-livell tal-Unjoni, inkluż fejn Stat Membru jinnotifika lill-Kummissjoni li huwa jqis, fuq il-bażi ta’ valutazzjoni sostanzjata, li, wara bidliet fis-sitwazzjoni ta’ dak il-pajjiż terz, huwa jerġa’ jissodisfa l-kundizzjonijiet kif jinsabu f’dan ir-Regolament biex jiġi ddeżinjat bħala sikur. F’każ bħal dan, l-Istati Membri jistgħu jiddeżinjaw lil dak il-pajjiż terz biss bħala pajjiż ta’ oriġini sikur jew pajjiż terz sikur fil-livell nazzjonali sakemm il-Kummissjoni ma tqajjimx oġġezzjonijiet għal dik id-deżinjazzjoni fi żmien sentejn wara d-data tat-tneħħija ta’ dak il-pajjiż terz mid-deżinjazzjoni bħala pajjiż terz sikur jew pajjiż ta’ oriġini sikur fil-livell tal-Unjoni. Fejn il-Kummissjoni tqis li dawn il-kundizzjonijiet huma sodisfatti, tista’ tipproponi emenda għad-deżinjazzjoni ta’ pajjiżi terzi sikuri jew pajjiżi ta’ oriġini sikuri fil-livell tal-Unjoni sabiex iżżid lill-pajjiż terz.

(86)

Fir-rigward tal-irtirar tal-istatus ta’ refuġjat jew ta’ ta’ protezzjoni sussidjarja, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li persuni li jibbenefikaw minn protezzjoni internazzjonali jiġu debitament informati bil-possibbiltà ta’ rikonsiderazzjoni tal-istatus tagħhom u jingħataw l-opportunità li jagħtu l-fehma tagħhom, fi żmien raġonevoli, permezz ta’ dikjarazzjoni bil-miktub jew f’intervista personali, qabel ma l-awtoritajiet ikunu jistgħu jieħdu deċiżjoni motivata li jirtiraw l-istatus tagħhom.

(87)

Jenħtieġ li deċiżjonijiet meħuda dwar applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali li jiċħduha bħala inammissibbli, mingħajr bażi jew manifestament mingħajr bażi fir-rigward ta’ status ta’ refuġjat jew ta’ protezzjoni sussidjarja, jew bħala espliċitament irtirata kif ukoll deċiżjonijiet li jiġi rtirat status ta’ refuġjat jew ta’ protezzjoni sussidjarja, ikunu soġġetti għal rimedju effettiv quddiem qorti jew tribunal f’konformità mar-rekwiżiti u l-kundizzjonijiet kollha stipulati fl-Artikolu 47 tal-Karta. Biex tiġi żgurata l-effettività tal-proċedura, jenħtieġ li l-applikant jippreżenta l-appell tiegħu f’limitu ta’ żmien stabbilit. Biex l-applikant ikun jista’ jissodisfa dawn il-limiti ta’ żmien u bil-għan li jiġi żgurat aċċess effettiv għar-rieżami ġudizzjarju, jenħtieġ li jkun intitolat għal assistenza u rappreżentanza legali mingħajr ħlas. Jenħtieġ li dan ikun mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li l-applikanti jew il-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali jibbenefikaw minn rimedji oħra ta’ applikazzjoni ġenerali previsti fil-livell nazzjonali li mhumiex speċifiċi għall-proċedura għall-għoti jew l-irtirar ta’ protezzjoni internazzjonali.

(88)

F’xi Stati Membri, id-dispożizzjonijiet proċedurali legali jirrikjedu li jkun hemm it-tieni livell ta’ appell lil hinn minn dak li huwa meħtieġ f’konformità ma’ dan ir-Regolament. Fid-dawl tal-prinċipji tal-proporzjonalità u tas-sussidjarjetà, u filwaqt li titqies l-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri, kif ukoll l-objettivi ta’ dan ir-Regolament, huwa xieraq li tiġi prevista definizzjoni flessibbli ta’ x’jikkostitwixxi deċiżjoni finali permezz ta’ referenza għal-liġi nazzjonali, bil-fehim li jenħtieġ li l-Istati Membri bħala minimu jipprevedu r-rimedji stipulati fil-Kapitolu V ta’ dan ir-Regolament qabel ma deċiżjoni ssir finali f’konformità mal-liġi nazzjonali. Fejn applikazzjoni sussegwenti tkun saret qabel ma d-deċiżjoni dwar applikazzjoni preċedenti ssir finali, jenħtieġ li din titqies li tkun dikjarazzjoni oħra u tiġi eżaminata fil-qafas tal-proċedura amministrattiva jew ta’ appell li tkun għaddejja kif xieraq.

(89)

Il-kunċett ta’ qorti jew tribunal huwa kunċett regolat mil-liġi tal-Unjoni, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Dan il-kunċett, fost elementi oħrajn, jista’ jfisser biss awtorità li taġixxi bħala parti terza fir-rigward tal-awtorità li adottat id-deċiżjoni li tifforma s-suġġett tal-proċedimenti. Jenħtieġ li dik l-awtorità twettaq funzjonijiet ġudizzjarji u mhuwiex deċiżiv jekk dik l-awtorità hijiex rikonoxxuta bħala qorti jew tribunal skont il-liġi nazzjonali. Jenħtieġ li dan ir-Regolament ma jaffettwax il-kompetenza tal-Istati Membri li jorganizzaw is-sistema tal-qrati nazzjonali tagħhom u li jiddeterminaw l-għadd ta’ istanzi ta’ appell. Fejn il-liġi nazzjonali tipprevedi l-possibbiltà li jitressqu appelli ulterjuri kontra deċiżjoni tal-ewwel appell jew ta’ appelli sussegwenti, jenħtieġ li l-proċedura u l-effett sospensiv ta’ tali appelli jkunu rregolati fil-liġi nazzjonali, f’konformità mal-liġi tal-Unjoni u mal-obbligi internazzjonali.

(90)

Għall-finijiet tal-proċedura ta’ appell, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu li s-seduti ta’ smigħ quddiem qorti jew tribunal tal-prim’ istanza jistgħu jsiru permezz ta’ vidjokonferenza, dment li jkunu jeżistu l-arranġamenti meħtieġa.

(91)

Biex applikant ikun jista’ jeżerċita d-dritt tiegħu għal rimedju effettiv kontra deċiżjoni li tiċħad applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, jenħtieġ li l-effetti kollha tad-deċiżjoni tar-ritorn jiġu sospiżi awtomatikament sakemm l-applikant ikollu d-dritt li jibqa’ jew tħalla jibqa’ fit-territorju ta’ Stat Membru.

(92)

Fil-prinċipju, jenħtieġ li l-applikanti jkollhom id-dritt li jibqgħu fit-territorju ta’ Stat Membru sakemm jiskadi l-limitu ta’ żmien għall-preżentazzjoni ta’ appell quddiem qorti jew tribunal ta’ prim’istanza, u, fejn tali dritt jiġi eżerċitat fil-limitu ta’ żmien stabbilit, sakemm joħroġ ir-riżultat tal-appell. Huwa biss fil-każijiet limitati stipulati f’dan ir-Regolament, fejn l-applikazzjonijiet x’aktarx ikunu mingħajr bażi, u mingħajr preġudizzju għall-prinċipju ta’ non-refoulement, li l-applikant jenħtieġ li ma jkollux dritt awtomatiku li jibqa’ għall-finijiet tal-appell.

(93)

F’każijiet fejn l-applikant ma jkollu l-ebda dritt awtomatiku li jibqa’ għall-finijiet tal-appell, jenħtieġ li qorti jew tribunal, fuq talba tal-applikant jew fuq inizjattiva tiegħu stess, xorta jkun jista’ jippermetti lill-applikant jibqa’ fit-territorju tal-Istat Membru sakemm ikun magħruf l-eżitu tal-appell. F’każijiet bħal dawn, jenħtieġ li l-applikanti jkollhom id-dritt li jibqgħu sakemm ikun skada l-limitu ta’ żmien biex issir talba lil qorti jew tribunal biex jitħallew jibqgħu u, fejn l-applikant ikun ippreżenta talba bħal din fil-limitu ta’ żmien stabbilit, sakemm tittieħed id-deċiżjoni tal-qorti jew tat-tribunal kompetenti. Sabiex jiġu skoraġġuti applikazzjonijiet sussegwenti abbużivi jew tal-aħħar minuta, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jistabbilixxu fil-liġi nazzjonali li l-applikanti ma għandu jkollhom l-ebda dritt jibqgħu matul dak il-perjodu fil-każ ta’ applikazzjonijiet sussegwenti miċħuda, bil-għan li jiġu evitati applikazzjonijiet sussegwenti ulterjuri mingħajr bażi. Fil-kuntest tal-proċedura biex jiġi ddeterminat jekk l-applikant għandux jitħalla jibqa’ jew le sakemm jinqata’ l-appell, jenħtieġ li d-drittijiet ta’ difiża tal-applikant ikunu garantiti b’mod adegwat billi jiġi pprovdut bl-interpretazzjoni u bl-assistenza legali meħtieġa. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-qorti jew it-tribunal kompetenti jkun jista’ jeżamina d-deċiżjoni tar-rifjut tal-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali f’termini ta’ fatti u punti tal-liġi.

(94)

Sabiex jiġu żgurati ritorni effettivi, jenħtieġ li l-applikanti ma jkollhomx id-dritt li jibqgħu fit-territorju tal-Istat Membru matul l-istadju tat-tieni appell jew matul livell ieħor ta’ appell quddiem qorti jew tribunal kontra deċiżjoni negattiva dwar l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li qorti jew tribunal jippermettu lill-applikant jibqa’.

(95)

Biex tiġi żgurata l-konsistenza tar-rieżami legali mwettaq minn qorti jew tribunal dwar deċiżjoni li tiċħad applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali u d-deċiżjoni li takkumpanjaha dwar ir-ritorn, u bil-ħsieb li tiġi aċċellerata l-analiżi tal-każ u jitnaqqas il-piż fuq l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti, jenħtieġ li tali deċiżjonijiet, jekk jittieħdu bħala parti mid-deċiżjoni relatata dwar l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali jew deċiżjoni li tiġi rtirata protezzjoni internazzjonali, ikunu soġġetti għal proċedimenti komuni quddiem l-istess qorti jew tribunal.

(96)

Sabiex jiġu żgurati l-ġustizzja u l-oġġettività fil-ġestjoni tal-applikazzjonijiet u l-effettività fil-proċedura komuni tal-protezzjoni internazzjonali, jenħtieġ li jiġu stabbiliti limiti ta’ żmien għall-proċedura amministrattiva.

(97)

F’konformità mal-Artikolu 72 TFUE, dan ir-Regolament ma jaffettwax l-eżerċizzju tar-responsabbiltajiet li jaqgħu fuq l-Istati Membri fir-rigward taż-żamma tal-liġi u l-ordni u tas-salvagwardja tas-sigurtà interna.

(98)

Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (19) japplika għall-ipproċessar ta’ data personali mill-Istati Membri li jsir fl-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

(99)

Jenħtieġ li kwalunkwe pproċessar ta’ data personali mill-Aġenzija għall-Ażil fil-qafas ta’ dan ir-Regolament jitwettaq f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (20), kif ukoll mar-Regolament (UE) 2021/2303 u jenħtieġ, b’mod partikolari, li jirrispetta l-prinċipji ta’ neċessità u proporzjonalità.

(100)

Jenħtieġ li kwalunkwe data personali miġbura mar-reġistrazzjoni jew il-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali u matul l-intervista personali titqies bħala parti mill-fajl tal-applikant u għandha tinżamm għal numru biżżejjed ta’ snin minħabba li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew persuni apolidi li jitolbu protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru wieħed jistgħu jippruvaw jitolbu protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru ieħor jew jistgħu jippreżentaw applikazzjonijiet sussegwenti oħra fl-istess Stat Membru jew f’ieħor fis-snin ta’ wara. Minħabba li l-parti l-kbira taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew persuni apolidi li jkunu baqgħu fl-Unjoni għal diversi snin ikunu kisbu status definit jew anke ċittadinanza ta’ Stat Membru wara perjodu ta’ għaxar snin minn meta jkunu ngħataw protezzjoni internazzjonali, jenħtieġ li dak il-perjodu jitqies bħala perjodu neċessarju għall-ħżin ta’ dettalji personali, inkluż marki tas-swaba’ u immaġini tal-wiċċ.

(101)

Dan ir-Regolament ma jittrattax il-proċeduri bejn l-Istati Membri rregolati mir-Regolament (UE) 2024/1351, inkluż fir-rigward ta’ appelli fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri.

(102)

Jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika għal applikanti li għalihom japplika r-Regolament (UE) 2024/1351, flimkien mad-dispożizzjonijiet ta’ dak ir-Regolament u mingħajr preġudizzju għalihom.

(103)

Bil-ħsieb li tiġi żgurata l-implimentazzjoni konsistenti ta’ dan ir-Regolament saż-żmien tad-dħul fis-seħħ tiegħu, jenħtieġ li jiġu żviluppati u implimentati pjanijiet ta’ implimentazzjoni fil-livell tal-Unjoni u f’dak nazzjonali li jidentifikaw il-lakuni u l-passi operazzjonali għal kull Stat Membru.

(104)

L-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament jenħtieġ li tiġi vvalutata f’intervalli regolari.

(105)

Minħabba li l-objettiv ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li tiġi stabbilita proċedura komuni għall-għoti u l-irtirar ta’ protezzjoni internazzjonali, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jista’ pjuttost, minħabba l-iskala u l-effetti ta’ dan ir-Regolament, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-objettiv.

(106)

F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 u l-Artikolu 4a(1) tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u tal-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, anness mat-TUE u mat-TFUE, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, l-Irlanda mhijiex qiegħda tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u mhijiex marbuta bih jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu.

(107)

F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-TUE u mat-TFUE, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u mhijiex marbuta bih jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu.

(108)

Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta. B’mod partikolari, dan ir-Regolament għandu l-għan li jiżgura rispett sħiħ għad-dinjità tal-bniedem u li jippromwovi l-applikazzjoni tal-Artikoli 1, 4, 8, 18, 19, 21, 23, 24 u 47 tal-Karta,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi proċedura komuni għall-għoti u l-irtirar ta’ protezzjoni internazzjonali skont ir-Regolament (UE) 2024/1347.

Artikolu 2

Kamp ta’ applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament japplika għall-applikazzjonijiet kollha għal protezzjoni internazzjonali magħmula fit-territorju tal-Istati Membri, inkluż dawk magħmula fil-fruntiera esterna, fuq l-ilmijiet territorjali jew fiż-żoni ta’ tranżitu tal-Istati Membri, u għall-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali.

2.   Dan ir-Regolament ma japplikax għal applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali u għal talbiet għall-ażil diplomatiku jew territorjali ppreżentati lir-rappreżentanzi tal-Istati Membri.

3.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li japplikaw dan ir-Regolament għal applikazzjonijiet għal protezzjoni li għalihom ma japplikax ir-Regolament (UE) 2024/1347.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-fini ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“refuġjat” tfisser ċittadin ta’ pajjiż terz li, minħabba biża’ li jkollha bażi soda li jiġi ppersegwitat għar-raġunijiet ta’ razza, reliġjon, ċittadinanza, opinjoni politika jew sħubija fi grupp soċjali partikolari, huwa barra mill-pajjiż taċ-ċittadinanza u ma jistax, jew, minħabba din il-biża’, ma jixtieqx jagħmel użu mill-protezzjoni ta’ dak il-pajjiż, jew persuna apolida li, minħabba li qiegħda barra mill-pajjiż tar-residenza abitwali preċedenti għall-istess raġunijiet kif imsemmija hawn fuq, ma tistax jew, minħabba din il-biża’, ma tixtieqx tirritorna lejh, u li għaliha ma japplikax l-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) 2024/1347;

(2)

“persuna eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja” tfisser ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida li ma tikkwalifikax bħala refuġjat imma li fir-rigward tagħha intwerew raġunijiet sostanzjali sabiex jitwemmen li dik il-persuna, jekk tirritorna lejn il-pajjiż ta’ oriġini tagħha jew, fil-każ ta’ persuna apolida, lejn il-pajjiż ta’ residenza abitwali ta’ qabel tagħha, tiffaċċa riskju reali li ssofri ħsara serja kif definit fl-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) 2024/1347, u li għaliha l-Artikolu 17(1) u (2) ta’ dan ir-Regolament ma japplikax, u ma tistax jew, minħabba f’dan ir-riskju, ma tixtieqx tagħmel użu mill-protezzjoni ta’ dak il-pajjiż;

(3)

“status ta’ refuġjat” tfisser ir-rikonoxximent minn Stat Membru ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida bħala refuġjat f’konformità mar-Regolament (UE) 2024/1347;

(4)

“status ta’ protezzjoni sussidjarja” tfisser ir-rikonoxximent minn Stat Membru ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz jew ta’ persuna apolida bħala persuna eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja f’konformità mar-Regolament (UE) 2024/1347;

(5)

“protezzjoni internazzjonali” tfisser status ta’ refuġjat jew status ta’ protezzjoni sussidjarja;

(6)

“minuri” tfisser ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida taħt l-età ta’ 18-il sena;

(7)

“minuri mhux akkumpanjat” tfisser minuri li jasal fit-territorju tal-Istati Membri mhux akkumpanjat minn adult responsabbli għalih, kemm jekk bil-liġi jew bil-prattika tal-Istat Membru kkonċernat, u sakemm dak il-minuri ma jitteħidx effettivament taħt ir-responsabbiltà ta’ adult tali, inkluż persuna minuri li titħalla mhux akkumpanjata wara li tkun daħlet fit-territorju tal-Istati Membri;

(8)

“deċiżjoni finali” tfisser deċiżjoni dwar jekk ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida tingħatax status ta’ refuġjat jew status ta’ protezzjoni sussidjarja skont ir-Regolament (UE) 2024/1347, inkluż deċiżjoni li tiċħad l-applikazzjoni bħala inammissibbli jew deċiżjoni li tiċħad applikazzjoni bħala rtirata impliċitament jew espliċitament, li ma tkunx għadha soġġetta għal rimedju skont il-qafas tal-Kapitolu V ta’ dan ir-Regolament jew tkun saret finali f’konformità mal-liġi nazzjonali, irrispettivament minn jekk l-applikant għandux id-dritt li jibqa’ skont dan ir-Regolament;

(9)

“eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali” tfisser eżami tal-ammissibbiltà jew tal-merti ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali skont dan ir-Regolament u r-Regolament (UE) 2024/1347;

(10)

“data bijometrika” tfisser data bijometrika kif definita fl-Artikolu 2, il-punt (s), tar-Regolament (UE) 2024/1358;

(11)

“kapaċità adegwata” tfisser il-kapaċità meħtieġa fi kwalunkwe mument partikolari biex jitwettqu l-proċedura tal-ażil fuq il-fruntiera, u l-proċedura ta’ ritorn fuq il-fruntiera stabbilita skont ir-Regolament (UE) 2024/1349 jew, fejn applikabbli, proċedura ekwivalenti ta’ ritorn fuq il-fruntiera stabbilita skont il-liġi nazzjonali;

(12)

“applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali” jew “applikazzjoni” tfisser talba għal protezzjoni minn Stat Membru magħmula minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida li tista’ tinftiehem li qed tfittex status ta’ refuġjat jew status ta’ protezzjoni sussidjarja;

(13)

“applikant” tfisser ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida li għamlet applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali li dwarha tkun għadha ma tteħditx deċiżjoni finali;

(14)

“applikant li jkollu bżonn ta’ garanziji proċedurali speċjali” tfisser applikant li l-kapaċità tiegħu li jibbenefika mid-drittijiet u li jikkonforma mal-obbligi previsti f’dan ir-Regolament tkun limitata minħabba ċirkostanzi individwali, bħal vulnerabbiltajiet speċifiċi;

(15)

“persuna apolida” tfisser persuna li l-ebda Stat ma jqis li tkun ċittadin tiegħu taħt il-liġi tiegħu;

(16)

“awtorità determinanti” tfisser kwalunkwe korp kważi-ġudizzjarju jew amministrattiv fi Stat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali u kompetenti biex jieħu deċiżjonijiet fil-proċedura amministrattiva;

(17)

“irtirar ta’ protezzjoni internazzjonali” tfisser id-deċiżjoni minn awtorità determinanti jew qorti jew tribunal kompetenti li tirrevoka jew ittemm, inkluż billi tirrifjuta li ġġedded, il-protezzjoni internazzjonali, f’konformità mar-Regolament (UE) 2024/1347;

(18)

“tibqa’ fl-Istat Membru” tfisser li tibqa’ fuq it-territorju, inkluż fil-fruntiera jew żoni ta’ tranżitu, tal-Istat Membru li fih tkun saret l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali jew li fih tkun qed tiġi eżaminata;

(19)

“applikazzjoni sussegwenti” tfisser applikazzjoni oħra għal protezzjoni internazzjonali li ssir fi kwalunkwe Stat Membru wara li tkun ittieħdet deċiżjoni finali dwar applikazzjoni preċedenti, inkluż każijiet li fihom l-applikazzjoni tkun ġiet miċħuda bħala espliċitament jew impliċitament irtirata;

(20)

“l-Istat Membru responsabbli” tfisser l-Istat Membru responsabbli għall-eżami ta’ applikazzjoni f’konformità mar-Regolament (UE) 2024/1351.

Artikolu 4

Awtoritajiet kompetenti

1.   Kull Stat Membru għandu jaħtar f’konformità mal-liġi nazzjonali awtorità determinanti biex twettaq il-kompiti konferiti lilha skont dan ir-Regolament u r-Regolament (UE) 2024/1347, b’mod partikolari:

(a)

tirċievi u teżamina applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali;

(b)

tieħu deċiżjonijiet dwar applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali;

(c)

tieħu deċiżjonijiet dwar l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali.

L-awtorità determinanti għandha tkun l-unika awtorità, matul il-proċedura amministrattiva, bis-setgħa li tiddeċiedi dwar l-ammissibbiltà u l-merti ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jafdaw lil awtoritajiet nazzjonali rilevanti oħra bil-kompitu li jirċievu applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali kif ukoll jinfurmaw lill-applikanti dwar fejn u kif jippreżentaw applikazzjoni f’konformità mal-Artikolu 28. Dawk l-awtoritajiet nazzjonali l-oħra għandhom, tal-inqas, jinkludu l-pulizija, l-awtoritajiet tal-immigrazzjoni, il-gwardji tal-fruntiera u l-awtoritajiet responsabbli għall-faċilitajiet ta’ detenzjoni jew għall-faċilitajiet ta’ akkoljenza.

3.   Kull Stat Membru għandu jaħtar awtorità kompetenti biex tirreġistra l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali. L-Istati Membri jistgħu jafdaw lill-awtorità determinanti jew awtoritajiet rilevanti oħrajn bil-kompitu li jirreġistraw l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali.

4.   Fejn applikazzjoni tasal għand awtorità mingħajr is-setgħa li tirreġistraha, din l-awtorità għandha tinforma minnufih lill-awtorità responsabbli għar-reġistrazzjoni tal-applikazzjonijiet u dik l-applikazzjoni għandha tiġi rreġistrata f’konformità mal-Artikolu 27. L-awtorità responsabbli milli tirċievi l-applikazzjoni għandha tinforma wkoll lill-applikant għal protezzjoni internazzjonali liema awtorità hija responsabbli mir-reġistrazzjoni tal-applikazzjoni.

5.   Għall-finijiet tal-paragrafi 2 u 3, sa 12-ta’ Ġunju 2026, kull Stat Membru għandu jinnotifika lill-Kummissjoni dwar l-awtoritajiet li huwa ħatar biex iwettqu l-kompiti msemmijin f’dawk il-paragrafi, u jispeċifika l-kompiti assenjati lilhom. Kull bidla fl-identifikazzjoni ta’ dawn l-awtoritajiet għandha tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni minnufih.

6.   L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li awtorità għajr l-awtorità determinanti għandha tkun responsabbli għall-proċedura tad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli f’konformità mar-Regolament (UE) 2024/1351.

7.   Kull Stat Membru għandu jipprovdi lill-awtorità determinanti u l-awtoritajiet kompetenti l-oħrajn maħtura skont dan l-Artikolu b’mezzi xierqa, fost l-oħrajn biżżejjed persunal kompetenti biex iwettqu l-kompiti tagħhom skont dan ir-Regolament.

8.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persunal tal-awtoritajiet kompetenti li japplikaw dan ir-Regolament jkollu l-għarfien adegwat u jkun ingħata taħriġ, inkluż it-taħriġ rilevanti skont l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2021/2303, u gwida biex jissodisfa l-obbligi tiegħu fl-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 5

Assistenza lill-awtoritajiet kompetenti

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4(7) u (8), fuq it-talba tal-Istat Membru, l-awtoritajiet kompetenti identifikati fl-Artikolu 4 jistgħu, sabiex jirċievu u jirreġistraw applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali u sabiex jiffaċilitaw l-eżami tal-applikazzjonijiet, inkluż fir-rigward tal-intervista personali, jiġu assistiti minn:

(a)

esperti mibgħuta mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ażil (l-“Aġenzija għall-Ażil”) f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/2303, u

(b)

l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru ieħor li jkunu ġew fdati minn dak l-Istat Membru bil-kompitu li jirċievu, jirreġistraw jew jeżaminaw applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali.

L-awtoritajiet kompetenti maħtura skont l-Artikolu 4 jistgħu jgħinu lill-awtoritajiet ta’ Stat Membru ieħor biss fil-kompiti li jkunu ġew fdati bihom mill-Istat Membru tagħhom.

Il-kompetenza li tittieħed deċiżjoni dwar applikazzjonijiet individwali għal protezzjoni internazzjonali għandha tibqa’ biss f’idejn l-awtorità determinanti tal-Istat Membru responsabbli.

Artikolu 6

Rwol tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati

1.   L-Istati Membri għandhom jippermettu li l-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati:

(a)

ikollu aċċess għall-applikanti, inkluż dawk miżmuma f’ċentri ta’ akkoljenza, f’detenzjoni, fil-fruntiera u fiż-żoni ta’ tranżitu;

(b)

ikollu aċċess għal informazzjoni dwar applikazzjonijiet individwali għal protezzjoni internazzjonali, dwar kif tkun għaddejja l-proċedura u dwar id-deċiżjonijiet meħuda, soġġett għall-kunsens tal-applikant;

(c)

jippreżenta l-fehmiet tiegħu, fl-eżerċizzju tar-responsabbiltajiet superviżorji tiegħu skont l-Artikolu 35 tal-Konvenzjoni tat-28 ta’ Lulju 1951 dwar l-Istatus tar-Refuġjati, kif issupplimentata bil-Protokoll ta’ New York tal-31 ta’ Jannar 1967 (il-“Konvenzjoni ta’ Ġinevra”), lil kwalunkwe awtorità kompetenti rigward applikazzjonijiet individwali għal protezzjoni internazzjonali fi kwalunkwe stadju tal-proċedura.

2.   Il-paragrafu 1 għandu japplika wkoll għal organizzazzjoni li taħdem fuq it-territorju tal-Istat Membru kkonċernat f’isem il-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati skont ftehim ma’ dak l-Istat Membru.

Artikolu 7

Prinċipju ta’ kunfidenzjalità

1.   L-awtoritajiet li japplikaw dan ir-Regolament għandhom ikunu marbuta bil-prinċipju tal-kunfidenzjalità b’rabta ma’ kwalunkwe informazzjoni personali li jiksbu fit-twettiq ta’ dmirijiethom, inkluż kwalunkwe skambju ta’ informazzjoni f’konformità mal-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali li jkun rilevanti għall-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri.

2.   Matul il-proċedura tal-protezzjoni internazzjonali u wara li tkun ittieħdet deċiżjoni finali dwar l-applikazzjoni, l-awtoritajiet ma għandhomx:

(a)

jiżvelaw informazzjoni dwar l-applikazzjoni individwali għal protezzjoni internazzjonali, jew il-fatt li tkun saret applikazzjoni, lill-persuni allegatament awturi ta’ persekuzzjoni jew ħsara serja;

(b)

jiksbu kwalunkwe informazzjoni mill-atturi allegati ta’ persekuzzjoni jew ħsara serja b’mod li jwassal biex dawn l-atturi jiġu infurmati bil-fatt li tkun saret applikazzjoni mill-applikant inkwistjoni.

KAPITOLU II

PRINĊIPJI U GARANZIJI BAŻIĊI

TAQSIMA I

Drittijiet u obbligi tal-applikanti

Artikolu 8

Garanziji ġenerali għall-applikanti

1.   Matul il-proċedura amministrattiva msemmija fil-Kapitolu III l-applikanti għandhom igawdu l-garanziji stabbiliti fil-paragrafi 2 sa 6 ta’ dan l-Artikolu.

2.   L-awtorità determinanti jew, fejn applikabbli, awtoritajiet kompetenti jew organizzazzjonijiet oħrajn inkarigati mill-Istati Membri għal dak il-fini għandhom jinfurmaw lill-applikanti, b’lingwa li jifhmu jew li huma raġonevolment mistennija li jifhmu, b’dan li ġej:

(a)

id-dritt li jippreżentaw applikazzjoni individwali;

(b)

il-limiti ta’ żmien u l-istadji tal-proċedura li għandha tiġi segwita;

(c)

id-drittijiet u l-obbligi tagħhom matul il-proċedura, inkluż dawk skont ir-Regolament (UE) 2024/1351, u l-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ konformità ma’ dawk l-obbligi, b’mod partikolari fir-rigward tal-irtirar espliċitu jew impliċitu ta’ applikazzjoni;

(d)

id-dritt għal konsulenza legali mingħajr ħlas biex jippreżentaw l-applikazzjoni individwali u għal assistenza u rappreżentanza legali fl-istadji kollha tal-proċedura skont it-Taqsima III ta’ dan il-Kapitolu u f’konformità mal-Artikoli 15, 16, 17, 18 u 19;

(e)

il-mezzi li bihom jistgħu jissodisfaw l-obbligu li jippreżentaw l-elementi kif imsemmija fl-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2024/1347;

(f)

id-deċiżjoni tal-awtorità determinanti skont l-Artikolu 36.

L-informazzjoni kollha msemmija f’dan il-paragrafu għandha tiġi pprovduta mill-aktar fis possibbli biex l-applikanti jkunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet garantiti f’dan ir-Regolament u biex ikunu jistgħu jikkonformaw mal-obbligi stipulati fl-Artikolu 9. L-informazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu, il-punti (a) sa (e), ta’ dan il-paragrafu għandha tingħata lill-applikant mhux aktar tard minn meta tiġi rreġistrata l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. Dik l-informazzjoni għandha tingħata permezz tal-fuljett imsemmi fil-paragrafu 7, fiżikament jew elettronikament, u jekk meħtieġ, bil-fomm. L-informazzjoni għandha tingħata lill-minuri b’mod adattat għat-tfal u bl-involviment tar-rappreżentant jew tal-persuna msemmija fl-Artikolu 23(2), punt (a), ta’ dan ir-Regolament.

L-applikant għandu jingħata l-opportunità li jikkonferma li rċieva l-informazzjoni. Tali konferma għandha tiġi ddokumentata fil-fajl tal-applikant. Jekk l-applikant jirrifjuta li jikkonferma li rċieva l-informazzjoni, għandha tiddaħħal nota ta’ dak il-fatt fil-fajl tiegħu.

3.   Matul il-proċedura amministrattiva, l-applikanti għandhom jiġu pprovduti bis-servizzi ta’ interpretu għall-fini tar-reġistrazzjoni u l-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni u, meta applikabbli, għall-intervista personali, kull meta ma tkunx tista’ tiġi żgurata komunikazzjoni xierqa mod ieħor. Is-servizzi ta’ interpretazzjoni għandhom jitħallsu minn fondi pubbliċi.

4.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom, mill-aktar fis possibbli u qabel id-data ta’ skadenza biex jippreżentaw applikazzjoni skont l-Artikolu 28(1), jagħtu lill-applikanti l-opportunità li jikkomunikaw mal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati jew ma’ kwalunkwe organizzazzjoni oħra li tagħti pariri legali jew konsulenza oħra lill-applikanti skont il-liġi nazzjonali.

5.   L-awtorità determinanti għandha tiżgura li l-applikanti u, fejn applikabbli, ir-rappreżentanti jew il-konsulenti legali jew kunsilliera oħra ammessi jew permessi bħala tali skont il-liġi nazzjonali li jipprovdu parir legali (“konsulenti legali”), ikollhom aċċess għall-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 34(2), il-punti (b) u (c), li hija meħtieġa għall-eżami tal-applikazzjonijiet u għall-informazzjoni pprovduta mill-esperti msemmija fl-Artikolu 34(3), fejn l-awtorità determinanti tikkunsidra dik l-informazzjoni bl-iskop li tieħu deċiżjoni dwar l-applikazzjoni tagħhom.

6.   L-awtorità determinanti għandha tavża lill-applikanti bil-miktub mill-aktar fis possibbli bid-deċiżjoni li tkun ittieħdet dwar l-applikazzjoni tagħhom. Fejn rappreżentant jew konsulent legali jirrappreżenta lill-applikant legalment, l-awtorità determinanti tista’ tavża lil dak ir-rappreżentant jew konsulent legali bid-deċiżjoni minflok lill-applikant.

7.   L-Aġenzija għall-Ażil għandha, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni u kull Stat Membru, tfassal fuljetti li jkun fihom l-informazzjoni meħtieġa minn dan l-Artikolu. Dawk il-fuljetti għandhom jitfasslu b’tali mod li l-Istati Membri jkunu jistgħu jimlewhom b’informazzjoni addizzjonali speċifika għall-Istat Membru kkonċernat u għandhom iqisu l-ispeċifiċitajiet ta’ applikanti vulnerabbli bħal minuri jew persuni b’diżabililtà.

Artikolu 9

Obbligi tal-applikanti

1.   L-applikant għandu jagħmel l-applikazzjoni tiegħu fl-Istat Membru previst fl-Artikolu 17(1) u (2) tar-Regolament (UE) 2024/1351.

2.   L-applikant għandu jikkoopera bis-sħiħ mal-awtoritajiet kompetenti msemmijin fl-Artikolu 4 fi kwistjonijiet koperti minn dan ir-Regolament, b’mod partikolari billi

(a)

jipprovdi d-data msemmija fl-Artikolu 27(1), il-punti (a), (b) u (d);

(b)

jipprovdi spjegazzjoni meta ma jkollux dokument tal-identità jew tal-ivvjaġġar fil-pussess tiegħu;

(c)

jipprovdi informazzjoni dwar kull bidla fir-rigward tal-post ta’ residenza, l-indirizz, in-numru tat-telefon jew l-indirizz elettroniku tiegħu;

(d)

jipprovdi d-data bijometrika;

(e)

jippreżenta l-applikazzjoni tiegħu skont l-Artikolu 28 u jibqa’ disponibbli matul il-proċedura;

(f)

jippreżenta mill-aktar fis possibbli dokumenti fil-pussess tiegħu li jkunu rilevanti għall-eżami tal-applikazzjoni;

(g)

jattendi l-intervista personali, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 13;

(h)

jibqa’ fit-territorju tal-Istat Membru fejn ikun meħtieġ li jkun preżenti, f’konformità mal-Artikolu 17(4) tar-Regolament (UE) 2024/1351.

Fejn l-awtoritajiet kompetenti jiddeċiedu li jżommu kwalunkwe dokument kif imsemmi fil-punt (f) tal-ewwel subparagrafu, huma għandhom jiżguraw li l-applikant jirċievi minnufih kopji tal-oriġinali. Fil-każ ta’ trasferiment skont l-Artikolu 46 tar-Regolament (UE) 2024/1351, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jagħtu lura tali dokumenti lill-applikant fil-mument tat-trasferiment.

3.   L-applikant għandu jaċċetta kwalunkwe komunikazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti fl-aktar post ta’ residenza jew indirizz reċenti, bin-numru tat-telefon jew bl-indirizz elettroniku li jkun indika lill-awtoritajiet kompetenti, b’mod partikolari meta jippreżenta applikazzjoni skont l-Artikolu 28.

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu fil-liġi nazzjonali l-metodu ta’ komunikazzjoni u l-mument li l-komunikazzjoni titqies li tkun waslet għand l-applikant.

4.   L-applikant għandu jikkonforma mal-obbligi li jinforma lill-awtoritajiet kompetenti f’ħin speċifikat jew f’intervalli raġonevoli jew li jibqa’ f’żona ġeografika deżinjata fit-territorju tiegħu skont id-Direttiva (UE) 2024/1346, kif impost mill-Istat Membru fejn huwa meħtieġ li jkun preżenti skont ir-Regolament (UE) 2024/1351.

5.   Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe tfittxija mwettqa għal raġunijiet ta’ sigurtà, fejn ikun meħtieġ u debitament ġustifikat għall-eżami ta’ applikazzjoni, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jirrikjedu li l-applikant jiġi mfittex jew li l-oġġetti tiegħu jiġu mfittxija f’konformità mal-liġi nazzjonali. L-awtorità kompetenti għandha tipprovdi lill-applikant bir-raġunijiet għat-tfittxija u tinkludihom fil-fajl tal-applikant. Kwalunkwe tfittxija fuq il-persuna tal-applikant skont dan ir-Regolament għandha ssir minn persuna tal-istess sess b’rispett sħiħ għall-prinċipji tad-dinjità tal-bniedem u tal-integrità fiżika u psikoloġika.

Artikolu 10

Dritt li wieħed jibqa’ matul il-proċedura amministrattiva

1.   L-applikanti għandhom id-dritt li jibqgħu fit-territorju tal-Istat Membru li fih jintalbu li jibqgħu preżenti f’konformità mal-Artikolu 17(4) tar-Regolament (UE) 2024/1351 sa meta l-awtorità determinanti tkun ħadet deċiżjoni dwar l-applikazzjoni fil-proċedura amministrattiva prevista fil-Kapitolu III.

2.   Id-dritt li jitħallew jibqgħu ma għandux jikkostitwixxi intitolament għall-permess ta’ residenza u ma għandux jagħti lill-applikant id-dritt li jivvjaġġa lejn it-territorju ta’ Stati Membri oħra mingħajr dokument tal-ivvjaġġar kif previst fl-Artikolu 6(3) tad-Direttiva (UE) 2024/1346.

3.   L-applikant ma għandux ikollu d-dritt li jibqa’ fit- territorju tal-Istat Membru kkonċernat matul il-proċedura amministrattiva meta l-persuna tkun soġġetta għal konsenja lil Stat Membru ieħor skont obbligi f’konformità ma’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ f’konformità mad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/584/ĠAI (21).

4.   L-Istati Membri jistgħu jipprevedu eċċezzjoni għad-dritt tal-applikant li jibqa’ fit-territorju tagħhom matul il-proċedura amministrattiva meta dak l-applikant:

(a)

jagħmel applikazzjoni sussegwenti f’konformità mal-Artikolu 55 u l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 56 ikunu ġew issodisfati;

(b)

jiġi jew ikun ser jiġi estradit, ikkonsenjat jew trasferit lejn Stat Membru ieħor, pajjiż terz, il-Qorti Kriminali Internazzjonali jew qorti jew tribunal internazzjonali ieħor għall-fini tat-twettiq ta’ prosekuzzjoni kriminali jew għall-fini tal-eżekuzzjoni ta’ sentenza jew ordni ta’ detenzjoni;

(c)

ikun ta’ periklu għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà nazzjonali, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 12 u 17 tar-Regolament (UE) 2024/1347, dment li l-applikazzjoni ta’ tali eċċezzjoni ma tirriżultax fit-tneħħija tal-applikant lejn pajjiż terz bi ksur tal-prinċipju ta’ non-refoulement.

5.   Stat Membru jista’ jestradixxi, jikkonsenja jew jittrasferixxi applikant lejn pajjiż terz jew qorti jew tribunal internazzjonali kif imsemmi fil-paragrafu 4, il-punt (b), biss meta l-awtorità kompetenti tqis li tali deċiżjoni li ssir estradizzjoni, konsenja jew trasferiment ma tirriżultax f’refoulement dirett jew indirett bi ksur tal-obbligi ta’ dak l-Istat Membru skont il-liġi internazzjonali u dik tal-Unjoni.

TAQSIMA II

Intervisti personali

Artikolu 11

Intervista dwar l-ammissibbiltà

1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 38(1) u l-Artikolu 55(4), qabel ma tittieħed deċiżjoni mill-awtorità determinanti dwar in-nuqqas ta’ ammissibbiltà ta’ applikazzjoni f’konformità mal-Artikolu 38, l-applikant għandu jingħata l-opportunità ta’ intervista personali dwar l-ammissibbiltà (“l-intervista dwar l-ammissibbiltà”).

2.   Fl-intervista dwar l-ammissibbiltà, l-applikant għandu jingħata opportunità li jippreżenta raġunijiet għalfejn ir-raġunijiet għan-nuqqas ta’ ammissibbiltà previsti fl-Artikolu 38 ma jkunux applikabbli għalih.

Artikolu 12

Intervista sostantiva

1.   Qabel ma tittieħed deċiżjoni mill-awtorità determinanti fuq il-merti ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, l-applikant għandu jingħata l-opportunità ta’ intervista personali dwar is-sustanza tal-applikazzjoni tiegħu (l-“intervista sostantiva”). L-intervista sostantiva tista’ ssir fl-istess ħin tal-intervista dwar l-ammissibbiltà dment li l-applikant ikun ġie infurmat minn qabel dwar tali possibbiltà u jkun seta’ jikkonsulta lill-konsulent legali tiegħu f’konformità mal-Artikolu 15 jew lil persuna fdata bl-għoti ta’ konsulenza legali f’konformità mal-Artikolu 16.

2.   Fl-intervista sostantiva, l-applikant għandu jingħata l-opportunità jippreżenta l-elementi meħtieġa biex jissostanzja l-applikazzjoni tiegħu f’konformità mar-Regolament (UE) 2024/1347, u għandu jipprovdi l-elementi msemmijin fl-Artikolu 4(2) ta’ dak ir-Regolament b’mod kemm jista’ jkun komplet. L-applikant għandu jingħata l-opportunità li jagħti spjegazzjoni dwar l-elementi li jistgħu jkunu nieqsa jew dwar kwalunkwe inkonsistenza jew kontradizzjoni fl-istqarrijiet tiegħu.

Artikolu 13

Rekwiżiti għal intervisti personali

1.   L-intervisti personali kif previsti fl-Artikoli 11 u 12 għandhom jitwettqu f’konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament.

2.   Meta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tiġi ppreżentata f’konformità mal-Artikolu 31, l-adult responsabbli msemmi f’dik id-dispożizzjoni għandu jingħata l-opportunità ta’ intervista personali skont l-Artikoli 11 u 12. L-applikant għandu jingħata wkoll l-opportunità li jipparteċipa f’dik l-intervista dment li l-paragrafu (11), il-punt(c), ta’ dan l-Artikolu ma japplikax.

3.   L-intervisti personali għandhom jitwettqu taħt kundizzjonijiet li jiżguraw privatezza u kunfidenzjalità xierqa u li jippermettu lill-applikanti jippreżentaw ir-raġunijiet għall-applikazzjonijiet tagħhom b’mod komprensiv.

4.   Għandha tiġi żgurata l-preżenza tal-konsulent legali tal-applikant fl-intervista personali, meta l-applikant ikun iddeċieda li jagħmel użu mill-assistenza legali f’konformità mat-Taqsima III ta’ dan il-Kapitolu.

5.   Għall-intervisti personali għandu jkun provdut interpretu li jkun kapaċi jiżgura komunikazzjoni adegwata bejn l-applikant u l-persuna li tmexxi l-intervista.

Il-preżenza ta’ medjatur kulturali tista’ tiġi pprovduta matul l-intervisti personali.

L-Istati Membri għandhom jagħtu preferenza lill-interpreti u lill-medjaturi kulturali li rċevew taħriġ, bħat-taħriġ imsemmi fl-Artikolu 8(4), il-punt (m), tar-Regolament (UE) 2021/2303.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-interpreti u l-medjaturi kulturali jsiru konxji tal-kunċetti u t-terminoloġija ewlenin rilevanti għall-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali, pereżempju permezz ta’ fuljett standard jew gwida. Il-komunikazzjoni għandha ssir bil-lingwa li jippreferi l-applikant ħlief jekk ikun hemm lingwa oħra li huwa jifhem u li biha huwa jkun kapaċi jikkomunika b’mod ċar.

6.   L-intervisti personali għandhom jitwettqu mill-persunal tal-awtorità determinanti.

Meta jkun hemm għadd sproporzjonat ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew persuni apolidi li jagħmlu applikazzjoni fl-istess perjodu ta’ żmien, u b’hekk ma jkunx fattibbli li jsiru intervisti personali f’waqthom għal kull applikant, l-awtorità determinanti tista’ tiġi assistita temporanjament mill-persunal ta’ awtoritajiet oħra ta’ dak l-Istat Membru li għandu jirċievi t-taħriġ rilevanti minn qabel li għandu jinkludi l-elementi elenkati fl-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2021/2303 biex isiru dawn l-intervisti jew mill-Aġenzija għall-Ażil f’konformità mal-Artikolu 5.

7.   Il-persuna li twettaq l-intervista:

(a)

għandha tkun kompetenti biex tqis iċ-ċirkostanzi personali u ġenerali attinenti għall-applikazzjoni, inkluż is-sitwazzjoni prevalenti fil-pajjiż ta’ oriġini tal-applikant, u l-oriġini kulturali, l-età, il-ġeneru, l-identità tal-ġeneru, l-orjentazzjoni sesswali, il-vulnerabbiltà u l-bżonnijiet proċedurali speċjali tal-applikant;

(b)

ma għandhiex tilbes uniformi militari jew tal-infurzar tal-liġi.

8.   Il-persunal li jintervista lill-applikanti, inkluż esperti mibgħuta mill-Aġenzija għall-Ażil, għandu:

(a)

ikollu għarfien ġenerali miksub ta’ fatturi li jistgħu jaffettwaw b’mod ħażin il-kapaċità tal-applikant li jiġi intervistat, bħal indikazzjonijiet li l-persuna setgħet ġiet ittorturata fil-passat jew li kienet vittma ta’ traffikar tal-bnedmin.

(b)

ikun irċieva, minn qabel, taħriġ li jinkludi elementi rilevanti minn dawk elenkati fl-Artikolu 8(4) tar-Regolament (UE) 2021/2303.

9.   Meta mitlub mill-applikant u meta jkun possibbli, l-awtorità determinanti għandha tiżgura li l-intervistaturi u l-interpreti jkunu tas-sess li jippreferi l-applikant, dment li ma jkollhiex raġunijiet biex tqis li talba bħal din ma tkunx relatata mad-diffikultajiet min-naħa tal-applikant biex jippreżenta r-raġunijiet għall-applikazzjoni tiegħu b’mod komprensiv.

10.   B’deroga, l-awtorità determinanti tista’ tagħmel l-intervista personali permezz ta’ vidjokonferenza fejn ikun debitament ġustifikat miċ-ċirkostanzi.

F’każ bħal dan, l-awtorità determinanti għandha tiżgura l-arranġamenti meħtieġa għall-faċilitajiet xierqa, l-istandards proċedurali u tekniċi, l-assistenza legali u l-interpretazzjoni filwaqt li tqis il-gwida mill-Aġenzija għall-Ażil.

11.   L-intervista dwar l-ammissibbiltà jew l-intervista sostantiva, skont il-każ, tista’ titħalla barra meta:

(a)

l-awtorità determinanti tkun tista’ tieħu deċiżjoni pożittiva fir-rigward tal-istatus ta’ rifuġjat jew l-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja fuq il-bażi tal-evidenza disponibbli, dment li l-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja joffri l-istess drittijiet u benefiċċji bħall-istatus ta’ refuġjat skont il-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali;

(b)

l-awtorità determinanti tqis li l-applikazzjoni mhijiex inammissibbli fuq il-bażi tal-evidenza disponibbli;

(c)

l-awtorità determinanti tkun tal-fehma li l-applikant mhuwiex f’siktu jew kapaċi jiġi intervistat minħabba ċirkostanzi persistenti li fuqhom huwa ma jkollux kontroll;

(d)

fil-każ ta’ applikazzjoni sussegwenti, l-eżami preliminari msemmi fl-Artikolu 55(4) jitwettaq fuq il-bażi ta’ dikjarazzjoni bil-miktub;

(e)

l-awtorità determinanti tqis l-applikazzjoni bħala inammissibbli skont l-Artikolu 38(1), il-punt (c).

L-ommissjoni ta’ intervista personali skont il-punt (c) tal-ewwel subparagrafu ma għandhiex taffettwa b’mod negattiv id-deċiżjoni tal-awtorità determinanti. Meta l-intervista personali titħalla barra skont dak il-punt, l-awtorità determinanti għandha tagħti lill-applikant opportunità effettiva li jippreżenta aktar informazzjoni bil-miktub.

Meta jkollha dubju dwar jekk l-applikant ikunx f’siktu jew ikunx kapaċi jiġi intervistat, l-awtorità determinanti għandha tikkonsulta professjonist mediku biex tistabbilixxi jekk l-applikant ma jkunx f’siktu jew ma jkunx kapaċi li jiġi intervistat temporanjament jew jekk is-sitwazzjoni tiegħu tkunx ta’ natura persistenti. Meta, wara konsultazzjoni ma’ dak il-professjonist mediku, ikun ċar li l-kundizzjoni li minħabba fiha l-applikant ma jkunx f’siktu jew ma jkunx kapaċi jiġi intervistat hija ta’ natura temporanja, l-awtorità determinanti għandha tipposponi l-intervista personali sa meta l-applikant ikun f’siktu jew kapaċi li jiġi intervistat.

Meta l-applikant ma jkunx jista’ jattendi l-intervista personali minħabba ċirkostanzi speċifiċi lil hinn mill-kontroll tiegħu, l-awtorità determinanti għandha tiskeda mill-ġdid l-intervista personali

12.   L-applikanti għandhom ikunu preżenti għall-intervista personali u għandhom ikunu meħtieġa jwieġbu personalment għall-mistoqsijiet li jsiru.

13.   Applikant għandu jitħalla jiġi assistit minn konsulent legali fl-intervista personali, inkluż meta din issir permezz ta’ vidjokonferenza.

L-assenza tal-konsulent legali ma għandhiex timpedixxi lill-awtorità determinanti milli twettaq l-intervista.

L-Istati Membri jistgħu jistipulaw fil-liġi nazzjonali li, fejn konsulent legali jipparteċipa fl-intervista personali, il-konsulent legali jista’ jintervjeni biss fi tmiem l-intervista personali.

14.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 11(1) u 12(1) u dment li jkunu saru sforzi suffiċjenti biex jiġi żgurat li l-applikant ikun ingħata l-opportunità ta’ intervista personali, in-nuqqas ta’ intervista personali ma għandux jipprevjeni lill-awtorità determinanti milli tieħu deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali.

Artikolu 14

Rapport u reġistrazzjoni ta’ intervisti personali

1.   L-awtorità determinanti jew kwalunkwe awtorità oħra jew l-esperti li jgħinuha f’konformità mal-Artikolu 5 u l-Artikolu 13(6) fit-twettiq tal-intervisti personali għandhom ifasslu rapport dettaljat u fattwali li jkun fih l-elementi ewlenin kollha tal-intervista personali, jew traskrizzjoni tal-intervista jew traskrizzjoni tar-reġistrazzjoni ta’ tali intervista, li għandha tiġi inkluża fil-fajl tal-applikant.

2.   L-intervisti personali għandhom jiġu rreġistrati bl-użu ta’ mezzi tal-awdjo għar-reġistrazzjoni. L-applikant għandu jkun infurmat minn qabel dwar il-fatt li qed issir din ir-reġistrazzjoni u l-għan tagħha. Għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-ħtiġijiet tal-applikanti li jkollhom bżonn ta’ garanziji proċedurali speċjali. L-awtorità determinanti għandha tinkludi r-reġistrazzjoni fil-fajl tal-applikant.

3.   L-applikant għandu jingħata l-opportunità jagħmel kummenti jew jipprovdi kjarifiki bil-fomm jew bil-miktub dwar kwalunkwe traduzzjoni mhux korretta jew fehim ħażin jew żbalji fattwali oħra li jidhru fir-rapport, fit-traskrizzjoni tal-intervista jew fit-traskrizzjoni tar-reġistrazzjoni, fi tmiem l-intervista personali jew f’limitu ta’ żmien speċifiku qabel ma l-awtorità determinanti tieħu deċiżjoni. Għal dak il-għan, l-applikant għandu jiġi infurmat dwar il-kontenut kollu tar-rapport, tat-traskrizzjoni tal-intervista, jew tat-traskrizzjoni tar-reġistrazzjoni, bl-assistenza ta’ interpretu, meta jkun meħtieġ.

4.   L-applikant għandu jintalab jikkonferma li l-kontenut tar-rapport jew it-traskrizzjoni tal-intervista jirriflettu korrettament l-intervista personali. Fejn l-applikant jirrifjuta li jikkonferma l-kontenut, ir-raġunijiet ta’ dak ir-rifjut għandhom jitniżżlu fil-fajl tal-applikant. Dak ir-rifjut ma għandux jimpedixxi lill-awtorità determinanti milli tieħu deċiżjoni dwar l-applikazzjoni. Meta jkun hemm dubju dwar id-dikjarazzjonijiet li jkunu saru mill-applikant waqt l-intervista personali, għandha tipprevali l-awdjoreġistrazzjoni.

5.   L-applikant ma għandux għalfejn jintalab jagħmel kummenti jew jipprovdi kjarifiki dwar ir-rapport jew it-traskrizzjoni tal-intervista, u lanqas li jikkonferma li l-kontenut tar-rapport jew it-traskrizzjoni tal-intervista jirrifletti b’mod korrett l-intervista meta:

(a)

skont il-liġi nazzjonali, ir-reġistrazzjoni jew traskrizzjoni tagħha tista’ tiġi ammessa bħala evidenza fil-proċedura tal-appell, jew

(b)

ikun ċar għall-awtorità determinanti li l-applikant ser jingħata status ta’ refuġjat jew status ta’ protezzjoni sussidjarja dment li l-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja joffri l-istess drittijiet u benefiċċji bħall-istatus ta’ refuġjat skont il-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali.

6.   L-applikanti u, meta jkunu nħatru, ir-rappreżentanti tagħhom u l-konsulenti legali tagħhom għandu jkollhom aċċess għar-rapport jew it-traskrizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 mill-aktar fis possibbli wara l-intervista u fi kwalunkwe każ biżżejjed żmien qabel ma l-awtorità determinanti tieħu deċiżjoni.

L-aċċess għar-reġistrazzjoni għandu jiġi pprovdut ukoll fil-proċedura tal-appell.

TAQSIMA III

Għoti ta’ konsulenza legali u assistenza u rappreżentanza legali

Artikolu 15

Dritt għal konsulenza legali u assistenza u rappreżentanza legali

1.   L-applikanti għandu jkollhom id-dritt li jikkonsultaw, b’mod effettiv, konsulent legali jew konsulent ieħor dwar materji relatati mal-applikazzjonijiet tagħhom fl-istadji kollha tal-proċedura.

2.   Mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-applikant li jagħżel il-konsulent legali tiegħu jew konsulent ieħor bi spejjeż tiegħu, applikant jista’ jitlob konsulenza legali mingħajr ħlas fil-proċedura amministrattiva prevista fil-Kapitolu III, f’konformità mal-Artikolu 16, u assistenza u rappreżentanza legali mingħajr ħlas fil-proċedura ta’ appell prevista fil-Kapitolu V, f’konformità mal-Artikolu 17.

L-applikant għandu jiġi infurmat mill-aktar fis possibbli u mhux aktar tard minn meta jirreġistra l-applikazzjoni f’konformità mal-Artikolu 27 dwar id-dritt tiegħu li jitlob konsulenza legali mingħajr ħlas jew assistenza u rappreżentanza legali mingħajr ħlas.

3.   L-Istati Membri jistgħu jipprevedu assistenza u rappreżentanza legali mingħajr ħlas fil-proċedura amministrattiva f’konformità mal-liġi nazzjonali.

4.   L-Istati Membri jistgħu jorganizzaw l-għoti ta’ konsulenza legali u assistenza u rappreżentanza legali f’konformità mas-sistema nazzjonali tagħhom.

Artikolu 16

Konsulenza legali mingħajr ħlas fil-proċedura amministrattiva

1.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu, fuq it-talba tal-applikant, konsulenza legali mingħajr ħlas fil-proċedura amministrattiva prevista fil-Kapitolu III.

Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu, l-aċċess effettiv għall-konsulenza legali mingħajr ħlas jista’ jiġi assigurat billi tiġi inkarigata persuna bl-għoti ta’ konsulenza legali fl-istadju amministrattiv tal-proċedura lil diversi applikanti fl-istess ħin.

2.   Għall-finijiet tal-proċedura amministrattiva, konsulenza legali mingħajr ħlas għandha tinkludi l-għoti ta’:

(a)

gwida fuq u spjegazzjoni tal-proċedura amministrattiva inkluż informazzjoni dwar id-drittijiet u l-obbligi matul dik il-proċedura;

(b)

assistenza dwar il-preżentazzjoni tal-applikazzjoni u gwida dwar:

(i)

il-proċeduri differenti li fil-qafas tagħhom l-applikazzjoni tista’ tiġi eżaminata u r-raġunijiet għall-applikazzjoni ta’ dawk il-proċeduri,

(ii)

ir-regoli relatati mal-ammissibbiltà ta’ applikazzjoni,

(iii)

kwistjonijiet legali li jinqalgħu matul il-proċedura, inkluż informazzjoni dwar kif tiġi kkontestata deċiżjoni li tiġi miċħuda applikazzjoni f’konformità mal-Artikoli 67, 68 u 69.

3.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 1, l-għoti ta’ konsulenza legali mingħajr ħlas fil-proċedura amministrattiva jista’ jiġi eskluż meta:

(a)

l-applikazzjoni hija l-ewwel applikazzjoni sussegwenti meqjusa bħala li ġiet ippreżentata sempliċiment sabiex jiġi ttardjat jew imfixkel l-infurzar ta’ deċiżjoni ta’ ritorn li tirriżulta fit-tneħħija imminenti tal-applikant mill-Istat Membru;

(b)

l-applikazzjoni hija t-tieni applikazzjoni jew applikazzjoni sussegwenti ulterjuri;

(c)

l-applikant ikun diġà assistit u rrappreżentat minn konsulent legali.

4.   Għall-fini tal-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu, l-Istati Membri jistgħu jitolbu l-assistenza tal-Aġenzija għall-Ażil. Barra minn hekk, l-appoġġ finanzjarju jista’ jiġi pprovdut permezz ta’ fondi tal-Unjoni lill-Istati Membri, f’konformità mal-atti legali li jirregolaw tali fondi.

Artikolu 17

Assistenza u rappreżentanza legali mingħajr ħlas fil-proċedura ta’ appell

1.   Fil-proċedura ta’ appell, l-Istati Membri għandhom, fuq it-talba tal-applikant, jiżguraw li jingħata assistenza u rappreżentanza legali mingħajr ħlas. Tali assistenza u rappreżentanza legali mingħajr ħlas għandhom jinkludu t-tħejjija tad-dokumenti proċedurali meħtieġa skont il-liġi nazzjonali, it-tħejjija tal-appell u, fil-każ ta’ seduta ta’ smigħ, il-parteċipazzjoni f’dik is-seduta ta’ smigħ quddiem qorti jew tribunal.

2.   L-għoti ta’ assistenza u rappreżentanza legali mingħajr ħlas fil-proċedura ta’ appell tista’ tiġi eskluża mill-Istati Membri meta:

(a)

l-applikant, li għandu jiżvela s-sitwazzjoni finanzjarja tiegħu, jitqies li għandu biżżejjed riżorsi biex jaffordja assistenza u rappreżentanza legali bi spiża għalih stess;

(b)

ikun ikkunsidrat li l-appell ma jkollu ebda prospett tanġibbli ta’ suċċess jew ikun abbużiv;

(c)

l-appell jew ir-rieżami ikun fit-tieni livell ta’ appell jew ogħla kif previst fil-liġi nazzjonali, inkluż smigħ mill-ġdid jew rieżamijiet tal-appell;

(d)

l-applikant ikun diġà assistit jew irrappreżentat minn konsulent legali.

3.   Fejn tittieħed deċiżjoni li ma tingħatax assistenza u rappreżentanza legali mingħajr ħlas minn awtorità li mhix qorti jew tribunal minħabba li jkun meqjus li l-appell ma jkollu ebda prospett tanġibbli ta’ suċċess jew ikun abbużiv, l-applikant għandu jkollu d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti jew tribunal kontra dik id-deċiżjoni. Għal dak il-fini, l-applikant għandu jkun intitolat li jitlob assistenza u rappreżentanza legali mingħajr ħlas.

Artikolu 18

Ambitu tal-konsulenza legali u l-assistenza u r-rappreżentanza legali

1.   Konsulent legali li jirrappreżenta legalment applikant skont it-termini tal-liġi nazzjonali, għandu jingħata aċċess għall-informazzjoni li tinsab fil-fajl tal-applikant li fuq il-bażi tiegħu tittieħed jew tkun ser tittieħed deċiżjoni.

2.   L-aċċess għall-informazzjoni jew għas-sorsi fil-fajl tal-applikant jista’ jiġi miċħud f’konformità mal-liġi nazzjonali fejn l-iżvelar ta’ informazzjoni jew sorsi jista’ jipperikola s-sigurtà nazzjonali, is-sigurtà tal-organizzazzjonijiet jew tal-persuni li jipprovdu l-informazzjoni jew is-sigurtà tal-persuni li magħhom hija relatata l-informazzjoni jew fejn l-interessi investigattivi relatati mal-eżami tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jew ir-relazzjonijiet internazzjonali tal-Istati Membri jkunu kompromessi jew fejn l-informazzjoni jew is-sorsi jkunu klassifikati skont il-liġi nazzjonali. F’dawk il-każijiet, l-awtorità determinanti għandha:

(a)

tagħmel l-aċċess għal tali informazzjoni jew sorsi disponibbli għall-qrati jew it-tribunali fil-proċedura tal-appell; u

(b)

tiżgura li d-dritt tal-applikant għal difiża jiġi rrispettat.

Fir-rigward tal-punt (b) tal-ewwel subparagrafu, l-Istati Membri għandhom jagħtu aċċess għal informazzjoni jew sorsi lil konsulent legali, li jirrappreżenta legalment lill-applikant u li tkun saritlu verifika tas-sigurtà, dment li l-informazzjoni tkun rilevanti għall-eżami tal-applikazzjoni jew għat-teħid ta’ deċiżjoni li tiġi rtirata l-protezzjoni internazzjonali.

3.   Il-konsulent legali tal-applikant jew il-persuna inkarigata bl-għoti ta’ konsulenza legali, li tagħti konsulenza, tassisti jew tirrappreżenta applikant għandu jkollha aċċess għal żoni magħluqin, bħal faċilitajiet ta’ detenzjoni u żoni ta’ tranżitu sabiex tagħti konsulenza, tassisti jew tirrappreżenta dak l-applikant, f’konformità mad-Direttiva (UE) 2024/1346.

Artikolu 19

Kundizzjonijiet għall-għoti ta’ konsulenza, assistenza u rappreżentanza legali mingħajr ħlas

1.   Konsulenza, assistenza u rappreżentanza legali mingħajr ħlas għandha tingħata minn konsulenti legali jew kunsilliera oħra, ammessi jew permessi skont il-liġi nazzjonali li jagħtu konsulenza, jassistu jew jirrappreżentaw lill-applikanti jew minn organizzazzjonijiet mhux governattivi akkreditati skont il-liġi nazzjonali biex jipprovdu servizzi jew rappreżentanza legali lill-applikanti.

2.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli proċedurali speċifiċi li jikkonċernaw l-arranġamenti għall-arkivjar u l-ipproċessar ta’ talbiet għall-għoti ta’ konsulenza, assistenza u rappreżentanza legali mingħajr ħlas fir-rigward ta’ applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali, jew għandhom japplikaw ir-regoli eżistenti għal talbiet domestiċi ta’ natura simili, sakemm dawk ir-regoli ma jkunux aktar restrittivi jew ma jagħmlux l-aċċess għall-konsulenza legali mingħajr ħlas jew l-assistenza u r-rappreżentanza legali mingħajr ħlas impossibbli jew eċċessivament diffiċli.

3.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli speċifiċi dwar l-esklużjoni tal-għoti ta’ konsulenza, assistenza u rappreżentanza legali mingħajr ħlas f’konformità mal-Artikolu 16(3) u l-Artikolu 17(2), rispettivament.

4.   L-Istati Membri jistgħu jimponu wkoll limiti monetarji jew limiti ta’ żmien fuq l-għoti ta’ konsulenza, assistenza u rappreżentanza legali mingħajr ħlas, dment li limiti bħal dawn ma jkunux arbitrarji u ma jillimitawx bla bżonn l-aċċess għal konsulenza, assistenza u rappreżentanza legali mingħajr ħlas; Fir-rigward ta’ tariffi u spejjeż oħra, it-trattament tal-applikanti ma għandux ikun inqas favorevoli mit-trattament li ġeneralment jingħata liċ-ċittadini tagħhom f’materji li jikkonċernaw assistenza legali.

5.   L-Istati Membri jistgħu jitolbu mingħand l-applikant il-ħlas lura totali jew parzjali tal-ispejjeż imġarrba b’rabta mal-għoti ta’ assistenza u rappreżentanza legali meta s-sitwazzjoni finanzjarja tal-applikant titjieb b’mod konsiderevoli matul il-proċedura jew meta d-deċiżjoni li tingħata assistenza u rappreżentanza legali mingħajr ħlas tkun ittieħdet fuq il-bażi ta’ informazzjoni falza mogħtija mill-applikant. Għal dak l-għan, l-applikanti għandhom jinfurmaw minnufih lill-awtoritajiet kompetenti dwar kwalunkwe bidla sinifikanti fis-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom.

TAQSIMA IV

Garanziji speċjali

Artikolu 20

Valutazzjoni tal-ħtieġa għal garanziji proċedurali speċjali

1.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jivvalutaw individwalment jekk l-applikant ikunx jeħtieġ garanziji proċedurali speċjali, bl-assistenza ta’ interpretu, fejn meħtieġ. Dik il-valutazzjoni tista’ tiġi integrata fi proċeduri nazzjonali eżistenti jew fil-valutazzjoni msemmija fl-Artikolu 25 tad-Direttiva (UE) 2024/1346 u ma hemmx bżonn tieħu s-sura ta’ proċedura amministrattiva. Fejn meħtieġ mil-liġi nazzjonali, il-valutazzjoni tista’ ssir disponibbli lill-awtorità determinanti, u r-riżultati tal-valutazzjoni jistgħu jintbagħtulha, soġġett għall-kunsens tal-applikant.

2.   Il-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tinbeda mill-iktar fis possibbli wara li ssir l-applikazzjoni billi jiġi identifikat jekk applikant jippreżentax l-ewwel indikazzjonijiet li jista’ jeħtieġ garanziji proċedurali speċjali. Dik l-identifikazzjoni għandha tkun ibbażata fuq sinjali viżibbli, id-dikjarazzjonijiet jew l-imġiba tal-applikant, jew kwalunkwe dokument rilevanti. Fil-każ ta’ minuri, għandhom jitqiesu wkoll id-dikjarazzjonijiet tal-ġenituri, tal-adult responsabbli għall-minuri kemm jekk bil-liġi jew bil-prattika tal-Istat Membru kkonċernat jew tar-rappreżentant tal-applikant. Meta jirreġistraw l-applikazzjoni, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jinkludu informazzjoni dwar l-ewwel indikazzjonijiet kollha fil-fajl tal-applikant u għandhom jagħmlu dik l-informazzjoni disponibbli għall-awtorità determinanti.

3.   Il-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha titkompla wara li tiġi ppreżentata l-applikazzjoni, b’kont meħud ta’ kwalunkwe informazzjoni fil-fajl tal-applikant.

Il-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tiġi konkluża kemm jista’ jkun malajr, u fi kwalunkwe każ, fi żmien 30 jum. Din għandha tiġi rieżaminata fil-każ ta’ kwalunkwe bidla rilevanti fiċ-ċirkostanzi tal-applikant jew meta l-ħtieġa għal garanziji proċedurali speċjali ssir evidenti wara li tkun tlestiet il-valutazzjoni.

4.   L-awtorità kompetenti tista’ tirreferi l-applikant, soġġett għall-kunsens minn qabel tiegħu, lit-tabib jew psikologu xieraq jew lil professjonist ieħor għal parir dwar il-ħtieġa tal-applikant għal garanziji proċedurali speċjali, filwaqt li tagħti prijorità lil każijiet fejn ikun hemm indikazzjonijiet li l-applikanti setgħu kienu vittmi ta’ tortura, stupru jew forma serja oħra ta’ vjolenza psikoloġika, fiżika, sesswali jew abbażi tal-ġeneru u li dan jista’ jaffettwa b’mod negattiv il-kapaċità tagħhom li jipparteċipaw b’mod effettiv fil-proċedura. Meta l-applikant jagħti l-kunsens tiegħu li jiġi riferit f’konformità ma’ dan is-subparagrafu, tali kunsens għandu jitqies li jinkludi l-kunsens għat-trażmissjoni tar-riżultati tar-riferiment lill-awtorità kompetenti.

Il-parir mogħti skont l-ewwel subparagrafu għandu jitqies mill-awtorità determinanti meta tiddeċiedi dwar it-tip ta’ garanziji proċedurali speċjali li jistgħu jingħataw lill-applikant.

Fejn applikabbli u mingħajr preġudizzju għall-eżami mediku, il-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 tista’ tiġi integrata mal-eżamijiet mediċi msemmijin fl-Artikoli 24 u 25.

5.   Il-persunal rilevanti tal-awtoritajiet kompetenti u kwalunkwe tabib, psikologu jew professjonist ieħor li jagħti parir dwar il-ħtieġa għal garanziji proċedurali speċjali għandu jirċievi taħriġ biex ikun jista’ jagħraf jindividwa sinjali ta’ vulnerabbiltà min-naħa ta’ applikant li jista’ jeħtieġ garanziji proċedurali speċjali u jindirizza dawk il-ħtiġijiet meta jiġu identifikati.

Artikolu 21

Applikanti li jkollhom bżonn ta’ garanziji proċedurali speċjali

1.   Fejn l-applikanti jkunu ġew identifikati bħala li jkollhom bżonn ta’ garanziji proċedurali speċjali, dawn għandhom jingħataw l-appoġġ meħtieġ sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw mid-drittijiet u jkunu konformi mal-obbligi ta’ dan ir-Regolament matul il-proċedura kollha tal-protezzjoni internazzjonali.

2.   Fejn l-awtorità determinanti, inkluż abbażi tal-valutazzjoni ta’ awtorità nazzjonali rilevanti oħra, tqis li l-appoġġ meħtieġ imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu ma jistax jiġi pprovdut fil-qafas tal-proċedura aċċellerata ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 42 jew il-proċedura fuq il-fruntiera msemmija fl-Artikolu 43, b’attenzjoni partikolari għall-vittmi ta’ tortura, stupru jew forom serji oħra ta’ vjolenza psikoloġika, fiżika, sesswali jew vjolenza abbażi tal-ġeneru, l-awtorità determinanti ma għandhiex tapplika jew għandha tieqaf tapplika dawk il-proċeduri għall-applikant.

Artikolu 22

Garanziji għall-minuri

1.   L-aħjar interessi tat-tfal għandhom ikunu konsiderazzjoni primarja għall-awtoritajiet kompetenti meta japplikaw dan ir-Regolament.

2.   L-awtorità determinanti għandha tivvaluta l-aħjar interessi tat-tfal f’konformità mal-Artikolu 26 tad-Direttiva (UE) 2024/1346.

3.   L-awtorità determinanti għandha tagħti lill-minuri l-opportunità ta’ intervista personali, inkluż fejn issir applikazzjoni f’isimhom f’konformità mal-Artikolu 32 u l-Artikolu 33(1), għajr jekk dan ma jkunx fl-aħjar interessi tat-tfal. F’dak il-każ, l-awtorità determinanti għandha tagħti r-raġunijiet għad-deċiżjoni li ma tagħtix lill-minuri l-opportunità ta’ intervista personali.

L-intervista personali ta’ minuri għandha ssir minn persuna li jkollha l-għarfien meħtieġ tad-drittijiet u l-ħtiġijiet speċjali tal-minuri. Din għandha titwettaq b’mod li jqis is-sitwazzjoni tat-tfal u adatt għall-kuntest, filwaqt li jitqiesu l-età u l-maturità tat-tfal.

4.   Meta minuri jkun akkumpanjat, l-intervista personali għandha ssir fil-preżenza ta’ adult responsabbli għalih, kemm jekk bil-liġi jew bil-prattika tal-Istat Membru kkonċernat, u fejn ikun inħatar wieħed, ta’ konsulent legali. L-Istati Membri jistgħu wkoll, fejn meħtieġ, u meta jkun fl-aħjar interessi tat-tfal, iwettqu l-intervista personali ma’ dak il-minuri fil-preżenza ta’ persuna bil-ħiliet u l-għarfien espert meħtieġa. Għal raġunijiet ġustifikati u biss meta jkun fl-aħjar interessi tat-tfal, l-awtorità determinanti tista’ tintervista lill-minuri mingħajr il-preżenza ta’ adult responsabbli, dment li tiżgura li matul l-intervista l-minuri jkun assistit minn persuna bil-ħiliet u l-għarfien espert meħtieġa sabiex jiġu salvagwardjati l-aħjar interessi tal-minuri.

5.   Id-Deċiżjoni dwar l-applikazzjoni ta’ minuri għandha titħejja mill-persunal rilevanti tal-awtorità determinanti. Dak il-persunal rilevanti għandu jkollu l-għarfien meħtieġ u jkun irċieva t-taħriġ xieraq dwar id-drittijiet u l-ħtiġijiet speċjali tal-minuri.

Artikolu 23

Garanziji speċjali għal minuri mhux akkumpanjati

1.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li l-minuri mhux akkumpanjati jkunu rappreżentati u assistiti b’tali mod li jkunu jistgħu jibbenefikaw mid-drittijiet u jikkonformaw mal-obbligi skont dan ir-Regolament, ir-Regolament (UE) 2024/1351, id-Direttiva (UE) 2024/1346 u r-Regolament (UE) . 2024/1358.

2.   Fejn applikazzjoni ssir minn persuna li tiddikjara li hija minuri, jew li fir-rigward tagħha hemm raġunijiet oġġettivi biex wieħed jemmen li hija minuri, li mhijiex akkumpanjata, l-awtoritajiet kompetenti għandhom:

(a)

jaħtru mill-aktar fis possibbli u fi kwalunkwe każ b’mod f’waqtu għall-finijiet tal-paragrafu 6 u, fejn applikabbli, il-paragrafu 7, persuna bil-ħiliet u l-għarfien espert meħtieġa biex tassisti lill-minuri b’mod proviżorju sabiex tissalvagwardja l-aħjar interessi u l-benesseri ġenerali tiegħu, li jippermettu lill-minuri jibbenefika mid-drittijiet skont dan ir-Regolament u, fejn applikabbli, taġixxi bħala rappreżentant sakemm jinħatar rappreżentant;

(b)

jaħtru rappreżentant mill-aktar fis possibbli u mhux aktar tard minn 15-il jum ta’ xogħol mid-data li fiha ssir l-applikazzjoni.

Ir-rappreżentant u l-persuna msemmija fl-ewwel subparagrafu, il-punt (a), ta’ dan il-paragrafu jistgħu jkunu l-istess persuna kif previst fl-Artikolu 27 tad-Direttiva (UE) 2024/1346. Dawn għandhom jiltaqgħu mal-minuri mhux akkumpanjat u jqisu l-fehmiet proprji tal-minuri dwar il-ħtiġijiet tiegħu skont l-età u l-maturità tal-minuri.

Meta l-awtorità kompetenti tkun ikkonkludiet li applikant li jiddikjara li huwa minuri jkollu mingħajr ebda dubju aktar minn 18-il sena, ma għandhiex għalfejn taħtar rappreżentant f’konformità mal-ewwel subparagrafu.

Id-dmirijiet tar-rappreżentant jew tal-persuna msemmija fl-ewwel subparagrafu, il-punt (a), ta’ dan il-paragrafu għandhom jieqfu meta l-awtoritajiet kompetenti, wara l-valutazzjoni tal-età msemmija fl-Artikolu 25(1), ma jassumux li l-applikant huwa minuri jew iqisu li l-applikant mhuwiex minuri jew meta l-applikant ma jkunx għadu minuri mhux akkumpanjat.

3.   Fil-każ ta’ għadd sproporzjonat ta’ applikazzjonijiet magħmula minn minuri mhux akkumpanjati jew f’sitwazzjonijiet eċċezzjonali oħra, il-limitu ta’ żmien għall-ħatra ta’ rappreżentant kif imsemmi fil-paragrafu 2, l-ewwel subparagrafu, il-punt (b), jista’ jiġi estiż b’għaxart ijiem ta’ xogħol, mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2, it-tielet subparagrafu.

4.   Meta organizzazzjoni tinħatar skont il-paragrafu 2, hija għandha taħtar persuna fiżika biex twettaq il-kompiti msemmija f’dan l-Artikolu fir-rigward tal-minuri mhux akkumpanjat.

5.   L-awtorità kompetenti għandha minnufih tinforma:

(a)

lill-minuri mhux akkumpanjat, b’mod adattat għat-tfal li jista’ jifhem, dwar il-ħatra tal-persuna msemmija fil-paragrafu 2, l-ewwel subparagrafu, il-punt (a), u tar-rappreżentant tiegħu u dwar kif jista’ jressaq ilment kontra l-persuna msemmija fil-paragrafu 2, l-ewwel subparagrafu, il-punt (a) jew (b), b’kunfidenzjalità u sikurezza.

(b)

lill-awtorità determinanti u lill-awtorità kompetenti għar-reġistrazzjoni tal-applikazzjoni, fejn applikabbli, li jkun inħatar rappreżentant għall-minuri mhux akkumpanjat; u

(c)

lill-persuna msemmija fil-paragrafu 2, l-ewwel subparagrafu, il-punt (a), u lir-rappreżentant bil-fatti rilevanti, il-passi proċedurali u l-limiti ta’ żmien marbuta mal-applikazzjoni tal-minuri mhux akkumpanjat.

Ir-rappreżentant u l-persuna msemmija fil-paragrafu 2, l-ewwel subparagrafu, il-punt (a), għandu jkollhom aċċess għall-kontenut tad-dokumenti rilevanti fil-fajl tal-minuri inkluż il-materjal ta’ informazzjoni speċifiku għall-minuri mhux akkumpanjati.

6.   Il-persuna msemmija fil-paragrafu 2, l-ewwel subparagrafu, il-punt (a), għandha tiltaqa’ mal-minuri mhux akkumpanjat u twettaq, fost oħrajn, il-kompiti li ġejjin, fejn xieraq flimkien mal-konsulent legali:

(a)

tipprovdi lill-minuri mhux akkumpanjat l-informazzjoni rilevanti fir-rigward tal-proċeduri previsti f’dan ir-Regolament;

(b)

fejn applikabbli, tassisti lill-minuri mhux akkumpanjat fir-rigward tal-proċedura ta’ valutazzjoni tal-età msemmija fl-Artikolu 25;

(c)

fejn applikabbli, tipprovdi lill-minuri mhux akkumpanjat l-informazzjoni rilevanti u tassistih fir-rigward tal-proċeduri previsti fir-Regolament (UE) 2024/1351 u (UE) 2024/1358.

7.   Sakemm ma jkunx inħatar rappreżentant, l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw lill-persuna msemmija fil-paragrafu 2, l-ewwel subparagrafu, il-punt (a), biex tassisti lill-minuri fir-reġistrazzjoni u l-preżentazzjoni tal-applikazzjoni jew tippreżenta l-applikazzjoni f’isem il-minuri f’konformità mal-Artikolu 33.

8.   Ir-rappreżentant għandu jiltaqa’ mal-minuri mhux akkumpanjat u għandu jwettaq, fost oħrajn, il-kompiti li ġejjin, fejn xieraq flimkien mal-konsulent legali:

(a)

fejn applikabbli, jipprovdi lill-minuri mhux akkumpanjat l-informazzjoni rilevanti fir-rigward tal-proċeduri previsti f’dan ir-Regolament;

(b)

fejn applikabbli, jassistih fil-proċedura ta’ valutazzjoni tal-età msemmija fl-Artikolu 25;

(c)

fejn applikabbli, jassistih fir-reġistrazzjoni tal-applikazzjoni;

(d)

fejn applikabbli, jassistih fil-preżentazzjoni tal-applikazzjoni jew jippreżenta l-applikazzjoni f’isem il-minuri mhux akkumpanjat f’konformità mal-Artikolu 33;

(e)

fejn applikabbli, jassisti fit-tħejjija ta’ u jkun preżenti għall-intervista personali u jinforma lill-minuri mhux akkumpanjat dwar l-għan u l-konsegwenzi possibbli tal-intervista personali u dwar kif iħejji għal dik l-intervista;

(f)

fejn applikabbli, jipprovdi lill-minuri mhux akkumpanjat l-informazzjoni rilevanti u jassisti lill-minuri mhux akkumpanjat fir-rigward tal-proċeduri previsti fir-Regolamenti (UE) 2024/1351 u (UE) 2024/1358.

Fl-intervista personali, ir-rappreżentant u l-konsulent legali għandu jkollhom l-opportunità li jistaqsu mistoqsijiet jew jagħmlu kummenti fil-qafas stabbilit mill-persuna li tagħmel l-intervista.

L-awtorità determinanti tista’ tesiġi li l-minuri mhux akkumpanjat ikun preżenti fl-intervista personali, anke jekk ikun preżenti r-rappreżentant jew il-konsulent legali.

9.   Ir-rappreżentant għandu jwettaq dmirijietu f’konformità mal-prinċipju tal-aħjar interessi tat-tfal u għandu jkollu l-kwalifiki, it-taħriġ u l-għarfien espert meħtieġa. Ir-rappreżentanti għandhom jirċievu taħriġ regolari biex iwettqu l-kompiti tagħhom u ma għandux ikollhom rekord kriminali, b’mod partikolari f’dak li jikkonċerna kwalunkwe delitt jew reat relatat mat-tfal.

Ir-rappreżentant għandu jinbidel biss jekk l-awtoritajiet kompetenti jqisu li l-kompiti ta’ dak ir-rappreżentant jew persuna ma jkunux twettqu b’mod adegwat. Organizzazzjonijiet jew persuni fiżiċi li l-interessi tagħhom joħolqu kunflitt jew jistgħu possibbilment joħolqu kunflitt ma’ dawk tal-minuri mhux akkumpanjati ma għandhomx jinħatru bħala rappreżentanti.

10.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom iqiegħdu persuna fiżika li taġixxi bħala rappreżentant jew persuna xierqa biex taġixxi b’mod proviżorju bħala rappreżentant responsabbli għal għadd proporzjonat u limitat ta’ minuri mhux akkumpanjati u, f’ċirkostanzi normali, ta’ mhux aktar minn 30 minuri mhux akkumpanjati fl-istess ħin, sabiex jiġi żgurat li tkun tista’ twettaq il-kompiti tagħha b’mod effettiv.

Fil-każ ta’ għadd sproporzjonat ta’ applikazzjonijiet magħmula minn minuri mhux akkumpanjati jew f’sitwazzjonijiet eċċezzjonali oħra, l-għadd ta’ minuri mhux akkumpanjati għal kull rappreżentant jista’ jiżdied sa mhux aktar minn ħamsin minuri mhux akkumpanjati.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun hemm awtoritajiet amministrattivi jew ġudizzjarji jew entitajiet oħra responsabbli biex jissorveljaw, fuq bażi regolari, it-twettieq xieraq tal-kompiti mir-rappreżentanti u mill-persuni maħtura skont il-paragrafu 2, l-ewwel subparagrafu, il-punt (a), inkluż billi jirrieżaminaw ir-rekords kriminali ta’ dawk ir-rappreżentanti maħtura u persuni maħtura f’intervalli regolari sabiex jidentifikaw inkompatibbiltajiet potenzjali mar-rwol tagħhom. Dawk l-awtoritajiet amministrattivi jew ġudizzjarji jew entitajiet oħra għandhom jirrieżaminaw l-ilmenti mressqa minn minuri mhux akkumpanjati kontra rappreżentanti maħtura jew persuni maħtura skont il-paragrafu 2, l-ewwel subparagrafu, il-punt (a).

TAQSIMA V

Eżami mediku u valutazzjoni tal-età

Artikolu 24

Eżami mediku

1.   Fejn l-awtorità determinanti tqis li huwa rilevanti għall-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, għandha, soġġett għall-kunsens tal-applikant, titlob eżami mediku tal-applikant li jirrigwarda sinjali u sintomi li jistgħu jindikaw persekuzzjoni jew ħsara serja fil-passat u tkun infurmata bir-riżultati tiegħu.

2.   Fil-każ ta’ minuri, l-eżami mediku għandu jsir biss meta l-ġenitur, l-adult responsabbli għalih kemm jekk bil-liġi jew bil-prattika tal-Istat Membru kkonċernat, ir-rappreżentant jew il-persuna msemmija fl-Artikolu 23(2), il-punt (a), u, fejn previst mil-liġi nazzjonali, l-applikant, jagħtu l-kunsens tagħhom.

L-eżami mediku għandu jkun mingħajr ħlas għall-applikant u jitħallas mill-fondi pubbliċi.

Fejn applikabbli, il-kontrolli tas-saħħa u tal-vulnerabbiltà msemmija fl-[Artikolu 12 tar-Regolament (UE) 2024/1356 jistgħu jitqiesu għall-eżami mediku msemmi f’dan l-Artikolu.

3.   Meta ma jsir ebda eżami mediku f’konformità mal-paragrafu 1, l-awtorità determinanti għandha tinforma lill-applikanti li jistgħu, fuq inizjattiva individwali u bi spiża għalihom, jirranġaw biex isir eżami mediku li jirrigwarda sinjali u sintomi li jistgħu jindikaw persekuzzjoni jew ħsara serja fil-passat.

4.   Ir-riżultati tal-eżamijiet mediċi msemmija fil-paragrafi 1 u 3 għandhom jiġu ppreżentati lill-awtorità determinanti u lill-applikant malajr kemm jista’ jkun, u għandhom ikunu vvalutati mill-awtorità determinanti flimkien mal-elementi l-oħra tal-applikazzjoni.

5.   L-eżami mediku għandu jkun l-inqas invażiv possibbli u għandu jitwettaq biss minn professjonisti mediċi kwalifikati. Dan għandu jsir b’mod li jirrispetta d-dinjità tal-individwu.

6.   Ir-rifjut ta’ applikant li jagħmel eżami mediku jew deċiżjoni li jagħmel eżami mediku fuq l-inizjattiva tiegħu stess, fejn tali eżami ma jsirx f’perjodu ta’ żmien xieraq b’kont meħud tad-disponibbiltà tal-appuntamenti mediċi fl-Istat Membru responsabbli, ma għandhiex tipprevjeni lill-awtorità determinanti milli tieħu deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali.

Artikolu 25

Valutazzjoni tal-età ta’ minuri

1.   Meta, b’riżultat tad-dikjarazzjonijiet tal-applikant, evidenza ta’ dokumenti disponibbli jew indikazzjonijiet rilevanti oħrajn, ikun hemm dubju dwar jekk l-applikant huwiex minuri jew le, l-awtorita’ determinanti tista’ titlob li ssir valutazzjoni multidixxiplinari, inkluż valutazzjoni psikosoċjali, minn professjonisti kwalifikati bil-għan li tiġi stabbilita l-età tal-applikant fil-kuntest ta’ eżami ta’ applikazzjoni. Il-valutazzjoni tal-età ma għandhiex tkun ibbażata biss fuq id-dehra fiżika jew fuq l-imġiba tal-applikant. Għall-finijiet tal-valutazzjoni tal-età, id-dokumenti disponibbli għandhom jitqiesu bħala ġenwini għajr jekk ikun hemm evidenza li mhumiex, u d-dikjarazzjonijiet li jsiru mill-minuri għandhom jiġu kkunsidrati.

2.   Meta jippersistu d-dubji dwar l-età ta’ applikant wara l-valutazzjoni multidixxiplinari, l-eżamijiet mediċi jistgħu jintużaw bħala l-aħħar alternattiva biex tkun determinata l-età tal-applikant fil-qafas ta’ eżami ta’ applikazzjoni. Fejn ir-riżultat tal-valutazzjoni tal-età msemmija f’dan il-paragrafu ma jkunx konklużiv fir-rigward tal-età tal-applikant, jew jinkludi firxa ta’ etajiet ta’ inqas minn 18-il sena, l-Istati Membri għandhom jassumu li l-applikant huwa minuri.

3.   Kwalunkwe eżami mediku li jsir għall-finijiet stipulati fil-paragrafu 2 għandu jkun l-inqas invażiv possibbli u għandu jitwettaq b’rispett sħiħ tad-dinjità tal-individwu. Dawn għandhom jitwettqu minn professjonisti mediċi b’esperjenza u għarfien espert fl-istima tal-età.

Fejn japplika dan il-paragrafu, ir-riżultati mill-eżami mediku u l-valutazzjoni multidixxiplinari għandhom jiġu analizzati flimkien, u b’hekk jippermettu l-aktar riżultat affidabbli possibbli.

4.   Meta l-eżamijiet mediċi jintużaw biex tiġi vvalutata l-età ta’ applikant, l-awtorità kompetenti għandha tiżgura li l-applikanti, u l-ġenituri tagħhom, l-adulti responsabbli għalihom kemm jekk bil-liġi jew bil-prattika tal-Istat Membru kkonċernat, ir-rappreżentant tagħhom jew il-persuna msemmija fl-Artikolu 23(2), il-punt (a), jiġu infurmati, qabel l-eżami tal-applikazzjoni tagħhom għal protezzjoni internazzjonali, u b’lingwa li jifhmu u b’mod adatt għat-tfal u xieraq għall-età tagħhom, bil-possibbiltà li l-età tagħhom tista’ tiġi vvalutata permezz ta’ eżami mediku. Dak għandu jinkludi informazzjoni dwar il-metodu tal-eżami, dwar il-konsegwenzi possibbli li r-riżultat tal-eżami mediku jista’ jkollu għall-eżami tal-applikazzjoni, u dwar il-possibbiltà u l-konsegwenzi ta’ rifjut min-naħa tal-applikant illi joqgħod għal eżami mediku. Id-dokumenti kollha dwar l-eżami mediku għandhom jiġu inklużi fil-fajl tal-applikant.

5.   Eżami mediku biex tiġi vvalutata l-età tal-applikanti għandu jitwettaq biss meta l-applikanti, il-ġenituri tagħhom, l-adult responsabbli msemmi fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu, ir-rappreżentant tagħhom jew il-persuna msemmija fl-Artikolu 23(2), il-punt (a), jagħtu l-kunsens tagħhom wara li jkunu rċevew l-informazzjoni prevista fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu.

6.   Ir-rifjut mill-applikanti, il-ġenituri tagħhom, l-adult responsabbli msemmi fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu, ir-rappreżentant tagħhom jew il-persuna msemmija fl-Artikolu 23(2), il-punt (a), li jagħmlu eżami mediku li jitwettaq għall-finijiet tal-valutazzjoni tal-età ma għandux jipprevjeni lill-awtorità determinanti milli tieħu deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. Tali rifjut jista’ jitqies biss li huwa preżunzjoni konfutabbli li l-applikant mhuwiex minuri.

7.   Stat Membru jista’ jirrikonoxxi deċiżjonijiet tal-valutazzjoni tal-età li jittieħdu minn Stati Membri oħra meta l-valutazzjonijiet tal-età jkunu saru f’konformità mal-liġi tal-Unjoni.

KAPITOLU III

PROĊEDURA AMMINISTRATTIVA

TAQSIMA I

Aċċess għall-proċedura

Artikolu 26

Tħejjija ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali

1.   Applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali għandha titqies li tkun saret meta ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida, inkluż minuri mhux akkumpanjat, jesprimi personalment lil awtorità kompetenti kif imsemmi fl-Artikolu 4(1) u (2) ix-xewqa li jirċievi protezzjoni internazzjonali minn Stat Membru.

Fejn l-uffiċjali mill-awtorità kompetenti jkollhom dubji dwar jekk ċerti dikjarazzjonijiet għandhomx jitqiesu bħala applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, huma għandhom jistaqsu lill-persuna espressament jekk hi tixtieqx tirċievi protezzjoni internazzjonali.

2.   L-awtoritajiet responsabbli għall-faċilitajiet ta’ akkoljenza f’konformità mad-Direttiva (UE) 2024/1346 għandhom, fejn rilevanti, jiġu infurmati li saret applikazzjoni. Għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi soġġetti għall-iskrinjar imsemmi fl-[Artikolu 5(1) tar-Regolament (UE) 2024/1356, l-Istati Membri jistgħu jagħżlu li japplikaw dan il-paragrafu biss wara li jkun intemm l-iskrinjar.

Artikolu 27

Reġistrazzjoni ta’ applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali

1.   Mingħajr preġudizzju għall-obbligi tal-ġbir u t-trażmissjoni tad-data f’konformità mal-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) 2024/1358, l-awtoritajiet kompetenti għar-reġistrazzjoni tal-applikazzjonijiet, l-awtoritajiet ta’ Stat Membru ieħor imsemmija fl-Artikolu 5(1), punt (b) ta’ dan ir-Regolament jew l-esperti mibgħuta mill-Aġenzija għall-Ażil li jassistuhom f’dak il-kompitu għandhom jirreġistraw applikazzjoni minnufih, u mhux aktar tard minn ħamest ijiem minn meta tkun saret. Għal dak l-għan huma għandhom jirreġistraw l-informazzjoni li ġejja, li tista’ tiġi mill-formola tal-iskrinjar imsemmija fl-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2024/1356:

(a)

l-isem, id-data u l-post tat-twelid tal-applikant, il-ġeneru, iċ-ċittadinanzi jew il-fatt li l-applikant ikun persuna apolida, il-membri tal-familja kif definiti fl-Artikolu 2, il-punt (8), tar-Regolament (UE) 2024/1351 u, fil-każ ta’ minuri, aħwa jew qraba kif definiti fl-Artikolu 2, il-punt (9), ta’ dak ir-Regolament preżenti fi Stat Membru, fejn applikabbli, u dettalji personali oħra tal-applikant li jkunu rilevanti għall-proċedura tal-protezzjoni internazzjonali u għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli;

(b)

fejn ikunu disponibbli, it-tip, in-numru u l-perjodu ta’ validità ta’ kwalunkwe dokument tal-identità jew tal-ivvjaġġar tal-applikant u l-pajjiż li ħareġ dak id-dokument, u dokumenti oħra provduti mill-applikant li l-awtorità kompetenti tqis rilevanti għall-finijiet tal-identifikazzjoni tiegħu, għall-proċedura tal-protezzjoni internazzjonali u għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli;

(c)

id-data tal-applikazzjoni, il-post fejn tkun saret l-applikazzjoni u l-awtorità li lilha tkun ġiet ippreżentata l-applikazzjoni;

(d)

il-post fejn jinsab l-applikant jew il-post ta’ residenza jew l-indirizz tal-applikant u fejn disponibbli numru tat-telefown u indirizz tal-posta elettronika fejn l-applikant jista’ jiġi kkuntattjat.

Fejn id-data msemmija fil-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu tkun diġà nkisbet mill-Istati Membri qabel ma ssir l-applikazzjoni, din ma għandhiex terġa’ tintalab.

2.   Meta individwu jiddikjara li ma għandux ċittadinanza, dak il-fatt għandu jiġi rreġistrat b’mod ċar sakemm jiġi ddeterminat jekk l-individwu huwiex persuna apolida.

3.   Meta ssir applikazzjoni lil awtorità fdata bil-kompitu li tirċievi applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali li ma tkunx responsabbli għar-reġistrazzjoni tal-applikazzjonijiet, dik l-awtorità għandha minnufih u mhux aktar tard minn tlett ijiem ta’ xogħol minn meta l-applikazzjoni tkun saret tinforma lill-awtorità responsabbli għar-reġistrazzjoni tal-applikazzjonijiet. L-awtorità responsabbli għar-reġistrazzjoni tal-applikazzjonijiet għandha tirreġistra l-applikazzjoni malajr kemm jista’ jkun u mhux aktar tard minn ħamest ijiem minn meta tkun irċeviet l-informazzjoni.

4.   Fejn l-informazzjoni tinġabar mill-awtorità determinanti jew minn awtorità oħra li tkun qed tassistiha għall-fini tal-eżami tal-applikazzjoni, fil-mument tar-reġistrazzjoni tista’ tinġabar ukoll data addizzjonali meħtieġa għall-eżami tal-applikazzjoni.

5.   Meta jkun hemm għadd sproporzjonat ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew persuni apolidi li jagħmlu applikazzjoni fl-istess perjodu ta’ żmien, li jagħmilha infattibbli li l-applikazzjonijiet jiġu rreġistrati sal-iskadenzi previsti fil-paragrafi 1 u 3, l-applikazzjoni għandha tiġi rreġistrata mhux aktar tard minn ħmistax-il jum minn meta tkun saret.

6.   Mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-applikant li jippreżenta elementi ġodda b’appoġġ għall-applikazzjoni, fil-każ ta’ applikazzjoni sussegwenti, meta l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, il-punti (a), (b) u (d), u l-paragrafu 2 tkun diġà disponibbli għall-awtorità kompetenti, hija jista’ ma jkollhix għalfejn tiġbor tali data.

7.   Għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi soġġetti għall-iskrinjar imsemmi fl-Artikolu 5(1) tar-Regolament (UE) 2024/1356, il-paragrafi 1 sa 6 ta’ dan l-Artikolu għandhom japplikaw biss wara li jkun intemm l-iskrinjar.

Artikolu 28

Preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali

1.   L-applikant għandu jippreżenta l-applikazzjoni lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn issir l-applikazzjoni mill-aktar fis possibbli u mhux aktar tard minn 21 jum minn meta l-applikazzjoni tiġi rreġistrata, għajr jekk japplika l-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu, dment li jingħata opportunità effettiva li jagħmel dan f’konformità ma’ dan l-Artikolu. Meta l-applikazzjoni ma tiġix ippreżentata lill-awtorità determinanti, l-awtorità kompetenti għandha tinforma minnufih lill-awtorità determinanti dwar il-fatt li tkun ġiet ippreżentata applikazzjoni.

2.   Wara trasferiment f’konformità mal-Artikolu 46 tar-Regolament (UE) 2024/1351, l-applikant għandu jippreżenta l-applikazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru responsabbli malajr kemm jista’ jkun u mhux aktar tard minn 21 jum minn meta l-applikant jidentifika ruħu lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru responsabbli.

3.   L-applikazzjoni għandha tiġi ppreżentata personalment f’data u f’post deżinjati u, jekk applikabbli, fil-ħin ikkomunikat. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkomunikaw dik id-data u l-post lill-applikant. L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jikkomunikaw ħin lill-applikant.

L-Istati Membri jistgħu jipprevedu fil-liġi nazzjonali li applikazzjoni titqies bħala li ġiet ippreżentata personalment meta l-awtorità kompetenti tivverifika li l-applikant ikun fiżikament preżenti fit-territorju tal-Istat Membru fil-mument tar-reġistrazzjoni jew tal-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni.

4.   B’deroga mill-paragrafu 3, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu fil-liġi nazzjonali l-possibbiltà li l-applikant jippreżenta applikazzjoni permezz ta’ formola, inkluż fejn huwa ma jkunx jista’ jidher personalment minħabba ċirkostanzi serji persistenti li ma jkollux kontroll fuqhom, bħal priġunerija jew rikoveru fit-tul fi sptar. L-applikazzjoni għandha titqies li tkun ġiet ippreżentata dment li l-applikant jissottometti l-formola fil-limitu ta’ żmien stipulat fil-paragrafu 1 u dment li l-awtorità kompetenti tikkonkludi li l-kundizzjonijiet skont dan il-paragrafu ġew issodisfati. F’każijiet bħal dawn, il-limitu ta’ żmien għall-eżami tal-applikazzjoni għandu jibda jiddekorri mid-data li fiha l-awtorità kompetenti tirċievi l-formola.

5.   Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 3, fejn għadd sproporzjonat ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew persuni apolidi jagħmlu applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fl-istess perjodu ta’ żmien, li jagħmilha infattibbl li kull applikant jingħata appuntament fil-limitu ta’ żmien stabbilit fil-paragrafu 1, l-applikant għandu jingħata appuntament biex jippreżenta l-applikazzjoni tiegħu f’data mhux aktar tard minn xahrejn minn meta l-applikazzjoni tiġi rreġistrata.

6.   Meta jippreżentaw applikazzjoni, l-applikanti huma meħtieġa jippreżentaw mill-aktar fis possibbli l-elementi u d-dokumenti kollha li jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom imsemmija fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament (UE) 2024/1347 li jkunu meħtieġa biex jissostanzjaw l-applikazzjoni tagħhom. Wara li jippreżentaw l-applikazzjoni tagħhom, b’mod partikolari fl-intervista personali tagħhom, l-applikanti għandhom jitħallew jippreżentaw kwalunkwe element addizzjonali għall-eżami tiegħu, sakemm tittieħed deċiżjoni skont il-proċedura amministrattiva.

L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu skadenza f’dak il-qafas ta’ żmien għall-preżentazzjoni ta’ dawk l-elementi addizzjonali li l-applikant għandu jagħmel ħiltu biex jikkonforma magħha.

7.   L-Istati Membri jistgħu jorganizzaw l-aċċess għall-proċedura b’tali mod li t-talba ssir, tiġi reġistrata jew tiġi ppreżentata fl-istess ħin. F’każijiet bħal dawn, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-applikanti kollha jgawdu mill-garanziji previsti fl-Artikolu 8(2) sa (6). Meta t-talba ssir, tiġi reġistrata jew ippreżentata fl-istess ħin, l-applikanti għandhom jitħallew jippreżentaw l-elementi u d-dokumenti kollha fil-pussess tagħhom imsemmija fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament (UE) 2024/1347 meħtieġa biex jissostanzjaw l-applikazzjoni tagħhom matul l-intervista personali tagħhom.

Barra minn hekk, l-applikanti għandhom jitħallew jippreżentaw kwalunkwe element addizzjonali rilevanti għall-eżami tal-applikazzjoni tagħhom, sakemm tittieħed deċiżjoni dwar l-applikazzjoni tagħhom skont il-proċedura amministrattiva. L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu skadenza f’dak il-qafas ta’ żmien għall-preżentazzjoni ta’ dawk l-elementi addizzjonali li l-applikant għandu jagħmel ħiltu biex jikkonforma magħha.

Artikolu 29

Dokumenti provduti lill-applikant

1.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru fejn issir applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali għandhom, mar-reġistrazzjoni tal-applikazzjoni, jipprovdu lill-applikant b’dokument f’ismu li jindika li saret u ġiet irreġistrata applikazzjoni. Dak id-dokument għandu jibqa’ validu sa meta jinħareġ id-dokument imsemmi fil-paragrafu 4.

Wara trasferiment f’konformità mal-Artikolu 46 tar-Regolament (UE) 2024/1351, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru responsabbli għandhom, meta l-applikant jidentifikahom, jipprovdu lill-applikant b’dokument f’ismu li jindika li saret u ġiet irreġistrata applikazzjoni u li l-persuna ġiet trasferita. Dak id-dokument għandu jibqa’ validu sa meta jinħareġ id-dokument imsemmi fil-paragrafu 4.

2.   Id-dokument imsemmi fil-paragrafu 1 ma għandux għalfejn jiġi pprovdut jekk ikun possibbli li jinħareġ id-dokument imsemmi fil-paragrafu 4 sa meta ssir ir-reġistrazzjoni.

3.   Id-dokument imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jiġi rtirat meta jinħareġ id-dokument imsemmi fil-paragrafu 4.

4.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru fejn tiġi ppreżentata l-applikazzjoni f’konformità mal-Artikolu 28(1) u (2) għandhom, malajr kemm jista’ jkun wara l-preżentazzjoni tal-applikazzjoni, joħorġu dokument li jinkludi mill-inqas l-elementi li ġejjin, li għandu jiġi aġġornat kif meħtieġ:

(a)

l-isem, id-data u l-post tat-twelid tal-applikant, il-ġeneru u ċ-ċittadinanzi jew, jekk applikabbli, indikazzjoni ta’ apolidija, immaġni tal-wiċċ tal-applikant u l-firma tal-applikant;

(b)

l-awtorità emittenti, id-data u l-post tal-ħruġ u l-perjodu ta’ validità tad-dokument;

(c)

l-istatus tal-individwu bħala applikant;

(d)

dikjarazzjoni li l-applikant għandu d-dritt jibqa’ fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru għall-fini li l-applikazzjoni tiġi eżaminata u indikazzjoni dwar jekk l-applikant hux ħieles li jiċċaqlaq fit-territorju kollu ta’ dak l-Istat Membru jew f’parti minnu;

(e)

dikjarazzjoni li d-dokument mhuwiex dokument tal-ivvjaġġar u li l-applikant ma jistax jivvjaġġa lejn Stati Membri oħra mingħajr awtorizzazzjoni.

5.   Ma għandux ikun meħtieġ li jinħareġ kwalunkwe wieħed mid-dokumenti msemmija f’dan l-Artikolu meta u sakemm l-applikant ikun f’detenzjoni jew priġunerija.

Mal-ħelsien mid-detenzjoni jew priġunerija, l-applikant għandu jiġi pprovdut bid-dokument imsemmi fil-paragrafu 1 jew 4. Meta l-applikant jiġi pprovdut bid-dokument imsemmi fil-paragrafu 1 mar-rilaxx, l-applikant għandu jirċievi d-dokument imsemmi fil-paragrafu 4 mill-aktar fis possibbli.

6.   Fil-każ ta’ minuri akkumpanjati, id-dokumenti msemmija f’dan l-Artikolu maħruġa lil wieħed mill-ġenituri tal-applikant jew lill-adult responsabbli għalih kemm jekk bil-liġi jew bil-prattika tal-Istat Membru kkonċernat, jistgħu jkopru wkoll lill-minuri jekk xieraq.

7.   Id-dokumenti msemmija f’dan l-Artikolu ma għandhomx għalfejn ikunu prova tal-identità iżda għandhom jitqiesu li huma mezzi suffiċjenti biex l-applikanti jidentifikaw lilhom infushom mal-awtoritajiet nazzjonali u biex jaċċedu d-drittijiet tagħhom sakemm iddum il-proċedura tal-protezzjoni internazzjonali.

8.   Id-dokumenti msemmija fil-paragrafi 1 u 4 għandhom jagħtu d-data tar-reġistrazzjoni tal-applikazzjoni.

9.   Id-dokument imsemmi fil-paragrafu 4 għandu jkun validu sa tnax-il xahar jew sakemm l-applikant jiġi ttrasferit lejn Stat Membru ieħor f’konformità mar-Regolament (UE) 2024/1351. Meta dak id-dokument jinħareġ mill-Istat Membru responsabbli, il-validità tad-dokument għandha tiġġedded sabiex tkopri l-perjodu li matulu l-applikant għandu d-dritt jibqa’ fit-territorju tiegħu. Il-perjodu ta’ validità tad-dokument ma jikkostitwix dritt li wieħed jibqa’ fit-territorju fejn dak id-dritt intemm jew ġie sospiż f’konformità ma’ dan ir-Regolament.

Artikolu 30

Aċċess għall-proċedura f’faċilitajiet ta’ detenzjoni u f’punti ta’ qsim tal-fruntieri

1.   Fejn ikun hemm indikazzjonijiet li ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew persuni apolidi miżmuma f’faċilitajiet ta’ detenzjoni jew li jinsabu f’punti ta’ qsim tal-fruntieri, inkluż żoni ta’ tranżitu fil-fruntieri esterni, jistgħu jkunu jixtiequ jagħmlu applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, l-awtoritajiet kompetenti, skont l-Artikolu 4, għandhom jagħtuhom informazzjoni dwar il-possibbiltà li jagħmlu dan.

2.   Meta applikant japplika f’faċilità ta’ detenzjoni, f’ħabs jew f’punt ta’ qsim tal-fruntiera, inkluż żoni ta’ tranżitu fil-fruntieri esterni, l-awtoritajiet kompetenti għandhom, skont l-Artikolu 4, jagħmlu l-arranġamenti għal servizzi ta’ interpretazzjoni sa fejn ikun meħtieġ biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-proċedura tal-protezzjoni internazzjonali.

3.   Organizzazzjonijiet u persuni permessi skont il-liġi nazzjonali li jipprovdu pariri u konsulenza għandu jkollhom aċċess effettiv għal applikanti miżmuma f’faċilitajiet ta’ detenzjoni jew li jinsabu f’punti ta’ qsim tal-fruntieri, inkluż żoni ta’ tranżitu fil-fruntieri esterni. Tali aċċess jista’ jkun soġġett għal ftehim minn qabel mal-awtoritajiet kompetenti.

L-Istati Membri jistgħu jimponu limiti fuq l-aċċess kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu, permezz tal-liġi nazzjonali, fejn ikunu oġġettivament neċessarji għas-sigurtà, l-ordni pubbliku jew il-ġestjoni amministrattiva tal-punti ta’ qsim tal-fruntiera, inkluż żoni ta’ tranżitu, jew ta’ faċilità ta’ detenzjoni, sakemm l-aċċess ma jkunx limitat severament jew ma jsirx impossibbli.

Artikolu 31

Applikazzjonijiet f’isem adulti li jeħtieġu assistenza biex jeżerċitaw kapaċità ġuridika

1.   Fil-każ ta’ adult li jeħtieġ assistenza biex jeżerċita kapaċità ġuridika f’konformità mal-liġi nazzjonali (l-“adult dipendenti”), adult responsabbli għalih bil-liġi jew bil-prattika tal-Istat Membru kkonċernat jista’ jagħmel u jippreżenta applikazzjoni f’isem l-adult dipendenti.

2.   L-adult dipendenti għandu jkun preżenti għall-preżentazzjoni tal-applikazzjoni, ħlief meta jkun hemm raġunijiet ġustifikati li għalihom ma jistax ikun jew mhuwiex f’pożizzjoni li jkun preżenti jew, fejn tali possibbiltà tkun prevista fil-liġi nazzjonali, meta l-applikazzjoni tiġi ppreżentata permezz ta’ formola.

Artikolu 32

Applikazzjonijiet f’isem minuri akkumpanjati

1.   Minuri akkumpanjat għandu jkollu d-dritt li jippreżenta applikazzjoni f’ismu fejn ikollu l-kapaċità ġuridika f’konformità mal-liġi nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat. Fejn il-minuri akkumpanjat ma jkollux kapaċità ġuridika f’konformità mal-liġi nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat, ġenitur jew adult ieħor, bħal peruna li tkun legalment responsabbli għalih jew is-servizzi ta’ protezzjoni tat-tfal, responsabbli għall-minuri, kemm jekk bil-liġi kif ukoll jekk bil-prattika tal-Istat Membru kkonċernat, għandu jippreżenta l-applikazzjoni f’isem il-minuri.

2.   Fil-każ ta’ minuri akkumpanjat, li ma jkollux kapaċità ġuridika f’konformità mal-liġi nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat u li jkun preżenti fil-mument meta l-ġenitur jew adult ieħor responsabbli għalih kemm jekk bil-liġi jew bil-prattika tal-Istat Membru kkonċernat jagħmel jew jippreżenta l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fit-territorju tal-istess Stat Membru, b’mod partikolari jekk tali minuri ma jkollu l-ebda mezz legali ieħor biex joqgħod fit-territorju ta’ dak l-istess Stat Membru, applikazzjoni li ssir u li tiġi ppreżentata minn ġenitur jew adult ieħor responsabbli għalih kemm jekk bil-liġi kif ukoll jekk bil-prattika tal-Istat Membru kkonċernat għandha titqies ukoll bħala applikazzjoni li ssir u li tiġi ppreżentata għal protezzjoni internazzjonali f’isem il-minuri.

L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li japplikaw l-ewwel subparagrafu anki fil-każ ta’ minuri akkumpanjat li jkun twieled jew li jkun preżenti matul il-proċedura amministrattiva.

3.   Meta l-ġenitur jew l-adult responsabbli għall-minuri akkumpanjat imsemmi fil-paragrafu 2 jippreżenta l-applikazzjoni f’isem il-minuri, il-minuri għandu jkun preżenti għall-preżentazzjoni tal-applikazzjoni, ħlief meta jkun hemm raġunijiet ġustifikati li għalihom il-minuri ma jistax ikun jew mhuwiex f’pożizzjoni li jkun preżenti jew, fejn tali possibbiltà tkun prevista fil-liġi nazzjonali, meta l-applikazzjoni f’isem il-minuri tiġi ppreżentata permezz ta’ formola.

Artikolu 33

Applikazzjonijiet ta’ minuri mhux akkumpanjati

1.   Minuri mhux akkumpanjat għandu jkollu d-dritt li jippreżenta applikazzjoni f’ismu jekk ikollu l-kapaċità ġuridika f’konformità mal-liġi nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat. Għal dak l-għan, il-minuri mhux akkumpanjat għandu jiġi infurmat dwar l-età tal-kapaċità ġuridika fl-Istat Membru responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali. Fejn il-minuri mhux akkumpanjat ma jkollux kapaċità ġuridika f’konformità mal-liġi nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat, rappreżentant jew persuna kif imsemmija fl-Artikolu 23(2), il-punt (a), għandha tippreżenta l-applikazzjoni f’ismu.

L-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu għandu japplika mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-minuri mhux akkumpanjati għal assistenza legali u għal assistenza u rappreżentanza legali f’konformità mal-Artikoli 15 u 16.

2.   Fil-każ ta’ minuri mhux akkumpanjat, li ma jkollux kapaċità ġuridika f’konformità mal-liġi nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat, l-applikazzjoni għandha tiġi ppreżentata fil-limitu ta’ żmien stipulat fl-Artikolu 28(1), b’kont meħud tal-aħjar interessi tat-tfal.

3.   Meta r-rappreżentant ta’ minuri mhux akkumpanjat jew persuna kif imsemmija fl-Artikolu 23(2), il-punt (a), tippreżenta l-applikazzjoni f’isem il-minuri, il-minuri għandu jkun preżenti għall-preżentazzjoni tal-applikazzjoni, ħlief fejn ikun hemm raġunijiet ġustifikati li għalihom il-minuri ma jistax ikun jew mhuwiex f’pożizzjoni li jkun preżenti jew, fejn tali possibbiltà hija prevista fil-liġi nazzjonali, meta l-applikazzjoni tiġi ppreżentata permezz ta’ formola.

TAQSIMA II

Proċedura ta’ eżami

Artikolu 34

Eżami tal-applikazzjonijiet

1.   L-awtorità determinanti għandha teżamina u tieħu deċiżjoni dwar l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali f’konformità mal-prinċipji u l-garanziji bażiċi stipulati fil-Kapitolu II.

2.   L-awtorità determinanti għandha tieħu deċiżjonijiet dwar applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali wara eżami xieraq fir-rigward tal-ammissibbiltà jew il-merti ta’ applikazzjoni. L-awtorità determinanti għandha teżamina l-applikazzjonijiet oġġettivament, b’mod imparzjali u fuq bażi individwali. Għall-fini tal-eżami ta’ applikazzjoni, l-awtorità determinanti għandha tqis dan li ġej:

(a)

id-dikjarazzjonijiet u d-dokumentazzjoni rilevanti preżentati mill-applikant f’konformità mal-Artikolu 4(1) u (2) tar-Regolament (UE) 2024/1347;

(b)

informazzjoni rilevanti, preċiża u aġġornata rigward is-sitwazzjoni prevalenti fil-pajjiż ta’ oriġini tal-applikant fil-mument tat-teħid ta’ deċiżjoni dwar l-applikazzjoni, inkluż il-liġijiet u r-regolamenti tal-pajjiż ta’ oriġini u l-mod li bih jiġu applikati, miksuba minn sorsi nazzjonali, tal-Unjoni u internazzjonali rilevanti u disponibbli, inkluż organizzazzjonijiet għad-drittijiet tat-tfal, u, fejn disponibbli, l-analiżi komuni dwar is-sitwazzjoni f’pajjiżi speċifiċi ta’ oriġini u n-noti ta’ gwida msemmija fl-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) 2021/2303;

(c)

meta jiġu applikati l-kunċetti tal-ewwel pajjiż ta’ ażil jew pajjiż terz sikur, informazzjoni rilevanti, preċiża u aġġornata relatata mas-sitwazzjoni prevalenti fil-pajjiż terz li jkun qed jiġi kkunsidrat bħala l-ewwel pajjiż ta’ ażil jew pajjiż terz sikur fil-mument tat-teħid ta’ deċiżjoni dwar l-applikazzjoni, inkluż informazzjoni u analiżi dwar pajjiżi terzi sikuri msemmija fl-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) 2021/2303;

(d)

il-pożizzjoni individwali u ċ-ċirkostanzi personali tal-applikant, inkluż fatturi bħalma huma l-ambjent minn fejn ikun ġej, l-età, il-ġeneru, l-identità tal-ġeneru u l-orjentazzjoni sesswali tal-applikant, sabiex jiġi vvalutat jekk, abbażi taċ-ċirkostanzi personali tal-applikant, l-atti li għalihom l-applikant kien jew jista’ jiġi espost ikunux jammontaw għal persekuzzjoni jew ħsara serja;

(e)

jekk l-attivitajiet li kien involut fihom l-applikant minn meta jkun telaq mill-pajjiż ta’ oriġini kinux imwettqa mill-applikant għall-għan waħdieni jew ewlieni li jinħolqu l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, sabiex jiġi vvalutat jekk dawk l-attivitajiet jesponux lill-applikant għal persekuzzjoni jew ħsara serja kif imsemmi fl-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2024/1347, jekk jiġi ritornat lejn dak il-pajjiż;

(f)

jekk l-applikant ikunx mistenni b’mod raġonevoli li japprofitta ruħu mill-protezzjoni ta’ pajjiż ieħor fejn ikun jista’ jiddikjara ċ-ċittadinanza;

(g)

dment li l-Istat jew l-aġenti tal-Istat ma jkunux l-atturi ta’ persekuzzjoni jew ħsara serja, jekk tapplikax l-alternattiva għall-protezzjoni interna msemmija fl-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2024/1347.

3.   Il-persunal li jeżamina l-applikazzjonijiet u li jieħu d-deċiżjonijiet għandu jkollu l-għarfien xieraq u għandu jkun irċieva taħriġ, inkluż it-taħriġ rilevanti skont l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2021/2303 fl-istandards rilevanti applikabbli fil-qasam tal-liġi dwar l-ażil u r-refuġjati. Huma għandu jkollhom il-possibilità li jitolbu parir, meta jkun meħtieġ, minn esperti dwar kwistjonijiet partikolari, bħal pereżempju kwistjonijiet mediċi, kulturali, reliġjużi, tas-saħħa mentali, u dawk relatati mat-tfal jew mal-ġeneru. Fejn meħtieġ, jistgħu jippreżentaw talbiet lill-Aġenzija għall-Ażil, f’konformità mal-Artikolu 10(2), il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2021/2303.

4.   Id-dokumenti vvalutati mill-awtorità determinanti bħala rilevanti għall-eżami tal-applikazzjonijiet għandhom jiġu tradotti, fejn meħtieġ, għal tali eżami.

It-traduzzjoni ta’ dawk id-dokumenti rilevanti jew partijiet minnhom tista’ tiġi pprovduta minn entitajiet oħra u titħallas minn fondi pubbliċi f’konformità mal-liġi nazzjonali tal-Istat membru kkonċernat. L-applikant jista’, bi spejjeż tiegħu, jiżgura t-traduzzjoni ta’ dokumenti oħra. Għal applikazzjonijiet sussegwenti, l-applikant jista’ jkun responsabbli għat-traduzzjoni tad-dokumenti.

5.   L-awtorità determinanti tista’ tagħti prijorità lill-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali b’mod partikolari, meta:

(a)

tqis li l-applikazzjoni aktarx ikollha bażi soda;

(b)

l-applikant ikollu bżonnijiet speċjali ta’ akkoljenza fit-tifsira tal-[Artikolu 24 tad-Direttiva (UE) 2024/1346, jew ikun jeħtieġ garanziji proċedurali speċjali kif imsemmija fl-Artikoli 20 sa 23 ta’ dan ir-Regolament b’mod partikolari fil-każ ta’ minuri mhux akkumpanjati;

(c)

ikun hemm raġunijiet validi biex l-applikant jitqies bħala periklu għas-sigurtà nazzjonali jew għall-ordni pubbliku tal-Istat Membru;

(d)

l-applikazzjoni tkun applikazzjoni sussegwenti;

(e)

l-applikant kien soġġett għal deċiżjoni f’konformità mal-[Artikolu 23(2), il-punt (e), tad-Direttiva (UE) 2024/1346, kien involut f’fastidju pubbliku jew f’imġiba kriminali.

Artikolu 35

Tul tal-proċedura ta’ eżami

1.   L-eżami biex jiġi ddeterminat jekk applikazzjoni hijiex inammissibbli f’konformità mal-Artikolu 38(1), il-punti (a), (b), (c) u (d), u l-Artikolu 38(2) għandu jiġi konkluż malajr kemm jista’ jkun u mhux aktar tard minn xahrejn mid-data li fiha ġiet ippreżentata l-applikazzjoni.

Fil-każ imsemmi fl-Artikolu 38 (1), il-punt (e), l-awtorità determinanti għandha tikkonkludi l-eżami fi żmien għaxart ijiem ta’ xogħol.

L-applikazzjoni ma għandhiex titqies ammissibbli biss minħabba l-fatt li ma tittieħed l-ebda deċiżjoni dwar l-inammissibbiltà fil-limiti ta’ żmien stipulati f’dan il-paragrafu u fil-paragrafu 2.

2.   L-awtorità determinanti tista’ testendi l-limiti ta’ żmien previsti fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 b’mhux aktar minn xahrejn fejn:

(a)

għadd sproporzjonat ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew persuni apolidi li jagħmlu applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fl-istess perjodu ta’ żmien, u dan jagħmilha infattibbli li l-proċedura ta’ ammissibbiltà tiġi konkluża fil-limiti ta’ żmien stabbiliti;

(b)

ikun hemm kwistjonijiet kumplessi ta’ fatt jew liġi;

(c)

id-dewmien jista’ jiġi attribwit b’mod ċar u esklużivament għan-nuqqas tal-applikant milli jikkonforma mal-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 9.

3.   L-awtorità determinanti għandha tikkonkludi l-proċedura aċċellerata mill-aktar fis possibbli u mhux aktar tard minn tliet xhur mid-data li fiha l-applikazzjoni ġiet ippreżentata.

4.   L-awtorità determinanti għandha tiżgura li proċedura ta’ eżami fuq il-merti, dment li mhix proċedura aċċellerata ta’ eżami, tiġi konkluża malajr kemm jista’ jkun u mhux aktar tard minn sitt xhur mid-data li fiha ġiet ippreżentata l-applikazzjoni, mingħajr preġudizzju għal eżami adegwat u sħiħ.

5.   L-awtorità determinanti tista’ testendi l-limitu ta’ żmien ta’ sitt xhur imsemmi fil-paragrafu 4 b’perjodu ta’ mhux aktar minn sitt xhur fejn:

(a)

għadd sproporzjonat ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew persuni apolidi jagħmlu applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fl-istess perjodu ta’ żmien, u dan jagħmilha infattibbli li l-proċedura tiġi konkluża fil-limitu ta’ żmien ta’ sitt xhur;

(b)

ikun hemm kwistjonijiet kumplessi ta’ fatt jew liġi;

(c)

id-dewmien jista’ jiġi attribwit b’mod ċar u esklużivament għan-nuqqas tal-applikant milli jikkonforma mal-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 9.

6.   Meta applikant ikun soġġett għal proċedura ta’ trasferiment kif stabbilit fl-Artikolu 46 tar-Regolament (UE) 2024/1351, il-limitu ta’ żmien imsemmi fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu għandu jibda jiddekorri mid-data li fiha ġiet ippreżentata l-applikazzjoni f’konformità mal-Artikolu 28(2).

7.   L-awtorità determinanti tista’ tipposponi l-konklużjoni tal-proċedura ta’ eżami meta ma tkunx tista’ tiġi mistennija li tiddeċiedi fil-limiti ta’ żmien stipulati fil-paragrafu 4 minħabba sitwazzjoni inċerta fil-pajjiż ta’ oriġini li tkun mistennija li tkun temporanja. F’dawk il-każijiet, l-awtorità determinanti għandha:

(a)

twettaq rieżamijiet tas-sitwazzjoni f’dak il-pajjiż ta’ oriġini tal-inqas kull erba’ xhur;

(b)

fejn disponibbli, tqis ir-rieżamijiet tas-sitwazzjoni f’dak il-pajjiż ta’ oriġini mwettqa mill-Aġenzija għall-Ażil;

(c)

tinforma lill-applikanti kkonċernati, b’lingwa li jifhmu jew li huma raġonevolment mistennija li jifhmu u kemm jista’ jkun malajr, bir-raġunijiet għall-posponiment.

L-Istat Membru għandu jinforma lill-Kummissjoni u lill-Aġenzija għall-Ażil malajr kemm jista’ jkun dwar il-posponiment tal-proċeduri għal dak il-pajjiż ta’ oriġini. Fi kwalunkwe każ, l-awtorità determinanti għandha tikkonkludi l-proċedura ta’ eżami fi żmien 21 xahar minn meta ġiet ippreżentata l-applikazzjoni.

8.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu limiti ta’ żmien għall-konklużjoni tal-proċedura ta’ eżami f’każijiet fejn qorti jew tribunal jannulla d-deċiżjoni tal-awtorità determinanti u jibgħat il-każ lura. Dawk il-limiti ta’ żmien għandhom ikunu iqsar mil-limiti ta’ żmien stipulati f’dan l-Artikolu.

TAQSIMA III

Deċiżjonijiet dwar l-applikazzjonijiet

Artikolu 36

Deċiżjonijiet dwar l-applikazzjonijiet

1.   Deċiżjoni dwar applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali għandha tingħata bil-miktub u għandha tiġi nnotifikata lill-applikant malajr kemm jista’ jkun f’konformità mal-liġi nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat. Fejn rappreżentant jew konsulent legal jirrappreżenta legalment lill-applikant, l-awtorità kompetenti tista’ tinnotifika d-deċiżjoni lilu minflok lill-applikant.

2.   Fejn applikazzjoni tiġi miċħuda bħala inammissibbli, bħala mingħajr bażi jew manifestament mingħajr bażi fir-rigward tal-istatus ta’ refuġjat jew l-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja, bħala espliċitament irtirata jew impliċitament irtirata, ir-raġunijiet fil-fatt u fil-liġi għaċ-ċaħda għandhom jiġu ddikjarati fid-deċiżjoni.

3.   L-applikant għandu jiġi infurmat bil-miktub bir-riżultat tad-deċiżjoni u dwar kif jikkontesta deċiżjoni li tiċħad applikazzjoni bħala inammissibbli, bħala mingħajr bażi jew bħala manifestament mingħajr bażi fir-rigward tal-istatus ta’ refuġjat jew tal-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja, jew bħala impliċitament irtirata. Dik l-informazzjoni tista’ tiġi pprovduta bħala parti mid-deċiżjoni dwar applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. Meta l-applikant ma jkunx assistit minn konsulent legali, dik l-informazzjoni għandha tingħata b’lingwa li l-applikant jifhem jew li huwa raġonevolment mistenni li jifhem.

4.   Meta l-applikant ikun assistit minn konsulent legali li jirrappreżenta legalment lill-applikant, l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 3 tista’ tingħata biss lil dak il-konsulent legali mingħajr ma tiġi tradotta b’lingwa li l-applikant jifhem jew li huwa raġonevolment mistenni li jifhem. F’każ bħal dan, il-fatt ta’ jekk tingħatax protezzjoni internazzjonali jew le għandu jiġi kkomunikat bil-miktub, għall-informazzjoni lill-applikant b’lingwa li jifhem jew li huwa raġonevolment mistenni li jifhem, flimkien ma’ informazzjoni ġenerali dwar kif tiġi kkontestata d-deċiżjoni.

5.   Fil-każ ta’ applikazzjonijiet f’isem minuri jew adulti dipendenti u meta l-applikazzjonijiet huma kollha bbażati fuq l-istess raġunijiet eżatti bħall-applikazzjoni tal-adult responsabbli għal dak il-minuri jew adult dipendenti, l-awtorità determinanti tista’, wara valutazzjoni individwali għal kull applikant, tieħu deċiżjoni waħda, li tkopri l-applikanti kollha, ħlief jekk din tkun twassal għall-iżvelar ta’ ċirkostanzi partikolari ta’ applikant li jistgħu jfixklu l-interessi tiegħu, b’mod partikolari f’każijiet li jinvolvu l-vjolenza abbażi tal-ġeneru, it-traffikar fil-bnedmin, u l-persekuzzjoni abbażi tal-ġeneru, l-orjentazzjoni sesswali, l-identità tal-ġeneru jew l-età. F’każijiet bħal dawn, għandha tinħareġ u tiġi nnotifikata lill-persuna kkonċernata deċiżjoni separata f’konformità mal-paragrafu 1.

Artikolu 37

Ċaħda ta’ applikazzjoni u l-ħruġ ta’ deċiżjoni ta’ ritorn

Fejn applikazzjoni tiġi miċħuda bħala inammissibbli, mingħajr bażi jew manifestament mingħajr bażi fir-rigward kemm tal-istatus ta’ refuġjat u tal-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja, jew tiġi irtirata impliċitament jew espliċitament, l-Istati Membri għandhom joħorġu deċiżjoni ta’ ritorn li tirrispetta d-Direttiva 2008/115/KE u li tkun f’konformità mal-prinċipju ta’ non-refoulement. Fejn deċiżjoni ta’ ritorn jew deċiżjoni oħra li timponi l-obbligu ta’ ritorn tkun diġà nħarġet qabel ma ssir applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, id-deċiżjoni ta’ ritorn skont dan l-Artikolu ma tkunx meħtieġa. Id-deċiżjoni ta’ ritorn għandha tinħareġ bħala parti mid-deċiżjoni li tiċħad l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali jew f’att separat. Fejn id-deċiżjoni ta’ ritorn tinħareġ bħala att separat, din għandha tinħareġ fl-istess ħin u flimkien mad-deċiżjoni li tiċħad l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali jew mingħajr dewmien żejjed wara dan.

Artikolu 38

Deċiżjoni dwar l-inammissibbiltà tal-applikazzjoni

1.   L-awtorità determinanti tista’ tivvaluta l-ammissibilità ta’ applikazzjoni, f’konformità mal-prinċipji u l-garanziji bażiċi previsti fil-Kapitolu II, u tista’ tkun awtoriżżata skont il-liġi nazzjonali li tiċħad applikazzjoni bħala inammissibbli fejn tapplika xi waħda minn dawn ir-raġunijiet:

(a)

pajjiż li mhux Stat Membru jitqies li huwa l-ewwel pajjiż tal-ażil għall-applikant skont l-Artikolu 58, sakemm ma jkunx ċar li l-applikant mhux ser ikun ammess jew ammess mill-ġdid f’dak il-pajjiż;

(b)

pajjiż li mhux Stat Membru jitqies li huwa pajjiż terz sikur għall-applikant skont l-Artikolu 59 sakemm ma jkunx ċar li l-applikant mhux ser ikun ammess jew ammess mill-ġdid f’dak il-pajjiż;

(c)

Stat Membru għajr l-Istat Membru li jkun qed jeżamina l-applikazzjoni jkun ta protezzjoni internazzjonali lill-applikant;

(d)

qorti jew tribunal kriminali internazzjonali jkunu taw rilokazzjoni sikura lill-applikant lejn Stat Membru jew pajjiż terz, jew ikunu qed jieħdu azzjonijiet b’mod inekwivoku għal dak l-għan, sakemm ma jkunux tfaċċaw ċirkostanzi rilevanti ġodda li ma jkunux tqiesu mill-qorti jew mit-tribunal jew fejn ma kien hemm l-ebda possibbiltà legali li jitqajmu ċirkostanzi rilevanti għall-istandards tad-drittijiet tal-bniedem rikonoxxuti internazzjonalment quddiem dik il-qorti jew it-tribunal kriminali internazzjonali;

(e)

l-applikant ikkonċernat inħarġitlu deċiżjoni ta’ ritorn f’konformità mal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2008/115/KE u ppreżenta l-applikazzjoni tiegħu wara sebat ijiem ta’ xogħol biss mid-data li fiha l-applikant irċieva d-deċiżjoni ta’ ritorn, dment li jkun ġie infurmat bil-konsegwenzi jekk ma jagħmilx applikazzjoni f’dak il-limitu ta’ żmien u dment li ma jkun tfaċċa l-ebda element rilevanti ġdid minn tmiem dak il-perjodu.

2.   L-awtorità determinanti għandha tiċħad applikazzjoni bħala inammissibbli fejn l-applikazzjoni hija applikazzjoni sussegwenti fejn l-applikant ma jkun qajjem jew ma jkun ippreżenta l-ebda element ġdid rilevanti kif imsemmi fl-Artikolu 55(3) u (5) relatat mal-eżami ta’ jekk l-applikant jikkwalifikax bħala benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali f’konformità mar-Regolament (UE) 2024/1347 jew relatat mar-raġuni tal-inammissibbiltà applikata qabel.

Artikolu 39

Deċiżjoni fuq il-merti ta’ applikazzjoni

1.   Applikazzjoni ma għandhiex tiġi eżaminata fuq il-merti meta:

(a)

Stat Membru ieħor ikun responsabbli f’konformità mar-Regolament (UE) 2024/1351;

(b)

applikazzjoni tiġi miċħuda bħala inammissibbli f’konformità mal-Artikolu 38 jew;

(c)

applikazzjoni tiġi espliċitament jew impliċitament irtirata, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 40(2) u l-Artikolu 41(5).

2.   Meta tkun qed teżamina applikazzjoni fuq il-merti, l-awtorità determinanti għandha tieħu deċiżjoni dwar jekk l-applikant jikkwalifikax bħala refuġjat, u jekk le, għandha tiddetermina jekk l-applikant ikunx eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja f’konformità mar-Regolament (UE) 2024/1347.

3.   L-awtorità determinanti għandha tiċħad applikazzjoni bħala mingħajr bażi fejn tkun stabbiliet li l-applikant ma jikkwalifikax għal protezzjoni internazzjonali skont ir-Regolament (UE) 2024/1347.

4.   L-awtorità determinanti tista’ tkun awtorizzata skont il-liġi nazzjonali tiddikjara applikazzjoni mingħajr bażi bħala manifestament mingħajr bażi, jekk fil-mument tal-konklużjoni tal-eżami, tkun tapplika kwalunkwe waħda miċ-ċirkostanzi msemmija fl-Artikolu 42(1) u (3).

Artikolu 40

Irtirar espliċitu ta’ applikazzjonijiet

1.   Applikant jista’, fuq inizjattiva proprja u fi kwalunkwe ħin matul il-proċedura, jirtira l-applikazzjoni tiegħu. L-applikazzjoni għandha tiġi rtirata bil-miktub mill-applikant personalment jew jitwassal permezz tal-konsulent legali tiegħu li jkun qed jirrappreżenta legalment l-applikant f’konformità mal-liġi nazzjonali.

2.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom, fl-istess ħin meta tiġi rtirata l-applikazzjoni, jinformaw lill-applikant f’konformità mal-Artikolu 8(2), il-punt (c), bil-konsegwenzi ta’ dak l-irtirar b’lingwa li jifhem jew li huwa raġonevolment mistenni li jifhem.

3.   Fejn l-irtirar espliċitu jseħħ quddiem awtorità kompetenti għajr l-awtorità determinanti, dik l-awtorità għandha tinforma lill-awtorità determinanti b’dan l-irtirar. L-awtorità determinanti għandha tadotta deċiżjoni li tiddikjara li l-applikazzjoni ġiet irtirata b’mod espliċitu. Dik id-deċiżjoni għandha tkun finali u ma għandhiex tkun soġġetta għal appell kif imsemmi fil-Kapitolu V ta’ dan ir-Regolament.

4.   Meta, fl-istadju li l-applikazzjoni tiġi espliċitament irtirata mill-applikant, l-awtorità determinanti tkun diġà sabet li l-applikant ma jikkwalifikax għal protezzjoni internazzjonali skont ir-Regolament (UE) 2024/1347, hija xorta tista’ tieħu deċiżjoni li tiċħad l-applikazzjoni bħala mingħajr bażi jew bħala manifestament mingħajr bażi.

Artikolu 41

Irtirar impliċitu ta’ applikazzjonijiet

1.   Applikazzjoni għandha tiġi ddikjarata bħala impliċitament irtirata meta:

(a)

l-applikant, mingħajr kawża ġusta, ma jkunx ippreżenta l-applikazzjoni tiegħu, f’konformità mal-Artikolu 28, minkejja li kellu opportunità effettiva biex jagħmel dan;

(b)

l-applikant jirrifjuta li jikkoopera billi ma jipprovdix l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 27(1), il-punti (a) u (b), jew billi ma jipprovdix id-data bijometrika tiegħu;

(c)

l-applikant jirrifjuta li jagħti l-indirizz tiegħu, meta jkollu wieħed, sakemm l-akkomodazzjoni ma tkunx ipprovduta mill-awtoritajiet kompetenti;

(d)

l-applikant, mingħajr raġuni ġustifikata, ma jkunx mar għal intervista personali għalkemm kien mitlub jagħmel dan skont l-Artikolu 13 jew, mingħajr raġuni ġustifikata, irrifjuta li jwieġeb mistoqsijiet matul l-intervista sal-punt li l-eżitu tal-intervista ma kienx biżżejjed biex tittieħed deċiżjoni dwar il-merti tal-applikazzjoni;

(e)

l-applikant ripetutament ma jkunx ikkonforma mad-dmirijiet ta’ rapportar imposti fuqu f’konformità mal-Artikolu 9(4) jew ma jibqax disponibbli għall-awtoritajiet amministrattivi jew ġudizzjarji kompetenti, sakemm ma jkunx jista’ juri li dak in-nuqqas tiegħu li jibqa’ disponibbli kien dovut għal ċirkostanzi speċifiċi lil hinn mill-kontroll tiegħu;

(f)

l-applikant ikun ippreżenta l-applikazzjoni fi Stat Membru ieħor minn dak previst fl-[Artikolu 17(1) u (2) tar-Regolament (UE) 2024/1351 u ma jibqax preżenti f’dak l-Istat Membru sakemm jiġi ddeterminat l-Istat Membru responsabbli jew sakemm tiġi implimentata l-proċedura ta’ trasferiment, fejn applikabbli.

2.   Fejn l-awtorità li tivvaluta jekk l-applikazzjoni hijiex irtirata b’mod impliċitu hija awtorità kompetenti għajr l-awtorità determinanti u fejn dik l-awtorità tqis li l-applikazzjoni trid titqies bħala tali, dik l-awtorità għandha tinforma lill-awtorità determinanti b’dan. L-awtorità determinanti għandha tadotta deċiżjoni li tiddikjara li l-applikazzjoni ġiet irtirata b’mod impliċitu.

3.   Meta l-applikant ikun preżenti, l-awtorità kompetenti għandha, fil-mument tal-irtirar, tinforma lill-applikant f’konformità mal-Artikolu 8(2), il-punt (c), dwar il-konsegwenzi proċedurali kollha ta’ tali rtirar f’lingwa li jifhem jew li huwa raġonevolment mistenni li jifhem.

4.   L-awtorità kompetenti tista’ tissospendi l-proċedura sabiex tagħti lill-applikant il-possibbiltà li jiġġustifika jew jirrettifika ommissjonijiet jew azzjonijiet kif stipulat fil-paragrafu 1 qabel ma tittieħed deċiżjoni li tiddikjara l-applikazzjoni bħala rtirata b’mod impliċitu.

5.   Applikazzjoni tista’ tiġi miċħuda bħala mingħajr bażi jew bħala manifestament mingħajr bażi meta l-awtorità determinanti, fl-istadju li fih l-applikazzjoni tiġi impliċitament irtirata, diġa’ tkun sabet li l-applikant ma jikkwalifikax għal protezzjoni internazzjonali skont ir-Regolament (UE) 2024/1347.

TAQSIMA IV

Proċeduri speċjali

Artikolu 42

Proċedura aċċellerata ta’ eżami

1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 21(2), l-awtorità determinanti għandha, f’konformità mal-prinċipji u l-garanziji bażiċi previsti fil-Kapitolu II, taċċellera l-eżami fuq il-merti ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, fejn:

(a)

l-applikant, fil-preżentazzjoni tal-applikazzjoni tiegħu u fil-preżentazzjoni tal-fatti, ikun qajjem biss kwistjonijiet li mhumiex rilevanti għall-eżami dwar jekk jikkwalifikax bħala benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali skont ir-Regolament (UE) 2024/1347;

(b)

l-applikant ikun għamel dikjarazzjonijiet li b’mod ċar kienu inkonsistenti jew kontradittorji jew foloz jew manifestament improbabbli jew dikjarazzjonijiet li jikkontradixxu informazzjoni rilevanti u disponibbli dwar il-pajjiż ta’ oriġini, li konsegwentement iwasslu biex it-talba tiegħu ma tkunx tidher konvinċenti fir-rigward ta’ jekk jikkwalifikax jew le bħala benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali f’konformità mar-Regolament (UE) 2024/1347;

(c)

l-applikant, wara li jkun ingħata l-opportunità sħiħa li juri raġuni tajba, jitqies li intenzjonalment qarraq lill-awtoritajiet billi ppreżenta informazzjoni jew dokumenti foloz jew billi żamm lura informazzjoni jew dokumenti rilevanti, b’mod partikolari fir-rigward tal-identità jew iċ-ċittadinanza tiegħu li seta’ kellhom impatt negattiv fuq id-deċiżjoni jew, ikun hemm raġunijiet ċari biex jitqies li l-applikant, b’mala fide, qered jew iddispona minn dokument tal-identità jew tal-ivvjaġġar sabiex jipprevjeni l-istabbiliment tal-identità jew taċ-ċittadinanza tiegħu;

(d)

l-applikant jagħmel applikazzjoni sempliċiment biex jittardja, ifixkel jew jipprevjeni l-infurzar ta’ deċiżjoni għat-tkeċċija tiegħu mit-territorju ta’ Stat Membru;

(e)

pajjiż terz jista’ jitqies li huwa pajjiż ta’ oriġini sikur għall-applikant fit-tifsira ta’ dan ir-Regolament;

(f)

ikun hemm raġunijiet validi biex l-applikant jiġi kkunsidrat bħala periklu għas-sigurtà nazzjonali jew għall-ordni pubbliku tal-Istati Membri, jew l-applikant ikun tkeċċa bil-forza għal raġunijiet serji ta’ sigurtà pubblika jew ordni pubbliku skont il-liġi nazzjonali;

(g)

l-applikazzjoni tkun applikazzjoni sussegwenti li ma tkunx inammissibbli;

(h)

l-applikant ikun daħal fit-territorju ta’ Stat Membru illegalment jew tawwal is-soġġorn tiegħu illegalment u, mingħajr raġuni valida, ma jkunx ippreżenta ruħu lill-awtoritajiet kompetenti jew ma jkunx għamel applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali malajr kemm jista’ jkun, minħabba ċ-ċirkostanzi tal-dħul tiegħu;

(i)

l-applikant ikun daħal fit-territorju ta’ Stat Membru legalment, u mingħajr raġuni valida, ma jkunx għamel applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali malajr kemm jista’ jkun, minħabba r-raġunijiet tal-applikazzjoni tiegħu; dan il-punt huwa mingħajr preġudizzju għall-ħtieġa ta’ protezzjoni internazzjonali li tinħoloq sur place; jew

(j)

l-applikant ikun ta’ ċittadinanza jew, fil-każ ta’ persuni apolidi, resident abitwali preċedenti ta’ pajjiż terz li għalih il-proporzjon ta’ deċiżjonijiet mill-awtorità determinanti li jagħtu protezzjoni internazzjonali jkun, skont l-aħħar data medja annwali tal-Eurostat għall-Unjoni kollha, 20 % jew inqas, sakemm l-awtorità determinanti ma tivvalutax li kien hemm bidla sinifikanti fil-pajjiż terz ikkonċernat minn meta tkun ġiet ippubblikata d-data rilevanti tal-Eurostat jew li l-applikant jappartjeni għal kategorija ta’ persuni li għalihom il-proporzjon ta’ 20 % jew inqas ma jistax jitqies li huwa rappreżentattiv għall-ħtiġijiet tagħhom ta’ protezzjoni, filwaqt li jitqiesu, fost l-oħrajn, id-differenzi sinifikanti bejn id-deċiżjonijiet tal-ewwel istanza u dawk finali.

Fejn l-Aġenzija għall-Ażil tkun ipprovdiet nota ta’ gwida dwar pajjiż ta’ oriġini skont l-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) 2021/2303 li turi li seħħet bidla sinifikanti fil-pajjiż terz ikkonċernat minn meta tkun ġiet ippubblikata d-data rilevanti tal-Eurostat, l-Istati Membri għandhom jużaw dik in-nota ta’ gwida bħala referenza għall-applikazzjoni tal-ewwel subparagrafu, il-punt (j), ta’ dan il-paragrafu.

2.   Meta l-awtorità determinanti tqis li l-eżami tal-applikazzjoni jinvolvi kwistjonijiet ta’ fatti jew ta’ liġi li huma kumplessi wisq biex jiġu eżaminati skont proċedura aċċellerata ta’ eżami, din tista’ tkompli l-eżami fuq il-merti f’konformità mal-Artikolu 35(4) u l-Artikolu 39. F’dak il-każ, l-applikant ikkonċernat għandu jkun infurmat dwar il-bidla fil-proċedura.

3.   Il-proċedura aċċellerata ta’ eżami tista’ tkun applikata għal minuri mhux akkumpanjati biss meta:

(a)

l-applikant jiġi minn pajjiż terz li jista’ jitqies bħala pajjiż ta’ oriġini sikur skont it-tifsira ta’ dan ir-Regolament;

(b)

ikun hemm raġunijiet validi biex l-applikant jitqies bħala periklu għas-sigurtà nazzjonali jew għall-ordni pubbliku tal-Istati Membri jew l-applikant ikun tkeċċa bil-forza għal raġunijiet serji ta’ sigurtà nazzjonali jew ordni pubbliku skont il-liġi nazzjonali;

(c)

l-applikazzjoni tkun applikazzjoni sussegwenti li ma tkunx inammissibbli;

(d)

l-applikant, wara li jkun ingħata l-opportunità sħiħa li juri raġuni tajba, jitqies li intenzjonalment qarraq lill-awtoritajiet billi ppreżenta informazzjoni jew dokumenti foloz jew billi żamm lura informazzjoni jew dokumenti rilevanti, b’mod partikolari fir-rigward tal-identità jew iċ-ċittadinanza tiegħu li seta’ kellhom impatt negattiv fuq id-deċiżjoni jew, ikun hemm raġunijiet ċari biex jitqies li l-applikant, b’mala fide, qered jew iddispona minn dokument tal-identità jew tal-ivvjaġġar sabiex jipprevjeni l-istabbiliment tal-identità jew taċ-ċittadinanza tiegħu; jew

(e)

l-applikant ikun ta’ ċittadinanza jew, fil-każ ta’ persuni apolidi, resident abitwali preċedenti ta’ pajjiż terz li għalih il-proporzjon ta’ deċiżjonijiet li jagħtu protezzjoni internazzjonali mill-awtorità determinanti jkun, skont l-aħħar data medja annwali tal-Eurostat għall-Unjoni kollha, 20 % jew inqas, sakemm l-awtorità determinanti ma tivvalutax bidla sinifikanti fil-pajjiż terz ikkonċernat minn meta tkun ġiet ippubblikata d-data rilevanti tal-Eurostat jew li l-applikant jappartjeni għal kategorija ta’ persuni li għalihom il-proporzjon ta’ 20 % jew inqas ma jistax jitqies bħala rappreżentattiv għall-ħtiġijiet tagħhom ta’ protezzjoni, filwaqt li jitqiesu, fost l-oħrajn, differenzi sinifikanti bejn id-deċiżjonijiet tal-ewwel istanza u dawk finali.

Fejn l-Aġenzija għall-Ażil tkun ipprovdiet nota ta’ gwida dwar pajjiż ta’ oriġini skont l-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) 2021/2303 li turi li seħħet bidla sinifikanti fil-pajjiż terz ikkonċernat minn meta tkun ġiet ippubblikata d-data rilevanti tal-Eurostat, l-Istati Membri għandhom jużaw dik in-nota ta’ gwida bħala referenza għall-applikazzjoni tal-ewwel subparagrafu, il-punt (e), ta’ dan il-paragrafu.

Artikolu 43

Kundizzjonijiet għall-proċedura tal-ażil fuq il-fruntiera

1.   Wara l-iskrinjar imwettaq f’konformità mar-Regolament (UE) 2024/1356, fejn applikabbli u sakemm l-applikant ma jkunx għadu ġie awtorizzat jidħol fit-territorju tal-Istati Membri, Stat Membru jista’, f’konformità mal-prinċipji u l-garanziji bażiċi tal-Kapitolu II, jeżamina applikazzjoni fi proċedura fuq il-fruntiera meta dik l-applikazzjoni tkun saret minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew minn persuna apolida li ma tissodisfax il-kundizzjonijiet għad-dħul fit-territorju ta’ Stat Membru kif stabbilit fl-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2016/399. Il-proċedura fuq il-fruntiera tista’ ssir:

(a)

wara applikazzjoni magħmula f’punt ta’ qsim tal-fruntiera esterna jew f’żona ta’ tranżitu;

(b)

wara l-qbid b’rabta ma’ qsim mhux awtorizzat tal-fruntiera esterna;

(c)

wara l-iżbark fit-territorju ta’ Stat Membru wara operazzjoni ta’ tfittxija u salvataġġ;

(d)

wara r-rilokazzjoni f’konformità mal-Artikolu 67(11) tar-Regolament (UE) 2024/1351.

2.   L-applikanti soġġetti għall-proċedura fuq il-fruntiera ma għandhomx ikunu awtorizzati jidħlu fit-territorju ta’ Stat Membru, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 51(2) u l-Artikolu 53(2). Kwalunkwe miżura meħuda mill-Istati Membri biex jipprevjenu dħul mhux awtorizzat fit-territorju tagħhom għandha tkun f’konformità mad-Direttiva (UE) 2024/1346.

3.   B’deroga mill-Artikolu 51(2), l-ewwel subparagrafu, l-aħħar sentenza, l-applikant ma għandux ikun awtorizzat jidħol fit-territorju tal-Istat Membru meta:

(a)

l-applikant ma għandux id-dritt li jibqa’ fit-territorju ta’ Stat Membru f’konformità mal-Artikolu 10(4), il-punt (a) jew (c);

(b)

l-applikant ma jkollu l-ebda dritt li jibqa’ fit-territorju ta’ Stat Membru f’konformità mal-Artikolu 68 u ma jkunx talab li jitħalla jibqa’ għall-finijiet ta’ proċedura ta’ appell fil-limitu ta’ żmien applikabbli;

(c)

l-applikant ma jkollu l-ebda dritt li jibqa’ fit-territorju ta’ Stat Membru f’konformità mal-Artikolu 68 u qorti jew tribunal ikun iddeċida li l-applikant ma għandux jitħalla jibqa’ sakemm joħroġ ir-riżultat ta’ proċedura ta’ appell.

Fil-każijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, fejn l-applikant kien soġġett għal deċiżjoni ta’ ritorn maħruġa f’konformità mad-Direttiva 2008/115/KE jew ġie miċħud id-dħul f’konformità mal-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) 2016/399, għandu japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2024/1349.

4.   Mingħajr preġudizzju u komplementari għall-mekkaniżmu ta’ monitoraġġ stabbilit fl-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) 2021/2303, kull Stat Membru għandu jipprevedi mekkaniżmu tal monitoraġġ tad-drittijiet fundamentali fir-rigward tal-proċedura fuq il-fruntiera li jissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) 2024/1356.

Artikolu 44

Deċiżjonijiet fil-qafas tal-proċedura tal-ażil fuq il-fruntiera

1.   Meta tiġi applikata proċedura fuq il-fruntiera, jistgħu jittieħdu deċiżjonijiet dwar dan li ġej:

(a)

l-inammissibbiltà ta’ applikazzjoni f’konformità mal-Artikolu 38;

(b)

il-merti ta’ applikazzjoni fejn tapplika xi waħda miċ-ċirkostanzi msemmija fl-Artikolu 42(1), il-punti (a) sa (g) u (j), u l-Artikolu 42(3), il-punt (b).

2.   Meta l-għadd ta’ applikanti jaqbeż l-għadd imsemmi fl-Artikolu 47(1) u għall-fini li jiġi ddeterminat lil min tissuġġetta għal proċedura fuq il-fruntiera applikata skont l-Artikolu 42(1), il-punti (c), (f) jew (j), jew l-Artikolu 42(3), il-punt (b), għandha tingħata prijorità lill-kategoriji ta’ applikazzjonijiet li ġejjin:

(a)

applikazzjonijiet ta’ ċerti ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew, fil-każ ta’ persuni apolidi, ta’ residenti abitwali preċedenti f’pajjiż terz, li, fil-każ ta’ deċiżjoni negattiva, għandhom prospett ogħla li jiġu ritornati, kif applikabbli, lejn il-pajjiż ta’ oriġini tagħhom, lejn il-pajjiż ta’ residenza abitwali tagħhom, lejn pajjiż terz sikur jew lejn l-ewwel pajjiż ta’ ażil, skont it-tifsira ta’ dan ir-Regolament;

(b)

applikazzjonijiet ta’ ċerti ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew, fil-każ ta’ persuni apolidi, ta’ residenti abitwali preċedenti f’pajjiż terz, li huma kkunsidrati, għal raġunijiet serji, li huma ta’ periklu għas-sigurtà nazzjonali jew għall-ordni pubbliku ta’ Stat Membru;

(c)

mingħajr preġudizzju għall-punt (b), l-applikazzjonijiet ta’ ċerti ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew, fil-każ ta’ persuni apolidi, ta’ residenti abitwali preċedenti f’pajjiż terz li mhumiex minuri u l-membri tal-familja tagħhom.

3.   Meta l-proċedura fuq il-fruntiera tiġi applikata għall-minuri u l-membri tal-familja tagħhom, għandha tingħata prijorità lill-eżami tal-applikazzjonijiet tagħhom.

L-Istati Membri jistgħu wkoll jagħtu prijorità lill-eżami tal-applikazzjonijiet ta’ ċerti ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew, fil-każ ta’ persuni apolidi, ta’ residenti abitwali preċedenti f’pajjiż terz, li, fil-każ ta’ deċiżjoni negattiva, għandhom prospett ogħla li jiġu ritornati, kif applikabbli, lejn il-pajjiż ta’ oriġini tagħhom, lejn il-pajjiż ta’ residenza abitwali preċedenti, lejn pajjiż terz sikur jew lejn l-ewwel pajjiż ta’ ażil, skont it-tifsira ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 45

Applikazzjoni obbligatorja tal-proċedura tal-ażil fuq il-fruntiera

1.   Stat Membru għandu jeżamina applikazzjoni fi proċedura fuq il-fruntiera fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 43(1) fejn tapplika xi waħda miċ-ċirkostanzi msemmija fl-Artikolu 42(1), il-punt (c), (f) jew (j).

2.   Fejn japplikaw iċ-ċirkostanzi msemmija fl-Artikolu 42(1), il-punt (f), u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 54, l-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri xierqa biex iżommu kemm jista’ jkun l-unità tal-familja fil-proċedura fuq il-fruntiera.

3.   Għall-finijiet tal-paragrafu 2, sabiex tinżamm l-unità tal-familja, “membri tal-familja ta’ dak l-applikant” għandha tinftiehem li tfisser, sa fejn il-familja kienet diġà teżisti qabel ma l-applikant ikun wasal fit-territorju tal-Istati Membri, il-membri tal-familja li ġejjin tal-applikant, li jkunu preżenti fit-territorju tal-istess Stat Membru fir-rigward tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali:

(a)

il-konjuġi tal-applikant jew is-sieħeb/sieħba mhux miżżewweġ/miżżewġa tiegħu f’relazzjoni stabbli, fejn il-liġi jew il-prattika tal-Istat Membru kkonċernat tittratta koppji mhux miżżewġa bħala ekwivalenti għal koppji miżżewġa;

(b)

it-tfal minuri tal-koppji kif imsemmija fil-punt (a) jew tal-applikant, bil-kundizzjoni li mhumiex miżżewġin u irrispettivament minn jekk twildux fiż-żwieġ jew barra miż-żwieġ jew ġewx adottati kif definit skont il-liġi nazzjonali;

(c)

meta l-applikant ikun minuri u mhux miżżewweġ, il-missier, l-omm jew adult ieħor responsabbli għall-applikant, kemm jekk bil-liġi kif ukoll jekk bil-prattika tal-Istat Membru li fih l-adult ikun preżenti;

(d)

meta l-applikant ikun minuri u mhux miżżewweġ, l-aħwa tal-applikant, dment li ma jkunux miżżewġin u jkunu minuri.

Għall-finijiet tal-punti (b), (c) u (d) tal-ewwel subparagrafu, abbażi ta’ valutazzjoni individwali, minuri għandu jitqies mhux miżżewweġ jekk iż-żwieġ tiegħu/tagħha ma jkunx seħħ f’konformità mal-liġi nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat, b’mod partikolari fir-rigward tal-età legali taż-żwieġ.

4.   Meta, abbażi tal-informazzjoni miksuba fil-qafas tal-monitoraġġ imwettaq skont l-Artikoli 14 u 15 tar-Regolament (UE) 2021/2303, il-Kummissjoni jkollha raġunijiet biex tqis li Stat Membru ma jkunx qed jikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 54(2), hija għandha tirrakkomanda, mingħajr dewmien, is-sospensjoni tal-applikazzjoni tal-proċedura fuq il-fruntiera għal familji b’minuri skont l-Artikolu 53(2), il-punt (b). Il-Kummissjoni għandha tagħmel dik ir-rakkomandazzjoni pubblika.

L-Istat Membru kkonċernat għandu jqis bis-sħiħ ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 53(2), il-punt (b), u bil-ħsieb li jindirizza kwalunkwe nuqqas identifikat biex tiġi żgurata konformità sħiħa mar-rekwiżiti tal-Artikolu 54(2). L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Kummissjoni bil-miżuri meħuda biex jagħtu effett lir-rakkomandazzjoni.

Artikolu 46

Kapaċità adegwata fil-livell tal-Unjoni

Il-kapaċità adegwata fil-livell tal-Unjoni għandha titqies li hija 30 000.

Artikolu 47

Kapaċità adegwata ta’ Stat Membru

1.   Il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tikkalkula n-numru li jikkorrispondi għall-kapaċità adegwata ta’ kull Stat Membru billi tuża l-formula stabbilita fil-paragrafu 4.

Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 3, il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tistabbilixxi wkoll l-għadd massimu ta’ applikazzjonijiet li Stat Membru jkun meħtieġ jeżamina fil-proċedura fuq il-fruntiera kull sena. Dak in-numru massimu għandu jkun darbtejn l-għadd miksub permezz tal-użu tal-formula stabbilita fil-paragrafu 4 mit-12 ta’ Ġunju 2026, tliet darbiet l-għadd miksub permezz tal-użu tal-formula stabbilita fil-paragrafu 4 mit-13 ta’ Ġunju 2027 u erba’ darbiet l-għadd miksub permezz tal-użu tal-formula stabbilita fil-paragrafu 4 mit-13 ta’ Ġunju 2028.

2.   Meta tintlaħaq il-kapaċità adegwata ta’ Stat Membru kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1, dak l-Istat Membru ma għandux jibqa’ meħtieġ iwettaq proċeduri fuq il-fruntiera fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 43(1) fejn japplikaw iċ-ċirkostanzi msemmija fl-Artikolu 42(1), il-punt (j).

3.   Meta Stat Membru jkun eżamina l-għadd massimu ta’ applikazzjonijiet imsemmi fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1, dak l-Istat Membru ma għandux jibqa’ meħtieġ iwettaq proċeduri fuq il-fruntiera fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 43(1) fejn japplikaw iċ-ċirkostanzi msemmija fl-Artikolu 42(1), il-punt (c) jew (j). Madankollu, l-Istat Membru għandu jkompli jeżamina fil-proċeduri fuq il-fruntiera applikazzjonijiet ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li għalihom japplikaw iċ-ċirkostanzi msemmija fl-Artikolu 42(1), il-punt (f), u l-Artikolu 42(3), il-punt (b).

4.   L-għadd imsemmi fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 għandu jiġi kkalkulat billi l-għadd stabbilit fl-Artikolu 46 jiġi mmultiplikat bit-total ta’ qsim irregolari tal-fruntiera esterna, il-wasliet wara operazzjonijiet ta’ tfittxija u salvataġġ u r-rifjut ta’ dħul fil-fruntiera esterna fl-Istat Membru kkonċernat matul it-tliet snin preċedenti u billi r-riżultat miksub jiġi diviż bit-total ta’ qsim irregolari tal-fruntiera esterna, il-wasliet wara operazzjonijiet ta’ tfittxija u salvataġġ u r-rifjut ta’ dħul fil-fruntiera esterna fl-Unjoni kollha kemm hi matul l-istess perjodu skont l-aħħar data disponibbli tal-Frontex u l-Eurostat.

5.   L-ewwel att ta’ implimentazzjoni ta’ dan it-tip kif imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jiġi adottat mill-Kummissjoni fit-12 ta’ Awwissu 2024 u fil-15 ta’ Ottubru kull tliet snin minn hemm ’il quddiem.

Wara li l-Kummissjoni tadotta att ta’ implimentazzjoni kif imsemmi fil-paragrafu 1, kull Stat Membru għandu jiżgura, fi żmien sitt xhur mill-adozzjoni tat-tieni u dawk l-atti ta’ implimentazzjoni sussegwenti kollha, li jkollu l-kapaċità adegwata stipulata f’dak l-att ta’ implimentazzjoni. Għall-finijiet tal-ewwel att ta’ implimentazzjoni bħal dan, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkollhom il-kapaċità adegwata stabbilita f’dak l-att ta’ implimentazzjoni fis-seħħ qabel it-12 ta’ Ġunju 2026.

Artikolu 48

Miżura applikabbli fejn il-kapaċità adegwata ta’ Stat Membru tintlaħaq

1.   Meta l-għadd ta’ applikanti li huma soġġetti għall-proċedura tal-ażil fuq il-fruntiera fi Stat Membru fi kwalunkwe mument partikolari, flimkien mal-għadd ta’ persuni soġġetti għal proċedura ta’ ritorn fuq il-fruntiera stabbilita skont ir-Regolament (UE) 2024/1349 jew, fejn applikabbli, proċedura ekwivalenti tar-ritorn fuq il-fruntiera stabbilita skont il-liġi nazzjonali, ikun daqs jew jaqbeż in-numru stabbilit fir-rigward ta’ dak l-Istat Membru fl-att ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni msemmi fl-Artikolu 47(1), l-ewwel subparagrafu, dak l-Istat Membru jista’ jinnotifika lill-Kummissjoni bil-fatt.

2.   Meta Stat Membru jinnotifika lill-Kummissjoni f’konformità mal-paragrafu 1, b’deroga mill-Artikolu 45(1), mhuwiex meħtieġ jeżamina, fi proċedura fuq il-fruntiera, applikazzjonijiet magħmula minn applikanti msemmija fl-Artikolu 42(1), il-punt (j), fil-mument meta l-għadd ta’ applikanti li jkunu soġġetti għall-proċedura fuq il-fruntiera f’dak l-Istat Membru jkun ugwali jew jaqbeż in-numru msemmi fl-Artikolu 47(1), l-ewwel subparagrafu.

3.   Il-miżura prevista fil-paragrafu 2 għandha tiġi applikata abbażi tal-fluss ta’ dħul u ħruġ u l-Istat Membru kkonċernat għandu jkun meħtieġ ikompli jeżamina fi proċedura fuq il-fruntiera applikazzjonijiet li jsiru minn applikanti kif imsemmi fl-Artikolu 42(1), il-punt (j), hekk kif l-għadd ta’ applikanti li jkunu soġġetti għall-proċedura fuq il-fruntiera f’dak l-Istat Membru fi kwalunkwe mument ikun inqas min-numru msemmi fl-Artikolu 47(1), l-ewwel subparagrafu.

4.   Il-miżura prevista fil-paragrafu 2 tista’ tiġi applikata minn Stat Membru għall-bqija tal-istess sena kalendarja li tibda mill-jum wara d-data tan-notifika skont il-paragrafu 1.

Artikolu 49

Notifika minn Stat Membru fejn tintlaħaq il-kapaċità adegwata

1.   In-notifika msemmija fl-Artikolu 48 għandu jkun fiha l-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-għadd ta’ applikanti li huma soġġetti għall-proċedura tal-ażil fuq il-fruntiera, proċedura ta’ ritorn fuq il-fruntiera stabbilita skont ir-Regolament (UE) 2024/1349 jew, fejn applikabbli, proċedura ekwivalenti tar-ritorn fuq il-fruntiera stabbilita skont il-liġi nazzjonali fl-Istat Membru kkonċernat fiż-żmien tan-notifika;

(b)

il-miżura msemmija fl-Artikolu 48, li l-Istat Membru kkonċernat biħsiebu japplika jew ikompli japplika;

(c)

raġunament sostanzjat b’appoġġ għall-intenzjoni tal-Istat Membru kkonċernat, li jiddeskrivi kif ir-rikors għall-miżura inkwistjoni jista’ jgħin biex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni, u fejn applikabbli, miżuri oħra li l-Istat Membru kkonċernat ikun adotta jew jipprevedi li ser jadotta fil-livell nazzjonali biex itaffi s-sitwazzjoni, inkluż dawk imsemmija fl-Artikolu 6(3) tar-Regolament (UE) 2024/1351.

2.   L-Istati Membri jistgħu jinnotifikaw lill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 48 ta’ dan ir-Regolament bħala parti min-notifika msemmija fl-Artikoli 58 u 59 tar-Regolament (UE) 2024/1351, fejn applikabbli.

3.   Fejn Stat Membru jinnotifika lill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 48, l-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra b’dan.

4.   Stat Membru li japplika l-miżura msemmija fl-Artikolu 48 għandu jinforma lill-Kummissjoni kull xahar dwar l-elementi li ġejjin:

(a)

l-għadd ta’ applikanti li huma soġġetti għall-proċedura fuq il-fruntiera f’dak l-Istat Membru fil-mument tan-notifika;

(b)

l-evoluzzjoni tal-fluss ta’ dħul u ħruġ tal-għadd ta’ persuni li huma soġġetti għal proċeduri fuq il-fruntiera għal kull ġimgħa ta’ dak ix-xahar;

(c)

l-għadd ta’ persunal responsabbli biex jeżamina l-applikazzjonijiet fil-proċedura fuq il-fruntiera;

(d)

it-tul medju tal-eżami matul il-fażi amministrattiva tal-proċedura; u

(e)

it-tul medju tal-eżami, minn qorti jew tribunal, ta’ talba biex applikant jitħalla jibqa’ fit-territorju sakemm isir l-appell.

Il-Kummissjoni għandha timmonitorja l-applikazzjoni tal-miżura msemmija fl-Artikolu 48 ta’ dan ir-Regolament u għal dak l-għan għandha tirrieżamina l-informazzjoni provduta mill-Istati Membri. Il-Kummissjoni għandha, fir-rapport imsemmi fl-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2024/1351, tipprovdi valutazzjoni tal-applikazzjoni tal-miżura msemmija fl-Artikolu 48 ta’ dan ir-Regolament f’kull Stat Membru.

Artikolu 50

Notifika minn Stat Membru fejn jintlaħaq l-għadd massimu annwali ta’ applikazzjonijiet

Fejn l-għadd ta’ applikazzjonijiet li jkunu ġew eżaminati fil-proċedura fuq il-fruntiera fi Stat Membru fi żmien sena kalendarja waħda jkun daqs jew jaqbeż l-għadd massimu ta’ applikazzjonijiet stipulat fir-rigward ta’ dak l-Istat Membru fl-att ta’ implimentazzjoni msemmi fl-Artikolu 47(1), dak l-Istat Membru jista’ jinnotifika lill-Kummissjoni b’dan.

Fejn l-Istat Membru jkun innotifika lill-Kummissjoni f’konformità mal-ewwel paragrafu ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha teżamina minnufih l-informazzjoni provduta mill-Istat Membru kkonċernat sabiex tivverifika li l-Istat Membru kkonċernat ikun eżamina fil-proċedura fuq il-fruntiera mill-bidu tas-sena kalendarja għadd ta’ applikazzjonijiet li jkun daqs jew jaqbeż l-għadd stabbilit fir-rigward ta’ dak l-Istat Membru fl-att ta’ implimentazzjoni msemmi fl-Artikolu 47(1).

Malli titlesta l-verifika, il-Kummissjoni għandha tawtorizza, permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni, lill-Istat Membru kkonċernat biex ma jeżaminax fil-proċedura fuq il-fruntiera l-applikazzjonijiet magħmula mill-applikanti kif imsemmi fl-Artikolu 42(1), il-punti (c) u (j).

Tali awtorizzazzjoni ma għandhiex teżenta lill-Istat Membru mill-obbligu li jeżamina fil-proċedura fuq il-fruntiera l-applikazzjonijiet magħmula mill-applikanti kif imsemmi fl-Artikolu 42(1), il-punt (f), u l-Artikolu 42(5), il-punt (b).

Artikolu 51

Skadenzi

1.   B’deroga mill-Artikolu 28 ta’ dan ir-Regolament, applikazzjonijiet soġġetti għal proċedura fuq il-fruntiera għandhom jiġu ppreżentati mhux aktar tard minn ħamest ijiem mir-reġistrazzjoni għall-ewwel darba jew, wara trasferiment skont l-Artikolu 67(11) tar-Regolament (UE) 2024/1351, ħamest ijiem minn meta l-applikant jasal fl-Istat Membru ta’ rilokazzjoni wara tali trasferiment dment li l-applikant jingħata opportunità effettiva biex jagħmel dan. Nuqqas ta’ konformità mal-iskadenza ta’ ħamest ijiem ma għandux jaffettwa t-tkomplija tal-applikazzjoni tal-proċedura fuq il-fruntiera.

2.   Il-proċedura fuq il-fruntiera għandha tkun qasira kemm jista’ jkun filwaqt li fl-istess ħin tippermetti eżami komplet u ġust tat-talbiet. Mingħajr preġudizzju għat-tielet subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, it-tul massimu tal-proċedura fuq il-fruntiera għandu jkun ta’ 12-il ġimgħa minn meta l-applikazzjoni tiġi rreġistrata sakemm l-applikant ma jibqax ikollu dritt li jibqa’ fit-territorju u ma jitħalliex jibqa’ fit-territorju. Wara dak il-perjodu, l-applikant għandu jkun awtorizzat jidħol fit-territorju tal-Istat Membru ħlief fejn japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2024/1349.

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu dispożizzjonijiet dwar it-tul tal-proċedura ta’ eżami, b’deroga mill-Artikolu 35, tal-eżami minn qorti jew tribunal ta’ talba biex l-applikant jibqa’ fit-territorju li tkun ġiet ippreżentata f’konformità mal-Artikolu 68(4) u (5) u, jekk applikabbli, tal-proċedura ta’ appell. It-tul ta’ żmien stabbilit għandu jiżgura li dawk il-passi proċedurali kollha jiġu ffinalizzati fi żmien 12-il ġimgħa minn meta tiġi rreġistrata l-applikazzjoni.

Il-perjodu ta’ 12-il ġimgħa jista’ jiġi estiż għal 16-il ġimgħa jekk l-Istat Membru li lilu tiġi ttrasferita l-persuna skont l-Artikolu 67(11) tar-Regolament (UE) 2024/1351 qed japplika l-proċedura fuq il-fruntiera.

Artikolu 52

Determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli u rilokazzjoni

1.   Meta jkunu japplikaw il-kundizzjonijiet għall-proċedura fuq il-fruntiera, l-Istati Membri għandhom jiddeċiedu li jwettqu l-proċedura biex jiddeterminaw l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni kif stabbilit fir-Regolament (UE) 2024/1351 fil-postijiet li fihom ser titwettaq il-proċedura fuq il-fruntiera, mingħajr preġudizzju għall-iskadenzi stabbiliti fl-Artikolu 51(2) ta’ dan ir-Regolament.

2.   Meta l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-proċedura fuq il-fruntiera jkunu ssodisfati fl-Istat Membru li minnu jkun ittrasferit l-applikant, tista’ tiġi applikata proċedura fuq il-fruntiera mill-Istat Membru li lejh jiġi ttrasferit l-applikant f’konformità mal-Artikolu 67(11) tar-Regolament (UE) 2024/1351, mingħajr preġudizzju għall-iskadenzi stabbiliti fl-Artikolu 51(2) ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 53

Eċċezzjonijiet għall-proċedura tal-ażil fuq il-fruntiera

1.   Il-proċedura fuq il-fruntiera għandha tiġi applikata għal minuri mhux akkumpanjati fiċ-ċirkostanzi msemmija fl-Artikolu 42(3), il-punt (b), biss. Fejn ikun hemm dubju dwar l-età tal-applikant, l-awtoritajiet kompetenti għandhom iwettqu minnufih valutazzjoni tal-età f’konformità mal-Artikolu 25.

2.   L-Istati Membri ma għandhomx japplikaw jew għandhom jieqfu japplikaw il-proċedura fuq il-fruntiera fi kwalunkwe stadju tal-proċedura meta:

(a)

l-awtorità determinanti tqis li r-raġunijiet għaċ-ċaħda ta’ applikazzjoni bħala inammissibbli jew għall-applikazzjoni tal-proċedura aċċellerata ta’ eżami mhumiex applikabbli jew ma għadhomx applikabbli;

(b)

l-appoġġ meħtieġ ma jistax jingħata lill-applikanti bi bżonnijiet speċjali ta’ akkoljenza, inkluż minuri, f’konformità mal-Kapitolu IV tad-Direttiva (UE) 2024/1346, fil-postijiet imsemmija fl-Artikolu 54;

(c)

l-appoġġ neċessarju ma jistax jingħata lill-applikanti li jkollhom bżonn ta’ garanziji proċedurali speċjali fil-postijiet imsemmija fl-Artikolu 54;

(d)

ikun hemm raġunijiet mediċi rilevanti biex il-proċedura fuq il-fruntiera ma tiġix applikata, inkluż raġunijiet ta’ saħħa mentali;

(e)

il-garanziji u l-kundizzjonijiet għad-detenzjoni kif stabbiliti fl-Artikoli 10 sa 13 tad-Direttiva (UE) 2024/1346 ma jiġux issodisfati jew ma jibqgħux jiġu ssodisfati u l-proċedura fuq il-fruntiera ma tistax tiġi applikata lill-applikant mingħajr ma tintuża d-detenzjoni.

Fil-każijiet stipulati fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, l-awtorità kompetenti għandha tawtorizza lill-applikant jidħol fit-territorju tal-Istat Membru u tapplika l-proċedura xierqa prevista fil-Kapitolu III.

Artikolu 54

Postijiet biex titwettaq il-proċedura tal-ażil fuq il-fruntiera

1.   Matul l-eżami tal-applikazzjonijiet soġġetti għal proċedura fuq il-fruntiera, l-Istat Membru għandu jirrikjedi, skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva (UE) 2024/1346 u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 10 tagħha, li l-applikanti jirrisjedu fil-fruntiera esterna jew fil-viċinanza tagħha jew fiż-żoni ta’ tranżitu bħala regola ġenerali, jew f’postijiet deżinjati fit-territorju tiegħu, b’kont sħiħ meħud taċ-ċirkostanzi ġeografiċi speċifiċi ta’ dak l-Istati Membru.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 47, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-familji b’minuri jgħixu f’faċilitajiet ta’ akkoljenza xierqa għall-ħtiġijiet tagħhom wara li jivvalutaw l-aħjar interessi tat-tfal u għandhom jiżguraw standard ta’ għajxien adegwat għall-iżvilupp fiżiku, mentali, spiritwali, morali u soċjali tal-minuri, b’rispett sħiħ tar-rekwiżiti tal-Kapitolu IV tad-Direttiva (UE) 2024/1346.

3.   Kull Stat Membru għandu jinnotifika lill-Kummissjoni, sal-11 ta’ April 2026, il-postijiet fejn ser titwettaq il-proċedura fuq il-fruntiera, inkluż meta jiġi applikat l-Artikolu 45. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kapaċità ta’ dawk il-postijiet tkun biżżejjed biex jiġu eżaminati l-applikazzjonijiet koperti mill-Artikolu 45. Kwalunkwe bidla fl-identifikazzjoni tal-postijiet li fihom titwettaq il-proċedura fuq il-fruntiera għandha tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni fi żmien xahrejn minn meta jsiru l-bidliet.

4.   Ir-rekwiżit ta’ residenza f’post partikolari f’konformità mal-paragrafi 1, 2 u 3 ma għandux jitqies bħala awtorizzazzjoni għad-dħul u s-soġġorn fit-territorju ta’ Stat Membru.

5.   Meta applikant soġġett għall-proċedura fuq il-fruntiera jkun meħtieġ li jiġi ttrasferit lill-awtorità determinanti jew lil qorti jew tribunal kompetenti tal-prim’istanza għall-fini ta’ tali proċedura, jew ittrasferit sabiex jirċievi trattament mediku, dan l-ivvjaġġar ma għandux fih innifsu jikkostitwixxi dħul fit-territorju ta’ Stat Membru.

Artikolu 55

Applikazzjonijiet sussegwenti

1.   Applikazzjoni li ssir meta tkun għadha ma tteħditx deċiżjoni finali dwar applikazzjoni preċedenti mill-istess applikant għandha titqies bħala dikjarazzjoni ulterjuri u mhux bħala applikazzjoni ġdida.

Dik id-dikjarazzjoni ulterjuri għandha tiġi eżaminata fl-Istat Membru responsabbli fil-qafas tal-eżami li jkun għaddej fil-proċedura amministrattiva jew fil-qafas ta’ kwalunkwe proċedura ta’ appell li tkun għaddejja sa fejn il-qorti jew it-tribunal kompetenti jistgħu jqisu l-elementi sottostanti tad-dikjarazzjoni ulterjuri.

2.   Kwalunkwe applikazzjoni ulterjuri li ssir fi kwalunkwe Stat Membru wara li tkun ittieħdet deċiżjoni finali dwar applikazzjoni preċedenti mill-istess applikant għandha titqies bħala applikazzjoni sussegwenti u għandha tiġi eżaminata mill-Istat Membru responsabbli.

3.   Applikazzjoni sussegwenti għandha tkun soġġetta għal eżami preliminari li fih l-awtorità determinanti għandha tistabbilixxi jekk ikunux tfaċċaw jew ġew ippreżentati elementi ġodda mill-applikant u li:

(a)

iżidu b’mod sinifikanti l-probabbiltà li l-applikant jikkwalifika bħala benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali f’konformità mar-Regolament (UE) 2024/1347; jew

(b)

huma relatati ma’ raġuni ta’ inammissibbiltà applikata preċedentement, fejn l-applikazzjoni preċedenti ġiet miċħuda bħala inammissibbli.

4.   L-eżami preliminari għandu jitwettaq abbażi ta’ preżentazzjonijiet bil-miktub jew intervista personali, f’konformità mal-prinċipji u l-garanziji bażiċi previsti fil-Kapitolu II. B’mod partikolari, l-intervista personali tista’ ma ssirx f’każijiet fejn, mill-preżentazzjonijiet bil-miktub, ikun ċar li l-applikazzjoni ma twassalx għal elementi ġodda kif imsemmi fil-paragrafu 3.

5.   L-elementi ppreżentati mill-applikant għandhom jitqiesu li huma ġodda f’każijiet biss meta l-applikant ma setax, mingħajr ħtija min-naħa tiegħu, jippreżenta dawk l-elementi fil-kuntest tal-applikazzjoni preċedenti. Kwalunkwe element li seta’ ġie ppreżentat aktar kmieni mill-applikant ma għandux għalfejn jitqies sakemm ma jżidx b’mod sinifikanti l-probabbiltà li l-applikazzjoni ma tkunx inammissibbli jew li l-applikant jikkwalifika għall-protezzjoni internazzjonali jew jekk applikazzjoni preċedenti tkun ġiet miċħuda bħala impliċitament irtirata f’konformità mal-Artikolu 41 mingħajr eżami fuq il-merti.

6.   Fejn elementi ġodda kif imsemmi fil-paragrafu 3 ikunu ġew ippreżentati mill-applikant jew ikunu tfaċċaw, l-applikazzjoni għandha tiġi eżaminata ulterjorment fuq il-merti tagħha, ħlief jekk l-applikazzjoni tkun tista’ titqies bħala inammissibbli abbażi ta’ raġuni oħra prevista fl-Artikolu 38(1).

7.   Fejn ma jkun ġie ppreżentat mill-applikant jew ma jkun tfaċċa l-ebda element ġdid kif imsemmi fil-paragrafu 3, l-applikazzjoni għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli skont l-Artikolu 38(2).

Artikolu 56

Eċċezzjoni mid-dritt li wieħed jibqa’ fit-territorju f’applikazzjonijiet sussegwenti

Mingħajr preġudizzju għall-prinċipju ta’ non-refoulement, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu eċċezzjoni għad-dritt li persuna tibqa’ fit-territorju tagħhom u jidderogaw mill-Artikolu 68(5), il-punt (d), meta:

(a)

tiġi ppreżentata l-ewwel applikazzjoni sussegwenti, sempliċiment sabiex jiġi ttardjat jew imfixkel l-infurzar ta’ deċiżjoni li tirriżulta fit-tneħħija imminenti tal-applikant minn dak l-Istat Membru, u din ma tiġix eżaminata ulterjorment skont l-Artikolu 55(7); jew

(b)

it-tieni applikazzjoni jew applikazzjonijiet oħra sussegwenti jsiru fi kwalunkwe Stat Membru wara deċiżjoni finali li tiċħad applikazzjoni sussegwenti preċedenti bħala inammissibbli jew mingħajr bażi jew manifestament mingħajr bażi.

TAQSIMA V

Kunċetti ta’ pajjiż sikur

Artikolu 57

Il-kunċett ta’ protezzjoni effettiva

1.   Pajjiż terz li jkun irratifika u jirrispetta l-Konvenzjoni ta’ Ġinevra fil-limiti tad-derogi jew il-limitazzjonijiet magħmula minn dak il-pajjiż terz, kif permess skont dik il-Konvenzjoni, għandu jitqies li jiżgura protezzjoni effettiva. Fil-każ ta’ limitazzjonijiet ġeografiċi magħmula mill-pajjiż terz, l-eżistenza ta’ protezzjoni għal persuni li jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra għandha tiġi vvalutata f’konformità mal-kriterji stipulati fil-paragrafu 2.

2.   F’każijiet oħra għajr dawk imsemmija fil-paragrafu 1, il-pajjiż terz għandu jitqies li jiżgura protezzjoni effettiva biss meta, bħala minimu, jiġu ssodisfati l-kriterji li ġejjin:

(a)

il-persuni msemmija fil-paragrafu 1 jitħallew jibqgħu fit-territorju tal-pajjiż terz inkwistjoni,

(b)

il-persuni msemmija fil-paragrafu 1 ikollhom aċċess għal mezzi ta’ sussistenza suffiċjenti biex jinżamm standard ta’ għajxien adegwat fir-rigward tas-sitwazzjoni ġenerali ta’ dak il-pajjiż terz ospitanti,

(c)

il-persuni msemmija fil-paragrafu 1 ikollhom aċċess għall-kura tas-saħħa u t-trattament essenzjali tal-mard skont il-kundizzjonijiet ġeneralment previsti f’dak il-pajjiż terz;

(d)

il-persuni msemmija fil-paragrafu 1 ikollhom aċċess għall-edukazzjoni taħt il-kundizzjonijiet ġeneralment previsti f’dak il-pajjiż terz; u

(e)

il-protezzjoni effettiva tibqa’ disponibbli sakemm tkun tista’ tinstab soluzzjoni durabbli.

Artikolu 58

Il-kunċett tal-ewwel pajjiż ta’ ażil

1.   Pajjiż terz jista’ biss ikun ikkunsidrat bħala l-ewwel pajjiż ta’ ażil għal applikant meta f’dak il-pajjiż:

(a)

l-applikant gawda protezzjoni effettiva f’konformità mal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra, kif imsemmi fl-Artikolu 57(1), jew gawda protezzjoni effettiva kif imsemmi fl-Artikolu 57(2), qabel ma vvjaġġa lejn l-Unjoni, u għadu jista’ jagħmel użu minn dik il-protezzjoni;

(b)

il-ħajja u l-libertà tal-applikant ma jkunux mhedda minħabba r-razza, reliġjon, ċittadinanza, sħubija f’xi grupp soċjali partikolari jew opinjoni politika;

(c)

l-applikant ma jkun qed jiffaċċa l-ebda riskju reali ta’ ħsara serja kif definit fl-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) 2024/1347;

(d)

l-applikant ikun protett kontra r-refoulement f’konformità mal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra u kontra t-tneħħija li jiskru d-dritt għall-protezzjoni mit-tortura u minn trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti kif stabbilit fil-liġi internazzjonali.

2.   Il-kunċett tal-ewwel pajjiż ta’ ażil jista’ jiġi applikat biss dment li l-applikant ma jkunx jista’ jipprovdi elementi li jiġġustifikaw għaliex il-kunċett tal-ewwel pajjiż ta’ ażil mhuwiex applikabbli għalih, fil-qafas ta’ valutazzjoni individwali.

3.   Pajjiż terz jista’ jitqies biss bħala l-ewwel pajjiż ta’ ażil għal minuri mhux akkumpanjati meta dan ma jkunx kuntrarju għall-aħjar interessi tagħhom u fejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri l-ewwel irċevew mill-awtoritajiet tal-pajjiż terz inkwistjoni l-assikurazzjoni li dawk l-awtoritajiet ser jieħdu r-responsabbiltà tal-minuri u li l-minuri ser jibbenifikaw immedjatament minn protezzjoni effettiva kif definita fl-Artikolu 57.

4.   Fejn applikazzjoni tiġi miċħuda bħala inammissibbli bħala riżultat tal-applikazzjoni tal-kunċett tal-ewwel pajjiż ta’ ażil, l-awtorità determinanti għandha:

(a)

tinforma lill-applikant f’konformità mal-Artikolu 36; u

(b)

tipprovdilu dokument li jinforma lill-awtoritajiet tal-pajjiż terz inkwistjoni, bil-lingwa ta’ dak il-pajjiż, li l-applikazzjoni ma kinitx eżaminata fis-sustanza tagħha bħala konsegwenza tal-applikazzjoni tal-kunċett tal-ewwel pajjiż ta’ ażil.

5.   Fejn il-pajjiż terz inkwistjoni ma jaċċettax lura lill-applikant fit-territorju tiegħu jew ma jweġibx f’limitu ta’ żmien stabbilit mill-awtorità kompetenti,, l-applikant għandu jkollu aċċess għall-proċedura f’konformità mal-prinċipji u l-garanziji bażiċi previsti fil-Kapitolu II u fit-Taqsima I tal-Kapitolu III.

Artikolu 59

Il-kunċett ta’ pajjiż terz sikur

1.   Pajjiż terz jista’ biss jiġi ddeżinjat bħala pajjiż terz sikur meta f’dak il-pajjiż:

(a)

il-ħajja u l-libertà ta’ ċittadini barranin ma jkunux mhedda minħabba r-razza, reliġjon, ċittadinanza, sħubija f’xi grupp soċjali partikolari jew opinjoni politika;

(b)

ċittadini barranin ma jiffaċċaw l-ebda riskju reali ta’ ħsara serja kif definit fl-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) 2024/1347;

(c)

ċittadini barranin huma protetti kontra r-refoulement f’konformità mal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra u kontra t-tneħħija li jiskru d-dritt għall-protezzjoni mit-tortura u minn trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti kif stabbilit fil-liġi internazzjonali;

(d)

teżisti l-possibbiltà li tintalab u, fejn jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet, tingħata protezzjoni effettiva kif definit fl-Artikolu 57.

2.   Id-deżinjazzjoni ta’ pajjiż terz bħala pajjiż terz sikur kemm fil-livell tal-Unjoni kif ukoll fil-livell nazzjonali tista’ ssir b’eċċezzjonijiet għal partijiet speċifiċi tat-territorju tiegħu jew kategoriji ta’ persuni identifikabbli b’mod ċar.

3.   Il-valutazzjoni ta’ jekk pajjiż terz ikunx jista’ jiġi deżinjat bħala pajjiż terz sikur f’konformità ma’ dan ir-Regolament għandha tkun ibbażata fuq firxa ta’ sorsi rilevanti u disponibbli ta’ informazzjoni, inkluż informazzjoni minn Stati Membri, l-Aġenzija għall-Ażil, is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, il-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati, il-Kunsill tal-Ewropa u organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti oħra.

4.   Il-kunċett ta’ pajjiż terz sikur jista’ jiġi applikat:

(a)

fejn pajjiż terz ikun ġie deżinjat bħala pajjiż terz sikur fil-livell tal-Unjoni jew nazzjonali f’konformità mal-Artikolu 60 jew 64; jew

(b)

fir-rigward ta’ applikant speċifiku fejn il-pajjiż ma jkunx ġie ddeżinjat bħala pajjiż terz sikur fil-livell tal-Unjoni jew nazzjonali, dment li jiġu ssodisfati l-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 fir-rigward ta’ dak l-applikant.

5.   Il-kunċett ta’ pajjiż terz sikur jista’ jkun applikat biss dment li:

(a)

l-applikant ma jkunx jista’ juri l-eżistenza ta’ elementi li jiġġustifikaw għaliex il-kunċett ta’ pajjiż terz sikur mhuwiex applikabbli għalih, fil-qafas ta’ valutazzjoni individwali;

(b)

ikun hemm konnessjoni bejn l-applikant u l-pajjiż terz inkwistjoni li abbażi tagħha jkun raġonevoli għalih li jmur f’dak il-pajjiż.

6.   Pajjiż terz jista’ jitqies biss bħala pajjiż terz sikur għal minuri mhux akkumpanjati meta ma jkunx kuntrarju għall-aħjar interessi tagħhom u fejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri l-ewwel irċevew mill-awtoritajiet tal-pajjiż terz inkwistjoni l-assikurazzjoni. li dawk l-awtoritajiet ser jieħdu r-responsabbiltà tal-minuri u li l-minuri ser ikollhom immedjatament aċċess għal protezzjoni effettiva kif definit fl-Artikolu 57.

7.   Fejn l-Unjoni u pajjiż terz ikunu laħqu ftehim b’mod konġunt skont l-Artikolu 218 TFUE li l-migranti ammessi skont dak il-ftehim ser jiġu protetti f’konformità mal-istandards internazzjonali rilevanti u b’rispett sħiħ tal-prinċipju ta’ non-refoulement, il-kundizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu dwar l-istatus ta’ pajjiż terz sikur jistgħu jiġu preżunti ssodisfati mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 5 u 6.

8.   Fejn applikazzjoni tiġi miċħuda bħala inammissibbli b’riżultat tal-applikazzjoni tal-kunċett ta’ pajjiż terz sikur, l-awtorità determinanti għandha:

(a)

tinforma lill-applikant f’konformità mal-Artikolu 36; u

(b)

tipprovdilu dokument li jinforma lill-awtoritajiet tal-pajjiż terz inkwistjoni, bil-lingwa ta’ dak il-pajjiż, li l-applikazzjoni ma kinitx eżaminata fis-sustanza tagħha bħala konsegwenza tal-applikazzjoni tal-kunċett ta’ pajjiż terz sikur.

9.   Fejn il-pajjiż terz inkwistjoni ma jaċċettax jew ma jerġax jaċċetta lura lill-applikant fit-territorju tiegħu, l-applikant għandu jkollu aċċess għall-proċedura f’konformità mal-prinċipji u l-garanziji bażiċi previsti fil-Kapitolu II u fit-Taqsima I tal-Kapitolu III.

Artikolu 60

Deżinjazzjoni ta’ pajjiżi terzi sikuri fil-livell tal-Unjoni

1.   Pajjiżi terzi għandhom jiġu deżinjati bħala pajjiżi terzi sikuri fil-livell tal-Unjoni, f’konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 59(1).

2.   Il-Kummissjoni għandha tirrieżamina s-sitwazzjoni f’pajjiżi terzi li huma deżinjati bħala pajjiżi terzi sikuri, bl-assistenza tal-Aġenzija għall-Ażil u abbażi tas-sorsi l-oħra ta’ informazzjoni msemmija fl-Artikolu 59(3).

3.   L-Aġenzija għall-Ażil għandha, fuq talba tal-Kummissjoni, tipprovdilha informazzjoni u analiżi dwar pajjiżi terzi speċifiċi li jistgħu jiġu kkunsidrati għad-deżinjazzjoni bħala pajjiżi terzi sikuri fil-livell tal-Unjoni. Il-Kummissjoni għandha minnufih tikkunsidra kwalunkwe talba minn Stat Membru biex tivvaluta jekk pajjiż terz jistax jiġi deżinjat bħala pajjiż terz sikur fil-livell tal-Unjoni.

4.   Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 74 dwar is-sospensjoni tad-deżinjazzjoni ta’ pajjiż terz bħala pajjiż terz sikur fil-livell tal-Unjoni soġġett għall-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 63.

Artikolu 61

Il-kunċett ta’ pajjiż ta’ oriġini sikur

1.   Pajjiż terz jista’ jiġi deżinjat biss bħala pajjiż ta’ oriġini sikur f’konformità ma’ dan ir-Regolament fejn, abbażi tas-sitwazzjoni legali, tal-applikazzjoni tal-liġi f’sistema demokratika u taċ-ċirkostanzi politiċi ġenerali, ikun jista’ jintwera li ma hemmx persekuzzjoni kif definita fl-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2024/1347 u l-ebda riskju reali ta’ ħsara serja kif definit fl-Artikolu 15 ta’ dak ir-Regolament.

2.   Id-deżinjazzjoni ta’ pajjiż terz bħala pajjiż ta’ oriġini sikur kemm fil-livell tal-Unjoni kif ukoll fil-livell nazzjonali tista’ ssir b’eċċezzjonijiet għal partijiet speċifiċi tat-territorju tiegħu jew kategoriji ta’ persuni identifikabbli b’mod ċar.

3.   Il-valutazzjoni ta’ jekk pajjiż terz huwiex pajjiż ta’ oriġini sikur f’konformità ma’ dan ir-Regolament għandha tkun ibbażata fuq firxa ta’ sorsi rilevanti u disponibbli ta’ informazzjoni, inkluż informazzjoni minn Stati Membri, l-Aġenzija għall-Ażil, is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, il-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati, u organizzazzjonijiet internazzjonali oħra rilevanti, u għandu jikkunsidra, fejn disponibbli, l-analiżi komuni tal-informazzjoni dwar il-pajjiż ta’ oriġini msemmija fl-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) Nru 2021/2303.

4.   Meta ssir il-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 3, għandu jittieħed kont fost l-oħrajn tal-punt sa fejn tingħata protezzjoni kontra l-persekuzzjoni jew ħsara serja permezz ta’:

(a)

il-liġijiet u r-regolamenti rilevanti tal-pajjiż u l-mod li bih huma applikati;

(b)

l-osservanza tad-drittijiet u l-libertajiet stabbiliti fil-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali jew il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi jew il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra t-Tortura, b’mod partikolari d-drittijiet li minnhom ma tistax issir deroga skont l-Artikolu 15(2) tal-Konvenzjoni Ewropea msemmija;

(c)

l-assenza ta’ espulsjoni, tneħħija jew estradizzjoni ta’ ċittadini proprji lejn pajjiżi terzi fejn, fost l-oħrajn, hemm riskju serju li dawn jistgħu jkunu soġġetti għall-piena tal-mewt, tortura, persekuzzjoni jew trattament jew kastig ieħor inuman jew degradanti, jew fejn ħajjithom jew il-libertajiet tagħhom ikunu mhedda minħabba r-razza, ir-reliġjon, iċ-ċittadinanza, l-orjentazzjoni sesswali, is-sħubija fi grupp soċjali jew opinjoni politika partikolari, jew fejn hemm riskju serju ta’ espulsjoni, tneħħija jew estradizzjoni lejn pajjiż terz ieħor;

(d)

id-dispożizzjonijiet li jipprevedu sistema ta’ rimedji effettivi kontra l-ksur ta’ dawk id-drittijiet u l-libertajiet.

5.   Il-kunċett ta’ pajjiż ta’ oriġini sikur jista’ jkun applikat biss dment li:

(a)

l-applikant ikollu ċ-ċittadinanza ta’ dak il-pajjiż jew huwa persuna apolida u qabel kien abitwalment residenti f’dak il-pajjiż;

(b)

l-applikant ma jappartjenix għal kategorija ta’ persuni li għalihom saret eċċezzjoni meta l-pajjiż terz ġie ddeżinjat bħala pajjiż ta’ oriġini sikur;

(c)

l-applikant ma jkunx jista’ jipprovdi elementi li jiġġustifikaw għaliex il-kunċett ta’ pajjiż ta’ oriġini sikur mhuwiex applikabbli għalih, fil-qafas ta’ valutazzjoni individwali.

Artikolu 62

Deżinjazzjoni ta’ pajjiżi ta’ oriġini sikuri fil-livell tal-Unjoni

1.   Pajjiżi terzi għandhom jiġu deżinjati bħala pajjiżi ta’ oriġini sikuri fil-livell tal-Unjoni, f’konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 61.

2.   Il-Kummissjoni għandha tirrieżamina s-sitwazzjoni f’pajjiżi terzi li huma deżinjati bħala pajjiżi ta’ oriġini sikuri, bl-assistenza tal-Aġenzija għall-Ażil u abbażi ta’ sorsi oħra ta’ informazzjoni msemmija fl-Artikolu 61(3).

3.   L-Aġenzija għall-Ażil għandha, fuq talba tal-Kummissjoni, tipprovdilha informazzjoni u analiżi dwar pajjiżi terzi speċifiċi li jistgħu jitqiesu għad-deżinjazzjoni bħala pajjiżi ta’ oriġini sikuri fil-livell tal-Unjoni. Il-Kummissjoni għandha minnufih tikkunsidra kwalunkwe talba minn Stat Membru biex tivvaluta jekk pajjiż terz jistax jiġi deżinjat bħala pajjiż ta’ oriġini sikur fil-livell tal-Unjoni.

4.   Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 74 dwar is-sospensjoni tad-deżinjazzjoni ta’ pajjiż terz bħala pajjiż ta’ oriġini sikur fil-livell tal-Unjoni soġġett għall-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 63.

Artikolu 63

Sospensjoni u tneħħija tad-deżinjazzjoni ta’ pajjiż terz bħala pajjiż terz sikur jew bħala pajjiż ta’ oriġini sikur fil-livell tal-Unjoni

1.   Fil-każ ta’ bidliet sinifikanti fis-sitwazzjoni ta’ pajjiż terz deżinjat bħala pajjiż terz sikur jew bħala pajjiż ta’ oriġini sikur fil-livell tal-Unjoni, il-Kummissjoni għandha twettaq valutazzjoni sostanzjata tal-issodisfar minn dak il-pajjiż terz tal-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 59 jew 61 u, fejn il-Kummissjoni tqis li dawk il-kundizzjonijiet ma għadhomx jiġu ssodisfati, għandha tadotta att delegat f’konformità mal-Artikolu 74 biex tissospendi d-deżinjazzjoni ta’ dak il-pajjiż terz bħala pajjiż terz sikur jew bħala pajjiż ta’ oriġini sikur fil-livell tal-Unjoni għal perjodu ta’ sitt xhur.

2.   Il-Kummissjoni għandha tirrieżamina s-sitwazzjoni kontinwament fil-pajjiż terz imsemmi fil-paragrafu 1, filwaqt li tqis fost l-oħrajn, informazzjoni mogħtija mill-Istati Membri u mill-Aġenzija għall-Ażil dwar bidliet sussegwenti fis-sitwazzjoni ta’ dak il-pajjiż terz.

3.   Fejn il-Kummissjoni tkun adottat att delegat f’konformità mal-paragrafu 1 li jissospendi d-deżinjazzjoni ta’ pajjiż terz bħala pajjiż terz sikur jew bħala pajjiż ta’ oriġini sikur fil-livell tal-Unjoni, għandha, fi żmien tliet xhur mid-data tal-adozzjoni ta’ dak l-att delegat għandha tippreżenta proposta, f’konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja, għall-emenda ta’ dan ir-Regolament biex titneħħa d-deżinjazzjoni ta’ dak il-pajjiż terz bħala pajjiż terz sikur jew pajjiż ta’ oriġini sikur fil-livell tal-Unjoni.

4.   Fejn il-Kummissjoni ma tkunx ippreżentat proposta kif imsemmi fil-paragrafu 3 fi żmien tliet xhur mill-adozzjoni tal-att delegat kif imsemmi fil-paragrafu 1, l-att delegat li jissospendi l-pajjiż terz mid-deżinjazzjoni tiegħu bħala pajjiż terz sikur jew bħala pajjiż ta’ oriġini sikur fil-livell tal-Unjoni ma għandux jibqa’ jkollu effett. Fejn il-Kummissjoni tippreżenta l-proposta fi żmien tliet xhur mill-adozzjoni tal-att delegat kif imsemmi fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa, abbażi ta’ valutazzjoni sostanzjata, li testendi l-validità ta’ dak l-att delegat għal perjodu ta’ sitt xhur, bil-possibbiltà li ġġedded dik l-estensjoni darba.

5.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 4, fejn il-proposta ppreżentata mill-Kummissjoni biex titneħħa d-deżinjazzjoni ta’ pajjiż terz bħala pajjiż terz sikur jew pajjiż ta’ oriġini sikur fil-livell tal-Unjoni ma tiġix adottata fi żmien 15-il xahar minn meta l-proposta tkun ġiet ippreżentata mill-Kummissjoni, is-sospensjoni tad-deżinjazzjoni tal-pajjiż terz bħala pajjiż terz sikur jew bħala pajjiż ta’ oriġini sikur fil-livell tal-Unjoni ma għandux jibqa’ jkollha effett.

Artikolu 64

Deżinjazzjoni ta’ pajjiżi terzi bħala pajjiż terz sikur jew pajjiż ta’ oriġini sikur fil-livell nazzjonali

1.   L-Istati Membri jistgħu jżommu jew jintroduċu leġiżlazzjoni li tippermetti d-deżinjazzjoni nazzjonali ta’ pajjiżi terzi sikuri jew pajjiżi ta’ oriġini sikuri għajr dawk deżinjatif fil-livell tal-Unjoni għall-fini tal-eżami ta’ applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali.

2.   Fejn id-deżinjazzjoni ta’ pajjiż terz bħala pajjiż terz sikur jew bħala pajjiż ta’ oriġini sikur fil-livell tal-Unjoni tkun ġiet sospiża skont l-Artikolu 63(1), l-Istati Membri ma għandhomx jiddeżinjaw lil dak il-pajjiż bħala pajjiż terz sikur jew pajjiż ta’ oriġini sikur fil-livell nazzjonali.

3.   Fejn id-deżinjazzjoni ta’ pajjiż terz bħala pajjiż terz sikur jew bħala pajjiż ta’ oriġini sikur fil-livell tal-Unjoni tkun ġiet sospiża f’konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja, Stat Membru jista’ jinnotifika lill-Kummissjoni li huwa jqis li, wara bidliet fis-sitwazzjoni ta’ dak il-pajjiż, dan qed jerġa’ jissodisfa l-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 59(1) jew l-Artikolu 61.

In-notifika għandha tinkludi valutazzjoni sostanzjata tal-fatt li dak il-pajjiż qed jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 59(1) u fl-Artikolu 61, inkluż spjegazzjoni tal-bidla speċifika fis-sitwazzjoni tal-pajjiż terz li tiżgura li dak il-pajjiż qed jerġa’ jissodisfa dawk il-kundizzjonijiet.

Wara n-notifika, il-Kummissjoni għandha titlob lill-Aġenzija għall-Ażil biex tipprovdilha informazzjoni u analiżi dwar is-sitwazzjoni fil-pajjiż terz.

L-Istat Membru li jinnotifika jista’ jiddeżinja biss lil dak il-pajjiż terz bħala pajjiż terz sikur jew pajjiż ta’ oriġini sikur fil-livell nazzjonali sakemm il-Kummissjoni ma toġġezzjonax għal din id-deżinjazzjoni.

Id-dritt ta’ oġġezzjoni tal-Kummissjoni għandu jkun limitat għal perjodu ta’ sentejn wara d-data li fiha d-deżinjazzjoni ta’ dak il-pajjiż terz bħala pajjiż terz sikur jew ta’ pajjiż ta’ oriġini sikur fil-livell tal-Unjoni tkun tneħħiet. Kwalunkwe oġġezzjoni mill-Kummissjoni għandha tinħareġ f’perjodu ta’ tliet xhur wara d-data ta’ kull notifika mill-Istat Membru u wara rieżami dovut tas-sitwazzjoni f’dak il-pajjiż terz, b’kont meħud tal-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 59(1) u 61 ta’ dan ir-Regolament.

Fejn tqis li dawk il-kundizzjonijiet huma ssodisfati, il-Kummissjoni tista’ tippreżenta proposta, f’konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja, biex dan ir-Regolament jiġi emendat biex dak il-pajjiż terz jiġi deżinjat bħala pajjiż terz sikur jew bħala pajjiż ta’ oriġini sikur fil-livell tal-Unjoni.

4.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni u lill-Aġenzija għall-Ażil dwar il-pajjiżi terzi li huma deżinjati bħala pajjiżi terzi sikuri jew pajjiżi ta’ oriġini sikuri fil-livell nazzjonali sat-12 ta’ Ġunju 2026 u immedjatament wara kull deżinjazzjoni jew bidla fid-deżinjazzjonijiet. L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni u lill-Aġenzija għall-Ażil darba fis-sena dwar il-pajjiżi terzi sikuri l-oħra li għalihom jiġi applikat il-kunċett fir-rigward ta’ applikanti speċifiċi kif imsemmi fl-Artikolu 59(4), il-punt (b).

KAPITOLU IV

PROĊEDURI GĦALL-IRTIRAR TAL-PROTEZZJONI INTERNAZZJONALI

Artikolu 65

Irtirar tal-protezzjoni internazzjonali

L-awtorità determinanti jew, fejn previst mil-liġi nazzjonali, qorti jew tribunal kompetenti għandha tibda l-eżami għall-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida meta jitfaċċaw elementi jew sejbiet ġodda li jindikaw li hemm raġunijiet biex jiġi kkunsidrat mill-ġdid jekk hija tikkwalifikax għal protezzjoni internazzjonali, b’mod partikolari fil-każijiet imsemmija fl-Artikoli 14 u 19 tar-Regolament (UE) 2024/1347.

Artikolu 66

Regoli proċedurali għall-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali

1.   Fejn l-awtorità determinanti jew, fejn previst mil-liġi nazzjonali, qorti jew tribunal kompetenti jibdew l-eżami għall-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida, il-persuna kkonċernata għandha tgawdi l-garanziji li ġejjin:

(a)

li tiġi infurmata bil-miktub li l-kwalifika tagħha bħala benefiċjarju tal-protezzjoni internazzjonali qed tiġi kkunsidrata mill-ġdid u bir-raġunijiet għal tali rikonsiderazzjoni;

(b)

li tiġi infurmata bl-obbligu li tikkoopera mal-awtorità determinanti u ma’ awtoritajiet kompetenti oħra, b’mod partikolari bil-fatt li għandha tkun meħtieġa tagħmel dikjarazzjoni bil-miktub u tidher għal intervista personali jew smigħ u twieġeb mistoqsijiet;

(c)

li tiġi infurmata bil-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ kooperazzjoni mal-awtorità determinanti u ma’ awtoritajiet kompetenti oħra u li n-nuqqas li tippreżenta d-dikjarazzjoni bil-miktub u li tattendi l-intervista personali jew is-smigħ mingħajr ġustifikazzjoni xierqa, ma għandux jipprevjeni lill-awtorità determinanti jew lill-qorti jew lit-tribunal kompetenti milli jieħu deċiżjoni li jirtira l-protezzjoni internazzjonali; u

(d)

li tingħata l-opportunità li tippreżenta raġunijiet għaliex il-protezzjoni internazzjonali tagħha ma għandhiex tiġi rtirata permezz ta’ dikjarazzjoni bil-miktub fi żmien raġonevoli mid-data li fiha tirċievi l-informazzjoni msemmija fil-punt (a) u f’intervista personali jew smigħ f’data stabbilita mill-awtorità determinanti jew, fejn previst mil-liġi nazzjonali, il-qorti jew it-tribunal kompetenti.

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, l-awtorità determinanti jew il-qorti jew it-tribunal kompetenti:

(a)

għandha tikseb informazzjoni rilevanti, preċiża u aġġornata minn sorsi nazzjonali, tal-Unjoni u internazzjonali rilevanti u disponibbli u, fejn disponibbli, tieħu kont tal-analiżi komuni dwar is-sitwazzjoni f’pajjiż ta’ oriġini speċifiku u n-noti ta’ gwida msemmija fl-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) 2021/2303; u

(b)

ma għandha tikseb l-ebda informazzjoni mill-atturi allegati ta’ persekuzzjoni jew ħsara serja b’mod li jirriżulta f’li tali atturi jiġu infurmati bil-fatt li l-persuna kkonċernata hija benefiċjarja ta’ protezzjoni internazzjonali li l-istatus tagħha qed jiġi kkunsidrat mill-ġdid.

3.   Id-deċiżjoni li tiġi rtirata l-protezzjoni internazzjonali għandha tingħata bil-miktub malajr kemm jista’ jkun. Ir-raġunijiet ta’ fatt u ta’ liġi għall-irtirar għandhom jiġu ddikjarati fid-deċiżjoni u l-informazzjoni dwar kif id-deċiżjoni tiġi kkontestata u dwar il-limiti ta’ żmien rilevanti għandhom jingħataw bil-miktub.

4.   Fejn l-awtorità determinanti jew, fejn previst mil-liġi nazzjonali, qorti jew tribunal kompetenti tkun ħadet id-deċiżjoni li tirtira l-protezzjoni internazzjonali, l-Artikoli 6, 17, 18 u 19 għandhom japplikaw mutatis mutandis.

5.   Fejn iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jew il-persuna apolida ma tikkooperax billi ma tippreżentax dikjarazzjoni bil-miktub, billi ma tattendix l-intervista personali jew is-smigħ jew billi ma tweġibx mistoqsijiet mingħajr ġustifikazzjoni xierqa, in-nuqqas tad-dikjarazzjoni bil-miktub jew tal-intervista personali jew tas-smigħ ma għandux jipprevjeni lill-awtorità determinanti jew lill-qorti jew lit-tribunal kompetenti milli jieħu deċiżjoni li jirtira l-protezzjoni internazzjonali. Tali rifjut ta’ kooperazzjoni jista’ jitqies biss li huwa preżunzjoni konfutabbli li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jew il-persuna apolida ma tixtieqx tibqa’ tibbenefika minn protezzjoni internazzjonali.

6.   Il-proċedura stipulata f’dan l-Artikolu ma għandhiex tapplika meta ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jew il-persuna apolida:

(a)

b’mod inekwivoku tirrinunzja r-rikonoxximent tagħha bħala benefiċjarja ta’ protezzjoni internazzjonali;

(b)

tkun saret ċittadin ta’ Stat Membru; jew

(c)

tkun sussegwentement ingħatat protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru ieħor.

L-Istati Membri għandhom jikkonkludu l-każijiet koperti minn dan il-paragrafu f’konformità mal-liġi nazzjonali tagħhom. Dik il-konklużjoni ma għandhiex għalfejn tieħu l-forma ta’ deċiżjoni, iżda għandha tiġi rreġistrata mill-inqas fil-fajl tal-applikant flimkien mad-deżinjazzjoni tal-bażi legali għal dik il-konklużjoni.

KAPITOLU V

PROĊEDURA TA’ APPELL

Artikolu 67

Dritt għal rimedju effettiv

1.   L-applikanti u l-persuni soġġetti għall-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali għandu jkollhom id-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti jew tribunal, f’konformità mal-prinċipji u l-garanziji bażiċi previsti fil-Kapitolu II li għandhom x’jaqsmu mal-proċedura tal-appell, kontra dawn li ġejjin:

(a)

deċiżjoni li tiċħad applikazzjoni bħala inammissibbli;

(b)

deċiżjoni li tiċħad applikazzjoni bħala mingħajr bażi jew manifestament mingħajr bażi kemm fir-rigward tal-istatus ta’ refuġjat kif ukoll fir-rigward ta’ protezzjoni sussidjarja;

(c)

deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ applikazzjoni bħala li ġiet irtirata b’mod impliċitu;

(d)

deċiżjoni li tirtira l-protezzjoni internazzjonali;

(e)

deċiżjoni ta’ ritorn maħruġa f’konformità mal-Artikolu 37 ta’ dan ir-Regolament.

B’deroga mill-ewwel subparagrafu, il-punt (d), ta’ dan il-paragrafu, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu fil-liġi nazzjonali tagħhom li l-każijiet imsemmija fl-Artikolu 66(6) ma għandhomx ikunu soġġetti għal appell.

Fejn deċiżjoni ta’ ritorn tittieħed bħala parti minn deċiżjoni relatata kif imsemmi fil-punti (a), (b), (c) jew (d), tal-ewwel subparagrafu, id-deċiżjoni ta’ ritorn għandha tiġi appellata b’mod konġunt ma’ dik id-deċiżjoni relatata, quddiem l-istess qorti jew tribunal, fl-istess proċedimenti ġudizzjarji u fl-istess limiti ta’ żmien. Fejn deċiżjoni ta’ ritorn tinħareġ bħala att separat skont l-Artikolu 37, din tista’ tiġi appellata fi proċedimenti ġudizzjarji separati. Il-limiti ta’ żmien għal dawk il-proċedimenti ġudizzjarji separati ma għandhomx jaqbżu l-limiti ta’ żmien imsemmija fil-paragrafu 7 ta’ dan l-Artikolu.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 1, persuni rikonoxxuti bħala eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja għandu jkollhom id-dritt għal rimedju effettiv kontra deċiżjoni li tqis li l-applikazzjoni tagħhom hija mingħajr bażi fir-rigward tal-istatus ta’ refuġjat.

3.   Rimedju effettiv kif imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jipprevedi eżami sħiħ u ex nunc kemm tal-fatti kif ukoll tal-punti tal-liġi, tal-inqas quddiem qorti jew tribunal ta’ prim’istanza, inkluż, fejn applikabbli, eżami tal-ħtiġijiet ta’ protezzjoni internazzjonali skont ir-Regolament (UE) 2024/1347.

4.   L-applikanti, il-persuni soġġetti għall-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali u l-persuni rikonoxxuti bħala eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja għandhom jiġu pprovduti b’interpretazzjoni għall-fini ta’ smigħ quddiem il-qorti jew it-tribunal kompetenti fejn tali smigħ iseħħ u komunikazzjoni xierqa ma tkunx tista’ tiġi żgurata mod ieħor.

5.   Fejn il-qorti jew tribunal iqis li jkun meħtieġ, huwa għandu jiżgura t-traduzzjoni tad-dokumenti rilevanti li ma jkunux diġà ġew tradotti f’konformità mal-Artikolu 34(4). Inkella, it-traduzzjonijiet ta’ dawk id-dokumenti rilevanti jistgħu jiġu pprovduti minn entitajiet oħra u jitħallsu minn fondi pubbliċi f’konformità mal-liġi nazzjonali.

Applikant, persuna soġġetta għall-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali u persuna rikonoxxuta bħala eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja jistgħu, bi spejjeż tagħhom, jiżguraw it-traduzzjoni ta’ dokumenti oħra.

6.   Fejn id-dokumenti ma jiġux ippreżentati fi żmien debitu kif determinat mill-qorti jew it-tribunal, fil-każ li t-traduzzjoni għandha tiġi pprovduta mill-applikant, jew fejn id-dokumenti ma jiġux ippreżentati fil-ħin biex il-qorti jew it-tribunal jiżgura li jiġu tradotti fil-każ fejn it-traduzzjoni tkun żgurata mill-qorti jew it-tribunal, il-qorti jew it-tribunal jista’ jirrifjuta li jqis dawk id-dokumenti.

7.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-limiti ta’ żmien li ġejjin fil-liġi nazzjonali tagħhom għall-applikanti, persuni soġġetti għall-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali u persuni rikonoxxuti bħala eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja biex iressqu appelli kontra d-deċiżjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1:

(a)

bejn minimu ta’ ħamest ijiem u massimu ta’ għaxart ijiem fil-każ ta’ deċiżjoni li tiċħad applikazzjoni bħala inammissibbli, bħala irtirata impliċitament, bħala mingħajr bażi jew bħala manifestament mingħajr bażi jekk fiż-żmien tad-deċiżjoni tkun tapplika kwalunkwe waħda miċ-ċirkostanzi msemmija fl-Artikolu 42(1) jew (3);

(b)

bejn minimu ta’ ġimagħtejn u massimu ta’ xahar fil-każijiet l-oħrajn kollha.

8.   Il-limiti ta’ żmien imsemmija fil-paragrafu 7 għandhom jibdew jiddekorru mid-data li fiha d-deċiżjoni tal-awtorità determinanti jew, f’każ ta’ irtirar tal-protezzjoni internazzjonali u fejn previst mil-liġi nazzjonali, tal-qorti jew tribunal kompetenti tiġi nnotifikata lill-applikant, lill-persuna soġġetta għall-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali, lill-persuna rikonoxxuta bħala eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja jew lir-rappreżentant jew konsulent legali tagħha li jkun qed jirrappreżenta legalment lill-applikant. Il-proċedura għan-notifika għandha tiġi stabbilita fil-liġi nazzjonali.

Artikolu 68

Effett ta’ sospensjoni ta’ appell

1.   L-effetti ta’ deċiżjoni ta’ ritorn għandhom jiġu sospiżi awtomatikament sakemm applikant jew persuna soġġetta għall-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali jkollha d-dritt li tibqa’ jew titħalla tibqa’ fit-territorju f’konformità ma’ dan l-Artikolu.

2.   L-applikanti u l-persuni soġġetti għall-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali għandu jkollhom id-dritt li jibqgħu fit-territorju tal-Istati Membri sakemm jiskadi l-limitu ta’ żmien li fih huma jkunu jistgħu jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal rimedju effettiv quddiem qorti jew tribunal ta’ prim’istanza u, fejn tali dritt ikun ġie eżerċitat fil-limitu ta’ żmien, sal-eżitu tar-rimedju.

3.   Mingħajr preġudizzju għall-prinċipju ta’ non-refoulement, l-applikant u l-persuna soġġetta għall-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali ma għandux ikollhom id-dritt li jibqgħu fit-territorju skont il-paragrafu 2 meta l-awtorità kompetenti tkun ħadet waħda mid-deċiżjonijiet li ġejjin:

(a)

deċiżjoni li tiċħad applikazzjoni bħala mingħajr bażi jew manifestament mingħajr bażi jekk fiż-żmien tad-deċiżjoni:

(i)

l-applikant ikun soġġett għal eżami aċċellerat skont l-Artikolu 42(1) jew (3);

(ii)

l-applikant ikun soġġett għall-proċedura fuq il-fruntiera, ħlief meta l-applikant ikun minuri mhux akkumpanjat;

(b)

deċiżjoni li tiċħad applikazzjoni bħala inammissibbli skont l-Artikolu 38(1), il-punt (a), (d) jew (e), jew l-Artikolu 38(2), ħlief meta l-applikant ikun minuri mhux akkumpanjat soġġett għall-proċedura fuq il-fruntiera;

(c)

deċiżjoni li tiċħad applikazzjoni bħala rtirata b’mod impliċitu;

(d)

deċiżjoni li tiċħad applikazzjoni sussegwenti bħala mingħajr bażi jew manifestament mingħajr bażi; jew

(e)

deċiżjoni li tirtira protezzjoni internazzjonali f’konformità mal-Artikolu 14(1), il-punti (b), (d) u (e), jew l-Artikolu 19(1), il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2024/1347.

4.   Fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 3, qorti jew tribunal għandu jkollu s-setgħa li jiddeċiedi, wara eżami kemm tal-fatti kif ukoll tal-punti tal-liġi, jekk l-applikant jew il-persuna soġġetta għall-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali għandhiex titħalla tibqa’ fit-territorju tal-Istati Membri sakemm joħroġ ir-riżultat tar-rimedju fuq talba tal-applikant jew tal-persuna soġġetta għall-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali. Il-qorti jew tribunal kompetenti għandu, skont il-liġi nazzjonali, ikollu is-setgħa li jiddeċiedi fuq din il-kwistjoni ex officio.

5.   Għall-finijiet tal-paragrafu 4, il-kundizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw fejn rilevanti fid-dawl ta’ kwalunkwe deċiżjoni ex officio:

(a)

l-applikant jew il-persuna soġġetta għall-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali għandu jkollha limitu ta’ żmien ta’ mill-inqas ħamest ijiem mid-data li fiha d-deċiżjoni tiġi nnotifikata lilha biex titlob li titħalla tibqa’ fit-territorju sakemm joħroġ ir-riżultat tar-rimedju;

(b)

l-applikant jew il-persuna soġġetta għall-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali għandha tiġi pprovduta b’interpretazzjoni fil-każ ta’ smigħ quddiem il-qorti jew tribunal kompetenti, fejn komunikazzjoni oħra xierqa ma tkunx tista’ tiġi żgurata;

(c)

l-applikant jew il-persuna soġġetta għall-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali għandha tiġi pprovduta, fuq talba, b’assistenza u rappreżentanza legali mingħajr ħlas f’konformità mal-Artikolu 17;

(d)

l-applikant jew il-persuna soġġetta għall-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali ma għandhiex titneħħa mit-territorju tal-Istat Membru responsabbli:

(i)

sakemm ikun skada l-limitu ta’ żmien biex issir talba quddiem qorti jew tribunal biex titħalla tibqa’ fit-territorju;

(ii)

fejn l-applikant jew il-persuna soġġetta għall-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali tkun talbet li titħalla tibqa’ fil-limitu ta’ żmien stabbilit, sakemm tittieħed id-deċiżjoni tal-qorti jew tat-tribunal dwar jekk l-applikant jew il-persuna soġġetta għall-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali għandhiex titħalla tibqa’ fit-territorju;

(e)

l-applikant jew il-persuna suġġetta għall-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali għandha tjiġi infurmata kif xieraq u fil-ħin bid-drittijiet tagħha skont dan il-paragrafu.

6.   F’każijiet ta’ applikazzjonijiet sussegwenti, b’deroga mill-paragrafu 5, il-punt (d), l-Istati Membri jistgħu jipprevedu fil-liġi nazzjonali li l-applikant ma għandux ikollu d-dritt li jibqa’, mingħajr preġudizzju għar-rispett tal-prinċipju ta’ non-refoulement, jekk l-appell jitqies li ġie ppreżentat biss sabiex jittardja jew ifixkel l-infurzar ta’ deċiżjoni ta’ ritorn li tirriżulta fit-tneħħija imminenti tal-applikant mill-Istat Membru.

7.   Applikant jew persuna soġġetta għall-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali li tippreżenta appell ulterjuri kontra l-ewwel deċiżjoni ta’ appell jew deċiżjoni ta’ appell sussegwenti, ma għandux ikollha d-dritt li tibqa’ fit-territorju tal-Istat Membru, mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li qorti jew tribunal jippermetti lill-applikant jew lill-persuna soġġetta għall-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali tibqa’ fit-territorju fuq talba tal-applikant jew tal-persuna soġġetta għall-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali jew li taġixxi ex officio f’każijiet fejn jiġi invokat il-prinċipju ta’ non-refoulement.

Artikolu 69

Tul ta’ żmien għall-ewwel livell ta’ appell

Mingħajr preġudizzju għal eżami adegwat u komplet ta’ appell, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu fil-liġi nazzjonali tagħhom limiti ta’ żmien raġonevoli għall-qorti jew it-tribunal biex jeżaminaw id-deċiżjonijiet f’konformità mal-Artikolu 67(1).

KAPITOLU VI

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 70

Kontestazzjoni mill-awtoritajiet pubbliċi

Dan ir-Regolament ma jaffettwax il-possibbiltà li l-awtoritajiet pubbliċi jikkontestaw deċiżjonijiet amministrattivi jew ġudizzjarji kif previst fil-leġiżlazzjoni nazzjonali.

Artikolu 71

Kooperazzjoni

1.   Kull Stat Membru għandu jaħtar punt ta’ kuntatt nazzjonali rigward kwistjonijiet koperti minn dan ir-Regolament u jibgħat l-indirizz tiegħu lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tibgħat dik l-informazzjoni lill-Istati Membri l-oħra kollha.

2.   L-Istati Membri għandhom, f’kuntatt mal-Kummissjoni, jieħdu l-miżuri kollha xierqa biex jistabbilixxu kooperazzjoni diretta u skambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti tagħhom, kif ukoll bejn dawk l-awtoritajiet kompetenti u l-Aġenzija għall-Ażil.

3.   Meta jirrikorru għall-miżuri msemmija fl-Artikolu 13(6), l-Artikolu 27(5) u l-Artikolu 28(5), u l-Artikolu 35(2) u (5) l-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni u lill-Aġenzija għall-Ażil hekk kif ma jkunux għadhom jeżistu r-raġunijiet biex jiġu applikati dawk il-miżuri eċċezzjonali u tal-inqas fuq bażi annwali. Dik l-informazzjoni għandha, fejn possibbli, tinkludi data dwar il-perċentwal tal-applikazzjonijiet li għalihom ġew applikati derogi għall-għadd totali ta’ applikazzjonijiet ipproċessati matul dak il-perjodu.

Artikolu 72

Ħżin ta’ data

1.   L-Istati Membri għandhom jaħżnu d-data msemmija fl-Artikoli 14, 27 u 28 għal għaxar snin mid-data ta’ deċiżjoni finali dwar l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. Id-data għandha titħassar meta jiskadi dak il-perjodu jew fejn tkun tirrigwarda persuna li tkun kisbet ċittadinanza ta’ kwalunkwe Stat Membru qabel ma jiskadi dak il-perjodu hekk kif l-Istat Membru jiġi infurmat li l-persuna kkonċernata tkun kisbet din iċ-ċittadinanza.

2.   Id-data kollha għandha tinħażen f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/679, inkluż mal-prinċipju tal-iskop u l-limitazzjoni tal-ħżin.

Artikolu 73

Kalkolu tal-limiti ta’ żmien

Sakemm ma jkunx previst mod ieħor, kwalunkwe perjodu ta’ żmien preskritt f’dan ir-Regolament għandu jiġi kkalkulat kif ġej:

(a)

perjodu espress f’jiem, ġimgħat jew xhur għandu jiġi kkalkulat minn meta jseħħ avveniment jew isseħħ azzjoni; il-jum li fih iseħħ dak l-avveniment jew dik l-azzjoni ma għandux jitqies bħala li jaqa’ fil-perjodu inkwistjoni;

(b)

perjodu espress f’ġimgħat jew f’xhur għandu jintemm bl-iskadenza tal-jum, ikun liema jkun, fl-aħħar ġimgħa jew xahar, li jkun l-istess jum tal-ġimgħa, jew jaqa’ fl-istess data tax-xahar, rispettivament bħall-jum li fih seħħ l-avveniment jew saret l-azzjoni li minnha jrid jiġi kkalkulat il-perjodu; fejn f’perjodu espress f’xhur, il-jum li fih ikollu jiskadi ma jinzertax fl-aħħar xahar tal-perjodu, il-perjodu għandu jintemm f’nofsillejl tal-aħħar jum ta’ dak l-aħħar xahar;

(c)

il-limiti ta’ żmien għandhom jinkludu s-Sibtijiet, il-Ħdud u btajjel uffiċjali fl-Istat Membru kkonċernat; fejn limitu ta’ żmien jintemm is-Sibt, il-Ħadd jew f’vaganza uffiċjali, il-jum tax-xogħol li jmiss għandu jingħadd bħala l-aħħar jum tal-limitu ta’ żmien.

Artikolu 74

Eżerċizzju tad-delega

1.   Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikoli 60, 62 u 63 għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ ħames snin mill-11 ta’ Ġunju 2024. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega ta’ setgħa mhux aktar tard minn disa’ xhur qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ ħames snin. Id-delega tas-setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perjodi ta’ żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perjodu.

3.   Id-delega ta’ setgħa msemmija fl-Artikoli 60, 62 u 63 tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta’ setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fiha. Ma għandha taffettwa l-validità tal-ebda att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.   Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti nnominati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (22).

5.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

6.   Att delegat skont l-Artikoli 60, 62 u 63 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 75

Miżuri tranżizzjonali

Sat-12 ta’ Settembru 2024, il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri u l-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji rilevanti tal-Unjoni, għandha tippreżenta pjan ta’ implimentazzjoni komuni lill-Kunsill biex tiżgura li l-Istati Membri jkunu mħejjija b’mod adegwat biex jimplimentaw dan ir-Regolament sal-1 ta’ Lulju 2026, filwaqt li tivvaluta l-lakuni identifikati u l-passi operazzjonali meħtieġa, u għandha tinforma lill-Parlament Ewropew dwar dan.

Abbażi tal-pjan ta’ implimentazzjoni komuni msemmi fl-ewwel paragrafu, sat-12 ta’ Diċembru 2024 kull Stat Membru għandu, bl-appoġġ tal-Kummissjoni u l-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji rilevanti tal-Unjoni, jistabbilixxi pjan ta’ implimentazzjoni nazzjonali li jistabbilixxi l-azzjonijiet u l-iskeda ta’ żmien għall-implimentazzjoni tagħhom. Kull Stat Membru għandu jlesti l-implimentazzjoni tal-pjan tiegħu sal-1 ta’ Lulju 2026.

Għall-fini tal-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu, l-Istati Membri jistgħu jużaw l-appoġġ tal-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji rilevanti tal-Unjoni u l-Fondi tal-Unjoni jistgħu jipprovdu appoġġ finanzjarju lill-Istati Membri, f’konformità mal-atti legali li jirregolaw dawk il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji u l-fondi.

Il-Kummissjoni għandha tissorvelja mill-qrib l-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta’ implimentazzjoni nazzjonali.

Artikolu 76

Appoġġ finanzjarju

L-azzjonijiet meħuda mill-Istati Membri għall-istabbiliment ta’ konsulenza legali mingħajr ħlas u kapaċità adegwata għat-twettiq tal-proċedura fuq il-fruntiera f’konformità ma’ dan ir-Regolament għandhom ikunu eliġibbli għal appoġġ finanzjarju mill-fondi disponibbli taħt il-qafas finanzjarju pluriennali 2021-2027.

Artikolu 77

Monitoraġġ u evalwazzjoni

Sat-13 ta’ Ġunju 2028 u kull ħames snin wara dan, il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament fl-Istati Membri u għandha, fejn xieraq, tipproponi xi emendi.

Fuq talba tal-Kummissjoni, l-Istati Membri għandhom jibagħtu l-informazzjoni meħtieġa għat-tħejjija tar-rapport tagħha mhux aktar tard minn disa’ xhur qabel ma jiskadi dak il-limitu ta’ żmien.

Sat-12 ta’ Ġunju 2027 u kull tliet snin wara dan, il-Kummissjoni għandha tivvaluta jekk in-numri stipulati fl-Artikolu 46 u fl-Artikolu 47(1), it-tieni subparagrafu, u l-eċċezzjonijiet għall-proċedura tal-ażil fuq il-fruntiera jkunux għadhom adegwati fid-dawl tas-sitwazzjoni migratorja ġenerali fl-Unjoni u għandha, fejn xieraq, tipproponi kwalunkwe emenda mmirata.

Sat-12 ta’ Ġunju 2025, il-Kummissjoni għandha tirrieżamina l-kunċett ta’ pajjiż terz sikur u għandha, fejn xieraq, tipproponi kwalunkwe emenda mmirata.

Artikolu 78

Tħassir

1.   Id-Direttiva 2013/32/UE hija mħassra b’effett mid-data msemmija fl-Artikolu 79(2), mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 79(3).

2.   Ir-referenzi għad-Direttiva mħassra għandhom jitqiesu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw f’konformità mat-tabella ta’ korrelazzjoni stipulata fl-Anness.

3.   Sa fejn id-Direttiva tal-Kunsill 2005/85/KE (23) baqgħet torbot lill-Istati Membri li mhumiex marbuta bid-Direttiva 2013/32/UE, id-Direttiva 2005/85/KE hija mħassra b’effett mid-data li fiha dawk l-Istati Membri huma marbuta b’dan ir-Regolament. Ir-referenzi għad-Direttiva mħassra għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament.

Artikolu 79

Dħul fis-seħħ u applikabbiltà

1.   Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2.   Dan ir-Regolament għandu japplika mit-12 ta’ Ġunju 2026.

3.   Dan ir-Regolament għandu japplika għall-proċedura għall-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali fir-rigward ta’ applikazzjonijiet ippreżentati mit-12 ta’ Ġunju 2026. L-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali ppreżentati qabel dik id-data għandhom jiġu rregolati mid-Direttiva 2013/32/UE. Dan ir-Regolament għandu japplika għall-proċedura għall-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali fejn l-eżami għall-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali jkun beda mit-12 ta’ Ġunju 2026. Fejn l-eżami għall-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali jkun beda qabel it-12 ta’ Ġunju 2026, il-proċedura għall-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali għandha tiġi rregolata mid-Direttiva 2013/32/UE.

4.   Għall-Istati Membri li mhumiex marbuta bid-Direttiva 2013/32/UE, ir-referenzi magħmula fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu għandhom jinftiehmu bħala referenzi għad-Direttiva 2005/85/KE.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri f’konformità mat-Trattati.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Mejju 2024.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

R. METSOLA

Għall-Kunsill

Il-President

H. LAHBIB


(1)   ĠU C 75, 10.3.2017, p. 97ĠU C 155, 30.4.2021, p. 64.

(2)   ĠU C 207, 30.6.2017, p. 67ĠU C 175, 7.5.2021, p. 32.

(3)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta’ April 2024 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-14 ta’ Mejju 2024.

(4)  Id-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU L 180, 29.6.2013, p. 60).

(5)  Ir-Regolament (UE) 2021/2303 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Diċembru 2021 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ażil u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 439/2010 (ĠU L 468, 30.12.2021, p. 1).

(6)  Ir-Regolament (UE) 2024/1347 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-14 ta’ Mejju 2024 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew persuni apolidi bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal status uniformi għar-rifuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija, li jemenda d-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE u jħassar id-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L, 2024/1347, 22.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1347/oj).

(7)  Ir-Regolament (UE) 2021/1147 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Lulju 2021 li jistabbilixxi l-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (ĠU L 251, 15.7.2021, p. 1).

(8)  Id-Direttiva (UE) 2024/1346 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Mejju 2024 li tistabbilixxi l-istandards għall-akkoljenza ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali (ĠU L, 2024/1346, 22.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2024/1346/oj).

(9)  Ir-Regolament (UE) 2024/1351 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Mejju 2024 dwar il-ġestjoni tal-ażil u tal-migrazzjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) 2021/1147 u (UE) 2021/1060 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 604/2013 (ĠU L, 2024/1351, 22.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1351/oj).

(10)  Ir-Regolament (UE) 2024/1358 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Mejju 2024 dwar l-istabbiliment tal-“Eurodac” għat-tqabbil tad-data biometrika sabiex japplika b’mod effettiv ir-Regolamenti (UE) 2024/1351 u (UE) 2024/1350 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kunsill 2001/55/KE u sabiex jiġi identifikat ċittadini ta’ pajjiżi terzi u persuni apolidi li qed tirrisjedi illegalment u dwar talbiet għat-tqabbil mad-data tal-Eurodac mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri u mill-Europol għall-finijiet ta’ infurzar tal-liġi, li jemenda r-Regolamenti (UE) 2018/1240 u (UE) 2019/818 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 603/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L, 2024/1358, 22.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1358/oj).

(11)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/86/KE tat-22 ta’ Settembru 2003 dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja (ĠU L 251, 3.10.2003, p. 12).

(12)  Id-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU L 158, 30.4.2004, p. 77).

(13)  Ir-Regolament (UE) 2024/1349 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Mejju 2024 li jistabbilixxi proċedura ta’ ritorn fuq il-fruntiera, u li jemenda r-Regolament (UE) 2021/1148 (ĠU L, 2024/1349, 22.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1349/oj).

(14)  Ir-Regolament (UE) 2019/1896 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 2019 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1052/2013 u (UE) 2016/1624 (ĠU L 295, 14.11.2019, p. 1).

(15)  Ir-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen), (ĠU L 77, 23.3.2016, p. 1).

(16)  Id-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU L 348, 24.12.2008, p. 98).

(17)  Ir-Regolament (UE) 2024/1356 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Mejju 2024 li jintroduċi l-iskrinjar ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fil-fruntieri esterni u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 767/2008, (UE) 2017/2226, (UE) 2018/1240 u (UE) 2019/817 (ĠU L, 2024/1356, 22.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1356/oj).

(18)   ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

(19)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(20)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).

(21)  Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (ĠU L 190, 18.7.2002, p. 1.).

(22)   ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

(23)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2005/85/KE tal-1 ta’ Diċembru 2005 dwar standards minimi għal proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar tal-istatus ta’ rifuġjat (ĠU L 326, 13.12.2005, p. 13).


ANNESS

Tabella ta’ Korrelazzjoni

Direttiva 2013/32/UE

Dan ir-Regolament

Artikolu 1

Artikolu 1

Artikolu 2

Artikolu 3

Artikolu 2, punt (a)

Artikolu 2, punti (b), (c) u (d)

Artikolu 3, punti (12), (13) u (14)

Artikolu 2, punt (e)

Artikolu 3, punt (8)

Artikolu 2, punt (f)

Artikolu 3, punt (16)

Artikolu 2, puAnti (g) u (h)

Artikolu 3, punti (1) u (2)

Artikolu 2, punt (i)

Artikolu 3, punt (5)

Artikolu 2, punti (j) u (k)

Artikolu 3, punti (3)u (4)

Artikolu 2, punti (l) u (m)

Artikolu 3, punti (6) u (7)

Artikolu 2, punt (n)

Artikolu 2, punti (o), (p) u (q)

Artikolu 3, punti (17), (18) u (19)

Artikolu 3, punti (9), (10), (11), (15) u (20)

Artikolu 3(1)

Artikolu 2(1)

Artikolu 3(2)

Artikolu 2(2)

Artikolu 3(3)

Artikolu 2(3)

Artikolu 4(1)

Artikolu 4(1) u (7)

Artikolu 4(2), punt (a)

Artikolu 4 (6)

Artikolu 4(2), punt (b)

Artikolu 4 (3) u (5)

Artikolu 4(3)

Artikolu 4(8)

Artikolu 4(4)

Artikolu 4(5)

Artikolu 5

Artikolu 5

Artikolu 26

Artikolu 6(1), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 27(1), l-ewwel subparagrafu, l-ewwel sentenza

Artikolu 6(1), it-tieni subparagrafu

Artikolu 4(4) u Artikolu 27(3)

Artikolu 6(1), it-tielet subparagrafu

Artikolu 4(2)

Artikolu 27(1), l-ewwel subparagrafu, punti (a) sa (d), u t-tieni subparagrafu

Artikolu 27(2), (4), (6) u (7)

Artikolu 6(2)

Artikolu 28(1) u Artikolu 41(1), punt (a)

Artikolu 28(2)

Artikolu 6(3)

Artikolu 28(3)

Artikolu 6(4)

Artikolu 28(4)

Artikolu 28(5), (6) u (7)

Artikolu 6(5)

Artikolu 27(5)

Artikolu 29

Artikolu 7

Artikolu 31 u 32

Artikolu 7(1)

Artikolu 7(2), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 31(1)

Artikolu 7(2), it-tieni subparagrafu

Artikolu 31(2)

Artikolu 7(3)

Artikolu 32(1)

Artikolu 32(2) u (3)

Artikolu 7(4) u (5)

Artikolu 7(5)

Artikolu 33

Artikolu 8(1)

Artikolu 30(1) u (2)

Artikolu 8(2)

Artikolu 30(3)

Artikolu 9(1)

Artikolu 10(1) u (2)

Artikolu 9(2)

Artikolu 10(3) u Artikolu 10 (4), punti (a) u (b)

Artikolu 9(3)

Artikolu 10(5)

Artikolu 10(4)(c)

Artikolu 10(1)

Artikolu 10(2)

Artikolu 39(2)

Artikolu 10(3)

Artikolu 34(2)

Artikolu 10(3), punt (a)

Artikolu 34(2)

Artikolu 34(2), punt (a)

Artikolu 10(3), punt (b)

Artikolu 34(2), punt (b)

Artikolu 34(2), punt (c) sa (g)

Artikolu 10(3), punti (c) u (d)

Artikolu 34(3)

Artikolu 10(4)

Artikolu 10(5)

Artikolu 34(4)

Artikolu 11(1)

Artikolu 36(1)

Artikolu 11(2), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 36(2) u (3)

Artikolu 11(2), it-tieni subparagrafu

Artikolu 11(3)

Artikolu 36(3)

Artikolu 36(4)

Artikolu 12(1)

Artikolu 8(1)

Artikolu 12(1), punt (a)

Artikolu 8(2), l-ewwel subparagrafu, punti (b),(c), (e), u t-tieni subparagrafu

Artikolu 8(2), l-ewwel subparagrafu, punti (a) u (d)

Artikolu 8(2), it-tielet subparagrafu

Artikolu 12(1), punt (b)

Artikolu 8(3)

Artikolu 12(1), punt (c)

Artikolu 8(4)

Artikolu 12(1), punt (d)

Artikolu 8(5)

Artikolu 12(1), punt (e)

Artikolu 8(6)

Artikolu 12(1), punt (f)

Artikolu 8(2), l-ewwel subparagrafu, punt (f)

Artikolu 8(7)

Artikolu 12(2)

Artikolu 9(1)

Artikolu 13(1)

Artikolu 9(2)

Artikolu 9(2), l-ewwel subparagrafu, punti (a),(b), (d), (e), (g) u (h)

Artikolu 13(2), punt (a)

Artikolu 9 (4)

Artikolu 13(2), punt (b)

Artikolu 9(2), l-ewwel subparagrafu, punt (f)

Artikolu 13(2), punt (c)

Artikolu 9(2), l-ewwel subparagrafu, punt (c), u Artikolu 9(3)

Artikolu 13(2), punt (d)

Artikolu 9(5)

Artikolu 13(2), punt (e)

Artikolu 13(2), punt (f)

Artikolu 9(2), it-tieni subparagrafu

Artikolu 14(1), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 11(1), Artikolu 12(1) u Artikolu 13(6), l-ewwel sentenza

Artikolu 11(2)

Artikolu 13(1),

Artikolu 14(1), it-tieni subparagrafu

Artikolu 13(6)

Artikolu 14(1), it-tielet subparagrafu

Artikolu 13(2)

Artikolu 14(1), ir-raba subparagrafu

Artikolu 22(3), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 14(2), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 13(11)

Artikolu 14(2), punt (a)

Artikolu 13(11), punt (a)

Artikolu 13 (8) u (10)

Artikolu 13(11), l-ewwel subparagrafu, punti (b),(d) u (e), u t-tielet subparagrafu

Artikolu 13(13), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 14(2), punt (b)

Artikolu 13(11), l-ewwel subparagrafu, punt (c)

Artikolu 14(2), it-tieni subparagrafu

Artikolu 13(11), it-tieni subparagrafu

Artikolu 14(3)

Artikolu 13(14)

Artikolu 14(4)

Artikolu 13(11), it-tieni subparagrafu

Artikolu 14(5)

Artikolu 41(1), punt (d)

Artikolu 15(1)

Artikolu 15(2)

Artikolu 13(3)

Artikolu 15(3)

Artikolu 13(3)

Artikolu 15(3), punt (a)

Artikolu 13(7), punt (a)

Artikolu 15(3), punt (b)

Artikolu 13(9)

Artikolu 15(3), punt (c)

Artikolu 13(5) u (9)

Artikolu 15(3), punt (d)

Artikolu 13(7), punt (b)

Artikolu 15(3), punt (e)

Artikolu 22(3), it-tieni subparagrafu

Artikolu 13(8)

Artikolu 13(10)

Artikolu 13(1)

Artikolu 15(4)

Artikolu 16

Artikolu 12(2)

Artikolu 17(1)

Artikolu 14(1)

Artikolu 17(2)

Artikolu 14(2)

Artikolu 17(3), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 14(3) u (4)

Artikolu 17(3), it-tieni subparagrafu

Artikolu 14(5)

Artikolu 17(4)

Artikolu 14(4)

Artikolu 17(5), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 14(6), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 17(5), it-tieni subparagrafu

Artikolu 14(5), it-tieni subparagrafu

Artikolu 17(5), it-tielet subparagrafu

Artikolu 18(1), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 24(1)

Artikolu 18(1), it-tieni subparagrafu

Artikolu 24(5) u (6)

Artikolu 18(1), it-tielet subparagrafu

Artikolu 24(2), it-tieni subparagrafu

Artikolu 24(2), l-ewwel u t-tielet subparagrafi

Artikolu 24(5) u (6)

Artikolu 18(2)

Artikolu 24(3)

Artikolu 18(3)

Artikolu 24(4)

Artikolu 19

Artikolu 16

Artikolu 20(1)

Artikolu 17(1)

Artikolu 20(2)

Artikolu 15(3)

Artikolu 17(2)

Artikolu 17(2), punt (a)

Artikolu 20(3), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 17(2), punt (b)

Artikolu 17(2), punti (c) u (d)

Artikolu 20(3), it-tieni subparagrafu

Artikolu 17(3)

Artikolu 20(3), it-tielet subparagrafu

Artikolu 19(2)

Artikolu 20(4)

Artikolu 21(1)

Artikolu 19(1)

Artikolu 21(2)

Artikolu 21(3)

Artikolu 19(2)

Artikolu 21(4)

Artikolu 19(4)

Artikolu 21(5)

Artikolu 19(5)

Artikolu 19(3)

Artikolu 22(1)

Artikolu 15(1)

Artikolu 15(2) u (4)

Artikolu 22(2)

Artikolu 19(1)

Artikolu 23(1)

Artikolu 18(1) u (2)

Artikolu 23(2)

Artikolu 18(3)

Artikolu 23(3), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 13(4)

Artikolu 23(3), it-tieni subparagrafu

Artikolu 13(13), it-tielet subparagrafu

Artikolu 23(4), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 23(4), it-tieni subparagrafu

Artikolu 13(12)

Artikolu 23(4), it-tielet subparagrafu

Artikolu 13(13), it-tieni subparagrafu

Artikolu 24(1)

Artikolu 20(1)

Artikolu 24(2)

Artikolu 20(1)

Artikolu 20(2), (4) u (5)

Artikolu 20(3), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 24(3)

Artikolu 21(1) u (2)

Artikolu 24(4)

Artikolu 20(3), it-tieni subparagrafu

Artikolu 23(1)

Artikolu 23(2), ir-raba subparagrafu

Artikolu 23(3) u (4)

Artikolu 23(5), l-ewwel subparagrafu, punti (b) u (c), u t-tieni subparagrafu

Artikolu 23(6) u (7)

Artikolu 25(1), l-ewwel subparagrafu, punt (a)

Artikolu 23(2), l-ewwel subparagrafu, punti (a) u (b), u t-tieni subparagrafu, Artikolu 23(5), l-ewwel subparagrafu, punt (a), u Artikolu 23(9)

Artikolu 25(1), l-ewwel subparagrafu, punt (b)

Artikolu 23(8)

Artikolu 25(1), it-tieni subparagrafu

Artikolu 23(8), it-tielet subparagrafu

Artikolu 23(10)

Artikolu 25(2)

Artikolu 23(2), it-tielet subparagrafu

Artikolu 22(2) u (3)

Artikolu 25(3), punt (a)

Artikolu 22(3), it-tieni subparagrafu

Artikolu 25(3), punt (b)

Artikolu 23(5)

Artikolu 25(4)

Artikolu 25(5)

Artikolu 25

Artikolu 25(5), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 25(1) u (3)

Artikolu 25(5), it-tieni subparagrafu

Artikolu 25(4)

Artikolu 25(5), it-tielet subparagrafu, il-punt (a)

Artikolu 25(4)

Artikolu 25(5), it-tielet subparagrafu, il-punt (b)

Artikolu 25(5)

Artikolu 25(5), it-tielet subparagrafu, il-punt (c)

Artikolu 25(5), ir-raba subparagrafu

Artikolu 25(6)

Artikolu 25(7)

Artikolu 25(6), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 22(1)

Artikolu 25(6), it-tieni subparagrafu, il-punt (a)

Artikolu 42(3)

Artikolu 25(6), it-tieni subparagrafu, il-punt (a) (i)

Artikolu 42(3), punt (a)

Artikolu 25(6), it-tieni subparagrafu, il-punt (a) (ii)

Artikolu 42(3), punt (c)

Artikolu 25(6), it-tieni subparagrafu, il-punt (a) (iii)

Artikolu 42(3), punt (b)

Artikolu 42(3), punti (d) u (e)

Artikolu 25(6), it-tieni subparagrafu, il-punt (b)

Artikolu 53(1)

Artikolu 25(6), it-tieni subparagrafu, il-punt (b) (i)

Artikolu 25(6), it-tieni subparagrafu, il-punt (b) (ii)

Artikolu 25(6), it-tieni subparagrafu, il-punt (b) (iii)

Artikolu 53(1)

Artikolu 25(6), it-tieni subparagrafu, il-punt (b) (iv)

Artikolu 25(6), it-tieni subparagrafu, il-punt (b) (v)

Artikolu 25(6), it-tieni subparagrafu, il-punt (b) (vi)

Artikolu 25(6), it-tieni subparagrafu, il-punt (b)it-tieni sentenza

Artikolu 25(6), it-tieni subparagrafu, il-punt (c)

Artikolu 59(5) u (6)

Artikolu 25(6), it-tieni subparagrafu, il-punt (d)

Artikolu 26

Artikolu 27(1)

Artikolu 40(1) u (3)

Artikolu 40(2) u (4)

Artikolu 27(2)

Artikolu 28(1), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 41(5)

Artikolur 28(1), it-tieni subparagrafu, il-punt (a)

Artikolu 41(1), punt (d)

Artikolur 28(1), it-tieni subparagrafu, il-punt (b)

Artikolu 41(1), punti (e) u (f)

Artikolu 41(1), punti (a), (b) u (c)

Artikolu 28(1), it-tielet subparagrafu

Artikolu 41(2), (3) u (4)

Artikolu 28(2)

Artikolu 28(3)

Artikolu 29

Artikolu 6

Artikolu 30

Artikolu 7(2)

Artikolu 31(1)

Artikolu 34(1)

Artikolu 34(2)

Artikolu 34(3)

Artikolu 34(4)

Artikolu 35

Artikolu 35(1)

Artikolu 35(2)

Artikolu 35(3)

Artikolu 31(2)

Artikolu 35(4)

Artikolu 31(3), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 35(4)

Artikolu 31(3), it-tieni subparagrafu

Artikolu 35(5)

Artikolu 31(3), it-tielet subparagrafu, il-punt (a)

Artikolu 35(5), punt (b)

Artikolu 31(3), it-tielet subparagrafu, il-punt (b)

Artikolu 35(5), punt (a)

Artikolu 31(3), it-tielet subparagrafu, il-punt (c)

Artikolu 35(5), punt (c)

Artikolu 31(3), ir-raba subparagrafu

Artikolu 31(4)

Artikolu 35(7)

Artikolu 31(5)

Artikolu 35(7), it-tieni subparagrafu

Artikolu 31(6)

Artikolu 31(7)

Artikolu 34(5)

Artikolu 31(8)

Artikolu 42(1)

Artikolu 31(8), punt (a)

Artikolu 42(1), punt (a)

Artikolu 31(8), punt (b)

Artikolu 42(1), punt (e)

Artikolu 31(8), punt (c)

Artikolu 42(1), punt (c)

Artikolu 31(8), punt (d)

Artikolu 31(8), punt (e)

Artikolu 42(1), punt (b)

Artikolu 31(8), punt (f)

Artikolu 42(1), punt (g)

Artikolu 31(8), punt (g)

Artikolu 42(1), punt (d)

Artikolu 31(8), punt (h)

Artikolu 42(1), punt (h)

Artikolu 31(8), punt (i)

Artikolu 31(8), punt (j)

Artikolu 42(1), punt (f)

Artikolu 42(1), punt (i)

Artikolu 42(1), punt (j)

Artikolu 31(9)

Artikolu 35(3)

Artikolu 42(2)

Artikolu 42(3)

Artikolu 42(4)

Artikolu 32(1)

Artikolu 39(3)

Artikolu 32(2)

Artikolu 39(4)

Artikolu 33(1)

Artikolu 39(1)

Artikolu 33(2)

Artikolu 38(1)

Artikolu 33(2), punt (a)

Artikolu 38(1), punt (c)

Artikolu 33(2), punt (b)

Artikolu 38(1), punt (a)

Artikolu 33(2), punt (c)

Artikolu 38(1), punt (b)

Artikolu 33(2), punt (d)

Artikolu 38(2)

Artikolu 33(2), punt (e)

Artikolu 38(1), punt (d)

Artikolu 38(1), punt (e)

Artikolu 34(1)

Artikoli 11(1)

Artikolu 34(2)

Artikolu 13(6)

Artikolu 57

Artikolu 35, l-ewwel paragrafu

Artikolu 58(1)

Artikolu 35, it-tieni paragrafu

Artikolu 58(2)

Artikolu 58(3)

Artikolu 58(4)

Artikolu 58(5)

Artikolu 60

Artikolu 36(1)

Artikolu 61(5)

Artikolu 61(1)

Artikolu 61(2)

Artikolu 61(3)

Artikolu 61(4)

Artikolu 36(2)

Artikolu 62

Artikolu 63

Artikolu 37(1)

Artikolu 64(1)

Artikolu 37(2)

Artikolu 37(3)

Artikolu 64(2)

Artikolu 64(3)

Artikolu 37(4)

Artikolu 64(4)

Artikolu 38(1)

Artikolu 59(1)

Artikolu 59(2)

Artikolu 59(3)

Artikolu 38(2), punt (a)

Artikolu 59(5), punt (b)

Artikolu 59(4)

Artikolu 38(2), punt (b)

Artikolu 38(2), punt (c)

Artikolu 59(5)

Artikolu 59(6)

Artikolu 59(7)

Artikolu 38(3)

Artikolu 59(8)

Artikolu 38(4)

Artikolu 59(9)

Artikolu 38(5)

Artikolu 64(4)

Artikolu 39

Artikolu 40(1)

Artikolu 55(1)

Artikolu 55(2)

Artikolu 40(2)

Artikolu 55(3)

Artikolu 40(3)

Artikolu 55(3), punt (a)

Artikolu 55(3), punt (b)

Artikolu 55(4)

Artikolu 40(4)

Artikolu 55(5)

Artikolu 55(6)

Artikolu 40(5)

Artikolu 55(7)

Artikolu 40(6)

Artikolu 40(7)

Artikolu 41

Artikolu 56

Artikolu 41(1), l-ewwel subparagrafu, punt (a)

Artikolu 56, punt (a)

Artikolu 41(1), l-ewwel subparagrafu, punt (b)

Artikolu 56, punt (b)

Artikolu 41(1), it-tieni subparagrafu

Artikolu 56, l-ewwel sentenza

Artikolu 41(2)

Artikolu 42

Artikolu 42(1)

Artikolu 55(4)

Artikolu 42(2), l-ewwel subparagrafu, punt (a)

Artikolu 42(2), l-ewwel subparagrafu, punt (b)

Artikolu 55(4)

Artikolu 42(2), it-tieni subparagrafu

Artikolu 42(3)

Artikolu 43

Artikoli 43 sa 54

Artikolu 44

Artikolu 65

Artikolu 45

Artikolu 66

Artikolu 45(1)

Artikolu 66(1)

Artikolu 45(2)

Artikolu 66(2)

Artikolu 45(3)

Artikolu 66(3)

Artikolu 45(4)

Artikolu 66(4)

Artikolu 66(5)

Artikolu 45(5)

Artikolu 66(6)

Artikolu 46

Artikolu 67

Artikolu 46(1)

Artikolu 67(1)

Artikolu 46(1), punt (a)(i)

Artikolu 67(1), punt (b)

Artikolu 46(1), punt (a)(ii)

Artikolu 67(1), punt (a)

Artikolu 46(1), punt (a)(iii)

Artikolu 46(1), punt (a)(iv)

Artikolu 46(1), punt (b)

Artikolu 46(1), punt (c)

Artikolu 67(1), punt (d)

Artikolu 46(2), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 67(2)

Artikolu 46(2), it-tieni subparagrafu

Artikolu 46(3)

Artikolu 67(3)

Artikolu 67(4)

Artikolu 67(5)

Artikolu 46(4), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 67(6)

Artikolu 46(4), it-tieni subparagrafu

Artikolu 68

Artikolu 68(1)

Artikolu 46(5)

Artikolu 68(2)

Artikolu 46(6)

Artikolu 68(3) u (4)

Artikolu 46(6), punt (a)

Artikolu 68(3), punt (a)(i) u (ii)

Artikolu 46(6), punt (b)

Artikolu 68(3), punt (b)

Artikolu 46(6), punt (c)

Artikolu 46(6), punt (d)

Artikolu 68(3), punti (c) u (e)

Artikolu 46(7)

Artikolu 68(4) u (5)

Artikolu 46(8)

Artikolu 68(5), punt (d)(i) u (ii)

Artikolu 46(9)

Artikolu 46(10)

Artikolu 69

Artikolu 46(11)

Artikolu 47

Artikolu 70

Artikolu 48

Artikolu 7(1)

Artikolu 49

Artikolu 71

Artikolu 72

Artikolu 73

Artikolu 74

Artikolu 75

Artikolu 76

Artikolu 50

Artikolu 77

Artikolu 51

Artikolu 52

Artikolu 53

Artikolu 78

Artikolu 54

Artikolu 79

Artikolu 55


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1348/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)