European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/1322

16.5.2024

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/1322

tal-14 ta’ Mejju 2024

li tawtorizza metodi ta’ klassifikazzjoni tal-karkassi tal-majjali f’Malta

(notifikata bid-dokument C(2024) 3102)

(It-testi bil-Malti u bl-Ingliż biss huma awtentiċi)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 20, l-ewwel paragrafu, il-punt (p), tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jipprevedi li l-iskali tal-Unjoni għall-klassifikazzjoni tal-karkassi tal-majjali għandhom japplikaw f’konformità mal-Anness IV, il-punt B ta’ dak ir-Regolament. L-Anness IV, it-Taqsima B.IV, il-punt 1 ta’ dak ir-Regolament jipprevedi li, għall-klassifikazzjoni tal-karkassi tal-majjali, il-kontenut ta’ laħam dgħif għandu jiġi vvalutat permezz ta’ metodi ta’ klassifikazzjoni awtorizzati mill-Kummissjoni, li jistgħu jiġu awtorizzati biss metodi ta’ valutazzjoni ppruvati statistikament ibbażati fuq il-kejl fiżiku ta’ waħda jew aktar mill-partijiet anatomiċi tal-karkassa tal-majjal u li l-metodi ta’ klassifikazzjoni huma soġġetti għall-konformità mar-rata ta’ tolleranza massima għal errur statistiku fil-valutazzjoni. Dik it-tolleranza hija ddefinita fl-Anness V, il-Parti A, il-punt 1, it-tieni paragrafu tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/1182 (2).

(2)

L-Artikolu 11(6) tar-Regolament Delegat (UE) 2017/1182 jipprevedi li l-Kummissjoni tista’ tawtorizza metodi ta’ klassifikazzjoni mingħajr test ta’ awtorizzazzjoni, dment li tali awtorizzazzjoni tkun diġà ngħatat għall-istess metodu ta’ klassifikazzjoni applikabbli fi Stat Membru ieħor abbażi ta’ test ta’ awtorizzazzjoni meta l-kampjun tal-karkassa jkun rappreżentattiv biżżejjed tal-popolazzjonijiet tal-ħnieżer fl-Istati Membri kkonċernati.

(3)

Malta talbet lill-Kummissjoni tawtorizza l-metodu “CSB Image-Meater 2.0” għall-klassifikazzjoni tal-karkassi tal-majjali fit-territorju tagħha.

(4)

L-istess metodu diġà ngħata awtorizzazzjoni fi Spanja bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/114 (3).

(5)

Malta ppreżentat informazzjoni dettaljata li tikkonferma li l-kampjun tal-karkassa użat bħala bażi għat-test tal-awtorizzazzjoni fi Spanja huwa wkoll rappreżentattiv biżżejjed tal-popolazzjoni tal-ħnieżer f’Malta.

(6)

L-eżami ta’ dik it-talba żvela li r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 11(6) tar-Regolament Delegat (UE) 2017/1182 huma ssodisfati. Għalhekk, jenħtieġ li dan il-metodu ta’ klassifikazzjoni jiġi awtorizzat f‘Malta.

(7)

Sakemm ma jkunux ġew awtorizzati b’mod espliċitu minn Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni, jenħtieġ li l-modifiki tal-metodu ta’ klassifikazzjoni jew tal-apparat tagħhom ma jkunux permessi.

(8)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-użu tal-metodu ta’ klassifikazzjoni li ġej huwa awtorizzat għall-valutazzjoni tal-kontenut ta’ laħam dgħif tal-karkassi tal-majjali skont l-Anness IV, it-Taqsima B.IV, il-punt 1 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 f’Malta: l-apparat “CSB Image-Meater 2.0” u l-metodi ta’ valutazzjoni marbuta miegħu, li d-dettalji tagħhom huma stabbiliti fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-modifiki tal-metodu ta’ klassifikazzjoni awtorizzat jew tal-apparat tiegħu imsemmija fl-Artikolu 1 għandhom jiġu awtorizzati b’Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika ta’ Malta.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Mejju 2024.

Għall-Kummissjoni

Janusz WOJCIECHOWSKI

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/1308/oj.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/1182 tal-20 ta’ April 2017 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-iskali tal-Unjoni għall-klassifikazzjoni ta’ karkassi taċ-ċanga, tal-majjal u tan-nagħaġ u dwar ir-rapportar tal-prezzijiet tas-suq ta’ ċerti kategoriji ta’ karkassi u annimali ħajjin (ĠU L 171, 4.7.2017, p. 74, ELI: http://data.europa.eu/eli/ reg_del/2017/1182/oj).

(3)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/114 tas-16 ta’ Jannar 2018 li temenda d-Deċiżjoni 2009/11/KE li tawtorizza metodi għall-klassifikazzjoni tal-karkassi tal-majjali fi Spanja (ĠU L 20, 25.1.2018, p. 11, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2018/114/oj).


ANNESS

METODU TA’ KLASSIFIKAZZJONI TAL-KARKASSI TAL-MAJJALI F’MALTA

CSB Image-Meater 2.0

1.

Ir-regoli ta’ dan il-metodu ta’ klassifikazzjoni għandhom japplikaw meta l-klassifikazzjoni tal-karkassi tal-majjali ssir permezz tal-apparat magħruf bħala “CSB Image-Meater 2.0”.

2.

Is-CSB Image-Meater 2.0 jikkonsisti minn vidjowkamera, kompjuter mgħammar b’kard għall-analiżi tal-immaġni, skrin, printer, mekkaniżmu użat għall-kmand, mekkaniżmu għat-trigger u l-interfaċċi. L-erba’ fatturi varjabbli tas-CSB Image-Meater 2.0 kollha jitkejlu f’nofs il-linja tal-parti tal-perżut (madwar il-muskolu msejjaħ gluteus medius). Unità ċentrali taqleb il-valuri li jitkejlu fi stima tal-perċentwali tal-laħam dgħif.

3.

Il-kontenut tal-laħam dgħif ta’ karkassa għandu jiġi kkalkulat skont il-formula li ġejja:

Y = 68,39920953 – (0,39050694 × F) – (0,32611391 × V4F) + (0,07864716 × M) – (0,00762296 × V4M)

Fejn:

Y

=

il-perċentwal tal-laħam dgħif stmat f’karkassa,

F

=

il-ħxuna tax-xaħam bħala l-irqaq saff fuq il-muskolu msejjaħ gluteus medius (f’millimetri),

V4F

=

il-ħxuna medja tax-xaħam tas-saff kollu tal-bejkin li jinsab fuq l-erba’ vertebri lombari (imsejħin “VaF”, “VbF”, “VcF” u “VdF” rispettivament) (f’mm),

M

=

il-ħxuna tal-laħam mit-tarf kranjali tal-muskolu msejjaħ gluteus medius sal-kanal vertebrali (f’mm),

V4M

=

il-ħxuna medja tal-laħam ’il fuq mill-erba’ vertebri lombari (imsejħin “VaM”, “VbM”, “VcM” u “VdM” rispettivament) (f’mm).

Din il-formula għandha tkun valida għall-karkassi li jiżnu bejn 60 u 120 kg (piż tal-karkassa sħuna).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2024/1322/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)