|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2024/1310 |
8.5.2024 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/1310
tas-6 ta’ Mejju 2024
dwar ċerti miżuri ta’ emerġenza interim b’rabta mad-deni tal-ħnieżer Afrikan fil-Polonja
(notifikata bid-dokument C(2024)3173)
(It-test bil-Pollakk biss huwa awtentiku)
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar il-mard trażmissibbli tal-annimali u li jemenda u jħassar ċerti atti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali (“Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali”) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 259(2) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Id-deni tal-ħnieżer Afrikan huwa marda virali infettiva li taffettwa lill-annimali porċini miżmuma u selvaġġi u jista’ jkollha impatt serju fuq il-popolazzjoni tal-annimali kkonċernati u fuq il-profittabbiltà tat-trobbija tal-annimali, li jikkawża tfixkil fil-movimenti tal-konsenji ta’ dawk l-annimali u tal-prodotti tagħhom fl-Unjoni u fl-esportazzjonijiet lejn il-pajjiżi terzi. |
|
(2) |
Fil-każ ta’ tifqigħat tad-deni tal-ħnieżer Afrikan f’annimali porċini selvaġġi, ikun hemm riskju serju li dik il-marda tinfirex f’annimali porċini selvaġġi oħra u f’azjendi tal-annimali porċini miżmuma. |
|
(3) |
Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni 2020/687 (2) jissupplimenta r-regoli għall-kontroll tal-mard elenkat imsemmi fl-Artikolu 9(1), il-punti (a), (b) u (c) tar-Regolament (UE) 2016/429, u definit bħala mard tal-kategoriji A, B u C fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1882 (3). B’mod partikolari l-Artikoli 63 sa 66 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/687 jipprevedu ċerti miżuri li jridu jittieħdu fil-każ ta’ konferma uffiċjali tat-tifqigħa ta’ marda tal-kategorija A fl-annimali selvaġġi, inkluż id-deni tal-ħnieżer Afrikan fl-annimali porċini selvaġġi. B’mod partikolari, dawk id-dispożizzjonijiet jipprevedu l-istabbiliment ta’ żona infettata u l-projbizzjonijiet fuq il-movimenti tal-annimali selvaġġi tal-ispeċijiet elenkati u tal-prodotti li joriġinaw minnhom. |
|
(4) |
Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/594 (4) jistabbilixxi r-regoli dwar il-miżuri ta’ kontroll speċjali tal-mard rigward id-deni tal-ħnieżer Afrikan. B’mod partikolari, fil-każ tat-tifqigħa ta’ dik il-marda f’annimali porċini selvaġġi f’żona ta’ Stat Membru, l-Artikolu 3(b) ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni jipprevedi l-istabbiliment ta’ żona infettata f’konformità mal-Artikolu 63 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/687. Barra minn hekk, l-Artikolu 6 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/594 jipprevedi li wara tifqigħa tad-deni tal-ħnieżer Afrikan fl-annimali porċini selvaġġi fi Stat Membru jew f’żona li qabel kienu ħielsa mill-mard, dik iż-żona trid tiġi elenkata bħala żona infettata fil-Parti A tal-Anness II tiegħu, u li ż-żona infettata stabbilita f’konformità mal-Artikolu 63 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/687 trid tiġi aġġustata mingħajr dewmien biex tinkludi mill-inqas iż-żona infettata elenkata fil-Parti A tal-Anness II ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni. |
|
(5) |
Barra minn hekk, l-Artikolu 8(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/594 jipprevedi li l-Istati Membri kkonċernati għandhom japplikaw il-miżuri speċjali ta’ kontroll tal-mard stabbiliti f’dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni applikabbli għaż-żoni ristretti II fiż-żoni elenkati bħala żoni infettati fil-Parti A tal-Anness II tiegħu, flimkien mal-miżuri stabbiliti fl-Artikoli 63 sa 66 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/687. Minfuq, l-Artikolu 8(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/594 jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jipprojbixxu l-movimenti tal-kunsinni tal-annimali porċini miżmuma u tal-prodotti tagħhom lejn Stati Membri oħra u lejn pajjiżi terzi miż-żona infettata ta’ dak l-Istat Membru kkonċernat elenkata fil-Parti A tal-Anness II. |
|
(6) |
Fl-aħħar nett, l-Artikolu 8(4) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/594 jipprevedi li l-awtorità kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati tista’ tiddeċiedi li l-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 8(3) ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni ma għandhiex tapplika għall-movimenti tal-kunsinni tal-prodotti tal-laħam, inkluż il-budellati, miksuba mill-annimali porċini miżmuma fiż-żona infettata elenkata fil-Parti A tal-Anness II tiegħu, li jkun sarilhom it-trattament rilevanti għall-mitigazzjoni tar-riskju f’konformità mal-Anness VII tar-Regolament Delegat (UE) 2020/687. |
|
(7) |
Il-Polonja għarrfet lill-Kummissjoni bil-konferma ta’ tifqigħa waħda tad-deni tal-ħnieżer Afrikan fl-annimali porċini selvaġġi fir-Reġjun ta’ Pomorskie fil-25 ta’ April 2024 f’żona li qabel kienet ħielsa minn dik il-marda. Għaldaqstant, l-awtorità kompetenti ta’ dak l-Istat Membru stabbiliet żona infettata f’konformità mar-Regolament Delegat (UE) 2020/687 u mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/594. |
|
(8) |
Sabiex jiġi evitat kwalunkwe tfixkil bla bżonn fil-kummerċ fl-Unjoni u sabiex tiġi evitata l-impożizzjoni ta’ ostakli mhux ġustifikati għall-kummerċ minn pajjiżi terzi, jeħtieġ li fil-livell tal-Unjoni tiġi identifikata ż-żona infettata għad-deni tal-ħnieżer Afrikan fil-Polonja b’kollaborazzjoni ma’ dak l-Istat Membru. |
|
(9) |
Barra minn hekk, sabiex jiġi evitat aktar tixrid tad-deni tal-ħnieżer Afrikan, sakemm iż-żoni tal-Polonja affettwati mit-tifqigħa riċenti tad-deni tal-ħnieżer Afrikan fl-annimali porċini selvaġġi jiġu elenkati bħala żona infettata fil-Parti A tal-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/594, jenħtieġ li dawk iż-żoni tal-Polonja jiġu elenkati fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni u jenħtieġ li jkunu soġġetti għall-miżuri speċjali ta’ kontroll tal-mard applikabbli għaż-żoni ristretti II kif previst fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni għaż-żoni li ġew elenkati bħala żoni infettati fil-Parti A tal-Anness II ta’ dak ir-Regolament. |
|
(10) |
Minħabba n-natura persistenti u serja ta’ din is-sitwazzjoni epidemjoloġika ġdida tad-deni tal-ħnieżer Afrikan fl-Unjoni, u filwaqt li jitqies ir-riskju immedjat akbar ta’ aktar tixrid tal-marda, jenħtieġ li l-miżuri speċjali ta’ kontroll tal-mard għad-deni tal-ħnieżer Afrikan previsti fl-Artikoli 8(3) u (4) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/594 japplikaw ukoll għall-movimenti tal-kunsinni tal-annimali porċini miżmuma u tal-prodotti tagħhom miż-żoni elenkati fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni lejn Stati Membri oħra u lejn pajjiżi terzi, minbarra l-miżuri stabbiliti fl-Artikoli 63 sa 66 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/687. |
|
(11) |
Minħabba l-urġenza tas-sitwazzjoni epidemjoloġika fl-Unjoni fir-rigward tat-tixrid tad-deni tal-ħnieżer Afrikan, huwa importanti li l-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni japplikaw malajr kemm jista’ jkun. |
|
(12) |
Għaldaqstant, sakemm il-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf jagħti l-opinjoni tiegħu, jenħtieġ li ż-żona infettata fil-Polonja tiġi stabbilita minnufih u elenkata fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni kif ukoll li jiġi stabbilit it-tul taż-żmien ta’ dak iż-żonar. Barra minn hekk, jenħtieġ li tiġi prevista l-applikazzjoni ta’ miżuri speċjali ta’ kontroll tal-mard. |
|
(13) |
Din id-Deċiżjoni trid tiġi rieżaminata fil-laqgħa li jmiss tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-Polonja għandha tiżgura li żona infettata għad-deni tal-ħnieżer Afrikan tiġi stabbilita minnufih mill-Polonja f’konformità mal-Artikolu 63 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/687 u mal-Artikolu 3(b) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/594, u li din tkun tinkludi mill-inqas iż-żoni elenkati fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Il-Polonja għandha tapplika l-miżuri speċjali ta’ kontroll tal-mard applikabbli għaż-żoni ristretti II kif imsemmi fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/594, u l-miżuri previsti fl-Artikolu 8(3) u (4) ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni, fiż-żoni elenkati bħala żona infettata fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni, flimkien mal-miżuri stabbiliti fl-Artikoli 63 sa 66 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/687.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sal-24 ta’ Lulju 2024.
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Polonja.
Magħmul fi Brussell, is-6 ta’ Mejju 2024.
Għall-Kummissjoni
Stella KYRIAKIDES
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 84, 31.03.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/429/oj.
(2) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/687 tas-17 ta’ Diċembru 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-regoli għall-prevenzjoni u l-kontroll ta’ ċertu mard elenkat (ĠU L 174, 3.6.2020, p. 64, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2020/687/oj).
(3) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1882 tat-3 ta’ Diċembru 2018 dwar l-applikazzjoni ta’ ċerti regoli għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard għal kategoriji ta’ mard elenkat u li jistabbilixxi lista ta’ speċijiet u gruppi ta’ speċijiet li jippreżentaw riskju konsiderevoli għat-tixrid ta’ dak il-mard elenkat (ĠU L 308, 4.12.2018, p. 21, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2018/1882/oj).
(4) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/594 tas-16 ta’ Marzu 2023 li jistabbilixxi miżuri speċjali ta’ kontroll tal-mard għad-deni tal-ħnieżer Afrikan u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/605 (ĠU L 79, 17.3.2023, p. 65, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2023/594/oj).
ANNESS
|
Żoni stabbiliti bħala żona infettata fil-Polonja kif imsemmi fl-Artikolu 1 |
Data sa meta applikabbli |
||||||||||
|
w województwie pomorskim:
|
24.7.2024 |
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2024/1310/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)