European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/1299

8.5.2024

DEĊIŻJONI (UE) 2024/1299 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-24 April 2024

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati wara applikazzjoni ppreżentata mid-Danimarka – EGF/2023/004 DK Danish Crown

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw ir-Regolament (UE) 2021/691 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 dwar il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati (FEG) u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 15(1), l-ewwel subparagrafu, tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta’ Diċembru 2020 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta’ riżorsi proprji ġodda (2), u b’mod partikolari l-punt 9 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati (FEG) għandu l-iskop li juri solidarjetà u li jippromwovi impjieg deċenti u sostenibbli fl-Unjoni billi jagħti appoġġ lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja u lil dawk li jaħdmu għal rashom u li l-attività tagħhom waqfet fil-każ ta’ avvenimenti kbar ta’ ristrutturar u jgħinhom jirritornaw għal xogħol deċenti u impjieg sostenibbli mill-aktar fis possibbli.

(2)

Il-FEG ma jridx jaqbeż ammont annwali massimu ta’ EUR 30 miljun (prezzijiet tal-2018), kif previst fl-Artikolu 8 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 (3).

(3)

Fis-6 ta’ Diċembru 2023, id-Danimarka ppreżentat applikazzjoni għall-mobilizzazzjoni tal-FEG f’konformità mal-Artikolu 8(1) tar-Regolament (UE) 2021/691, fir-rigward tas-sensji tal-ħaddiema f’Danish Crown u f’żewġ fornituri u produtturi downstream fid-Danimarka. Din l-applikazzjoni ġiet issupplimentata b’informazzjoni addizzjonali skont l-Artikolu 8(5) tar-Regolament (UE) 2021/691. Dik l-applikazzjoni titqies konformi mal-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG kif stabbilit fl-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) 2021/691, abbażi tal-valutazzjoni li saret mill-Kummissjoni fil-proposta għal deċiżjoni ta’ mobilizzazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4).

(4)

Għaldaqstant, jenħtieġ li l-FEG jiġi mobilizzat sabiex jagħti kontribuzzjoni finanzjarja li tammonta għal EUR 1 882 212 għall-applikazzjoni ppreżentata mid-Danimarka.

(5)

Sabiex iż-żmien li jittieħed għall-mobilizzazzjoni tal-FEG jitnaqqas kemm jista’ jkun, jenħtieġ li din id-deċiżjoni tidħol fis-seħħ mid-data tal-adozzjoni tagħha,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni stabbilit għas-sena finanzjarja 2024, il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati għandu jiġi mobilizzat biex jipprovdi s-somma ta’ EUR 1 882 212 f’approprjazzjonijiet ta’ impenn u ta’ pagament.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandha tapplika mill-24 ta’ April 2024.

Magħmul fi Strasburgu, l-24 ta’ April 2024.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

R. METSOLA

Għall-Kunsill

Il-President

M. MICHEL


(1)   ĠU L 153, 3.5.2021, p. 48.

(2)   ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 28.

(3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 tas-17 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027 (ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 11).

(4)  COM(2024) 35.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/1299/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)