|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2024/1292 |
13.5.2024 |
FTEHIM BEJN L-UNJONI EWROPEA U L-KONFEDERAZZJONI ŻVIZZERA DWAR IR-REGOLI SUPPLIMENTARI FIR-RIGWARD TAL-ISTRUMENT GĦALL-APPOĠĠ FINANZJARJU GĦALL-ĠESTJONI TAL-FRUNTIERI U GĦALL-POLITIKA DWAR IL-VIŻI, BĦALA PARTI MILL-FOND GĦALL-ĠESTJONI INTEGRATA TAL-FRUNTIERI, GĦALL-PERJODU 2021 SA 2027
L-UNJONI EWROPEA, minn hawn ’il quddiem imsejħa “l-Unjoni”,
u
IL-KONFEDERAZZJONI ŻVIZZERA, minn hawn ’il quddiem imsejħa “l-Iżvizzera”,
Minn hawn ’il quddiem flimkien imsejħin “il-Partijiet”,
WARA LI KKUNSIDRAW il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implementazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (1) (il-“Ftehim ta’ Assoċjazzjoni mal-Iżvizzera”),
BILLI:
|
(1) |
L-Unjoni stabbiliet l-Istrument għall-Appoġġ Finanzjarju għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u għall-Viżi (“il-BMVI”) permezz tar-Regolament (UE) 2021/1148 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) (“ir-Regolament BMVI”), bħala parti mill-Fond għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri. |
|
(2) |
Ir-Regolament BMVI jikkostitwixxi żvilupp tal-acquis ta' Schengen fis-sens tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni mal-Iżvizzera. |
|
(3) |
L-Istrument għall-Appoġġ Finanzjarju għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u għall-Viżi, bħala parti mill-Fond għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri, jikkostitwixxi strument speċifiku fil-kuntest tal-acquis ta’ Schengen imfassal biex jiżgura ġestjoni integrata Ewropea tal-fruntieri b’saħħitha u effettiva fil-fruntieri esterni, filwaqt li jissalvagwardja l-moviment liberu tal-persuni, f’konformità sħiħa mal-impenji tal-Istati Membri u tal-pajjiżi assoċjati dwar id-drittijiet fundamentali, u biex jappoġġa implimentazzjoni u modernizzazzjoni uniformi tal-politika komuni dwar il-viżi, u b’hekk jikkontribwixxi għall-garanzija ta’ livell għoli ta’ sigurtà fl-Istati Membri u fil-pajjiżi assoċjati. |
|
(4) |
L-Artikolu 9(2) tar-Regolament BMVI jipprevedi li l-ammont imsemmi fil-punt (a) tal-Artikolu 7(3) u r-riżorsi addizzjonali previsti skont dak ir-Regolament għandhom jiġu implimentati taħt ġestjoni kondiviża f’konformità mal-Artikolu 63 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) (“ir-Regolament Finanzjarju”) u r-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) (“ir-RDK”). |
|
(5) |
L-Artikolu 7(6) tar-Regolament BMVI jipprovdi li għandhom isiru arranġamenti sabiex jispeċifikaw in-natura u l-modi tal-parteċipazzjoni fil-BMVI tal-pajjiżi assoċjati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen. |
|
(6) |
Il-BMVI joffri l-opportunità biex jiġu implimentati azzjonijiet b’ġestjoni kondiviża, modi ta’ ġestjoni diretta u indiretta, u jenħtieġ li dan il-Ftehim jagħmilha possibbli li l-implimentazzjoni bi kwalunkwe wieħed minn dawn il-metodi tkun tista’ titwettaq fl-Iżvizzera f’konformità mal-prinċipji u r-regoli tal-Unjoni dwar il-ġestjoni u l-kontroll finanzjarju. |
|
(7) |
Fid-dawl tan-natura sui generis tal-acquis ta’ Schengen u l-importanza tal-applikazzjoni uniformi tiegħu għall-integrità taż-żona Schengen, jenħtieġ li r-regoli kollha applikabbli għall-ġestjoni tal-programmi japplikaw għall-Iżvizzera bl-istess mod kif japplikaw għall-Istati Membri. |
|
(8) |
Sabiex jiġu ffaċilitati l-kalkolu u l-użu tal-kontribuzzjonijiet annwali dovuti mill-Iżvizzera għall-BMVI, jenħtieġ li l-kontribuzzjonijiet tagħha għall-perjodu 2021 sa 2027 jitħallsu f’ħames pagamenti parzjali annwali mill-2023 sal-2027. Mill-2023 sal-2025, il-kontribuzzjonijiet annwali huma stabbiliti f’ammonti fissi filwaqt li jenħtieġ li l-kontribuzzjonijiet dovuta għas-snin 2026 u 2027 jiġu determinata fl-2026 abbażi tal-prodott domestiku gross nominali tal-Istati kollha li jipparteċipaw fil-BMVI filwaqt li jitqiesu l-pagamenti li effettivament ikunu saru. |
|
(9) |
F’konformità mal-prinċipju ta’ trattament ugwali, jenħtieġ li l-Iżvizzera tibbenefika minn kwalunkwe dħul żejjed kif definit fl-Artikolu 86 tar-Regolament (UE) 2018/1240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) (“ir-Regolament dwar l-ETIAS”). Fil-qafas tal-BMVI, il-kontribuzzjonijiet finanzjarji dovuti mill-Iżvizzera għall-BMVI huma mnaqqsa proporzjonalment. |
|
(10) |
L-ipproċessar ta’ data personali mill-Iżvizzera meta timplimenta dan il-Ftehim għandu jiġi regolat mil-liġi nazzjonali tagħha dwar il-proċessar tad-data. |
|
(11) |
L-Iżvizzera mhijiex marbuta mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għalkemm hija parti għaliha u għalhekk tosserva d-drittijiet u l-prinċipji rikonoxxuti mill-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali u l-Protokolli tagħha u fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem. Jenħtieġ li r-referenzi li jinsabu fir-Regolament BMVI, ir-RDK u dan il-Ftehim għall-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għalhekk jinftiehmu bħala referenzi għal dik il-Konvenzjoni u għall-Protokolli ratifikati mill-Iżvizzera u għall-Artikolu 14 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem. |
|
(12) |
Jenħtieġ li l-Iżvizzera, li mhijiex marbuta bir-referenzi għall-acquis ambjentali tal-Unjoni, timplimenta l-BMVI u dan il-Ftehim f’konformità mal-Ftehim ta’ Pariġi u l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tal-Aġenda 2030 tan-Nazzjonijiet Uniti,. |
FTIEHMU KIF ĠEJ:
Artikolu 1
Kamp ta’ applikazzjoni
Dan il-Ftehim jistabbilixxi r-regoli supplimentari meħtieġa għall-parteċipazzjoni tal-Iżvizzera fl-Istrument għall-Appoġġ Finanzjarju għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u għall-Viżi (il-“BMVI”) bħala parti mill-Fond għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri għall-perjodu ta’ programmazzjoni mill-2021 sal-2027 f’konformità mal-Artikolu 7(6) tar-Regolament (UE) 2021/1148 (“ir-Regolament BMVI”).
Artikolu 2
Ġestjoni u kontroll finanzjarji
1. Fl-implimentazzjoni tar-Regolament BMVI, l-Iżvizzera għandha tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex tiżgura konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti għall-ġestjoni u l-kontroll finanzjarji li huma stipulati fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”) u fid-dritt tal-Unjoni li l-bażi ġuridika tiegħu joħroġ mit-TFUE.
Id-dispożizzjonijiet imsemmijin fl-ewwel subparagrafu huma dawn li ġejjin:
|
(a) |
l-Artikoli 33, 36, 61, 63, 97 sa 106, 115 sa 116, 125 sa 129, 135 sa 144, 154 u 155 (1), (2), (4), (6) u (7), 180, 254 sa 257 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 (“ir-Regolament Finanzjarju”); |
|
(b) |
ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 (6); |
|
(c) |
ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 2988/95 (7) u r-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8); |
|
(d) |
l-Artikoli 1 sa 4, 7 sa 9, 15 – 17, 21 sa 24, 35 sa 42, 44 sa 107, 113 sa 115 u 119 u l-Annessi rilevanti tal-BMVI tar-Regolament (UE) 2021/1060 (“ir-RDK”). |
2. Fil-każ ta’ kwalunkwe emenda, tħassir, sostituzzjoni jew riformulazzjoni tar-Regolament Finanzjarju rilevanti għall-BMVI:
|
(a) |
Il-Kummissjoni Ewropea għandha tinforma lill-Iżvizzera b’dan mill-aktar fis possibbli, u, fuq talba tal-Iżvizzera, tipprovdi spjegazzjonijiet dwar tali emenda, it-tħassir, is-sostituzzjoni jew ir-riformulazzjoni. |
|
(b) |
Minkejja l-Artikolu 14(4), il-Kummissjoni Ewropea (f’isem l-Unjoni) u l-Iżvizzera jistgħu jiddeterminaw bi ftehim komuni kwalunkwe emenda tat-tieni subparagrafu , il-punt (a), tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu li tkun meħtieġa biex titqies tali emenda, tħassir, sostituzzjoni jew riformulazzjoni tar-Regolament Finanzjarju. |
3. L-Iżvizzera għandha tapplika u, fejn meħtieġ, timplimenta;
|
(a) |
kwalunkwe att legali tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jimmodifika r-RDK, sa fejn jikkonċerna dispożizzjonijiet relatati mal-applikazzjoni tar-Regolament BMVI; |
|
(b) |
kwalunkwe att ta’ implimentazzjoni jew delegat adottat mill-Kummissjoni Ewropea abbażi tar-RDK, sa fejn jikkonċerna dispożizzjonijiet relatati mal-applikazzjoni tar-Regolament BMVI. |
Sabiex l-Iżvizzera tkun tista’ tagħmel dan, il-Kummissjoni Ewropea għandha
|
(a) |
tinforma lill-Iżvizzera bil-proposti kollha għal kwalunkwe att imsemmi fl-ewwel subparagrafu, il-punti (a) u (b) mill-aktar fis possibbli, u, fuq talba tal-Iżvizzera, tipprovdi spjegazzjonijiet dwar il-proposti; |
|
(b) |
tinnotifika lill-Iżvizzera bl-atti kollha msemmija fl-ewwel subparagrafu, il-punt (a) jew (b), mill-aktar fis possibbli. |
L-Iżvizzera tista’ tinforma lill-Unjoni bil-pożizzjoni tagħha dwar il-proposti mill-aktar fis possibbli, u dan għandu jingħata l-konsiderazzjoni dovuta mill-Unjoni.
L-Iżvizzera għandha, mill-aktar fis possibbli u fi kwalunkwe każ mhux aktar tard minn 90 jum wara n-notifika, tinnotifika lill-Unjoni bid-deċiżjoni tagħha li taċċetta l-atti nnotifikati mill-Unjoni lill-Iżvizzera skont l-ewwel subparagrafu, il-punt (a) jew (b).
4. L-entitajiet ġuridiċi stabbiliti fl-Iżvizzera jistgħu jipparteċipaw f’attivitajiet iffinanzjati mill-istrument taħt kundizzjonijiet ekwivalenti għal dawk applikabbli għall-entitajiet ġuridiċi stabbiliti fl-Unjoni.
Artikolu 3
Applikazzjoni speċifika tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament RDK imsemmija fit-tieni subparagrafu, il-punt (d), tal-paragrafu 1 tal-Artikolu 2
Sabiex tiġi żgurata l-konformità tal-Iżvizzera mad-dispożizzjonijiet imsemmija fit-tieni subparagrafu, il-punt (d), tal-paragrafu 1 tal-Artikolu 2:
|
(a) |
ir-referenzi li jinsabu fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandhom jinftiehmu bħala referenzi għall-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali u l-Protokolli tagħha kif ratifikati mill-Iżvizzera u l-Artikolu 14 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem; |
|
(b) |
L-Iżvizzera, li mhijiex marbuta bir-referenzi għall-acquis ambjentali tal-Unjoni, tirrikonoxxi li timplimenta l-BMVI f’konformità mal-Ftehim ta’ Pariġi u l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU. |
Artikolu 4
Applikazzjoni speċifika tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament BMVI
1. Il-Kummissjoni għandha talloka lill-Iżvizzera ammont addizzjonali msemmi fl-Artikolu 10(1)(b) tar-Regolament BMVI dment li jkun hemm konformità mal-kundizzjonijiet tal-Artikolu 14(2) tar-Regolament BMVI fi żmien sentejn mill-bidu tal-parteċipazzjoni tal-Iżvizzera fl-Istrument.
2. L-iskadenzi li jirreferu għad-dħul fis-seħħ tar-Regolament BMVI għandhom jinftiehmu li jirreferu għad-data li fiha jidħol fis-seħħ dan il-Ftehim.
Artikolu 5
Infurzar
1. Id-Deċiżjonijiet meħuda mill-Kummissjoni li jimponu obbligu pekunjarju fuq persuni apparti mill-Istati, għandhom ikunu eżegwibbli fit-territorju tal-Iżvizzera.
L-infurzar ta’ tali deċiżjonijiet għandha tkun regolata bir-regoli tal-proċedura ċivili fis-seħħ fl-Iżvizzera. L-ordni għall-infurzar tagħha għandha tkun annessa mad-deċiżjoni rilevanti mill-awtorità kompetenti msemmija fit-tielet subparagrafu mingħajr ebda formalità għajr il-verifika tal-awtentiċità tad-deċiżjoni.
Il-Gvern tal-Iżvizzera għandu jaħtar awtorità kompetenti għal dan l-għan u għandu jgħarraf lill-Kummissjoni b’din il-ħatra, li min-naħa tagħha għandha tinforma lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.
Ladarba jitlestew dawn il-formalitajiet fuq applikazzjoni mill-Kummissjoni, il-Kummissjoni tkun tista’ tipproċedi bl-infurzar f’konformità mal-liġi Żvizzera billi tressaq il-kwistjoni direttament quddiem l-awtorità kompetenti.
L-infurzar jista’ jiġi sospiż biss b’deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Madankollu, il-qrati tal-Iżvizzera għandu jkollhom ġuriżdizzjoni rigward ilmenti li l-infurzar qed issir b’mod irregolari.
2. Is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea mogħtija fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ klawżola ta’ arbitraġġ li tinsab f’kuntratt jew fi ftehim ta’ għotja fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim għandhom ikunu eżegwibbli fl-Iżvizzera bl-istess mod bħad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea msemmija fil-paragrafu 1.
Artikolu 6
Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni
1. L-Iżvizzera għandha:
|
(a) |
tiġġieled il-frodi u kull attività illegali oħra li tolqot l-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz ta’ miżuri li għandhom jaġixxu ta’ deterrent u li jkunu tali li jippermettu protezzjoni effettiva fl-Iżvizzera; |
|
(b) |
tieħu l-istess miżuri biex tiġġieled il-frodi u kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni bħalma tieħu biex tipproteġi l-interessi finanzjarji tagħha stess; u |
|
(c) |
tikkoordina l-azzjoni tagħha li għandha l-għan li tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Unjoni mal-Istati Membri u l-Kummissjoni. |
2. L-awtoritajiet kompetenti tal-Iżvizzera għandhom jinformaw lill-Kummissjoni Ewropea jew lill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (“OLAF”) mingħajr dewmien ta’ kwalunkwe fatt jew suspett li jkunu saru jafu bihom dwar irregolarità, frodi jew attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Dawn għandhom jinfurmaw ukoll lill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (“UPPE”) meta dawk il-fatti jew is-suspetti jikkonċernaw kawża li tista’ taqa’ taħt il-kompetenza tal-UPPE.
L-Iżvizzera u l-Unjoni għandhom jiżguraw assistenza reċiproka effettiva f’każijiet fejn ikun hemm investigazzjonijiet jew proċedimenti ġudizzjarji mill-awtoritajiet kompetenti tal-Unjoni jew tal-Iżvizzera, f’konformità mal-qafas legali applikabbli, dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji ta’ xulxin fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim.
3. L-Iżvizzera għandha tadotta miżuri ekwivalenti għal dawk adottati mill-Unjoni f’konformità mal-Artikolu 325(4) TFUE li jkunu fis-seħħ fid-data tal-firma ta’ dan il-Ftehim.
4. L-iskambju ta’ informazzjoni bejn il-Kummissjoni Ewropea, l-OLAF, l-UPPE, il-Qorti tal-Awdituri u l-awtoritajiet kompetenti tal-Iżvizzera għandu jsir b’kunsiderazzjoni xierqa għar-rekwiżiti ta’ kunfidenzjalità. Id-data personali inkluża fl-iskambju ta' informazzjoni għandha tiġi protetta f’konformità mar-regoli applikabbli.
Artikolu 7
Rieżamijiet u awditi mill-Unjoni
1. L-Unjoni għandu jkollha d-dritt li twettaq rieżamijiet u awditi tekniċi, finanzjarji jew tipi oħra ta’ rieżamijiet u awditi fil-bini ta’ kwalunkwe persuna fiżika residenti fl-Iżvizzera jew ta’ kwalunkwe entità ġuridika stabbilita fl-Iżvizzera u li tirċievi finanzjament mill-Unjoni mill-BMVI, kif ukoll kwalunkwe parti terza involuta fl-implimentazzjoni tal-finanzjament tal-Unjoni mill-BMVI residenti jew stabbilita fl-Iżvizzera. Tali rieżami u awditi jistgħu jitwettqu mill-Kummissjoni Ewropea, l-OLAF, u l-Qorti tal-Awdituri.
2. L-awtoritajiet tal-Iżvizzera għandhom jiffaċilitaw ir-rieżamijiet u l-verifiki li jistgħu, jekk l-awtoritajiet jixtiequ dan, jitwettqu b’mod konġunt magħhom.
3. Ir-rieżamijiet u l-awditi jistgħu jitwettqu, anki wara s-sospensjoni tad-drittijiet tal-entitajiet ġuridiċi stabbiliti fl-Iżvizzera derivati mill-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim, jew it-terminazzjoni ta’ dan il-Ftehim, fuq kwalunkwe impenn legali li jimplimenta l-baġit tal-Unjoni li jkun daħal fis-seħħ qabel id-data li fiha tidħol fis-seħħ is-sospensjoni jew it-terminazzjoni.
Artikolu 8
Verifiki u spezzjonijiet fuq il-post
L-OLAF għandu jkun awtorizzat iwettaq verifiki u spezzjonijiet fuq il-post fit-territorju tal-Iżvizzera fir-rigward tal-BMVI f’konformità mat-termini u l-kundizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (Euratom, KE) Nru 2185/96 kif issupplimentat bir-Regolament (UE) Nru 883/2013.
L-awtoritajiet tal-Iżvizzera għandhom jiffaċilitaw il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post li jistgħu, jekk l-awtoritajiet jixtiequ dan, jitwettqu b’mod konġunt magħhom.
Artikolu 9
Qorti tal-Awdituri
Il-kompetenza tal-Qorti tal-Awdituri stabbilita fl-Artikolu 287(1) u (2) tat-TFUE għandha testendi għad-dħul u n-nefqa relatati mal-implimentazzjoni tar-Regolament BMVI mill-Iżvizzera, inkluż fit-territorju tal-Iżvizzera.
F’konformità mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 287(3) TFUE u mal-Ewwel Parti, it-Titolu XIV, il-Kapitolu 1 tar-Regolament Finanzjarju, il-Qorti tal-Awdituri għandu jkollha l-possibbiltà li twettaq awditi fil-bini ta’ kwalunkwe korp li jamministra dħul jew nefqa f’isem il-Unjoni fit-territorju tal-Iżvizzera fir-rigward tal-BMVI, inkluż fil-bini ta’ kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li tkun irċeviet pagamenti mill-baġit.
Fl-Iżvizzera, l-awditjar mill-Qorti tal-Awdituri għandu jitwettaq flimkien mal-korpi nazzjonali tal-awditjar jew, jekk dawn ma jkollhomx is-setgħat meħtieġa, mad-dipartimenti nazzjonali kompetenti. Il-Qorti tal-Awdituri u l-korpi nazzjonali tal-awditjar tal-Iżvizzera għandhom jikkooperaw fi spirtu ta’ fiduċja filwaqt li jippreservaw l-indipendenza tagħhom. Dawn il-korpi jew dipartimenti għandhom jinformaw lill-Qorti tal-Awdituri jekk tkunx l-intenzjoni tagħhom li jieħdu sehem fl-awditu.
Artikolu 10
Kontribuzzjonijiet finanzjarji
1. L-Iżvizzera għandha tagħmel pagamenti annwali għall-baġit tal-BMVI f’konformità mal-formula deskritta fl-Anness I.
2. Kull sena, il-Kummissjoni tista’ tuża sa 0,75 % mill-pagamenti li jsiru mill-Iżvizzera biex tiffinanzja n-nefqa amministrattiva għall-persunal jew il-persunal estern meħtieġ għall-appoġġ tal-implimentazzjoni mill-Iżvizzera tar-Regolament BMVI u ta’ dan il-Ftehim.
3. Wara t-tnaqqis tan-nefqa amministrattiva msemmija fil-paragrafu 2, l-ammont li jifdal tal-pagamenti annwali għandu jiġi assenjat kif ġej:
|
(a) |
70 % għall-implimentazzjoni tal-programmi tal-Istati Membri u l-pajjiżi assoċjati; |
|
(b) |
30 % għall-faċilità tematika msemmija fl-Artikolu 8 tar-Regolament BMVI. |
4. Ammont ekwivalenti għall-pagamenti annwali Żvizzeri għandu jintuża biex jikkontribwixxi għal ġestjoni integrata Ewropea tal-fruntieri b’saħħitha u effettiva fil-fruntieri esterni.
5. L-Unjoni għandha tipprovdi lill-Iżvizzera b’informazzjoni fir-rigward tal-parteċipazzjoni finanzjarja tagħha kif inkluża fl-informazzjoni relatata mal-baġit, mal-kontabbiltà, mal-prestazzjoni u mal-evalwazzjoni pprovduta lill-awtoritajiet baġitarji u tal-kwittanza tal-Unjoni dwar l-Istrument.
Artikolu 11
ETIAS
Is-sehem tad-dħul tal-ETIAS li potenzjalment jibqa’ wara li jiġu koperti l-kostijiet tal-operat u l-manutenzjoni tal-ETIAS, kif imsemmi fl-Artikolu 86 tar-Regolament dwar l-ETIAS (is-“surplus”), għandu jitnaqqas mill-kontribuzzjoni finanzjarja finali tal-Iżvizzera għall-BMVI, f’konformità mal-formula deskritta fl-Anness II.
Artikolu 12
Kunfidenzjalità
L-informazzjoni kkomunikata jew miksuba fi kwalunkwe forma bis-saħħa ta’ dan il-Ftehim għandha tkun koperta mis-sigriet professjonali u protetta bl-istess mod bħalma informazzjoni simili tkun protetta bid-dispożizzjonijiet applikabbli għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni u bil-liġijiet tal-Iżvizzera. Din l-informazzjoni ma għandhiex tiġi kkomunikata lil persuni oħrajn ħlief dawk fl-istituzzjonijiet tal-Unjoni, fl-Istati Membri jew fl-Iżvizzera li l-funzjonijiet tagħhom jirrikjedu li jkunu jafuha, u lanqas ma tista’ tintuża għal skopijiet oħra ħlief dawk li jservu biex tiġi żgurata l-protezzjoni effettiva tal-interessi finanzjarji tal-Partijiet.
Artikolu 13
Akkwist Pubbliku
1. Ir-referenzi għal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-akkwist pubbliku fir-Regolament BMVI u r-RDK għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal-liġi nazzjonali Żvizzera dwar l-akkwist pubbliku u l-Anness 4 tal-Ftehim li Jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (il-“Ftehim dwar l-Akkwisti Pubbliċi”) (9) u l-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar ċerti aspetti tal-akkwist pubbliku (10).
2. L-Iżvizzera għandha tagħmel il-proċeduri tal-akkwist pubbliku użati tagħha disponibbli għall-Kummissjoni.
Artikolu 14
Dħul fis-seħħ u durata
1. Il-Partijiet għandhom japprovaw dan il-Ftehim f’konformità mal-proċeduri tagħhom. Dawn għandhom jinnotifikaw lil xulxin bit-tlestija ta’ dawk il-proċeduri. In-notifiki bil-miktub għandhom jintbagħatu lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u lill-Missjoni tal-Iżvizzera għall-Unjoni Ewropea, rispettivament.
2. Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tal-ewwel xahar wara l-jum tal-aħħar notifika msemmija fil-paragrafu 1.
3. Biex tiġi żgurata l-kontinwità fl-għoti ta’ appoġġ fil-qasam ta’ politika rilevanti u biex l-implimentazzjoni tkun tista’ tibda mill-bidu tal-qafas finanzjarju pluriennali 2021-2027, il-miżuri koperti mir-Regolament BMVI jistgħu jibdew qabel id-dħul fis-seħħ tal-Ftehim u mhux qabel l-1 ta’ Jannar 2021.
4. Dan il-Ftehim jista’ jiġi emendat biss bil-miktub u bil-kunsens komuni tal-Partijiet. Id-dħul fis-seħħ tal-emendi se jsegwi l-istess proċedura bħal dik applikabbli għad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim.
5. Minkejja l-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu, il-Kumitat Imħallat stabbilit taħt l-Artikolu 3 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni mal-Iżvizzera għandu jingħata s-setgħa li jinnegozja u jadotta l-emendi meħtieġa tat-tieni subparagrafu, il-punt (a), tal-paragrafu 1tal-Artikolu 2 ta’ dan il-Ftehim fil-każ ta’ notifika f’konformità mal-Artikolu 16(2) f’ċirkostanzi li fihom ma jkun intlaħaq l-ebda ftehim skont l-Artikolu 2(2) ta’ dan il-Ftehim.
Artikolu 15
Soluzzjoni ta’ tilwim
Meta tinqala’ tilwima fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim, għandha tapplika l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 10 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni mal-Iżvizzera.
Artikolu 16
Sospensjoni
1. Id-drittijiet tal-entitajiet ġuridiċi stabbiliti fl-Iżvizzera derivati mill-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim jistgħu jiġu sospiżi f’konformità mal-paragrafi 5 sa 7 ta’ dan l-Artikolu mill-Unjoni, f’każ li ma jsirx pagament sħiħ jew parzjali tal-kontribuzzjoni finanzjarja dovuta mill-Iżvizzera; f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità mal-Artikolu 2(3), inkluża deċiżjoni li ma jiġix aċċettat att innotifikat skont dik id-dispożizzjoni jew f'ċirkostanzi li fihom i r-Regolament Finanzjarju jkun soġġett għal emenda, tħassir, sostituzzjoni jew riformulazzjoni rilevanti għall-BMVI u ma jkun intlaħaq l-ebda ftehim skont l-Artikolu 2(2) fi żmien 30 jum mid-dħul fis-seħħ ta’ tali emenda, tħassir, sostituzzjoni jew riformulazzjoni tar-Regolament Finanzjarju.
2. L-Unjoni għandha tinnotifika lill-Iżvizzera bl-intenzjoni tagħha li tissospendi d-drittijiet tal-entitajiet ġuridiċi stabbiliti fl-Iżvizzera derivati mill-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim u, f’dan il-każ, il-kwistjoni għandha tiddaħħal uffiċjalment fl-aġenda tal-Kumitat Imħallat stabbilit skont l-Artikolu 3 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni mal-Iżvizzera.
3. Il-Kumitat Imħallat għandu jissejjaħ u l-laqgħa għandha ssir fi żmien 30 jum min-notifika msemmija fil-paragrafu 2. Il-Kumitat Imħallat għandu jkollu 90 jum biex isolvi l-kwistjoni, li jibdew jgħoddu mid-data tal-adozzjoni tal-aġenda li fuqha tpoġġiet il-kwistjoni skont il-paragrafu 2. Meta l-kwistjoni ma tkunx tista’ tiġi solvuta mill-Kumitat Imħallat fi żmien l-iskadenza ta’ 90 jum, din l-iskadenza għandha tiġi estiża bi 30 jum bil-ħsieb li tinstab soluzzjoni finali.
4. Meta l-kwistjoni ma tkunx tista’ tiġi solvuta mill-Kumitat Imħallat sal-iskadenza prevista fil-paragrafu 3, l-Unjoni tista’ tissospendi d-drittijiet tal-entitajiet ġuridiċi stabbiliti fl-Iżvizzera derivati mill-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim kif imsemmi fil-paragrafi 5 sa 7.
5. F’każ ta’ sospensjoni, l-entitajiet ġuridiċi stabbiliti fl-Iżvizzera ma għandhomx ikunu eliġibbli biex jipparteċipaw fi proċeduri ta’ għoti li jkunu għadhom ma tlestewx meta tidħol fis-seħħ is-sospensjoni. Proċedura ta’ għoti għandha tiġi kkunsidrata li tlestiet meta jkunu ttieħdu impenji legali b’riżultat ta’ dik il-proċedura.
6. Is-sospensjoni ma taffettwax l-impenji legali konklużi mal-entitajiet ġuridiċi stabbiliti fl-Iżvizzera qabel ma tkun daħlet fis-seħħ is-sospensjoni. Dan il-Ftehim għandu jkompli japplika għal tali impenji legali.
7. Kwalunkwe operazzjoni meħtieġa għall-protezzjoni tal-interess finanzjarju tal-Unjoni u għall-iżgurar tal-issodisfar tal-obbligi finanzjarji li jirriżultaw minn impenji li jkunu daħlu għalihom skont dan il-Ftehim qabel is-sospensjoni, tista’ titwettaq ukoll wara s-sospensjoni.
8. L-Unjoni għandha tinnotifika minnufih lill-Iżvizzera ladarba l-ammont tal-kontribuzzjoni finanzjarja jew operazzjonali dovuta jkun ġie riċevut minnha, meta n-nuqqas ta’ konformità mal-Artikolu 2(3) ikun intemm jew meta l-kwistjoni relatata mar-Regolament Finanzjarju tiġi solvuta. Is-sospensjoni għandha titneħħa b’effett immedjat malli ssir din in-notifika.
9. Mid-data meta titneħħa s-sospensjoni, l-entitajiet ġuridiċi tal-Iżvizzera għandhom jerġgħu jkunu eliġibbli fi proċeduri ta’ għoti mnedija wara din id-data u fi proċeduri ta’ għoti mnedija qabel din id-data, li għalihom l-iskadenzi għas-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet ma jkunux skadew.
Artikolu 17
Terminazzjoni
1. Kemm l-Unjoni kif ukoll l-Iżvizzera jistgħu jitterminaw dan il-Ftehim billi jinnotifikaw lill-Parti l-oħra bid-deċiżjoni tagħhom. Il-Ftehim għandu jieqaf japplika tliet xhur wara d-data ta’ din in-notifika. In-notifiki bil-miktub għandhom jintbagħatu lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u lill-Missjoni tal-Iżvizzera għall-Unjoni Ewropea, rispettivament.
2. Dan il-Ftehim għandu jiġi tterminat b’mod awtomatiku meta l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni mal-Iżvizzera jiġi tterminat f’konformità mal-Artikolu 7(4), l-Artikolu 10(3) jew l-Artikolu 17 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni mal-Iżvizzera.
3. Meta dan il-Ftehim jiġi tterminat f’konformità mal-paragrafu 1 jew il-paragrafu 2, il-Partijiet jaqblu li l-operazzjonijiet fejn l-impenji legali jkunu daħlu għalihom wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim, u qabel ma dan il-Ftehim jiġi tterminat, għandhom ikomplu sakemm jitlestew skont il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan il-Ftehim.
4. Kwalunkwe operazzjoni meħtieġa għall-protezzjoni tal-interess finanzjarju tal-Unjoni u għall-iżgurar tal-issodisfar tal-obbligi finanzjarji li jirriżultaw minn impenji li jkunu daħlu għalihom skont dan il-Ftehim qabel it-terminazzjoni tiegħu, tista’ titwettaq ukoll wara t-terminazzjoni ta’ dan il-Ftehim.
5. Il-Partijiet għandhom isolvu b’kunsens komuni kwalunkwe konsegwenza oħra tat-terminazzjoni ta’ dan il-Ftehim.
Artikolu 18
Lingwi
Dan il-Ftehim għandu jitfassal f’żewġ kopji bil-lingwa Bulgara, Kroata, Ċeka, Daniża, Olandiża, Ingliża, Estonjana, Finlandiża, Franċiża, Ġermaniża, Griega, Ungeriża, Irlandiża, Taljana, Latvjana, Litwana, Maltija, Pollakka, Portugiża, Rumena, Slovakka, Slovena, Spanjola u Żvediża, b’kull test ugwalment awtentiku.
(1) ĠU UE L 53, 27.2.2008, p. 52.
(2) Ir-Regolament (UE) 2021/1148 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Lulju 2021 li jistabbilixxi, bħala parti mill-Fond għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri, l-Istrument għall-Appoġġ Finanzjarju għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u l-Politika dwar il-Viżi (ĠU UE L 251, 15.7.2021, p. 48).
(3) Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU UE L 193, 30.7.2018, p. 1).
(4) Ir-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 li jistipula dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura u r-regoli finanzjarji għalihom u għall-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, il-Fond għas-Sigurtà Interna u l-Istrument għall-Appoġġ Finanzjarju għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u l-Politika dwar il-Viżi (ĠU UE L 231, 30.6.2021, p. 159).
(5) Ir-Regolament (UE) 2018/1240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Settembru 2018 li jistabbilixxi Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS) u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1077/2011, (UE) Nru 515/2014, (UE) 2016/399, (UE) 2016/1624 u (UE) 2017/2226 (ĠU UE L 236, 19.9.2018, p. 1).
(6) Ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta’ Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolaritajiet oħra (ĠU KE L 292, 15.11.1996, p. 2).
(7) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat-18 Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (ĠU KE L 312, 23.12.1995, p. 1).
(8) Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU UE L 248, 18.9.2013, p. 1).
ANNESS I
FORMULA BIEX JIĠU KKALKULATI L-KONTRIBUZZJONIJIET FINANZJARJI GĦAS-SNIN MILL-2021 U SAL-2027 U D-DETTALJI TAL-PAGAMENT
1.
Il-kalkolu tal-kontribuzzjoni finanzjarja jqis l-ammont imsemmi fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament BMVI.
2.
Għas-snin mill-2023 sal-2025, l-Iżvizzera għandha tagħmel pagamenti annwali għall-baġit tal-BMVI f’konformità mat-tabella li ġejja:|
(L-ammonti kollha f’EUR) |
|||
|
|
2023 |
2024 |
2025 |
|
L-Iżvizzera |
55 805 213 |
55 805 213 |
55 805 213 |
Il-kontribuzzjonijiet finanzjarji msemmija f’dan l-Artikolu għandhom ikunu dovuti mill-Iżvizzera irrispettivament mid-data tal-approvazzjoni tal-programm tagħha msemmi fl-Artikolu 23 tar-Regolament RDK.
3.
Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Iżvizzera għall-BMVI hija kkalkulata kif ġej għas-snin 2026 u 2027:Għal kull sena mill-2020 sal-2024, iċ-ċifri tal-Prodott Domestiku Gross (PDG) tal-Iżvizzera disponibbli fil-31 ta’ Marzu 2026 fil-Eurostat (il-PDG fil-prezzijiet kurrenti) għandhom jiġu diviżi bis-somma taċ-ċifri tal-PDG nominali tal-Istati kollha li jipparteċipaw fil-BMVI għal kull sena rispettiva. Il-medja tal-ħames persentaġġi miksuba għas-snin mill-2020 sal-2024 għandha tiġi applikata għal
|
— |
is-somma tal-approprjazzjonijiet ta’ impenn mill-baġit adottat u l-emendi jew it-trasferimenti sussegwenti kif impenjati fi tmiem kull sena għall-BMVI għas-snin mill-2021 sal-2025, |
|
— |
l-approprjazzjonijiet ta’ impenn annwali mill-baġit adottat għall-BMVI għas-sena 2026 li saru fil-bidu tas-sena 2026 u |
|
— |
l-approprjazzjoni ta’ impenn annwali skont il-baġit għall-BMVI għas-sena 2027 kif inkluża fl-abbozz tal-Baġit Ġenerali tal-Unjoni għas-sena finanzjarja 2027 adottat mill-Kummissjoni |
biex jinkiseb l-ammont totali li għandu jitħallas mill-Iżvizzera matul il-perjodu kollu ta’ implimentazzjoni tal-BMVI.
Minn dan l-ammont, il-pagamenti annwali effettivament magħmula mill-Iżvizzera f’konformità mal-paragrafu 2 ta’ dan l-Anness għandhom jitnaqqsu sabiex jinkiseb l-ammont totali tal-kontribuzzjonijiet tagħha għas-snin 2026 u 2027. Nofs dan l-ammont għandu jitħallas fl-2026 u n-nofs l-ieħor fl-2027.
4.
Il-kontribuzzjoni finanzjarja għandha titħallas f’euro, u l-kalkolu tal-ammonti dovuti jew li għandhom jiġu riċevuti għandu jiġi espress f’euro.
5.
L-Iżvizzera għandha tħallas il-kontribuzzjoni finanzjarja rispettiva tagħha sa mhux aktar tard minn 45 jum wara li tirċievi n-nota ta’ debitu. Kull dewmien fil-pagament tal-kontribuzzjoni għandu jwassal għall-pagament ta’ mgħax ta’ inadempjenza fuq l-ammont pendenti mid-data li fiha jkun dovut. Ir-rata tal-imgħax għandha tkun ir-rata applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-operazzjonijiet prinċipali ta’ rifinanzjament tiegħu, kif ippubblikata fis-serje C ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, li tkun fis-seħħ fl-ewwel jum kalendarju tax-xhur li fihom taħbat id-data tal-iskadenza, u li tiżdied bi 3,5 punti perċentwali.
ANNESS II
FORMULA GĦALL-KALKOLU TAS-SEHEM ŻVIZZERU TAD-DĦUL LI POTENZJALMENT JIBQA’ KIF DEFINIT FL-ARTIKOLU 86 TAR-REGOLAMENT DWAR L-ETIAS
Għal kull sena finanzjarja li fiha hemm surplus iġġenerat kif definit fl-Artikolu 86 tar-Regolament dwar l-ETIAS u li tintemm bis-sena finanzjarja 2026, iċ-ċifri tal-Prodott Domestiku Gross (PDG) nominali tal-Iżvizzera disponibbli fil-31 ta’ Marzu fil-Eurostat (il-PDG fil-prezzijiet kurrenti) għandhom jiġu diviżi bis-somma taċ-ċifri tal-PDG nominali tal-Istati kollha li jipparteċipaw fl-ETIAS għas-sena rispettiva.
Il-medja tal-persentaġġi miksuba għandha tiġi applikata għas-surpluses totali ġġenerati. Il-kontribuzzjoni finanzjarja Żvizzera tal-2027 allokata għall-Faċilità tematika għandha titnaqqas bl-ammont li jirriżulta.
ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2024/1292/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)