European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/1288

7.5.2024

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/1288

tas-6 ta’ Mejju 2024

li jagħti lil Cabo Verde deroga temporanja mir-regoli dwar l-oriġini preferenzjali stabbiliti fir-Regolament Delegat (UE) 2015/2446 fir-rigward ta’ fletti jew lojns tat-tonn ippreparati jew ippreservati (nejjin, imsajrin u ffriżati), fletti tal-kavall ippreparati jew ippreservati u fletti tat-tumbrell ippreparati jew ippreservati

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 64(6) u l-Artikolu 66(b) tiegħu,

Billi:

(1)

Cabo Verde huwa pajjiż li jibbenefika mill-arranġament speċjali tal-inċentivi għal żvilupp sostenibbli u governanza tajba previst fl-Artikolu 1(2)(b) tar-Regolament (UE) Nru 978/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), imsejjaħ is-Sistema Ġeneralizzata ta’ Preferenzi (SĠP+). Ir-regoli dwar l-oriġini preferenzjali għall-finijiet tas-SĠP, minbarra r-regoli proċedurali, huma stabbiliti fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446 (3).

(2)

Permezz ta’ ittra bid-data tal-14 ta’ Lulju 2023, Cabo Verde ppreżenta talba għal estensjoni tad-derogi temporanji mir-regoli dwar l-oriġini preferenzjali stabbiliti fir-Regolament Delegat (UE) 2015/2446, li kienu ngħataw mir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/561 (4), (UE) 2019/620 (5) u (UE) 2021/966 (6). It-talba kienet tikkonċerna volum annwali ta’ 5 000 tunnellata ta’ fletti u lojns tat-tonn ippreparati jew ippreservati (nejjin, imsajrin u ffriżati), 3 000 tunnellata ta’ fletti tal-kavall ippreparati jew ippreservati u 1 000 tunnellata ta’ fletti tat-tumbrell ippreparati jew ippreservati. Skont id-deroga mitluba, dawn il-prodotti jitqiesu li joriġinaw minn Cabo Verde anki jekk ikunu ġew prodotti minn ħut mhux oriġinarju.

(3)

Cabo Verde sostna t-talba tiegħu għal estensjoni ta’ dawk id-derogi billi bbaża fuq l-argumenti ppreżentati f’talbiet preċedenti, li kollha kemm huma għadhom rilevanti, jiġifieri kwantitajiet baxxi ta’ tonn u kavall maqbuda fl-ilmijiet territorjali tiegħu, opportunitajiet tas-sajd skarsi barra mill-ilmijiet territorjali tiegħu u perjodu limitat tal-istaġun tas-sajd, li jnaqqas l-opportunitajiet li jinqabad ħut oriġinarju. Element importanti ieħor huwa li Cabo Verde żviluppa l-infrastruttura portwarja tiegħu. Minħabba f’hekk, issa jistgħu jiġu ttrattati kwantitajiet ikbar ta’ ħut u għalhekk, l-industrija tas-sajd issa għandha l-opportunità li tikber. Sfortunatament, Cabo Verde ma għandux flotta industrijali li tkun kapaċi sservi l-industrija tas-sajd tiegħu, u lanqas qed jinvesti biżżejjed fil-flotta. Il-kapaċitajiet limitati attwali tal-qbid ta’ ħut oriġinarju ma jippermettix lill-industrija tas-sajd tipproduċi sal-kapaċità massima tagħha. Fl-aħħar nett, it-talba enfasizzat id-diffikultajiet li jħabbat wiċċu magħhom Cabo Verde minħabba d-dewmien tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Afrika tal-Punent. Cabo Verde qajjem argument li fih jenfasizza l-ħtieġa tiegħu għal deroga mir-regoli SĠP dwar l-oriġini preferenzjali sabiex jikkumpensa għall-fatt li għadu mhux possibbli li wieħed jiddependi fuq il-kwoti tal-oriġini jew ir-regoli tal-akkumulazzjoni skont il-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika li għadu mhux applikat proviżorjament.

(4)

Id-deroga prevista fl-Artikolu 64(6) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 (il-“Kodiċi Doganali tal-Unjoni”) hija ta’ natura temporanja u soġġetta għal konformità mtejba mar-regoli dwar l-oriġini tal-prodotti kkonċernati u mar-rekwiżit dwar il-kooperazzjoni amministrattiva. Sabiex ikun jista’ jiġġestixxi din id-deroga mir-regoli dwar l-oriġini preferenzjali, jenħtieġ li l-pajjiż rikjedenti jikkonforma mar-rekwiżiti fir-rigward tal-informazzjoni dwar l-użu tad-deroga u l-ġestjoni tal-kwantitajiet li għalihom tkun mogħtija d-deroga.

(5)

Madankollu, l-azzjonijiet ta’ monitoraġġ li wettqet il-Kummissjoni matul dawn l-aħħar snin rigward il-konformità ta’ Cabo Verde mar-regoli dwar l-oriġini preferenzjali, il-proċeduri relatati u l-kooperazzjoni amministrattiva mal-Unjoni wrew ċerti nuqqasijiet, b’mod partikolari mar-rekwiżiti rigward il-kooperazzjoni amministrattiva tiegħu mal-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri fil-verifika tal-provi tal-oriġini fis-settur tas-sajd.

(6)

Huwa d-dmir tal-Kummissjoni Ewropea li tieħu ħsieb li l-għoti ta’ derogi temporanji xorta waħda jwassal lil Cabo Verde biex jissodisfa l-kundizzjonijiet biex jikkonforma mal-verifika tal-provi tal-oriġini u jirrimedja n-nuqqasijiet fil-kooperazzjoni amministrattiva. Deroga mhijiex l-aktar strument ġustifikat biex jipprovdi soluzzjoni fit-tul għall-problemi strutturali fl-industrija tas-sajd ta’ Cabo Verde.

(7)

Minħabba d-iffikutajiet ekonomiċi rikorrenti u minħabba n-nuqqas ta’ soluzzjonijiet alternattivi, jenħtieġ li Cabo Verde xorta waħda jingħata, għalkemm b’kundizzjonijiet stretti, deroga temporanja mir-rekwiżit li jinsab fir-regoli dwar l-oriġini preferenzjali li l-prodotti jitqiesu li joriġinaw mill-pajjiż benefiċjarju biss meta jinkorporaw materjali li jinkisbu għalkollox f’dak il-pajjiż. Skont il-volumi li ntużaw bis-sħiħ matul id-deroga preċedenti tal-2020–2023, jenħtieġ li d-deroga tingħata għal volum annwali ta’ 3 000 tunnellata ta’ fletti u lojns tat-tonn ippreparati jew ippreservati (nejjin, imsajrin u ffriżati), 2 700 tunnellata ta’ fletti tal-kavall ippreparati jew ippreservati u 600 tunnellata ta’ fletti tat-tumbrell ippreparati jew ippreservati. Jenħtieġ li d-durata tad-deroga tkun limitata għal perjodu ta’ sentejn sabiex Cabo Verde jkun jista’ jagħmel ħiltu biex ilesti l-aġġustamenti strutturali meħtieġa fis-settur tas-sajd ħalli jikkonforma mar-regoli tal-oriġini għall-prodotti kkonċernati.. Madankollu, jenħtieġ li d-deroga tingħata bil-kundizzjoni li l-awtoritajiet doganali ta’ Cabo Verde jieħdu l-passi meħtieġa biex iwettqu kontrolli kwantitattivi fuq l-esportazzjonijiet tal-prodotti soġġetti għad-deroga, u li dawn jikkomunikaw lill-Kummissjoni dikjarazzjoni tal-kwantitajiet li għalihom ikunu nħarġu dikjarazzjonijiet tal-oriġini skont dan ir-Regolament u n-numri tas-serje ta’ dawk id-dikjarazzjonijiet.

(8)

Barra minn hekk, jenħtieġ li Cabo Verde jibbenefika minn deroga mir-regoli tal-oriġini għat-tonn u l-kavalli bil-kundizzjoni li jirrapporta regolarment lis-servizzi kompetenti tal-Kummissjoni dwar il-miżuri li jkun ħa biex jiżgura l-konformità mar-regoli tal-oriġini għall-prodotti kkonċernati u mal-proċeduri relatati u li jipprovdi kooperazzjoni amministrattiva xierqa għall-implimentazzjoni tal-arranġamenti preferenzjali skont is-SĠP imsemmija fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament (UE) Nru 978/2012 (Regolament SĠP). Jenħtieġ li dawk ir-rapporti jiġu ppreżentati skont skeda taż-żmien preċiża. Jenħtieġ li kull dewmien biex jintlaħqu l-iskadenza stabbilita jkun iwassal għas-sospensjoni tad-deroga li għandha tiġi nnotifikata lill-awtoritajiet kompetenti ta’ Cabo Verde wara tfakkira u stedina biex jippreżentaw ir-rapporti fi żmien għaxart ijiem tax-xogħol. Jenħtieġ li l-elementi li għandhom jiġu inklużi f’dawk ir-rapporti jiġu elenkati f’Anness ta’ dan ir-Regolament. L-applikazzjoni tad-deroga hija soġġetta għall-konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 43 tar-Regolament Delegat (UE) 2015/2446.

(9)

Jenħtieġ li l-kwantitajiet stabbiliti fl-Anness ta’ dan ir-Regolament ikunu ġestiti f’konformità mal-Artikoli 49 sa 54 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 (7) li jirregolaw il-ġestjoni tal-kwoti tariffarji.

(10)

Jenħtieġ li l-miżuri previsti f’dan ir-Regolament jidħlu fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu u jiġu applikati b’mod retroattiv mill-1 ta’ Jannar 2024, sabiex titqies is-sitwazzjoni diffiċli ta’ Cabo Verde u biex dan il-pajjiż ikun jista’ japplika d-deroga minn dik id-data.

(11)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

B’deroga mill-Artikolu 41(b) u l-Artikolu 45 tar-Regolament Delegat (UE) 2015/2446, il-prodotti msemmijin fl-Annessi I u II li jiġu prodotti f’Cabo Verde minn ħut mhux oriġinarju għandhom jitqiesu li joriġinaw minn Cabo Verde f’konformità mal-Artikoli 2, 3 u 4 ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

1.   Din id-deroga għandha tapplika għall-prodotti li jkunu ġew esportati minn Cabo Verde u ddikjarati għar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera fl-Unjoni matul il-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2024 sal-31 ta’ Diċembru 2025.

2.   Id-deroga għandha tapplika għall-prodotti sal-kwantità annwali elenkata fl-Anness I (tonn) u fl-Anness II (kavall u tumbrell) ta’ dan ir-Regolament.

3.   L-applikazzjoni tad-deroga hija soġġetta għall-konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 43 tar-Regolament Delegat (UE) 2015/2446.

Artikolu 3

Il-kwantitajiet stabbiliti fl-Annessi I u II ta’ dan ir-Regolament għandhom jiġu ġestiti f’konformità mal-Artikoli 49 sa 54 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2447 li jirregolaw il-ġestjoni tal-kwoti tariffarji.

Artikolu 4

Id-deroga qed tingħata bil-kundizzjonijiet li ġejjin:

(1)

L-awtoritajiet doganali ta’ Cabo Verde għandhom jieħdu l-passi neċessarji biex iwettqu kontrolli kwantitattivi fuq l-esportazzjonijiet tal-prodotti msemmijin fl-Artikolu 1.

(2)

Ir-referenza li ġejja għandha tiddaħħal fid-dikjarazzjonijiet dwar l-oriġini magħmula mill-esportaturi rreġistrati: “Deroga — ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/1288”.

(3)

L-awtoritajiet kompetenti ta’ Cabo Verde għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni dikjarazzjoni tal-kwantitajiet li għalihom ikunu nħarġu dikjarazzjonijiet dwar l-oriġini skont l-Artikolu 92 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2447 u l-kopji ta’ dawn il-provi. Dawn ir-rapporti għandhom jiġu kkomunikati lill-Kummissjoni għal tliet perjodi, jiġifieri 6 xhur, 12-il xahar u 20 xahar wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament u fi żmien xahrejn wara t-tmiem ta’ kull perjodu.

Għalhekk, l-ewwel rapport għandu jiġi kkomunikat bejn l-1 ta’ Lulju u l-1 ta’ Settembru 2024. It-tieni rapport għandu jiġi kkomunikat bejn l-1 ta’ Jannar u l-1 ta’ Marzu 2025. It-tielet rapport għandu jiġi kkomunikat bejn l-1 ta’ Awwissu u l-1 ta’ Ottubru 2025. Il-perjodu li fadal ta’ bejn l-1 ta’ Awwissu u l-31 ta’ Diċembru 2025 għandu jkun soġġett għal rapport addizzjonali li għandu jintbagħat fi żmien xahrejn wara tmiem il-perjodu tal-applikazzjoni stabbilit fl-Artikolu 2(1).

(4)

Flimkien mar-rapporti msemmijin fil-paragrafu 3, l-awtoritajiet kompetenti ta’ Cabo Verde għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni rapport b’informazzjoni dettaljata dwar il-miżuri li jkunu ħadu sabiex:

(a)

jiggarantixxu konformità mar-regoli dwar l-oriġini tal-prodotti kkonċernati għall-finijiet tas-SĠP u mal-proċeduri relatati,

(b)

jipprovdu kooperazzjoni amministrattiva kif meħtieġ għall-implimentazzjoni tal-arranġamenti preferenzjali skont ir-Regolament SĠP.

L-informazzjoni meħtieġa li għandha tiġi rrappurtata mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Cabo Verde hija elenkata fl-Anness III.

Artikolu 5

Jekk l-awtoritajiet kompetenti jonqsu milli jissodisfaw l-obbligi tar-rappurtar tagħhom, li huma stabbiliti fl-Artikolu 4(3) u (4), fil-limiti ta’ żmien stabbiliti fih, il-Kummissjoni għandha tibgħat tfakkira lill-awtoritajiet kompetenti ta’ Cabo Verde li fiha titlobhom jippreżentaw l-informazzjoni meħtieġa fi żmien għaxart ijiem tax-xogħol. Jekk l-awtoritajiet kompetenti ma jirrispondux għal dik it-talba sal-iskadenza stabbilita, il-Kummissjoni tista’ tissospendi d-deroga prevista f’dan ir-Regolament. Kull tali sospensjoni ma għandhiex ittawwal il-perjodu taż-żmien previst f’dan ir-Regolament u fl-Anness I u l-Anness II tiegħu. Dik is-sospensjoni għandha tiġi nnotifikata lill-awtoritajiet kompetenti ta’ Cabo Verde u ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, serje C.

Artikolu 6

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2024.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-6 ta’ Mejju 2024.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/952/oj.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 978/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 li japplika skema ta’ preferenzi tariffarji ġeneralizzati u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 732/2008 (ĠU L 303, 31.10.2012, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2012/978/oj).

(3)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446 tat-28 ta’ Lulju 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ regoli dettaljati li jikkonċernaw uħud mid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2015/2446/oj).

(4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/561 tat-8 ta’ April 2019 li jagħti lil Cabo Verde deroga temporanja mir-regoli dwar l-oriġini preferenzjali stabbiliti fir-Regolament Delegat (UE) 2015/2446 fir-rigward ta’ fletti tat-tonn ippreparati jew ippreservati (ĠU L 98, 9.4.2019, p. 13, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2019/561/oj).

(5)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/620 tas-17 ta’ April 2019 li jagħti lil Cabo Verde deroga temporanja mir-regoli dwar l-oriġini preferenzjali stabbiliti fir-Regolament Delegat (UE) 2015/2446 fir-rigward ta’ fletti tal-kavalli ppreparati jew ippreservati u ta’ fletti tat-tumbrell ippreparati jew ippreservati (ĠU L 108, 23.4.2019, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2019/620/oj).

(6)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/966 tal-11 ta’ Ġunju 2021 li jagħti lil Cabo Verde deroga temporanja mir-regoli dwar l-oriġini preferenzjali stabbiliti fir-Regolament Delegat (UE) 2015/2446 fir-rigward ta’ fletti tat-tonn ippreparati jew ippreservati, fletti tal-kavalli ppreparati jew ippreservati u fletti tat-tumbrell ippreparati jew ippreservati (ĠU L 214, 17.6.2021, p. 34, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2021/966/oj).

(7)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2015/2447/oj).


ANNESS I

Nru tal-ordni

Kodiċi NM

Kodiċi TARIC

Deskrizzjoni tal-oġġetti

Perjodi

Kwantità annwali (piż nett f’tunnellati)

09.1602

1604142100

1604142690

1604142800

1604207050

1604207055

1604143190

1604143690

1604143800

1604207099

0304870090

1604144120

1604144629

1604144820

1604207045

0304870020

1604144130

1604144830

10

Fletti u lojns tal-plamtu ppreparati jew ippreservati (Katsuwonus pelamis)

Minn 1.1.2024 sa 31.12.2024

3 000

Minn 1.1.2025 sa 31.12.2025

3 000

Fletti jew lojns tat-tonn isfar ippreparati jew ippreservati (Thunnus albacares)

Fletti jew lojns tat-tonn obeż ippreparati jew ippreservati (Thunnus obesus)

Alonga ppreparata (Thunnus alalunga)


ANNESS II

Nru tal-ordni

Kodiċi NM

Kodiċi TARIC

Deskrizzjoni tal-oġġetti

Perjodi

Kwantità annwali (piż nett f’tunnellati)

09.1647

1604151100

ex 1604 19 97

10

Fletti tal-kavall ippreparati jew ippreservati (Scomber scombrus, Scomber japonicus, Scomber colias)

Minn 1.1.2024 sa 31.12.2024

2 700

Minn 1.1.2025 sa 31.12.2025

2 700

09.1648

ex 1604 19 97

1604209000

10

Fletti tat-tumbrell ippreparati jew ippreservati (Auxis thazard, Auxis rochei)

Minn 1.1.2024 sa 31.12.2024

600

Minn 1.1.2025 sa 31.12.2025

600


ANNESS III

Miżuri li għandhom jiġu rrapportati mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Cabo Verde skont l-Artikolu 4(4)

Ir-rapport imsemmi fl-Artikolu 4(4) għandu jkun fih deskrizzjoni dettaljata tal-miżuri li ħadu l-awtoritajiet kompetenti ta’ Cabo Verde biex jiżguraw dan li ġej:

(a)

li jitwettqu verifiki tal-istatus tal-oriġini tal-prodotti fuq talba tal-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri għal kull talba li ssir sal-iskadenzi stabbiliti fl-Artikoli 108 u 109 tar-Regolament ta’ implimentazzjoni (UE) 2015/2447;

(b)

li l-verifiki tal-istatus tal-oriġini tal-prodott tas-sajd fil-baħar u ta’ prodotti oħra li jittieħdu mill-baħar kif imsemmi fl-Artikolu 44(h) tar-Regolament Delegat (UE) 2015/2446 ikunu jinkludu verifika tal-post tal-qbid u, meta jittieħdu minn barra l-baħar territorjali kif imsemmi fl-Artikolu 44(h) ta’ dak ir-Regolament, verifika fuq il-kundizzjonijiet tas-sjieda tal-bastiment;

(c)

li l-kontrolli msemmija fl-Artikolu 108(1)(b) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2447 jitwettqu fuq l-esportaturi f’intervalli ddeterminati abbażi ta’ kriterji tal-analiżi tar-riskju xierqa f’konformità mal-Artikolu 108(2) ta’ dak ir-Regolament;

(d)

li l-esportaturi u l-uffiċjali tal-gvern f’Cabo Verde jiġu mgħarrfa sew rigward ir-regoli dwar l-oriġini preferenzjali għall-finijiet tas-SĠP u l-proċeduri relatati permezz ta’ istruzzjonijiet, taħriġ, seminars u/jew informazzjoni bbażata fuq il-web xierqa.

Għal kull talba għal verifika tal-oriġini li tasal mingħand l-awtoritajiet doganali, ir-rapport għandu, fir-rigward tal-miżuri msemmija fil-punt (a), jinkludi l-informazzjoni li ġejja:

ir-referenza u d-data tat-talba għal verifika tal-oriġini;

l-Istat Membru li għamel it-talba (“l-Istat Membru rikjedenti”);

id-data li fiha l-awtoritajiet kompetenti ta’ Cabo Verde rċevew it-talba;

il-prodotti kkonċernati (il-kodiċi SA u d-deskrizzjoni tal-prodotti);

id-data li fiha ntbagħtet it-tweġiba lill-Istat Membru rikjedenti;

ir-raġuni għal kwalunkwe dewmien biex tintbagħat tweġiba għat-talba, kif xieraq;

il-valutazzjoni tat-talba mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Cabo Verde (jiġifieri jekk l-oriġini ddikkjarata fid-dikjarazzjoni tal-oriġini ġietx ikkonfermata).

Ir-rapport għandu, fir-rigward il-miżuri msemmija fil-punt (c), jinkludi l-informazzjoni li ġejja:

in-numru ta’ kontrolli li twettqu;

il-kriterji tal-analiżi tar-riskju użati mill-awtoritajiet kompetenti biex jivvalutaw ir-riskju u biex jiddeterminaw l-intervalli bejn il-kontrolli regolari li jsiru fuq l-esportaturi;

il-metodoloġija segwita waqt il-kontrolli;

jekk l-awtoritajiet kompetenti kinux jirrikjedu li l-esportaturi jipprovdu l-kopji jew lista tad-dikjarazzjonijiet dwar l-oriġini li għamlu, f’konformità mal-Artikolu 108(2) tar-Regolament ta’ implimentazzjoni (UE) 2015/2447, bil-ħsieb li jwettqu kontrolli regolari fuq l-esportaturi, f’konformità mal-Artikolu 108(1)(b) ta’ dak ir-Regolament;

jekk il-kontrolli wrewx li l-esportaturi f’Cabo Verde humiex mgħarrfa sew rigward il-proċeduri applikabbli u r-regoli dwar l-oriġini preferenzjali għall-finijiet tas-SĠP;

jekk itteħdux miżuri korrettivi u/jew jekk ġewx applikati penali f’każijiet fejn l-esportatur ħareġ dikjarazzjoni ħażina dwar l-oriġni.

Ir-rapport għandu, fir-rigward tal-miżuri msemmija fil-punt (d), jinkludi l-istruzzjonijiet, id-dokumenti u l-materjali tat-taħriġ li ntużaw biex l-esportaturi u l-uffiċjali tal-gvern f’Cabo Verde jiġu infurmati rigward ir-regoli dwar l-oriġini preferenzjali għall-finijiet tas-SĠP u tal-proċeduri relatati.

Ir-rapport kif imsemmi fl-Artikolu 4(4) għandu jaġġorna l-informazzjoni pprovduta fir-rapporti preċedenti.


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/1288/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)