European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/1276

6.5.2024

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2024/1276

tad-29 ta’ April 2024

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill Internazzjonali tal-Injam Tropikali rigward l-estensjoni tal-Ftehim Internazzjonali dwar l-Injam Tropikali tal-2006

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 192 u 207 flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Ftehim Internazzjonali dwar l-Injam Tropikali tal 2006 (l-ITTA tal-2006) ġie konkluż mill-Unjoni bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/731/UE (1) u daħal fis-seħħ fis-7 ta’ Diċembru 2011.

(2)

Skont l-Artikolu 6 tal-ITTA tal-2006, il-Kunsill Internazzjonali tal-Injam Tropikali (ITTC) huwa l-ogħla awtorità tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Injam Tropikali (ITTO) u jikkonsisti mill-membri kollha tal-ITTO.

(3)

L-ITTA tal-2006, kellu jibqa’ fis-seħħ għal perjodu ta’ għaxar snin, jiġifieri sas-6 ta’ Diċembru 2021, sakemm l-ITTC ma jiddeċidix jestendih, jirrinegozjah jew jitterminah permezz ta’ vot speċjali f’konformità mal-Artikolu 12 tal-ITTA 2006.

(4)

Skont l-Artikolu 44(2) tal-ITTA 2006, l-ITTC jista’ jiddeċiedi li jestendi l-ITTA tal-2006 għal massimu ta’ żewġ perjodi, perjodu inizjali ta’ ħames snin u perjodu addizzjonali ta’ tliet snin.

(5)

L-ITTA tal-2006 ġie estiż bid-Deċiżjoni 4 (LVII) tal-ITTC għal perjodu inizjali ta’ ħames snin mis-7 ta’ Diċembru 2021 sas-6 ta’ Diċembru 2026 u l-Unjoni tat il-kunsens tagħha għal tali estensjoni bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/837 (2).

(6)

Fid-59 sessjoni tal-ITTC f’Novembru 2023, l-ITTC iddeċieda li, sal-1 ta’ Ġunju 2024, jieħu deċiżjoni, mingħajr ma jiltaqa’, dwar jekk għandux jestendi l-ITTA tal-2006 għal perjodu ta’ tliet snin mis-7 ta’ Diċembru 2026 sas-6 ta’ Diċembru 2029.

(7)

L-estensjoni addizzjonali proposta tal-ITTA tal-2006 għal tliet snin hija fl-interess tal-Unjoni, peress li l-ITTO teħtieġ żmien u riżorsi xierqa għat-tħejjija ta’ ftehim sussegwenti.

(8)

Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan l-ITTC fir-rigward tal-estensjoni tal-ITTA tal-2006,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’iseml-Unjoni fi ħdan il-Kunsill Internazzjonali tal-Injam Tropikali għandha tkun li tivvota favur l-estensjoni tal-Ftehim Internazzjonali dwar l-Injam Tropikali tal-2006 għal perjodu addizzjonali ta’ tliet snin mis-7 ta’ Diċembru 2026 sas-6 ta’ Diċembru 2029.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-addozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Lussemburgu, id-29 ta’ April 2024.

Għall-Kunsill

Il-President

D. CLARINVAL


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-8 ta’ Novembru 2011 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim Internazzjonali dwar l-Injam Tropikali tal-2006 (2011/731/UE) (ĠU L 294, 12.11.2011, p. 1).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/837 tas-6 ta’ Mejju 2021 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni Ewropea fil-Kunsill Internazzjonali dwar l-Injam Tropikali dwar l-estensjoni tal-Ftehim Internazzjonali dwar l-Injam Tropikali, 2006 (ĠU L 185, 26.5.2021, p. 23).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/1276/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)