European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/1274

3.5.2024

DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/1274

tad-29 ta’ April 2024

li tagħti lir-Repubblika Ellenika deroga minn ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2019/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u tad-Direttiva (UE) 2019/944 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, fir-rigward tal-gżira ta’ Kreta

(notifikata bid-dokument C(2024) 2890)

(It-test bil-Grieg biss huwa awtentiku)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 dwar is-suq intern tal-elettriku (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 64 tiegħu,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva (UE) 2019/944 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 dwar regoli komuni għas-suq intern għall-elettriku u li temenda d-Direttiva 2012/27/UE (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 66 tagħha,

Billi:

1.   PROĊEDURA

(1)

Fil-21 ta’ Frar 2022, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni (UE) 2022/258 (3) li tagħti lill-Greċja deroga mid-dispożizzjonijiet li ġejjin tar-Regolament (UE) 2019/943 u tad-Direttiva (UE) 2019/944, fir-rigward tal-gżira ta’ Kreta:

(a)

L-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2019/943, li jistabbilixxi r-regoli applikabbli għas-swieq tal-ibbilanċjar tal-elettriku;

(b)

L-Artikolu 7(1) tar-Regolament (UE) 2019/943, li jirreferi għall-organizzazzjoni tal-ġestjoni tas-swieq integrati ta’ ġurnata bil-quddiem u tal-istess ġurnata mill-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni (“TSOs”) u l-operatur nominat tas-suq tal-elettriku (“NEMOs”), f’konformità mar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/1222 (4);

(c)

L-Artikolu 8(1) u (4) tar-Regolament (UE) 2019/943, li, rispettivament, jimponu fuq in-NEMOs l-obbligu li jippermettu lill-parteċipanti fis-suq jinnegozjaw l-enerġija kemm jista’ jkun qrib il-ħin reali u mill-inqas sal-ħin tal-għeluq tan-negozju tal-kapaċità transżonali tal-istess ġurnata u jistabbilixxu l-perjodu ta’ saldu tal-iżbilanċ għal 15-il minuta fiż-żoni kollha ta’ skedar;

(d)

L-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2019/943, li jirreferi għas-swieq tal-elettriku bil-quddiem;

(e)

L-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) 2019/943, li jirreferi għal-limiti tekniċi tal-offerti applikabbli għall-prezzijiet tal-enerġija bl-ingrossa;

(f)

L-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) 2019/943, li jirreferi għad-determinazzjoni tal-valur tat-tagħbija mitlufa, jiġifieri, stima tal-prezz massimu tal-elettriku li l-klijenti huma lesti li jħallsu biex jevitaw qtugħ;

(g)

L-Artikolu 40(4) sa (7) tad-Direttiva (UE) 2019/944, li jistabbilixxi ċerti responsabbiltajiet tat-TSOs inkluż l-akkwist ta’ servizzi anċillari mhux tal-frekwenza.

(2)

Id-deroga mogħtija fid-Deċiżjoni (UE) 2022/258 kienet tapplika sal-31 ta’ Diċembru 2023 jew sakemm il-gżira ta’ Kreta tkun interkonnessa bis-sħiħ mal-Greċja kontinentali, skont liema tiġi l-ewwel.

(3)

Fit-18 ta’ Diċembru 2023, il-Greċja ppreżentat lill-Kummissjoni talba ġdida għal deroga (l-“Applikazzjoni”) mid-dispożizzjonijiet imsemmija fil-premessa 1 fir-rigward tal-gżira ta’ Kreta. Fit-talba l-ġdida, il-Greċja spjegat li, minħabba dewmien imprevedibbli fil-proċessi rilevanti tal-kostruzzjoni u tal-liċenzjar, l-interkonnessjoni sħiħa tal-gżira ta’ Kreta ma setgħetx isseħħ sal-aħħar ta’ Diċembru 2023 u talbet deroga ġdida minn dawk id-dispożizzjonijiet sal-31 ta’ Diċembru 2025 jew it-tlestija tal-interkonnessjoni sħiħa tal-gżira ta’ Kreta mal-Greċja kontinentali, skont liema tiġi l-ewwel.

(4)

Fit-28 ta’ Frar 2024, il-Kummissjoni ppubblikat l-Applikazzjoni fuq is-sit web tagħha u stiednet lill-Istati Membri u lill-partijiet ikkonċernati biex jipprovdu kummenti sas-27 ta’ Marzu 2024. Parti waħda biss issottomettiet xi kummenti, li kienu relatati mal-installazzjoni ta’ kapaċità ta’ ġenerazzjoni konvenzjonali addizzjonali fi Kreta kif ukoll ir-remunerazzjoni ta’ tali kapaċità. B’mod aktar speċifiku, il-parti qajmet tħassib li l-iskema ta’ remunerazzjoni applikabbli tista’ ma tkunx kompatibbli mar-regoli tal-UE applikabbli għall-mekkaniżmi ta’ kapaċità. Sabiex jiġi evitat kull dubju, il-Greċja ma talbitx deroga mir-regoli tal-UE applikabbli għall-mekkaniżmi tal-kapaċità, li jfisser li dawk ir-regoli jkomplu japplikaw għal kwalunkwe skema ta’ remunerazzjoni għall-kapaċità tal-ġenerazzjoni fi Kreta. Għalhekk, il-kummenti li waslu huma barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-deċiżjoni. Barra minn hekk, din id-deċiżjoni hija mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat.

2.   IL-GŻIRA TA’ KRETA

Is-sistema tal-elettriku u s-suq tal-elettriku fil-gżira ta’ Kreta

(5)

Il-gżira ta’ Kreta tinsab fil-Baħar Mediterran, fin-Nofsinhar tal-Greċja kontinentali. Sat-3 ta’ Lulju 2021, hija kellha sistema tal-enerġija awtonoma, mhux konnessa mas-sistema tal-elettriku kontinentali tal-Greċja.

(6)

Kif spjegat fil-premessi (6) sa (9) tad-Deċiżjoni (UE) 2022/258, il-Greċja ttrattat l-interkonnessjoni sħiħa tal-gżira ta’ Kreta mal-Greċja kontinentali bħala proġett prijoritarju li kien skedat li jitlesta sa tmiem l-2023 u li jimmaterjalizza f’żewġ fażijiet:

(a)

Fażi I tal-proġett ta’ interkonnessjoni, li tirrigwarda l-interkonnessjoni ta’ Kreta mal-peniżola Peloponnese (iktar ’il quddiem il-“fażi I tal-interkonnessjoni”) tlestiet fl-1 ta’ Novembru 2021;

(b)

Fażi II tal-proġett ta’ interkonnessjoni tirreferi għall-interkonnessjoni tal-parti ċentrali ta’ Kreta (il-Prefettura ta’ Heraklion) mal-Greċja kontinentali (ir-reġjun ta’ Attika) (il-fażi II tal-interkonnessjoni”). Mat-tlestija tal-Fażi II tal-interkonnessjoni, il-gżira ta’ Kreta hija mistennija li tkun interkonnessa bis-sħiħ mas-sistema ta’ trażmissjoni tal-elettriku kontinentali u d-domanda għall-elettriku fuq il-gżira għandha tiġi koperta bis-sħiħ.

(7)

Qabel it-tlestija tal-Fażi I tal-interkonnessjoni, is-suq tal-elettriku fi Kreta kien tali li l-produtturi u l-fornituri ma ssottomettew l-ebda offerta fis-suq Grieg u l-unitajiet ta’ ġenerazzjoni ntbagħtu skont il-kostijiet varjabbli minimi tagħhom. Il-prezz tal-ikklerjar bl-ingrossa għall-elettriku fi Kreta ġie kkalkulat fuq bażi ta’ kull xahar, abbażi tal-kostijiet varjabbli u totali tal-unitajiet tal-enerġija konvenzjonali, li kollha kienu jappartjenu għall-kumpanija eżistenti Public Power Cooperation S.A. (“PPC S.A.”). PPC S.A. kienet l-uniku ġeneratur tal-enerġija konvenzjonali fuq il-gżira. Barra minn hekk, kien hemm diversi produtturi tal-elettriku minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli (“RES”) b’tariffa fissa skont ftehim dwar ix-xiri tal-enerġija jew tariffa fissa skont id-data tal-bidu tal-operat ta’ kull unità. L-applikazzjoni ta’ dan il-mudell waqfet ladarba tlestiet il-Fażi I (1 ta’ Novembru 2021).

(8)

Għall-perjodu tranżitorju bejn it-tlestija tal-Fażi I u t-tlestija tal-Fażi II, (il-“perjodu tranżitorju”) japplika mudell tas-suq ibridu għas-suq tal-elettriku fi Kreta (il-“mudell ibridu”). Id-dettalji tal-operat tal-mudell ibridu ġew stabbiliti fil-premessi 15 sa 19 tad-Deċiżjoni (UE) 2022/258.

(9)

Fil-qosor, skont il-mudell ibridu, l-iskambju tal-elettriku Grieg HEnEX jissottometti ordnijiet għat-tagħbija kollha u l-ġenerazzjoni termali fi Kreta kemm għas-suq ta’ ġurnata bil-quddiem kif ukoll għal dak tal-istess ġurnata. Dawk is-sottomissjonijiet isiru f’isem ir-rappreżentanti tat-tagħbija u l-ġeneraturi termali kollha fi Kreta. Il-kuntratti kollha tar-RES ġew ittrasferiti lill-Operatur tas-Sorsi tal-Enerġija Rinnovabbli u l-Garanziji tal-Oriġini (“DAPEEP”) permezz ta’ deċiżjoni Ministerjali u d-data kollha rilevanti dwar il-kejl kemm għar-RES eżistenti kif ukoll għal dawk ġodda fi Kreta hija pprovduta lil DAPEEP mill-Operatur tas-Sistema ta’ Distribuzzjoni (“HEDNO S.A.”). Fl-istess ħin, DAPEEP jissottometti ordnijiet għall-ġenerazzjoni kollha tar-RES fi Kreta. Abbażi ta’ dawk l-ordnijiet, id-domanda totali għall-elettriku, kif prevista mill-Operatur tas-Sistema ta’ Trażmissjoni Grieg (“IPTO S.A.”), hija allokata lir-rappreżentanti tat-tagħbija f’konformità mal-proporzjon perċentwali tal-provvista tagħhom ikkalkulat ex ante fuq bażi ta’ kull xahar minn HEDNO S.A. Mat-tlestija ta’ dak il-proċess, it-tagħbija sħiħa u l-profil tal-ġenerazzjoni ta’ Kreta jiġu introdotti virtwalment fis-swieq ta’ ġurnata bil-quddiem u tal-istess ġurnata tas-sistema interkonnessa Griega kontinentali.

(10)

Skont l-Applikazzjoni, l-operat tal-Fażi I tal-interkonnessjoni isegwi s-sinjali ekonomiċi tal-formazzjoni tal-prezzijiet fis-sistema interkonnessa kontinentali vis-à-vis is-suq tal-elettriku fi Kreta. Minħabba li l-kostijiet għall-ġenerazzjoni tal-elettriku termali fi Kreta huma għoljin, il-Fażi I tal-Interkonnessjoni fil-biċċa l-kbira timporta l-elettriku lejn Kreta. Madankollu, dan mhux dejjem ikun il-każ. Matul perjodi ta’ tagħbija baxxa u ġenerazzjoni għolja tal-elettriku mir-RES fi Kreta, il-fluss fuq il-kejbils tal-Fażi I tal-interkonnessjoni jitreġġa’ lura u l-elettriku jgħaddi minn Kreta għall-kontinent. Il-Greċja spjegat li meta jiġri dan, kwalunkwe elettriku bħal dan ikun ġie ġġenerat mir-RES, minħabba li l-ġenerazzjoni termali kollha titqies li sservi t-tagħbija lokali fi Kreta.

(11)

Il-Greċja sostniet li l-mudell ibridu daħal fis-seħħ permezz tal-miżuri nazzjonali li ġejjin: L-Artikoli 105, 107 u 108 tal-Liġi Griega 4821/2021 u d-Deċiżjonijiet tal-Awtorità Regolatorja Nazzjonali (ARN) Nru 755/2021 u 807/2021.

(12)

Il-Greċja sostniet ukoll li, għall-perjodu tranżitorju, il-mudell ibridu wera li huwa l-aktar sistema tas-suq xierqa, effiċjenti u effettiva għal Kreta meta mqabbel maż-żewġ alternattivi li ġew ikkunsidrati, jiġifieri l-integrazzjoni ta’ Kreta fis-suq tal-elettriku Grieg permezz ta’ żona tal-offerti waħda jew tnejn rispettivament. Biex tappoġġa dik id-dikjarazzjoni, il-Greċja ssottomettiet informazzjoni li turi li l-mudell ibridu rriżulta f’iffrankar sinifikanti tal-kostijiet, l-evitar ta’ kostijiet eċċessivi għar-ridispaċċ, kostijiet aktar baxxi tal-elettriku fornut u l-użu effiċjenti ta’ teknoloġiji li jniġġsu inqas.

(13)

Fir-rigward tas-suq bl-imnut, il-Greċja sostniet li huwa miftuħ għall-fornituri kollha, b’madwar ħmistax attwalment attivi fil-gżira ta’ Kreta. Minħabba l-fatt li l-kostijiet tal-ġenerazzjoni fil-gżira ta’ Kreta huma ogħla mill-kostijiet tas-sistema tal-elettriku interkonnessa Griega, il-Greċja għażlet l-applikazzjoni mill-fornituri ta’ tariffa unika għal kull kategorija ta’ klijenti fit-territorju kollu tagħha. Dik id-deċiżjoni kienet xprunata minn raġunijiet ta’ koeżjoni soċjali.

3.   ID-DEROGA MITLUBA

(14)

It-talba għad-deroga ppreżentata għall-gżira ta’ Kreta hija bbażata fuq il-kwalifika tagħha bħala sistema konnessa żgħira skont it-tifsira tal-Artikolu 64(1), il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2019/943. Din il-kwalifika ġiet ikkonfermata fil-premessi 36 sa 40 tad-Deċiżjoni (UE) 2022/258.

3.1.   Deroga skont l-Artikolu 64 tar-Regolament (UE) 2019/943

(15)

Il-Greċja talbet deroga ġdida għall-gżira ta’ Kreta mill-Artikolu 6, l-Artikolu 7(1), l-Artikolu 8(1) u (4) u l-Artikoli 9, 10 u 11 tar-Regolament (UE) 2019/943.

3.2.   Deroga skont l-Artikolu 66 tad-Direttiva (UE) 2019/944

(16)

Il-Greċja talbet deroga ġdida għall-gżira ta’ Kreta mill-Artikolu 40(4) sa (7) tad-Direttiva (UE) 2019/944.

3.3.   Durata tad-deroga mitluba

(17)

Il-Greċja talbet li d-deroga tkun ta’ durata ugwali għal dik tal-perjodu tranżitorju, jiġifieri sa tmiem l-2025, sa liema żmien Kreta se tkun interkonnessa bis-sħiħ mal-Greċja kontinentali. Il-Greċja ċċarat li filwaqt li ċertu titjib fin-network fuq il-gżira ta’ Kreta se jsir gradwalment sa tmiem l-2028, dan mhux se jipperikola t-tlestija u l-operat tal-Fażi II tal-interkonnessjoni.

(18)

Fl-Applikazzjoni, il-Greċja sostniet li, filwaqt li l-interkonnessjoni sħiħa kienet skedata li titlesta sa tmiem l-2023, li tikkorrispondi għad-durata tad-deroga mogħtija fid-Deċiżjoni (UE) 2022/258, it-tlestija tal-proġett ġiet posposta. Skont l-iskeda ta’ żmien aġġornata ppreżentata mill-Greċja, l-interkonnessjoni sħiħa għandha titlesta sa tmiem l-2025. Il-Greċja spjegat li l-proġett qed jesperjenza dewmien sostanzjali minħabba avvenimenti li ma setgħux jiġu previsti qabel il-bidu tax-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni.

(19)

B’mod aktar speċifiku, il-Greċja sostniet li l-pandemija tal-COVID-19 ġabet dewmien konsiderevoli fl-akkwist ta’ ċerti materjali u servizzi tal-kostruzzjoni. Barra minn hekk, l-iskoperta ta’ antikitajiet sinifikanti matul ix-xogħlijiet ta’ skavar ikkawżat aktar dewmien, minħabba li l-awtoritajiet arkeoloġiċi kompetenti kellhom ikunu involuti fil-proċessi tal-għoti tal-permessi, li kienu diġà għaddejjin. Il-Greċja semmiet ukoll li s-sejba tal-kavitajiet karstiċi fiż-żona ta’ taħt l-art tal-qasam tal-kostruzzjoni kienet tfisser li x-xogħlijiet kellhom jiġu sospiżi sakemm dawk il-kavitajiet jiġu vvalutati u ttrattati b’mod suffiċjenti. Fl-aħħar nett, l-għargħar li seħħ f’Settembru 2023 ikkawża aktar dewmien għall-proġett peress li affettwa l-proċess tal-produzzjoni tal-fornitur tal-istruttura tal-azzar tal-istazzjon ta’ konverżjoni fi Kreta.

4.   VALUTAZZJONI

4.1.   Sistemi żgħar konnessi li l-operat tagħhom joħloq problemi sostanzjali

(20)

F’konformità mal-Artikolu 64 tar-Regolament (UE) 2019/943, tista’ tingħata deroga mid-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Artikolu 6, l-Artikolu 7(1), l-Artikolu 8(1) u (4), u l-Artikoli 9, 10 u 11 ta’ dak ir-Regolament f’żewġ każijiet:

(a)

għal sistemi iżolati żgħar u sistemi żgħar konnessi, jekk l-Istat(i) Membru/i jista’ juri/jistgħu juru li hemm problemi sostanzjali għall-operat ta’ dawk is-sistemi, filwaqt li f’każ bħal dan, id-deroga għandha tkun soġġetta għal kundizzjonijiet maħsuba biex iżidu l-kompetizzjoni u l-integrazzjoni fis-suq intern tal-elettriku;

(b)

għar-reġjuni ultraperiferiċi skont it-tifsira tal-Artikolu 349 tat-Trattat, jekk ma jkunux jistgħu jiġu interkonnessi mas-suq tal-enerġija tal-Unjoni għal raġunijiet fiżiċi evidenti.

(21)

F’konformità mal-Artikolu 66(1), l-ewwel subparagrafu, tad-Direttiva (UE) 2019/944, deroga mid-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Artikoli 7 u 8 u tal-Kapitoli IV, V u VI ta’ dik id-Direttiva tista’ tingħata għal sistemi iżolati żgħar u sistemi żgħar konnessi, jekk l-Istat(i) Membru/i jista’ juri/jistgħu juru li hemm problemi sostanzjali għall-operat ta’ dawk is-sistemi.

(22)

Kemm skont ir-Regolament (UE) 2019/943 kif ukoll skont id-Direttiva (UE) 2019/944, fil-każ ta’ sistemi żgħar konnessi, l-Istati Membri jeħtieġ li juru li hemm problemi sostanzjali għall-operat ta’ sistemi bħal dawn. Barra minn hekk, id-deroga jenħtieġ li tkun limitata fiż-żmien u soġġetta għal kundizzjonijiet maħsuba biex iżidu l-kompetizzjoni u l-integrazzjoni fis-suq intern tal-elettriku.

Sistema żgħira konnessa

(23)

Il-kwalifika tal-gżira ta’ Kreta bħala sistema żgħira konnessa ġiet ivvalutata fil-premessi 36 sa 40 tad-Deċiżjoni (UE) 2022/258. Peress li dik il-valutazzjoni għadha valida, il-gżira ta’ Kreta tikkwalifika bħala sistema konnessa żgħira għall-finijiet tal-Artikolu 64 tar-Regolament (UE) 2019/943 u l-Artikolu 66 tad-Direttiva (UE) 2019/944.

Problemi sostanzjali għall-operat tas-sistema

(24)

It-terminu “problemi sostanzjali” msemmi fl-Artikolu 64(1), il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2019/943 la ġie definit mil-leġiżlatur u lanqas mill-Kummissjoni fil-prattika tat-teħid tad-deċiżjonijiet tagħha. Il-formulazzjoni miftuħa tippermetti lill-Kummissjoni tqis il-problemi potenzjali kollha relatati mas-sitwazzjoni partikolari ta’ sistemi żgħar, sakemm dawn ikunu sostanzjali u mhux biss marġinali. Problemi bħal dawn jistgħu jvarjaw b’mod sinifikanti skont il-partikolaritajiet ġeografiċi, il-produzzjoni u l-konsum tas-sistema in kwistjoni, iżda wkoll abbażi tal-iżviluppi tekniċi, bħall-ħżin tal-elettriku u l-ġenerazzjoni żgħira. Barra minn hekk, dawk il-problemi sostanzjali jeħtieġ li jkunu relatati mal-operat ta’ sistemi iżolati żgħar u sistemi żgħar konnessi.

(25)

Fl-Applikazzjoni, il-Greċja spjegat il-problemi li tiltaqa’ magħhom fl-operat tas-sistema tal-elettriku fi Kreta, li kieku kellha tapplika r-Regolament (UE) 2019/943 u d-Direttiva (UE) 2019/944 fl-intier tagħhom matul il-perjodu tranżitorju. L-applikazzjoni sħiħa ta’ dawk l-atti legali tkun teħtieġ l-integrazzjoni ta’ Kreta fis-swieq Griegi tal-elettriku, permezz ta’ żona tal-offerti unika (“xenarju ta’ żona waħda tal-offerti”) jew żewġ żoni tal-offerti (“xenarju b’żewġ żoni tal-offerti”). L-isfidi relatati kif sottomessi fl-Applikazzjoni rreferew għall-istess problemi sostanzjali li kienu ġew ivvalutati mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni (UE) 2022/258.

(26)

Fil-qosor, il-Greċja enfasizzat il-problemi għall-operat tas-suq tal-elettriku fi Kreta, li kieku r-Regolament (UE) 2019/943 u d-Direttiva (UE) 2019/944 kellhom japplikaw fl-intier tagħhom.

(27)

Minn naħa waħda, l-integrazzjoni tal-parteċipanti fis-suq ta’ Kreta fis-suq Grieg tal-elettriku fix-xenarju ta’ żona waħda tal-offerti tikkawża kostijiet għoljin ta’ ridispaċċ, li fl-aħħar mill-aħħar ikollhom jitħallsu mill-konsumaturi tal-elettriku. Fi kwalunkwe każ, in-nuqqasijiet fl-infrastruttura tal-kejl ma jippermettux il-parteċipazzjoni sħiħa tal-parteċipanti fis-suq ta’ Kreta fis-swieq tal-elettriku ta’ ġurnata bil-quddiem, tal-istess ġurnata u tal-ibbilanċjar tal-Greċja. B’mod partikolari, is-sistemi tal-kejl meħtieġa mhumiex fis-seħħ u mhux se jkunu qabel l-ewwel kwart tal-2024.

(28)

Min-naħa l-oħra, il-ħolqien ta’ żona tal-offerti separata mhux biss ikun jeħtieġ investimenti addizzjonali fl-infrastruttura, li fi kwalunkwe każ ma jitlestux matul il-perjodu tad-deroga mitluba, iżda jidher ukoll li ma jkunx xieraq għal raġunijiet ta’ effiċjenza ġenerali tas-suq, l-istabbiltà u r-robustezza taż-żona tal-offerti. Barra minn hekk, lanqas ma tkun soluzzjoni proporzjonata, meta titqies id-durata limitata tad-deroga.

(29)

Fl-Applikazzjoni, il-Greċja pprovdiet ukoll ċerti aġġornamenti għall-informazzjoni sottomessa qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjoni (UE) 2022/258. Fost affarijiet oħra, hija stmat li fix-xenarji ipotetiċi ta’ żona waħda tal-offerti u żewġ żoni tal-offerti, il-kost totali tal-elettriku jkun, rispettivament, madwar EUR 190 miljun u EUR 217-il miljun ogħla meta mqabbel mal-kost reali fil-kuntest tal-mudell ibridu għal dan il-perjodu.

(30)

Huwa għalhekk meħtieġ li ssir referenza għall-valutazzjoni rispettiva fil-premessi 41 sa 48 tad-Deċiżjoni (UE) 2022/258 u li jiġi konkluż li l-Greċja wriet li hemm problemi sostanzjali għall-operat tas-sistema tal-elettriku fi Kreta bħala sistema żgħira konnessa, sakemm il-gżira tkun interkonnessa bis-sħiħ mal-grilja kontinentali, jiġifieri, sakemm titlesta l-Fażi II tal-proġett ta’ interkonnessjoni.

(31)

Il-mudell ibridu temporanju applikabbli bħalissa fi Kreta għandu l-għan li jindirizza dawk il-problemi u, għar-raġunijiet stabbiliti fil-premessa 29, jagħti benefiċċji sinifikanti meta mqabbel mal-integrazzjoni sħiħa tas-sistema ta’ Kreta fis-suq Grieg tal-elettriku matul il-perjodu tranżitorju.

4.2.   Il-kamp ta’ applikazzjoni tad-deroga mitluba

4.2.1.   L-Artikolu 6, l-Artikolu 7(1), l-Artikolu 8(1) u (4), l-Artikoli 9, 10 u 11 tar-Regolament (UE) 2019/943

4.2.1.1.   L-Applikazzjoni

(32)

Fir-rigward tal-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2019/943, il-Greċja sostniet li l-mudell ibridu attwalment applikabbli fil-gżira ta’ Kreta ma jinkludix suq tal-ibbilanċjar. Għalhekk tkun meħtieġa deroga minn dak l-Artikolu biex il-mudell ibridu jkompli japplika sakemm il-gżira ta’ Kreta tkun interkonnessa bis-sħiħ.

(33)

Fir-rigward tal-Artikolu 7(1) u l-Artikolu 8(1) u (4) tar-Regolament (UE) 2019/943, il-Greċja tinnota li l-mudell ibridu kif applikabbli bħalissa fil-gżira ta’ Kreta ma jipprevedix swieq ta’ ġurnata bil-quddiem u tal-istess ġurnata, jew negozjar f’wieħed minn dawn is-swieq. Għalhekk, skont il-Greċja, tkun meħtieġa deroga minn dawk l-Artikoli biex il-mudell ibridu jkompli japplika sakemm il-gżira ta’ Kreta tkun interkonnessa bis-sħiħ.

(34)

Bl-istess mod, b’segwitu għal dak li huwa stabbilit fil-premessa 33, il-Greċja tqis li l-integrazzjoni tas-swieq bil-quddiem, il-limiti tekniċi tal-offerti u l-valur tat-tagħbija mitlufa msemmija fl-Artikoli 9, 10 u 11 tar-Regolament (UE) 2019/943 ma japplikawx għall-mudell ibridu fil-gżira ta’ Kreta. Għalhekk, skont il-Greċja, tkun meħtieġa deroga minn dawk l-Artikoli biex il-mudell ibridu jkompli japplika sakemm il-gżira ta’ Kreta tkun interkonnessa bis-sħiħ.

4.2.1.2.   Valutazzjoni

(35)

Fir-rigward tad-deroga mitluba mill-Artikolu 6, l-Artikolu 7(1), l-Artikolu 8(1) u (4) u l-Artikoli 9, 10 u 11 tar-Regolament (UE) 2019/943, dawk id-dispożizzjonijiet jirreferu għar-rekwiżiti rigward is-swieq bil-quddiem, ta’ ġurnata bil-quddiem, tal-istess ġurnata u tal-ibbilanċjar. Abbażi tal-informazzjoni ppreżentata mill-Greċja, jidher li dawk is-swieq ma jistgħux jiġu implimentati b’mod effettiv fil-gżira ta’ Kreta meta jitqiesu l-partikolaritajiet tas-sistema tal-elettriku attwalment applikabbli f’dak it-territorju. Għalhekk, deroga minn dawk id-dispożizzjonijiet hija ġġustifikata.

4.2.2.   L-Artikolu 40(4) sa (7) tad-Direttiva (UE) 2019/944

4.2.2.1.   L-Applikazzjoni

(36)

Il-Greċja sostniet li l-mudell ibridu ma jipprovdix għal suq tal-ibbilanċjar jew għal akkwist ibbażat fuq is-suq ta’ servizzi anċillari. Sabiex il-mudell ibridu jkompli jopera fil-perjodu tranżitorju, tkun meħtieġa deroga minn dak l-Artikolu.

4.2.2.2.   Valutazzjoni

(37)

Minħabba n-nuqqas ta’ suq tal-ibbilanċjar u ta’ akkwist ibbażat fuq is-suq ta’ servizzi anċillari mhux tal-frekwenza fil-gżira ta’ Kreta, huwa ġustifikat li jkun hemm deroga mill-obbligi fl-Artikolu 40(4) sa (7) tad-Direttiva (UE) 2019/944.

4.3.   L-ebda ostaklu għat-tranżizzjoni lejn l-enerġija rinnovabbli, iż-żieda fil-flessibbiltà, il-ħżin tal-enerġija, l-elettromobbiltà u r-rispons għad-domanda

(38)

Skont l-Artikolu 64(1), il-ħames subparagrafu, tar-Regolament (UE) 2019/943 u l-Artikolu 66(2) tad-Direttiva (UE) 2019/944, deċiżjoni ta’ deroga għandha tiżgura li ma tostakolax it-tranżizzjoni lejn l-enerġija rinnovabbli, iż-żieda fil-flessibbiltà, il-ħżin tal-enerġija, l-elettromobbiltà u r-rispons tad-domanda.

(39)

Fir-rigward tat-tranżizzjoni lejn l-enerġija rinnovabbli u l-flessibbiltà akbar, inkluż ir-rispons għad-domanda, u l-ħżin tal-enerġija, ta’ min jinnota li s-swieq bil-quddiem, ta’ ġurnata bil-quddiem, tal-istess ġurnata u tal-ibbilanċjar li jiffunzjonaw tajjeb, f’konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament (UE) 2019/943 u d-Direttiva (UE) 2019/944 jenħtieġ li jipprovdu s-sinjali meħtieġa ta’ dispaċċ u l-investiment biex jiġi massimizzat l-iżvilupp potenzjali ta’ dawk it-teknoloġiji. Dan huwa mistenni li jkun il-każ ladarba l-gżira ta’ Kreta tkun interkonnessa bis-sħiħ mal-Greċja kontinentali.

(40)

Kif indikat fil-premessa 56 tad-Deċiżjoni (UE) 2022/258, qabel it-tlestija tal-Fażi I tal-interkonnessjoni, ġew applikati limitazzjonijiet tekniċi għal Kreta, li jimponu penetrazzjoni massima tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli sa 25 % tat-tagħbija, minħabba r-restrizzjonijiet tas-sigurtà operazzjonali. It-tlestija tal-Fażi I taffiet, sa ċertu punt, dik il-limitazzjoni imposta fuq l-enerġija rinnovabbli. Il-mudell ibridu jippermetti lil Kreta tesporta l-elettriku tagħha f’każ ta’ tagħbija baxxa u ġenerazzjoni għolja ta’ enerġija rinnovabbli, sabiex jiġi evitat it-tnaqqis tal-enerġija rinnovabbli. Il-Greċja ppreżentat ċifri b’appoġġ għal dik id-dikjarazzjoni, li juru li matul l-2021 u speċjalment l-2022, li mmarkat l-ewwel sena sħiħa tal-operat tal-Fażi I tal-interkonnessjoni, kien hemm żieda fil-produzzjoni tar-RES meta mqabbel mas-snin preċedenti.

(41)

Il-Greċja tinnota li d-deroga mitluba mhux se tnaqqas ir-ritmu tal-iżvilupp u t-tħejjija li diġà għaddejjin għall-installazzjoni ta’ kapaċitajiet ġodda tar-RES fil-gżira ta’ Kreta. Il-Greċja ssottomettiet ukoll li mat-tlestija tal-interkonnessjoni sħiħa, Kreta se takkomoda mill-inqas 2 150 MW ta’ RES, li, meta titqies l-installazzjoni tal-unitajiet tal-ħżin, jistgħu jiżdiedu għal 2 500 MW.

(42)

Fir-rigward taż-żieda fil-flessibbiltà, il-ħżin tal-enerġija u r-rispons għad-domanda, il-possibbiltà li jiġu offruti servizzi ta’ flessibbiltà, inkluż il-ħżin, biex tiġi appoġġata s-sistema elettrika tiddependi fuq il-kwalità tas-sinjali tal-prezzijiet u l-kapaċità tagħhom li jipprovdu investiment effiċjenti u inċentivi ta’ dispaċċ lill-fornituri ta’ dawk is-servizzi. Bħala regola, il-konġestjoni strutturali f’żona tal-offerti, li se tkun il-każ matul il-perjodu tranżizzjonali mill-Fażi I għall-Fażi II, tista’ tirriżulta f’sinjali ta’ investiment imfixkla għal servizzi ta’ flessibbiltà speċifiċi għall-post. Madankollu, f’approċċ b’żewġ żoni tal-offerti għal Kreta u l-Greċja kontinentali, is-sinjali ta’ investiment ikunu instabbli ħafna, minħabba l-perjodu ta’ żmien għat-tlestija tal-Fażi II u l-interkonnessjoni sħiħa ta’ Kreta mal-Greċja kontinentali, li se ttaffi l-konġestjoni strutturali. Għalhekk, peress li l-konnessjoni mal-kontinent se tippermetti l-provvista bbażata fuq is-suq ta’ servizzi ta’ flessibbiltà, deroga għal żmien qasir li tippermetti l-integrazzjoni rapida ta’ Kreta fis-sistema kontinentali hija ta’ benefiċċju għall-integrazzjoni tar-rispons għad-domanda, tal-ħżin tal-enerġija u ta’ sorsi oħra ta’ flessibbiltà.

(43)

L-Artikolu 64 tar-Regolament (UE) 2019/943 ma jirrikjedix li d-deċiżjonijiet ta’ deroga jimmassimizzaw il-potenzjal għall-flessibbiltà jew għall-ħżin tal-enerġija. Deroga skont dak l-Artikolu għandha biss l-għan li tiżgura li ma tfixkilx tali tranżizzjoni. Fi kliem ieħor, id-deroga ma għandhiex tipprevjeni żviluppi li, mingħajr id-deroga, iseħħu b’mod naturali. Huwa improbabbli li, fin-nuqqas tad-deroga, is-swieq li jiffunzjonaw tajjeb bil-quddiem, ta’ ġurnata bil-quddiem, tal-istess ġurnata u tal-ibbilanċjar jiżviluppaw f’kull waħda mis-sistemi tal-elettriku fil-gżira ta’ Kreta. Dan huwa minħabba l-isfidi marbuta mal-operat tas-sistemi tal-elettriku konnessi żgħar, il-livelli baxxi ħafna ta’ kompetizzjoni fil-qasam tal-ġenerazzjoni, u n-nuqqas ta’ konnessjoni mas-suq kontinentali. F’dak ir-rigward, id-durata limitata tad-deroga, u l-prontezza għal operazzjoni sħiħa tas-suq hekk kif titlesta l-Fażi II, huma ta’ importanza kbira.

(44)

Minħabba n-natura tiegħu fuq medda qasira ta’ żmien, il-mudell ibridu ma jidhirx li għandu impatt notevoli fuq l-iżvilupp ulterjuri tal-enerġija rinnovabbli, il-flessibbiltà, il-ħżin tal-enerġija, l-elettromobbiltà u r-rispons għad-domanda.

(45)

Fl-aħħar nett, l-Artikolu 64(1) tar-Regolament (UE) 2019/943 jirrikjedi li l-Kummissjoni tistabbilixxi sa liema punt id-deroga għandha tqis l-applikazzjoni tal-kodiċijiet tan-network u tal-linji gwida. F’dan il-każ, ħlief għad-dispożizzjonijiet affettwati mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-deroga spjegati fil-premessi 32 sa 37, il-kodiċijiet tan-network u l-linji gwida huma, u għandhom jibqgħu, applikabbli għall-gżira ta’ Kreta.

4.4.   Limitazzjoni tad-deroga fiż-żmien u l-kundizzjonijiet li għandhom l-għan li jżidu l-kompetizzjoni u l-integrazzjoni mas-suq intern tal-elettriku

(46)

L-Artikolu 64 tar-Regolament (UE) 2019/943 u l-Artikolu 66 tad-Direttiva (UE) 2019/944 jistabbilixxu espressament li d-deroga għandha tkun limitata fiż-żmien u għandha tkun soġġetta għal kundizzjonijiet li għandhom l-għan li jżidu l-kompetizzjoni u l-integrazzjoni mas-suq intern tal-elettriku.

(47)

Fid-dawl tar-raġunijiet imressqa mill-Greċja fil-premessa 19, it-talba l-ġdida għal deroga hija limitata għall-perjodu tranżitorju li jintemm mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2025.

(48)

Huwa mifhum li sal-31 ta’ Diċembru 2025 l-interkonnettur bejn Kreta u s-sistema kontinentali Griega huwa mistenni li jkun operattiv, flimkien mal-infrastruttura xierqa tal-kejl li tippermetti lil Kreta ssir parti mis-swieq tal-elettriku bl-ingrossa Griegi. Il-Greċja kkonfermat li mhux se jkun hemm aktar dewmien għat-tlestija tal-proġett ta’ interkonnessjoni.

4.5.   Ħin tal-effett

(49)

Filwaqt li l-Applikazzjoni waslet fit-18 ta’ Diċembru 2023, ma kienx possibbli li din id-deċiżjoni tiġi adottata qabel il-31 ta’ Diċembru 2023, f’liema punt id-deroga mogħtija fid-Deċiżjoni (UE) 2022/258 skadiet. Sabiex jiġu evitati bidliet rapidi u imprevedibbli tal-qafas regolatorju għall-perjodu bejn l-1 ta’ Jannar 2024 u d-data tal-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, li jistgħu jagħmlu ħsara serja lill-funzjonament tas-suq fil-gżira ta’ Kreta u possibbilment fil-Greċja kontinentali, din id-Deċiżjoni jenħtieġ li tapplika mid-data ta’ wara d-data tat-tmiem tad-deroga mogħtija fid-Deċiżjoni (UE) 2022/258, jiġifieri mill-1 ta’ Jannar 2024.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Tingħata deroga lir-Repubblika Ellenika mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6, l-Artikolu 7(1), l-Artikolu 8(1) u (4) u l-Artikoli 9, 10 u 11 tar-Regolament (UE) 2019/943 u mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 40(4) sa (7) tad-Direttiva (UE) 2019/944, fir-rigward tal-gżira ta’ Kreta.

Artikolu 2

Id-deroga mogħtija skont l-Artikolu 1 għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2024 sal-31 ta’ Diċembru 2025 jew sat-tlestija tal-Fażi II tal-interkonnessjoni bejn Kreta u l-Greċja kontinentali, skont liema tiġi l-ewwel.

Artikolu 3

Ir-Repubblika Ellenika għandha tinforma lill-Kummissjoni f’żewġ każijiet, l-ewwel sal-31 ta’ Diċembru 2024 u t-tieni sat-30 ta’ Ġunju 2025, dwar il-progress u l-ippjanar li jifdal fir-rigward tat-tlestija u l-operat kummerċjali tal-Fażi II tal-interkonnessjoni bejn Kreta u l-Greċja kontinentali, inkluż fir-rigward tal-varar u l-operat tal-infrastruttura tal-kejl adegwata li tippermetti l-parteċipazzjoni ta’ Kreta fis-suq Grieg tal-bejgħ bl-ingrossa u tal-ibbilanċjar.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Ellenika.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ April 2024.

Għall-Kummissjoni

Kadri SIMSON

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 158, 14.6.2019, p. 54, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/943/oj.

(2)   ĠU L 158, 14.6.2019, p. 125, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2019/944/oj.

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/258 tal-21 ta’ Frar 2022 li tagħti lir-Repubblika Ellenika deroga minn ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2019/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva (UE) 2019/944 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ Kreta (ĠU L 42, 23.2.2022, p. 92, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2022/258/oj).

(4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/1222 tal-24 ta’ Lulju 2015 li jistabbilixxi Linji Gwida dwar l-Allokazzjoni tal-Kapaċità u l-Ġestjoni tal-Konġestjoni (ĠU L 197, 25.7.2015, p. 24, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2015/1222/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/1274/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)