Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
2024/1261 |
8.5.2024 |
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/1261
tal-11 ta’ Marzu 2024
li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2020/741 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-elementi ewlenin tal-ġestjoni tar-riskju
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2020/741 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Mejju 2020 dwar rekwiżiti minimi għall-użu mill-ġdid tal-ilma (1), u b’mod partikolari t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(5) tiegħu,
Billi:
(1) |
Ir-Regolament (UE) 2020/741 jistabbilixxi r-rekwiżiti minimi għall-użu mill-ġdid tal-ilma sikur għat-tisqija agrikola. L-Artikolu 6 ta’ dak ir-Regolament jirrikjedi li l-produzzjoni u l-provvista ta’ ilma reklamat ikunu soġġetti għal permess, u li tali permess għandu jkun ibbażat fuq pjan ta’ ġestjoni tar-riskju. L-Artikolu 5(3) ta’ dak ir-Regolament jirrikjedi, min-naħa tiegħu, li l-pjanijiet ta’ ġestjoni tar-riskju għall-użu mill-ġdid tal-ilma jkunu bbażati fuq l-elementi tal-ġestjoni tar-riskju stabbiliti fl-Anness II ta’ dak ir-Regolament. |
(2) |
L-iżvilupp ta’ pjan ta’ ġestjoni tar-riskju għall-użu mill-ġdid tal-ilma jista’ jkun eżerċizzju kumpless, li jirrikjedi approċċ multidixxiplinarju u l-involviment ta’ diversi atturi fit-tħejjija tiegħu. Għal din ir-raġuni, huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti speċifikazzjonijiet tekniċi tal-elementi ewlenin tal-ġestjoni tar-riskju stabbiliti fl-Anness II tar-Regolament (UE) 2020/741 biex jiġi żgurat li l-pjanijiet ta’ ġestjoni tar-riskju għall-użu mill-ġdid tal-ilma jkunu robusti, ta’ kwalità għolja u bbażati fuq approċċ sistematiku. L-għan huwa li jiġi stabbilit f’aktar dettall kif l-awturi tal-pjan ta’ ġestjoni tar-riskju u l-assessuri tar-riskju involuti fl-istabbiliment tiegħu jenħtieġ li jikkunsidraw b’mod xieraq l-elementi ewlenin kollha permezz ta’ analiżi strutturata u komprensiva tas-sistema tal-użu mill-ġdid tal-ilma. Jenħtieġ li jkun possibbli li jintużaw il-protokolli eżistenti ta’ valutazzjoni u ġestjoni tar-riskju biex jitħejja pjan ta’ ġestjoni tar-riskju, diment li jiġu rrispettati l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi stabbiliti f’dan ir-Regolament Delegat. |
(3) |
Sabiex il-pjanijiet ta’ ġestjoni tar-riskju jipprovdu evidenza solida biex isostnu l-istabbiliment ta’ miżuri preventivi u ostakli u biex jiżguraw li t-tisqija b’ilma reklamat tkun sikura għas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali u għall-ambjent, jenħtieġ li din tkun appoġġata mill-aktar evidenza xjentifika affidabbli disponibbli u minn sorsi ta’ sostenn oħrajn, iddokumentati bis-sħiħ fil-pjan ta’ ġestjoni tar-riskju. |
(4) |
Is-sistemi tal-użu mill-ġdid tal-ilma fis-seħħ fl-Istati Membri jistgħu jvarjaw fl-istabbiliment tagħhom u jistgħu jaqdu għadd kbir ta’ utenti finali. Barra minn hekk, pjan wieħed ta’ ġestjoni tar-riskju jista’ jkopri aktar minn sistema waħda ta’ użu mill-ġdid tal-ilma, f’konformità mar-Regolament (UE) 2020/741. Jenħtieġ li l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-elementi ewlenin tal-ġestjoni tar-riskju jkunu flessibbli biżżejjed biex jakkomodaw dawn id-differenzi, filwaqt li jipprovdu ħarsa ġenerali komprensiva lejn is-sistema u informazzjoni suffiċjenti biex jagħmluha possibbli li jiġu identifikati r-riskji potenzjali kollha involuti, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-elementi ewlenin tal-ġestjoni tar-riskju stipulati fl-Anness II tar-Regolament (UE) 2020/741 huma stabbiliti fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Marzu 2024.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 177, 5.6.2020, p. 32, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2020/741/oj.
ANNESS
Speċifikazzjonijiet tekniċi tal-elementi ewlenin tal-ġestjoni tar-riskju fl-użu mill-ġdid tal-ilma
Deskrizzjoni tas-sistema tal-użu mill-ġdid tal-ilma
F’konformità mal-punt 1 tal-Anness II tar-Regolament (UE) 2020/741, id-deskrizzjoni ta’ sistema tal-użu mill-ġdid tal-ilma għandha tagħti dettalji tal-proċessi u tal-istadji differenti kollha involuti mill-bidu tat-trattament tal-ilma mormi sal-użu mill-ġdid finali fl-għelieqi agrikoli, inklużi l-aspetti kollha rilevanti għall-valutazzjoni tar-riskju. Id-deskrizzjoni għandha tkopri l-elementi kollha tas-sistema, inklużi l-infrastruttura u l-elementi tekniċi kollha, rilevanti għall-proġett speċifiku tal-użu mill-ġdid tal-ilma, inkluża informazzjoni dwar il-punti differenti minbarra l-punt ta’ konformità li fih l-ilma jiġi kkonsenjat lil attur ieħor fil-katina.
Jekk faċilità ta’ reklamazzjoni waħda sservi għadd kbir ta’ utenti finali, id-deskrizzjoni tal-pjan ta’ ġestjoni tar-riskju tista’ tikkunsidra tali utenti f’termini ġenerali, abbażi ta’ tipi differenti ta’ għelejjel jew prattiki ta’ tisqija standard fiż-żona moqdija, iżda xorta għandha tipprovdi ħarsa ġenerali lejn it-tipi possibbli ta’ utenti finali u għelejjel imsaqqija.
Jekk pjan wieħed ta’ ġestjoni tar-riskju jkopri aktar minn sistema waħda ta’ użu mill-ġdid tal-ilma, f’konformità mal-Artikolu 5(1) tar-Regolament (UE) 2020/741, id-deskrizzjoni tas-sistema tista’ tikkonsisti f’elementi bażiċi li jipprovdu ħarsa ġenerali lejn ir-riskji potenzjali involuti u li huma rilevanti għas-sistemi kollha koperti mill-pjan. Id-deskrizzjoni tista’ tirreferi għat-tipi ta’ għelejjel l-aktar imkabbra fiż-żoni moqdija, għal prattiki standard ta’ tisqija, jew għal kodiċijiet ta’ prattika tajba, filwaqt li tagħti dettalji tal-prattiki standard biex jintuża b’mod sikur ilma reklamat ta’ klassi ta’ kwalità partikolari.
Skont jekk il-faċilità ta’ reklamazzjoni hijiex l-istess bħall-impjant tat-trattament tal-ilma urban mormi li jittratta l-ilma f’konformità mal-istandards meħtieġa mir-Regolament (UE) 2020/741, jew jekk hijiex faċilità separata, id-deskrizzjoni tas-sistema tal-użu mill-ġdid tal-ilma tinvolvi l-eżaminazzjoni tal-istadji differenti fil-proċessi tat-trattament u l-analiżi ta’ punti differenti tas-sistema tal-użu mill-ġdid tal-ilma.
Id-deskrizzjoni tas-sistema tal-użu mill-ġdid tal-ilma għandha ssegwi l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi stabbiliti hawn taħt u għandha tinkludi informazzjoni dwar il-produzzjoni tal-ilma reklamat, il-ħżin (fejn rilevanti), id-distribuzzjoni, il-metodi ta’ tisqija, l-użu maħsub u l-kategoriji tal-għelejjel.
Il-produzzjoni ta’ ilma reklamat
Id-deskrizzjoni tal-proċess biex jiġi prodott ilma reklamat għandha tinkludi:
(1) |
is-sorsi tal-ilma urban mormi li jidħol fl-impjant tat-trattament tal-ilma urban mormi li jforni l-ilma għar-reklamazzjoni. Is-sorsi tal-ilma urban mormi għandhom jiġu identifikati bl-użu tad-definizzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva tal-Kunsill 91/271/KEE (1). L-ilma urban mormi jista’ jinkludi taħlita ta’ ilma domestiku mormi, ilma industrijali mormi u ilma tax-xeba’, u b’hekk skariki li jġorru tipi varji ta’ inkwinanti, patoġeni jew sustanzi oħrajn; |
(2) |
ir-referenza jew l-isem tal-impjant tat-trattament tal-ilma urban mormi li jforni l-ilma għar-reklamazzjoni, u, jekk differenti mill-faċilità ta’ reklamazzjoni, informazzjoni dwar it-tipi ta’ trattamenti mwettqa fl-impjant (primarju, sekondarju, terzjarju jew kwaternarju). |
(3) |
ir-referenza jew l-isem tal-faċilità ta’ reklamazzjoni, jekk differenti mill-impjant tat-trattament tal-ilma urban mormi, u informazzjoni dwar il-proċessi tat-trattament u t-teknoloġiji użati fil-faċilità. Għandha tiġi pprovduta wkoll informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet operazzjonali u l-parametri ta’ kontroll ta’ proċessi li huma rilevanti għall-ġestjoni tar-riskji, inklużi l-parametri ta’ kontroll għal proċessi li jittrattaw patoġeni jew inkwinanti li ġew identifikati bħala perikli f’konformità mal-punt 3 tal-Anness II tar-Regolament (UE) 2020/741. |
(4) |
karatterizzazzjoni tal-kwalità tal-ilma urban mormi li jidħol fl-impjant tat-trattament tal-ilma urban mormi, li tippermetti l-identifikazzjoni tal-parametri li huma rilevanti għall-kwalità tal-ilma reklamat u li jistgħu jsiru perikli skont it-tifsira tal-punt 3 tal-Anness II tar-Regolament (UE) 2020/741. Il-karatterizzazzjoni tista’ tiddeskrivi l-kwalità tal-ilma f’punti differenti tas-sistema tal-użu mill-ġdid tal-ilma, filwaqt li tindirizza varjazzjonijiet possibbli minħabba avvenimenti perikolużi, fallimenti tas-sistema jew varjazzjonijiet staġunali. Dawn il-punti jistgħu jkunu:
Il-karatterizzazzjoni tal-kwalità tal-ilma għandha tkopri:
|
(5) |
il-volum tal-ilma li jidħol fl-impjant tat-trattament tal-ilma urban mormi u li jgħaddu mis-sistema tal-użu mill-ġdid tal-ilma fuq sena (jiġifieri fluss minimu, massimu u medju), inkluża kwalunkwe informazzjoni dwar il-varjabbiltà tal-fluss minħabba avvenimenti tat-temp jew avvenimenti oħrajn (staġun turistiku) li jista’ jaffettwa b’mod sinifikanti l-volum u l-kwalità tal-ilma reklamat, fejn rilevanti. Jekk tintuża biss parti mill-ilma urban mormi ttrattat biex jiġi prodott l-ilma reklamat, din l-informazzjoni għandha tkun limitata għall-volumi tal-ilma li jidħlu fil-faċilità ta’ reklamazzjoni jew li jirriżultaw mill-istadju ta’ trattament sekondarju u li jintużaw biex jipproduċu l-ilma reklamat; |
(6) |
l-identifikazzjoni tal-punt ta’ konformità fis-sistema tal-użu mill-ġdid tal-ilma. |
Il-ħżin
Is-sistemi ta’ ħżin jistgħu jintużaw biex jaħżnu l-ilma reklamat qabel ma jiġi ttrasportat u kkunsinnat jew wara l-kunsinna tiegħu lill-utent finali. Jekk jintużaw sistemi ta’ ħżin, l-informazzjoni li trid tiġi pprovduta għandha tinkludi l-elementi li ġejjin:
(1) |
it-tipi ta’ sistemi ta’ ħżin (magħluqa jew miftuħa, inklużi l-miżuri fis-seħħ biex tiġi evitata l-kontaminazzjoni inkroċjata ma’ sorsi oħrajn ta’ tniġġis, inkluż l-ilma tax-xeba’ mill-industrija u mill-biedja); |
(2) |
il-mod operattiv tas-sistema (operazzjonali jew staġunali); |
(3) |
il-ħinijiet residenzjali medji; |
(4) |
l-istrateġiji ta’ ġestjoni għall-kontroll tal-kwalità fiżika, kimika u bijoloġika tal-ilma reklamat, inkluż it-tkabbir mill-ġdid tal-batterji jew it-tkabbir tal-alga. |
Id-distribuzzjoni
L-informazzjoni dwar id-distribuzzjoni tal-ilma reklamat li trid tiġi pprovduta għandha tinkludi l-elementi li ġejjin:
(1) |
informazzjoni dwar is-sistemi tal-ippompjar; |
(2) |
it-tipi ta’ pipelines, kanali jew mezzi oħra ta’ distribuzzjoni użati; |
(3) |
is-sistemi ta’ ġestjoni u l-istrateġiji għall-kontroll tal-kwalità fiżika, kimika u bijoloġika tal-ilma reklamat, inkluż it-tkabbir mill-ġdid tal-batterji jew it-tkabbir tal-alga; |
(4) |
miżuri biex tiġi evitata l-kontaminazzjoni inkroċjata mas-sistema tal-ilma tax-xorb jew mas-sistema tad-drenaġġ jew ma’ kwalunkwe sors ieħor ta’ tniġġis, inkluż l-ilma tax-xeba’ mill-industrija jew mill-biedja f’każ ta’ kanali miftuħa, fejn rilevanti. |
Metodi ta’ tisqija
L-informazzjoni dwar il-metodi ta’ tisqija li trid tiġi pprovduta għandha tinkludi:
(1) |
deskrizzjoni tal-metodi ta’ tisqija fiż-żona moqdija, diġà fis-seħħ jew ippjanati, b’kunsiderazzjoni tal-fatt li jistgħu jintużaw metodi differenti skont l-istaġun jew id-disponibbiltà tal-ilma. Jekk l-utenti finali jkunu għadhom ma ġewx identifikati jew jekk numru kbir minnhom ikunu moqdija minn faċilità ta’ reklamazzjoni waħda, l-informazzjoni tista’ tikkonsisti f’informazzjoni ġenerali dwar it-tipi ta’ tisqija tipiċi jew użati aktar ta’ spiss fiż-żona moqdija u tinkludi preskrizzjonijiet fuq il-metodu ta’ tisqija meħtieġ biex tintuża b’mod sikur klassi partikolari tal-kwalità tal-ilma reklamat fuq ċerti tipi ta’ għelejjel. Il-metodi ta’ tisqija għandhom jiġu kklassifikati fil-kategoriji ta’ hawn taħt:
Aktar informazzjoni, rilevanti għall-identifikazzjoni tar-rotot ta’ esponiment għall-popolazzjoni jew l-ambjent kif imsemmi fil-punt 4 tal-Anness II tar-Regolament (UE) 2020/741, li għandha tiġi pprovduta, jekk rilevanti, għat-tip ta’ metodu ta’ tisqija użat, għandha tinkludi, fejn applikabbli:
|
L-użu maħsub u l-kategoriji ta’ għelejjel
L-informazzjoni li trid tiġi pprovduta għandha tinkludi:
(1) |
l-użi maħsuba tal-ilma reklamat (f’konformità mal-klassijiet seletti tal-kwalità tal-ilma reklamat, il-kategoriji tal-għelejjel u l-metodi ta’ tisqija fil-mira stabbiliti fit-Tabella 1 tal-Anness I tar-Regolament (UE) 2020/741), il-punti tal-użu, kif ukoll il-proċedura, il-perjodi u l-frekwenza ta’ tħawwil u ħsad prevalenti, u l-metodu prevalenti tat-trobbija tal-għelejjel fiż-żona moqdija. Jekk ikunu għadhom ma ġewx identifikati utenti finali jew użi speċifiċi jew jekk għadd kbir ta’ utenti jiġu moqdija minn faċilità ta’ reklamazzjoni waħda, l-informazzjoni tista’ tkun ibbażata fuq l-użu maħsub tal-ilma reklamat f’żona speċifika jew fuq l-aktar prattiki agrikoli u għelejjel komuni f’din iż-żona. L-informazzjoni tista’ tkun tikkonsisti wkoll fi preskrizzjonijiet dwar kif klassi partikolari tal-kwalità tal-ilma reklamat tista’ tintuża b’mod sikur għal ċerti tipi ta’ għelejjel u taħt ċerti kundizzjonijiet. It-tipi ta’ għelejjel, indikati bħala kategoriji fit-Tabella 1 tal-Anness I tar-Regolament (UE) 2020/741, għandhom jiġu deskritti f’konformità mal-użu maħsub tal-għalla:
|
(2) |
jekk rilevanti, informazzjoni dwar trattamenti addizzjonali jew ostakli xierqa msemmija fil-punt (c) tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) 2020/741, applikati għall-ilma reklamat wara l-punt ta’ konformità, inkluż, fejn rilevanti, fl-infrastruttura tad-distribuzzjoni jew tal-ħżin u fl-għelieqi msaqqija, użati biex jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-kwalità stabbiliti fit-Tabella 2 tal-Anness I tar-Regolament (UE) 2020/741. |
(3) |
jekk rilevanti, informazzjoni dwar sorsi oħrajn ta’ ilma maħsub biex jitħallat mal-ilma reklamat, kif ukoll dwar punti ta’ taħlit, karatteristiċi ta’ kwantità u kwalità u kwalunkwe varjabbiltà rilevanti għall-valutazzjoni tar-riskji, speċjalment meta t-taħlit jintuża bħala ostaklu. Jekk l-utenti finali jkunu għadhom ma ġewx identifikati jew jekk għadd kbir minnhom ikunu moqdija minn faċilità ta’ reklamazzjoni waħda, l-informazzjoni tista’ tikkonsisti f’informazzjoni ġenerali dwar prattiki ta’ taħlit tipiċi fiż-żona moqdija u tinkludi preskrizzjonijiet biex tiġi żgurata s-sikurezza ta’ din il-prattika. |
(4) |
il-firxa ta’ flussi ta’ ilma reklamat li mistenni jiġi fornut u kwalunkwe varjabbiltà staġunali, u l-perjodu ta’ użu (temporanju jew ad hoc), f’konformità mal-iskeda tat-tisqija. |
L-identifikazzjoni tal-partijiet kollha involuti fis-sistema tal-użu mill-ġdid tal-ilma u deskrizzjoni tar-rwoli u r-responsabbiltajiet tagħhom
F’konformità mal-punt 2 tal-Anness II tar-Regolament (UE) 2020/741, il-partijiet involuti f’kull komponent tas-sistema tal-użu mill-ġdid tal-ilma u r-responsabbiltajiet tagħhom għandhom jiġu identifikati b’mod korrett għal kull parti tas-sistema.
Dan il-pass għandu jidentifika għal kull parti:
— |
l-azzjonijiet li għalihom hija responsabbli l-parti; |
— |
il-post jew il-pass fis-sistema tal-użu mill-ġdid tal-ilma fejn jeħtieġ li jsiru l-azzjonijiet; |
— |
il-ħin li fih isiru l-azzjonijiet. |
Skont it-twaqqif tas-sistema speċifika tal-użu mill-ġdid tal-ilma, il-partijiet li ġejjin jistgħu jkunu involuti fis-sistema tal-użu mill-ġdid tal-ilma:
(1) |
operaturi tal-faċilità ta’ reklamazzjoni u tal-impjant tat-trattament tal-ilma urban mormi, fejn differenti mill-faċilità ta’ reklamazzjoni, inklużi operaturi pubbliċi jew privati tal-utilità tal-ilma; |
(2) |
operaturi ta’ faċilitajiet għall-ħżin u d-distribuzzjoni tal-ilma reklamat, fejn rilevanti; |
(3) |
operaturi li jsaqqu l-għelieqi bl-ilma reklamat, inklużi bdiewa, assoċjazzjonijiet ta’ bdiewa, jew konsorzji ta’ irrigaturi; |
(4) |
l-awtoritajiet rilevanti, minbarra l-awtorità kompetenti maħtura, jew korpi, inklużi awtoritajiet tal-ilma, awtoritajiet tas-saħħa pubblika, awtoritajiet ambjentali; |
(5) |
partijiet oħrajn li jista’ jkollhom responsabbiltà fi kwalunkwe parti mis-sistema tal-użu mill-ġdid tal-ilma jew li huma bbażati fiż-żona lokali. |
Ir-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-partijiet involuti f’sistema ta’ użu mill-ġdid tal-ilma għandhom jinkludu:
Partijiet involuti |
Rwoli u responsabbiltajiet |
Operatur ta’ faċilità ta’ reklamazzjoni (u operatur ta’ impjant tat-trattament tal-ilma urban mormi, jekk differenti) |
Iħaddem, jimmaniġġa u jagħmel il-manutenzjoni tal-faċilità ta’ reklamazzjoni (u l-impjant tat-trattament tal-ilma urban mormi, jekk differenti) u jiżgura t-tħaddim tajjeb tat-trattamenti u l-proċessi kollha. Jiżgura li fil-punt ta’ konformità, l-ilma reklamat jissodisfa r-rekwiżiti minimi għall-kwalità u l-monitoraġġ stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2020/741, f’konformità mal-klassijiet tal-kwalità tal-ilma reklamat u l-permessi. Jiżgura li fil-punt ta’ konformità, l-ilma reklamat jissodisfa kwalunkwe kundizzjoni rilevanti addizzjonali għall-kwalità tal-ilma u l-monitoraġġ stabbilita mill-awtorità kompetenti fil-permess, f’konformità mal-pjan ta’ ġestjoni tar-riskju. Iħejji jew jgħin fit-tħejjija (mal-partijiet responsabbli l-oħrajn u l-utenti finali, kif xieraq), jirrieżamina u jaġġorna l-pjan ta’ ġestjoni tar-riskju, b’mod partikolari l-partijiet rilevanti għall-produzzjoni u l-provvista tal-ilma reklamat. Jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiġġestixxi r-riskji fil-faċilità ta’ reklamazzjoni (jew fl-impjant tat-trattament tal-ilma urban mormi, jekk differenti) kif stabbilit fil-pjan ta’ ġestjoni tar-riskju. Jimmaniġġa l-emerġenzi fil-faċilità ta’ reklamazzjoni (jew fl-impjant tat-trattament tal-ilma urban mormi, jekk differenti) kif stabbilit fil-pjan ta’ ġestjoni tar-riskju. Jiżgura l-komunikazzjoni xierqa ma’ partijiet oħrajn, inkluż waqt sitwazzjonijiet ta’ emerġenza. |
Operaturi ta’ faċilitajiet ta’ ħżin u distribuzzjoni ta’ ilma reklamat |
Iħejju jew jgħinu fit-tħejjija, jirrieżaminaw u jaġġornaw il-parti tal-pjan ta’ ġestjoni tar-riskju rilevanti għall-ħżin u d-distribuzzjoni tal-ilma reklamat. Iħaddmu u jagħmlu l-manutenzjoni tas-sistemi ta’ ħżin u distribuzzjoni tal-ilma reklamat, u kwalunkwe ostaklu addizzjonali fis-seħħ, meta applikabbli. Jimmaniġġja l-emerġenzi fis-sistemi tal-ħżin u tad-distribuzzjoni tal-ilma reklamat, kif stabbilit fil-pjan ta’ ġestjoni tar-riskju. Jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jimmaniġġaw ir-riskji mis-sistema ta’ ħżin u distribuzzjoni, f’konformità mal-pjan ta’ ġestjoni tar-riskju. Jiżguraw il-komunikazzjoni xierqa ma’ partijiet oħrajn, inkluż waqt sitwazzjonijiet ta’ emerġenza. |
Utenti finali |
Isaqqu l-għelejjel b’ilma reklamat skont il-klassijiet tal-kwalità tal-ilma reklamat. Iħaddmu u jżommu s-sistemi ta’ tisqija u kwalunkwe miżura preventiva u ostaklu fis-seħħ. Iħejju jew jgħinu fit-tħejjija, jirrieżaminaw u jaġġornaw il-pjan ta’ ġestjoni tar-riskju għat-tisqija tal-għelejjel b’ilma reklamat. Jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiġġestixxu r-riskji assoċjati mal-metodi ta’ tisqija u l-ostakli, f’konformità mal-pjan ta’ ġestjoni tar-riskju. Jiżguraw il-komunikazzjoni xierqa ma’ partijiet oħrajn, inkluż waqt sitwazzjonijiet ta’ emerġenza. |
Awtoritajiet (minbarra l-awtorità kompetenti maħtura) |
Jesprimu opinjoni, jew jgħinu fit-tħejjija, kif xieraq, dwar il-pjan ta’ ġestjoni tar-riskju u dwar il-valuri ta’ limitu għall-parametri rilevanti għall-kwalità u l-monitoraġġ tal-ilma reklamat stabbiliti fil-pjan ta’ ġestjoni tar-riskju. Jikkondividu informazzjoni mal-awtorità kompetenti maħtura. |
L-identifikazzjoni ta’ perikli potenzjali u avvenimenti perikolużi
F’konformità mal-punt 3 tal-Anness II tar-Regolament (UE) 2020/741, għandu jiġi identifikat kwalunkwe periklu jew avveniment perikoluż li jinħoloq mis-sistema tal-użu mill-ġdid tal-ilma li jista’ jippreżenta riskju għas-saħħa pubblika jew għall-ambjent.
Perikli
Il-perikli potenzjali preżenti fl-ilma reklamat, inklużi l-inkwinanti, il-patoġeni jew sustanzi oħrajn, li jistgħu jippreżentaw riskju għas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali, għall-għelejjel u għall-ambjent, inklużi l-flora u l-fawna tiegħu, għandhom jiġu identifikati abbażi tal-karatteristiċi kwalitattivi tas-sorsi tal-ilma mormi, kif stabbilit fid-deskrizzjoni tas-sistema (il-punt 1 tal-Anness II tar-Regolament (UE) 2020/741), billi jintgħażlu dawk il-patoġeni, l-inkwinanti jew sustanzi oħrajn li jistgħu jippreżentaw riskju għas-saħħa jew għall-ambjent jekk ma jitneħħewx mill-ilma reklamat. Dawn il-perikli jistgħu jinkludu:
(1) |
patoġeni (inklużi batterji, viruses, protożoa u elminti) responsabbli għal tifqigħat ta’ mard trażmess mill-ilma fil-bnedmin u fl-annimali u effetti oħrajn fuq is-saħħa, kull meta jkun iġġustifikat, u inkwinanti li huma ġeneralment preżenti fl-ilma urban mormi; |
(2) |
patoġeni, inkwinanti jew sustanzi oħrajn assoċjati ma’ skariki industrijali, jew ma’ ilma tax-xeba’ urban minn uċuħ ikkontaminati fis-sistema ta’ ġbir urbana, fejn rilevanti, li jistgħu jakkumulaw f’konċentrazzjonijiet għoljin fl-ilma urban mormi u, b’hekk, jaffettwaw l-użu ta’ ilma reklamat; |
(3) |
patoġeni, inkwinanti jew sustanzi oħrajn identifikati billi jitqiesu r-rekwiżiti elenkati fil-punt 5 tal-Anness II tar-Regolament (UE) 2020/741, jew rekwiżiti oħrajn stabbiliti fil-leġiżlazzjoni lokali, nazzjonali jew tal-UE rilevanti, kundizzjonijiet speċifiċi għas-sit u jekk l-ilma reklamat jistax jilħaq riċetturi sensittivi. Dawn ir-rekwiżiti jistgħu jinkludu l-aspetti li ġejjin:
|
(4) |
il-patoġeni, l-inkwinanti jew is-sustanzi potenzjalment preżenti fl-ilma reklamat li jistgħu jagħmlu ħsara lill-ħamrija u lill-għelejjel imsaqqija u li huma identifikati f’konformità mal-istandard ISO 16075-1:2020 (3) jew kwalunkwe linja gwida għat-tisqija agrikola, inklużi: (i) sustanzi kimiċi, bħall-imlieħ solubbli totali, is-sodju, il-klorur, il-boron, u l-joni b’tossiċità speċifika; (ii) elementi kimiċi oħrajn u patoġeni; u (iii) nutrijenti; |
(5) |
inkwinanti, li għadhom ma humiex regolati (inklużi mikro-plastiks jew kontaminanti ta’ tħassib emerġenti), identifikati fl-ilma reklamat u rilevanti għall-kuntest speċifiku tas-sistema ta’ użu mill-ġdid tal-ilma. |
Avvenimenti perikolużi
Avveniment perikoluż huwa sitwazzjoni li tista’ twassal għall-preżenza ta’ periklu jew taggrava l-impatt negattiv ta’ periklu.
Sitwazzjoni jew inċident f’sistema ta’ użu mill-ġdid tal-ilma jistgħu jwasslu għal patoġenu, inkwinant jew sustanza oħra identifikata bħala potenzjalment ta’ ħsara: (i) li jiġu introdotti; (ii) li jiġu rilaxxati; (iii) li jsiru aktar ikkonċentrati; jew (iv) li jonqsu milli jitneħħew. Bħala minimu, għandhom jiġu kkunsidrati l-avvenimenti perikolużi li ġejjin:
(1) |
nuqqas ta’ miżuri preventivi fil-faċilità ta’ reklamazzjoni (jew fl-impjant tat-trattament tal-ilma urban mormi, jekk differenti), f’sistemi ta’ ħżin u distribuzzjoni, jew fl-għalqa. Dan jista’ jseħħ:
|
(2) |
skariki aċċidentali jew mhux xierqa (jew illegali) li jistgħu jwasslu għal konċentrazzjonijiet mhux ikkontrollati ta’ patoġeni, inkwinanti jew sustanzi oħrajn fis-sistema tad-drenaġġ u fl-effluwent mill-impjant tat-trattament tal-ilma urban mormi, u li jistgħu jaffettwaw il-kwalità tal-ilma reklamat; |
(3) |
żbalji umani kkawżati minn taħriġ jew informazzjoni inadegwati dwar l-użi permessi; |
(4) |
bidliet staġunali jew kundizzjonijiet estremi tat-temp, fejn rilevanti (inklużi għargħar jew nixfiet); |
(5) |
okkorrenzi siżmiċi; |
(6) |
atti ta’ vandaliżmu jew terroriżmu (inklużi attakki ċibernetiċi fuq l-infrastruttura). |
Identifikazzjoni tal-ambjenti u l-popolazzjonijiet f’riskju, u r-rotot ta’ esponiment għall-perikli potenzjali identifikati
F’konformità mal-punt 4 tal-Anness II tar-Regolament (UE) 2020/741, l-ambjenti u l-popolazzjonijiet f’riskju u r-rotot ta’ esponiment għandhom jiġu identifikati għal kull periklu jew grupp ta’ perikli u avvenimenti perikolużi identifikati fis-sistema tal-użu mill-ġdid tal-ilma, mill-punt tad-dħul fl-impjant tat-trattament tal-ilma urban mormi sa u inkluż il-punt tal-użu fl-għelieqi.
Popolazzjonijiet
Bħala minimu, għandhom jiġu kkunsidrati l-popolazzjonijiet li ġejjin li jistgħu jkunu esposti għall-perikli preżenti fl-ilma reklamat permezz ta’ rotot ta’ esponiment potenzjali:
(1) |
l-operaturi u l-ħaddiema tal-faċilità ta’ reklamazzjoni (jew tal-impjant tat-trattament tal-ilma urban mormi, jekk differenti), u tal-faċilitajiet ta’ ħżin u distribuzzjoni, jekk applikabbli; |
(2) |
l-utenti finali fl-għelieqi msaqqija; |
(3) |
ir-residenti u l-ħaddiema mill-komunità lokali jew persuni fil-qrib (inklużi nies li inċidentalment ikunu jinsabu ġewwa jew qrib is-sistema tal-użu mill-ġdid tal-ilma, li l-preżenza tagħhom ma tkunx relatata mas-sistema u li ma jieħdu l-ebda azzjoni biex inaqqsu l-esponiment, il-ħaddiema jew l-utenti ta’ attivitajiet fil-qrib) li jistgħu aċċidentalment ikunu esposti għal ilma reklamat (inkluż billi jieħdu sehem f’attivitajiet ta’ rikreazzjoni fuq jew qrib kanali miftuħa li jistgħu jirċievu ilma reklamat, jew billi jkunu esposti għal qtar ta’ ilma reklamat minn sistemi ta’ tisqija bil-friefet). |
Ambjenti
Bħala minimu, għandhom jiġu kkunsidrati l-kompartimenti ambjentali li ġejjin li potenzjalment jistgħu jiġu affettwati mill-użu ta’ ilma reklamat:
(1) |
ilmijiet tal-wiċċ, korpi tal-ilma ta’ taħt l-art jew ilmijiet kostali u l-ekosistemi akkwatiċi tagħhom fil-qrib tas-sistema tal-użu mill-ġdid tal-ilma; |
(2) |
riżorsi tal-ilma użati għall-provvista ta’ ilma tax-xorb, inklużi ġibjuni tal-ilma għall-provvista ta’ ilma tax-xorb (jiġifieri żoni protetti tal-ilma tax-xorb), fil-qrib tas-sistema tal-użu mill-ġdid tal-ilma; |
(3) |
ħamrija u għelejjel tal-għalqa msaqqija u tal-għelieqi tal-madwar; |
(4) |
ekosistemi u/jew żoni protetti (inklużi dawk stabbiliti skont id-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) u żoni protetti oħrajn għall-konservazzjoni tan-natura) u fawna u flora terrestri u akkwatiċi assoċjati tal-kompartimenti ambjentali identifikati fil-qrib tas-sistema tal-użu mill-ġdid tal-ilma; |
(5) |
żoni sensittivi għan-nutrijenti u żoni vulnerabbli għan-nitrati fil-qrib tas-sistema tal-użu mill-ġdid tal-ilma. |
Rotot ta’ esponiment
Ir-rotot ta’ esponiment għandhom jiġu vvalutati wara li jiġi kkunsidrat il-kuntest lokali (inklużi, jekk rilevanti, l-estensjoni taż-żona moqdija, il-post fejn jinsabu ż-żoni urbani jew agglomerazzjonijiet oħrajn, il-kundizzjonijiet ġeografiċi u topografiċi), il-metodi ta’ tisqija, l-idroġeoloġija u l-kundizzjonijiet klimatiċi u tat-temp tas-sit.
Għandhom jiġu kkunsidrati r-rotot ta’ esponiment li ġejjin, li jistgħu jkunu intenzjonati jew mhux intenzjonati (jiġifieri aċċidentali), diretti jew indiretti, u li jistgħu jinvolvu riskju għas-saħħa, fejn rilevanti:
(1) |
inġestjoni ta’ ilma reklamat, direttament jew indirettament permezz ta’ għelejjel, ħamrija jew oġġetti li jkunu ġew f’kuntatt ma’ ilma reklamat; |
(2) |
kuntatt ma’ ilma reklamat (il-ġilda jew l-għajnejn), direttament jew indirettament permezz ta’ għelejjel, ħamrija jew oġġetti li jkunu ġew f’kuntatt ma’ ilma reklamat; |
(3) |
inalazzjoni ta’ ilma reklamat (aerosol). |
Għandhom jiġu kkunsidrati r-rotot ta’ esponiment li ġejjin, li jistgħu jkunu intenzjonati jew mhux intenzjonati, diretti jew indiretti, u li jistgħu jinvolvu riskju ambjentali, fejn rilevanti:
(1) |
infiltrazzjoni ta’ ilma reklamat fl-ilma ta’ taħt l-art permezz ta’ tnixxijiet (inkluż minn pipelines u sistemi ta’ ħżin), permezz ta’ tisqija jew wara avvenimenti ta’ xita qawwija; |
(2) |
ilma tax-xeba’ ta’ ilma reklamat lejn ilmijiet tal-wiċċ jew kostali permezz ta’ tnixxijiet (inkluż minn pipelines u sistemi ta’ ħżin) jew permezz ta’ tisqija; |
(3) |
ilma tax-xeba’ ta’ ilma reklamat lejn żoni sensittivi għan-nutrijenti u żoni vulnerabbli għan-nitrati jew żoni protetti (kif identifikati hawn fuq) permezz ta’ tnixxijiet (inkluż minn pipelines u sistemi ta’ ħżin) jew permezz ta’ tisqija. |
Sabiex jiġu identifikati r-rotot ta’ esponiment għal riskji ambjentali u l-gruppi esposti, għandhom jiġu kkunsidrati l-kundizzjonijiet speċifiċi għas-sit li ġejjin tas-sistema tal-użu mill-ġdid tal-ilma:
(1) |
il-kundizzjonijiet ġeoloġiċi, idroġeoloġiċi u idroloġiċi fiż-żona, inkluż il-preżenza ta’ akwifer mhux konfinat jew taħlita ta’ akwifer konfinat u mhux konfinat, u sistemi ta’ astrazzjoni ta’ ilma ta’ taħt l-art (inklużi l-karatteristiċi ewlenin tagħhom, pereżempju, id-distanza għaż-żoni msaqqija, it-tip ta’ sistema, l-użu ta’ sistema ta’ ppompjar jew bir artesjan, l-użi tal-ilma); |
(2) |
il-preżenza, il-karatteristiċi u l-użi tal-ilmijiet tal-wiċċ, inkluża r-rata minima ta’ fluss meħtieġa, il-varjazzjonijiet tal-fluss staġunali, il-kontribut tal-iskariki mill-impjant tat-trattament tal-ilma mormi; |
(3) |
l-istruttura u l-proprjetajiet tal-ħamrija skont il-fattizzi pedoloġiċi taż-żona; |
(4) |
il-preżenza ta’ żoni permeabbli (inkluża informazzjoni dwar tipi ta’ veġetazzjoni, imsaġar) u ta’ uċuħ impermeabbli (inklużi spazju għal parkeġġ jew toroq); |
(5) |
bidliet fil-kundizzjonijiet tat-temp tipiċi: temperaturi, preċipitazzjoni, umdità, riħ. |
Valutazzjoni tar-riskji għall-ambjent u għas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali
Il-valutazzjoni tar-riskji għall-ambjent f’konformità mal-punt 5 tal-Anness II tar-Regolament (UE) 2020/741 għandha tinkludi dawn li ġejjin:
(1) |
analiżi tar-rotot potenzjali ta’ esponiment għall-kompartimenti ambjentali (identifikati f’konformità mal-punt 4 tal-Anness II tar-Regolament (UE) 2020/741) u tal-(grupp ta’) perikli korrispondenti (identifikati f’konformità mal-punt 3 tal-Anness II tar-Regolament (UE) 2020/741); |
(2) |
skrinjar tal-perikli (patoġeni, inkwinanti u sustanzi oħrajn identifikati fl-ilma reklamat) fl-isfond tal-istandards tal-kwalità ambjentali rilevanti jew kwalunkwe limitu ieħor stabbilit fil-leġiżlazzjoni lokali, nazzjonali u tal-UE għal patoġeni, inkwinanti jew sustanzi oħrajn rilevanti għal kompartiment ambjentali partikolari (inklużi l-ilma ta’ taħt l-art, l-ilma tal-wiċċ, il-ħamrija, l-għelejjel) meta jiġu kkunsidrati kundizzjonijiet speċifiċi għas-sit u tiġi ddeterminata l-konċentrazzjoni permissibbli tal-periklu fl-ilma reklamat; |
(3) |
valutazzjoni tal-medda ta’ esponiment abbażi tal-konċentrazzjoni ta’ kull periklu identifikat fl-ilma reklamat, ir-rotot ta’ esponiment u l-livelli ta’ esponiment, ikklassifikati skont il-probabbiltà u s-severità tagħhom, iddeterminati billi jitqiesu l-metodu u l-prattiki ta’ tisqija, kif ukoll il-volum, il-frekwenza u d-durata tat-tisqija; |
(4) |
valutazzjoni tal-probabbiltà li periklu partikolari jilħaq korp tal-ilma, bl-użu tal-metodu propost mill-istandard ISO 16075-1:2020, li jivvaluta l-vulnerabbiltà tal-ilma ta’ taħt l-art u tal-ilma tal-wiċċ għall-infiltrazzjoni jew l-ilma tax-xeba’ tal-ilma riklamat, billi titqies l-idroġeoloġija tas-sit, jew billi jiġu applikati l-linji gwida tal-Kummissjoni biex tiġi appoġġata l-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2020/741 jew kwalunkwe metodu ekwivalenti ieħor; |
(5) |
karatterizzazzjoni tar-riskji ambjentali għal kull periklu jew grupp ta’ perikli identifikat u għal kull rotta ta’ esponiment u avveniment perikoluż; |
(6) |
valutazzjoni tal-probabbiltà ta’ esponiment u s-severità tal-konsegwenzi bl-użu ta’ matriċijiet tar-riskju li jikkombinaw il-probabbiltà u s-severità, inklużi dawk proposti fl-istandard ISO 20426: 2018 (5), jew fil-Manwal dwar l-Ippjanar tas-Sikurezza tad-Drenaġġ (6) tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO), jew fil-linji gwida tal-Kummissjoni biex tiġi appoġġata l-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2020/741 u fil-gwida teknika mħejjija miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (2022) (7); |
(7) |
valutazzjoni tar-riskji għall-ħamrija jew għall-għelejjel ibbażata fuq il-valuri ta’ referenza eżistenti ta’ parametri ta’ tħassib agronomiku skont il-kuntest lokali (inklużi t-tip ta’ ħamrija u l-aċidità tal-ħamrija), inklużi dawk stabbiliti fl-istandard ISO 16075-1:2020 jew l-ekwivalenti. |
Il-valutazzjoni tar-riskji għas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali f’konformità mal-punt 5 tal-Anness II tar-Regolament (UE) 2020/741 għandha tinkludi dawn li ġejjin:
(1) |
analiżi tar-rotot potenzjali ta’ esponiment għall-popolazzjonijiet (identifikati f’konformità mal-punt 4 tal-Anness II tar-Regolament (UE) 2020/741), u l-(grupp ta’) perikli korrispondenti (identifikati f’konformità mal-punt 3 tal-Anness II tar-Regolament (UE) 2020/741); |
(2) |
meta rilevanti, evalwazzjoni tar-relazzjonijiet bejn id-doża u r-rispons biex jiġi ddeterminat ir-rispons ta’ popolazzjoni li tkun esposta għal ċerta konċentrazzjoni ta’ periklu u l-probabbiltà ta’ effetti negattivi potenzjali fuq is-saħħa ta’ severità ddeterminata, billi jiġu kkunsidrati, bħala minimu, il-patoġeni fl-ilma reklamat li jistgħu jikkawżaw problemi ta’ saħħa (jiġifieri effett negattiv ikkawżat minn sustanza f’organiżmu ħaj) lill-popolazzjonijiet esposti (inklużi operaturi jew bdiewa); |
(3) |
valutazzjoni tal-firxiet potenzjali ta’ doża jew esponiment rilevanti għas-saħħa tal-bniedem u għas-saħħa tal-annimali abbażi tal-patoġeni, l-inkwinanti u sustanzi oħrajn preżenti fl-ilma reklamat u l-konċentrazzjonijiet tagħhom, filwaqt li jitqiesu t-tipi ta’ għelejjel (għelejjel mhux ipproċessati kkonsmati jew għelejjel tal-ikel ipproċessati) u l-metodi u l-prattika għat-tisqija (inklużi l-frekwenza u d-durata tat-tisqija); |
(4) |
karatterizzazzjoni tar-riskji għas-saħħa għal kull periklu jew grupp ta’ perikli identifikati u għal kull rotta ta’ esponiment u avveniment perikoluż; |
(5) |
valutazzjoni tal-probabbiltà ta’ esponiment u s-severità tal-konsegwenzi, bl-użu tal-metodi stabbiliti fl-istandard ISO 20426:2018 jew fil-Manwal tal-WHO dwar l-Ippjanar tas-Sikurezza tad-Drenaġġ jew kwalunkwe metodu ekwivalenti ieħor. |
Tipi ta’ valutazzjoni tar-riskju
Filwaqt li jistgħu jintużaw metodi kwalitattivi biex jiġu vvalutati r-riskji u jistgħu jiġu segwiti l-linji gwida u l-istandards ippubblikati (8) (inklużi l-linji gwida tal-WHO tal-2016 (9), l-istandard ISO 20426: 2018 u l-linji gwida tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura (FAO) u tal-WHO tal-2019 (10)), il-metodi kwantitattivi msemmija fil-punt 5 tal-Anness II tar-Regolament (UE) 2020/741 għandhom jintużaw jekk tkun disponibbli biżżejjed data għaż-żona ġeografika fejn hija proposta s-sistema speċifika tal-użu mill-ġdid tal-ilma, jew jekk proġett ikun probabbli li jippreżenta riskju għoli għall-ambjent jew għas-saħħa pubblika.
Jistgħu jintużaw ukoll metodi kwantitattivi biex jiġi vvalutat biss periklu speċifiku marbut ma’ element tal-proġett tal-użu mill-ġdid tal-ilma, flimkien ma’ metodoloġija kwalitattiva jew semi-kwantitattiva għall-bqija tal-proġett.
Il-valutazzjonijiet tar-riskji kwantitattivi jistmaw ir-riskji b’mod numeriku, ġeneralment abbażi ta’ mudell ta’ rispons għad-doża, ibbażat fuq kalkolu tal-konċentrazzjoni ambjentali prevista ta’ periklu u tal-konċentrazzjoni ta’ bla effett previst.
Il-valutazzjonijiet tar-riskji għall-ambjent u għas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali jistgħu jinkludu evalwazzjoni tal-livell ta’ inċertezza jew kunfidenza mehmuża mal-valutazzjoni, ibbażata fuq metodu jew protokoll dokumentat.
Jistgħu jiġu kkonsultati l-metodoloġiji fl-Anness 3 għal-linji gwida tal-Kummissjoni biex tiġi appoġġata l-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2020/741.
Rekwiżiti u obbligi li għandhom jitqiesu fil-valutazzjoni tar-riskju
L-ispeċifikazzjonijiet ta’ hawn taħt jistabbilixxu kif ir-rekwiżiti u l-obbligi li joħorġu mil-leġiżlazzjoni u l-linji gwida elenkati fil-punt 5 tal-Anness II tar-Regolament (UE) 2020/741 għandhom jitqiesu fil-valutazzjoni tar-riskju:
(1) |
ir-rekwiżit li jitnaqqas u jiġi evitat it-tniġġis tal-ilma min-nitrati f’konformità mad-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE (11): il-valutazzjoni tar-riskju għandha tidentifika kwalunkwe impatt potenzjali, bħala riżultat tal-użu ta’ ilma reklamat għat-tisqija agrikola (inkluż permezz ta’ ilma tax-xeba’ jew infiltrazzjoni) u li jirriżulta f’esponiment eċċessiv possibbli għan-nitrati, fuq l-ilma tal-wiċċ jew l-ilma ta’ taħt l-art, li ġew identifikati minn Stat Membru bħala possibbilment affettwati minn tniġġis (nitrati) f’konformità ma’ dik id-Direttiva; |
(2) |
l-obbligu għaż-żoni protetti għall-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem biex jissodisfaw ir-rekwiżiti tad-Direttiva (UE) 2020/2184 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12): il-valutazzjoni tar-riskju għandha tidentifika l-ilma tal-wiċċ jew l-ilma ta’ taħt l-art li huwa kklassifikat bħala żona protetta tal-ilma tax-xorb u din potenzjalment tkun affettwata mill-użu ta’ ilma reklamat għat-tisqija agrikola (inkluż permezz ta’ ilma tax-xeba’ jew infiltrazzjoni); |
(3) |
ir-rekwiżit li jintlaħqu l-objettivi ambjentali stabbiliti fid-Direttiva 2000/60/KE: il-valutazzjoni tar-riskju għandha tidentifika riskji potenzjali ta’ deterjorament tal-istatus tal-korpi tal-ilma koperti minn dik id-Direttiva minħabba l-użu ta’ ilma reklamat għat-tisqija agrikola (inkluż permezz ta’ ilma tax-xeba’ jew infiltrazzjoni); |
(4) |
ir-rekwiżit li jiġi evitat it-tniġġis tal-ilma ta’ taħt l-art f’konformità mad-Direttiva 2006/118/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13): il-valutazzjoni tar-riskju għandha tidentifika riskji potenzjali ta’ deterjorament tal-istatus kimiku tal-korpi tal-ilma ta’ taħt l-art minħabba l-użu ta’ ilma reklamat għat-tisqija agrikola; |
(5) |
ir-rekwiżit li jintlaħqu l-istandards tal-kwalità ambjentali għal sustanzi prijoritarji u ċerti inkwinanti oħrajn stipulati fid-Direttiva 2008/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14): il-valutazzjoni tar-riskju għandha tidentifika riskji potenzjali ta’ deterjorament tal-istatus kimiku tal-korpi tal-ilma tal-wiċċ minħabba l-użu ta’ ilma reklamat għat-tisqija agrikola; |
(6) |
ir-rekwiżit li jintlaħqu l-istandards tal-kwalità ambjentali għal inkwinanti ta’ tħassib nazzjonali, jiġifieri inkwinanti speċifiċi għall-baċin tax-xmara, stipulati fid-Direttiva 2000/60/KE: il-valutazzjoni tar-riskju għandha tidentifika riskji potenzjali ta’ deterjorament tal-istatus ekoloġiku jew il-potenzjal tal-korpi tal-ilma tal-wiċċ bħala riżultat tal-użu ta’ ilma reklamat għat-tisqija agrikola; |
(7) |
ir-rekwiżit li jintlaħqu l-istandards tal-kwalità tal-ilma għall-għawm stipulati fid-Direttiva 2006/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15): il-valutazzjoni tar-riskju għandha tidentifika l-korpi tal-ilma użati għall-attivitajiet ta’ għawm u li huma potenzjalment affettwati mill-użu tal-ilma reklamat (inkluż permezz ta’ ilma tax-xeba’); |
(8) |
ir-rekwiżiti li jikkonċernaw il-protezzjoni tal-ambjent, u b’mod partikolari tal-ħamrija, meta l-ħama tad-drenaġġ jintuża fl-agrikoltura skont id-Direttiva tal-Kunsill 86/278/KEE (16): il-valutazzjoni tar-riskju għandha tidentifika jekk l-użu tal-ħama tad-drenaġġ fl-għelieqi agrikoli flimkien mat-tisqija b’ilma reklamat jistax joħloq riskji kumulattivi; |
(9) |
ir-rekwiżiti rigward l-iġjene tal-oġġetti tal-ikel kif stipulati fir-Regolament (KE) Nru 852/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (17) u l-gwida pprovduta fl-avviż tal-Kummissjoni dwar dokument ta’ gwida dwar l-indirizzar tar-riskji mikrobijoloġiċi fil-frott u l-ħxejjex friski fil-produzzjoni primarja permezz ta’ iġjene tajba (18): il-valutazzjoni tar-riskju għandha tidentifika jekk l-użu ta’ ilma reklamat jistax joħloq riskju li ma jiġux issodisfati r-rekwiżiti stabbiliti għall-produzzjoni ta’ frott u ħxejjex friski; |
(10) |
ir-rekwiżiti għall-iġjene tal-għalf stipulati fir-Regolament (KE) Nru 183/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (19): il-valutazzjoni tar-riskju għandha tidentifika jekk l-użu ta’ ilma reklamat jistax joħloq riskju li ma jiġux issodisfati r-rekwiżiti stabbiliti għall-produzzjoni tal-għalf (għelejjel mhux tal-ikel, inklużi għelejjel użati għall-għalf ta’ annimali li jipproduċu l-ikel); |
(11) |
ir-rekwiżit li jkun hemm konformità mal-kriterji mikrobijoloġiċi rilevanti stabbiliti fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2073/2005 (20): il-valutazzjoni tar-riskju għandha tidentifika jekk l-użu ta’ ilma reklamat jistax joħloq riskju li ma jissodisfax ir-rekwiżiti stabbiliti għall-produzzjoni tal-ikel; |
(12) |
ir-rekwiżiti rigward il-livelli massimi għal ċerti kontaminanti fl-ikel stabbiliti fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2023/915 (21): il-valutazzjoni tar-riskju għandha tidentifika jekk l-użu ta’ ilma reklamat jistax joħloq riskju li ma jissodisfax ir-rekwiżiti stabbiliti għall-produzzjonijiet tal-ikel; |
(13) |
ir-rekwiżiti rigward il-livelli massimi ta’ residwu ta’ pestiċidi fi jew fuq l-ikel stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (22): il-valutazzjoni tar-riskju għandha tidentifika jekk l-użu tal-ilma reklamat fl-għelieqi agrikoli użat għall-produzzjoni tal-ikel u l-għalf li għalihom jiġu applikati l-pestiċidi jistax joħloq riskji kumulattivi (jekk il-valutazzjoni tar-riskju tkun identifikat il-pestiċidi bħala perikli potenzjali li jistgħu jkunu preżenti fl-ilma reklamat); |
(14) |
ir-rekwiżiti rigward is-saħħa tal-annimali stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (23) u fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 142/2011 (24): il-valutazzjoni tar-riskju għandha tidentifika jekk l-użu tal-ilma reklamat għat-tisqija tal-għelejjel tal-għalf jew ta’ kwalunkwe għalla oħra għall-għalf tal-annimali jistax joħloq riskju li ma jiġux issodisfati r-rekwiżiti stabbiliti għas-saħħa tal-annimali (permezz ta’ inġestjoni tal-għalf jew esponiment fl-għalqa). |
Rekwiżiti addizzjonali jew aktar stretti għall-kwalità u l-monitoraġġ tal-ilma
Fejn ikunu meħtieġa rekwiżiti addizzjonali biex tiġi żgurata protezzjoni adegwata tal-ambjent u tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali (f’konformità mal-punt 6 tal-Anness II tar-Regolament (UE) 2020/741), għandhom jintgħażlu parametri jew indikaturi addizzjonali jew aktar stretti għall-kwalità tal-ilma u il-limiti tagħhom iddeterminati abbażi tal-lista ta’ perikli (identifikati f’konformità mal-punt 3 tal-Anness II tar-Regolament (UE) 2020/741) u fuq l-eżitu tal-valutazzjonijiet tar-riskju għas-saħħa u għall-ambjent (imwettqa f’konformità mal-punt 5 tal-Anness II tar-Regolament (UE) 2020/741), filwaqt li jitqiesu s-sistema speċifika tal-użu mill-ġdid tal-ilma u l-kundizzjonijiet lokali.
Il-parametri addizzjonali jew aktar stretti għall-monitoraġġ tal-perikli, jew ta’ xi wħud minnhom, identifikati fl-ilma reklamat jew fl-ambjent (inkluż fil-korpi tal-ilma jew fil-ħamrija) għandhom jiġu ddeterminati wkoll abbażi tal-eżitu tal-valutazzjoni tar-riskju. Ir-rekwiżiti ta’ monitoraġġ, inklużi punti ta’ kampjunar f’punti kritiċi identifikati fis-sistema, jistgħu jiġu inklużi fil-protokoll tas-sistemi ta’ ġestjoni deskritti f’konformità mal-punti 8 u 9 tal-Anness II tar-Regolament (UE) 2020/741.
Miżuri preventivi u ostakli
Jistgħu jintużaw miżuri preventivi biex jipprevjenu jew jeliminaw ir-riskji għas-saħħa jew għall-ambjent jew biex inaqqsuhom għal livell aċċettabbli u dawn jistgħu jiġu applikati għal partijiet differenti tas-sistema tal-użu mill-ġdid tal-ilma, inklużi:
(1) |
il-faċilità ta’ reklamazzjoni (jew l-impjant tat-trattament tal-ilma urban mormi, jekk differenti), inkluż billi jiġu evalwati u ottimizzati l-proċessi fis-seħħ jew billi jiġu identifikati trattamenti avvanzati addizzjonali; |
(2) |
is-sistemi għall-ħżin u d-distribuzzjoni ta’ ilma reklamat, meta applikabbli; |
(3) |
l-għelieqi msaqqija jew iż-żona madwarhom, meta applikabbli, inkluż billi jiġu kkunsidrati metodi ta’ tisqija alternattivi li jimminimizzaw ir-riskji għall-esponiment, billi jiġu pprovduti żoni ta’ lqugħ, jew simili, jew billi jiġu protetti l-ħaddiema u l-bdiewa (li jeħtieġu l-użu ta’ tagħmir speċifiku ta’ protezzjoni personali jew billi jiġu adottati protokolli tal-iġjene, minbarra miżuri possibbli diġà meħuda biex jikkonformaw mar-regoli dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol). |
Fejn jiġu applikati ostakli, dawn għandhom jiġu stabbiliti abbażi ta’ evalwazzjoni tal-metodi ta’ tisqija eżistenti, it-tip ta’ għelejjel u l-klassi tal-ilma u wara li jitqiesu l-elementi li ġejjin:
(1) |
l-applikazzjoni tal-ostakli għandha twassal għall-issodisfar tar-rekwiżiti tal-kwalità għall-klassijiet tal-kwalità tal-ilma reklamat stabbiliti fit-Tabella 2 tal-Anness I tar-Regolament (UE) 2020/741. Il-klassi tal-kwalità tista’ tiġi ddeterminata billi jitqies l-għadd akkreditat ta’ ostakli u l-kriterji rrapportati fil-linji gwida tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2020/741; |
(2) |
l-ostakli jinkludu għażliet ta’ trattament u mhux ta’ trattament u jistgħu jiġu applikati qabel jew wara l-punt ta’ konformità; |
(3) |
jistgħu jintużaw ostakli multipli flimkien (approċċ ta’ diversi ostakli) biex jinkiseb tnaqqis differenti f’logaritmu (f’konformità mal-istandard ISO 16075-2:2020 (25) jew linji gwida rilevanti oħra) u biex jinkiseb it-tnaqqis ġenerali f’logaritmu meħtieġ biex jiġu minimizzati r-riskji, abbażi tal-klassi magħżula tal-kwalità tal-ilma reklamat. |
Il-miżuri preventivi kollha, inklużi l-ostakli, għandhom jiġu rieżaminati u aġġornati perjodikament f’konformità mar-riżultati u mal-informazzjoni miġbura matul it-tħaddim tas-sistema tal-użu mill-ġdid tal-ilma, inklużi feedback dwar il-prestazzjoni tas-sistema, ir-riżultati minn programmi ta’ monitoraġġ, l-implimentazzjoni ta’ sistemi ta’ kontroll ġodda, l-okkorrenza ta’ perikli ġodda u avvenimenti perikolużi, u r-reazzjonijiet għal inċidenti u sitwazzjonijiet ta’ emerġenza.
Sistemi u proċeduri ta’ kontroll tal-kwalità
F’konformità mal-punt 8 tal-Anness II tar-Regolament (UE) 2020/741, il-ġestjoni tar-riskju għandha tinkludi l-istabbiliment ta’ sistemi u proċeduri ta’ kontroll tal-kwalità għas-sistema tal-użu mill-ġdid tal-ilma, inklużi l-monitoraġġ u l-manutenzjoni tagħha, u tipprevedi rieżami u aġġornament perjodiċi ta’ dawk is-sistemi u l-proċeduri. Is-sistemi u l-proċeduri ta’ kontroll tal-kwalità jistgħu jinkludu:
(1) |
proċeduri operattivi standard; |
(2) |
skeda ta’ tħaddim u manutenzjoni; |
(3) |
miżuri ta’ kontroll tal-kwalità; |
(4) |
lista ta’ kompiti speċifiċi u min huwa responsabbli għal tali kompiti; |
(5) |
lista tal-punt ta’ konformità u kwalunkwe punt ta’ kontroll kritiku ieħor identifikat għall-ġestjoni tar-riskji, inklużi l-punti fejn l-ilma reklamat jitwassal lill-parti li jmiss fis-sistema tal-użu mill-ġdid tal-ilma; l-informazzjoni dwar dawk il-punti għandha tinkludi l-post preċiż (il-pożizzjonament fuq mappa tal-GIS jew b’informazzjoni ġeografika, meta jkun possibbli) u l-metodu għat-teħid tal-kampjuni; |
(6) |
proċeduri għall-akkwist tad-data permezz ta’ analiżi fil-laboratorju jew sistemi online; |
(7) |
proċeduri għat-teħid ta’ kampjuni u analiżi; |
(8) |
proċeduri jew protokolli għall-monitoraġġ tal-ilma reklamat għall-parametri rilevanti; |
(9) |
programmi ta’ manutenzjoni għat-tagħmir (inklużi sondi għad-detezzjoni online); |
(10) |
programmi ta’ manutenzjoni għal miżuri preventivi u ostakli; |
(11) |
proċeduri għat-taħriġ għall-operaturi. |
Sistemi ta’ monitoraġġ ambjentali
Is-sistemi ta’ monitoraġġ ambjentali huma proċeduri biex jimmonitorjaw il-parametri, identifikati permezz tal-valutazzjoni tar-riskju ambjentali, fl-ilma reklamat u fi kwalunkwe riċettur ambjentali, inklużi l-ilma tal-wiċċ, l-ilma ta’ taħt l-art u l-ħamrija.
Is-sistema ta’ monitoraġġ ambjentali għandha tiġi stabbilita f’konformità mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi li ġejjin:
(1) |
għandha tkun ibbażata fuq ir-riżultati tal-valutazzjoni tar-riskju għas-saħħa u għall-ambjent; |
(2) |
għandha tinkludi proċeduri biex jiġu ssodisfati mill-inqas ir-rekwiżiti minimi dwar il-monitoraġġ ta’ rutina f’konformità mal-Anness I tar-Regolament (UE) 2020/741, u biex jiġi ssodisfat kwalunkwe parametru u limitu relatat mal-ilma reklamat li huwa identifikat bħala rekwiżiti addizzjonali bbażati fuq ir-riżultati tal-valutazzjoni tar-riskju għas-saħħa u għall-ambjent; |
(3) |
għandha tinkludi proċeduri ta’ monitoraġġ għat-teħid ta’ kampjuni u għall-analiżi tal-ilma reklamat (bl-użu ta’ analiżi fil-laboratorju, sensuri jew analizzaturi f’ħin reali), b’indikazzjoni tal-post u l-frekwenza, u proċeduri biex jiġi kkontrollat ir-rilaxx tal-inkwinanti identifikati fir-riċetturi ambjentali esposti (inklużi l-ilma tal-wiċċ, l-ilma ta’ taħt l-art u l-ħamrija); il-proċeduri għandhom jinkludu azzjoni ddokumentata biex tiġi żgurata protezzjoni kontinwa tas-saħħa u tal-ambjent, inkluż f’avvenimenti estremi tat-temp; |
(4) |
għandha tinkludi proċeduri li jkunu konformi mal-leġiżlazzjoni eżistenti, b’mod partikolari l-monitoraġġ tar-riżorsi tal-ilma għandu jkun konformi mad-Direttiva tal-Kummissjoni 2009/90/KE (26), filwaqt li jiġi żgurat li r-riżultati jkunu komparabbli ma’ dawk miksuba permezz ta’ monitoraġġ skont id-Direttiva 2000/60/KE. |
(5) |
għandha tinkludi monitoraġġ tal-parametri fil-kompartimenti ambjentali (inklużi l-ilma tal-wiċċ, l-ilma ta’ taħt l-art jew il-ħamrija), fejn rilevanti u skont ir-riżultati tal-valutazzjoni tar-riskju; jekk jiġu identifikati patoġeni, inkwinanti u/jew sustanzi fi kwalunkwe wieħed mill-kompartimenti ambjentali mmonitorjati, għandu jiġi evalwat jekk il-preżenza tagħhom hijiex dovuta għall-użu ta’ ilma reklamat, jew jekk joriġinawx minn sorsi oħrajn. |
Is-sistemi ta’ monitoraġġ ambjentali jistgħu jinkludu proċeduri ddokumentati li huma diġà fis-seħħ, stabbiliti mill-awtoritajiet biex jimmonitorjaw l-ambjent. Fejn meħtieġ, dawn is-sistemi u proċeduri għandhom jiġu żviluppati aktar jew imfassla apposta, skont ir-riżultati tal-valutazzjoni tar-riskju, sabiex jindirizzaw kwistjonijiet speċifiċi għas-sit.
Ir-riżultati tal-monitoraġġ għandhom jintużaw biex jiġi evalwat mill-ġdid kwalunkwe riskju u jiġi żgurat li dan jibqa’ baxx u aċċettabbli matul il-ħajja tal-proġett, u sabiex jiġi evalwat jekk l-applikazzjoni ta’ miżuri preventivi (inklużi ostakli) jew miżuri ta’ emerġenza tabilħaqq tikkontribwix għal tnaqqis u minimizzazzjoni tar-riskji.
Sistemi għall-ġestjoni tal-inċidenti u l-emerġenzi
F’konformità mal-punt 10 tal-Anness II tar-Regolament (UE) 2020/741, għandhom jiġu stabbiliti protokolli u proċeduri għall-ġestjoni tal-inċidenti u l-emerġenzi u għall-iżgurar ta’ intervent fil-pront f’każ li jinħoloq xi wieħed mir-riskji identifikati, u dawn għandhom jiġu rieżaminati u aġġornati perjodikament.
Dawn għandhom jikkonsistu fi protokolli dwar kif l-informazzjoni għandha tiġi kkomunikata bejn l-atturi, formati u proċeduri għar-rapportar ta’ aċċidenti u emerġenzi, proċeduri ta’ notifika, sorsi ta’ informazzjoni u proċessi ta’ konsultazzjoni.
Għandha tiġi kkunsidrata s-sistema għall-ġestjoni tal-inċidenti u l-emerġenzi li ġejja:
(1) |
lista ta’ miżuri korrettivi u l-persuni responsabbli għall-avvenimenti perikolużi identifikati; |
(2) |
proċeduri ta’ emerġenza f’każ ta’ falliment ta’ xi trattamenti mwettqa fl-impjant tat-trattament tal-ilma urban mormi jew fil-faċilità ta’ reklamazzjoni li jistgħu jirriżultaw fir-rilaxx ta’ perikli fl-ilma reklamat; |
(3) |
proċeduri ta’ emerġenza f’każ ta’ qbiż tal-valuri limitu, identifikati skont il-valutazzjoni tar-riskju, għal perikli fl-ilma reklamat li jistgħu joħolqu riskju; |
(4) |
proċeduri ta’ emerġenza marbuta ma’ avvenimenti ta’ manutenzjoni regolari u eċċezzjonali (inklużi bypass jew overflow); |
(5) |
proċeduri u dijagrammi sekwenzjali dwar kif l-emerġenzi jiġu kkomunikati bejn il-partijiet (inkluża kwalunkwe proċedura ta’ emerġenza biex jiġi żgurat li prodott agrikolu msaqqi b’ilma reklamat potenzjalment ikkontaminat ma jitqiegħedx fis-suq); |
(6) |
għodod, sensuri u kontrolluri online li jikkawżaw allarmi f’ħin reali bbażati fuq il-monitoraġġ ta’ parametri speċifiċi. |
Mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni
F’konformità mal-punt 11 tal-Anness II tar-Regolament (UE) 2020/741, għandhom jiġu stabbiliti mekkaniżmi li jiżguraw il-koordinazzjoni u l-komunikazzjoni bejn l-atturi differenti involuti fis-sistema tal-użu mill-ġdid tal-ilma, u dawn għandhom jiġu rieżaminati u aġġornati perjodikament, filwaqt li jitqies l-eżitu ta’ reazzjonijiet għal inċidenti u emerġenza u kwalunkwe tibdil tan-nies u l-partijiet responsabbli.
Għandhom jiġu kkunsidrati l-mekkaniżmi li ġejjin:
(1) |
lista b’informazzjoni ta’ kuntatt rilevanti ta’ kull parti involuta, identifikata biss mid-dmir jew il-pożizzjoni tagħha (maniġer tal-faċilità ta’ reklamazzjoni, maniġer taċ-ċentru tal-operazzjoni ta’ emerġenza), filwaqt li tiġi żgurata l-konformità mal-istandards għall-protezzjoni tad-data; |
(2) |
proċeduri għar-rapportar ta’ inċidenti jew emerġenzi lill-awtoritajiet kompetenti u lill-utenti finali; |
(3) |
proċeduri għat-twassil ta’ avviżi ta’ twissija; lista ta’ informazzjoni li jeħtieġ li tiġi pprovduta lill-atturi differenti f’każ ta’ emerġenza. |
(1) Id-Direttiva tal-Kunsill 91/271/KEE tal-21 ta’ Mejju 1991 dwar it-trattament tal-ilma urban mormi (ĠU L 135, 30.5.1991, p. 40, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1991/271/oj).
(2) Ir-Regolament (KE) Nru 166/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Jannar 2006 dwar il-ħolqien ta’ Reġistru Ewropew dwar ir-Rilaxx u t-Trasferiment ta’ Inkwinanti u li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 91/689/KEE u 96/61/KE (ĠU L 33, 4.2.2006, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2006/166/oj.)
(3) ISO 16075-1:2020 Linji gwida għall-użu tal-ilma mormi ttrattat għall-proġetti ta’ tisqija - il-Parti 1: Il-bażi ta’ proġett ta’ użu mill-ġdid għat-tisqija.
(4) Id-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2000 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma (ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2000/60/oj).
(5) ISO 20426: 2018. Il-linji gwida għall-valutazzjoni u l-ġestjoni tar-riskju għas-saħħa għall-użu mill-ġdid tal-ilma mhux tajjeb għax-xorb.
(6) WHO, Ippjanar tas-sikurezza tad-drenaġġ - ġestjoni tar-riskju pass pass għas-sistemi tad-drenaġġ ġestiti b’mod sikur, Ġinevra, 2022.
(7) Maffettone, R. u Gawlik, B.M., Technical guidance: water reuse risk management for agricultural irrigation schemes in Europe, Il-Kummissjoni Ewropea, il-Lussemburgu, 2022, JRC 129596.
(8) Kwalunkwe referenza għal-linji gwida u l-istandards ippubblikati għandha tiġi interpretata bħala referenza għall-aħħar verżjoni aġġornata ta’ tali linji gwida u standards.
(9) WHO, Valutazzjoni Kwantitattiva tar-Riskju Mikrobiku: Applikazzjoni għall-Ġestjoni tas-Sikurezza tal-Ilma, Ġinevra, 2016.
(10) FAO, WHO, “Is-Sikurezza u l-Kwalità tal-Ilma Użat fil-Produzzjoni u l-Ipproċessar tal-Ikel – Rapport tal-laqgħa”, Serje tal-Valutazzjoni tar-Riskju Mikrobijoloġiku, Nru 33, Ruma, 2019.
(11) Id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE tat-12 ta’ Diċembru 1991 dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli (ĠU L 375, 31.12.1991, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1991/676/oj).
(12) Id-Direttiva (UE) 2020/2184 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2020 dwar il-kwalità tal-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem (riformulazzjoni) (ĠU L 435, 23.12.2020, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2020/2184/oj).
(13) Id-Direttiva 2006/118/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar il-protezzjoni tal-ilma ta’ taħt l-art kontra t-tniġġis u d-deterjorament (ĠU L 372, 27.12.2006, p. 19, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2006/118/oj).
(14) Id-Direttiva 2008/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards ta’ kwalità ambjentali fil-qasam tal-politika tal-ilma, li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 82/176/KEE, 83/513/KEE, 84/156/KEE, 84/491/KEE, 86/280/KEE u li temenda d-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 348, 24.12.2008, p. 84, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2008/105/oj).
(15) Id-Direttiva 2006/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Frar 2006 dwar l-immaniġġjar tal-kwalità tal-ilma għall-għawm u li tħassar id-Direttiva 76/160/KEE, (ĠU L 64, 4.3.2006, p. 37, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2006/7/oj).
(16) Id-Direttiva tal-Kunsill 86/278/KEE tat-12 ta’ Ġunju 1986 dwar il-protezzjoni tal-ambjent, u b’mod partikolari tal-ħamrija, meta l-ħama tad-drenaġġ jintuża fl-agrikoltura, (ĠU L 181, 4.7.1986, p. 6, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1986/278/oj).
(17) Ir-Regolament (KE) Nru 852/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar l-iġjene tal-oġġetti tal-ikel, (ĠU L 139, 30.4.2004, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2004/852/oj).
(18) Avviż tal-Kummissjoni dwar dokument ta’ gwida dwar kif għandhom jiġu indirizzati r-riskji mikrobijoloġiċi fil-frott u l-ħaxix frisk fil-produzzjoni primarja permezz ta’ iġjene tajba (ĠU C 163, 23.5.2017, p. 1)
(19) Ir-Regolament (KE) Nru 183/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Jannar 2005 li jistabbilixxi l-ħtiġijiet għall-iġjene tal-għalf, (ĠU L 35, 8.2.2005, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2005/183/oj).
(20) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2073/2005 tal-15 ta’ Novembru 2005 dwar il-kriterji mikrobijoloġiċi għall-oġġetti tal-ikel (ĠU L 338, 22.12.2005, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2005/2073/oj).
(21) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2023/915 tal-25 ta’ April 2023 dwar il-livelli massimi għal ċerti kontaminanti fl-ikel u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1881/2006 (ĠU L 119, 5.5.2023, p. 103, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/915/oj)
(22) Ir-Regolament (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Frar 2005 dwar il-livelli massimi ta’ residwu ta’ pestiċidi fi jew fuq ikel u għalf li joriġina minn pjanti u annimali u jemenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE (ĠU L 70, 16.3.2005, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2005/396/oj).
(23) Ir-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li jistabbilixxi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali jew derivati minnhom mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 (ĠU L 300, 14.11.2009, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2009/1069/oj).
(24) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 142/2011 tal-25 ta’ Frar 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali jew derivati minnhom mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem u li jimplimenta d-Direttiva tal-Kunsill 97/78/KE li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-verifiki veterinarji fuq prodotti li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi skont dik id-Direttiva (ĠU L 54, 26.2.2011, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2011/142/oj).
(25) ISO 16075-2:2020 Linji gwida għall-użu tal-ilma mormi ttrattat għall-proġetti ta’ tisqija — il-Parti 2: L-iżvilupp tal-proġett.
(26) Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2009/90/KE tal-31 ta’ Lulju 2009 li tistipula, skont id-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, speċifikazzjonijiet tekniċi għall-analiżi u l-monitoraġġ kimiċi tal-istat tal-ilma (Test b’relevanza għaż-ŻEE) (ĠU L 201, 1.8.2009, p. 36, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2009/90/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2024/1261/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)