European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/1260

2.5.2024

DIRETTIVA (UE) 2024/1260 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-24 ta’ April 2024

dwar l-irkupru u l-konfiska tal-assi

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 82(2), l-Artikolu 83(1) u (2) u l-Artikolu 87(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Il-Valutazzjoni ta' Theddid mill-Kriminalità Serja u Organizzata (SOCTA) tal-Europol għall-2021 issottolinjat it-theddida dejjem tikber mill-kriminalità organizzata u l-infiltrazzjoni kriminali. Xprunata mid-dħul kbir iġġenerat mill-kriminalità organizzata, li jammonta għal mill-anqas EUR 139 biljun kull sena, u li qed jiġi rriċiklat dejjem aktar permezz ta' sistema finanzjarja parallela sotterranja, id-disponibbiltà ta' rikavat minn attivitajiet kriminali toħloq theddida sinifikanti għall-integrità tal-ekonomija u tas-soċjetà, li ddgħajjef l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali. Skont il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-14 ta’ April 2021 dwar l-Istrateġija tal-UE biex tiġi miġġielda l-Kriminalità Organizzata 2021-2025, dik l-istrateġija għandha l-għan li tindirizza l-isfidi ppreżentati mill-kriminalità organizzata billi tippromwovi l-kooperazzjoni transfruntiera u l-iskambju ta' informazzjoni, tappoġġa investigazzjonijiet effettivi tan-networks kriminali, telimina r-rikavat minn attivitajiet kriminali, u tagħmel l-infurzar tal-liġi u l-ġudikatura adatti għall-era diġitali.

(2)

Il-motiv ewlieni għall-organizzazzjonijiet kriminali li joperaw b’mod transfruntier, inkluż in-networks kriminali ta' riskju għoli, huwa l-gwadann finanzjarju. Sabiex tiġi indirizzata t-theddida serja maħluqa mill-kriminalità organizzata, huwa importanti li l-awtoritajiet kompetenti, għaldaqstant, jingħataw kapaċità operazzjonali akbar u l-mezzi neċessarji biex jittraċċaw u jidentifikaw, jiffriżaw, jikkonfiskaw u jimmaniġġaw b'mod effettiv il-mezzi strumentali u r-rikavat mill-kriminalità jew il-proprjetà li tirriżulta minn attivitajiet kriminali.

(3)

L-organizzazzjonijiet kriminali normalment jinvestu mill-ġdid parti mill-profitti tagħhom minn attivitajiet kriminali biex joħolqu bażi finanzjarja li tippermettilhom ikomplu tali attivitajiet. Barra minn hekk, l-organizzazzjonijiet kriminali spiss jirrikorru għal vjolenza, theddid, intimidazzjoni jew korruzzjoni sabiex jiksbu l-kontroll ta' kumpaniji, jiksbu konċessjonijiet, awtorizzazzjonijiet, offerti jew għotjiet, jiksbu profitti jew vantaġġi illeċiti, jew jinfiltraw infrastrutturi ewlenin bħal ċentri loġistiċi. Tali organizzazzjonijiet għalhekk jaffettwaw b'mod negattiv il-libertà tal-kompetizzjoni, jew jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet pubbliċi, u jheddu l-istat tad-dritt u d-demokrazija. L-organizzazzjonijiet kriminali saru operaturi ekonomiċi dinjin b'għanijiet intraprenditorjali. Il-fatt li l-kriminali jiġu miċħuda mill-profitti illeċiti huwa essenzjali biex jiġu mfixkla l-attivitajiet tagħhom u biex ma jitħallewx jinfiltraw l-ekonomiji leġittimi.

(4)

Il-kriminalità ekonomika u finanzjarja, b'mod partikolari l-kriminalità organizzata, ħafna drabi ssir permezz ta' persuni ġuridiċi, u r-reati kriminali inklużi fil-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva jistgħu jitwettqu fl-interess ta' tali persuni ġuridiċi jew għall-benefiċċju tagħhom. Għalhekk, l-ordnijiet ta' ffriżar u ta' konfiska jistgħu jinħarġu wkoll kontra persuni ġuridiċi f'konformità mal-liġi nazzjonali.

(5)

Sistema effettiva għall-irkupru tal-assi tirrikjedi t-traċċar u l-identifikazzjoni rapidi tal-mezzi strumentali u tar-rikavat mill-kriminalità, u tal-proprjetà suspettata li tkun ta' oriġini kriminali. Talirikavat mezzi strumentali, rikavat jew proprjetà jenħtieġ li jiġu ffriżati sabiex jiġi evitat l-għajbien tagħhom, u wara dan jenħtieġ li dawn jiġu kkonfiskati mal-ħruġ tal-ordni ta' konfiska fil-qafas tal-proċedimenti f'materji kriminali. Sistema effettiva għall-irkupru tal-assi tirrikjedi wkoll il-ġestjoni effettiva tal-proprjetà ffriżata u kkonfiskata sabiex iżżomm il-valur ta’ dik il-proprjetà għall-Istat jew għar-restituzzjoni għall-vittmi.

(6)

Il-qafas legali attwali tal-Unjoni dwar it-traċċar u l-identifikazzjoni, l-iffriżar, il-konfiska u l-ġestjonirikavat tal-mezzi strumentali, tar-rikavat jew tal-proprjetà, u dwar l-uffiċċji għall-irkupru tal-assi, jikkonsisti fid-Direttiva 2014/42/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/845/ĠAI (4) u d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2005/212/ĠAI (5). Il-Kummissjoni evalwat id-Direttiva 2014/42/UE u d-Deċiżjoni 2007/845/ĠAI, u kkonkludiet li l-qafas kurrenti ma kisibx b'mod sħiħ l-objettiv ta' politika tal-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata permezz tal-irkupru tal-profitti tagħha.

(7)

Jenħtieġ li l-qafas legali eżistenti jiġi aġġornat, sabiex jiġu ffaċilitati u żgurati sforzi effettivi għall-irkupru u l-konfiska tal-assi madwar l-Unjoni. Għalhekk, jenħtieġ li din id-Direttiva tistabbilixxi regoli minimi dwar it-traċċar u l-identifikazzjoni, l-iffriżar, il-konfiska u l-ġestjoni ta' proprjetà fil-qafas ta' proċedimenti ta' materji kriminali. F'dan il-kuntest, il-proċediment ta' reat kriminali huwa kunċett awtonomu tal-liġi tal-Unjoni interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, minkejja l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għall-proċeduri li l-Istati Membri jistgħu jużaw biex jiffriżaw u jikkonfiskaw il-proprjetà. Jeħtieġ li tissaħħaħ il-kapaċità tal-awtoritajiet kompetenti li jċaħħdu lill-kriminali mir-rikavat minn attivitajiet kriminali. Għal dak il-għan, jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli biex jissaħħu t-traċċar u l-identifikazzjoni tal-assi, kif ukoll il-kapaċitajiet ta' ffriżar, biex tittejjeb il-ġestjoni tal-proprjetà ffriżata u kkonfiskata sad-disponiment tagħha wara ordni ta' konfiska finali, biex jissaħħu l-istrumenti għall-konfiska tal-mezzi strumentali u tar-rikavat mill-kriminalità u l-proprjetà derivata mill-attivitajiet kriminali tal-organizzazzjonijiet kriminali, u biex tittejjeb l-effiċjenza ġenerali tas-sistema tal-irkupru tal-assi.

(8)

Din id-Direttiva jenħtieġ li tiffaċilita l-kooperazzjoni transfruntiera billi tipprovdi lill-awtoritajiet kompetenti s-setgħat u r-riżorsi meħtieġa biex jirrispondu b'mod rapidu u effettiv għat-talbiet minn awtoritajiet fi Stati Membri oħra. Id-dispożizzjonijiet li jistabbilixxu regoli dwar it-traċċar u l-identifikazzjoni bikrija, azzjoni urġenti għall-iffriżar, jew ġestjoni effiċjenti jikkontribwixxu għat-titjib tal-possibbiltajiet għall-irkupru tal-assi bejn il-fruntieri. Minħabba n-natura globali tal-kriminalità organizzata, u l-kapaċità tagħha li tittrasferixxi assi kriminali malajr bejn il-fruntieri, jenħtieġ li l-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi tissaħħaħ ukoll fil-qafas legali internazzjonali.

(9)

Minħabba n-natura polikriminali ta', u l-kooperazzjoni sistemika u orjentata lejn il-profitt fost organizzazzjonijiet kriminali involuti f'firxa wiesgħa ta' attivitajiet illeċiti fi swieq differenti, ġlieda effettiva kontra l-kriminalità organizzata tirrikjedi li jkunu disponibbli miżuri ta' ffriżar u ta' konfiska biex ikopru l-profitti mir-reati kriminali kollha li fihom il-gruppi kriminali organizzati jkunu attivi. Tali reati jinkludu l-oqsma tal-kriminalità elenkati fl-Artikolu 83(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Minbarra r-reati elenkati fl-Artikolu 83(1) TFUE, jenħtieġ li l-kamp ta' applikazzjoni ta’ din id-Direttiva jkopri wkoll ir-reati kollha li huma armonizzati fil-livell tal-Unjoni, inkluż il-frodi kontra l-interessi finanzjarji tal-Unjoni fid-dawl tal-involviment dejjem akbar tal-gruppi tal-kriminalità organizzata f’tali reati. Jenħtieġ li l-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva jinkludi wkoll reati ambjentali li huma attività ewlenija għall-gruppi tal-kriminalità organizzata u spiss huma marbuta mal-ħasil tal-flus jew jikkonċernaw skart u residwi prodotti fil-kuntest tal-produzzjoni u t-traffikar tad-droga. Il-faċilitazzjoni ta' dħul u residenza mhux awtorizzati tikkostitwixxi attività ewlenija għall-gruppi kriminali organizzati u hija tipikament konnessa mat-traffikar tal-bnedmin. Ir-reat kriminali tal-iffaċilitar ta' dħul u residenza mhux awtorizzati jenħtieġ li jinftiehem skont it-tifsira tad-Direttiva tal-Kunsill 2002/90/KE (6) u d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/946/ĠAI (7). Id-Deċiżjoni Qafas 2002/946/ĠAI tipprevedi l-possibbiltà li l-pieni kriminali jiġu akkumpanjati bil-konfiska tal-mezzi tat-trasport użati biex jitwettaq ir-reat, waqt li tistabbilixxi b'mod ċar li d-dispożizzjonijiet tagħha japplikaw mingħajr preġudizzju għall-protezzjoni mogħtija lir-refuġjati u lil dawk li jfittxu l-ażil sabiex tingħata assistenza umanitarja f'konformità mal-liġi internazzjonali.

(10)

Minbarra r-reat ta' parteċipazzjoni f'organizzazzjoni kriminali skont it-tifsira tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2008/841/ĠAI (8), jenħtieġ li jiġu inklużi fil-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva reati kriminali oħra kif imsemmija fl-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni Kwadru 2008/841/ĠAI u kif definiti fil-liġi nazzjonali sa fejn jitwettqu fil-qafas ta' organizzazzjoni kriminali, kif definita fl-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni Kwadru 2008/841/ĠAI u kif definita fil-liġi nazzjonali, bil-ħsieb li jinqabad qligħ illeċitu li jirriżulta minn attivitajiet kriminali tipikament imwettqa minn organizzazzjonijiet kriminali. L-Istati Membri huma mħeġġa b'mod partikolari biex jiżguraw li r-reati tal-kontrafazzjoni u l-piraterija ta' prodotti, it-traffikar illeċitu ta' oġġetti kulturali, il-falsifikazzjoni u t-traffikar ta' dokumenti amministrattivi, il-qtil jew offiżi gravi fuq il-persuna, il-kummerċ illeċitu ta' organi u tessuti umani, il-ħtif ta' persuni, iż-żamma illegali jew it-teħid ta' ostaġġi, is-serq organizzat jew armat, ir-rikattar u l-estorsjoni, it-traffikar ta' vetturi misruqa, ir-reati fiskali relatati mat-taxxi diretti u t-taxxi indiretti, il-ħruq doluż, il-frodi u t-truffa, it-traffikar illeċitu ta' materjali nukleari jew radjuattivi u r-reati li jaqgħu taħt il-ġuriżdizzjoni tal-Qorti Kriminali Internazzjonali jkunu inklużi fil-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva. Madankollu, din id-Direttiva ma tobbligax lill-Istati Membri biex jintroduċu jew iżommu kwalunkwe reat kriminali.

(11)

Sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni, huwa meħtieġ li l-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva jiġi estiż għar-reati kriminali koperti mid-Direttiva (UE) 2024/1226 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9).

(12)

Sabiex tiġi koperta l-proprjetà li tista' tiġi ttrasformata u ttrasferita sabiex tinħeba l-oriġini tagħha, u sabiex jiġu żgurati l-armonizzazzjoni u ċ-ċarezza tad-definizzjonijiet madwar l-Unjoni, il-proprjetà li tista' tkun soġġetta għal iffriżar u konfiska jenħtieġ li tiġi ddefinita b'mod wiesa'. Jenħtieġ li hija tkopri d-dokumenti jew l-istrumenti legali, inkluż f'forma elettronika jew diġitali, li jagħtu prova tat-titolu jew tal-interess fi proprjetà soġġetta għal iffriżar u konfiska inkluż, pereżempju, strumenti finanzjarji, trusts, jew dokumenti li jistgħu jwasslu għal pretensjonijiet tal-kredituri u li normalment jinstabu fil-pussess tal-persuna affettwata mill-proċeduri rilevanti. Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għall-proċeduri nazzjonali eżistenti għaż-żamma ta' dokumenti jew strumenti legali li jagħtu evidenza tat-titolu jew tal-interess fi proprjetà, kif inhuma applikati mill-awtoritajiet jew il-korpi pubbliċi kompetenti nazzjonali f'konformità mal-liġi nazzjonali. Jenħtieġ li d-definizzjoni tal-proprjetà tkopri l-forom kollha ta' proprjetà, inkluż il-kriptoassi.

(13)

Sabiex tiġi koperta l-proprjetà li tista' tiġi ttrasformata u ttrasferita sabiex tinħeba l-oriġini tagħha, u sabiex jiġu żgurati l-armonizzazzjoni u ċ-ċarezza tad-definizzjonijiet madwar l-Unjoni, jenħtieġ li tiġi prevista definizzjoni wiesgħa tar-rikavat mill-kriminalità, li tinkludi r-rikavat dirett minn attivitajiet kriminali u l-benefiċċji indiretti kollha, inkluż l-investiment mill-ġdid jew it-trasformazzjoni sussegwenti tar-rikavat diretti, f'konformità mad-definizzjonijiet fir-Regolament (UE) 2018/1805 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10). Ir-rikavat għalhekk jenħtieġ li jinkludi kwalunkwe proprjetà, inkluż proprjetà li tkun ġiet ittrasformata jew ikkonvertita, kompletament jew parzjalment, fi proprjetà oħra, u propjetà li tkun tħalltet ma' proprjetà akkwistata minn sorsi leġittimi, sal-valur ivvalutat tar-rikavat imħallat. Dan jenħtieġ li jinkludi wkoll id-dħul jew benefiċċji oħra li jirriżultaw mir-rikavat mill-kriminalità, jew minn proprjetà li fiha jew biha seta' ġie ttrasformat, ikkonvertit jew imħallat tali rikavat.

(14)

It-traċċar u l-identifikazzjoni tal-proprjetà fi stadju bikri ta' investigazzjoni kriminali huma essenzjali biex tiġi żgurata l-identifikazzjoni fil-pront ta' mezzi strumentali, rikavat jew proprjetà li jistgħu sussegwentement jiġu kkonfiskati, inkluż proprjetà relatata ma' attivitajiet kriminali li jinsabu f'ġuriżdizzjonijiet oħra, u b'hekk tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni transfruntiera. Biex jiġi żgurat li l-investigazzjonijiet finanzjarji jingħataw prijorità suffiċjenti fl-Istati Membri kollha, sabiex jiġi indirizzat reat ta' natura transfruntiera, huwa meħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jintalbu jniedu t-traċċar tal-assi mill-mument li jkun hemm suspett ta' attività kriminali li x'aktarx tiġġenera benefiċċju ekonomiku sostanzjali. Meta jiddeterminaw jekk il-benefiċċju ekonomiku jkunx possibbilment sostanzjali, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jistabbilixxu limiti minimi għall-valur tar-rikavat mistenni jew jippermettu valutazzjoni każ b'każ mill-awtoritajiet kompetenti. Sabiex ikun hemm biżżejjed flessibbiltà fit-tnedija ta' investigazzjonijiet finanzjarji jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jillimitaw il-kamp ta' applikazzjoni għal investigazzjonijiet dwar reati kriminali li possibbilment ikunu twettqu fil-qafas ta' organizzazzjoni kriminali. Għall-fini li jiġu żgurati investigazzjonijiet finanzjarji effettivi, jenħtieġ li l-Istati Membri jipprovdu r-riżorsi finanzjarji, tekniċi u umani meħtieġa.

(15)

Biex tiżgura l-applikazzjoni effettiva tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni, l-Unjoni stabbiliet regoli minimi komuni dwar id-definizzjonijiet ta' mġiba kriminali li tikser il-miżuri restrittivi tal-Unjoni. Sabiex jiġi ffaċilitat is-sejbien ta' reati kriminali marbuta mal-ksur ta' miżuri restrittivi tal-Unjoni, huwa importanti li l-uffiċċji għall-irkupru tal-assi jingħataw is-setgħa li jintraċċaw u jidentifikaw il-proprjetà ta' persuni u entitajiet soġġetti għal dawk il-miżuri, fuq talba mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti abbażi ta' indikazzjonijiet u raġunijiet raġonevoli li jwasslu biex wieħed jemmen li twettqu tali reati kriminali. Dawk is-setgħat jenħtieġ li jkunu mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti proċedurali u s-salvagwardji stabbiliti skont il-liġi nazzjonali, inkluż ir-regoli dwar il-bidu ta' proċedimenti kriminali jew, fejn meħtieġ, ir-rekwiżit li tinkiseb awtorizzazzjoni ġudizzjarja.

(16)

Meta jitqies li t-traċċar u l-identifikazzjoni effettivi tal-proprjetà jistgħu jirrikjedu t-traċċar u l-identifikazzjoni ta' miżuri li jeħtieġu intervent minn awtoritajiet oħra, huwa importanti li l-uffiċċji għall-irkupru tal-assi jkunu jistgħu jitolbu l-kooperazzjoni tal-awtoritajiet rilevanti. Il-kundizzjonijiet għal talbiet bħal dawn huma soġġetti għal-liġi nazzjonali. L-Istati Membri jistgħu jinkludu rappreżentanti kemm mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi kif ukoll dawk ġudizzjarji fil-persunal tal-uffiċċji għall-irkupru tal-assi tagħhom jew jistabbilixxu uffiċċji għall-irkupru tal-assi kemm f’awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi kif ukoll fil-ġudikatura.

(17)

Minħabba n-natura tranżnazzjonali tal-finanzi użati mill-gruppi tal-kriminalità organizzata, l-informazzjoni li tista' twassal għall-identifikazzjoni tal-mezzi strumentali u tar-rikavat mill-kriminalità u ta' proprjetà oħra li tkun ta' kriminali jenħtieġ li tiġi skambjata malajr bejn l-Istati Membri. Għal dak il-għan, jeħtieġ li l-uffiċċji għall-irkupru tal-assi jingħataw is-setgħa li jittraċċaw u jidentifikaw proprjetà li tista' sussegwentement tiġi kkonfiskata, biex jiġi żgurat li jkollhom aċċess għall-informazzjoni meħtieġa taħt kondizzjonijiet ċari, u li jiġu stabbiliti regoli dwar l-iskambju rapidu ta' informazzjoni ma' xulxin, b'mod spontanju jew fuq talba. F'każijiet urġenti fejn ikun hemm riskju tal-għajbien tal-proprjetà, it-tweġibiet għat-talbiet ta’ informazzjoni jenħtieġ li jsiru kemm jista' jkun malajr u fi żmien tmien sigħat. Ir-rekwiżit li l-uffiċċji għall-irkupru tal-assi jittraċċaw u jidentifikaw il-mezzi strumentali, ir-rikavat jew il-proprjetà li hija jew li tista' ssir l-oġġett ta' ordni ta' ffriżar jew ta' konfiska maħruġa minn Stat Membru ieħor għandu l-għan li jiffaċilita t-tħejjija jew l-eżekuzzjoni ta' ordnijiet ta' ffriżar minn Stati Membri oħra, iżda ma jimplikax obbligu li tali ordnijiet jiġu rikonoxxuti skont ir-Regolament (UE) 2018/1805.

(18)

Sabiex iwettqu investigazzjonijiet effettivi għat-traċċar tal-assi, u biex jirrispondu malajr għat-talbiet transfruntieri, l-uffiċċji għall-irkupru tal-assi jenħtieġ li jkollhom aċċess għall-informazzjoni li hija meħtieġa biex jistabbilixxu l-eżistenza, is-sjieda jew il-kontroll ta' proprjetà li hija jew li tista' ssir is-suġġett ta' ordni ta' ffriżar jew ta' konfiska. Għalhekk, jenħtieġ li l-uffiċċji għall-irkupru tal-assi jkollhom aċċess immedjat u dirett għad-data rilevanti bħall-informazzjoni dwar il-proprjetà immobbli, iċ-ċittadinanza nazzjonali u r-reġistri tal-popolazzjoni, il-bażijiet tad-data kummerċjali u l-bażijiet tad-data ta' vetturi minbarra l-aċċess għall-informazzjoni tal-kontijiet tal-bank skont id-Direttiva (UE) 2019/1153 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11) u s-sjieda benefiċjarja skont id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12). Jenħtieġ li l-aċċess u t-tiftix jiġu kkunsidrati bħala immedjati u diretti, fost l-oħrajn, meta l-awtoritajiet nazzjonali li joperaw reġistru jibagħtu b'mod rapidu l-informazzjoni permezz ta' mekkaniżmu awtomatizzat lill-awtoritajiet kompetenti, dment li l-ebda istituzzjoni intermedjarja ma tkun tista' tinterferixxi fir-rigward tad-data mitluba jew l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-uffiċċji għall-irkupru tal-assi jkollhom aċċess rapidu, jew immedjatament u direttament jew fuq talba, għal informazzjoni oħra li tista' tkun ta' valur biex tiġi identifikata l-proprjetà rilevanti, bħal informazzjoni dwar ipoteki u self, data doganali jew informazzjoni dwar trasferimenti telegrafiċi u bilanċi tal-kontijiet, kif ukoll data fiskali, data tas-sigurtà soċjali u informazzjoni dwar l-infurzar tal-liġi. Fir-rigward tad-data fiskali, id-data tas-sigurtà soċjali nazzjonali u l-informazzjoni dwar l-infurzar tal-liġi, jenħtieġ li jkun possibbli għall-Istati Membri li jiddeċiedu li jagħtu aċċess għal tali informazzjoni lill-uffiċċji għall-irkupru tal-assi abbażi ta' talbiet motivati, u li jippermettu lill-awtoritajiet li jkollhom tali informazzjoni jiċħdu l-aċċess għal tali informazzjoni taħt ċerti kundizzjonijiet, sabiex tiġi żgurata l-integrità tal-investigazzjonijiet, il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni pprovduta minn Stat Membru ieħor jew pajjiż terz kif ukoll il-proporzjonalità tat-talbiet għal informazzjoni fir-rigward tal-interessi leġittimi ta' persuna fiżika jew ġuridika. Jenħtieġ li l-aċċess għall-informazzjoni jkun soġġett għal salvagwardji speċifiċi li jipprevjenu l-użu ħażin tad-drittijiet ta' aċċess. Tali salvagwardji jikkomplementaw ir-rekwiżiti li jipprevedu reġistrazzjonijiet tal-attivitajiet ta’ aċċess u ta’ tfittxija skont l-Artikolu 25 tad-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13). L-għoti ta’ aċċess għal dik l-informazzjoni ma jimpedixxix lill-Istati Membri milli jagħmlu l-aċċess soġġett għal salvagwardji proċedurali kif stabbilit skont il-liġi nazzjonali filwaqt li jittieħed kont xieraq tal-ħtieġa li l-uffiċċji għall-irkupru tal-assi jkunu jistgħu jwieġbu malajr għat-talbiet transfruntieri. L-implimentazzjoni tas-salvagwardji proċedurali jenħtieġ li ma taffettwax il-kapaċità tal-uffiċċji għall-irkupru tal-assi li jwieġbu għat-talbiet minn Stati Membri oħra, speċjalment fil-każ ta' talbiet urġenti.

(19)

Biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-informazzjoni kondiviża bejn l-uffiċċji għall-irkupru tal-assi, jenħtieġ li l-uffiċċji għall-irkupru tal-assi kollha jkun jista' jkollhom aċċess għall-Applikazzjoni ta' Network għall-Iskambju Sikur ta' Informazzjoni (SIENA), ġestita mill-Europol f'konformità mar-Regolament (UE) 2016/794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14). SIENA jew, fejn xieraq fuq bażi eċċezzjonali, kanali siguri oħrajn, jenħtieġ li jiġu użati għall-komunikazzjoni kollha bejn l-uffiċċji għall-irkupru tal-assi skont din id-Direttiva. Jista' jkun neċessarju li jintuża kanal sigur ieħor f'każijiet eċċezzjonali, pereżempju fejn l-urġenza tat-talba għal informazzjoni tirrikjedi l-użu temporanju ta' kanal ta' komunikazzjoni ieħor jew fejn l-iskambju ta' informazzjoni jirrikjedi l-involviment ta' pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali jew fejn ikun hemm raġunijiet oġġettivi biex wieħed jemmen li tali involviment ser ikun meħtieġ fi stadju aktar tard. Jenħtieġ li r-referenza għal SIENA tinqara bħala li tapplika wkoll għas-suċċessur tagħha, fil-każ li SIENA tiġi sostitwita.

(20)

Meta titqies il-ħeffa li biha l-kriminali jittrasferixxu l-assi kriminali bejn il-ġuriżdizzjonijiet, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-uffiċċji għall-irkupru tal-assi jiskambjaw malajr l-informazzjoni meħtieġa għat-twettiq tal-kompiti tagħhom. F'każijiet eċċezzjonali, jista' jkun oġġettivament ġustifikat li l-uffiċċji għall-irkupru tal-assi jirrifjutaw li jipprovdu informazzjoni lil uffiċċju għall-irkupru tal-assi rikjedenti ieħor jekk dan ikun ta' ħsara għall-interessi tas-sigurtà nazzjonali tal-Istat Membru li fih ikun jinstab l-uffiċċju għall-irkupru tal-assi li li jkun irċieva t-talba, jipperikola l-investigazzjonijiet li jkunu għaddejjin jew l-operazzjonijiet ta' intelligence kriminali, ikun ta' theddida imminenti għall-ħajja jew għall-integrità fiżika ta' persuna jew ikun b'mod ċar sproporzjonat jew irrilevanti fir-rigward tal-finijiet li għalihom tkun intalbet l-informazzjoni. Meta jivvalutaw il-konformità mal-prinċipji tan-neċessità u tal-proporzjonalità, l-uffiċċji għall-irkupru tal-assi jenħtieġ li jeżerċitaw diliġenza dovuta, inkluż fir-rigward tar-rispett tad-drittijiet fundamentali.

(21)

L-iffriżar u l-konfiska skont din id-Direttiva huma kunċetti awtonomi, li jenħtieġ li ma jipprevjenux lill-Istati Membri milli jimplimentaw din id-Direttiva bl-użu ta' strumenti li, f'konformità mal-liġi nazzjonali, jitqiesu bħala sanzjonijiet jew tipi oħra ta' miżuri.

(22)

Il-konfiska twassal għaċ-ċaħda definittiva minn proprjetà. Madankollu, il-preservazzjoni tal-proprjetà tista' tkun prerekwiżit għall-konfiska u ħafna drabi hija essenzjali għall-eżekuzzjoni effettiva ta' ordni ta' konfiska. Il-proprjetà tiġi ppreservata permezz ta' ffriżar. Sabiex jiġi evitat l-għajbien tal-proprjetà, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti għall-Istati Membri, li jistgħu jinkludu uffiċċji għall-irkupru tal-assi, jingħataw is-setgħa li jieħdu azzjoni immedjata, li tista' tkun fis-sura ta' ordni, biex jiksbu dik il-proprjetà sakemm tinħareġ ordni ta' ffriżar. Minħabba n-natura eċċezzjonali ta' din l-azzjoni, jenħtieġ li l-Istati Membri jillimitaw il-validità temporanja tagħha.

(23)

Meta l-awtoritajiet kompetenti ma jkunux jistgħu jieħdu azzjoni immedjata, jenħtieġ li l-Istati Membri jippermettu lill-uffiċċji għall-irkupru tal-assi jieħdu din l-azzjoni. Tali azzjoni tista' tkun neċessarja b'mod partikolari meta uffiċċju għall-irkupru tal-assi, wara talba minn uffiċċju għall-irkupru tal-assi fi Stat Membru ieħor, ikun ittraċċa u identifika assi li jistgħu jisparixxu malajr ħafna, bħal kriptoassi, u meta l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membru li fih ikun jinstab l-uffiċċju għall-irkupru tal-assi li jkun irċieva t-talba ma jkunux jistgħu jieħdu azzjoni immedjata fin-nuqqas ta' investigazzjoni kriminali f'dak l-Istat Membru. Jenħtieġ li l-uffiċċji għall-irkupru tal-assi jkunu jistgħu jiżguraw l-assi sakemm tkun possibbli li tinħareġ ordni ta' ffriżar Ewropea skont ir-Regolament (UE) 2018/1805.

(24)

Minħabba l-interferenza fil-liġi għall-proprjetà kkawżata mill-ordnijiet ta' ffriżar, jenħtieġ li dawn il-miżuri proviżorji ma jinżammux għal aktar żmien milli neċessarju biex tiġi ppreservata d-disponibbiltà tal-proprjetà bil-ħsieb ta' konfiska sussegwenti possibbli. Iż-żamma ta’ tali miżura proviżorji tista’ teħtieġ rieżami minn qorti nazzjonali sabiex jiġi żgurat li l-għan tal-prevenzjoni tal-għajbien tal-proprjetà jibqa' validu.

(25)

Jenħtieġ li l-miżuri ta' ffriżar ikunu mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li proprjetà speċifika titqies bħala evidenza matul il-proċedimenti, dment li fl-aħħar mill-aħħar din issir disponibbli għal eżekuzzjoni effettiva tal-ordni ta' konfiska. Fil-kuntest ta' proċedimenti kriminali, il-proprjetà tista' tiġi ffriżata wkoll bil-ħsieb tar-restituzzjoni sussegwenti possibbli tagħha jew sabiex jiġi ssalvagwardjat il-kumpens għad-dannu kkawżat minn reat kriminali.

(26)

Minbarra l-miżuri ta' konfiska li jippermettu lill-awtoritajiet iċaħħdu lill-kriminali mir- mill-mezzi strumentali jew mir-rikavat, soġġett għal kundanna finali, huwa neċessarju li tiġi permessa l-konfiska ta' proprjetà ta' valur ekwivalenti għal rikavattali mezzi strumentali jew rikavat sabiex tinqabad proprjetà ta' valur ekwivalenti għall-mezzi strumentali u għar-rikavat ta' reat, meta jkun impossibbli li jiġu kkonfiskati rikavattali mezzi strumentali u rikavat. L-Istati Membri huma liberi li jiddefinixxu l-konfiska ta' proprjetà ta' valur ekwivalenti bħala sussidjarja jew alternattiva għall-konfiska ta' rikavatmezzi strumentali u rikavat, kif xieraq f'konformità mal-liġi nazzjonali.

(27)

Meta din id-Direttiva tiġi implimentata fir-rigward tal-konfiska ta' proprjetà li l-valur tagħha jkun jikkorrispondi għall-mezzi strumentali, jenħtieġ li d-dispożizzjonijiet rilevanti jkunu applikabbli fejn, minħabba ċ-ċirkostanzi partikolari tal-każ, din il-miżura tkun proporzjonata, wara li jitqies partikolarment il-valur tal-mezzi strumentali kkonċernati. L-Istati Membri jistgħu wkoll jieħdu f'kunsiderazzjoni jekk u sa fejn il-persuna kkundannata tkun responsabbli għall-fatt li jkun impossibbli li ssir il-konfiska tal-mezzi strumentali.

(28)

Il-prattika minn persuna suspettata jew akkużata li tittrasferixxi l-proprjetà jew ir-rikavat lil parti terza kompliċi bil-ħsieb li tiġi evitata l-konfiska hija komuni u mifruxa. L-akkwist minn parti terza jirreferi għal sitwazzjonijiet fejn, pereżempju, il-proprjetà tkun ġiet akkwistata, direttament jew indirettament, bħal permezz ta' intermedjarju, mill-parti terza mingħand persuna suspettata jew akkużata, anki meta r-reat kriminali jkun twettaq f'isimha jew għall-benefiċċju tagħha, u meta persuna akkużata ma jkollhiex proprjetà li tista' tiġi kkonfiskata. Jenħtieġ li din il-konfiska tkun possibbli mill-inqas f'każijiet fejn ikun ġie stabbilit li l-partijiet terzi rilevanti kienu jafu jew kellhom ikunu jafu li l-għan tat-trasferiment jew tal-akkwist kien li tiġi evitata l-konfiska. Jekk parti terza kellha jew kellu jkollha tali għarfien jenħtieġ li jiġi evalwat abbażi ta' fatti u ċirkostanzi konkreti, inkluż li t-trasferiment twettaq mingħajr ħlas jew għal ammont sproporzjonat b'mod sinifikanti għall-valur tas-suq, li l-propjetà ġiet ittrasferita lil partijiet relatati mill-qrib jew li hija baqgħet taħt il-kontroll effettiv tal-persuna suspettata jew akkużata. Trasferimenti lil partijiet relatati mill-qrib mal-persuna suspettata jew akkużata jistgħu jinkludu trasferimenti lil membri tal-familja jew lil persuni fiżiċi li għandhom arranġamenti legali, jew kwalunkwe relazzjoni kummerċjali mill-qrib oħra, mal-persuna suspettata jew akkużata, jew trasferimenti lil entitajiet ġuridiċi li fihom il-persuna suspettata jew akkużata jew membru tal-familja jkunu jinsabu fil-korpi amministrattivi, maniġerjali jew superviżorji. Jenħtieġ li r-regoli dwar il-konfiska ta' parti terza jestendu kemm għall-persuni fiżiċi kif ukoll għal dawk ġuridiċi, mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-partijiet terzi li jinstemgħu, inkluż id-dritt li jitolbu s-sjieda tal-proprjetà kkonċernata. Fi kwalunkwe każ, jenħtieġ li d-drittijiet ta' partijiet terzi in bona fide jkunu protetti skont il-liġi nazzjonali.

(29)

L-organizzazzjonijiet kriminali jinvolvu ruħhom f'firxa wiesgħa ta' attivitajiet kriminali. Sabiex l-attivitajiet kriminali organizzati jiġu indirizzati b'mod effettiv, huwa possibbli li jkun hemm sitwazzjonijiet fejn ikun xieraq li kundanna kriminali għal reat kriminali li jista' jwassal għal benefiċċju ekonomiċu tiġi segwita mill-konfiska mhux biss tal-proprjetà assoċjata ma' reat speċifiku, inkluż ir-rikavat minn reat jew il-mezzi strumentali tiegħu, iżda wkoll ta' proprjetà addizzjonali li l-qorti tiddetermina li tkun derivata minn imġiba kriminali. Jenħtieġ li tali konfiska estiża tkun possibbli meta l-qorti tkun sodisfatta li l-proprjetà inkwistjoni tkun irriżultat minn imġiba kriminali, mingħajr l-ebda rekwiżit ta' kundanna għal tali imġiba kriminali. L-imġiba kriminali rilevanti tista' tikkonsisti fi kwalunkwe tip ta' reat. Ir-reati kriminali individwali ma għandhomx għalfejn jiġu ppruvati, iżda l-qorti trid tkun sodisfatta li l-proprjetà inkwistjoni tkun ġejja minn dik l-imġiba kriminali. F'dan il-kuntest, il-qorti għandha tqis iċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-każ, inkluż il-fatti u l-evidenza disponibbli li abbażi tagħhom tkun tista' tittieħed deċiżjoni dwar il-konfiska estiża. Il-fatt li l-proprjetà tal-persuna tkun sproporzjonata mad-dħul legali ta’ dik il-persuna jista' jkun fost il-fatti li jwasslu għal konklużjoni mill-qorti li l-proprjetà tkun ġejja minn imġiba kriminali. L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu wkoll rekwiżit għal ċertu perjodu ta' żmien li fih ikun ppossibbli li l-proprjetà tista' titqies li tkun oriġinat minn imġiba kriminali.

(30)

Jenħtieġ li l-konfiska tkun possibbli meta kundanna finali mhix possibbli minħabba l-mard, il-ħarba jew il-mewt tal-persuna suspettata jew akkużata. Jenħtieġ li l-konfiska tkun possibbli wkoll meta l-perjodi ta’ preskrizzjoni preskritti skont il-liġi nazzjonali għar-reati kriminali rilevanti jkunu ta’ inqas minn 15-il sena jew ikunu skadew wara li l-proċedimenti kriminali jkunu bdew. Jenħtieġ li l-konfiska f’dawn il-każijiet tkun permessa biss meta seta’ kien possibbli għall-proċedimenti kriminali li jwasslu għal kundanna finali għal reat kriminali fin-nuqqas ta’ tali ċirkostanzi, mill-inqas għal reati li jistgħu jwasslu, direttament jew indirettament, għal benefiċċju ekonomiku sostanzjali, u fejn il-qorti tkun sodisfatta li l-mezzi strumentali, ir-rikavat jew il-proprjetà li għandhom jiġu kkonfiskati huma derivati mir-reat kriminali jew marbuta direttament jew indirettament miegħu. F'każijiet ta' mard jew ħarba, jenħtieġ li l-eżistenza ta' proċedimenti in absentia fi Stati Membri tkun biżżejjed biex ikun hemm konformità mal-obbligu li tippermetti tali konfiska. Huwa importanti li jitfakkar li l-korpi internazzjonali indikaw il-potenzjal ta’ konfiska fin-nuqqas ta' kundanna biex jiġu indirizzaw l-ostakli għall-konfiska ta' qligħ illeċitu minħabba l-immunità u l-amnestija.

(31)

Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, jenħtieġ li l-mard jinftiehem bħala l-inkapaċità tal-persuna suspettata jew akkużata li tattendi l-proċedimenti kriminali għal perjodu estiż, u li minħabba f'hekk ikun hemm riskju li l-limiti ta' żmien stabbiliti fil-liġi nazzjonali għar-responsabbiltà kriminali jiskadu u dawk il-proċedimenti ma jkunux jistgħu jitkomplew.

(32)

F'sitwazzjonijiet fejn il-miżuri ta' konfiska fl-Artikoli 12 sa 15 ma jiġux applikati għal raġunijiet legali jew fattwali ddeterminati mil-liġi nazzjonali, jenħtieġ li xorta jkun possibbli li tiġi kkonfiskata proprjetà li tkun ġiet identifikata jew, fejn is-sistema legali nazzjonali tirrikjedi l-iffriżar, iffriżata fil-kuntest ta' investigazzjoni fir-rigward ta' reat kriminali abbażi ta' indikazzjonijiet li l-proprjetà setgħet tiġi derivata minn imġiba kriminali. Jenħtieġ li dik il-proprjetà tiġi kkonfiskata meta l-qorti tkun sodisfatta li l-proprjetà tkun derivata minn imġiba kriminali mwettqa fil-qafas ta' organizzazzjoni kriminali u fejn din l-imġiba tista' twassal, direttament jew indirettament, għal benefiċċju ekonomiku sostanzjali. Meta jistabbilixxu jekk imġiba kriminali tistax twassal għal benefiċċju ekonomiku sostanzjali, l-Istati Membri jistgħu jqisu ċ-ċirkostanzi rilevanti kollha inkluż il-modus operandi, pereżempju jekk xi kundizzjoni għar-reat tkun li dan twettaq fil-kuntest ta' kriminalità organizzata jew bil-ħsieb li jiġu ġġenerati profitti regolari minn reati kriminali. Jenħtieġ li l-Istati Membri jippermettu l-konfiska ta' dak il-ġid mhux ġustifikat meta l-investigazzjoni li fiha tkun ġiet identifikata l-proprjetà tikkonċerna reat li jaqa' fil-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva li jkun punibbli biċ-ċaħda tal-libertà ta' massimu ta' mill-inqas erba' snin. Dik il-kundizzjoni tiżgura li l-possibbiltà ta' konfiska ta' ġid mhux ġustifikat tinħoloq f'investigazzjonijiet kriminali ta' reati kriminali li jissodisfaw ċertu limitu ta' serjetà.

(33)

Meta japplikaw ir-regoli nazzjonali li jimplimentaw din id-Direttiva, l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali jistgħu jagħżlu li ma jordnawx jew jeżegwixxu konfiska ta' ġid mhux ġustifikat meta, fil-każ inkwistjoni, l-applikazzjoni tar-regoli stabbiliti f'dik id-Direttiva tkun manifestament irraġonevoli jew sproporzjonata. L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu wkoll rekwiżit għal ċertu perjodu ta' żmien li fih il-proprjetà tista' titqies li tkun oriġinat minn dik l-imġiba kriminali. Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li d-drittijiet proċedurali xierqa tal-persuna affettwata jiġu rrispettati. Jenħtieġ li d-drittijiet ta' partijiet terzi in bona fide jkunu protetti skont il-liġi nazzjonali.

(34)

Minkejja li l-fatt li r-reati individwali jiġu ppruvati ma għandux ikun prekundizzjoni għall-konfiska ta' ġid mhux ġustifikat, irid ikun hemm biżżejjed fatti u ċirkostanzi biex il-qorti tkun sodisfatta li l-proprjetà inkwistjoni tkun derivata minn imġiba kriminali. L-imġiba kriminali rilevanti tista' tikkonsisti fi kwalunkwe tip ta' reat imwettaq fil-qafas ta' organizzazzjoni kriminali u li jista' jwassal għal benefiċċju ekonomiku sostanzjali, u b'hekk ikun ta' natura serja. Meta jkunu qegħdin jiddeterminaw jekk il-proprjetà għandhiex tiġi kkonfiskata, jenħtieġ li l-qrati nazzjonali jqisu ċ-ċirkostanzi rilevanti kollha tal-każ, inkluż l-evidenza disponibbli u l-fatti speċifiċi, bħall-fatt li l-valur tal-proprjetà ikun sostanzjalment sproporzjonat għall-introjtu legali tal-persuna. Fattur rilevanti ieħor jista’ jkun in-nuqqas ta’ sors leċitu plawżibbli tal-proprjetà, peress li l-provenjenza ta’ proprjetà akkwistata legalment normalment tista’ tiġi identifikata. Il-konnessjoni tal-persuna ma’ attivitajiet ta’ organizzazzjoni kriminali tista’ wkoll tkun ta’ rilevanza, kif jistgħu jkunu ċirkostanzi bħas-sitwazzjoni li fiha tkun instabet il-proprjetà jew indikazzjonijiet ta' parteċipazzjoni f'attivitajiet kriminali. Jenħtieġ li l-valutazzjoni ssir fuq bażi ta' każ b'każ skont iċ-ċirkostanzi tal-każ. Jenħtieġ li jkun possibbli għall-Istati Membri li jiddeċiedu li jippermettu l-konfiska ta' ġid mhux ġustifikat meta l-proċedimenti kriminali jitwaqqfu jew li tiġi ordnata tali konfiska separatament mill-proċedimenti kriminali għar-reat.

(35)

Din id-Direttiva ma żżommx lill-Istati Membri milli jadottaw miżuri li jippermettu l-konfiska ta' ġid mhux ġustifikat għal reati jew ċirkostanzi oħra. I s-suġġett ta' din id-Direttiva huwa limitat għal proċedimenti f'materji kriminali, u għaldaqstant din id-Direttiva ma tapplikax għal miżuri ta' konfiska fi proċedimenti f'materji ċivili li l-Istati Membri setgħu implimentaw.

(36)

Jenħtieġ li t-traċċar u l-identifikazzjoni ta' proprjetà li trid tiġi ffriżata u kkonfiskata jkunu possibbli anke wara kundanna definittiva għal reat kriminali, jew wara proċedimenti li jinvolvu konfiska mhux ibbażata fuq kundanna. Dak l-obbligu ma jwaqqafx lill-Istati Membri milli jistabbilixxu limiti ta' żmien raġonevoli wara kundanna finali jew deċiżjoni finali fi proċedimenti li jinvolvu konfiska mhux ibbażata fuq kundanna, li wara l-iskadenza tagħha t-traċċar u l-identifikazzjoni ma jibqgħux possibbli.

(37)

Meta jitqies li l-attivitajiet kriminali jistgħu jikkawżaw ħsara kbira lill-vittmi, huwa essenzjali li jiġu protetti d-drittijiet tagħhom, inkluż id-drittijiet għall-kumpens u r-restituzzjoni. Għalhekk, jenħtieġ li l-Istati Membri jieħdu miżuri xierqa biex jiżguraw li t-talbiet tal-vittmi għal restituzzjoni u kumpens kontra l-persuna li tkun soġġetta għal miżura ta' konfiska bħala riżultat ta' reat kriminali jitqiesu fil-proċedimenti tat-traċċar, l-iffriżar u l-konfiska tal-assi, inkluż f'każijiet transfruntiera. Barra minn hekk, sabiex jiġi ffaċilitat il-kumpens u r-restituzzjoni ta' proprjetà lill-vittmi, huwa neċessarju li jiġi ffaċilitat it-traċċar ta' proprjetà li tista' ssir l-oġġett ta' talbiet bħal dawn kif ukoll l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti għat-traċċar tal-assi u l-awtoritajiet kompetenti biex jiddeċiedu dwar talbiet minn vittmi jew biex jeżegwixxu tali deċiżjonijiet.

(38)

L-użu mill-ġdid soċjali tal-proprjetà kkonfiskata jibgħat messaġġ viżibbli lis-soċjetà inġenerali rigward l-importanza ta' valuri bħall-ġustizzja u l-legalità, jafferma mill-ġdid il-prevalenza tal-istat tad-dritt f’-komunitajiet affettwati b'mod aktar dirett mill-kriminalità organizzata, u jibni r-reżiljenza ta' dawk il-komunitajiet kontra l-infiltrazzjoni kriminali fin-nisġa soċjali u ekonomika tagħhom, kif osservat f’dawk l-Istati Membri li diġà adottaw tali miżuri ta’ użu mill-ġdid soċjali. Għalhekk, l-Istati Membri huma mħeġġa jieħdu l-miżuri neċessarji biex jippermettu l-possibbiltà li jużaw il-proprjetà kkonfiskata għal skopijiet ta' interess pubbliku jew skopijiet soċjali, sabiex il-proprjetà kkonfiskata tkun tista' tinżamm bħala proprjetà tal-Istat għall-finijiet tal-ġustizzja, l-infurzar tal-liġi, is-servizz pubbliku, soċjali jew ekonomiċi jew biex jittrasferixxu tali proprjetà kkonfiskata lill-awtoritajiet mill-muniċipalità jew ir-reġjun fejn tkun tinsab sabiex dawk l-awtoritajiet ikunu jistgħu jużawha għal dawn il-finijiet, inkluż għal assenjazzjoni lil organizzazzjonijiet li jwettqu xogħol ta' interess soċjali. L-użu ta' proprjetà kkonfiskata għal dawn il-finijiet huwa mingħajr preġudizzju għall-awtonomija baġitarja tal-Istati Membri.

(39)

Jenħtieġ ukoll li jkun possibbli għall-Istati Membri li jużaw il-proprjetà kkonfiskata biex jikkontribwixxu għal mekkaniżmi li jappoġġaw lil pajjiżi terzi affettwati minn sitwazzjonijiet li b'reazzjoni għalihom ikunu ġew adottati miżuri restrittivi tal-Unjoni, sa fejn ir-reat imwettaq ikun direttament jew indirettament marbut ma’ dik is-sitwazzjoni. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tiffaċilita l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi u tista’ tipprovdi gwida dwar il-proċeduri u l-mekkaniżmi finanzjarji l-aktar effettivi disponibbli biex jappoġġaw lil dawn il-pajjiżi terzi bil-ħsieb li jiġi promoss l-użu ta' mezzi strumentali, rikavat jew proprjetà kkonfiskati għal dak l-għan.

(40)

L-Istati Membri huma mħeġġa jieħdu miżuri xierqa biex jipprevjenu li l-proprjetà tiġi akkwistata, direttament jew indirettament, matul id-disponiment tagħha permezz ta' ordni ta' konfiska, minn persuni kkundannati fil-proċedimenti kriminali li fihom il-proprjetà tkun ġiet iffriżata. Tali miżuri jistgħu jkunu limitati għal proprjetà li taqbeż ċertu valur u jistgħu jinkludu l-esklużjoni ta' ċerti tipi ta' entitajiet milli jipparteċipaw fil-bejgħ tal-proprjetà, ir-rekwiżit ta’ dokumentazzjoni mix-xerrej jew il-valutazzjoni ta’ kwalunkwe rabta tax-xerrej mal-persuna kkundannata. L-Istati Membri jistgħu japplikaw dawn il-miżuri wkoll għall-bejgħ ta' proprjetà ffriżata.

(41)

Biex jiġi żgurat li proprjetà li tkun jew tista' ssir l-oġġett ta’ ordni ta' ffriżar jew ta' konfiska żżomm il-valur ekonomiku tagħha, jenħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu miżuri ta' ġestjoni effettivi. Dawk il-miżuri jinkludu l-ġestjoni effiċjenti ta' entitajiet, bħal impriżi, li jenħtieġ li jiġu ppreservati bħala negozju avvjat, filwaqt li jittieħdu l-miżuri neċessarji biex jiġi żgurat li l-persuna suspettata jew akkużata ma tibbenefikax direttament jew indirettament mill-operazzjonijiet ta’ tali entità li jkunu għaddejjin jew, fejn xieraq, mill-miżuri ta' superviżjoni fir-rigward tal-kontroll ta’ tali entità.

(42)

Meta ġustifikat min-natura tal-proprjetà, inkluż il-valur tagħha jew il-ħtieġa għal kundizzjonijiet speċifiċi ta' ġestjoni jenħtieġ li titwettaq valutazzjoni ta' kif jiġu minimizzati l-kostijiet tal-ġestjoni u jiġi ppreservat il-valur tal-proprjetà meta titħejja l-ordni ta' ffriżar jew, l-aktar tard, mingħajr dewmien żejjed wara, l-eżekuzzjoni tagħha. L-objettiv tal-valutazzjoni huwa li tipprovdi lill-awtoritajiet kompetenti bil-kunsiderazzjonijiet rilevanti li għandhom jitqiesu qabel, matul jew wara l-adozzjoni jew l-eżekuzzjoni tal-ordni ta' ffriżar. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu gwida dwar kif titwettaq tali valutazzjoni b'kont meħud taċ-ċirkostanzi tal-proprjetà li trid tiġi ffriżata u filwaqt li jiġi żgurat li l-valutazzjoni ma tipperikolax l-eżekuzzjoni f'waqtha tal-ordni ta' ffriżar.

(43)

F'sitwazzjonijiet fejn huwa raġonevolment preżunt li l-proprjetà ffriżata titħassar jew tiddeprezza malajr, jiġifieri li l-kostijiet tal-manutenzjoni tagħha jkunu sproporzjonati għall-valur mistenni tagħha fil-mument tal-konfiska, li jkun diffiċli wisq biex tiġi amministrata jew li tkun tista' tiġi sostitwita faċilment, l-Istati Membri jenħtieġ li jippermettu l-bejgħ ta' tali proprjetà qabel ordni ta' konfiskafinali. F'konformità mal-liġi nazzjonali, id-deċiżjoni dwar il-bejgħ ta' proprjetà ta' natura speċifika tista' tkun soġġetta għal approvazzjoni minn qabel minn awtorità kompetenti nazzjonali. Qabel ma jieħdu tali deċiżjoni, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-persuna affettwata, għajr f'każijiet fejn il-persuna affettwata tkun ħarbet jew ma tkunx tista' tinstab, tiġi nnotifikata u, għajr f'każijiet ta' urġenza, tingħata l-opportunità li tinstema' qabel il-bejgħ. Jenħtieġ li l-Istati Membri jipprevedu l-possibbiltà ta' appell minn ordni għal bejgħ interlokutorju. Jenħtieġ li l--Istati Membri jipprevedu l-possibbiltà li qorti tissospendi l-eżekuzzjoni ta' tali ordni, pereżempju fejn meħtieġ għas-salvagwardja tal-interessi leġittimi tal-persuna affettwata, b'mod partikolari fejn ikun hemm riskju ta' dannu irreparabbli. L-Istati Membri jistgħu wkoll jipprevedu l-possibiltà li jagħtu effett sospensiv lill-appell bil-liġi. Jenħtieġ li-Istati Membri jkunu jistgħu jirrikjedu l-ħlas tal-kostijiet tal-ġestjoni tal-proprjetà ffriżata mis-sid jew mis-sid benefiċjarju tal-proprjetà, pereżempju bħala alternattiva għall-ordni ta' bejgħ interlokutorju, u fil-każ ta' kundanna finali.

(44)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu jew jaħtru awtorità kompetenti waħda jew aktar biex jiffunzjonaw bħala uffiċċji għall-ġestjoni tal-assi bil-għan li jistabbilixxu awtoritajiet speċjalizzati inkarigati mill-ġestjoni ta' proprjetà ffriżata u kkonfiskata sabiex jimmaniġġjaw b'mod effettiv il-proprjetà ffriżata qabel il-konfiska u jippreservaw il-valur tagħha, sakemm tittieħed deċiżjoni finali dwar il-konfiska u d-disponiment tal-proprjetà abbażi ta' tali deċiżjoni. Mingħajr preġudizzju għall-istrutturi amministrattivi interni tal-Istati Membri, l-uffiċċji għall-ġestjoni tal-assi jenħtieġ li jkunu jew l-unika awtorità li timmaniġġja l-proprjetà ffriżata u kkonfiskata, jew jenħtieġ li jipprovdu appoġġ lill-atturi deċentralizzati skont l-istrutturi ta' ġestjoni nazzjonali, u jappoġġaw lill-awtoritajiet rilevanti fl-ippjanar. Din id-Direttiva ma tiddeterminax in-natura legali jew istituzzjonali tal-uffiċċji għall-ġestjoni tal-assi, u hija mingħajr preġudizzju għas-sistemi istituzzjonali fl-Istati Membri.

(45)

Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (“il-Karta”) u l-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (“il-KEDB”), kif interpretati fil-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Din id-Direttiva jenħtieġ li tiġi implimentata f'konformità ma' dawk id-drittijiet u l-prinċipji.

(46)

L-ordnijiet ta' ffriżar u ta' konfiska jaffettwaw b'mod sostanzjali d-drittijiet tal-persuni suspettati u akkużati, u f'ċerti każijiet id-dritt ta' partijiet terzi jew persuni oħra li ma jkunux qed jiġu pproċessati. Din id-Direttiva jenħtieġ li tipprevedi salvagwardji u rimedji ġudizzjarji speċifiċi sabiex tiġi ggarantita l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali ta’ tali persuni fl-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva f'konformità mad-dritt għal proċess ġust, id-dritt għal rimedju effettiv u l-preżunzjoni tal-innoċenza kif minquxa fl-Artikoli 47 u 48 tal-Karta.

(47)

L-ordnijiet ta' ffriżar, ta' konfiska u ta' bejgħ interlokutorju jenħtieġ li jiġu kkomunikati lill-persuna affettwata mingħajr dewmien żejjed. Madankollu, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jipprevedu dritt għall-awtoritajiet kompetenti li jipposponu l-komunikazzjoni tal-ordnijiet ta' ffriżar lill-persuna affettwata minħabba l-ħtiġijiet tal-investigazzjoni. L-għan tal-komunikazzjoni ta' tali ordnijiet huwa, fost l-oħrajn, li l-persuna affettwata tkun tista' tikkontestahom. Għalhekk, jenħtieġ li tali komunikazzjoni, bħala regola ġenerali, tindika r-raġuni jew ir-raġunijiet għall-ordni kkonċernata. Meta l-identità jew il-post fejn tinsab persuna affettwata ma jkunx magħruf jew meta komunikazzjoni lil kull waħda mill-persuni affettwati tkun tinvolvi piż sproporzjonat fuq awtorità kompetenti, jenħtieġ li jkun possibbli biex tikkomunika permezz ta' avviż pubbliku.

(48)

Il-persuna affettwata jenħtieġ li jkollha l-possibbiltà effettiva li tikkontesta ordnijiet ta' ffriżar, ta' konfiska u ta' bejgħ interlokutorju. Fil-każ ta' ordnijiet ta' konfiska fejn ikunu preżenti l-elementi kollha tar-reat kriminali iżda kundanna kriminali tkun impossibbli, il-konvenut jenħtieġ li jkollu l-possibbiltà li jinstema' ma tinħareġ l-ordni, fejn possibbli. Fil-każ ta' ordnijiet ta' konfiska skont id-dispożizzjonijiet dwar il-konfiska estiża u l-konfiska ta' ġid mhux ġustifikat, iċ-ċirkostanzi li jistgħu jiġu kkontestati mill-persuna affettwata meta tikkontesta l-ordni ta' konfiska quddiem qorti jenħtieġ li jinkludu wkoll fatti speċifiċi u evidenza disponibbli li abbażi tagħhom il-proprjetà kkonċernata titqies bħala proprjetà li tkun ġejja minn imġiba kriminali.

(49)

Meta jimplimentaw din id-Direttiva, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li, f'ċirkostanzi eċċezzjonali, il-konfiska m'għandhiex tiġi ordnata jew eżegwita, sa fejn din, f'konformità mal-liġi nazzjonali, tkun tirrappreżenta tbatija żejda għall-persuna affettwata, abbażi taċ-ċirkostanzi tal-każ individwali rispettiv.

(50)

Filwaqt li l-Istati Membri huma obbligati jiżguraw li l-persuni li l-proprjetà tagħhom tkun affettwata mill-miżuri previsti f'din id-Direttiva jkollhom id-dritt ta' aċċess għas-servizzi ta' avukat matul il-proċedimenti ta' ffriżar u ta' konfiska, din id-Direttiva ma taffettwax ir-regoli applikabbli għall-għoti mingħajr ħlas ta’ għajnuna legali.

(51)

Jenħtieġ li din id-Direttiva tiġi implimentata mingħajr preġudizzju għad-Direttivi 2010/64/UE (15), 2012/13/UE (16), 2012/29/UE (17), 2013/48/UE (18), 2014/60/UE (19), (UE) 2016/343 (20), (UE) 2016/800 (21) u (UE) 2016/1919 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. (22).

(52)

Huwa partikolarment importanti li tiġi żgurata l-protezzjoni tad-data personali, f'konformità mal-liġi tal-Unjoni, b'rabta mal-ipproċessar tad-data skont din id-Direttiva. Id-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva għalhekk jenħtieġ li jiġu allinjati mad-Direttiva (UE) 2016/680. B'mod partikolari, jenħtieġ li jiġi speċifikat li kwalunkwe data personali skambjata mill-uffiċċji għall-irkupru tal-assi għandha tibqa' limitata għall-kategoriji tad-data elenkati fit-Taqsima B, il-punt 2, tal-Anness II tar-Regolament (UE) 2016/794. Id-Direttiva (UE) 2016/680 tapplika għall-ipproċessar ta' data personali mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, b'mod partikolari l-uffiċċji għall-irkupru tal-assi, għall-finijiet ta' din id-Direttiva.

(53)

Huwa partikolarment importanti li tiġi żgurata l-protezzjoni tad-data personali, f'konformità mal-liġi tal-Unjoni, b'rabta mal-iskambji kollha ta' informazzjoni skont din id-Direttiva. Għal dak l-għan, sa fejn jikkonċerna l-ipproċessar ta' data personali għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, id-detezzjoni jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali, ir-regoli dwar il-protezzjoni tad-data kif stipulati fid-Direttiva (UE) 2016/680 huma applikabbli fir-rigward tal-miżuri meħuda skont din id-Direttiva. Id-Direttiva (UE) 2016/680 tistabbilixxi r-regoli relatati mal-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, id-detezzjoni jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali, f'konformità ma' sett ta' prinċipji relatati mal-ipproċessar ta' data personali, b'mod partikolari l-legalità, il-ġustizzja u t-trasparenza, il-limitazzjoni tal-iskop, il-minimizzazzjoni tad-data, il-preċiżjoni, il-limitazzjoni tal-ħżin, l-integrità u l-kunfidenzjalità, kif ukoll l-akkontabbiltà. Fejn rilevanti, b'mod partikolari fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-uffiċċji għall-ġestjoni tal-assi għall-finijiet tal-ġestjoni tal-proprjetà, huma applikabbli r-regoli dwar il-protezzjoni tad-data kif stipulati fir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (23).

(54)

Sistema ta' rkupru effettiva tirrikjedi l-isforzi maqbula ta' firxa wiesgħa ta' awtoritajiet, inkluż l-infurzar tal-liġi, inkluż l-awtoritajiet doganali, l-awtoritajiet tat-taxxa u l-awtoritajiet tal-irkupru tat-taxxa sa fejn dawn ikunu kompetenti b’rabta mal-irkupru tal-assi, l-uffiċċji għall-irkupru tal-assi, l-awtoritajiet ġudizzjarji u l-awtoritajiet għall-ġestjoni tal-assi, inkluż l-uffiċċji għall-ġestjoni tal-assi. Sabiex tiġi żgurata azzjoni koordinata mill-awtoritajiet kompetenti kollha, jeħtieġ li jiġi stabbilit approċċ aktar strateġiku għall-irkupru tal-assi u li tiġi promossa kooperazzjoni akbar bejn l-awtoritajiet rilevanti, u li tinkiseb ħarsa ġenerali ċara tar-riżultati tal-irkupru tal-assi. Huwa meħtieġ ukoll li tiġi żgurata kooperazzjoni aktar mill-qrib u aktar effettiva bejn l-uffiċċji għall-irkupru tal-assi u l-uffiċċji għall-ġestjoni tal-assi u l-kontropartijiet tagħhom fi Stati Membri oħra. Għal dak il-għan, l-Istati Membri jenħtieġ li jadottaw u jirrieżaminaw b'mod regolari strateġija nazzjonali dwar l-irkupru tal-assi biex tiggwida l-azzjonijiet fir-rigward tal-investigazzjonijiet finanzjarji, l-iffriżar u l-konfiska, il-ġestjoni ud-disponiment finali tal-mezzi strumentali, ir-rikavat jew il-proprjetà rilevanti. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu dwar il-format xieraq ta' tali strateġija u jieħdu kont tal-qafas kostituzzjonali tagħhom. Din id-Direttiva jenħtieġ li tistabbilixxi l-elementi li għandhom jiġu inklużi f’tali strateġija, bħal deskrizzjoni tar-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-awtoritajiet kompetenti kollha involuti fl-irkupru tal-assi, u l-arranġamenti għall-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni bejniethom, mingħajr ma tiddetermina t-tip konkret ta' informazzjoni li trid tiġi inkluża f’dik l-istrateġija. Barra minn hekk, l-Istati Membri jenħtieġ li jipprovdu lill-awtoritajiet kompetenti bir-riżorsi meħtieġa biex ikunu jistgħu jwettqu l-kompiti tagħhom b'mod effettiv. L-awtoritajiet kompetenti jenħtieġ li jinftiehmu bħala l-awtoritajiet inkarigati bit-twettiq tal-kompiti kif deskritti f'din id-Direttiva u f’konformità mal-oqfsa nazzjonali.

(55)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-uffiċċji għall-ġestjoni tal-assi, u meta jkun xieraq l-uffiċċji għall-irkupru tal-assi u awtoritajiet kompetenti oħra li jwettqu kompiti skont din id-Direttiva, ikunu jistgħu jiksbu malajr l-informazzjoni meħtieġa għall-ġestjoni effiċjenti tal-proprjetà ffriżata u kkonfiskata. Għal dak l-għan, l-Istati Membri jenħtieġ li jistabbilixxu għodod effiċjenti bħal reġistru wieħed jew aktar ta' proprjetà ffriżata u kkonfiskata skont din id-Direttiva.

(56)

Sabiex jiġu evalwati l-effettività u l-effiċjenza tal-qafas tal-irkupru tal-assi, tal-ġestjoni tal-assi u tal-konfiska, jeħtieġ li jinġabar u jiġi ppubblikat sett minimu komparabbli ta' data statistika xierqa dwar l-iffriżar, il-ġestjoni u l-konfiska tal-proprjetà.

(57)

Sabiex il-Kummissjoni tiġi appoġġata fir-rigward tal-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva u tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni fost l-uffiċċji għall-irkupru tal-assi u l-uffiċċji għall-ġestjoni tal-assi kif ukoll biex jiġu skambjati l-aħjar prattiki, jenħtieġ li jiġi stabbilit network ta’ kooperazzjoni dwar l-irkupru u l-konfiska tal-assi. Jenħtieġ li dak in-network ikun magħmul minn rappreżentanti mill-uffiċċji għall-irkupru tal-assi u mill-uffiċċji għall-ġestjoni tal-assi u jenħtieġ li jkun kopresedut mill-Kummissjoni u, fejn xieraq, mill-Europol. Il-Kummissjoni tista' tistieden lir-rappreżentanti mill-Eurojust, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (l-“UPPE”), u, meta jkun xieraq, l-Awtorità għall-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus biex jipparteċipaw fil-laqgħat ta’ dak in-network.

(58)

Il-gruppi tal-kriminalità organizzata joperaw bejn il-fruntieri u qed jakkwistaw dejjem aktar proprjetà fi Stati Membri minbarra dawk li jkunu bbażati fihom u f'pajjiżi terzi. Minħabba d-dimensjoni tranżnazzjonali tal-kriminalità organizzata, il-kooperazzjoni internazzjonali hija essenzjali biex jiġu rkuprati l-profitti u jiġu kkonfiskati l-assi finanzjarji li jippermettu lill-kriminali joperaw. Għalhekk, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li kemm l-uffiċċji għall-irkupru tal-assi kif ukoll l-uffiċċji għall-ġestjoni tal-assi jikkooperaw, kemm jista' jkun, mal-kontropartijiet tagħhom f'pajjiżi terzi biex jittraċċaw, jidentifikaw u jimmaniġġjaw il-mezzi strumentali, ir-rikavat jew il-proprjetà li tkun jew tista' ssir is-suġġett ta' ordni ta' ffriżar jew ta' konfiska fil-qafas ta' proċedimenti f'materji kriminali. Huwa importanti li l-Istati Membri jagħmlu użu mill-oqfsa eżistenti għall-kooperazzjoni u huma mħeġġa jiżviluppaw jew jaġġustaw ftehimiet bilaterali eżistenti jew jaderixxu ma' konvenzjonijiet multilaterali eżistenti jew, meta ma jkun hemm l-ebda arranġament ieħor fis-seħħ, jistabbilixxu ftehimiet bilaterali ġodda. Ir-regoli dwar il-protezzjoni tad-data stipulati fid-Direttiva (UE) 2016/680 u, fejn rilevanti, fir-Regolament (UE) 2016/679 huma applikabbli fir-rigward tal-miżuri meħuda f'dak ir-rigward.

(59)

L-uffiċċji għall-irkupru tal-assi u l-uffiċċji għall-ġestjoni tal-assi jenħtieġ li jikkooperaw mill-qrib ukoll mal-korpi u l-aġenziji tal-Unjoni, inkluż il-Europol, il-Eurojust u l-UPPE, fil-kompetenzi rispettivi tagħhom u f'konformità mal-qafas legali applikabbli, sa fejn ikun meħtieġ li l-proprjetà tiġi ttraċċata u identifikata fl-investigazzjonijiet transfruntieri appoġġati mill-Europol u mill-Eurojust jew fl-investigazzjonijiet imwettqa mill-UPPE. Jenħtieġ li l-Istati Membri, f'konformità mal-obbligi rispettivi tagħhom skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 (24), jiżguraw li l-uffiċċji għall-irkupru tal-assi tagħhom jissodisfaw l-obbligi rilevanti stipulati fir-Regolament (UE) 2017/1939.

(60)

Sabiex jiġi żgurat li jkun hemm fehim komuni u standards minimi għat-traċċar u l-identifikazzjoni, l-iffriżar, il-konfiska u l-ġestjoni tal-assi, din id-Direttiva jenħtieġ li tistabbilixxi regoli minimi għall-miżuri rilevanti kif ukoll għas-salvagwardji relatati. L-adozzjoni ta' regoli minimi ma timpedixixxix lill-Istati Membri milli jagħtu setgħat aktar estensivi lill-uffiċċji għall-irkupru tal-assi jew lill-uffiċċji għall-ġestjoni tal-assi, milli jipprevedu regoli aktar estensivi dwar l-iffriżar u l-konfiska, jew milli jipprevedu salvagwardji addizzjonali skont il-liġi nazzjonali, dment li tali miżuri u dispożizzjonijiet nazzjonali ma jimminawx l-objettiv ta' din id-Direttiva.

(61)

Minħabba li l-objettiv ta' din id-Direttiva, jiġifieri li tiġi ffaċilitata l-konfiska ta' proprjetà fi proċedimenti f'materji kriminali, ma jistax jinkiseb b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jista' jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). F'konformità mal-prinċipju ta' proporzjonalità, kif stipulat f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dak l-objettiv.

(62)

Peress li din id-Direttiva tipprevedi sett komprensiv ta' regoli, li jikkoinċidu ma' strumenti legali diġà eżistenti, jenħtieġ li din tissostitwixxi l-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 98/699/ĠAI (25), id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2001/500/ĠAI (26), id-Deċiżjoni Kwadru 2005/212/ĠAI, id-Deċiżjoni 2007/845/ĠAI, u d-Direttiva 2014/42/UE fir-rigward tal-Istati Membri marbuta b'din id-Direttiva.

(63)

F'konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-TUE u mat-TFUE, id-Danimarka mhijiex qiegħda tieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Direttiva u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

(64)

F'konformità mal-Artikoli 1 u 2 u l-Artikolu 4a(1) tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, anness mat-TUE u mat-TFUE, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 ta' dak il-Protokoll, l-Irlanda mhijiex qiegħda tipparteċipa fl-adozzjoni ta' din id-Direttiva u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

(65)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f'konformità mal-Artikolu 42(1) u (2) tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (27) u ppreżenta opinjoni fid-19 ta' Lulju 2022 (28),

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

KAPITOLU I

Dispożizzjonijiet ġenerali

Artikolu 1

Suġġett

Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli minimi dwar it-traċċar u l-identifikazzjoni, l-iffriżar, il-konfiska, u l-ġestjoni ta' proprjetà fil-qafas ta' proċedimenti f'materji kriminali.

Din id-Direttiva tapplika mingħajr preġudizzju għall-miżuri ta' ffriżar u ta' konfiska fil-qafas ta' proċedimenti f'materji ċivili jew amministrattivi.

Artikolu 2

Kamp ta' applikazzjoni

1.   Din id-Direttiva tapplika għal reati kriminali koperti minn:

(a)

id-Deċiżjoni Kwadru 2008/841/ĠAI;

(b)

id-Direttiva (UE) 2017/541 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (29);

(c)

id-Direttiva 2011/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (30);

(d)

id-Direttiva 2011/93/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (31);

(e)

id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2004/757/ĠAI (32);

(f)

il-Konvenzjoni mfassla abbażi tal-Artikolu K.3(2)(c) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni li tinvolvi uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej jew uffiċjali tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (33) u d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2003/568/ĠAI (34);

(g)

id-Direttiva (UE) 2018/1673 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (35);

(h)

id-Direttiva (UE) 2019/713 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (36);

(i)

id-Direttiva 2014/62/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (37);

(j)

id-Direttiva 2013/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (38);

(k)

il-Protokoll kontra l-manifattura u t-traffikar illeċiti ta' armi tan-nar, il-partijiet u l-komponenti u l-munizzjon tagħhom, li jissupplimenta l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-kriminalità organizzata tranżnazzjonali (39);

(l)

id-Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (40);

(m)

id-Direttiva 2008/99/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (41) u d-Direttiva 2005/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (42);

(n)

id-Deċiżjoni Qafas 2002/946/ĠAI, u d-Direttiva tal-Kunsill 2002/90/KE;

(o)

id-Direttiva 2014/57/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (43);

(p)

id-Direttiva (UE) 2024/1226.

2.   Din id-Direttiva tapplika għar-reati kriminali, kif imsemmija fl-Artikolu 1, il-punt (1), tad-Deċiżjoni Kwadru 2008/841/ĠAI, mwettqa fil-qafas ta' organizzazzjoni kriminali.

3.   Din id-Direttiva għandha tapplika għal kwalunkwe reat kriminali stipulat f'atti legali oħra tal-Unjoni meta tali atti jipprevedu li din id-Direttiva tapplika għal dawk ir-reati kriminali.

4.   Id-dispożizzjonijiet fil-Kapitolu II dwar it-traċċar u l-identifikazzjoni tal-mezzi strumentali, tar-rikavat, jew tal-proprjetà għandhom japplikaw għar-reati kriminali kollha kif iddefiniti fil-liġi nazzjonali li huma punibbli biċ-ċaħda tal-libertà jew ordni ta' detenzjoni ta' mill-anqas sena.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“rikavat” tfisser kwalunkwe vantaġġ ekonomiku li jirriżulta direttament jew indirettament minn reat kriminali li jikkonsisti fi kwalunkwe forma ta' proprjetà, u jinkludi kwalunkwe investiment mill-ġdid jew trasformazzjoni sussegwenti ta' rikavat dirett u kwalunkwe benefiċċju ta' valur;

(2)

“proprjetà” tfisser proprjetà ta' kwalunkwe deskrizzjoni, kemm jekk materjali kif ukoll jekk immaterjali, mobbli jew immobbli, inkluż kriptoassi u d-dokumenti jew l-istrumenti legali, ta' kwalunkwe forma, li jixhdu t-titolu jew l-interess f'tali proprjetà;

(3)

“mezzi strumentali” tfisser kwalunkwe proprjetà użata jew maħsuba biex tintuża, bi kwalunkwe mod, kompletament jew parzjalment, biex jitwettaq reat kriminali;

(4)

“traċċar u identifikazzjoni” tfisser kwalunkwe investigazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti biex jiġu ddeterminati l-mezzi strumentali, ir-rikavatrikavat, jew il-proprjetà li jistgħu jkunu derivati minn attivitajiet kriminali;

(5)

“iffriżar” tfisser il-projbizzjoni temporanja tat-trasferiment, il-qerda, il-konverżjoni, id-disponiment jew il-moviment ta' proprjetà jew l-assunzjoni temporanja tal-kustodja jew tal-kontroll ta' proprjetà;

(6)

“konfiska” tfisser ċaħda definittiva minn proprjetà ordnata minn qorti fir-rigward ta' reat kriminali;

(7)

“organizzazzjoni kriminali” tfisser organizzazzjoni kriminali kif iddefinita fl-Artikolu 1, il-punt 1, tad-Deċiżjoni Kwadru 2008/841/ĠAI;

(8)

“vittma” tfisser vittma kif iddefinita fl-Artikolu 2(1), il-punt (a), tad-Direttiva 2012/29/UE jew persuna ġuridika, kif iddefinita fil-liġi nazzjonali, li tkun ġarrbet dannu jew telf ekonomiku b'riżultat dirett ta' kwalunkwe reat fil-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva;

(9)

“sid benefiċjarju” tfisser sid benefiċjarju kif iddefinit fl-Artikolu 3, il-punt (6), tad-Direttiva (UE) 2015/849;

(10)

“persuna affettwata” tfisser:

(a)

persuna fiżika jew ġuridika li kontriha tinħareġ ordni ta' ffriżar jew ta' konfiska;

(b)

persuna fiżika jew ġuridika li tkun is-sid ta' proprjetà li tkun l-oġġett ta' ordni ta' ffriżar jew ta' konfiska;

(c)

parti terza li d-drittijiet tagħha fir-rigward ta' proprjetà li tkun l-oġġett ta' ordni ta' ffriżar jew ordni ta' konfiska jkunu ppreġudikati b'mod dirett minn dik l-ordni; jew

(d)

persuna fiżika jew ġuridika li l-proprjetà tagħha hija soġġetta għal bejgħ interlokutorju skont l-Artikolu 21 ta' din id-Direttiva.

KAPITOLU II

Traċċar u identifikazzjoni

Artikolu 4

Investigazzjonijiet għat-traċċar tal-assi

1.   Biex tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni transfruntiera, l-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri biex jippermettu t-traċċar u l-identifikazzjoni rapidi tal-mezzi strumentali u tar-rikavatrikavat, jew tal-proprjetà li tkun jew tista' ssir is-suġġett ta' ordni ta' ffriżar jew ta' konfiska matul proċedimenti f'materji kriminali.

2.   Il-proprjetà msemmija fil-paragrafu 1 għandha tinkludi wkoll proprjetà li hija jew tista' ssir, l-oġġett ta' ordni ta' ffriżar jew ta' konfiska f'konformità mal-Artikolu 10(2) tad-Direttiva (UE) 2024/1226.

3.   Meta tinbeda investigazzjoni fir-rigward ta' reat kriminali li x'aktarx iwassal għal benefiċċju ekonomiku sostanzjali, l-investigazzjonijiet għat-traċċar tal-assi skont il-paragrafu 1 għandhom jitwettqu immedjatament mill-awtoritajiet kompetenti. L-Istati Membri jistgħu jillimitaw il-kamp ta' applikazzjoni ta’ tali investigazzjonijiet għat-traċċar tal-assi għal investigazzjonijiet ta’ reati li x'aktarx ikunu twettqu fil-qafas ta' organizzazzjoni kriminali.

Artikolu 5

Uffiċċji għall-irkupru tal-assi

1.   Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi mill-anqas uffiċċju wieħed għall-irkupru tal-assi biex jiffaċilita l-kooperazzjoni transfruntiera fir-rigward tal-investigazzjonijiet għat-traċċar tal-assi.

2.   L-uffiċċji għall-irkupru tal-assi għandu jkollhom il-kompiti li ġejjin:

(a)

li jittraċċaw u jidentifikaw il-mezzi strumentali, ir-rikavatrikavat jew il-proprjetà meta jkun meħtieġ biex jappoġġaw awtoritajiet kompetenti nazzjonali oħra responsabbli għall investigazzjonijiet għat-traċċar tal-assi skont l-Artikolu 4- jew l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (l-“UPPE”);

(b)

li jittraċċaw u jidentifikaw il-mezzi strumentali, ir-rikavat jew il-proprjetà li jkunu jew jistgħu jsiru s-suġġett ta' ordni ta' ffriżar jew ta' konfiska maħruġa minn awtorità kompetenti fi Stat Membru ieħor;

(c)

li jikkooperaw u jiskambjaw informazzjoni mal-uffiċċji għall-irkupru tal-assi fi Stati Membri oħra u mal-UPPE fit-traċċar u l-identifikazzjoni ta' mezzi strumentali, ta' rikavat jew ta' proprjetà li jkunu jew jistgħu jsiru l-oġġett ta' ordni ta' ffriżar jew ta' konfiska.

3.   Sabiex iwettqu l-kompiti tagħhom skont il-paragrafu 2, il-punt (b), l-uffiċċji għall-irkupru tal-assi għandhom ikunu intitolati li jitolbu lill-awtoritajiet kompetenti rilevanti, f'konformità mal-liġi nazzjonali, jikkooperaw magħhom meta meħtieġ għat-traċċar u l-identifikazzjoni ta' mezzi strumentali, rikavat jew proprjetà;

4.   L-uffiċċji għall-irkupru tal-assi għandhom jingħataw is-setgħa li jittraċċaw u jidentifikaw il-proprjetà ta' persuni u entitajiet soġġetti għall-miżuri restrittivi tal-Unjoni fejn meħtieġ biex jiffaċilitaw id-detezzjoni ta' reati kriminali msemmija fl-Artikolu 2(1), il-punt (p), ta' din id-Direttiva, fuq talba mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti abbażi ta' indikazzjonijiet u raġunijiet validi biex jemmnu li twettaq reat kriminali skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva (UE) 2024/1226. Tali setgħat għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti proċedurali u s-salvagwardji rilevanti stabbiliti skont il-liġi proċedurali nazzjonali, inkluż ir-regoli dwar il-bidu ta' proċedimenti kriminali jew, fejn meħtieġ, ir-rekwiżit biex tinkiseb awtorizzazzjoni ġudizzjarja.

Artikolu 6

Aċċess għall-informazzjoni

1.   Għall-finijiet tat-twettiq tal-kompiti msemmija fl-Artikolu 5, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-uffiċċji għall-irkupru tal-assi jkollhom aċċess għall-informazzjoni msemmija f'dan l-Artikolu sa fejn tali informazzjoni tkun meħtieġa għat-traċċar u l-identifikazzjoni rikavattal--mezzi strumentali, ir-rikavat, jew il-proprjetà.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-uffiċċji għall-irkupru tal-assi jkollhom aċċess immedjat u dirett għall-informazzjoni li ġejja, dment li tali informazzjoni tinħażen f'bażijiet tad-data ċentralizzati jew interkonnessi jew f'reġistri miżmuma mill-awtoritajiet pubbliċi:

(a)

ir-reġistri nazzjonali tal-proprjetà immobbli jew is-sistemi elettroniċi għall-irkupru tad-data u r-reġistri tal-art u katastali;

(b)

ir-reġistri nazzjonali taċ-ċittadinanza u tal-popolazzjoni ta' persuni fiżiċi;

(c)

ir-reġistri nazzjonali tal-vetturi bil-mutur, tal-inġenji tal-ajru u tal-opri tal-baħar;

(d)

ir-reġistri kummerċjali, inkluż ir-reġistri tan-negozju u tal-kumpaniji;

(e)

reġistri nazzjonali tas-sjieda benefiċjarja f'konformità mad-Direttiva (UE) 2015/849 u data disponibbli permezz tal-interkonnessjoni tar-reġistri tas-sjieda benefiċjarja f'konformità ma’ dik id-Direttiva;

(f)

reġistri ċentralizzati tal-kontijiet bankarji, f'konformità mad-Direttiva (UE) 2019/1153.

3.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-uffiċċji għall-irkupru tal-assi jkunu jistgħu, immedjatament u direttament jew fuq talba, jiksbu l-informazzjoni li ġejja malajr:

(a)

data fiskali, inkluż id-data miżmuma mill-awtoritajiet tat-taxxa u tad-dħul;

(b)

data nazzjonali dwar is-sigurtà soċjali;

(c)

informazzjoni rilevanti li tkun miżmuma mill-awtoritajiet kompetenti għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni, l-investigazzjoni jew il-proċedimenti ta' reati kriminali;

(d)

informazzjoni dwar ipoteki u self;

(e)

informazzjoni li tinsab fil-bażijiet tad-data dwar il-munita nazzjonali u dawk dwar il-kambju ta' muniti;

(f)

informazzjoni dwar titoli;

(g)

data doganali, inkluż trasferimenti fiżiċi transfruntiera ta' flus kontanti;

(h)

informazzjoni dwar rapporti finanzjarji annwali tal-kumpaniji;

(i)

informazzjoni dwar trasferimenti telegrafiċi u bilanċi tal-kontijiet;

(j)

informazzjoni dwar il-kontijiet tal-kriptoassi u t-trasferimenti tal-kriptoassi kif definiti fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2023/1113 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (44);

(k)

f'konformità mal-liġi tal-Unjoni, id-data maħżuna fis-Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Viża (VIS), is-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen (SIS II), is-Sistema ta' Dħul/Ħruġ (EES), is-Sistema Ewropea ta' Informazzjoni u ta' Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS) u s-Sistema Ewropea ta' Informazzjoni ta' Rekords Kriminali għal Ċittadini ta' Pajjiżi Terzi (ECRIS-TCN).

4.   Meta l-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 2 u 3 ma tiġix maħżuna f'bażijiet tad-data jew f'reġistri ċentralizzati jew interkonnessi miżmuma mill-awtoritajiet pubbliċi, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-uffiċċji għall-irkupru tal-assi jkunu jistgħu jiksbu malajr dik l-informazzjoni mingħand l-istituzzjonijiet rilevanti b'mezzi oħra b'mod simplifikat u standardizzat.

5.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li l-aċċess għall-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 3, il-punti (a), (b) u (c), ikun jeħtieġ talba motivata, u li:tali talba tista' tiġi miċħuda meta l-għoti ta' l-informazzjoni mitluba:

(a)

jipperikola s-suċċess ta' investigazzjoni li tkun għaddejja;

(b)

ikun sproporzjonat b’mod ċar għall-interessi leġittimi ta' persuna fiżika jew ġuridika fir-rigward tal-finijiet li għalihom ikun intalab l-aċċess; jew

(c)

jinkludi informazzjoni pprovduta minn Stat Membru ieħor jew pajjiż terz u ma jkunx possibbli li tinkiseb l-approvazzjoni għal trażmissjoni ulterjuri.

6.   L-aċċess għall-informazzjoni msemmija f'dan l-Artikolu għandu jkun mingħajr preġudizzju għas-salvagwardji proċedurali stabbiliti skont il-liġi nazzjonali, inkluż, fejn meħtieġ, ir-rekwiżit li tinkiseb awtorizzazzjoni ġudizzjarja.

Artikolu 7

Kundizzjonijiet għall-aċċess għall-informazzjoni mill-uffiċċji għall-irkupru tal-assi

1.   L-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 6 għandu jinkiseb aċċess għaliha skont il-każ, fejn ikun meħtieġ u proporzjonat biss għat-twettiq tal-kompiti skont l-Artikolu 5 u minn persunal speċifikament maħtur u awtorizzat biex jaċċessa taliinformazzjoni.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persunal tal-uffiċċji għall-irkupru tal-assi jikkonforma mar-regoli dwar il-kunfidenzjalità u s-segretezza professjonali kif previst skont il-liġi nazzjonali applikabbli kif ukoll mal-acquis tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persunal tal-uffiċċji għall-irkupru tal-assi jkollu l-ħiliet u l-kapaċitajiet speċjalizzati meħtieġa biex iwettaq ir-rwoli tiegħu b'mod effettiv.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun hemm fis-seħħ miżuri tekniċi u organizzattivi xierqa biex jiżguraw livell tas-sigurtà xieraq għar-riskju tal-ipproċessar tad-data sabiex l-uffiċċji għall-irkupru tal-assi jaċċessaw u jfittxu l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 6.

Artikolu 8

Monitoraġġ tal-aċċess u tat-tfittxijiet mill-uffiċċji għall-irkupru tal-assi

L-Istati Membri għandhom jipprevedu li r-reġistrazzjonijiet tal-attivitajiet ta’ aċċess u ta’ tfittxija mill-uffiċċji għall-irkupru tal-assi skont din id-Direttiva jinżammu f'konformità mal-Artikolu 25 tad-Direttiva (UE) 2016/680.

Artikolu 9

Skambju ta' informazzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-uffiċċji għall-irkupru tal-assi tagħhom jipprovdu, fuq talba minn uffiċċju għall-irkupru tal-assi fi Stat Membru ieħor, kwalunkwe informazzjoni li għandhom aċċess għaliha dawk l-uffiċċji għall-irkupru tal-assi, u li tkun meħtieġa għat-twettiq tal-kompiti skont l-Artikolu 5, tal-uffiċċji għall-irkupru tal-assi li jitolbu dik l-informazzjoni (l-“uffiċċju għall-irkupru tal-assi rikjedenti”). Għandu jkun possibbli li jiġu pprovduti biss dawk il-kategoriji ta' data personali elenkati fit-Taqsima B, il-punt 2, tal-Anness II tar-Regolament (UE) 2016/794, bl-eċċezzjoni tal-informazzjoni ta' identifikazzjoni forensika elenkata fit-Taqsima B, il-punt 2(c)(v), ta’ dak l-Anness.

Kwalunkwe data personali li trid tiġi pprovduta għandha tiġi ddeterminata skont il-każ, fid-dawl ta' dak li jkun meħtieġ għat-twettiq tal-kompiti skont l-Artikolu 5, u f'konformità mad-Direttiva (UE) 2016/680.

2.   Meta jagħmel talba skont il-paragrafu 1, l-uffiċċju għall-irkupru tal-assi rikjedenti għandu jispeċifika bl-aktar mod preċiż possibbli dan li ġej:

(a)

l-oġġett tat-talba;

(b)

ir-raġunijiet għat-talba, inkluż ir-rilevanza tal-informazzjoni mitluba għat-traċċar u l-identifikazzjoni tal-proprjetà rilevanti;

(c)

in-natura tal-proċedimenti;

(d)

it-tip ta' reat kriminali li għalih it-talba tkun relatata;

(e)

ir-rabta bejn il-proċedimenti u l-Istat Membru li fih ikun jinstab l-uffiċċju għall-irkupru tal-assi;

(f)

id-dettalji dwar il-proprjetà mmirata jew imfittxa, bħal kontijiet bankarji, proprjetà immobbli, vetturi, bastimenti, inġenji tal-ajru, kumpaniji u oġġetti oħra ta' valur għoli;

(g)

meta jkun meħtieġ għall-identifikazzjoni tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi preżunti li huma involuti, kwalunkwe dokument ta’ identifikazzjoni, jekk disponibbli, dettalji bħall-isem, in-nazzjonalità, il-post ta' residenza, in-numri ta' identifikazzjoni nazzjonali jew in-numri tas-sigurtà soċjali, indirizzi, id-data u l-post tat-twelid, id-data tar-reġistrazzjoni, il-pajjiż tal-istabbiliment, l-azzjonisti, il-kwartieri ġenerali u s-sussidjarji, kif xieraq;

(h)

fejn applikabbli, ir-raġunijiet għall-urġenza tat-talba.

3.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jippermettu l-uffiċċji għall-irkupru tal-assi tagħhom jipprovdu informazzjoni lil uffiċċju għall-irkupru tal-assi fi Stat Membru ieħor, mingħajr talba għal dak il-għan, meta dawk l-uffiċji jkunu jafu b'informazzjoni dwar mezzi strumentali, rikavat jew proprjetà li jqisu bħala meħtieġa, għat-twettiq tal-kompiti skont l-Artikolu 5, tal-uffiċċji għall-irkupru tal-assi ta' dak l-Istat Membru l-ieħor. Meta jipprovdu tali informazzjoni, l-uffiċċji għall-irkupru tal-assi għandhom jispeċifikaw ir-raġunijiet għaliex l-informazzjoni provduta tkun meqjusa bħala neċessarja.

4.   Sakemm ma jkunx indikat mod ieħor mill-uffiċċju għall-irkupru tal-assi li jipprovdi l-informazzjoni skont il-paragrafu1 jew 3, l-informazzjoni pprovduta tista' titressaq bħala evidenza quddiem qorti nazzjonali jew awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn jinstab l-uffiċċju għall-irkupru tal-assi,, f'konformità mal-proċeduri skont il-liġi nazzjonali, inkluż ir-regoli proċedurali dwar l-ammissibbiltà tal-evidenza fi proċedimenti f'materji kriminali f'konformità mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u mal-obbligi tal-Istati Membri kif jinsabu fl-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

5.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-uffiċċji għall-irkupru tal-assi jkollhom aċċess dirett għall-Applikazzjoni ta' Network Sikur għall-Iskambju ta' Informazzjoni (SIENA) u jużaw l-oqsma speċifiċi mfassla għall-uffiċċji għall-irkupru tal-assi fis-SIENA li jikkorrispondu għall-informazzjoni meħtieġa skont il-paragrafu 2 jew, fejn xieraq fuq bażi eċċezzjonali, għal mezzi siguri oħra għall-iskambju ta' informazzjoni skont dan l-Artikolu.

6.   L-uffiċċji għall-irkupru tal-assi jistgħu jirrifjutaw li jipprovdu informazzjoni lil uffiċċju għall-irkupru tal-assi rikjedenti jekk ikun hemm raġunijiet fattwali biex wieħed jassumi li l-għoti tal-informazzjoni:

(a)

jagħmel ħsara lill-interessi fundamentali tas-sigurtà nazzjonali tal-Istat Membru fejn ikun jinstab l-uffiċċju għall-irkupru tal-assi li jirċievi t-talba;

(b)

jipperikola investigazzjoni li tkun għaddejja, jew operazzjoni ta' intelligence kriminali, jew joħloq theddida imminenti għall-ħajja jew għall-integrità fiżika ta' persuna; jew

(c)

ikun b'mod ċar sproporzjonat jew irrelevanti fir-rigward tal-għanijiet li għalihom tkun ġiet mitluba.

7.   Meta uffiċċju għall-irkupru tal-assi jirrifjuta, skont il-paragrafu 6, li jipprovdi informazzjoni lil uffiċċju għall-irkupru tal-assi rikjedenti, l-Istat Membru fejn ikun jinstab l-uffiċċju għall-irkupru tal-assi li jirċievi t-talba għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li jingħataw ir-raġunijiet għar-rifjut u li l-uffiċċju għall-irkupru tal-assi rikjedenti jiġi kkonsultat minn qabel. Ir-rifjuti għandhom jaffettwaw biss il-parti tal-informazzjoni mitluba li magħha jkunu relatati r-raġunijiet stipulati fil-paragrafu 6 u u m’għandhomx jaffetwaw l-obbligu li jiġu pprovduti partijiet oħra ta’ dik l-informazzjoni, fejn applikabbli, f'konformità ma' din id-Direttiva.

Artikolu 10

Limiti ta' żmien għall-għoti tal-informazzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-uffiċċji għall-irkupru tal-assi jwieġbu għat-talbiet għall-informazzjoni magħmula skont l-Artikolu 9(1), mill-aktar fis possibbli u fi kwalunkwe każ fil-limiti ta' żmien li ġejjin:

(a)

sebat ijiem kalendarji, għat-talbiet kollha li ma jkunux urġenti;

(b)

tmien sigħat, għal talbiet urġenti relatati mal-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 6 li tkun maħżuna f'bażijiet tad-data u f'reġistri li dawk l-uffiċċji għall-irkupru tal-assi jkollhom aċċess dirett għalihom;

(c)

tlett ijiem kalendarji, għal talbiet urġenti relatati ma' informazzjoni li dawk l-uffiċċji għall-irkupru tal-assi ma jkollhomx aċċess dirett għaliha.

2.   Meta l-informazzjoni mitluba skont il-paragrafu 1, il-punt (b), ma tkunx direttament disponibbli jew it-talba magħmula skont il-paragrafu 1, il-punt (a), timponi piż sproporzjonat fuq l-uffiċċju għall-irkupru tal-assi li jirċievi t-talba, dak l-uffiċċju għall-irkupru tal-assi jista' jdewwem l-għoti tal-informazzjoni. F'tali każ, l-uffiċċju għall-irkupru tal-assi li jirċievi t-talba għandu jinforma minnufih lill-uffiċċju għall-irkupru tal-assi rikjedenti b'dak id-dewmien u għandu jipprovdi l-informazzjoni mitluba malajr kemm jista' jkun fi żmien sebat ijiem mill-iskadenza inizjali stabbilita skont il-paragrafu 1, il-punt (a), jew fi żmien tlett ijiem mill-iskadenza inizjali stabbilita skont il-paragrafu 1, il-punti (b) u (c).

3.   Il-limiti ta' żmien stipulati fil-paragrafu 1 għandhom jibdew malli tasal it-talba għall-informazzjoni.

KAPITOLU III

Iffriżar u konfiska

Artikolu 11

Iffriżar

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jippermettu l-iffriżar tal-proprjetà meħtieġ biex tiġi żgurata l-konfiska possibbli ta' dik il-proprjetà skont l-Artikoli 12 sa 16. Il-miżuri ta' ffriżar għandhom jikkonsistu f'ordnijiet ta' ffriżar u azzjoni immedjata.

2.   L-azzjoni immedjata għandha tittieħed meta jkun meħtieġ sabiex tiġi ppreservata l-proprjetà sakemm tinħareġ ordni ta' ffriżar. Meta azzjoni immedjata ma tiħux il-forma ta' ordni ta' ffriżar, l-Istati Membri għandhom jillimitaw il-validità temporanja ta’ dik l-azzjoni immedjata.

3.   Mingħajr preġudizzju għas-setgħat ta' awtoritajiet kompetenti oħra, l-Istati Membri għandhom jippermettu lill-uffiċċji għall-irkupru tal-assi jieħdu azzjoni immedjata skont il-paragrafu 2 meta jkun hemm riskju imminenti tal-għajbien tal-proprjetà li dawk l-uffiċji jkunu traċċaw u identifikaw fl-eżerċizzju tal-kompiti tagħhom skont l-Artikolu 5(2), il-punt (b). Il-validità ta' tali azzjoni immedjata ma għandhiex taqbeż sebat ijiem ta' xogħol.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-miżuri ta' ffriżar jittieħdu biss minn awtorità kompetenti u li r-raġunijiet għal tali miżuri jkunu stipulati fid-deċiżjoni rilevanti jew irreġistrati fil-proċess tal-kawża jekk il-miżura ta' ffriżar ma tkunx ġiet ordnata bil-miktub.

5.   L-ordni ta' ffriżar għandha tibqa' fis-seħħ biss sakemm meħtieġ biex tiġi ppreservata l-proprjetà bil-ħsieb ta' konfiska possibbli sussegwenti. Il-proprjetà ffriżata li ma tiġix sussegwentement ikkonfiskata għandha tiġi rilaxxata mingħajr dewmien żejjed. Il-kundizzjonijiet jew ir-regoli proċedurali li bihom tali proprjetà tiġi rilaxxata għandhom jiġu ddeterminati mil-liġi nazzjonali.

Artikolu 12

Konfiska

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jippermettu l-konfiska, kompletament jew parzjalment, tal-mezzi strumentali u tar-rikavat li jirriżultaw minn reat kriminali soġġett għal kundanna finali, li tista' tirriżulta wkoll minn proċedimenti in absentia.

2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jippermettu l-konfiska ta' proprjetà li l-valur tagħha jikkorrispondi għal mezzi strumentali jew rikavat li jirriżultaw minn reat kriminali soġġett għal kundanna finali, li tista' tirriżulta wkoll minn proċedimenti in absentia. Tali konfiska tista' tkun sussidjarja jew alternattiva għall-konfiska skont il-paragrafu 1.

Artikolu 13

Konfiska minn parti terza

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jippermettu l-konfiska ta' rikavat, jew ta' proprjetà oħra li l-valur tagħhom jikkorrispondi għal rikavat, li, direttament jew indirettament, ikun ġie ittrasferit minn persuna suspettata jew akkużata lil partijiet terzi, jew li kien akkwistat minn partijiet terzi mingħand persuna suspettata jew akkużata.

Il-konfiska ta' rikavat jew proprjetà oħra kif imsemmija fl-ewwel subparagrafu għandha tkun possibbli meta qorti nazzjonali tkun stabbiliet, abbażi tal-fatti u ċ-ċirkostanzi konkreti ta’ każ, li l-partijiet terzi rilevanti kienu jafu jew kellhom ikunu jafu li l-għan tat-trasferiment jew tal-akkwist kien li tiġi evitata l-konfiska. It-tali fatti u ċirkostanzi jinkludu:

(a)

it-trasferiment jew l-akkwist sar mingħajr ħlas jew bi skambju għal ammont li huwa sproporzjonat b'mod ċar għall-valur tas-suq tal-proprjetà; jew

(b)

il-proprjetà ġiet ittrasferita lil partijiet relatati mill-qrib filwaqt li baqgħet taħt il-kontroll effettiv tal-persuna suspettata jew akkużata.

2.   Il-paragrafu 1 ma għandux jippreġudika d-drittijiet ta' persuni terzi in bona fide.

Artikolu 14

Konfiska estiża

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jippermettu l-konfiska, kompletament jew parzjalment, ta' proprjetà li tappartjeni lil persuna kkundannata għal reat kriminali meta r-reat imwettaq jista' jwassal, direttament jew indirettament, għal benefiċċju ekonomiku, u fejn qorti nazzjonali tkun sodisfatta li l-proprjetà tkun derivata minn imġiba kriminali.

2.   Fid-determinazzjoni ta' jekk il-proprjetà inkwistjoni tkunx derivata minn imġiba kriminali, għandhom jitqiesu ċ-ċirkostanzi kollha tal-każ, inkluż il-fatti speċifiċi u l-evidenza disponibbli, bħal li l-valur tal-proprjetà jkun sproporzjonat għall-introjtu legali tal-persuna kkundannata.

3.   Għall-finijiet ta' dan l-Artikolu, il-kunċett ta' “reat kriminali” għandu mill-inqas jinkludi r-reati elenkati fl-Artikolu 2, il-paragrafi 1 sa 3, meta tali reati jkunu punibbli b'ċaħda tal-libertà ta' massimu ta' mill-anqas erba' snin.

Artikolu 15

Konfiska mhux ibbażata fuq kundanna

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jippermettu, skont il-kundizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, il-konfiska tal-mezzi strumentali, tar-rikavat jew tal-proprjetà kif imsemmija fl-Artikolu 12, jew rikavat jew proprjetà ittrasferiti lil partijiet terzi kif imsemmi fl-Artikolu 13, fejn ikunu nbdew proċedimenti kriminali iżda ma setgħux jitkomplew minħabba waħda jew aktar miċ-ċirkostanzi li ġejjin:

(a)

il-mard tal-persuna suspettata jew akkużata;

(b)

il-ħarba tal-persuna suspettata jew akkużata;

(c)

il-mewt tal-persuna suspettata jew akkużata;

(d)

il-perjodu ta' preskrizzjoni għar-reat kriminali rilevanti preskritt mil-liġi nazzjonali huwa inqas minn 15-il sena u skada wara l-bidu tal-proċedimenti kriminali.

2.   Il-konfiska mingħajr kundanna minn qabel skont dan l-Artikolu għandha tkun limitata għal każijiet fejn, fin-nuqqas taċ-ċirkostanzi stabbiliti fil-paragrafu 1, seta’ kien possibbli għall-proċedimenti kriminali rilevanti li jwasslu għal kundanna kriminali, għal ta’ l-inqas reati li jistgħu jwasslu, direttament jew indirettament, għal benefiċċju ekonomiku sostanzjali, u fejn il-qorti nazzjonali tkun sodisfatta li l-mezzi strumentali, ir-rikavat jew il-proprjetà li għandhom jiġu kkonfiskati jkunu derivati mir-reat kriminali inkwistjoni jew ikunu direttament jew indirettament marbuta miegħu.

Artikolu 16

Konfiska ta' ġid mhux ġustifikat marbut ma' imġiba kriminali

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jippermettu, fejn, f'konformità mal-liġi nazzjonali, il-miżuri ta' konfiska tal-Artikoli 12 sa 15 ma jkunux jistgħu jiġu applikati, il-konfiska ta' proprjetà identifikata fil-kuntest ta' investigazzjoni fir-rigward ta' reat kriminali, sakemm qorti nazzjonali tkun sodisfatta li l-proprjetà identifikata tkun ġejja minn imġiba kriminali mwettqa fil-qafas ta' organizzazzjoni kriminali u li l-imġiba tista' twassal, direttament jew indirettament, għal benefiċċju ekonomiku sostanzjali.

2.   Fid-determinazzjoni ta' jekk il-proprjetà msemmija fil-paragrafu 1 għandhiex tiġi kkonfiskata, għandhom jitqiesu ċ-ċirkostanzi kollha tal-każ, inkluż l-evidenza disponibbli u l-fatti speċifiċi, li jistgħu jinkludu=:

(a)

li l-valur tal-proprjetà jkun sostanzjalment sproporzjonat għall-introjtu legali tal-persuna affettwata;

(b)

li ma hemm l-ebda sors leċitu plawżibbli tal-proprjetà;

(c)

li l-persuna affettwata hija konnessa ma' persuni li għandhom rabtiet ma' organizzazzjoni kriminali.

3.   Il-paragrafu 1 ma għandux jippreġudika d-drittijiet ta' persuni terzi in bona fide.

4.   Għall-finijiet ta' dan l-Artikolu, il-kunċett ta' “reat kriminali” għandu jinkludi r-reati msemmija fl-Artikolu 2(1) sa (3), meta tali reati jkunu punibbli b'ċaħda tal-libertà ta' massimu ta' mill-anqas erba' snin.

5.   L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li l-konfiska ta' ġid mhux ġustifikat f'konformità ma dan l-Artikolu għandha tkun insegwita biss fejn il-proprjetà li għandha tiġi kkonfiskata qabel tkun ġiet iffriżata fil-kuntest ta' investigazzjoni fir-rigward ta' reat kriminali mwettaq fil-qafas ta' organizzazzjoni kriminali.

Artikolu 17

Konfiska u eżekuzzjoni effettivi

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jippermettu t-traċċar u l-identifikazzjoni tal-proprjetà li għandha tiġi ffriżata u kkonfiskata anki wara kundanna finali għal reat kriminali jew wara proċedimenti ta’ konfiskat skont l-Artikoli 15 u 16.

2.   Għall-fini tal-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jużaw għodod ta' traċċar u identifikazzjoni li jkunu effettivi daqs dawk disponibbli għat-traċċar u l-iffriżar tal-assi skont il-Kapitolu II ta' din id-Direttiva.

3.   L-Istati Membri jistgħu jikkonkludu ftehimiet ta' kondiviżjoni tal-kostijiet ma' Stati Membri oħra għall-eżekuzzjoni ta' ordnijiet ta' ffriżar u ta' konfiska.

Artikolu 18

Kumpens għall-vittmi

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri xierqa biex jiżguraw li fejn, riżultat ta' reat kriminali, il-vittmi jkollhom pretensjonijiet kontra l-persuna li tkun soġġetta għal miżura ta' konfiska prevista f'din id-Direttiva, tali pretensjonijiet jitqiesu fil-proċedimenti tat-traċċar rilevanti, l-iffriżar u l-konfiska tal-assi.

2.   L-Istati Membri għandhom jippermettu lill-awtoritajiet kompetenti responsabbli għall-investigazzjonijiet għat-traċċar tal-assi skont l-Artikolu 4 jipprovdu, fuq talba, lill-awtoritajiet responsabbli biex jiddeċiedu dwar talbiet għal restituzzjoni u kumpens jew biex jeżegwixxu tali deċiżjonijiet, kwalunkwe informazzjoni dwar l-assi identifikati li tista’ tkun rilevanti għal tali għanijiet. L-Istati Membri jistgħu jippermettu wkoll lill-awtoritajiet kompetenti responsabbli għall-investigazzjonijiet tat-traċċar tal-assi skont l-Artikolu 4 biex jipprovdu tali informazzjoni mingħajr ma ssir tali talba.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-uffiċċji għall-irkupru tal-assi jkunu jistgħu jittraċċaw u jidentifikaw il-mezzi strumentali u r-rikavat jew il-proprjetà li tkun jew tista' ssir is-suġġett ta' deċiżjoni ta' kumpens jew ta' restituzzjoni ta' proprjetà lil vittma, mill-inqas meta l-uffiċċji għall-irkupru tal-assi jaġixxu f'każijiet transfruntiera f'konformità mal-Artikolu 5(2), il-punt (b), u meta d-deċiżjoni tinħareġ minn qorti li jkollha l-kompetenza f'materji kriminali fi Stat Membru ieħor matul il-proċedimenti kriminali.

4.   Meta vittma tkun intitolata għar-restituzzjoni ta' proprjetà li tkun jew tista' ssir soġġetta għal miżura ta' konfiska prevista f'din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jirrestitwixxu l-proprjetà kkonċernata lill-vittma, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 15 tad-Direttiva 2012/29/UE.

5.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-eżekuzzjoni tal-miżuri ta' konfiska previsti taħt din id-Direttiva ma tippreġudikax id-drittijiet tal-vittmi milli jiksbu kumpens. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jillimitaw it-tali miżuri għal sitwazzjonijiet fejn l-assi legali tat-trasgressur ma jkunux biżżejjed biex ikopru l-ammont totali tal-kumpens.

Artikolu 19

Użu ulterjuri tal-proprjetà kkonfiskata

1.   L-Istati Membri huma mħeġġa jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jippermettu l-possibbiltà li tintuża proprjetà kkonfiskata, fejn xieraq, għal skopijiet ta' interess pubbliku jew soċjali.

2.   Mingħajr preġudizzju għal-liġi internazzjonali applikabbli, l-Istati Membri jistgħu jużaw il-mezzi strumentali, ir-rikavat jew il-proprjetà kkonfiskata fir-rigward tar-reati msemmija fid-Direttiva (UE) 2024/1226, biex jikkontribwixxu għal mekkaniżmi li jappoġġaw lil pajjiżi terzi affettwati minn sitwazzjonijiet li b'reazzjoni għalihom ġew adottati miżuri restrittivi mill-Unjoni, b'mod partikolari f'każijiet ta' gwerra ta' aggressjoni. Il-Kummissjoni tista' tipprovdi gwida dwar l-arranġamenti għal tali kontribuzzjonijiet.

KAPITOLU IV

Ġestjoni

Artikolu 20

Ġestjoni tal-assi u ppjanar

1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw miżuri xierqa biex jiżguraw il-ġestjoni effiċjenti tal-entitajiet, bħal impriżi,li għandhom jiġu ppreservati bħala negozju avvjat.

2.   L-Istati Membri huma mħeġġa jieħdu miżuri xierqa biex jipprevjenu li proprjetà tiġi akkwistata matul id-disponiment tagħha wara ordni ta' konfiska minn persuni kkundannati fil-proċedimenti kriminali li fihom il-proprjetà tkun ġiet iffriżata.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw il-ġestjoni effiċjenti tal-proprjetà ffriżata u kkonfiskata sad-disponiment tagħha wara ordni ta' konfiska finali

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta ġġustifikat min-natura tal-propjetà, l-awtoritajiet kompetenti responsabbli għall-ġestjoni tal-proprjetà ffriżata jivvalutaw iċ-ċirkostanzi speċifiċi ta’ -proprjetà li tista' ssir is-suġġett ta' ordni ta' konfiska sabiex jimminimizzaw il-kostijiet tal-ġestjoni stmati tagħha u jippreservaw għall-finijiet tal-preservazzjoni u l-ottimizzazzjoni tal-valur ta' tali proprjetà sad-disponiment tagħha. Tali valutazzjoni għandha titwettaq waqt it-tħejjija jew, l-aktar tard, mingħajr dewmien żejjed wara l-eżekuzzjoni tal-ordni ta' ffriżar.

5.   L-Istati Membri jistgħu jirrikjedu li l-kostijiet għall-ġestjoni tal-proprjetà ffriżata jiġu fatturati, tal-anqas parzjalment, lis-sid benefiċjarju.

Artikolu 21

Bejgħ interlokutorju

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proprjetà li hija l-oġġett ta’ ordni ta' ffriżar tkun tista' tiġi ttrasferita jew mibjugħa qabel ordni ta' konfiska finali f'waħda jew aktar miċ-ċirkostanzi li ġejjin.

(a)

il-proprjetà soġġetta għall-iffriżar titħassar jew tiġi deprezzata malajr;

(b)

il-kostijiet tal-ħżin jew tal-manutenzjoni tal-proprjetà jkunu sproporzjonati għall-valur tas-suq tagħha;

(c)

il-ġestjoni tal-proprjetà tirrikjedi kundizzjonijiet speċjali u għarfien espert li ma jkunux faċilment disponibbli.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-interessi tal-persuna affettwata jiġu kkunsidrati meta tinħareġ ordni ta' bejgħ interlokutorju, inkluż jekk il-proprjetà li għandha tinbiegħ tkunx faċilment sostitwibbli. Bl-eċċezzjoni ta' każijiet fejn il-persuna affettwata tkun ħarbet jew ma tkunx tista' tinstab, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuna affettwata tiġi nnotifikata u, ħlief f'każijiet ta' urġenza, tingħata l-opportunità li tinstema' qabel il-bejgħ. Il-persuna affettwata għandha tingħata l-possibbiltà li titlob il-bejgħ tal-proprjetà.

3.   Il-qligħ mill-bejgħ interlokutorju għandu jiġi żgurat sakemm tintlaħaq deċiżjoni ġudizzjarja dwar il-konfiska.

Artikolu 22

Uffiċċji għall-ġestjoni tal-assi

1.   Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi jew jaħtar mill-inqas awtorità kompetenti waħda li tiffunzjona bħala uffiċċju għall-ġestjoni tal-assi għall-fini tal-ġestjoni ta' proprjetà ffriżata u kkonfiskata sad-disponiment ta’ dik il-proprjetà wara ordni finalita' konfiska.

2.   L-uffiċċji għall-ġestjoni tal-assi għandu jkollhom il-kompiti li ġejjin:

(a)

li jiżguraw il-ġestjoni effiċjenti tal-proprjetà ffriżata u kkonfiskata, jew permezz tal-ġestjoni diretta tal-proprjetà ffriżata u kkonfiskata jew permezz tal-għoti ta' appoġġ u għarfien espert lil awtoritajiet kompetenti oħra responsabbli għall-ġestjoni tal-proprjetà ffriżata u kkonfiskata u l-ippjanar f’konformità mal-Artikolu 20(4);

(b)

li jikkooperaw ma' awtoritajiet kompetenti oħra responsabbli għat-traċċar u l-identifikazzjoni, l-iffriżar u l-konfiska ta' proprjetà, skont din id-Direttiva;

(c)

li jikkooperaw ma' awtoritajiet kompetenti oħra responsabbli għall-ġestjoni tal-proprjetà ffriżata u kkonfiskata f'każijiet transfruntieri.

KAPITOLU V

Salvagwardji

Artikolu 23

Obbligu li l-persuni affettwati jiġu infurmati

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ordnijiet ta' ffriżar imsemmija fl-Artikolu 11, l-ordnijiet ta' konfiska imsemmija fl-Artikoli 12 sa 16 u l-ordnijiet għall-bejgħ imsemmija fl-Artikolu 21 jiġu kkomunikati lill-persuna affettwata mingħajr dewmien żejjed. Tali ordnijiet għandhom jistabbilixxu r-raġunijiet għall-miżura kif ukoll id-drittijiet u r-rimedji legali disponibbli għal dik il-persuna affettwata skont l-Artikolu 24. L-Istati Membri jistgħu jipprevedu dritt għall-awtoritajiet kompetenti li jipposponu l-komunikazzjoni tal-ordnijiet ta' ffriżar lill-persuna affettwata sakemm ikun meħtieġ biex jiġi evitat li tiġi pperikolata investigazzjoni kriminali.

Artikolu 24

Rimedji legali

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni affettwati mill-ordnijiet ta' ffriżar skont l-Artikolu 11 u mill-ordnijiet ta' konfiska skont l-Artikoli 12 sa 16 jkollhom id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess ġust sabiex jitħarsu d-drittijiet tagħhom.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-drittijiet għad-difiża, inkluż id-dritt ta' aċċess għall-fajl, id-dritt għal smigħ fir-rigward ta' kwistjonijiet ta' liġi u ta' fatt u, fejn rilevanti, id-dritt għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni, ikunu garantiti lill-persuni affettwati li huma persuni suspettati jew akkużati jew lil persuni affettwati minn konfiska skont l-Artikolu 16.

L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li persuni affettwati oħra jkollhom ukoll id-drittijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu. L-Istati Membri għandhom jipprevedu li dawn il-persuni affettwati oħra jkollhom id-dritt ta' aċċess għall-fajl u, d-dritt li jinstemgħu fir-rigward ta' kwistjonijiet ta' liġi u ta' fatt kif ukoll kwalunkwe dritt proċedurali ieħor li huwa meħtieġ biex jeżerċitaw b'mod effettiv id-dritt tagħhom għal rimedju effettiv. Id-dritt għall-aċċess għall-fajl jista' jkun limitat għad-dokumenti relatati mal-miżura ta' ffriżar jew ta' konfiska sakemm il-persuni affettwati jkollhom aċċess għad-dokumenti meħtieġa biex jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal rimedju effettiv.

3.   L-Istati Membri għandhom jipprevedu l-possibbiltà effettiva għall-persuna li l-proprjetà tagħha tkun ġiet affettwata li tikkontesta l-ordni ta' ffriżar skont l-Artikolu 11 quddiem qorti, f'konformità mal-proċeduri stipulati fil-liġi nazzjonali. Meta tinħareġ l-ordni ta' ffriżar minn awtorità kompetenti għajr awtorità ġudizzjarja, il-liġi nazzjonali tista' tipprevedi li tali ordni l-ewwel għandha tiġi sottomessa għal validazzjoni jew rieżami lil awtorità ġudizzjarja qabel ma tkun tista' tiġi kkontestata quddiem qorti.

4.   Fejn il-persuna suspettata jew akkużata tkun ħarbet, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi raġonevoli kollha biex jiżguraw possibbiltà effettiva li jiġi eżerċitat id-dritt li tikkontesta l-ordni ta' konfiska u għandhom jirrikjedu li l-persuna kkonċernata tiġi mħarrka għall-proċedimenti ta' konfiska jew li jsiru sforzi raġonevoli biex dik il-persuna ssir taf b'tali proċedimenti.

5.   L-Istati Membri għandhom jipprevedu l-possibbiltà effettiva li l-persuna li l-proprjetà tagħha tkun ġiet affettwata tikkontesta l-ordni ta' konfiska skont l-Artikoli 12 sa 16, inkluż iċ-ċirkostanzi rilevanti tal-każ u l-evidenza disponibbli li fuqha jkunu bbażati s-sejbiet, quddiem qorti, f'konformità mal-proċeduri previsti fil-liġi nazzjonali.

6.   L-Istati Membri għandhom jipprevedu l-possibbiltà effettiva li persuna affettwata tikkontesta ordni għal bejgħ interlokutorju skont l-Artikolu 21 u għandhom jagħtu lill-persuna affettwata d-drittijiet proċedurali kollha meħtieġa biex teżerċita id-dritt għal rimedju effettiv. L-Istati Membri għandhom jipprevedu l-possibbiltà li qorti tista' tissospendi l-eżekuzzjoni ta' tali ordni tal-bejgħ, jekk b’mod ieħor jkun hemm ħsara irreparabbli lill-persuna affettwata.

7.   Il-partijiet terzi għandhom ikunu intitolati li jitolbu t-titolu ta' sjieda jew drittijiet oħra ta' proprjetà inkluż fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 13.

8.   Il-persuni affettwati mill-miżuri previsti f'din id-Direttiva għandu jkollhom id-dritt ta' aċċess għal avukat matul il-proċedimenti ta' ffriżar u ta' konfiska. Il-persuni kkonċernati għandhom jiġu infurmati b'dak id-dritt.

KAPITOLU VI

Qafas Strateġiku għall-Irkupru tal-Assi

Artikolu 25

Strateġija nazzjonali dwar l-irkupru tal-assi

1.   L-Istati Membri għandhom sal-24 ta’ Mejju 2027 jadottaw strateġija nazzjonali dwar l-irkupru tal-assi u jaġġornawha f'intervalli regolari ta' mhux aktar minn ħames snin.

2.   L-istrateġija msemmija fil-paragrafu 1 għandha tinkludi:

(a)

elementi li jikkonċernaw il-prijoritajiet tal-politika nazzjonali f'dan il-qasam, u l-objettivi u l-miżuri biex dawn jintlaħqu;

(b)

ir-rwol u r-responsabbiltajiet tal-awtoritajiet kompetenti, inkluż l-arranġamenti għal koordinazzjoni u kooperazzjoni bejniethom;

(c)

ir-riżorsi;

(d)

it-taħriġ;

(e)

il-miżuri li għandhom jittieħdu, fejn applikabbli, dwar l-użu ta’ assi kkonfiskati għal finijiet ta’ interess pubbliku jew soċjali;

(f)

attivitajiet li għandhom jitwettqu dwar il-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi;

(g)

arranġamenti li jippermettu evalwazzjoni regolari tar-riżultati.

3.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw l-istrateġiji tagħhom, u kwalunkwe aġġornament tal-istrateġiji tagħhom, lill-Kummissjoni fi żmien tliet xhur mill-adozzjoni tagħhom.

Artikolu 26

Riżorsi

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-uffiċċji għall-irkupru tal-assi u l-uffiċċji għall-ġestjoni tal-assi li jwettqu kompiti skont din id-Direttiva, ikollhom persunal kwalifikati u r-riżorsi finanzjarji, tekniċi u teknoloġiċi xierqa meħtieġa għat-twettiq effettiv tal-funzjonijiet tagħhom relatati mal-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva. Mingħajr preġudizzju għall-indipendenza ġudizzjarja u d-differenzi fl-organizzazzjoni tal-ġudikaturamadwar l-Unjoni, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li taħriġ speċjalizzat u l-iskambji tal-aħjar prattiki jkunu disponibbli għall-persunal involut fl-identifikazzjoni, it-traċċar u l-irkupru u l-konfiska tal-assi.

Artikolu 27

Ġestjoni effiċjenti tal-proprjetà ffriżata u kkonfiskata

1.   Għall-fini tal-ġestjoni tal-proprjetà ffriżata u kkonfiskata, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-uffiċċji għall-ġestjoni tal-assi, u meta xieraq l-uffiċċji għall-irkupru tal-assi, u awtoritajiet kompetenti oħra li jwettqu kompiti skont din id-Direttiva jkunu jistgħu jiksbu malajr informazzjoni dwar il-proprjetà ffriżata u kkonfiskata li għandha tiġi ġestita skont din id-Direttiva. Għal dak l-għan, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu għodod effiċjenti għall-ġestjoni tal-proprjetà ffriżata jew ikkonfiskata, bħal reġistru ċentrali wieħed jew reġistri oħra ta' proprjetà ffriżata u kkonfiskata skont din id-Direttiva.

2.   Għall-għanijiet tal-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun possibbli li tinkiseb informazzjoni rigward dan li ġej:

(a)

il-proprjetà li hija l-oġġett ta’ ordni ta' ffriżar jew ta' konfiska u li għandha tiġi ġestita skont l-Artikolu 20(3) sad-disponiment tagħha wara ordni ta' konfiska finali, inkluż dettalji li jippermettu l-identifikazzjoni tal-proprjetà;

(b)

il-valur stmat jew reali, fejn xieraq, tal-proprjetà fil-mument tal-iffriżar, il-konfiska u d-disponiment;

(c)

is-sid tal-proprjetà, inkluż is-sid benefiċjarju, fejn tali informazzjoni tkun disponibbli;

(d)

ir-referenza tal-fajl nazzjonali tal-proċediment relatat mal-proprjetà.

3.   Meta l-Istati Membri jistabbilixxu reġistru ta' proprjetà ffriżata u kkonfiskataskont il-paragrafu 1, għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet b’ aċċess għar-reġistru jkunu jistgħu jfittxu u jiksbu informazzjoni dwar l-isem tal-awtorità li ddaħħal l-informazzjoni fir-reġistru u dwar l-identifikatur uniku tal-utent tal-uffiċjal li jkun daħħal l-informazzjoni fir-reġistru.

4.   Meta l-Istati Membri jistabbilixxu reġistru ta’ proprjetà ffriżata u kkonfiskata skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, huma għandhom jiżguraw li l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu tinżamm sakemm meħtieġa għall-finijiet taż-żamma ta' rekord u ħarsa ġenerali tal-proprjetà ffriżata, ikkonfiskata, jew taħt ġestjoni, u mhux aktar mid-data tad-disponiment tagħha, jew għall-finijiet li tiġi pprovduta statistika annwali kif imsemmi fl-Artikolu 28.

5.   Meta l-Istati Membri jistabbilixxu reġistru ta' proprjetà ffriżata u kkonfiskata skont il-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe data personali maħżuna fir-reġistru tkun tista' tiġi aċċessata u użata għall-finijiet tal-iffriżar, il-konfiska u l-ġestjoni tal-mezzi strumentali, tar-rikavat jew tal-proprjetà li jkunu jew jistgħu jsiru s-suġġett ta' ordni ta' konfiska, f'konformità mar-regoli applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data.

6.   Meta l-Istati Membri jistabbilixxu reġistru ta' proprjetà ffriżata u kkonfiskata skont il-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun hemm fis-seħħ miżuri tekniċi u organizzattivi xierqa biex jiżguraw is-sigurtà tad-data li tinsab fir-reġistru tal-proprjetà ffriżata u kkonfiskata u għandhom jaħtru l-awtorità jew l-awtoritajiet kompetenti responsabbli għall-ġestjoni tar-reġistri u għat-twettiq tal-kompiti tal-kontrollur kif definit fir-regoli applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data.

Artikolu 28

Statistika

L-Istati Membri għandhom jiġbru regolarment mill-awtoritajiet rilevanti u jżommu statistika komprensiva sabiex jirrieżaminaw l-effettività tas-sistemi ta' konfiska tagħhom. L-istatistika miġbura għandha tintbagħat lill-Kummissjoni kull sena sal-31 ta' Diċembru tas-sena ta' wara u għandha tinkludi:

(a)

l-għadd ta' ordnijiet ta' ffriżar eżegwiti;

(b)

l-għadd ta' ordnijiet ta' konfiska eżegwiti;

(c)

il-valur stmat tal-proprjetà ffriżata fil-mument tal-iffriżar, fid-dawl tal-possibbiltà li tiġi sussegwentement ikkonfiskata;

(d)

il-valur stmat tal-proprjetà rkuprata fil-mument tal-konfiska;

(e)

l-għadd ta' talbiet għal ordnijiet ta' ffriżar li għandhom jiġu eżegwiti fi Stat Membru ieħor;

(f)

l-għadd ta' talbiet għal ordnijiet ta' konfiska li għandhom jiġu eżegwiti fi Stat Membru ieħor;

(g)

il-valur jew il-valur stmat tal-proprjetà rkuprata wara l-eżekuzzjoni fi Stat Membru ieħor;

(h)

il-valur tal-proprjetà kkonfiskata meta mqabbel mal-valur tagħha fil-mument tal-iffriżar, fejn disponibbli fil-livell ċentrali;

(i)

id-diżaggregazzjoni tan-numri u l-valuri marbuta mal-punti (b) u (d) skont it-tip ta' konfiska, fejn disponibbli fil-livell ċentrali;

(j)

l-għadd ta' bejgħ interlokutorju, fejn disponibbli fil-livell ċentrali;

(k)

il-valur tal-proprjetà maħsuba biex terġa' tintuża għal skopijiet soċjali.

KAPITOLU VII

Kooperazzjoni

Artikolu 29

In-network ta' kooperazzjoni fuq l-irkupru u l-konfiska tal-assi

1.   Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi network ta' kooperazzjoni dwar l-irkupru u l-konfiska tal-assi biex tiffaċilita l-kooperazzjoni fost l-uffiċċji għall-irkupru tal-assi u l-uffiċċji għall-ġestjoni tal-assi u mal-Europol fir-rigward tal-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva, u biex tagħti pariri lill-Kummissjoni u tippermetti l-iskambju tal-aħjar prattiki fir-rigward tal-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva.

2.   Il-Kummissjoni tista’ tistieden rappreżentanti mill-Eurojust, mill-UPPE u, fejn xieraq, mill-Awtorità għall-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus biex jipparteċipaw fil-laqgħat tan-network imsemmija fil-paragrafu 1.

Artikolu 30

Kooperazzjoni mal-korpi u l-aġenziji tal-Unjoni

1.   L-uffiċċji għall-irkupru tal-assi tal-Istati Membri għandhom, fi ħdan il-kompetenzi rispettivi tagħhom u f'konformità mal-qafas legali applikabbli, jikkooperaw mill-qrib mal-UPPE għall-finijiet tal-iffaċilitar tal-identifikazzjoni ta' mezzi strumentali, ta' rikavat jew ta' proprjetà li jkunu jew jistgħu jsiru s-suġġett ta' ordni ta' ffriżar jew ta' konfiska fi proċedimenti f'materji kriminali li jikkonċernaw reati kriminali li jaqgħu fi ħdan il-kompetenzi tal-UPPE.

2.   L-uffiċċji għall-irkupru tal-assi u l-uffiċċji għall-ġestjoni tal-assi għandhom jikkooperaw mal-Europol u mal-Eurojust, f'konformità mal-oqsma ta' kompetenza tagħhom, għall-finijiet tal-iffaċilitar tal-identifikazzjoni tal-mezzi strumentali, ta’ rikavat jew ta’ proprjetà li jkunu jew jistgħu jsiru s-suġġett ta' ordni ta' ffriżar jew ta' konfiska maħruġa minn awtorità kompetenti matul proċedimenti f'materji kriminali, biex jiffaċilitaw il-ġestjoni tal-assi ffriżati u kkonfiskati.

Artikolu 31

Kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-uffiċċji tal-ġestjoni tal-assi jikkooperaw, fi ħdan il-qafas legali internazzjonali, mal-kontropartijiet tagħhom f'pajjiżi terzi kemm jista' jkun, u soġġett għall-qafas legali applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data, għall-finijiet tat-twettiq tal-kompiti skont l-Artikolu 5.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-uffiċċji tal-ġestjoni tal-assi jikkooperaw, fi ħdan il-qafas legali internazzjonali, mal-kontropartijiet tagħhom f'pajjiżi terzi kemm jista' jkun, u soġġett għall-qafas legali applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data, għall-finijiet tat-twettiq tal-kompiti skont l-Artikolu 22.

KAPITOLU VIII

Dispożizzjonijiet finali

Artikolu 32

Awtoritajiet kompetenti maħtura u punti ta' kuntatt

1.   L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bl-awtorità jew l-awtoritajiet maħtura biex iwettqu l-kompiti skont l-Artikoli 5 u 22.

2.   L-Istati Membri għandhom jinnominaw massimu ta' żewġ punti ta' kuntatt biex jiffaċilitaw il-kooperazzjoni f'każijiet transfruntiera fost l-uffiċċji għall-irkupru tal-assi u massimu ta' żewġ punti ta' kuntatt biex jiffaċilitaw il-kooperazzjoni fost l-uffiċċji għall-ġestjoni tal-assi. Ma għandux ikun meħtieġ għal tali punti ta' kuntatt li jkunu inkarigati huma stess bil-kompiti skont l-Artikolu 5 jew 22.

3.   Sal-24 ta’ Mejju 2027, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar l-awtorità jew l-awtoritajiet kompetenti u, meta rilevanti, il-punti ta' kuntatt imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 rispettivament.

4.   Sal-24 ta’ Mejju 2027, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi reġistru online li jelenka l-awtoritajiet kompetenti kollha u l-punt ta' kuntatt maħtur għal kull awtorità kompetenti. Il-Kummissjoni għandha tippubblika u taġġorna b'mod regolari fuq is-sit web tagħha l-lista tal-awtoritajiet imsemmija fil-paragrafu 1.

Artikolu 33

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sat-23 ta’ Novembru 2026. Huma għandhom jinformaw minnufih lill-Kummissjoni dwar dan.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, fihom għandu jkun hemm referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn dik ir-referenza meta ssir il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi kif issir tali -referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri..

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 34

Rappurtar

1.   Il-Kummissjoni għandha, sal-24 ta’ Novembru 2028, tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, li jivvaluta l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva.

2.   Il-Kummissjoni għandha, sal-24 ta’ Novembru 2031, tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li jevalwa din id-Direttiva. Il-Kummissjoni għandha tqis l-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri u kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra relatata mat-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva. Abbażi ta' dik l-evalwazzjoni, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar l-azzjonijiet ta' segwitu xierqa, inkluż, jekk tkun meħtieġa, proposta leġiżlattiva.

Artikolu 35

Relazzjoni ma' strumenti oħra

Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għad-Direttiva (UE) 2019/1153.

Artikolu 36

Sostituzzjoni tal-Azzjoni Konġunta 98/699/ĠAI, id-Deċiżjonijiet Kwadru 2001/500/ĠAI u 2005/212/ĠAI, id-Deċiżjoni 2007/845/ĠAI u d-Direttiva 2014/42/UE

1.   L-Azzjoni Konġunta 98/699/ĠAI, id-Deċiżjonijiet Kwadru 2001/500/ĠAI u 2005/212/ĠAI, id-Deċiżjoni 2007/845/ĠAI u d-Direttiva 2014/42/UE huma sostitwiti fir-rigward tal-Istati Membri marbuta b'din id-Direttiva, mingħajr preġudizzju għall-obbligi ta' dawk l-Istati Membri fir-rigward tad-data għat-traspożizzjoni ta' dawk l-istrumenti fil-liġi nazzjonali.

2.   Fir-rigward tal-Istati Membri marbuta b'din id-Direttiva, ir-referenzi għall-istrumenti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva.

Artikolu 37

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 38

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri f'konformità mat-Trattati.

Magħmul fi Strasburgu, l-24 ta’ April 2024.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

R. METSOLA

Għall-Kunsill

Il-President

M. MICHEL


(1)   ĠU C 100, 16.3.2023, p. 105.

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta’ Marzu 2024 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tat-12 ta’ April 2024.

(3)  Id-Direttiva 2014/42/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta' April 2014 dwar l-iffriżar u l-konfiska ta' mezzi strumentali u r-rikavat minn attività kriminali fl-Unjoni Ewropea (ĠU L 127, 29.4.2014, p. 39).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/845/ĠAI tas-6 ta' Diċembru 2007 dwar il-kooperazzjoni bejn l-Uffiċċji għall-Irkupru tal-Assi tal-Istati Membri fil-qasam tar-rintraċċar u l-identifikazzjoni ta' rikavat mill-kriminalità, jew proprjetà oħra relatata magħha (ĠU L 332, 18.12.2007, p. 103).

(5)  Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2005/212/ĠAI tal-24 ta' Frar 2005 dwar il-Konfiska ta' Rikavat, Mezzi Strumentali u Proprjetà Konnessi mal-Kriminalità (ĠU L 68, 15.3.2005, p. 49).

(6)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2002/90/KE tat-28 ta' Novembru 2002 li tiddefinixxi l-iffaċilitar ta' dħul, tranżitu u residenza mhux awtorizzati (ĠU L 328, 5.12.2002, p. 17).

(7)  Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/946/JHA tat-28 ta' Novembru 2002 dwar it-tisħiħ tal-qafas penali biex ikun impedut it-tħaffif tad-dħul, it-tranżitu u r-residenza mhux awtorizzati (ĠU L 328, 5.12.2002, p. 1).

(8)  Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2008/841/ĠAI tal-24 ta' Ottubru 2008 dwar il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata (ĠU L 300, 11.11.2008, p. 42).

(9)  Id-Direttiva (UE) 2024/1226 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' April 2024 dwar id-definizzjoni ta’ reati kriminali u ta’ pieni għall-ksur ta’ miżuri restrittivi tal-Unjoni li temenda d-Direttiva (UE) 2018/1673 (ĠU L, 2024/1226, 29.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2024/1226/oj).

(10)  Ir-Regolament (UE) 2018/1805 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Novembru 2018 dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta' ordnijiet ta' ffriżar u ordnijiet ta' konfiska (ĠU L 303, 28.11.2018, p. 1).

(11)  Id-Direttiva (UE) 2019/1153 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2019 li tistabbilixxi regoli li jiffaċilitaw l-użu ta' informazzjoni finanzjarja u informazzjoni oħra għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta' ċerti reati kriminali, u li tħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/642/ĠAI (ĠU L 186, 11.7.2019, p. 122).

(12)  Id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73).

(13)  Id-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 89).

(14)  Ir-Regolament (UE) 2016/794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2016 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) u li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2009/371/ĠAI, 2009/934/ĠAI, 2009/935/ĠAI, 2009/936/ĠAI u 2009/968/ĠAI (ĠU L 135, 24.5.2016, p. 53).

(15)  Id-Direttiva 2010/64/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ottubru 2010 dwar id-drittijiet għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni fi proċedimenti kriminali (ĠU L 280, 26.10.2010, p. 1).

(16)  Id-Direttiva 2012/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2012 dwar id-dritt għall-informazzjoni fi proċeduri kriminali (ĠU L 142, 1.6.2012, p. 1).

(17)  Id-Direttiva 2012/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/220/ĠAI (ĠU L 315, 14.11.2012, p. 57).

(18)  Id-Direttiva 2013/48/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2013 dwar id-dritt ta' aċċess għas-servizzi ta' avukat fi proċedimenti kriminali u fi proċedimenti ta' mandat ta' arrest Ewropew, u dwar id-dritt li tiġi infurmata parti terza dwar iċ-ċaħda tal-libertà u d-dritt għal komunikazzjoni ma' partijiet terzi u mal-awtoritajiet konsulari, matul iċ-ċaħda tal-libertà (ĠU L 294, 6.11.2013, p. 1).

(19)  Id-Direttiva 2014/60/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar ir-ritorn ta ' oġġetti kulturali mneħħija illegalment mit-territorju ta' Stat Membru u li temenda r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 (ĠU L 159, 28.5.2014, p. 1).

(20)  Id-Direttiva (UE) 2016/343 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Marzu 2016 dwar it-tisħiħ ta' ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess fil-proċedimenti kriminali (ĠU L 65, 11.3.2016, p. 1).

(21)  Id-Direttiva (UE) 2016/800 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2016 dwar il-garanziji proċedurali għal tfal li huma suspettati jew li huma persuni akkużati fi proċedimenti kriminali (ĠU L 132, 21.5.2016, p. 1).

(22)  Id-Direttiva (UE) 2016/1919 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ottubru 2016 dwar għajnuna legali għal persuni ssuspettati u akkużati fi proċedimenti kriminali u għal persuni rikjesti fi proċedimenti ta' mandat ta' arrest Ewropew (ĠU L 297, 4.11.2016, p. 1).

(23)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(24)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 tat-12 ta' Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (“l-UPPE”) (ĠU L 283, 31.10.2017, p. 1).

(25)  L-Azzjoni Konġunta 98/699/JHA tat-3 ta' Diċembru 1998 adottata mill-Kunsill fuq il-bażi ta' Artikolu K.3 tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea dwar il-money laundering, l-identifikazzjoni, ir-rintraċċar, l-iffriżar, is-sekwestru u l-konfiska ta' għodda u qligħ mill-kriminalità (ĠU L 333, 9.12.1998, p. 1).

(26)  Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2001 dwar il-ħasil tal-flus, l-identifikazzjoni, l-intraċċar, l-iffriżar, il-qbid u l-konfiska tal-mezzi u l-qligħ mill-kriminalità (ĠU L 182, 5.7.2001, p. 1).

(27)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).

(28)   ĠU C 425, 8.11.2022, p. 2.

(29)  Id-Direttiva (UE) 2017/541 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Marzu 2017 dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/475/ĠAI u li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/671/ĠAI (ĠU L 88, 31.3.2017, p. 6).

(30)  Id-Direttiva 2011/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' April 2011 dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/629/ĠAI (ĠU L 101, 15.4.2011, p. 1).

(31)  Id-Direttiva 2011/93/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 2011 dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2004/68/ĠAI (ĠU L 335, 17.12.2011, p. 1).

(32)  Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2004/757/ĠAI tal-25 ta' Ottubru 2004 li tistabbilixxi dispożizzjonijiet minimi dwar l-elementi kostitwenti ta' atti kriminali u ta' pieni fil-qasam tat-traffikar illeċitu ta' drogi (ĠU L 335, 11.11.2004, p. 8).

(33)   ĠU C 195, 25.6.1997, p. 1.

(34)  Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2003/568/JHA tat-22 ta' Lulju 2003 dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni fis-settur privat (ĠU L 192, 31.7.2003, p. 54).

(35)  Id-Direttiva (UE) 2018/1673 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2018 dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus permezz tal-liġi kriminali (ĠU L 284, 12.11.2018, p. 22).

(36)  Id-Direttiva (UE) 2019/713 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' April 2019 dwar il-ġlieda kontra l-frodi u l-falsifikazzjoni ta' mezzi ta' pagament mhux bi flus kontanti u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/413/ĠAI (ĠU L 123, 10.5.2019, p. 18).

(37)  Id-Direttiva 2014/62/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar il-protezzjoni tal-euro u muniti oħra kontra l-iffalsifikar permezz tal-liġi kriminali, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2000/383/ĠAI (ĠU L 151, 21.5.2014, p. 1).

(38)  Id-Direttiva 2013/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Awwissu 2013 dwar attakki kontra sistemi ta' informazzjoni u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2005/222/ĠAI (ĠU L 218, 14.8.2013, p. 8).

(39)   ĠU L 89, 25.3.2014, p. 10.

(40)  Id-Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2017 dwar il-ġlieda kontra l-frodi tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali (ĠU L 198, 28.7.2017, p. 29).

(41)  Id-Direttiva 2008/99/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Novembru 2008 dwar il-protezzjoni tal-ambjent permezz tal-liġi kriminali (ĠU L 328, 6.12.2008, p. 28).

(42)  Id-Direttiva 2005/35/KE tal- Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Settembru 2005 dwar t-tniġġis ikkawżat minn vapuri u dwar l-introduzzjoni ta' penali, inklużi pieni kriminali, għal reati ta’ tniġġis (ĠU L 255, 30.9.2005, p. 11).

(43)  Id-Direttiva 2014/57/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 dwar sanzjonijiet kriminali għal abbuż tas-suq (direttiva dwar l-abbuż tas-suq) (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 179).

(44)  Ir-Regolament (UE) 2023/1113 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta' Mejju 2023 dwar l-informazzjoni li takkumpanja t-trasferimenti ta' fondi u ta' ċerti kriptoassi u li jemenda d-Direttiva (UE) 2015/849 (ĠU L 150, 9.6.2023, p. 1).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2024/1260/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)