|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2024/1256 |
30.4.2024 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/1256
tas-26 ta’ April 2024
li temenda u tikkoreġi d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/1586 fir-rigward tal-istandards armonizzati għall-makkinarju agrikolu li jgħabbi minn quddiem, għall-quads li jintużaw fuq kull xorta ta’ art, kif ukoll għall-għodod elettriċi li jinżammu fl-idejn u jitħaddmu b’mutur
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2006/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 2006 dwar il-makkinarju, u li temenda d-Direttiva 95/16/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 10 tagħha,
Billi:
|
(1) |
F’konformità mal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2006/42/KE, il-makkinarju manifatturat f’konformità ma’ standard armonizzat, li r-referenza għalih ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, għandu jkun preżunt li jikkonforma mar-rekwiżiti essenzjali tas-saħħa u tas-sikurezza koperti minn tali standard armonizzat. |
|
(2) |
Permezz tal-ittra M/396 tad-19 ta’ Diċembru 2006, il-Kummissjoni talbet (“it-talba M/396”) lill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (CEN) u lill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni Elettroteknika (Cenelec) biex jabbozzaw, jirrevedu u jlestu l-ħidma fuq l-istandards armonizzati b’appoġġ għad-Direttiva 2006/42/KE biex iqisu l-bidliet introdotti b’dik id-Direttiva meta mqabbla mad-Direttiva 98/37/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2). |
|
(3) |
Abbażi tat-talba M/396, CEN u Cenelec u l-istandards armonizzati abbozzati EN 12525:2000+A2:2010 dwar il-makkinarju agrikolu li jgħabbi minn quddiem, EN 15997:2011, kif ikkoreġut b’EN 15997:2011/AC:2012, dwar il-vetturi li jintużaw fuq kull xorta ta’ art u s-sikurezza tal-quads, EN 62841-1:2015, kif ikkoreġut b’EN 62841-1:2015/AC:2015 u emendat b’EN 62841-1:2015/A11:2022, dwar għodod elettriċi li jinżammu fl-idejn u jitħaddmu b’mutur, għodod li jistgħu jinġarru, u makkinarju għal lawns u ġonna, u EN 62841-2-11:2016, kif emendat b’EN 62841-2-11:2016/A1:2020, dwar għodod elettriċi li jinżammu fl-idejn u jitħaddmu b’mutur, għodod li jistgħu jinġarru, u makkinarju għal lawns u ġonna. Ir-referenzi ta’ dawk l-istandards huma ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1586 (3). |
|
(4) |
Fis-6 ta’ Ġunju 2022, il-Ġermanja ressqet oġġezzjoni formali f’konformità mal-Artikolu 10 tad-Direttiva 2006/42/KE kontra l-istandard armonizzat EN 12525:2000+A2:2010 fejn spjegat li l-istandard armonizzat jonqos milli jissodisfa r-rekwiżiti essenzjali tas-saħħa u s-sikurezza stabbiliti fil-punti 1.1.2. u 1.7.4.2. (l) tal-Anness I tad-Direttiva 2006/42/KE. Il-Ġermanja targumenta li l-istandard dwar il-vetturi agrikoli għat-tagħbija minn quddiem jimponi miżuri organizzattivi minflok miżuri tekniċi, fir-rigward tar-rekwiżiti stabbiliti fil-punt 1.1.2. tal-Anness I ta’ dik id-Direttiva. Barra minn hekk, il-Ġermanja targumenta li l-preżenza ta’ struttura ta’ protezzjoni kontra l-qlib mhijiex meqjusa biżżejjed biex tkopri r-rekwiżiti stabbiliti fil-punt 1.7.4.2. (1) tad-Direttiva 2006/42/KE bħala struttura ta’ protezzjoni minn oġġetti li jaqgħu li tikkorrispondi għall-kodiċi 10 (4) tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) jenħtieġ li tkun preżenti minflok. |
|
(5) |
L-oġġezzjoni formali ġiet diskussa fil-Grupp ta’ Esperti tal-Kummissjoni dwar il-Makkinarju (5) fil-laqgħat tiegħu tal-10 ta’ Ottubru 2022 u tat-23 ta’ Marzu 2023. Dan ġie diskuss mill-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) dwar l-istandardizzazzjoni Ewropea fil-15 ta’ Diċembru 2023. |
|
(6) |
Wara li eżaminat l-istandard armonizzat EN 12525:2000+A2:2010 flimkien mar-rappreżentanti tal-Grupp ta’ Esperti tal-Kummissjoni dwar il-Makkinarju u r-rappreżentanti tal-kumitat stabbilit permezz tal-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-istandard jonqos milli jissodisfa r-rekwiżiti essenzjali tas-saħħa u s-sikurezza stabbiliti fil-punti 1.1.2. u 1.7.4.2. (1) tal-Anness I tad-Direttiva 2006/42/KE. |
|
(7) |
Fit-30 ta’ Settembru 2022, Franza ressqet oġġezzjoni formali f’konformità mal-Artikolu 10 tad-Direttiva 2006/42/KE kontra l-istandard armonizzat EN 15997:2011, kif ikkoreġut b’EN 15997:2011/AC:2012, fejn spjegat li jonqos milli jissodisfa r-rekwiżiti essenzjali tas-saħħa u s-sikurezza stabbiliti fil-punti 1.1.2., 1.3.1., u 3.4.1. tal-Anness I tad-Direttiva 2006/42/KE. Franza targumenta li l-istandard li jkopri l-vetturi u l-quads li jintużaw fuq kull xorta ta’ art, ma jindirizzax b’mod adegwat il-prinċipji tal-integrazzjoni tas-sikurezza u l-użu ħażin raġonevolment prevedibbli stabbiliti fil-punt 1.1.2 tal-Anness I tad-Direttiva 2006/42/KE. Franza targumenta wkoll li għandu wkoll nuqqasijiet serji relatati mat-telf tal-istabbiltà peress li ma għandux rekwiżiti għall-istabbiltà laterali u għall-istabbiltà lonġitudinali ’l quddiem stabbiliti fil-punt 1.3.1 tal-Anness I tad-Direttiva. Barra minn hekk, Franza targumenta li dak l-istandard armonizzat ma għandux speċifikazzjonijiet biex jipprevjeni movimenti mhux ikkontrollati stabbiliti fil-punt 3.4.1 tal-Anness I tad-Direttiva 2006/42/KE. Skont Franza, l-avvenimenti ta’ qlib u l-eġezzjoni tar-rikkieba huma meqjusa bħala l-aktar xenarji ta’ inċidenti rilevanti. |
|
(8) |
L-oġġezzjoni formali ġiet diskussa fil-Grupp ta’ Esperti tal-Kummissjoni dwar il-Makkinarju fil-laqgħa tagħha tat-23 ta’ Marzu 2023. Dan ġie diskuss mill-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012 dwar l-istandardizzazzjoni Ewropea fil-15 ta’ Diċembru 2023. |
|
(9) |
Wara li eżaminat l-istandard armonizzat EN 15997:2011, kif ikkoreġut b’EN 15997:2011/AC:2012, flimkien mar-rappreżentanti tal-Grupp ta’ Esperti tal-Kummissjoni dwar il-Makkinarju u r-rappreżentanti tal-kumitat stabbilit permezz tal-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-istandard jonqos milli jissodisfa r-rekwiżiti essenzjali tas-saħħa u s-sikurezza stabbiliti fil-punti 1.1.2., 1.3.1., and 3.4.1 tal-Anness I tad-Direttiva 2006/42/KE. |
|
(10) |
Fl-20 ta’ Mejju 2022, il-Ġermanja ressqet oġġezzjoni formali f’konformità mal-Artikolu 10 tad-Direttiva 2006/42/KE kontra l-istandard armonizzat EN 62841-1:2015, kif ikkoreġut b’EN 62841-1:2015/AC:2015, u l-istandard armonizzat EN 62841-2-11:2016, kif emendat b’EN 62841-2-11:2016/A1:2020, fejn spjegat li dawk l-istandards armonizzati jonqsu milli jissodisfaw r-rekwiżiti essenzjali tas-saħħa u s-sikurezza stabbiliti fil-punti 1.2.3. u 2.2.1. tal-Anness I tad-Direttiva 2006/42/KE. Il-Ġermanja targumenta illi l-istandard armonizzat EN 62841-1:2015, kif ikkoreġut b’EN 62841-1:2015/AC:2015, u l-istandard armonizzat EN 62841-2-11:2016, kif emendat b’EN 62841-2-11:2016/A1:2020, bit-tnejn li huma jkopru magni elettriċi li jinżammu bl-idejn bħall-jigsaws, ma joffrux biżżejjed protezzjoni kontra t-tqabbid mhux intenzjonat wara telf fil-vultaġġ, fir-rigward tar-rekwiżiti stabbiliti fil-punt 1.2.3. (it-tieni paragrafu, l-ewwel inċiż, applikat mal-ewwel paragrafu) u l-punt 2.2.1. (L-ewwel paragrafu, it-tielet inċiż) tal-Anness I tad-Direttiva 2006/42/KE. |
|
(11) |
L-oġġezzjoni formali ġiet diskussa fil-Grupp ta’ Esperti tal-Kummissjoni dwar il-Makkinarju fil-laqgħa tiegħu tal-10 ta’ Ottubru 2022 u fil-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012 dwar l-Istandardizzazzjoni Ewropea fil-15 ta’ Diċembru 2023. |
|
(12) |
Wara li eżaminat l-istandard armonizzat EN 62841-1:2015, kif ikkoreġut b’EN 62841-1:2015/AC:2015, u l-istandard armonizzat EN 62841-2-11:2016, kif emendat b’EN 62841-2-11:2016/A1:2020, flimkien mar-rappreżentanti tal-Grupp ta’ Esperti tal-Kummissjoni dwar il-Makkinarju u l-kumitat stabbilit permezz tal-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-istandard jonqos milli jissodisfa r-rekwiżiti essenzjali tas-saħħa u s-sikurezza stabbiliti fil-punti 1.2.3. u 2.2.1. tal-Anness I tad-Direttiva 2006/42/KE. |
|
(13) |
Peress illi r-referenza tal-emenda EN 62841-1:2015/A11:2022 kienet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/1586, wara l-oġġezzjoni mressqa mill-Ġermanja, il-Kummissjoni qieset ukoll l-istandard armonizzat EN 62841-1:2015, kif ikkoreġut b’EN 62841-1:2015/AC:2015 u emendat b’EN 62841-1:2015/A11:2022, u kkonkludiet illi l-istandard għadu jonqos milli jilħaq ir-rekwiżiti essenzjali tas-saħħa u s-sikurezza stabbiliti fil-punt 1.2.3. (it-tieni paragrafu, l-ewwel inċiż, applikat mal-ewwel paragrafu) u l-punt 2.2.1. (l-ewwel paragrafu, it-tielet inċiż) tal-Anness I tad-Direttiva 2006/42/KE. |
|
(14) |
L-istandards armonizzati EN 12525:2000+A2:2010; EN 15997:2011, kif ikkoreġut b’EN 15997:2011/AC:2012; EN 62841-1:2015, kif ikkoreġut b’EN 62841-1:2015/AC:2015 u emendat b’EN 62841-1:2015/A11:2022; u EN 62841-2-11:2016, kif emendat b’EN 62841-2-11:2016/A1:2020, għaldaqstant jenħtieġ li jinżamm f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea b’restrizzjoni. |
|
(15) |
Ir-referenzi ta’ standards armonizzati EN 12525:2000+A2:2010; EN 15997:2011, kif ikkoreġut b’EN 15997:2011/AC:2012; EN 62841-1:2015, kif ikkoreġut b’EN 62841-1:2015/AC:2015 u emendat b’EN 62841-1:2015/A11:2022; u EN 62841-2-11:2016, kif emendat b’EN 62841-2-11:2016/A1:2020, huma elenkati fl-Anness I tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/1586. Dak l-Anness jinkludi wkoll ir-referenzi tal-istandards armonizzati abbozzati b’appoġġ għad-Direttiva 2006/42/KE, iżda li huma ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea b’restrizzjonijiet. Għalhekk, jenħtieġ li jinżammu r-referenzi ta’ dawk l-istandards armonizzati, billi jitħassru minn dak l-Anness u jiġu introdotti mill-ġdid fih, bir-restrizzjonijiet xierqa. |
|
(16) |
Ir-referenza tal-istandard armonizzat EN 62841-1:2015, kif ikkoreġut b’EN 62841-1:2015/AC:2015, hija elenkata fl-Anness II tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/1586, li jelenka r-referenzi tal-istandards armonizzati li jiġu rtirati wara dati speċifiċi. Dak l-Anness jinkludi wkoll ir-referenzi tal-istandards armonizzati abbozzati b’appoġġ għad-Direttiva 2006/42/KE b’restrizzjonijiet. Għalhekk, jenħtieġ li tinżamm ir-referenza ta’ dak l-istandard armonizzat, billi titħassar minn dak l-Anness u tiġi introdotta mill-ġdid fih, bir-restrizzjonijiet xierqa. |
|
(17) |
Għal raġunijiet ta’ ċarezza u ċertezza, jenħtieġ li l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/1586 jipprevedi li l-applikabbiltà tal-istandards, li r-referenzi tagħhom huma elenkati f’dak l-Anness, tkun soġġetta għal kwalunkwe restrizzjoni stabbilita fl-Anness III ta’ dik id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni. L-Artikolu 3 ta’ dik id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni jenħtieġ li għalhekk jiġi emendat. |
|
(18) |
Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/1586 jenħtieġ li għalhekk tiġi emendata u kkoreġuta skont dan. |
|
(19) |
Il-konformità ma’ standard armonizzat tagħti preżunzjoni ta’ konformità mar-rekwiżiti essenzjali korrispondenti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni mid-data tal-pubblikazzjoni tar-referenza ta’ tali standard f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħha, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Emendi għad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/1586
Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/1586 hija emendata kif ġej:
|
(1) |
L-Artikolu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej: “Artikolu 1 Ir-referenzi tal-istandards armonizzati għall-makkinarju abbozzati b’appoġġ għad-Direttiva 2006/42/KE u elenkati fl-Anness I ta’ din id-Deċiżjoni huma b’dan ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Ir-referenzi tal-istandards elenkati fil-Parti Tlieta, il-punt 2, ir-ringieli 121, 266, 324a, 343, 405, 495, 513a, 671a u 681a tal-Anness I ta’ din id-Deċiżjoni huma ppubblikati jew miżmuma f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea b’restrizzjonijiet.”; |
|
(2) |
fl-Artikolu 2, it-tieni paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej: “Madankollu, għandha tkompli tapplika għar-referenzi tal-istandards armonizzati elenkati fl-Anness II ta’ din id-Deċiżjoni sad-dati tal-irtirar ta’ dawk ir-referenzi stabbiliti f’dak l-Anness, soġġett għal kwalunkwe restrizzjoni stabbilita f’dak l-Anness.”; kif ukoll |
|
(3) |
L-Annessi I u II huma emendati f’konformità mal-Anness ta’ din id-Deċiżjoni. |
Artikolu 2
Korrezzjoni tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/1586
Fl-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/1586, it-tieni paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Madankollu, għandha tkompli tapplika għar-referenzi tal-istandards armonizzati elenkati fl-Anness III ta’ din id-Deċiżjoni sad-dati tal-irtirar ta’ dawk ir-referenzi stabbiliti f’dak l-Anness, soġġett għal kwalunkwe restrizzjoni stabbilita f’dak l-Anness.”.
Artikolu 3
Dħul fis-seħħ
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ April 2024.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 157, 9.6.2006, p. 24, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2006/42/oj.
(2) Id-Direttiva 98/37/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ġunju 1998 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar il-makkinarju (ĠU L 207, 23.7.1998, p. 1).
(3) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1586 tas-26 ta’ Lulju 2023 dwar l-istandards armonizzati għall-makkinarju abbozzati b’appoġġ għad-Direttiva 2006/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 194, 2.8.2023, p. 45, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2023/1586/oj).
(4) Il-kodiċi standard 10 tal-OECD dwar l-ittestjar uffiċjali ta’ strutturi ta’ protezzjoni minn oġġetti li jaqgħu fuq tratturi għall-agrikoltura u għall-forestrija, stabbilit mill-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi, kif imsemmi fir-ringiela 40 tal-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 167/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Frar 2013 dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq ta’ vetturi għall-agrikoltura u għall-forestrija (ĠU L 60, 2.3.2013, p. 1).
(5) Il-Grupp E03676 tar-Reġistru tal-Gruppi ta’ Esperti tal-Kummissjoni u Entitajiet Oħra Simili.
(6) Ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar l-Istandardizzazzjoni Ewropea, li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/686/KEE u 93/15/KEE u d-Direttivi 94/9/KE, 94/25/KE, 95/16/KE, 97/23/KE, 98/34/KE, 2004/22/KE, 2007/23/KE, 2009/23/KE u 2009/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/95/KEE u d-Deċiżjoni Nru 1673/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 316, 14.11.2012, p. 12, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2012/1025/oj).
ANNESS
L-Annessi I u II għad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/1586 huma emendati kif ġej:
|
(1) |
fil-Parti Tlieta tal-Anness I, il-punt 2 huwa emendat kif ġej:
|
|
(2) |
fil-Parti Tnejn tal-Anness II, il-punt 2 huwa emendat kif ġej:
|
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2024/1256/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)