European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/1254

30.4.2024

DEĊIŻJONI (UE) 2024/1254 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-24 ta’ April 2024

li temenda d-Direttivi 2009/12/KE, 2009/33/KE u (UE) 2022/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kunsill 96/67/KE fir-rigward ta’ ċerti rekwiżiti ta’ rapportar fl-oqsma tat-trasport bit-triq u tal-avjazzjoni

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 91 u l-Artikoli 100(2) u 192(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu f’konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Ir-rekwiżiti ta’ rapportar għandhom rwol ewlieni fl-iżgurar tal-monitoraġġ xieraq u l-infurzar korrett tal-leġiżlazzjoni. Madankollu, huwa importanti li tali rekwiżiti jiġu ssimplifikati sabiex jiġi żgurat li jissodisfaw l-iskop li għalih kienu maħsuba u biex jiġi limitat il-piż amministrattiv.

(2)

Id-Direttivi 2009/12/KE (3), 2009/33/KE (4) u (UE) 2022/1999 (5) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kunsill 96/67/KE (6) fihom għadd ta’ rekwiżiti ta’ rapportar fl-oqsma tat-trasport bit-triq u tal-avjazzjoni, li jenħtieġ li jiġu ssimplifikati f’konformità mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Marzu 2023 intitolata “Il-kompetittività fit-tul tal-UE: inħarsu lil hinn mill-2030”.

(3)

Id-Direttiva 2009/12/KE tapplika għall-ajruporti kollha li jinsabu f’territorju soġġett għat-Trattat u miftuħa għat-traffiku kummerċjali liema traffiku annwali jaqbeż il-ħames miljun passiġġier kif ukoll għall-ajruport bl-ogħla moviment ta’ passiġġieri f’kull Stat Membru. Din tirrikjedi li l-Istati Membri jippubblikaw lista tal-ajruporti fit-territorju tagħhom li dik id-Direttiva tapplika għalihom, u li jaġġornaw dik il-lista kull sena. Peress li l-informazzjoni li tinsab f’dik il-lista hija disponibbli għall-pubbliku u faċilment aċċessibbli mill-partijiet ikkonċernati tal-ajruporti, l-assoċjazzjonijiet tal-ajruporti u l-Eurostat, u sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv, jixraq li jitneħħa dak l-obbligu ta’ pubblikazzjoni.

(4)

Id-Direttiva 2009/33/KE tistabbilixxi miri minimi għall-akkwist ta’ vetturi nodfa, espressi bħala perċentwali minimi ta’ vetturi nodfa fl-għadd totali ta’ vetturi ta’ trasport fuq it-triq koperti minn kuntratti mogħtija matul żewġ perjodi ta’ referenza. L-ewwel perjodu ta’ referenza huwa mit-2 ta’ Awwissu 2021 sal-31 ta’ Diċembru 2025, u t-tieni wieħed mill-1 ta’ Jannar 2026 sal-31 ta’ Diċembru 2030.

(5)

Id-Direttiva 2009/33/KE tirrikjedi li l-Istati Membri jirrapportaw dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva sat-18 ta’ April 2026, u minn hemm ’il quddiem kull 3 snin. Ir-rapporti tal-Istati Membri għandhom jinkludu l-għadd u l-kategoriji ta’ vetturi akkwistati fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2009/33/KE. Barra minn hekk, id-Direttiva 2009/33/KE tirrikjedi li l-Kummissjoni tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta’ dik id-Direttiva sat-18 ta’ April 2027 u minn hemm ’il quddiem kull 3 snin, abbażi tar-rapporti ppreżentati mill-Istati Membri skont dik id-Direttiva.

(6)

Sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv u tiġi razzjonalizzata l-iskeda tar-rapportar, jixraq li l-frekwenza tar-rapportar tal-Istati Membri skont id-Direttiva 2009/33/KE titnaqqas, u li tiġi allinjata bis-sħiħ mal-perjodi ta’ referenza ta’ ħames snin previsti f’dik id-Direttiva. Minħabba dik il-bidla fil-frekwenza tar-rapportar, ma għadux xieraq li jiġi rikjest li tali rapportar jakkumpanja r-rapporti msemmija fl-Artikolu 83(3), it-tieni subparagrafu, tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) u fl-Artikolu 99(3), it-tieni subparagrafu, tad-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament u tal-Kunsill (8), li t-tnejn li huma jipprevedu rapportar kull tliet snin. Peress li r-rapportar tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jibni fuq ir-rapporti nazzjonali tal-Istati Membri, jenħtieġ li tiġi adattata wkoll il-frekwenza ta’ dak ir-rapportar.

(7)

Id-Direttiva (UE) 2022/1999 tirrikjedi li għal kull sena kalendarja l-Istati Membri jibagħtu lill-Kummissjoni rapport dwar l-applikazzjoni ta’ dik id-Direttiva. Minħabba l-benefiċċji limitati tar-rapportar annwali, u sabiex jitnaqqas il-piżi amministrattiv u tiġi razzjonalizzata l-iskeda tar-rapportar, jixraq li titnaqqas il-frekwenza ta’ tali rapporti għal kull tieni sena kalendarja.

(8)

Fir-rigward tal-kontenut tar-rapporti dwar l-applikazzjoni tagħha, id-Direttiva (UE) 2022/1999 tirrikjedi li l-Istati Membri jinkludu, jekk possibbli, il-volum stabbilit jew stmat ta’ merkanzija perikoluża li se tinġarr bit-triq, f’tunnellati ttrasportati jew f’tunnellati/kilometri. Minħabba n-natura fakultattiva ta’ dak ir-rekwiżit, id-data rilevanti ma tinġabarx jew ma tiġix irrapportata b’mod konsistenti mill-Istati Membri. Sadanittant, l-Eurostat jipprovdi data ċara u konsistenti dwar it-trasport ta’ merkanzija perikoluża, li l-Kummissjoni sserraħ fuqha biex tfassal ir-rapport triennali għall-Parlament Ewropew u għall-Kunsill. Peress li l-Kummissjoni diġà għandha aċċess għal dik id-data, jixraq li jitneħħa l-obbligu li jiġi rrapportat il-volum totali ta’ merkanzija perikoluża li tinġarr bit-triq fl-Istat Membru sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv.

(9)

Id-Direttiva (UE) 2022/1999 tirrikjedi wkoll li l-Kummissjoni tibgħat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, għall-ewwel darba fl-1999 u wara mill-inqas kull tliet snin, rapport b’rabta mal-applikazzjoni ta’ dik id-Diretiva mill-Istati Membri. Sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv u tiġi razzjonalizzata l-iskeda tar-rapportar, jixraq li jkun meħtieġ li dak ir-rapport jintbagħat kull erba’ snin.

(10)

L-Artikolu 1(4) tad-Direttiva 96/67/KE jirrikjedi li l-Kummissjoni tippubblika ta’ kull sena lista tal-ajruporti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha u li l-Istati Membri jibagħtu lill-Kummissjoni d-data meħtieġa biex titfassal dik il-lista. Peress li dik l-informazzjoni hija disponibbli għall-pubbliku u faċilment aċċessibbli mill-partijiet ikkonċernati tal-ajruporti, l-assoċjazzjonijiet tal-ajruporti jew il-Eurostat, u sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv, jixraq li jitneħħa dak l-obbligu ta’ rapportar u ta’ pubblikazzjoni.

(11)

Għalhekk, id-Direttivi 2009/12/KE, 2009/33/KE, (UE) 2022/1999 u 96/67/KE jenħtieġ li jiġu emendati skont dan,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Emenda għad-Direttiva 2009/12/KE

Fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 2009/12/KE, jitħassar il-paragrafu 3.

Artikolu 2

Emendi għad-Direttiva 2009/33/KE

L-Artikolu 10 tad-Direttiva 2009/33/KE huwa emendat kif ġej:

(1)

il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Sat-18 ta’ April 2026, u kull ħames snin wara dan, l-Istati Membri għandhom jippreżentaw rapport dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva lill-Kummissjoni. Dawk ir-rapporti għandu jkun fihom informazzjoni dwar il-miżuri meħuda għall-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, dwar attivitajiet ta’ implimentazzjoni futuri, kif ukoll kwalunkwe informazzjoni oħra li l-Istat Membru jqis rilevanti. Dawk ir-rapporti għandhom jinkludu wkoll in-numru u l-kategoriji tal-vetturi koperti mill-kuntratti msemmija fl-Artikolu 3(1) ta’ din id-Direttiva, abbażi tad-data pprovduta mill-Kummissjoni f’konformità mal-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu. L-informazzjoni għandha tiġi ppreżentata abbażi tal-kategoriji stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 2195/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1).

(*1)  Ir-Regolament (KE) Nru 2195/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunill tal-5 ta’ Novembru 2002 dwar il-Vokabularju Komuni tal-Akkwist (ĠU L 340, 16.12.2002, p. 1).”;"

(2)

il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.   Sat-18 ta’ April 2027, u kull ħames snin wara dan, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, li jispeċifika l-miżuri meħuda mill-Istati Membri f’dan ir-rigward, wara r-rapporti msemmija fil-paragrafu 2.”.

Artikolu 3

Emendi għad-Direttiva (UE) 2022/1999

Id-Direttiva (UE) 2022/1999 hija emendata kif ġej:

(1)

l-Artikolu 9 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“L-aħħar rapport skont l-ewwel subparagrafu għandu jiġi ppreżentat lill-Kummissjoni sal--31 ta’ Diċembru 2024 u għandu jkopri l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2023 sal-31 ta’ Diċembru 2023.”;

(b)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“1a.   Mill-1 ta’ Jannar 2024, ir-rapporti għal kull sena kalendarja msemmija fil-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu, għandhom jiġu ppreżentati lill-Kummissjoni kull sentejn, mhux aktar tard minn 12-il xahar wara tmiem it-tieni sena, u għandhom jinkludu l-informazzjoni li ġejja:

(a)

in-numru ta’ kontrolli li jkunu saru;

(b)

in-numru ta’ vetturi kkontrollati skont il-post tar-reġistrazzjoni (vetturi rreġistrati fuq livell nazzjonali, fi Stati Membri oħra jew f’pajjiżi terzi);

(c)

in-numru ta’ ksur ta’ regolamenti li jkunu ġew reġistrati skont il-kategorija tar-riskju kif imsemmi fl-Anness II;

(d)

it-tip u n-numru ta’ penali imposti.

L-ewwel rapport skont l-ewwel subparagrafu għandu jiġi ppreżentat sal-31 ta’ Diċembru 2026.”;

(c)

fil-paragrafu 2, jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Mill-2025 ’il quddiem, il-Kummissjoni għandha tibgħat dak ir-rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill mill-inqas kull erba’ snin.”;

(2)

L-Anness III huwa sostitwit bit-test stipulat fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 4

Emenda għad-Direttiva 96/67/KE

Fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 96/67/KE, jitħassar il-paragrafu 4.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Strasburgu, l-24 ta’ April 2024.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

R. METSOLA

Għall-Kunsill

Il-President

M. MICHEL


(1)   ĠU C, C/2024/1590, 5.3.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/1590/oj.

(2)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta’ Marzu 2024 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-12 ta’ April 2024.

(3)  Id-Direttiva 2009/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2009 dwar l-imposti tal-ajruporti (ĠU L 70, 14.3.2009, p. 11).

(4)  Id-Direttiva 2009/33/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar il-promozzjoni ta’ vetturi ta’ trasport fuq it-triq nodfa u effiċjenti fl-użu tal-enerġija (ĠU L 120, 15.5.2009, p. 5).

(5)  Id-Direttiva (UE) 2022/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Ottubru 2022 dwar proċeduri uniformi għal kontrolli fuq it-trasport ta’ merkanzija perikoluża bit-triq (ĠU L 274, 24.10.2022, p. 1).

(6)  Id-Direttiva tal-Kunsill 96/67/KE tal-15 ta’ Ottubru 1996 dwar l-aċċess għas-suq tal-groundhandling fl-ajruporti tal-Komunità (ĠU L 272, 25.10.1996, p. 36).

(7)  Id-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 65).

(8)  Id-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 243).


ANNESS

“ANNESS III

Mudell tal-formola standard għar-rapport li għandu jintbagħat lill-Kummissjoni dwar il-ksur u l-penali

Pajjiż: _____________________

Sena: ________________


KONTROLLI TAT-TRASPORT TAL-MERKANZIJA PERIKOLUŻA BIT-TRIQ

 

Post/pajjiż tar-reġistrazzjoni tal-vetturi(1)

Għadd totali

Pajjiż li fih sar il-kontroll

Stati Membri oħra tal-UE

Pajjiżi terzi

Għadd ta’ unitajiet tat-trasport ikkontrollati abbażi tal-kontenut tat-tagħbija (u l-ADR)

 

 

 

 

Għadd ta’ unitajiet tat-trasport li ma jikkonformawx mal-ADR

 

 

 

 

Għadd ta’ unitajiet tat-trasport immobilizzati

 

 

 

 

Għadd ta’ ksur innotat, skont il-kategorija tar-riskju(2)

Kategorija tar-riskju I

 

 

 

 

Kategorija tar-riskju II

 

 

 

 

Kategorija tar-riskju III

 

 

 

 

Għadd ta’ penali imposti, skont it-tip ta’ penali

Twissija

 

 

 

 

Multa

 

 

 

 

Oħrajn

 

 

 

 

Noti ta’ qiegħ il-paġna:

(1)

Għall-fini ta’ dan l-Anness, il-pajjiż tar-reġistrazzjoni huwa l-pajjiż tar-reġistrazzjoni tal-vettura motorizzata.

(2)

Meta jkun hemm diversi ksur f’unità tat-trasport, għandha tapplika biss l-aktar kategorija ta’ riskju serju f’konformità mal-Anness II.”.

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/1254/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)