|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2024/1237 |
30.4.2024 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2024/1237
tad-29 ta’ April 2024
li temenda d-Deċiżjoni 2014/486/PESK dwar il-Missjoni ta’ Konsulenza tal-Unjoni Ewropea għar-Riforma tas-Settur tas-Sigurtà Ċivili fl-Ukrajna (EUAM Ukraine)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 42(4) u l-Artikolu 43(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,
Billi:
|
(1) |
Fit-22 ta’ Lulju 2014, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2014/486/PESK (1), dwar il-Missjoni ta’ Konsulenza tal-Unjoni Ewropea għar-Riforma tas-Settur tas-Sigurtà Ċivili fl-Ukrajna (EUAM Ukraine). |
|
(2) |
Fl-20 ta’ Mejju 2021, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2021/813 (2), li estendiet il-mandat tal-EUAM Ukraine sal-31 ta’ Mejju 2024 u tat l-EUAM Ukraine ammont ta’ referenza finanzjarja għall-perjodu mill-1 ta’ Ġunju 2021 sal-31 ta’ Mejju 2024. |
|
(3) |
Fit-23 ta’ Frar 2022, il-Federazzjoni Russa nediet aggressjoni militari mhux provokata u mhux ġustifikata kontra l-Ukrajna, li l-Kunsill Ewropew ikkundanna bl-aktar mod qawwi possibbli fil-konklużjonijiet tiegħu tal-24 ta’ Frar 2022. |
|
(4) |
Fit-18 ta’ Marzu 2022, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2022/452 (3), li tat lil EUAM Ukraine l-kompitu addizzjonali li tagħti pariri lill-awtoritajiet Ukreni bl-għan li tiffaċilita l-fluss ta’ refuġjati mill-Ukrajna lejn il-Polonja, ir-Rumanija u s-Slovakkja u l-fluss ta’ għajnuna umanitarja lejn l-Ukrajna. |
|
(5) |
Fit-13 ta’ April 2022, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2022/638 (4), li tat lil EUAM Ukraine l-kompitu addizzjonali li jipprovdi appoġġ lill-awtoritajiet Ukreni biex jiffaċilitaw l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati internazzjonali. |
|
(6) |
Il-kompiti addizzjonali mogħtija lill-EUAM Ukraine u s-sitwazzjoni tas-sigurtà fl-Ukrajna wasslu għal infiq ogħla. |
|
(7) |
Jenħtieġ li l-ammont ta’ referenza finanzjarja għall-EUAM Ukraine għall-perjodu mill-1 ta’ Ġunju 2021 sal-31 ta’ Mejju 2024 jiżdied biex jissodisfa ħtiġijiet addizzjonali. |
|
(8) |
Jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2014/486/PESK tiġi emendata skont dan. |
|
(9) |
EUAM Ukraine ser titwettaq fil-kuntest ta’ sitwazzjoni li tista’ tiddeterjora u li tista’ timpedixxi l-kisba tal-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni kif stipulati fl-Artikolu 21 tat-Trattat, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Fl-Artikolu 14(1) tad-Deċiżjoni 2014/486/PESK, l-aħħar subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:
“L-ammont ta’ referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-EUAM Ukraine għall-perjodu mill-1 ta’ Ġunju 2021 sal-31 ta’ Mejju 2024 għandu jkun ta’ EUR 90 116 266.”
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fil-Lussemburgu, id-29 ta’ April 2024.
Għall-Kunsill
Il-President
D. CLARINVAL
(1) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/486/PESK tat-22 ta’ Lulju 2014 dwar il-Missjoni ta’ Konsulenza tal-Unjoni Ewropea għar-Riforma tas-Settur tas-Sigurtà Ċivili fl-Ukraina (EUAM Ukraine) (ĠU L 217, 23.7.2014, p. 42).
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/813 tal-20 ta’ Mejju 2021 li temenda d-Deċiżjoni 2014/486/PESK dwar il-Missjoni ta’ Konsulenza tal-Unjoni Ewropea għar-Riforma tas-Settur tas-Sigurtà Ċivili fl-Ukrajna (EUAM Ukraine) (ĠU L 180, 21.5.2021, p. 149).
(3) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/452 tat-18 ta’ Marzu 2022 li temenda d-Deċiżjoni 2014/486/PESK dwar il-Missjoni ta’ Konsulenza tal-Unjoni Ewropea għar-Riforma tas-Settur tas-Sigurtà Ċivili fl-Ukrajna (EUAM Ukraine) (ĠU L 92, 21.3.2022, p. 3).
(4) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/638 tat-13 ta’ April 2022 li temenda d-Deċiżjoni 2014/486/PESK dwar il-Missjoni ta’ Konsulenza tal-Unjoni Ewropea għar-Riforma tas-Settur tas-Sigurtà Ċivili fl-Ukrajna (EUAM Ukraine), (ĠU L 117, 19.4.2022, p. 38).
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/1237/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)