European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/1235

26.4.2024

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/1235

tat-12 ta’ Marzu 2024

li jemenda r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/126 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2021/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-regoli dwar il-proporzjon għall-istandard 1 tal-kundizzjoni agrikola u ambjentali tajba (KAAT)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2021/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta’ Diċembru 2021 li jistabbilixxi regoli dwar l-appoġġ għall-pjanijiet strateġiċi li għandhom jitfasslu mill-Istati Membri skont il-Politika Agrikola Komuni (Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK) u ffinanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1305/2013 u (UE) Nru 1307/2013 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 13(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/126 (2) jistabbilixxi regoli dwar il-proporzjon għall-istandard 1 tal-kundizzjoni agrikola u ambjentali tajba (KAAT). Dak l-istandard jirrikjedi ż-żamma ta’ art bil-ħaxix permanenti abbażi ta’ proporzjon ta’ art bil-ħaxix permanenti meta mqabbel maż-żona agrikola li għandha titqabbel mas-sena ta’ referenza 2018. Meta l-proporzjon ta’ art bil-ħaxix permanenti meta mqabbel maż-żona agrikola jkun naqas b’aktar minn 5 % meta mqabbel mas-sena ta’ referenza 2018, l-Istat Membru kkonċernat għandu jimponi l-obbligu li l-art tiġi kkonvertita mill-ġdid f’art bil-ħaxix permanenti jew li jistabbilixxi żona ta’ art bil-ħaxix permanenti fuq il-bdiewa kollha jew uħud minnhom li għandhom art għad-dispożizzjoni tagħhom li ġiet ikkonvertita minn art bil-ħaxix permanenti f’art għal użi oħra.

(2)

F’ċerti Stati Membri, is-sistemi tal-biedja ġew affettwati minn bidliet strutturali b’mod partikolari minħabba tnaqqis tal-merħliet tal-bhejjem u tnaqqis fl-għadd ta’ bdiewa speċjalizzati fil-bhejjem. B’riżultat ta’ dan, il-ħtieġa għall-għalf tal-bhejjem naqset u l-bdiewa ċaqalqu l-produzzjoni tagħhom lil hinn mill-art bil-ħaxix u mill-għelejjel tal-għalf erbaċew lejn għelejjel oħra għajr dawk meħtieġa għall-għalf tal-bhejjem. Fejn saru għażliet bħal dawn, sar dejjem aktar diffiċli għall-bdiewa biex jikkonformaw mal-obbligu li jistabbilixxu jew jistabbilixxu mill-ġdid art bil-ħaxix permanenti filwaqt li jibqgħu ekonomikament vijabbli. Peress li l-bidla mill-bhejjem għar-raba’ li jinħadem użat għall-kultivazzjoni ta’ għelejjel oħra għajr dawk meħtieġa għall-għalf tal-bhejjem, ilha sseħħ wara l-2018, il-bidliet strutturali li rriżultaw fis-sistemi tal-biedja (u d-diffikultajiet assoċjati) setgħu saru evidenti għalkollox biss dan l-aħħar.

(3)

Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi bejn Stati Membri differenti affettwati minn tali bidliet strutturali sa livell differenti, jenħtieġ li għalhekk, fil-perjodu ta’ programmazzjoni 2023-2027, l-Istati Membri jkollhom il-possibbiltà li jaġġustaw il-proporzjon ta’ referenza darba, biex jitqies tnaqqis fiż-żona ta’ art bil-ħaxix permanenti minħabba bidliet strutturali fis-sistemi tal-biedja tagħhom li seħħew mill-2019. Bil-ħsieb li jiġi żgurat li tali aġġustament jibqa’ proporzjonat u f’konformità mal-objettiv ewlieni tal-istandard 1 tal-KAAT, l-aġġustament jenħtieġ li jkun limitat għall-bidliet fiż-żona ta’ art bil-ħaxix permanenti li seħħew minħabba l-bidliet strutturali fis-sistemi tal-biedja tal-Istat Membru kkonċernat. Sabiex tiġi żgurata l-koerenza tal-valutazzjonijiet tal-bidliet strutturali fis-sistemi tal-biedja u t-tnaqqis taż-żona ta’ art bil-ħaxix permanenti, jenħtieġ li l-Istati Membri jibbażaw il-valutazzjonijiet tagħhom fuq l-aktar data reċenti disponibbli. Bħala bażi għall-valutazzjonijiet tagħhom jenħtieġ li jużaw perjodu ta’ ħames snin konsekuttivi, li jibda mhux qabel l-2019.

(4)

Filwaqt li l-proporzjonijiet ta’ referenza u annwali tal-art bil-ħaxix permanenti jiġu ddeterminati abbażi taż-żoni ta’ art bil-ħaxix permanenti ddikjarati, l-esperjenza turi li jista’ jkun hemm żoni ta’ art bil-ħaxix permanenti li ma jkunux ġew iddikjarati f’sena partikolari għall-pagamenti diretti, u li jkunu rreġistrati bħala żoni agrikoli fis-Sistema ta’ Identifikazzjoni tal-Irqajja’ tal-Art (LPIS) stabbilita skont l-Artikolu 68 tar-Regolament (UE) 2021/2116 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3). Dawn iż-żoni mhux iddikjarati ta’ art bil-ħaxix permanenti, jikkontribwixxu bl-istess mod għall-preservazzjoni tal-ħażna tal-karbonju, li huwa l-objettiv ewlieni tal-istandard 1 tal-KAAT. Bil-ħsieb tal-proporzjonalità tal-implimentazzjoni tal-istandard 1 tal-KAAT, b’mod partikolari fir-rigward tal-obbligi biex iż-żoni jiġu kkonvertiti mill-ġdid f’art bil-ħaxix permanenti jew biex jiġu stabbiliti żoni ta’ art bil-ħaxix permanenti, jenħtieġ li l-Istati Membri jitħallew jiddeċiedu li dawk l-obbligi jiġu imposti biss fil-livell tal-azjenda sal-punt li l-ħtieġa għall-konverżjoni mill-ġdid tal-art bil-ħaxix permanenti jew l-istabbiliment ta’ żoni ta’ art bil-ħaxix permanenti f’sena partikolari taqbeż iż-żona ta’ art bil-ħaxix permanenti rreġistrata bħala żona agrikola fl-LPIS iżda mhux iddikjarata għal pagamenti diretti f’dik l-istess sena. Sabiex tiġi żgurata kwantifikazzjoni korretta, jenħtieġ li jitqiesu biss iż-żoni ta’ art bil-ħaxix permanenti mhux iddikjarati li jibqgħu rreġistrati bħala żoni agrikoli fl-LPIS.

(5)

Meta l-bdiewa jkunu naddfu żoni abbandunati biex jippermettu l-produzzjoni tal-għelejjel li jinħadmu, iż-żona agrikola totali tista’ tiżdied, li tista’ twassal għal tnaqqis fil-proporzjon annwali ta’ art bil-ħaxix permanenti lil hinn mill-firxa ta’ dak it-tnaqqis permess skont l-istandard 1 tal-KAAT kif stabbilit fl-Anness III tar-Regolament (UE) 2021/2115. Madankollu, peress li dak it-tnaqqis ma jkunx ikkawżat mill-konverżjoni ta’ żoni ta’ art bil-ħaxix permanenti għal użi oħra iżda minn żieda taż-żona agrikola totali, jenħtieġ li l-Istati Membri jitħallew jagħżlu li jimponu obbligi ta’ rikonverżjoni fil-livell tal-azjenda agrikola jew obbligi li jistabbilixxu żona ta’ art bil-ħaxix permanenti biss sal-punt li t-tnaqqis tal-proporzjon tal-art bil-ħaxix permanenti f’sena partikolari b’aktar minn 5 %, fil-livell li fih jiġi implimentat l-istandard 1 tal-KAAT, ma jkunx ikkawżat miż-żieda fiż-żona agrikola totali.

(6)

Jenħtieġ li jkunu previsti derogi ulterjuri mill-obbligu li fil-livell tal-azjenda jiġi impost l-obbligu li żona tiġi kkonvertita mill-ġdid f’art bil-ħaxix permanenti jew li tiġi stabbilita żona ta’ art bil-ħaxix permanenti għall-każijiet fejn it-tnaqqis fil-proporzjon tal-art bil-ħaxix permanenti taħt il-livell limitu ta’ 5 % ma jkunx qed iseħħ minħabba l-konverżjoni taż-żoni ta’ art bil-ħaxix permanenti għal użi agrikoli oħra, bħal raba’ li jinħadem jew għelejjel permanenti.

(7)

Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament Delegat (UE) 2022/126 jiġi emendat skont dan.

(8)

Peress li r-regoli stabbiliti f’dan ir-Regolament jiddeterminaw jekk l-obbligi ta’ konverżjoni mill-ġdid jew l-obbligi biex tiġi stabbilita żona ta’ art bil-ħaxix permanenti għandhomx jiġu imposti fil-livell tal-azjenda fir-rigward tas-sena tat-talba 2024, huwa importanti li dawn ir-regoli jiġu stabbiliti malajr kemm jista’ jkun biex jippermettu ppjanar xieraq mill-bdiewa u kunsiderazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti. Għalhekk jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(9)

Meta wieħed iqis li s-sena tat-talba 2024 bdiet fl-1 ta’ Jannar 2024, jenħtieġ li l-Artikolu 1 il-punt (2) u (3), ta’ dan ir-Regolament japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2024, biex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali għall-bdiewa u għal benefiċjarji oħra kkonċernati mill-istandard 1 tal-KAAT.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi fir-Regolament Delegat (UE) 2022/126

L-Artikolu 48 tar-Regolament Delegat (UE) 2022/126 huwa emendat kif ġej:

(1)

wara l-paragrafu 1, jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“1a.   Fejn iż-żona ta’ art bil-ħaxix permanenti msemmija fil-paragrafu 1, it-tieni subparagrafu, il-punt (a), tkun naqset minħabba bidliet strutturali fis-sistemi tal-biedja ta’ Stat Membru kkawżati minn tnaqqis sinifikanti fil-produzzjoni tal-bhejjem li jirriżulta fi tnaqqis sinifikanti fil-ħtieġa għall-għalf u għar-ragħa tal-bhejjem f’dak l-Istat Membru, l-Istat Membru kkonċernat jista’, darba fil-perjodu ta’ programmazzjoni 2023-2027, jaġġusta l-proporzjon ta’ referenza stabbilit skont il-paragrafu 1 biex jirrifletti t-tnaqqis fid-daqs taż-żona ta’ art bil-ħaxix permanenti.

L-aġġustament taż-żona tal-art bil-ħaxix permanenti msemmi fl-ewwel subparagrafu, għandu jikkorrispondi għat-tnaqqis taż-żona ta’ art bil-ħaxix permanenti li huwa attribwibbli għall-bidliet strutturali fis-sistemi tal-biedja fil-livell li fih l-istandard 1 tal-KAAT huwa implimentat fl-Istat Membru kkonċernat.

Stat Membru għandu jivvaluta t-tnaqqis fid-daqs taż-żona tal-art bil-ħaxix permanenti u l-bidliet strutturali fis-sistemi tal-biedja abbażi ta’ perjodu ta’ 5 snin konsekuttivi li jibda mhux qabel l-2019.”

;

(2)

fil-paragrafu 3, jiżdied it-tielet subparagrafu li ġej:

“B’deroga mill-ewwel subparagrafu, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jimponu l-obbligi fil-livell tal-azjenda biex l-art tiġi kkonvertita mill-ġdid f’art bil-ħaxix permanenti jew li tiġi stabbilita żona ta’ art bil-ħaxix permanenti fil-każijiet li ġejjin biss:

(a)

fejn, u sal-punt li, iż-żona li għandha tiġi kkonvertita mill-ġdid f’żoni ta’ art bil-ħaxix permanenti jew li fuqha għanda tiġi stabbilita art bil-ħaxix permanenti f’sena partikolari taqbeż iż-żona ta’ art bil-ħaxix permanenti rreġistrata bħala żona agrikola fis-sistema tal-identifikazzjoni għall-bċejjeċ tar-raba’ msemmija fl-Artikolu 68 tar-Regolament (UE) 2021/2116 u mhux iddikjarata għall-fini li jingħata appoġġ f’konformità ma’ tip ta’ intervent previst fil-Kapitolu II tat-Titolu III tar-Regolament (UE) 2021/2115 f’dik is-sena mill-benefiċjarji;

(b)

fejn, u sal-punt li, it-tnaqqis tal-proporzjon tal-art bil-ħaxix permanenti f’sena partikolari b’aktar minn 5 %, fil-livell li fih jiġi implimentat l-istandard 1 tal-KAAT, ma jkunx ikkawżat minn żieda fiż-żona agrikola totali ddikjarata f’dik l-istess sena.”;

(3)

il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.   Il-paragrafu 3, l-ewwel subparagrafu, ma għandux japplika meta t-tnaqqis taħt il-livell limitu ta’ 5 % ikun ir-riżultat ta’:

(a)

l-impenji meħuda jew obbligi, kif imsemmi fl-Artikolu 4(4), il-punti (b) u (c), tar-Regolament (UE) 2021/2115 li minħabba fihom ma tkunx għadha titwettaq attività agrikola fiż-żoni inkwistjoni, u li ma jinkludux pjantaġġuni tas-siġar tal-Milied jew kultivazzjoni ta’ għelejjel jew siġar għall-produzzjoni tal-enerġija; jew

(b)

il-konverżjoni ta’ żona ta’ art bil-ħaxix permanenti għal użi oħra għajr l-attività agrikola, kif definit fil-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK, u ż-żona kkonċernata ma għadhiex tikkostitwixxi żona agrikola kif definita fil-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK.”

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

L-Artikolu 1, il-punt (2) u (3) għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2024.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Marzu 2024.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 435, 6.12.2021, p. 1.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/126 tas-7 ta’ Diċembru 2021 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2021/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill b’rekwiżiti addizzjonali għal ċerti tipi ta’ intervent speċifikati mill-Istati Membri fil-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom għall-perjodu mill-2023 sal-2027 skont dak ir-Regolament kif ukoll regoli dwar il-proporzjon għall-istandard 1 tal-kundizzjoni agrikola u ambjentali tajba (KAAT) (ĠU L 20, 31.1.2022, p. 52).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2021/2116 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta’ Diċembru 2021 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 (ĠU L 435, 6.12.2021, p. 187).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2024/1235/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)