European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/1230

29.4.2024

REGOLAMENT (UE) 2024/1230 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-24 ta’ April 2024

li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 80/2009, (UE) Nru 996/2010 u (UE) Nru 165/2014 fir-rigward ta’ ċerti rekwiżiti ta’ rapportar fl-oqsma tat-trasport bit-triq u tal-avjazzjoni

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 91 u l-Artikolu 100(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu f’konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Ir-rekwiżiti ta’ rapportar għandhom rwol ewlieni fl-iżgurar tal-monitoraġġ xieraq u l-infurzar korrett tal-leġiżlazzjoni. Madankollu, huwa importanti li tali rekwiżiti jiġu ssimplifikati sabiex jiġi żgurat li jissodisfaw l-iskop li għalih kienu maħsuba u biex jiġi limitat il-piż amministrattiv.

(2)

Ir-Regolamenti (KE) Nru 80/2009 (3), (UE) Nru 996/2010 (4) u (UE) Nru 165/2014 (5) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fihom numru ta’ rekwiżiti ta’ rapportar fl-oqsma tat-trasport bit-triq u tal-avjazzjoni, li jenħtieġ li jiġu ssimplifikati f’konformità mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Marzu 2023 intitolata “Il-kompetittività fit-tul tal-UE: inħarsu lil hinn mill-2030”.

(3)

Ir-Regolament (KE) Nru 80/2009 jirrikjedi li kull bejjiegħ ta’ sistemi ta’ prenotazzjoni kompjuterizzata (CRSs) jissottometti rapport awditjat b’mod indipendenti li jagħti dettalji dwar l-istruttura tas-sjieda u l-mudell ta’ governanza kull erba’ snin u, barra minn hekk, fuq talba mill-Kummissjoni.

(4)

L-obbligu ta’ awditjar u ta’ rapportar stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 80/2009 huwa maħsub biex jippermetti lill-Kummissjoni timmonitorja l-applikazzjoni ta’ regoli speċifiċi għat-trasportaturi prinċipali stabbiliti minn dak ir-Regolament. Dawk ir-regoli huma maħsuba b’mod partikolari biex jipprevjenu lit-trasportaturi prinċipali milli jiddiskriminaw kontra s-CRSs kompetituri u biex jipprevjenu lis-CRSs li huma proprjetà ta’ dawk it-trasportaturi prinċipali milli jiddiskriminaw kontra trasportaturi oħra. L-evalwazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 80/2009 li saret fl-2020 mill-Kummissjoni ssuġġeriet li dawk ir-regoli relatati mat-trasportaturi prinċipali jistgħu jkunu żejda, peress li s-CRSs ma għadhomx proprjetà tal-linji tal-ajru u ma hemm l-ebda evidenza li linji tal-ajru jippruvaw jiksbu CRSs li kieku dawk ir-regoli ma kinux jeżistu. Għalhekk, is-sottomissjoni tar-rapporti awditjati kull 4 snin ma għadhiex ġustifikata. Madankollu, jenħtieġ li l-Kummissjoni żżomm is-setgħa li titlob rapporti awditjati meta jkun meħtieġ, sabiex tkun tista’ tinforza b’mod effettiv ir-regoli tat-trasportatur prinċipali.

(5)

Ir-Regolament (UE) Nru 996/2010 jirrikjedi l-pubblikazzjoni ta’ rieżami tas-sikurezza fil-livell nazzjonali fuq bażi annwali, sabiex il-pubbliku jiġi infurmat dwar il-livell tas-sikurezza tal-avjazzjoni ġenerali. Dak l-obbligu kien maħsub biex jiżgura t-trasparenza dwar is-sitwazzjoni attwali kumplessiva tas-sikurezza tal-avjazzjoni fl-Istati Membri, u b’mod partikolari l-kontribut tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni tal-aċċidenti f’dak ir-rigward meta jitqies il-kuntest ta’ dan ir-Regolament. Madankollu, dan sar żejjed fid-dawl tar-rieżami annwali tas-sikurezza ppubblikat mill-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea skont ir-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), li jkopri s-sistema tal-avjazzjoni kollha tal-Unjoni inkluż l-investigazzjoni tal-aċċidenti.

(6)

Ir-Regolament (UE) Nru 165/2014 jirrikjedi li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jibagħtu lill-Kummissjoni, jekk possibbli elettronikament u fuq bażi annwali, il-listi ta’ fitters u ħwienet tax-xogħol li huma approvati biex iwettqu l-installazzjonijiet, il-kontrolli, l-ispezzjonijiet u t-tiswijiet tat-takografi u l-kards li jinħarġulhom. Dak ir-Regolament jirrikjedi wkoll li l-Kummissjoni tippubblika dawk il-listi fuq is-sit web tagħha.

(7)

Il-kombinazzjoni tal-fatt li l-kards tal-ħwienet tax-xogħol huma validi għal sena u l-fatt li l-komunikazzjoni mill-Istati Membri lill-Kummissjoni tipprovdi biss stampa tal-ħwienet tax-xogħol approvati u tal-kards validi li jinħarġulhom, ifisser li matul is-sena ta’ wara parti kbira mill-kards tal-ħwienet tax-xogħol ippubblikati fuq is-sit web tal-Kummissjoni ma jibqgħux validi. Għalhekk, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu meħtieġa jippubblikaw dik l-informazzjoni u jaġġornawha fuq bażi kontinwa fuq sit web disponibbli għall-pubbliku. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tippubblika l-lista tas-siti web tal-Istati Membri kollha li fihom tista’ tinstab dik l-informazzjoni. Xi Stati Membri diġà għandhom siti web bħal dawn. Dak l-obbligu għalhekk jirriżulta fi tnaqqis tal-piż amministrattiv kemm għall-Kummissjoni kif ukoll għall-Istati Membri, u fi tnaqqis fil-kostijiet tal-infurzar għall-partijiet ikkonċernati, billi tiġi żgurata distribuzzjoni aktar aġġornata u effettiva tal-informazzjoni.

(8)

Minħabba li l-objettiv ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li jiġu ssimplifikati r-rekwiżiti ta’ rappurtar stabbiliti fir-Regolamenti (KE) Nru 80/2009, (UE) Nru 996/2010 u (UE) Nru 165/2014, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jista’ pjuttost jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-objettiv.

(9)

Għaldaqstant jenħtieġ li r-Regolamenti (KE) Nru 80/2009, (UE) Nru 996/2010 u (UE) Nru 165/2014 jiġu emendati skont dan,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emenda għar-Regolament (KE) Nru 80/2009

L-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 80/2009 huwa sostitwit b’dan li ġej:

Artikolu 12

Il-Kummissjoni tista’ titlob lil kwalunkwe bejjiegħ tas-sistema biex jissottometti rapport awditjat b’mod indipendenti li jagħti dettalji dwar l-istruttura tas-sjieda u l-mudell ta’ governanza. L-ispejjeż relatati mar-rapport awditjat għandhom jiġġarrbu mill-bejjiegħ tas-sistema.”.

Artikolu 2

Emenda għar-Regolament (UE) Nru 996/2010

Fl-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 996/2010, jitħassar il-paragrafu 5.

Artikolu 3

Emenda għar-Regolament (UE) Nru 165/2014

Fl-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) Nru 165/2014, il-paragrafu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“5.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jippubblikaw il-listi tal-ħwienet tax-xogħol approvati u l-kards li jinħarġulhom fuq sit web disponibbli għall-pubbliku, u għandhom jiżguraw li dawk il-listi jinżammu aġġornati kif xieraq mill-anqas darba fis-sena.

Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-lista ta’ dawn is-siti web nazzjonali fuq is-sit web tagħha.”.

Artikolu 4

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, l-24 ta’ April 2024.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

R. METSOLA

Għall-Kunsill

Il-President

M. MICHEL


(1)   ĠU C, C/2024/1589, 5.3.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/1589/oj.

(2)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta’ Marzu 2024 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u deċiżjoni tal-Kunsill tat-12 ta’ April 2024.

(3)  Ir-Regolament (KE) Nru 80/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Jannar 2009 dwar Kodiċi ta’ Kondotta għal sistemi ta’ riservazzjoni kompjuterizzata u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2299/89 (ĠU L 35, 4.2.2009, p. 47).

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 996/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ottubru 2010 dwar l-investigazzjoni u l-prevenzjoni ta’ aċċidenti u inċidenti fis-settur tal-avjazzjoni ċivili u li jħassar id-Direttiva 94/56/KE (ĠU L 295, 12.11.2010, p. 35).

(5)  Ir-Regolament (UE) Nru 165/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Frar 2014 dwar takografi fit-trasport bit-triq, li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 dwar apparat ta’ reġistrazzjoni għat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerta leġiżlazzjoni soċjali li għandha x’taqsam mat-trasport bit-triq (ĠU L 60, 28.2.2014, p. 1).

(6)  Ir-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2018 dwar regoli komuni fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili u li jistabbilixxi Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 2111/2005, (KE) Nru 1008/2008, (UE) Nru 996/2010, (UE) Nru 376/2014 u d-Direttivi 2014/30/UE u 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 552/2004 u (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3922/91 (ĠU L 212, 22.8.2018, p. 1).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1230/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)