European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/1210

3.5.2024

LINJA GWIDA (UE) 2024/1210 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tas-16 ta’ April 2024

li temenda l-Linja Gwida (UE) 2019/671 dwar operazzjonijiet ta’ ġestjoni tal-assi u l-obbligazzjonijiet domestiċi mill-banek ċentrali nazzjonali (BĊE/2019/7) (BĊE/2024/12)

Il-kunsill governattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel inċiż tal-Artikolu 127(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b’mod partikolari l-Artikoli 12.1 u 14.3 tiegħu,

Billi,

(1)

Il-Kunsill Governattiv wettaq reviżjoni tar-remunerazzjoni applikata għad-depożiti miżmuma mal-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro (minn hawn ’il quddiem “BĊNi”) u l-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) li mhumiex relatati mal-implimentazzjoni tal-politika monetarja (“depożiti tal-politika mhux monetarja”). L-għan tar-reviżjoni kien li tiġi evitata interferenza potenzjali ta’ tali depożiti mal-politika monetarja unika, filwaqt li tiġi żgurata l-konformità mal-prinċipju ta’ ekonomija tas-suq miftuħ u l-konsistenza fit-trattament ta’ depożiti simili fi ħdan l-Eurosistema.

(2)

Wara r-reviżjoni, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li hija meħtieġa trasparenza akbar tar-remunerazzjoni ta’ depożiti tal-politika mhux monetarja. Ir-rati ta’ remunerazzjoni applikabbli għal dawn id-depożiti huma stabbiliti f’diversi atti legali differenti. Sabiex tittejjeb it-trasparenza, kif ukoll il-konsistenza fost l-atti legali relatati, huwa xieraq li r-rati ta’ remunerazzjoni jiġu stabbiliti b’mod komprensiv f’att legali uniku biex tiġi ffaċilitata l-komunikazzjoni tar-rati ta’ remunerazzjoni u biex ikunu jistgħu jsiru aġġustamenti futuri ta’ dawk ir-rati.

(3)

Bħala konsegwenza, ir-regoli dwar ir-remunerazzjoni stabbiliti fil-Linja Gwida (UE) 2019/671 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2019/7) (1) għandhom jiġu sostitwiti b’referenzi għad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-att legali uniku li jistiabbilixxi r-remunerazzjoni applikabbli għal depożiti tal-politika mhux monetarja, Deċiżjoni (UE) 2024/1209 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2024/11) (2).

(4)

Barra minn hekk, ċerti definizzjonijiet li jinsabu fil-Linja Gwida (UE) 2019/671 (BĊE/2019/7) saru superfluwi u għandhom jiġu mħassra.

(5)

Sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali, jeħtieġ li d-data tal-applikazzjoni ta’ din il-Linja Gwida tiġi allinjata mad-data tal-applikazzjoni tad-Deċiżjoni (UE) 2024/1209 (BĊE/2024/11). Din il-Linja Gwida għalhekk għandha tapplika mill-1 ta’ Diċembru 2024.

(6)

Għalhekk, il-Linja Gwida (UE) 2019/671 (BĊE/2019/7) għandha tiġi emendata kif meħtieġ,

ADOTTA DIN IL-LINJA GWIDA:

Artikolu 1

Emendi

Il-Linja Gwida (UE) 2019/671 (BĊE/2019/7) hija emendata kif ġej:

(1)

L-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punt (2) huwa mħassar;

(b)

il-punt (7) huwa mħassar;

(c)

il-punt (9) huwa mħassar;

(d)

il-punt (10) huwa mħassar;

(2)

L-Artikolu 4 huwa mibdul b’dan li ġej:

“Artikolu 4

Limitazzjonijiet fuq ir-remunerazzjoni ta’ depożiti tal-politika mhux monetarja

Ir-remunerazzjoni ta’ depożiti tal-gvern, inklużi depożiti tal-gvern relatati ma’ programm ta’ aġġustament, kif ukoll depożiti ta’ politika mhux monetarja oħra li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-Linja Gwida għandhom ikunu soġġetti għar-regoli speċifiċi stabbiliti fl-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni (UE) 2024/1209 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2024/11) (*1).

(*1)  Id-Deċiżjoni (UE) 2024/1209 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-16 ta’ April 2024 dwar ir-remunerazzjoni ta’ depożiti tal-politika mhux monetarja miżmuma mal-banek ċentrali nazzjonali u l-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2024/11) (ĠU L, 2024/1209, 3.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/1209/oj).” "

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ u implimentazzjoni

1.   Din il-Linja Gwida għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tan-notifika tagħha lill-BĊNi.

2.   Il-BĊNi għandhom jikkonformaw ma’ din il-Linja Gwida mill-1 ta’ Diċembru 2024.

Artikolu 3

Destinatarji

Din il-Linja Gwida hija indirizzata lill-BĊNi.

Magħmul fi Frankfurt am Main, is-16 ta’ April 2024.

Għall-Kunsill Governattiv tal-BĊE

Il-President tal-BĊE

Christine LAGARDE


(1)  Linja Gwida (UE) 2019/671 tal-Bank Ċentrali Ewropew tad-9 ta’ April 2019 dwar operazzjonijiet ta’ ġestjoni tal-assi u l-obbligazzjonijiet domestiċi mill-banek ċentrali nazzjonali (BĊE/2019/7) (ĠU L 113, 29.4.2019, p. 11).

(2)  Deċiżjoni (UE) 2024/1209 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-16 ta’ April 2024 dwar ir-remunerazzjoni ta’ depożiti tal-politika mhux monetarja miżmuma mal-banek ċentrali nazzjonali u l-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2024/11) (ĠU L, 2024/1209, 3.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/1209/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/guideline/2024/1210/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)