European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/1209

3.5.2024

DEĊIŻJONI (UE) 2024/1209 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tas-16 ta’ April 2024

dwar ir-remunerazzjoni ta’ ċerti depożiti ta’ politika mhux monetarja miżmuma ma’ banek ċentrali nazzjonali u l-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2024/11)

Il-kunsill governattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel inċiż tal-Artikolu 127(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b’mod partikolari l-Artikoli 12.1 u 14.3, u l-Artikoli 17, 22 u 23 tiegħu,

Billi:

(1)

Il-Kunsill Governattiv wettaq reviżjoni tar-remunerazzjoni applikata għad-depożiti miżmuma mal-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro (minn issa ’l quddiem “BĊNi”) u l-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) li mhumiex relatati mal-implimentazzjoni tal-politika monetarja (“depożiti tal-politika mhux monetarja”). L-għan tar-reviżjoni kien li tiġi evitata interferenza potenzjali ta’ tali depożiti mal-politika monetarja unika, filwaqt li tiġi żgurata l-konformità mal-prinċipju ta’ ekonomija tas-suq miftuħ u l-konsistenza fit-trattament ta’ depożiti simili fi ħdan l-Eurosistema.

(2)

Wara r-reviżjoni, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li hija meħtieġa trasparenza akbar tar-remunerazzjoni tad-depożiti tal-politika mhux monetarja. Ir-rati ta’ remunerazzjoni applikabbli għal dawn id-depożiti huma stabbiliti fil-Linji Gwida (UE) 2019/671 (BĊE/2019/7) (1), (UE) 2024/1211 (BĊE/2024/13) (2), (UE) 2022/912 (BĊE/2022/8) (3) tal-Bank Ċentrali Ewropew u d-Deċiżjoni (UE) 2019/1743 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2019/31) (4). Sabiex tittejjeb it-trasparenza, kif ukoll il-konsistenza fost l-atti legali relatati, huwa xieraq li r-rati ta’ remunerazzjoni jiġu stabbiliti b’mod komprensiv f’att legali uniku biex tiġi ffaċilitata l-komunikazzjoni tar-rati ta’ remunerazzjoni u biex ikunu jistgħu jsiru aġġustamenti futuri ta’ dawk ir-rati.

(3)

Ir-remunerazzjoni ta’ depożiti ta’ politika mhux monetarja ma għandhiex tikkontribwixxi għal tfixkil persistenti jew strutturali fit-trażmissjoni jew l-implimentazzjoni tal-politika monetarja u għandha tissalvagwardja l-funzjonament tajjeb tas-suq u b’hekk tillimita l-ambitu għal volatilità kbira ta’ tali depożiti.

(4)

Il-Kunsill Governattiv stabbilixxa r-rata ewlenija tal-politika ta’ remunerazzjoni bħala r-rata tal-euro fuq terminu qasir (€STR) nieqes firxa. Il-firxa hija faċilment aġġustabbli f’każ li l-kundizzjonijiet tas-suq jinbidlu, sabiex jippreservaw l-effettività tat-trażmissjoni tal-politika monetarja filwaqt li jimminimizzaw ir-riskju ta’ flussi f’daqqa lejn jew barra mis-swieq monetarji u jippermettu qafas ta’ remunerazzjoni sempliċi u konsistenti, bi ftit eċċezzjonijiet. Il-Kunsill Governattiv stabbilixxa, u ser jaġġusta kif meħtieġ, il-firxa biex jintlaħqu l-objettivi tal-politika ta’ remunerazzjoni u biex jiġu evitati effetti negattivi fuq l-implimentazzjoni tal-politika monetarja jew il-funzjonament tas-suq. Il-firxa bħalissa hija stabbilita għal 20 punt bażi.

(5)

Il-Kunsill Governattiv iddetermina li ċerti devjazzjonijiet jew eċċezzjonijiet mir-rata ewlenija tal-politika ta’ remunerazzjoni huma meħtieġa. Il-kunċett tal-limitu massimu għandu jkompli japplika għar-remunerazzjoni ta’ depożiti tal-gvern u ċerti depożiti oħra ta’ politika mhux monetarja, biex il-BĊNi jkunu jistgħu jirremuneraw dawn id-depożiti b’rata aktar baxxa mil-limitu massimu fejn xieraq, filwaqt li jitqiesu l-kundizzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż bħal dawk fis-suq tat-tranżazzjonijiet ta’ riakkwist. Firxa aktar baxxa minn 20 punt bażi, inizjalment iffissata għal żero, għandha tapplika fil-każ ta’ fondi ta’ garanzija miżmuma minn infrastrutturi tas-suq finanzjarju taż-Żona Ekonomika Ewropea bħal sistemi ta’ ħlas, kontropartijiet ċentrali u depożitorji ċentrali tat-titoli, kif ukoll għal kontijiet prefinanzjati miżmuma fit-TARGET, fid-dawl tal-importanza ta’ dawn l-investimenti għall-funzjonament bla xkiel ta’ sistemi ta’ ħlas u l-istabbiltà finanzjarja. Il-fondi li huma meħtieġa li jiġu ddepożitati temporanjament mal-BĊNi jew mal-BĊE fir-rigward tal-assistenza finanzjarja għandhom ikomplu jkunu eżentati minn rati negattivi.

(6)

Il-Kunsill Governattiv iddetermina wkoll li huwa meħtieġ li jiġi pprovdut li, f’ċerti ċirkostanzi, il-BĊE jista’ jitlob informazzjoni granulari dwar depożiti ta’ politika mhux monetarja mill-BĊNi u tiġi kondiviża fi ħdan il-BĊE u l-Eurosistema fuq bażi stretta ta’ ħtieġa għall-informazzjoni meta l-BĊE jiddetermina, fuq bażi ta’ każ b’każ, li tali informazzjoni hija meħtieġa sabiex l-Eurosistema tkun tista’ tivvaluta l-impatt potenzjali ta’ dawk id-depożiti fuq l-implimentazzjoni tal-politika monetarja.

(7)

Sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet u sabiex il-BĊNi jingħataw biżżejjed żmien biex jippreparaw għall-applikazzjoni tal-politika l-ġdida ta’ remunerazzjoni għal depożiti ta’ politika mhux monetarja din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Diċembru 2024,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“depożitu” tfisser bilanċ ta’ kreditu f’euro jew f’munita oħra li jirriżulta minn fondi miżmuma f’kont ma’ BĊN jew mal-BĊE jew minn sitwazzjonijiet temporanji dderivati minn servizzi oħrajn ipprovduti minn BĊN jew mill-BĊE, li jagħtu lok għal obbligazzjoni rreġistrata fuq il-karta tal-bilanċ ta’ dak il-BĊN jew tal-BĊE, u li dak il-BĊN jew il-BĊE ikun meħtieġ li jħallas lura taħt il-kundizzjonijiet kuntrattwali jew regolatorji applikabbli, inklużi depożiti matul il-lejl u għal terminu fiss;

(2)

“€STR” tfisser ir-rata tal-euro fuq terminu qasir kif definita fl-Artikolu 2(2) tal-Linja Gwida (UE) 2019/1265 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2019/19) (5) u ppubblikata mill-BĊE;

(3)

"€STR OIS” tfisser swap tal-indiċi matul il-lejl (OIS) kif definit fl-Artikolu 1(25) tar-Regolament (UE) Nru 1333/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2014/48) (6), fejn il-pagamenti tar-rata tal-imgħax varjabbli perjodika jirreferu għall-€STR bħala r-rarta tal-indiċi matul il-lejl;

(4)

“depożiti ta’ politika mhux monetarja” tfisser depożiti li mhumiex eżegwiti biex tiġi implimentata l-politika monetarja unika kif deċiż mill-Kunsill Governattiv u li jaqgħu fl-ambitu ta’ wieħed minn dawn li ġejjin:

(a)

Linja Gwida (UE) 2019/671 (BĊE/2019/7) dwar operazzjonijiet ta’ ġestjoni tal-assi u l-obbligazzjonijiet domestiċi mill-banek ċentrali nazzjonali;

(b)

Linja Gwida (UE) 2024/1211 (BĊE/2024/13) dwar il-forniment ta’ servizzi ta’ ġestjoni ta’ riżervi f’euro mill-Eurosistema għall-banek ċentrali u pajjiżi li jinsabu barra ż-żona tal-euro u għal organizzazzjonijiet internazzjonali;

(c)

Linja Gwida (UE) 2022/912 (BĊE/2022/8) dwar il-ġenerazzjoni ġdida tas-sistema Trans-European Automated Real-time Gross Settlement Express Transfer (TARGET);

(d)

Deċiżjoni (UE) 2022/911 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2022/22) (7) dwar it-termini u l-kundizzjonijiet tat-TARGET-ECB;

(e)

Deċiżjoni (UE) 2019/1743 (BĊE/2019/31) dwar ir-remunerazzjoni ta’ holdings ta’ eċċess ta’ riżervi u ta’ ċerti depożiti.

Artikolu 2

Remunerazzjoni ta’ depożiti ta’ politika mhux monetarja

1.   Ir-remunerazzjoni ta’ depożiti miżmuma mal-BĊNi u li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Linja Gwida (UE) 2019/671 (BĊE/2019/7) għandha tkun soġġetta għal-limiti massimi li ġejjin:

(a)

għad-depożiti tal-gvern li ġejjin denominati f’euro:

(i)

għal depożiti ta’matul il-lejl: €STR nieqes 20 punt bażi;

(ii)

għal depożiti b’terminu fiss: ir-rata ta’ OIS tal-€STR b’maturità korrispondenti nieqes 20 punt bażi;

(iii)

għal depożiti tal-gvern matul il-lejl relatati ma’ programm ta’ aġġustament: jew żero fil-mija jew €STR nieqes 20 punt bażi, skont liema minnhom ikun l-ogħla;

(iv)

għal depożiti tal-gvern b’terminu fiss relatati ma’ programm ta’ aġġustament: jew żero fil-mija jew rata ta’ OIS tal-€STR b’maturità korrispondenti nieqes 20 punt bażi, skont liema minnhom ikun l-ogħla;

(b)

għal depożiti tal-gvern denominati f’muniti għajr f’euro: ir-rati korrispondenti għall-munita kkonċernata u l-applikazzjoni tal-istess firxa msemmija fil-punt (a);

(c)

għal depożiti għajr depożiti tal-gvern, denominati f’euro:

(i)

għal depożit matul il-lejl: €STR nieqes 20 punt bażi;

(ii)

għal depożiti b’terminu fiss: Ir-rata ta’ €STR OIS b’maturità korrispondenti nieqes 20 punt bażi;

(d)

għal depożiti għajr depożiti tal-gvern, denominati f’muniti oħrajn: ir-rati korrispondenti għall-munita kkonċernata bl-applikazzjoni tal-istess firxa msemmija fil-punt (c).

2.   Ir-remunerazzjoni ta’ depożiti miżmuma mal-BĊNi u li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Linja Gwida (UE) 2024/1211 (BĊE/2024/13) għandha tkun kif ġej:

(a)

għal servizzi ta’ investiment matul il-lejl ta’ flus kontanti:

(i)

għal faċilità ta’ investiment ta’ Grad 1: €STR nieqes 20 punt bażi;

(ii)

għal faċilità ta’ investiment ta’ Grad 2: ir-rata attwali li biha l-fondi jitqiegħdu fis-suq nieqes marġni kif deċiż minn żmien għal żmien mill-Kunsill Governattiv u sakemm dan it-tip ta’ investiment għandu jsir biss jekk ir-remunerazzjoni tkun ogħla mir-remunerazzjoni ta’ bilanċi ta’ flus kontanti eċċessivi;

(iii)

għal bilanċi ta’ flus kontanti eċċessivi: €STR nieqes 20 punt bażi;

(b)

għal depożiti b’terminu fiss:

(i)

għal depożiti b’terminu fiss fuq bażi ta’ aġenzija: ir-remunerazzjoni għandha tkun ir-rata attwali li biha l-fondi jitqiegħdu fis-suq bit-tnaqqis ta’ marġni kif deċiż minn żmien għal żmien mill-Kunsill Governattiv;

(ii)

għal depożiti b’terminu fiss fuq bażi ta’ kapital b’maturità iqsar minn sebat ijiem kalendarji: ir-rata ta’ €STR OIS b’maturità korrispondenti nieqes 20 punt bażi;

(iii)

għal depożiti b’terminu fiss fuq bażi prinċipali b’maturità ta’ mill-inqas sebat ijiem kalendarji: rata li ma taqbiżx ir-rata miksuba meta d-depożitu jitreġġa’ lura fis-suq.

3.   Ir-remunerazzjoni ta’ depożiti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Linja Gwida (UE) 2022/912 (BĊE/2022/8) u d-Deċiżjoni (UE) 2022/911 (BĊE/2022/22) għandha tkun kif ġej:

(a)

għal depożiti tal-gvern denominati f’euro miżmuma fit-TARGET ir-remunerazzjoni stabbilita fil-paragrafu 1(a) tapplika;

(b)

għal depożiti ta’ politika mhux monetarja miżmuma fit-TARGET għajr depożiti tal-gvern imsemmija fil-punt (a), ħlief fejn japplika l-punt (c): jew żero fil-mija jew €STR nieqes 20 punt bażi, skont liema minnhom ikun l-inqas;

(c)

għal bilanċi matul il-lejl miżmuma f’kont tekniku ta’ TIPS AS jew f’kont tekniku ta’ RTGS għall-proċedura ta’ saldu ta’ AS D, u fondi ta’ garanzija miżmuma minn infrastrutturi tas-suq finanzjarju taż-Żona Ekonomika Ewropea, inklużi dawk miżmuma f’kont ta’ fond ta’ garanzija ta’ AS: €STR nieqes 0 punt bażi;

(d)

għal bilanċi tat-TARGET ta’ BĊNi konnessi:

(i)

għal bilanċi sa u inkluż 10 % tal-valur medju ta’ kuljum tat-tranżazzjonijiet: €STR nieqes 20 punt bażi;

(ii)

għal bilanċi li jaqbżu dawk taħt il-punt (i): jew żero fil-mija jew €STR nieqes 20 punt bażi, skont liema minnhom ikun l-inqas;

4.   Ir-remunerazzjoni ta’ depożiti miżmuma mal-BĊE li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni (UE) 2019/1743 (BĊE/2019/31) għandha tkun kif ġej:

(a)

għal kontijiet miżmuma skont id-Deċiżjonijiet BĊE/2003/14 (8), BĊE/2010/4 (9), BĊE/2010/17 (10) u BĊE/2010/31 (11) tal-Bank Ċentrali Ewropew, u r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/672 (12):

(i)

€STR nieqes 20 punt bażi, ħlief fejn japplika l-punt (ii);

(ii)

matul kwalunkwe perjodu meta jkun meħtieġ li d-depożiti jinżammu fil-kontijiet rilevanti qabel id-data meta jrid isir ħlas skont ir-regoli legali jew kuntrattwali applikabbli għall-faċilità kkonċernata: jew żero fil-mija jew €STR nieqes 20 punt bażi, skont liema minnhom ikun l-ogħla;

(b)

għal kontijiet ta’ depożitu oħrajn għall-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà u għall-Faċilità Ewropea ta’ Stabbiltà Finanzjarja mhux koperti taħt il-punt (a): €STR nieqes 20 punt bażi;

(c)

għall-kont iddedikat miżmum f’konformità mal-Artikolu 13(2) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta’ April 2021 li tistabbilixxi l-arranġamenti meħtieġa għall-amministrazzjoni tal-operazzjonijiet ta’ teħid b’self skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2053 u għall-operazzjonijiet mutwanti relatati ma’ self mogħti f’konformità mal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13) u użat għall-finijiet ta’ parteċipazzjonijiet ta’ flus prudenzjali fir-rigward tal-programm NextGenerationEU, l-Istrument għall-għoti ta’ appoġġ lill-Ukrajna għall-2023 (assistenza makrofinanzjarja+) (14), jew programmi oħra ta’ finanzjament tal-Unjoni kif maqbul mill-BĊE u l-Kummissjoni Ewropea:

(i)

€STR nieqes 20 punt bażi, ħlief fejn japplika l-punt (ii);

(ii)

għal ammont aggregat ta’ depożiti li ma jaqbiżx EUR 20 biljun: jew żero fil-mija jew €STR nieqes 20 punt bażi, skont liema minnhom ikun l-ogħla.

5.   Meta rata tal-imgħax negattiva tapplika għal kwalunkwe wieħed mid-depożiti msemmija f’dan l-Artikolu, id-detentur tad-depożitu għandu jirrispetta interess lill-BĊN rilevanti jew lill-BĊE, u l-BĊN rilevanti jew il-BĊE jista’ jiddebita l-kont ta’ depożitu rilevanti kif xieraq.

Artikolu 3

Kondiviżjoni ta’ informazzjoni dwar depożiti ta’ politika mhux monetarja

1.   Meta l-BĊE jqis, fuq bażi ta’ każ b’każ, li huwa meħtieġ għall-valutazzjoni tal-impatti potenzjali fuq l-implimentazzjoni tal-politika monetarja, il-BĊNi għandhom jikkondividu mal-BĊE informazzjoni sħiħa dwar depożiti ta’ politika mhux monetarja, inklużi dettalji dwar dan li ġej:

(a)

detenturi tal-kont;

(b)

ir-remunerazzjoni applikata;

(c)

l-ammonti miżmuma mal-BĊN rilevanti.

2.   Informazzjoni li jirċievi l-BĊE skont il-paragrafu 1 għandha tiġi kondiviża fi ħdan il-BĊE u mill-BĊE fi ħdan l-Eurosistema fuq bażi stretta ta’ bżonn li tkun taf.

Artikolu 4

Dħul fis-seħħ

1.   Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2.   Għandha tapplika mill-1 ta’ Diċembru 2024.

Magħmul fi Frankfurt am Main, is-16 ta’ April 2024.

Il-President tal-BĊE

Christine LAGARDE


(1)  Linja Gwida (UE) 2019/671 tal-Bank Ċentrali Ewropew tad-9 ta’ April 2019 dwar operazzjonijiet ta’ ġestjoni tal-assi u l-obbligazzjonijiet domestiċi mill-banek ċentrali nazzjonali (BĊE/2019/7) (ĠU L 113, 29.4.2019, p. 11).

(2)  Linja Gwida (UE) 2024/1211 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-16 ta’ April 2024 dwar il-forniment ta’ servizzi ta’ ġestjoni ta’ riżervi f’euro mill-Eurosistema lill-banek ċentrali u pajjiżi li jinsabu barra ż-żona tal-euro u lil organizzazzjonijiet internazzjonali (BĊE/2024/13) (ĠU L, 2024/1211, 3.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/guideline/2024/1211/oj).

(3)  Linja Gwida (UE) 2022/912 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-24 ta’ Frar 2022 dwar ġenerazzjoni ġdida tas-sistema Trans-European Automated Real-time Gross Settlement Express Transfer (TARGET) u li tħassar il-Linja Gwida BĊE/2012/27 (BĊE/2022/8) (ĠU L 163, 17.6.2022, p. 84).

(4)  Deċiżjoni (UE) 2019/1743 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-15 ta’ Ottubru 2019 dwar ir-remunerazzjoni ta’ holdings ta’ eċċess ta’ riżervi u ta’ ċerti depożiti (BĊE/2019/31) (ĠU L 267, 21.10.2019, p. 12).

(5)  Linja Gwida (UE) 2019/1265 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-10 ta’ Lulju 2019 dwar ir-rata tal-euro fuq terminu qasir (€STR) (BĊE/2019/19) (ĠU L 199, 26.7.2019, p. 8).

(6)  Ir-Regolament (UE) Nru 1333/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-26 ta’ Novembru 2014 dwar l-istatistika tas-swieq monetarji (BĊE/2014/48) (ĠU L 359, 16.12.2014, p. 97).

(7)  Id-Deċiżjoni (UE) 2022/911 tal-Bank Ċentrali Ewropew tad-19 ta’ April 2022 dwar it-termini u l-kundizzjonijiet tat-TARGET-ECB u li tħassar id-Deċiżjoni BĊE/2007/7 (BĊE/2022/22) (ĠU L 163, 17.6.2022, p. 1).

(8)  Id-Deċiżjoni BĊE/2003/14 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-7 ta’ Novembru 2003 dwar l-amministrazzjoni tal-operazzjonijiet ta’ self li l-Komunità Ewropea kkonkludiet skont il-faċilità ta’ assistenza finanzjarja ta’ tul medju (ĠU L 297, 15.11.2003, p. 35).

(9)  Id-Deċiżjoni BĊE/2010/4 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-10 ta’ Mejju 2010 dwar il-ġestjoni ta’ self bilaterali kollettiv għall-benefiċċju tar-Repubblika Ellenika u li temenda d-Deċiżjoni BĊE/2007/7, (ĠU L 119, 13.5.2010, p. 24.)

(10)  Id-Deċiżjoni BĊE/2010/17 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-14 ta’ Ottubru 2010 dwar l-amministrazzjoni tal-operazzjonijiet ta’ self lil u mill-Unjoni taħt il-mekkaniżmu Ewropew għall-istabbilizzazzjoni finanzjarja (ĠU L 275, 20.10.2010, p. 10).

(11)  Id-Deċizjoni BĊE/2010/31 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-20 ta’ Diċembru 2010 li tikkonċerna l-ftuħ ta’ kontijiet għall-ipproċessar ta’ ħlasijiet b’rabta ma’ self mill-EFSF lil Stati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro (ĠU L 10, 14.1.2011, p. 7).

(12)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/672 tad-19 ta’ Mejju 2020 dwar l-istabbiliment ta’ strument Ewropew għal appoġġ temporanju biex jittaffew ir-riskji ta’ qgħad f’emerġenza (SURE) wara t-tifqigħa tal-COVID-19 (ĠU L 159, 20.5.2020, p. 1).

(13)  C(2021) 2502 final.

(14)  Ir-Regolament (UE) 2022/2463 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2022 li jistabbilixxi Strument għall-għoti ta’ appoġġ lill-Ukrajna għall-2023 (assistenza makrofinanzjarja+) (ĠU L 322, 16.12.2022, p. 1).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/1209/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)