European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/1204

23.4.2024

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2024/1204

tat-22 ta’ April 2024

li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2017/1775 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Mali

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u b’mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fil-5 ta’ Settembru 2017, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (“KSNU”) adotta r-Riżoluzzjoni 2374 (2017), li stabbiliet qafas għall-impożizzjoni ta’ projbizzjoni fuq l-ivvjaġġar u ffriżar tal-assi kontra individwi u entitajiet responsabbli mit-theddid għall-paċi, is-sigurtà jew l-istabbiltà tal-Mali jew kienu kompliċi fih jew involuti fih direttament jew indirettament.

(2)

Fit-28 ta’ Settembru 2017, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2017/1775 (1), li tittrasponi fil-liġi tal-Unjoni l-miżuri stabbiliti bir-Riżoluzzjoni 2374 (2017) tal-KSNU.

(3)

Fit-13 ta’ Diċembru 2021, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2021/2208 (2), li emendat id-Deċiżjoni (PESK) 2017/1775 u stabbiliet qafas ġdid, li jippermetti miżuri restrittivi kontra individwi u entitajiet responsabbli mit-theddid tal-paċi, is-sigurtà jew l-istabbiltà tal-Mali, jew mit-tfixkil jew l-imminar tat-tlestija b’suċċess tat-tranżizzjoni politika tal-Mali.

(4)

Fil-31 ta’ Awwissu 2023, skada r-reġim ta’ sanzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) meta l-Kunsill tas-Sigurtà naqas milli jaqbel dwar l-estensjoni tiegħu.

(5)

Fl-4 ta’ Jannar 2024, fid-dawl tat-terminazzjoni tar-reġim ta’ sanzjonijiet tan-NU dwar il-Mali, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (PESK) 2024/215 (3), li ħassret l-entrati kollha fl-Anness I tad-Deċiżjoni (PESK) 2017/1775.

(6)

F’dan il-kuntest, huwa wkoll xieraq li jitħassru ċerti dispożizzjonijiet relatati mar-Riżoluzzjoni 2374 (2017) tal-KSNU mill-parti operattiva tad-Deċiżjoni (PESK) 2017/1775.

(7)

Sabiex jiżdiedu l-konsistenza u l-koerenza fost il-miżuri restrittivi tal-Unjoni, huwa xieraq ukoll li jiġu emendati l-eżenzjoni umanitarja eżistenti u l-mekkaniżmu ta’ deroga, kif ukoll li tiġi introdotta klawżola ta’ rieżami relatata ma’ dawk l-eċċezzjonijiet umanitarji.

(8)

Għalhekk jenħtieġ li d-Deċiżjoni (PESK) 2017/1775 tiġi emendata skont dan.

(9)

Hija meħtieġa aktar azzjoni mill-Unjoni sabiex jiġu implimentati ċerti miżuri,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni (PESK) 2017/1775 hija emendata kif ġej:

(1)

L-Artikolu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 1

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jipprevjenu d-dħul fit-territorji tagħhom, jew it-tranżitu minnhom, ta’ persuni fiżiċi:

(a)

responsabbli jew kompliċi, jew involuti, direttament jew indirettament, f’azzjonijiet jew politiki li jheddu l-paċi, is-sigurtà, jew l-istabbiltà tal-Mali, bħal:

(i)

involviment fl-ippjanar, id-direzzjoni, l-isponsorizzazzjoni jew it-tmexxija ta’ attakki kontra:

il-persunal tan-NU u l-persunal assoċjat fil-Mali;

preżenzi tas-sigurtà internazzjonali fil-Mali;

(ii)

ostakolament tal-għoti ta’ assistenza umanitarja lill-Mali, jew l-aċċess jew distribuzzjoni fir-rigward tal-għajnuna umanitarja fil-Mali;

(iii)

ppjanar tad-direzzjoni jew it-twettiq ta’ atti fil-Mali li jiksru d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem jew id-dritt umanitarju internazzjonali, kif applikabbli, jew li jikkostitwixxu abbużi jew ksur tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż dawk li jinvolvu l-immirar lejn persuni ċivili, inkluż nisa u tfal, permezz tat-twettiq ta’ atti ta’ vjolenza (inkluż il-qtil, l-immankar, it-tortura, jew l-istupru jew xi vjolenza sesswali oħra), il-ħtif, l-għajbien furzat, l-ispustjar furzat jew l-attakki kontra skejjel, sptarijiet, siti reliġjużi jew postijiet fejn persuni ċivili jkunu qegħdin ifittxu kenn;

(iv)

l-użu jew ir-reklutaġġ ta’ tfal minn gruppi armati jew mill-forzi armati, li jikkostitwixxi ksur tad-dritt internazzjonali applikabbli, fil-kuntest tal-kunflitt armat fil-Mali;

(v)

faċilitazzjoni, b’mod intenzjonali, tal-ivvjaġġar ta’ persuni elenkati bi ksur tar-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar;

(b)

li jostakolaw jew idgħajfu t-tlestija b’suċċess tat-tranżizzjoni politika tal-Mali, inkluż billi jxekklu jew idgħajfu l-organizzazzjoni ta’ elezzjonijiet jew it-trasferiment tas-setgħa lill-awtoritajiet eletti; jew

(c)

assoċjati ma’ persuni fiżiċi msemmijin fil-punti (a) jew (b).

Il-persuni ddeżinjati msemmija f’dan il-paragrafu huma elenkati fl-Anness.

2.   Il-paragrafu 1 ma għandux jobbliga lil Stat Membru li jirrifjuta d-dħul tan-nazzjonali proprji fit-territorju tiegħu.

3.   Il-paragrafu 1 għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-każijiet fejn Stat Membru jkun marbut b’obbligu tad-dritt internazzjonali, jiġifieri:

(a)

bħala pajjiż ospitanti ta’ organizzazzjoni intergovernattiva internazzjonali;

(b)

bħala pajjiż ospitanti ta’ konferenza internazzjonali mlaqqa’ min-Nazzjonijiet Uniti, jew taħt il-patroċinju tagħha;

(c)

skont ftehim multilaterali li jagħti privileġġi u immunitajiet; jew

(d)

skont it-Trattat ta’ Konċiljazzjoni (il-Patt tal-Lateran) tal-1929 konkluż mis-Santa Sede (l-Istat tal-Belt tal-Vatikan) u l-Italja.

4.   Il-paragrafu 3 għandu japplika wkoll f’każijiet fejn Stat Membru jkun il-pajjiż ospitanti tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE).

5.   Il-Kunsill għandu jiġi debitament infurmat fil-każijiet kollha fejn Stat Membru jagħti eżenzjoni skont il-paragrafi 3 jew 4.

6.   L-Istati Membri jistgħu jagħtu eżenzjonijiet mill-miżuri imposti skont il-paragrafu 1 fejn l-ivvjaġġar ikun ġustifikat għal raġunijiet ta’ bżonn umanitarju urġenti, jew għal raġunijiet ta’ attendenza għal laqgħat intergovernattivi jew laqgħat promossi jew ospitati mill-Unjoni, jew ospitati minn Stat Membru li jkollu l-Presidenza attwali tal-OSKE, fejn isir djalogu politiku li jippromwovi direttament l-objettivi ta’ politika ta’ miżuri restrittivi.

7.   L-Istati Membri jistgħu wkoll jagħtu eżenzjonijiet mill-miżuri imposti skont il-paragrafu 1 fejn id-dħul jew it-tranżitu jkun neċessarju għall-fini ta’ proċess ġudizzjarju.

8.   Stat Membru li jixtieq jagħti eżenzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 6 jew 7 għandu jinnotifika lill-Kunsill bil-miktub. L-eżenzjoni għandha titqies li tkun ingħatat sakemm Stat Membru wieħed jew aktar ma joġġezzjonawx bil-miktub fi żmien jumejn ta’ xogħol mir-riċezzjoni tan-notifika dwar l-eżenzjoni proposta. Jekk Stat Membru wieħed jew aktar iqajmu oġġezzjoni, il-Kunsill, li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata, jista’ jiddeċiedi li jagħti l-eżenzjoni proposta.

9.   Fejn, skont il-paragrafi 3, 4, 6 jew 7, Stat Membru jawtorizza d-dħul fit-territorju tiegħu, jew it-tranżitu minnu, ta’ persuni elenkati fl-Anness, l-awtorizzazzjoni għandha tkun strettament limitata għall-iskop li għalih tkun ingħatat u għall-persuni direttament ikkonċernati minnha.”

;

(2)

L-Artikolu 1a jitħassar;

(3)

L-Artikolu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 2

1.   Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li huma proprjetà ta’, jew li huma kkontrollati minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi li:

(a)

huma responsabbli jew kompliċi, jew involuti, direttament jew indirettament, f’azzjonijiet jew politiki li jheddu l-paċi, is-sigurtà, jew l-istabbiltà tal-Mali, bħal:

(i)

involviment fl-ippjanar, id-direzzjoni, l-isponsorizzazzjoni jew it-tmexxija ta’ attakki kontra:

persunal tan-NU u persunal assoċjat fil-Mali;

preżenzi tas-sigurtà internazzjonali fil-Mali;

(ii)

ostakolament tal-għoti ta’ assistenza umanitarja lill-Mali, jew l-aċċess jew distribuzzjoni fir-rigward tal-għajnuna umanitarja fil-Mali;

(iii)

ppjanar tad-direzzjoni jew it-twettiq ta’ atti fil-Mali li jiksru d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem jew id-dritt umanitarju internazzjonali, kif applikabbli, jew li jikkostitwixxu abbużi jew ksur tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż dawk li jinvolvu l-immirar lejn persuni ċivili, inkluż nisa u tfal, permezz tat-twettiq ta’ atti ta’ vjolenza (inkluż il-qtil, l-immankar, it-tortura, jew l-istupru jew xi vjolenza sesswali oħra), il-ħtif, l-għajbien furzat, l-ispustjar furzat jew l-attakki kontra skejjel, sptarijiet, siti reliġjużi jew postijiet fejn persuni ċivili jkunu qegħdin ifittxu kenn;

(iv)

l-użu jew ir-reklutaġġ ta’ tfal minn gruppi armati jew mill-forzi armati, li jikkostitwixxi ksur tad-dritt internazzjonali applikabbli, fil-kuntest tal-kunflitt armat fil-Mali;

(v)

faċilitazzjoni, b’mod intenzjonali, tal-ivvjaġġar ta’ persuni elenkati bi ksur tar-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar.

(b)

li jostakolaw jew idgħajfu t-tlestija b’suċċess tat-tranżizzjoni politika tal-Mali, inkluż billi jxekklu jew idgħajfu l-organizzazzjoni ta’ elezzjonijiet jew it-trasferiment tas-setgħa lill-awtoritajiet eletti; jew

(c)

assoċjati ma’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi msemmijin fil-punti (a) jew (b),

għandhom jiġu ffriżati.

Il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-entitajiet jew il-korpi ddeżinjati msemmijin f’dan il-paragrafu huma elenkati fl-Anness.

2.   L-ebda fondi jew riżorsi ekonomiċi ma għandhom isiru disponibbli, direttament jew indirettament, għall-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi elenkati fl-Anness, jew għall-benefiċċju tagħhom.

3.   B’deroga mill-paragrafi 1 u 2, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, jew li jsiru disponibbli ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi, taħt dawk il-kundizzjonijiet li jidhrilhom xierqa, wara li jkunu ddeterminaw li l-fondi jew r-riżorsi ekonomiċi kkonċernati jkunu:

(a)

meħtieġa biex jissodisfaw il-ħtiġijiet bażiċi tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi elenkati fl-Anness u tal-membri dipendenti tal-familji ta’ dawn il-persuni fiżiċi, inkluż ħlasijiet għall-prodotti tal-ikel, għall-kera jew għall-ipotekar, għall-mediċini u għat-trattament mediku, għat-taxxi, għall-primjums tal-assigurazzjoni, u għall-ispejjeż tas-servizzi pubbliċi;

(b)

maħsuba esklużivament għall-ħlas ta’ tariffi professjonali raġonevoli u għar-rimborż tal-ispejjeż imġarrba assoċjati mal-provvista ta’ servizzi legali;

(c)

maħsuba esklużivament għall-ħlas ta’ tariffi jew imposti ta’ servizzi taż-żamma jew il-ġestjoni normali ta’ fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati;

(d)

neċessarji għal spejjeż straordinarji, sakemm l-awtorità kompetenti tkun innotifikat lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni bir-raġunijiet li għalihom tqis li għandha tingħata awtorizzazzjoni speċifika, minn tal-inqas ġimagħtejn qabel l-awtorizzazzjoni; jew

(e)

maħsubin biex jitħallsu f’kont jew minn kont ta’ missjoni diplomatika jew konsulari jew ta’ organizzazzjoni internazzjonali li tgawdi immunitajiet f’konformità mad-dritt internazzjonali, sa fejn tali pagamenti jkunu maħsuba biex jintużaw għal finijiet uffiċjali tal-missjoni diplomatika jew konsulari jew tal-organizzazzjoni internazzjonali.

L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni dwar kull awtorizzazzjoni li tingħata skont dan il-paragrafu fi żmien ġimagħtejn mill-awtorizzazzjoni.

4.   B’deroga mill-paragrafu 1, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati dment li jkunu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi jkunu s-suġġett ta’ deċiżjoni arbitrali mogħtija qabel id-data li fiha l-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp imsemmija fil-paragrafu 1 ikunu ġew elenkati fl-Anness, jew ta’ deċiżjoni ġudizzjarja jew amministrattiva mogħtija fl-Unjoni, jew ta’ deċiżjoni ġudizzjarja infurzabbli fl-Istat Membru kkonċernat, qabel jew wara dik id-data;

(b)

il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi ser jintużaw esklużivament sabiex jiġu ssodisfati l-pretensjonijiet iggarantiti minn tali deċiżjoni jew rikonoxxuti bħala validi f’tali deċiżjoni, fil-limiti stabbiliti minn liġijiet u regolamenti applikabbli li jirregolaw id-drittijiet ta’ persuni li jkollhom tali pretensjonijiet;

(c)

id-deċiżjoni ma tkunx għall-benefiċċju ta’ persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati fl-Anness; u

(d)

ir-rikonoxximent tad-deċiżjoni ma jmurx kontra l-ordni pubbliku fl-Istat Membru kkonċernat.

L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni dwar kull awtorizzazzjoni li tingħata skont dan il-paragrafu fi żmien ġimagħtejn mill-awtorizzazzjoni.

5.   Il-paragrafu 1 ma għandux iżomm lil persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati fl-Anness milli jagħmlu ħlas dovut skont kuntratt jew ftehim konkluż, jew obbligazzjoni maħluqa, qabel id-data li fiha tali persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp ikunu ġew elenkati fih, sakemm l-Istat Membru kkonċernat ikun iddetermina li l-ħlas ma jiġix riċevut, direttament jew indirettament, minn persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp imsemmija fil-paragrafu 1.

6.   Il-paragrafu 2 ma għandux japplika għaż-żieda f’kontijiet iffriżati ta’:

(a)

imgħax jew dħul ieħor fuq dawk il-kontijiet;

(b)

pagamenti dovuti skont kuntratti, ftehimiet jew obbligi li jkunu ġew konklużi jew li rriżultaw qabel id-data li fiha dawk il-kontijiet saru soġġetti għall-miżuri previsti fil-paragrafi 1 u 2; jew

(c)

pagamenti dovuti skont deċiżjonijiet ġudizzjarji, amministrattivi jew arbitrali li ngħataw fl-Unjoni jew li huma eżegwibbli fl-Istat Membru kkonċernat;

dment li kwalunkwe tali imgħax, dħul u pagament ieħor jibqa’ soġġett għall-miżuri previsti fil-paragrafu 1.

7.   Il-paragrafi 1 u 2 m’għandhomx japplikaw għat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ fondi jew ta’ riżorsi ekonomiċi meħtieġa biex jiġi żgurat it-twassil f’waqtu ta’ assistenza umanitarja jew jiġu appoġġati attivitajiet oħra li jappoġġaw il-ħtiġijiet bażiċi tal-bniedem meta tali assistenza u attivitajiet oħra jitwettqu minn dawn li ġejjin:

(a)

in-Nazzjonijiet Uniti (NU), inkluż il-programmi, il-fondi u entitajiet u korpi oħra tagħha, kif ukoll l-aġenziji speċjalizzati u l-organizzazzjonijiet relatati tagħha;

(b)

organizzazzjonijiet internazzjonali;

(c)

organizzazzjonijiet umanitarji bi status ta’ osservatur mal-Assemblea Ġenerali tan-NU u membri ta’ dawk l-organizzazzjonijiet umanitarji;

(d)

organizzazzjonijiet mhux governattivi ffinanzjati bilateralment jew multilateralment li jipparteċipaw fil-Pjanijiet ta’ Rispons Umanitarju tan-NU, il-Pjanijiet ta’ Rispons għar-Refuġjati tan-NU, appelli oħra tan-NU jew raggruppamenti umanitarji koordinati mill-Uffiċċju tan-NU għall-Koordinazzjoni tal-Affarijiet Umanitarji;

(e)

organizzazzjonijiet u aġenziji li lilhom l-Unjoni tkun tat iċ-Ċertifikat ta’ Sħubija Umanitarja jew li jkunu ċċertifikati jew rikonoxxuti minn Stat Membru f’konformità ma’ proċeduri nazzjonali;

(f)

aġenziji speċjalizzati tal-Istati Membri; jew

(g)

l-impjegati, il-benefiċjarji, is-sussidjarji jew is-sħab ta’ implimentazzjoni tal-entitajiet imsemmija fil-punti (a) sa (f) waqt li u sakemm ikunu qed jaġixxu f’dawk il-kapaċitajiet.

8.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 7, u b’deroga mill-paragrafi 1 u 2, l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, jew id-disponibbiltà ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi, skont tali kundizzjonijiet li huma jqisu xierqa, wara li jkunu ddeterminaw li l-forniment ta’ tali fondi jew riżorsi ekonomiċi huwa meħtieġ biex jiġi żgurat it-twassil f’waqtu ta’ assistenza umanitarja jew jiġu appoġġati attivitajiet oħra li jappoġġaw il-ħtiġijiet bażiċi tal-bniedem.

9.   Fin-nuqqas ta’ deċiżjoni negattiva, talba għall-informazzjoni jew notifika għal iktar żmien mill-awtorità kompetenti rilevanti fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol mid-data tal-wasla ta’ talba għall-awtorizzazzjoni skont il-paragrafu 8, dik l-awtorizzazzjoni għandha titqies li ngħatat.

10.   L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija skont il-paragrafi 8 u 9 fi żmien erba’ ġimgħat minn tali awtorizzazzjoni.”

;

(4)

L-Artikolu 2a jitħassar;

(5)

L-Artikolu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 3

Il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi b’unanimità fuq proposta minn Stat Membru jew mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (ir-‘Rappreżentant Għoli’), għandu jistabbilixxi u jemenda l-lista fl-Anness.”

;

(6)

L-Artikolu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 4

1.   Il-Kunsill għandu jikkomunika d-deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 3, inkluż ir-raġunijiet għall-elenkar, lill-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp ikkonċernat, direttament, jekk l-indirizz ikun magħruf, jew permezz tal-pubblikazzjoni ta’ avviż, li jipprovdi lil dik il-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp bl-opportunità li jippreżenta osservazzjonijiet.

2.   Fejn jiġu ppreżentati osservazzjonijiet, jew fejn tiġi ppreżentata evidenza sostanzjali ġdida, il-Kunsill għandu jirrieżamina d-deċiżjoni tiegħu u jinforma lill-persuna jew l-entità kkonċernata kif meħtieġ.”

;

(7)

L-Artikolu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 5

1.   L-Anness għandu jinkludi r-raġunijiet għall-elenkar tal-persuni fiżiċi u ġuridiċi, l-entitajiet u l-korpi msemmija fih.

2.   L-Anness għandu jinkludi, meta tkun disponibbli, l-informazzjoni meħtieġa biex jiġu identifikati l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-entitajiet jew il-korpi kkonċernati. Fir-rigward tal-persuni fiżiċi, tali informazzjoni tista’ tinkludi: ismijiet u psewdonimi; id-data u l-post ta’ twelid; in-nazzjonalità; in-numri tal-passaport u tal-karti tal-identità; il-ġeneru; l-indirizz, jekk magħruf; u l-funzjoni jew il-professjoni. Fir-rigward ta’ persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi, din l-informazzjoni tista’ tinkludi: ismijiet; il-post u d-data tar-reġistrazzjoni; in-numru tar-reġistrazzjoni; u l-post tan-negozju.”

;

(8)

L-Artikolu 5a huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 6

1.   Il-Kunsill u r-Rappreżentant Għoli għandhom jipproċessaw data personali sabiex iwettqu l-kompiti tagħhom skont din id-Deċiżjoni, b’mod partikolari:

(a)

fir-rigward tal-Kunsill, għat-tħejjija u l-emendar tal-Anness;

(b)

fir-rigward tar-Rappreżentant Għoli, għat-tħejjija ta’ emendi għall-Anness.

2.   Il-Kunsill u r-Rappreżentant Għoli jistgħu jipproċessaw, fejn applikabbli, data rilevanti relatata ma’ reati kriminali mwettqa minn persuni fiżiċi elenkati, u ma’ kundanni penali jew miżuri ta’ sigurtà li jikkonċernaw lil tali persuni, biss sa fejn tali proċessar ikun meħtieġ għat-tħejjija tal-Anness.

3.   Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, il-Kunsill u r-Rappreżentant Għoli huma nominati bħala ‘kontrollur’ fis-sens tal-Artikolu 3, il-punt (8) tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1), sabiex ikun żgurat li l-persuni fiżiċi kkonċernati jkunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom skont dak ir-Regolament.

(*1)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).”;"

(9)

L-Artikolu 5b huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 7

Ma għandha tiġi sodisfatta ebda pretensjoni b’konnessjoni ma’ xi kuntratt jew tranżazzjoni li l-prestazzjoni tagħhom tkun ġiet affettwata, direttament jew indirettament, totalment jew parzjalment, mill-miżuri imposti skont din id-Deċiżjoni, inkluż pretensjonijiet għal indennizz jew kwalunkwe pretensjoni oħra ta’ dan it-tip, bħal pretensjoni għal kumpens jew pretensjoni taħt garanzija, b’mod partikolari pretensjoni għal estensjoni jew għall-ħlas ta’ bond, garanzija jew indennizz, b’mod partikolari garanzija finanzjarja jew indennizz finanzjarju, ta’ kwalunkwe forma, jekk il-pretensjoni ssir minn:

(a)

persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi ddeżinjati elenkati fl-Anness;

(b)

kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp li taġixxi permezz ta’ waħda mill-persuni, l-entitajiet jew il-korpi imsemmija fil-punt (a) jew li taġixxi f’isimhom.”

;

(10)

L-Artikolu 6 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 8

1.   Il-miżuri msemmija fl-Artikolu 1, il-paragrafu 1, u l-Artikolu 2, il-paragrafi 1 u 2 għandhom japplikaw sal-14 ta’ Diċembru 2024 u għandhom jinżammu taħt rieżami kostanti. Dawn għandhom jiġġeddu, jew jiġu emendati, kif xieraq, jekk il-Kunsill iqis li l-objettivi tagħhom ma jkunux intlaħqu.

2.   L-eċċezzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 2(7) u (8) fir-rigward tal-Artikolu 2(1) u (2) għandhom jiġu rieżaminati f’intervalli regolari, u mill-inqas kull tnax-il xahar, jew fuq talba urġenti ta’ kwalunkwe Stat Membru, tar-Rappreżentant Għoli, jew tal-Kummissjoni wara bidla fundamentali fiċ-ċirkostanzi.”

;

(11)

L-Artikolu 7 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 9

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.”

;

(12)

L-Annessi huma emendati kif ġej:

(a)

l-Anness I jitħassar;

(b)

l-Anness II jingħata t-titolu ġdid ta’ “Anness”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fil-Lussemburgu, it-22 ta’ April 2024.

Għall-Kunsill

Il-President

J. BORRELL FONTELLES


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/1775 tat-28 ta’ Settembru 2017 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Mali (ĠU L 251 29.9.2017. p. 23).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/2208 tat-13 ta’ Diċembru 2021 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2017/1775 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Mali (ĠU L 446, 14.12.2021, p. 44).

(3)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (PESK) 2024/215 tal-4 ta’ Jannar 2024 li timplimenta d-Deċiżjoni (PESK) 2017/1775 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Mali (ĠU L, 2024/215, 5.1.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/215/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/1204/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)