|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2024/1194 |
25.4.2024 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/1194
tal-24 ta April 2024
dwar it-tiġdid tal-awtorizzazzjoni tal-aċidu nikotiniku u tan-niaċinammid bħala addittivi tal-għalf għall-ispeċijiet kollha tal-annimali u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 642/2013
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2003 fuq l-addittivi għall-użu fl-għalf tal-annimali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(2) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 jipprevedi l-awtorizzazzjoni ta’ addittivi għall-użu fl-għalf tal-annimali u r-raġunijiet u l-proċeduri għall-għoti ta’ tali awtorizzazzjoni. |
|
(2) |
In-niaċina u n-niaċinammid kienu ġew awtorizzati għal perjodu ta’ 10 snin bħala addittivi tal-għalf għall-ispeċijiet kollha tal-annimali bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 642/2013 (2). |
|
(3) |
Tressqu żewġ applikazzjonijiet, f’konformità mal-Artikolu 14(1) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003, għat-tiġdid tal-awtorizzazzjoni tan-niaċina u tan-niaċinammid għall-ispeċijiet kollha tal-annimali, bit-talba li l-addittivi jiġu kklassifikati fil-kategorija tal-addittivi “addittivi nutrizzjonali” u fil-grupp funzjonali “vitamini, provitamini u sustanzi definiti tajjeb kimikament li jkollhom effett simili”. Flimkien ma’ dawk l-applikazzjonijiet intbagħtu d-dettalji u d-dokumenti meħtieġa skont l-Artikolu 14(2) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003. Il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-isem tal-addittiv “niaċina” użat fl-awtorizzazzjoni inizjali jenħtieġ li jiġi sostitwit bl-isem “aċidu nikotiniku” peress li t-terminu “niaċina” huwa wieħed mill-ismijiet ġeneriċi użati għall-aċidu nikotiniku iżda wkoll għal sustanzi oħra bħan-nikotinammid u d-derivattivi relatati. |
|
(4) |
Fl-opinjoni tagħha tas-26 ta’ Settembru 2023 (3), l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) ikkonkludiet li l-applikant ipprovda evidenza li l-aċidu nikotiniku u n-niaċinammid għadhom sikuri għall-ispeċijiet kollha tal-annimali, għall-konsumaturi u għall-ambjent skont il-kundizzjonijiet tal-użu awtorizzati bħalissa. L-Awtorità kkonkludiet li l-aċidu nikotiniku u n-niaċinammid jibqgħu effikaċi bħala sors effettiv ta’ niaċina fin-nutrizzjoni tal-annimali u li l-aċidu nikotiniku u n-niaċinammid mhumiex irritanti għall-ġilda iżda huma irritanti għall-għajnejn. L-Awtorità kkonkludiet ukoll li mhumiex sensitizzaturi tal-ġilda u li huwa probabbli li jseħħ esponiment permezz tal-inalazzjoni. Ma kinitx tal-fehma li hemm ħtieġa għal rekwiżiti speċifiċi ta’ monitoraġġ ta’ wara l-introduzzjoni fis-suq. |
|
(5) |
Il-Laboratorju ta’ Referenza stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 kien tal-fehma li l-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet milħuqa fil-valutazzjoni mwettqa fir-rigward tal-metodu ta’ analiżi tal-aċidu nikotiniku u tan-niaċinammid bħala addittivi tal-għalf fil-kuntest tal-awtorizzazzjoni preċedenti huma validi u applikabbli għall-applikazzjoni attwali. Għalhekk, f’konformità mal-Artikolu 5(4), il-punt (c) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 378/2005 (4), mhuwiex meħtieġ rapport ta’ evalwazzjoni tal-Laboratorju ta’ Referenza. |
|
(6) |
Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-aċidu nikotiniku u n-niaċinammid jissodisfaw il-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni previsti fl-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-awtorizzazzjoni ta’ dawk l-addittivi tiġġedded. Barra minn hekk, il-Kummissjoni hija tal-fehma li jenħtieġ li jittieħdu miżuri protettivi xierqa biex jiġu evitati effetti avversi fuq is-saħħa tal-utenti tal-addittivi. |
|
(7) |
Billi l-applikazzjoni immedjata tal-modifiki tal-kundizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni tal-aċidu nikotiniku mhijiex meħtieġa minħabba raġunijiet ta’ sikurezza, jixraq li jiġi previst perjodu tranżitorju biex il-partijiet interessati jħejju ruħhom biex jissodisfaw ir-rekwiżiti l-ġodda li jirriżultaw mit-tiġdid tal-awtorizzazzjoni minħabba l-bidla tal-isem tal-addittiv minn “niaċina” għal “aċidu nikotiniku”. |
|
(8) |
B’konsegwenza tat-tiġdid tal-awtorizzazzjoni tal-aċidu nikotiniku u tan-niaċinammid, jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 642/2013 jitħassar. |
|
(9) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Tiġdid tal-awtorizzazzjoni
L-awtorizzazzjoni tas-sustanzi speċifikati fl-Anness, tal-kategorija ta’ addittivi “addittivi nutrizzjonali” u tal-grupp funzjonali “vitamini, provitamini u sustanzi definiti tajjeb kimikament li jkollhom effett simili”, hija mġedda soġġetta għall-kundizzjonijiet stipulati f’dak l-Anness.
Artikolu 2
Tħassir
Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 642/2013 jitħassar.
Artikolu 3
Miżuri tranżizzjonali
1. Is-sustanza aċidu nikotiniku speċifikata fl-Anness u t-taħlitiet lesti minn qabel li fihom dik is-sustanza, li jiġu prodotti u ttikkettati qabel il-15 ta’ Novembru 2024 f’konformità mar-regoli applikabbli qabel il-15 ta’ Mejju 2024 jistgħu jibqgħu jiġu introdotti fis-suq u jintużaw sakemm jispiċċaw l-istokkijiet eżistenti.
2. L-għalf kompost u l-materjali tal-għalf li fihom is-sustanza aċidu nikotiniku speċifikata fl-Anness, li jiġu prodotti u ttikkettati qabel il-15 ta’ Mejju 2025 f’konformità mar-regoli applikabbli qabel il-15 ta’ Mejju 2024 jistgħu jibqgħu jiġu introdotti fis-suq u jintużaw sakemm jispiċċaw l-istokkijiet eżistenti jekk ikunu maħsuba għall-annimali li jipproduċu l-ikel.
3. L-għalf kompost u l-materjali tal-għalf li fihom is-sustanza aċidu nikotiniku speċifikata fl-Anness li jiġu prodotti u ttikkettati qabel il-15 ta’ Mejju 2026 f’konformità mar-regoli applikabbli qabel il-15 ta’ Mejju 2024 jistgħu jibqgħu jiġu introdotti fis-suq u jintużaw sakemm jispiċċaw l-istokkijiet eżistenti jekk dawn ikunu maħsubin għall-annimali li ma jipproduċux l-ikel.
Artikolu 4
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ April 2024.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 268, 18.10.2003, p. 29, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2003/1831/oj.
(2) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 642/2013 tal-4 ta’ Lulju 2013 dwar l-awtorizzazzjoni tan-niaċina u tan-niaċinammid bħala addittivi fl-għalf għall-ispeċi kollha tal-annimali (ĠU L 186, 5.7.2013, p. 4, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2013/642/oj).
(3) EFSA Journal 2023;21(10):8359 u EFSA Journal 2023;21(10):8357.
(4) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 378/2005 tal-4 ta’ Marzu 2005 dwar regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-dmirijiet u l-ħidmiet tal-Laboratorju ta’ Referenza Komunitarju fil-kuntest tal-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni għall-użu ta’ addittivi fl-għalf tal-annimali (ĠU L 59, 5.3.2005, p. 8, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2005/378/oj).
ANNESS
|
Numru ta’ identifikazzjoni tal-addittiv tal-għalf |
Addittiv |
Kompożizzjoni, formula kimika, deskrizzjoni, metodu analitiku |
Speċi jew kategorija tal-annimali |
Età massima |
Kontenut minimu |
Kontenut massimu |
Dispożizzjonijiet oħrajn |
Tmiem il-perjodu tal-awtorizzazzjoni |
||||||||||
|
mg ta’ sustanza attiva/kg ta’ għalf komplet b’kontenut ta’ ndewwa ta’ 12 % |
||||||||||||||||||
|
Kategorija: addittivi nutrizzjonali. Grupp funzjonali: vitamini, provitamini u sustanzi definiti tajjeb kimikament li jkollhom effett simili |
||||||||||||||||||
|
3a314 |
Aċidu nikotiniku |
Kompożizzjoni tal-addittiv Aċidu nikotiniku Karatterizzazzjoni tas-sustanza attiva Aċidu nikotiniku Forma solida Purità: ≥ 99 % Isem kimiku: aċidu nikotiniku Formula kimika: C6H5NO2 Numru CAS: 59-67-6 Numru EINECS: 200-441-0 Metodu analitiku (1)
|
L-ispeċijiet kollha tal-annimali |
— |
— |
— |
|
Il-15 ta’ Mejju 2034 |
||||||||||
|
Numru ta’ identifikazzjoni tal-addittiv tal-għalf |
Addittiv |
Kompożizzjoni, formula kimika, deskrizzjoni, metodu analitiku |
Speċi jew kategorija tal-annimali |
Età massima |
Kontenut minimu |
Kontenut massimu |
Dispożizzjonijiet oħrajn |
Tmiem il-perjodu tal-awtorizzazzjoni |
||||||||||
|
mg ta’ sustanza attiva/kg ta’ għalf komplet b’kontenut ta’ ndewwa ta’ 12 % |
||||||||||||||||||
|
Kategorija ta’ addittivi nutrizzjonali. Grupp funzjonali: vitamini, provitamini u sustanzi definiti tajjeb kimikament li jkollhom effett simili |
||||||||||||||||||
|
3a315 |
Niaċinammid |
Kompożizzjoni tal-addittiv Niaċinammid Karatterizzazzjoni tas-sustanza attiva Niaċinammid Forma solida Purità: ≥ 99 % Isem kimiku: niaċinammid, nikotinammid Formula kimika: C6H6N2O Numru CAS: 98-92-0 Numru EINECS: 202-713 Metodu analitiku (2)
|
L-ispeċijiet kollha tal-annimali |
— |
— |
— |
|
Il-15 ta’ Mejju 2034 |
||||||||||
(1) Id-dettalji tal-metodi analitiċi huma disponibbli fl-indirizz tal-Laboratorju ta’ Referenza li ġej: https://joint-research-centre.ec.europa.eu/eurl-fa-eurl-feed-additives/eurl-fa-authorisation/eurl-fa-evaluation-reports
(2) Id-dettalji tal-metodi analitiċi huma disponibbli fl-indirizz tal-Laboratorju ta’ Referenza li ġej: https://joint-research-centre.ec.europa.eu/eurl-fa-eurl-feed-additives/eurl-fa-authorisation/eurl-fa-evaluation-reports
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/1194/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)