Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
2024/1192 |
26.4.2024 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/1192
tal-24 ta’ April 2024
dwar deroga temporanja mogħtija lill-Belġju, lil Franza u lin-Netherlands mill-kundizzjonijiet tal-marketing tad-Direttiva tal-Kunsill 2002/57/KE għaż-żerriegħa tal-kittien iċċertifikata
(notifikata bid-dokument C(2024) 2563)
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidraw id-Direttiva tal-Kunsill 2002/57/KE tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-marketing taż-żerriegħa ta’ pjanti taż-żejt u tal-fibra (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 21(1) tagħha,
Billi:
(1) |
Id-Direttiva 2002/57/KE tistabbilixxi r-rekwiżiti għall-marketing fl-Unjoni taż-żerriegħa tal-pjanti taż-żejt u tal-fibra. F’konformità mal-Artikolu 2(1), il-punt (i), ta’ dik id-Direttiva, iż-żerriegħa ċċertifikata tal-kittien hija permessa li tiġi prodotta sat-tielet ġenerazzjoni minn żerriegħa ċċertifikata u trid tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Annessi I u II ta’ dik id-Direttiva għaż-żerriegħa ċċertifikata, inklużi l-kundizzjonijiet rispettivi għall-ispezzjonijiet fl-għelieqi li jikkonċernaw l-identità varjetali tagħha. |
(2) |
Minħabba mewġiet ta’ sħana, nixfa u xita limitata matul il-perjodu tat-tkabbir kien hemm kundizzjonijiet diffiċli ta’ tkabbir għall-kittien f’dawn l-aħħar snin li wasslu għal nuqqas serju ta’ żerriegħa tal-kittien fil-Belġju, fi Franza u fin-Netherlands. |
(3) |
Minħabba f’hekk, il-Belġju, Franza u n-Netherlands għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom ammonti limitati biss ta’ żerriegħa tal-kittien, li mhumiex biżżejjed f’termini ta’ kwantitajiet meħtieġa għaż-żrigħ. |
(4) |
Mill-informazzjoni li mogħtija lill-Kummissjoni, jidher li b’kollox hija meħtieġa kwantità ta’ 1 500 tunnellata għall-Belġju, 1 500 tunnellata għal Franza u 270 tunnellata għan-Netherlands ta’ żerriegħa tal-kittien biex jissolvew id-diffikultajiet fil-provvista għall-perjodu sat-30 ta’ Ġunju 2024. L-informazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni turi wkoll li, b’kollox, kwantità ta’ 500 tunnellata għall-Belġju, 4 000 tunnellata għal Franza u 400 tunnellata għan-Netherlands għall-produzzjoni taż-żerriegħa tal-kittien hija meħtieġa biex issolvi dawn id-diffikultajiet fil-provvista għal perjodu ieħor sat-30 ta’ Ġunju 2025. |
(5) |
Stati Membri oħra ma jistgħux ikopru l-ħtiġijiet rispettivi tal-Belġju, ta’ Franza u tan-Netherlands. |
(6) |
Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkostanzi, kien hemm xi diffikultajiet temporanji fil-provvista ġenerali taż-żerriegħa ċċertifikata tal-kittien u dawn huma mistennija li jkomplu fil-Belġju, fi Franza u fin-Netherlands. Dawn id-diffikultajiet ma jistgħux jingħelbu ħlief billi jiġi permess, għal perjodu speċifikat u soġġett għal kwantità massima xierqa meħtieġa biex jiġu solvuti d-diffikultajiet fil-provvista, il-marketing fl-Unjoni ta’ żerriegħa ċċertifikata tal-kittien prodotta fil-Belġju, fi Franza u fin-Netherlands mill-kategorija ta’ żerriegħa ċċertifikata tat-tielet ġenerazzjoni li tissodisfa rekwiżiti inqas stretti minn dawk tad-Direttiva 2002/57/KE. |
(7) |
Kif mitlub minn dawk l-Istati Membri, id-derogi mir-rekwiżiti applikabbli jikkonċernaw, minn naħa waħda, l-għadd ta’ ġenerazzjonijiet permessi li jenħtieġ li jaqbżu t-tielet waħda, u, min-naħa l-oħra, addizzjonalment, in-nuqqas ta’ twettiq ta’ spezzjoni fl-għelieqi qabel iċ-ċertifikazzjoni taż-żerriegħa. |
(8) |
Għalhekk, huwa xieraq li l-Istati Membri jippermettu l-marketing fl-Unjoni ta’ żerriegħa ċċertifikata tal-kittien, prodotta fil-Belġju, fi Franza u fin-Netherlands minn ġenerazzjoni prodotta wara t-tielet ġenerazzjoni ta’ żerriegħa ċċertifikata għal perjodu speċifikat. |
(9) |
Kif mitlub minn dawk l-Istati Membri, id-derogi mir-rekwiżiti applikabbli jikkonċernaw ukoll in-nuqqas ta’ twettiq ta’ spezzjoni fl-għelieqi qabel iċ-ċertifikazzjoni taż-żerriegħa. Huwa għalhekk xieraq li jiġi awtorizzat il-marketing taż-żerriegħa ċċertifikata tal-kittien prodotta f’dawk l-Istati Membri ta’ żerriegħa ċċertifikata ta’ ġenerazzjoni prodotta wara t-tielet ġenerazzjoni, mingħajr it-twettiq minn qabel ta’ spezzjonijiet fl-għelieqi. |
(10) |
Għal raġunijiet ta’ koordinazzjoni u monitoraġġ effettiv ta’ din id-deroga, huwa xieraq li l-awtoritajiet kompetenti tal-Belġju, ta’ Franza u tan-Netherlands jiskambjaw informazzjoni bejniethom, u jinnotifikaw ukoll lill-Kummissjoni, dwar l-ammonti ta’ żerriegħa tal-kittien soġġetti għad-derogi u l-operaturi kkonċernati. |
(11) |
Sabiex jiġi żgurat il-monitoraġġ effettiv ta’ dik id-deroga, il-Belġju, Franza u n-Netherlands jenħtieġ li jinnotifikaw minnufih lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra bil-kwantitajiet li għalihom taw l-awtorizzazzjoni għall-marketing skont din id-Deċiżjoni. |
(12) |
Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Awtorizzazzjoni għall-marketing ta’ żerriegħa ċċertifikata li ma ġietx spezzjonata fl-għelieqi rigward l-identità varjetali tagħha
1. Sat-30 ta’ Ġunju 2024, l-Istati Membri għandhom jippermettu l-marketing fl-Unjoni ta’ żerriegħa ċċertifikata tal-kittien prodotta fil-Belġju, fi Franza u fin-Netherlands minn żerriegħa tal-kategorija “żerriegħa ċċertifikata, it-tielet ġenerazzjoni”, u li ma ġietx spezzjonata fl-għelieqi rigward l-identità varjetali tagħha soġġetta għall-Artikoli 3 sa 5.
2. Il-kwantità totali taż-żerriegħa msemmija fil-paragrafu 1 ma għandhiex taqbeż dan li ġej:
(a) |
1 500 tunnellata għall-produzzjoni fil-Belġju; |
(b) |
1 500 tunnellata għall-produzzjoni fi Franza; |
(c) |
270 tunnellata għall-produzzjoni fin-Netherlands. |
Artikolu 2
Awtorizzazzjoni għall-marketing ta’ żerriegħa ċċertifikata ta’ ġenerazzjoni wara t-tielet ġenerazzjoni
1. Sat-30 ta’ Ġunju 2025, l-Istati Membri għandhom jippermettu l-marketing fl-Unjoni ta’ żerriegħa ċċertifikata prodotta fil-Belġju, fi Franza u fin-Netherlands minn żerriegħa tal-kategorija “żerriegħa ċċertifikata, it-tielet ġenerazzjoni”, soġġetta għall-paragrafu 2 u l-Artikoli 3 sa 5.
2. Il-kwantità totali taż-żerriegħa msemmija fil-paragrafu 1 ma għandhiex taqbeż dan li ġej:
(a) |
500 tunnellata għall-produzzjoni fil-Belġju; |
(b) |
4 000 tunnellata għall-produzzjoni fi Franza; |
(c) |
400 tunnellata għall-produzzjoni fin-Netherlands. |
Artikolu 3
Rekwiżiti tat-tikkettar
Mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti tat-tikkettar stabbiliti fid-Direttiva 2002/57/KE, it-tikketta uffiċjali għandu jkun fiha dan li ġej:
(a) |
fil-każ taż-żerriegħa msemmija fl-Artikolu 1, id-dikjarazzjoni li dik iż-żerriegħa ma ġietx spezzjonata fl-għelieqi rigward l-identità varjetali tagħha; |
(b) |
fil-każ taż-żerriegħa msemmija fl-Artikolu 2, id-dikjarazzjoni li dik iż-żerriegħa hija ta’ ġenerazzjoni aktar baxxa mit-tielet ġenerazzjoni ta’ żerriegħa ċċertifikata. |
Artikolu 4
Skambju ta’ informazzjoni dwar il-kwantitajiet awtorizzati
L-awtoritajiet kompetenti tal-Belġju, ta’ Franza u tan-Netherlands għandhom jinfurmaw minnufih lil xulxin u lill-Kummissjoni dwar l-operaturi li jagħmlu użu minn dawn id-derogi u l-operaturi li lilhom tkun ġiet ikkummerċjalizzata dik iż-żerriegħa.
Artikolu 5
Notifika tal-kwantitajiet awtorizzati
Il-Belġju, Franza u n-Netherlands għandhom jinnotifikaw minnufih lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra bil-kwantitajiet li għalihom taw l-awtorizzazzjoni għall-marketing skont din id-Deċiżjoni.
Artikolu 6
Destinatarji
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ April 2024.
Għall-Kummissjoni
Stella KYRIAKIDES
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 193, 20.7.2002, p. 74, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2002/57/oj.
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2024/1192/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)