|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2024/1185 |
25.4.2024 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/1185
tal-24 ta’ April 2024
li jikkonċerna t-tiġdid tal-awtorizzazzjoni tal-aċidu ortofosforiku bħala addittiv tal-għalf għall-ispeċijiet kollha tal-annimali u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1055/2013
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2003 fuq l-addittivi għall-użu fl-għalf tal-annimali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(2) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 jipprevedi l-awtorizzazzjoni ta’ addittivi għall-użu fin-nutrizzjoni tal-annimali u r-raġunijiet u l-proċeduri għall-għoti u għat-tiġdid ta’ tali awtorizzazzjoni. |
|
(2) |
L-aċidu ortofosforiku kien ġie awtorizzat għal perjodu ta’ 10 snin bħala addittiv tal-għalf għall-ispeċijiet kollha tal-annimali bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1055/2013 (2). |
|
(3) |
Tressqet applikazzjoni, f’konformità mal-Artikolu 14(1) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003, għat-tiġdid tal-awtorizzazzjoni tal-aċidu ortofosforiku bħala addittiv tal-għalf għall-ispeċijiet kollha tal-annimali, bit-talba li l-addittiv jiġi kklassifikat fil-kategorija “addittivi teknoloġiċi” u fil-grupp funzjonali “preservattivi”. Ma’ dik l-applikazzjoni ntbagħtu d-dettalji u d-dokumenti meħtieġa skont l-Artikolu 14(2) ta’ dak ir-Regolament. |
|
(4) |
Fl-opinjoni tagħha tas-27 ta’ Settembru 2023 (3), l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) ikkonkludiet li l-aċidu ortofosforiku jibqa’ sikur għall-ispeċijiet fil-mira u għall-ambjent fil-kundizzjonijiet tal-użu awtorizzati bħalissa. Ikkonkludiet ukoll li l-addittiv huwa korrużiv għall-ġilda u għall-għajnejn u jenħtieġ li jitqies bħala perikoluż għall-apparat respiratorju. L-Awtorità kienet ukoll tal-fehma li ma hemmx bżonn li tiġi vvalutata l-effikaċja tal-aċidu ortofosforiku peress li l-applikazzjoni għat-tiġdid tal-awtorizzazzjoni ma tinkludix proposta biex jiġu emendati jew issupplimentati l-kundizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni oriġinali f’dan ir-rigward. |
|
(5) |
Il-Laboratorju ta’ Referenza stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 kien tal-fehma li l-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet milħuqa fil-valutazzjoni mwettqa fir-rigward tal-metodu ta’ analiżi tal-aċidu ortofosforiku bħala addittiv tal-għalf fil-kuntest tal-awtorizzazzjoni preċedenti huma validi u applikabbli għall-applikazzjoni attwali. Għalhekk, f’konformità mal-Artikolu 5(4), il-punt (c) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 378/2005 (4), mhux meħtieġ rapport ta’ evalwazzjoni tal-Laboratorju ta’ Referenza. |
|
(6) |
Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni tqis li l-aċidu ortofosforiku jissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-awtorizzazzjoni ta’ dak l-addittiv tiġġedded. Barra minn hekk, il-Kummissjoni hija tal-fehma li jenħtieġ li jittieħdu miżuri protettivi xierqa biex jiġu evitati effetti avversi fuq is-saħħa tal-utenti tal-addittiv. Jenħtieġ li dawk il-miżuri protettivi jkunu mingħajr preġudizzju għal rekwiżiti oħra tas-sikurezza tal-ħaddiema skont id-dritt tal-Unjoni. |
|
(7) |
B’konsegwenza tat-tiġdid tal-awtorizzazzjoni tal-aċidu ortofosforiku bħala addittiv tal-għalf, jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1055/2013 jitħassar. |
|
(8) |
Billi l-applikazzjoni immedjata tal-modifiki tal-kundizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni tal-aċidu ortofosforiku mhijiex meħtieġa minħabba raġunijiet ta’ sikurezza, jixraq li jingħata perjodu ta’ tranżizzjoni biex il-partijiet interessati jħejju ruħhom biex jissodisfaw ir-rekwiżiti l-ġodda li jirriżultaw mit-tiġdid tal-awtorizzazzjoni. |
|
(9) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Tiġdid tal-awtorizzazzjoni
L-awtorizzazzjoni tal-addittiv speċifikat fl-Anness tal-kategorija ta’ addittivi “addittivi teknoloġiċi” u tal-grupp funzjonali “preservattivi”, hija mġedda soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dak l-Anness.
Artikolu 2
Tħassir tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1055/2013
Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1055/2013 jitħassar.
Artikolu 3
Miżuri tranżizzjonali
1. Is-sustanza speċifikata fl-Anness u t-taħlitiet lesti minn qabel li fihom dik is-sustanza, li jiġu prodotti u ttikkettati qabel il-15 ta’ Novembru 2024 f’konformità mar-regoli applikabbli qabel il-15 ta’ Mejju 2024 jistgħu jibqgħu jiġu introdotti fis-suq u jintużaw sakemm jispiċċaw l-istokkijiet eżistenti.
2. L-għalf kompost u l-materjali tal-għalf li fihom is-sustanza speċifikata fl-Anness, li jiġu prodotti u ttikkettati qabel il-15 ta’ Mejju 2025 f’konformità mar-regoli applikabbli qabel il-15 ta’ Mejju 2024 jistgħu jibqgħu jiġu introdotti fis-suq u jintużaw sakemm jispiċċaw l-istokkijiet eżistenti jekk ikunu maħsubin għall-annimali li jipproduċu l-ikel.
3. L-għalf kompost u l-materjali tal-għalf li fihom is-sustanza speċifikata fl-Anness li jiġu prodotti u ttikkettati qabel il-15 ta’ Mejju 2026 f’konformità mar-regoli applikabbli qabel il-15 ta’ Mejju 2024 jistgħu jibqgħu jiġu introdotti fis-suq u jintużaw sakemm jispiċċaw l-istokkijiet eżistenti jekk ikunu maħsubin għall-annimali li ma jipproduċux l-ikel.
Artikolu 4
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ April 2024.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 268, 18.10.2003, p. 29, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2003/1831/oj.
(2) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1055/2013 tal-25 ta’ Ottubru 2013 dwar l-awtorizzazzjoni tal-preparazzjoni tal-aċidu ortofosforiku bħala addittiv fl-għalf għall-ispeċijiet kollha tal-annimali (ĠU L 288, 30.10.2013, p. 57,. ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2013/1055/oj).
(3) EFSA Journal 2023;21(10):8361.
(4) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 378/2005 tal-4 ta’ Marzu 2005 regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-dmirijiet u l-ħidmiet tal-Laboratorju ta’ Referenza Komunitarju fil-kuntest tal-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni għall-użu ta’ addittivi fl-għalf tal-annimali (ĠU L 59, 5.3.2005, p. 8, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2005/378/oj).
ANNESS
|
Numru ta’ identifikazzjoni tal-addittiv |
Addittiv |
Kompożizzjoni, formula kimika, deskrizzjoni, metodu analitiku |
Speċi jew kategorija tal-annimali |
Età massima |
Kontenut minimu |
Kontenut massimu |
Dispożizzjonijiet oħrajn |
Tmiem il-perjodu tal-awtorizzazzjoni |
||||
|
mg/kg tal-għalf komplet b’kontenut ta’ ndewwa ta’ 12 % |
||||||||||||
|
Kategorija: addittivi teknoloġiċi. Grupp funzjonali: preservattivi |
||||||||||||
|
1a338 |
Aċidu ortofosforiku |
Kompożizzjoni tal-addittiv Aċidu ortofosforiku (67 % –85,7 %) w/w (soluzzjoni milwiema) Aċidu volatili: ≤ 10 mg/kg (bħala aċidu aċetiku) Kloruri: ≤ 200 mg/kg (bħala kloru) Sulfati: ≤ 1 500 mg/kg (bħala CaSO4) ————————— Karatterizzazzjoni tas-sustanza attiva Aċidu ortofosforiku H3PO4 Nru CAS 7664-38-2 ————————— Metodu analitiku (1) Għad-determinazzjoni tal-aċidu ortofosforiku fl-addittiv tal-għalf: titrazzjoni bl-idrossidu tas-sodju (“aċidu fosforiku” tal-Monografija JECFA) Għad-determinazzjoni tal-fosforu totali fit-taħlitiet lesti minn qabel: metodu bbażat fuq ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 152/2009 (l-Anness III) |
L-ispeċijiet kollha tal-annimali |
— |
— |
— |
|
il-15 ta’ Mejju 2034 |
||||
(1) Id-dettalji tal-metodi analitiċi huma disponibbli fl-indirizz tal-Laboratorju ta’ Referenza li ġej: https://joint-research-centre.ec.europa.eu/eurl-fa-eurl-feed-additives/eurl-fa-authorisation/eurl-fa-evaluation-reports_en.
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/1185/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)