|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2024/1177 |
25.4.2024 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/1177
tat-23 ta’ April 2024
dwar is-sospensjoni tal-approvazzjoni ta’ tagħmir tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili bil-marka “Timbru tal-UE”
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1998 tal-5 ta’ Novembru 2015 li jistipula miżuri dettaljati għall-implimentazzjoni tal-istandards bażiċi komuni dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni (1), u b’mod partikolari l-punt 12.0.4.1 tal-Anness tiegħu.
Billi:
|
(1) |
Il-miżuri dettaljati għall-implimentazzjoni tal-istandards bażiċi komuni msemmija fl-Artikolu 4(3) tar-Regolament (KE) Nru 300/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) jinkludu proċeduri għall-approvazzjoni u l-użu tat-tagħmir tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili. |
|
(2) |
Abbażi ta’ dan, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1998 jistabbilixxi reġim armonizzat tal-approvazzjoni għall-installazzjoni tat-tagħmir tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili biex tkun żgurata l-aqwa implimentazzjoni tal-istandards bażiċi komuni fis-sigurtà tal-avjazzjoni. |
|
(3) |
Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/2147 (3) tistabbilixxi lista konsolidata tat-tagħmir tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili approvat bl-istatus tal-immarkar “Timbru tal-UE”, għat-tagħmir ikkonfermat mill-proċess tal-evalwazzjoni komuni tal-Konferenza Ewropea tal-Avjazzjoni Ċivili, għall-fini tal-installazzjoni u tal-użu mal-Unjoni kollha. |
|
(4) |
F’konformità mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1998 u b’mod partikolari l-punt 12.0.4.1 tal-Anness tiegħu, meta l-Kummissjoni tirċievi informazzjoni li tindika li t-tagħmir ma jissodisfax l-istandard li għalih ikun ġie approvat, din tista’ tissospendi l-istatus tal-immarkar “Timbru tal-UE” tat-tagħmir tas-sigurtà, mingħajr avviż minn qabel, meta ssir talba mingħand l-Istati Membri jew b’inizjattiva tagħha stess. It-tagħmir tas-sigurtà li l-marka “Timbru tal-UE” tiegħu tkun ġiet sospiża ma jistax jibqa’ jintuża, u l-biċċiet diġà installati għandhom jitħaddmu biż-żieda ta’ miżuri kumpensatorji, kif xieraq. |
|
(5) |
L-informazzjoni teknika li rċeviet il-Kummissjoni turi li konfigurazzjoni speċifika tal-istandard C3 tat-tagħmir tas-Sistema tad-Detezzjoni Splussiva għall-bagalji tal-kabina (EDSCB), li bħalissa hi elenkata fil-“bażi tad-data tal-Unjoni dwar is-sigurtà tal-katina tal-provvista — it-tagħmir tas-sigurtà”, ma tissodisfax il-prestazzjoni meħtieġa fir-rigward tal-iskrinjar tal-likwidi, tal-ajrusoli u tal-ġellijiet (LAGs) li jkun hemm fil-bagalji. Din il-konfigurazzjoni tista’ tibqa’ titħaddem skont il-kunċett tal-operazzjonijiet għall-istandard C3 tal-EDSCB, iżda b’limitu tal-iskrinjar tal-volum massimu sa 330 ml għall-kontenituri individwali tal-LAGs. |
|
(6) |
Il-bażi tad-data kkonsolidata tal-Unjoni li telenka t-tagħmir permess għall-installazzjoni u għall-użu mal-Unjoni kollha jenħtieġ li tiġi aġġornata skont dan, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
It-“Timbru tal-UE” mogħti bħala standard C3 tat-tagħmir tas-Sistema tad-Detezzjoni Splussiva għall-bagalji tal-kabina, lill-konfigurazzjoni li bħalissa hi elenkata fil-“bażi tad-data tal-Unjoni dwar is-sigurtà tal-katina tal-provvista — it-tagħmir tas-sigurtà” bid-deżinjazzjoni HI-SCAN 6040 CTiX u bl-algoritmu tad-detezzjoni 20-50-00, taħt l-Identifikatur Alfanumeriku Uniku EDSCB00110, hu sospiż. It-tagħmir b’din il-konfigurazzjoni għandu biss jibqa’ jitħaddem skont il-kunċett tal-operazzjonijiet għall-istandard C3 tal-EDSCB, b’limitu tal-iskrinjar tal-volum massimu sa 330 ml għall-kontenituri individwali tal-LAGs.
Artikolu 2
Il-“bażi tad-data tal-Unjoni dwar is-sigurtà tal-katina tal-provvista — it-tagħmir tas-sigurtà” għandha tiġi aġġornata kif xieraq.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ April 2024.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1998 tal-5 ta’ Novembru 2015 li jistipula miżuri dettaljati għall-implimentazzjoni tal-istandards bażiċi komuni dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni (ĠU L 299, 14.11.2015, p. 1).
(2) Ir-Regolament (KE) Nru 300/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2008 dwar regoli komuni fil-qasam tas-sigurtà fl-avjazzjoni ċivili u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2320/2002 (ĠU L 97, 9.4.2008, p. 72).
(3) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/2147 tat-3 ta’ Diċembru 2021 dwar l-approvazzjoni tat-tagħmir tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili bil-marka “Timbru tal-UE” (EU Stamp) (ĠU L 433, 6.12.2021, p. 25).
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/1177/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)