European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/1174

22.4.2024

DIRETTIVA (UE) 2024/1174 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-11 ta’ April 2024

li temenda d-Direttiva 2014/59/UE u r-Regolament (UE) Nru 806/2014 fir-rigward ta’ ċerti aspetti tar-rekwiżit minimu għal fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

Id-Direttiva (UE) 2019/879 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) u r-Regolament (UE) 2019/877 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) emendaw il-qafas għar-rekwiżit minimu għal fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli (“MREL”) stabbilit fid-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) u fir-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), li japplika għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u għad-ditti ta’ investiment (“istituzzjonijiet”) stabbiliti fl-Unjoni kif ukoll għal kwalunkwe entità oħra li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/59/UE jew tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 (“entitajiet”). Dawk l-emendi stabbilew li l-MREL intern, jiġifieri, l-MREL applikabbli għal istituzzjonijiet u entitajiet li huma sussidjarji ta’ entitajiet ta’ riżoluzzjoni iżda li mhumiex huma nfushom entitajiet ta’ riżoluzzjoni, jistgħu jiġu sodisfatti minn dawk l-istituzzjonijiet u entitajiet billi jintużaw strumenti maħruġa lil u mixtrija mill-entità ta’ riżoluzzjoni, direttament jew indirettament, permezz ta’ entitajiet oħra fl-istess grupp ta’ riżoluzzjoni.

(2)

Il-qafas tal-MREL tal-Unjoni ġie emendat aktar mir-Regolament (UE) 2022/2036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8), li introduċa regoli speċifiċi ta’ tnaqqis fil-każ ta’ sottoskrizzjoni indiretta ta’ strumenti eliġibbli biex jintlaħaq l-MREL intern. Dak ir-Regolament introduċa fid-Direttiva 2014/59/UE rekwiżit għall-Kummissjoni biex teżamina l-impatt tas-sottoskrizzjoni indiretta ta’ strumenti eliġibbli biex jintlaħaq l-MREL fuq kundizzjonijiet ekwi bejn tipi differenti ta’ strutturi ta’ gruppi bankarji, inkluż fejn il-gruppi bankarji jkollhom kumpanija operattiva bejn il-kumpanija azzjonarja identifikata bħala entità ta’ riżoluzzjoni u s-sussidjarji tagħha. Il-Kummissjoni ntalbet tivvaluta jekk l-entitajiet li huma stess ma jkunux entitajiet ta’ riżoluzzjoni jenħtiġux ikunu jistgħu jikkonformaw mal-MREL fuq bażi konsolidata. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ntalbet tevalwa t-trattament, skont ir-regoli li jirregolaw l-MREL, ta’ entitajiet li l-pjan ta’ riżoluzzjoni tagħhom jipprevedi li dawk l-entitajiet għandhom jiġu stralċjati skont proċedimenti normali ta’ insolvenza. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ntalbet tevalwa l-adegwatezza tal-limitazzjoni tal-ammont ta’ tnaqqis meħtieġ skont l-Artikolu 72e(5) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9). Jenħtieġ għalhekk li d-dispożizzjonijiet il-ġodda jirrispettaw il-prinċipji tal-mandat ta’ rieżami oriġinali mogħti lill-Kummissjoni mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill biex jiġu żgurati l-proporzjonalità u kundizzjonijiet ekwi bejn tipi differenti ta’ strutturi ta’ gruppi bankarji.

(3)

L-eżami li sar mill-Kummissjoni sab li jkun xieraq u proporzjonat għall-objettivi tar-regoli dwar l-MREL intern li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jkunu jistgħu jistabbilixxu l-MREL intern fuq bażi konsolidata għal firxa ta’ entitajiet li hija aktar wiesgħa mill-firxa li tirriżulta mill-applikazzjoni tad-Direttiva 2014/59/UE u tar-Regolament (UE) Nru 806/2014, fejn tali firxa aktar wiesgħa tkopri istituzzjonijiet u entitajiet li mhumiex entitajiet ta’ riżoluzzjoni huma stess, iżda li huma sussidjarji ta’ entitajiet ta’ riżoluzzjoni u li jikkontrollaw sussidjarji oħra (“entitajiet intermedji”) fl-istess grupp ta’ riżoluzzjoni. Dan ikun b’mod partikolari l-każ għal dawk il-gruppi bankarji li huma mmexxija minn kumpanija azzjonarja. F’każijiet bħal dawn, l-entitajiet intermedji jiċċentralizzaw b’mod naturali l-iskoperturi intragrupp u jinkanalaw ir-riżorsi eliġibbli għall-MREL intern prepożizzjonati mill-entità ta’ riżoluzzjoni. Minħabba din l-istruttura, tali entitajiet intermedji jistgħu jintlaqtu sproporzjonalment mir-regoli tat-tnaqqis eżistenti. Il-Kummissjoni kkonkludiet ukoll li l-qafas għall-MREL isir aktar proporzjonat billi jiġu aġġustati r-regoli dwar il-kamp ta’ applikazzjoni ta skoperturi li entità intermedja hija meħtieġa tnaqqas, fejn dawk l-iskoperturi jkunu għal entità ta’ likwidazzjoni mhux soġġetta għal deċiżjoni li tiddetermina l-MREL. F’dawk il-każijiet, mhuwiex mistenni li s-setgħat ta’ valwazzjoni negattiva u ta’ konverżjoni ser ikollhom jiġu eżerċitati fir-rigward ta’ dawk l-entitajiet ta’ likwidazzjoni. B’kuntrast ta’ dan, l-entitajiet li jifdal tal-grupp ta’ riżoluzzjoni ser ikollhom jiġu rikapitalizzati mill-entità ta’ riżoluzzjoni f’każ ta’ diffikultà jew falliment. Ir-riżorsi eliġibbli meħtieġa tal-MREL għalhekk jenħtieġ li jkunu preżenti fil-livelli kollha tal-grupp ta’ riżoluzzjoni, u d-disponibbiltà tagħhom għall-assorbiment tat-telf u r-rikapitalizzazzjoni jenħtieġ li tiġi żgurata permezz tal-mekkaniżmu ta’ tnaqqis. Għalhekk, fl-eżami tagħha, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-entitajiet intermedji jenħtieġ li jkomplu jnaqqsu l-ammont sħiħ tal-holdings tagħhom ta’ riżorsi eliġibbli għall-MREL intern maħruġa minn entitajiet oħra mhux ta’ likwidazzjoni fl-istess grupp ta’ riżoluzzjoni.

(4)

Ċarezza dwar x’jikkostitwixxi entità ta’ likwidazzjoni hija essenzjali għall-funzjonament xieraq tal-oqfsa ta’ tnaqqis u konsolidazzjoni u għall-kalkolu tal-MREL għal entitajiet speċifiċi. Għal dak l-għan, jenħtieġ li tiġi stabbilita definizzjoni ta’ entità ta’ likwidazzjoni, li tiffoka fuq l-identifikazzjoni tal-entitajiet ta’ likwidazzjoni fl-istadju tal-ippjanar tar-riżoluzzjoni. Għalhekk, jenħtieġ li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jwettqu valutazzjoni xierqa tal-istituzzjonijiet u l-entitajiet fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/59/UE u tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 meta jfasslu pjanijiet ta’ riżoluzzjoni. Parti ċentrali ta’ dik il-valutazzjoni hija l-identifikazzjoni ta’ jekk l-istituzzjoni jew l-entità twettaqx funzjonijiet kritiċi. Mingħajr preġudizzju għall-valutazzjoni tal-importanza tal-istituzzjoni jew l-entità fil-livell nazzjonali jew reġjonali, hija mistennija li titwettaq ukoll analiżi bir-reqqa tar-rilevanza tal-entità ta’ likwidazzjoni potenzjali fi ħdan grupp ta’ riżoluzzjoni. Istituzzjoni jew entità li tirrappreżenta parti sinifikanti tal-ammont totali tal-iskopertura għar-riskju, l-iskopertura tal-proporzjon ta’ ingranaġġ jew l-introjtu operatorju ta’ grupp ta’ riżoluzzjoni fil-prinċipju jenħtieġ li ma tiġix identifikata bħala entità ta’ likwidazzjoni.

(5)

Skont l-Artikolu 45f tad-Direttiva 2014/59/UE u l-Artikolu 12g tar-Regolament (UE) Nru 806/2014, l-istituzzjonijiet u l-entitajiet għandhom jikkonformaw mal-MREL intern fuq bażi individwali. Konformità fuq bażi konsolidata hija permessa biss f’żewġ każijiet speċifiċi: għal impriżi prinċipali tal-Unjoni li mhumiex entitajiet ta’ riżoluzzjoni u li huma sussidjarji ta’ entitajiet ta’ pajjiżi terzi, u għal impriżi prinċipali ta’ istituzzjonijiet jew entitajiet eżentati milli jikkonformaw mal-MREL intern. Skont l-Artikolu 72e(5) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, fejn entità intermedja tikkonforma mal-MREL intern tagħha fuq bażi konsolidata, dik l-entità ma hijiex obbligata tnaqqas holdings ta’ riżorsi eliġibbli għall-MREL intern ta’ entitajiet oħra li jappartjenu għall-istess grupp ta’ riżoluzzjoni u inklużi fil-perimetru ta’ konsolidament tagħha, peress li l-konformità mal-MREL intern fuq bażi konsolidata tikseb effett simili. L-eżami mwettaq mill-Kummissjoni wera li l-entitajiet intermedji ta’ gruppi bankarji mmexxija minn kumpanija azzjonarja jenħtieġ li jitħallew jikkonformaw ukoll mal-MREL intern fuq bażi konsolidata. B’mod partikolari, jenħtieġ li jkun possibbli li jkun hemm konformità mal-MREL intern fuq bażi konsolidata fejn l-applikazzjoni tat-tnaqqis iżżid l-MREL intern b’mod sproporzjonat. Barra minn hekk, l-eżami wera li, fejn entità intermedja tkun soġġetta għal rekwiżiti ta’ fondi proprji jew għal rekwiżit ta’ riżerva kombinata fuq bażi konsolidata, il-konformità mal-MREL intern fuq bażi individwali tista’ toħloq ir-riskju li r-riżorsi eliġibbli għall-MREL intern prepożizzjonati fil-livell tal-entità intermedja ma jkunux biżżejjed biex tiġi restawrata l-konformità mar-rekwiżit ta’ fondi proprji konsolidati applikabbli wara l-valwazzjoni negattiva u l-konverżjoni ta’ dawk ir-riżorsi. Barra minn hekk, kontribut ewlieni fil-kalkolu tal-MREL għall-istituzzjoni jew għall-entità kkonċernata jkun nieqes meta r-rekwiżit ta’ fondi proprji addizzjonali jew ir-rekwiżit ta’ riżerva kombinata jkun ġie stabbiliti f’livell differenti ta’ konsolidament, u b’hekk il-kalkolu tar-rekwiżit ikun diffiċli. Bl-istess mod, is-setgħa tal-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni li jipprojbixxu, f’konformità mal-Artikolu 16a tad-Direttiva 2014/59/UE u mal-Artikolu 10a tar-Regolament (UE) Nru 806/2014, ċerti distribuzzjonijiet ogħla mill-ammont massimu distribwibbli relatat mal-MREL fir-rigward tas-sussidjarja individwali ssir diffiċli biex tiġi eżerċitata meta l-metrika ewlenija, jiġifieri, ir-rekwiżit ta’ riżerva kombinata, ma tkunx stabbilita fuq l-istess bażi bħall-MREL intern. Għal dawk ir-raġunijiet, jenħtieġ li l-possibbiltà ta’ konformità mal-MREL intern fuq bażi konsolidata tkun disponibbli wkoll għal tipi oħra ta’ strutturi ta’ gruppi bankarji, kull meta l-entità intermedja tkun soġġetta għal rekwiżiti ta’ fondi proprji addizzjonali fuq bażi konsolidata biss. Il-possibbiltà ta’ konformità mal-MREL intern fuq bażi konsolidata kif introdotta minn din id-Direttiva hija maħsuba biex tikkomplementa s-sitwazzjonijiet fejn dak ikun diġà possibbli skont id-Direttiva 2014/59/UE u r-Regolament (UE) Nru 806/2014, u ma tiħux post id-dispożizzjonijiet rilevanti f’dawk l-atti leġiżlattivi.

(6)

Biex jiġi żgurat li l-possibbiltà ta’ konformità mal-MREL intern fuq bażi konsolidata tkun disponibbli biss fil-każijiet rilevanti u ma twassalx għal nuqqas ta’ riżorsi eliġibbli għall-MREL intern fil-grupp ta’ riżoluzzjoni kollu, is-setgħa li l-MREL intern jiġi stabbilit fuq bażi konsolidata għal entitajiet intermedji jenħtieġ li tkun setgħa diskrezzjonali tal-awtorità ta’ riżoluzzjoni u jenħtieġ li tkun soġġetta għal ċerti kundizzjonijiet. L-entità intermedja jenħtieġ li tkun sussidjarja diretta ta’ entità ta’ riżoluzzjoni li tkun kumpanija azzjonarja finanzjarja prinċipali tal-Unjoni jew kumpanija azzjonarja finanzjarja mħallta prinċipali tal-Unjoni stabbilita fl-istess Stat Membru u parti mill-istess grupp ta’ riżoluzzjoni. Jenħtieġ li dik l-entità ta’ riżoluzzjoni ma jkollhiex direttament sussidjarji, għajr l-entità intermedja, li huma istituzzjonijiet jew li huma entitajiet soġġetti għall-MREL. B’mod alternattiv, l-entità intermedja kkonċernata jenħtieġ li tikkonforma mar-rekwiżit ta’ fondi proprji abbażi tas-sitwazzjoni konsolidata tagħha biss. Fiż-żewġ każijiet, madankollu, jenħtieġ li l-konformità mal-MREL intern fuq bażi konsolidata, fil-valutazzjoni tal-awtorità ta’ riżoluzzjoni, ma xxekkilx b’mod materjali l-kredibbiltà u l-fattibbiltà tal-istrateġija tal-grupp ta’ riżoluzzjoni u lanqas l-applikazzjoni mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni tas-setgħa ta’ valwazzjoni negattiva jew konverżjoni ta’ strumenti kapitali rilevanti u obbligazzjonijiet eliġibbli tal-entità intermedja kkonċernata jew ta’ entitajiet oħra fil-grupp ta’ riżoluzzjoni tagħha. Sitwazzjoni waħda fejn l-istabbiliment tal-MREL intern fuq bażi konsolidata jkun ta’ ħsara għar-riżolvibbiltà tal-grupp ta’ riżoluzzjoni hija fejn l-ammont meħtieġ għall-konformità ma’ dak l-MREL ma jkunx biżżejjed biex jiżgura konformità mar-rekwiżiti ta’ fondi proprji applikabbli wara l-eżerċizzju tas-setgħat ta’ tniżżil tal-valur u konverżjoni.

(7)

Skont l-Artikolu 45f(2) tad-Direttiva 2014/59/UE u l-Artikolu 12g(2) tar-Regolament (UE) Nru 806/2014, l-entitajiet intermedji jistgħu jikkonformaw mal-MREL intern konsolidat billi jużaw fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli. Biex titwettaq b’mod sħiħ il-possibbiltà ta’ konformità mal-MREL fuq bażi konsolidata, huwa meħtieġ li jiġi żgurat li l-obbligazzjonijiet eliġibbli tal-entitajiet intermedji jiġu kkalkulati b’mod li jkun simili għall-komputazzjoni tal-fondi proprji. Il-kriterji ta’ eliġibbiltà għal obbligazzjonijiet li jistgħu jintużaw għall-konformità mal-MREL intern fuq bażi konsolidata jenħtieġ għalhekk li jqisu r-regoli dwar il-kalkolu tal-fondi proprji konsolidati stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 575/2013. Biex tiġi żgurata konsistenza mar-regoli eżistenti dwar l-MREL estern, dan l-allinjament jenħtieġ li jirrifletti wkoll ir-regoli eżistenti stiabbiliti fl-Artikolu 45b(3) tad-Direttiva 2014/59/UE u l-Artikolu 12d(3) tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 għall-kalkolu tal-obbligazzjonijiet eliġibbli li l-entitajiet ta’ riżoluzzjoni jistgħu jużaw biex jikkonformaw mal-MREL konsolidat tagħhom. B’mod partikolari, huwa meħtieġ li jiġi żgurat li l-obbligazzjonijiet eliġibbli maħruġa mis-sussidjarji tal-entità soġġetta għall-MREL intern konsolidat u miżmuma mill-entità ta’ riżoluzzjoni, jew direttament inkella indirettament permezz ta’ entitajiet oħra tal-istess grupp ta’ riżoluzzjoni iżda barra mill-ambitu tal-konsolidazzjoni, jew minn azzjonisti eżistenti li ma jappartjenux għall-istess grupp ta’ riżoluzzjoni, jgħoddu għall-fondi proprji u l-obbligazzjonijiet eliġibbli tal-entità soġġetta għall-MREL intern konsolidat.

(8)

Skont il-qafas attwali, għall-entitajiet identifikati għal-likwidazzjoni, l-MREL huwa stabbilit, fil-maġġoranza tal-każijiet, fl-ammont meħtieġ għall-assorbiment tat-telf, li jikkorrispondi għar-rekwiżiti ta’ fondi proprji. F’każijiet bħal dawn, l-MREL ma jinvolvi l-ebda rekwiżit addizzjonali relatat direttament mal-qafas ta’ riżoluzzjoni għall-entità ta’ likwidazzjoni. Dan ifisser li entità ta’ likwidazzjoni tista’ tikkonforma b’mod sħiħ mal-MREL billi tikkonforma mar-rekwiżiti ta’ fondi proprji u li deċiżjoni dedikata tal-awtorità ta’ riżoluzzjoni li tiddetermina l-MREL ma tikkontribwix b’mod sinifikanti għar-riżolvibbiltà ta’ dik l-entità. Tali deċiżjoni tinvolvi ħafna obbligi proċedurali għall-awtorità ta’ riżoluzzjoni u għall-entità ta’ likwidazzjoni mingħajr benefiċċju korrispondenti f’termini ta’ riżolvibbiltà mtejba. Għal dik ir-raġuni, l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jenħtieġ li ma jiddeterminawx l-MREL għall-entitajiet ta’ likwidazzjoni. Jenħtieġ li l-qafas għall-MREL jiġi applikat abbażi ta’ kriterji li jiżguraw li entità tikkwalifika bħala entità ta’ likwidazzjoni b’mod konsistenti madwar l-Unjoni. Jenħtieġ għalhekk li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jiżguraw applikazzjoni konsistenti tad-dispożizzjonijiet il-ġodda li jikkonċernaw l-entitajiet ta’ likwidazzjoni għal dawk l-entitajiet li huma parti minn grupp transkonfinali, b’mod partikolari fejn il-grupp ikun magħmul minn entitajiet li jinsabu ġewwa l-Unjoni Bankarja u barra minnha.

(9)

Meta jfasslu pjanijiet ta’ riżoluzzjoni u jivvalutaw ir-riżolvibbiltà tal-gruppi ta’ riżoluzzjoni, l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jistgħu jikkunsidraw li istituzzjoni jew entità sussidjarja tikkwalifika bħala entità ta’ likwidazzjoni fejn il-pjan ta’ riżoluzzjoni jipprevedi li huwa fattibbli u kredibbli li l-istituzzjoni jew l-entità tiġi stralċjata skont proċeduri normali ta’ insolvenza jew fejn il-pjan ta’ riżoluzzjoni ma jipprevedix l-eżerċizzju tas-setgħat ta’ valwazzjoni negattiva u konverżjoni fir-rigward ta’ dik l-istituzzjoni jew l-entità. Biex tqis l-ispeċifiċitajiet tal-entitajiet affiljati b’mod permanenti ma’ korp ċentrali, l-awtorità ta’ riżoluzzjoni tista’ tqis li tali entità tikkwalifika bħala entità ta’ likwidazzjoni fejn il-pjan ta’ riżoluzzjoni ma jipprevedi li għandha tittieħed ebda miżura oħra, bħal fużjoni ta’ affiljati, mill-korp ċentrali jew l-awtorità ta’ riżoluzzjoni fir-rigward ta’ tali entità. F’dawk il-każijiet, jaf ma jkunx meħtieġ li istituzzjoni jew entità sussidjarja żżomm fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli lil hinn mir-rekwiżiti ta’ fondi proprji tagħha. Sabiex tiġi żgurata r-riżolvibbiltà tal-grupp filwaqt li jiġi rrispettat il-prinċipju tal-proporzjonalità, f’xi każijiet, skont il-materjalità tal-holdings ta’ strumenti ta’ fondi proprji maħruġa minn entitajiet ta’ likwidazzjoni meta mqabbla mal-kapaċità ta’ assorbiment tat-telf tal-entità intermedja, holdings miżmuma fil-forma ta’ strumenti ta’ fondi proprji għandhom ikunu soġġetti għal tnaqqis. Biex jiġu evitati effetti ta’ preċipizju, il-proporzjon ta’ dawk il-holdings għall-kapaċità ta’ assorbiment tat-telf tal-entità intermedja jenħtieġ li jiġi kkalkulat sa mit-tmiem ta’ kull sena kalendarja bħala medja matul it-12-il xahar ta’ qabel. Madankollu, jenħtieġ li l-entità intermedja ma tkunx mitluba tnaqqas obbligazzjonijiet li jissodisfaw il-kundizzjonijiet għal konformità mal-MREL intern u li ma jikkwalifikawx bħala strumenti ta’ fondi proprji. F’każ ta’ falliment ta’ entità ta’ likwidazzjoni, il-pjan ta’ riżoluzzjoni ma jipprevedix li f’każ ta’ falliment, l-entità ta’ likwidazzjoni tiġi rikapitalizzata mill-entità ta’ riżoluzzjoni. Dan ifisser li l-upstreaming tat-telf li jaqbeż il-fondi proprji eżistenti mill-entità ta’ likwidazzjoni lill-entità ta’ riżoluzzjoni, permezz tal-entità intermedja, ma jkunx mistenni, u lanqas id-downstreaming tal-kapital fid-direzzjoni opposta. Dak l-aġġustament fl-ambitu tal-holdings li għandhom jitnaqqsu fil-kuntest tas-sottoskrizzjoni indiretta tar-riżorsi eliġibbli għall-MREL intern għalhekk ma jaffettwax is-solidità prudenzjali tal-qafas.

(10)

L-objettiv ewlieni tar-reġim ta’ permessi għat-tnaqqis tal-istrumenti ta’ obbligazzjonijiet eliġibbli stabbilit fl-Artikolu 77(2) u l-Artikolu 78a tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, li huwa applikabbli wkoll għal istituzzjonijiet u entitajiet soġġetti għall-MREL u għall-obbligazzjonijiet maħruġa għall-konformità mal-MREL, huwa li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jkunu jistgħu jimmonitorjaw l-azzjonijiet li jirriżultaw fi tnaqqis tal-istokk ta’ obbligazzjonijiet eliġibbli u jipprojbixxu kwalunkwe azzjoni li tammonta għal tnaqqis taħt livell li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jqisu adegwat. Fejn l-awtorità ta’ riżoluzzjoni ma tkunx adottat deċiżjoni li tiddetermina l-MREL fir-rigward ta’ istituzzjoni jew entità, dak l-objettiv ma jkunx rilevanti. B’hekk istituzzjonijiet jew entitajiet li għalihom ma tkun ġiet adottata l-ebda deċiżjoni li tiddetermina l-MREL jenħtieġ li ma jkunux meħtieġa jiksbu l-permess minn qabel tal-awtorità ta’ riżoluzzjoni biex iwettqu s-sejħa, it-tifdija, il-ħlas lura jew ix-xiri mill-ġdid ta’ obbligazzjonijiet li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ eliġibbiltà għall-MREL.

(11)

Hemm entitajiet ta’ likwidazzjoni li għalihom l-awtorità ta’ riżoluzzjoni tista’ tqis li jenħtieġ li l-MREL jaqbeż l-ammont għall-assorbiment tat-telf fejn tali ammont ogħla jkun meħtieġ biex jipproteġi l-istabbiltà finanzjarja jew biex jindirizza r-riskju ta’ kontaġju għas-sistema finanzjarja, inkluż fir-rigward tal-kapaċità ta’ finanzjament ta’ skemi ta’ garanzija tad-depożiti. Huwa biss f’dawk is-sitwazzjonijiet li jenħtieġ li awtorità ta’ riżoluzzjoni tkun tista’ tiddetermina b’mod proporzjonat l-MREL għall-entità ta’ likwidazzjoni, li jenħtieġ li jikkonsisti minn ammont suffiċjenti biex jassorbi t-telf, miżjud bl-ammont strettament meħtieġ biex jiġu indirizzati kif xieraq ir-riskji potenzjali identifikati mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni. L-entità ta’ likwidazzjoni mbagħad jenħtieġ li tikkonforma mal-MREL u jenħtieġ li ma tkunx eżentata mir-reġim ta’ permess minn qabel stabbilit fl-Artikolu 77(2) u l-Artikolu 78a tar-Regolament (UE) Nru 575/2013. Entitajiet intermedji li jappartjenu għall-istess grupp ta’ riżoluzzjoni bħall-entità ta’ likwidazzjoni kkonċernata jenħtieġ li jibqgħu meħtieġa li jnaqqsu mir-riżorsi eliġibbli għall-MREL intern tagħhom il-holdings tagħhom ta’ riżorsi eliġibbli għall-MREL intern maħruġa minn dik l-entità ta’ likwidazzjoni. Barra minn hekk, peress li l-proċedimenti ta’ likwidazzjoni jseħħu fil-livell tal-entità ġuridika, l-entitajiet ta’ likwidazzjoni li għadhom soġġetti għall-MREL jenħtieġ li jikkonformaw ma’ dak ir-rekwiżit fuq bażi individwali biss. Fl-aħħar nett, ċerti rekwiżiti ta’ eliġibbiltà relatati mas-sjieda tal-obbligazzjoni kkonċernata mhumiex rilevanti peress li mingħajr l-eżerċizzju tas-setgħat ta’ valwazzjoni negattiva u ta’ konverżjoni, ma jkunx hemm bżonn li jiġi ppreservat il-kontroll tas-sussidjarja mill-entità ta’ riżoluzzjoni. Għalhekk, jenħtieġ li dawk ir-rekwiżiti ta’ eliġibbiltà ma japplikawx.

(12)

Skont l-Artikolu 45i tad-Direttiva 2014/59/UE, l-istituzzjonijiet u l-entitajiet għandhom jirrapportaw lill-awtoritajiet kompetenti u ta’ riżoluzzjoni tagħhom il-livelli ta’ obbligazzjonijiet eliġibbli u obbligazzjonijiet b’kapaċità ta’ rikapitalizzazzjoni interna u l-kompożizzjoni ta’ dawk l-obbligazzjonijiet, u jiddivulgaw dik l-informazzjoni lill-pubbliku, flimkien mal-livell tal-MREL tagħhom, fuq bażi regolari. Għall-entitajiet ta’ likwidazzjoni, ma huwa meħtieġ l-ebda rapportar jew divulgazzjoni bħal dawn. Madankollu, biex tiġi żgurata l-applikazzjoni trasparenti tal-MREL, dawk l-obbligi ta’ rapportar u divulgazzjoni jenħtieġ li japplikaw ukoll għall-entitajiet ta’ likwidazzjoni li għalihom l-awtorità ta’ riżoluzzjoni tiddetermina li l-MREL jenħtieġ li jkun ogħla mill-ammont suffiċjenti biex jassorbi t-telf. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, l-awtorità ta’ riżoluzzjoni jenħtieġ li tiżgura li dawk l-obbligi ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ għall-monitoraġġ tal-konformità mal-MREL.

(13)

Biex tiġi żgurata l-konsistenza, l-emendi għar-Regolament (UE) Nru 806/2014 u l-miżuri nazzjonali li jittrasponu l-emendi għad-Direttiva 2014/59/UE jenħtieġ li japplikaw mill-istess data. Madankollu, huwa xieraq li tiġi prevista data ta’ applikazzjoni aktar bikrija fir-rigward tal-emendi għad-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw il-possibbiltà ta’ konformità mal-MREL intern konsolidat, sabiex tinqeda l-ħtieġa li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jadottaw deċiżjonijiet ġodda li jiddeterminaw l-MREL għal dak il-għan u biex tiżdied iċ-ċertezza legali għall-gruppi bankarji li jkunu soġġetti għal dik id-dispożizzjoni fid-dawl tal-iskadenza ġenerali tal-konformità mal-MREL tal-1 ta’ Jannar 2024 stabbilita fid-Direttiva 2014/59/UE u r-Regolament (UE) Nru 806/2014. Għal dik ir-raġuni, ir-regoli l-ġodda dwar l-MREL intern konsolidat skont ir-Regolament (UE) Nru 806/2014 jenħtieġ li japplikaw jum wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva emendatorja. Dan jindika wkoll lill-gruppi bankarji u l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni kollha li għalihom japplikaw id-Direttiva 2014/59/UE u r-Regolament (UE) Nru 806/2014 li jistgħu jkunu meħtieġa miżuri biex jitnaqqas il-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2024 sad-data tal-applikazzjoni tal-miżuri nazzjonali li jittrasponu d-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva emendatorja.

(14)

Minħabba li l-objettivi ta’ din id-Direttiva, jiġifieri li jiġi aġġustat it-trattament tal-entitajiet ta’ likwidazzjoni skont il-qafas tal-MREL u l-possibbiltà li awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jiddeterminaw l-MREL intern fuq bażi konsolidata, ma jistgħux jintlaħqu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jistgħu pjuttost, billi jiġu emendati r-regoli li diġà huma stabbiliti fil-livell tal-Unjoni, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-objettivi.

(15)

Għalhekk, id-Direttiva 2014/59/UE u r-Regolament (UE) Nru 806/2014 jenħtieġ li jiġu emendati skont dan,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Emendi għad-Direttiva 2014/59/UE

Id-Direttiva 2014/59/UE hija emendata kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 2(1), jiddaħħal il-punt li ġej:

“(83aa)

‘entità ta’ likwidazzjoni’ tfisser persuna ġuridika stabbilita fl-Unjoni li fir-rigward tagħha l-pjan ta’ riżoluzzjoni tal-grupp jew, għal entitajiet li mhumiex parti minn grupp, il-pjan ta’ riżoluzzjoni, jipprevedi li l-entità għandha tiġi stralċjata skont proċedimenti ta’ insolvenza normali, jew entità, fi grupp ta’ riżoluzzjoni għajr entità ta’ riżoluzzjoni, li fir-rigward tagħha l-pjan ta’ riżoluzzjoni tal-grupp ma jipprevedix l-eżerċizzju tas-setgħat ta’ valwazzjoni negattiva u ta’ konverżjoni;”

;

(2)

l-Artikolu 45c huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 2, jitħassru t-tieni u t-tielet subparagrafi;

(b)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“2a.   L-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni ma għandhomx jiddeterminaw ir-rekwiżit imsemmi fl-Artikolu 45(1) għall-entitajiet ta’ likwidazzjoni.

B’deroga mill-ewwel subparagrafu, awtorità ta’ riżoluzzjoni tista’ tivvaluta jekk huwiex ġustifikat li jiġi determinat ir-rekwiżit imsemmi fl-Artikolu 45(1) għal entità ta’ likwidazzjoni fuq bażi individwali f’ammont li jaqbeż l-ammont suffiċjenti biex jassorbi t-telf f’konformità mal-paragrafu 2, il-punt (a), ta’ dan l-Artikolu. Fil-valutazzjoni tagħha, l-awtorità ta’ riżoluzzjoni għandha tqis, b’mod partikolari, kwalunkwe impatt possibbli fuq l-istabbiltà finanzjarja u fuq ir-riskju ta’ kontaġju għas-sistema finanzjarja, inkluż fir-rigward tal-kapaċità ta’ finanzjament tal-iskemi ta’ garanzija tad-depożiti. Fejn l-awtorità ta’ riżoluzzjoni tiddetermina r-rekwiżit imsemmi fl-Artikolu 45(1), l-entità ta’ likwidazzjoni għandha tissodisfa dak ir-rekwiżit billi tuża wieħed jew aktar minn dawn li ġejjin:

(a)

fondi proprji;

(b)

obbligazzjonijiet li jissodisfaw il-kriterji ta’ eliġibbiltà msemmija fl-Artikolu 72a tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 72b(2)(b) u (d) ta’ dak ir-Regolament;

(c)

l-obbligazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 45b(2).

L-Artikolu 77(2) u l-Artikolu 78a tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 ma għandhomx japplikaw għal entitajiet ta’ likwidazzjoni li għalihom l-awtorità ta’ riżoluzzjoni ma tkunx iddeterminat ir-rekwiżit imsemmi fl-Artikolu 45(1) ta’ din id-Direttiva.

Il-holdings ta’ strumenti ta’ fondi proprji u strumenti ta’ obbligazzjonijiet eliġibbli maħruġa minn istituzzjonijiet sussidjarji li huma entitajiet ta’ likwidazzjoni li għalihom l-awtorità ta’ riżoluzzjoni ma tkunx iddeterminat ir-rekwiżit imsemmi fl-Artikolu 45(1) ma għandhomx jitnaqqsu skont l-Artikolu 72e(5) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013

B’deroga mir-raba’ subparagrafu, istituzzjoni jew entità msemmija fl-Artikolu 1(1), il-punt (b), (c) jew (d), li mhijiex hi stess entità ta’ riżoluzzjoni iżda hija sussidjarja ta’ entità ta’ riżoluzzjoni jew ta’ entità ta’ pajjiż terz li tkun entità ta’ riżoluzzjoni li kieku kienet stabbilita fl-Unjoni għandha tnaqqas il-holdings tagħha ta’ strumenti ta’ fondi proprji f’istituzzjonijiet sussidjarji li jappartjenu għall-istess grupp ta’ riżoluzzjoni u li huma entitajiet ta’ likwidazzjoni li għalihom l-awtorità ta’ riżoluzzjoni ma tkunx iddeterminat ir-rekwiżit imsemmi fl-Artikolu 45(1) meta l-ammont aggregat ta’ dawk il-holdings ikun ugwali għal jew jaqbeż is-7 % tal-ammont totali tal-fondi proprji u tal-obbligazzjonijiet tagħha li jikkonformaw mal-kriterji ta’ eliġibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 45f(2), ikkalkolati kull sena mill-31 ta’ Diċembru bħala medja matul it-12-il xahar preċedenti.”

;

(3)

l-Artikolu 45f huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, is-subparagrafu li ġej jiddaħħal wara t-tielet subparagrafu:

“B’deroga mill-ewwel u t-tieni subparagrafi, awtorità ta’ riżoluzzjoni tista’ tiddeċiedi li tiddetermina r-rekwiżit stabbilit fl-Artikolu 45c fuq bażi konsolidata għal sussidjarja kif imsemmija f’dan il-paragrafu fejn l-awtorità ta’ riżoluzzjoni tikkonkludi li l-kundizzjonijiet li ġejjin kollha huma ssodisfati:

(a)

is-sussidjarja tissodisfa waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

(i)

is-sussidjarja tkun miżmuma direttament mill-entità ta’ riżoluzzjoni u:

entità ta’ riżoluzzjoni tkun kumpanija azzjonarja finanzjarja prinċipali tal-Unjoni jew kumpanija azzjonarja finanzjarja mħallta prinċipali tal-Unjoni;

kemm is-sussidjarja kif ukoll l-entità ta’ riżoluzzjoni jkunu stabbiliti fl-istess Stat Membru u jkunu parti mill-istess grupp ta’ riżoluzzjoni;

l-entità ta’ riżoluzzjoni ma jkollha direttament l-ebda istituzzjoni sussidjarja jew l-ebda entità sussidjarja kif imsemmija fl-Artikolu 1(1), il-punt (b), (c) jew (d), meta dik l-entità tkun soġġetta għar-rekwiżiti stabbiliti f’dan l-Artikolu jew għar-rekwiżit imsemmi fl-Artikolu 45c, għajr is-sussidjarja kkonċernata;

is-sussidjarja tkun affettwata b’mod sproporzjonat mit-tnaqqis meħtieġ skont l-Artikolu 72e(5) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(ii)

is-sussidjarja tkun soġġetta għar-rekwiżit imsemmi fl-Artikolu 104a tad-Direttiva 2013/36/UE fuq bażi konsolidata biss u d-determinazzjoni tar-rekwiżit stabbilit fl-Artikolu 45c ta’ din id-Direttiva fuq bażi konsolidata ma twassalx għal dikjarazzjoni eċċessiva tal-ħtiġijiet ta’ rikapitalizzazzjoni, għall-finijiet tal-Artikolu 45c(1), il-punt (b), ta’ din id-Direttiva, tas-subgrupp li jikkonsisti f’entitajiet fil-perimetru ta’ konsolidazzjoni kkonċernat, b’mod partikolari fejn hemm prevalenza ta’ entitajiet ta’ likwidazzjoni fl-istess perimetru ta’ konsolidazzjoni;

(b)

il-konformità mar-rekwiżit stabbilit fl-Artikolu 45c fuq bażi konsolidata bħala sostitut għall-konformità ma’ dak ir-rekwiżit fuq bażi individwali ma tfixkilx b’mod materjali kwalunkwe minn dawn li ġejjin:

(i)

il-kredibbiltà u l-fattibbiltà tal-istrateġija ta’ riżoluzzjoni tal-grupp;

(ii)

il-kapaċità tas-sussidjarja li tikkonforma mar-rekwiżit ta’ fondi proprji tagħha wara l-eżerċizzju tas-setgħa ta’ valwazzjoni negattiva u ta’ konverżjoni; u

(iii)

l-adegwatezza tal-mekkaniżmu ta’ trasferiment intern tat-telf u tar-rikapitalizzazzjoni, inkluż il-valwazzjoni negattiva jew il-konverżjoni, f’konformità mal-Artikolu 59, tal-istrumenti kapitali rilevanti u l-obbligazzjonijiet eliġibbli tas-sussidjarja kkonċernata jew ta’ entitajiet oħra fil-grupp ta’ riżoluzzjoni.”

;

(b)

jiddaħħlu l-paragrafi li ġejjin:

“2a.   Meta entità kif imsemmi fil-paragrafu 1 tikkonforma mar-rekwiżit imsemmi fl-Artikolu 45(1) fuq bażi konsolidata, l-ammont ta’ fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli ta’ dik l-entità għandu jinkludi l-obbligazzjonijiet li ġejjin maħruġa f’konformità mal-paragrafu 2, il-punt (a), ta’ dan l-Artikolu minn sussidjarja stabbilita fl-Unjoni inkluża fil-konsolidament ta’ dik l-entità:

(a)

l-obbligazzjonijiet maħruġa lil u mixtrija mill-entità ta’ riżoluzzjoni, jew direttament, jew indirettament permezz ta’ entitajiet oħra fl-istess grupp ta’ riżoluzzjoni li ma jkunux inklużi fil-konsolidament tal-entità li tikkonforma mar-rekwiżit imsemmi fl-Artikolu 45(1) fuq bażi konsolidata;

(b)

l-obbligazzjonijiet maħruġa lil azzjonist eżistenti li ma jkunx parti mill-istess grupp ta’ riżoluzzjoni.

2b.   L-obbligazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 2a, il-punti (a) u (b), ta’ dan l-Artikolu, ma għandhomx jaqbżu l-ammont iddeterminat billi titnaqqas mill-ammont tar-rekwiżit imsemmi fl-Artikolu 45(1) applikabbli għas-sussidjarja inkluża fil-konsolidament is-somma ta’ dawn kollha li ġejjin:

(a)

l-obbligazzjonijiet maħruġa lil u mixtrija mill-entità li tikkonforma mar-rekwiżit imsemmi fl-Artikolu 45(1) fuq bażi konsolidata, jew direttament, jew indirettament permezz ta’ entitajiet oħra fl-istess grupp ta’ riżoluzzjoni li jkunu inklużi fil-konsolidament ta’ dik l-entità;

(b)

l-ammont ta’ fondi proprji li jinħarġu f’konformità mal-paragrafu 2(b) ta’ dan l-Artikolu.”

;

(4)

fl-Artikolu 45i, il-paragrafu 4 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“4.   Il-paragrafi 1 u 3 ma għandhomx japplikaw għal entità ta’ likwidazzjoni sakemm l-awtorità ta’ riżoluzzjoni ma tkunx iddeterminat ir-rekwiżit imsemmi fl-Artikolu 45(1) għal tali entità f’konformità mal-Artikolu 45c(2a), it-tieni subparagrafu. F’dak il-każ, l-awtorità ta’ riżoluzzjoni għandha tiddetermina l-kontenut u l-frekwenza tal-obbligi ta’ rapportar u ta’ divulgazzjoni msemmija fil-paragrafi 5 u 6 ta’ dan l-Artikolu għal dik l-entità. L-awtorità ta’ riżoluzzjoni għandha tikkomunika dawk l-obbligi ta’ rapportar u ta’ divulgazzjoni lill-entità ta’ likwidazzjoni kkonċernata. Dawk l-obbligi ta’ rapportar u ta’ divulgazzjoni ma għandhomx imorru lil hinn minn dak li huwa meħtieġ għall-monitoraġġ tal-konformità mar-rekwiżit iddeterminat skont l-Artikolu 45c(2a), it-tieni subparagrafu.”

;

(5)

fl-Artikolu 45j, il-paragrafu 1 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“1.   L-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni għandhom jinfurmaw lill-EBA dwar ir-rekwiżit minimu għal fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli stabbilit f’konformità mal-Artikolu 45e jew l-Artikolu 45f, inkluż deċiżjonijiet meħuda skont l-Artikolu 45f(1), ir-raba’ subparagrafu, għal kull entità taħt il-ġuriżdizzjoni tagħhom.”

Artikolu 2

Emendi għar-Regolament (UE) Nru 806/2014

Ir-Regolament (UE) Nru 806/2014 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 3(1), jiddaħħal il-punt li ġej:

“(24Aa)

‘entità ta’ likwidazzjoni’ tfisser persuna ġuridika stabbilita fi Stat Membru parteċipanti li fir-rigward tiegħu l-pjan ta’ riżoluzzjoni tal-grupp jew, għal entitajiet li mhumiex parti minn grupp, il-pjan ta’ riżoluzzjoni, jipprevedi li l-entità għandha tiġi stralċjata skont proċedimenti ta’ insolvenza normali, jew entità, fi grupp ta’ riżoluzzjoni għajr entità ta’ riżoluzzjoni, li fir-rigward tagħha l-pjan ta’ riżoluzzjoni tal-grupp ma jipprevedix l-eżerċizzju tas-setgħat ta’ valwazzjoni negattiva u ta’ konverżjoni;”

;

(2)

l-Artikolu 12d huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 2, jitħassru t-tieni u t-tielet subparagrafi;

(b)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“2a.   Il-Bord ma għandux jiddetermina r-rekwiżit imsemmi fl-Artikolu 12a(1) għall-entitajiet ta’ likwidazzjoni.

B’deroga mill-ewwel subparagrafu, il-Bord jista’ jivvaluta jekk huwiex ġustifikat li jtiddetermina r-rekwiżit imsemmi fl-Artikolu 12a(1) għal entità ta’ likwidazzjoni fuq bażi individwali f’ammont li jaqbeż l-ammont suffiċjenti biex jassorbi t-telf f’konformità mal-paragrafu 2, il-punt (a), ta’ dan l-Artikolu. Fil-valutazzjoni tiegħu, il-Bord għandu jqis, b’mod partikolari, kwalunkwe impatt possibbli fuq l-istabbiltà finanzjarja u fuq ir-riskju ta’ kontaġju għas-sistema finanzjarja, inkluż fir-rigward tal-kapaċità ta’ finanzjament tal-iskemi ta’ garanzija tad-depożiti. Fejn il-Bord jiddetermina r-rekwiżit imsemmi fl-Artikolu 12a(1), l-entità ta’ likwidazzjoni għandha tissodisfa dak ir-rekwiżit billi tuża wieħed jew aktar minn dawn li ġejjin:

(a)

fondi proprji;

(b)

obbligazzjonijiet li jissodisfaw il-kriterji ta’ eliġibbiltà msemmija fl-Artikolu 72a tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 72b(2), il-punti (b) u (d) ta’ dak ir-Regolament;

(c)

l-obbligazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 12c(2).

L-Artikolu 77(2) u l-Artikolu 78a tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 ma għandhomx japplikaw għal entitajiet ta’ likwidazzjoni li għalihom il-Bord ma jkunx iddetermina r-rekwiżit imsemmi fl-Artikolu 12a(1) ta’ dan ir-Regolament.

Il-holdings ta’ strumenti ta’ fondi proprji u strumenti ta’ obbligazzjonijiet eliġibbli maħruġa minn istituzzjonjiet sussidjarji li huma entitajiet ta’ likwidazzjoni li għalihom il-Bord ma jkunx iddetermina r-rekwiżit imsemmi fl-Artikolu 12a(1) ma għandhomx jitnaqqsu skont l-Artikolu 72e(5) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

B’deroga mir-raba’ subparagrafu, istituzzjoni jew entità msemmija fl-Artikolu 2 li mhijiex hi stess entità ta’ riżoluzzjoni iżda hija sussidjarja ta’ entità ta’ riżoluzzjoni jew ta’ entità ta’ pajjiż terz li tkun entità ta’ riżoluzzjoni li kieku kienet stabbilita fl-Unjoni għandha tnaqqas il-holdings tagħha ta’ strumenti ta’ fondi proprji f’istituzzjonijiet sussidjarji li jappartjenu għall-istess grupp ta’ riżoluzzjoni u li huma entitajiet ta’ likwidazzjoni li għalihom il-Bord ma jkunx iddetermina r-rekwiżit imsemmi fl-Artikolu 12a(1) meta l-ammont aggregat ta’ dawk il-holdings ikun ugwali għal jew jaqbeż is-7 % tal-ammont totalital-fondi proprji u tal-obbligazzjonijiet tagħha li jikkonformaw mal-kriterji ta’ eliġibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 12g(2), ikkalkolati kull sena mill-31 ta’ Diċembru bħala medja matul it-12-il xahar preċedenti.”

;

(3)

l-Artikolu 12g huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, is-subparagrafu li ġej jiddaħħal wara t-tielet subparagrafu:

“B’deroga mill-ewwel u t-tieni subparagrafi, il-Bord jista’ jiddeċiedi li jiddetermina r-rekwiżit stabbilit fl-Artikolu 12d fuq bażi konsolidata għal sussidjarja kif imsemmija f’dan il-paragrafu fejn il-Bord jikkonkludi li l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin huma sodisfati:

(a)

is-sussidjarja tissodisfa waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

(i)

is-sussidjarja tkun miżmuma direttament mill-entità ta’ riżoluzzjoni u:

l-entità ta’ riżoluzzjoni tkun kumpanija azzjonarja finanzjarja prinċipali tal-Unjoni jew kumpanija azzjonarja finanzjarja mħallta prinċipali tal-Unjoni;

kemm is-sussidjarja kif ukoll l-entità ta’ riżoluzzjoni jkunu stabbiliti fl-istess Stat Membru parteċipanti u jkunu parti mill-istess grupp ta’ riżoluzzjoni;

l-entità ta’ riżoluzzjoni ma jkollha direttament l-ebda istituzzjoni sussidjarja, kif imsemmi fl-Artikolu 1(1), il-punt (a), tad-Direttiva 2014/59/UE, jew l-ebda entità sussidjarja, kif imsemmi fl-Artikolu 1(1), il-punt (b), (c) jew (d), ta’ dik id-Direttiva, meta dik l-entità tkun soġġetta għar-rekwiżit imsemmi fl-Artikolu 45c jew 45f ta’ dik id-Direttiva jew fl-Artikolu 12d jew 12g ta’ dan ir-Regolament, għajr is-sussidjarja kkonċernata;

is-sussidjarja tkun affettwata b’mod sproporzjonat mit-tnaqqis meħtieġ skont l-Artikolu 72e(5) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(ii)

is-sussidjarja tkun soġġetta għar-rekwiżit imsemmi fl-Artikolu 104a tad-Direttiva 2013/36/UE fuq bażi konsolidata biss u d-determinazzjoni tar-rekwiżit stabbilit fl-Artikolu 12d ta’ dan ir-Regolament fuq bażi konsolidata ma twassalx għal dikjarazzjoni eċċessiva tal-ħtiġijiet ta’ rikapitalizzazzjoni, għall-finijiet tal-Artikolu 12d(1), il-punt (b), ta’ dan ir-Regolament, tas-subgrupp li jikkonsisti f’entitajiet fil-perimetru ta’ konsolidazzjoni kkonċernat, b’mod partikolari fejn hemm prevalenza ta’ entitajiet ta’ likwidazzjoni fl-istess perimetru ta’ konsolidazzjoni;

(b)

il-konformità mar-rekwiżit stabbilit fl-Artikolu 12d fuq bażi konsolidata bħala sostitut għall-konformità ma’ dak ir-rekwiżit fuq bażi individwali ma tfixkilx b’mod materjali kwalunkwe minn dawn li ġejjin:

(i)

il-kredibbiltà u l-fattibbiltà tal-istrateġija ta’ riżoluzzjoni tal-grupp;

(ii)

il-kapaċità tas-sussidjarja li tikkonforma mar-rekwiżit ta’ fondi proprji tagħha wara l-eżerċizzju tas-setgħa ta’ valwazzjoni negattiva u ta’ konverżjoni; u

(iii)

l-adegwatezza tal-mekkaniżmu ta’ trasferiment intern tat-telf u tar-rikapitalizzazzjoni, inkluż il-valwazzjoni negattiva jew il-konverżjoni, f’konformità mal-Artikolu 21, tal-istrumenti kapitali rilevanti u l-obbligazzjonijiet eliġibbli tas-sussidjarja kkonċernata jew ta’ entitajiet oħra fil-grupp ta’ riżoluzzjoni.”

;

(b)

jiddaħħlu l-paragrafi li ġejjin:

“2a.   Meta entità kif imsemmija fil-paragrafu 1 tikkonforma mar-rekwiżit imsemmi fl-Artikolu 12a(1) fuq bażi konsolidata, l-ammont ta’ fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli ta’ dik l-entità għandu jinkludi l-obbligazzjonijiet li ġejjin maħruġa f’konformità mal-paragrafu 2, il-punt (a), ta’ dan l-Artikolu minn sussidjarja stabbilita fl-Unjoni inkluża fil-konsolidament ta’ dik l-entità:

(a)

l-obbligazzjonijiet maħruġa lil u mixtrija mill-entità ta’ riżoluzzjoni, jew direttament, jew indirettament permezz ta’ entitajiet oħra fl-istess grupp ta’ riżoluzzjoni li ma jkunux inklużi fil-konsolidament tal-entità li tikkonforma mar-rekwiżit imsemmi fl-Artikolu 12a(1) fuq bażi konsolidata;

(b)

l-obbligazzjonijiet maħruġa lil azzjonist eżistenti li ma jkunx parti mill-istess grupp ta’ riżoluzzjoni.

2b.   L-obbligazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 2a, il-punti (a) u (b), ta’ dan l-Artikolu, ma għandhomx jaqbżu l-ammont iddeterminat billi titnaqqas mill-ammont tar-rekwiżit imsemmi fl-Artikolu 12(1) applikabbli għas-sussidjarja inkluż fil-konsolidazzjoni is-somma ta’ dawn kollha li ġejjin:

(a)

l-obbligazzjonijiet maħruġa lil u mixtrija mill-entità li tikkonforma mar-rekwiżit imsemmi fl-Artikolu 12a(1) fuq bażi konsolidata kemm direttament, jew indirettament permezz ta’ entitajiet oħra fl-istess grupp ta’ riżoluzzjoni li jkunu inklużi fil-konsolidazzjoni ta’ dik l-entità;

(b)

l-ammont ta’ fondi proprji li jinħarġu f’konformità mal-paragrafu 2, il-punt (b), ta’ dan l-Artikolu.”.

Artikolu 3

Traspożizzjoni

1.   Sat-13 ta’ Novembru 2024, l-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw il-miżuri meħtieġa biex jikkonformaw mal-Artikolu 1. Huma għandhom minnufih jgħarrfu lill-Kummissjoni f’dak ir-rigward.

Huma għandhom japplikaw dawk il-miżuri mill-14 ta’ Novembru 2024.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, huma għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew jinkludu referenza għaliha meta jiġu pubblikati uffiċjalment. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif għandha ssir dik ir-referenza.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tal-miżuri ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert mill-Artikolu 1.

Artikolu 4

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

1.   Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2.   L-Artikolu 2, il-punti (1) u (2), għandhom japplikaw mill-14 ta’ Novembru 2024.

L-Artikolu 2, il-punt (3), għandu japplika mit-13 ta’ Mejju 2024.

3.   L-Artikolu 2 għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Artikolu 5

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ April 2024.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

R. METSOLA

Għall-Kunsill

Il-President

H. LAHBIB


(1)   ĠU C 307, 31.8.2023, p. 19.

(2)   ĠU C 349, 29.9.2023, p. 161.

(3)  Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta’ Frar 2024 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tas-26 ta’ Marzu 2024.

(4)  Id-Direttiva (UE) 2019/879 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2019 li temenda d-Direttiva 2014/59/UE fir-rigward tal-kapaċità ta’ assorbiment tat-telf u ta’ rikapitalizzazzjoni ta’ istituzzjonijiet tal-kreditu u ditti tal-investiment u d-Direttiva 98/26/KE (ĠU L 150, 7.6.2019, p. 296).

(5)  Ir-Regolament (UE) 2019/877 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2019 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 806/2014 dwar il-kapaċità ta’ assorbiment tat-telf u ta’ rikapitalizzazzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment (ĠU L 150, 7.6.2019, p. 226).

(6)  Id-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KEE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/UE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 190).

(7)  Ir-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta’ Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU L 225, 30.7.2014, p. 1).

(8)  Ir-Regolament (UE) 2022/2036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Ottubru 2022 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 575/2013 u d-Direttiva 2014/59/UE fir-rigward tat-trattament prudenzjali ta’ istituzzjonijiet globali sistemikament importanti bi strateġija ta’ riżoluzzjoni b’punti multipli ta’ dħul u metodi għas-sottoskrizzjoni indiretta ta’ strumenti eliġibbli biex jissodisfaw ir-rekwiżit minimu għal fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli (ĠU L 275, 25.10.2022, p. 1).

(9)  Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2024/1174/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)