European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/1167

19.4.2024

DEĊIŻJONI (UE) 2024/1167 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-11 ta’ April 2024

li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2017/1324 fir-rigward tal-kontinwazzjoni tal-parteċipazzjoni tal-Unjoni fis-Sħubija fir-Riċerka u l-Innovazzjoni fiż-Żona tal-Mediterran (PRIMA) taħt Orizzont Ewropa

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 185 u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 188 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni (UE) 2017/1324 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) dwar il-parteċipazzjoni tal-Unjoni fis-Sħubija fir-Riċerka u l-Innovazzjoni fiż-Żona tal-Mediterran (PRIMA), ġiet adottata skont ir-Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) (Orizzont 2020) għal perjodu sal-31 ta’ Diċembru 2028.

(2)

F’konformità mad-Deċiżjoni (UE) 2017/1324, is-sejħiet finali għall-proposti taħt il-programm ta’ ħidma annwali ta’ PRIMA se jitnedew fl-2024 u l-azzjonijiet indiretti kollha tar-riċerka u l-innovazzjoni (R&I) se jiġu ffinalizzati sal-2028.

(3)

L-Istati Membri li jipparteċipaw fi PRIMA ddikjaraw l-intenzjoni tagħhom li jkomplu bl-inizjattiva konġunta tagħhom lil hinn mill-2024 u appellaw biex l-Unjoni tkompli tipparteċipa fl-istess qafas istituzzjonali tal-Artikolu 185 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

(4)

PRIMA hija għodda ta’ suċċess għall-fini tal-avvanz tar-R&I, b’mod partikolari fir-rigward tas-sistemi tar-R&I tal-pajjiżi parteċipanti li huma ta’ rilevanza strateġika għall-interessi tal-Unjoni. F’konformità mal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta’ Mejju 2021 intitolata “dwar l-Approċċ Globali għar-Riċerka u l-Innovazzjoni – l-istrateġija tal-Ewropa għall-kooperazzjoni internazzjonali f’dinja li qed tinbidel” u l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-1 ta’ Diċembru 2021 intitolata “Il-Portal Globali”, il-Kummissjoni impenjat ruħha li ssaħħaħ ir-rwol ewlieni tal-Unjoni fl-appoġġ tas-sħubijiet multilaterali tar-R&I biex tipprovdi soluzzjonijiet ġodda għall-isfidi ekoloġiċi, diġitali, tas-saħħa, soċjali u tal-innovazzjoni, u identifikat il-ħtieġa urġenti għal proġetti ta’ disinn sostenibbli u ta’ kwalità għolja li jiġu implimentati b’mod li jiżgura livell għoli ta’ trasparenza u standards.

(5)

Fil-komunikazzjoni tagħha tas-7 ta’ Ġunju 2016 intitolata “dwar it-twaqqif ta’ Qafas ta’ Sħubija ġdid ma’ pajjiżi terzi skont l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni”, li għadha rilevanti fil-kuntest attwali li jikkonċerna PRIMA, il-Kummissjoni enfasizzat il-ħtieġa li l-politiki kollha, inklużi dawk dwar ir-R&I, jindirizzaw il-kawżi ewlenin tal-migrazzjoni permezz ta’ mudell ġdid ta’ kooperazzjoni li jinvolvi lill-investituri privati, inkluż li tingħata attenzjoni speċjali lill-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) u lill-infrastruttura sostenibbli. B’mod partikolari, ix-xjenza u t-teknoloġija għandhom rwol dejjem aktar importanti fix-xenarju ġeopolitiku u jistgħu jappoġġaw l-isforzi diplomatiċi b’ħafna modi, inkluż f’dak li jirrigwarda l-promozzjoni u d-difiża tal-valuri Ewropej bħal-libertà akkademika, l-etika tar-riċerka, l-integrità u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri. PRIMA sservi bħala mudell reġjonali għad-diplomazija xjentifika u trawwem relazzjonijiet ma’ pajjiżi Mediterranji mhux parteċipanti.

(6)

L-ambitu tematiku ta’ PRIMA, jiġifieri appoġġ għas-sistemi agroalimentari, il-provvista integrata tal-ilma u l-ġestjoni tal-ilma fiż-żona tal-Mediterran, qiegħda kull ma jmur issir iktar topikali. Ir-riċerka turi li l-iskarsezza tal-ilma hija kontributur importanti għaż-żieda fil-migrazzjoni globali. It-tibdil fil-klima u d-diżastri naturali assoċjati għandhom impatt devastanti fuq il-produzzjoni agrikola. Barra minn hekk, skont il-kontribuzzjoni tal-Grupp ta’ Ħidma II tas-Sitt Rapport ta’ Valutazzjoni tal-Panel Intergovernattiv dwar it-Tibdil fil-Klima tan-Nazzjonijiet Uniti, l-ekosistemi Mediterranji huma mistennija li jkunu fost l-aktar milquta mill-konsegwenzi tat-tibdil fil-klima li qed javvanza. PRIMA tikkontribwixxi għall-appoġġ taż-żona tal-Mediterran biex tkun fuq quddiem f’soluzzjonijiet reżiljenti għat-tibdil fil-klima. Miżuri preventivi u ta’ adattament, bħat-teknoloġiji tad-desalinazzjoni u t-tolleranza tal-pjanti, huma essenzjali biex wieħed jiffaċċja t-tibdil fil-klima.

(7)

PRIMA jenħtieġ li tfittex u tippromwovi b’mod attiv sinerġiji u komplementarjetajiet ma’ sħubijiet reġjonali, Ewropej u internazzjonali oħra, u ma’ programmi ta’ R&I kollaborattivi oħra b’objettivi u attivitajiet korrispondenti.

(8)

Ir-Rapport tal-Kummissjoni tal-31 ta’ Mejju 2023 lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-Evalwazzjoni Interim tagħha ta’ PRIMA (l-Evalwazzjoni Interim tal-Kummissjoni) sab li l-Istati Parteċipanti tan-Nofsinhar tal-Mediterran kienu rċevew 28 % tal-fondi totali allokati minn PRIMA sa Marzu 2022. Huwa imperattiv li PRIMA tappoġġa firxa ta’ attivitajiet tar-R&I sabiex trawwem il-bini ta’ komunitajiet aktar dejjiema u żżid il-kooperazzjoni fost l-Istati Parteċipanti tan-Nofsinhar tal-Mediterran u r-rata ta’ parteċipazzjoni tagħhom.

(9)

Skont l-Artikolu 4(1), il-punt (b), tad-Deċiżjoni (UE) 2017/1324, l-istruttura ta’ implimentazzjoni ta’ PRIMA (PRIMA-IS) ġiet stabbilita fl-2017 bħala entità ddedikata, responsabbli għall-ġestjoni diretta tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għal PRIMA. PRIMA-IS ġiet stabbilita f’Barċellona u żgurat l-introduzzjoni bla xkiel, effiċjenti u trasparenti ta’ PRIMA, appoġġata permezz tas-segretarjat u l-korpi governattivi tagħha.

(10)

Peress li r-raġunament u l-objettivi inizjali ta’ PRIMA għadhom validi, b’mod partikolari fid-dawl tal-gwerra ta’ aggressjoni mhux provokata u mhux ġustifikata tar-Russja kontra l-Ukrajna, li kompliet tiddestabilizza s-swieq tal-agrikoltura fraġli tal-Mediterran tan-Nofsinhar, li jagħmel it-tranżizzjoni lejn sistemi sostenibbli tal-ikel prijorità saħansitra aktar urġenti fis-soċjetajiet Mediterranji, u l-Evalwazzjoni Interim tal-Kummissjoni kkonkludiet li PRIMA hija strument ta’ suċċess b’valur miżjud għall-Unjoni, jenħtieġ li l-Unjoni tkompli tipprovdi appoġġ finanzjarju biex PRIMA tkun tista’ tiffinanzja azzjonijiet tar-R&I taħt l-istess kamp ta’ applikazzjoni tematiku sal-2027, u tissinkronizza PRIMA mal-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) tal-Unjoni u maċ-ċikli ta’ programmazzjoni allinjati mal-QFP tal-programmi tar-R&I. Barra minn hekk, id-durata ġenerali ta’ PRIMA jenħtieġ li tiġi estiża sal-2031 biex tippermetti l-implimentazzjoni sħiħa tal-azzjonijiet tar-R&I.

(11)

PRIMA jenħtieġ li żżomm l-ambizzjoni u r-riżorsi tagħha li jagħmluha strument essenzjali għall-kooperazzjoni internazzjonali u d-diplomazija xjentifika fiż-żona tal-Mediterran. Ir-reviżjonijiet futuri tal-aġenda strateġika tar-riċerka u l-innovazzjoni ta’ PRIMA jenħtieġ li jkopru l-estensjoni potenzjali tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni (UE) 2017/1324, inkluż ir-R&I relatati mal-enerġija u mal-klima, u jqisu l-impatt ta’ portafolli ġodda fuq riżorsi primarji oħra, jiġifieri l-ilma, l-art u l-agrikoltura. Tali estensjoni potenzjali tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawk l-objettivi toħloq opportunitajiet biex jiġu żviluppati oqsma tar-R&I li bħalissa mhumiex indirizzati minn PRIMA u tippromwovi applikazzjonijiet f’firxa ta’ setturi. B’mod partikolari, approċċ ġdid tar-rabta bejn l-Ilma, l-Enerġija u l-Ikel jista’ jgħin lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet jifhmu s-sistemi kumplessi tal-enerġija u jkunu jistgħu jintegraw l-ippjanar tar-riżorsi b’għarfien espert tekniku u governanza sodi.

(12)

L-appoġġ finanzjarju kontinwu tal-Unjoni għal PRIMA jenħtieġ li jiġi mill-baġit ġenerali tal-Unjoni allokat għall-Programm Speċifiku li jimplimenta Orizzont Ewropa, stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/764 (5), speċifikament mill-Pilastru II “Sfidi globali u Kompetittività Industrijali Ewropea”, u r-raggruppament tematiku rilevanti (vi) “Ikel, Bijoekonomija, Riżorsi Naturali, Agrikoltura u Ambjent”.

(13)

L-Evalwazzjoni Interim tal-Kummissjoni żvelat li r-rati baxxi ta’ suċċess tal-applikanti għall-finanzjament jistgħu jiskoraġġixxu applikanti potenzjali fil-futur. PRIMA-IS u l-Istati parteċipanti fi PRIMA (Stati Parteċipanti) jeħtieġ li jagħmlu sforzi addizzjonali biex itejbu l-effiċjenza tal-attivitajiet tagħhom billi jissimplifikaw il-kumplessità kkawżata minn skemi ta’ finanzjament nazzjonali differenti, inaqqsu ż-żmien għall-għotja u jtejbu l-aċċessibbiltà għall-finanzjament tar-R&I.

(14)

PRIMA hija ffinanzjata skont Orizzont 2020. Għall-fini tal-kontinwazzjoni ta’ PRIMA mill-2025, PRIMA jenħtieġ li tiġi ffinanzjata u operata skont ir-Regolament (UE) 2021/695 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) (Orizzont Ewropa). Għalhekk, id-Deċiżjoni (UE) 2017/1324 jenħtieġ li tiġi allinjata mar-Regolament (UE) 2021/695 kif ukoll mar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7).

(15)

Id-Deċiżjoni (UE) 2017/1324 jenħtieġ li tkun allinjata mal-objettivi u l-prijoritajiet tar-R&I ta’ Orizzont Ewropa u mal-prinċipji u l-kundizzjonijiet ġenerali stabbiliti fl-Artikolu 10, u fl-Annessi III u VI tar-Regolament (UE) 2021/695. Għalhekk, jeħtieġ li mill-inqas 40 % tal-Istati Membri jipparteċipaw fis-sħubija estiża ta’ PRIMA. Barra minn hekk, jenħtieġ li PRIMA topera f’wieħed mill-oqsma ta’ prijorità għas-sħubijiet Ewropej istituzzjonalizzati, u l-Istati Parteċipanti kollha jenħtieġ li jesprimu l-impenn finanzjarju tagħhom fit-tul. Dawn il-kundizzjonijiet diġà huma ssodisfati, peress li bħalissa 41 % tal-Istati Membri jipparteċipaw fi PRIMA, li taqa’ taħt il-Qasam ta’ Sħubija ta’ prijorità 5 “Soluzzjonijiet sostenibbli, inklużivi u ċirkolari ibbażati fuq il-prodotti bijoloġiċi” tal-Anness VI tar-Regolament (UE) 2021/695, u l-Istati Parteċipanti ddikjaraw l-impenji finanzjarji fit-tul tagħhom għal PRIMA.

(16)

Jeħtieġ li PRIMA topera b’mod sempliċi, aġli, miftuħ u trasparenti. Jeħtieġ li PRIMA-IS tagħmel sforzi ddedikati biex isaħħaħ id-djalogu mas-soċjetà, tinkoraġġixi parteċipazzjoni attiva u tiżgura li l-pubbliku ġenerali jkun infurmat biżżejjed u fil-ħin dwar l-attivitajiet tagħha. Għal dak l-għan, PRIMA-IS jeħtieġ li ssaħħaħ l-istrateġija ta’ komunikazzjoni tagħha biex tiffaċilita l-iskambju ta’ informazzjoni, tal-aħjar prattiki u tal-eżiti tar-riċerka, bl-involviment ta’ networks akkademiċi, xjentifiċi u ta’ għarfien, is-sħab soċjali u ekonomiċi, il-media, l-SMEs tal-industrija u partijiet ikkonċernati oħra.

(17)

Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għal PRIMA jenħtieġ li tkun soġġetta għal impenn formali mill-Istati Parteċipanti li jagħmlu kontribuzzjoni finanzjarja mill-inqas fil-livell tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni. Għal dik ir-raġuni, il-konformità mal-impenji finanzjarji formali jenħtieġ li tiġi mmonitorjata mill-qrib minn PRIMA-IS fuq bażi regolari.

(18)

Għall-fini li jintlaħqu l-objettivi ta’ PRIMA, il-kontribuzzjoni aggregata tal-Istati Parteċipanti jenħtieġ li tkun mill-inqas daqs il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni. Għalhekk jenħtieġ li l-Istati Parteċipanti jagħtu kontribuzzjoni f li tkun pparreġġata ma’ dik tal-Unjoni taħt Orizzont Ewropa f’konformità mal-prinċipju stabbilit fl-Anness III tar-Regolament (UE) 2021/695. Sabiex jiġi żgurat li dak il-prinċipju jiġi ssalvagwardjat kif xieraq, jenħtieġ li jitqiesu biss il-kontribuzzjonijiet mill-Istati Parteċipanti li saru wara l-31 ta’ Diċembru 2024.

(19)

Sabiex jiġi żgurat l-impenn kontinwu tagħhom għall-objettivi ta’ PRIMA ffinanzjati taħt Orizzont Ewropa u għall-obbligi l-ġodda tagħhom skont ir-Regolamenti (UE) 2021/695 u (UE, Euratom) 2018/1046, l-Alġerija, l-Eġittu, il-Ġordan, il-Libanu u l-Marokk jenħtieġ li jaċċettaw formalment it-termini u l-kundizzjonijiet il-ġodda li jirriżultaw minn din id-Deċiżjoni, billi jikkonkludu ftehimiet mal-Unjoni, fil-forma ta’ skambju ta’ ittri, li jemendaw u jissupplimentaw il-ftehimiet internazzjonali eżistenti għall-kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika konklużi magħhom. Jenħtieġ li dan ma jaffettwax il-parteċipazzjoni tagħhom fl-attivitajiet ta’ PRIMA ffinanzjati taħt Orizzont 2020.

(20)

Il-kontribuzzjoni finanzjarja ġenerali tal-Unjoni għal PRIMA jenħtieġ li tiġi stabbilita bħala ammont massimu. Jenħtieġ li jkun possibbli, f’konformità mal-Artikolu 16(5) tar-Regolament (UE) 2021/695, li l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għal PRIMA minn Orizzont Ewropa tiżdied b’tali kontribuzzjonijiet minn pajjiżi terzi assoċjati ma’ Orizzont Ewropa. Jenħtieġ li dan ikun soġġett għall-ammont totali li bih tiżdied il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni, li mill-inqas ikun ipparreġġat mal-kontribuzzjoni mill-Istati Parteċipanti.

(21)

B’kont meħud tal-objettivi ta’ PRIMA, l-entitajiet stabbiliti f’pajjiżi terzi li ma humiex Stati Parteċipanti jenħtieġ li jkunu eliġibbli biex japplikaw għal finanzjament f’suġġetti speċifiċi ta’ sejħiet previsti fil-programm ta’ ħidma annwali ta’ PRIMA. Jenħtieġ li jittieħdu l-miżuri xierqa kollha, inklużi l-miżuri kuntrattwali, biex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Għal dak l-għan, jenħtieġ li jiġu konklużi ftehimiet dwar ix-xjenza u t-teknoloġija ma’ pajjiżi terzi li fihom ikunu stabbiliti tali entitajiet.

(22)

Filwaqt li l-awditi ex post tan-nefqa fuq azzjoni indiretta ffinanzjata skont Orizzont 2020 jenħtieġ li jkomplu jitwettqu f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 1291/2013, jenħtieġ li l-azzjonijiet indiretti ffinanzjati taħt Orizzont Ewropa jiġu awditjati f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/695.

(23)

Orizzont Ewropa jiffoka aktar fuq l-aċċess għar-riżultati u informazzjoni oħra relatata mal-azzjoni mill-Kummissjoni għall-fini tal-iżvilupp, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-politiki jew il-programmi tal-Unjoni fil-każ ta’ sħubijiet Ewropej istituzzjonalizzati. Għalhekk, jenħtieġ li PRIMA-IS tiżgura li l-Kummissjoni jkollha aċċess għall-informazzjoni kollha relatata mal-azzjonijiet indiretti li hija tiffinanzja, inklużi l-kontribuzzjonijiet u r-riżultati tal-benefiċjarji li jipparteċipaw f’azzjonijiet indiretti. Sabiex isostnu l-interessi tagħhom, l-Istati Parteċipanti jenħtieġ li jkollhom ukoll aċċess għal informazzjoni relatata ma’ proposti li jinkludu applikanti stabbiliti fit-territorji tagħhom. Tali drittijiet ta’ aċċess jenħtieġ li jikkonformaw mar-regoli ta’ kunfidenzjalità applikabbli.

(24)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni, fuq bażi regolari, tivvaluta t-twettiq tal-impenji meħuda mill-Istati Parteċipanti u, wara dawn il-valutazzjonijiet, tista’ tinvolvi l-Istati Parteċipanti u PRIMA-IS kif ikun hemm bżonn u jenħtieġ li tkun kapaċi tieħu l-miżuri xierqa.

(25)

L-estensjoni ta’ PRIMA teħtieġ monitoraġġ u evalwazzjoni f’konformità mad-dispożizzjonijiet relatati ma’ Orizzont Ewropa. Jeħtieġ li l-Kummissjoni twettaq evalwazzjoni interim addizzjonali ta’ PRIMA sal-31 ta’ Diċembru 2025 u evalwazzjoni finali sal-31 ta’ Diċembru 2031. Dawk l-evalwazzjonijiet jenħtieġ li jikkontribwixxu għall-evalwazzjonijiet interim u finali ġenerali ta’ Orizzont Ewropa. L-evalwazzjonijiet jenħtieġ li jivvalutaw il-kwalità u l-effiċjenza ta’ PRIMA u l-progress li jkun sar lejn l-ilħuq tal-objettivi tagħha matul iċ-ċiklu kollu tal-ħajja tagħha, inkluża l-implimentazzjoni tagħha kemm taħt Orizzont 2020 kif ukoll taħt Orizzont Ewropa. Il-Kummissjoni jenħtieġ li tippubblika u xxerred ir-riżultati u l-konklużjonijiet ta’ dawk l-evalwazzjonijiet. F’konformità mal-Artikolu 10(2), il-punt (c), tar-Regolament (UE) 2021/695, jenħtieġ li PRIMA jkollha approċċ ċar taċ-ċiklu tal-ħajja, tkun limitata fiż-żmien u tinkludi l-kundizzjonijiet għat-tneħħija gradwali tal-finanzjament taħt Orizzont Ewropa.

(26)

Għalhekk jenħtieġ li d-Deċiżjoni (UE) 2017/1324 tiġi emendata skont dan,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni (UE) 2017/1324 hija emendata kif ġej:

(1)

l-Artikolu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 1

Parteċipazzjoni fi PRIMA

1.   L-Unjoni għandha tipparteċipa fis-Sħubija fir-Riċerka u l-Innovazzjoni fiż-Żona tal-Mediterran (PRIMA), sħubija Ewropea istituzzjonalizzata kif imsemmi fl-Artikolu 10(1), il-punt (c), tar-Regolament (UE) 2021/695 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1) (Orizzont Ewropa), li pparteċipaw fiha b’mod konġunt il-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, Iżrael, l-Italja, il-Lussemburgu, Malta, il-Portugall, is-Slovenja, Spanja, it-Tuneżija u t-Turkija (‘l-Istati Parteċipanti’), f’konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti f’din id-Deċiżjoni u man-notifika tal-parteċipazzjoni tagħhom fl-attivitajiet ta’ PRIMA billi jiffirmaw ittra ta’ impenn.

2.   L-Alġerija, l-Eġittu, il-Ġordan, il-Libanu u l-Marokk għandhom ikomplu jkunu Stati Parteċipanti għall-finijiet tal-attivitajiet ta’ PRIMA ffinanzjati skont l-Artikolu 3(1), il-punt (a). Għall-fini tal-parteċipazzjoni tagħhom fl-attivitajiet ta’ PRIMA ffinanzjati skont l-Artikolu 3(1), il-punt (b), dawn għandhom jitqiesu li huma Stati Parteċipanti biss mal-konklużjoni ta’ ftehim, fil-forma ta’ skambju ta’ ittri, li jemenda u jissupplimenta l-ftehimiet internazzjonali eżistenti għal kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika mal-Unjoni u li jistabbilixxi t-termini u l-kundizzjonijiet il-ġodda tal-parteċipazzjoni tagħhom fi PRIMA.

3.   Kwalunkwe Stat Membru u kwalunkwe pajjiż terz assoċjat ma’ Orizzont 2020, għajr xi wieħed minn dawk elenkati fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, jista’ jieħu sehem fi PRIMA, dment li jissodisfa l-kondizzjoni stabbilita fl-Artikolu 4(1), il-punt (c) u li jikkonforma, b’mod partikolari, mal-Artikolu 11(5). Huma għandhom jiffirmaw ittra ta’ impenn li tikkonferma t-termini u l-kundizzjonijiet tal-parteċipazzjoni tagħhom fi PRIMA fir-rigward ta’ Orizzont 2020 jew Orizzont Ewropa kif applikabbli.

Stati Membri u pajjiżi terzi assoċjati ma’ Orizzont 2020 jew Orizzont Ewropa li jissodisfaw il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-ewwel subparagrafu għandhom jitqiesu li jkunu Stati Parteċipanti għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni.

4.   Kwalunkwe pajjiż terz mhux assoċjat ma’ Orizzont 2020 jew Orizzont Ewropa, għajr dawk elenkati fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, jista’ jipparteċipa fi PRIMA dment li:

(a)

jissodisfa l-kondizzjoni stabbilita fl-Artikolu 4(1), il-punt (c) u jikkonforma, b’mod partikolari, mal-Artikolu 11(5);

(b)

l-istruttura ta’ implimentazzjoni għal PRIMA (PRIMA-IS) tapprova l-parteċipazzjoni tiegħu fi PRIMA wara li tkun eżaminat ir-rilevanza tal-parteċipazzjoni tiegħu biex jintlaħqu l-objettivi ta’ PRIMA; u

(c)

jikkonkludi ftehim internazzjonali għal kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika mal-Unjoni li jistabbilixxi t-termini u l-kondizzjonijiet tal-parteċipazzjoni tiegħu fi PRIMA.

Pajjiżi terzi li jissodisfaw il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-ewwel subparagrafu għandhom jitqiesu li huma Stati Parteċipanti għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni.

(*1)  Ir-Regolament (UE) 2021/695 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-Orizzont Ewropa — il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, li jistabbilixxi r-regoli tiegħu għall-parteċipazzjoni u d-disseminazzjoni, u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1290/2013 u (UE) Nru 1291/2013 (ĠU L 170, 12.5.2021, p. 1).”;"

(2)

fl-Artikolu 2, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   PRIMA għandha tikkontribwixxi għall-objettivi ġenerali u speċifiċi tar-Regolament (UE) 2021/695, u b’mod partikolari l-Artikolu 3 tiegħu, u għandha taħdem favur l-objettivi ġenerali tal-bini tal-kapaċitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni u l-iżvilupp tal-għarfien u soluzzjonijiet innovattivi komuni għas-sistemi agroalimentari, biex dawn isiru sostenibbli, u favur provvista u ġestjoni integrati tal-ilma fiż-żona tal-Mediterran, sabiex tagħmel lilhom, il-ġestjoni u l-provvista tagħhom aktar reżiljenti għall-klima, effiċjenti, kosteffettivi u ambjentalment u soċjalment sostenibbli, u biex ittejjeb il-kontribuzzjoni tagħhom għas-soluzzjoni upstream tal-problemi tal-iskarsezza tal-ilma, is-sigurtà tal-ikel, in-nutrizzjoni, is-saħħa, il-benesseri u l-migrazzjoni.”

;

(3)

fl-Artikolu 3, il-paragrafi 1 u 2 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“1.   Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għal PRIMA, inkluż l-approprjazzjonijiet taż-ŻEE, għandha tkun daqs il-kontribuzzjonijiet tal-Istati Parteċipanti. Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għandha tkun sa EUR 325 000 000 u għandha titqassam kif ġej:

(a)

sa EUR 220 000 000 minn Orizzont 2020;

(b)

sa EUR 105 000 000 minn Orizzont Ewropa.

L-ammont tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni minn Orizzont Ewropa jista’ jiżdied b’kontribuzzjonijiet minn pajjiżi terzi assoċjati ma’ Orizzont Ewropa f’konformità mal-Artikolu 16(5) tar-Regolament (UE) 2021/695, dment li ż-żieda totali fil-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni tkun mill-inqas ipparreġġata mill-kontribuzzjoni mill-Istati Parteċipanti msemmija fl-Artikolu 1(1) ta’ din id-Deċiżjoni.

2.   Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni msemmija fil-paragrafu 1, il-punt (a), ta’ dan l-Artikolu għandha titħallas mill-approprjazzjonijiet fil-baġit ġenerali tal-Unjoni allokati għall-partijiet rilevanti tal-programm speċifiku li jimplimenta Orizzont 2020, stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/743/UE, u b’mod partikolari mill-Parti II ‘Tmexxija industrijali’ u l-Parti III ‘Sfidi tas-soċjetà’, f’konformità mal-Artikolu 57 tar-Regolament (UE) 2021/695 u l-Artikolu 62(1), il-punt (c)(vii), tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*2).

2a.   Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni msemmija fil-paragrafu 1, il-punt (b), ta’ dan l-Artikolu għandha titħallas mill-approprjazzjonijiet fil-baġit ġenerali tal-Unjoni allokati għall-partijiet rilevanti tal-programm speċifiku li jimplimenta Orizzont Ewropa, stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/764 (*3), speċifikament mill-Pilastru II ‘Sfidi Globali u Kompetittività Industrijali Ewropea’, ir-raggruppament (vi) ‘Ikel, Bijoekonomija, Riżorsi Naturali, Agrikoltura u Ambjent’, f’konformità mal-Artikolu 62(1), il-punt (c)(vii), tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046.

(*2)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1)."

(*3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/764 tal-10 ta’ Mejju 2021 li tistabbilixxi l-Programm Speċifiku li jimplimenta l-Orizzont Ewropa – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, u li tħassar id-Deċiżjoni 2013/743/UE (ĠU L 167 I, 12.5.2021, p. 1).”;"

(4)

l-Artikolu 4 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, il-punti (b), (c) u (d) huma sostitwiti b’dan li ġej:

“(b)

id-deżinjazzjoni mill-Istati Parteċipanti, jew mill-organizzazzjonijiet maħtura mill-Istati Parteċipanti, ta’ entità b’personalità ġuridika, kif imsemmi fl-Artikolu 62(1), il-punt (c)(vii), tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046, bħala PRIMA-IS, li għandha tkun responsabbli għall-implimentazzjoni ta’ PRIMA b’mod effiċjenti, biex tirċievi, talloka u timmonitorja l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 3(1) ta’ din id-Deċiżjoni kif ukoll il-kontribuzzjonijiet tal-Istati Parteċipanti, fejn xieraq, u biex tiżgura li jitwettqu l-azzjonijiet kollha meħtieġa biex jintlaħqu l-objettivi ta’ PRIMA;

(c)

l-impenn mill-Istati Parteċipanti li jikkontribwixxu għall-finanzjament ta’ PRIMA b’kontribuzzjoni mir-riżorsi nazzjonali rilevanti għall-objettivi ta’ PRIMA li tkun mill-inqas ugwali għall-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni;

(d)

id-dimostrazzjoni minn PRIMA-IS tal-kapaċità tagħha li timplimenta PRIMA, inkluż li tirċievi, talloka u timmonitorja l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 3(1) ta’ din id-Deċiżjoni fil-qafas tal-ġestjoni indiretta tal-baġit tal-Unjoni f’konformità mal-Artikoli 62 u 154 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046;”

;

(b)

fil-paragrafu 2, il-punt (c) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(c)

il-konformità ta’ PRIMA-IS mar-rekwiżiti tar-rappurtar stabbiliti fl-Artikolu 155 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046;”

;

(c)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   Il-Kummissjoni għandha tivvaluta, fuq bażi kontinwa, t-twettiq tal-impenji meħuda mill-Istati Parteċipanti u, wara dik il-valutazzjoni, tista’ tinvolvi Stati Parteċipanti u PRIMA-IS kif meħtieġ u tieħu miżuri xierqa inklużi dawk previsti fl-Artikolu 9.”

;

(5)

l-Artikolu 5 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   L-Istati Parteċipanti għandhom jagħmlu, jew jagħmlu l-arranġament,i biex huma, jew il-korpi ta’ finanzjament nazzjonali tagħhom, jagħmlu kontribuzzjonijiet, finanzjarji jew in natura, ta’ mill-inqas EUR 325 000 000 mis-7 ta’ Awwissu 2017 sal-31 ta’ Diċembru 2031.”

;

(b)

il-paragrafu 6 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“6.   Il-kontribuzzjonijiet mill-Istati Parteċipanti imsemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu għandhom isiru wara l-adozzjoni tal-programm ta’ ħidma annwali. Jekk il-programm ta’ ħidma annwali jiġi adottat matul is-sena ta’ referenza msemmija fl-Artikolu 6(2), il-kontribuzzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 2, il-punt (c), ta’ dan l-Artikolu li jgħoddu bħala kontribuzzjonijiet mill-Istati Parteċipanti inklużi fil-programm ta’ ħidma annwali, jistgħu jinkludu l-kontribuzzjonijiet li jkunu saru mill-1 ta’ Jannar ta’ dik is-sena. Madankollu, il-kontribuzzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 2, il-punt (c), ta’ dan l-Artikolu li jgħoddu bħala kontribuzzjonijiet mill-Istati Parteċipanti inklużi fl-ewwel programm ta’ ħidma annwali jistgħu jinkludu kontribuzzjonijiet li jkunu saru wara s-7 ta’ Awwissu 2017.”

;

(6)

l-Artikolu 6 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 6

Attivitajiet u implimentazzjoni ta’ PRIMA

1.   PRIMA għandha tappoġġa firxa wiesgħa ta’ attivitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni, kif deskritt fil-programm ta’ ħidma annwali tagħha, permezz ta’:

(a)

azzjonijiet indiretti fit-tifsira tar-Regolamenti (UE) Nru 1290/2013 u (UE) 2021/695 iffinanzjati minn PRIMA-IS f’konformità mal-Artikolu 7 ta’ din id-Deċiżjoni, prinċipalment fil-forma ta’ għotjiet wara sejħiet għal proposti tranżnazzjonali, miftuħa u kompetittivi, organizzati minn PRIMA-IS, inkluż:

(i)

azzjonijiet ta’ riċerka u innovazzjoni, kif ukoll azzjonijiet ta’ innovazzjoni;

(ii)

azzjonijiet ta’ koordinazzjoni u appoġġ li jiffokaw fuq id-disseminazzjoni u l-komunikazzjoni għall-promozzjoni ta’ PRIMA u biex jiġi massimizzat l-impatt tagħha;

(b)

attivitajiet iffinanzjati mill-Istati Parteċipanti mingħajr il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 3(1) li jikkontribwixxu għall-objettivi ta’ PRIMA jew li huma direttament marbuta mal-adozzjoni ta’ riżultati minn proġetti taħt PRIMA u li jikkonsistu minn:

(i)

attivitajiet magħżula wara sejħiet għal proposti tranżnazzjonali, miftuħa u kompetittivi, organizzati minn PRIMA-IS, ġestiti mill-korpi ta’ finanzjament nazzjonali taħt il-programmi nazzjonali tal-Istati Parteċipanti, li jipprovdu appoġġ finanzjarju prinċipalment fil-forma ta’ għotjiet;

(ii)

attivitajiet taħt il-programmi nazzjonali tal-Istati Parteċipanti inkluż proġetti tranżnazzjonali.

2.   PRIMA għandha tiġi implimentata abbażi ta’ pjanijiet ta’ ħidma annwali li jkopru l-attivitajiet li għandhom jitwettqu mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru ta’ sena partikolari (sena ta’ referenza). PRIMA-IS għandha tadotta l-pjanijiet ta’ ħidma annwali sal-31 ta’ Marzu tas-sena ta’ referenza, wara li tikseb approvazzjoni mill-Kummissjoni. Fl-adozzjoni tal-pjanijiet ta’ ħidma annwali, kemm PRIMA-IS kif ukoll il-Kummissjoni għandhom jaġixxu mingħajr dewmien żejjed. PRIMA-IS għandha tqiegħed il-programm ta’ ħidma annwali għad-dispożizzjoni tal-pubbliku.

3.   L-attivitajiet imsemmija fil-paragrafu 1, il-punti (a) u (b), jistgħu jitnedew biss fis-sena ta’ referenza u biss wara l-adozzjoni tal-programm ta’ ħidma annwali għal dik is-sena.

4.   Jekk il-programm ta’ ħidma annwali jiġi adottat matul is-sena ta’ referenza, il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 3(1) tista’ tintuża biex tirrimborża l-kostijiet amministrattivi ta’ PRIMA-IS imġarrba mill-1 ta’ Jannar ta’ dik is-sena ta’ referenza f’konformità mal-programm ta’ ħidma annwali kkonċernat. Madankollu, il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 3(1) tista’ tirrimborża l-ispejjeż amministrattivi ta’ PRIMA-IS kif imġarrba mis-7 ta’ Awwissu 2017 f’konformità mal-ewwel programm ta’ ħidma annwali.

5.   L-attivitajiet jistgħu jiġu ffinanzjati biss taħt PRIMA jekk dawn ikunu stabbiliti fil-programm ta’ ħidma annwali. Il-programm ta’ ħidma annwali għandu jiddistingwi bejn l-attivitajiet imsemmija fil-paragrafu 1, il-punt (a), ta’ dan l-Artikolu, l-attivitajiet imsemmija fil-paragrafu 1, il-punt (b), ta’ dan l-Artikolu u l-ispejjeż amministrattivi ta’ PRIMA-IS. Huwa għandu jipprevedi l-istimi tal-infiq korrispondenti tagħhom kif ukoll l-allokazzjoni baġitarja għal attivitajiet iffinanzjati bil-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 3(1) u għal attivitajiet iffinanzjati mill-Istati Parteċipanti mingħajr il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 3(1). Il-programm ta’ ħidma annwali għandu jinkludi wkoll il-valur stmat tal-kontribuzzjonijiet in natura tal-Istati Parteċipanti, imsemmija fl-Artikolu 5(2), il-punt (b).

6.   Il-programmi ta’ ħidma annwali emendati għal sena ta’ referenza u l-programmi ta’ ħidma annwali għas-snin ta’ referenza sussegwenti għandhom iqisu r-riżultati ta’ sejħiet għal proposti preċedenti. Huma għandhom jippruvaw jindirizzaw il-kopertura insuffiċjenti ta’ suġġetti xjentifiċi, b’mod partikolari dawk indirizzati inizjalment fl-attivitajiet skont il-paragrafu 1, il-punt (b) li ma setgħux jiġu ffinanzjati b’mod adegwat.

7.   L-attivitajiet finali li għandhom jiġu ffinanzjati, inkluż is-sejħiet finali għal proposti taħt il-programmi ta’ ħidma annwali rilevanti għandhom jitnedew sal-31 ta’ Diċembru 2027. F’każijiet debitament iġġustifikati, dawn jistgħu jitnedew sal-31 ta’ Diċembru 2028.

8.   L-attivitajiet li għandhom jiġu ffinanzjati mill-Istati Parteċipanti mingħajr il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 3(1) jistgħu jiġu inklużi fil-programm ta’ ħidma annwali biss wara l-eżitu pożittiv tal-evalwazzjoni indipendenti esterna tagħhom minn evalwazzjoni internazzjonali bejn il-pari fir-rigward tal-objettivi ta’ PRIMA, kif organizzata minn PRIMA-IS.

9.   L-attivitajiet inklużi fil-programm ta’ ħidma annwali li huma ffinanzjati mill-Istati Parteċipanti f’konformità mal-paragrafu 1, il-punt (b), ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu implimentati f’konformità ma’ prinċipji komuni li għandhom jiġu adottati minn PRIMA-IS, wara li tinkiseb l-approvazzjoni mill-Kummissjoni. Il-prinċipji komuni għandhom iqisu l-prinċipji stabbiliti f’din id-Deċiżjoni, fit-Titolu VIII tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 u fil-Kapitolu II tar-Regolament (UE) 2021/695. PRIMA-IS għandha tadotta wkoll, wara li tikseb approvazzjoni mill-Kummissjoni, ir-rekwiżiti ta’ rapportar tal-Istati Parteċipanti fi PRIMA-IS, inkluż fir-rigward tal-indikaturi inklużi f’kull waħda minn dawk l-attivitajiet.

10.   L-attivitajiet imsemmija fil-paragrafu 1, il-punt (b)(i), għandhom, flimkien mal-prinċipji komuni msemmija fil-paragrafu 9, jikkonformaw mal-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-proposti għandhom ikunu għal proġetti tranżnazzjonali, b’parteċipazzjoni minima ta’ mill-inqas tliet entitajiet legali indipendenti, li huma stabbiliti fi tliet pajjiżi differenti meqjusa li jkunu Stati Parteċipanti f’konformità ma’ din id-Deċiżjoni sad-data ta’ skadenza għall-preżentazzjoni skont is-sejħa għal proposti rilevanti, li minnhom:

(i)

mill-inqas waħda tkun stabbilita fi Stat Membru jew f’pajjiż terz assoċjat ma’ Orizzont 2020 jew Orizzont Ewropa, kif applikabbli, u ma taqax taħt il-punt (ii); u

(ii)

mill-inqas waħda tkun stabbilita f’pajjiż terz elenkat fl-Artikolu 1(2), jew f’pajjiż terz b’konfini mal-Baħar Mediterran;

(b)

il-proposti għandhom jintgħażlu wara sejħiet għal proposti tranżnazzjonali u għandhom jiġu evalwati bl-għajnuna ta’ mill-inqas tliet esperti indipendenti, abbażi tal-kriterji tal-għoti li ġejjin: l-eċċellenza, l-impatt u l-kwalità u l-effiċjenza tal-implimentazzjoni;

(c)

il-proposti għandhom jiġu kklassifikati skont ir-riżultati tal-evalwazzjoni msemmija fil-punt (b), l-għażla għandha ssir minn PRIMA-IS u ssegwi dik il-klassifikazzjoni, u l-Istati Parteċipanti għandhom jaqblu dwar mod ta’ finanzjament adegwat li jippermetti l-akbar numru possibbli ta’ proposti li jaqbżu l-limitu u li għandhom jiġu ffinanzjati abbażi ta’ dik il-klassifikazzjoni, b’mod partikolari billi jiġu pprovduti ammonti ta’ riżerva għall-kontribuzzjonijiet nazzjonali għas-sejħiet għal proposti.

Fir-rigward tal-klassifikazzjoni msemmija fil-punt (c), fil-każ li proġett wieħed jew aktar ma jkunux jistgħu jiġu ffinanzjati, jistgħu jintgħażlu l-proġetti li jsegwuhom direttament fil-klassifikazzjoni.

11.   PRIMA-IS għandha twettaq monitoraġġ u tirrapporta, kull sena, lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-attivitajiet kollha inklużi fil-programm ta’ ħidma annwali.

12.   Kwalunkwe komunikazzjoni jew pubblikazzjoni relatata mal-attivitajiet ta’ PRIMA, u li ssir f’kooperazzjoni ma’ PRIMA, kemm jekk titwettaq minn PRIMA-IS, minn Stat Parteċipanti jew mill-korpi ta’ finanzjament nazzjonali ta’ Stat Parteċipanti, jew parteċipanti f’attività, għandu jkollha t-tikketta jew il-kotikketta li ġejja: ‘[isem l-attività] hi parti minn PRIMA kofinanzjat mill-Unjoni Ewropea.’”;

(7)

l-Artikolu 7 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 7

Regoli għall-parteċipazzjoni u d-disseminazzjoni

1.   PRIMA-IS għandha titqies bħala korp ta’ finanzjament kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (11), tar-Regolament (UE) Nru 1290/2013 u tal-Artikolu 2, il-punt (14), tar-Regolament (UE) 2021/695, kif applikabbli, u għandha tipprovdi appoġġ finanzjarju għall-azzjonijiet indiretti msemmija fl-Artikolu 6(1), il-punt (a), ta’ din id-Deċiżjoni f’konformità mar-regoli stabbiliti fir-Regolamenti rilevanti u soġġett għad-derogi stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.   F’konformità mal-Artikolu 17(2) tar-Regolament (UE) 2021/695 u b’deroga mill-Artikolu 9(1), il-punt (b), tar-Regolament (UE) Nru 1290/2013, u mill-Artikolu 22(2) tar-Regolament (UE) 2021/695, l-għadd minimu ta’ parteċipanti għandu jkun tliet entitajiet legali stabbiliti fi tliet pajjiżi differenti meqjusa bħala Stati Parteċipanti sal-iskadenza għas-sottomissjoni skont is-sejħa għal proposti rilevanti li mill-inqas waħda minnhom tkun stabbilita:

(a)

fi Stat Membru jew f’pajjiż terz assoċjat ma’ Orizzont 2020 jew Orizzont Ewropa, kif applikabbli, li ma jaqax taħt il-punt (b) ta’ dan l-Artikolu;

(b)

f’pajjiż terz elenkat fl-Artikolu 1(2), jew f’pajjiż terz b’konfini mal-Baħar Mediterran.

3.   B’deroga mill-Artikolu 9(3) tar-Regolament (UE) Nru 1290/2013 u mill-Artikolu 22(2) tar-Regolament (UE) 2021/695, f’każijiet debitament ġustifikati previsti fil-programm ta’ ħidma annwali, il-kondizzjoni minima għandha tkun il-parteċipazzjoni ta’ entità legali waħda stabbilita fi Stat Parteċipanti sal-iskadenza għas-sottomissjoni skont is-sejħa għal proposti rilevanti.

4.   B’deroga mill-Artikolu 10(1) u (2) tar-Regolament (UE) Nru 1290/2013 u mill-Artikolu 23(1) u (2) tar-Regolament (UE) 2021/695, il-parteċipanti li ġejjin għandhom ikunu eliġibbli għall-finanzjament minn PRIMA-IS:

(a)

kwalunkwe entità legali stabbilita fi Stat Parteċipanti jew maħluqa skont il-liġi tal-Unjoni;

(b)

kwalunkwe organizzazzjoni internazzjonali ta’interess Ewropew, kif definita fl-Artikolu 2(1), il-punt (12), tar-Regolament (UE) Nru 1290/2013 għall-attivitajiet ta’ PRIMA ffinanzjati skont l-Artikolu 3(1), il-punt (a), ta’ din id-Deċiżjoni jew kwalunkwe organizzazzjoni internazzjonali Ewropea tar-riċerka, kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (15), tar-Regolament (UE) 2021/695 għall-attivitajiet ta’ PRIMA ffinanzjati skont l-Artikolu 3(1), il-punt (b), ta’ din id-Deċiżjoni.

5.   Fil-każ ta’ organizzazzjoni internazzjonali parteċipanti jew ta’ entità legali parteċipanti stabbilita f’pajjiż li ma huwiex Stat Parteċipanti, li l-ebda waħda minnhom ma tkun eliġibbli għal finanzjament skont il paragrafu 4, il-finanzjament minn PRIMA-IS jista’ jingħata sakemm waħda mill-kondizzjonijiet li ġejjin tkun issodisfata:

(a)

il-parteċipazzjoni tal-organizzazzjoni internazzjonali jew tal-entità legali kkonċernata titqies bħala essenzjali minn PRIMA-IS għall-implimentazzjoni tal-azzjoni;

(b)

il-parteċipazzjoni ta’ tali entitajiet hija prevista fil-programm ta’ ħidma annwali u l-possibbiltà ta’ tali finanzjament hija prevista taħt ftehim xjentifiku u teknoloġiku bilaterali jew taħt kwalunkwe arranġament ieħor li jiżgura l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, li jiġi konkluż bejn l-Unjoni u, l-organizzazzjoni internazzjonali jew, għal entità stabbilita f’pajjiż li ma huwiex Stat Parteċipanti, il-pajjiż li fih hija stabbilita dik l-entità legali.

6.   Mingħajr preġudizzju għar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046, il-mudell ta’ ftehim ta’ għotja applikabbli jista’ jistipula li l-entitajiet legali stabbiliti f’pajjiżi li ma humiex Stati Parteċipanti u li jirċievu finanzjament minn PRIMA-IS għandhom jipprovdu wkoll garanziji finanzjarji xierqa.

7.   L-Unjoni għandha tikkonkludi ftehimiet ma’ pajjiżi terzi li jipprevedu għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni.”

;

(8)

l-Artikolu 8 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Soġġett għal valutazzjoni ex ante pożittiva ta’ PRIMA-IS f’konformità mal-Artikolu 154(3) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 u l-għoti ta’ garanziji finanzjarji adegwati f’konformità mal-Artikolu 62(1), il-punt (c)(vi), ta’ dak ir-Regolament, il-Kummissjoni, f’isem l-Unjoni, għandha tikkonkludi ftehim Qafas ta’ Sħubija Finanzjarja u ftehimiet ta’ kontribuzzjoni ma’ PRIMA-IS.”

;

(b)

fil-paragrafu 2, il-formulazzjoni introduttorja hija sostitwita b’dan li ġej:

“2.   Il-ftehim Qafas ta’ Sħubija Finanzjarja msemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandu jiġi konkluż f’konformità mal-Artikolu 130 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046. Fost l-oħrajn, għandu jistabbilixxi wkoll dan li ġej:”

;

(9)

fl-Artikolu 9, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“3.   Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tittermina, tnaqqas proporzjonalment jew tissospendi l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni ma għandhiex tfixkel ir-rimborż tal-kostijiet eliġibbli diġà mġarrba mill-Istati Parteċipanti qabel ma d-deċiżjoni tiġi nnotifikata lil PRIMA IS.”

;

(10)

fl-Artikolu 10, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   PRIMA-IS għandha twettaq awditi ex post tan-nefqa fuq azzjoni indiretta skont ir-Regolament (UE) Nru 1291/2013 f’konformità mal-Artikolu 29 ta’ dak ir-Regolament.

1a.   PRIMA-IS għandha twettaq awditi tan-nefqa fuq azzjonijiet indiretti skont ir-Regolament (UE) 2021/695 f’konformità mal-Artikolu 53 tar-Regolament (UE) 2021/695 bħala parti mill-azzjonijiet indiretti tal-programm Orizzont Ewropa, b’mod partikolari f’konformità mal-istrateġija tal-awditjar imsemmija fl-Artikolu 53(2) ta’ dak ir-Regolament.”

;

(11)

l-Artikolu 11 huwa emendat kif ġej:

(a)

jiżdied il-paragrafu li ġej:

“3a.   L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) għandu s-setgħa, f’konformità mar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 (*4), li jinvestiga u jressaq għall-prosekuzzjoni reati kriminali li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni kif stabbilit fl-Artikolu 4 ta’ dak ir-Regolament.

(*4)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 tat-12 ta’ Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (‘l-UPPE’) (ĠU L 283, 31.10.2017, p. 1).”;"

(b)

il-paragrafi 4 u 5 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“4.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 1 sa 3a, il-kuntratti, il-ftehimiet ta’ għotja u d-deċiżjonijiet ta’ għotja, li jirriżultaw mill-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni għandu jkun fihom dispożizzjonijiet li b’mod espliċitu jagħtu s-setgħa lill-Kummissjoni, lil PRIMA-IS, lill-Qorti tal-Awdituri, lill-UPPE u lill-OLAF biex iwettqu tali awditi u investigazzjonijiet f’konformità mal-kompetenzi rispettivi tagħhom. Meta l-implimentazzjoni ta’ azzjoni tiġi esternalizzata jew sottodelegata, kollha kemm hi jew parzjalment, jew meta tkun teħtieġ l-għoti ta’ kuntratt ta’ akkwist jew appoġġ finanzjarju lil parti terza, il-kuntratt, il-ftehim ta’ għotja jew id-deċiżjoni ta’ għotja għandhom jinkludu l-obbligu tal-kuntrattur jew tal-benefiċjarju li jimponi fuq kwalunkwe parti terza involuta l-aċċettazzjoni espliċita ta’ dawk is-setgħat tal-Kummissjoni, ta’ PRIMA-IS, tal-Qorti tal-Awdituri, tal-UPPE u tal-OLAF.

4a.   PRIMA-IS għandha tagħti lill-qorti tal-awdituri nazzjonali ta’ kull Stat Parteċipanti, fuq talba tagħhom, aċċess għall-informazzjoni kollha relatata mal-kontribuzzjonijiet nazzjonali tal-Istat Parteċipanti rilevanti, inkluża l-informazzjoni f’format elettroniku, meħtieġa sabiex iwettqu l-awditi tagħhom.

5.   Fl-implimentazzjoni ta’ PRIMA, l-Istati Parteċipanti għandhom jieħdu l-miżuri leġiżlattivi, regolatorji, amministrattivi u miżuri oħra meħtieġa biex jipproteġu l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, b’mod partikolari biex jiżguraw l-irkupru sħiħ ta’ kwalunkwe ammont dovut lill-Unjoni f’konformità mar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046.”

;

(12)

jiddaħħal l-artikolu li ġej:

“Artikolu 11a

Aċċess għar-riżultati u għall-informazzjoni dwar il-proposti

1.   PRIMA-IS għandha tipprovdi lill-Kummissjoni u, fejn applikabbli, lill-awtoritajiet tal-Istati Parteċipanti b’aċċess għall-informazzjoni kollha relatata mal-azzjonijiet indiretti li tiffinanzja. Tali informazzjoni għandha tinkludi kontribuzzjonijiet u riżultati tal-benefiċjarji li jipparteċipaw f’azzjonijiet indiretti, jew kwalunkwe informazzjoni oħra meqjusa meħtieġa għall-iżvilupp, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-politiki jew il-programmi tal-Unjoni jew fejn applikabbli tal-Istati Parteċipanti. Tali drittijiet ta’ aċċess għandhom ikunu limitati għal użu mhux kummerċjali u mhux kompetittiv u għandhom jikkonformaw mar-regoli ta’ kunfidenzjalità applikabbli.

2.   Għall-fini tal-iżvilupp, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-politiki jew il-programmi tal-Unjoni, PRIMA-IS għandha tipprovdi lill-Kummissjoni bl-informazzjoni inkluża fil-proposti ppreżentati. Dak ir-rekwiżit għandu japplika mutatis mutandis għall-Istati Parteċipanti rigward proposti li jinkludu applikanti stabbiliti fit-territorji rispettivi tagħhom.”

;

(13)

fl-Artikolu 12, il-paragrafi 2 sa 5 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“2.   PRIMA-IS għandha tkun ġestita mill-Bord tal-Fiduċjarji. Kull Stat Parteċipanti għandu jkun irrappreżentat fil-Bord tal-Fiduċjarji. Il-Bord tal-Fiduċjarji għandu jkun il-korp deċiżjonali ta’ PRIMA-IS.

Il-Bord tal-Fiduċjarji għandu, wara li jikseb approvazzjoni mill-Kummissjoni, jadotta dan li ġej:

(a)

il-programm ta’ ħidma annwali ta’ PRIMA;

(b)

il-prinċipji komuni msemmija fl-Artikolu 6(9);

(c)

ir-rekwiżiti għal-Istati Parteċipanti biex jirrapportaw lil PRIMA-IS.

Il-Bord tal-Fiduċjarji għandu jivverifika li jiġu ssodisfati l-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 1(3) u fl-Artikolu 4(1), il-punt (c), u għandu jinforma lill-Kummissjoni dwar dan.

Il-Bord tal-Fiduċjarji għandu japprova l-parteċipazzjoni fi PRIMA ta’ kwalunkwe pajjiż terz mhux assoċjat ma’ Orizzont 2020 jew ma’ Orizzont Ewropa għajr dawk elenkati fl-Artikolu 1(2), wara li jeżamina r-rilevanza tal-parteċipazzjoni ta’ dak il-pajjiż terz għall-ilħuq tal-objettivi ta’ PRIMA.

Kull Stat Parteċipanti għandu jkollu vot wieħed fil-Bord tal-Fiduċjarji. Id-deċiżjonijiet għandhom jittieħdu b’kunsens. Meta ma jintlaħaqx kunsens, il-Bord tal-Fiduċjarji għandu jadotta d-deċiżjonijiet tiegħu b’maġġoranza ta’ mill-inqas 75 % tal-voti validi mitfugħa.

L-Unjoni, irrappreżentata mill-Kummissjoni, għandha tkun mistiedna għal-laqgħat kollha tal-Bord tal-Fiduċjarji bħala osservatur, u tista’ tieħu sehem fid-diskussjonijiet tagħha. Għal dak il-għan, hija għandha tirċievi d-dokumenti neċessarji kollha.

3.   Il-Bord tal-Fiduċjarji għandu jiddetermina l-għadd ta’ membri tal-Kumitat ta’ Tmexxija, li ma għandux ikun inqas minn ħamsa. Il-Bord tal-Fiduċjarji għandu japponta lill-membri tal-Kumitat ta’ Tmexxija. Il-Kumitat ta’ Tmexxija għandu jwettaq monitoraġġ tal-ħidma tad-direttur u għandu jagħti parir lill-Bord tal-Fiduċjarji dwar l-implimentazzjoni ta’ PRIMA mis-Segretarjat. B’mod partikolari, huwa għandu jipprovdi gwida dwar l-implimentazzjoni tal-baġit annwali u dwar il-programm ta’ ħidma annwali.

4.   Il-Bord tal-Fiduċjarji għandu jistabbilixxi s-Segretarjat ta’ PRIMA-IS bħala l-korp eżekuttiv ta’ PRIMA.

Is-Segretarjat għandu:

(a)

jimplimenta l-programm ta’ ħidma annwali;

(b)

jipprovdi appoġġ lill-korpi l-oħra ta’ PRIMA-IS;

(c)

iwettaq monitoraġġ u jirrapporta dwar l-implimentazzjoni ta’ PRIMA;

(d)

jiġġestixxi l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 3(1) u l-kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-Istati Parteċipanti u jirrapporta dwar l-użu tagħhom;

(e)

iżid il-viżibbiltà ta’ PRIMA permezz ta’ promozzjoni u komunikazzjoni;

(f)

jaħdem f’koordinazzjoni mal-Kummissjoni f’konformità mal-ftehim ta’ delega msemmi fl-Artikolu 8;

(g)

jiżgura t-trasparenza tal-attivitajiet ta’ PRIMA.

5.   Il-Bord tal-Fiduċjarji għandu jaħtar Kumitat Konsultattiv Xjentifiku li jikkonsisti minn esperti indipendenti magħrufa, li huma kompetenti f’oqsma rilevanti għal PRIMA. Il-Bord tal-Fiduċjarji għandu jistabbilixxi l-għadd ta’ membri tal-Kumitat Konsultattiv Xjentifiku, u l-arranġamenti għall-ħatra tagħhom f’konformità mal-Artikolu 49 tar-Regolament (UE) 2021/695.

Il-Kumitat Xjentifiku Konsultattiv għandu:

(a)

jagħti pariri lill-Bord tal-Fiduċjarji dwar prijoritajiet u ħtiġijiet strateġiċi;

(b)

jagħti pariri lill-Bord tal-Fiduċjarji dwar il-kontenut u l-ambitu tal-abbozz tal-programm ta’ ħidma annwali minn perspettiva xjentifika u teknika;

(c)

jirrieżamina l-aspetti xjentifiċi u tekniċi tal-implimentazzjoni ta’ PRIMA u jagħti opinjoni dwar ir-rapport annwali tagħha.”

;

(14)

l-Artikolu 14 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 14

Monitoraġġ u Evalwazzjoni

1.   L-attivitajiet ta’ PRIMA, inkluż l-effiċjenza u t-trasparenza tagħhom, kif ukoll ir-rati ta’ suċċess tagħhom, għandhom jiġu mmonitorjati kontinwament u għandhom ikunu soġġetti għal rieżamijiet perjodiċi biex jiġu żgurati l-ogħla impatt, eċċellenza xjentifika u l-aktar użu effettiv u effiċjenti tar-riżorsi. L-eżitu tal-monitoraġġ u tar-rieżamijiet perjodiċi għandu jikkontribwixxi għall-monitoraġġ tas-sħubijiet Ewropej bħala parti mill-evalwazzjonijiet ta’ Orizzont Ewropa skont l-Artikoli 50 u 52 tar-Regolament (UE) 2021/695.

2.   PRIMA-IS għandha torganizza l-monitoraġġ u r-rappurtar kontinwi tal-ġestjoni u l-implimentazzjoni tal-attivitajiet tagħhom u r-rieżamijiet perjodiċi tal-outputs, ir-riżultati u l-impatt tal-azzjonijiet indiretti ffinanzjati implimentati f’konformità mal-Artikolu 50 tar-Regolament (UE) 2021/695 u l-Anness III ta’ dak ir-Regolament.

3.   Il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni interim ta’ PRIMA sal-31 ta’ Diċembru 2025 u evalwazzjoni finali sal-31 ta’ Diċembru 2031 fil-qafas tal-evalwazzjonijiet ta’ Orizzont Ewropa skont l-Artikolu 52 tar-Regolament (UE) 2021/695, bl-assistenza ta’ esperti indipendenti esterni magħżula abbażi ta’ proċess miftuħ u trasparenti. Il-Kummissjoni għandha tħejji rapporti abbażi ta’ dawk l-evalwazzjonijiet, li għandhom jinkludu l-konklużjonijiet tal-evalwazzjonijiet u l-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta r-rapport tagħha dwar l-evalwazzjoni finali lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sat-30 ta’ Ġunju 2032.

4.   L-evalwazzjonijiet interim u finali msemmija fil-paragrafu 3 għandhom jeżaminaw ir-rati ta’ suċċess u r-rati ta’ parteċipazzjoni, inkluż dawk tal-Istati Parteċipanti tal-Mediterran tan-Nofsinhar, u kif PRIMA tissodisfa l-missjoni u l-objettivi tagħha, u għandha tkopri l-attivitajiet kollha tagħha u tevalwa l-valur miżjud Ewropew, l-effettività, l-effiċjenza, inkluż il-ftuħ u t-trasparenza tagħha, ir-rilevanza tal-attivitajiet segwiti, inkluż fl-industrija u mill-SMEs, mill-organizzazzjonijiet mhux governattivi u fis-soċjetà ċivili, u l-konsistenza u l-komplementarjetà tagħhom mal-politiki reġjonali, nazzjonali u tal-Unjoni rilevanti, inklużi sinerġiji ma’ partijiet oħra ta’ Orizzont Ewropa, bħal sħubijiet, missjonijiet, raggruppamenti u programmi tematiċi jew speċifiċi oħra. L-evalwazzjonijiet għandhom iqisu l-fehmiet ta’ firxa wiesa’ tal-partijiet ikkonċernati, kemm fil-livell tal-Unjoni kif ukoll f’dak nazzjonali. Dawn għandhom jinkludu, fejn rilevanti, valutazzjoni tal-aktar mod effettiv ta’ intervent ta’ politika għal kwalunkwe azzjoni futura, kif ukoll ir-rilevanza u l-koerenza ta’ kwalunkwe tiġdid possibbli ta’ PRIMA, minħabba l-prijoritajiet ta’ politika ġenerali u x-xenarju ta’ appoġġ għar-riċerka u l-innovazzjoni, inkluż il-pożizzjonament kontra inizjattivi oħra appoġġati permezz ta’ Orizzont Ewropa.

Meta twettaq dawk l-evalwazzjonijiet, il-Kummissjoni għandha tqis bis-sħiħ u tfittex li tnaqqas l-impatt amministrattiv fuq PRIMA u għandha tiżgura li l-proċess ta’ evalwazzjoni jinżamm sempliċi u kompletament trasparenti.

5.   Il-Kummissjoni għandha tippubblika u xxerred ir-riżultati u l-konklużjonijiet tal-evalwazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 3.

Artikolu 14a

Kunfidenzjalità

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 11a, PRIMA-IS għandha tiżgura l-protezzjoni ta’ informazzjoni kunfidenzjali, li d-divulgazzjoni tagħha lil hinn mill-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji jew l-aġenziji tal-Unjoni, għandha l-potenzjal li tagħmel ħsara lill-interessi ta’ PRIMA-IS, tal-membri tagħha jew tal-parteċipanti fl-attivitajiet ta’ PRIMA. Tali informazzjoni kunfidenzjali għandha tinkludi informazzjoni personali, kummerċjali, sensittiva mhux klassifikata u klassifikata.

Artikolu 14b

Kunflitti ta’ interess

1.   PRIMA-IS, il-korpi, il-membri u l-persunal tagħha għandhom jevitaw kwalunkwe kunflitt ta’ interess fit-twettiq tal-attivitajiet tagħhom.

2.   PRIMA-IS għandha tadotta regoli għall-prevenzjoni, l-evitar u l-ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess fir-rigward tal-persunal tagħha, tal-membri u ta’ persuni oħra li jservu fi kwalunkwe wieħed mill-korpi jew mill-gruppi tagħha ta’ PRIMA-IS, f’konformità mal-Artikolu 61 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046.

3.   PRIMA-IS għandha tistabbilixxi kodiċi ta’ kondotta għall-membri tal-korpi tagħha, li għandu jinkludi l-pubblikazzjoni ta’ dikjarazzjonijiet ta’ attivitajiet professjonali, interessi finanzjarji u kunflitti ta’ interess f’konformità mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data.

Artikolu 14c

Azzjonijiet, attivitajiet u impenji li għaddejjin

L-azzjonijiet jew l-attivitajiet ta’ PRIMA-IS jew l-impenji mill-Istati Parteċipanti msemmija f’din id-Deċiżjoni mibdija jew imwettqa skont ir-Regolament (UE) Nru 1291/2013, għandhom ikomplu jiġu regolati minn dak ir-Regolament ħlief fejn previst mod ieħor f’din id-Deċiżjoni.”.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum mill-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 3

Destinatarji

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ April 2024.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

R. METSOLA

Għall-Kunsill

Il-President

H. LAHBIB


(1)   ĠU C, C/2023/863, 8.12.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2023/863/oj

(2)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta’ Frar 2024 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-26 ta’ Marzu 2024.

(3)  Id-Deċiżjoni (UE) 2017/1324 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2017 dwar il-parteċipazzjoni tal-Unjoni fis-Sħubija fir-Riċerka u l-Innovazzjoni fiż-Żona tal-Mediterran (PRIMA) lipparteċipaw fiha b’mod konġunt diversi Stati Membri (ĠU L 185, 18.7.2017, p. 1).

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi Orizzont 2020 – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 104).

(5)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/764 tal-10 ta’ Mejju 2021 li tistabbilixxi l-Programm Speċifiku li jimplimenta l-Orizzont Ewropa – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, u li tħassar id-Deċiżjoni 2013/743/UE (ĠU L 167 I, 12.5.2021, p. 1).

(6)  Ir-Regolament (UE) 2021/695 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-Orizzont Ewropa — il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, li jistabbilixxi r-regoli tiegħu għall-parteċipazzjoni u d-disseminazzjoni, u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1290/2013 u (UE) Nru 1291/2013 (ĠU L 170, 12.5.2021, p. 1).

(7)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/1167/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)