|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2024/1130 |
26.4.2024 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/1130
tad-19 ta’ April 2024
li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 577/2013 dwar il-mudell tad-dokumenti ta’ identifikazzjoni għall-moviment mhux kummerċjali ta’ klieb, qtates u inmsa, l-istabbiliment ta’ listi ta’ territorji u pajjiżi terzi u l-format, it-tqassim u r-rekwiżiti lingwistiċi tad-dikjarazzjonijiet li jiċċertifikaw il-konformità ma’ ċerti kundizzjonijiet stipulati fir-Regolament (UE) Nru 576/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 576/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Ġunju 2013 dwar il-movimenti mhux kummerċjali tal-annimali domestiċi u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 998/2003 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 13(2) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament (UE) Nru 576/2013 jistabbilixxi r-rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali applikabbli għall-moviment mhux kummerċjali tal-annimali domestiċi fi Stat Membru minn Stat Membru ieħor u mill-pajjiżi terzi u l-verifiki applikabbli għal tali moviment. |
|
(2) |
L-Artikolu 10(1) tar-Regolament (UE) Nru 576/2013 jipprevedi l-kundizzjonijiet li bihom l-annimali domestiċi tal-ispeċijiet elenkati fil-Parti A tal-Anness I ta’ dak ir-Regolament, jiġifieri l-klieb, il-qtates u l-inmsa domestiċi, jistgħu jiġu mċaqilqa għal skopijiet mhux kummerċjali fi Stat Membru minn territorju jew pajjiż terz. F’konformità mal-Artikolu 10(1), il-punt (c), tali annimali domestiċi jrid ikun sarilhom test tat-titrazzjoni tal-antikorpi tar-rabja li jikkonforma mar-rekwiżiti tal-validità stabbiliti fl-Anness IV ta’ dak ir-Regolament. |
|
(3) |
B’deroga mill-Artikolu 10(1), il-punt (c), l-Artikolu 12(1) tar-Regolament (UE) Nru 576/2013 jipprevedi li t-test tat-titrazzjoni tal-antikorpi mhuwiex meħtieġ għall-klieb, għall-qtates u għall-inmsa li jkunu qed jiġu mċaqilqa fi Stat Membru minn territorju jew pajjiż terz elenkat, fost l-oħrajn, skont l-Artikolu 13(2) ta’ dak ir-Regolament. |
|
(4) |
Biex jiġi elenkat skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament (UE) Nru 576/2013, territorju jew pajjiż terz jenħtieġ li jissottometti applikazzjoni li fiha juri li għall-klieb, għall-qtates u għall-inmsa domestiċi, jissodisfa mill-inqas il-kriterji speċifiċi skont il-punti (a) sa (e) tal-Artikolu 13(2), sabiex jiġi żgurat livell suffiċjenti ta’ sikurezza fir-rigward tar-riskji għas-saħħa pubblika u tal-annimali relatati mat-tali moviment mhux kummerċjali ta’ annimali domestiċi. |
|
(5) |
Il-Part 2 tal-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 577/2013 (2) tistabbilixxi l-lista ta’ territorji u pajjiżi terz li jibbenefikaw mid-deroga prevista fl-Artikolu 13(2) tar-Regolament (UE) Nru 576/2013. |
|
(6) |
Il-verifiki mwettqa f’dawn l-aħħar snin fil-punti tad-dħul fl-Unjoni mill-awtoritajiet nazzjonali f’konformità mal-Artikolu 34 tar-Regolament (UE) Nru 576/2013 urew nuqqasijiet ta’ konformità ripetittivi rigward il-miżuri preventivi tas-saħħa kontra r-rabja fir-rigward tal-klieb, tal-qtates u tal-inmsa domestiċi li jkunu qed jiġu mċaqilqa mill-Belarussja u mir-Russja. Dawk in-nuqqasijiet ta’ konformità jinkludu n-nuqqas ta’ tilqim kontra l-marda tar-rabja u amministrazzjoni mhux xierqa tiegħu kif ukoll tilqim kontra l-marda tar-rabja ddokumentat b’mod falz, li l-validità tiegħu madankollu ġiet iċċertifikata b’mod mhux preċiż fiċ-ċertifikati tal-annimali li jakkumpanjawh. |
|
(7) |
Bħala parti mill-kriterji li għandhom jiġu ssodisfati minn kwalunkwe pajjiż terz fl-applikazzjoni tiegħu għad-dħul fil-lista prevista fl-Artikolu 13(2) tar-Regolament (UE) Nru 576/2013, il-punt (d) ta’ dak l-Artikolu jirrikjedi li r-regoli dwar il-prevenzjoni u l-kontroll tar-rabja jkunu fis-seħħ u jkunu implimentati b’mod effettiv biex jiġi mminimizzat ir-riskju ta’ infezzjoni tal-annimali domestiċi, inklużi dawk dwar it-tilqim tal-annimali domestiċi kontra r-rabja. |
|
(8) |
Barra minn hekk, is-servizzi ta’ kontroll uffiċjali jridu jiżguraw li l-klieb, il-qtates u l-inmsa domestiċi jiġu mċaqilqa b’ċertifikati tas-saħħa tal-annimali mimlija kif xieraq u maħruġa f’konformità mal-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) Nru 576/2013. Dan jimplika l-verifika u ċ-ċertifikazzjoni li t-tali annimali domestiċi jkunu rċevew tilqima kontra r-rabja li tikkonforma bis-sħiħ mad-dispożizzjonijiet tal-Anness III tar-Regolament (UE) Nru 576/2013. |
|
(9) |
Il-Belarussja u r-Russja pprovdew garanziji għal dan l-għan mal-applikazzjoni tagħhom għad-dħul fil-lista. Madankollu, in-nuqqasijiet ta’ konformità ripetittivi identifikati mill-awtoritajiet nazzjonali fil-punti tad-dħul fl-Unjoni rigward il-klieb, il-qtates u l-inmsa domestiċi li qed jiġu mċaqilqa mill-Belarussja u mir-Russja jirriflettu nuqqasijiet serji fl-infurzar tal-liġi fil-livell nazzjonali tagħhom. Dawn in-nuqqasijiet iqajmu dubji sinifikanti dwar l-applikazzjoni kontinwa u l-implimentazzjoni effettiva tar-regoli dwar il-preċiżjoni u l-kontroll tar-rabja garantiti mill-awtoritajiet kompetenti ta’ dawn il-pajjiżi terzi, u wkoll dwar l-akkuratezza taċ-ċertifikazzjoni uffiċjali fil-livell tagħhom. |
|
(10) |
Meta titqies il-prevalenza sinifikanti ta’ nuqqas tal-konformità madwar l-istatus tat-tilqim kontra r-rabja tal-annimali domestiċi u l-akkuratezza taċ-ċertifikazzjoni tiegħu, l-eżenzjoni għall-klieb, għall-qtates u għall-inmsa domestiċi li joriġinaw mill-Belarussja u mir-Russja biex isirilhom test tat-titrazzjoni tal-antikorpi tar-rabja qabel ma jidħlu fit-territorju tal-Unjoni tqajjem tħassib konsiderevoli dwar ir-riskju li tiġi introdotta r-rabja fl-Unjoni, permezz tal-moviment mhux kummerċjali ta’ tali annimali domestiċi. |
|
(11) |
Barra minn hekk, is-sitwazzjoni epidemjoloġika mhux favorevoli fil-Belarussja u fir-Russja fejn ir-rabja għadha preżenti u tiġi identifikata regolarment fil-klieb u fil-qtates kif muri mill-informazzjoni miġbura fil-livell internazzjonali mill-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali, tikkontribwixxi biex ikompli jiżdied ir-riskju li tiġi introdotta r-rabja fl-Unjoni. |
|
(12) |
Sabiex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni u jittaffa r-riskju li tiġi introdotta r-rabja permezz tal-moviment mhux kummerċjali tal-klieb, tal-qtates u tal-inmsa li jiġu mċaqilqa mill-Belarussja u mir-Russja, jixraq li jiġi introdott mill-ġdid ir-rekwiżit li t-tali annimali domestiċi jsirilhom test tat-titrazzjoni tal-antikorpi tar-rabja qabel ma jidħlu fit-territorju tal-Unjoni. |
|
(13) |
Għalhekk jeħtieġ li tiġi aġġornata l-lista ta’ territorji u pajjiżi terzi stabbilita fil-Parti 2 tal-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 577/2013 u jitneħħew l-entrati tal-Belarussja u tar-Russja minn dik il-lista. |
|
(14) |
Sabiex jiġi evitat kwalunkwe tfixkil bla bżonn tal-moviment mhux kummerċjali tal-annimali domestiċi tal-ispeċijiet elenkati fil-Parti A tal-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 576/2013 mill-Belarussja u mir-Russja u biex ikun hemm konformità mal-iskeda ta’ żmien prevista fl-Anness IV tar-Regolament (UE) Nru 576/2013 biex test tat-titrazzjoni tal-antikorpi tar-rabja jiġi rikonoxxut bħala validu, jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika mis-16 ta’ Settembru 2024. |
|
(15) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Il-Parti 2 tal-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 577/2013 hija sostitwita bit-test stabbilit fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika mis-16 ta’ Settembru 2024.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ April 2024.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 178, 28.6.2013, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/576/oj.
(2) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 577/2013 tat-28 ta’ Ġunju 2013 dwar il-mudell tad-dokumenti ta’ identifikazzjoni għall-moviment mhux kummerċjali ta’ klieb, qtates u inmsa, l-istabbiliment ta’ listi ta’ territorji u pajjiżi terzi u l-format, it-tqassim u r-rekwiżiti lingwistiċi tad-dikjarazzjonijiet li jiċċertifikaw il-konformità ma’ ċerti kundizzjonijiet stipulati fir-Regolament (UE) Nru 576/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 178, 28.6.2013, p. 109, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2013/577/oj).
ANNESS
“PARTI 2
Lista tat-territorji u tal-pajjiżi terzi msemmija fl-Artikolu 13(2) tar-Regolament (UE) Nru 576/2013
|
Kodiċi ISO |
Territorju jew pajjiż terz |
Territorji inklużi |
|
AC |
Il-Gżira ta’ Ascension |
|
|
AE |
L-Emirati Għarab Magħquda |
|
|
AG |
Antigua u Barbuda |
|
|
AR |
L-Arġentina |
|
|
AU |
L-Awstralja |
|
|
AW |
Aruba |
|
|
BA |
Il-Bożnija-Ħerzegovina |
|
|
BB |
Barbados |
|
|
BH |
Il-Bahrain |
|
|
BM |
Bermuda |
|
|
BQ |
Bonaire, Sint Eustatius u Saba (il-Gżejjer BES) |
|
|
CA |
Il-Kanada |
|
|
CL |
Iċ-Ċilì |
|
|
CW |
Curaçao |
|
|
FJ |
Fiġi |
|
|
FK |
Il-Gżejjer Falkland |
|
|
GB |
Ir-Renju Unit (*1) |
|
|
GG |
Guernsey |
|
|
HK |
Hong Kong |
|
|
IM |
Isle of Man |
|
|
JM |
Il-Ġamajka |
|
|
JP |
Il-Ġappun |
|
|
JE |
Jersey |
|
|
KN |
Saint Kitts u Nevis |
|
|
KY |
Il-Gżejjer Cayman |
|
|
LC |
Saint Lucia |
|
|
MS |
Montserrat |
|
|
MK |
Il-Maċedonja ta’ Fuq |
|
|
MU |
Mauritius |
|
|
MX |
Il-Messiku |
|
|
MY |
Il-Malażja |
|
|
NC |
New Caledonia |
|
|
NZ |
New Zealand |
|
|
PF |
Il-Polineżja Franċiża |
|
|
PM |
Saint Pierre u Miquelon |
|
|
SG |
Singapore |
|
|
SH |
Saint Helena |
|
|
SX |
Sint Maarten |
|
|
TT |
Trinidad u Tobago |
|
|
TW |
It-Tajwan |
|
|
US |
L-Istati Uniti tal-Amerka |
AS — is-Samoa Amerikana GU — Guam MP — il-Gżejjer Mariana tat-Tramuntana PR — Puerto Rico VI — il-Gżejjer Verġni tal-Istati Uniti |
|
VC |
Saint Vincent u l-Grenadini |
|
|
VG |
Il-Gżejjer Verġni Brittaniċi |
|
|
VU |
Vanuatu |
|
|
WF |
Wallis u Futuna |
|
(*1) * F’konformità mal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b’mod partikolari l-Artikolu 5(4) tal-Qafas ta’ Windsor (Ara d-Dikjarazzjoni Konġunta Nru 1/2023 tal-Unjoni u tar-Renju Unit fil-Kumitat Konġunt stabbilit mill-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, (ĠU L 102, 17.4.2023, p. 87)) flimkien mal-Anness 2 ta’ dak il-Qafas, għall-fini ta’ dan l-Anness, ir-referenzi għar-Renju Unit ma jinkludux l-Irlanda ta’ Fuq.”
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/1130/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)