|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2024/1127 |
16.4.2024 |
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/1127
tat-8 ta’ Frar 2024
li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2019/1242 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jistabbilixxi l-prinċipji ta’ gwida u l-kriterji biex jiġu ddefiniti l-proċeduri għall-verifika tal-valuri tal-emissjonijiet tas-CO2 u tal-konsum tal-fjuwil tal-vetturi tqal fis-servizz (verifika fis-servizz)
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/1242 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 li jistabbilixxi standards tal-prestazzjoni tal-emissjonijiet tas-CO2 għall-vetturi tqal ġodda u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 595/2009 u (UE) 2018/956 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kunsill 96/53/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 13(4), it-tieni subparagrafu tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament (UE) 2019/1242 jipprevedi l-verifika tal-emissjonijiet tas-CO2 u tal-konsum tal-fjuwil tal-vetturi tqal fis-servizz (“verifika fis-servizz”). |
|
(2) |
Jenħtieġ li l-manifatturi kollha tal-vetturi jkunu soġġetti għal verifika fis-servizz, għajr dawk il-manifatturi li jintroduċu fis-suq għadd limitat ta’ vetturi, sabiex jiġi evitat piż eċċessiv tal-ittestjar, filwaqt li l-prestazzjoni kumplessiva tal-emissjonijiet tas-CO2 ma tiġix affettwata b’mod sinifikanti. |
|
(3) |
Jenħtieġ li l-valuri tal-emissjonijiet tas-CO2 u tal-konsum tal-fjuwil irreġistrati fil-fajl ta’ informazzjoni tal-klijent jiġu vverifikati bl-użu tal-proċeduri tat-test stabbiliti fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/2400 (2), iżda jenħtieġ li jitwettqu wkoll testijiet addizzjonali ddedikati, sabiex tiġi vverifikata l-preżenza ta’ strateġiji li jtejbu artifiċjalment il-prestazzjoni tal-vettura fit-testijiet imwettqa jew fil-kalkoli magħmula għall-fini taċ-ċertifikazzjoni tal-emissjonijiet tas-CO2 u tal-konsum tal-fjuwil. |
|
(4) |
Sabiex titnaqqas il-possibbiltà ta’ kunflitt ta’ interess, jenħtieġ li t-testijiet ta’ verifika fis-servizz jitwettqu minn servizz tekniku li ma kienx involut fit-testijiet imwettqa għall-fini taċ-ċertifikazzjoni tal-proprjetajiet marbuta mal-emissjonijiet tas-CO2 u mal-konsum tal-fjuwil tal-komponenti, tal-unitajiet tekniċi separati u tas-sistemi tal-vetturi kkonċernati. Jenħtieġ li t-testijiet tar-reżistenza tal-arja jitwettqu fil-faċilità tas-servizz tekniku stess jew f’laboratorju akkreditat, u mhux permezz ta’ ttestjar fil-preżenza ta’ osservatur fil-faċilità ta’ xi manifattur. |
|
(5) |
Sabiex l-awtorità li tagħti l-approvazzjoni tkun tista’ tasal għal konklużjoni għall-vetturi kollha kkonċernati, abbażi tar-riżultati tat-testijiet għall-vetturi fil-kampjun, jenħtieġ li jiġi stabbilit metodu xieraq ta’ evalwazzjoni statistika. |
|
(6) |
Jenħtieġ li l-manifatturi jiżguraw li l-valuri tal-emissjonijiet tas-CO2 u tal-konsum tal-fjuwil irreġistrati fil-fajls ta’ informazzjoni tal-klijent jikkorrispondu għall-emissjonijiet tas-CO2 u għall-konsum tal-fjuwil tal-vetturi fis-servizz, li għandhom jiġu vverifikati mill-awtorità li tagħti l-approvazzjoni. Sabiex dawn l-attivitajiet ta’ verifika fis-servizz jiġu ffinanzjati kif xieraq, jenħtieġ li l-awtorità li tagħti l-approvazzjoni timponi tariffi proporzjonati fuq il-manifatturi. |
|
(7) |
Sabiex jitnaqqsu l-piż u l-kostijiet tal-ittestjar, jenħtieġ li fejn possibbli u xieraq l-istess vetturi jew testijiet jintużaw kemm għall-verifika fis-servizz tal-emissjonijiet tas-CO2 kif ukoll għall-kontrolli tal-konformità fis-servizz tal-emissjonijiet tal-inkwinanti, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni
1. Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-prinċipji ta’ gwida u l-kriterji għad-definizzjoni tal-proċeduri biex jiġi vverifikat li l-valuri tal-emissjonijiet tas-CO2 u tal-konsum tal-fjuwil irreġistrati fil-fajls ta’ informazzjoni tal-klijent jikkorrispondu għall-emissjonijiet tas-CO2 u għall-konsum tal-fjuwil tal-vetturi tqal fis-servizz. Jistabbilixxi wkoll il-proċeduri għall-verifika tal-preżenza ta’ kwalunkwe strateġija abbord jew b’rabta mal-vetturi fil-kampjun li ttejjeb artifiċjalment il-prestazzjoni tal-vettura fit-testijiet imwettqa jew fil-kalkoli magħmula biex jiġu ddeterminati l-emissjonijiet tas-CO2 u l-konsum tal-fjuwil (“verifika fis-servizz”).
2. Dan ir-Regolament ma japplikax għall-vetturi tqal b’emissjonijiet żero ddefiniti fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2019/1242.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2019/1242 u fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2017/2400.
Għandhom japplikaw ukoll id-definizzjonijiet li ġejjin:
|
(1) |
it-terminu “awtorità li tagħti l-approvazzjoni” ifisser l-awtorità tal-approvazzjoni li tat liċenzja f’konformità mal-Artikolu 6 u 7 tar-Regolament (UE) 2017/2400; |
|
(2) |
it-terminu “strateġiji artifiċjali” ifisser l-istrateġiji abbord jew b’rabta mal-vetturi fil-kampjun li jtejbu artifiċjalment il-prestazzjoni tal-vettura fit-testijiet imwettqa jew fil-kalkoli magħmula biex jiġu ddeterminati l-emissjonijiet tas-CO2 u l-konsum tal-fjuwil. |
Artikolu 3
Għażla tal-vetturi għal verifika fis-servizz
1. Kull awtorità li tagħti l-approvazzjoni għandha, għal kull perjodu ta’ rapportar, tagħżel kampjun ta’ vetturi għal dawk il-manifatturi li ngħataw liċenzja minnha biex joperaw l-għodda ta’ simulazzjoni f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 595/2009 (3) u l-miżuri ta’ implimentazzjoni tiegħu, b’mod partikolari l-Artikolu 6 u 7 tar-Regolament (UE) 2017/2400.
Għal kull perjodu ta’ rapportar u għal kull manifattur, bħala minimu, it-testijiet kollha ta’ verifika fis-servizz imsemmija fl-Artikolu 4, il-paragrafu 2 jeħtieġ jitwettqu għal għadd xieraq ta’ drabi abbażi tal-medja matul it-tliet perjodi ta’ rapportar qabel il-verifika fis-servizz tal-għadd totali ta’ vetturi ta’ manifattur partikolari ddeterminat skont l-Artikolu 9 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2400, jew l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2022/1362 (4).
2. Meta manifattur ikun responsabbli għal inqas minn 100 vettura ġdida rreġistrata fl-Unjoni fil-perjodu ta’ rapportar tas-sena sentejn qabel il-perjodu ta’ rapportar tas-sena li fiha jintgħażlu l-vetturi skont il-paragrafu 1, l-awtorità li tagħti l-approvazzjoni tista’ tiddeċiedi li ma twettaqx testijiet ta’ verifika fis-servizz għal dak il-manifattur.
Artikolu 4
Testijiet ta’ verifika fis-servizz
1. Għall-fini tat-testijiet imsemmija fil-paragrafu 2, l-awtorità li tagħti l-approvazzjoni għandha tagħżel vetturi fis-servizz li huma fi stat rappreżentattiv ta’ vettura miżmuma u użata kif suppost u li għandhom karatteristiċi koperti minn dawk irreġistrati fil-fajl ta’ informazzjoni tal-klijent jew fiċ-ċertifikat ta’ konformità.
2. L-awtorità li tagħti l-approvazzjoni għandha tivverifika li l-valuri tal-emissjonijiet tas-CO2 u tal-konsum tal-fjuwil irreġistrati fil-fajl ta’ informazzjoni tal-klijent tal-vetturi magħżula f’konformità mal-paragrafu 1 jikkorrispondu għall-emissjonijiet tas-CO2 u għall-konsum tal-fjuwil tal-vetturi fis-servizz, u tivverifika wkoll jekk ikunux preżenti strateġiji artifiċjali, permezz ta’ kwalunkwe wieħed mit-testijiet li ġejjin:
|
(a) |
għal għadd ta’ vetturi ddeterminati abbażi ta’ metodu ta’ evalwazzjoni statistika: testijiet fit-triq f’konformità mal-Proċedura tal-Ittestjar għall-Verifika (VTP) stabbilita fl-Anness Xa tar-Regolament (UE) 2017/2400, inkluż il-verifika amministrattiva tal-informazzjoni tal-input, tad-data tal-input, u tal-immaniġġjar tad-data; |
|
(b) |
għal għadd ta’ vetturi ddeterminati abbażi ta’ metodu ta’ evalwazzjoni statistika: testijiet tar-reżistenza tal-arja f’konformità mal-Anness VIII, il-punt 3 tar-Regolament (UE) 2017/2400 (test tal-veloċità kostanti bil-kejl tat-torque); |
|
(c) |
għal għadd ta’ tajers iddeterminati abbażi ta’ metodu ta’ evalwazzjoni statistika: testijiet tal-koeffiċjent tar-reżistenza għad-dawrien tat-tajers, fejn kull tajer għandu jiġi ttestjat f’laboratorju ta’ referenza kif iddefinit fl-Anness V, il-paragrafu 1 tar-Regolament (UE) 2020/740 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) u f’konformità mal-Anness X, il-paragrafu 3.2 tar-Regolament (UE) 2017/2400; |
|
(d) |
għal għadd ta’ vetturi ddeterminati abbażi ta’ metodu ta’ evalwazzjoni statistika: testijiet tal-massa, fejn il-“massa attwali kkoreġuta tal-vettura”, kif stabbilit fl-Anness III, il-punt 2(4) tar-Regolament (UE) 2017/2400, jew il-“massa kkoreġuta fi stat operazzjonali”, kif stabbilit fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/1362, għandhom jiġu vverifikati billi tintiżen il-vettura u jiġu applikati l-korrezzjonijiet, jekk ikun xieraq; |
|
(e) |
għal għadd xieraq ta’ vetturi: testijiet iddedikati li jużaw metodi ta’ ttestjar virtwali jew fiżiċi biex tiġi identifikata l-preżenza ta’ strateġiji artifiċjali. |
3. L-awtorità li tagħti l-approvazzjoni għandha tafda t-testijiet imsemmija fil-paragrafu 2 lil servizz tekniku li ma wettaqx, għall-vetturi kkonċernati, l-istess tip ta’ testijiet għall-fini taċ-ċertifikazzjoni tal-proprjetajiet marbuta mal-emissjonijiet tas-CO2 u mal-konsum tal-fjuwil tal-komponenti, tal-unitajiet tekniċi separati u tas-sistemi kif stabbilit fir-Regolament (UE) 2017/2400.
4. L-awtorità li tagħti l-approvazzjoni għandha tevalwa r-riżultati tat-testijiet indivdwali u tistabbilixxi jekk il-valuri tal-emissjonijiet tas-CO2 u tal-konsum tal-fjuwil tal-vetturi fis-servizz humiex ogħla mill-valuri tal-emissjonijiet tas-CO2 u tal-konsum tal-fjuwil irreġistrati fil-fajls ta’ informazzjoni tal-klijent, filwaqt li tqis l-evalwazzjoni statistika tat-testijiet imsemmija fil-paragrafu 2(a), (b), (c) u (d), u jekk ikunux preżenti strateġiji artifiċjali.
5. Kull manifattur għandu, fuq talba, jipprovdi lill-awtorità li tagħti l-approvazzjoni u lil kwalunkwe entità li twettaq testijiet ta’ verifika fis-servizz bl-informazzjoni, id-dokumentazzjoni u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi kollha jew bl-appoġġ kollu meħtieġ biex il-verifika fis-servizz titwettaq kif xieraq.
Artikolu 5
Dokumentazzjoni, dmir li tinforma u konklużjoni tal-awtorità li tagħti l-approvazzjoni
1. L-awtorità li tagħti l-approvazzjoni għandha tiżgura li t-testijiet imwettqa f’konformità mal-Artikolu 4 jiġu ddokumentati, u li r-rapporti tat-testijiet jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni, tal-manifattur tal-vetturi kkonċernati u, fuq talba, għad-dispożizzjoni ta’ awtoritajiet oħra tal-approvazzjoni, ta’ awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq u ta’ partijiet terzi li jikkonformaw mar-rekwiżiti tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/163 (6).
2. Fi żmien 10 xhur wara li tibda test, l-awtorità li tagħti l-approvazzjoni għandha tasal għal konklużjoni dwar jekk il-verifika fis-servizz identifikatx nuqqas ta’ korrispondenza bejn il-valuri tal-emissjonijiet tas-CO2 u tal-konsum tal-fjuwil tal-vetturi fis-servizz u l-valuri rreġistrati fil-fajls ta’ informazzjoni tal-klijent, jew dwar jekk ikunux preżenti strateġiji artifiċjali.
3. Għandha tapplika konklużjoni tal-awtorità li tagħti l-approvazzjoni, f’konformità mal-paragrafu 2, għal kull vettura kkonċernata li tkun daħlet fis-servizz għall-ewwel darba fl-Unjoni.
Artikolu 6
Finanzjament tal-verifiki fis-servizz
L-awtorità li tagħti l-approvazzjoni għandha tiżgura li jkun hemm biżżejjed riżorsi disponibbli biex ikopru l-kostijiet tal-verifika fis-servizz. Dawk il-kostijiet għandhom jiġu rkuprati minn tariffi li jistgħu jiġu imposti fuq il-manifattur mill-awtorità li tagħti l-approvazzjoni. It-tariffi għandhom ikopru l-istadji tal-verifika fis-servizz meħtieġa sabiex l-awtorità li tagħti l-approvazzjoni tasal għal konklużjoni kif imsemmi fl-Artikolu 5(2).
Artikolu 7
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Frar 2024.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 198, 25.7.2019, p. 202.
(2) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/2400 tat-12 ta’ Diċembru 2017 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 595/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tad-determinazzjoni tal-emissjonijiet tas-CO2 u tal-konsum tal-fjuwil tal-vetturi tqal u li jemenda d-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 582/2011 (ĠU L 349, 29.12.2017, p. 1).
(3) Ir-Regolament (KE) Nru 595/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2009 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur u magni rigward l-emissjonijiet minn vetturi heavy-duty (Euro VI) u dwar l-aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 715/2007 u d-Direttiva 2007/46/KE u li jħassar id-Direttivi 80/1269/KEE, 2005/55/KE u 2005/78/KE (ĠU L 188, 18.7.2009, p. 1).
(4) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1362 tal-1 ta’ Awwissu 2022 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 595/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-prestazzjoni ta’ trejlers heavy-duty fir-rigward tal-influwenza tagħhom fuq l-emissjonijiet tas-CO2, il-konsum tal-fjuwil, il-konsum tal-enerġija u l-firxa tas-sewqan b’emissjonijiet żero tal-vetturi bil-mutur u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/683 (ĠU L 205, 5.8.2022, p. 145).
(5) Ir-Regolament (UE) 2020/740 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Mejju 2020 dwar it-tikkettar tat-tajers fir-rigward tal-effiċjenza fl-użu tal-fjuwil u parametri oħra, li jemenda r-Regolament (UE) 2017/1369 u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1222/2009 (ĠU L 177, 5.6.2020, p. 1).
(6) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/163 tas-7 ta’ Frar 2022 li jistabbilixxi r-regoli dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2018/858 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżiti funzjonali għas-sorveljanza tas-suq ta’ vetturi, ta’ sistemi, ta’ komponenti u ta’ unitajiet tekniċi separati (ĠU L 27, 8.2.2022, p. 1).
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2024/1127/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)