European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/1103

19.4.2024

REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/1103

tat-18 ta’ April 2024

li jimplimenta d-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżiti tal-ekodisinn għall-ħiters tal-post lokali u l-kontrolli separati relatati u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/1188

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li tistabbilixxi qafas għall-iffissar ta’ rekwiżiti għall-ekodisinn għal prodotti relatati mal-enerġija (1) u b’mod partikolari l-Artikolu 15(1) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2009/125/KE tirrikjedi li l-Kummissjoni tistabbilixxi rekwiżiti tal-ekodisinn għal prodotti relatati mal-enerġija li jirrappreżentaw volumi sinifikanti ta’ bejgħ u ta’ kummerċ, li għandhom impatt ambjentali sinifikanti u li l-impatt ambjentali tagħhom jista’ jitnaqqas b’mod konsiderevoli mingħajr kostijiet eċċessivi.

(2)

Il-proposta għal Direttiva riveduta dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija (EED) (2) tirrikjedi li l-Istati Membri jiżviluppaw ulterjorment il-pjanijiet nazzjonali tagħhom għall-enerġija u l-klima (NECPs), imsemmija fl-Artikolu 4(2), billi jinkludu miżuri biex jitnaqqas il-konsum tal-enerġija tal-Unjoni b’mill-inqas 9 % b’mod kumplessiv sal-2030 meta mqabbel max-Xenarju ta’ Referenza tal-2020. F’dan il-kuntest, ir-regoli tal-ekodisinn u tat-tikkettar tal-enerġija għall-prodotti huma modi ewlenin biex l-Unjoni tilħaq l-objettivi tagħha b’rabta mal-enerġija u d-dekarbonizzazzjoni.

(3)

Il-Pjan ta’ Ħidma dwar l-Ekodisinn u t-Tikkettar tal-Enerġija 2022-2024 (3) jinkludi l-ħiters tal-post lokali fost il-gruppi ta’ prodotti li għalihom ir-rekwiżiti tal-ekodisinn u tat-tikkettar tal-enerġija huma mistennija li jiġu rieżaminati qabel tmiem l-2025.

(4)

Il-miżuri mill-Pjan ta’ Ħidma dwar l-Ekodisinn u t-Tikkettar tal-Enerġija 2022-2024 għandhom potenzjal stmat li jwasslu għal iffrankar annwali totali tal-enerġija finali ta’ aktar minn 170 TWh sal-2030. Dan huwa ekwivalenti għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra b’madwar 24 miljun tunnellata fis-sena sal-2030. Il-ħiters tal-post lokali għandhom il-potenzjal li jwasslu għal iffrankar ta’ 11-il TWh/sena f’elettriku sal-2030.

(5)

Il-Kummissjoni stabbiliet rekwiżiti tal-ekodisinn għall-ħiters tal-post lokali fir-Regolament (UE) 2015/1188 (4). F’konformità mal-Artikolu 7 ta’ dak ir-Regolament, il-Kummissjoni rrieżaminatu u analizzat l-aspetti tekniċi, ambjentali u ekonomiċi tal-ħiters tal-post lokali kif ukoll l-imġiba fil-ħajja reali tal-utenti finali. Ir-riżultati tar-rieżami ġew ippubblikati u ppreżentati lill-Forum Konsultattiv stabbilit bl-Artikolu 18 tad-Direttiva 2009/125/KE.

(6)

L-istudju ta’ rieżami juri li l-miżuri tal-ekodisinn fir-Regolament (UE) 2015/1188 ikkontribwew b’mod sinifikanti għat-tnaqqis tal-konsum tal-enerġija u tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra. Madankollu, mingħajr azzjoni regolatorja ulterjuri, l-iffrankar tal-enerġija se jistaġna wara l-2030. L-aspetti ambjentali tal-ħiters tal-post lokali, identifikati fl-istudju ta’ rieżami bħala sinifikanti għall-finijiet tar-Regolament (UE) 2015/1188, huma l-konsum tal-enerġija matul il-fażi tal-użu, il-ġenerazzjoni tal-iskart fi tmiem il-ħajja u l-emissjonijiet fl-arja u fl-ilma fil-fażi tal-produzzjoni (minħabba l-estrazzjoni u l-ipproċessar tal-materja prima).

(7)

Il-konsum annwali tal-enerġija mill-ħiters tal-post lokali kien jammonta għal 200 TWh/sena fl-2020, ekwivalenti għal 1,7 % tal-konsum totali tal-enerġija finali tal-Unjoni u 4 % tal-konsum finali tal-enerġija tal-unitajiet domestiċi u tas-servizzi. Il-konsum tal-enerġija previst tal-ħiters tal-post lokali f’xenarju li fih kollox jibqa’ kif inhu huwa stmat li se jonqos għal 140 TWh fis-sena fl-2030. It-tnaqqis jista’ jiġi aċċellerat jekk jiġu aġġornati r-rekwiżiti eżistenti tal-ekodisinn.

(8)

Il-Kummissjoni vvalutat l-impatt tal-għażliet ta’ politika differenti biex jitnaqqas il-konsum tal-enerġija mill-ħiters tal-post lokali mill-2025 ’il quddiem. Skont il-valutazzjoni tal-impatt, miżuri ġodda tal-ekodisinn jistgħu jnaqqsu l-konsum tal-enerġija u l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra bi 23 TWh/sena u b’1,8 Mt ekwivalenti ta’ CO2/sena rispettivament sal-2030.

(9)

B’riżultat ta’ dan, jeħtieġ li jiġi ċċarat u estiż il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2015/1188 sabiex jiġu eliminati l-ambigwitajiet u jingħalqu l-lakuni eżistenti b’rabta mal-prodotti li jipprovdu kumdità termali u li, għalhekk, jenħtieġ li jitqiesu bħala ħiters tal-post lokali. Minħabba dak l-għan, jenħtieġ li d-definizzjoni ta’ prodotti eżentati tittejjeb biex titnaqqas il-possibbiltà ta’ miżinterpretazzjoni. Barra minn hekk, jenħtieġ li d-dikjarazzjoni mill-manifattur, mill-importatur jew mir-rappreżentant awtorizzat dwar l-użu maħsub ta’ prodott eżentat u d-disinn tiegħu kif indikat fid-dokumentazzjoni teknika tkun koerenti mad-deskrizzjoni u mad-definizzjoni tat-tipi ta’ prodotti eżentati, u jenħtieġ li ma tkunx f’kontradizzjoni ma’ dikjarazzjonijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni jew ma’ kwalunkwe informazzjoni oħra pprovduta mill-manifattur, mill-importatur jew mir-rappreżentant awtorizzat li takkumpanja l-prodott inkwistjoni.

(10)

Huwa xieraq li fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament jiġu inklużi l-ħiters tal-post lokali introdotti fis-suq mingħajr kontroll tat-temperatura, inklużi l-kejbils u t-twapet tat-tisħin li jirregolaw lilhom infushom. Dan jiffranka l-enerġija u, fuq kollox, ineħħi l-lakuna legali li biha l-ħiters tal-post lokali jkunu jistgħu jiġu introdotti fis-suq mingħajr kontroll jew b’kontrolli li jinbiegħu separatament, sabiex tiġi evitata l-applikazzjoni tar-rekwiżiti tal-ekodisinn.

(11)

Sabiex jiġu koperti t-tipi rilevanti ta’ ħiters tal-post lokali introdotti fis-suq, jenħtieġ li jiġu stabbiliti rekwiżiti tal-ekodisinn għall-kategoriji li ġejjin ta’ ħiters tal-post lokali għal użu domestiku: ħiters tal-post lokali bil-kompartiment tal-kombustjoni miftuħ; ħiters tal-post lokali b’fetħa għaċ-ċumnija; ħiters tal-post lokali b’kombustjoni miftuħa b’faċċata magħluqa; ħiters tal-post lokali b’ċumnija bbilanċjata; ħiters tal-post lokali portabbli tal-elettriku; ħiters tal-post lokali tal-elettriku fissi; ħiters tal-post lokali li jżommu s-sħana fihom tal-elettriku; ħiters tal-post lokali tal-elettriku ta’ taħt l-art; ħiters tal-post lokali radjanti u li jiddu b’mod viżibbli tal-elettriku; ħiters tal-post lokali portabbli radjanti u li jiddu b’mod viżibbli tal-elettriku; ħiters tal-post lokali luminużi; ħiters tal-post lokali bit-tubi; vireg tax-xugamani u ħiters mingħajr ċumnija.

(12)

Il-ħiters tal-post lokali fissi u l-ħiters tal-post lokali radjanti u li jiddu b’mod viżibbli tal-elettriku jkopru firxa wiesgħa ta’ prodotti ta’ daqsijiet differenti u ta’ potenza termika differenti. Jenħtieġ li jiġu stabbiliti rekwiżiti tal-ekodisinn aktar stretti għall-prodotti li jipprovdu produzzjoni akbar tas-sħana u, għalhekk, li jikkonsmaw aktar enerġija, fl-istess kategorija ta’ prodotti.

(13)

Il-ħiters radjanti u li jiddu b’mod viżibbli tal-elettriku għandhom elementi tat-tisħin f’temperaturi għoljin li jistgħu jintlaħqu minn barra u, għalhekk, jistgħu jmissu aċċidentalment ma’ elementi li jaqbdu. Għal din ir-raġuni, il-ħiters tal-post lokali portabbli radjanti u li jiddu b’mod viżibbli tal-elettriku, li jistgħu jitmexxew minn post għal ieħor, jenħtieġ li jitħaddmu biss b’mod manwali u jenħtieġ li sussegwentement ma jkunux soġġetti għal livelli tal-effiċjenza enerġetika li jeħtieġu t-twaħħil ta’ kontrolli awtomatiċi li jippermettu li l-prodott jixgħel u jibqa’ attiv fin-nuqqas ta’ intervent mill-bniedem.

(14)

Sabiex jiżdiedu r-rappreżentattività u r-rilevanza tar-rekwiżiti tal-ekodisinn f’dak li għandu x’jaqsam mal-ħiters tal-post lokali għal użu kummerċjali disponibbli fis-suq, jenħtieġ li l-ħiters tal-post lokali luminużi u l-ħiters tal-post lokali bit-tubi ta’ 300 kW jew anqas ikunu soġġetti għar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament.

(15)

Il-kontrolli introdotti fis-suq b’mod separat mill-ħiters tal-post lokali jenħtieġ li jkunu soġġetti għar-rekwiżiti rilevanti tal-ekodisinn sabiex jiġi evitat li jiddgħajjef il-potenzjal tal-ekodisinn li jitnaqqas il-konsum tal-enerġija.

(16)

Il-vireg tax-xugamani ma humiex maħsuba biss biex isaħħnu jew inixxfu x-xugamani. Jistgħu wkoll isaħħnu l-post li fih jitqiegħdu u jikkontribwixxu għall-kumdità termali billi jaġixxu bħala ħiters tal-post lokali. Sabiex jinħolqu kundizzjonijiet ekwi għall-manifatturi, indipendentement minn jekk jintroduċuhomx fis-suq bħala ħiters tal-post lokali jew le, jenħtieġ li dawn il-prodotti kollha jkunu soġġetti għal rekwiżiti tal-ekodisinn biex jiffrankaw aktar enerġija.

(17)

L-użu ewlieni tal-vireg tax-xugamani jiddependi fuq il-potenza termika tal-prodott. Il-vireg tax-xugamani b’potenza termika medja sa għolja jikkontribwixxu għall-kumdità termali, u b’hekk is-sħana jew it-tnixxif tax-xugamani jkun biss użu sekondarju, filwaqt li l-vireg tax-xugamani b’potenza termika baxxa jintużaw l-aktar biex isaħħnu jew inixxfu x-xugamani, bi kwantità żgħira biss ta’ sħana li tikkontribwixxi għall-kumdità termali. Għalhekk, jenħtieġ li l-livell ta’ strettezza tar-rekwiżiti tal-ekodisinn jiġi adattat għall-użu ewlieni tal-prodott, iddeterminat mill-potenza termika tiegħu.

(18)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/807 (5) jistabbilixxi fattur tal-enerġija primarja għall-elettriku ta’ 1,9 (koeffiċjent ta’ konverżjoni) li għandu jiġi applikat meta l-iffrankar tal-enerġija jiġi kkalkolat f’termini ta’ enerġija primarja fuq il-bażi tal-konsum finali tal-enerġija. Jenħtieġ li dan il-fattur ta’ enerġija primarja jiġi applikat meta tiġi kkalkolata l-effiċjenza enerġetika staġonali tat-tisħin tal-post għall-ħiters tal-post lokali tal-elettriku.

(19)

Il-modalitajiet kollha b’potenza baxxa li bħalissa huma implimentati fil-ħiters tal-post lokali jiġġeneraw konsum addizzjonali tal-enerġija. Rekwiżiti speċifiċi tal-ekodisinn għall-modalitajiet b’potenza baxxa, inklużi l-modalità idle jew il-modalità standby man-network, jenħtieġ li jiġu stabbiliti f’dan ir-Regolament kemm għall-ħiters tal-post lokali kif ukoll għall-kontrolli separati.

(20)

Huwa xieraq li l-applikazzjoni ta’ rekwiżiti aktar stretti għall-modalitajiet tal-potenza baxxa għall-ħiters tal-post lokali u għall-kontrolli separati sseħħ fl-istess ħin mal-applikazzjoni tar-rekwiżiti għall-konsum tal-enerġija fil-modalità mitfi skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2023/826 (6).

(21)

Jenħtieġ li l-miżuri tal-ekodisinn jiġu implimentati biss fil-livell tal-Unjoni peress li japplikaw direttament għall-prodott inkwistjoni, li l-uniformità tiegħu jeħtieġ li tiġi żgurata biex tiġi evitata sitwazzjoni li fiha regoli nazzjonali differenti jxekklu s-suq intern għal dak il-prodott.

(22)

Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kummissjoni dwar Ekonomija Ċirkolari (7) u l-Pjan ta’ Ħidma dwar l-Ekodisinn u t-Tikkettar tal-Enerġija 2022-2024 jissottolinjaw l-importanza li jintuża l-qafas tal-ekodisinn biex tiġi sostnuta l-bidla lejn ekonomija aktar effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u ċirkolari. Għalhekk, jenħtieġ li dan ir-Regolament jistabbilixxi rekwiżiti xierqa relatati maċ-ċirkolarità li jiżguraw li l-prodotti jissewwew b’mod effettiv bis-saħħa tad-disponibbiltà ta’ firxa ta’ spare parts, filwaqt li jistabbilixxi żmien massimu għall-konsenja tal-ispare parts u jispeċifika liema informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni għandha tingħata lis-sewwejja professjonali u lill-utenti finali. Jenħtieġ li l-ħiters tal-post lokali jkunu ddisinjati wkoll b’tali mod li jiġi ffaċilitat l-irkupru tal-materjali u tal-komponenti.

(23)

Jenħtieġ li l-perjodu tranżitorju għall-introduzzjoni tar-rekwiżiti l-ġodda tal-ekodisinn jkun biżżejjed biex il-manifatturi jadattaw il-ħiters tal-post lokali għal dawk ir-rekwiżiti. Jenħtieġ li l-perjodu jqis kwalunkwe impatt fuq il-kostijiet għall-manifatturi, b’mod partikolari għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, filwaqt li jiġi żgurat li jintlaħqu l-objettivi ta’ dan ir-Regolament.

(24)

Il-karatteristiċi essenzjali tal-ħiters tal-post lokali f’dak li għandu x’jaqsam mal-ekodisinn jenħtieġ li jitkejlu u jiġu kkalkolati bl-użu ta’ metodi tal-kejl u tal-kalkolu li jkunu affidabbli, akkurati u riproduċibbli, inklużi, jekk ikunu disponibbli, standards armonizzati adottati mill-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni wara talba mill-Kummissjoni f’konformità mal-proċeduri stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8). Fin-nuqqas ta’ standards armonizzati, jenħtieġ li jintużaw il-metodi tranżizzjonali stabbiliti fl-Anness IV għas-sostenn tal-verifika tal-konformità tal-ħiters tal-post lokali ma’ dan ir-Regolament. Meta jiġu adottati standards armonizzati, jenħtieġ li jitħassar l-Anness IV ta’ dan ir-Regolament.

(25)

Il-kalkolu tal-effiċjenza enerġetika tal-ħiters tal-post lokali f’dak li għandu x’jaqsam mat-telf tal-potenza termika u mal-irkupru tal-potenza termika permezz tal-kontrolli, jenħtieġ li jkun rappreżentattiv tal-effett fiżiku reali li jkun qed iseħħ meta jkun qed jaħdem ħiter tal-post lokali. Għalhekk, jenħtieġ li t-telf u l-irkupru tal-potenza termika jkunu bbażati fuq fatturi li jimmultiplikaw l-enerġija finali aktar milli jitnaqqsu mill-enerġija primarja.

(26)

Sabiex tiġi żgurata l-effettività tar-Regolament u biex jiġu protetti l-konsumaturi, jenħtieġ li ma jkunx permess it-tibdil fil-prestazzjoni tal-ħiters tal-post lokali fil-kundizzjonijiet tat-test biex jittejbu l-valuri ddikjarati f’dak li għandu x’jaqsam mal-ekodisinn. Dan jinkludi, iżda ma huwiex limitat għal, ħiters tal-post lokali ddisinjati biex jindunaw li qed jiġu ttestjati billi jagħrfu l-kundizzjonijiet tat-test jew iċ-ċiklu tat-test u b’riżultat ta’ dan ibiddlu awtomatikament l-imġiba jew il-proprjetajiet tagħhom, u ħiters tal-post lokali ssettjati minn qabel biex ibiddlu l-imġiba jew il-proprjetajiet tagħhom waqt l-ittestjar. Dan jinkludi wkoll il-preskrizzjoni ta’ tibdil manwali ta’ ħiter tal-post lokali bi tħejjija għall-ittestjar li jbiddel l-imġiba jew il-karatteristiċi tiegħu għall-użu normali. Għall-istess raġunijiet, jenħtieġ li l-aġġornamenti tas-software tal-ħiters tal-post lokali ma jgħarrqux il-karatteristiċi ddikjarati.

(27)

Biex ikun żgurat li l-apparati jkunu jistgħu jissewwew b’mod effettiv, jenħtieġ li jkun hemm disponibbli firxa ta’ spare parts għas-sewwejja professjonali jew għall-utenti finali. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-prezz tal-ispare parts ikun raġonevoli u jenħtieġ li ma jiskoraġġix it-tiswija. Biex tinħoloq it-trasparenza u jiġi inċentivat l-iffissar ta’ prezzijiet raġonevoli, il-prezz indikattiv qabel it-taxxa għall-ispare parts previst skont dan ir-Regolament jenħtieġ li jkun aċċessibbli fuq sit web b’aċċess mingħajr ħlas.

(28)

F’konformità mal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2009/125/KE, jenħtieġ li dan ir-Regolament jispeċifika liema proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità japplikaw.

(29)

Sabiex jiġu ffaċilitati l-verifiki tal-konformità, fid-dokumentazzjoni teknika jenħtieġ li l-manifatturi jipprovdu l-informazzjoni msemmija fl-Annessi IV u V tad-Direttiva 2009/125/KE jekk dik l-informazzjoni jkollha x’taqsam mar-rekwiżiti f’dan ir-Regolament.

(30)

Minbarra r-rekwiżiti legalment vinkolanti f’dan ir-Regolament, jenħtieġ li jiġu ddeterminati valuri indikattivi ta’ referenza għall-aqwa teknoloġiji disponibbli sabiex ikun żgurat li l-informazzjoni dwar il-prestazzjoni ambjentali tal-ħiters tal-post lokali tul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom tkun disponibbli b’mod wiesa’ u tkun aċċessibbli faċilment.

(31)

Jenħtieġ li dan ir-Regolament jiġi rieżaminat biex jiġu vvalutati l-adegwatezza tad-dispożizzjonijiet tiegħu għall-ilħuq tal-għanijiet tiegħu, u l-effettività tad-dispożizzjonijiet fl-ilħuq ta’ dawn. Jenħtieġ li t-twaqqit tar-rieżami jkun biżżejjed biex id-dispożizzjonijiet kollha jiġu applikati u jkollhom effett fuq is-suq.

(32)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit skont l-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 2009/125/KE,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi rekwiżiti tal-ekodisinn għall-introduzzjoni fis-suq u għad-dħul fis-servizz ta’ ħiters tal-post lokali għal użu domestiku li jkollhom potenza termika nominali ta’ 50 kW jew inqas u ta’ ħiters tal-post lokali għal użu kummerċjali li jkollhom potenza termika nominali tal-prodott jew potenza termika ta’ segment wieħed tat-tubu ta’ 300 kW jew inqas. Dan ir-Regolament jistabbilixxi wkoll ir-rekwiżiti tal-ekodisinn għal kontrolli separati relatati.

2.   Dan ir-Regolament ma għandux japplika:

(a)

għall-ħiters tal-post lokali li jużaw ċiklu tal-kompressjoni tal-fwar jew ċiklu ta’ sorbiment għall-ġenerazzjoni tas-sħana u li jaħdmu bl-elettriku jew bil-fjuwil;

(b)

għall-ħiters tal-post lokali ddisinjati, ittestjati, kummerċjalizzati u ddikjarati esklużivament għall-użu fuq barra;

(c)

għall-ħiters tal-post lokali li l-potenza termika diretta tagħhom fil-potenza termika nominali hija inqas minn 6 % tal-potenza termika diretta u l-potenza termika indiretta kombinati tagħhom;

(d)

għall-prodotti għat-tisħin tal-arja;

(e)

għall-istufi tas-sawna;

(f)

għall-apparati tat-tisjir.

3.   Il-manifatturi, l-importaturi jew ir-rappreżentanti awtorizzati ma għandhomx iqisu li prodott jaqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament abbażi tal-paragrafu 2, jekk id-disinn, il-karatteristiċi tekniċi, l-użu maħsub, id-dikjarazzjonijiet tal-kummerċjalizzazzjoni jew kwalunkwe informazzjoni oħra pprovduta mill-manifattur, mill-importatur jew mir-rappreżentant awtorizzat li jakkumpanja dak il-prodott ma jiddistingwuhx biżżejjed mill-ħiters tal-post lokali koperti minn dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw dawn id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“ħiter tal-post lokali” tfisser apparat mgħammar b’ġeneratur wieħed jew aktar tas-sħana biex jikkonverti l-elettriku mill-mejns jew mill-fjuwils likwidi jew gassużi direttament f’potenza termika biex jipprovdi kumdità termali għall-bnedmin fil-post magħluq fejn ikun jinsab permezz tat-trasferiment dirett tas-sħana, possibbilment flimkien ma’ potenza termika lejn spazji oħra jew bi trasferiment tas-sħana għal fluwidu;

(2)

“ħiter tal-post lokali għal użu domestiku” tfisser ħiter tal-post lokali minbarra ħiter tal-post lokali għal użu kummerċjali;

(3)

“potenza termika nominali” (Pnom) tfisser il-potenza termika ta’ ħiter tal-post lokali, li tinkludi kemm il-potenza termika diretta kif ukoll il-potenza termika indiretta (meta din tkun applikabbli), meta dan ikun qed jitħaddem bil-potenza termika massima li tista’ tinżamm fuq perjodu estiż, kif iddikjarata mill-manifattur, mogħtija f’kW;

(4)

“ħiter tal-post lokali għal użu kummerċjali” tfisser jew ħiter tal-post lokali luminuż jew ħiter tal-post lokali bit-tubi;

(5)

“ħiter tal-post lokali luminuż” tfisser ħiter tal-post lokali tal-fjuwils gassużi jew ħiter tal-post lokali tal-fjuwils likwidi mgħammar b’berner, li għandu jiġi installat ’il fuq mil-livell tar-ras dirett lejn il-post tal-użu sabiex is-sħana li toħroġ mill-berner, li tkun fil-biċċa l-kbira tagħha radjazzjoni infraħamra, issaħħan direttament lill-persuni li jridu jissaħħnu, li tkun il-prodotti tal-kombustjoni evakwati fil-post fejn jitqiegħed il-ħiter;

(6)

“ħiter tal-post lokali bit-tubi” tfisser ħiter tal-post lokali tal-fjuwils gassużi jew tal-fjuwils likwidi mgħammar b’berner, li għandu jiġi installat ’il fuq mil-livell tar-ras ħdejn il-persuni li jridu jissaħħnu, li jsaħħan il-post primarjament permezz tar-radjazzjoni infraħamra mit-tubu/i jew mill-istrixxa/i li jissaħħnu permezz tal-passaġġ intern tal-prodotti tal-kombustjoni, li huma l-prodotti tal-kombustjoni maħruġin ’il barra permezz ta’ kanal tat-tromba taċ-ċumnija;

(7)

“segment tat-tubu” tfisser parti minn ħiter tal-post lokali bit-tubi li tinkludi l-elementi kollha meħtieġa għat-tħaddim awtonomu u li, għalhekk, tista’ tiġi ttestjata b’mod indipendenti mill-partijiet l-oħra tas-sistema tat-tisħin bit-tubi;

(8)

“potenza termika ta’ segment tat-tubu” tfisser il-potenza termika, mogħtija f’kW, ta’ segment tat-tubu li, flimkien ma’ segmenti ta’ tubi oħrajn, jifforma parti minn konfigurazzjoni ta’ sistema ta’ ħiter bit-tubi;

(9)

“sistema ta’ ħiter bit-tubi” tfisser ħiter tal-post lokali bit-tubi li jkun fih aktar minn segment wieħed tat-tubu, li fih il-prodotti tal-kombustjoni ta’ segment wieħed tat-tubu jistgħu jgħaddu għal ġos-segment tat-tubu li jkun imiss, u li fih il-prodotti tal-kombustjoni ta’ diversi segmenti tat-tubu jridu jinħarġu ’l barra permezz ta’ fann tal-egżost wieħed;

(10)

“potenza termika diretta” tfisser il-potenza termika tal-prodott li tkun ġejja mir-radjazzjoni u mill-konvezzjoni tas-sħana, li tkun ħierġa mill-prodott għal ġol-arja jew li tkun ġejja minnu stess, minbarra l-potenza termika tal-prodott għal fluwidu għat-trasferiment tas-sħana, mogħtija f’kW;

(11)

“potenza termika indiretta” tfisser il-potenza termika tal-prodott għal fluwidu għat-trasferiment tas-sħana, li tiġi mill-istess proċess ta’ ġenerazzjoni tas-sħana li jipprovdi l-potenza termika diretta tal-prodott, mogħtija f’kW;

(12)

“prodott għat-tisħin tal-arja” tfisser prodott tat-tisħin tal-arja kif iddefinit fl-Artikolu 2, il-punt (1), tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2016/2281 (9);

(13)

“stufa tas-sawna” tfisser prodott għat-tisħin tal-post, iddisinjat, ittestjat, ikkummerċjalizzat u ddikjarat esklużivament sabiex jintuża f’sawna xotta jew imxarrba, jew f’ambjenti simili;

(14)

“apparat tat-tisjir” tfisser apparat jew parti minnu li jinkorpora kavità waħda jew aktar li jużaw l-elettriku, il-gass jew it-tnejn, għall-preparazzjoni tal-ikel permezz ta’ modalità konvenzjonali jew b’modalità sfurzata b’fann;

(15)

“ħiter tal-post lokali tal-fjuwil gassuż” tfisser ħiter tal-post lokali li juża fjuwil gassuż;

(16)

“ħiter tal-post lokali tal-fjuwil likwidu” tfisser ħiter tal-post lokali li juża fjuwil likwidu;

(17)

“mudell ekwivalenti” tfisser mudell introdott fis-suq bl-istess parametri tekniċi stabbiliti fl-Anness II, it-Tabella 1, it-Tabella 2, it-Tabella 3, it-Tabella 4, it-Tabella 5 jew it-Tabella 6 bħal mudell ieħor introdott fis-suq mill-istess manifattur;

(18)

“kontroll” tfisser it-tagħmir li jipprovdi funzjoni ta’ kontroll waħda jew aktar u li jkollu interfaċċa mal-utent aħħari biex jirregola l-potenza termika ta’ ħiter tal-post lokali fl-ambitu ta’ dan ir-Regolament;

(19)

“funzjoni ta’ kontroll” tfisser kull waħda mill-funzjonijiet differenti ta’ kontroll skont it-Tabella 10 u t-Tabella 11 tal-Anness III għall-kontroll ta’ ħiter tal-post lokali;

(20)

“kontroll separat relatat” tfisser kontroll maħsub biex jintuża mal-ħiters tal-post lokali fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament iżda li jiġi introdott fis-suq separatament;

(21)

“valuri dikjarati” tfisser il-valuri pprovduti mill-manifattur, mill-importatur jew mir-rappreżentant awtorizzat għall-parametri tekniċi ddikjarati, ikkalkolati jew imkejlin f’konformità mal-Artikolu 4, għall-verifika tal-konformità mill-awtoritajiet tal-Istati Membri;

(22)

“identifikatur tal-mudell” tfisser il-kodiċi, ġeneralment alfanumeriku, li jiddistingwi mudell ta’ prodott speċifiku minn mudelli oħrajn bl-istess marka kummerċjali jew bl-istess isem ta’ manifattur, ta’ importatur jew ta’ rappreżentant awtorizzat.

Artikolu 3

Rekwiżiti tal-ekodisinn

1.   Il-ħiters tal-post lokali u l-kontrolli separati relatati msemmija fl-Artikolu 1 għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-ekodisinn stabbiliti fl-Anness II.

2.   Il-konformità mar-rekwiżiti tal-ekodisinn għandha titkejjel u tiġi kkalkolata f’konformità mal-metodi stabbiliti fl-Anness III u fl-Anness IV.

Artikolu 4

Valutazzjoni tal-konformità

1.   Il-proċedura ta’ valutazzjoni tal-konformità msemmija fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2009/125/KE għandha tkun il-kontroll tad-disinn intern stipulat fl-Anness IV ta’ dik id-Direttiva jew is-sistema tal-ġestjoni għall-valutazzjoni tal-konformità stabbilita fl-Anness V ta’ dik id-Direttiva.

2.   Għall-finijiet tal-valutazzjoni tal-konformità msemmija fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2009/125/KE, id-dokumentazzjoni teknika għandu jkun fiha l-valuri ddikjarati tal-parametri elenkati fil-punt 6 tal-Anness II ta’ dan ir-Regolament u d-dettalji u r-riżultati tal-kalkoli mwettqa f’konformità mal-Anness III ta’ dan ir-Regolament.

3.   Meta l-informazzjoni inkluża fid-dokumentazzjoni teknika għal mudell partikolari tkun inkisbet b’wieħed mill-mezzi li ġejjin, id-dokumentazzjoni teknika għandha tinkludi d-dettalji tal-kalkolu, il-valutazzjoni mwettqa mill-manifattur biex jivverifika l-akkuratezza tal-kalkolu u, meta xieraq, id-dikjarazzjoni tal-identità bejn il-mudelli ta’ manifatturi differenti:

(a)

minn mudell li jkollu l-istess karatteristiċi tekniċi rilevanti għall-informazzjoni teknika li għandha tiġi pprovduta, iżda li jkun ġie prodott minn manifattur differenti, jew

(b)

permezz ta’ kalkolu abbażi ta’ disinn jew estrapolazzjoni minn mudell ieħor tal-istess manifattur jew ta’ manifattur differenti, jew it-tnejn.

4.   Id-dokumentazzjoni teknika għandha tinkludi lista tal-mudelli ekwivalenti kollha, inkluż l-identifikatur tal-mudell.

Artikolu 5

Proċedura ta’ verifika għall-finijiet tas-sorveljanza tas-suq

L-Istati Membri għandhom japplikaw il-proċedura ta’ verifika stipulata fl-Anness V ta’ dan ir-Regolament meta jwettqu l-kontrolli ta’ sorveljanza tas-suq imsemmija fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/125/KE.

Artikolu 6

Ċirkomvenzjoni

1.   Il-manifatturi, l-importaturi jew ir-rappreżentanti awtorizzati ma għandhomx jiġu introdotti fis-suq jew idaħħlu fis-servizz ħiters tal-post lokali jew kontrolli separati relatati ddisinjati biex ibiddlu l-imġiba jew il-proprjetajiet tagħhom meta jiġu ttestjati, sabiex jinkiseb riżultat aktar favorevoli għal xi wieħed mill-valuri ddikjarati tal-parametri stabbiliti f’dan ir-Regolament.

2.   Il-manifatturi, l-importaturi jew ir-rappreżentanti awtorizzati ma għandhomx jippreskrivu struzzjonijiet għall-ittestjar, speċifikament għal meta jkunu qed jiġu ttestjati l-ħiters tal-post lokali jew il-kontrolli separati relatati, li jkollhom l-effett li jbiddlu l-imġiba jew il-karatteristiċi ta’ dawk il-ħiters jew ta’ dawk il-kontrolli separati relatati sabiex jinkiseb riżultat aktar favorevoli għal xi wieħed mill-valuri ddikjarati tal-parametri stabbiliti f’dan ir-Regolament.

3.   Il-manifatturi, l-importaturi jew ir-rappreżentanti awtorizzati ma għandhomx jintroduċu fis-suq jew idaħħlu fis-servizz ħiters tal-post lokali jew kontrolli separati relatati ddisinjati biex ibiddlu l-imġiba jew il-proprjetajiet tagħhom fi żmien qasir wara li jiddaħħlu fis-servizz u li jwasslu għal degradazzjoni ta’ xi wieħed mill-valuri ddikjarati tal-parametri stabbiliti f’dan ir-Regolament.

Artikolu 7

Aġġornamenti tas-software

1.   L-aġġornamenti tas-software jew tal-firmware ma għandhom jgħarrqu l-ebda valur iddikjarat għall-parametri ta’ ħiter tal-post lokali jew ta’ kontroll separat relatat meta jiġi mkejjel bl-użu tal-metodu ta’ ttestjar applikabbli fil-ħin meta jiġi introdott fis-suq jew jiddaħħal fis-servizz il-ħiter tal-post lokali jew il-kontroll separat relatat.

2.   Ma għandu jinbidel l-ebda valur iddikjarat għall-parametri ta’ ħiter tal-post lokali jew ta’ kontroll separat relatat bħala riżultat ta’ rifjut tal-aġġornament meta jiġi mkejjel bl-użu tal-metodu ta’ ttestjar applikabbli fil-ħin meta jiġi introdott fis-suq jew jiddaħħal fis-servizz il-ħiter tal-post lokali jew il-kontroll separat relatat.

Artikolu 8

Parametri ta’ referenza indikattivi

L-Anness VI jistabbilixxi l-valuri indikattivi ta’ referenza għall-ħiters tal-post lokali bl-aqwa prestazzjoni li jkunu disponibbli fis-suq meta jidħol fis-seħħ dan ir-Regolament.

Artikolu 9

Rieżami

Sad-9 ta’ Mejju 2029, il-Kummissjoni għandha tirrieżamina dan ir-Regolament fid-dawl tal-progress teknoloġiku u għandha tippreżenta r-riżultati ta’ dak ir-rieżami inkluż, jekk ikun xieraq, abbozz ta’ proposta għal reviżjoni, lill-Forum Konsultattiv.

Ir-rieżami għandu jivvaluta, b’mod partikolari, l-affarijiet li ġejjin:

jekk huwiex xieraq li jiġu stabbiliti rekwiżiti tal-ekodisinn aktar stretti għall-effiċjenza enerġetika u għall-emissjonijiet ta’ sustanzi niġġiesa;

jekk jenħtieġx li jinbidlu t-tolleranzi tal-verifika;

il-validità tal-fatturi ta’ korrezzjoni użati għall-valutazzjoni tal-effiċjenza enerġetika staġonali tat-tisħin tal-post tal-ħiters tal-post lokali;

jekk huwiex xieraq li tiġi introdotta ċertifikazzjoni ta’ parti terza;

jekk huwiex xieraq li fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament jiġu inklużi l-ħiters tal-post lokali li jintużaw fuq barra biss, l-istufi tas-sawna u s-software ta’ kontroll;

jekk huwiex xieraq li jiġu stabbiliti rekwiżiti addizzjonali tal-effiċjenza fir-riżorsi f’konformità mal-objettivi tal-ekonomija ċirkolari, inkluż jekk jenħtieġx li jkunu disponibbli aktar spare parts, jekk jenħtieġx li jiġu stabbiliti rekwiżiti kritiċi tal-materja prima, jekk jenħtieġx li jiġu stabbiliti rekwiżiti addizzjonali għad-disponibbiltà tal-ispare parts;

jekk il-ħajja tal-ħiters tal-post lokali naqsitx minħabba l-introduzzjoni ta’ kontrolli aktar avvanzati u l-adegwatezza tar-reviżjoni tar-rekwiżiti relatati mal-kontrolli u l-applikazzjoni tagħhom biex tiġi żgurata l-itwal ħajja possibbli;

jekk huwiex xieraq li jiġu stabbiliti rekwiżiti addizzjonali għall-aġġornabbiltà tal-kontrolli.

Artikolu 10

Tħassir

Ir-Regolament (UE) 2015/1188 jitħassar b’effett mill-1 ta’ Lulju 2025.

Artikolu 11

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Lulju 2025.

Madankollu, l-Artikolu 6 għandu japplika mid-9 ta’ Mejju 2024.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ April 2024.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 285, 31.10.2009, p. 10.

(2)  Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-effiċjenza enerġetika (riformulazzjoni) (COM(2021) 558 final tal-14.7.2021).

(3)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, Pjan ta’ Ħidma dwar l-Ekodisinn u t-Tikkettar tal-Enerġija 2022-2024 (2022/C 182/01) (C/2022/2026) (ĠU C 182, 4.5.2022, p. 1).

(4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/1188 tat-28 ta’ April 2015 li jimplimenta d-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’dak li għandu x’jaqsam mar-rekwiżiti tal-ekodisinn għall-ħiters tal-post lokali (ĠU L 193, 21.7.2015, p. 76).

(5)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/807 tal-15 ta’ Diċembru 2022 dwar ir-reviżjoni tal-fattur tal-enerġija primarja għall-elettriku fl-applikazzjoni tad-Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 101, 14.4.2023, p. 16).

(6)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2023/826 tas-17 ta’ April 2023 li jistabbilixxi r-rekwiżiti tal-ekodisinn għall-konsum tal-enerġija f’modalità mitfi, f’modalità standby u f’modalità standby man-network tat-tagħmir elettriku u elettroniku tad-dar u tal-uffiċċju skont id-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 1275/2008 u (KE) Nru 107/2009 (ĠU L 103, 18.4.2023, p. 29).

(7)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni. Pjan ta’ Azzjoni ġdid dwar l-Ekonomija Ċirkolari (COM(2020) 98 final tal-11.3.2020).

(8)  Ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar l-Istandardizzazzjoni Ewropea, li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/686/KEE u 93/15/KEE u d-Direttivi 94/9/KE, 94/25/KE, 95/16/KE, 97/23/KE, 98/34/KE, 2004/22/KE, 2007/23/KE, 2009/23/KE u 2009/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/95/KEE u d-Deċiżjoni Nru 1673/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 316, 14.11.2012, p. 12).

(9)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2016/2281 tat-30 ta’ Novembru 2016 li jimplimenta d-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi qafas għall-iffissar ta’ rekwiżiti għall-ekodisinn għal prodotti relatati mal-enerġija, f’dak li għandu x’jaqsam mar-rekwiżiti tal-ekodisinn għall-prodotti tat-tisħin tal-arja, għall-prodotti tat-tkessiħ, għaċ-ċillers ta’ proċessi ta’ temperatura għolja u għall-fannijiet konvetturi (ĠU L 346, 20.12.2016, p. 1).


ANNESS I

Definizzjonijiet għall-finijiet tal-Annessi II sa VI

Għall-finijiet tal-Annessi II sa VI, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“effiċjenza enerġetika staġonali tat-tisħin tal-post” (ηs) tfisser il-proporzjon bejn id-domanda għat-tisħin tal-post, fornuta minn ħiter tal-post lokali u l-konsum tal-enerġija annwali meħtieġ sabiex tiġi ssodisfata din id-domanda, espress bħala perċentwal;

(2)

“ħiter tal-post lokali bil-kompartiment tal-kombustjoni miftuħ” tfisser ħiter tal-post lokali tal-fjuwils gassużi jew ħiter tal-post lokali tal-fjuwils likwidi, li l-kompartiment tal-kombustjoni tiegħu jkun miftuħ għall-kamra li fiha jkun jinsab il-ħiter tal-post lokali u li jkun imqabbad ma’ tromba taċ-ċumnija biex minnu joħorġu l-prodotti tal-kombustjoni;

(3)

“ħiter tal-post lokali b’fetħa għaċ-ċumnija” tfisser ħiter tal-post lokali tal-fjuwils gassużi jew tal-fjuwils likwidi, li jkun maħsub biex jitpoġġa taħt ċumnija jew f’fireplace mingħajr siġill bejn il-prodott u ċ-ċumnija jew il-fetħa tal-fireplace, u li jippermetti lill-prodotti tal-kombustjoni jgħaddu mingħajr restrizzjoni mill-post fejn ikun hemm in-nar għal ġoċ-ċumnija jew għal ġot-tromba taċ-ċumnija;

(4)

“ħiter tal-post lokali b’kombustjoni miftuħa b’faċċata magħluqa” tfisser ħiter tal-post lokali tal-fjuwils gassużi jew ħiter tal-post lokali tal-fjuwils likwidi li l-kompartiment tal-kombustjoni tiegħu jkun separat mill-ispazju li fih ikun jinsab il-ħiter tal-post lokali permezz ta’ ħġieġa jew simili, għalkemm jieħu l-arja għall-kombustjoni minn dak l-ispazju, u li jkun imqabbad mat-tromba taċ-ċumnija biex minnu joħorġu l-prodotti tal-kombustjoni;

(5)

“ħiter tal-post lokali b’ċumnija bbilanċjata” tfisser ħiter tal-post lokali tal-fjuwils gassużi jew ħiter tal-post lokali tal-fjuwils likwidi li l-kompartiment tal-kombustjoni tiegħu jkun issiġillat mill-kamra fejn ikun jinsab il-ħiter u li jkun imqabbad ma’ pajp li jkun magħmul minn żewġ tubi konċentriċi tat-tromba taċ-ċumnija, fejn il-pajp tat-tromba taċ-ċumnija ta’ barra jipprovdi l-arja għall-kombustjoni minn barra l-bini u mill-pajp intern tat-tromba taċ-ċumnija joħorġu l-gassijiet tal-kombustjoni ’l barra mill-bini wkoll;

(6)

“ħiter tal-post lokali portabbli tal-elettriku” tfisser ħiter tal-post lokali tal-elettriku, għajr ħiter tal-post lokali portabbli radjanti li jiddi b’mod viżibbli, tal-elettriku, mgħammar b’wajer tal-elettriku u plakka mill-manifattur, iddisinjat biex jitressaq bejn il-kmamar skont il-ħtiġijiet tat-tisħin tal-utent u li ma għandux bżonn jitwaħħal f’post speċifiku;

(7)

“ħiter tal-post lokali tal-elettriku” tfisser ħiter tal-post lokali li juża l-effett Joule tal-elettriku biex jiġġenera s-sħana;

(8)

“ħiter tal-post lokali tal-elettriku radjanti li jiddi b’mod viżibbli” tfisser ħiter tal-post lokali tal-elettriku li fih l-element tat-tisħin ikun jidher minn barra l-ħiter u li, f’kundizzjonijiet normali tal-użu, ikollu temperatura ta’ mill-inqas 650 oC;

(9)

“ħiter tal-post lokali portabbli radjanti u li jiddi b’mod viżibbli tal-elettriku” tfisser ħiter tal-post lokali radjanti li jiddi b’mod viżibbli, tal-elettriku, mgħammar b’wajer tal-elettriku u bi plakka mill-manifattur, iddisinjat biex jitmexxa bejn il-kmamar skont il-ħtiġijiet tat-tisħin tal-utent u li ma għandux bżonn jitwaħħal f’post speċifiku. Il-ħiters tal-post lokali radjanti li jiddu b’mod viżibbli tal-elettriku li għandhom karatteristiċi li jistgħu jintużaw biex jitwaħħlu mas-saqaf, mal-ħajt jew mal-art jitqiesu bħala ħiters tal-post lokali radjanti li jiddu b’mod viżibbli tal-elettriku; it-twaħħil ta’ roti ma għandux ikun biżżejjed biex ħiter tal-post lokali radjanti tal-elettriku li jiddi b’mod viżibbli jitqies bħala portabbli;

(10)

“ħiter tal-post lokali tal-elettriku fiss” tfisser ħiter tal-post lokali tal-elettriku għajr ħiter tal-post lokali tal-elettriku li jżomm is-sħana fih jew ħiter tal-post lokali tal-elettriku ta’ taħt l-art iddisinjat biex jintuża waqt li jkun imwaħħal jew marbut f’post speċifiku jew immuntat mal-ħajt; apparat portabbli b’karatteristiċi li jistgħu jintużaw biex jitwaħħal ma’ ħajt jew mal-art, jew it-tnejn li huma, jitqies bħala ħiter tal-post lokali tal-elettriku fiss;

(11)

“ħiter tal-post lokali li jżomm is-sħana fih tal-elettriku” tfisser ħiter tal-post lokali li jaħdem bl-elettriku li huwa ddisinjat b’tali mod sabiex jaħżen is-sħana f’qalba iżolata akkumulanti tiegħu u li mbagħad jirrilaxxaha għal bosta sigħat wara l-fażi ta’ akkumulazzjoni;

(12)

“ħiter tal-post lokali tal-elettriku ta’ taħt l-art” tfisser ħiter tal-post lokali tal-elettriku ddisinjat biex ikun inkorporat fl-istruttura tal-bini jew fil-finitura tal-bini, inklużi kejbils u twapet tat-tisħin li jirregolaw lilhom infushom;

(13)

“virga tax-xugamani” tfisser ħiter tal-post lokali tal-elettriku fiss, li d-disinn tiegħu jippermetti li jinżammu x-xugamani biex dawn jissaħħnu;

(14)

“kontroll elettroniku tat-tagħbija tas-sħana b’feedback dwar it-temperatura ambjentali u/jew ta’ barra” tfisser apparat sensur imħaddem b’mod awtomatiku integrat fil-prodott, li jkejjel it-temperatura fil-qalba tiegħu u li jvarja l-ammont ta’ sħana akkumulata b’rabta mat-temperatura ta’ barra jew mad-domanda għas-sħana tal-kamra, jew it-tnejn li huma;

(15)

“potenza termika assistita b’fann” tfisser li l-prodott ikun mgħammar b’fann wieħed (jew iktar) integrat fih li jkun jista’ jiġi kkontrollat biex ivarja l-potenza tal-enerġija maħżuna skont id-domanda għas-sħana;

(16)

“emissjonijiet tal-ossidi tan-nitroġenu” tfisser l-emissjonijiet tal-ossidi tan-nitroġenu (NOx) fil-potenza termika nominali, espressi f’mg/kWhinput abbażi tal-GCV għall-ħiters tal-post lokali tal-fjuwils gassużi jew għall-ħiters tal-post lokali tal-fjuwils likwidi;

(17)

“valur kalorifiku gross mingħajr indewwa” (GCV) tfisser l-ammont totali ta’ sħana rrilaxxata minn kwantità unitarja ta’ fjuwil li tkun tneħħietlu l-indewwa tiegħu, meta dan jinħaraq kompletament bl-ossiġenu, u meta l-prodotti tal-kombustjoni jerġgħu jinġiebu f’temperatura ambjentali; din il-kwantità tinkludi s-sħana tal-kondensazzjoni tal-fwar tal-ilma ffurmat mill-kombustjoni ta’ kwalunkwe idroġenu li jkun hemm fil-fjuwil;

(18)

“ħiter tal-post lokali mingħajr tromba taċ-ċumnija” tfisser ħiter tal-post lokali tal-fjuwils gassużi jew ħiter tal-post lokali tal-fjuwils likwidi, għajr ħiter tal-post lokali għal użu kummerċjali, li jarmi l-prodotti tal-kombustjoni fl-ispazju fejn ikun jinsab il-prodott;

(19)

“modalità mitfi” tfisser modalità meta l-prodott ikun imqabbad mal-mejns tal-elettriku u ma jkun qed jipprovdi l-ebda funzjoni, jew ikun f’kundizzjoni li jipprovdi biss:

(a)

indikazzjoni tal-kundizzjoni tal-modalità mitfi;

(b)

funzjonalitajiet maħsuba biex jiżguraw il-kompatibbiltà elettromanjetika skont id-Direttiva 2014/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1);

(20)

“modalità standby” tfisser kundizzjoni li fiha l-prodott ikun imqabbad mal-mejns tal-elettriku u jipprovdi biss waħda jew iktar mill-funzjonijiet li ġejjin, li jistgħu jdumu għaddejjin għal żmien indefinit:

(a)

funzjoni ta’ riattivazzjoni, jew funzjoni ta’ riattivazzjoni u indikazzjoni ta’ funzjoni ta’ riattivazzjoni attivata;

(b)

funzjoni ta’ riattivazzjoni permezz ta’ konnessjoni ma’ network (“standby man-network”);

(c)

skrin ta’ informazzjoni jew tal-istatus;

(21)

“funzjoni ta’ riattivazzjoni” tfisser funzjoni li permezz ta’ swiċċ mill-bogħod, ta’ apparat​ tal-kontroll mill-bogħod, ta’ sensur intern jew ta’ timer, taqleb mill-modalità standby għal modalità oħra, inkluża l-modalità attiva, li tipprovdi funzjonijiet oħra;

(22)

“modalità attiva” tfisser kundizzjoni li fiha l-prodott ikun imqabbad mal-mejns tal-elettriku u mill-inqas waħda mill-funzjonijiet ewlenin li tipprovdi s-servizz maħsub tat-tagħmir tkun ġiet attivata;

(23)

“modalità idle” tfisser kundizzjoni li fiha l-prodott ikun imqabbad mal-mejns tal-elettriku u jkun jista’ jipprovdi s-sħana b’mod awtomatiku fil-kamra skont it-temperatura pprogrammata;

(24)

“network” tfisser infrastruttura tal-komunikazzjoni b’topoloġija ta’ konnessjonijiet, arkitettura, inklużi l-komponenti fiżiċi, il-prinċipji organizzazzjonali, il-proċeduri u l-formati tal-komunikazzjoni (protokolli);

(25)

“funzjonalità ta’ tisħin indirett” tfisser li l-prodott kapaċi jittrasferixxi parti mill-potenza termika totali għal fluwidu għat-trasferiment tas-sħana, biex din tintuża għat-tisħin tal-post jew għall-ġenerazzjoni tal-misħun għall-użu domestiku;

(26)

“potenza termika minima” (Pmin) tfisser il-potenza termika ta’ ħiter tal-post lokali, li jinkludi kemm potenza termika diretta kif ukoll potenza termika indiretta (fejn dan ikun applikabbli), meta dan ikun qed jitħaddem bis-setting tal-potenza termika l-aktar baxx, kif iddikjarat mill-manifattur, espressa f’kW;

(27)

“effiċjenza utli”, fil-potenza termika “nominali” jew fil-potenza termika “minima” (ηth,nom jew ηth,min rispettivament) tfisser il-proporzjon tal-produzzjoni tas-sħana utli u l-input totali tal-enerġija ta’ ħiter tal-post lokali, espress bħala perċentwal, fejn:

(a)

għall-ħiters tal-post lokali għal użu domestiku, l-input totali tal-enerġija huwa espress f’termini tal-NCV u/jew f’termini tal-enerġija finali mmultiplikata bil-valur ta’ CC;

(b)

għall-ħiters tal-post lokali għal użu kummerċjali, l-input totali tal-enerġija huwa espress f’termini tal-GCV u f’termini tal-enerġija finali mmultiplikata bil-valur ta’ CC;

(28)

“valur kalorifiku nett” (NCV) tfisser l-ammont totali ta’ sħana rilaxxat minn unità ta’ fjuwil bil-kontenut xieraq ta’ ndewwa, meta din tinħaraq kompletament bl-ossiġenu u meta l-prodotti tal-kombustjoni ma jiġux ritornati fit-temperatura ambjentali;

(29)

“koeffiċjent ta’ konverżjoni” (CC) tfisser il-koeffiċjent awtomatiku għall-enerġija primarja għal kull kWh ta’ elettriku msemmi fid-Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2); il-valur tal-koeffiċjent ta’ konverżjoni huwa CC = 1,9;

(30)

“kontenut ta’ ndewwa” tfisser il-massa tal-ilma fil-fjuwil meta mqabbla mal-massa totali tal-fjuwil kif użat fil-ħiter tal-post lokali;

(31)

“konsum tal-elettriku awżiljarju fil-potenza termika nominali” (elmax) tfisser il-konsum tal-enerġija elettrika tal-ħiter tal-post lokali meta dan ikun qed jipprovdi l-potenza termika nominali. Il-konsum tal-enerġija elettrika għandu jiġi stabbilit mingħajr ma jitqies il-konsum tal-enerġija taċ-ċirkolatur f’każ li l-prodott joffri l-funzjonalità ta’ tisħin indirett u jkun hemm ċirkolatur inkorporat, u għandu jiġi espress f’kW;

(32)

“konsum tal-elettriku awżiljarju fil-potenza termika minima” (elmin) tfisser il-konsum tal-enerġija elettrika tal-ħiter tal-post lokali meta dan ikun qed jipprovdi l-potenza termika minima. Il-konsum tal-enerġija elettrika għandu jiġi stabbilit mingħajr ma jitqies il-konsum tal-enerġija taċ-ċirkolatur f’każ li l-prodott joffri l-funzjonalità ta’ tisħin indirett u jkun hemm ċirkolatur inkorporat, u għandu jiġi espress f’kW;

(33)

“potenza termika bi stadju wieħed, mingħajr kontroll tat-temperatura ambjentali” tfisser li l-prodott ma huwiex kapaċi jvarja l-potenza termika tiegħu b’mod awtomatiku u ma hemm preżenti l-ebda feedback dwar it-temperatura ambjentali biex il-potenza termika tiġi adattata b’mod awtomatiku;

(34)

“żewġ stadji manwali jew iktar, mingħajr kontroll tat-temperatura ambjentali” tfisser li l-prodott kapaċi jvarja l-potenza termika tiegħu b’mod manwali b’żewġ livelli jew iktar u li l-prodott ma huwiex mgħammar b’apparat li jirregola b’mod awtomatiku l-potenza termika skont it-temperatura mixtieqa ta’ ġewwa;

(35)

“kontroll tat-temperatura ambjentali permezz ta’ termostat mekkaniku” tfisser apparat mhux elettroniku li jippermetti lill-prodott ivarja b’mod awtomatiku l-potenza termika tiegħu fuq ċertu perjodu taż-żmien, fir-rigward ta’ ċertu livell meħtieġ ta’ kumdità termika fuq ġewwa;

(36)

“kontroll elettroniku tat-temperatura ambjentali ta’ ġewwa” tfisser apparat elettroniku li jkun integrat jew estern, li jippermetti lill-prodott ivarja b’mod awtomatiku l-potenza termika tiegħu fuq ċertu perjodu taż-żmien, fir-rigward ta’ ċertu livell meħtieġ ta’ kumdità termika fuq ġewwa;

(37)

“kontroll elettroniku tat-temperatura ambjentali ta’ ġewwa u timer ta’ ġurnata” tfisser apparat elettroniku, li jkun integrat jew li jkun estern, li jippermetti lill-prodott ivarja b’mod awtomatiku l-potenza termika tiegħu fuq ċertu perjodu ta’ żmien u fir-rigward ta’ ċertu livell meħtieġ ta’ kumdità termika fuq ġewwa skont il-konfigurazzjonijiet li jkun daħħal l-utent, li jippermetti lill-utent jistabbilixxi l-ħinijiet u l-livell għal intervall tat-timer ta’ 24 siegħa;

(38)

“kontroll elettroniku tat-temperatura ambjentali ta’ ġewwa u timer tal-ġimgħat” tfisser apparat elettroniku, li jkun integrat jew li jkun estern, li jippermetti lill-prodott ivarja b’mod awtomatiku l-potenza termika tiegħu fuq ċertu perjodu ta’ żmien u fir-rigward ta’ ċertu livell meħtieġ ta’ kumdità termika fuq ġewwa skont il-konfigurazzjonijiet li jkun daħħal l-utent, li jippermetti lill-utent jistabbilixxi l-ħinijiet u l-livelli tat-temperatura għal ġimgħa sħiħa. Matul il-perjodu ta’ 7 ijiem, is-settings iridu jippermettu varjazzjoni fuq bażi ta’ kuljum;

(39)

“kontroll tat-temperatura ambjentali b’detezzjoni ta’ preżenza” tfisser apparat elettroniku, li jkun integrat jew li jkun estern, li awtomatikament inaqqas il-valur programmat għat-temperatura ambjentali meta ma jiġi rilevat ħadd fil-kamra;

(40)

“kontroll tat-temperatura ambjentali, b’detezzjoni ta’ tieqa miftuħa” tfisser apparat elettroniku, li jkun integrat jew li jkun estern, li awtomatikament jaqleb għall-modalità ta’ protezzjoni kontra l-ġlata jew jillimita l-konsum tal-enerġija tal-ħiter tal-post lokali għal-livell tal-konsum tal-enerġija tal-modalità idle meta tinfetaħ tieqa jew jinfetaħ bieb. Kull meta jintuża sensur biex jiġi nnutat li nfetħet tieqa jew li nfetaħ bieb, dan jista’ jew ikun installat mal-prodott, jew ikun jinsab fuq barra tiegħu, jew ikun imwaħħal fl-istruttura tal-bini stess, jew inkella jista’ jintuża kombinament ta’ dawn l-għażliet;

(41)

“modalità ta’ protezzjoni kontra l-ġlata” tfisser funzjoni fejn il-ħiter tal-post lokali żżomm temperatura ta’ ġewwa ta’ 7 °C±3 oC;

(42)

“għażla ta’ kontroll mill-bogħod” tfisser funzjoni li tippermetti interazzjoni mill-bogħod minn barra l-bini li fih ikun installat il-ħiter tal-post lokali bil-kontroll tal-prodott;

(43)

“kontroll tal-bidu adattiv” tfisser funzjoni li tbassar u li tagħti bidu għall-bidu ottimali tat-tisħin sabiex jintlaħaq il-livell tal-valur programmat tat-temperatura taż-żona fil-ħin mixtieq;

(44)

“valur programmat tat-temperatura taż-żona” tfisser it-temperatura mixtieqa stabbilita mill-utent;

(45)

“limitu tal-ħin operazzjonali” tfisser funzjoni li tiddiżattiva awtomatikament il-ħiter tal-post lokali wara perjodu ta’ żmien ikkonfigurat minn qabel;

(46)

“sensur b’boċċa sewda” tfisser apparat elettroniku, jew integrat jew estern, li jkejjel it-temperatura tal-arja u t-temperatura radjanti;

(47)

“awtoapprendiment” tfisser funzjoni li awtomatikament taqbad ix-xejriet tal-użu tal-utent tal-ħiter tal-post lokali, u li tkun ibbażata fuq dawk il-mudelli ta’ perjodi ta’ programmi awtomatiċi ta’ temperaturi għoljin u baxxi;

(48)

“akkuratezza tal-kontroll” (CA) tfisser il-grad ta’ abilità tal-kontroll ta’ ħiter tal-post lokali li jirreaġixxi għall-bidliet fit-temperatura taż-żona sabiex it-temperatura taż-żona tinżamm kemm jista’ jkun qrib il-valur programmat tat-temperatura taż-żona;

(49)

“temperatura taż-żona” tfisser it-temperatura attwali tal-post magħluq li jrid jissaħħan;

(50)

“rekwiżit tal-potenza tal-fjamma pilota permanenti” (Ppilot) tfisser il-konsum tal-fjuwil gassuż jew likwidu tal-ħiter tal-post lokali għall-provvista ta’ fjamma li sservi bħala sors ta’ tqabbid għall-proċess iktar qawwi tal-kombustjoni meħtieġ għall-potenza termika nominali jew b’tagħbija parzjali, meta din jinxtegħel għal iktar minn 5 minuti qabel ma jinxtegħel il-berner prinċipali, espress f’kW;

(51)

“potenza termika massima kontinwa” (Pmax,c) tfisser il-potenza termika ta’ ħiter tal-post lokali tal-elettriku meta dan ikun qed jitħaddem bil-konfigurazzjoni għall-potenza termika massima li tista’ tinżamm b’mod kontinwu fuq perjodu estiż, kif iddikjarat mill-manifattur, espressa f’kW;

(52)

“potenza termika tas-sistema tat-tubi” tfisser il-potenza termika tas-segment tat-tubu kkombinat tal-konfigurazzjoni kif introdotta fis-suq, espressa f’kW;

(53)

“fattur radjanti”, jew fil-“potenza termika nominali” jew fil-“potenza termika minima” (RFnom jew RFmin rispettivament) tfisser il-proporzjon tal-potenza termika infraħamra tal-ħiter tal-post lokali meta mqabbel mal-input totali tal-enerġija, espress bħala perċentwal;

(54)

“iżolament tal-involukru” tfisser il-livell ta’ iżolament termali tal-involukru jew tal-għata tal-prodott kif applikati biex jiġi minimizzat it-telf tas-sħana f’każ li l-prodott ikun jista’ jitqiegħed barra;

(55)

“fattur ta’ telf mill-involukru” tfisser it-telf tas-sħana minn dik il-parti tal-prodott li tkun installata fuq barra tal-ispazju magħluq li jrid jissaħħan u li huwa ddeterminat mit-trażmittanza tal-involukru rilevanti ta’ dik il-parti, espress bħala perċentwal;

(56)

“stadju wieħed” tfisser li l-prodott ma huwiex kapaċi jvarja b’mod awtomatiku l-potenza termika tiegħu;

(57)

“żewġ stadji” tfisser li l-prodott huwa kapaċi jirregola b’mod awtomatiku l-potenza termika tiegħu f’żewġ livelli distinti, skont it-temperatura attwali tal-arja ta’ ġewwa u t-temperatura mixtieqa tal-arja ta’ ġewwa, ikkontrollata permezz ta’ apparati sensuri tat-temperatura u interfaċċa li mhux bilfors tkun integrali għall-prodott innifsu;

(58)

“modulanti” tfisser li l-prodott huwa kapaċi jirregola b’mod awtomatiku l-potenza termika tiegħu fi tliet livelli distinti jew iktar, fir-rigward tat-temperatura attwali tal-arja ta’ ġewwa u t-temperatura mixtieqa tal-arja ta’ ġewwa, ikkontrollata permezz ta’ apparati sensuri tat-temperatura u interfaċċa li mhux bilfors tkun integrata fil-prodott innifsu;

(59)

“devjazzjoni mill-kontroll sal-valur programmat” (CSD) tfisser id-differenza bejn it-temperatura medja taż-żona mkejla fuq perjodu ta’ żmien u l-valur programmat tat-temperatura taż-żona;

(60)

“spare part” tfisser parti separata li tista’ tissostitwixxi parti bl-istess funzjoni jew b’funzjoni simili fi prodott;

(61)

“tekniku professjonali tat-tiswija” tfisser operatur jew impriża li tipprovdi servizzi ta’ tiswija u manutenzjoni professjonali tal-ħiters tal-post lokali;

(62)

“garanzija” tfisser kwalunkwe impenn mill-aġent jew minn manifattur għall-konsumatur biex jirrimborsa l-prezz imħallas, jew biex jissostitwixxi, isewwi jew jimmaniġġa l-ħiter tal-post lokali bi kwalunkwe mod jekk il-ħiter ma jkunx jissodisfa l-ispeċifikazzjonijiet stabbiliti fid-dikjarazzjoni tal-garanzija jew fir-riklamar rilevanti.


(1)  Id-Direttiva 2014/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mal-kompatibbiltà elettromanjetika (ĠU L 96, 29.3.2014, p. 79).

(2)  Id-Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar l-effiċjenza fl-enerġija, li temenda d-Direttivi 2009/125/KE u 2010/30/UE u li tħassar id-Direttivi 2004/8/KE u 2006/32/KE (ĠU L 315, 14.11.2012, p. 1).


ANNESS II

Rekwiżiti tal-ekodisinn imsemmija fl-Artikolu 3

1.   Rekwiżiti għall-effiċjenza enerġetika tat-tisħin tal-post staġonali

(1)

Il-ħiters tal-post lokali għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

l-effiċjenza enerġetika staġonali tat-tisħin tal-post tal-ħiters tal-post lokali bil-kompartiment tal-kombustjoni miftuħ u miftuħ għal ħiters tal-post lokali b’ċumnija ma għandhiex tkun inqas minn 40,3 %;

(b)

l-effiċjenza enerġetika staġonali tat-tisħin tal-post tal-ħiters tal-post lokali b’kombustjoni miftuħa bil-faċċata magħluqa, ma għandhiex tkun inqas minn 63,6 %;

(c)

l-effiċjenza enerġetika staġonali tat-tisħin tal-post ta’ ħiters tal-post lokali bbilanċjati bit-tromba taċ-ċumnija bbilanċjati ma għandhiex tkun inqas minn 63,6 %;

(d)

l-effiċjenza enerġetika staġonali tat-tisħin tal-post tal-ħiters tal-post lokali portabbli, tal-elettriku, ma għandhiex tkun inqas minn 44,7 %;

(e)

l-effiċjenza enerġetika staġonali tat-tisħin tal-post ta’ ħiters ta’ post lokali fissi tal-elettriku b’potenza termika nominali ta’ iktar minn 250 W, għajr il-vireg tax-xugamani, ma għandhiex tkun inqas minn 47,5 %;

(f)

l-effiċjenza enerġetika staġonali tat-tisħin tal-post ta’ ħiters ta’ post lokali fissi tal-elettriku b’potenza termika nominali ugwali għal jew inqas minn 250 W, għajr il-vireg tax-xugamani, ma għandhiex tkun inqas minn 43,1 %;

(g)

l-effiċjenza enerġetika staġonali tat-tisħin tal-post tal-ħiters tal-post lokali li jżommu s-sħana fihom, tal-elettriku, ma għandhiex tkun inqas minn 47,3 %;

(h)

l-effiċjenza enerġetika staġonali tat-tisħin tal-post tal-ħiters tal-post lokali tal-elettriku ta’ taħt l-art, tal-elettriku, ma għandhiex tkun inqas minn 47,5 %;

(i)

l-effiċjenza enerġetika tat-tisħin ta’ post staġonali ta’ ħiters tal-post lokali tal-elettriku radjanti li jiddu b’mod viżibbli li jkollhom potenza termika nominali ta’ iktar minn 1,2 kW, ħlief għall-ħiters tal-post lokali portabbli li jaħdmu bl-elettriku u li jiddu b’mod viżibbli, ma għandhiex tkun inqas minn 46,8 %;

(j)

l-effiċjenza enerġetika tat-tisħin ta’ post staġonali ta’ ħiters tal-post lokali tal-elettriku radjanti li jiddu b’mod viżibbli li jkollhom potenza termika nominali ugwali għal jew inqas minn 1,2 kW, ħlief għall-ħiters tal-post lokali portabbli radjanti li jiddu b’mod viżibbli, tal-elettriku, ma għandhiex tkun inqas minn 40,5 %;

(k)

l-effiċjenza enerġetika staġonali tat-tisħin tal-post tal-ħiters tal-post lokali portabbli, tal-elettriku, radjanti li jiddu b’mod viżibbli ma għandhiex tkun inqas minn 39,5 %;

(l)

l-effiċjenza enerġetika staġonali tat-tisħin tal-post tal-ħiters tal-post lokali luminużi ma għandhiex tkun inqas minn 90,0 %;

(m)

l-effiċjenza enerġetika staġonali tat-tisħin tal-post tal-ħiters tal-post lokali bit-tubi ma għandhiex tkun inqas minn 80,0 %.

(n)

l-effiċjenza enerġetika staġonali tat-tisħin tal-post ta’ vireg tax-xugamani b’potenza termika nominali ta’ iktar minn 250 W ma għandhiex tkun inqas minn 46,0 %;

(o)

l-effiċjenza enerġetika tat-tisħin tal-post staġonali ta’ vireg tax-xugamani b’potenza termika nominali ta’ iktar minn 60 W u ugwali għal jew inqas minn 250 W ma għandhiex tkun inqas minn 42,1 %.

(2)

Il-ħiters tal-post lokali tal-elettriku li jżommu s-sħana fihom għandhom ikunu mgħammra b’kontroll elettroniku taċ-ċarġ tas-sħana b’feedback dwar it-temperatura tal-kamra u/jew ta’ barra u potenza termika assistita b’fann.

(3)

Il-vireg tax-xugamani b’potenza termika nominali ugwali għal jew inqas minn 60 W għandhom ikunu jistgħu jitħaddmu biss permezz ta’ limitazzjoni tal-ħin ta’ tħaddim b’perjodu massimu ta’ żmien stabbilit minn qabel mhux itwal minn 6 sigħat.

(4)

Il-ħiters tal-post lokali tal-elettriku introdotti fis-suq mingħajr kontroll ma għandhomx ikunu jistgħu jipprovdu potenza termika mingħajr kontroll.

2.   Rekwiżiti għall-emissjonijiet

L-emissjonijiet tal-ossidi tan-nitroġenu (NOx) mill-ħiters tal-post lokali li jaħdmu bi fjuwil gassuż jew bi fjuwils likwidi ma għandhomx jaqbżu l-valuri li ġejjin abbażi tal-GCV:

(1)

l-emissjonijiet tal-NOx minn ħiters tal-post lokali bil-kompartiment tal-kombustjoni miftuħ, minn ħiters tal-post lokali b’ċumnija, minn ħiters tal-post lokali b’kombustjoni miftuħa b’faċċata magħluqa, minn ħiters tal-post lokali bit-tromba taċ-ċumnija bbilanċjata u minn ħiters tal-post lokali mingħajr tromba taċ-ċumnija ma għandhomx jaqbżu l-120 mg/kWhinput;

(2)

emissjonijiet tal-NOx li jkunu ġejjin mill-ħiters tal-post lokali luminużi u mill-ħiters tal-post lokali bit-tubi ma għandhomx jaqbżu l-180 mg/kWhinput.

3.   Rekwiżiti għal modalitajiet b’potenza baxxa

Il-ħiters tal-post lokali li jkollhom kontrolli, u kontrolli separati relatati għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti li ġejjin:

(1)

għandu jkollhom modalità mitfi jew modalità standby, jew it-tnejn. Il-konsum tal-enerġija fil-modalità mitfi (Po ) ma għandux jaqbeż iż–0,50 W u l-konsum tal-enerġija fil-modalità standby (Psm ) ma għandux jaqbeż iż–0,50 W; mid-9 ta’ Mejju 2027, il-konsum tal-enerġija fil-modalità mitfi ma għandux jaqbeż iż–0,30 W;

(2)

jekk il-modalità standby tinkludi l-wiri tal-informazzjoni jew tal-istatus, il-konsum tal-enerġija ta’ din il-modalità ma għandux ikun aktar minn 1,00 W;

(3)

jekk il-modalità standby tipprevedi konnessjoni ma’ network u tipprovdi standby man-network, kif definit fl-Artikolu 2(10) tar-Regolament (UE) 2023/826, il-konsum tal-enerġija ta’ din il-modalità (Pnsm ) ma għandux ikun aktar minn 2,00 W; jekk il-komunikazzjoni bejn il-ġeneratur tas-sħana u l-kontroll tkun mingħajr fili jew permezz ta’ trasportatur tal-wajer tal-kurrent, il-konsum tal-enerġija ta’ din il-modalità ma għandux jaqbeż it–3,00 W;

(4)

jekk jipprovdu għal modalità idle, il-konsum tal-enerġija tal-modalità idle (Pidle ) ma għandux jaqbeż 1,00 W bħala medja fuq siegħa, ħlief jekk il-modalità idle tkun tiddependi fuq l-input minn konnessjoni man-network biex tiġi pprovduta s-sħana awtomatikament lill-kamra, f’liema każ il-konsum tal-enerġija ma għandux jaqbeż medja ta’ 3,00 W bħala medja tul siegħa.

4.   Rekwiżiti ta’ informazzjoni dwar il-prodott

(1)

Il-manwali tal-istruzzjonijiet għall-installaturi u għall-utenti, u l-websajts b’aċċess mingħajr ħlas tal-manifatturi, tar-rappreżentanti awtorizzati tagħhom u tal-importaturi, għandhom jinkludu l-elementi li ġejjin:

(a)

għall-ħiters tal-post lokali tal-fjuwils gassużi jew għall-ħiters tal-post lokali tal-fjuwils likwidi, inklużi l-ħiters tal-post lokali mingħajr tromba taċ-ċumnija u esklużi l-ħiters tal-post lokali għal użu kummerċjali, l-informazzjoni mogħtija fit-Tabella 1 jew, fil-każ tal-ħiters tal-post lokali introdotti fis-suq mingħajr kontroll, fit-Tabella 2 ta’ dan l-Anness, bil-parametri tekniċi mkejla u kkalkolati f’konformità mal-Anness III u li turi ċ-ċifri sinifikanti indikati f’dawk it-tabelli;

(b)

għall-ħiters tal-post lokali tal-elettriku, l-informazzjoni stabbilita fit-Tabella 3 jew, fil-każ tal-ħiters tal-post lokali introdotti fis-suq mingħajr kontroll, fit-Tabella 4 ta’ dan l-Anness, bil-parametri tekniċi tagħhom imkejlin u kkalkulati f’konformità mal-Anness III u li turi ċ-ċifri sinifikanti indikati f’dawk it-tabelli;

(c)

għall-ħiters tal-post lokali għal użu domestiku introdotti fis-suq mingħajr kontroll, it-Tabella 7 kif murija f’dan l-Anness u mingħajr ebda modifika;

(d)

għall-ħiters tal-post lokali għal użu kummerċjali, l-informazzjoni mogħtija fit-Tabella 5 ta’ dan l-Anness, bil-parametri tekniċi mkejlin u kkalkulati f’konformità mal-Anness III u li turi ċ-ċifri sinifikanti indikati f’dik it-Tabella;

(e)

kull prekawzjoni speċifika li għandha tittieħed meta jiġi mmuntat jew meta jiġi installat il-ħiter tal-post lokali jew meta ssirlu xi manutenzjoni;

(f)

informazzjoni li hija rilevanti għaż-żarmar, ir-riċiklaġġ u/jew ir-rimi tal-prodotti fi tmiem iċ-ċiklu ta’ ħajja tagħhom;

(g)

għall-ħiters tal-post lokali introdotti fis-suq mingħajr kontroll, l-informazzjoni mogħtija fit-Tabella 2 u fit-Tabella 4 għandha titfassal għal mill-inqas kombinament wieħed ta’ ħiter tal-post lokali u funzjonijiet ta’ kontroll li jagħmlu l-prodott konformi ma’ dan ir-Regolament;

(h)

għal kontrolli separati relatati, it-Tabella 7 kif murija f’dan l-Anness u mingħajr kwalunkwe modifika, u l-informazzjoni fit-Tabella 6.

(2)

Il-manwal tal-istruzzjonijiet għall-installaturi u għall-utenti, is-siti web b’aċċess mingħajr ħlas tal-manifatturi, tar-rappreżentanti awtorizzati tagħhom u tal-importaturi, u l-imballaġġ tal-prodott għandhom jinkorporaw l-informazzjoni dwar il-prodott li ġejja b’tali mod li jiżguraw viżibbiltà u leġibbiltà ċari u b’lingwa li tinftiehem faċilment mill-utenti tal-Istat Membru fejn il-prodott jiġi kkummerċjalizzat:

(a)

għall-ħiters tal-post lokali introdotti fis-suq mingħajr kontroll:

“Dan il-prodott huwa [daħħal il-kategorija tal-prodott f’konformità mal-punt 1(1) ta’ dan l-Anness] u, sabiex ikun konformi mar-rekwiżiti obbligatorji tal-ekodisinn stabbiliti fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2024/1103, jeħtieġ li jiġi kkomplementat b’kontroll li jipprovdi mill-inqas il-funzjonijiet ta’ kontroll li ġejjin:

 

[lista tal-kodiċijiet tal-funzjoni ta’ kontroll f’konformità mal-format skont it-Tabella 7. Meta jiġu pprovduti diversi kombinamenti ta’ funzjonijiet ta’ kontroll, kull kombinament għandu jitqiegħed f’ringiela differenti. Il-format tal-kodiċi huwa TC (f1/f2/f3/f4/f5/f6/f7/f8), fejn TC huwa l-kodiċi għall-funzjoni F(2) u f1 sa f8 huma l-kodiċijiet tal-funzjoni F(3) rispettiva jekk din il-funzjoni tkun preżenti, jew inkella “0”]”;

(b)

għall-ħiters tal-post lokali bla tromba taċ-ċumnija u għall-ħiters tal-post lokali b’fetħa għaċ-ċumnija biss:

“Dan il-prodott ma huwiex adattat għal għanijiet ta’ tisħin primarji”;

(i)

għall-manwal tal-istruzzjonijiet għall-utenti, din is-sentenza għandha tkun fuq il-qoxra ta’ quddiem tal-manwal;

(ii)

għas-siti web tal-manifatturi li jkunu aċċessibbli mingħajr ħlas, din is-sentenza għandha tintwera flimkien mal-karatteristiċi l-oħrajn tal-prodott;

(iii)

għall-imballaġġ tal-prodott, is-sentenza għandha titqiegħed f’post prominenti fuq l-imballaġġ;

(c)

għall-ħiters tal-post lokali tal-elettriku portabbli u għall-ħiters tal-post lokali tal-elettriku portabbli radjanti li jiddu b’mod viżibbli:

“Dan il-prodott huwa adattat biss għal spazji iżolati sew jew għal użu okkażjonali.”;

(i)

għall-manwal tal-istruzzjonijiet għall-utenti, din is-sentenza għandha tkun fuq il-qoxra ta’ quddiem tal-manwal;

(ii)

għas-siti web tal-manifatturi li jkunu aċċessibbli mingħajr ħlas, din is-sentenza għandha tintwera flimkien mal-karatteristiċi l-oħrajn tal-prodott;

(iii)

għall-imballaġġ tal-prodott, is-sentenza għandha titqiegħed f’post prominenti fuq l-imballaġġ.

(3)

Għal kontrolli separati relatati, il-manwali tal-istruzzjonijiet għall-installaturi u għall-utenti, is-siti web b’aċċess mingħajr ħlas tal-manifatturi, tar-rappreżentanti awtorizzati tagħhom u tal-importaturi, u l-imballaġġ tal-prodott għandhom jinkorporaw l-informazzjoni dwar il-prodott li ġejja b’tali mod li jiżguraw viżibbiltà u leġibbiltà ċari u b’lingwa li tinftiehem faċilment mill-utenti tal-Istat Membru fejn il-prodott jiġi kkummerċjalizzat:

“Dan il-kontroll għandu l-funzjonijiet ta’ kontroll li ġejjin”:

[lista tal-kodiċijiet tal-funzjoni ta’ kontroll f’konformità mal-format skont it-Tabella 7. Il-format tal-kodiċi huwa TC (f1/f2/f3/f4/f5/f6/f7/f8), fejn TC huwa l-kodiċi għall-funzjoni F(2) u f1 sa f8 huma l-kodiċijiet tal-funzjoni F(3) rispettiva jekk din il-funzjoni tkun preżenti, jew inkella “0”].

(4)

Il-manwali tal-istruzzjonijiet għall-installaturi u għall-utenti, is-siti web aċċessibbli mingħajr ħlas tal-manifatturi, tar-rappreżentanti awtorizzati tagħhom u tal-importaturi, u l-imballaġġ tal-prodott jista’ jkun fihom informazzjoni addizzjonali dwar il-karatteristiċi tal-prodott li tista’ tkun utli għall-installaturi u għall-utenti, inkluż informazzjoni dwar il-kompatibbiltà tal-ħiters u tal-kontrolli biex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti fil-punti 1 u 3 ta’ dan l-Anness.

5.   Rekwiżiti tal-effiċjenza tar-riżorsi

(1)

Disponibbiltà tal-ispare parts:

(a)

Għall-mudelli kollha li għalihom l-unitajiet jiġu introdotti fis-suq mill-1 ta’ Lulju 2025, il-manifatturi, l-importaturi jew ir-rappreżentanti awtorizzati tal-ħiters tal-post lokali tal-elettriku għandhom ipoġġu għad-dispożizzjoni tat-tekniċi professjonali tat-tiswija tal-inqas l-ispare parts li ġejjin:

(i)

għall-ħiters tal-post lokali tal-elettriku portabbli u għall-ħiters tal-post lokali tal-elettriku portabbli radjanti li jiddu b’mod viżibbli:

kontroll;

termostat ambjentali (għall-ħiters tal-post lokali tal-elettriku portabbli biss);

mutur għall-ħiters mgħammra b’fann (għall-ħiters tal-post lokali tal-elettriku portabbli biss);

bords ta’ ċirkwiti stampati;

indikaturi tal-wiri jew tal-istatus;

skrejjen;

sensuri ta’ kontroll;

buttuni u swiċċijiet;

sensuri ta’ kontroll mill-bogħod;

(ii)

għall-ħiters tal-post lokali tal-elettriku fissi, il-vireg tax-xugamani u l-ħiters tal-post lokali tal-elettriku ta’ taħt l-art:

kontroll;

termostat ambjentali;

sensur tal-art (għall-ħiters tal-post lokali tal-elettriku ta’ taħt l-art biss);

kitt tat-tiswija għall-kejbils tat-tisħin (għall-ħiters tal-post lokali tal-elettriku ta’ taħt l-art biss);

brekits ta’ twaħħil, jekk ikun meħtieġ;

bords ta’ ċirkwiti stampati;

indikaturi tal-wiri jew tal-istatus;

skrejjen;

sensuri ta’ kontroll;

buttuni u swiċċijiet;

sensuri ta’ kontroll mill-bogħod;

(iii)

għall-ħiters tal-post lokali tal-ħażna li jaħdmu bl-elettriku:

elementi li jsaħħnu;

kontroll;

swiċċijiet ta’ sikurezza;

kejbils tal-konnessjoni;

kisi protettiv għall-partijiet mekkaniċi;

brekits għat-twaħħil;

fannijiet u skrejjen;

bords ta’ ċirkwiti stampati;

indikaturi tal-wiri jew tal-istatus;

sensuri ta’ kontroll;

buttuni u swiċċijiet;

sensuri ta’ kontroll mill-bogħod;

(iv)

għall-ħiters tal-post lokali tal-elettriku radjanti li jiddu b’mod viżibbli, għajr ħiters tal-post lokali tal-elettriku portabbli radjanti li jiddu b’mod viżibbli:

kontroll;

elementi li jsaħħnu;

kejbils tal-konnessjoni;

brekits għat-twaħħil;

bords ta’ ċirkwiti stampati;

indikaturi tal-wiri jew tal-istatus;

skrejjen;

sensuri ta’ kontroll;

buttuni u swiċċijiet;

sensuri ta’ kontroll mill-bogħod;

(b)

id-disponibbiltà tal-ispare parts imsemmija fil-punt (a), għandha tiġi żgurata għal perjodu minimu li jibda mhux iktar tard mill-1 ta’ Lulju 2025 jew sentejn wara t-tqegħid fis-suq tal-ewwel unità tal-mudell, skont liema data tkun l-iktar tard, u li jintemm mill-inqas 10 snin wara l-introduzzjoni fis-suq tal-aħħar unità tal-mudell ikkonċernat. Għal dan l-għan, il-lista ta’ spare parts u l-proċedura biex jiġu ordnati għandhom ikunu disponibbli pubblikament fuq is-sit web tal-manifattur, tal-importatur jew tar-rappreżentant awtorizzat, b’aċċess bla ħlas, mill-inqas matul il-perjodu minimu indikat hawn fuq;

(c)

għall-mudelli kollha li għalihom l-unitajiet jiġu introdotti fis-suq mill-1 ta’ Lulju 2025, il-manifatturi, l-importaturi jew ir-rappreżentanti awtorizzati tal-ħiters tal-post lokali għandhom ipoġġu għad-dispożizzjoni tat-tekniċi professjonali tat-tiswija tal-inqas l-ispare parts li ġejjin:

apparat tal-kontroll mill-bogħod;

(d)

id-disponibbiltà tal-ispare parts skont il-punt (c) għandha tiġi żgurata għal perjodu minimu li jibda mill-mument tat-tqegħid ta’ dik l-unità fis-suq u li jintemm mill-inqas 10 snin wara li l-aħħar unità tal-mudell ikkonċernat tiġi introdotta fis-suq. Għal dan l-għan, il-lista ta’ spare parts, il-proċedura biex jiġu ordnati u l-informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni għandhom ikunu disponibbli pubblikament fuq is-sit web tal-manifattur, tal-importatur jew tar-rappreżentant awtorizzat, b’aċċess bla ħlas, mill-inqas matul il-perjodu minimu indikat hawn fuq;

(e)

il-manifatturi, l-importaturi jew ir-rappreżentanti awtorizzati tal-ħiters tal-post lokali għandhom jiżguraw li l-ispare parts imsemmija fil-punti (a) u (c) ikunu jistgħu jiġu sostitwiti bl-użu ta’ għodod disponibbli faċilment, u mingħajr ma ssir ħsara permanenti lill-ħiter tal-post lokali;

(f)

tul il-perjodi msemmija fil-punti (b) u (d), il-manifatturi, l-importaturi jew ir-rappreżentanti awtorizzati għandhom jipprovdu prezzijiet indikattivi qabel it-taxxa mill-inqas fl-euro għall-ispare parts elenkati fil-punti (a) u (c), inkluż il-prezz indikattiv qabel it-taxxa tal-elementi ta’ rbit u tal-għodod, jekk fornuti mal-ispare part fuq is-sit web b’aċċess bla ħlas tal-manifattur, tal-importatur jew tar-rappreżentant awtorizzat;

(g)

il-manifatturi, l-importaturi jew ir-rappreżentanti awtorizzati tal-ħiters tal-post lokali li jużaw software għandhom jagħmlu disponibbli aġġornamenti tas-software u tal-firmware għal mill-inqas 10 snin wara t-tqegħid fis-suq tal-prodott, u dawn l-aġġornamenti għandhom jiġu pprovduti mingħajr ħlas.

(2)

Żmien massimu għall-konsenja tal-ispare parts:

Matul il-perjodu tad-disponibbiltà tal-ispare parts, il-manifattur, l-importatur jew ir-rappreżentant awtorizzat għandu jiżgura l-konsenja tal-ispare parts fi żmien 10 ijiem xogħol wara l-wasla tal-ordni.

(3)

L-aċċess għall-informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni:

Matul il-perjodu msemmi fil-punt 1(b), il-manifattur, l-importatur jew ir-rappreżentant awtorizzat għandu jipprovdi aċċess għall-informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-apparat lil tekniċi tat-tiswija professjonali fil-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

fuq is-sit web tal-manifattur, tal-importatur jew tar-rappreżentant awtorizzat għandu jiġi indikat il-proċess ta’ kif it-tekniċi professjonali tat-tiswija jistgħu jitolbu aċċess għall-informazzjoni; sabiex jaċċettaw tali talba, il-manifatturi, l-importaturi jew ir-rappreżentanti awtorizzati jistgħu jitolbu lit-tekniku professjonali tat-tiswija biex juri li:

(i)

it-tekniku professjonali tat-tiswija għandu l-kompetenza teknika biex isewwi l-ħiters tal-post lokali u jikkonforma mar-regolamenti applikabbli għat-tekniċi tat-tiswija tal-ħiters tal-post lokali fl-Istati Membri fejn jopera. Referenza għal sistema tar-reġistrazzjoni uffiċjali bħala tekniku professjonali tat-tiswija, meta tkun teżisti sistema bħal din fl-Istati Membri kkonċernati, għandha tiġi aċċettata bħala prova tal-konformità ma’ dan il-punt;

(ii)

it-tekniku professjonali tat-tiswija huwa kopert b’assigurazzjoni li tkopri r-responsabbiltajiet li jirriżultaw mill-attività tiegħu, irrispettivament minn jekk dan huwiex meħtieġ mill-Istat Membru;

(b)

il-manifatturi, l-importaturi jew ir-rappreżentanti awtorizzati għandhom jaċċettaw jew jirrifjutaw ir-reġistrazzjoni fi żmien 5 ijiem tax-xogħol mid-data tat-talba;

(c)

il-manifatturi, l-importaturi jew ir-rappreżentanti awtorizzati jistgħu jitolbu tariffi raġonevoli u proporzjonati għall-aċċess għall-informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni jew biex jirċievu aġġornamenti regolari. Tariffa titqies raġonevoli jekk din ma tiskoraġġix l-aċċess billi tonqos milli tqis il-punt sa fejn it-tekniku professjonali tat-tiswija jagħmel użu mill-informazzjoni;

(d)

ladarba jkun irreġistrat, tekniku professjonali tat-tiswija għandu jkollu aċċess, fi żmien jum wieħed tax-xogħol wara li jkun talabha, għall-informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni. L-informazzjoni tista’ tiġi pprovduta għal mudell ta’ ħiter tal-post lokali jew għal mudell ta’ ħiter tal-post lokali ekwivalenti tal-istess familja, jekk ikun rilevanti;

(e)

l-informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni għandha tinkludi:

(i)

l-identifikazzjoni inekwivoka tal-ħiter tal-post lokali;

(ii)

mappa taż-żarmar jew dijagramma kompożittiva;

(iii)

manwal tekniku tal-istruzzjonijiet għat-tiswija;

(iv)

lista ta’ tagħmir tat-tiswija u tal-ittestjar neċessarju;

(v)

informazzjoni dwar il-komponenti u informazzjoni dijanjostika (bħall-valuri teoretiċi minimi u massimi għall-kejl);

(vi)

dijagrammi tal-wajers u tal-konnessjonijiet;

(vii)

kodiċijiet dijanjostiċi tal-ħsarat u tal-erruri (inklużi kodiċijiet speċifiċi tal-manifattur, fejn applikabbli);

(viii)

struzzjonijiet għall-installazzjoni ta’ software u firmware rilevanti inkluż is-software tar-risettjar;

(ix)

informazzjoni dwar kif isir l-aċċess għar-rekords tad-data ta’ inċidenti ta’ ħsara rrappurtati maħżuna fuq il-ħiter tal-post lokali (meta applikabbli); kif ukoll

(x)

dijagrammi tal-bord elettroniku;

(f)

ħlief għall-ħiters tal-post lokali tal-fjuwils gassużi jew tal-fjuwils likwidi, mingħajr preġudizzju għad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, il-partijiet terzi għandhom jitħallew jużaw u jippubblikaw informazzjoni mhux mibdula dwar it-tiswija u l-manutenzjoni ppubblikata inizjalment mill-manifattur, mill-importatur jew mir-rappreżentant awtorizzat u koperta mill-punt (e) ladarba l-manifattur, l-importatur jew ir-rappreżentant awtorizzat itemm l-aċċess għal dik l-informazzjoni wara tmiem il-perjodu tal-aċċess għall-informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni.

(4)

Rekwiżiti għaż-żarmar għall-irkupru u għar-riċiklaġġ tal-materjali filwaqt li jiġi evitat it-tniġġis:

(a)

il-manifatturi, l-importaturi jew ir-rappreżentanti awtorizzati għandhom jiżguraw li l-ħiters tal-post lokali jkunu ddisinjati b’tali mod li l-materjali u l-komponenti msemmija fl-Anness VII tad-Direttiva 2012/19/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) ikunu jistgħu jitneħħew mill-apparat bl-użu ta’ għodod disponibbli faċilment;

(b)

il-manifatturi, l-importaturi jew ir-rappreżentanti awtorizzati għandhom jissodisfaw l-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2012/19/UE.

6.   Dokumentazzjoni teknika

(1)

Id-dokumentazzjoni teknika għall-ħiters tal-post lokali għall-finijiet tal-valutazzjoni tal-konformità skont l-Artikolu 4 u għall-proċedura ta’ verifika stabbilita fl-Anness V għandu jkun fiha l-elementi li ġejjin:

(a)

il-valuri ddikjarati tal-parametri kollha speċifikati fit-Tabelli 1 sa 5; għal dan il-għan, jista’ jintuża l-istess tqassim tat-Tabelli 1 sa 5;

(b)

lista tal-mudelli ekwivalenti kollha, jekk applikabbli;

(c)

l-elementi l-oħrajn kollha indikati fl-Artikolu 4, meta applikabbli.

(2)

Fil-każ tal-ħiters tal-post lokali introdotti fis-suq mingħajr kontroll, l-informazzjoni mogħtija fit-tabelli 2 u 4 għandha titfassal għall-kombinament(i) ta’ ħiter tal-post lokali u tal-funzjonijiet ta’ kontroll skont il-punt 4(1)(g);

(3)

Id-dokumentazzjoni teknika għall-kontrolli separati relatati għall-finijiet tal-valutazzjoni tal-konformità skont l-Artikolu 4 tal-proċedura ta’ verifika stabbilita fl-Anness V għandu jkun fiha l-elementi li ġejjin:

(a)

il-valuri ddikjarati tal-parametri kollha speċifikati fit-Tabella 6; għal dan il-għan, jista’ jintuża l-istess tqassim tat-Tabella 6;

(b)

lista tal-mudelli ekwivalenti kollha, jekk applikabbli;

(c)

l-elementi l-oħrajn kollha indikati fl-Artikolu 4, meta applikabbli.

Tabella 1: Ir-rekwiżiti tal-informazzjoni għall-ħiters tal-post lokali tal-gass jew tal-fjuwils likwidi

Image 1

Tabella 2: Ir-rekwiżiti tal-informazzjoni għall-ħiters tal-post lokali li jaħdmu bil-gass/bil-fjuwils likwidi introdotti fis-suq mingħajr kontroll

Image 2

Tabella 3: Ir-rekwiżiti tal-informazzjoni għall-ħiters tal-post lokali tal-elettriku

Image 3

Tabella 4: Ir-rekwiżiti tal-informazzjoni għall-ħiters tal-post lokali tal-elettriku introdotti fis-suq mingħajr kontroll

Image 4

Tabella 5: Ir-rekwiżiti tal-informazzjoni għall-ħiters tal-post lokali kummerċjali

Image 5

Tabella 6: Rekwiżiti ta’ informazzjoni għal kontrolli separati relatati

Image 6

Tabella 7: Kodiċijiet tal-funzjoni ta’ kontroll

 

 

Kodiċi tal-kontroll tat-temperatura (TC)

Funzjonijiet ta’ kontroll

f1

f2

f3

f4

f5

f6

f7

f8

Tip ta’ kontroll tat-temperatura

Stadju wieħed, mingħajr kontroll tat-temperatura

NC

 

 

 

 

 

 

 

 

Żewġ stadji manwali jew iktar, ebda kontroll tat-temperatura

TX

 

 

 

 

 

 

 

 

Kontroll tat-temperatura ambjentali permezz ta’ termostat mekkaniku

TM

 

 

 

 

 

 

 

 

Kontroll elettroniku tat-temperatura ambjentali ta’ ġewwa

TE

 

 

 

 

 

 

 

 

Kontroll elettroniku tat-temperatura ambjentali ta’ ġewwa b’timer tal-ġurnata

TD

 

 

 

 

 

 

 

 

Kontroll elettroniku tat-temperatura ambjentali ta’ ġewwa u timer tal-ġimgħat

TW

 

 

 

 

 

 

 

 

Funzjonijiet ta’ kontroll

Detezzjoni ta’ preżenza

 

1

 

 

 

 

 

 

 

Detezzjoni ta’ tieqa miftuħa

 

 

2

 

 

 

 

 

 

Għażla ta’ kontroll mill-bogħod

 

 

 

3

 

 

 

 

 

Kontroll tal-bidu adattiv

 

 

 

 

4

 

 

 

 

Limitazzjoni tal-ħin operazzjonali

 

 

 

 

 

5

 

 

 

Sensur b’boċċa sewda

 

 

 

 

 

 

6

 

 

Funzjonalità ta’ awtoapprendiment

 

 

 

 

 

 

 

7

 

Akkuratezza tal-kontroll b’CA < 2 Kelvin u CSD < 2 Kelvin

 

 

 

 

 

 

 

 

8


(1)  Id-Direttiva 2012/19/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku (WEEE) (ĠU L 197, 24.7.2012, p. 38).


ANNESS III

Metodi ta’ kejl u kalkoli msemmija fl-Artikolu 3

Għall-għanijiet tal-konformità u tal-verifika tal-konformità mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament, il-kejl u l-kalkoli għandhom isiru billi jintużaw standards armonizzati li n-numri ta’ referenza tagħhom ġew ippubblikati għal dan l-għan f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, jew billi jintużaw metodi oħrajn li jkunu affidabbli, akkurati u riproduċibbli, li jqisu l-metodi l-iktar avvanzati rikonoxxuti b’mod ġenerali.

1.   KUNDIZZJONIJIET ĠENERALI GĦALL-KEJL U L-KALKOLI

(1)

Il-valuri ddikjarati għall-effiċjenza enerġetika staġonali tat-tisħin tal-post għandhom jiġu ttondjati għall-eqreb ċifra wara l-punt deċimali.

(2)

Għall-ħiters tal-post lokali tal-elettriku, il-valuri ddikjarati għall-potenza termika nominali għandhom jiġu ttondjati għall-eqreb tielet ċifra wara l-punt deċimali. Għall-ħiters tal-post lokali l-oħra kollha, il-valuri ddikjarati għall-potenza termika nominali għandhom jiġu ttondjati għall-eqreb ċifra wara l-punt deċimali.

(3)

Il-valuri ddikjarati għall-emissjonijiet għandhom jiġu ttondjati għall-eqreb numru sħiħ.

(4)

Meta parametru jiġi ddikjarat skont l-Artikolu 4, il-valur iddikjarat tiegħu għandu jintuża minn manifattur, minn importatur jew minn rappreżentant awtorizzat għall-kalkoli f’dan l-Anness.

(5)

Għall-ħiters tal-post lokali tal-fjuwils likwidi u gassużi, għajr għall-ħiters tal-post lokali għal użu kummerċjali, it-temperatura tal-gass mit-tromba taċ-ċumnija u t-temperatura tal-arja tal-kombustjoni għandhom jitkejlu għat-tul minimu totali tal-pajp tat-tubu tat-tromba taċ-ċumnija ddikjarat mill-manifattur fil-manwal tal-installazzjoni iżda ta’ mhux iktar minn 1,5 metru (is-somma tat-tul tal-pajp vertikali u orizzontali). Jekk ma jkun hemm disponibbli l-ebda dikjarazzjoni, il-kejl għandu jsir b’tul totali tal-pajp ta’ 1,5 metru.

(6)

Għal kontrolli separati relatati, għandu jiġi ċċekkjat il-funzjonament korrett tal-funzjonijiet ta’ kontroll.

2.   IL-KUNDIZZJONIJIET ĠENERALI GĦALL-EFFIĊJENZA ENERĠETIKA TAT-TISĦIN TAL-ISPAZJU STAĠONALI

(1)

L-effiċjenza enerġetika staġonali tat-tisħin tal-post (ηS ) għandha tiġi kkalkulata bħala l-effiċjenza enerġetika staġonali tat-tisħin tal-post fil-modalità attiv (ηS,on ), ikkoreġuta b’kontribuzzjonijiet li jqisu l-kontroll tal-potenza termika, il-konsum tal-elettriku awżiljarju u l-konsum tal-enerġija tal-fjamma pilota permanenti.

(2)

Għall-ħiters tal-post lokali li jiġu introdotti fis-suq flimkien mal-kontroll, l-effiċjenza enerġetika staġonali tat-tisħin tal-post għandha titkejjel u tiġi kkalkulata bil-kontroll li jkun hemm fl-imballaġġ.

(3)

Għall-ħiters tal-post lokali introdotti fis-suq mingħajr kontroll, l-effiċjenza enerġetika tat-tisħin tal-post staġonali għandha titkejjel u tiġi kkalkulata għal kull kombinament differenti ta’ ħiter tal-post lokali u ta’ funzjonijiet ta’ kontroll indikati mill-manifattur, mill-importatur jew mir-rappreżentant awtorizzat skont l-Anness II, il-punt 4(2)(a).

3.   KUNDIZZJONIJIET ĠENERALI GĦALL-EMISSJONIJIET

Għall-ħiters tal-post lokali li jaħdmu bi fjuwil gassuż jew bi fjuwil likwidu, l-emissjonijiet tal-ossidi tan-nitroġenu (NOx) għandhom jiġu kkalkulati bħala s-somma tal-monossidu tan-nitroġenu u tad-diossidu tan-nitroġenu mkejla, u espressi f’diossidu tan-nitroġenu. Il-kejl tal-emissjonijiet tal-ossidi tan-nitroġenu għandu jkun konkorrenti mal-kejl tal-effiċjenza enerġetika tat-tisħin tal-post.

Għall-fini ta’ dikjarazzjoni u ta’ verifika tapplika l-emissjoni b’tagħbija sħiħa ta’ NOx(max).

4.   IL-KUNDIZZJONIJIET SPEĊIFIĊI GĦALL-EFFIĊJENZA ENERĠETIKA TAT-TISĦIN TAL-ISPAZJU STAĠONALI

(1)

L-effiċjenza enerġetika staġonali tat-tisħin tal-post tal-ħiters tal-post lokali għal użu hija ddefinita kif ġej:

(a)

għall-ħiters tal-post lokali tal-fjuwils gassużi u għall-ħiters tal-post lokali tal-fjuwils likwidi, għajr għall-ħiters tal-post lokali għal użu kummerċjali:

Formula

fejn

η S hija l-effiċjenza enerġetika tat-tisħin tal-post staġonali, espressa bħala perċentwal;

ηs,on hija l-effiċjenza enerġetika staġonali tat-tisħin tal-post fil-modalità attiv, espressa bħala perċentwal;

(b)

għall-ħiters tal-post lokali tal-elettriku

Formula

fejn:

η S hija l-effiċjenza enerġetika tat-tisħin tal-post staġonali, espressa bħala perċentwal;

ηs,on hija l-effiċjenza enerġetika staġonali tat-tisħin tal-post fil-modalità attiv, espressa bħala perċentwal;

CC hija l-koeffiċjent ta’ konverżjoni;

(c)

għall-ħiters tal-post lokali għal użu kummerċjali

Formula

fejn:

η S hija l-effiċjenza enerġetika tat-tisħin tal-post staġonali, espressa bħala perċentwal;

ηs,on hija l-effiċjenza enerġetika staġonali tat-tisħin tal-post fil-modalità attiv, espressa bħala perċentwal;

F(1) huwa fattur ta’ korrezzjoni li jagħmel tajjeb għal kontribut negattiv għall-effiċjenza tat-tisħin tal-post staġonali dovut għal kontributi aġġustati għall-għażliet għall-potenza termika, espress bħala perċentwal;

F(4) huwa fattur ta’ korrezzjoni li jagħmel tajjeb għal kontribut negattiv għall-effiċjenza enerġetika tat-tisħin tal-post staġonali minn konsum tal-elettriku awżiljarju, espress bħala perċentwal;

F(5) huwa fattur ta’ korrezzjoni li jagħmel tajjeb għal kontribut negattiv għall-effiċjenza enerġetika tat-tisħin tal-post staġonali minn konsum tal-enerġija ta’ fjamma pilota permanenti, espress bħala perċentwal;

(2)

l-effiċjenza enerġetika staġonali tat-tisħin tal-post fil-modalità attiv
Formula
hija kkalkulata kif ġej:

(a)

għall-ħiters tal-post lokali kollha minbarra l-ħiters tal-post lokali għal użu kummerċjali:

Formula

fejn:

η th,nom hija l-effiċjenza utli fil-potenza termika nominali, espressa bħala perċentwal.

għall-ħiters tal-post lokali tal-elettriku,

Formula

għall-ħiters tal-post lokali li jaħdmu bi fjuwils gassużi u għall-ħiters tal-post lokali li jaħdmu bi fjuwils likwidi, η th,nom hija l-effiċjenza utli fil-potenza termika nominali abbażi tal-NCV;

F(2) huwa fattur ta’ korrezzjoni li jqis il-kontribut pożittiv għall-effiċjenza enerġetika staġonali tat-tisħin tal-post dovut għal kontributi aġġustati tal-kontrolli tal-kumdità termika fuq ġewwa, li l-valuri tagħhom jeskludu lil xulxin b’mod reċiproku u ma jistgħux jingħaddu ma’ xulxin;

F(3) huwa fattur ta’ korrezzjoni li jikkalkula l-kontribut pożittiv għall-effiċjenza enerġetika staġonali tat-tisħin tal-post dovut għal kontribuzzjonijiet aġġustati tal-kontrolli tal-kumdità termika fuq ġewwa, li l-valuri tagħhom jistgħu jingħaddu ma’ xulxin;

F(4) huwa fattur ta’ korrezzjoni li jirrappreżenta kontribuzzjoni negattiva għall-effiċjenza enerġetika tat-tisħin tal-post staġonali b’konsum tal-elettriku awżiljarju;

F(5) huwa fattur ta’ korrezzjoni li jagħmel tajjeb għal kontribut negattiv għall-effiċjenza enerġetika tat-tisħin tal-post staġonali minn konsum tal-enerġija ta’ fjamma pilota permanenti;

(b)

għall-ħiters tal-post lokali għal użu kummerċjali:

Formula

fejn:

ηS,th hija l-effiċjenza termali ponderata, espressa bħala perċentwal;

ηS,RF hija l-effiċjenza tal-emissjonijiet, espressa bħala perċentwal;

(i)

l-effiċjenza termali ponderata (ηS,th ) hija kkalkulata kif ġej:

għall-ħiters tal-post lokali luminużi, ηS,th għandha valur ta’ 85,6 %;

għall-ħiters tal-post lokali bit-tubi:

Formula

fejn:

ηth,nom hija l-effiċjenza utli fil-potenza termika nominali abbażi tal-GCV, espressa bħala perċentwal;

ηth,min hija l-effiċjenza utli fil-potenza termika minima abbażi tal-GCV, espressa bħala perċentwal;

Fenv hija t-telf mill-involukru tal-ġeneratur tas-sħana, espress bħala perċentwal;

jekk il-manifattur jispeċifika li l-ġeneratur tas-sħana tal-ħiter tal-post lokali bit-tubi jrid jiġi installat fl-ispazju ta’ fuq ġewwa li jrid jissaħħan, it-telf mill-involukru jkun ta’ 0 (żero);

jekk il-manifattur jispeċifika li l-ġeneratur tas-sħana tal-ħiter tal-post lokali bit-tubi jrid jiġi installat ’il barra miż-żona msaħħna, il-fattur ta’ telf mill-involukru jkun jiddependi fuq it-trażmittanza termali tal-involukru tal-ġeneratur tas-sħana skont it-Tabella 8;

Tabella 8: Il-fattur ta’ telf mill-involukru tal-ġeneratur tas-sħana

Trażmittanza termali tal-involukru (U)

Fenv

U ≤ 0,5

2,2 %

0,5 < U ≤ 1,0

2,4 %

1,0 < U ≤ 1,4

3,2 %

1,4 < U ≤ 2,0

3,6 %

U>2,0

6,0 %

(ii)

l-effiċjenza tal-emissjoni (ηS,RF ) hija kkalkulata kif ġej:

Formula

fejn RFS hija l-fattur radjanti tal-ħiter tal-post lokali għal użu kummerċjali, espress bħala perċentwal;

għall-ħiters tal-post lokali għal użu kummerċjali kollha minbarra s-sistemi ta’ ħiters bit-tubi:

Formula

fejn:

RFnom , hija l-fattur radjanti fil-potenza termika nominali, espress bħala perċentwal;

RFmin , hija l-fattur radjanti fil-potenza termika minima, espress bħala perċentwal;

għas-sistemi ta’ ħiters bit-tubi:

Formula

fejn:

RFnom,i , hija l-fattur radjanti ta’ kull segment tat-tubu fil-potenza termika nominali, espress bħala perċentwal;

RFmin,i , hija l-fattur radjanti ta’ kull segment tat-tubu fil-potenza termika minima, espress bħala perċentwal;

Pheater,i , hija l-potenza termika ta’ kull segment tat-tubu, espressa f’kW u bbażat fuq il-GCV;

Psystem , hija l-potenza termika tas-sistema kollha tat-tubi, espressa f’kW u bbażata fuq il-GCV;

l-ekwazzjoni ta’ hawn fuq tapplika biss jekk il-berner, it-tubi u r-rifletturi tas-segment tat-tubu użati fis-sistema ta’ ħiter bit-tubi jkunu mibnijin b’mod identiku għall-ħiter tal-post lokali b’tubu wieħed u s-settings li jiddeterminaw il-prestazzjoni tas-segment tat-tubu huma bħal dawk ta’ ħiter tal-post lokali b’tubu wieħed;

(3)

il-fattur ta’ korrezzjoni F(1) huwa kkalkulat kif ġej:

Tabella 9: Il-fattur ta’ korrezzjoni F(1) għall-ħiters tal-post lokali kummerċjali

It-tip ta’ kontroll tal-potenza termika tal-prodotti huwa:

F(1) [%]

Bil-limiti li ġejjin

Bi stadju wieħed

Formula

 

B’żewġ stadji

Formula

)

2,5 % ≤ F(1) ≤ 5,0 %

Modulanti

Formula

0 % ≤ F(1) ≤ 5,0 %

(4)

il-fattur ta’ korrezzjoni F(2), huwa ugwali għal wieħed mill-fatturi skont it-Tabella 10, jiddependi minn liema funzjoni ta’ kontroll tapplika. Jista’ jintgħażel biss valur wieħed; il-funzjonijiet imsemmija fit-Tabella 10 għandhom jiġu attivati u jkunu funzjonali meta t-tagħmir jiġi introdott fis-suq jew meta jitqiegħed fis-servizz u jiġi attivat bil-konfigurazzjoni inizjali tiegħu wara li t-tagħmir jiġi kkonfigurat mill-ġdid għall-konfigurazzjonijiet prestabbiliti tal-fabbrika tiegħu;

Tabella 10: Il-fattur ta’ korrezzjoni F(2)

Jekk il-prodott jiġi introdott fis-suq (tista’ tapplika għażla waħda biss)

F(2)

għall-ħiters tal-post lokali tal-elettriku

għall-ħiters tal-post lokali tal-gass jew tal-fjuwils likwidi

Portabbli

Fissi

Ħżin

Taħt l-art

Radjanti li jiddu b’mod viżibbli

vireg tax-xugamani

potenza termika bi stadju wieħed, mingħajr kontroll tat-temperatura ambjentali

0

0

0

0

0

0

0

żewġ stadji manwali jew iktar, ebda kontroll tat-temperatura

0,025

0

0

0

0,050

0,030

0,025

b’kontroll tat-temperatura ambjentali permezz ta’ termostat mekkaniku

0,100

0,025

0,025

0,025

0,025

0,030

0,050

b’kontroll elettroniku tat-temperatura ambjentali ta’ ġewwa

0,160

0,050

0,050

0,050

0,080

0,030

0,100

b’kontroll elettroniku tat-temperatura ambjentali ta’ ġewwa u timer tal-ġurnata

0,170

0,095

0,095

0,095

0,100

0,095

0,125

b’kontroll elettroniku tat-temperatura ambjentali ta’ ġewwa u timer tal-ġimgħat

0,190

0,150

0,150

0,150

0,120

0,150

0,150

(5)

il-fattur ta’ korrezzjoni F(3) huwa kkalkulat bħala l-għadd flimkien tal-valuri skont it-Tabella 11, skont liema funzjoni(jiet) ta’ kontroll tapplika/japplikaw; il-funzjonijiet imsemmija fit-Tabella 11 għandhom jiġu attivati u jkunu funzjonali meta t-tagħmir jiġi introdott fis-suq jew meta jitqiegħed fis-servizz u jiġi attivat bil-konfigurazzjoni inizjali tiegħu wara li t-tagħmir jiġi kkonfigurat mill-ġdid għall-konfigurazzjonijiet prestabbiliti tal-fabbrika tiegħu;

Tabella 11: Il-fattur ta’ korrezzjoni F(3)

Jekk il-prodott jiġi introdott fis-suq ma’ (jistgħu japplikaw diversi għażliet):

F(3)

għall-ħiters tal-post lokali tal-elettriku

għall-ħiters tal-post lokali tal-gass jew tal-fjuwils likwidi

Portabbli

Fissi

Ħżin

Taħt l-art

Radjanti li jiddu b’mod viżibbli

vireg tax-xugamani

kontroll tat-temperatura ambjentali b’detezzjoni ta’ preżenza

0, 005

0

0

0

0,040

0

0,025

kontroll tat-temperatura ambjentali b’detezzjoni ta’ tieqa miftuħa

0,005

0,020

0,020

0,020

0,020

0,020

0,025

b’għażla ta’ kontroll mill-bogħod

0

0,020

0,020

0,020

0

0

0,025

b’kontroll tal-bidu adattiv

0,005

0,020

0,020

0,020

0

0,020

0

b’limitazzjoni tal-ħin operazzjonali

0,005

0

0

0

0,020

0,020

0

b’sensur b’boċċa sewda

0

0

0

0

0,040

0

0

b’funzjonalità ta’ awtoapprendiment

0

0,020

0,020

0,020

0,010

0,020

0,0125

Akkuratezza tal-kontroll b’CA < 2 Kelvin u CSD < 2 Kelvin

0,020

0,020

0,020

0,020

0

0,020

0,0125

(6)

il-fattur ta’ korrezzjoni F(4) huwa kkalkulat bħala:

(a)

għall-ħiters tal-post lokali li jaħdmu bil-gass jew bil-fjuwils likwidi għajr għall-ħiters tal-post lokali għal użu kummerċjali:

Formula

fejn:

el max huwa l-konsum tal-enerġija elettrika fil-potenza termika nominali, espress f’kW;

el min huwa l-konsum tal-enerġija elettrika fil-potenza termika minima, espress f’kW. F’każ li l-prodott ma joffrix potenza termika minima, għandu jintuża l-valur tal-konsum tal-enerġija elettrika fil-potenza termika nominali;

Pnom hija l-potenza termika nominali tal-prodott, espress f’kW;

(b)

għall-ħiters tal-post lokali għal użu kummerċjali:

Formula

(c)

għall-ħiters tal-post lokali tal-elettriku F(4) = 1;

(7)

il-fattur ta’ korrezzjoni F(5) huwa kkalkulat kif ġej:

(a)

għall-ħiters tal-post lokali li jaħdmu bil-gass jew bil-fjuwils likwidi għajr għall-ħiters tal-post lokali għal użu kummerċjali:

Formula

fejn:

Ppilot hija l-konsum tal-fjamma pilota, espress f’kW;

Pnom hija l-potenza termika nominali tal-prodott, espress f’kW;

(b)

għall-ħiters tal-post lokali għal użu kummerċjali:

Formula

fejn:

Ppilot hija l-konsum tal-fjamma pilota, espress f’kW;

Pnom hija l-potenza termika nominali tal-prodott, espressa f’kW;

f’każ li l-prodott ma jkollux dawl (fjamma) pilota permanenti, il-valur ta’ Ppilot ikun ta’ 0 (żero);

(c)

Għall-ħiters tal-post lokali tal-elettriku F(5) = 1.

5.   MODALITAJIET B’POTENZA BAXXA

(1)

Il-konsum tal-enerġija tal-modalità mitfi (Po ), il-modalità standby (Psm ), u meta applikabbli l-modalità idle (P idle ) u l-modalità standby man-network (Pnsm ) jitkejlu, espressi f’W u mqarrba sa żewġ ċifri wara l-punt deċimali.

Matul il-kejl tal-konsum tal-potenza f’modalitajiet b’potenza baxxa, il-funzjonijiet li ġejjin għandhom jiġu ċċekkjati u rreġistrati:

(a)

il-wiri jew le ta’ informazzjoni;

(b)

l-attivazzjoni jew le ta’ konnessjoni man-network.

Jekk il-modalità standby tinkludi l-wiri tal-informazzjoni jew tal-istatus, din il-funzjoni għandha tiġi pprovduta wkoll meta tiġi pprovduta l-modalità standby man-network.

(2)

Għal kontrolli separati relatati, il-konsum tal-enerġija tal-modalitajiet ta’ potenza baxxa għandu jitkejjel bil-vultaġġ tal-mejns tal-elettriku. Jekk il-konsum tal-enerġija tal-modalitajiet ta’ potenza baxxa jista’ jitkejjel biss f’livell ta’ vultaġġ DC, ir-riżultati ta’ dawn il-kejlijiet għal kull modalità ta’ potenza baxxa għandhom jiġu mmultiplikati b’fattur ta’ 1,5, li jirrappreżenta konverżjoni medja tal-potenza AC-DC ta’ 67 %, sabiex wieħed jasal għall-valuri li għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti għall-modalitajiet ta’ potenza baxxa.

6.   AKKURATEZZA TAL-KONTROLL U DEVJAZZJONI MILL-KONTROLL SAL-VALUR PROGRAMMAT

Għall-ħiters tal-post lokali u għall-kontrolli separati relatati, CA u CSD għandhom jitkejlu kull meta l-manifattur jiddikjara CA < 2K u CSD < 2K.


ANNESS IV

Metodi tranżizzjonali msemmija fl-Artikolu 3

Ħiters tal-post lokali tal-fjuwils gassużi, għajr il-ħiters luminużi u ħiters bit-tubi

Parametru

ESO

Referenza/ Titlu

Noti

Potenza termika diretta

CEN

EN 613:2021 § 7.11

EN 1266:2002 § 7.12.

EN 13278:2013 Ħiters indipendenti bil-faċċata miftuħa li jaħdmu bil-gass fi spazji miftuħin § 6.3.1 u § 6.12 u § 7.12 u § 7.3.1

EN 449:2002+A1:2007

Din hija l-potenza termika trażmessa fl-ispazju li fih ikun installat il-prodott.

Għandha tiġi kkalkolata bl-ekwazzjoni Potenza termika diretta = Qn * η, fejn Qn hija l-input tas-sħana nominali u η hija l-effiċjenza nominali. Il-potenza termika diretta għandha tiġi kkalkulata bħala l-valur kalorifiku gross.

Potenza termika indiretta

CEN

 

Il-potenza termika indiretta ta’ ħiters tal-post lokali tal-fjuwils gassużi ma hijiex deskritta fl-istandards EN.

Għall-fini ta’ dikjarazzjoni u ta’ verifika jistgħu jintużaw il-prinċipji kif applikati f’EN 16510-1

L-effiċjenza utli fil-potenza termika nominali u minima: ηth,nom , ηth,min

CEN

EN 613:2021 § 7.11.2

EN 1266:2002 § 6.12 u § 7.12.2

EN 13278:2013 § 6.12 u § 7.12.2

F’EN 613, ηth,nom u ηth,min għandhom jiġu kkalkolati bħala η f’kundizzjonijiet applikabbli għall-potenza termika nominali u minima, jekk rilevanti.

F’EN 1266 u f’EN 13278, ηth,nom tikkorrispondi għal η jekk iddeterminata b’input termiku nominali. ηth,min tikkorrispondi għal η jekk tiġi ddeterminata b’input termiku minimu.

Il-valuri kollha għandhom ikunu bbażati fuq il-valur kalorifiku nett.

Potenza termika nominali, potenza termika minima: Pnom , Pmin

CEN

EN 613:2021

EN 1266:2002 § 6.3.1 u § 6.3.3 & § 7.3.1 u § 7.3.5 § 6.12 u § 7.12

EN 13278:2013 § 6.3.1 u § 6.3.3 u § 7.3.1 u § 7.3.5 & § 6.12 u § 7.12.2

EN 449:2002+A1:2007 § 5.15.1 u § 5.15.2 & § 6.15.1 & § 6.15.2

F’EN 613, Pnom għandha tiġi ddeterminata bħala Pnom = Qn*η applikabbli għal kundizzjonijiet ta’ potenza nominali. Għal Qn ara § 7.3.1. Pmin għandha tiġi ddeterminata bħala Pmin = potenza termika minima*η. Għall-potenza termika minima, ara § 7.3.5.

F’EN 1266, f’EN 13278:2013 u f’EN 449, Pnom għandha tiġi ddeterminata b’Pnom = Qnth,nom u Pmin għandha tiġi ddeterminata b’Pmin = Qmth,min.

Il-valuri kollha għandhom ikunu bbażati fuq il-valur kalorifiku nett.

Il-konsum tal-enerġija elettrika fil-potenza termika nominali, elmax

CEN

EN 15456:2008: § 5.1.3.1.

elmax tikkorrispondi għal Paux 100, imkejla f’operazzjoni ta’ tagħbija nominali.

Konsum tal-enerġija elettrika fil-potenza termika minima: elmin

CEN

EN 15456:2008: § 5.1.3.2.

elmin tikkorrispondi ma’ Paux 30, imkejla fit-tħaddim ta’ parti mit-tagħbija applikabbli.

Il-konsum tal-enerġija fil-modalità standby: elsm

CEN

EN 15456:2008: § 5.1.3.3

jew

EN 50564:2011 § 5.3

elsm tikkorrispondi jew għal Paux sb f’EN15456 jew għall-konsum tal-elettriku fil-modalità standby f’EN 50564.

Emissjonijiet tal-ossidi tan-nitroġenu (NOx)

CEN

EN 613:2021 § 7.7.4

EN 1266:2002 § 7.7.4 u l-Anness G

EN 13278:2013 § 7.7.4 u l-Anness H

Ħiters mingħajr ċumnija: EN 14829:2007 § 7.9.4

EN613, EN1266 u EN13278 jistabbilixxu l-emissjonijiet ta’ NOx bħala valuri ppeżati f’kundizzjonijiet ta’ tagħbija sħiħa-modulanti-minima.

EN 14829:2007 Metodu ta’ ttestjar ta’ NOx li għandu jitqies għal ħiter tal-gass mingħajr tromba taċ-ċumnija.

Potenza tal-fjamma pilota permanenti: Ppilot

CEN

EN 1266:2002 § 7.3.4

EN613 u EN13278 ma għandhomx klawżola li tiddeskrivi kif jiġi kkalkolat l-input termiku ta’ berner tat-tqabbid.

Akkuratezza tal-kontroll u Devjazzjoni mill-Kontroll sal-Valur Programmat: CA u CSD

CEN

 

L-akkuratezza tal-kontroll għall-ħiters tal-post lokali tal-fjuwils gassużi ma hijiex deskritta fl-istandards EN.

Għall-fini ta’ dikjarazzjoni u ta’ verifika għandhom jintużaw il-prinċipji kif applikati f’EN 15500-1.


Ħiters tal-post lokali tal-fjuwil likwidu

Parametru

ESO

Referenza/ Titlu

Noti

Potenza termika diretta

CEN

EN 1:1998 § 6.6.2

EN 13842:2004: § 6.3.

Il-potenza termika diretta hija l-kapaċità termika skont EN 1 § 6.6.2.

F’EN 13842, il-potenza termika diretta tista’ tiġi kkalkolata bħala Q0* (1-qA).

Il-valuri kollha għandhom ikunu bbażati fuq il-valur kalorifiku nett.

Potenza termika indiretta

CEN

 

Il-potenza termika indiretta ta’ ħiters tal-post lokali tal-fjuwils likwidi ma hijiex deskritta fl-istandards EN.

Għall-fini ta’ dikjarazzjoni u ta’ verifika għandhom jintużaw il-prinċipji kif applikati f’EN 16510-1

L-effiċjenza utli fil-potenza termika nominali u minima: ηth,nom, ηth,min

CEN

EN 1:1998 § 6.6.1.2

EN 13842:2004 § 6.5.6

Skont EN 1, ηth,nom tikkorrispondi għal η bir-rata massima tal-fluss taż-żejt, ηth,min għandha tiġi ddeterminata bħala η bir-rata minima tal-fluss taż-żejt.

Skont EN 13842, ηth,nom għandha tiġi kkalkolata bħala ηth,nom = 1-qA, b’qA imkejla b’input termiku nominali, jew b’input termiku minimu (meta applikabbli).

Il-valuri kollha għandhom ikunu bbażati fuq il-valur kalorifiku nett.

Potenza termika nominali, potenza termika minima: Pnom , Pmin

CEN

EN 1:1998/A1:2007 § 6.5.2.1

EN 13842:2004: § 6.3.

Skont EN 1, Pnom tikkorrispondi ma’ P bir-rata massima (nominali) jew minima tal-fluss taż-żejt.

Skont EN 13842, il-potenza termika nominali tista’ tiġi kkalkolata bħala: Q0*(1-qA) għal kundizzjonijiet tal-potenza termika nominali u minima.

Il-konsum tal-enerġija elettrika fil-potenza termika nominali, elmax

CEN

EN 15456:2008 § 5.1.3.1.

elmax tikkorrispondi għal Paux 100 f’EN15456.

Konsum tal-enerġija elettrika fil-potenza termika minima: elmin

CEN

EN 15456:2008, § 5.1.3.2.

Tikkorrispondi għar-rekwiżit ta’ potenza awżiljarja Paux 30 f’EN15456

Il-konsum tal-enerġija fil-modalità standby: Psm

CEN

EN 15456:2008, § 5.1.3.3.

jew

EN 50564:2011§ 5.3.

Tikkorrispondi għal Paux sb f’EN15456 jew għall-konsum tal-elettriku fil-modalità standby f’EN 50564.

Emissjonijiet tal-ossidi tan-nitroġenu (NOx)

CEN

EN 1:1998/A1:2007 § 6.6.4

EN 13842 l-Anness C7

Għall-fini ta’ dikjarazzjoni u ta’ verifika għandu jintuża l-metodu f’EN 1.

Potenza tal-fjamma pilota permanenti: Ppilot

CEN

EN 1266:2002, § 7.3.4

Għall-fini ta’ dikjarazzjoni u ta’ verifika ta’ dan ir-rekwiżit tal-potenza għandu jintuża l-metodu bħal f’EN1266:2002, § 7.3.4.

Akkuratezza tal-kontroll u Devjazzjoni mill-Kontroll sal-Valur Programmat: CA u CSD

CEN

 

L-akkuratezza tal-kontroll tal-ħiters tal-post lokali tal-fjuwils likwidi ma hijiex deskritta fl-istandards EN.

Għall-fini ta’ dikjarazzjoni u ta’ verifika għandhom jintużaw il-prinċipji kif applikati f’EN 15500-1


Ħiters tal-post lokali tal-elettriku

Parametru

ESO

Referenza/ Titlu

Noti

Potenza termika nominali: Pnom

CENELEC

Għall-ħiters tal-elettriku portabbli, ħiters imwaħħlin u ħiters ta’ taħt l-art: EN/IEC 60675:1995/A11:2019 Klawżola 16C

Għall-ħiters li jaħżnu s-sħana li jaħdmu bl-elettriku: EN 60531:2000/A11:2019 § 9.3

Skont EN 60675:1995/A11:2019 jekk ma jkun hemm ebda potenza termika indiretta, il-potenza termika massima kontinwa (il-klawżola 16A) tkun ugwali għall-potenza termika nominali.

Pnom tikkorrispondi għall-istandards applikabbli li ġejjin:

IEC/EN 60335-1: Apparati tal-elettriku domestiċi u apparati simili — sikurezza — vultaġġ attribwit: 250 V għal apparati ta’ monofażi, sa 480 V għal oħrajn, mhux maħsub għal apparat għall-użu domestiku bħas-soltu.

IEC/EN 60335-2-30: Apparati tal-elettriku li jintużaw fid-dar u apparati simili — sikurezza — rekwiżiti partikolari għal ħiters tal-kmamar.

IEC/EN 60335-2-43: Apparat elettriku li jintuża fid-djar u apparati simili - Sikurezza - Parti 2-43: Rekwiżiti partikolari għal magni għat-tnixxif tal-ħwejjeġ u vireg tax-xugamani.

IEC/EN 60335-2-61: Apparati tal-elettriku domestiċi u apparati simili — sikurezza — rekwiżiti partikolari għall-ħiters termiċi li jżommu s-sħana fihom għall-kmamar.

IEC/EN 60335-2-96: Apparati elettriċi domestiċi u apparati simili — sikurezza — rekwiżiti partikolari għal elementi tat-tisħin magħmulin minn pjanċi flessibbli għat-tisħin tal-kmamar.

IEC/EN 60335-2-106: Apparati tal-elettriku domestiċi u apparati simili — sikurezza — rekwiżiti partikolari għal twapet imsaħħna u għal unitajiet ta’ tisħin għat-tisħin tal-kmamar.

IEC/EN 60531:1991. Ħiters termiċi li jżommu s-sħana fihom għall-kmamar — metodi għall-kejl tal-prestazzjoni

Potenza termika massima kontinwa: Pmax,c

CENELEC

Għall-ħiters tal-elettriku portabbli, ħiters imwaħħlin u ħiters ta’ taħt l-art: EN/IEC 60675:1995/A11:2019 Klawżola 16 A

Pmax,c tikkorrispondi għall-potenza li tista’ tintuża f’IEC 60675

Il-konsum tal-enerġija fil-modalità standby: Psm

CENELEC

EN 50564:2011 § 5.3

Tikkorrispondi għall-konsum tal-enerġija fil-modalità standby f’EN 50564.

F(2) u F(3)

CENELEC

Għall-ħiters tal-elettriku portabbli, ħiters imwaħħlin u ħiters ta’ taħt l-art: EN 60675:1995/A11:2019 § 17

EN 60675 jipprovdi metodi ta’ ttestjar għall-funzjonijiet kollha ta’ kontroll li jikkorrispondu għal F(2) u F(3), ħlief għall-akkuratezza tal-kontroll u l-funzjonalità tal-awtoapprendiment

Akkuratezza tal-kontroll u Devjazzjoni mill-Kontroll sal-Valur Programmat: CA u CSD

CEN

EN 15500-1:2017 § 5.4 & § 6.3

 


Ħiters tal-post lokali luminużi u bit-tubi

Parametru

ESO

Referenza/ Titlu

Noti

L-effiċjenza utli fil-potenza termika nominali u minima: ηth,nom , ηth,min

CEN

Għall-ħiters tal-post lokali bit-tubi b’segmenti tat-tubu li ma humiex strixxi: EN 416:2019 § 7.6.5.

Għall-ħiters tal-post lokali bit-tubi b’segmenti tat-tubu li huma strixxi: EN 17175:2019

 

Potenza termika nominali, potenza termika minima: Pnom , Pmin

CEN

Ħiters tal-post lokali luminużi: EN 419:2019

Għall-ħiters tal-post lokali bit-tubi b’segmenti tat-tubu li ma humiex strixxi: EN 416:2019

Għall-ħiters tal-post lokali bit-tubi b’segmenti tat-tubu li huma strixxi: EN 17175:2019

Għall-ħiters tal-post lokali luminużi u bit-tubi, il-potenza termika hija kkalkolata bħala:

potenza termika = potenza termika Qn * effiċjenza utli, fil-potenza termika nominali jew fil-potenza termika minima.

Il-valuri kollha għandhom ikunu bbażati fuq il-valur kalorifiku gross tal-fjuwil.

Fattur ta’ telf mill-involukru: Fenv

CEN

EN 1886:2007 § 8.2.1

Fenv tiddependi fuq il-klassi T1 sa T5 kif stabbilit minn EN 1886.

Fattur radjanti (RF għan-nominali u għall-minima): RFnom u RFmin

CEN

Ħiters tal-post lokali luminużi: EN 419:2019: § 7.6.3

Għall-ħiters tal-post lokali bit-tubi: EN 416:2019 § 7.5.3

Għall-ħiters tal-post lokali bit-tubi b’segmenti tat-tubu li huma strixxi: EN 17175:2019

RF fil-potenza termika nominali tikkorrispondi għal Rf fl-istandard. RF fil-potenza termika minima tikkorrispondi għal Rf, iżda mkejla f’potenza termika minima.

Rf għandu jkun ibbażat fuq il-valur kalorifiku nett.

Konsum tal-enerġija elettrika fil-potenza termika nominali: elmax

CEN

EN 416:2019 § 6.4.2

EN 419:2019 § 6.8.2

EN 17175:2019

 

Konsum tal-enerġija elettrika fil-potenza termika minima: elmin

CEN

EN 416:2019 § 6.4.3

EN 419:2019 § 6.8.3

EN 17175:2019

 

Il-konsum tal-enerġija fil-modalità standby, Psm

CEN

EN 416:2019 § 6.4.4

EN 419:2019 § 6.8.4

EN 17175:2019

EN 50564:2011

Tikkorrispondi għall-konsum tal-enerġija fil-modalità standby f’EN 50564

Potenza tal-fjamma pilota permanenti: Ppilot

CEN

 

La l-istandard EN 416 u lanqas EN 419, u lanqas EN 17175 ma jiddeskrivu metodu għad-determinazzjoni ta’ rekwiżit tal-enerġija għal fjamma pilota permanenti (berner tat-tqabbid). Għall-fini ta’ dikjarazzjoni u ta’ verifika ta’ dan ir-rekwiżit tal-potenza għandu jintuża l-metodu bħal f’EN1266:2002, § 7.3.4.


Kontrolli

Parametru

ESO

Referenza/ Titlu

Noti

Il-modalità mitfi: Po

CEN

EN 15500-1:2017 § 5.3.2 u § 6.1

EN 50564:2011 § 5.3

EN 15500-1 jiddefinixxi t-tqassim bażiku għall-kontrolli tal-ittestjar b’mod separat mill-ħiter tal-post lokali, għalkemm ma jistabbilix metodu speċifiku għall-ittestjar tal-modalità mitfi. Metodu speċifiku għal modalitajiet ta’ potenza baxxa ta’ apparat domestiku li jaħdem bl-elettriku huwa stabbilit f’EN 50564:2011, fejn iridu jsiru l-adattamenti korrispondenti biex jiġu ċċekkjati l-kontrolli.

Il-modalità standby: Psm

CEN

EN 15500-1:2017 § 5.3.2 u § 6.1

EN 50564:2011 § 5.3

EN 15500-1 jiddefinixxi t-tqassim bażiku għall-kontrolli tal-ittestjar b’mod separat mill-ħiter tal-post lokali, għalkemm ma jistabbilix metodu speċifiku għall-ittestjar tal-modalità standby. Metodu speċifiku għal modalitajiet ta’ potenza baxxa ta’ apparat domestiku li jaħdem bl-elettriku huwa stabbilit f’EN 50564:2011, fejn iridu jsiru l-adattamenti korrispondenti biex jiġu ċċekkjati l-kontrolli.

Il-modalità idle: Pidle

CEN

EN 15500-1:2017 § 6.2.1

 

Standby tan-network: Pnsm

CEN

EN 15500-1:2017 § 5.3.2 u § 6.1

EN 50564:2011 § 5.3

EN 15500-1 jiddefinixxi t-tqassim bażiku għall-kontrolli tal-ittestjar b’mod separat mill-ħiter tal-post lokali, għalkemm ma jistabbilix metodu speċifiku għall-ittestjar tal-modalità standby man-network. Metodu speċifiku għal modalitajiet ta’ potenza baxxa ta’ apparat domestiku li jaħdem bl-elettriku huwa stabbilit f’EN 50564:2011, fejn iridu jsiru l-adattamenti korrispondenti biex jiġu ċċekkjati l-kontrolli.

Modalità standby b’wiri ta’ informazzjoni jew ta’ status

CEN

EN 15500-1:2017 § 5.3.2 u § 6.1

EN 50564:2011 § 5.3

EN 15500-1 jiddefinixxi t-tqassim bażiku għall-kontrolli tal-ittestjar b’mod separat mill-ħiter tal-post lokali, għalkemm ma jistabbilix metodu speċifiku għall-ittestjar tal-modalità standby b’turija ta’ informazzjoni jew ta’ status. Metodu speċifiku għal modalitajiet ta’ potenza baxxa ta’ apparat domestiku li jaħdem bl-elettriku huwa stabbilit f’EN 50564:2011, fejn iridu jsiru l-adattamenti korrispondenti biex jiġu ċċekkjati l-kontrolli.

Akkuratezza tal-Kontroll u Devjazzjoni mill-Kontroll sal-Valur Programmat: CA u CSD

CEN

EN 15500-1:2017 § 5.4 & § 6.3

 


ANNESS V

Proċedura ta’ verifika għall-fini tas-sorveljanza tas-suq imsemmija fl-Artikolu 5

1.   

It-tolleranzi tal-verifika definiti f’dan l-Anness huma relatati biss mal-verifika tal-parametri ddikjarati mill-awtoritajiet tal-Istati Membri u ma għandhomx jintużaw mill-manifattur, mill-importatur jew mir-rappreżentanti awtorizzati bħala tolleranza permessa biex jiġu stabbiliti l-valuri inklużi fid-dokumentazzjoni teknika jew għall-interpretazzjoni ta’ dawn il-valuri bl-għan li tinkiseb il-konformità jew biex tiġi kkomunikata prestazzjoni aħjar bi kwalunkwe mezz.

2.   

Meta mudell ma jkunx konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 6, il-mudell u l-mudelli ekwivalenti kollha għandhom jitqiesu bħala mhux konformi.

3.   

Bħala parti mill-verifika tal-konformità ta’ mudell ta’ ħiter tal-post lokali jew ta’ mudell ta’ kontroll separat relatat mar-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament skont l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/125/KE, l-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom japplikaw il-proċedura li ġejja:

(a)

l-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom jivverifikaw unità singola waħda għal kull mudell;

(b)

il-mudell u l-mudelli ekwivalenti kollha għandhom jitqiesu li jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(i)

il-valuri ddikjarati mogħtija fid-dokumentazzjoni teknika skont il-punt 2 tal-Anness IV tad-Direttiva 2009/125/KE, u, meta applikabbli, il-valuri użati għall-kalkolu ta’ dawn il-valuri, ma humiex iktar favorevoli għall-manifattur, għall-importatur jew għar-rappreżentant awtorizzat mir-riżultati tal-kejlijiet korrispondenti mwettqa skont il-punt 2(g) ta’ dak l-Anness;

(ii)

il-valuri ddikjarati jkunu jissodisfaw kwalunkwe rekwiżit stabbilit f’dan ir-Regolament, u kwalunkwe informazzjoni meħtieġa dwar il-prodott li tiġi ppubblikata mill-fabbrikant, mill-importatur jew mir-rappreżentant awtorizzat ma jkunx fiha valuri li jkunu aktar favorevoli għall-fabbrikant, għall-importatur jew għar-rappreżentant awtorizzat mill-valuri dikjarati;

(iii)

meta l-awtoritajiet tal-Istati Membri jivverifikaw l-unità tal-mudell, kwalunkwe sistema ta’ aġġornament tas-software li setgħet ġiet stabbilita mill-manifattur, mill-importatur jew mir-rappreżentant awtorizzat tikkonforma mar-rekwiżiti fl-Artikolu 7;

(iv)

meta l-awtoritajiet tal-Istati Membri jiċċekkjaw l-unità tal-mudell, din tikkonforma mar-rekwiżiti tal-informazzjoni dwar il-prodott fil-punt 4 u mar-rekwiżiti tal-effiċjenza fir-riżorsi fil-punt 5 tal-Anness II;

(v)

meta l-awtoritajiet tal-Istati Membri jittestjaw l-unità tal-mudell, il-valuri determinati (il-valuri tal-parametri rilevanti kif imkejla waqt it-testijiet u l-valuri kkalkulati minn dan il-kejl) jikkonformaw mat-tolleranzi tal-verifika rispettivi mogħtija fit-Tabella 12.

4.   

Jekk ma jinkisbux ir-riżultati msemmija fil-punti (3)(b), (i), (ii) (iii) jew (iv), il-mudell u l-mudelli ekwivalenti kollha għandhom jitqiesu li ma humiex konformi ma’ dan ir-Regolament.

5.   

Meta ma jinkisibx ir-riżultat imsemmi fil-punt (3)(b)(v), l-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom jagħżlu tliet unitajiet addizzjonali tal-istess mudell biex jiġu ttestjati. Inkella, it-tliet unitajiet addizzjonali magħżula jistgħu jkunu ta’ mudell ekwivalenti wieħed jew iktar.

6.   

Il-mudell għandu jitqies li huwa konformi mar-rekwiżiti applikabbli jekk, għat-tliet unitajiet imsemmija fil-punt (5), il-medja aritmetika tal-valuri determinati tikkonforma mat-tolleranzi tal-verifika rispettivi mogħtija fit-Tabella 12.

7.   

Jekk ma jinkisibx ir-riżultat imsemmi fil-punt (6), il-mudell u l-mudelli ekwivalenti kollha għandhom jitqiesu li mhumiex konformi ma’ dan ir-Regolament.

8.   

Wara li tittieħed id-deċiżjoni dwar in-nuqqas ta’ konformità tal-mudell f’konformità mal-punti (2), (4) jew (7), l-awtoritajiet tal-Istat Membru għandhom jipprovdu kull informazzjoni rilevanti lill-awtoritajiet tal-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni mingħajr dewmien.

9.   

L-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom jużaw il-metodi tal-kejl u tal-kalkolu stabbiliti fl-Anness III.

10.   

L-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom japplikaw biss it-tolleranzi tal-verifika li huma stabbiliti fit-Tabella 12 u għandhom jużaw biss il-proċedura deskritta fil-punti (3) sa (7) għar-rekwiżiti msemmija f’dan l-Anness. Għall-parametri fit-Tabella 12, ma għandha tiġi applikata l-ebda tolleranza ta’ verifika oħra, bħalma huma dawk stabbiliti fi standards armonizzati jew fi kwalunkwe metodu ieħor ta’ kejl.

Tabella 12: Tolleranzi tal-verifika

Parametri

Tolleranzi tal-verifika

η S għall-ħiters tal-post lokali tal-elettriku

Il-valur iddeterminat (*) ta’ η S ma huwiex agħar mill-valur iddikjarat ta’ ηs. (*1)

η S għall-ħiters tal-post lokali tal-fjuwils likwidi

Il-valur iddeterminat* ta’ η S ma huwiex iktar minn 8 % inqas mill-valur iddikjarat ta’ ηs. (*1)

η S għall-ħiters tal-post lokali tal-fjuwils gassużi

Il-valur iddeterminat* ta’ η S ma huwiex iktar minn 8 % inqas mill-valur iddikjarat ta’ ηs. (*1)

η S għall-ħiters tal-post lokali għal użu kummerċjali

Il-valur iddeterminat* ta’ η S ma huwiex iktar minn 10 % anqas mill-valur iddikjarat ta’ ηs. (*1)

Pnom

Il-valur iddeterminat* ta’ Pnom ma huwiex iktar minn 10 % inqas mill-valur iddikjarat ta’ Pnom . (*1)

L-emissjonijiet ta’ NOx tal-ħiters tal-post lokali tal-fjuwils gassużi, tal-ħiters tal-post lokali tal-fjuwils likwidi u tal-ħiters tal-post lokali għal użu kummerċjali

Il-valur iddeterminat* ma huwiex iktar mill-valur iddikjarat tal-emissjonijiet ta’ NOx b’iktar minn 10 %. (*1)

Po

Il-valur iddeterminat* ma għandux jaqbeż il-valur Po iddikjarat b’iktar minn 0,10 W. (*1)

Psm, Pidle, Pnsm

Il-valur iddeterminat* ma għandux jaqbeż il-valur iddikjarat b’iktar minn 10 % jekk il-valur iddikjarat ta’ Psm, Pidle jew Pnsm ikun ogħla minn 1,00 W, jew b’iktar minn 0,10 W jekk il-valur iddikjarat ikun 1,00 W jew inqas. (*1)


(*1)  Jekk jiġu ttestjati tliet unitajiet addizzjonali f’konformità mal-punt (5), il-valur iddeterminat ifisser il-medja aritmetika tal-valuri ddeterminati għal dawk it-tliet unitajiet addizzjonali.


ANNESS VI

Il-parametri referenzjarji indikattivi msemmija fl-Artikolu 8

Fil-perjodu li fih daħal fis-seħħ dan ir-Regolament, l-aqwa teknoloġija disponibbli fis-suq għall-ħiters tal-post lokali f’dak li għandu x’jaqsam mal-effiċjenza enerġetika staġonali tat-tisħin tal-post u mal-emissjonijiet tal-ossidi tan-nitroġenu ġiet identifikata kif ġej:

(1)

il-parametri referenzjarji speċifiċi għall-effiċjenza enerġetika staġonali tat-tisħin tal-post tal-ħiters tal-post lokali:

(a)

għall-ħiters tal-post lokali bil-kompartiment tal-kombustjoni miftuħ: 65 %;

(b)

ħiters tal-post lokali bil-faċċata magħluqa b’kombustjoni miftuħa u ħiters tal-post lokali bi tromba taċ-ċumnija bbilanċjati: 88 %;

(c)

ħiters tal-post lokali tal-elettriku: 51 %;

(d)

ħiters tal-post lokali luminużi: 92 %;

(e)

għall-ħiters tal-post lokali bit-tubi: 88 %;

(2)

Il-parametri referenzjarji speċifiċi għall-emissjonijiet tal-ossidi tan-nitroġenu (NOx) mill-ħiters tal-post lokali:

(a)

għall-ħiters tal-post lokali li jużaw il-gass jew fjuwils likwidi: 50 mg/kWhinput ibbażat fuq GCV;

(b)

ħiters tal-post lokali luminużi u ħiters tal-post lokali bit-tubi: 50 mg/kWhinput ibbażat fuq GCV.

Il-parametri referenzjarji speċifikati fil-punti 1 u 2 mhux bilfors ifissru li kombinament ta’ dawk il-valuri jista’ jintlaħaq għal ħiter tal-post lokali wieħed.


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1103/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)