European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/1102

12.4.2024

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2024/1102

tal-25 ta’ Marzu 2024

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Speċjalizzat għall-Enerġija bejn l-UE u r-Renju Unit stabbilit mill-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, min-naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra, rigward l-adozzjoni tal-gwida dwar l-arranġamenti ta’ ħidma u dwar l-arranġamenti amministrattivi

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 194(1), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Fid-29 ta’ April 2021, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (UE) 2021/689 (1) dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, min-naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra (2) (il-“Ftehim”). Dan ilu japplika mill-1 ta’ Jannar 2021.

(2)

Skont l-Artikolu 8(4), il-punt (c), tal-Ftehim, il-Kumitat Speċjalizzat għall-Enerġija (il-“Kumitat Speċjalizzat”), fir-rigward ta’ kwistjonijiet relatati mal-qasam ta’ kompetenza tagħha, għandu s-setgħa li jadotta deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet fir-rigward tal-kwistjonijiet kollha li fihom il-Ftehim jew kwalunkwe ftehim supplimentari jipprevedi dan jew li għalihom il-Kunsill ta’ Sħubija jkun iddelegalu setgħat,. Skont l-Artikolu 10(2) tal-Ftehim, Kumitat Speċjalizzat għandu jadotta deċiżjonijiet u jagħmel rakkomandazzjonijiet b’kunsens reċiproku. Barra minn hekk, kif previst fl-Artikolu 8(4), il-punt (a), tal-Ftehim, il-Kumitat Speċjalizzat għandu s-setgħa li jimmonitorja u jirrieżamina l-implimentazzjoni u jiżgura l-funzjonament tajjeb tal-Ftehim.

(3)

L-Artikolu 317(1) tal-Ftehim jipprovdi li kull Parti għandha tiżgura li l-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni jiżviluppaw arranġamenti ta’ ħidma li jkunu effiċjenti u inklużivi sabiex jappoġġaw l-ippjanar u l-kompiti operazzjonali assoċjati mal-ilħuq tal-objettivi tat-Titolu VIII (l-Enerġija) tal-Ftehim, inkluż l-oqfsa għall-kooperazzjoni bejn in-Network Ewropew għall-Operaturi tas-Sistema ta’ Trażmissjoni tal-Elettriku (ENTSO-E) u n-Network Ewropew tal-Operaturi tas-Sistema ta’ Trażmissjoni tal-Gass (ENTSOG), min-naħa waħda, u l-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni tal-elettriku u tal-gass fir-Renju Unit, min-naħa l-oħra.

(4)

L-Artikolu 318(1) tal-Ftehim jipprovdi li kull Parti għandha tiżgura li l-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER) u l-awtorità regolatorja fir-Renju Unit maħtura f’konformità mal-Artikolu 310 tal-Ftehim jiżviluppaw kuntatti u jidħlu f’arranġamenti amministrattivi kemm jista’ jkun malajr sabiex jiffaċilitaw l-ilħuq tal-objettivi tal-Ftehim.

(5)

Skont l-Artikolu 317(1) tal-Ftehim, l-oqfsa għall-kooperazzjoni ma għandhomx jinvolvu, jew jikkonferixxu status komparabbli mas-sħubija fl-ENTSO-E jew fl-ENTSOG mill-operaturi tas-sistemi ta’ trażmissjoni tar-Renju Unit. Bl-istess mod, skont l-Artikolu 318(2) tal-Ftehim, l-arranġamenti amministrattivi ma għandhomx jinvolvu, jew jagħtu status komparabbli mal-parteċipazzjoni fl-ACER mill-awtorità regolatorja fir-Renju Unit maħtura f’konformità mal-Artikolu 310 tal-Ftehim.

(6)

Il-Kumitat Speċjalizzat għandu jaqbel dwar gwida dwar l-arranġamenti ta’ ħidma msemmija fl-Artikolu 317(1) tal-Ftehim u dwar gwida dwar l-arranġamenti amministrattivi msemmija fll-Artikolu 318(1) tal-Ftehim malli jkun prattikabbli. Il-Kumitat Speċjalizzat għandu jadotta deċiżjoni dwar dik il-gwida jew matul il-laqgħa tiegħu li jmiss inkella permezz ta’ proċedura bil-miktub, skont liema tiġi l-ewwel, wara t-tlestija tal-proċeduri domestiċi għal dak il-għan minn kull Parti.

(7)

Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan il-Kumitat Speċjalizzat, peress li d-deċiżjoni tal-Kumitat Speċjalizzat ser tkun vinkolanti għall-Unjoni.

(8)

Sabiex tissorvelja l-implimentazzjoni tal-Ftehim, inkluż il-gwida tal-Kumitat Speċjalizzat, jenħtieġ li l-pożizzjoni tal-Unjoni tiġi speċifikata iktar meta, qabel ma jiġu kkonsultati, l-arranġamenti ta’ ħidma u l-arranġamenti amministrattivi jiġu ppreżentati lill-Kumitat Speċjalizzat biex iqishom. Dejjem jekk l-arranġamenti ta’ ħidma u l-arranġamenti amministrattivi jikkonformaw mal-Ftehim u mal-pożizzjoni tal-Unjoni kif tinsab fl-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kumitat Speċjalizzat mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni, jenħtieġ li jkun possibbli li tiġi espressa kunsiderazzjoni pożittiva f’isem l-Unjoni fi ħdan il-Kumitat Speċjalizzat. Biex jiżguraw l-involviment sħiħ u regolari tal-Kunsill u tal-korpi ta’ tħejjija tiegħu, jenħtieġ li japplikaw il-proċeduri stipulati fid-Deċiżjoni (UE) 2021/689,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Speċjalizzat għall-Enerġija hija stipulata fl-abbozz tad-deċiżjoni tal-Kumitat Speċjalizzat mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

1.   Il-pożizzjoni tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 1 għandha tiġi speċifikata aktar meta, qabel ma jiġu konklużi, l-arranġamenti ta’ ħidma u l-arranġamenti amministrattivi msemmija fl-Annessi għall-abbozz tad-deċiżjoni tal-Kumitat Speċjalizzat jiġu preżentati lill-Kumitat Speċjalizzat biex iqishom.

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tibgħat l-arranġamenti ta’ ħidma u l-arranġamenti amministrattivi msemmija fih lill-Kunsill skont l-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni (UE) 2021/689.

3.   Dejjem jekk l-arranġamenti ta’ ħidma u l-arranġamenti amministrattivi msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jikkonformaw mal-Ftehim u mal-pożizzjoni tal-Unjoni stabbiliti fl-Artikolu 1, il-Kunsill jista’ japprova li tiġi espressa kunsiderazzjoni pożittiva mill-Kummissjoni f’isem l-Unjoni.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Marzu 2024.

Għall-Kunsill

Il-President

M. MARON


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/689 tad-29 ta’ April 2021 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, min-naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra, u tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq dwar il-proċeduri ta’ sigurtà għall-iskambju u għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata (ĠU L 149, 30.4.2021, p. 2).

(2)   ĠU L 149, 30.4.2021, p. 10.


ABBOZZ

DEĊIŻJONI NRU …/… TAL-KUMITAT SPEĊJALIZZAT DWAR L-ENERĠIJA STABBILIT PERMEZZ TAL-ARTIKOLU 8(1)(l) TAL-FTEHIM DWAR IL-KUMMERĊ U L-KOOPERAZZJONI BEJN L-UNJONI EWROPEA U L-KOMUNITÀ EWROPEA TAL-ENERĠIJA ATOMIKA, MIN-NAĦA WAĦDA, U R-RENJU UNIT TAL-GRAN BRITTANJA U L-IRLANDA TA’ FUQ, MIN-NAĦA L-OĦRA

ta’ …

dwar il-gwida dwar l-oqfsa għall-kooperazzjoni bejn, rispettivament, l-ENTSO-E u l-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni tal-elettriku tar-Renju Unit, l-ENTSOG u l-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni tal-gass tar-Renju Unit, u l-ACER u l-awtorità regolatorja fir-Renju Unit maħtura f’konformità mal-Artikolu 310 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni (GEMA u r-Regolatur tal-Utilità)

IL-KUMITAT SPEĊJALIZZAT DWAR L-ENERĠIJA,

Wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Kummerċ u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, min-naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra (il-“Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni”), u b’mod partikolari l-Artikoli 317(1) u l-Artikolu 318(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 8(4), il-punt (a), tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, il-Kumitat Speċjalizzat għall-Enerġija (il-“Kumitat Speċjalizzat”) għandu s-setgħa li jimmonitorja u jirrieżamina l-implimentazzjoni u jiżgura l-funzjonament xieraq tal-Ftehim fil-qasam ta’ kompetenza tiegħu. Skont l-Artikolu 8(4), il-punt (c), tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u Kooperazzjoni, huwa għandu s-setgħa li jadotta deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet fir-rigward tal-materji kollha li fihom il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni jipprevedi dan jew li għalihom il-Kunsill ta’ Sħubija jkun iddelega s-setgħat tiegħu lil dak il-Kumitat Speċjalizzat skont l-Artikolu 7(4), il-punt (f), tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni.

(2)

L-Artikolu 317(1) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni jipprovdi li kull Parti għandha tiżgura li l-operaturi tas-sistemi ta’ trażmissjoni tal-gass u l-elettriku tal-Unjoni u tar-Renju Unit jiżviluppaw arranġamenti ta’ ħidma, inkluż oqfsa għall-kooperazzjoni, li jkunu effiċjenti u inklużivi sabiex jappoġġaw l-ippjanar u l-kompiti operazzjonali assoċjati mal-ilħuq tal-objettivi tat-Titolu VIII (Enerġija) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni. Dan jistabbilixxi l-kamp ta’ applikazzjoni u l-kundizzjonijiet tal-arranġamenti ta’ ħidma, b’mod partikolari li ma għandhomx jinvolvu sħubija fl-ENTSO-E jew fl-ENTSOG, jew li ma għandhomx jagħtu status komparabbli magħha, għall-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni tar-Renju Unit.

(3)

Skont l-Artikolu 317(1), it-tielet subparagrafu, tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, il-Kumitat Speċjalizzat għandu jaqbel dwar gwida dwar l-arranġamenti ta’ ħidma u l-oqfsa għall-kooperazzjoni għad-disseminazzjoni lill-operaturi tas-sistemi ta’ trażmissjoni kemm jista’ jkun malajr.

(4)

L-Artikolu 318(1) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni jipprovdi li kull Parti għandha tiżgura li l-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (Agency for the Cooperation of Energy Regulators, ACER) u l-awtorità regolatorja fir-Renju Unit maħtura f’konformità mal-Artikolu 310 jiżviluppaw kuntatti u jidħlu f’arranġamenti amministrattivi kemm jista’ jkun malajr sabiex jiffaċilitaw l-ilħuq tal-objettivi tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni u jistabbilixxi l-kamp ta’ applikazzjoni u l-kundizzjonijiet tal-arranġamenti amministrattivi. L-Artikolu 318(2) tal-Ftehim ta' Kummerċ u Kooperazzjoni jipprovdi b’mod partikolari li tali arranġamenti amministrattivi ma għandhomx jinvolvul-parteċipazzjoni fl-ACER, jew jikkonferixxu status komparabbli magħha, mill-awtorità regolatorja fir-Renju Unit maħtura f’konformità mal-Artikolu 310 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni.

(5)

Skont l-Artikolu 318(1), it-tieni subparagrafu, tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, il-Kumitat Speċjalizzat għandu jaqbel dwar gwida dwar l-arranġamenti amministrattivi għal tali kooperazzjoni għad-disseminazzjoni lill-awtoritajiet regolatorji kemm jista’ jkun malajr.

(6)

Il-Kumitat Speċjalizzat jenħtieġ li jaqbel dwar gwida dwar l-arranġamenti ta’ ħidma msemmija fl-Artikolu 317(1) tal-Ftehim ta' Kummerċ u Kooperazzjoni u dwar l-arranġamenti amministrattivi msemmija fl-Artikolu 318(1) tal-Ftehim ta' Kummerċ u Kooperazzjoni kemm jista’ jkun malajr, filwaqt li kemm jista’ jkun jibni fuq il-ħidma diġà mwettqa mit-TSOs, mill-awtoritajiet regolatorji, mill-ENTSO-E, mill-ENTSOG u mill-ACER mill-2021,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI,

Artikolu 1

Il-gwida tal-Kumitat Speċjalizzat kif stabbilita fl-Anness I hija b’dan adottata bħala l-gwida dwar arranġamenti ta’ ħidma bejn l-ENTSO-E u l-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni tal-elettriku tar-Renju Unit. Il-Kumitat Speċjalizzat jitlob lill-Partijiet biex jiddisseminawha lilhom mingħajr dewmien.

Artikolu 2

Il-gwida tal-Kumitat Speċjalizzat kif stabbilita fl-Anness II hija b’dan adottata bħala l-gwida dwar arranġamenti ta’ ħidma bejn l-ENTSOG u l-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni tal-gass tar-Renju Unit. Il-Kumitat Speċjalizzat jitlob lill-Partijiet biex jiddisseminawha lilhom mingħajr dewmien.

Artikolu 3

Il-gwida tal-Kumitat Speċjalizzat kif stabbilita fl-Anness III hija b’dan adottata bħala l-gwida dwar arranġamenti amministrattivi bejn l-ACER u l-awtorità regolatorja fir-Renju Unit maħtura f’konformità mal-Artikolu 310 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni (GEMA u r-Regolatur tal-Utilità). Il-Kumitat Speċjalizzat jitlob lill-Partijiet biex jaqsmuha magħhom mingħajr dewmien.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell u f’Londra, …

 

 

Għall-Kumitat Speċjalizzat

Il-Kopresidenti

VALERO

P. KOVACS

M. SKRINAR

ANNESS I

Gwida dwar arranġamenti ta’ ħidma bejn l-ENTSO-E u l-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni tal-elettriku tar-Renju Unit

B’kont meħud tal-Artikolu 317 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni li jirrikjedi li l-Partijiet jiżguraw li l-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni jiżviluppaw arranġamenti ta’ ħidma, inkluż qafas għall-kooperazzjoni bejn l-ENTSO-E min-naħa waħda u l-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni (transmission system operators, TSOs) tal-gass tar-Renju Unit min-naħa l-oħra,

1.

L-ENTSO-E u t-TSOs tal-elettriku tar-Renju Unit huma mitluba jiżviluppaw u jimplimentaw, kemm jista’ jkun malajr, arranġamenti ta’ ħidma effiċjenti u inklużivi biex jiżguraw il-kooperazzjoni effettiva tagħhom.

2.

L-arranġamenti ta’ ħidma jenħtieġ li jkopru l-oqsma ta’ kooperazzjoni li ġejjin u l-aspetti relatati mill-qrib magħhom:

Is-swieq tal-elettriku

L-aċċess għan-networks

Is-sigurtà tal-provvista tal-elettriku

L-ippjanar tal-infrastruttura

L-enerġija offshore

L-użu effiċjenti tal-interkonnetturi tal-elettriku

Id-dekarbonizzazzjoni tal-gass.

Jenħtieġ li l-arranġamenti ta’ ħidma jkunu limitati għal kwistjonijiet tekniċi u amministrattivi, inkluż l-iskambju ta’ informazzjoni, filwaqt li tinżamm l-awtonomija sħiħa tat-teħid tad-deċiżjonijiet ta’ kull naħa fir-rigward tal-funzjonijiet tagħhom tat-tfassil tal-politika rispettivament fl-Unjoni u fir-Renju Unit.

3.

It-TSOs tal-elettriku tar-Renju Unit jenħtieġ li jaġixxu b’mod konġunt u jeħtieġ li jistabbilixxu l-forom ta’ koordinazzjoni tagħhom stess biex jinvolvu ruħhom mal-ENTSO-E filwaqt li jqisu kif xieraq ir-regoli tal-kompetizzjoni rilevanti.

4.

L-arranġamenti ta’ ħidma ma għandhomx jinvolvu jew jagħtu lit-TSOs tal-elettriku tar-Renju Unit status komparabbli għas-sħubija mal-ENTSO-E, u lanqas jipprevedu l-parteċipazzjoni tat-TSOs tal-elettriku tar-Renju Unit fil-laqgħat tal-ENTSO-E.

5.

L-arranġamenti ta’ ħidma jenħtieġ li jiġu żviluppati kemm jista’ jkun malajr u, qabel il-konklużjoni tagħhom, jiġu ppreżentati lill-Kumitat Speċjalizzat għall-kunsiderazzjoni tiegħu. Wara l-konklużjoni tagħha, l-arranġamenti ta’ ħidma jenħtieġ li jiġu kkomunikati kif xieraq lill-parteċipanti rilevanti fis-suq.

ANNESS II

Gwida dwar arranġamenti ta’ ħidma bejn l-ENTSOG u l-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni tal-gass tar-Renju Unit

B’kont meħud tal-Artikolu 317 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni li jirrikjedi li l-Partijiet jiżguraw li l-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni tagħhom jiżviluppaw arranġamenti ta’ ħidma, inkluż qafas għall-kooperazzjoni bejn l-ENTSOG min-naħa waħda u l-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni (TSOs) tal-gass tar-Renju Unit min-naħa l-oħra,

1.

L-ENTSOG u t-TSOs tal-gass tar-Renju Unit huma mitluba jiżviluppaw u jimplimentaw, kemm jista’ jkun malajr, arranġamenti ta’ ħidma effiċjenti u inklużivi biex jiżguraw il-kooperazzjoni effettiva tagħhom.

2.

L-arranġamenti ta’ ħidma jenħtieġ li jkopru l-oqsma ta’ kooperazzjoni li ġejjin u l-aspetti relatati mill-qrib magħhom:

Is-swieq tal-gass

l-aċċess għan-networks

Is-sigurtà tal-provvista tal-gass

l-ippjanar tal-infrastruttura

L-enerġija offshore

L-użu effiċjenti tal-interkonnetturi tal-gass

Id-dekarbonizzazzjoni tal-gass u l-kwalità tal-gass, inklużi aspetti tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-metan fil-gass naturali.

Jenħtieġ li l-arranġamenti ta’ ħidma jkunu limitati għal kwistjonijiet tekniċi u amministrattivi, inkluż l-iskambju ta’ informazzjoni, filwaqt li tinżamm l-awtonomija sħiħa tat-teħid tad-deċiżjonijiet ta’ kull naħa fir-rigward tal-funzjonijiet tagħhom tat-tfassil tal-politika rispettivament fl-Unjoni u fir-Renju Unit.

3.

It-TSOs tal-gass tar-Renju Unit jenħtieġ li jaġixxu b’mod konġunt u jeħtieġ li jistabbilixxu l-forom ta’ koordinazzjoni tagħhom stess biex jinvolvu ruħhom mal-ENTSOG, filwaqt li jqisu kif xieraq ir-regoli tal-kompetizzjoni rilevanti.

4.

L-arranġamenti ta’ ħidma ma għandhomx jinvolvu jew jikkonferixxu status komparabbli mas-sħubija tal-ENTSOG lit-TSOs tal-gass tar-Renju Unit, u lanqas jipprevedu l-parteċipazzjoni tat-TSOs tal-gass tar-Renju Unit fil-laqgħat tal-ENTSOG.

5.

L-arranġamenti ta’ ħidma jenħtieġ li jiġu żviluppati kemm jista’ jkun malajr u, qabel il-konklużjoni tagħhom, jiġu ppreżentati lill-Kumitat Speċjalizzat għall-kunsiderazzjoni tiegħu. Wara l-konklużjoni tiegħu, jenħtieġ li l-arranġamenti ta’ ħidma jiġu kkomunikati kif xieraq lill-parteċipanti rilevanti fis-suq.

ANNESS III

Gwida dwar arranġamenti amministrattivi bejn l-ACER u l-awtorità regolatorja fir-Renju Unit maħtura f’konformità mal-Artikolu 310 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni (GEMA u r-Regolatur tal-Utilità)

B’kont meħud tal-Artikolu 318 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni li jirrikjedi li li l-Partijiet jiżguraw li l-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER) u l-awtorità regolatorja fir-Renju Unit maħtura f’konformità mal-Artikolu 310 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni jiżviluppaw kuntatti u jidħlu f’arranġamenti amministrattivi kemm jista’ jkun malajr sabiex jiffaċilitaw l-ilħuq tal-objettivi ta’ dan il-Ftehim,

1.

L-ACER u l-awtorità regolatorja fir-Renju Unit maħtura f’konformità mal-Artikolu 310 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni (GEMA u r-Regolatur tal-Utilità) huma mitluba jiżviluppaw u jimplimentaw, kemm jista’ jkun malajr, arranġamenti amministrattivi biex jiżguraw il-kooperazzjoni effettiva tagħhom.

2.

L-arranġamenti amministrattivi jenħtieġ li jkopru l-oqsma ta’ kooperazzjoni li ġejjin u l-aspetti relatati mill-qrib magħhom:

Is-suq tal-elettriku u tal-gass

L-aċċess għan-networks

Id-detezzjoni u prevenzjoni ta’ abbuż tas-suq, inkluż skambju xieraq ta’ informazzjoni

Is-sigurtà tal-provvista tal-gass u tal-elettriku

L-ippjanar tal-infrastruttura

L-enerġija offshore

L-użu effiċjenti tal-interkonnessjonijiet

Il-kooperazzjoni bejn l-operaturi tas-sistemi ta’ trażmissjoni

Id-dekarbonizzazzjoni tal-gass u l-kwalità tal-gass.

L-arranġamenti amministrattivi jenħtieġ li jkunu limitati għal kwistjonijiet tekniċi u amministrattivi, inkluż l-iskambju ta’ informazzjoni, filwaqt li tinżamm l-awtonomija sħiħa tat-teħid tad-deċiżjonijiet ta’ kull naħa fir-rigward tal-funzjonijiet tagħhom tat-tfassil tal-politika rispettivament fl-Unjoni u fir-Renju Unit.

3.

Il-GEMA tar-Renju Unit u r-Regolatur tal-Utilità jenħtieġ li jaġixxu b’mod konġunt u jeħtieġ li jistabbilixxu l-forom ta’ koordinazzjoni tagħhom stess biex jinvolvu ruħhom mal-ACER bħala parti minn delegazzjoni unika.

4.

L-arranġamenti amministrattivi ma għandhomx jinvolvu jew jikkonferixxu lill-awtorità regolatorja fir-Renju Unit maħtura f’konformità mal-Artikolu 310 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni status komparabbli mal-parteċipazzjoni fl-ACER, u lanqas jipprevedu l-parteċipazzjoni fil-laqgħat tal-ACER tal-awtorità regolatorja fir-Renju Unit maħtura f’konformità mal-Artikolu 310 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni.

5.

L-arranġamenti amministrattivi jenħtieġ li jiġu żviluppati kemm jista’ jkun malajr u, qabel il-konklużjoni tagħhom, jiġu ppreżentati lill-Kumitat Speċjalizzat għall-kunsiderazzjoni tiegħu. Wara l-konklużjoni tiegħu, jenħtieġ li l-arranġamenti amministrattivi jiġu kkomunikati kif xieraq lill-parteċipanti rilevanti tas-suq.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/1102/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)