|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2024/1101 |
12.4.2024 |
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/1101
tal-11 ta’ April 2024
dwar Pjan Direzzjonali ta’ Implimentazzjoni Koordinata għat-tranżizzjoni lejn il-Kriptografija Postkwantistika
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 292 tiegħu,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva (UE) 2022/2555 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2022 dwar miżuri għal livell għoli komuni ta’ ċibersigurtà madwar l-Unjoni kollha, li temenda r-Regolament (UE) Nru 910/2014 u d-Direttiva (UE) 2018/1972, u li tħassar id-Direttiva (UE) 2016/1148 (1) (id-Direttiva NIS2).
Billi:
|
(1) |
Is-salvagwardja tad-data u l-komunikazzjonijiet sensittivi siguri huma vitali għas-soċjetà, għall-ekonomija, għas-sigurtà u għall-prosperità tal-Unjoni. Iċ-ċibersigurtà għandha importanza strateġika biex tissawwar “Ewropa Lesta għall-Era Diġitali” (2), u objettiv ewlieni tal-programm ta’ politika tad-Deċennju Diġitali (3). |
|
(2) |
Kemm l-Istrateġija tal-UE dwar l-Unjoni tas-Sigurtà (4) kif ukoll l-Istrateġija tal-UE dwar iċ-Ċibersigurtà (5) jsemmu l-kriptaġġ bħala teknoloġija ewlenija biex jinkisbu r-reżiljenza u tas-sovranità teknoloġika u biex jinbena l-kapaċità operazzjonali għall-prevenzjoni taċ-ċiberattakki. Fil-fatt, il-kriptaġġ hu essenzjali għad-dinja diġitali biex ikollna sistemi u tranżazzjonijiet diġitali sigura, biex jitħarsu għadd ta’ drittijiet fundamentali, u jkollna kapaċitajiet tad-difiża sigura. It-tellieqa li qed jagħmlu diversi pajjiżi u entitajiet privati għall-iżvilupp tal-kapaċitajiet tal-computing kwantistiku, u biex jaħtfu opportunitajiet ġodda li potenzjalment ikunu tad-deheb, tikkaġuna theddid għall-istandards kriptografiċi attwali. Dawn l-istandards għandhom rwol kruċjali biex ikunu żgurati l-kunfidenzjalità tad-data, u l-integrità, il-protezzjoni tal-komunikazzjonijiet sensittivi, u biex jappoġġaw elementi essenzjali tas-sigurtà tan-network. |
|
(3) |
L-iżvilupp potenzjali futur ta’ kompjuters kwantistiċi li jkunu kapaċi jippenetraw il-kriptaġġ tal-lum jagħmilha meħtieġa li l-Ewropa tfittex salvagwardji aktar sodi, biex tiżgura l-protezzjoni tal-komunikazzjonijiet sensittivi u l-integrità fit-tul tal-informazzjoni kunfidenzjali, jiġifieri, billi taqleb malajr kemm jista’ jkun lejn il-Kriptografija Postkwantistika. Dan it-tip ġdid ta’ kriptografija se jneħħi l-vulnerabbiltajiet magħrufa tal-kriptografija asimmetrika attwali u jsaħħaħ l-ilqugħ kontra t-theddid ikkawżat mill-użu malizzjuż tal-kompjuters kwantistiċi. |
|
(4) |
Il-Kummissjoni ilha tiffinanzja r-riċerka u l-iżvilupp fil-Kriptografija Postkwantistika għal aktar minn għaxar snin, hekk kif tirrikonoxxi t-theddida potenzjali li l-computing kwantistiku joħloq għall-kriptografija ewlenija pubblika attwali. |
|
(5) |
L-Istati Membri jeħtieġ jikkunsidraw li jċaqilqu malajr kemm jista’ jkun l-infrastrutturi u s-servizzi diġitali attwali tagħhom tal-amministrazzjonijiet pubbliċi u ta’ infrastrutturi kritiċi oħra lejn il-Kriptografija Postkwantistika, filwaqt li jixprunaw bidla fundamentali fl-algoritmi, fil-protokolli u fis-sistemi kriptografiċi. Kif tisħaq il-White Paper riċenti tal-Kummissjoni “Kif nistgħu nissodisfaw il-ħtiġijiet tal-infrastruttura diġitali tal-Ewropa?”, dan jeħtieġ sforz ikkoordinat li jinvolvi lill-aġenziji tal-gvern, lill-korpi tal-istandardizzazzjoni, partijiet ikkonċernati mill-industrija, riċerkaturi u professjonisti taċ-ċibersigurtà. |
|
(6) |
Din ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri jiżviluppaw strateġija komprensiva għall-adozzjoni tal-Kriptografija Postkwantistika, biex jiżguraw tranżizzjoni koordinata u sinkronizzata fost l-Istati Membri differenti u s-setturi pubbliċi tagħhom. L-istrateġija għandha tiddefinixxi għanijiet, tappi u skedi taż-żmien ċari li jwasslu biex jissawwar Pjan Direzzjonali ta’ Implimentazzjoni konġunt għall-Kriptografija Postkwantistika. Dan għandu jwassal biex is-sistemi eżistenti tal-amministrazzjoni pubblika u l-infrastrutturi kritiċi madwar l-Unjoni jużaw it-teknoloġiji tal-Kriptografija Postkwantistika permezz ta’ skemi ibridi li jistgħu jikkombinaw il-Kriptografija Postkwantistika ma’ approċċi kriptografiċi eżistenti jew mad-Distribuzzjoni tal-Kjavi Kwantistika. |
|
(7) |
Għal tranżizzjoni effettiva lejn il-Kriptografija Postkwantistika, il-Pjan Direzzjonali ta’ Implimentazzjoni Koordinata għall-Kriptografija Postkwantistika għandu jipprovdi l-lista tal-azzjonijiet li l-Istati Membri jridu jindirizzaw, fosthom li jikkunsidraw algoritmi tal-Kriptografija Postkwantistika, bi skeda taż-żmien ċara għall-fażijiet u t-tappi differenti li jridu jilħqu, filwaqt li jitqiesu l-interdipendenzi tagħhom, kif ukoll il-partijiet ikkonċernati li jridu jiġu involuti. |
|
(8) |
Għal implimentazzjoni armonizzata tal-Kriptografija Postkwantistika madwar l-Unjoni, huwa essenzjali li jinħolqu standards Ewropej komuni u qafas għall-identifikazzjoni u l-għażla tal-algoritmi tal-Kriptografija Postkwantistika li jridu jibdew jintużaw fin-networks u s-servizzi diġitali madwar l-Unjoni. Bil-parteċipazzjoni attiva tar-riċerkaturi ffinanzjati mill-UE, l-Unjoni diġà qed tappoġġa l-iżvilupp u l-ittestjar ta’ algoritmi kandidati tal-Kriptografija Postkwantistika għal standards fil-proċessi tal-għażla internazzjonali tal-Kriptografija Postkwantistika. Din ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri jaħdmu mill-qrib fil-livell tal-UE mal-esperti taċ-ċibersigurtà tal-Unjoni, mal-Grupp ta’ Kooperazzjoni tal-NIS u mal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għaċ-Ċibersigurtà (ENISA), fuq l-evalwazzjoni u l-għażla tal-algoritmi xierqa tal-Kriptografija Postkwantistika u fuq l-adozzjoni tagħhom bħala standards tal-UE għal implimentazzjoni armonizzata madwar l-Unjoni. |
|
(9) |
L-Istati Membri u l-Unjoni jeħtieġ jibqgħu jikkooperaw b’mod attiv mas-sħab strateġiċi internazzjonali tagħhom biex joħolqu standards internazzjonali tal-Kriptografija Postkwantistika ħalli jiżguraw l-interoperabbiltà tal-komunikazzjonijiet fil-futur. |
|
(10) |
Ladarba jintlaħaq qbil mill-Istati Membri, il-Pjan Direzzjonali ta’ Implimentazzjoni Koordinata għall-Kriptografija Postkwantistika għandu jkun pjan ta’ azzjoni biex jissawru l-pjanijiet nazzjonali tat-tranżizzjoni lejn il-Kriptografija Postkwantistika jew, meta dawn il-pjanijiet nazzjonali jkunu diġà jeżistu, għall-allinjament tagħhom mal-Pjan Direzzjonali ta’ Implimentazzjoni Koordinata tal-Kriptografija Postkwantistika komuni. |
|
(11) |
Biex tiżgura l-progress favur l-objettivi ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, il-Kummissjoni beħsiebha timmonitorja mill-qrib l-azzjonijiet li jittieħdu b’reazzjoni għar-Rakkomandazzjoni. Għalhekk, meta titlobhom, l-Istati Membri huma mħeġġa jippreżentaw lill-Kummissjoni l-informazzjoni rilevanti kollha li raġonevolment jistgħu jkunu mistennija jipprovdu biex jiżguraw dan il-monitoraġġ. Abbażi tal-informazzjoni miksuba b’dan il-mod u tal-informazzjoni l-oħra kollha disponibbli, il-Kummissjoni se tivvaluta l-effetti ta’ din ir-Rakkomandazzjoni u tiddetermina jekk hemmx bħonn xi passi addizzjonali, inkluż li tipproponi atti vinkolanti tal-liġi tal-Unjoni. |
|
(12) |
Din ir-Rakkomandazzjoni dwar il-Kriptografija Postkwantistika tibni fuq l-objettivi ta’ politika stabbiliti fl-Istrateġija tal-UE dwar iċ-Ċibersigurtà biex tiżdied is-sigurtà minn tarf sa tarf u tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-infrastrutturi u s-servizzi diġitali tal-Unjoni tal-amministrazzjonijiet pubbliċi u ta’ infrastrutturi kritiċi oħra; din taqdi l-objettivi tas-Suq Uniku Diġitali, u tal-Komunikazzjoni Konġunta dwar l-Istrateġija Ewropea tas-Sigurtà Ekonomika 10919/23 (6); u tqis ir-riskji għas-sigurtà fiżika u ċibernetika tal-infrastrutturi kritiċi, kif ukoll dawk identifikati fil-valutazzjoni tar-riskju li saret dan l-aħħar għat-teknoloġiji kwantistiċi (7). Din tirrispetta wkoll id-drittijiet fundamentali u l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE (l-Artikoli 7, 8 u 11) u mill-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (l-Artikoli 8 u 10), li jimplikaw obbligi pożittivi fuq il-gvernijiet biex inaqqsu kemm jista’ jkun ir-riskju ta’ aċċess u kontroll illegali tal-informazzjoni, li jeżiġu s-salvagwardja u l-avvanz tat-teknoloġiji kriptografiċi, |
ADOTTAT DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI
1. SKOP U OĠĠETTIVI
Din ir-Rakkomandazzjoni għandha l-għan li trawwem it-tranżizzjoni lejn il-Kriptografija Postkwantistika għall-protezzjoni tal-infrastrutturi u s-servizzi diġitali tal-amministrazzjonijiet pubbliċi u ta’ infrastrutturi kritiċi oħra fl-Unjoni billi tippermetti lill-Istati Membri:
|
(1) |
jiddefinixxu “Pjan Direzzjonali ta’ Implimentazzjoni Koordinata tal-Kriptografija Postkwantistika” biex jissinkronizzaw l-isforzi tal-Istati Membri li jfasslu u jimplimentaw il-pjanijiet nazzjonali tat-tranżizzjoni filwaqt li jiżguraw l-interoperabbiltà transfruntiera; |
|
(2) |
jappoġġaw l-evalwazzjoni u l-għażla tal-algoritmi rilevanti tal-UE tal-Kriptografija Postkwantistika bl-għajnuna ta’ esperti taċ-ċibersigurtà, u l-adozzjoni ulterjuri ta’ dawk l-algoritmi bħala standards tal-Unjoni li jridu jiġu implimentati madwar l-Unjoni bħala parti mill-Pjan Direzzjonali ta’ Implimentazzjoni Koordinata tal-Kriptografija Postkwantistika. |
|
(3) |
jieħdu miżuri xierqa u proporzjonati biex iħejju għal din it-tranżizzjoni. |
2. PJAN DIREZZJONALI TA’ IMPLIMENTAZZJONI KOORDINATA LI JINDIRIZZA T-TRANŻIZZJONI LEJN IL-KRIPTOGRAFIJA POSTKWANTISTIKA
|
(4) |
Din ir-Rakkomandazzjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri jikkoordinaw l-azzjonijiet tagħhom fil-livell tal-Unjoni permezz ta’ forum apposta għall-Istati Membri. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni tirrakkomanda li l-Istati Membri jieħdu vantaġġ mill-istrutturi eżistenti fil-livell tal-Unjoni fil-qasam taċ-ċibersigurtà u jistabbilixxu sottogrupp tal-Grupp ta’ Kooperazzjoni tal-NIS. Dan is-sottogrupp jista’ jinkludi rappreżentanti tal-aġenziji nazzjonali tas-sigurtà u esperti taċ-ċibersigurtà, b’mod partikolari mill-awtoritajiet nazzjonali taċ-ċibersigurtà u mill-ENISA. Is-sottogrupp jista’ jistieden lil rappreżentanti tal-partijiet ikkonċernati rilevanti biex jipparteċipaw fil-ħidmatiegħu, bħal dawk tal-korpi konsultattivi tal-organizzazzjonijiet pubbliċi, l-industrija, il-fornituri tas-servizzi u l-operaturi, biex jikseb kontribut u jaqsam informazzjoni dwar it-tranżizzjoni tal-infrastrutturi u s-servizzi diġitali tal-amministrazzjonijiet pubbliċi u ta’ infrastrutturi kritiċi oħra lejn il-Kriptografija Postkwantistika f’setturi differenti, jikkoordina l-isforzi tagħhom fil-livell nazzjonali, u jiżviluppa l-Pjan Direzzjonali ta’ Implimentazzjoni Koordinata tal-Kriptografija Postkwantistika, f’konformità mar-regoli tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni u mal-liġi tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data. |
|
(5) |
Dan is-sottogrupp dwar il-Kriptografija Postkwantistika għandu jikkunsidra miżuri xierqa, effettivi u proporzjonati għad-definizzjoni u l-koordinazzjoni tal-iżvilupp tal-Pjan Direzzjonali ta’ Implimentazzjoni Koordinata tal-Kriptografija Postkwantistika. Is-sottogrupp dwar il-Kriptografija Postkwantistika hu mħeġġeġ jinvolvi ruħu f’diskussjonijiet ma’ korpi rilevanti oħra, bħall-Europol, in-NATO, jew oħrajn, biex tkun evitata d-duplikazzjoni tal-isforzi u jkun żgurat approċċ koeżiv li jindirizza l-isfidi emerġenti. |
|
(6) |
Għal dan l-għan, ftit wara l-pubblikazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, l-Istati Membri huma mistiedna jistabbilixxu dan is-sottogrupp dwar il-Kriptografija Postkwantistika skont id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/179 (8) u jaħtru rappreżentanti esperti li għandhom jaħdmu b’kooperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni u jitqabbdu jiddefinixxu u jiżviluppaw il-Pjan Direzzjonali ta’ Implimentazzjoni Koordinata tal-Kriptografija Postkwantistika. |
|
(7) |
Il-Pjan Direzzjonali ta’ Implimentazzjoni Koordinata tal-Kriptografija Postkwantistika għandu jkun disponibbli fi żmien sentejn wara l-pubblikazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, imbagħad wara jsiru l-iżvilupp u l-adattament ulterjuri tal-pjanijiet tal-Istati Membri individwali tat-tranżizzjoni lejn il-Kriptografija Postkwantistika, bi qbil mal-prinċipji stabbiliti fil-Pjan Direzzjonali ta’ Implimentazzjoni Koordinata tal-Kriptografija Postkwantistika. |
3. AZZJONIJIET FIL-LIVELL TAL-UNJONI
|
(8) |
Il-ħidma ġenerali se tiġi monitorjata u vvalutata minn żmien għal żmien mill-Kummissjoni b’kooperazzjoni mar-rappreżentanti esperti tal-Istati Membri. |
|
(9) |
Għal dan l-għan, il-Kummissjoni tista’ titlob lir-rappreżentanti tal-Istati Membri jippreżentaw l-informazzjoni rilevanti kollha, li raġonevolment jistgħu jkunu mistennija jipprovdu, biex jiżguraw il-monitoraġġ tal-progress miksub fit-tfassil ta’ dan il-Pjan Direzzjonali ta’ Implimentazzjoni Koordinata tal-Kriptografija Postkwantistika u l-effettività ta’ dawk il-miżuri. |
|
(10) |
Abbażi ta’ dawk u tal-informazzjoni l-oħra kollha disponibbli, il-Kummissjoni se tivvaluta l-miżuri mfassla u l-operat tan-network tar-rappreżentanti tal-Istati Membri, u tiddetermina jekk hemm bżonn xi azzjonijiet addizzjonali, inkluż li tipproponi atti vinkolanti tal-liġi tal-Unjoni. |
4. RIEŻAMI
|
(11) |
L-Istati Membri għandhom jikkooperaw mal-Kummissjoni biex jivvalutaw l-effetti ta’ din ir-Rakkomandazzjoni sa mhux aktar tard minn tliet snin wara l-pubblikazzjoni tagħha, biex jinstabu toroq xierqa ’l quddiem. Din il-valutazzjoni għandha tqis l-eżitu tal-ħidma tal-esperti nazzjonali fis-sottogrupp dwar il-Kriptografija Postkwantistika. |
Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ April 2024.
Għall-Kummissjoni
Thierry BRETON
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 333, 27.12.2022, p. 80.
(2) COM(2020) 67 final.
(3) Id-Deċiżjoni (UE) 2022/2481 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2022 li tistabbilixxi l-Programm ta’ Politika tal-2030 dwar id-Deċennju Diġitali (ĠU L 323, 19.12.2022, p. 4).
(4) COM(2020) 605 final.
(5) JOIN(2020) 18 final.
(6) https://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-10919-2023-INIT/en/pdf
(7) JOIN(2023) 20 final.
(8) Id-Deċiżjoni Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/179 tal-1 ta’ Frar 2017 li tistabbilixxi l-arranġamenti proċedurali meħtieġa għall-funzjonament tal-Grupp ta' Kooperazzjoni skont l-Artikolu 11(5) tad-Direttiva (UE) 2016/1148 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar miżuri għal livell għoli komuni ta' sigurtà tan-netwerks u tas-sistemi tal-informazzjoni madwar l-Unjoni (ĠU L 28, 2.2.2017, p. 73).
ELI: http://data.europa.eu/eli/reco/2024/1101/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)