European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/1075

12.4.2024

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2024/1075

tal-5 ta’ Frar 2024

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill Ministerjali tal-Komunità tal-Enerġija

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 194(1), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

It-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija (“it-Trattat”) ġie konkluż mill-Unjoni bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/500/KE tad-29 ta’ Mejju 2006 (1) u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2006.

(2)

Skont l-Artikolu 47 tat-Trattat, il-Kunsill Ministerjali għandu jieħu Miżuri, li, skont l-Artikolu 76 ta’ dak it-Trattat, jistgħu jieħdu l-forma ta’ Deċiżjoni jew ta’ Rakkomandazzjoni.

(3)

Il-Kunsill Ministerjali ser jadotta għadd ta’ atti elenkati fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni, li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u li fuqhom ser jivvutaw ir-rappreżentanti tal-Unjoni.

(4)

L-għan tal-atti previsti huwa li jiffaċilitaw l-ilħuq tal-objettivi tat-Trattat u l-funzjonament tas-Segretarjat tal-Komunità tal-Enerġija fi Vjenna li, fost l-oħrajn, jipprovdi appoġġ amministrattiv lill-Kunsill Ministerjali.

(5)

Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill Ministerjali rigward tal-atti elenkati fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni, peress li dawk l-atti previsti ser ikollhom effetti legali għall-Unjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

(1)

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill Ministerjali tal-Komunità tal-Enerġija hija li tapprova l-adozzjoni tal-atti elenkati fl-Anness -ta’ din id-Deċiżjoni.

(2)

Bidliet żgħar fl-atti elenkati fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni, fid-dawl ta’ kummenti mill-Partijiet Kontraenti tal-Komunità tal-Enerġija, jistgħu jiġu miftiehma mill-Kummissjoni, qabel jew waqt il-Kunsill Ministerjali, mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta’ Frar 2024.

Għall-Kunsill

Il-President

H. LAHBIB


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/500/KE tad-29 ta’ Mejju 2006 dwar il-konklużjoni mill-Komunità Ewropea tat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija (ĠU L 198, 20.7.2006, p. 15).


ANNESS

L-ATT PROĊEDURALI 2023/XX/MC-EnC LI JEMENDA R-REGOLAMENTI TAL-PERSUNAL TAL-KOMUNITÀ TAL-ENERĠIJA TAT-18 TA' DIĊEMBRU 2007 KIF EMENDAT BL-ATT PROĊEDURALI 2009/04/MC-EnC U L-ATT PROĊEDURALI 2022/02/MC-EnC, U LI JEMENDA L-ATT PROĊEDURALI 2006/02/MC-EnC DWAR L-ADOZZJONI TA' REGOLI GĦAR-REKLUTAĠĠ, IL-KUNDIZZJONIJIET TAX-XOGĦOL U L-EKWILIBRIJU ĠEOGRAFIKU TAL-PERSUNAL TAS-SEGRETARJAT TAL-KOMUNITÀ TAL-ENERĠIJA, KIF EMENDAT BL-ATT PROĊEDURALI 2016/01/MC-EnC U L-ATT PROĊEDURALI 2022/02/MC-EnC

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni fil-Kunsill Ministerjali għandha tkun li jiġi approvat l-abbozz tal-Att Proċedurali tal-Kunsill Ministerjali li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal tal-Komunità tal-Enerġija tat-18 ta' Diċembru 2007 u li jemenda l-Att Proċedurali dwar ir-Regoli għar-Reklutaġġ, il-Kundizzjonijiet tax-Xogħol u l-Ekwilibriju Ġeografiku tal-Persunal tas-Segretarjat tal-Komunità tal-Enerġija f'konformità mal-Addendum 1 ta' dan l-Anness.

L-ATT PROĊEDURALI 2023/XX/MC-ENC DWAR L-EMENDA TAL-ATT PROĊEDURALI 2021/01/MC-ENC DWAR L-ADOZZJONI TAL-BAĠIT TAL-KOMUNITÀ TAL-ENERĠIJA GĦAS-SNIN 2022-2023 U DWAR IL-KONTRIBUZZJONIJIET MILL-PARTIJIET GĦALL-BAĠIT

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni fil-Kunsill Ministerjali għandha tkun li jiġi approvat l-abbozz tal-Att proċedurali tal-Kunsill Ministerjali dwar l-emenda tal-Att proċedurali 2021/01/MC-ENC dwar l-adozzjoni tal-Baġit tal-Komunità tal-Enerġija għas-snin 2022-2023 u dwar il-kontribuzzjonijiet mill-partijiet għall-baġit f'konformità mal-Addendum 2 ta' dan l-Anness.

L-ATT PROĊEDURALI 2023/XX/MC-ENC DWAR L-EMENDA TAL-ATT PROĊEDURALI 2021/02/MC-ENC DWAR IL-ĦATRA TAD-DIRETTUR TAS-SEGRETARJAT TAL-KOMUNITÀ TAL-ENERĠIJA

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni fil-Kunsill Ministerjali għandha tkun li jiġi approvat l-abbozz tal-Att Proċedurali tal-Kunsill Ministerjali li jemenda l-Att proċedurali 2021/02/MC-ENC dwar il-ħatra tad-Direttur tas-Segretarjat tal-Komunità tal-Enerġija f'konformità mal-Addendum 3 ta' dan l-Anness.

L-ATT PROĊEDURALI 2023/XX/MC-ENC DWAR L-ADOZZJONI TAL-BAĠIT TAL-KOMUNITÀ TAL-ENERĠIJA GĦAS-SNIN 2024-2025 U DWAR IL-KONTRIBUZZJONIJIET MILL-PARTIJIET GĦALL-BAĠIT

Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f'isem l-Unjoni Ewropea hija li jiġi approvat l-abbozz tal-Att Proċedurali tal-Kunsill Ministerjali tal-Komunità tal-Enerġija dwar l-adozzjoni tal-baġit tal-Komunità tal-Enerġija għas-snin 2024-2025 u dwar il-kontribuzzjonijiet mill-Partijiet għall-baġit f'konformità mal-Addendum 4 ta' dan l-Anness.

L-ATT PROĊEDURALI 2023/XX/MC-ENC DWAR L-ADOZZJONI TAL-ORGANIGRAMMA TAS-SEGRETARJAT TAL-KOMUNITÀ TAL-ENERĠIJA

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni fil-Kunsill Ministerjali għandha tkun li jiġi approvat l-abbozz tal-Att Proċedurali tal-Kunsill Ministerjali dwar l-adozzjoni tal-Organigramma tas-Segretarjat tal-Komunità tal-Enerġija f'konformità mal-Addendum 5 ta' dan l-Anness.

L-ATT PROĊEDURALI 2023/XX/MC-ENC DWAR L-EMENDA TAL-ATT PROĊEDURALI 2006/03/MC-ENC DWAR L-ADOZZJONI TA' PROĊEDURI TAL-KOMUNITÀ TAL-ENERĠIJA GĦALL-ISTABBILIMENT U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-BAĠIT, L-AWDITJAR U L-ISPEZZJONI, KIF EMENDAT BL-ATT PROĊEDURALI 2014/01/MC-ENC U L-ATT PROĊEDURALI 2022/02/MC-ENC

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni fil-Kunsill Ministerjali għandha tkun li jiġi approvat l-abbozz tal-Att Proċedurali tal-Kunsill Ministerjali dwar l-emenda tal-Att Proċedurali 2006/03/MC-ENC dwar l-adozzjoni ta' Proċeduri tal-Komunità tal-Enerġija għall-Istabbiliment u l-Implimentazzjoni tal-Baġit, l-Awditjar, u l-Ispezzjoni f'konformità mal-Addendum 6 ta' dan l-Anness.

ID-DEĊIŻJONI 2023/XX/MC-EnC DWAR IL-KWITTANZA FINANZJARJA TAD-DIRETTUR TAS-SEGRETARJAT TAL-KOMUNITÀ TAL-ENERĠIJA

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni fil-Kunsill Ministerjali għandha tkun li jiġi approvat l-abbozz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill Ministerjali dwar il-Kwittanza Finanzjarja tad-Direttur tas-Segretarjat tal-Komunità tal-Enerġija f'konformità mal-Addendum 7 ta' dan l-Anness.

ADDENDUM 1 TAL-ANNESS

L-ATT PROĊEDURALI 2023/XX/MC-EnC

TAL-KUNSILL MINISTERJALI TAL-KOMUNITÀ TAL-ENERĠIJA

li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal tal-Komunità tal-Enerġija tat-18 ta' Diċembru 2007 kif emendati bl-Att Proċedurali 2009/04/MC-ENC u bl-Att Proċedurali 2022/02/MC-ENC, u li jemenda l-Att Proċedurali 2006/02/MC-ENC dwar l-adozzjoni tar-Regoli għar-Reklutaġġ, il-Kundizzjonijiet tax-Xogħol u l-Ekwilibriju Ġeografiku tal-Persunal tas-Segretarjat tal-Komunità tal-Enerġija, kif emendat bl-Att Proċedurali 2016/01/MC-ENC u l-Att Proċedurali 2022/02/MC-ENC

IL-KUNSILL MINISTERJALI TAL-KOMUNITÀ TAL-ENERĠIJA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tal-Enerġija, u b'mod partikolari l-Artikoli 69, 82, 83, 86 u 87 tiegħu,

Billi r-Regolamenti tal-Persunal tal-Komunità tal-Enerġija jenħtieġ li jiġu emendati biex jipprovdu aktar ċarezza fir-rigward tar-regoli tal-ħatra u l-evalwazzjoni tal-prestazzjoni, dwar is-salarji u l-benefiċċji soċjali, dwar l-arbitraġġ tat-tilwim li jikkonċerna l-persunal tas-Segretarjat tal-Komunità tal-Enerġija u dwar l-applikabbiltà ta' dawn ir-Regolamenti tal-Persunal għad-Direttur tas-Segretarjat tal-Komunità tal-Enerġija,

Billi r-Regoli tal-Komunità tal-Enerġija għar-Reklutaġġ, il-Kundizzjonijiet tax-Xogħol u l-Ekwilibriju Ġeografiku tal-Persunal tas-Segretarjat tal-Komunità tal-Enerġija jenħtieġ li jiġu emendati biex jiġi żgurat l-allinjament mal-emendi msemmija hawn fuq għar-Regolamenti tal-Persunal,

Billi huwa meħtieġ li jiġu pprovduti arranġamenti tranżizzjonali biex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali dwar l-applikabbiltà ta' dawn l-emendi għad-Direttur attwali tas-Segretarjat tal-Komunità tal-Enerġija matul il-mandat attwali tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

ADOTTA DAN L-ATT PROĊEDURALI:

Artikolu 1

Emendi għar-Regolamenti tal-Persunal tal-Komunità tal-Enerġija tat-18 ta' Diċembru 2007 kif emendati bl-Att Proċedurali 2009/04/MC-EnC u l-Att Proċedurali 2022/02/MC-EnC

(1)

Fit-Taqsima 2.1. (“Definizzjonijiet”):

Fl-ewwel subparagrafu għandha tiżdied sentenza fl-aħħar: “Id-Direttur huwa membru tal-persunal.”;

It-tielet subparagrafu għandu jiġi emendat biex jinqara kif ġej: “Persunal Sekondat”: membri tal-persunal sekondati mill-gvernijiet tagħhom jew minn organizzazzjonijiet internazzjonali għal inkarigu fi ħdan is-Segretarjat";

Is-sitt subparagrafu għandu jiġi emendat biex jinqara kif ġej: “Impjegatur”: Il-Komunità tal-Enerġija, irrappreżentata mid-Direttur tas-Segretarjat tal-Komunità tal-Enerġija jew mill-Kunsill Ministerjali fir-rigward tad-Direttur";

(2)

Taqsima 3.1. (“In-natura internazzjonali tas-servizz”) għandha tiġi emendata biex tinqara kif ġej:

“Il-membri tal-persunal huma impjegati taċ-ċivil internazzjonali li l-obbligi tagħhom huma esklużivament internazzjonali. Billi jaċċettaw il-ħatra, huma jimpenjaw ruħhom li jwettqu l-funzjonijiet tagħhom u li jirregolaw l-imġiba tagħhom bil-ħsieb biss tal-interessi tal-Komunità tal-Enerġija. Dawn għandhom ikunu soġġetti għall-awtorità tad-Direttur u għandhom ikunu responsabbli quddiemu/quddiemha fl-eżerċitar tal-funzjonijiet tagħhom. Id-Direttur għandu jkun soġġett għall-awtorità tal-Kunsill Ministerjali. Il-membri tal-persunal ma għandhom ifittxu jew jaċċettaw struzzjonijiet fit-twettiq ta' dmirijiethom minn ebda gvern jew awtorità oħra esterna għall-Komunità tal-Enerġija.”

(3)

Fit-Taqsima 3.3. (“Attivitajiet esterni”):

Is-subparagrafu a) għandu jiġi emendat biex jinqara kif ġej: “Il-membri tal-persunal ma għandhom jinvolvu ruħhom fl-ebda attività barra mill-Komunità tal-Enerġija li tkun inkompatibbli mat-twettiq xieraq ta' dmirijiethom, li tista' twassal għal kunflitt ta' interess, jew li tista' tikkawża ħsara lir-reputazzjoni tal-Komunità tal-Enerġija.”;

Is-subparagrafu b) għandu jiġi emendat biex jinqara kif ġej: “Il-membri tal-persunal ma għandhom jinvolvu ruħhom fl-ebda okkupazzjoni ta' impjieg bi ħlas barra mill-Komunità tal-Enerġija mingħajr l-approvazzjoni bil-miktub minn qabel tad-Direttur. Kwalunkwe membru tal-persunal li għandu sehem dirett jew indirett f'kumpanija, involuta fis-settur tal-enerġija, li jista' jippermettilu jinfluwenza l-ġestjoni tal-kumpanija, għandu jinnotifika bil-miktub lid-Direttur dwar dan il-fatt. F'każ simili, id-Direttur għandu jinnotifika bil-miktub lill-Presidenza tal-Kunsill Ministerjali. Id-Direttur ma għandu jinvolvi ruħu fl-ebda okkupazzjoni ta' impjieg bi ħlas barra mill-Komunità tal-Enerġija mingħajr l-approvazzjoni bil-miktub minn qabel tal-Presidenza tal-Kunsill Ministerjali. Il-Presidenza tal-Kunsill Ministerjali tista' tagħti l-approvazzjoni tagħha bil-miktub għal firxa ta' attivitajiet.”

Is-subparagrafu c) għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej: “Qabel ma jibda l-kariga fis-Segretarjat, id-Direttur għandu jippreżenta lill-Kunsill Ministerjali tal-Komunità tal-Enerġija dikjarazzjoni ta' integrità li tistabbilixxi kwalunkwe interess li jista' jitqies li jippreġudika l-indipendenza tiegħu. Id-Direttur għandu jaġġorna tali dikjarazzjoni meta jinbidlu ċ-ċirkostanzi. Jekk fi kwalunkwe ħin matul il-qadi ta' dmirijietu d-Direttur isir konxju ta' kwalunkwe kunflitt ta' interess potenzjali li jista' jiġi pperċepit bħala li possibbilment jipperikola l-indipendenza u l-integrità tiegħu, huwa għandu jinforma lill-Presidenza tal-Kunsill Ministerjali mingħajr dewmien żejjed.”

Is-subparagrafu d) għandu jiddaħħal u jinqara kif ġej: “Id-Direttur għandu jirrapporta dwar l-implimentazzjoni ta' din id-dispożizzjoni kull sena lill-Kunsill Ministerjali.”

(4)

It-Taqsima 3.5.a) (“Użu u rilaxx tal-informazzjoni”) għandha tiġi emendata biex tinqara kif ġej:

L-Uffiċjali tas-Segretarjat għandhom jeżerċitaw id-diskrezzjoni meħtieġa fil-kwistjonijiet kollha ta' ħidma uffiċjali. Huma ma għandhomx, ħlief fit-twettiq ta' dmirijiethom jew b'awtorizzazzjoni tad-Direttur, jew mill-Presidenza tal-Kunsill Ministerjali fir-rigward tad-Direttur, jikkomunikaw lil kwalunkwe persuna informazzjoni mhux ippubblikata li jkunu jafu biha minħabba l-pożizzjoni uffiċjali tagħhom, u lanqas ma għandhom fi kwalunkwe ħin jużaw tali informazzjoni għal vantaġġ personali inklużi vantaġġi finanzjarji. Dan l-obbligu għandu jkompli jorbot lill-Uffiċjali tas-Segretarjat wara s-separazzjoni tagħhom mis-servizz."

(5)

It-Taqsima 3.7.a) (“Unuri u Rigali”) għandha tiġi emendata biex tinqara kif ġej:

“B'rabta mad-dmirijiet tagħhom, membri tal-persunal ma għandhomx jaċċettaw, jew joffru, kwalunkwe unur, dekorazzjoni, favur, rigal jew tariffa minn/lil kwalunkwe gvern jew kwalunkwe sors ieħor estern għas-Segretarjat, li huwa inkompatibbli mal-istatus tagħhom bħala impjegati taċ-ċivil internazzjonali. Membru tal-persunal li jiġi offrut jew li jirċievi kwalunkwe unur, dekorazzjoni, favur, rigal jew tariffa għandu jirrapporta dan il-fatt minnufih lid-Direttur. Id-Direttur għandu jirrapporta tali fatti lill-Kunsill Ministerjali. Ir-rigali li jirċievu l-membri tal-persunal f'kapaċità uffiċjali jsiru proprjetà tal-Komunità tal-Enerġija, għandhom jinżammu fil-bini tas-Segretarjat u għandhom jiġu elenkati f'indiċi mfassal għal dan l-għan.”

(6)

Fit-Taqsima 4.1. (“Ħatra tad-Direttur”) taħt 4. (“Ħatriet”) għandha tiżdied sentenza fl-aħħar:

“Il-ħatra tad-Direttur għandha tidħol fis-seħħ mid-data li fiha d-Direttur jiffirma l-Ftehim dwar l-Impjieg tiegħu kif stabbilit fit-Taqsima 4.4.”

(7)

It-Taqsima 4.1.bis (“Viċi Direttur”) għandha tiġi emendata biex taqra kif ġej:

Id-Direttur jista' jassenja l-funzjoni ta' Viċi Direttur lil wieħed mill-kapijiet ta' unità eżistenti fis-Segretarjat. Id-Direttur għandu jiddefinixxi l-kompiti tal-Viċi Direttur."

(8)

Fit-Taqsima 4.4. (“Ftehim dwar l-Impjieg”):

Is-subparagrafu a) għandu jiġi emendat biex jinqara kif ġej: “It-termini ta' impjieg ta' membru tal-persunal għandhom ikunu regolati minn Ftehim dwar l-Impjieg li għandu jiġi ffirmat mid-Direttur u mill-membru tal-persunal. Qabel ma jassumi l-funzjonijiet tiegħu, id-Direttur u l-Presidenza tal-Kunsill Ministerjali għandhom jiffirmaw Ftehim dwar l-Impjieg, li jkun ġie approvat mill-Kunsill Ministerjali f'konformità mar-Regoli għar-Reklutaġġ, il-Kundizzjonijiet tax-Xogħol u l-Ekwilibriju Ġeografiku tal-Persunal tas-Segretarjat.”;

Is-subparagrafu b) għandu jiġi emendat biex jinqara kif ġej: “Il-Ftehim dwar l-Impjieg għandu jiddikjara bħala minimu:

(a)

L-isem u l-indirizz legali tal-impjegatur;

(b)

L-isem u l-indirizz legali tal-impjegat;

(c)

Id-data effettiva tal-ħatra;

(d)

Id-durata tal-ħatra;

(e)

L-istazzjon ordinarju tax-xogħol;

(f)

It-titolu tal-impjieg;

(g)

Ir-remunerazzjoni totali li tappartjeni għall-ħatra;

(h)

Il-kundizzjonijiet għall-prova;

(i)

It-total tal-intitolament annwali għal-liv;

(j)

In-numru ta' sigħat tax-xogħol kull ġimgħa;

(k)

Lista espliċita ta' dokumenti, li huma mehmuża mal-Ftehim, inklużi dawn ir-Regolamenti tal-Persunal, u li jirreferu għar-regolamentazzjoni tar-relazzjoni ta' impjieg.”.

(9)

Fit-Taqsima 4.5.b) (“Deskrizzjonijiet tal-impjiegi”) għandha tiżdied sentenza fl-aħħar:

Id-deskrizzjoni tal-impjieg għall-kariga ta' Direttur għandha tiġi stabbilita fil-Ftehim dwar l-Impjieg tiegħu.

(10)

Fit-Taqsima 4.7. (“Rekwiżiti Ġenerali ta' Prestazzjoni”):

Is-subparagrafu a) għandu jiġi emendat biex jinqara kif ġej: “Il-membri tal-persunal għandhom iwettqu d-dmirijiet u r-responsabbiltajiet tagħhom b'kuxjenza u għandhom isegwu strettament l-istruzzjonijiet u l-linji gwida kollha pprovduti mid-Direttur u minn superjuri u/jew superviżuri oħrajn. Il-membri tal-persunal għandhom jirrapportaw lid-Direttur dwar l-attivitajiet tagħhom fuq bażi regolari.”;

Is-subparagrafu b) għandu jiġi emendat biex jinqara kif ġej: “Id-Direttur jista' jassenja, b'mod temporanju jew permanenti, dmirijiet u responsabbiltajiet lil Membru tal-persunal li jikkorrispondu għall-edukazzjoni u t-taħriġ u l-kapaċitajiet tal-Membru tal-persunal, u li huma raġonevoli f'termini tad-deskrizzjoni tal-impjieg rilevanti.”;

Is-subparagrafu c) għandu jiġi emendat biex jinqara kif ġej: “Il-membri tal-persunal jistgħu jippreżentaw bil-miktub in-nuqqas ta' qbil tagħhom ma' kwalunkwe inkarigu jekk ikunu tal-fehma li dan ma jkunx f'konformità mar-rekwiżiti taħt il-punt (b) ta' din it-Taqsima.”;

Is-subparagrafu d) għandu jiddaħħal u jinqara kif ġej: “Id-Direttur għandu jistabbilixxi strateġija ta' ġestjoni tal-prestazzjoni tar-riżorsi umani li tinkludi proċedura ta' promozzjoni marbuta mal-kriterji tal-prestazzjoni, soġġetta għal restrizzjonijiet baġitarji.”.

(11)

Fit-Taqsima 4.8. (“Evalwazzjoni tal-Prestazzjoni/Djalogi tal-Persunal”):

Is-subparagrafu b) għandu jiġi emendat kif ġej: “Ir-rapporti dwar il-prestazzjoni, inklużi l-kummenti u r-rakkomandazzjonijiet, għandhom isiru bil-miktub mis-superjuri diretti. Ir-rapport annwali għandu jiġi diskuss mal-membru tal-persunal ikkonċernat u jintwera lill-istess membru tal-persunal, li jista' jehmeż miegħu tali kummenti li hu jew hi jista' jikkunsidra/tista' tikkunsidra rilevanti, u għandu jiffirmah u jiddatah/għandha tiffirmah u tiddatah.”.

Is-subparagrafu c) għandu jiddaħħal u jinqara kif ġej: “Fl-ewwel kwart ta' kull sena kalendarja, id-Direttur għandu jkun soġġett għal evalwazzjoni annwali tal-prestazzjoni. L-objettiv tal-valutazzjoni annwali huwa li tivvaluta l-kompetenza, l-effiċjenza, u l-imġiba fis-servizz tad-Direttur u li taġġusta d-Deskrizzjoni tal-Impjieg, kif meħtieġ. Rappreżentant tal-Parti Kontraenti li jkollha l-Presidenza tal-Kunsill Ministerjali fis-sena ta' qabel il-valutazzjoni, kif ukoll rappreżentant tal-Kummissjoni Ewropea, għandhom jaġixxu bħala relaturi. Id-Direttur għandu jistabbilixxi awtovalutazzjoni sal-31 ta' Jannar tas-sena ta' wara, li sussegwentement tiġi diskussa maż-żewġ evalwaturi. Fi żmien 4 ġimgħat, l-evalwaturi jfasslu rapport li jiġi nnotifikat bil-miktub lid-Direttur u ċċirkolat għall-informazzjoni lill-Kunsill Ministerjali. F'każ ta' nuqqas ta' qbil mar-rapport, id-Direttur jista' jitlob lill-Presidenza tal-Kunsill Ministerjali biex terġa' tikkunsidrah. Il-Presidenza għandha debitament timmotiva l-opinjoni tagħha bil-miktub u tinforma lill-Kunsill Ministerjali”.

(12)

It-Taqsima 4.9.c) (“Perjodi ta' Ħatra/Estensjoni”) għandha tiżdied u tinqara kif ġej:

“Il-ħatra tad-Direttur tista' tiġġedded darba għal terminu fiss ta' 5 snin. Dan għandu jiġi indikat fil-Ftehim dwar l-Impjieg tiegħu.”.

(13)

Fit-Taqsima 4.10. (“Perjodu ta' prova”):

Is-subparagrafu a) għandu jiġi emendat biex jinqara kif ġej: “Il-ħatriet tal-membri tal-persunal għandhom ikunu soġġetti għal perjodu ta' prova ta' 6 xhur skont ir-Regoli għar-Reklutaġġ, il-Kundizzjonijiet tax-Xogħol u l-Ekwilibriju Ġeografiku għall-Persunal tas-Segretarjat u għall-kundizzjonijiet li għandhom jiġu speċifikati fil-Ftehim dwar l-Impjieg.”;

Għandu jiżdied subparagrafu ġdid wara s-subparagrafu a) u jinqara kif ġej: “Id-Direttur għandu jservi perjodu ta' prova ta' 6 xhur. Wara valutazzjoni tal-prestazzjoni tad-Direttur fi tmiem il-perjodu ta' prova f'konformità mar-regoli stabbiliti fit-Taqsima 4.8.c), il-Kunsill Ministerjali għandu jiddeċiedi li jikkonferma jew itemm il-Ftehim dwar l-Impjieg għad-Direttur f'konformità mar-regoli stabbiliti fl-Artikolu 88 tat-Trattat. Kwalunkwe Membru tal-Kunsill Ministerjali jista' jinforma lill-Kunsill Ministerjali bil-fehmiet tiegħu bil-miktub mhux aktar tard minn ġimagħtejn qabel it-tmiem tal-perjodu ta' prova ta' sitt xhur. B'deroga mit-Taqsima V 23—25 (sentenzi 1 u 2) tal-Att Proċedurali 2006/01/MC-EnC dwar l-adozzjoni tar-Regoli ta' Proċedura interni tal-Kunsill Ministerjali tal-Komunità tal-Enerġija, kif emendati, id-Direttur jista' jagħti bidu għal deċiżjoni permezz ta' korrispondenza fi żmien 10 ijiem kalendarji qabel it-tmiem tal-perjodu ta' prova ta' 6 xhur abbażi tal-evalwazzjoni. It-Taqsima 4.10h) ma tapplikax”.

(14)

It-Taqsima 9.1.a) (“Salarji”) għandha tiġi emendata biex tinqara kif ġej:

“Id-Direttur, f'konsultazzjoni mal-Kummissjoni Ewropea, għandu jistabbilixxi skala ta' salarji kompetittiva li tikkorrispondi għall-klassifikazzjoni ta' karigi fis-Segretarjat tal-Komunità tal-Enerġija. L-iskala tas-salarji għandha tinkludi l-possibbiltà ta' promozzjonijiet. Dan għandu jiġi propost mill-Kummissjoni Ewropea u għandu jiġi approvat mill-Kunsill Ministerjali bħala parti mill-proposta tal-baġit rilevanti, skont ir-regoli stabbiliti fl-Artikolu 88 tat-Trattat.”.

(15)

Għandha tiddaħħal Taqsima ġdida (“Liv tal-Ġenituri”) wara t-Taqsima 10.4. u tinqara kif ġej:

“Kwalunkwe membru tal-persunal għandu jkun intitolat għal massimu ta' 6 xhur liv tal-ġenituri mingħajr salarju bażiku għal kull wild, li għandhom jittieħdu matul l-ewwel 12-il sena wara t-twelid jew l-adozzjoni tal-wild. It-tul tal-liv jista' jiġi rduppjat għal ġenituri waħedhom. Il-liv minimu meħud fi kwalunkwe ħin ma għandux ikun inqas minn xahar.”.

(16)

It-Taqsima 10.7 (“Liv speċjali mhux imħallas”) għandha tiġi emendata biex tinqara kif ġej:

Il-membri tal-persunal jistgħu jingħataw liv speċjali mingħajr ħlas. Id-Direttur, u l-Presidenza tal-Kunsill Ministerjali, fir-rigward tad-Direttur, għandhom jiddeċiedu dwar il-kondizzjonijiet u l-perjodu ta' liv speċjali mhux imħallas f'kull każ individwali abbażi tal-applikazzjoni rilevanti.".

(17)

Fit-Taqsima 12.1 (“Parteċipazzjoni/Skemi Nazzjonali tas-Sigurtà Soċjali”):

Is-subparagrafu a) għandu jiġi emendat biex jinqara kif ġej: “Il-membri tal-persunal huma responsabbli għal li jagħmlu arranġamenti, bi spejjeż tagħhom stess, għal assigurazzjoni tas-saħħa u tal-pensjoni xierqa mill-ewwel jum tal-ħatra, soġġett għall-punt c) hawn taħt. Il-membri tal-persunal għandhom jinfurmaw lid-Direttur, u lill-Presidenza, fir-rigward tad-Direttur, bil-miktub dwar il-kopertura tal-assigurazzjoni tas-saħħa tagħhom fi żmien xahar mid-data tal-ħatra.”;

Is-subparagrafu c) għandu jiżdied u jinqara kif ġej: “L-Impjegatur jista' jikkumpensa lill-membri tal-persunal għal sehem fiss tal-kostijiet tal-assigurazzjoni tas-saħħa tagħhom. Tali kumpens għandu jiġi approvat bħala parti mill-proposta tal-baġit rilevanti.”.

(18)

It-Taqsima 13 (“Appell tal-Persunal”) għandha tiġi emendata biex tinqara kif ġej:

“Il-membri tal-persunal jistgħu jinnotifikaw bil-miktub lid-Direttur, jew lill-President u lill-Viċi President tal-PHLG fl-eventwalità li lment jikkonċerna lid-Direttur, kull meta l-Membru tal-persunal iqis li jkun ġie ttrattat b'mod li ma jkunx konsistenti mad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal, mar-regoli dwar ir-reklutaġġ, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-ekwilibriju ġeografiku jew regoli rilevanti oħra jew li jkun ġie soġġett għal trattament inġustifikabbli jew inġust minn superjur.”

(19)

It-Taqsima 14 (“Kumitat tal-Arbitraġġ”) għandha tiġi emendata biex tinqara kif ġej:

“Kwalunkwe tilwima bejn l-Impjegatur u Membru tal-Persunal dwar dawn ir-Regolamenti tal-Persunal għandha, l-ewwel nett, tiġi sottomessa mid-Direttur jew mill-Membru tal-Persunal lil Kumitat tal-Arbitraġġ. Il-Kumitat tal-Arbitraġġ għandu jkun magħmul minn:

Espert fid-dritt tal-Unjoni indipendenti u ta' esperjenza nominat mill-Parti Kontraenti li jkollha l-Presidenza meta jiltaqa' l-Kumitat tal-Arbitraġġ;

Espert fid-dritt tal-Unjoni indipendenti u ta' esperjenza maħtur mill-Parti Kontraenti li ser ikollha l-Presidenza għat-terminu li jmiss;

Espert fid-dritt tal-Unjoni indipendenti u ta' esperjenza maħtur mill-Kummissjoni Ewropea, li jaġixxi bħala l-President tal-Kumitat ta' Arbitraġġ.

Il-lista ta' esperti nominati għandha tiġi adottata mill-Grupp Permanenti ta' Livell Għoli b'maġġoranza sempliċi għal perjodu ta' 5 snin. Qabel ma jieħu d-deċiżjoni tiegħu, il-Grupp Permanenti ta' Livell Għoli jista' jirrifjuta esperti abbażi tan-nuqqas ta' indipendenza jew ta' għarfien espert u jitlob nomina mill-ġdid mill-parti li tinnomina.

Il-Kumitat tal-Arbitraġġ għandu jiddeċiedi b'maġġoranza. Il-Grupp Permanenti ta' Livell Għoli għandu jistabbilixxi regoli li jirregolaw il-proċedura quddiem il-Kumitat tal-Arbitraġġ permezz ta' Att Proċedurali. Il-Kumitat tal-Arbitraġġ għandu jipproteġi d-data personali tal-Membri tal-Persunal kollha kkonċernati.”

(20)

It-Taqsima 15 (“Soluzzjoni tat-Tilwim”) għandha tiġi sostitwita b'dan li ġej:

“Ladarba l-proċedura skont it-Taqsima 14 tkun ġiet eżawrita, kwalunkwe tilwima bejn l-Impjegatur u Membru tal-Persunal għandha, fuq talba ta' waħda mill-partijiet, tiġi finalment riżolta minn tribunal magħmul minn arbitru wieħed maħtur mis-Segretarju Ġenerali tal-Qorti Permanenti tal-Arbitraġġ, Peace Palace, Carnegieplein 2, 2517 KJ The Hague, In-Netherlands, f'konformità mar-Regoli Fakultattivi rilevanti għall-Arbitraġġ li jinvolvu organizzazzjonijiet internazzjonali u partijiet privati, kif stabbilit fl-Artikolu 5(4) tal-Ftehim bejn ir-Repubblika tal-Awstrija u l-Komunità tal-Enerġija Rigward is-Sede tas-Segretarjat tal-Komunità tal-Enerġija. It-tribunal għandu jasal għal deċiżjoni dwar tilwima f'konformità ma' dawn ir-Regolamenti tal-Persunal. Kwistjonijiet li jikkonċernaw l-interpretazzjoni tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tal-Enerġija u l-appendiċi tiegħu ma għandhomx jaqgħu fil-kompetenza tat-tribunal.”

Artikolu 2

Emendi għall-Att Proċedurali 2006/02/MC-EnC dwar l-adozzjoni tar-Regoli għar-Reklutaġġ, il-Kundizzjonijiet tax-Xogħol u l-Ekwilibriju Ġeografiku tal-Persunal tas-Segretarjat tal-Komunità tal-Enerġija, kif emendat bl-Att Proċedurali 2016/01/MC-EnC u l-Att Proċedurali 2022/02/MC-EnC

(1)

Taqsima II. 9 għandu jitħassar.

(2)

It-Taqsima II.10. għandha tiġi emendata biex tinqara kif ġej:

“Fi żmien 7 ijiem wara l-laqgħa tal-Kunsill Ministerjali, abbażi tad-deċiżjoni tiegħu, il-Kunsill Ministerjali rrappreżentat mill-Presidenza għandu joħroġ Att ta' Ħatra li jkun fih Ftehim dwar l-Impjieg, li għandu jiġi ffirmat mid-Direttur. L-abbozz tal-Att tal-Ħatra għandu jiġi inkluż fl-anness għad-deċiżjoni tal-Kunsill Ministerjali dwar il-ħatra tad-Direttur. Il-Ftehim dwar l-Impjieg għandu jinkludi l-elementi elenkati fil-punt 4.4(b) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Komunità tal-Enerġija kif ukoll id-deskrizzjoni tal-impjieg tad-Direttur u referenza għar-regoli dwar il-perjodu ta' prova stabbiliti fil-punt 4.10b) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Komunità tal-Enerġija. Il-ħatra tad-Direttur għandha tidħol fis-seħħ mid-data li fiha d-Direttur jiffirma l-Ftehim dwar l-Impjieg tiegħu.”

(3)

It-Taqsima II.1 għandha tiġi emendata biex tinqara kif ġej:

“Id-Direttur jista' jassenja l-funzjoni ta' Viċi Direttur lil wieħed mill-kapijiet ta' unità eżistenti fis-Segretarjat. Id-Direttur għandu jiddefinixxi l-kompiti tal-Viċi Direttur.”

(4)

Fit-Taqsima III. 9:

Is-subparagrafu 9.2 għandu jiġi emendat biex jinqara kif ġej: “Matul is-sitt xahar ta' kwalunkwe perjodu ta' prova, is-superjur dirett tal-membru tal-persunal għandu jfassal rapport dwar il-kompetenza, l-effiċjenza u l-kondotta tiegħu. Ir-rapport għandu jirrakkomanda:

(a)

li tiġi kkonfermata l-ħatra tal-uffiċjal;

(b)

li l-perjodu ta' prova tiegħu jiġi estiż għal massimu ta' 6 xhur oħra;

(c)

li l-ħatra tiegħu tintemm.”.

Is-subparagrafu 9.3 għandu jiġi emendat biex jinqara kif ġej: “Ir-rapport għandu jiġi trażmess qabel l-aħħar tas-sitt xahar lid-Direttur għal deċiżjoni.”.

(5)

Għandha tiżdied Taqsima ġdida wara t-Taqsima III.11. u għandha taqra kif ġej:

“Id-Direttur għandu jservi perjodu ta' prova ta' 6 xhur. Għandha tapplika l-proċedura stabbilita fit-Taqsima 4.10.b) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Komunità tal-Enerġija.”.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ u applikabbiltà

(1)

Dan l-Att Proċedurali għandu jidħol fis-seħħ mal-adozzjoni.

(2)

Id-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal, kif emendati b'dan l-Att Proċedurali, li jikkonċernaw lid-Direttur tas-Segretarjat tal-Komunità tal-Enerġija għandhom japplikaw għad-Direttur attwali mad-dħul fis-seħħ ta' dan l-Att Proċedurali ħlief għat-Taqsima 4.1. dwar il-ħatra tad-Direttur, l-aħħar sentenza tat-Taqsima 4.5.b) dwar id-definizzjoni tad-deskrizzjoni tal-impjieg fil-Ftehim dwar l-Impjieg u t-Taqsima 4.10.b) dwar il-perjodu ta' prova tad-Direttur.

It-tieni sentenza tat-Taqsima 4.4.a) dwar il-Ftehim dwar l-Impjieg għandha tapplika għad-Direttur attwali mad-dħul fis-seħħ ta' dan l-Att Proċedurali billi jiġu inklużi l-kundizzjonijiet għall-impjieg fl-Att tal-Ħatra maħruġ mill-Presidenza li tirrappreżenta lill-Kunsill Ministerjali.

Skont it-Taqsima 3.3. tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Komunità tal-Enerġija, id-Direttur għandu, sa mhux aktar tard mill-31 ta' Jannar 2024, jissottometti lill-Kunsill Ministerjali l-ewwel dikjarazzjoni ta' integrità li tistabbilixxi kwalunkwe interess li jista' jitqies li jippreġudika l-indipendenza tiegħu.

Id-Direttur għandu, sa tmiem l-2024, jipprovdi l-ewwel rapport lill-Kunsill Ministerjali dwar l-attivitajiet tiegħu li jsiru barra mill-Komunità tal-Enerġija. Ir-rapport jista' jiġi pprovdut bil-fomm jew bil-miktub.

(3)

Id-dispożizzjonijiet tar-Regoli għar-Reklutaġġ, il-Kundizzjonijiet tax-Xogħol u l-Ekwilibriju Ġeografiku tal-Persunal tas-Segretarjat tal-Komunità tal-Enerġija, kif emendati b'dan l-Att Proċedurali, li jikkonċernaw lid-Direttur tas-Segretarjat tal-Komunità tal-Enerġija għandhom japplikaw għad-Direttur attwali mad-dħul fis-seħħ ta' dan l-Att Proċedurali ħlief għar-Regola II.9 dwar ir-reklutaġġ tad-Direttur u r-Regola III.12 dwar il-perjodu ta' prova għad-Direttur.

Artikolu 4

Is-Segretarjat għandu jagħmel dan l-Att Proċedurali disponibbli għall-Partijiet u għall-istituzzjonijiet kollha skont it-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija fi żmien 7 ijiem wara l-adozzjoni tiegħu.

Magħmul fi Vjenna, fil-

Għall-Kunsill Ministerjali

Il-Presidenza

ADDENDUM 2 TAL-ANNESS

L-ATT PROĊEDURALI 2023/XX/MC-EnC

TAL-KUNSILL MINISTERJALI TAL-KOMUNITÀ TAL-ENERĠIJA

dwar l-emenda tal-Att Proċedurali 2021/01/MC-EnC dwar l-adozzjoni tal-Baġit tal-Komunità tal-Enerġija għas-snin 2022-2023 u dwar il-kontribuzzjonijiet mill-Partijiet għall-baġit

IL-KUNSILL MINISTERJALI TAL-KOMUNITÀ TAL-ENERĠIJA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tal-Enerġija, u b'mod partikolari l-Artikoli 73, 74, 86 u 88 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea tal-XX.12.2023,

Wara li kkunsidra l-Artikoli 24 u 25 tal-proċeduri tal-Komunità tal-Enerġija għall-istabbiliment u l-implimentazzjoni tal-Baġit, l-Awditjar u l-Ispezzjoni, kif emendati bl-Att Proċedurali 2022/02/MC-EnC,

Billi l-Baġit tal-Komunità tal-Enerġija għas-snin 2022-2023 għandu jiġi emendat biex jiġi aġġustat il-livell tas-salarju tad-Direttur, sabiex jinġieb f'livell proporzjonat mar-responsabbiltà mwettqa u l-kompiti eżegwiti taħt dan il-baġit,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

(1)

B'effett mill-1 ta' Jannar 2022, il-Baġit tal-Komunità tal-Enerġija li jkopri s-snin finanzjarji 2022 u 2023, kif stabbilit fl-Anness tal-Att Proċedurali 2021/01/MC-EnC, għandu jiġi emendat kif ġej:

l-iskali tas-salarji 2022-2023 stabbiliti fil-punt 12 (Tabella tal-Persunal 2022-2023) tal-Anness għall-Att Proċedurali 2021/01/MC-EnC għandhom jipprovdu salarju full-time kull xahar tad-Direttur iffissat għal EUR 13 567 fl-2022 u EUR 14 381 fl-2023;

il-punt 8 (Dikjarazzjoni tan-nefqa 2022-2023) u l-punt 9 (Dettalji tad-dikjarazzjoni tan-nefqa 2022-2023) tal-Anness tal-Att Proċedurali 2021/01/MC-EnC għandhom jiġu emendati bix-xieraq biex jirriflettu s-salarju annwali full-time tad-Direttur, kif stabbilit fl-ewwel subparagrafu, fil-linja tal-baġit “Riżorsi Umani” u n-nefqa totali 2022-2023.

(2)

Ir-rimborż tad-differenza bejn l-ammonti mħallsa qabel u r-rati aġġornati elenkati fl-ewwel subparagrafu għall-2022 u l-2023 għandu jitlesta fi żmien 30 jum wara l-adozzjoni ta' dan l-Att Proċedurali.

Artikolu 2

Din id-deċiżjoni hija indirizzata lill-Partijiet u lill-istituzzjonijiet kollha taħt it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tal-Enerġija.

Artikolu 3

(1)

Dan l-Att Proċedurali għandu jidħol fis-seħħ mal-adozzjoni.

(2)

Id-Direttur tas-Segretarjat tal-Komunità tal-Enerġija għandu jagħmel dan l-Att Proċedurali disponibbli għall-Partijiet u għall-istituzzjonijiet kollha skont it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tal-Enerġija fi żmien 7 ijiem wara l-adozzjoni tiegħu.

Magħmul fi Vjenna, fi

Għall-Kunsill Ministerjali

Il-Presidenza

ADDENDUM 3 TAL-ANNESS

L-ATT PROĊEDURALI 2023/XX/MC-EnC

TAL-KUNSILL MINISTERJALI TAL-KOMUNITÀ TAL-ENERĠIJA

dwar l-emendar tal-Att Proċedurali 2021/02/MC-EnC dwar il-ħatra tad-Direttur tas-Segretarjat tal-Komunità tal-Enerġija

IL-KUNSILL MINISTERJALI TAL-KOMUNITÀ TAL-ENERĠIJA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tal-Enerġija u b'mod partikolari l-Artikoli 69 u 88 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea tal-XX.12.2023,

Wara li kkunsidra l-Artikolu 1 tal-Att Proċedurali 2021/02/MC-EnC li ħatar lis-Sur Artur Lorkowski bħala d-Direttur tas-Segretarjat tal-Komunità tal-Enerġija għal perjodu ta' tliet snin, li jibda fl-1 ta' Diċembru 2021,

Wara li kkunsidra l-Att Proċedurali 2022/02/MC-EnC li estenda t-tul tal-mandat tad-Direttur tas-Segretarjat tal-Komunità tal-Enerġija għal ħames snin, li ma jistax jiġġedded aktar minn darba, u applika dan il-mandat estiż għall-ewwel mandat tad-Direttur attwali,

Wara li kkunsidra l-Artikolu 2 tal-Att Proċedurali 2021/02/MC-EnC dwar il-ħatra tad-Direttur tas-Segretarjat tal-Komunità tal-Enerġija, li ffissa r-remunerazzjoni grossa annwali tad-Direttur li għadu kif inħatar għal EUR 116 532,

Billi l-Att Proċedurali 2023/XX/MC-EnC emenda l-Baġit tal-Komunità tal-Enerġija għas-snin 2022-2023 biex jaġġusta l-livell tas-salarju tad-Direttur, sabiex jinġieb f'livell proporzjonat mar-responsabbiltà mwettqa u l-kompiti eżegwiti taħt dan il-baġit,

Billi għandha sseħħ żieda progressiva fis-salarju għad-Direttur taħt il-Baġit tal-Komunità tal-Enerġija 2024-2025, adottat skont l-Att Proċedurali 2023/XX/MC-EnC, soġġett għal evalwazzjoni annwali pożittiva tal-prestazzjoni,

Billi huwa meħtieġ li jiġi emendat l-Att Proċedurali 2021/02/MC-EnC biex jiġi żgurat li jkun allinjat mal-Baġit emendat tal-Komunità tal-Enerġija għas-snin 2022-2023 u mal-Baġit il-ġdid għas-snin 2024-2025,

Wara li kkunsidra l-Artikolu 3 tal-Att Proċedurali 2023/XX/MC-EnC tal-Kunsill Ministerjali tal-Komunità tal-Enerġija li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal tal-Komunità tal-Enerġija tat-18 ta' Diċembru 2007 u l-Att Proċedurali 2006/02/MC-EnC dwar l-adozzjoni tar-Regoli għar-Reklutaġġ, il-Kundizzjonijiet tax-Xogħol u l-Ekwilibriju Ġeografiku tal-Persunal tas-Segretarjat tal-Komunità tal-Enerġija, li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet tranżizzjonali fir-rigward tal-applikabbiltà tiegħu għall-ewwel mandat tad-Direttur attwali tas-Segretarjat tal-Komunità tal-Enerġija,

Billi l-Att tal-Ħatra tad-Direttur attwali tas-Segretarjat tal-Komunità tal-Enerġija, maħruġ mill-Presidenza fid-29 ta' Diċembru 2021, jenħtieġ li jiġi emendat ukoll kif stabbilit fl-Anness biex jirrifletti t-tul ta' żmien emendat tal-mandat tad-Direttur u s-salarju aġġustat, u biex jinkludi l-kundizzjonijiet tal-impjieg li japplikaw sal-iskadenza tal-ewwel mandat tad-Direttur attwali,

Billi l-Att emendat tal-Ħatra għandu jinħareġ mill-Kunsill Ministerjali rappreżentat mill-Presidenza fid-data tal-adozzjoni ta' dan l-Att Proċedurali,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

(1)

L-Artikolu 1 tal-Att Proċedurali 2021/02/MC-EnC għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“Il-Kunsill Ministerjali jaħtar lis-Sur Artur Lorkowski bħala Direttur tas-Segretarjat tal-Komunità tal-Enerġija għal perjodu ta' 5 snin, li ma jistax jiġġedded aktar minn darba, li jibda fl-1 ta' Diċembru 2021.”

(2)

L-Artikolu 2 tal-Att Proċedurali 2021/02/MC-EnC għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“Il-Kundizzjonijiet tax-Xogħol tad-Direttur għandhom jiġu ddeterminati mir-Regolamenti tal-Persunal fil-verżjoni l-aktar reċenti tagħhom u l-Att tal-Ħatra li jinkludi l-kundizzjonijiet tal-impjieg applikabbli sa tmiem il-mandat. B'effett mill-1 ta' Jannar 2022, is-salarju full-time tad-Direttur għal kull xahar għandu jiġi ddeterminat f'konformità mar-Regolamenti tal-Persunal tal-Komunità tal-Enerġija u l-ammont tiegħu għandu jiġi ffissat kif stabbilit fil-Baġit tal-Komunità tal-Enerġija għas-snin 2022-2023 skont l-Att Proċedurali 2021/1/MC-EnC kif emendat bl-Att Proċedurali 2023/XX/MC-EnC, għas-snin 2024-2025 skont l-Att Proċedurali 2023/XX/MC-EnC dwar l-adozzjoni tal-Baġit tal-Komunità tal-Enerġija għas-snin 2024-2025 u dwar il-kontribuzzjonijiet mill-Partijiet għall-baġit, u għas-sena 2026 kif determinat mill-Att Proċedurali futur li jistabbilixxi l-Baġit tal-Komunità tal-Enerġija għas-snin 2026-2027 u dwar il-kontribuzzjonijiet mill-Partijiet għall-baġit.”

Artikolu 2

L-Att dwar il-Ħatra tad-Direttur tas-Segretarjat tal-Komunità tal-Enerġija, li jemenda l-Att tal-Ħatra tad-29 ta' Diċembru 2021 u li fih il-kundizzjonijiet tal-impjieg, kif stabbiliti fl-Anness għal dan l-Att Proċedurali, għandu jinħareġ mill-Presidenza li tirrappreżenta lill-Kunsill Ministerjali fil-jum tal-adozzjoni ta' dan l-Att Proċedurali.

Artikolu 3

Is-Segretarjat għandu jagħmel dan l-Att Proċedurali disponibbli għall-Partijiet u għall-istituzzjonijiet kollha skont it-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija fi żmien 7 ijiem wara l-adozzjoni tiegħu.

Artikolu 4

Dan l-Att Proċedurali għandu jidħol fis-seħħ mal-adozzjoni.

Magħmul fi Vjenna, fi

Għall-Kunsill Ministerjali

Il-Presidenza

Anness

Att ta' Ħatra

li jemenda l-Att tal-Ħatra tad-29 ta' Diċembru 2021

Skont ir-Regoli għar-Reklutaġġ, il-Kundizzjonijiet tax-Xogħol u l-Ekwilibriju Ġeografiku tal-Persunal tas-Segretarjat adottati mill-Kunsill Ministerjali permezz tal-Att Proċedurali 2006/02/MC-EnC, kif emendat bl-Att Proċedurali 2016/01/MC-EnC u l-Att Proċedurali 2023/XX/MC-EnC, kif annessi hawnhekk

(1)

L-isem tal-impjegatur: Energy Community, Am Hof 4, 1010 Vjenna, L-Awstrija

(2)

L-isem tal-impjegat: Artur Lorkowski

(3)

Id-Data tal-Ħatra: 1 ta' Diċembru 2021

(4)

L-Iskadenza tal-Ħatra: 30 ta' Novembru 2026

(5)

Titolu: Direttur

(6)

L-istazzjon tax-xogħol: Vjenna, l-Awstrija

(7)

Kundizzjonijiet tax-xogħol:

Kif stabbilit fir-Regolamenti tal-Persunal u r-Regoli għar-Reklutaġġ, il-Kundizzjonijiet tax-Xogħol u l-Ekwilibriju Ġeografiku tal-Persunal tas-Segretarjat, kif emendati.

(8)

Salarju:

F'konformità mar-Regolamenti tal-Persunal tal-Komunità tal-Enerġija u kif stabbilit fil-Baġit tal-Komunità tal-Enerġija għas-snin 2022-2023 skont l-Att Proċedurali 2021/1/MC-EnC kif emendat mill-Att Proċedurali 2023/XX/MC-EnC, għas-snin 2024-2025 skont l-Att Proċedurali 2023/XX/MC-EnC, u għas-sena 2026 kif determinat mill-Att Proċedurali li jistabbilixxi l-Baġit tal-Komunità tal-Enerġija għas-snin 2026-2027.

(9)

Deskrizzjoni tal-impjieg:

(a)

L-evalwazzjoni annwali tal-prestazzjoni tad-direttur ser titwettaq f'konformità mal-Artikolu 4.8 tar-Regolamenti tal-Persunal, abbażi tad-deskrizzjoni tal-impjieg ta' hawn taħt li tkopri mill-inqas il-kompiti li ġejjin:

(a)

L-iżvilupp u l-iżgurar tal-implimentazzjoni effettiva tal-attivitajiet tas-Segretarjat fuq medda qasira u twila ta' żmien skont il-mandat tiegħu, kif stabbilit fl-Artikolu 67 tat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija,

(b)

L-iżgurar tal-ippjanar u l-ġestjoni effettivi tar-riżorsi umani, inklużi l-allokazzjoni u l-użu effiċjenti tar-riżorsi, il-motivazzjoni tal-persunal, it-trawwim ta' spirtu ta' tim tajjeb kif ukoll il-ħolqien u ż-żamma ta' ambjent tax-xogħol bilanċjat u produttiv,

(c)

L-iżgurar tal-ippjanar, il-ġestjoni u l-implimentazzjoni effettivi tal-baġit skont il-prinċipji ta' ġestjoni finanzjarja tajba u r-regoli baġitarji,

(d)

L-iżgurar tar-rappreżentanza tas-Segretarjat tal-Komunità tal-Enerġija fi ħdan l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tal-Enerġija, kif ukoll f'ambjent estern.

(b)

Din id-deskrizzjoni tal-impjieg għandha tiġi diskussa mad-Direttur matul l-evalwazzjoni annwali tal-prestazzjoni u, abbażi tal-eżitu tagħha, tiġi aġġustata jekk ikun meħtieġ.

Presidenza tal-Komunità tal-Enerġija

Magħmul fi Vjenna, fi

ADDENDUM 4 TAL-ANNESS

ATT PROĊEDURALI TAL-

KUNSILL MINISTERJALI TAL-KOMUNITÀ TAL-ENERĠIJA

2023/XX/MC-EnC: Dwar l-adozzjoni tal-Baġit tal-Komunità tal-Enerġija għas-snin 2024-2025 u dwar il-kontribuzzjonijiet mill-Partijiet għall-baġit

Il-Kunsill Ministerjali tal-Komunità tal-Enerġija,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tal-Enerġija, u b'mod partikolari l-Artikoli 73, 74, 86 u 88 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea ta' XX.12.2023 lill-Kunsill Ministerjali tal-Komunità tal-Enerġija dwar il-Baġit tal-Komunità tal-Enerġija għall-perjodu 2024-2025,

Wara li kkunsidra l-Artikoli 24 u 25 tal-proċeduri tal-Komunità tal-Enerġija għall-istabbiliment u l-implimentazzjoni tal-Baġit, l-Awditjar u l-Ispezzjoni,

Billi l-Kunsill Ministerjali għandu jadotta baġit biannwali li jkopri l-ispejjeż operazzjonali tal-Komunità tal-Enerġija meħtieġa għall-funzjonament tal-istituzzjonijiet tiegħu,

Billi kull Parti għandha tikkontribwixxi għall-baġit tal-Komunità tal-Enerġija kif stipulat fl-Anness IV tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tal-Enerġija,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Il-Baġit tal-Komunità tal-Enerġija li jkopri s-snin finanzjarji 2024 u 2025 kif stabbilit fl-Anness huwa b'dan adottat.

Artikolu 2

B'effett mill-1 ta' Jannar 2024, il-kontribuzzjonijiet għall-baġit tal-Komunità tal-Enerġija mill-Partijiet huma stabbiliti fl-Anness tal-Att Proċedurali attwali.

Artikolu 3

Din id-deċiżjoni hija indirizzata lill-Partijiet u lill-istituzzjonijiet kollha taħt it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tal-Enerġija.

Artikolu 4

Id-Direttur tas-Segretarjat tal-Komunità tal-Enerġija għandu jagħmel dan l-Att Proċedurali u l-Anness tiegħu disponibbli għall-Partijiet u għall-istituzzjonijiet kollha skont it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tal-Enerġija fi żmien 7 ijiem wara l-adozzjoni tiegħu.

Magħmul fi Vjenna fi

Għall-Kunsill Ministerjali

Il-Presidenza

ADDENDUM 5 TAL-ANNESS

ATT PROĊEDURALI 2023/XX/MC-EnC TAL-KUNSILL MINISTERJALI TAL-KOMUNITÀ TAL-ENERĠIJA

dwar l-adozzjoni tal-Organigramma tas-Segretarjat

Il-Kunsill Ministerjali tal-Komunità tal-Enerġija,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tal-Enerġija (it-Trattat), u b'mod partikolari l-Artikoli 67 u 68 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Att Proċedurali 2006/02/MC-EnC tas-17 ta' Novembru 2006 dwar l-adozzjoni tar-Regoli għar-Reklutaġġ, il-Kundizzjonijiet tax-Xogħol u l-Ekwilibriju Ġeografiku tal-Persunal tas-Segretarjat tal-Komunità tal-Enerġija,

kif emendat mill-Att Proċedurali 2016/01/MC-EnC tal-14 ta' Ottubru 2016,

kif emendat mill-Att Proċedurali tal-Kunsill Ministerjali 2022/02/MC-EnC tal-15 ta' Diċembru 2022, u b'mod partikolari l-Punt III.2 tiegħu,

Billi:

(1)

Il-Kunsill Ministerjali għandu jadotta l-Organigramma tas-Segretarjat, abbażi ta' proposta tad-Direttur tas-Segretarjat;

(2)

L-Organigramma tas-Segretarjat applikabbli bħalissa tmur lura għall-15 ta' Diċembru 2022 u għandha tiġi aġġornata.

Wara li kkunsidra l-proposta magħmula mid-Direttur tas-Segretarjat,

ADOTTA DAN L-ATT PROĊEDURALI:

Artikolu Uniku

(1)

L-Organigramma tas-Segretarjat annessa ma' dan l-Att Proċedurali hija b'dan adottata u applikabbli mill-1 ta' Jannar, 2024.

(2)

Dan l-Att Proċedurali għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tiegħu.

Magħmul fi Vjenna fi

Għall-Kunsill Ministerjali

Il-Presidenza

Anness: Organigramma tas-Segretarjat tal-Komunità tal-Enerġija mill-1 ta' Jannar, 2024

Image 1

ADDENDUM 6 TAL-ANNESS

L-ATT PROĊEDURALI 2023/XX/MC-EnC

TAL-KUNSILL MINISTERJALI TAL-KOMUNITÀ TAL-ENERĠIJA

dwar l-emendar tal-Att Proċedurali 2006/03/MC-EnC dwar l-adozzjoni tal-Proċeduri tal-Komunità tal-Enerġija għall-Istabbiliment u l-Implimentazzjoni tal-Baġit, l-Awditjar u l-Ispezzjoni, kif emendat bl-Att Proċedurali 2014/01/MC-EnC u l-Att Proċedurali 2022/02/MC-EnC

IL-KUNSILL MINISTERJALI TAL-KOMUNITÀ TAL-ENERĠIJA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tal-Enerġija (“it-Trattat”), u b'mod partikolari l-Artikolu 74 l-Artikolu 88 tiegħu,

Billi r-Regoli Baġitarji tal-Komunità tal-Enerġija jirrikjedu li d-Direttur jingħata s-setgħa li jirrappreżenta u jaġixxi f'isem il-Komunità tal-Enerġija għall-fini tal-implimentazzjoni tal-baġit tal-Komunità tal-Enerġija u l-operazzjoni ta' rutina tiegħu, b'mod partikolari fl-interazzjoni tiegħu mal-banek,

Wara li kkunsidra l-proposta mis-Segretarjat,

ADOTTA DAN L-ATT PROĊEDURALI:

Artikolu 1

L-Artikolu 31 għandu jiġi mmodifikat u għandu jinqara kif ġej:

“Id-Direttur għandu jwettaq id-dmirijiet ta' uffiċjal awtorizzanti matul il-mandat tiegħu. Huwa għandu jimplimenta l-baġit f'konformità mar-regoli applikabbli għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Komunità tal-Enerġija skont l-Artikolu 74 tat-Trattat, fuq ir-responsabbiltà tiegħu stess u fil-limiti tal-approprjazzjonijiet awtorizzati. B'mod partikolari, id-Direttur huwa awtorizzat biex jiftaħ u jagħlaq kontijiet tal-Komunità tal-Enerġija fi kwalunkwe bank fl-Unjoni Ewropea, biex jopera tali kontijiet, inkluż billi jagħti bidu għal ordnijiet tal-ħlas, trasferimenti tal-kapital u kwalunkwe tranżazzjoni bankarja meħtieġa oħra u biex jeżegwixxi kwalunkwe riżoluzzjoni bankarja fir-rigward ta' dawn il-kontijiet li tista' tkun meħtieġa, inkluż l-iffirmar ta' dokumenti, strumenti u dikjarazzjonijiet finanzjarji fil-qafas tat-tħaddim ta' tali kontijiet għall-fini tal-implimentazzjoni tal-baġit tal-Komunità tal-Enerġija u l-operazzjoni ta' rutina tiegħu.

Id-Direttur għandu jinforma lill-Kumitat tal-Baġit dwar il-ftuħ u l-għeluq tal-kontijiet.”

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Dan l-Att Proċedurali għandu jidħol fis-seħħ mal-adozzjoni.

Magħmul fi Vjenna, fi

Għall-Kunsill Ministerjali

Il-Presidenza

ADDENDUM 7 TAL-ANNESS

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL MINISTERJALI TAL-KOMUNITÀ TAL-ENERĠIJA

D/2023XX/MC-EnC: Dwar il-Kwittanza finanzjarja tad-Direttur tas-Segretarjat

Il-Kunsill Ministerjali tal-Komunità tal-Enerġija,

Wara li kkunsidra l-Att Proċedurali li jistabbilixxi Proċeduri tal-Komunità tal-Enerġija għall-Istabbiliment u l-Implimentazzjoni tal-Baġit, l-Awditjar u l-Ispezzjoni, u b'mod partikolari l-Artikolu 83 tiegħu,

Wara li eżamina r-Rapport dwar l-Awditjar tar-Rapporti Finanzjarji tal-Komunità tal-Enerġija għas-sena li ntemmet fil-31 ta' Diċembru 2022 kif ukoll id-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni tal-awdituri,

B'kont meħud tal-osservazzjonijiet tal-Kumitat tal-Baġit u r-rapport rilevanti,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI,

Artikolu 1

Id-Direttur kurrenti tas-Segretarjat tal-Komunità tal-Enerġija, is-Sur Artur Lorkowski, huwa rilaxxat mir-responsabbiltà ta' ġestjoni u amministrattiva tiegħu fir-rigward tal-baġit għall-perjodu tal-1 ta' Jannar – 31 ta' Diċembru 2022.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Vjenna fi

Għall-Kunsill Ministerjali

Il-Presidenza


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/1075/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)