European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/1040

2.4.2024

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/1040

tat-27 ta’ Marzu 2024

li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċertu polietilentereftalat li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

IL-KUMMISSJONI EWROPEA

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 9(4) tiegħu,

Billi:

1.   PROĊEDURA

1.1.   Bidu

(1)

Fit-30 ta’ Marzu 2023, il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) bdiet investigazzjoni anti-dumping fir-rigward tal-importazzjonijiet tal-polietilentereftalat (“PET”) li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“il-pajjiż ikkonċernat” jew “ir-RPĊ”) fuq il-bażi tal-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (“ir-Regolament bażiku”) (1). Hija ppubblikat Notifika tal-Bidu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (2) (“in-Notifika tal-Bidu”).

(2)

Il-Kummissjoni bdiet l-investigazzjoni wara lment ippreżentat fl-14 ta’ Frar 2023 minn PET Europe (“l-ilmentatur”). L-ilment sar f’isem l-industrija tal-Unjoni tal-PET fis-sens tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament bażiku. L-ilment kien fih evidenza ta’ dumping u tat-theddida ta’ dannu li tirriżulta li kienet biżżejjed sabiex tiġġustifika l-bidu tal-investigazzjoni.

1.2.   Reġistrazzjoni

(3)

Kif stabbilit fil-premessi (3) u (4) tar-Regolament provviżorju, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma tirreġistrax l-importazzjonijiet tal-PET li joriġinaw mir-RPĊ skont l-Artikolu 14(5) u 14(5a) tar-Regolament bażiku.

(4)

Fil-kummenti tiegħu dwar id-divulgazzjoni provviżorja, l-ilmentatur argumenta li, fil-premessa (3) tar-Regolament provviżorju, il-Kummissjoni fixklet id-deċiżjoni dwar ir-reġistrazzjoni mal-applikazzjoni retroattiva. Bħala raġuni għaliex ma imponietx reġistrazzjoni, il-Kummissjoni tat in-nuqqas ta’ żieda fl-importazzjonijiet. L-ilmentatur argumenta li dan huwa kriterju rilevanti għall-Artikolu 10(4) (impożizzjoni retroattiva) u mhux għall-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku. Għalhekk, fil-fehma tal-ilmentatur, il-Kummissjoni żbaljat fl-applikazzjoni tar-Regolament bażiku.

(5)

Ta’ min jinnota li tabilħaqq, l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku ma jagħmilx referenza espliċita għall-Artikolu 10(4) tar-Regolament bażiku. Madankollu, l-Artikolu 14(5) jindika b’mod ċar li l-għan tar-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet huwa li l-miżuri jkunu jistgħu sussegwentement jiġu applikati kontra dawk l-importazzjonijiet. Għalhekk, biex tiġi ġġustifikata r-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet skont l-Artikolu 14(5), irid ikun hemm biżżejjed evidenza li l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 10(4) tar-Regolament bażiku jistgħu jkunu ssodisfati. Il-pretensjoni tal-ilmentatur hija għalhekk miċħuda.

1.3.   Miżuri provviżorji

(6)

F’konformità mal-Artikolu 19a tar-Regolament bażiku, fil-31 ta’ Ottubru 2023, il-Kummissjoni pprovdiet lill-partijiet b’sommarju tad-dazji provviżorji proposti u bid-dettalji dwar il-kalkolu tal-marġnijiet tad-dumping u tal-marġnijiet adegwati sabiex jitneħħa d-dannu għall-industrija tal-Unjoni. Il-partijiet interessati ġew mistiedna jikkummentaw dwar l-akkuratezza tal-kalkoli fi żmien 3 ijiem tax-xogħol. Ma wasal l-ebda kumment dwar il-preċiżjoni tal-kalkoli.

(7)

Fis-27 ta’ Novembru 2023, il-Kummissjoni imponiet dazji anti-dumping provviżorji fuq l-importazzjonijiet tal-PET li joriġinaw mir-RPĊ permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/2659 (3) (“ir-Regolament provviżorju”).

1.4.   Proċedura sussegwenti

(8)

Wara d-divulgazzjoni tal-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom ġew imposti miżuri anti-dumping provviżorji (“divulgazzjoni provviżorja”), l-ilmentatur, il-produtturi esportaturi u l-assoċjazzjoni tagħhom, l-utenti u importatur mhux relatat ippreżentaw kummenti.

(9)

Il-partijiet li talbu li jinstemgħu ngħataw din l-opportunità. Saru seduti ta’ smigħ ma’ Svepol u PET Europe.

(10)

Il-Kummissjoni kompliet tfittex u tivverifika l-informazzjoni kollha li qieset bħala neċessarja għas-sejbiet finali tagħha. Meta waslet għas-sejbiet definittivi tagħha, il-Kummissjoni kkunsidrat il-kummenti preżentati mill-partijiet interessati u rrevediet il-konklużjonijiet proviżorji tagħha meta kien xieraq. Sabiex ikollha għad-dispożizzjoni tagħha data aktar komprensiva dwar il-prezzijiet tal-bejgħ, il-kost tal-produzzjoni u l-profittabbiltà tal-Unjoni fil-perjodu ta’ wara l-investigazzjoni, il-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun intalbu jipprovdu data addizzjonali. Il-produtturi kollha tal-Unjoni inklużi fil-kampjun ipprovdew l-informazzjoni mitluba.

(11)

Wara d-divulgazzjoni provviżorja kif ukoll id-divulgazzjoni finali, UNESDA (4), assoċjazzjoni tal-utenti, sostniet li l-Kummissjoni kellha ttemm l-investigazzjoni ladarba deher ċar li l-ilment ma wera l-ebda dannu u li mhuwiex preċiż u mhux komplut bid-data dwar is-segment tal-PET riċiklat (“rPET”).

(12)

Ta’ min ifakkar li l-ilment allega theddida ta’ dannu aktar milli l-eżistenza ta’ dannu materjali u l-allegazzjonijiet li saru fl-ilment ġew ikkonfermati mill-investigazzjoni sussegwenti. Kif stabbilit fil-premessa (204) tar-Regolament provviżorju, biex il-Kummissjoni timponi dazji anti-dumping, huwa biżżejjed li l-investigazzjoni tikkonkludi li hemm theddida ta’ dannu materjali skont l-Artikolu 3(9) tar-Regolament bażiku. Kif stabbilit fil-premessa (15) tar-Regolament provviżorju, il-Kummissjoni qieset id-data stmata dwar l-industrija tar-rPET bħala evidenza suffiċjenti fl-istadju tal-ilment. Għalhekk, il-pretensjonijiet tal-UNESDA ġew miċħuda.

(13)

L-UNESDA sostniet li r-Regolament proviżorju ġie adottat bi ksur tad-drittijiet proċedurali dovuti. L-UNESDA rreferiet għall-fatt li d-data dwar id-dannu ġiet mibdula f’Ottubru 2023 u d-deċiżjoni li jiġu imposti dazji proviżorji ttieħdet meta l-partijiet interessati ma setgħux aktar jipprovdu kummenti. L-UNESDA ddikjarat li l-utenti ġew miċħuda l-opportunità li jipprovdu kummenti wara l-preżentazzjoni tad-data dwar id-dannu mill-ilmentatur f’Ottubru 2023. L-UNESDA tenniet l-argument tagħha fit-tweġiba għad-divulgazzjoni finali.

(14)

L-ewwel nett, ta’ min jinnota li d-data finali dwar id-dannu dwar l-indikaturi makroekonomiċi ġiet ipprovduta biss f’Ottubru 2023, peress li l-Kummissjoni għamlet analiżi supplimentari tas-segment tar-rPET, li hija dinamika ħafna u tikkonċerna aktar minn 50 produttur ta’ daqsijiet li jvarjaw u b’kapaċitajiet li jinbidlu ta’ spiss, ipproċessat serje ta’ sottomissjonijiet magħmula minn partijiet interessati u wettqet proċess estensiv ta’ defiċjenza mal-ilmentatur biex tasal għal indikaturi makroekonomiċi stabbiliti b’mod oġġettiv u rappreżentattivi għall-industrija kollha tal-PET, inkluż is-segment tar-rPET. Barra minn hekk, kemm l-utenti kif ukoll partijiet interessati oħra ngħataw biżżejjed opportunitajiet biex jeżerċitaw kif xieraq id-drittijiet proċedurali tagħhom matul il-proċedimenti, inkluż permezz ta’ seduta ta’ smigħ mas-servizzi tal-Kummissjoni, għadd kbir ta’ sottomissjonijiet bil-miktub li saru sa Ottubru 2023 u kummenti għar-Regolament provviżorju. Barra minn hekk, id-data dwar id-dannu ppreżentata f’Ottubru 2023 kienet riflessa fid-divulgazzjoni provviżorja, li dwarha l-partijiet interessati kollha ntalbu jikkummentaw. Tabilħaqq, l-UNESDA pprovdiet kummenti dwar din id-data. L-allegazzjoni li l-UNESDA ġiet miċħuda opportunità li tipprovdi kummenti għalhekk tqieset bħala żbaljata u mhux sostanzjata.

(15)

Il-Kummissjoni infurmat lill-partijiet interessati kollha dwar il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li abbażi tagħhom kien beħsiebha timponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ PET li joriġinaw mir-RPĊ (“divulgazzjoni finali”). Il-partijiet kollha ngħataw perjodu li matulu setgħu jikkummentaw dwar id-divulgazzjoni finali.

(16)

Il-partijiet li talbu dan ingħataw ukoll l-opportunità li jinstemgħu wara d-divulgazzjoni finali. Saret seduta ta’ smigħ ma’ Svepol fid-29 ta’ Frar 2024.

(17)

Fit-tweġiba tagħha għad-divulgazzjoni finali, Svepol iddikjarat li żewġ aspetti tal-imġiba tal-Kummissjoni f’din l-investigazzjoni kisru d-drittijiet tad-difiża ta’ Svepol u ta’ partijiet interessati oħra.

(18)

L-ewwel nett, Svepol ikkontestat ir-rilaxx tad-Dokument ta’ Divulgazzjoni Ġenerali (GDD) filgħaxija qabel il-bidu tal-vaganza Ċiniża tas-Sena l-Ġdida, minkejja li ma kien hemm l-ebda restrizzjoni ta’ żmien proċedurali immedjata u urġenti biex isir dan. Skont Svepol, il-perjodu ta’ btala pubblika Ċiniża interferixxa b’mod sinifikanti u llimita l-kapaċità ta’ Svepol u tal-produtturi esportaturi li jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jinstemgħu u li jissottomettu evidenza bil-miktub dwar il-GDD fil-perjodu ta’ żmien ipprovdut mill-Kummissjoni.

(19)

Il-Kummissjoni fakkret li l-investigazzjonijiet mibdija skont l-Artikolu 5 tar-Regolament bażiku jeħtieġ li jitlestew fi ħdan skadenzi legali stretti preskritti mir-Regolament bażiku li jinvolvu wkoll għadd ta’ passi proċedurali interni u esterni. Il-Kummissjoni osservat li f’dan il-każ l-iskadenza minima ta’ 10 ijiem biex isiru kummenti dwar id-divulgazzjoni finali prevista fl-Artikolu 20(5) tar-Regolament bażiku ġiet irrispettata kif xieraq. Fl-istess ħin, skont l-istess Artikolu, l-iskadenza għandha tiġi stabbilita “b’kunsiderazzjoni xierqa għall-urġenza tal-kwistjoni”. L-iffissar tal-iskadenza għat-tweġibiet għall-GDD mill-partijiet interessati għandu jitqies f’dan l-isfond.

(20)

Barra minn hekk, iċ-ċirkostanzi li fihom il-partijiet interessati jistgħu jiffaċċjaw restrizzjonijiet fir-rispett tal-iskadenzi stabbiliti mill-Kummissjoni huma debitament riflessi u jingħataw estensjonijiet għall-iskadenzi, fejn debitament ġustifikati. Dan ġie spjegat fil-punt 9 tan-Notifika ta’ Investigazzjoni li jipprevedi li “(r)igward il-limiti ta’ żmien għall-preżentazzjoni ta’ informazzjoni oħra speċifikata fin-Notifika ta’ Bidu, l-estensjonijiet se jkunu limitati għal 3 ijiem dment li ma jintweriex li hemm ċirkostanzi eċċezzjonali.” (5) F’dan il-każ, Svepol ingħatat estensjoni ta’ 3 ijiem abbażi tal-ġustifikazzjoni pprovduta u fin-nuqqas ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali. Il-Kummissjoni pproċediet kompletament f’konformità man-Notifika ta’ Bidu u l-prattika standard tagħha. Għaldaqstant, il-pretensjoni li l-Kummissjoni kienet tikser id-drittijiet tad-difiża ta’ Svepol jew ta’ partijiet interessati oħra ma kinitx fondata u kellha tiġi miċħuda.

(21)

It-tieni, Svepol ikkritikat il-fatt li sommarji mhux kunfidenzjali sinifikanti tal-kwestjonarji ta’ wara l-PI tal-produtturi tal-Unjoni saru disponibbli biss għall-partijiet interessati wara t-talba ta’ Svepol u xahrejn wara s-sottomissjoni tad-data sensittiva applikabbli mill-produtturi tal-Unjoni. Barra minn hekk, skont Svepol, il-fatt li l-partijiet interessati ngħataw biss is-sommarji mhux kunfidenzjali sinifikanti tal-informazzjoni sensittiva – li ġiet invokata u msemmija mill-Kummissjoni fil-GDD – erbat ijiem wara l-pubblikazzjoni tal-GDD, neċessarjament affettwa l-kapaċità tal-partijiet interessati li jippreżentaw evidenza u li jikkummentaw dwar il-GDD fil-perjodu ta’ żmien ipprovdut mill-Kummissjoni.

(22)

Huwa osservat li, l-ewwel nett, il-GDD ipprovda d-data aggregata preċiża tal-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun dwar il-prezz tal-bejgħ, il-kost tal-produzzjoni u l-profittabbiltà filwaqt li s-sommarji mhux kunfidenzjali sinifikanti tat-tweġibiet għall-kwestjonarju kien fihom biss indiċijiet jew firxiet dwar din l-informazzjoni sensittiva u speċifika għall-kumpaniji. It-tieni, kif iddikjarat minn Svepol, in-nuqqas ta’ sommarji sinifikanti ġie rrimedjat erbat ijiem wara d-divulgazzjoni tal-GDD, u ħalla lil Svepol 9 ijiem biex tikkunsidrah u tinkludi l-osservazzjonijiet rilevanti fil-kummenti tagħha dwar id-divulgazzjoni finali. It-tielet, kif stabbilit fil-premessa (20), Svepol ingħatat estensjoni ta’ 3 ijiem għal tweġiba għad-divulgazzjoni finali. Għalhekk, peress li dan l-aspett proċedurali ġie rrimedjat mingħajr dewmien, ma jistax jaffettwa d-drittijiet proċedurali tal-partijiet interessati f’dan il-każ u l-argumenti ta’ Svepol kellhom jiġu miċħuda skont dan.

1.5.   Kampjunar

(23)

Ma wasal l-ebda kumment dwar il-kampjunar. Għalhekk, ġew ikkonfermati l-konklużjonijiet fil-premessi minn (18) sa (27) tar-Regolament provviżorju.

2.   PRODOTT IKKONĊERNAT U PRODOTT SIMILI

(24)

Il-premessa (33) tar-Regolament provviżorju stipulat id-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat. Il-prodott li qed jiġi investigat huwa l-polietilentereftalat (“PET”), li għandu viskożità ta’ 78 ml/g jew ogħla, skont l-Istandard ISO 1628-5. Wara d-determinazzjoni tal-viskożità, in-numru ta’ viskożità tal-PET jitkejjel fuq soluzzjoni ta’ PET f’ċertu solvent. L-istandard ISO jispeċifika ħames kombinazzjonijiet differenti ta’ solventi li jistgħu jintużaw għall-kejl:

(a)

fenol/1,2-diklorobenżen (50/50);

(b)

fenol/1,1,2,2-tetrakloroetan (50/50);

(c)

fenol/1,1,2,2-tetrakloroetan (60/40);

(d)

o-klorofenol;

(e)

aċidu dikloroaċetiku.

(25)

Filwaqt li kull wieħed mis-solventi użati jista’ jagħti numru ta’ viskożità kemxejn differenti, jistgħu jintużaw formuli matematiċi biex jikkonvertu n-numru ta’ viskożità miksub f’solvent wieħed għan-numru ta’ viskożità li kien jinkiseb bl-użu ta’ solvent ieħor.

(26)

Ta’ min jinnota li skont l-istandard DIN 53728 applikabbli qabel, sostitwit bl-ISO 1628-5, saret referenza biss għas-solvent fenol/1,2-diklorobenżen (50/50), elenkat taħt (a) fil-premessa (24) hawn fuq.

(27)

Għalhekk, għal raġunijiet ta’ ċarezza, applikazzjoni uniformi mill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri u ta’ konsistenza mal-istandard industrijali preċedenti, huwa ċċarat aktar għall-finijiet ta’ dawn il-proċedimenti li l-viskożità tal-PET għandha titkejjel fis-solvent fenol/1,2-diklorobenżen (50/50) jew tiġi konvertita għalih.

(28)

Fir-rigward tal-ambitu tal-prodott, bi tweġiba għad-divulgazzjoni provviżorja, il-produttur esportatur Ceville, appoġġat mill-produttur esportatur INCOM Resources Recovery (Tianjin) Co., Ltd, tenna t-talba tiegħu għall-esklużjoni tal-rPET mill-ambitu tal-prodott tal-investigazzjoni, kif stabbilit fil-premessa (38) tar-Regolament provviżorju. Iż-żewġ partijiet interessati rreferew għal ipprezzar differenti għall-rPET meta mqabbel mal-PET verġni (“vPET”), għall-objettivi ta’ sostenibbiltà tal-Unjoni marbuta ma’ żieda fl-użu tal-rPET u mal-fatt li bħalissa ma hemm l-ebda importazzjoni ta’ rPET mir-RPĊ lejn l-Unjoni.

(29)

Il-prodott ikkonċernat kif definit mill-Kummissjoni kopra kemm l-importazzjonijiet tal-vPET kif ukoll tal-rPET mir-RPĊ, li jikkompetu mal-vPET u l-rPET prodotti mill-industrija tal-Unjoni. Il-fatt li żewġ tipi ta’ prodotti jista’ jkollhom ipprezzar differenti ma jiġġustifikax esklużjoni mill-ambitu ta’ investigazzjoni. Il-Kummissjoni sabet li ż-żewġ tipi għandhom l-istess karatteristiċi fiżiċi, tekniċi u kimiċi, li jikkompetu ma’ xulxin u li hemm grad ta’ interkambjabbiltà bejn il-vPET u l-rPET (ara, pereżempju, il-premessi (254) u (293) tar-Regolament provviżorju). Dawn is-sejbiet mhumiex imqiegħda f’dubju minn differenza fl-ipprezzar. Għalhekk, ma jkunx xieraq u jkun ineffettiv li l-rPET jiġi eskluż mill-ambitu tal-investigazzjoni. Barra minn hekk, l-allegazzjoni li ma kienx hemm importazzjonijiet ta’ rPET ma hijiex korretta. Anki jekk matul il-perjodu tal-investigazzjoni l-importazzjonijiet tal-rPET mir-RPĊ kienu limitati, dawn kienu preżenti. Fi kwalunkwe każ, kif innotat hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li ż-żewġ tipi ta’ prodotti kienu f’kompetizzjoni. Għalhekk, l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping tal-PET mir-RPĊ, irrispettivament jekk humiex rPET jew vPET, instabu li jwasslu għal theddida ta’ dannu għall-produtturi tal-PET tal-Unjoni.

(30)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment ieħor dwar l-ambitu tal-prodott u l-prodott simili, il-konklużjonijiet milħuqa fil-premessi minn (33) sa (39) tar-Regolament proviżorju huma kkonfermati.

3.   DUMPING

(31)

Wara d-divulgazzjoni provviżorja, produttur esportatur wieħed fil-kampjun, Sanfame Group, u importatur wieħed, Svepol, ikkummentaw dwar is-sejbiet provviżorji tad-dumping.

3.1.   Valur normali

(32)

Id-dettalji tal-kalkolu tal-valur normali ġew stabbiliti fil-premessi minn (40) sa (138) tar-Regolament provviżorju.

3.1.1.   Eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti

(33)

Wara l-pubblikazzjoni tal-miżuri provviżorji, is-Sanfame Group ippreżenta kummenti dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku fl-investigazzjoni attwali. Sanfame Group argumenta li xi fatturi ta’ produzzjoni għall-produzzjoni tal-PET kienu parzjalment importati minn pajjiżi terzi għajr ir-RPĊ li mhumiex affettwati minn distorsjonijiet u li l-Kummissjoni għalhekk missha użat il-prezzijiet attwali tal-importazzjoni mħallsa mill-produttur għall-materja prima importata minflok ma applikat parametru referenzjarju għal dawn il-kostijiet, peress li l-kostijiet reali kienu jirriflettu prezzijiet li ma humiex distorti peress li huma xprunati mill-forzi tas-suq.

(34)

Il-Kummissjoni rrifjutat dan l-argument. Għalkemm il-grupp Sanfame indika fit-tweġiba tiegħu għall-kwestjonarju li huwa importa xi materja prima użata għall-produzzjoni tal-PET minn pajjiżi oħra minbarra r-RPĊ, ma indikax b’mod ċar u konsistenti liema parti minn dawn il-kostijiet tinkiseb minn barra r-RPĊ u liema minn dawn il-kostijiet ma humiex soġġetti għal distorsjonijiet. Għalhekk, il-Grupp Sanfame naqas milli jissostanzja b’evidenza xierqa l-pretensjoni tiegħu li jqis il-prezzijiet attwali għal ċerti ammonti ta’ materja prima importata skont il-kundizzjonijiet tas-suq. Għalhekk, fin-nuqqas ta’ evidenza li l-materja prima importata ntużat għall-produzzjoni tal-PET għall-importazzjonijiet lejn l-Unjoni, il-Kummissjoni ddeċidiet li tuża prezzijiet referenzjarji għall-kwantitajiet kollha tal-materja prima użata fil-produzzjoni tal-PET u ċaħdet il-pretensjoni tal-kumpanija.

3.1.2.   Sorsi użati biex jiġu stabbiliti l-SG&A u l-profitt mingħajr distorsjoni

(35)

Wara l-pubblikazzjoni tal-miżuri provviżorji, Sanfame Group u Svepol ippreżentaw kummenti dwar l-għażla tal-Kummissjoni li tuża d-data tal-kumpanija MPI Polyester Industries (“MPI”) biex tiddetermina l-parametru referenzjarju għall-SG&A u l-profitt fil-pajjiż rappreżentattiv tal-Malażja.

(36)

Sanfame Group u Svepol tennew il-kummenti tagħhom għat-tieni nota dwar is-sorsi użati għad-determinazzjoni tal-valur normali. B’żieda mal-argumenti preċedenti, Sanfame Group u Svepol argumentaw li n-natura integrata tal-produzzjoni ta’ Recron għamlitha indikatur aktar rappreżentattiv minn MPI. Svepol sostniet ukoll li Recron bdiet il-produzzjoni tagħha mill-paraksilen, b’mod simili għall-produtturi Ċiniżi inklużi fil-kampjun u dan għamel l-SG&A ta’ Recron indikattiv ta’ dak tal-produtturi Ċiniżi.

(37)

Barra minn hekk, Svepol sostniet li l-Kummissjoni ma ssostanzjatx għalfejn id-data finanzjarja ta’ MPI u Recron kellha tiġi ttrattata b’mod differenti. Svepol argumentat li għall-kuntrarju tal-konklużjonijiet provviżorji tal-Kummissjoni, ma kien hemm l-ebda indikazzjoni mis-sit web ta’ Recron li l-fokus ewlieni tagħha kien prodotti derivattivi kumplessi tal-poliester. Barra minn hekk, minbarra l-indikazzjoni tal-kapaċità tal-produzzjoni, is-sit web tal-MPI ma indikax li n-negozju ewlieni tagħha f’termini ta’ valur jew kost kien ir-reżina tal-PET. Pjuttost, is-sit web iddikjara li kemm l-impjant tar-reżina kif ukoll il-fabbrika tal-għażil kienu ġestiti b’mod attiv flimkien. Svepol argumentat ukoll li qatt ma semgħet b’MPI qabel din l-investigazzjoni, filwaqt li Recron kien produttur magħruf sew fl-industrija.

(38)

Barra minn hekk, Svepol sostniet li billi kkonkludiet b’mod provviżorju li l-livell tal-profitt u SG&A ta’ Recron ma kienx raġonevoli, il-Kummissjoni ma vvalutatx id-data b’mod oġġettiv.

(39)

Kif Sanfame Group ammetta fis-sottomissjoni tiegħu, l-informazzjoni disponibbli għall-pubbliku ta’ Recron ma ppermettietx li tiġi ddeterminata b’mod preċiż ir-rilevanza tal-PET, meta mqabbla mal-fatturat totali tal-kumpanija. Fi kliem ieħor, id-data faċilment disponibbli ma kinitx speċifika għan-negozju tal-PET. Il-Kummissjoni fittxet l-eqreb indikatur faċilment disponibbli, inkluża informazzjoni konsolidata tal-produttur(i) attiv(i), fost l-oħrajn, fin-negozju li jkopri l-prodott li qed jiġi investigat. Filwaqt li Recron tabilħaqq hija kumpanija fuq skala kbira, fuq is-sit web tagħha (6) hija indikat li hija fost l-akbar kumpaniji integrati tal-poliester u tat-tessuti fid-dinja, b’enfasi fuq prodotti derivattivi kumplessi tal-poliester. Min-naħa l-oħra, MPI hija ffukata l-aktar fuq il-manifattura tar-reżina tal-PET, kif indikat fuq is-sit web tagħha (7). Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li MPI hija l-eqreb indikatur disponibbli faċilment u ddeċidiet li ma tużax id-data ta’ Recron. L-argument il-ġdid li n-natura integrata ta’ Recron kienet eqreb għan-natura tal-produtturi esportaturi Ċiniżi inklużi fil-kampjun ma bidilx din il-valutazzjoni. Kif diġà ġie deskritt, l-integrazzjoni testendi wkoll għal prodotti derivattivi kumplessi li huma l-fokus tal-attivitajiet ta’ Recron u li ma humiex parti mill-prodott li qed jiġi investigat u għalhekk l-istruttura tal-produzzjoni integrata ma kinitx ta’ natura komparabbli ma’ dik ta’ manifattur tar-reżina tal-PET.

(40)

Il-Kummissjoni għalhekk ikkonfermat id-deċiżjoni tagħha li tuża d-data ta’ MPI għad-determinazzjoni ta’ ammont raġonevoli ta’ SG&A u profitt u għall-kalkolu tagħha tal-valur normali.

3.1.3.   Prezz tal-esportazzjoni

(41)

Id-dettalji tal-kalkolu tal-prezz tal-esportazzjoni ġew stabbiliti fil-premessi minn (139) sa (140) tar-Regolament provviżorju. Billi ma wasal l-ebda kumment, il-Kummissjoni kkonfermat is-sejbiet provviżorji tagħha.

3.1.4.   Tqabbil

(42)

Id-dettalji dwar it-tqabbil tal-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni ġew stabbiliti fil-premessi minn (141) sa (142) tar-Regolament proviżorju. Billi ma wasal l-ebda kumment, il-Kummissjoni kkonfermat is-sejbiet provviżorji tagħha.

3.1.5.   Marġnijiet tad-dumping

(43)

Wara li ċaħdet il-pretensjonijiet deskritti fil-premessi (33) u (35) hawn fuq, il-Kummissjoni kkonfermat il-kalkolu tal-marġni tad-dumping kif spjegat fil-premessa (144) tar-Regolament provviżorju.

(44)

Il-marġnijiet tad-dumping definittivi, espressi bħala perċentwal tal-prezz tal-kost, assigurazzjoni u nol (cost, insurance and freight, CIF) fil-fruntiera tal-Unjoni, bid-dazju mhux imħallas, huma kif ġej:

Kumpanija

 

 

Sanfame Group:

Jiangsu Hailun Petrochemical Co., Ltd

Jiangsu Xingye Plastic Co., Ltd.

Jiangyin Xingyu New Material Co., Ltd.

Jiangyin Xingtai New Material Co., Ltd.

16,0 %

 

China Resources Chemical Innovative Materials Group:

China Resources Chemical Innovative Materials CO., LTD

Zhuhai China Resources Chemical Innovative Materials Co., Ltd.

17,2 %

 

Wankai New Materials Group:

Wankai New Materials Co., Ltd.

Chongqing Wankai New Materials Technology Co. Ltd.

22,6 %

 

Kumpaniji oħrajn li kkooperaw

19,7 %

 

Il-kumpaniji l-oħrajn kollha

24,2 %

4.   DANNU

4.1.   Definizzjoni tal-industrija tal-Unjoni u tal-produzzjoni tal-Unjoni

(45)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment fir-rigward tad-definizzjoni tal-industrija tal-Unjoni u l-produzzjoni tal-Unjoni, il-konklużjonijiet stipulati fil-premessi minn (150) sa (151) tar-Regolament proviżorju ġew ikkonfermati.

4.2.   Konsum tal-Unjoni

(46)

Fin-nuqqas ta’ kummenti fir-rigward tal-konsum tal-Unjoni, il-konklużjonijiet stabbiliti fil-premessi minn (152) sa (155) tar-Regolament provviżorju ġew ikkonfermati.

4.3.   Importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat

(47)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment fir-rigward tal-volum, is-sehem mis-suq u l-prezzijiet tal-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stipulati fil-premessi minn (156) sa (164) tar-Regolament provviżorju dwar dawn il-punti.

4.4.   Sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni

4.4.1.   Rimarki ġenerali

(48)

Ma wasal l-ebda kumment dwar din il-parti tar-Regolament proviżorju.

4.4.2.   Indikaturi makroekonomiċi

(49)

Wara d-divulgazzjoni provviżorja, l-ilmentatur ipprovda verżjoni riveduta tad-data makroekonomika għall-ewwel trimestru tal-2023 (it-Tabella 14 tar-Regolament provviżorju), li tirrifletti l-aġġornamenti li saru għad-data sottostanti dwar il-produzzjoni tal-rPET mill-esperti tal-industrija ta’ Wood Mackenzie, li minnha ġew estrapolati ċ-ċifri tal-bejgħ tal-rPET. Din il-modifika wasslet għal tnaqqis fiċ-ċifri li jirrappreżentaw il-produzzjoni tal-PET tal-industrija tal-Unjoni b’madwar 33 700 tunnellata u tnaqqis fiċ-ċifri li jirrappreżentaw il-volum tal-bejgħ tal-PET tal-industrija tal-Unjoni b’aktar minn 32 100 tunnellata fi Q1 2023. Dan imbagħad irriżulta fi tnaqqis korrispondenti fiċ-ċifri li jirrappreżentaw il-konsum tal-Unjoni f’dak it-trimestru, ippreżentat fit-Tabella 14 tar-Regolament provviżorju. Madankollu, din il-modifika ma biddlitx ix-xejriet li ġew osservati u għalhekk ma affettwatx l-eżitu tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni. Tabilħaqq, wara l-aġġornament fiċ-ċifri tal-importazzjoni għal Q1 2023 mill-Eurostat (minn 134 604 tunnellata għal 127 608 tunnellata), is-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni naqas b’madwar punt perċentwali wieħed fl-ewwel trimestru tal-2023 (minn 63 % għal 62 %), filwaqt li s-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet Ċiniżi baqa’ fl-istess livell.

(50)

Skont l-UNESDA, id-data pprovduta mill-ilmentatur f’Ottubru 2023 (“id-data ta’ Ottubru”) u użata mill-Kummissjoni għad-determinazzjoni provviżorja tad-dannu injorat id-data fil-fajl, ipprovduta mill-UNESDA. L-UNESDA indikat differenzi sinifikanti fid-data pprovduta mill-ilmentatur matul l-investigazzjoni.

(51)

L-ewwel nett, id-data ta’ Ottubru pprovduta mill-ilmentatur irrappreżentat it-tweġiba finali tal-ilmentatur għall-kwestjonarju tal-Kummissjoni dwar il-makroindikaturi, li segwa għadd ta’ talbiet indirizzati lill-ilmentatur biex jiġu rettifikati d-defiċjenzi fid-data identifikati mill-Kummissjoni. Huwa enfasizzat li t-talbiet minħabba defiċjenza irriżultaw minn aktar ġbir ta’ informazzjoni mill-Kummissjoni u diversi sottomissjonijiet li saru matul l-investigazzjoni mill-partijiet interessati, prinċipalment mill-UNESDA.

(52)

It-tieni, id-data ta’ Ottubru rriflettiet data vverifikata fir-rigward tal-kumpaniji li kkooperaw u l-aħjar data disponibbli u b’bażi soda rigward il-produtturi tal-rPET tal-Unjoni. L-UNESDA naqset milli tissostanzja għal liema raġunijiet jenħtieġ li d-data ta’ Ottubru titqies bħala mhux korretta jew mhux rappreżentattiva. Hija naqset milli tispjega għaliex il-Kummissjoni jenħtieġ li minflok tirrikorri għall-użu ta’ data oħra, jew sa liema punt id-data msemmija mill-UNESDA kienet aktar dettaljata jew preċiża mid-data ta’ Ottubru.

(53)

Wara d-divulgazzjoni provviżorja kif ukoll dik finali, l-UNESDA qajmet dubji dwar ir-reviżjonijiet li saru għad-data makroekonomika u indikat li l-ilmentatur issottovaluta l-bejgħ, il-produzzjoni u l-konsum tal-Unjoni billi uża informazzjoni minn diversi sorsi, irdoppja l-użu ristrett u ħallat id-data għall-vPET u l-rPET għal dak l-għan.

(54)

L-allegazzjonijiet tal-UNESDA ta’ manipulazzjoni tad-data kienu bla bażi. Il-Kummissjoni għamlet sforz kbir biex tindirizza d-defiċjenzi li nstabu fid-data makroekonomika, prinċipalment fir-rigward tal-rPET. Il-partijiet interessati kollha pprovdew il-fehmiet u d-data tagħhom u l-Kummissjoni ddeċidiet li tuża d-data minn Wood Mackenzie u PRE (Plastic Recyclers Europe – assoċjazzjoni umbrella tal-produtturi tal-rPET) rispettivament għar-raġunijiet stabbiliti fil-premessi (56)-(57) hawn taħt. Il-korrezzjonijiet li rriżultaw fl-aġġornament ta’ Ottubru ntalbu mill-Kummissjoni biex jiġi żgurat li d-data użata kienet tirrifletti t-tweġibiet permanenti u/jew id-data vverifikata tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun.

(55)

Barra minn hekk, l-UNESDA rreferiet għar-Rapport dwar is-Suq tal-PET tal-2022 u r-rata operattiva tal-produtturi tal-rPET inkluża fih bħala bażi għall-istima tal-produzzjoni u kkontestat l-użu tad-data ta’ Wood Mackenzie għall-istima tal-produzzjoni tal-rPET.

(56)

Il-Kummissjoni qieset kif xieraq id-diversi sorsi eżistenti, filwaqt li fittxet li tidentifika l-aktar indikatur affidabbli u oġġettiv fin-nuqqas ta’ data preċiża dwar l-rPET. L-użu tar-Rapport dwar is-Suq tal-PET tal-2022 instab li ma kienx xieraq għal żewġ raġunijiet: Huwa uża biss l-2020 bħala s-sena ta’ referenza għall-istabbiliment tal-kapaċità operattiva, u inkludiet data għar-Renju Unit, l-Iżvizzera u n-Norveġja. Min-naħa l-oħra, id-data ta’ Wood Mackenzie kienet tinkludi ċifri annwali għall-konsum tal-frak (jiġifieri l-produzzjoni tal-rPET) u kienet tikkonċerna speċifikament il-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni. Wood Mackenzie saħansitra għamlet distinzjoni bejn il-produzzjoni ta’ rPET ta’ grad alimentari, mhux ta’ grad alimentari, u r-riċiklaġġ kimiku u għalhekk b’mod ġenerali tqieset bħala sors ta’ informazzjoni aktar affidabbli u b’bażi soda. Fi kwalunkwe każ, anki jekk ir-Rapport dwar is-Suq tal-PET jintuża għal stima tal-produzzjoni tal-rPET, l-impatt fuq l-indikaturi jkun minimu (8) u ma jibdilx il-konklużjonijiet li waslet għalihom il-Kummissjoni għall-finijiet tad-determinazzjoni tat-theddida ta’ dannu f’dan il-każ.

(57)

Barra minn hekk, l-UNESDA sostniet li l-Kummissjoni ma kkunsidratx informazzjoni dettaljata dwar il-produtturi tal-rPET fl-Unjoni, inkluża l-identifikazzjoni tal-kumpaniji u l-kapaċità tal-produzzjoni tagħhom għall-perjodu kkunsidrat. Madankollu, l-UNESDA kkontradixxiet lilha nnifisha billi sostniet li l-informazzjoni annwali aggregata dwar il-kapaċità tal-produzzjoni fl-Unjoni li pprovdiet PRE (9), u li fl-aħħar mill-aħħar intużat mill-Kummissjoni fil-valutazzjoni tagħha, kienet taqbel eżattament mad-data pprovduta mill-utenti. Kif stabbilit qabel, il-Kummissjoni evalwat diversi sorsi u ddeċidiet li tuża dik li kienet meqjusa bħala l-aktar affidabbli – li fil-każ tal-kapaċità tal-produzzjoni tal-rPET kienet id-data ta’ assoċjazzjoni umbrella li tirrappreżenta l-produtturi tal-rPET (PRE).

(58)

Fin-nuqqas ta’ kummenti oħra, il-konklużjonijiet stipulati fil-premessi minn (170) sa (182) tar-Regolament provviżorju ġew ikkonfermati.

4.4.3.   Indikaturi mikroekonomiċi

(59)

Fin-nuqqas ta’ kummenti dwar l-indikaturi mikroekonomiċi, il-konklużjonijiet stabbiliti fil-premessi minn (183) sa (198) tar-Regolament provviżorju ġew ikkonfermati.

4.4.4.   Żviluppi fil-perjodu tal-investigazzjoni u fil-perjodu ta’ wara l-investigazzjoni

(60)

Wara l-valutazzjoni deskritta fil-premessa (197) tar-Regolament provviżorju, il-Kummissjoni analizzat id-data ta’ wara l-perjodu tal-investigazzjoni (“wara l-PI”), kif deskritt fit-Tabella 1 hawn taħt (il-prezzijiet tal-bejgħ tal-Unjoni, il-kost tal-produzzjoni tal-Unjoni, il-profittabbiltà tal-Unjoni, u l-volumi u l-prezzijiet tal-importazzjonijiet Ċiniżi għat-tieni u t-tielet trimestru tal-2023).

Tabella 1

Prezzijiet tal-bejgħ tal-Unjoni/kost tal-produzzjoni/profittabbiltà u volumi/prezzijiet tal-importazzjonijiet Ċiniżi Q2-Q3 2023

 

Prezz tal-bejgħ tal-Unjoni (EUR/tunnellata)

Kost tal-produzzjoni tal-Unjoni (EUR/tunnellata)

Profittabbiltà tal-Unjoni (%)

Importazzjonijiet Ċiniżi (tunnellati)

Prezzijiet tal-importazzjonijiet Ċiniżi inkluż id-dazju doganali komuni ta’ 6,5 % (EUR)

Q2 2023

1 111

1 140

-11 %

88 952 (inklużi [10 000 -15 000 ] tunnellata ta’ importazzjonijiet tal-UI)

1 067

Q3 2023

1 008

1 122

-13 %

20 294 (id-data dwar l-importazzjonijiet tal-UI ma hijiex disponibbli)

1 033

Sors:

Tweġiba għall-kwestjonarju tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun, Eurostat

(61)

Barra minn hekk, bi tweġiba għall-argumenti tal-partijiet interessati (b’mod partikolari deskritti fil-premessi (82), (93) u (125)), il-Kummissjoni ddeskriviet id-data dwar l-indikaturi mikroekonomiċi (il-prezz tal-bejgħ tal-Unjoni kif ukoll il-kost tal-produzzjoni tal-Unjoni) f’livell aktar granulari u trimestrali, għall-perjodu tal-investigazzjoni fit-Tabella 2 hawn taħt.

Tabella 2

Prezzijiet tal-bejgħ u kost tal-produzzjoni fl-Unjoni matul il-perjodu tal-investigazzjoni u fi Q1 2023

 

Q1 2022

Q2 2022

Q3 2022

Q4 2022

Q1 2023

Prezz medju tal-bejgħ ta’ unità fl-Unjoni (EUR/ tunnellata)

1 350

1 511

1 538

1 347

1 114

Indiċi

100

112

114

100

83

Kost tal-produzzjoni ta’ unità (EUR/ tunnellata)

1 198

1 383

1 408

1 460

1 209

Indiċi

100

115

118

122

101

Sors:

Tweġiba għall-kwestjonarju tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun

4.4.5.   Konklużjoni dwar id-dannu

(62)

Il-Kummissjoni kkonkludiet b’mod definittiv li l-industrija tal-Unjoni kienet affettwata b’mod negattiv mill-importazzjonijiet mir-RPĊ, speċjalment fi tmiem il-perjodu tal-investigazzjoni, iżda mhux sal-punt li l-industrija tal-Unjoni ġarrbet dannu materjali matul il-perjodu kkunsidrat skont it-tifsira tal-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku.

(63)

Għalhekk, il-Kummissjoni pproċediet bl-analiżi ta’ theddida ta’ dannu materjali f’konformità mal-Artikolu 3(9) tar-Regolament bażiku.

5.   THEDDIDA TA’ DANNU

5.1.   Introduzzjoni

(64)

Kif indikat fil-premessa (197) tar-Regolament provviżorju, il-Kummissjoni kompliet l-analiżi prospettiva tagħha wara l-impożizzjoni tal-miżuri provviżorji, billi ġabret data mit-tieni u t-tielet trimestri tal-2023, b’mod partikolari għall-profittabbiltà tal-produtturi tal-Unjoni, għall-prezzijiet tal-bejgħ u l-kost tal-produzzjoni tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun meta mqabbla mal-prezzijiet tal-importazzjoni mir-RPĊ (ara t-Tabella 1). Il-Kummissjoni mbagħad analizzat jekk din id-data addizzjonali tikkonfermax jew tinvalidax is-sejbiet abbażi tad-data mill-perjodu tal-investigazzjoni u l-ewwel trimestru tal-2023 (ara b’mod partikolari l-premessi (96), (79), (96), (119) u (126) għal aktar dettalji dwar is-sejbiet li saru).

(65)

Fit-Taqsima 5.3, il-Kummissjoni tindirizza l-kummenti kollha li rċeviet wara l-impożizzjoni ta’ miżuri anti-dumping provviżorji li kienu għadhom pertinenti wara r-rieżamijiet u l-analiżi addizzjonali mwettqa matul l-istadju definittiv.

5.2.   Valutazzjoni definittiva

5.2.1.   Aġġornament tad-data ta’ wara l-PI dwar l-importazzjonijiet Ċiniżi

(66)

Kif stipulat fil-premessa (210) tar-Regolament provviżorju, l-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat żdiedu b’mod sinifikanti minn 192 941 għal 305 055 tunnellati bejn l-2019 u l-perjodu tal-investigazzjoni.

(67)

Id-data disponibbli għall-perjodu addizzjonali minn Lulju sa Settembru 2023 uriet li l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping Ċiniżi bdew jonqsu meta mqabbla mal-perjodu tal-investigazzjoni (“PI”) u l-perjodu ta’ wara l-PI sa Ġunju 2023, meta espressi fuq il-bażi ta’ medji ta’ kull xahar.

Tabella 3

Il-volumi tal-importazzjonijiet Ċiniżi fil-perjodu ta’ wara l-investigazzjoni

Volum tal-importazzjonijiet Ċiniżi (tunnellati)

Jannar 2023

Frar 2023

Marzu 2023

April 2023

Mejju 2023

Ġunju 2023

Lulju 2023

Awwissu 2023

Settembru 2023

 

35 842

42 619

49 148

31 579

39 561

17 813

11 703

4 955

3 636

Sors:

Eurostat

(68)

Għalhekk, il-Kummissjoni sabet li x-xejra taż-żieda fil-volumi kienet waqfet wara t-tieni trimestru tal-2023. Madankollu, meta vvalutat is-sinifikat u l-affidabbiltà ta’ dawn iċ-ċifri għall-konferma jew l-invalidazzjoni tal-analiżi tat-theddida ta’ dannu, il-Kummissjoni osservat ukoll li t-tnaqqis fil-volumi medji tal-importazzjonijiet Ċiniżi fix-xahar minn Lulju sa Settembru 2023 (meta mqabbel mal-2022) jista’ jiġi attribwit għall-effett dissważiv ta’ (i) il-bidu tal-proċediment attwali fit-30 ta’ Marzu 2023 b’possibbiltà distinta ta’ adozzjoni ta’ miżuri proviżorji fil-perjodu ta’ mhux aktar minn 8 xhur u (ii) it-talba għar-reġistrazzjoni mill-ilmentatur ippreżentata fil-31 ta’ Mejju 2023. Fi kliem ieħor, id-data tal-perjodu ta’ wara l-investigazzjoni sa Ġunju 2023, eżatt wara li t-talba għar-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet ġiet ippreżentata mill-ilmentatur, tikkonferma r-rata sinifikanti ta’ żieda tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping osservata matul il-perjodu kkunsidrat. It-tnaqqis sinifikanti fil-volum tal-importazzjonijiet minn Ġunju 2023 ma jiċħadx din il-konklużjoni peress li huwa effett probabbli tat-talba għar-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet bil-ħsieb tal-applikazzjoni retroattiva tad-dazji. Tali talba, speċjalment meta jitqies li f’dak il-punt ma kien hemm l-ebda indikazzjoni dwar il-livell ta’ dazji potenzjali li jistgħu jiġu imposti, kellha effett dissważiv inevitabbli fuq il-volum tal-importazzjonijiet. Minn dan isegwi li r-rata sinifikanti ta’ żieda fl-importazzjonijiet mill-2021 ’il quddiem, kif ikkonfermat mid-data tal-perjodu ta’ wara l-investigazzjoni, tindika l-probabbiltà ta’ żieda sostanzjali fl-importazzjonijiet skont it-tifsira tal-Artikolu 3(9)(a) tar-Regolament bażiku.

(69)

Fit-tweġiba tagħhom għad-divulgazzjoni finali, l-UNESDA affermat li abbażi tad-data tal-Eurostat, l-importazzjonijiet miċ-Ċina naqsu b’20 % fl-2023 u ma hemm l-ebda raġuni biex wieħed jassumi li se jmorru għal-livelli tal-2022. Kif deskritt fil-premessa (68), filwaqt li x-xejra ta’ żieda fil-volumi tal-importazzjonijiet Ċiniżi kienet waqfet wara t-tieni trimestru tal-2023, il-bidu ta’ din l-investigazzjoni kif ukoll it-talba għar-reġistrazzjoni kellhom effett dissważiv inevitabbli fuq il-volum tal-importazzjonijiet. Għalhekk, il-pretensjoni tas-UNESDA ġiet miċħuda.

(70)

Wara d-divulgazzjoni finali, is-CPCIF qajmet ukoll l-argumenti li ġejjin fir-rigward tal-“effett dissważiv” stabbilit mill-Kummissjoni fil-premessa (68).

(71)

Is-CPCIF sostniet li t-tnaqqis sinifikanti fl-importazzjonijiet fi Q4 tal-PI jenfasizza li t-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku fil-volumi tal-importazzjonijiet Ċiniżi kien diġà għaddej qabel ma seta’ jseħħ kwalunkwe “effett dissważiv” allegat. Il-Kummissjoni nnotat li l-eżistenza ta’ effett dissważiv kienet tirreferi għall-perjodu ta’ wara l-PI u li tnaqqis temporanju fl-importazzjonijiet matul l-aħħar trimestru tal-PI ma jaffettwax il-validità tal-konklużjoni milħuqa fil-premessa (68). Fil-fatt, l-importazzjonijiet Ċiniżi kienu żdiedu b’mod sinifikanti matul il-perjodu sħiħ ikkunsidrat u t-tnaqqis fl-importazzjonijiet fi Q4 2022 segwa żieda kontinwa u qawwija fl-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping fit-trimestri ta’ qabel, u ġie segwit minn żieda ulterjuri fl-ewwel trimestru wara l-perjodu ta’ investigazzjoni. Għalhekk, tnaqqis bħal dan fi Q4 2022 ma setax jinvalida s-sejbiet tal-Kummissjoni fir-rigward ta’ żidiet ulterjuri fl-importazzjoni fil-futur qrib, jekk ma jiġux adottati miżuri.

(72)

Barra minn hekk, is-CPCIF argumentat fir-rigward tal-“effett dissważiv” ta’ din l-investigazzjoni li r-raġunament tal-Kummissjoni jrid jiġi ssostanzjat b’evidenza konkreta aktar milli b’sempliċi konġettura. Skont is-CPCIF, is-sempliċi konklużjoni li tnaqqis fil-volum tal-importazzjonijiet huwa “effett probabbli” tal-bidu ta’ investigazzjoni jew talba għal reġistrazzjoni ma tikkostitwixxix evidenza pożittiva jew eżami oġġettiv.

(73)

L-ewwel nett, kif jirriżulta b’mod ċar mill-premessa (68) kkunsidrata fl-intier tagħha, il-Kummissjoni stabbiliet effett dissważiv tal-bidu tal-proċedura attwali kif ukoll tat-talba għar-reġistrazzjoni fuq il-volum tal-importazzjonijiet. It-tieni nett, il-konklużjoni milħuqa hija bbażata fuq valutazzjoni oġġettiva ta’ informazzjoni pożittiva, affermattiva u verifikabbli dwar l-importazzjonijiet ippubblikata mill-Eurostat. Huwa biss loġiku li l-bidu ta’ investigazzjoni, segwit minn possibbiltà ta’ reġistrazzjoni ta’ importazzjonijiet bil-ħsieb ta’ impożizzjoni retroattiva ta’ dazji potenzjali ta’ kobor mhux magħruf ikollu effett dissważiv fuq l-importaturi tal-PET fl-Unjoni. Dan l-effett huwa osservat b’mod ċar fl-istatistika tal-importazzjoni. Barra minn hekk, kif spjegat hawn taħt, il-partijiet interessati ma pprovdew l-ebda spjegazzjoni valida oħra għal volumi ta’ importazzjoni ferm aktar baxxi wara l-bidu tal-investigazzjoni u t-talba għar-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet. Għalhekk, din il-pretensjoni ġiet miċħuda.

(74)

Fl-aħħar nett, is-CPCIF sostniet li x-xejriet tal-importazzjoni tal-passat (li jirreferu għal tnaqqis fl-importazzjonijiet Ċiniżi tal-PET matul l-2018 jew l-2021) juru li t-tnaqqis sostnut fl-importazzjonijiet mhuwiex relatat mal-bidu ta’ investigazzjonijiet anti-dumping; għalhekk, skont is-CPCIF, l-affermazzjoni ta’ “effett dissważiv” li jirriżulta mill-bidu tal-investigazzjoni attwali u t-talba għar-reġistrazzjoni hija infondata. Ma kienx ikkontestat li filwaqt li mhuwiex eskluż li fatturi oħra, mhux relatati mal-investigazzjoni anti-dumping (bħaż-żieda drammatika fir-rati tat-trasport tal-merkanzija osservata fl-2021) wasslu għal tnaqqis fl-importazzjonijiet fil-passat. Madankollu, għall-perjodu ta’ wara l-PI, is-CPCIF naqset milli tissottometti xi evidenza li turi li fatturi oħra kienu jkunu responsabbli għat-tnaqqis fil-każ inkwistjoni u li dan tal-aħħar mhuwiex attribwibbli għall-bidu ta’ din l-investigazzjoni u għall-preżentazzjoni ta’ talba għar-reġistrazzjoni, kif spjegat fil-premessa (68) u. Għalhekk, il-pretensjonijiet magħmula minn CPCIF ġew miċħuda.

(75)

Wara d-divulgazzjoni finali, Svepol argumentat li kwalunkwe tnaqqis fil-volumi tal-importazzjoni pperċepit għall-ewwel darba f’Ġunju 2023 mill-Kummissjoni neċessarjament huwa r-riflessjoni ta’ xejra kummerċjali li bdiet diversi xhur qabel il-bidu tal-investigazzjoni preżenti, jiġifieri r-ritorn tal-kostijiet tat-trasport tal-kontejners għal-livelli normali li jwasslu għall-waqfien ta’ trasport ta’ vjeġġi ta’ merkanzija li titgħabba individwalment. F’dan il-kuntest, Svepol irreferiet għad-dewmien konsiderevoli bejn in-negozjar tal-bejgħ, jiġifieri, iż-żmien li l-prodott jiġi ordnat mir-RPĊ, u l-importazzjoni fl-Unjoni. Svepol fakkret ukoll li ż-żmien medju mit-tqegħid ta’ ordni għal vjeġġ ta’ merkanzija li titgħabba individwalment sal-wasla tiegħu fl-UE kien ivarja bejn 4 xhur u 6 xhur.

(76)

Kif stabbilit fil-premessa (68), diġà kien il-bidu tal-proċediment attwali fit-30 ta’ Marzu 2023 li kellu effett dissważiv fuq l-importazzjonijiet Ċiniżi fil-perjodu ta’ wara l-PI. Barra minn hekk, filwaqt li ż-żmien ta’ tranżitu jista’ jkun itwal għal vjeġġi ta’ merkanzija li titgħabba individwalment, dawn ma tkomplewx wara n-normalizzazzjoni tar-rati tat-trasport tal-merkanzija u fil-perjodu ta’ wara l-PI. Iż-żmien tipiku tat-trasport għall-konsenji tal-kontejners standard ma jkunx ta’ aktar minn 2-3 xhur (10) u għalhekk, anki wara li jitqies l-intervall ta’ żmien bejn in-negozjar tal-bejgħ u l-importazzjoni reali, u anki meta jitqies li l-aħħar vjeġġ ta’ merkanzija li titgħabba individwalment wasal f’Marzu 2023 (ara l-premessa(103)), il-konsenji f’kontejners standard ikunu responsabbli għal volumi għoljin ta’ importazzjoni fi Q2 2023. Minn dan isegwi li t-tnaqqis fl-importazzjonijiet f’Ġunju 2023 ikun ikkawżat minn avvenimenti ta’ April 2023. Għalhekk, it-tnaqqis fil-volumi tal-importazzjonijiet Ċiniżi f’Ġunju 2023 jista’ jiġi spjegat mill-effett dissważiv tal-bidu tal-investigazzjoni fl-aħħar ta’ Marzu 2023, aktar milli mill-bidla minn vjeġġi ta’ merkanzija li titgħabba individwalment għal kontejners normali. Volumi sinifikanti ta’ importazzjonijiet miċ-Ċina komplew jaslu bil-kontejners f’April u Mejju 2023, jiġifieri wara l-aħħar konsenja bl-ingrossa f’Marzu, u għalhekk it-tnaqqis fil-volum tal-importazzjonijiet miċ-Ċina minn Ġunju 2023 ’il quddiem ma setax ġie kkawżat minn dik il-bidla.

(77)

Fir-rigward tas-sinifikat tal-vjeġġi tal-merkanzija li titgħabba individwalment u r-relazzjoni tagħhom mal-ġarr tal-merkanzija fil-kontejners, fil-kummenti tagħha dwar id-divulgazzjoni finali, Svepol argumentat li analiżi fattwalment korretta kienet turi li ż-żieda fl-2022 kienet ir-riżultat tal-fatt li ċ-Ċina kienet l-uniku pajjiż esportatur, wara ż-żieda fil-kostijiet tat-trasport tal-kontejners, li kien kapaċi jagħmel vjeġġi ta’ merkanzija li titgħabba individwalment lejn l-UE, u b’hekk kiseb vantaġġ kompetittiv fuq pajjiżi esportaturi tal-PET oħrajn. Ladarba l-ispejjeż tat-trasport tal-kontejners reġgħu lura għal-livelli normali, iċ-Ċina tilfet dan il-vantaġġ li loġikament wassal għal tnaqqis fil-volumi tal-importazzjoni miċ-Ċina u żieda fl-importazzjonijiet minn sorsi oħra. Skont dan ir-raġunament, il-volumi tal-importazzjoni ta’ qabel il-kriżi mill-pajjiżi esportaturi l-oħra tal-PET kienu jinqabdu (sa ċertu punt) miċ-Ċina fl-2022, minħabba l-kapaċitajiet tagħha ta’ trasport ta’ merkanzija li titgħabba individwalment, u mbagħad reġgħu ġew irkuprati mill-pajjiżi terzi inkwistjoni wara li għaddiet il-kriżi u wara li ċ-Ċina tilfet il-vantaġġ kompetittiv tagħha. Din l-analiżi mhijiex sostnuta mill-fatti tal-każ. Kif muri mit-Tabella 16 fir-Regolament Proviżorju, u mhux ikkontestat minn Svepol, il-pajjiżi esportaturi ewlenin tal-PET, l-Eġittu, it-Turkija u l-Vjetnam kollha kisbu sehem mis-suq aktar milli tilfu fl-2022. B’hekk, it-teorija li biha ċ-Ċina qed titlef l-effetti tal-vantaġġ kompetittiv tagħha fit-trasport tal-merkanzija fit-tielet kwart tal-2023 u s-suq li qabel kien ittieħed mingħand pajjiżi terzi qed jittieħed lura hija żbaljata. Iċ-Ċina qatt ma ħadet sehem mis-suq mingħand dawn il-pajjiżi. Kif muri fit-Tabella 14 tar-Regolament Proviżorju l-uniku tellief sinifikanti tas-sehem mis-suq bejn l-ewwel trimestru tal-2022 u l-ewwel trimestru tal-2023 kien l-Industrija tal-Unjoni, li tilfet 11-il punt perċentwali ta’ sehem mis-suq matul dak il-perjodu. Minn dan isegwi li t-tnaqqis fl-importazzjonijiet tal-PET Ċiniż minn Ġunju 2023 ’il quddiem ma kienx ikkawżat mill-kisba lura minn pajjiżi esportaturi oħra tal-PET ta’ ishma mis-suq li qatt ma tilfu fl-2022, iżda mill-bidu tal-investigazzjoni anti-dumping kontra l-importazzjonijiet miċ-Ċina tliet xhur qabel.

5.2.2.   Elementi oħrajn: il-profittabbiltà u indikaturi ekonomiċi oħrajn

(78)

Kif stabbilit fil-premessi (230), (231) u (233) kif ukoll fit-Tabella 14 tar-Regolament provviżorju, il-profittabbiltà tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun laħqet livelli mhux sostenibbli ta’ - 12 % u - 11 % fir-raba’ trimestru tal-2022 u fl-ewwel trimestru tal-2023 rispettivament, meta l-pressjoni tal-prezzijiet Ċiniżi nħasset l-aktar wara ż-żieda kontinwa fl-importazzjonijiet.

(79)

L-informazzjoni addizzjonali miġbura għall-perjodu ta’ wara l-PI stabbiliet il-kontinwazzjoni tax-xejra negattiva tal-profittabbiltà tal-produtturi tal-Unjoni (ara t-Tabella 1), b’livelli fejn kien qed isir telf stabbiliti għal - 11 % u - 13 % fit-tieni u t-tielet trimestru tal-2023 rispettivament.

(80)

Skont Svepol, il-fatt li l-importazzjonijiet mir-RPĊ ma kkawżawx it-tnaqqis fil-profittabbiltà tal-industrija tal-Unjoni fi Q4 2022 u Q1 2023 ġie kkonfermat mill-fatt li l-profittabbiltà tal-produttur tal-Unjoni kompliet tonqos fl-2023, minkejja li l-volum tal-importazzjonijiet mir-RPĊ naqas b’mod sinifikanti minn Ġunju 2023.

(81)

Il-Kummissjoni ma taqbilx mal-interpretazzjoni tal-fatti minn Svepol. Il-Kummissjoni sabet (abbażi ta’ spjegazzjonijiet ipprovduti mill-partijiet interessati) li hemm intervall ta’ żmien konsiderevoli bejn in-negozjar tal-bejgħ, jiġifieri ż-żmien li l-prodott jiġi ordnat mir-RPĊ, u l-importazzjoni fl-Unjoni. Huwa fil-mument meta l-bejgħ jiġi nnegozjat li l-bejgħ Ċiniż u l-bejgħ tal-Unjoni jikkompetu. Barra minn hekk, kif spjegat fil-premessa (68), it-tnaqqis sinifikanti fil-volum tal-importazzjonijiet minn Ġunju 2023 ’il quddiem huwa relatat mal-investigazzjoni anti-dumping u b’mod partikolari talba għar-reġistrazzjoni aktar milli kwalunkwe forza partikolari tas-suq. It-tnaqqis fil-volum tal-importazzjonijiet osservat minn Ġunju 2023 irrifletta l-ispinta probabbli tal-importaturi biex jillimitaw l-esponiment tagħhom għal dazji anti-dumping retroattivi potenzjali iżda ma eliminax il-pressjoni fuq il-prezzijiet tal-importazzjonijiet Ċiniżi oġġett ta’ dumping, li f’dak il-punt, ma kienet imxekkla minn ebda miżura. Għalhekk, ma huwiex sorprendenti li anki meta l-istatistika wriet tnaqqis fl-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping, l-industrija tal-Unjoni baqgħet tagħmel it-telf u ma rkupratx immedjatament.

5.3.   Il-kummenti tal-partijiet interessati wara l-miżuri provviżorji

(82)

Fil-kummenti tagħha dwar id-divulgazzjoni provviżorja, is-CPCIF (l-assoċjazzjoni tal-produtturi Ċiniżi tal-PET) issottomettiet li l-Kummissjoni ma pprovdiet l-ebda data trimestrali dwar il-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni matul il-PI, u lanqas ma pprovdiet xi informazzjoni ta’ wara l-PI dwar il-prezzijiet tal-Unjoni u b’riżultat ta’ dan il-Kummissjoni ma eżaminatx b’mod oġġettiv il-prezzijiet u l-effetti fuq il-prezzijiet abbażi ta’ evidenza pożittiva. Is-CPCIF issottomettiet ukoll li l-ebda informazzjoni għal wara l-PI ma ġiet ipprovduta fir-Regolament provviżorju dwar l-importazzjonijiet mir-RPĊ li saru mill-kumpaniji tal-industrija tal-Unjoni li lmentaw.

(83)

Kif stabbilit fil-premessa (231) tar-Regolament provviżorju, l-industrija tal-Unjoni kienet qed tbigħ taħt il-kost tal-produzzjoni fl-aħħar trimestru tal-PI u fl-ewwel trimestru ta’ wara l-PI. Għalhekk, il-Kummissjoni eżaminat b’mod oġġettiv, abbażi ta’ evidenza pożittiva, l-effetti tal-importazzjonijiet Ċiniżi oġġett ta’ dumping fuq il-prezzijiet tal-Unjoni. Il-fatt li d-data speċifika dwar il-prezzijiet tal-bejgħ tal-Unjoni trimestrali tal-PI u ta’ wara l-PI, il-kost tal-produzzjoni u l-prezzijiet tal-importazzjoni tal-Unjoni u l-volumi tal-importazzjoni li jirrikonoxxu l-importazzjonijiet mill-produtturi tal-Unjoni li lmentaw (li issa għal raġunijiet ta’ kompletezza u ċarezza huma ppreżentati fit-Tabella 1 u fit-Tabella 2 rispettivament) qabel ma ġietx deskritta fir-Regolament provviżorju ma kienx jinvalida l-konklużjoni li finalment waslet għaliha l-Kummissjoni.

(84)

Is-CPCIF sostniet li l-valutazzjoni tal-Kummissjoni fir-Regolament provviżorju kienet ibbażata fuq data tal-importazzjoni mhux preċiża. Skont is-CPCIF, l-Eurostat irrapporta l-volum tal-importazzjonijiet Ċiniżi fl-ewwel nofs tal-2023 bħala 216 560 tunnellata, b’kuntrast mal-affermazzjoni tal-Kummissjoni ta’ 223 558 tunnellata. Bl-istess mod, l-importazzjonijiet irreġistrati għall-perjodu korrispondenti fl-2022 kienu ta’ 144 706 tunnellata, differenti mis-sejba tal-Kummissjoni ta’ 139 672 tunnellata. Konsegwentement, iż-żieda sena wara sena fl-importazzjonijiet Ċiniżi tkun inqas minn 50 %, minflok is-60 % affermati mill-Kummissjoni.

(85)

Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni fir-Regolament provviżorju kienet ibbażata fuq id-data tal-importazzjoni rrapportata fiż-żmien tal-estrazzjoni tad-data għall-istadju provviżorju tal-investigazzjoni. Id-differenza bejn id-data użata mill-Kummissjoni u d-data estratta mis-CPCIF kienet fil-mument meta ġiet estratta d-data mill-Eurostat. Dan huwa dovut għad-diversi aġġornamenti li saru minn żmien għal żmien għad-data rrappurtata fl-Eurostat. Irrispettivament minn dan, id-data riveduta fi kwalunkwe każ ma tkunx kapaċi tinvalida jew inkella tibdel il-valutazzjoni tal-Kummissjoni u s-sejba li saret fil-premessa (210) tar-Regolament provviżorju tibqa’ l-istess fis-sustanza, jiġifieri li ġiet stabbilita rata sinifikanti ta’ żieda fl-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping fis-suq tal-Unjoni li tindika l-probabbiltà ta’ żieda sostanzjali fl-importazzjonijiet.

(86)

Svepol u UNESDA sostnew li ż-żieda marġinali ta’ 1 sa 1,5 % fis-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet Ċiniżi matul il-perjodu kkunsidrat ma setgħetx tifforma l-bażi ta’ sejba ta’ theddida ta’ dannu. Svepol kompliet tagħmel paragun bejn l-evoluzzjoni tas-sehem mis-suq bejn l-importazzjonijiet Ċiniżi u importazzjonijiet oħra ta’ pajjiżi terzi, b’referenza għas-sehem mis-suq li qed jiżdied b’mod rapidu tat-Turkija, tal-Vjetnam u tal-Eġittu (żieda aggregata fis-sehem mis-suq ta’ 5 punti perċentwali.

(87)

L-ewwel nett, iż-żieda ta’ 1 sa 1,5 % fis-sehem mis-suq Ċiniż irreferiet għas-sehem mis-suq wara t-tnaqqis tal-importazzjonijiet Ċiniżi mill-industrija tal-Unjoni. F’dan il-kuntest, mhuwiex ċar x’kien il-proporzjon tal-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra magħmula mill-industrija tal-Unjoni u l-kumpaniji relatati tagħhom u għalhekk it-tqabbil li sar minn Svepol ma jistax jitqies ġust u oġġettiv. Barra minn hekk, Svepol aggregat it-tkabbir tas-sehem mis-suq għall-pajjiżi esportaturi l-kbar l-oħra u qabblet din iċ-ċifra aggregata mal-importazzjonijiet Ċiniżi.

(88)

Irrispettivament minn dan ta’ hawn fuq, għall-kuntrarju ta’ dak li argumentaw il-partijiet, fid-determinazzjoni tar-rata sinifikanti ta’ żieda fl-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping, il-Kummissjoni ma bbażatx esklużivament fuq iż-żieda fis-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet Ċiniżi matul il-perjodu kollu kkunsidrat. Approċċ bħal dan ma jkunx xieraq meta jitqiesu l-fatti ta’ dan il-każ u b’mod partikolari li t-theddida ta’ dannu saret viżibbli biss fi tmiem il-PI. Kif stabbilit fil-premessa (210) tar-Regolament provviżorju, twettqet analiżi aktar granulari, li tivvaluta l-evoluzzjoni tas-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping matul il-perjodi rilevanti, jiġifieri t-tqabbil tal-2021 mal-PI u l-ewwel nofs tal-2022 mal-ewwel nofs tal-2023. Din il-valutazzjoni wriet rata sinifikanti ta’ żieda, li tindika l-probabbiltà ta’ żieda sostanzjali fl-importazzjonijiet mir-RPĊ. Għalhekk, l-argument ta’ Svepol u UNESDA ġie miċħud.

(89)

Wara d-divulgazzjoni finali, l-UNESDA argumentat (b’referenza għall-fatt li 45-62 % taż-żieda fl-importazzjonijiet miċ-Ċina li seħħet fil-PI saret mill-ilmentatur) li jekk l-industrija tal-Unjoni ma terġax tibda l-importazzjonijiet miċ-Ċina, ma hemm l-ebda raġuni biex wieħed jassumi li l-importazzjonijiet se jerġgħu jiżdiedu b’mod sinifikanti. F’dan ir-rigward, huwa osservat li s-sejba ta’ theddida dannuża ma tiddependix fuq l-importazzjonijiet mill-industrija tal-Unjoni u kif stabbilit fil-premessa (252) tar-Regolament provviżorju, dawn l-importazzjonijiet ma jaffettwawx l-analiżi tad-dannu tal-Kummissjoni.

(90)

Is-CPCIF ikkontestat l-allegata sejba tal-Kummissjoni li l-impożizzjoni ta’ miżuri għad-difiża tal-kummerċ minn ċerti pajjiżi għamlitha kompletament imprattikabbli biex l-esportaturi Ċiniżi jiksbu aċċess għal dawn is-swieq. Is-CPCIF sostniet ukoll li l-Kummissjoni naqset milli teżamina swieq tal-esportazzjoni alternattivi fil-PI jew fil-perjodu ta’ wara l-PI. Is-CPCIF irreferiet għal swieq bħall-Indoneżja, l-Indja, jew il-Ġappun u l-kapaċità sinifikanti ta’ importazzjoni tagħhom u/jew l-importazzjonijiet imdaqqsa tagħhom mir-RPĊ f’Settembru 2023 minkejja l-eżistenza ta’ miżuri għad-difiża tal-kummerċ. Is-CPCIF tenniet l-argument tagħha wara d-divulgazzjoni finali.

(91)

L-ewwel nett, il-Kummissjoni ma kkonkludietx li l-impożizzjoni ta’ miżuri għad-difiża tal-kummerċ minn ċerti pajjiżi għamlitha kompletament imprattikabbli biex l-esportaturi Ċiniżi jiksbu aċċess għal dawn is-swieq. Hija pjuttost iddikjarat fil-premessa (217) tar-Regolament provviżorju li ċerti swieq saru dejjem aktar diffiċli biex jiġu aċċessati (madankollu, mhux kompletament imprattikabbli) għall-produtturi esportaturi Ċiniżi. It-tieni, għall-kuntrarju tal-pretensjoni tas-CPCIF, is-swieq tal-esportazzjoni għall-PET Ċiniż ġew eżaminati kif xieraq. Kif spjegat fil-premessa (220) tar-Regolament provviżorju, l-ebda destinazzjoni oħra ta’ esportazzjoni Ċiniża għall-PET, minbarra l-Federazzjoni Russa, ma kienet qrib il-volum tal-esportazzjoni li sar matul il-PI lejn l-Unjoni. Barra minn hekk, din ix-xejra kompliet ukoll fil-perjodu ta’ wara l-PI, fl-ewwel nofs tal-2023. L-istatistika wriet li l-Unjoni hija d-destinazzjoni primarja tal-esportazzjoni tal-PET tar-RPĊ, u proporzjon kbir tal-kapaċità żejda Ċiniża, fin-nuqqas ta’ miżuri, x’aktarx li jiġi dirett għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni. Il-partijiet interessati ma ressqu l-ebda argument sostanzjat li jinvalida din is-sejba. Barra minn hekk, għall-finijiet ta’ din l-analiżi, iċ-ċifri tal-esportazzjoni Ċiniżi lejn l-Unjoni u t-tqabbil tagħhom mal-esportazzjonijiet lejn swieq oħra mit-tieni nofs tal-2023 tqiesu mhux rappreżentattivi minħabba l-effett dissważiv li din l-investigazzjoni kellha fuq il-livell tal-importazzjonijiet Ċiniżi (ara l-premessa (68)). Il-Kummissjoni rreferiet ukoll għall-valutazzjoni li saret fil-premessi (221) u (247) tar-Regolament provviżorju, li baqgħet valida.

(92)

Bi tweġiba għad-divulgazzjoni finali, is-CPCIF sostniet li billi tinvoka l-effett dissważiv, il-Kummissjoni essenzjalment qed tannulla l-għan tal-Artikolu 3(9)(b) tar-Regolament bażiku dwar id-disponibbiltà ta’ swieq oħra tal-esportazzjoni biex jassorbu kwalunkwe esportazzjoni addizzjonali, meta tivvaluta l-probabbiltà ta’ żieda sostanzjali fl-esportazzjonijiet oġġett ta’ dumping lejn l-Unjoni. Ġie mfakkar li l-Kummissjoni analizzat kif xieraq id-disponibbiltà ta’ swieq oħra tal-esportazzjoni, b’mod partikolari fil-perjodu deċiżiv għall-istabbiliment ta’ theddida dannuża u indirizzat kwalunkwe kumment sostantiv li sar f’dan ir-rigward (ara l-premessi (217), (220)-(221) tar-Regolament provviżorju kif ukoll il-premessa (91)). Kif jirriżulta b’mod ċar mill-premessa (91), ir-referenza għall-effett dissważiv hija limitata għall-perjodu ta’ wara l-PI tat-tieni nofs tal-2023 u ma tirrappreżentax l-unika ġustifikazzjoni għas-sejbiet magħmula mill-Kummissjoni fir-rigward tal-Artikolu 3(9)(b) tar-Regolament bażiku.

(93)

Svepol enfasizzat li d-determinazzjoni ta’ theddida ta’ dannu materjali trid tiġi stabbilita matul il-perjodu li għalih hija allegata, jiġifieri Q4 2022 u Q1 2023. Svepol argumentat li l-Kummissjoni ma pprovdiet l-ebda evidenza ta’ twaqqigħ tal-prezz mill-produtturi esportaturi Ċiniżi fi Q4 2022 u Q1 2023 u li tali twaqqigħ allegat tal-prezz wassal biex il-prezzijiet u l-profittabbiltà tal-industrija tal-Unjoni jonqsu. Svepol sostniet ukoll li anki jekk il-Kummissjoni kellha tistabbilixxi t-twaqqigħ tal-prezzijiet fi Q4 2022 u Q1 2023, hija ma stabbilietx li kien hemm tnaqqis fil-prezzijiet jew soppressjoni tal-prezzijiet bħala riżultat tal-importazzjonijiet tal-PET mir-RPĊ matul il-perjodu kkunsidrat, fil-PI, u speċjalment għal Q4 2022 u Q1 2023, minkejja li kkonkludiet b’mod provviżorju li dan kien il-każ.

(94)

Wara d-divulgazzjoni finali, Svepol sostniet li f’analiżi tat-theddida ta’ dannu, il-Kummissjoni għandha tqis jekk kienx hemm twaqqigħ tal-prezz sinifikanti mill-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping meta mqabbel mal-prezz ta’ prodott simili tal-industrija tal-Unjoni, jew jekk l-effett ta’ tali importazzjonijiet huwiex li b’mod ieħor iwaqqa’ l-prezzijiet sa grad sinifikanti jew jipprevjeni żidiet fil-prezzijiet, li kieku kienu jseħħu, sa grad sinifikanti. Fit-tweġiba tagħha għad-divulgazzjoni finali, is-CPCIF sostniet ukoll li l-aħħar data minn Q3 2023, kruċjali għall-analiżi tat-theddida ta’ dannu tal-Kummissjoni, tindika li l-prezzijiet tal-importazzjonijiet Ċiniżi ma jwaqqgħux il-prezzijiet tal-bejgħ tal-Unjoni.

(95)

Il-Kummissjoni ma taqbilx li kienet meħtieġa tikkalkula t-twaqqigħ tal-prezz għal perjodi trimestrali fil-perjodu ta’ investigazzjoni. Fil-fatt, kif innotat mill-Qorti f’Giant Electric (11), il-Kummissjoni mhijiex meħtieġa skont l-Artikolu 3(3) tar-Regolament bażiku li tiddetermina t-twaqqigħ tal-prezz u tista’ tibbaża l-analiżi tad-dannu tagħha u, għalhekk, ir-rabta kawżali, fuq fenomeni oħra tal-prezzijiet elenkati fl-Artikolu 3(3) tar-Regolament bażiku, bħal tnaqqis sinifikanti fil-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni jew il-prevenzjoni taż-żidiet fil-prezzijiet sa ċertu punt notevoli. Il-Kummissjoni ma taqbilx ukoll li l-analiżi tal-prezzijiet tagħha ma kinitx dettaljata biżżejjed, billi qieset mhux biss l-informazzjoni għall-perjodu tal-investigazzjoni iżda vvalutat ukoll is-sitwazzjoni kemm tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping kif ukoll tal-industrija tal-Unjoni fuq bażi trimestrali għall-perjodu tal-investigazzjoni u l-perjodu ta’ wara l-investigazzjoni. Il-Kummissjoni eżaminat ukoll l-informazzjoni trimestrali dwar il-volumi u l-prezzijiet tal-importazzjonijiet Ċiniżi, kif ukoll il-produzzjoni, il-bejgħ, il-prezzijiet u l-kostijiet tal-industrija tal-Unjoni (ara t-Tabella 14 tar-Regolament provviżorju u t-Tabella 1 kif ukoll it-Tabella 2 ta’ dan ir-Regolament). Kif kien diġà ċar mid-data u mill-analiżi fil-premessi (222) sa (224) tar-Regolament provviżorju, il-Kummissjoni kkonkludiet li, minħabba l-influss kbir ta’ importazzjonijiet Ċiniżi oġġett ta’ dumping fil-perjodu tal-investigazzjoni bi prezzijiet li jwaqqgħu l-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni, l-industrija tal-Unjoni kienet imġiegħla tbaxxi l-prezzijiet tagħha fl-aħħar trimestru tal-perjodu tal-investigazzjoni u fl-ewwel trimestru wara l-perjodu tal-investigazzjoni, li rriżulta f’sitwazzjoni ta’ telf f’dawk iż-żewġ trimestri. Il-volum kbir li għadu għaddej tal-importazzjonijiet Ċiniżi bi prezzijiet li qed jonqsu wara l-perjodu ta’ investigazzjoni, b’mod partikolari fi Q1 2023, wera bidla ulterjuri lejn dawn l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping bi prezzijiet li rażżnu b’mod sinifikanti l-prezzijiet tal-produtturi tal-Unjoni.

(96)

L-iżvilupp ta’ dawn ix-xejriet negattivi huwa osservat aktar meta wieħed iħares lejn id-data ta’ wara l-PI għal Q2 u Q3 2023 dwar il-prezzijiet tal-bejgħ, il-kost tal-produzzjoni u l-profittabbiltà (ara t-Tabella 1). Il-prezzijiet medji tal-bejgħ kif ukoll il-kost tal-produzzjoni tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun urew li, għall-kuntrarju tal-ewwel tliet trimestri tal-PI, mill-aħħar trimestru tal-PI sa Q3 2023, il-prezzijiet tal-bejgħ tal-produtturi tal-Unjoni ġew pressati ’l isfel taħt il-livell tal-kost tal-produzzjoni mill-importazzjonijiet Ċiniżi.

(97)

Barra minn hekk, tqabbil tad-data tal-bejgħ tal-Unjoni mal-prezzijiet tal-esportazzjoni tal-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun għal Q4 2022 wera li l-prezzijiet Ċiniżi kienu qed iwaqqgħu b’mod sinifikanti l-prezzijiet tal-Unjoni bi 8 %. Għalhekk, l-industrija tal-Unjoni kellha tħabbat wiċċha ma’ twaqqigħ tal-prezz sinifikanti mhux biss matul il-PI kollu kemm hu, iżda wkoll fi tmiem il-PI meta feġġet it-theddida ta’ dannu.

(98)

Wara d-divulgazzjoni finali, is-CPCIF sostniet li l-Kummissjoni naqset milli tiġġustifika għaliex attribwiet it-tnaqqis fil-prezzijiet għall-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping, speċjalment meta wieħed iqis li t-tnaqqis fil-prezzijiet minn Q4 2022 kien jirrifletti mill-qrib it-tnaqqis fil-kostijiet tal-industrija domestika. Kif spjegat fil-premessa (96) hawn fuq, mill-aħħar trimestru tal-PI sa Q3 2023, il-prezzijiet tal-bejgħ tal-produtturi tal-Unjoni ġew pressati ’l isfel taħt il-livell tal-kost tal-produzzjoni mill-importazzjonijiet Ċiniżi. Filwaqt li l-prezzijiet tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni setgħu naqsu b’rata simili għall-kost tal-produzzjoni, din ix-xejra ma tispjegax għaliex il-prezzijiet tal-bejgħ baqgħu taħt il-kost tal-produzzjoni.

(99)

Is-CPCIF ikkontestat is-sejba tal-Kummissjoni li saret fir-Regolament provviżorju li “l-importazzjonijiet Ċiniżi wrew żieda sostanzjali matul il-perjodu kkunsidrat, iżda wkoll li din ix-xejra ma twaqqfitx jew treġġgħet lura matul il-perjodu ta’ wara l-investigazzjoni”, u rreferiet għal tnaqqis sinifikanti fl-importazzjonijiet minn Ġunju 2023. Is-CPCIF tenniet l-argument tagħha wara d-divulgazzjoni finali, filwaqt li żiedet li għall-kuntrarju tar-Regolament provviżorju, il-Kummissjoni ammettiet li x-xejra ta’ żieda fil-volumi kienet waqfet wara t-tieni trimestru tal-2023.

(100)

It-tnaqqis fil-volumi tal-importazzjonijiet Ċiniżi minn Ġunju 2023 jista’ jiġi spjegat mill-effett dissważiv ta’ din l-investigazzjoni msemmi fil-premessa (68). Dan it-tnaqqis fil-volumi tal-importazzjoni huwa temporanju, u din ix-xejra titreġġa’ lura jekk ma tiġi imposta l-ebda miżura. Barra minn hekk, ma hemm l-ebda diskrepanza bejn is-sejbiet li saru fir-Regolament provviżorju (fejn hija eżaminata t-tendenza sa Q1 2023) u s-sejbiet definittivi li saru hawnhekk, filwaqt li jiġi osservat li x-xejra ta’ żieda fil-volumi kienet waqfet wara t-tieni kwart tal-2023. Għalhekk, il-pretensjoni tas-CPCIF ġiet miċħuda.

(101)

Is-CPCIF affermat ukoll li d-data ta’ wara l-PI pprovduta fir-Regolament provviżorju, b’mod partikolari x-xejra pożittiva fil-produttività, il-volumi tal-bejgħ tal-Unjoni u l-profittabbiltà fi Q1 2023 meta mqabbla ma’ dik fi Q4 2022, ma kinitx tikkostitwixxi bażi evidenzjarja għad-dikjarazzjoni tat-theddida ta’ dannu minħabba l-importazzjonijiet Ċiniżi tal-PET.

(102)

Filwaqt li l-indikaturi deskritti mis-CPCIF urew xejra pożittiva, l-indikaturi jridu jitqiesu f’kuntest usa’ u jitqabblu prinċipalment mas-sitwazzjoni fil-perjodu ta’ qabel l-istabbiliment ta’ theddida ta’ dannu (ara l-premessa (238) tar-Regolament provviżorju). Analiżi bħal din, appoġġata ulterjorment minn data addizzjonali għal Q2 u Q3 2023 dwar il-profittabbiltà (ara t-Tabella 1) uriet b’mod ċar li l-industrija tal-Unjoni kienet fi stat fraġli li jista’ jinbidel f’dannu materjali immedjatament fin-nuqqas ta’ miżuri.

(103)

Svepol sostniet li r-Regolament provviżorju ma indirizzax l-impatt tal-bidla mill-produtturi esportaturi Ċiniżi għal vjeġġi ta’ merkanzija li titgħabba individwalment matul il-PI. Skont Svepol, iż-żieda fil-kostijiet tat-trasport bil-baħar matul l-aħħar parti tal-2021 u matul il-maġġoranza tal-PI wasslet biex l-utenti u l-importaturi tal-PET tal-Unjoni jirrikorru għal vjeġġi ta’ merkanzija li titgħabba individwalment minflok ma jużaw trasport standard tal-kontejners, u b’hekk żiedu l-volumi tal-importazzjoni mir-RPĊ. Svepol sostniet li l-vantaġġ kompetittiv tal-vjeġġi Ċiniżi ta’ merkanzija li titgħabba individwalment kien biss wieħed temporanju li minn dak iż-żmien għeb bin-normalizzazzjoni tal-kostijiet tat-trasport bil-baħar tal-kontejners — fatt li ntwera b’mod partikolari mit-tnaqqis fl-importazzjonijiet tal-PET mir-RPĊ fi Q2 2023 wara l-aħħar vjeġġ ta’ merkanzija li titgħabba individwalment f’Marzu 2023 (12). Wara d-divulgazzjoni finali, l-UNESDA argumentat ukoll li peress li l-kostijiet tat-trasport tal-merkanzija reġgħu lura għan-normal u l-importazzjonijiet bl-ingrossa ma rnexxewx, ma kienx iġġustifikat li wieħed jassumi li kien hemm probabbiltà ta’ żieda mġedda fl-importazzjonijiet miċ-Ċina.

(104)

Filwaqt li huwa rikonoxxut li parti kbira mill-vjeġġi tal-PET mir-RPĊ fl-2022 waslu f’bastimenti b’merkanzija li titgħabba individwalment, kif innotat fir-Regolament proviżorju (ara l-premessa (228)), il-kostijiet tat-trasport bdew jiġu normalizzati wara l-quċċata li damet sa nofs l-2022. Madankollu, ġiet osservata żieda qawwija fl-importazzjonijiet Ċiniżi sat-tieni nofs tal-2023 (13), u għalhekk ħafna wara li l-kostijiet tat-trasport bil-baħar reġgħu lura għal-livelli normali u wara l-approvazzjoni tal-aħħar vjeġġ allegat ta’ merkanzija li titgħabba individwalment . Għalhekk, il-Kummissjoni sabet li anki mingħajr il-vjeġġi ta’ merkanzija li titgħabba individwalment, l-importazzjonijiet Ċiniżi waslu fl-Unjoni fi kwantitajiet kbar. Barra minn hekk, kif stabbilit fil-premessa (68), it-tnaqqis fil-volumi tal-importazzjonijiet Ċiniżi lejn tmiem Q2 2023 jista’ jiġi spjegat mill-effett dissważiv ta’ din l-investigazzjoni, aktar milli mill-bidla minn vjeġġi ta’ merkanzija li titgħabba individwalment għal kontejners normali. Għalhekk, anki jekk kien hemm koinċidenza bejn l-użu ta’ vjeġġi ta’ merkanzija li titgħabba individwalment u ż-żieda fl-importazzjonijiet Ċiniżi matul l-2021 u għal parti mill-2022, din iċ-ċirkostanza ma setgħetx tinvalida l-valutazzjoni tal-Kummissjoni magħmula fir-Regolament proviżorju.

(105)

Is-CPCIF sostniet, wara d-divulgazzjoni provviżorja li s-sejbiet ta’ Q4 2022 tal-PI bix-xejra ċara ta’ tnaqqis fl-importazzjonijiet lejn tmiem il-PI ma indikawx dannu “prevedibbli” jew “imminenti”, u lanqas ma indikaw theddida ta’ dannu “imminenti”. Is-CPCIF argumentat ukoll li jekk kien hemm theddida ta’ dannu fi Q4 2022, huwa impossibbli li din tista’ tiġi attribwita għall-importazzjonijiet Ċiniżi. Barra minn hekk, skont is-CPCIF, il-fatt li l-industrija tal-Unjoni kienet kapaċi żżid b’mod sinifikanti l-profitti netti, il-bejgħ u l-prezzijiet tal-bejgħ tagħha matul il-perjodu kkunsidrat meta l-importazzjonijiet Ċiniżi kienu sostanzjalment ogħla milli fi Q4 tal-PI jenħtieġ li jiġi debitament rikonoxxut u eżaminat b’mod oġġettiv mill-Kummissjoni. Is-CPCIF tenniet il-pożizzjoni tagħha wara d-divulgazzjoni finali, u ssuġġeriet b’mod żbaljat li l-Kummissjoni żammet lura milli tindirizza dan l-argument imressaq minn CPCIF.

(106)

L-ewwel nett, is-sejbiet ta’ Q4 2022 dwar il-livell tal-importazzjonijiet ma setgħux jiġu ttrattati b’mod iżolat għad-determinazzjoni tat-theddida ta’ dannu. It-tieni, kif deskritt fil-premessa (237) tar-Regolament provviżorju, l-importazzjonijiet Ċiniżi kienu żdiedu b’mod sinifikanti matul il-perjodu sħiħ ikkunsidrat, it-tnaqqis fl-importazzjonijiet fi Q4 2022 segwa żieda kontinwa u qawwija fl-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping fit-trimestri ta’ qabel u kien segwit minn żieda ulterjuri fl-ewwel trimestru ta’ wara l-perjodu tal-investigazzjoni. Dawn l-iżviluppi ġew ivvalutati fl-intier tagħhom u flimkien mal-effett soppressiv tal-importazzjonijiet Ċiniżi oġġett ta’ dumping fuq il-prezzijiet tal-Unjoni lejn tmiem il-PI u fil-perjodu ta’ wara l-PI indikaw il-bidla fiċ-ċirkostanzi li ħolqot sitwazzjoni dannuża kkawżata mill-importazzjonijiet Ċiniżi oġġett ta’ dumping, li kienet prevista b’mod ċar u imminenti.

5.4.   Konklużjoni dwar it-theddida ta’ dannu

(107)

Kif stabbilit fir-Regolament provviżorju, filwaqt li l-industrija tal-Unjoni kienet sejra tajjeb sat-tielet trimestru tal-2022, kważi l-indikaturi kollha tad-dannu bdew jonqsu b’mod drammatiku matul l-aħħar trimestru tal-2022 u din is-sitwazzjoni negattiva kompliet matul l-ewwel trimestru tal-2023.

(108)

Investigazzjoni ulterjuri fl-istadju definittiv ikkonfermat li l-industrija tal-Unjoni għadha fi stat fraġli u li x-xejra negattiva tal-produtturi tal-Unjoni stabbilita fir-Regolament provviżorju kompliet fi Q2-Q3 2023. B’mod aktar speċifiku, il-prezzijiet tal-bejgħ kif ukoll il-kost tal-produzzjoni tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun għall-perjodu msemmi juru li, b’mod konsistenti mat-tmiem tal-PI u ma’ Q1 2023, l-importazzjonijiet Ċiniżi oġġett ta’ dumping baqgħu jeżerċitaw soppressjoni tal-prezzijiet fuq il-prezzijiet tal-bejgħ tal-Unjoni fi Q2-Q3 2023. Il-prezzijiet tal-bejgħ tal-produtturi tal-Unjoni baqgħu taħt il-livell tal-kost tal-produzzjoni u s-sitwazzjoni tat-telf tal-industrija tal-Unjoni kompliet bi -11 % u -13 % fit-tieni u t-tielet trimestru tal-2023 rispettivament.

(109)

Għalhekk, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha dwar l-eżistenza ta’ theddida ta’ dannu prevedibbli b’mod ċar u imminenti għall-industrija tal-Unjoni fi tmiem il-perjodu tal-investigazzjoni kif stabbilit fil-premessi (238) sa (242) tar-Regolament provviżorju.

6.   KAWŻALITÀ

6.1.   Valutazzjoni

(110)

Fis-sejbiet provviżorji tagħha, il-Kummissjoni ddistingwiet u sseparat l-effetti tal-fatturi magħrufa kollha (importazzjonijiet mill-ilmentaturi u kumpaniji relatati lill-ilmentaturi, żieda fl-użu tal-PET riċiklat mill-utenti tal-PET, importazzjonijiet minn pajjiżi terzi, il-prestazzjoni tal-esportazzjoni tal-industrija tal-Unjoni, żidiet fil-kostijiet tal-materja prima u l-prezzijiet tal-enerġija, żieda fil-kostijiet tal-investiment u preferenzi tax-xiri tal-klijenti) fuq is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni mill-effetti dannużi tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping. Madankollu, l-effett ta’ dawn il-fatturi l-oħra fuq l-iżviluppi negattivi tal-industrija tal-Unjoni nstab li, jekk kien jeżisti, kien biss wieħed limitat, u ma naqqasx ir-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping u t-theddida ta’ dannu.

(111)

Wara l-aġġornament tad-data ta’ wara l-PI fl-istadju definittiv, id-data trimestrali dwar il-kost tal-produzzjoni u l-prezzijiet tal-bejgħ tal-produtturi tal-Unjoni fi Q2 u Q3 2023 (deskritta fit-Tabella 1) turi li l-produtturi tal-Unjoni komplew jiġu sfurzati jbigħu taħt il-kost bħala riżultat tal-pressjoni li ġejja mill-importazzjonijiet Ċiniżi oġġett ta’ dumping, u b’hekk tappoġġa s-sejbiet provviżorji tal-Kummissjoni. Dwar dan il-punt, Svepol sostniet fit-tweġiba tagħha għad-divulgazzjoni finali li mhuwiex spjegat kif it-treġġigħ lura fil-kundizzjonijiet tal-importazzjoni fi Q4 2022-Q3 2023 ma taffiex l-allegata pressjoni fuq il-produtturi tal-Unjoni.

(112)

Fir-rigward tal-aktar data reċenti dwar l-importazzjoni (għal Q2-Q3 2023) miċ-Ċina u minn pajjiżi terzi oħra, minkejja t-tnaqqis fl-importazzjonijiet Ċiniżi fil-perjodu msemmi minħabba effett dissważiv tal-bidu ta’ din l-investigazzjoni (ara l-premessa (68)), il-produtturi tal-Unjoni komplew ibatu minħabba l-effetti ta’ soppressjoni tal-prezzijiet mhux mitigata mill-produtturi esportaturi Ċiniżi, li impediet lill-produtturi tal-Unjoni milli jistabbilixxu l-prezzijiet tagħhom ogħla mill-kostijiet tal-produzzjoni tagħhom.

(113)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq u b’mod konsistenti mat-Taqsima 6.1 tar-Regolament provviżorju, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjoni tagħha li l-importazzjonijiet Ċiniżi oġġett ta’ dumping kellhom impatt negattiv fuq is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni u kienu qed jikkawżaw theddida ta’ dannu materjali lill-industrija tal-Unjoni filwaqt li fatturi oħra ma kinux kapaċi jnaqqsu din ir-rabta kawżali.

6.2.   Il-kummenti tal-partijiet interessati wara l-miżuri provviżorji

(114)

Is-CPCIF iddikjarat li l-Kummissjoni naqset milli tistabbilixxi rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping u t-theddida ta’ dannu minn dawk l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping. Skont is-CPCIF (u mingħajr analiżi dettaljata dwar dan il-punt), ir-Regolament Provviżorju kien nieqes minn analiżi sinifikanti u ma pprovda l-ebda element ta’ kawżalità sostnut minn biżżejjed evidenza li turi li l-volum u/jew il-livelli tal-prezzijiet kienu responsabbli għal impatt negattiv fuq l-industrija tal-Unjoni. Is-CPCIF tenniet l-argument tagħha wara d-divulgazzjoni finali.

(115)

Il-Kummissjoni rreferiet għat-Taqsima 6 tar-Regolament provviżorju u spjegat ir-raġunijiet għall-konklużjoni li l-kawżalità ġiet stabbilita skont l-istandard legali meħtieġ.

(116)

Svepol sostniet li l-Kummissjoni ma kinitx uriet l-eżistenza ta’ relazzjoni kawżali pożittiva bejn l-allegati “prezzijiet baxxi tal-importazzjonijiet Ċiniżi” fi Q4 2022 u fi Q1 2023 u s-soppressjoni tal-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni li rriżultat fid-deterjorament sinifikanti tal-profittabbiltà tal-industrija tal-Unjoni fl-aħħar trimestru tal-PI u l-bqija tat-telf fi Q1 2023. Fit-tweġiba tagħha għad-divulgazzjoni finali, Svepol sostniet li l-Kummissjoni naqset milli tispjega kif, meta l-volumi tal-importazzjoni kienu fl-ogħla livell tagħhom u l-prezzijiet tal-importazzjoni kienu baxxi matul l-ewwel tliet trimestri tal-2022, il-produtturi tal-Unjoni kienu kapaċi jiksbu l-aħjar prestazzjoni tagħhom u jiddefendu ruħhom kontra s-soppressjoni tal-prezzijiet. Minkejja l-analiżi stabbilita fil-premessa (117), is-CPCIF issuġġeriet ukoll fit-tweġiba tagħha għad-divulgazzjoni finali li l-fatt li l-prezzijiet fis-suq tal-PET tal-Unjoni għadhom taħt pressjoni ’l isfel minħabba tkomplija ta’ domanda dgħajfa ma huwa rifless imkien fl-analiżi tal-Kummissjoni.

(117)

Kif stabbilit fil-premessa (249) tar-Regolament provviżorju, il-livell tal-produzzjoni u l-utilizzazzjoni tal-kapaċità tal-industrija tal-Unjoni wrew tnaqqis sinifikanti matul il-perjodu tal-investigazzjoni, eżatt wara perjodu fejn seħħet żieda sinifikanti fl-importazzjonijiet Ċiniżi. Filwaqt li l-industrija tal-Unjoni kienet kapaċi tirreżisti l-volum dejjem jiżdied ta’ importazzjonijiet Ċiniżi oġġett ta’ dumping fl-ewwel tliet trimestri tal-PI billi żammet operazzjonijiet ta’ PET profittabbli u volumi ta’ bejgħ relattivament stabbli tal-Unjoni, dan kien dovut għal żieda fid-domanda tal-klijenti li dehret fl-ewwel nofs tal-PI. Madankollu, hekk kif id-domanda u l-volumi tal-bejgħ tal-Unjoni bdew jonqsu u r-rati operattivi tal-Unjoni naqsu drastikament, il-pressjoni mill-importazzjonijiet Ċiniżi oġġett ta’ dumping laħqet livelli mhux sostenibbli u wasslet għal aggravazzjoni tas-sitwazzjoni tal-produtturi tal-Unjoni fi tmiem il-PI u fil-perjodu ta’ wara l-PI (ara l-premessa (223) tar-Regolament provviżorju), li rriflettiet prezzijiet tal-bejgħ baxxi u profittabbiltà negattiva. Għalhekk, ir-relazzjoni kawżali pożittiva bejn l-importazzjonijiet Ċiniżi u d-deterjorament sinifikanti tal-industrija tal-Unjoni ġiet stabbilita kif xieraq u l-pretensjoni ta’ Svepol ġiet miċħuda.

(118)

Is-CPCIF sostniet li d-determinazzjoni tat-theddida ta’ dannu tal-Kummissjoni bbażat fuq is-sejbiet tagħha matul Q4 2022 u l-perjodu ta’ wara l-PI, distinti mis-sejbiet tagħha għall-perjodu kkunsidrat fejn ma ġie identifikat l-ebda dannu. Madankollu, meta ġew evalwati l-effetti tal-importazzjonijiet Ċiniżi mill-produtturi tal-Unjoni, skont is-CPCIF il-valutazzjoni qabblithom max-xejriet ġenerali tal-importazzjoni matul il-perjodu kkunsidrat, minflok ma ffukat speċifikament fuq Q4 2022 u l-perjodu ta’ wara l-PI. Is-CPCIF tenniet l-argument tagħha wara d-divulgazzjoni finali.

(119)

Il-pretensjoni ta’ CPCIF kienet żbaljata. L-ewwel nett, kif segwa mit-Taqsima 5 u t-Taqsima 6 tar-Regolament provviżorju (b’mod partikolari l-premessi (210), (212), (213), (222), (223), (230), (233), (244)-(247), (252), (255)), huwa evidenti li d-determinazzjoni ta’ theddida ta’ dannu kienet tiddependi fuq l-eżami tax-xejriet fil-perjodu tal-investigazzjoni b’enfasi partikolari fuq l-iżviluppi trimestrali. Fl-istess ħin, f’konformità mal-premessa (207) tar-Regolament provviżorju, il-Kummissjoni rrieżaminat ukoll id-data għall-perjodu kkunsidrat għal fehim aħjar tas-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni fuq perjodu itwal, li wassal għall-istabbiliment ta’ theddida ta’ dannu. It-tieni, speċifikament fir-rigward tal-importazzjonijiet mir-RPĊ mill-kumpaniji li lmentaw, għall-kuntrarju tal-pretensjoni tas-CPCIF, kif stabbilit fil-premessa (252) tar-Regolament provviżorju, il-Kummissjoni evalwat is-sitwazzjoni fir-rigward tal-PI kif ukoll ta’ Q4 2022. Barra minn hekk, kif deskritt fit-Tabella 14 tar-Regolament provviżorju u fit-Tabella 1 ta’ dan ir-Regolament, iċ-ċifri ta’ Q1 - Q2 2023, li wrew li l-importazzjonijiet mill-industrija tal-Unjoni ammontaw għal [10 - 20] % tal-importazzjonijiet Ċiniżi kumplessivi ma kinux kapaċi jnaqqsu r-rabta kawżali. Għalhekk, il-pretensjoni tas-CPCIF ġiet miċħuda.

(120)

Wara l-impożizzjoni tal-miżuri provviżorji, is-CPCIF fittxet li turi bidla minn PET verġni għal PET riċiklat billi qabblet iċ-ċifri trimestrali għall-perjodu Q4 2022 - Q1 2023 għaż-żewġ segmenti. Is-CPCIF reġgħet stqarret dan wara d-divulgazzjoni finali. L-UNESDA tenniet ukoll l-argument tagħha dwar is-sostituzzjoni tal-vPET għall-rPET, li wassal għat-telf tal-bejgħ mill-produtturi tal-vPET.

(121)

L-ewwel nett, il-Kummissjoni rreferiet għall-konklużjonijiet li saru fil-premessa (254) tar-Regolament provviżorju, li jibqgħu validi. It-tieni, kif spjegat fil-premessa (49), iċ-ċifri tal-produzzjoni tal-rPET għal Q1 2023 ġew aġġornati filwaqt li tqieset l-aħħar data ta’ Wood Mackenzie disponibbli b’aġġustamenti ’l isfel magħmula għall-produzzjoni tal-rPET. It-tielet, anki meta jitqiesu ċ-ċifri oriġinali, adozzjoni temporanja fil-produzzjoni tal-rPET xprunata mill-isforzi ta’ sostenibbiltà tal-UE ma tistax timmina b’mod plawżibbli l-analiżi tat-theddida ta’ dannu f’dan il-każ u lanqas tnaqqas ir-rabta kawżali fid-dawl tad-daqs tas-segment tal-industrija tal-Unjoni tal-rPET u l-impatt tiegħu fuq l-indikaturi ekonomiċi fil-perjodu kkunsidrat, matul il-PI jew fil-perjodu ta’ wara l-PI. Fi kwalunkwe każ, is-CPCIF u l-UNESDA naqsu milli juru kif kontrobilanċ temporanju tat-tnaqqis fil-produzzjoni għall-vPET permezz ta’ żieda fil-produzzjoni tal-rPET fil-perjodu li fih diġà ġiet stabbilita t-theddida ta’ dannu kien b’xi mod jaffettwa l-kawżalità f’dan il-każ.

(122)

Svepol argumentat li l-Kummissjoni kienet ivvalutat biss il-volumi u l-prezzijiet tal-importazzjoni minn pajjiżi terzi għall-PI kollu kemm hu, mingħajr ma analizzat is-sitwazzjoni għal dawn l-importazzjonijiet f’termini ta’ prezzijiet u volumi għal Q4 2022 u Q1 2023. Skont Svepol, ma kien hemm l-ebda raġuni biex jiġi konkluż li l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi ma naqqsux ir-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet mir-RPĊ u t-theddida ta’ dannu għall-industrija tal-Unjoni. B’appoġġ għal din il-pretensjoni, Svepol sostniet li l-importazzjonijiet mit-Turkija, mill-Vjetnam, u mill-Eġittu żdiedu matul il-perjodu minn Q4 2022 sa Q1 2023 u kienu b’mod kumulattiv 80 000 tunnellata ogħla mill-importazzjonijiet mir-RPĊ matul il-perjodu msemmi. Svepol tenniet l-argumenti tagħha wara d-divulgazzjoni finali, filwaqt li żiedet li l-Kummissjoni jenħtieġ li tikkunsidra wkoll data dwar l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi għal Q2-Q3 2023. Bl-istess mod, skont is-CPCIF, il-Kummissjoni missha kkunsidrat id-data dwar l-importazzjoni għal Q4 2022 u data ta’ wara l-PI fil-valutazzjoni tagħha tal-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi. Fl-analiżi tagħha, is-CPCIF irreferiet għal żieda sinifikanti fl-importazzjonijiet mill-Eġittu fl-2023 u għal data reċenti dwar l-importazzjoni (Ġunju – Settembru 2023) li turi li l-volum u r-rata ta’ żieda fl-importazzjonijiet minn diversi pajjiżi terzi oħra qabżu b’mod sostanzjali dawk attribwiti għar-RPĊ. Is-CPCIF tenniet l-argument tagħha wara d-divulgazzjoni finali. L-UNESDA argumentat ukoll wara d-divulgazzjoni finali li fl-2023, erbgħa mill-pajjiżi fornituri ewlenin (l-Indoneżja, il-Pakistan, il-Vjetnam u l-Oman) li jammontaw għal 29,5 % tal-importazzjonijiet tal-Unjoni kellhom prezzijiet tal-importazzjoni aktar baxxi mill-prezz tal-importazzjonijiet miċ-Ċina (li jammontaw għal 19,7 % tal-importazzjonijiet tal-Unjoni). Għalhekk, skont l-UNESDA, il-livelli tal-prezzijiet tal-Unjoni ma setgħux jiġu attribwiti liċ-Ċina.

(123)

Fil-kuntest tad-determinazzjoni tat-theddida ta’ dannu, l-importazzjonijiet minn pajjiżi esportaturi kbar għajr ir-RPĊ għandhom jiġu vvalutati mhux biss għall-PI kollu, iżda wkoll f’livell aktar granulari u fuq bażi trimestrali matul u wara l-PI.

(124)

F’dan l-isfond, fil-perjodu tal-ewwel tliet trimestri tal-2022, li wassal għall-istabbiliment tat-theddida ta’ dannu u s-soppressjoni tal-prezzijiet tal-Unjoni, dawn l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi ġew ipprezzati ogħla b’ammont sinifikanti minn dawk li joriġinaw mir-RPĊ. Barra minn hekk, l-ebda wieħed minn dawn il-prezzijiet tal-importazzjonijiet ta’ “pajjiżi terzi oħra” ma kien taħt il-prezzijiet tal-Unjoni fit-tielet trimestru, immedjatament qabel id-deterjorament sinifikanti tal-industrija tal-Unjoni. Barra minn hekk, filwaqt li l-ishma mis-suq ta’ dawn l-importazzjonijiet kienu relattivament stabbli matul il-perjodu tal-2022 sa Q1 2023, is-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet Ċiniżi, minbarra l-importazzjonijiet magħmula mill-industrija tal-Unjoni, żdied għal [12–13] % fi Q1 2023 (meta mqabbel ma’ [4,5–5,5] % li deher fi Q1 2022 jew fi Q4 2022), meta t-theddida ta’ dannu kienet diġà preżenti. Għalhekk, b’kunsiderazzjoni tal-livell tal-prezzijiet u tal-istabbiltà tal-ishma mis-suq tal-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra matul il-perjodu mill-2022 sa Q1 2023 meta mqabbla mal-importazzjonijiet Ċiniżi, instab li l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi (it-Turkija, l-Eġittu u l-Vjetnam) ma setgħux inaqqsu r-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet Ċiniżi oġġett ta’ dumping u t-theddida ta’ dannu għall-industrija tal-Unjoni kif stabbilit fil-premessa (259) tar-Regolament provviżorju. Fir-rigward tal-analiżi tal-aktar data riċenti dwar l-importazzjoni mwettqa mis-CPCIF u mill-UNESDA, effett dissważiv tal-bidu ta’ din l-investigazzjoni (ara l-premessa (68) ta’ dan ir-Regolament) wassal biex l-analiżi ta’ tali data reċenti, meta mqabbla maċ-ċifri tal-importazzjonijiet Ċiniżi fl-Unjoni u l-effett fuq il-prezzijiet tal-Unjoni ma tkunx rappreżentattiva. Għalhekk, il-pretensjonijiet imressqa minn Svepol u UNESDA ġew miċħuda.

(125)

Is-CPCIF sostniet li l-Kummissjoni ma pprovdiet l-ebda data trimestrali dwar il-kost tal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni matul il-PI u l-perjodu sussegwenti ta’ wara l-PI u, konsegwentement, l-analiżi tal-kawżalità f’dan ir-rigward kienet spekulattiva u nieqsa minn evidenza pożittiva. Barra minn hekk, is-CPCIF sostniet li qabel Q4 2022, il-kostijiet tal-produzzjoni tal-PET esperjenzaw żieda bla preċedent, li għamlitha impossibbli għall-produtturi tal-Unjoni li jallinjaw il-prezzijiet tal-bejgħ tagħhom, b’mod partikolari fid-dawl tat-tnaqqis simultanju fid-domanda. Insostenn tal-pretensjoni tagħha, is-CPCIF irreferiet għal eskalazzjoni f’daqqa u straordinarja fil-prezzijiet tal-elettriku, tal-gass u tal-PTA f’Settembru 2022.

(126)

L-ewwel nett, id-data trimestrali dwar il-kost tal-produzzjoni tal-produtturi tal-Unjoni fil-PI u fil-perjodu sussegwenti ta’ wara l-PI deskritta fit-Tabella 1 u fit-Tabella 2 appoġġat is-sejbiet tal-Kummissjoni li saru fil-premessa (265) tar-Regolament provviżorju. L-analiżi trimestrali wriet li għalkemm il-kost tal-produzzjoni fi Q2 u Q3 2022 żdied kważi għal-livelli li dehru fi Q4, il-produtturi tal-Unjoni setgħu jistabbilixxu l-prezzijiet tal-bejgħ f’dak il-perjodu (Q2 - Q3 2022) ferm ogħla mil-livell tal-kost tal-produzzjoni tagħhom. Madankollu, fi Q4 2022 u fi Q1 - Q3 2023, il-produtturi tal-Unjoni kienu mġiegħla jbigħu taħt il-kost bħala riżultat tal-pressjoni li ġejja mill-importazzjonijiet Ċiniżi oġġett ta’ dumping. It-tieni nett, l-argument ta’ CPCIF li kien hemm żieda f’daqqa u notevoli fil-prezzijiet tal-materja prima u tal-enerġija eżatt qabel jew fil-bidu ta’ Q4 2022 ma sabx appoġġ fid-data vverifikata dwar il-kost tal-produzzjoni. Il-kost tal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni bilkemm inbidel bejn Q3 u Q4 tal-2022 (żieda ta’ 4 %), li għamel l-argument tas-CPCIF ineffettiv.

6.3.   Konklużjoni dwar il-kawżalità

(127)

Il-konklużjonijiet milħuqa fil-premessi (270) sa (271) tar-Regolament provviżorju ġew ikkonfermati.

7.   LIVELL TAL-MIŻURI

7.1.   Marġni tad-dannu

(128)

B’referenza għall-premessa (163) tar-Regolament provviżorju, u l-aġġustament tal-prezz CIF tal-esportaturi għall-kostijiet ta’ wara l-importazzjoni, Svepol staqsiet lill-Kummissjoni għaliex il-kostijiet ta’ wara l-importazzjoni tagħha ma kinux rappreżentattivi f’din l-investigazzjoni. Huwa osservat li Svepol iddikjarat bħala kostijiet ta’ wara l-importazzjoni l-SG&A tal-kumpanija kif ukoll il-kost tat-trasport lill-klijenti mġarrba wara l-iżdoganar. Madankollu, l-ebda kategorija tal-kostijiet elenkati minn Svepol ma setgħet titqies bħala kostijiet li għalihom isir aġġustament fil-kuntest tal-kalkolu tat-twaqqigħ tal-prezz u tal-marġni tad-dannu.

(129)

PET Europe qieset li l-użu tal-profitt fil-mira minimu ma kienx raġonevoli u tenniet l-argument tagħha wara d-divulgazzjoni finali. Filwaqt li l-profitt fil-mira ta’ 6 % applikat huwa minimu legali, kif stabbilit fil-premessa (275) tar-Regolament provviżorju), skont PET Europe, dan ma kienx jirrifletti l-ħtiġijiet tal-industrija tal-Unjoni li hija intensiva fil-kapital. L-ilmentatur irrefera għat-tracker tas--CSI Market, li abbażi tiegħu l-profittabbiltà fis-settur tas-sustanzi kimiċi kienet ta’ 14,73 % (marġni ta’ qabel it-taxxa) u nnota li għall-finijiet tal-kostruzzjoni tal-valur normali f’dan il-każ, il-Kummissjoni applikat marġni ta’ profitt ta’ 14,84 %. PET Europe sussegwentement ikkonkludiet li marġni ta’ profitt fil-mira ta’ mill-inqas 14 % huwa xieraq għall-finijiet ta’ din l-investigazzjoni.

(130)

L-ewwel nett, il-PET jitqies bħala komodità, kif imfakkar ukoll fil-miżuri l-oħra li jkopru l-importazzjonijiet ta’ dan il-prodott – ara l-premessa (170) tar-Regolament (UE) 2019/1286 (14), u l-produtturi tal-Unjoni tipikament jiksbu profittabbiltà taħt il-minimu legali. Dan intwera miċ-ċifri mill-ewwel sentejn tal-perjodu kkunsidrat (2,9 % fl-2019 u 0,3 % fl-2020) kif ukoll mill-investigazzjoni tal-passat, fejn il-profittabbiltà tal-industrija tal-Unjoni laħqet 3 % fl-2017 u 3,7 % rispettivament fil-perjodu minn April 2017 sa Marzu 2018 (ara l-premessa (160) tar-Regolament (UE) 2019/1286). Barra minn hekk, id-data dwar il-profittabbiltà mit-tracker tas-CSI Market kienet tikkonċerna s-settur tal-manifattura tal-kimika aktar milli s-settur tal-industrija tal-plastik u tal-gomma, li għalih il-profittabbiltà hija ta’ 5,13 % għal Q3 2023 (il-perjodu msemmi minn PET Europe). Fl-aħħar nett, il-marġni ta’ profitt użat għall-bini tal-valur normali kien jikkonċerna l-profitt li sar fil-pajjiż rappreżentattiv identifikat skont l-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku, li ma jistax jintuża bħala parametru referenzjarju għall-profitt fil-mira tal-produtturi tal-industrija tal-Unjoni. Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, il-pretensjoni ta’ PET Europe ġiet miċħuda.

(131)

Kif previst fl-Artikolu 9(4), it-tielet subparagrafu, tar-Regolament bażiku, u minħabba li l-Kummissjoni ma rreġistratx l-importazzjonijiet matul il-perjodu ta’ qabel id-divulgazzjoni, din analizzat l-iżvilupp tal-volumi tal-importazzjoni biex tistabbilixxi jekk kienx hemm żieda sostanzjali ulterjuri fl-importazzjonijiet soġġetti għall-investigazzjoni matul il-perjodu ta’ qabel id-divulgazzjoni u b’hekk tirrifletti d-dannu addizzjonali li jirriżulta minn din iż-żieda fid-determinazzjoni tal-marġni tad-dannu.

(132)

Abbażi tad-data mill-bażi tad-data Surveillance 3, il-volumi tal-importazzjonijiet mir-RPĊ matul il-perjodu ta’ 4 ġimgħat tad-divulgazzjoni minn qabel kienu 42 % inqas mill-volumi tal-importazzjoni fil-perjodu tal-investigazzjoni matul l-istess perjodu ta’ 4 ġimgħat. Fuq dik il-bażi, il-Kummissjoni kkonkludiet li ma kienx hemm żieda sostanzjali fl-importazzjonijiet soġġetti għall-investigazzjoni matul il-perjodu ta’ qabel id-divulgazzjoni.

(133)

Għalhekk, il-Kummissjoni ma aġġustatx il-livell ta’ eliminazzjoni tad-dannu f’dan ir-rigward u fin-nuqqas ta’ kummenti, il-premessa (279) tar-Regolament provviżorju hija kkonfermata.

7.2.   Konklużjoni dwar il-livell ta’ miżuri

(134)

Wara l-valutazzjoni ta’ hawn fuq, id-dazji anti-dumping definittivi jenħtieġ li jiġu stabbiliti kif ġej f’konformità mal-Artikolu 7(2) tar-Regolament bażiku:

Kumpanija

Dazju anti-dumping definittiv

Sanfame Group:

Jiangsu Hailun Petrochemical Co., Ltd

Jiangsu Xingye Plastic Co., Ltd.

Jiangyin Xingyu New Material Co., Ltd.

Jiangyin Xingtai New Material Co., Ltd.

6,6  %

Wankai New Materials Group:

Wankai New Materials Co., Ltd.

Chongqing Wankai New Materials Technology Co. Ltd.

1 0,7  %

China Resources Chemical Innovative Materials Group:

China Resources Chemical Innovative Materials CO., LTD

Zhuhai China Resources Chemical Innovative Materials Co., Ltd.

1 7,2  %

Kumpaniji oħrajn li kkooperaw

1 1,1  %

Il-kumpaniji l-oħrajn kollha

2 4,2  %

8.   INTERESS TAL-UNJONI

8.1.   Interess tal-industrija tal-Unjoni

(135)

Minbarra l-valutazzjoni pprovduta fir-Regolament provviżorju, ta’ min jinnota li wara l-PI, fl-2023 diversi produtturi tal-Unjoni naqqsu temporanjament jew waqqfu għal kollox il-produzzjoni tagħhom bħala reazzjoni għas-sitwazzjoni diffiċli kkawżata mill-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping. Għalhekk, fin-nuqqas ta’ miżuri, mhux biss l-eżistenza tal-industrija tal-PET fl-Unjoni tiġi pperikolata serjament, iżda bl-istess mod l-istabbiltà tal-provvista tal-PET għall-utenti tal-PET tkun ipperikolata.

(136)

Fin-nuqqas ta’ kummenti rigward l-interess tal-industrija tal-Unjoni, il-konklużjoni li ntlaħqet fil-premessa (284) tar-Regolament proviżorju hija kkonfermata.

8.2.   L-interess tal-utenti u tal-importaturi mhux relatati

(137)

Fit-tweġiba tagħhom għad-divulgazzjoni provviżorja, l-utenti tennew li l-fatti li ġejjin iridu jitqiesu fl-analiżi tal-Interess tal-Unjoni: (i) il-PET bħala perċentwal tal-kost tal-produzzjoni varja bejn 30 % u 60 % għall-produtturi tal-ilma fil-fliexken u bejn 14 % u 30 % għall-produtturi ta’ soft drinks, u b’hekk kellu impatt għoli fuq l-operazzjonijiet u l-profittabbiltà tal-utenti, (ii) ir-rekwiżiti li jirriżultaw mid-Direttiva dwar il-Plastik li Jintuża Darba Biss (Single Use Plastic, “SUP”), jiġifieri tappijiet imwaħħlin minn Lulju 2024 u l-inkorporazzjoni ta’ 25 % ta’ rPET fil-fliexken tax-xorb tal-plastik mill-2025 li jiżdiedu għal 30 % sal-2030) u r-Regolament dwar l-Imballaġġ u l-Iskart mill-Imballaġġ (Packaging & Packaging Waste Regulation, PPWR) assoċjati ma’ kost ogħla tal-rPET billi l-prezz tal-rPET isegwi l-prezz tal-vPET iżda huwa sostanzjalment ogħla u (iii) il-fatt li t-tkabbir tal-industrija tal-rPET huwa protett mill-kompetizzjoni mal-PET mir-RPĊ, minħabba l-qafas regolatorju eżistenti u futur bħad-Direttiva SUP u l-approvazzjonijiet tal-EFSA (15) għall-rPET ta’ grad alimentari. Fit-tweġiba tagħhom għad-divulgazzjoni finali, l-UNESDA argumentat li l-impożizzjoni tad-dazji anti-dumping tkun projbittiva għall-importazzjonijiet tal-PET miċ-Ċina, b’referenza għall-impożizzjoni ta’ tariffa tan-nazzjon l-aktar iffavorit (MFN) ta’ 6,5 % fuq l-Indja fl-2022 u l-għajbien sussegwenti tal-importazzjonijiet tal-PET Indjani fl-2023.

(138)

Il-Kummissjoni rrikonoxxiet li l-PET huwa l-uniku komponent tal-akbar kost għall-utenti tal-PET. Madankollu, f’konformità mal-premessa (294) tar-Regolament provviżorju, id-dazji imposti huma stabbiliti f’livell li jippermetti lill-utenti u lill-importaturi jkomplu jimportaw il-PET mir-RPĊ bi prezzijiet raġonevoli. Peress li d-dazji huma stabbiliti f’livell baxx sa 6,6 %, anki jekk il-PET kien jammonta għal 14 sa 60 % tal-kost tal-produzzjoni tal-utenti, il-livell tad-dazji ma għandux ikollu effett projbittiv jew jaffettwa materjalment l-implimentazzjoni u l-kisba tal-objettivi ta’ sostenibbiltà u jista’ jiġi assorbit mill-utenti li jixtiequ jkomplu jakkwistaw il-materjal mir-RPĊ. Barra minn hekk, il-provvisti jistgħu jiġu żgurati minn produtturi oħra, bħall-industrija tal-Unjoni u pajjiżi terzi oħra bħat-Turkija, il-Vjetnam, u l-Eġittu. Fir-rigward tat-tqabbil mill-UNESDA mal-introduzzjoni tat-tariffa MFN għall-importazzjonijiet Indjani li rriżulta fl-eliminazzjoni tal-importazzjonijiet tal-Unjoni, ġie nnutat li l-importazzjonijiet Ċiniżi tal-PET kienu diġà soġġetti għad-dazju doganali komuni ta’ 6,5 % qabel din l-investigazzjoni li ma waqqafhomx milli jieħdu sehem sinifikanti mis-suq fl-Unjoni.

(139)

Il-Kummissjoni ma kkontestatx lanqas li l-utenti downstream tal-PET joperaw f’ambjent regolatorju u makroekonomiku diffiċli, u jkollhom jagħmlu investimenti addizzjonali jew iġarrbu kostijiet addizzjonali biex jikkonformaw mar-rekwiżiti u jimplimentawhom fost l-oħrajn b’rabta mad-Direttiva SUP u l-PPWR. Madankollu, l-eżistenza ta’ dawn ir-rekwiżiti regolatorji, simili għal fatturi oħra li huma ta’ piż fuq il-kost tal-PET (eż. il-prezz tal-materja prima jew il-pressjoni mix-xerrejja) ma setgħetx tipperikola kundizzjonijiet ekwi fis-suq upstream tal-Unjoni għall-PET billi tindirizza s-sitwazzjoni tad-dumping dannuż, b’mod partikolari meta l-effett negattiv tad-dazji anti-dumping fuq l-utenti jitqies bħala minuri.

(140)

Fir-rigward tas-segment tal-rPET, filwaqt li kien segment li qed jikber ukoll minħabba r-rekwiżiti ta’ sostenibbiltà leġiżlati tal-Unjoni, ċertament ma kienx protett minn xi kompetizzjoni Ċiniża inġusta. Il-qafas regolatorju ma pprekludiex l-rPET Ċiniż oġġett ta’ dumping milli jidħol fl-Unjoni – għall-kuntrarju, l-aġenda ta’ sostenibbiltà tkun biss tinkoraġġixxi l-influss ta’ rPET Ċiniż u l-esportaturi Ċiniżi ma jinżammux milli japplikaw (u jiksbu) approvazzjonijiet regolatorji mill-EFSA.

(141)

Barra minn hekk, l-utenti enfasizzaw li l-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni se jiġu affettwati ħażin bl-istabbiliment ta’ dazji anti-dumping f’dan il-każ, peress li min-naħa tal-fornitur is-suq huwa ddominat mill-produttur tal-Unjoni Indorama u l-miżuri jneħħu l-uniku pajjiż terz kbir mhux iddominat minn Indorama. L-UNESDA tenniet l-argument wara d-divulgazzjoni finali, filwaqt li żiedet li l-impatt fuq il-prezzijiet tal-miżuri anti-dumping se jkun akbar minħabba l-oligopolju tal-istruttura tas-suq. Fit-tweġiba tagħha għad-divulgazzjoni finali, Svepol argumentat ukoll li l-impożizzjoni ta’ dazji anti-dumping minbarra d-dazju doganali komuni timpedixxi l-aċċess għas-suq tal-Unjoni għall-esportaturi Ċiniżi, speċjalment fid-dawl tal-importazzjonijiet bi prezz baxx minn pajjiżi terzi oħra.

(142)

L-ewwel nett, l-importazzjonijiet Ċiniżi bi prezz ġust mhux se jinżammu milli jidħlu fl-Unjoni. It-tieni, l-industrija tal-PET tal-Unjoni tikkonsisti f’mill-inqas tmien operaturi indipendenti involuti fil-produzzjoni tal-vPET u aktar minn ħamsin produttur tal-rPET, li, għall-kuntrarju tal-argument tal-UNESDA, ma jistgħux jitqiesu bħala struttura tas-suq oligopolistika. Barra minn hekk, filwaqt li Indorama jista’ jkollha bażi b’saħħitha fl-Unjoni u fis-suq globali tal-PET, pajjiżi esportaturi kbar bħall-Vjetnam, il-Korea t’Isfel jew it-Turkija u l-produtturi tagħhom joħolqu kompetizzjoni b’saħħitha għall-entitajiet ta’ Indorama. Barra minn hekk, l-utenti ma pprovdew l-ebda evidenza sostanzjata li dawk il-pajjiżi ma jkunux jistgħu jissodisfaw id-domanda li ġejja mill-utenti u l-importaturi tal-Unjoni.

(143)

Fit-tweġiba tagħha għad-divulgazzjoni finali, Svepol sostniet li s-swieq tal-esportazzjoni alternattivi ma jkunux jistgħu jeżerċitaw pressjoni kompetittiva fuq id-dominanza tas-suq ta’ Indorama fl-Unjoni. Bl-istess mod, l-UNESDA argumentat li l-importazzjonijiet mill-Vjetnam u l-Korea ma jkunux biżżejjed biex jikkumbattu l-konċentrazzjoni tas-suq li qed tinħoloq. Il-pretensjonijiet ma kienu appoġġati minn ebda fatt, b’mod partikolari fid-dawl tal-istatistika dwar l-importazzjoni għall-2023 li turi bħala eżempju li l-importazzjonijiet tal-Vjetnam fl-Unjoni kienu 5 punti perċentwali ogħla minn dawk tat-Turkija (suq fejn Indorama hija preżenti wkoll, iżda mhux esklużivament) u perċentwal ta’ 5,6 ogħla mill-importazzjonijiet mill-Eġittu (suq iddominat minn Indorama). Din l-istatistika turi b’mod ċar il-kompetizzjoni b’saħħitha li s-swieq tal-esportazzjoni alternattivi joħolqu għall-kumpaniji ta’ Indorama. Għaldaqstant, l-argument ta’ Svepol kellu jiġi miċħud.

(144)

L-utenti rreferew ukoll għall-impjiegi fis-settur tax-xorb bħala wieħed mill-elementi ewlenin għall-kunsiderazzjoni u tennew dik il-pożizzjoni fit-tweġiba tagħhom għad-divulgazzjoni finali. L-industrija tal-utenti sostniet li huma f’sitwazzjoni vulnerabbli b’(i) livelli ta’ impjieg affettwati wara ż-żidiet sinifikanti fil-kostijiet fl-2022, (ii) l-irduppjar tal-prezz tal-PET meta mqabbel mal-kostijiet l-oħra kollha, u (iii) l-istaġnar tal-prezzijiet tal-bejgħ (ta’ prodotti mballati bil-PET). Saret enfasi partikolari fuq l-SMEs, li jammontaw għal 95 % tas-settur tal-ilma fil-fliexken li min-naħa tiegħu kien jirrappreżenta 37 % tal-konsum tal-PET tal-grad alimentari u li huma aktar vulnerabbli għall-inflazzjoni u jiffaċċjaw proporzjon ogħla ta’ kost tal-PET fuq il-kost globali tal-produzzjoni. Svepol sostniet ukoll li l-impożizzjoni ta’ dazji anti-dumping twassal għal konsegwenzi diżastrużi għall-industrija downstream tal-Unjoni, li jpoġġi eluf ta’ impjiegi tal-Unjoni f’periklu, u għall-konsumaturi tal-UE peress li dan iwassal għal żieda fil-prezzijiet tax-xarbiet fil-fliexken fil-kuntest ta’ kriżi tal-għoli tal-ħajja u inflazzjoni għolja, filwaqt li s-sitwazzjoni tal-produtturi tal-PET x’aktarx li ma titjiebx wara l-adozzjoni tal-miżuri anti-dumping, anke minħabba li l-profittabbiltà tal-produtturi tal-Unjoni kompliet tonqos minkejja l-importazzjonijiet Ċiniżi baxxi ħafna. Fit-tweġiba tagħha għad-divulgazzjoni finali, Svepol sostniet li l-Kummissjoni naqset milli tispjega għaliex qed tagħti aktar piż lill-għadd komparattivament żgħir ta’ impjiegi fl-industrija tal-PET tal-Unjoni, filwaqt li tiċħad ir-riskju għall-impjieg ta’ 300 000 persuna fl-industrija utenti tal-Unjoni.

(145)

L-effett negattiv tad-dazji anti-dumping fuq l-impjiegi fl-industrija tax-xorb tqies bħala minuri għar-raġunijiet stabbiliti fil-premessa (138) hawn fuq. Riskju remot u li ma jistax jitkejjel għall-impjiegi fl-industrija tal-utenti ma setax jegħleb l-interess li tiġi indirizzata s-sitwazzjoni speċifika ta’ dumping dannuż misjub fis-suq upstream tal-PET. Fir-rigward tal-interess tal-konsumaturi tal-Unjoni, filwaqt li ma ġiex ikkontestat li huma qed jiffaċċjaw inflazzjoni u żieda fl-għoli tal-ħajja, huwa diffiċli li wieħed jara kif iħossu l-impatt tad-dazju anti-dumping jew f’sitwazzjoni fejn il-prezz tal-materja prima għall-imballaġġ tal-PET jonqos jew fejn, kif argumentaw l-utenti tal-PET, dan tal-aħħar ma jkunx jista’ jgħaddi kwalunkwe żieda fil-prezz, inkluża żieda ipotetika xprunata mill-impożizzjoni ta’ dazju anti-dumping) fuq ix-xerrejja, bħall-ktajjen tal-bejgħ bl-imnut.

(146)

L-utenti sostnew ukoll li l-livell ta’ profittabbiltà tal-produtturi tal-vPET kien sostanzjalment ogħla mil-livelli ta’ profittabbiltà tal-utenti. L-UNESDA tenniet l-argument wara d-divulgazzjoni finali u b’referenza għall-perjodu 2019-2022. Madankollu, din il-pretensjoni ma kenitx sostanzjata fir-rigward tat-tmiem tal-PI u tal-perjodu ta’ wara l-PI u ma setgħetx tiġi sostnuta fil-kuntest tas-sitwazzjoni attwali ta’ telf li qegħdin fiha l-produtturi tal-Unjoni.

(147)

L-utenti rreferew ukoll għal kwistjonijiet u tfixkil fil-konsenji tal-PET miksuba mill-produtturi tal-PET tal-Unjoni matul il-perjodu kkunsidrat bħala wieħed mill-elementi li għandhom jiġu vvalutati bħala parti mill-analiżi tal-interess tal-Unjoni. Wara d-divulgazzjoni finali, l-UNESDA affermat li t-tfixkil kien relatat mal-istruttura ta’ oligopolju tas-suq. Il-Kummissjoni sabet li l-istabbiltà tal-industrija tal-PET tal-Unjoni flimkien ma’ importazzjonijiet bi prezz ġust minn pajjiżi terzi huma kruċjali biex tiġi żgurata l-istabbiltà tal-provvista għall-industrija tal-utenti u għall-mitigazzjoni tal-effetti ta’ kwalunkwe inċident futur ta’ force majeure jew kwistjonijiet oħra bil-konsenji tal-PET. Barra minn hekk, l-industrija tal-PET tal-Unjoni għandha mill-inqas tmien operaturi indipendenti involuti fil-produzzjoni tal-vPET u aktar minn ħamsin produttur tal-rPET, li, għall-kuntrarju tal-argument tal-UNESDA, ma jistgħux jitqiesu bħala struttura tas-suq oligopolistika.

(148)

L-utenti rreferew ukoll għall-impossibbiltà li jgħaddu ż-żidiet bla preċedent fil-prezzijiet tal-PET lill-klijenti tagħhom u l-impatt negattiv fuq il-profittabbiltà diġà baxxa jew saħansitra negattiva tagħhom, li kienet marbuta mal-pressjoni biex tiġi evitata aktar inflazzjoni fis-settur tal-prodotti għall-konsumatur. Wara d-divulgazzjoni finali, l-UNESDA sostniet li l-miżuri anti-dumping se jwasslu għal żieda fil-prezz tal-vPET u l-rPET fl-Unjoni, kif ukoll għaż-żieda fl-importazzjonijiet tal-vPET, iddominati minn Indorama.

(149)

Kif stabbilit fil-premessa (291) tar-Regolament proviżorju, jeżistu sorsi alternattivi ta’ provvista għall-utenti tal-PET. Barra minn hekk, filwaqt li l-prezz tal-PET fl-Unjoni jista’ jiżdied bħala riżultat tal-miżuri anti-dumping, hemm bosta fatturi oħra li huma ta’ piż kbir fuq l-evoluzzjoni tal-prezz tal-PET, bħall-fluttwazzjoni tal-prezz taż-żejt mhux maħdum li huwa l-bażi għall-prezz tal-PTA, il-materja prima ewlenija għall-PET, il-prezz tal-utilitajiet jew it-tneħħija tal-istokkijiet tal-PET. U kif innutat f’dan il-każ, il-prezz tal-PET varja fiż-żewġ direzzjonijiet, bil-prezzijiet tal-2023 ikunu mill-inqas 15 sa 30 % orħos mill-prezzijiet tal-2022. Fid-dawl ta’ dawn il-fluttwazzjonijiet u l-prezz attwali tal-PET, l-argument kellu jiġi miċħud.

(150)

Bħala konklużjoni, l-analiżi ta’ hawn fuq tad-diversi elementi li kellhom impatt fuq l-industrija utenti indirizzat it-tħassib espress mill-industrija utenti u partijiet interessati oħra dwar l-ambigwità potenzjali, in-nuqqas ta’ ċarezza jew l-ommissjonijiet ta’ ċerti fatti fir-Regolament provviżorju.

(151)

Skont Svepol, jenħtieġ li l-Kummissjoni tqis il-kummenti dwar l-interess tal-Unjoni ppreżentati mill-partijiet interessati qabel ma tadotta kwalunkwe miżura definittiva. Svepol żiedet ukoll li l-Kummissjoni ddikjarat b’mod żbaljat fil-premessi (288) u (291) tar-Regolament provviżorju li r-reżina tal-PET tammonta għal 15 % tal-kost finali tal-preforma.

(152)

L-ewwel nett, fir-rigward tal-premessi (288) u (291) tar-Regolament provviżorju, il-Kummissjoni rreferiet għal informazzjoni li toriġina direttament minn sottomissjoni magħmula mill-assoċjazzjoni tal-utenti (UNESDA). It-tieni, il-Kummissjoni indirizzat kif xieraq il-kummenti kollha tal-partijiet interessati f’dan ir-Regolament u fir-Regolament provviżorju, filwaqt li enfasizzat l-aspetti wiesgħa tal-interess tad-diversi partijiet ikkonċernati u waslet għal konklużjoni ċara u motivata identika għal dik stabbilita fil-premessi minn (294) sa (297) tar-Regolament provviżorju.

8.3.   Konklużjoni dwar l-interess tal-Unjoni

(153)

Il-konklużjonijiet milħuqa fil-premessi (294) sa (297) tar-Regolament provviżorju ġew ikkonfermati.

9.   MIŻURI ANTI-DUMPING DEFINITTIVI

9.1.   Miżuri definittivi

(154)

Fid-dawl tal-konklużjonijiet milħuqa fir-rigward tad-dumping, tad-dannu, tal-kawżalità, tal-livell tal-miżuri u tal-interess tal-Unjoni, u f’konformità mal-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku, jenħtieġ li jiġu imposti miżuri anti-dumping definittivi sabiex ma jiġix ikkawżat dannu ulterjuri lill-industrija tal-Unjoni mill-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping tal-prodott ikkonċernat.

(155)

Abbażi ta’ dak li ntqal hawn fuq, ir-rati tad-dazju anti-dumping definittivi, espressi skont il-prezz CIF fil-fruntiera tal-Unjoni, bid-dazju doganali mhux imħallas, jenħtieġ li jkunu kif ġej:

Pajjiż

Kumpanija

Marġni tad-dumping (%)

Marġni tad-dannu (%)

Dazju anti-dumping definittiv (%)

 

Ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

 

Sanfame Group:

Jiangsu Hailun Petrochemical Co., Ltd

Jiangsu Xingye Plastic Co., Ltd.

Jiangyin Xingyu New Material Co., Ltd.

Jiangyin Xingtai New Material Co., Ltd.

1 6,0  %

6,6  %

6,6  %

 

Ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

 

Wankai New Materials Group:

Wankai New Materials Co., Ltd.

Chongqing Wankai New Materials Technology Co. Ltd.

2 2,6  %

1 0,7  %

1 0,7  %

 

Ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

 

China Resources Chemical Innovative Materials Group:

China Resources Chemical Innovative Materials CO., LTD

Zhuhai China Resources Chemical Innovative Materials Co., Ltd.

1 7,2  %

2 1,2  %

1 7,2  %

Ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

Kumpaniji oħrajn li kkooperaw

1 9,7  %

1 1,1  %

1 1,1  %

Ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

Il-kumpaniji l-oħrajn kollha

2 4,2  %

2 7,5  %

2 4,2  %

(156)

Ir-rati tad-dazju anti-dumping tal-kumpaniji individwali speċifikati f’dan ir-Regolament ġew stabbiliti abbażi tas-sejbiet ta’ din l-investigazzjoni. Għalhekk, dawn jirriflettu s-sitwazzjoni li nstabet matul din l-investigazzjoni fir-rigward ta’ dawn il-kumpaniji. Għalhekk dawn ir-rati tad-dazju huma applikabbli esklużivament għall-importazzjonijiet tal-prodott li qed jiġi investigat li joriġina mill-pajjiż ikkonċernat u mmanifatturat mill-entitajiet legali msemmija. L-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat immanifatturat minn kwalunkwe kumpanija oħra mhux imsemmija b’mod speċifiku fil-parti operattiva ta’ dan ir-Regolament, inklużi entitajiet relatati ma’ dawk imsemmija b’mod speċifiku, ma jistgħux jibbenefikaw minn dawn ir-rati u jenħtieġ li jkunu soġġetti għar-rata ta’ dazju applikabbli għall-“kumpaniji l-oħrajn kollha”.

(157)

Kumpanija tista’ titlob l-applikazzjoni ta’ dawn ir-rati tad-dazju anti-dumping individwali jekk hija sussegwentement tbiddel l-isem tal-entità tagħha. It-talba trid tiġi indirizzata lill-Kummissjoni (16). It-talba jrid ikun fiha l-informazzjoni rilevanti kollha li turi li l-bidla ma taffettwax id-dritt tal-kumpanija li tibbenefika mir-rata tad-dazju li tapplika għaliha. Jekk il-bidla fl-isem tal-kumpanija ma taffettwax id-dritt tagħha li tibbenefika mir-rata tad-dazju li tapplika għaliha, jiġi ppubblikat regolament dwar il-bidla tal-isem f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(158)

Sabiex jiġu mminimizzati r-riskji ta’ ċirkomvenzjoni minħabba d-differenza fir-rati tad-dazju, hemm bżonn ta’ miżuri speċjali biex tiġi żgurata l-applikazzjoni xierqa tad-dazji anti-dumping individwali. Il-kumpaniji b’dazji anti-dumping individwali jridu jippreżentaw fattura kummerċjali valida lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri. Il-fattura trid tikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 1(3) ta’ dan ir-Regolament. L-importazzjonijiet li ma jkunux akkumpanjati minn dik il-fattura jenħtieġ li jkunu soġġetti għad-dazju anti-dumping applikabbli għall-“kumpaniji l-oħrajn kollha”.

(159)

Filwaqt li l-preżentazzjoni ta’ din il-fattura hija meħtieġa biex l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri jkunu jistgħu japplikaw ir-rati tad-dazju anti-dumping individwali fuq l-importazzjonijiet, ma hijiex l-uniku element li għandu jitqies mill-awtoritajiet doganali. Tabilħaqq, anke jekk jiġu ppreżentati b’fattura li tissodisfa r-rekwiżiti kollha stabbiliti fl-Artikolu 1(3) ta’ dan ir-Regolament, l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri jenħtieġ li jwettqu l-verifiki tas-soltu tagħhom u jistgħu, bħal fil-każijiet l-oħrajn kollha, jirrikjedu dokumenti addizzjonali (dokumenti tat-tbaħħir, eċċ.) sabiex ikunu jistgħu jivverifikaw l-akkuratezza tad-dettalji li jkun hemm fid-dikjarazzjoni u jiżguraw li l-applikazzjoni sussegwenti tar-rata tad-dazju tkun iġġustifikata, f’konformità mal-liġi doganali.

(160)

Jekk l-esportazzjonijiet minn waħda mill-kumpaniji li jibbenefikaw minn rati ta’ dazju individwali aktar baxxi jiżdiedu b’mod sinifikanti fil-volum, b’mod partikolari wara l-impożizzjoni tal-miżuri kkonċernati, tali żieda fil-volum tista’ titqies bħala waħda li fiha nnifisha tikkostitwixxi bidla fix-xejra tal-kummerċ minħabba l-impożizzjoni ta’ miżuri skont it-tifsira tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku. F’dawn iċ-ċirkostanzi, tista’ tinbeda investigazzjoni kontra ċ-ċirkomvenzjoni, dment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet biex din issir. Din l-investigazzjoni tista’, fost l-oħrajn, teżamina l-ħtieġa tat-tneħħija ta’ rata/rati tad-dazju individwali u l-impożizzjoni konsegwenti ta’ dazju għall-pajjiż kollu.

(161)

Sabiex jiġi żgurat infurzar xieraq tad-dazji anti-dumping, id-dazju anti-dumping għall-kumpaniji l-oħrajn kollha jenħtieġ li japplika mhux biss għall-produtturi esportaturi li ma kkooperawx f’din l-investigazzjoni, iżda wkoll għall-produtturi li ma kellhomx esportazzjonijiet lejn l-Unjoni matul il-perjodu tal-investigazzjoni.

(162)

Jenħtieġ li l-produtturi esportaturi li ma esportawx il-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni matul il-perjodu tal-investigazzjoni jkunu jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni sabiex tkun soġġetta għar-rata tad-dazju anti-dumping għall-kumpaniji li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tilqa’ talba bħal din dment li jiġu ssodisfati tliet kundizzjonijiet. Il-produttur esportatur il-ġdid ikollu juri li: (i) ma esportax il-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni matul il-PI; (ii) ma huwiex relatat ma’ produttur esportatur li għamel dan; u (iii) esporta l-prodott ikkonċernat wara dan jew daħal f’obbligu kuntrattwali irrevokabbli sabiex jagħmel dan fi kwantitajiet sostanzjali.

9.2.   Rilaxx tad-dazji provviżorji

(163)

Fid-dawl tas-sejbiet fil-każ preżenti u minħabba li ma setax jiġi stabbilit b’mod pożittiv li fin-nuqqas ta’ miżuri provviżorji, it-theddida ta’ dannu kienet tiżviluppa f’dannu materjali, il-Kummissjoni tqis li, skont l-Artikolu 10(2) tar-Regolament bażiku, l-ammonti garantiti permezz tad-dazju anti-dumping provviżorju, impost mir-Regolament provviżorju, jenħtieġ li jiġu rilaxxati.

10.   DISPOŻIZZJONI FINALI

(164)

Fid-dawl tal-Artikolu 109 tar-Regolament 2018/1046 (17), meta ammont ikun irid jiġi rrimborżat wara sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-imgħax li jrid jitħallas jenħtieġ li jkun ir-rata applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-operazzjonijiet ta’ rifinanzjament ewlenin tiegħu, kif ippubblikat fis-serje C ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fl-ewwel jum kalendarju ta’ kull xahar.

(165)

Il-Kumitat stabbilit permezz tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) 2016/1036 ma ta l-ebda opinjoni dwar il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Dazju anti-dumping definittiv huwa impost fuq l-importazzjonijiet tal-polietilentereftalat (“PET”), b’numru ta’ viskożità ta’ 78 ml/g jew ogħla, skont l-Istandard ISO 1628-5, imkejjel skont, jew ikkonvertit għas-solvent fenol/1,2-diklorobenżen (50/50), li bħalissa jaqa’ taħt il-kodiċi NM ex 3907 61 00 (kodiċi TARIC 3907610010) u li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.

2.   Ir-rata tad-dazju anti-dumping definittiv applikabbli għall-prezz nett, frank fil-fruntiera tal-Unjoni, qabel id-dazju, tal-prodott deskritt fil-paragrafu 1 u mmanifatturat mill-kumpaniji elenkati hawn taħt, għandha tkunu kif ġej:

Pajjiż ta’ oriġini

Kumpanija

Dazju anti-dumping definittiv

Kodiċi addizzjonali TARIC

 

Ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

Sanfame Group:

Jiangsu Hailun Petrochemical Co., Ltd

Jiangsu Xingye Plastic Co., Ltd.

Jiangyin Xingyu New Material Co., Ltd.

Jiangyin Xingtai New Material Co., Ltd.

6,6  %

899V

 

Ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

Wankai New Materials Group:

Wankai New Materials Co., Ltd.

Chongqing Wankai New Materials Technology Co. Ltd.

1 0,7  %

899W

 

Ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

 

China Resources Chemical Innovative Materials Group:

China Resources Chemical Innovative Materials CO., LTD

Zhuhai China Resources Chemical Innovative Materials Co., Ltd.

1 7,2  %

899X

Ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

Kumpaniji oħrajn li kkooperaw

1 1,1  %

Ara l-anness

Ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

Il-kumpaniji l-oħrajn kollha

2 4,2  %

8999

3.   L-applikazzjoni tar-rati ta’ dazju individwali speċifikati għall-kumpaniji elenkati fil-paragrafu 2 għandha tkun kundizzjonali fuq il-preżentazzjoni ta’ fattura kummerċjali valida lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri, li fuqha tidher dikjarazzjoni ddatata u ffirmata minn uffiċjal tal-entità li toħroġ din il-fattura, identifikat b’ismu u bil-kariga tiegħu, abbozzata kif ġej: “Jien, is-sottoskritt, niċċertifika li l-(volum) tal-(prodott ikkonċernat) mibjugħ sabiex jiġi esportat lejn l-Unjoni Ewropea kopert minn din il-fattura ġie mmanifatturat minn (l-isem u l-indirizz tal-kumpanija) (kodiċi addizzjonali TARIC) fi [pajjiż ikkonċernat]. Jiena niddikjara li l-informazzjoni pprovduta f’din il-fattura hija kompluta u korretta.” Jekk ma tiġix ippreżentata fattura bħal din, għandu japplika d-dazju applikabbli għall-kumpaniji l-oħrajn kollha.

4.   Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet fis-seħħ dwar id-dazji doganali.

Artikolu 2

L-ammonti ggarantiti bħala dazji antidumping proviżorji skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/2659 għandhom jiġu rilaxxati b’mod definittiv.

Artikolu 3

L-Anness imsemmi fl-Artikolu 1(2) jista’ jiġi emendat biex iżid produtturi esportaturi ġodda mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u jagħmilhom soġġetti għar-rata tad-dazju anti-dumping medja ponderata xierqa għall-kumpaniji li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun. Produttur esportatur ġdid għandu jipprovdi evidenza li huwa:

(a)

ma esportax l-oġġetti deskritti fl-Artikolu 1(1) matul il-perjodu tal-investigazzjoni (l-1 ta’ Jannar 2022 - il-31 ta’ Diċembru 2022);

(b)

ma huwiex relatat ma’ esportatur jew produttur soġġett għall-miżuri imposti minn dan ir-Regolament, u li seta’ kkoopera fl-investigazzjoni oriġinali; u

(c)

li effettivament esporta l-prodott ikkonċernat jew daħal f’obbligu kuntrattwali irrevokabbli sabiex jesporta kwantità sinifikanti lejn l-Unjoni wara t-tmiem tal-perjodu tal-investigazzjoni.

Artikolu 4

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 27 ta’ Marzu 2024.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.

(2)  Avviż ta’ bidu ta’ proċediment anti-dumping li jikkonċerna l-importazzjonijiet ta’ ċertu polietilentereftalat (“PET”) li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU C 115, 30.3.2023, p. 5).

(3)  IR-REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/2659 tas-27 ta’ Novembru 2023 li jimponi dazju anti-dumping provviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ ċertu polietilentereftalat li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, (ĠU L, 28.11.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2023/2659/oj).

(4)  European Soft Drinks Industry association (UNESDA); Kwalunkwe referenza għas-sottomissjonijiet tal-UNESDA f’dan ir-Regolament tinkludi sottomissjonijiet magħmula f’isem il-membri tagħha Natural Mineral Waters Europe (MNWE), Forum Natürliches Mineralwasser (l-Awstrija); Il-Federazzjoni Belġjana tal-Produtturi tal-Ilma Bottiljat u tas-Soft Drinks -FIEB-VIWF- (il-Belġju); L-assoċjazzjoni Bulgara tas-Soft Drinks (il-Bulgarija); GIUPPH

(Il-Kroazja); L-Assoċjazzjoni Ċeka tas-Soft Drinks (Rappreżentanza Ċeka); L-Assoċjazzjoni Daniża tal-Produtturi tal-Birra u

Bryggeriforeningen (id-Danimarka); BRF, Maison des Eaux Minérales Naturelles -MEMN- ; Syndicat des

Eaux des Sources et des Eaux Minérales Naturelles -SESEMN- (Franza); Verband Deutscher

Mineralbrunnen e.V. -VDM- u Wafg (il-Ġermanja); L-Assoċjazzjoni Griega tal-Ilma Naturali Minerali -SEFYMEN-

(il-Greċja); L-Assoċjazzjoni Ungeriża tal-Ilma Minerali, tal-Frott u tal-Meraq, (l-Ungerija); Irish Beverage

Council -IBEC-(Ireland); L-Assoċjazzjoni Taljana tal-Ilma Minerali Naturali -MINERACQUA- u ASOBIBE

(L-Italja); Il-Federazzjoni tal-Industrija Lussemburgiża, tal-Ilmijiet u x-Xarbiet Mhux Alkoħoliċi -FICEB-

(Il-Lussemburgu); L-Assoċjazzjoni Netherlandiża tas-Soft Drinks, l-Ilmijiet u l-Meraq -FWS- (in-Netherlands); Krajowa Izba

Gospodarcza (KIGPR), il-Polonja); Águas Minerais e de Nascente de Portugal -APIAM- u PROBEB

(Il-Portugall); L-Assoċjazzjoni Rumena tal-Ilma Minerali (APEMIN), ir-Rumanija; L-Assoċjazzjoni Slovena

tax-Xorb (ZIP), is-Slovenja; Asociación de Aguas Minerales de España (ANEABE) u ANFABRA

(Spanja) kif ukoll Danone, Nestle, Coca-Cola Europack Partners, Refresco, Spadel, Fontecelta, Polska Woda, Sp. Z o.o, u Nałęczów Zdrój.

(5)   ĠU C 115, 30.3.2023, p. 5.

(6)   https://www.recronmalaysia.com/, “Recron Malaysia toffri firxa wiesgħa ta’ prodotti innovattivi li jinkludu l-poliester, il-fibri, ir-raden, id-drappijiet kif ukoll ċipep tal-PET tal-ogħla kwalità. Il-faċilità estensiva tat-tessuti tinkludi l-innittjar, l-insiġ, iż-żbigħ u l-finitura.”

(7)   http://www.mpipi.com.my/profile.htm, “Prodotti: Aħna noffru l-aħjar fil-Manifattura tar-Reżina tal-PET kif ukoll fil-prodotti tal-fabbrika tal-għażil. L-impjant tar-Reżina tal-PET tagħna bħalissa għandu kapaċità annwali ta’ 38 000 MT ta’ ċipep ta’ kwalità, Reżini tal-Co - PET u Homo - PET biex isiru l-preforom u l-fliexken, flimkien ma’ Reżina tal-A - PET għat-tipi kollha ta’ imballaġġ riġidu bħal tilari, għotjien u għatiet.”

(8)  Bħala eżempju, id-differenza fil-livell ġenerali tal-produzzjoni tal-PET fl-2022 tkun ta’ madwar 2 %.

(9)  Plastic Recyclers Europe – assoċjazzjoni umbrella tal-produtturi tal-rPET.

(10)  Kif ikkonfermat mill-ilment, il-paragrafu 226. Ara wkoll https://www.maersk.com/logistics-explained/transportation-and-freight/2023/09/27/sea-freight-guide għaż-żmien tat-tranżitu tal-bastimenti tal-kontejners miċ-Ċina lejn l-Ewropa.

(11)  Is-sentenza fil-Kawża T-242/19, Giant Electric Vehicle Kunshan Co. Ltd vs Il-Kummissjoni, il-punt 102, EU:T:2022:259

(12)  Bi tweġiba għad-divulgazzjoni finali, Svepol issuġġeriet li l-vjeġġi ta’ merkanzija li titgħabba individwalment jaslu fl-Unjoni u jiġu rilaxxati mid-dwana sa Mejju 2023. Madankollu, tali pretensjoni mhijiex sostanzjata u ma hija sostnuta minn ebda evidenza fil-fajl. Tabilħaqq, fil-kummenti tagħha dwar id-divulgazzjoni proviżorja, Svepol stess argumentat li l-aħħar vjeġġ tagħha ta’ merkanzija li tiġi mgħobbija individwalment kien ikklerjat mid-dwana f’Marzu 2023.

(13)  Il-livell tal-importazzjonijiet Ċiniżi fi Q2 2023 (88 952 tunnellata) saħansitra qabeż il-livelli ta’ importazzjoni ta’ Q2 2022 (84 906 tunnellata).

(14)  IR-REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/1286 tat-30 ta’ Lulju 2019 li jimponi dazju kumpensatorju definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċertu polietilentereftalat (PET) li joriġina mill-Indja wara rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2016/1037 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 202/81 ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2019/1286/oj).

(15)  L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel, EFSA | Xjenza, ikel sikur, sostenibbiltà (europa.eu).

(16)  Il-Kummissjoni Ewropea, id-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ, id-Direttorat G, Wetstraat 170 Rue de la Loi, 1040 Brussels, Belgium.

(17)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).


Anness

Produtturi esportaturi li kkooperaw imma mhux inklużi fil-kampjun

Pajjiż

Isem

Kodiċi addizzjonali TARIC

Ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

SINOPEC YIZHENG CHEMICAL FIBRE LIMITED LIABILITY COMPANY

899Y

Ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

Dragon Special Resin (XIAMEN) Co., Ltd.

899Z

Ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

Far Eastern Industries (Shanghai) Ltd.

89AA

Ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

Jiangsu Ceville New Materials Technology Co., Ltd.

89AB


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/1040/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)