European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/1029

5.4.2024

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/1029

tat-23 ta’ Frar 2024

dwar l-abbozz aġġornat tal-Pjan Nazzjonali Integrat għall-Enerġija u l-Klima tal-Irlanda li jkopri l-perjodu 2021–2030

(It-testi bl-Ingliż u bl-Irlandiż biss huma awtentiċi)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 292 tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u tal-Azzjoni Klimatika, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 663/2009 u (KE) Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi 94/22/KE, 98/70/KE, 2009/31/KE, 2009/73/KE, 2010/31/UE, 2012/27/UE u 2013/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 2009/119/KE u (UE) 2015/652 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(2) u l-Artikolu 14(6) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Irlanda ppreżentat l-abbozz aġġornat tal-pjan nazzjonali integrat għall-enerġija u l-klima (NECP) tagħha fit-8 ta’ Diċembru 2023. Minħabba li s-sottomissjoni tal-abbozz tal-Pjan Nazzjonali għall-Enerġija u l-Klima aġġornat tal-Irlanda kienet tard, il-Kummissjoni Ewropea ma kinetx f’pożizzjoni li tadotta din ir-rakkomandazzjoni sitt xhur qabel l-iskadenza tal-Pjanijiet Nazzjonali għall-Enerġija u l-Klima, kif mitlub mill-Artikolu 9(2) tar-Regolament (UE) 2018/1999

(2)

L-Artikolu 3 u l-Anness I tar-Regolament (UE) 2018/1999 (“ir-Regolament dwar il-Governanza”) jistabbilixxu l-elementi li għandhom jiġu inklużi fil-pjanijiet nazzjonali integrati aġġornati dwar l-enerġija u l-klima. F’Diċembru 2022, il-Kummissjoni adottat il-Gwida għall-Istati Membri dwar il-proċess u l-ambitu tat-tħejjija kemm tal-abbozz tal-pjanijiet nazzjonali għall-enerġija u l-klima kif ukoll tal-verżjoni finali aġġornata tagħhom (2). Il-Gwida identifikat l-aħjar prassi u ddeskriviet l-implikazzjonijiet tal-iżviluppi politiċi, legali u ġeopolitiċi reċenti fil-politiki tal-enerġija u tal-klima.

(3)

B’rabta mal-pjan REPowerEU (3), bħala parti miċ-ċikli 2022 u 2023 tas-Semestru Ewropew, il-Kummissjoni enfasizzat il-bżonnijiet ta’ riforma u investiment relatati mal-enerġija u l-klima tal-Istati Membri biex jiġu msaħħa kemm is-sigurtà tal-enerġija kif ukoll l-affordabbiltà permezz tal-aċċelerazzjoni tat-tranżizzjoni ġusta u favur l-ambjent. Dan huwa rifless fir-Rapporti tal-Pajjiżi għall-Irlanda (4) u r-Rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill għall-Irlanda (5) tal-2022 u l-2023. Jenħtieġ li l-Istati Membri jikkunsidraw l-aktar rakkomandazzjonijiet reċenti speċifiċi għall-pajjiżi fil-pjanijiet nazzjonali integrati aġġornati għall-enerġija u l-klima finali tagħhom.

(4)

Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni rigward it-twassil tal-miri nazzjonali skont ir-Regolament dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforzi (6) (ESR) huma bbażati fuq il-probabilità li l-Istati Membri se jirrispettaw il-miri tal-2030, u jikkunsidraw ir-regoli dwar l-użu ta’ flessibbiltà skont l-ESR.

(5)

Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-Qbid, l-Użu u l-Ħżin tal-Karbonju (CCUS) għandhom l-għan li jkollhom ħarsa ġenerali tal-implimentazzjoni maħsuba għal dawn it-teknoloġiji fuq livell nazzjonali, inkluża informazzjoni dwar il-volumi annwali ta’ CO2 li huwa ppjanat li jinqabdu sal-2030, imqassmin skont is-sors ta’ CO2 maqbud li jkun ġej mill-installazzjonijiet koperti mid-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) jew minn sorsi oħra, bħal sorsi bijoġeniċi jew qbid dirett mill-arja; dwar l-infrastruttura tat-trasport ippjanata għas-CO2; kapaċità ta’ ħżin domestiku potenzjali ta’ CO2 u l-volumi tal-injezzjoni ta’ CO2 maħsuba li jkunu disponibbli fl-2030.

(6)

Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-prestazzjoni skont ir-Regolament dwar l-Użu tal-Art, Tibdil fl-Użu tal-Art u l-Forestrija (“ir-Regolament LULUCF”) (8) jindirizzaw il-konsenja mill-Istat Membru dwar ir-regola ta’ “ebda debitu” għall-perjodu 2021–2025 (il-Perjodu 1) u l-mira nazzjonali tiegħu għall-perjodu 2026–2030 (il-Perjodu 2), filwaqt li jitqiesu r-regoli li jirregolaw l-użu tal-flessibilitajiet kif stabbilit f’dak ir-Regolament. Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni jqisu wkoll li fil-Perjodu 1 kwalunkwe eċċess ta’ emissjonijiet skont ir-Regolament LULUCF se jiġi ttrasferit awtomatikament għall-ESR.

(7)

Sabiex l-adattament għat-tibdil fil-klima jappoġġa kif xieraq il-kisba tal-objettivi tal-enerġija u tal-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, huwa essenzjali li jiġu identifikati l-perikli potenzjali tat-tibdil fil-klima u li jiġu analizzati l-vulnerabbiltajiet u r-riskji klimatiċi li jistgħu jaffettwaw iż-żoni, il-popolazzjonijiet u s-setturi rilevanti. Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-adattament iqisu sa liema punt l-Irlanda integrat fl-għanijiet tal-adattament tal-NECP aġġornati tagħha li jqisu r-riskji klimatiċi, li jistgħu jipprevjenu lill-Irlanda milli tilħaq l-objettivi u l-miri tal-Unjoni tal-Enerġija. Mingħajr politiki u miżuri speċifiċi ta’ adattament ippjanati u implimentati, il-kisba tal-objettivi fid-dimensjonijiet tal-Unjoni tal-Enerġija tkun f’riskju.

(8)

Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-ambizzjoni tal-enerġija rinnovabbli tal-Irlanda huma bbażati fuq il-formula stabbilita fl-Anness II tar-Regolament (UE) 2018/1999, li hija bbażata fuq kriterji oġġettivi, u fuq il-politiki u l-miżuri ewlenin nieqsa fl-abbozz tal-pjan aġġornat tal-Irlanda biex tippermetti kisba f’waqtha u kosteffettiva tal-kontribut nazzjonali tal-Irlanda għall-mira vinkolanti tal-enerġija rinnovabbli tal-Unjoni ta’ mill-inqas 42,5 % fl-2030, bl-isforz kollettiv biex din tiżdied għal 45 % skont id-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) dwar il-promozzjoni tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli kif emendata bid-Direttiva (UE) 2023/2413 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10). Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni huma bbażati wkoll fuq il-kontribut tal-Irlanda għall-miri speċifiċi tal-Artikoli 15a, 22a, 23, 24 u 25 ta’ dik id-Direttiva u għall-politiki u l-miżuri relatati biex ma ddumx ma tiġi trasposta u implimentata. Ir-rakkomandazzjonijiet jirriflettu l-importanza li jiġi żviluppat ippjanar komprensiv fit-tul għall-implimentazzjoni tal-enerġija rinnovabbli, u b’mod partikolari r-riħ, biex tiżdied il-viżibbiltà għall-industrija tal-manifattura u l-operaturi tal-grilja Ewropej f’konformità mal-Pakkett Ewropew dwar l-Enerġija mir-Riħ (11).

(9)

Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni rigward il-kontribut nazzjonali għall-effiċjenza enerġetika huma bbażati fuq l-Artikolu 4 tad-Direttiva (UE) 2023/1791 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12) dwar l-effiċjenza enerġetika; u l-formula fl-Anness I ta’ dik id-Direttiva, u l-politiki u miżuri relatati biex tiġi implimentata.

(10)

Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni jagħtu attenzjoni partikolari lill-miri, l-objettivi u l-kontributi u l-politiki u l-miżuri relatati biex jitwettaq il-pjan REPowerEU biex it-tneħħija gradwali tad-dipendenza mill-fjuwils fossili Russi issir malajr. Dawn iqisu t-tagħlimiet meħuda mill-implimentazzjoni tal-Pakkett Niffrankaw il-Gass għal Xitwa Sikura (13). Ir-rakkomandazzjonijiet jirriflettu l-importanza li s-sistema tal-enerġija ssir aktar reżiljenti fid-dawl tal-obbligi li jirriżultaw mir-Regolament (UE) 2019/941 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14) dwar it-tħejjija għar-riskji fis-settur tal-elettriku u r-Regolament (UE) 2017/1938 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15) dwar is-sigurtà tal-provvista tal-gass, f’konformità mar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-ħżin tal-enerġija (16).

(11)

Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni jqisu l-ħtieġa li tiġi aċċellerata l-integrazzjoni tas-suq intern tal-enerġija biex jissaħħaħ ir-rwol tal-flessibbiltà u tingħata s-setgħa u jiġu protetti l-konsumaturi. Ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tqis ukoll l-importanza li jiġi vvalutat l-għadd ta’ unitajiet domestiċi fil-faqar enerġetiku f’konformità mar-rekwiżiti tal-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2018/1999, u r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/2407 (17).

(12)

Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni jirriflettu l-importanza li jiġu żgurati investimenti suffiċjenti fir-riċerka u l-innovazzjoni dwar l-enerġija nadifa biex tingħata spinta lill-kapaċità ta’ żvilupp u manifattura tagħhom, inklużi politiki u miżuri xierqa għall-industriji intensivi fl-enerġija u negozji oħra; u l-ħtieġa li jittejbu l-ħiliet tal-forza tax-xogħol għal industrija b’emissjonijiet żero netti sabiex tiġi kkonsolidata ekonomija b’saħħitha, kompetittiva u nadifa fl-Unjoni.

(13)

Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni huma msejsa fuq l-impenji meħuda skont il-Ftehim ta’ Pariġi biex jitnaqqas gradwalment l-użu tal-fjuwils fossili, kif ukoll fuq l-importanza tat-tneħħija gradwali tas-sussidji għall-fjuwils fossili.

(14)

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-ħtiġijiet ta’ investiment issegwi l-valutazzjoni tagħha ta’ jekk l-abbozz tal-pjan aġġornat jipprovdix ħarsa ġenerali lejn il-ħtiġijiet tal-investiment biex jinkisbu l-objettivi, il-miri u l-kontributi għad-dimensjonijiet kollha tal-Unjoni tal-Enerġija; tindika s-sorsi ta’ finanzjament, li jiddistingwu sorsi privati minn dawk pubbliċi; u jekk tiddeskrivix l-investimenti konsistenti mal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Irlanda, il-Pjanijiet Territorjali ta’ Tranżizzjoni Ġusta tal-Irlanda u r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2022–2023 maħruġa taħt is-Semestru Ewropew, inkluża valutazzjoni makroekonomika robusta tal-politiki u l-miżuri ppjanati. Jenħtieġ li l-NECP jiżgura t-trasparenza u l-prevedibbiltà tal-politiki u l-miżuri nazzjonali, biex jappoġġa ċ-ċertezza tal-investiment.

(15)

Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni jirriflettu l-importanza kruċjali ta’ konsultazzjoni reġjonali wiesgħa u li tiġi żgurata konsultazzjoni bikrija u inklużiva dwar il-pjan, inkluża parteċipazzjoni pubblika effettiva b’informazzjoni u żmien suffiċjenti, f’konformità mal-Konvenzjoni ta’ Aarhus (18).

(16)

Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar it-tranżizzjoni ġusta jirriflettu l-valutazzjoni ta’ jekk il-pjan tal-Irlanda jidentifikax fil-fond biżżejjed l-impatti soċjali, fuq l-impjiegi u fuq il-ħiliet rilevanti tat-tranżizzjoni klimatika u tal-enerġija u jiddeskrivi politiki u miżuri ta’ akkumpanjament adegwati biex jippromwovu tranżizzjoni ġusta, filwaqt li jikkontribwixxu għall-promozzjoni kemm tad-drittijiet tal-bniedem kif ukoll tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri.

(17)

Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni lill-Irlanda huma sostnuti mill-valutazzjoni tal-abbozz tal-NECP (19) aġġornat tagħha, li qed tiġi ppubblikata ma’ din ir-Rakkomandazzjoni.

(18)

Jenħtieġ li l-Irlanda tqis kif xieraq ir-rakkomandazzjonijiet attwali hi u tiżviluppa l-NECP integrat aġġornat finali tagħha li għandu jiġi ppreżentat sat-30 ta’ Ġunju 2024.

B’DIN TIRRAKKOMANDA LILL-IRLANDA TIEĦU AZZJONI BIEX:

1.

Tistabbilixxi politiki u miżuri addizzjonali kosteffiċjenti, inkluż fis-setturi tal-agrikoltura u tat-trasport, biex jitnaqqas id-distakk previst ta’ 31,8 punti perċentwali sabiex tintlaħaq il-mira nazzjonali tal-gassijiet serra ta’ – 42 % fl-2030 meta mqabbla mal-livelli tal-2005 skont l-ESR. Tipprovdi projezzjonijiet aġġornati li juru kif il-politiki kemm li jeżistu kif ukoll dawk ippjanati se jilħqu l-mira u jekk ikun meħtieġ, tispeċifika kif se jintużaw il-flessibilitajiet disponibbli skont l-ESR biex tiġi żgurata l-konformità. Jikkomplementa l-informazzjoni dwar il-politiki u l-miżuri, filwaqt li jispjega b’mod ċar il-kamp ta’ applikazzjoni, l-iskeda taż-żmien u, fejn possibbli, l-impatt mistenni mit-tnaqqis tal-gassijiet serra tagħhom, inkluż għal miżuri fi programmi ta’ finanzjament tal-Unjoni bħall-politika agrikola komuni.

2.

Tidentifika l-ammont ta’ emissjonijiet ta’ CO2 li jistgħu jinqabdu kull sena sal-2030, inkluż is-sors. Tipprovdi dettalji dwar kif is-CO2 li jinqabad se jiġi ttrasportat. Tidentifika l-kapaċità ta’ ħżin globali ta’ CO2 u l-volumi tal-injezzjoni sal-2030.

3.

Tistabbilixxi perkors konkret biex tintlaħaq il-mira nazzjonali tal-LULUCF kif definit fir-Regolament (UE) 2018/841. Tinkludi miżuri addizzjonali fis-settur tal-LULUCF, u tagħti dettalji dwar iż-żmien u l-ambitu tagħhom filwaqt li tikkwantifika l-impatti mistennija tagħhom biex tiżgura li l-assorbimenti ta’ gassijiet serra f’dan is-settur ikunu allinjati b’mod effettiv mal-mira ta’ assorbiment nett tal-UE għall-2030 ta’ – 310 MtCO2eq u mal-mira ta’ tneħħija speċifika għal kull pajjiż ta’ – 626 KtCO2eq definita fir-Regolament (UE) 2018/841. Tipprovdi informazzjoni ċara dwar kif il-fondi pubbliċi (kemm il-fondi tal-Unjoni, inklużi l-politika agrikola komuni kif ukoll l-għajnuna mill-Istat) u l-finanzjament privat permezz ta’ skemi ta’ sekwestru tal-karbonju f’art agrikola, jintużaw b’mod konsistenti u effettiv biex tintlaħaq il-mira nazzjonali netta tal-assorbiment. Tipprovdi informazzjoni dwar l-istatus u l-progress li jrid isir fl-iżgurar tat-titjib għal livelli ogħla/settijiet ta’ data ġeografikament espliċiti għall-monitoraġġ, ir-rapportar u l-verifika, f’konformità mal-Parti 3 tal-Anness V tar-Regolament (UE) 2018/1999.

4.

Tipprovdi analiżi addizzjonali dwar il-vulnerabbiltajiet u r-riskji klimatiċi rilevanti fir-rigward tal-kisba tal-objettivi, tal-miri u tal-kontributi nazzjonali u tal-politiki u tal-miżuri fid-dimensjonijiet differenti tal-Unjoni tal-Enerġija. Tiddeskrivi u tikkwantifika aħjar, fejn possibbli, ir-rabta mal-objettivi u l-politiki speċifiċi tal-Unjoni tal-Enerġija, li l-politiki u l-miżuri ta’ adattament jenħtieġ li jappoġġaw. Tistabbilixxi politiki u miżuri addizzjonali ta’ adattament f’biżżejjed dettall li jappoġġaw li jintlaħqu l-għanijiet, il-miri u l-kontributi nazzjonali skont l-Unjoni tal-Enerġija, inklużi miżuri għas-salvagwardja tal-kapaċità tal-ġenerazzjoni tal-elettriku u l-iffrankar tal-enerġija residenzjali.

5.

Iżżid b’mod sinifikanti l-ambizzjoni għal sehem tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli sa mill-inqas 43 % bħala kontribut għall-mira vinkolanti tal-enerġija rinnovabbli tal-Unjoni għall-2030 stabbilita fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva (UE) 2018/2001, kif emendata f’konformità mal-formula fl-Anness II tar-Regolament (UE) 2018/1999. Tinkludi trajettorja indikattiva li tilħaq il-punti ta’ referenza għall-2025 u 2027 skont l-Artikolu 4(a)(2) tar-Regolament (UE) 2018/1999. Tiżgura li jittieħdu biżżejjed miżuri biex ikopru d-distakk lejn il-linja bażi tagħhom tal-2021 għas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli li ma għandhiex tkun inqas mill-mira ġenerali nazzjonali obbligatorja tagħhom għas-sehem ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli fl-2020, skont l-Artikolu 32(4) tar-Regolament (UE) 2018/1999.

6.

Tipprovdi trajettorji stmati u pjan fit-tul għall-implimentazzjoni ta’ teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli matul l-10 snin li ġejjin, bi prospetti għall-2040. Tinkludi mira indikattiva għal teknoloġiji innovattivi tal-enerġija rinnovabbli sal-2030 f’konformità mad-Direttiva (UE) 2018/2001 kif emendata. Tinkludi miri speċifiċi biex jikkontribwixxu għas-sottomira indikattiva fil-bini u fl-industrija għall-2030 u s-sottomira vinkolanti għall-fjuwils rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika (RFNBOs) fl-industrija għall-2030 f’konformità mad-Direttiva (UE) 2018/2001 kif emendata. Tinkludi mira indikattiva għal sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fit-tisħin u t-tkessiħ biex jinkisbu ż-żidiet tal-Anness 1 A tad-Direttiva (UE) 2018/2001 kif emendata u mira indikattiva fit-tisħin u t-tkessiħ distrettwali għall-perjodu 2021–2030. Tispeċifika liema mira l-Irlanda beħsiebha tikseb fis-settur tat-trasport permezz tal-obbligu fuq il-fornituri tal-fjuwils, inkluż permezz ta’ sottomira għal bijofjuwils avvanzati u fjuwils rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika (RFNBOs), filwaqt li tiżgura li din hija biżżejjed biex jiġi osservat il-livell minimu ta’ RFNBO fl-2030.

7.

Tiddeskrivi aktar il-politiki u miżuri dettaljati u kwantifikati b’mod li jippermetti kisba f’waqtha u kosteffettiva tal-kontribut nazzjonali tal-Irlanda għall-mira vinkolanti tal-enerġija rinnovabbli tal-Unjoni ta’ mill-inqas 42,5 % fl-2030, bl-isforz kollettiv biex iżżidha għal 45 %. Tiddeskrivi b’mod partikolari kif qed tippjana li taċċellera l-permessi u tagħti dettalji dwar it-teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli li għalihom qed tippjana li tinnomina “żoni ta’ aċċellerazzjoni tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli” bi proċeduri aktar rapidi u sempliċi. Tinkludi aktar miżuri dettaljati dwar qafas ta’ abilitazzjoni biex tiżdied l-integrazzjoni bejn in-networks tal-elettriku u tat-tisħin u t-tkessiħ, u fuq l-irkupru tas-sħana mormija. Tiddeskrivi kif id-disinn tal-obbligu dwar il-fornituri tal-fjuwil fis-settur tat-trasport se jkun kopert u tinkludi miżuri komparabbli għall-promozzjoni tal-idroġenu fl-industrija u tħejji l-UE għall-kummerċ fl-idroġenu rinnovabbli.

8.

Tipprovdi t-trajettorji stmati għall-provvista tal-bijomassa skont il-materja prima u l-oriġini, filwaqt li tiddistingwi bejn il-produzzjoni domestika u l-importazzjonijiet. Tinkludi valutazzjoni tal-provvista interna tal-bijomassa tal-foresti għall-finijiet ta’ enerġija fl-2021–2030 f’konformità mal-kriterji ta’ sostenibilità msaħħa tad-Direttiva (UE) 2018/2001 kif emendata. Tinkludi valutazzjoni tal-kompatibbiltà tal-użu projettat tal-bijomassa tal-foresti għall-produzzjoni tal-enerġija mal-obbligi tal-Irlanda skont ir-Regolament LULUCF rivedut, b’mod partikolari għall-2026–2030, flimkien mal-miżuri u l-politiki nazzjonali biex tiġi żgurata tali kompatibbiltà. Tiċċara l-kompatibbiltà tal-miżuri ta’ afforestazzjoni, iż-żieda mbassra fl-użu tal-bijomassa solida għall-enerġija, il-bjar tal-LULUCF u l-bijodiversità. Telabora aktar miżuri biex tippromwovi l-produzzjoni sostenibbli tal-bijometan, minħabba l-potenzjal u l-produzzjoni sostenibbli tal-bijogass/bijometan tal-Irlanda, il-profil tal-konsum tal-gass naturali u l-infrastruttura eżistenti, l-użu tad-diġestat u l-applikazzjonijiet tas-CO2 bijoġeniku.

9.

Tipprovdi sa fejn ikun possibbli skeda mistennija ta’ żmien tal-passi li jwasslu għall-adozzjoni ta’ politiki u miżuri leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi mmirati lejn it-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva (UE) 2018/2001 kif emendata, b’mod partikolari għall-miżuri msemmija fil-punti preċedenti.

10.

Tinkludi kontribut nazzjonali għall-effiċjenza enerġetika dwar il-konsum finali tal-enerġija lejn il-mira vinkolanti tal-konsum finali tal-enerġija tal-Unjoni għall-2030 f’konformità mal-Artikolu 4 l-Anness I tad-Direttiva (UE) 2023/1791, jew daqs il-kontribut nazzjonali indikattiv ikkoreġut li l-Kummissjoni se tippreżenta lil kull Stat Membru sal-1 ta’ Marzu 2024 skont l-Artikolu 4(5) ta’ dik id-Direttiva. Tinkludi kontribut nazzjonali għall-effiċjenza enerġetika fil-konsum tal-enerġija primarja fil-mira indikattiva tal-konsum tal-enerġija primarja tal-Unjoni f’konformità mal-Artikolu 4 l-Anness I tad-Direttiva (UE) 2023/1791. Tinkludi l-ammont ta’ tnaqqis fil-konsum tal-enerġija li jrid jinkiseb mill-korpi pubbliċi kollha diżaggregat skont is-settur u l-ammont ta’ ffrankar kumulattiv tal-enerġija li jrid jinkiseb matul il-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2021 sal-31 ta’ Diċembru 2030 u spjegazzjoni dwar kif ġiet stabbilita l-linja bażi tal-kalkolu.

11.

Tistabbilixxi politiki u miżuri kompluti biex jinkiseb il-kontributi nazzjonali dwar l-effiċjenza enerġetika, b’mod partikolari kif se jiġi implimentat il-prinċipju l-Effiċjenza Enerġetika tiġi l-Ewwel. Tikkwantifika aktar l-iffrankar tal-enerġija mistenni tal-miżuri ppjanati biex jinkisbu l-miri tal-effiċjenza enerġetika tal-2030. Tispeċifika programmi robusti ta’ finanzjament għall-effiċjenza enerġetika u skemi ta’ appoġġ finanzjarju li kapaċi jimmobilizzaw investimenti privati u kofinanzjament addizzjonali. Tipprovdi aktar informazzjoni dwar ir-rwol tal-Fond Nazzjonali għall-Effiċjenza Enerġetika, kif definit fl-Artikolu 30 tad-Direttiva (UE) 2023/1791, biex jgħin fit-twettiq tal-kontributi nazzjonali għall-effiċjenza enerġetika għall-miri tal-UE, inkluż l-użu ta’ strumenti finanzjarji fi ħdan il-fond.

12.

Tinkludi livell ta’ ambizzjoni aġġornat biex jiġi żgurat stokk tal-bini nazzjonali effiċjenti ħafna fl-użu tal-enerġija u dekarbonizzat u biex il-bini eżistenti jiġi ttrasformat f’bini b’emissjonijiet żero sal-2050, inklużi stadji importanti intermedji għall-2030 u l-2040, u tqabbil mal-istrateġija ta’ rinnovazzjoni fit-tul l-aktar reċenti. Tappoġġa l-miri għad-dekarbonizzazzjoni tal-bini billi tipprovdi aktar informazzjoni dwar il-politiki u l-miżuri inklużi l-kostijiet tagħhom u l-impatt mistenni fl-iffrankar tal-enerġija, għall-implimentazzjoni ta’ strateġija koerenti ta’ rinnovazzjoni fit-tul.

13.

Tkompli tispjega l-miżuri previsti dwar kif se ssegwi d-diversifikazzjoni tal-provvista tal-gass tagħha u tkompli tħeġġeġ it-tnaqqis fid-domanda għall-gass lejn l-2030. Issaħħaħ ir-reżiljenza tas-sistema tal-enerġija, b’mod partikolari billi tiċċara l-objettiv u l-miżuri maħsuba għall-implimentazzjoni tal-ħżin tal-enerġija u tressaq politiki u miżuri biex tintegra l-importanza tal-adattament għat-tibdil fil-klima fis-sistema tal-enerġija. Tivvaluta l-adegwatezza tal-infrastruttura taż-żejt (raffinerija, ħażniet taż-żejt, portijiet, pipelines) tal-Irlanda bit-tnaqqis mistenni fid-domanda għaż-żejt u l-bidla lejn alternattivi b’anqas karbonju.

14.

Tressaq objettivi u miri ċari għar-rispons għad-domanda fil-pjan ta’ flessibbiltà tad-domanda u stabbiliet skeda ta’ żmien ċara għall-bidliet ippjanati fis-servizzi tas-sistema biex tittejjeb il-flessibbiltà tas-sistema tal-enerġija, fid-dawl ta’ valutazzjoni tal-ħtiġijiet ta’ flessibbiltà. Tiddeskrivi kif l-Irlanda beħsiebha tiffaċilitata l-integrazzjoni tas-sistema tal-enerġija fil-kuntest tal-Artikolu 20a tad-Direttiva (UE) 2018/2001 kif emendata. Tiddefinixxi objettivi u miri li jħarsu ’l quddiem rigward l-integrazzjoni tas-suq, b’mod partikolari dwar miżuri biex jiġi żgurat li s-swieq bl-ingrossa ikunu kompetittivi u li ma jiżvantaġġawx il-parteċipanti ġodda fis-suq. Tagħti aktar dettalji dwar kif il-miżuri deskritti fl-abbozz tal-NECP aġġornat jistgħu jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta’ swieq tal-enerġija bl-imnut aktar kompetittivi u jsaħħu awtonomizzazzjoni tal-konsumatur fis-suq bl-imnut.

15.

Tindika mira speċifika ta’ tnaqqis li tista’ titkejjel għall-faqar enerġetiku kif meħtieġ mir-Regolament (UE) 2018/1999, filwaqt li tqis ir-Rakkomandazzjoni (UE) 2023/2407. Tispjega kif l-użu tal-miżuri tal-effiċjenza enerġetika fil-qafas tal-Iskema tal-Obbligi tal-Effiċjenza Enerġetika biex jittaffa l-faqar enerġetiku huwa previst li jintuża kif meħtieġ mir-Regolament (UE) 2018/1999.

16.

Tkompli tiċċara l-objettivi nazzjonali fir-riċerka, l-innovazzjoni u l-kompetittività biex jintużaw teknoloġiji nodfa, filwaqt li jiġi stabbilit perkors għall-2030 u l-2050 bil-ħsieb li tiġi appoġġata d-dekarbonizzazzjoni tal-industrija u tiġi promossa t-tranżizzjoni tan-negozji lejn ekonomija ċirkolari u b’emissjonijiet żero netti. Tressaq politiki u miżuri biex tippromwovi l-iżvilupp ta’ proġetti ċirkolari u b’emissjonijiet żero netti inklużi dawk rilevanti għall-industriji intensivi fl-enerġija. Tiddeskrivi qafas regolatorju prevedibbli u simplifikat għall-proċeduri tal-għoti ta’ permessi u kif l-aċċess għall-finanzjament nazzjonali se jiġi ssimplifikat fejn meħtieġ. Tipprovdi politiki u miżuri dettaljati għad-diġitalizzazzjoni tas-sistema tal-enerġija, l-iżvilupp ta’ ħiliet relatati mal-enerġija nadifa, u biex tiffaċilita l-kummerċ miftuħ u ġust għal ktajjen tal-provvista reżiljenti u sostenibbli ta’ komponenti u tagħmir ewlenin b’emissjonijiet żero netti.

17.

Tispeċifika r-riformi u l-miżuri biex jiġu mobilizzati l-investimenti privati meħtieġa biex jintlaħqu l-miri tal-enerġija u tal-klima. Ittejjeb u tespandi l-analiżi tal-ħtiġijiet ta’ investiment biex tinkludi ħarsa ġenerali komprensiva u konsistenti lejn il-ħtiġijiet ta’ investiment pubbliku u privat aggregati u skont is-settur. Tikkomplementa approċċ minn fuq għal isfel fl-ekonomija kollha b’valutazzjoni speċifika għall-proġett minn isfel għal fuq. Tinkludi diżaggregazzjoni tal-ħtiġijiet ta’ investiment totali b’informazzjoni addizzjonali dwar is-sorsi ta’ finanzjament nazzjonali, reġjonali u tal-Unjoni kif ukoll sorsi finanzjarji privati li għandhom jiġu mobilizzati. Iżżid deskrizzjoni qasira tat-tip ta’ skemi ta’ appoġġ finanzjarju magħżula biex jimplimentaw l-politiki u l-miżuri, li huma ffinanzjati permezz tal-baġit pubbliku, u l-użu ta’ strumenti finanzjarji mħallta li jagħmlu użu minn għotjiet, self, assistenza teknika u garanziji pubbliċi, inkluż ir-rwol tal-banek promozzjonali nazzjonali fl-iskemi rispettivi u/jew kif jiġi mobilizzat il-finanzjament privat. Tikkunsidra l-ġenerazzjoni kosteffettiva ta’ trasferimenti lejn Stati Membri oħra skont l-ESR bħala sors ta’ finanzjament. Tipprovdi valutazzjoni robusta tal-impatt makroekonomiku tal-politiki u l-miżuri ppjanati.

18.

Tiddeskrivi kif il-politiki u l-miżuri inklużi fil-pjan aġġornat huma konsistenti mal-Pjan nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza tal-Irlanda.

19.

Tispjega fid-dettall kif l-Irlanda beħsiebha telimina gradwalment is-sussidji għall-fjuwils fossili u sa meta se tagħmel dan. Tispjega f’aktar dettall kif l-Irlanda qed tippjana l-eliminazzjoni gradwali tal-ġenerazzjoni tal-enerġija mill-fjuwils fossili solidi billi tiċċara l-impenji u l-miżuri relatati.

20.

Tagħti aktar dettalji dwar il-bażi analitika billi tipprovdi projezzjonijiet skont il-politiki u l-miżuri ppjanati dwar kif is-sistema tal-enerġija ser tiżviluppa bi prospettiva sal-2040.

21.

Tipprovdi aktar informazzjoni dettaljata dwar il-konsegwenzi soċjali, tal-impjiegi u tal-ħiliet, jew kwalunkwe impatt distributtiv ieħor, tat-tranżizzjoni klimatika u tal-enerġija, u dwar l-objettivi u l-miżuri ppjanati biex jappoġġaw tranżizzjoni ġusta f’approċċ aktar olistiku fil-livell nazzjonali. Tispeċifika l-forma tal-appoġġ, l-impatt tal-inizjattivi, il-gruppi fil-mira, ir-riżorsi ddedikati u l-qafas ta’ monitoraġġ, filwaqt li tqis ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-iżgurar ta’ tranżizzjoni ġusta lejn in-newtralità klimatika (20) . Tinkludi, sa fejn ikun possibbli, aktar elementi biex jipprovdu bażi analitika adegwata għat-tħejjija ta’ Pjan Soċjali għall-Klima futur, f’konformità mar-Regolament (UE) 2023/955 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (21), inklużi indikazzjonijiet dwar kif għandhom jiġu vvalutati l-isfidi u l-impatti soċjali fuq l-aktar vulnerabbli tas-sistema għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet għall-kombustjoni tal-fjuwil fil-bini, fit-trasport bit-triq u f’setturi addizzjonali, u biex jiġu identifikati benefiċjarji potenzjali u qafas ta’ politika rilevanti. Tispjega kif il-qafas ta’ politika identifikat fl-NECP se jikkontribwixxi għat-tħejjija tal-Pjan Soċjali għall-Klima tal-Irlanda u kif se tiġi żgurata l-konsistenza bejn iż-żewġ pjanijiet.

22.

Tipprovdi ħarsa ġenerali ċara u dettaljata dwar kif il-proċess ta’ konsultazzjoni jagħmel possibbli parteċipazzjoni pubblika wiesgħa mill-awtoritajiet, iċ-ċittadini u l-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, inklużi s-sħab soċjali, fit-tħejjija tal-pjan aġġornat finali, inkluża informazzjoni dwar it-twaqqit u d-durata tal-konsultazzjonijiet differenti. Tipprovdi sommarju ddettaljat tal-fehmiet espressi minn atturi differenti matul il-konsultazzjonijiet u sommarju ta’ kif dawn tqiesu.

23.

Tespandi l-kooperazzjoni reġjonali diġà tajba mal-Istati Membri ġirien fl-oqsma kollha u fi ħdan qafas ta’ kooperazzjoni reġjonali stabbilit bħall-Kooperazzjoni tal-Enerġija fl-Ibħra tat-Tramuntana (NSEC). Tiddeskrivi kif l-Irlanda beħsiebha tistabbilixxi qafas għal kooperazzjoni ma’ Stati Membri oħra sal-2025, f’konformità mal-Artikolu 9 tad-Direttiva (UE) 2023/2413. Ikompli bl-isforzi biex jiffirma ftehimiet ta’ solidarjetà meħtieġa għas-sigurtà tal-provvista tal-gass (mal-Belġju u n-Netherlands).

Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Frar 2024.

Għall-Kummissjoni

Kadri SIMSON

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 328, 21.12.2018, p. 1.

(2)   ĠU C 495, 29.12.2022, p. 24.

(3)  COM(2022) 230 final.

(4)  SWD (2022) 615 final; SWD(2023) 607 final.

(5)  COM (2022) 615 final; COM(2023) 607 final.

(6)  Ir-Regolament (UE) 2018/842 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 dwar it-tnaqqis annwali vinkolanti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-Istati Membri mill-2021 sal-2030 li jikkontribwixxi għall-azzjoni klimatika biex jiġu onorati l-impenji li saru fil-Ftehim ta’ Pariġi, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 525/2013 (ĠU L 156, 19.6.2018, p. 26) kif emendat mir-Regolament (UE) 2023/857 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ April 2023 li jemenda r-Regolament (UE) 2018/842 dwar it-tnaqqis annwali vinkolanti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-Istati Membri mill-2021 sal-2030 li jikkontribwixxi għall-azzjoni klimatika biex jiġu onorati l-impenji li saru fil-Ftehim ta’ Pariġi, u r-Regolament (UE) 2018/1999 (ĠU L 111, 26.4.2023, p. 1).

(7)  Id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE (ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32).

(8)  Ir-Regolament (UE) 2018/841 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 dwar l-inklużjoni tal-emissjonijiet u l-assorbimenti ta’ gassijiet serra minn użu tal-art, tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija fil-qafas ta’ politika għall-klima u l-enerġija għall-2030 u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 525/2013 u d-Deċiżjoni (UE) Nru 529/2013 (ĠU L 156, 19.6.2018, p. 1), kif emendata mir-Regolament (UE) 2023/839 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ April 2023 li jemenda r-Regolament (UE) 2018/841 fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni, is-simplifikazzjoni tar-regoli dwar ir-rapportar u l-konformità, u l-istabbiliment tal-miri tal-Istati Membri għall-2030, u r-Regolament (UE) 2018/1999 fir-rigward tat-titjib fil-monitoraġġ, fir-rapportar, fit-traċċar tal-progress u fir-rieżami (ĠU L 107, 21.4.2023, p. 1).

(9)  Id-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (ĠU L 328, 21.12.2018, p. 82),

(10)  Id-Direttiva (UE) 2023/2413 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ottubru 2023 li temenda d-Direttiva (UE) 2018/2001, ir-Regolament (UE) 2018/1999 u d-Direttiva 98/70/KE dwar il-promozzjoni tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli, u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2015/652 (ĠU L, 2023/2413, 31.10.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2023/2413/oj).

(11)  Komunikazzjoni dwar Pjan ta’ Azzjoni Ewropew għall-Enerġija mir-Riħ COM (2023) 669 final, 24.10.2023 u l-Komunikazzjoni dwar it-twettiq tal-ambizzjoni tal-UE rigward l-enerġija rinnovabbli lil hinn mill-kosta (COM (2023) 668 final).

(12)  Id-Direttiva (UE) 2023/1791 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Settembru 2023 dwar l-effiċjenza enerġetika u li temenda r-Regolament (UE) 2023/955 (ĠU L 231, 20.9.2023, p. 1).

(13)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni “Niffrankaw il-gass għal xitwa sikura” (COM/2022/360 final).

(14)  Ir-Regolament (UE) 2019/941 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 dwar it-tħejjija għar-riskji fis-settur tal-elettriku u li jħassar id-Direttiva 2005/89/KE (ĠU L 158, 14.6.2019, p. 1).

(15)  Ir-Regolament (UE) 2017/1938 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2017 dwar miżuri għas-salvagwardja tas-sigurtà tal-provvista tal-gass u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 994/2010 (ĠU L 280, 28.10.2017, p. 1).

(16)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta’ Marzu 2023 dwar il-Ħżin tal-Enerġija — Insejsu sistema tal-enerġija tal-UE dekarbonizzazzata u sigura (ĠU C 103, 20.3.2023 p. 1).

(17)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/2407 tal-20 ta’ Ottubru 2023 dwar il-faqar enerġetiku (ĠU L, 2023/2407, 23.10.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/reco/2023/2407/oj).

(18)  Konvenzjoni dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali tal-25 ta’ Ġunju 1998 (il-Konvenzjoni ta’ Aarhus).

(19)  COM(2024) 42

(20)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-16 ta’ Ġunju 2022 dwar l-iżgurar ta’ tranżizzjoni ġusta lejn in-newtralità klimatika (ĠU C 243, 27.6.2022, p. 35).

(21)  Ir-Regolament (UE) 2023/955 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Mejju 2023 li jistabbilixxi Fond Soċjali għall-Klima u li jemenda r-Regolament (UE) 2021/1060 (ĠU L 130, 16.5.2023, p. 1).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reco/2024/1029/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)