European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/1028

29.4.2024

REGOLAMENT (UE) 2024/1028 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-11 ta’ April 2024

dwar il-ġbir u l-kondiviżjoni ta’ data b’rabta mas-servizzi ta’ kiri ta’ akkomodazzjoni għal żmien qasir u li jemenda r-Regolament (UE) 2018/1724

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

Is-servizzi ta’ kiri ta’ akkomodazzjoni għal żmien qasir offruti mill-ospitanti ilhom jeżistu għal ħafna snin bħala komplement għal servizzi oħrajn ta’ akkomodazzjoni bħal lukandi, hostels jew bed and breakfasts. Il-volum ta’ servizzi ta’ kiri ta’ akkomodazzjoni għal żmien qasir qed jiżdied b’mod sinifikanti madwar l-Unjoni bħala riżultat tat-tkabbir tal-ekonomija tal-pjattaformi. Filwaqt li s-servizzi ta’ kiri ta’ akkomodazzjoni għal żmien qasir joħolqu ħafna opportunitajiet għall-klijenti, għall-ospitanti u għall-ekosistema kollha tat-turiżmu, it-tkabbir rapidu tagħhom wassal għal tħassib u għal sfidi, b’mod partikolari għall-komunitajiet lokali u għall-awtoritajiet pubbliċi, bħall-kontribuzzjoni tagħhom għat-tnaqqis fid-disponibbiltà tal-akkomodazzjonijiet maħsuba għall-kiri għal perijodi twal u għaż-żieda fil-kirjiet u fil-prezzijiet tal-akkomodazzjoni. Dan ir-Regolament jiffoka fuq waħda mill-isfidi ewlenin, jiġifieri n-nuqqas ta’ informazzjoni affidabbli dwar is-servizzi ta’ kiri ta’ akkomodazzjoni għal żmien qasir, bħall-identità tal-ospitant, il-post fejn jiġu offruti dawk is-servizzi, u d-durata tagħhom. In-nuqqas ta’ tali informazzjoni jagħmilha diffiċli għall-awtoritajiet biex jivvalutaw l-impatt reali tas-servizzi ta’ kiri ta’ akkomodazzjoni għal żmien qasir u jiżviluppaw u jinfurzaw risponsi ta’ politika xierqa u proporzjonati.

(2)

L-awtoritajiet pubbliċi fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali qegħdin jieħdu dejjem aktar miżuri sabiex jiksbu informazzjoni mill-ospitanti u mill-pjattformi online ta’ kiri għal żmien qasir, billi jimponu skemi ta’ reġistrazzjoni u rekwiżiti oħrajn ta’ trasparenza, inkluż fuq pjattformi online ta’ kiri għal żmien qasir. Madankollu, l-obbligi legali rigward il-ġenerazzjoni tad-data u tal-kondiviżjoni tad-data jvarjaw b’mod konsiderevoli fi ħdan u bejn l-Istati Membri fir-rigward tal-ambitu u tal-frekwenza tagħhom, kif ukoll f’termini tal-proċeduri relatati. Il-maġġoranza l-kbira tal-pjattaformi online li jintermedjaw il-forniment ta’ servizzi ta’ kiri ta’ akkomodazzjoni għal żmien qasir jipprovdu s-servizzi tagħhom bejn il-fruntieri u, tabilħaqq, madwar is-suq intern kollu. Bħala riżultat ta’ rekwiżiti diverġenti dwar it-trasparenza u l-kondiviżjoni tad-data, l-ilħuq tal-potenzjal sħiħ tal-potenzjal tas-servizzi ta’ kiri ta’ akkomodazzjoni għal żmien qasir huwa mxekkel, u l-funzjonament xieraq tas-suq intern huwa affettwat b’mod negattiv. Sabiex jiġi żgurat il-forniment ġust, mhux ambigwu u trasparenti ta’ servizzi ta’ kiri ta’ akkomodazzjonijiet għal żmien qasir fis-suq intern, bħala parti minn ekosistema tat-turiżmu bilanċjata li tipprovdi opportunitajiet għall-pjattaformi filwaqt li tirrispetta l-objettivi tal-politiki pubbliċi, jenħtieġ li jiġi stabbilit sett ta’ regoli uniformi u mmirat fil-livell tal-Unjoni.

(3)

Għal dak l-għan, jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli armonizzati dwar il-ġenerazzjoni tad-data u l-kondiviżjoni tad-data għas-servizzi ta’ kiri ta’ akkomodazzjoni għal żmien qasir sabiex jitjieb l-aċċess għad-data u l-kwalità tad-data għall-awtoritajiet pubbliċi dwar il-forniment ta’ servizzi ta’ kiri ta’ akkomodazzjoni għal żmien qasir, u b’hekk jippermettu llill-awtoritajiet pubbliċi jfasslu u jimplimentaw politiki dwar servizzi bħal dawn b’mod effettiv u proporzjonat.

(4)

Jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli sabiex jiġu armonizzati r-rekwiżiti ta’ trasparenza għall-forniment ta’ servizzi ta’ kiri ta’ akkomodazzjoni għal żmien qasir permezz ta’ pjattformi online ta’ kiri għal żmien qasir f’każijiet li fihom l-Istati Membri jiddeċiedu li jimponu rekwiżiti ta’ trasparenza bħal dawn. Għaldaqstant, jenħtieġ li jiġu pprovduti regoli armonizzati għall-iskemi ta’ reġistrazzjoni u għar-rekwiżiti dwar il-kondiviżjoni tad-data fir-rigward tal-pjattaformi online ta’ kiri għal żmien qasir, meta l-Istati Membri jiddeċiedu li jistabbilixxu skemi jew rekwiżiti bħal dawn. Sabiex tinkiseb armonizzazzjoni effettiva u sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi ta’ dawk ir-regoli, jenħtieġ li l-Istati Membri ma jkunux jistgħu jilleġiżlaw dwar l-aċċess għad-data minn pjattformi online ta’ kiri għal żmien qasir barra mir-reġim speċifiku stabbilit f’dan ir-Regolament. Dan sabiex jiġi żgurat li l-Istati Membri ma jirregolawx it-talbiet dwar il-kondiviżjoni tad-data mingħajr ma jdaħħlu fis-seħħ l-iskemi ta’ reġistrazzjoni, il-bażijiet tad-data u l-punt ta’ dħul diġitali uniku neċessarji u li ffaċilitataw il-kondiviżjoni tad-data proporzjonata, konformi mal-privatezza u sigura minn pjattformi online ta’ kiri għal żmien qasir fi ħdan is-suq intern. Dan ir-Regolament ma jaffettwax il-kompetenza tal-Istati Membri li jadottaw u jżommu rekwiżiti dwar l-aċċess għas-suq relatati mal-forniment ta’ servizzi ta’ kiri ta’ akkomodazzjoni għal żmien qasir mill-ospitanti, inkluż rekwiżiti dwar is-saħħa u s-sikurezza, standards tal-kwalità minima jew restrizzjonijiet kwantitattivi, dment li t-tali rekwiżiti jkunu neċessarji u proporzjonati sabiex jiġu protetti l-objettivi ta’ interess pubbliku f’konformità mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). Fil-kuntest tas-servizzi tal-kiri ta’ akkomodazzjoni għal żmien qasir, il-ġlieda kontra n-nuqqas ta’ akkomodazzjoni għall-kiri ġiet rikonoxxuta mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (Qorti tal-Ġustizzja) bħala raġuni prevalenti relatata mal-interess pubbliku, li tiġġustifika l-adozzjoni ta’ miżuri li mhumiex diskriminatorji u huma proporzjonati għall-objettiv li jrid jintlaħaq. Jenħtieġ li d-disponibbiltà ta’ data affidabbli fuq bażi uniformi tappoġġa l-isforzi tal-Istati Membri fl-iżvilupp ta’ politiki u ta’ regolamenti li jikkonformaw mal-liġi tal-Unjoni. Fil-fatt, hekk kif iċċarat il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Istati Membri huma meħtieġa jiġġustifikaw ir-restrizzjonijiet possibbli għall-aċċess għas-suq għall-ospitanti fuq il-bażi tad-data u tal-evidenza.

(5)

Dan ir-Regolament mhuwiex maħsub sabiex jiżgura l-konformità mar-regoli doganali jew dwar it-tassazzjoni u ma jaffettwax il-kompetenzi tal-Istati Membri fil-qasam tar-reati kriminali. Għaldaqstant, ma jaffettwax il-kompetenza tal-Istati Membri jew tal-Unjoni f’dawk l-oqsma jew fi kwalunkwe strument tal-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali adottata skont tali kompetenza dwar l-aċċess għad-data, jew il-kondiviżjoni jew l-użu tad-data f’dawk l-oqsma. Għalhekk, l-użu futur possibbli ta’ data personali proċessata skont dan ir-Regolament, għall-infurzar tal-liġi jew għal finijiet ta’ tassazzjoni u doganali, jenħtieġ li jkun konformi mal-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali.

(6)

Jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika għal servizzi li jikkonsistu minn kiri għal żmien qasir ta’ akkomodazzjoni bl-għamara, ipprovduti b’remunerazzjoni, kemm jekk fuq bażi professjonali kif ukoll jekk mhux professjonali u kif definit ulterjorment skont il-liġi nazzjonali. Minħabba l-approċċi differenti li jeżistu fl-Istati Membri, servizzi ta’ kiri ta’ akkomodazzjoni għal żmien qasir jistgħu jikkonċernaw, pereżempju, kamra fir-residenza primarja jew sekondarja ta’ ospitant, jew abitazzjoni fl-intier tagħha fuq l-art jew fuq l-ilma, mikrija għal għadd limitat ta’ jiem fis-sena, jew proprjetà waħda jew aktar mixtrija mill-ospitant bħala investiment biex tinkera fuq bażi ta’ żmien qasir, tipikament għal anqas minn sena matul is-sena. Jenħtieġ li l-provvista ta’ akkomodazzjoni bl-għamara għal użu aktar permanenti, tipikament għal sena jew aktar, ma titqiesx bħala li hi provduta fuq bażi ta’ żmien qasir. Is-servizzi ta’ kiri ta’ akkomodazzjoni għal żmien qasir jenħtieġ li ma jkunux limitati għal unitajiet maħsubin għal finijiet turistiċi jew ta’ divertiment, iżda jenħtieġ li jinkludu soġġorni għal żmien qasir għal skopijiet oħrajn, bħal negozju jew studju.

(7)

Jenħtieġ li r-regoli stabbiliti f’dan ir-Regolament ma japplikawx għal-lukandi u akkomodazzjonijiet turistiċi simili oħra, inkluż lukandi resort, lukandi suites jew tal-appartamenti, hostels jew motels, peress li d-data għal dawk it-tipi ta’ akkomodazzjoni normalment tkun disponibbli u dokumentata sew. Jenħtieġ li lanqas l-akkomodazzjoni provduta għal raġunijiet ta’ kkampjar, jew f’parks ta’ vetturi għar-rikreazzjoni u f’parks tat-trejlers, bħal kampijiet, karavans jew vetturi għar-rikreazzjoni, bl-istess mod ma tkun koperta minn dawk ir-regoli, minħabba li akkomodazzjonijiet bħal dawn normalment jinsabu f’żoni dedikati, bħal siti ta’ kkampjar jew parks tal-karavans, u ma għandhomx impatt fuq l-akkomodazzjoni residenzjali, komparabbli ma’ dak tas-servizzi ta’ kiri ta’ akkomodazzjoni għal żmien qasir.

(8)

Jenħtieġ li r-regoli stabbiliti f’dan ir-Regolament japplikaw għall-pjattaformi online skont it-tifsira tal-Artikolu 3, il-punt (i), tar-Regolament (UE) 2022/2065 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), li jippermetti lill-klijenti jikkonkludu kuntratti mill-bogħod mal-ospitanti għall-forniment ta’ servizzi ta’ kiri ta’ akkomodazzjoni għal żmien qasir. Għalhekk, jenħtieġ li l-paġni web jew mezzi elettroniċi oħrajn li jqabbdu l-ospitanti mal-klijenti mingħajr xi rwol ieħor fil-konklużjoni ta’ tranżazzjonijiet diretti jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Pjattaformi online li jintermedjaw il-forniment ta’ servizzi ta’ kiri ta’ akkomodazzjoni għal żmien qasir mingħajr remunerazzjoni, pereżempju, pjattaformi online li jintermedjaw l-iskambju ta’ abitazzjonijiet jenħtieġ li ma jkunux koperti minn dawn ir-regoli sakemm, minħabba l-mod speċifiku kif inhuma ddisinjati, jinvolvu remunerazzjoni, inkluż kwalunkwe forma ta’ kumpens ekonomiku.

(9)

Il-proċeduri ta’ reġistrazzjoni jippermettu lill-awtoritajiet kompetenti jiġbru informazzjoni dwar l-ospitanti u l-unitajiet relatati mas-servizzi ta’ kiri ta’ akkomodazzjoni għal żmien qasir. In-numru tar-reġistrazzjoni, li huwa identifikatur uniku ta’ unità mikrija, jenħtieġ li jiżgura li d-data miġbura u kondiviża mill-pjattaformi online ta’ kiri għal żmien qasir tkun tista’ tiġi attribwita kif xieraq lill-ospitanti u lill-unitajiet. Dak in-numru tar-reġistrazzjoni jenħtieġ li jiġi inkluż f’reġistru pubbliku li jkun faċilment aċċessibbli u jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li dak in-numru tar-reġistrazzjoni ma jinkludix data personali. L-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri li jkunu imponew rekwiżit fuq il-pjattaformi online ta’ kiri għal żmien qasir biex jittrażmettu d-data jenħtieġ għalhekk li jdaħħlu fis-seħħ jew iżommu proċeduri ta’ reġistrazzjoni għall-ospitanti u l-unitajiet tagħhom. Sabiex jiġu evitati sitwazzjonijiet fejn unità tiġi attribwita aktar minn numru tar-reġistrazzjoni wieħed għal elenkar, jenħtieġ li kull unità tkun soġġetta għal proċedura ta’ reġistrazzjoni waħda biss fi Stat Membru, fil-livell nazzjonali, reġjonali jew lokali. Jenħtieġ li l-obbligi ta’ reġistrazzjoni stabbiliti skont dan ir-Regolament ikunu mingħajr preġudizzju għal obbligi ta’ informazzjoni possibbli oħra derivati mil-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali, li jirriżultaw mit-tassazzjoni, iċ-ċensimenti tal-popolazzjoni u l-ġbir tal-istatistika.

(10)

Sabiex jiġi żgurat li l-awtoritajiet kompetenti jiksbu l-informazzjoni u d-data li jeħtieġu, mingħajr ma jimponu piżijiet sproporzjonati fuq il-pjattaformi online ta’ kiri għal żmien qasir u fuq l-ospitanti, huwa neċessarju li jiġi stabbilit approċċ komuni għall-proċeduri ta’ reġistrazzjoni fl-Istati Membri li jkun limitat għal informazzjoni bażika li tippermetti l-identifikazzjoni preċiża tal-unità u tal-ospitant. Għal dak l-għan, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li, mas-sottomissjoni tal-informazzjoni u tad-dokumentazzjoni rilevanti kollha, l-ospitanti u l-unitajiet jingħataw numru tar-reġistrazzjoni. Jenħtieġ li l-ospitanti jkunu jistgħu jidentifikaw u jawtentikaw lilhom infushom bl-użu ta’ mezzi ta’ identifikazzjoni elettroniċi maħruġin skont skema ta’ identità elettronika notifikata skont ir-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) sabiex jikkompletaw dawk il-proċeduri ta’ reġistrazzjoni. Jenħtieġ li fejn possibbli r-reġistrazzjoni tkun mingħajr ħlas jew bi spiża raġonevoli u proporzjonata li jenħtieġ li ma taqbiżx l-ispiża tal-proċedura amministrattiva inkwistjoni. Jenħtieġ li jkun żgurat ukoll li l-ospitanti jkunu jistgħu jissottomettu d-dokumentazzjoni kollha meħtieġa b’mod diġitali. Madankollu, jenħtieġ li jibqa’ disponibbli servizz offline biex jaqdi l-ħtiġijiet ta’ utenti b’anqas ħiliet diġitali jew mgħammra b’anqas mezzi diġitali, speċjalment l-anzjani.

(11)

Jenħtieġ li l-ospitanti jipprovdu informazzjoni dwarhom infushom, l-unitajiet li joffru għas-servizzi ta’ kiri ta’ akkomodazzjoni għal żmien qasir u informazzjoni neċessarja oħra sabiex l-awtoritajiet kompetenti jkunu jafu l-identità tal-ospitanti u d-dettalji ta’ kuntatt tagħhom, kif ukoll l-indirizz speċifiku tal-unità, it-tip (eż. dar, appartament, kamra, kamra kondiviża, jew kategorija rilevanti oħra) previst fil-liġi nazzjonali u l-karatteristiċi tal-unità. Sabiex l-unità tkun tista’ tiġi identifikata b’mod preċiż, jenħtieġ li tkun meħtieġa informazzjoni speċifika mill-ospitant, bħan-numru tal-appartament u tal-kaxxa postali, is-sular li fih tinsab l-unità, jew ir-referenza tar-reġistru tal-artijiet. Fejn rilevanti, l-ospitanti jistgħu jintalbu wkoll jindikaw jekk ikunux kisbu awtorizzazzjoni biex jipprovdu s-servizz kif imsemmi fid-Direttiva 2006/123/KE mill-awtoritajiet rilevanti, dment li tali rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni jkun konformi mal-liġi tal-Unjoni. Jenħtieġ li l-informazzjoni dwar l-applikabbiltà ta’ skema ta’ awtorizzazzjoni, id-drittijiet tal-ospitanti f’dak li jikkonċerna l-iskema ta’ awtorizzazzjoni u, b’mod partikolari, il-mezzi ta’ rimedju disponibbli f’każ ta’ tilwim tkun faċilment disponibbli għall-ospitanti kif previst fid-Direttiva 2006/123/KE. Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti tal-aċċess għas-suq li jistgħu japplikaw separatament u jaffettwaw il-forniment ta’ servizzi ta’ kiri għal żmien qasir. Il-ħruġ awtomatiku ta’ numru tar-reġistrazzjoni huwa mingħajr preġudizzju għall-valutazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti tal-konformità tal--ospitanti mar-rekwiżiti tal-aċċess għas-suq f’konformità mal-liġi tal-Unjoni. Jenħtieġ li d-deskrizzjoni tal-karatteristiċi tal-unità tinkludi indikazzjoni ta’ jekk l-unità tkunx offruta kompletament jew parzjalment u jekk l-ospitant jużax l-unità għal skopijiet residenzjali bħala residenza primarja jew sekondarja jew għal skopijiet oħrajn. Jenħtieġ li l-ospitanti jipprovdu wkoll informazzjoni dwar l-għadd massimu ta’ sodod u klijenti li l-unità hija kapaċi takkomoda.

(12)

Jenħtieġ li jkun possibbli li l-Istati Membri jirrikjedu lill-ospitanti jissottomettu informazzjoni u dokumentazzjoni addizzjonali li jiċċertifikaw il-konformità mar-rekwiżiti stabbiliti mil-liġi nazzjonali, bħar-rekwiżiti dwar is-saħħa u s-sikurezza u dwar il-protezzjoni tal-konsumatur. L-Istati Membri jistgħu, b’mod partikolari, sabiex jiżguraw aċċess u inklużjoni ugwali, li huma essenzjali biex jippermettu lil persuni b’diżabilità jgħixu b’mod indipendenti u jieħdu sehem b’mod sħiħ fl-aspetti kollha tal-ħajja, jeħtieġu li l-ospitanti jipprovdu informazzjoni dwar l-aċċessibbiltà għall-persuni b’diżabilità tal-unitajiet offruti għal servizzi ta’ kiri ta’ akkomodazzjoni għal żmien qasir fir-rigward tar-rekwiżiti tal-aċċessibbiltà nazzjonali, reġjonali jew lokali. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jippermettu lill-ospitanti jiddikjaraw jekk servizzi addizzjonali humiex fornuti għal remunerazzjoni. Madankollu, jenħtieġ li kwalunkwe rekwiżit jikkonforma mal-prinċipji tan-nondiskriminazzjoni u tal-proporzjonalità, li jfisser li jrid ikun xieraq u neċessarju sabiex jintlaħaq objettiv regolatorju leġittimu, u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u d-Direttiva 2006/123/KE. Jenħtieġ li r-rekwiżit li jiġu sottomessi informazzjoni u dokumentazzjoni addizzjonali ma jintużax biex jiġu evitati r-regoli applikabbli għall-iskemi ta’ awtorizzazzjoni skont id-Direttiva 2006/123/KE. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jimponu rekwiżiti ta’ informazzjoni fuq ospitanti li jikkonformaw mal-liġi tal-Unjoni dwar kwistjonijiet mhux koperti minn dan ir-Regolament, bħal soġġorni mhux remunerati, inkluż fejn arranġamenti ta’ ospitar jikkonċernaw individwi vulnerabbli, bħal refuġjati jew benefiċjarji ta’ protezzjoni temporanja.

(13)

Meta l-informazzjoni u d-dokumentazzjoni pprovduti mill-ospitanti permezz tal-proċedura ta’ reġistrazzjoni jkunu validi għal perjodu ta’ żmien limitat, pereżempju fil-każ ta’ dokument tal-identità jew ċertifikat dwar it-tifi tan-nar jew ċertifikat ieħor dwar is-sikurezza, jenħtieġ li l-ospitanti jkunu jistgħu jaġġornaw l-informazzjoni jew id-dokumentazzjoni. Meta ospitant jonqos milli jissottometti l-informazzjoni u d-dokumentazzjoni aġġornati, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jkollhom is-setgħa li jissospendu l-validità tan-numru tar-reġistrazzjoni sakemm tiġi sottomessa l-informazzjoni jew id-dokumentazzjoni aġġornata. Jenħtieġ li l-informazzjoni u d-dokumentazzjoni sottomessi mill-ospitant jinżammu għall-perjodu kollu ta’ validità tan-numru tar-reġistrazzjoni u għal perjodu massimu ta’ 18-il xahar wara t-talba tal-ospitant għat-tneħħija ta’ unità mir-reġistru, sabiex l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jwettqu b’mod effettiv kwalunkwe kontroll rilevanti anki wara t-tneħħija tal-unità mir-reġistru, sakemm dik l-informazzjoni jew dokumentazzjoni ma tkunx meħtieġa għal finijiet oħra, kif mitlub mil-liġi, bħal proċedimenti ġudizzjarji pendenti, u soġġett għal salvagwardji tal-protezzjoni tad-data skont ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7).

(14)

Jenħtieġ li l-informazzjoni u d-dokumentazzjoni pprovduti mill-ospitanti permezz tal-proċedura ta’ reġistrazzjoni jiġu vverifikati mill-awtoritajiet kompetenti biss wara l-ħruġ tan-numru tar-reġistrazzjoni. Huwa xieraq li l-ospitanti jkunu jistgħu, f’perjodu ta’ żmien raġonevoli li jiġi speċifikat mill-awtoritajiet kompetenti, jirrettifikaw l-informazzjoni u d-dokumentazzjoni sottomessi li awtorità kompetenti tqis li ma jkunux kompluti jew eżatti. Jenħtieġ li l-awtorità kompetenti jkollha s-setgħa li tissospendi l-validità tan-numru tar-reġistrazzjoni f’każijiet li fihom issib li hemm dubji ċari u serji fir-rigward tal-awtentiċità u tal-validità tal-informazzjoni jew tad-dokumentazzjoni pprovduta mill-ospitant. F’dawk il-każijiet, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jinfurmaw lill-ospitanti dwar l-intenzjoni tagħhom li jissospendu l-validità tan-numru tar-reġistrazzjoni u r-raġunijiet għal tali sospensjoni.. Meta l-ospitant, b’imġiba ħażina volontarja jew negliġenza serja, ikun naqas li jirrettifika l-informazzjoni mitluba jew ikun ipprovda informazzjoni mhux awtentika jew invalida, jenħtieġ li jkun possibbli wkoll li l-awtoritajiet kompetenti jirtiraw in-numru tar-reġistrazzjoni jew jieħdu aktar azzjoni, bħal li jipprevjenu l-kummerċjalizzazzjoni ta’ unità, kif stipulat fil-liġi nazzjonali. Jenħtieġ li l-ospitanti jkollhom il-possibbiltà li jinstemgħu u, fejn xieraq, li jirrettifikaw l-informazzjoni u d-dokumentazzjoni pprovduti f’perjodu ta’ żmien raġonevoli. Fejn il-validità tan-numru tar-reġistrazzjoni tkun ġiet sospiża, jew fejn tkun ġiet irtirata, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jkollhom is-setgħa li joħorġu ordni li titlob lill-pjattformi online ta’ kiri għal żmien qasir ineħħu, jew li jiddiżattivaw l-aċċess għal, l-elenkar relatat mal-unità inkwistjoni mingħajr dewmien żejjed. Jenħtieġ li dawk l-ordnijiet jinkludu l-informazzjoni kollha meħtieġa biex jiġi identifikat l-elenkar, inkluż il-uniform resource locator (URL) individwali tal-elenkar.

(15)

Meta tapplika proċedura ta’ reġistrazzjoni, jenħtieġ li l-ospitanti jkunu meħtieġa jipprovdu lill-pjattformi online ta’ kiri għal żmien qasir bin-numri tar-reġistrazzjoni tagħhom, juru kull numru ta’ reġistrazzjoni f’kull elenkar korrispondenti u jipprovdu lill-klijenti bin-numru tar-reġistrazzjoni tal-unità. Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li, meta tkun tapplika proċedura ta’ reġistrazzjoni, il-liġi nazzjonali tippermetti lill-awtoritajiet kompetenti jordnaw lill-pjattaformi online ta’ kiri għal żmien qasir jipprovdu aktar informazzjoni dwar unità speċifika u jneħħu l-elenkar li jikkonċerna unitajiet offruti mingħajr numru tar-reġistrazzjoni jew b’numru tar-reġistrazzjoni invalidu, jew f’każijiet li jinvolvu użu ħażin ta’ numru tar-reġistrazzjoni. Użu ħażin ta’ numru tar-reġistrazzjoni jista’ jinftiehem bħala użu mhux xieraq ta’ numru tar-reġistrazzjoni, pereżempju l-użu ta’ numru wieħed b’rabta ma’ aktar minn unità waħda.

(16)

Bħalissa l-pjattaformi online ta’ kiri għal żmien qasir jikkostitwixxu l-mezz ewlieni biex jiġu offruti servizzi ta’ kiri ta’ akkomodazzjoni għal żmien qasir u hemm bżonn li jiġi żgurat ambjent online sikur, prevedibbli u affidabbli, kif ukoll li jingħata kontribut għall-prevenzjoni ta’ offerti illegali ta’ tali servizzi biex jiġu protetti l-konsumaturi, tiġi żgurata kompetizzjoni ġusta, u jingħata kontribut, fejn xieraq, għall-ġlieda kontra l-frodi korrispondenti. L-Artikolu 31 tar-Regolament (UE) 2022/2065 jistabbilixxi ċerti rekwiżiti ta’ diliġenza dovuta li l-fornituri ta’ pjattaformi online li jippermettu lill-konsumaturi jikkonkludu kuntratti mill-bogħod ma’ kummerċjanti għandhom jiżguraw. Dawk ir-rekwiżiti japplikaw għall-pjattformi online ta’ kiri għal żmien qasir fir-rigward tas-servizzi ta’ kiri ta’ akkomodazzjoni għal żmien qasir offruti mill-ospitanti li jikkwalifikaw bħala kummerċjanti. Madankollu, is-settur tal-kiri ta’ akkomodazzjoni għal żmien qasir huwa kkaratterizzat mill-fatt li l-ospitanti spiss ikunu individwi privati li joffru servizzi ta’ kiri ta’ akkomodazzjoni għal żmien qasir fuq bażi okkażjonali bejn il-pari, li mhux neċessarjament jissodisfaw il-kundizzjonijiet biex jiġu kkategorizzati bħala “kummerċjanti” skont il-liġi tal-Unjoni.Għalhekk, f’konformità mal-kunċett u mal-objettiv ta’ “konformità sa mit-tfassil” skont l-Artikolu 31 tar-Regolament (UE) 2022/2065, u sabiex l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jivverifikaw jekk l-obbligi ta’ reġistrazzjoni applikabbli jkunux sodisfatti, huwa xieraq li jiġu applikati kundizzjonijiet speċifiċi għall-konformità sa mit-tfassil fil-kuntest tas-servizzi ta’ kiri ta’ akkomodazzjoni għal żmien qasir, inkluż dawk offruti minn ospitanti li ma jikkwalifikawx bħala negozjanti skont il-liġi tal-Unjoni. Jenħtieġ li l-pjattaformi online ta’ kiri għal żmien qasir jiżguraw li s-servizzi ma jiġux offruti meta ma jkun ingħata ebda numru tar-reġistrazzjoni, f’każijiet fejn ospitant jiddikjara li japplika tali numru tar-reġistrazzjoni, u li, fejn ikun ingħata numru tar-reġistrazzjoni, dak in-numru tar-reġistrazzjoni jintwera. Jenħtieġ li dak ma jfissirx obbligu għall-pjattformi online ta’ kiri għal żmien qasir sabiex jimmonitorjaw b’mod ġenerali s-servizzi offruti mill-ospitanti permezz tal-pjattaforma tagħhom, u lanqas obbligu ġenerali ta’ ġbir ta’ informazzjoni mmirat lejn il-valutazzjoni tal-akkuratezza tan-numru tar-reġistrazzjoni qabel il-pubblikazzjoni tal-offerta tas-servizzi ta’ kiri ta’ akkomodazzjoni għal żmien qasir. F’dak il-kuntest, filwaqt li jitqies li, fejn applikabbli, jenħtieġ li l-obbligi ta’ reġistrazzjoni jiġu rrispettati mill-ospitant qabel ma l-unità tiġi offruta fuq pjattaformi online ta’ kiri għal żmien qasir, u li biex jiġi kkomplementat il-qafas stipulat f’dan ir-Regolament għall-evitar ta’ elenkar li ma jkunx kompatibbli mal-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali applikabbli, huwa xieraq li jiġu applikati rekwiżiti addizzjonali speċifiċi fil-kuntest tas-servizzi ta’ kiri ta’ akkomodazzjoni għal żmien qasir. Jenħtieġ li l-pjattaformi online ta’ kiri għal żmien qasir, malli jirċievu l-awtodikjarazzjoni tal-ospitanti dwar jekk l-unità offruta għal servizzi ta’ kiri ta’ akkomodazzjoni għal żmien qasir tkunx tinsab f’żona fejn tkun ġiet stabbilita jew tapplika proċedura ta’ reġistrazzjoni, u qabel ma jippermettu lill-ospitant ikkonċernat juża s-servizzi tiegħu, permezz tal-listi magħmula disponibbli mill-Istati Membri u mill-punti ta’ dħul diġitali uniċi, jagħmlu l-aħjar sforzi biex jivvalutaw jekk l-awtodikjarazzjoni, li għall-akkuratezza tagħha huma responsabbli l-ospitanti għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, hijiex kompluta, dment li l-valutazzjoni tkun tista’ ssir b’mod proporzjonat permezz ta’ għodod awtomatizzati.

(17)

Jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti fi Stati Membri li imponew rekwiżit fuq il-pjattformi online ta’ kiri għal żmien qasir biex jibagħtu data dwar l-attivitajiet tal-ospitanti u jkollhom fis-seħħ sistemi ta’ reġistrazzjoni jkunu jistgħu jiksbu data dwar l-attivitajiet mill-pjattaformi online ta’ kiri għal żmien qasir fuq bażi regolari. Jenħtieġ li t-tip ta’ data li tista’ tinkiseb tkun armonizzata b’mod sħiħ u tinkludi informazzjoni dwar l-għadd ta’ ljieli li għalihom tkun inkriet unità reġistrata, l-għadd ta’ klijentili lilhom tkun inkriet l-unità kull lejl, il-pajjiż ta’ residenza tal-klijenti, b’kont meħud ta’ bidliet possibbli għar-riservazzjoni oriġinali, l-indirizz speċifiku tal-unità, in-numru ta’ reġistrazzjoni u l-URL tal-elenkar tal-unità, sabiex ikun jista’ jiġi identifikat l-ospitant. Huma biss il-pjattaformi online ta’ kiri għal żmien qasir li ffaċilitaw b’mod effettiv il-konklużjoni ta’ tranżazzjonijiet diretti bejn l-ospitanti u l-klijenti li huma koperti mill-obbligu li jipprovdu d-data dwar l-attivitajiet, in-numru tar-reġistrazzjoni u l-URL tal-elenkar tal-unità, minħabba li dawk il-pjattaformi biss huma f’pożizzjoni li jiġbru d-data, pereżempju dwar l-għadd ta’ ljieli li għalihom tinkera unità u l-għadd ta’ klijenti li lilhom tkun inkriet l-unità għal kull lejl. Fil-każ ta’ problema teknika li taffettwa t-trażmissjoni tad-data mill-pjattaformi online ta’ kiri għal żmien qasir, jenħtieġ li l-awtorità kompetenti jkollha d-dritt titlob li l-pjattaforma online ta’ kiri għal żmien qasir terġa’ tissottometti d-data fil-pussess tagħha. Jenħtieġ li l-Istati Membri ma jżommux jew ma jintroduċux miżuri li jirrikjedu li l-pjattaformi online ta’ kiri għal żmien qasir jirrapportaw dwar il-fornituri ta’ servizzi ta’ kiri ta’ akkomodazzjoni għal żmien qasir u l-attivitajiet tagħhom li jitbiegħdu minn dawk stabbiliti f’dan ir-Regolament, sakemm ma jkunx previst mod ieħor mil-liġi tal-Unjoni.Jenħtieġ li dik l-informazzjoni tirrifletti s-sitwazzjoni reali fil-perjodu ta’ referenza, filwaqt li tqis bidliet possibbli għar-riżervazzjoni oriġinali. F’każ li unità waħda tkun offruta f’diversi pjattaformi online ta’ kiri għal żmien qasir, jenħtieġ li tkun biss il-pjattforma online ta’ kiri għal żmien qasir li fuqha jiġi konkluż il-kuntratt mal-ospitant li tkun obbligata tipprovdi l-informazzjoni msemmija qabel sabiex jiġu evitati trażmissjonijiet multipli tal-istess informazzjoni minn pjattaformi online ta’ kiri għal żmien qasir differenti. Mingħajr preġudizzju għall-eżenzjoni mir-responsabbiltà, stipulata fir-Regolament (UE) 2022/2065, jenħtieġ li l-pjattaformi online ta’ kiri għal żmien qasir jiżguraw li s-settijiet ta’ data mibgħuta lill-awtoritajiet kompetenti skont dan ir-Regolament ikunu kompluti u eżatti. Meta jagħmlu dan, jenħtieġ li jkunu bbażati fuq l-informazzjoni pprovduta mill-ospitant meta joffri l-unità fuq dawk il-pjattaformi online ta’ kiri għal żmien qasir. Filwaqt li huwa essenzjali li jiġi żgurat li l-pjattaformi online ta’ kiri għal żmien qasir ifasslu l-interfaċċi tagħhom b’mod li jiffaċilita l-għoti ta’ informazzjoni sabiex jiġi żgurat li l-ospitanti jkunu jistgħu jipprovdu l-informazzjoni rilevanti kollha qabel l-elenkar, fl-istess ħin, jenħtieġ li l-ospitanti jibqgħu responsabbli għall-konformità tal-attività tagħhom mar-regoli applikabbli.

(18)

F’konformità mar-Regolament (UE) 2016/679, sabiex jiġi żgurat li l-ipproċessar ta’ data personali jkun adegwat, rilevanti u limitat għal dak li jkun neċessarju fir-rigward tal-iskopijiet li għalih tiġi pproċessata, jenħtieġ li l-pjattaformi online ta’ kiri għal żmien qasir ma jkunux meħtieġa jirrapportaw informazzjoni addizzjonali dwar l-identità tal-ospitanti u dwar l-unitajiet, minħabba li tali informazzjoni diġà tinġabar mill-awtoritajiet kompetenti permezz tal-proċeduri ta’ reġistrazzjoni applikabbli għall-ospitanti.

(19)

Jenħtieġ li l-pjattformi online ta’ kiri għal żmien qasir li jikkwalifikaw bħala intrapriżi żgħar jew mikro skont it-tifsira tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE (8) ma jkunux mistennijin jużaw mezzi ta’ komunikazzjoni bejn magna u oħra għall-kondiviżjoni ta’ data, dment li, fit-trimestru ta’ qabel, ma jkunux laħqu medja ta’ 4 250 elenkar fix-xahar fl-Unjoni. Il-permess li tali pjattformi online ta’ kiri għal żmien qasir jużaw mezzi manwali sabiex jikkondividu d-data mal-punt ta’ dħul diġitali uniku jnaqqas il-piż tal-konformità tagħhom u jqis ir-riżorsi finanzjarji jew tekniċi tagħhom, filwaqt li xorta jiżgura li l-awtoritajiet kompetenti jiksbu d-data rilevanti. Is-suppożizzjoni hija li l-pjattformi online ta’ kiri għal żmien qasir li huma intrapriżi żgħar jew mikro skont it-tifsira tar-Rakkomandazzjoni 2003/361/KE li jilħqu jew jaqbżu dan il-limitu diġà jenħtieġ li jkollhom fis-seħħ sistemi li jippermettu l-konformità mal-obbligi ta’ trażmissjoni bejn magna u oħra.

(20)

Jenħtieġ li l-pjattformi online ta’ kiri għal żmien qasir ikunu meħtieġa jissodisfaw l-obbligi ta’ rapportar fir-rigward tas-servizzi ta’ kiri ta’ akkomodazzjoni għal żmien qasir li huma jintermedjaw għal unitajiet li jinsabu f’żona fejn tkun ġiet stabbilita proċedura ta’ reġistrazzjoni, u dment li l-punt ta’ dħul diġitali uniku jkun ġie stabbilit mill-Istat Membru. Il-ġbir u l-kondiviżjoni ta’ dik l-informazzjoni huma neċessarji sabiex l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jimmonitorjaw il-konformità mal-proċeduri ta’ reġistrazzjoni applikabbli għall-ospitanti u sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jiżviluppaw u jinfurzaw politiki xierqa u proporzjonati fil-qasam tas-servizzi ta’ kiri ta’ akkomodazzjoni għal żmien qasir.

(21)

Sabiex jiġi evitat li l-pjattformi online ta’ kiri għal żmien qasir jiġu ffaċċjati b’rekwiżiti tekniċi diverġenti u b’varjetà ta’ punti ta’ aċċess għall-kondiviżjoni tad-data fi Stat Membru, jenħtieġ li jiġi stabbilit punt ta’ dħul diġitali uniku nazzjonali bħala gateway għat-trażmissjoni elettronika tad-data bejn il-pjattformi online ta’ kiri għal żmien qasir u l-awtoritajiet kompetenti, filwaqt li jiġu żgurati proċessi ta’ kondiviżjoni tad-data puntwali, affidabbli u effiċjenti.

(22)

Jenħtieġ li l-punti ta’ dħul diġitali uniċi jiffaċilitaw il-kapaċità tal-pjattformi online ta’ kiri għal żmien qasir li jivverifikaw b’mod aleatorju l-validità ta’ numru tar-reġistrazzjoni jew l-akkuratezza tal-awtodikjarazzjonijiet, sabiex jitnaqqsu l-iżbalji u l-inkonsistenzi fir-rigward tat-trażmissjoni tad-data u jitħaffef il-piż regolatorju tagħhom. Jenħtieġ li l-punt ta’ dħul diġitali uniku, mingħajr ma jirrikjedi l-ħżin attwali tan-numru tar-reġistrazzjoni, jippermetti li jsiru kontrolli aleatorji jew awtomatikament permezz ta’ interfaċċi għall-programmi tal-applikazzjonijiet li jippermettu l-verifika ta’ numru tar-reġistrazzjoni meta mqabbel mal-entrati partikolari fir-reġistru tal-proċeduri ta’ reġistrazzjoni individwali fi Stat Membru, jew manwalment. B’mod partikolari, meta Stat Membru jagħti aċċess għal sistema ċentralizzata, mingħajr ħlas, li tippermetti l-verifika awtomatizzata tal-oqsma koperti minn proċedura ta’ reġistrazzjoni jew tal-validità tan-numri ta’ reġistrazzjoni, l-interkonnessjoni regolari ma’ tali funzjonalitajiet u l-użu tagħhom għal kontrolli ex post, estiżi fuq bażi volontarja għall-elenkar kollu, jistgħu jiġu preżunti li jikkonformaw mal-obbligu tal-pjattaforma online ta’ kiri għal żmien qasir li twettaq valutazzjonijiet u kontrolli aleatorji skont dan ir-Regolament. Jenħtieġ li l-pjattformi online ta’ kiri għal żmien qasir ikunu liberi li jwettqu b’mod volontarju kontrolli addizzjonali permezz tal-punt ta’ dħul diġitali uniku. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkomplu jinfurzaw l-obbligi ta’ reġistrazzjoni billi jużaw l-għodod diġà disponibbli għalihom. L-Istati Membri li ma stabbilixxewx proċedura ta’ reġistrazzjoni u/jew ma imponewx rekwiżit fuq pjattaformi online ta’ kiri għal żmien qasir li jibagħtu data lill-awtoritajiet kompetenti mad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, jistgħu jagħmlu dan fi stadju aktar tard, dment li jistabbilixxu punt ta’ dħul diġitali uniku f’konformità ma’ dan ir-Regolament.

(23)

Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tas-soluzzjonijiet tekniċi li jappoġġaw l-iskambju tad-data u sabiex tiġi promossa l-interoperabbiltà tal-punti ta’ dħul diġitali uniċi nazzjonali, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni sabiex tistabbilixxi, fejn neċessarju, l-istandards applikabbli u r-rekwiżiti tal-interoperabbiltà. Jenħtieġ li dawk is-setgħat ikunu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9). Huwa ta’ importanza partikolari li, fejn rilevanti, il-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa dwar punti speċifiċi matul il-ħidma preparatorja tagħha bħala parti mill-ħidma li għandha ssir fil-qafas tal-grupp ta’ koordinazzjoni tal-punt ta’ dħul diġitali uniku.

(24)

Jenħtieġ li jiġu żgurati l-allinjament bejn id-diversi reġistri fi Stat Membru kif ukoll l-interoperabbiltà tagħhom mal-punt ta’ dħul diġitali uniku sabiex jitneħħew l-ostakli semantiċi u tekniċi għall-kondiviżjoni tad-data u sabiex jiġu żgurati proċeduri amministrattivi aktar effettivi u effiċjenti. Jenħtieġ li l-entitajiet responsabbli għall-ħolqien tal-punti ta’ dħul diġitali uniċi fil-livell nazzjonali u l-Kummissjoni jiffaċilitaw l-implimentazzjoni fil-livell nazzjonali u l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri.

(25)

Qafas proporzjonat, limitat u prevedibbli fil-livell tal-Unjoni huwa neċessarju għall-kondiviżjoni trasparenti tad-data dwar l-attivitajiet u tan-numri tar-reġistrazzjoni, f’konformità mar-rekwiżiti tar-Regolament (UE) 2016/679. Sabiex dak jinkiseb, jenħtieġ li l-Istati Membri jelenkaw l-awtoritajiet kompetenti fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali li jkunu stabbilew jew iżommu proċedura ta’ reġistrazzjoni sabiex jitolbu data dwar l-attivitajiet għall-unitajiet li jinsabu fit-territorju tagħhom. Jenħtieġ li tali data tiġi pproċessata biss għall-finijiet ta’ monitoraġġ tal-konformità mal-proċeduri ta’ reġistrazzjoni, jew ta’ implimentazzjoni u biex tiġi żgurata l-konformità mar-regoli dwar l-aċċess għal servizzi ta’ kiri ta’ akkomodazzjoni għal żmien qasir u l-forniment tagħhom. Fil-każ tal-aħħar, jenħtieġ li tali pproċessar ikun permess biss jekk ir-regoli inkwistjoni ma jiksrux il-prinċipji tan-nondiskriminazzjoni u l-proporzjonalità kif stabbiliti fil-liġi tal-Unjoni, u jekk tali regoli jikkonformaw mal-liġi tal-Unjoni, inkluż ir-regoli dwar il-moviment liberu tas-servizzi, il-libertà tal-istabbiliment, u r-regoli stabbiliti fid-Direttiva 2006/123/KE, kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja. Għall-fini ta’ konformità mal-liġi tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data, jenħtieġ li kwalunkwe regola li tikkonċerna l-aċċess għal servizzi ta’ kiri ta’ akkomodazzjoni għal żmien qasir u l-forniment tagħhom tispeċifika l-għan tal-ipproċessar tad-data rilevanti f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/679. Id-data dwar l-attivitajiet, li ma tinkludix data personali, hija essenzjali wkoll għall-awtoritajiet li qegħdin jiżviluppaw regoli bħal dawn bħala parti mill-isforzi biex jippromwovu ekosistema tat-turiżmu bilanċjata, inkluż regoli effettivi u proporzjonati dwar l-aċċess għal servizzi ta’ kiri ta’ akkomodazzjoni għal żmien qasir u għall-forniment tagħhom. Madankollu, f’każijiet speċifiċi u sabiex l-awtoritajiet ikunu jistgħu jwettqu l-kompiti tagħhom b’mod effettiv, iġġustifikati minn objettivi ta’ interess pubbliku, jiġifieri li jippermettu valutazzjonijiet ibbażati fuq evidenza għall-iżvilupp ta’ liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi dwar l-aċċess għal servizzi ta’ kiri ta’ akkomodazzjoni għal żmien qasir u l-forniment tagħhom, huwa xieraq li tali awtoritajiet jingħataw ċerta informazzjoni rilevanti pprovduta mill-ospitant, li tista’ tinkludi data personali, soġġett għal salvagwardji xierqa għall-protezzjoni tad-data u f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/679.Jenħtieġ li perjodu ta’ żamma ta’ tali data dwar l-attivitajiet ta’ massimu ta’ 18-il xahar jippermetti lill-awtoritajiet kompetenti jiżguraw b’mod effettiv il-konformità mar-regoli u mar-regolamenti applikabbli għall-ospitanti jew li jikkonċernaw l-unitajiet mikrijin u għall-iżvilupp tal-politika, sakemm dik id-data dwar l-attivitajiet ma tkunx neċessarja għal finijiet oħrajn, kif mitlub mil-liġi, bħal proċedimenti ġudizzjarji pendenti, u soġġett għas-salvagwardji għall-protezzjoni tad-data skont ir-Regolament (UE) 2016/679.

(26)

Id-data dwar l-attivitajiet hija importanti wkoll għall-kompilazzjoni tal-istatistika uffiċjali. Dik id-data, flimkien mal-informazzjoni pprovduta mill-ospitanti skont proċedura ta’ reġistrazzjoni flimkien man-numru ta’ reġistrazzjoni, jenħtieġ li tiġi trażmessa lill-uffiċċji nazzjonali, u fejn rilevanti, reġjonali tal-istatistika u lill-Eurostat kull xahar għall-finijiet tal-kompilazzjoni tal-istatistika f’konformità mar-rekwiżiti applikabbli għal fornituri oħra ta’ servizzi fis-settur tal-akkomodazzjoni kif stabbilit fir-Regolament (UE) Nru 692/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10) dwar l-istatistika Ewropea dwar it-turiżmu. Jenħtieġ li l-Istati Membri jaħtru l-entità nazzjonali responsabbli għat-trażmissjoni tad-data. Jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jikkondividu wkoll data dwar l-attivitajiet, mingħajr kwalunkwe data li tista’ tippermetti l-identifikazzjoni ta’ unitajiet jew ta’ ospitanti individwali, bħan-numri tar-reġistrazzjoni, indirizzi speċifiċi u URLs, ma’ entitajiet u ma’ persuni meta dan ikun meħtieġ biex iwettqu attivitajiet ta’ riċerka xjentifika jew attivitajiet analitiċi, jew biex jipproduċu mudelli ta’ negozju u servizzi ġodda. Taħt l-istess kundizzjonijiet, id-data dwar l-attivitajiet tista’ ssir disponibbli permezz ta’ spazji tad-data settorjali, meta jkunu stabbiliti.

(27)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa sabiex l-awtoritajiet pubbliċi, il-pjattaformi online ta’ kiri għal żmien qasir, l-ospitanti u ċ-ċittadini jkunu jistgħu jifhmu l-liġijiet, il-proċeduri u r-rekwiżiti relatati mal-forniment ta’ servizzi ta’ kiri ta’ akkomodazzjoni għal żmien qasir fit-territorju tagħhom, inkluż. proċeduri ta’ reġistrazzjoni kif ukoll kwalunkwe rekwiżit li jikkonċerna l-aċċess għal servizzi ta’ kiri ta’ akkomodazzjoni għal żmien qasir u l-forniment tagħhom.

(28)

Sabiex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li kull Stat Membru jaħtar awtorità li tkun responsabbli għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tiegħu. Dik l-awtorità jenħtieġ li tirrapporta lill-Kummissjoni kull sentejn.

(29)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw l-infurzar effettiv ta’ dan ir-Regolament. Jenħtieġ li l-awtoritajiet fdati bl-infurzar tar-Regolament (UE) 2022/2065 jiżguraw li l-obbligi stabbiliti f’dan ir-Regolament għall-fornituri ta’ pjattaformi online ta’ kiri għal żmien qasir dwar id-disinn tal-interfaċċja ta’ pjattformi online ta’ kiri għal żmien qasir fir-rigward tan-numru tar-reġistrazzjoni ta’ kwalunkwe ospitant, kif definit f’dan ir-Regolament, jiġu rrispettati f’konformità mas-setgħat u l-proċeduri stabbiliti fil-Kapitolu IV tar-Regolament (UE) 2022/2065. Jenħtieġ, għalhekk, li f’konformità mar-Regolament (UE) 2022/2065, il-koordinatur tas-servizzi diġitali kompetenti jew awtoritajiet oħra kompetenti jew il-Kummissjoni, jingħataw is-setgħa li jinfurzaw l-obbligu ta’ konformità sa mit-tfassil stabbilit f’dan ir-Regolament f’konformità mal-allokazzjoni tal-kompetenzi stabbilita fil-Kapitolu IV tar-Regolament (UE) 2022/2065. Konsegwentement, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta miżuri ta’ infurzar diretti biss fir-rigward ta’ pjattaformi online kbar ħafna maħturin skont ir-Regolament (UE) 2022/2065.

(30)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw l-infurzar effettiv ta’ dan ir-Regolament fir-rigward tal-verifika mill-awtoritajiet kompetenti tar-riżultati tal-kontrolli aleatorji, l-obbligu li tiġi inkluża referenza għall-informazzjoni li għandha ssir disponibbli mill-Istati Membri dwar ir-regoli li jirregolaw il-forniment ta’ servizzi ta’ kiri ta’ akkomodazzjoni għal żmien qasir u l-obbligi ta’ kondiviżjoni tad-data ta’ pjattaformi online ta’ kiri għal żmien qasir. Minħabba n-natura speċifika ta’ dawk l-obbligi, jenħtieġ li jkun f’idejn l-awtoritajiet maħturin mill-Istat Membru tal-punt ta’ dħul diġitali uniku, li fih tinsab l-unità rilevanti, li jinfurzahom. Jenħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu wkoll regoli li jistabbilixxu pieni għall-ksur ta’ dawk id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament li japplikaw għal pjattformi online ta’ kiri għal żmien qasir u jenħtieġ li jiżguraw li tali pieni jiġu implimentati u nnotifikati f’konformità mad-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11). Jenħtieġ li tali pieni jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. Jenħtieġ li dawk il-pieni jiżguraw l-infurzar effettiv ta’ dan ir-Regolament, b’mod partikolari fir-rigward tal-obbligi tal-kondiviżjoni tad-data.

(31)

Sabiex iċ-ċittadini u n-negozji jkunu jistgħu jgawdu direttament mill-benefiċċji tas-suq intern mingħajr ma jġarrbu piż amministrattiv addizzjonali mingħajr bżonn, ir-Regolament (UE) 2018/1724 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12), li jistabbilixxi l-gateway diġitali unika, jipprevedi regoli ġenerali għall-provvista online ta’ informazzjoni, ta’ proċeduri u ta’ servizzi ta’ assistenza rilevanti għall-funzjonament tas-suq intern. Jenħtieġ li r-rekwiżiti ta’ informazzjoni u l-proċeduri koperti minn dan ir-Regolament jikkonformaw mar-rekwiżiti tar-Regolament (UE) 2018/1724. B’mod partikolari, jenħtieġ li l-proċeduri li jikkonċernaw ir-reġistrazzjoni mill-ospitanti u l-ħruġ tan-numru tar-reġistrazzjoni msemmijin f’dan ir-Regolament jiġu inklużi fl-Anness II tar-Regolament (UE) 2018/1724 sabiex jiġi żgurat li kwalunkwe ospitant ikun jista’ jibbenefika minn proċeduri kompletament online. Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2018/1724 jiġi emendat skont dan.

(32)

Barra minn hekk, f’konformità mal-prinċipju ta’ darba biss, jenħtieġ li l-ospitanti b’unitajiet fi Stat Membru wieħed jew aktar jitħallew jużaw mill-ġdid id-data u l-evidenza li jkunu diġà ssottomettew għall-fini tal-ewwel reġistrazzjoni, biex b’hekk jitnaqqas il-piż regolatorju għall-ospitanti. Dik il-funzjonalità tista’ tiġi pprovduta bl-użu tal-infrastruttura tas-“sistema teknika ta’ darba biss” kif stabbilita bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1463. (13)

(33)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tevalwa perjodikament dan ir-Regolament u timmonitorja l-effetti tiegħu fuq il-forniment ta’ servizzi ta’ kiri ta’ akkomodazzjoni għal żmien qasir offruti permezz ta’ pjattformi online ta’ kiri għal żmien qasir fl-Unjoni. Jenħtieġ li dik l-evalwazzjoni tinkludi kwalunkwe effett fuq il-fornituri ta’ pjattaformi online ta’ kiri għal żmien qasir, kwalunkwe effett tad-disponibbiltà u l-użabbiltà akbar tad-data relatata mal-forniment ta’ servizzi ta’ kiri ta’ akkomodazzjoni għal żmien qasir u, b’mod speċifiku, il-grad sa fejn dik id-data tista’ tiġi aċċessata u użata għat-tfassil tal-politika u l-finijiet ta’ infurzar, kif ukoll kwalunkwe effett fuq il-kontenut u l-proporzjonalità tar-regoli nazzjonali, reġjonali u lokali relatati mal-forniment ta’ servizzi ta’ kiri ta’ akkomodazzjoni għal żmien qasir. Sabiex tinkiseb stampa wiesgħa tal-iżviluppi fis-settur, jenħtieġ li l-evalwazzjoni tqis l-esperjenzi tal-Istati Membri u tal-partijiet ikkonċernati rilevanti, inkluż l-effettività tal-kooperazzjoni transfruntiera u l-mekkaniżmi ta’ infurzar.

(34)

Sabiex l-Istati Membri jingħataw biżżejjed żmien sabiex jistabbilixxu proċeduri ta’ reġistrazzjoni, jadattaw il-proċeduri ta’ reġistrazzjoni eżistenti għal dan ir-Regolament u jistabbilixxu punti ta’ dħul diġitali uniċi, u sabiex jippermettu lill-pjattaformi online ta’ kiri għal żmien qasir u lill-ospitanti jadattaw għar-rekwiżiti l-ġodda, jenħtieġ li l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament tiġi differita 24 xahar mid-data tad-dħul fis-seħħ.

(35)

Peress li l-objettiv ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri l-kontribut għall-funzjonament xieraq tas-suq intern fir-rigward tal-forniment ta’ servizzi pprovduti minn pjattaformi online ta’ kiri għal żmien qasir ma jistax jintlaħaq b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda jista’ pjuttost, minħabba l-iskala u l-effetti, jintlaħaq aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dak l-objettiv.

(36)

Id-dritt fundamentali għall-protezzjoni tad-data personali huwa ssalvagwardjat b’mod partikolari mir-Regolament (UE) 2016/679. Dak ir-Regolament jipprovdi l-bażi għar-regoli u għar-rekwiżiti tal-ipproċessar ta’ data personali, inkluż meta s-settijiet ta’ data jinkludu taħlita ta’ data personali u mhux personali u tali data tkun marbuta b’mod inseparabbli. Kwalunkwe pproċessar ta’ data personali skont dan ir-Regolament irid jikkonforma mar-Regolament (UE) 2016/679. Għalhekk, jenħtieġ li l-awtoritajiet superviżorji tal-protezzjoni tad-data jkunu responsabbli għas-superviżjoni tal-ipproċessar ta’ data personali mwettaq fil-kuntest ta’ dan ir-Regolament.

(37)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14) u ta opinjoni fis-16 ta’ Diċembru 2022 (15),

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli għall-ġbir ta’ data mill-awtoritajiet kompetenti u mill-fornituri ta’ pjattaformi online ta’ kiri għal żmien qasir kif ukoll għall-kondiviżjoni ta’ data minn pjattaformi online ta’ kiri għal żmien qasir mal-awtoritajiet kompetenti b’rabta mal-forniment ta’ servizzi ta’ kiri ta’ akkomodazzjoni għal żmien qasir li huma offruti mill-ospitanti permezz ta’ pjattaformi online ta’ kiri għal żmien qasir.

Artikolu 2

Kamp ta’ applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament japplika għall-fornituri ta’ pjattaformi online ta’ kiri għal żmien qasir li joffru servizzi lill-ospitanti li jipprovdu servizzi ta’ kiri ta’ akkomodazzjoni għal żmien qasir fl-Unjoni, irrispettivament mill-post fejn ikunu stabbiliti, u lill-ospitanti li jipprovdu servizzi ta’ kiri ta’ akkomodazzjoni għal żmien qasir.

2.   Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għal:

(a)

regoli nazzjonali, reġjonali jew lokali li jirregolaw l-aċċess għal servizzi ta’ kiri ta’ akkomodazzjoni għal żmien qasir jew il-forniment tagħhom mill-ospitanti, f’konformità mal-liġi tal-Unjoni, sakemm ma jkunx previst b’xi mod speċifiku ieħor skont dan ir-Regolament;

(b)

regoli nazzjonali, reġjonali jew lokali li jirregolaw l-iżvilupp jew l-użu tal-art, l-ippjanar tal-bliet u tal-pajjiż, l-istandards tal-bini, l-akkomodazzjoni u l-kirjiet;

(c)

il-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali li tirregola l-prevenzjoni, l-investigazzjoni, id-detezzjoni jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali;

(d)

il-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali li tirregola l-amministrazzjoni, il-ġbir, l-infurzar u l-irkupru tat-taxxi, id-dwana u dazji oħra;

(e)

il-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali li tirregola l-iżvilupp, il-produzzjoni u t-tixrid tal-istatistika Ewropea jew tal-istatistika uffiċjali nazzjonali.

3.   Barra minn hekk, dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għar-regoli stabbiliti minn atti legali oħra tal-Unjoni li jirregolaw aspetti oħra tal-forniment ta’ servizzi minn pjattaformi online ta’ kiri għal żmien qasir u l-forniment ta’ servizzi ta’ kiri ta’ akkomodazzjoni għal żmien qasir, b’mod partikolari:

(a)

ir-Regolament (UE) 2019/1150 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16);

(b)

ir-Regolament (UE) 2022/2065;

(c)

ir-Regolament (UE) 2022/1925 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (17);

(d)

id-Direttiva 2000/31/KE;

(e)

id-Direttiva 2006/123/KE;

(f)

id-Direttiva (UE) 2015/1535 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (18);

(g)

id-Direttiva tal-Kunsill 2010/24/UE (19); u

(h)

id-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE (20).

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“unità” tfisser akkomodazzjoni bl-għamara li tinsab fl-Unjoni li hija s-suġġett tal-forniment ta’ servizz ta’ kiri ta’ akkomodazzjoni għal żmien qasir; ma tinkludix dawn li ġejjin:

(a)

lukandi u akkomodazzjoni simili, inkluż lukandi resorts, lukandi suites jew tal-appartamenti, kif ukoll motels kif deskritti fin-NACE Rev. 2, grupp 55.1 (“lukandi u akkomodazzjoni simili”) u hostels kif deskritti fin-NACE Rev. 2, grupp 55.2 (“akkomodazzjoni għal vaganza u għal waqfiet qosra oħra”) tal-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 1893/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (21);

(b)

il-forniment ta’ akkomodazzjoni f’postijiet għall-kampeġġ, parkeġġi għal vetturi ta’ rikreazzjoni u parkeġġi għal trejlers, kif deskritt fin-NACE Rev. 2, grupp 55.3 tal-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 1893/2006.

(2)

“ospitant” tfisser persuna fiżika jew ġuridika li, fuq bażi professjonali, mhux professjonali, regolari jew temporanja, tipprovdi jew tkun biħsiebha tipprovdi, servizz ta’ kiri ta’ akkomodazzjoni għal żmien qasir b’remunerazzjoni permezz ta’ pjattaforma online ta’ kiri għal żmien qasir;

(3)

“klijent” tfisser persuna fiżika li tkun ospitata f’unità;

(4)

“servizz ta’ kiri ta’ akkomodazzjoni għal żmien qasir” tfisser il-kiri ta’ unità għal żmien qasir, ipprovdut b’remunerazzjoni, kemm fuq bażi professjonali, mhux professjonali, regolari jew temporanja, kif iddefinit ulterjorment mil-liġi nazzjonali;

(5)

“pjattaforma online ta’ kiri għal żmien qasir” tfisser pjattaforma online skont it-tifsira tal-Artikolu 3, il-punt (i), tar-Regolament (UE) 2022/2065, li tippermetti lill-klijenti jikkonkludu kuntratti mill-bogħod ma’ ospitanti għall-forniment ta’ servizzi ta’ kiri ta’ akkomodazzjoni għal żmien qasir;

(6)

“pjattaforma żgħira jew mikro online ta’ kiri għal żmien qasir” tfisser pjattaforma online ta’ kiri għal żmien qasir li tikkwalifika bħala intrapriża żgħira jew mikro skont it-tifsira tar-Rakkomandazzjoni 2003/361/KE;

(7)

“numru tar-reġistrazzjoni” tfisser identifikatur uniku maħruġ mill-awtorità kompetenti li jidentifika unità f’dak l-Istat Membru;

(8)

“proċedura ta’ reġistrazzjoni” tfisser kwalunkwe proċedura li biha l-ospitanti jridu jipprovdu informazzjoni u dokumentazzjoni speċifiċi lill-awtoritajiet kompetenti sabiex jiksbu numru ta’ reġistrazzjoni li jippermettilhom joffru servizzi ta’ kiri ta’ akkomodazzjoni għal żmien qasir permezz ta’ pjattaformi online ta’ kiri għal żmien qasir;

(9)

“skema ta’ awtorizzazzjoni” tfisser “skema ta’ awtorizzazzjoni” kif definit -fl-Artikolu 4, il-punt 6, tad-Direttiva 2006/123/KE;

(10)

“elenkar” tfisser ir-referenza għal unità offruta għal servizzi ta’ kiri ta’ akkomodazzjoni għal żmien qasir u ppubblikata fuq sit web ta’ pjattaforma online ta’ kiri għal żmien qasir;

(11)

“awtorità kompetenti” tfisser awtorità nazzjonali, reġjonali jew lokali ta’ Stat Membru li jkollha l-kompetenza li tamministra jew tinforza proċeduri ta’ reġistrazzjoni, jew li tiġbor data dwar servizzi ta’ kiri ta’ akkomodazzjoni għal żmien qasir, jew li tkun responsabbli biex tiżgura l-konformità mar-regoli applikabbli tal-Istati Membri dwar l-aċċess għal servizzi ta’ kiri ta’ akkomodazzjoni għal żmien qasir u l-forniment tagħhom;

(12)

data dwar l-attivitajiet” tfisser l-għadd ta’ ljieli li għalihom tinkera unità u l-għadd ta’ klijenti li l-unità tkun inkritilhom għal kull lejl flimkien mal-pajjiż ta’ residenza ta’ kull klijent, f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 692/2011;

(13)

“muniċipalità” tfisser“unità amministrattiva lokali (UAL)” skont it-tifsira tal-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1059/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (22).

KAPITOLU II

REĠISTRAZZJONI

Artikolu 4

Proċeduri ta’ reġistrazzjoni

1.   Kwalunkwe proċedura ta’ reġistrazzjoni stabbilita minn Stat Membru, fil-livell nazzjonali, reġjonali jew lokali għal unitajiet li jinsabu fit-territorju tiegħu, għandha tikkonforma mad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu.

2.   Stat Membru li jimponi rekwiżit fuq il-pjattaformi online ta’ kiri għal żmien qasir li jittrażmettu data lill-awtoritajiet kompetenti f’konformità ma’ dan ir-Regolament għandu jistabbilixxi jew iżomm proċedura ta’ reġistrazzjoni għall-unitajiet li jinsabu f’żoni tat-territorju tiegħu meta jkun japplika tali rekwiżit tat-trażmissjoni ta’ data.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li:

(a)

il-proċeduri ta’ reġistrazzjoni joperaw abbażi ta’ dikjarazzjonijiet li jsiru mill-ospitanti;

(b)

il-proċeduri ta’ reġistrazzjoni jkunu pprovduti online, u mingħajr ħlas, fejn possibbli, jew b’kost raġonevoli u proporzjonat, u jippermettu l-ħruġ awtomatiku u immedjat ta’ numru tar-reġistrazzjoni, għal unità speċifika mas-sottomissjoni mill-ospitant tal-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 5(1) u, meta jkun xieraq, kwalunkwe dokumentazzjoni ta’ sostenn meħtieġa skont l-Artikolu 5(2);

(c)

il-proċeduri ta’ reġistrazzjoni jkunu soġġetti għal mekkaniżmi ta’ appell effettivi fl-Istat Membru;

(d)

unità ma tkunx soġġetta għal aktar minn proċedura ta’ reġistrazzjoni waħda;

(e)

ikunu stabbiliti mezzi tekniċi li jippermettu lil ospitant jaġġorna l-informazzjoni u d-dokumentazzjoni;

(f)

ikunu stabbiliti mezzi tekniċi biex tiġi vvalutata l-validità tan-numri tar-reġistrazzjoni;

(g)

ikunu stabbiliti mezzi tekniċi li jippermettu lil ospitant ineħħi unità mir-reġistru msemmi fil-paragrafu 5; u

(h)

l-ospitanti jkunu meħtieġa, meta joffru s-servizzi tagħhom ta’ kiri ta’ akkomodazzjoni għal żmien qasir permezz ta’ pjattaforma online ta’ kiri għal żmien qasir, jiddikjaraw lill-pjattaforma online ta’ kiri għal żmien qasir jekk l-unità offruta tkunx soġġetta għal proċedura ta’ reġistrazzjoni u, jekk tkun, jipprovdu n-numru tar-reġistrazzjoni.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ospitanti jkunu jistgħu jitolbu li l-informazzjoni jew id-dokumentazzjoni pprovduta skont l-Artikolu 5(1) u (2) terġa’ tintuża għall-finijiet ta’ reġistrazzjonijiet sussegwenti.

5.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li n-numri tar-reġistrazzjoni jkunu inklużi f’reġistru pubbliku u faċilment aċċessibbli. L-awtorità kompetenti li toħroġ in-numru tar-reġistrazzjoni għandha tkun responsabbli għall-istabbiliment u għaż-żamma tar-reġistru, f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/679.

6.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ospitanti jkunu jistgħu jissottomettu d-dokumenti kollha meħtieġa bħala parti mill-proċess ta’ reġistrazzjoni f’format diġitali.

Artikolu 5

Informazzjoni li tiġi pprovduta mill-ospitanti

1.   Meta jirreġistra skont proċedura ta’ reġistrazzjoni msemmija fl-Artikolu 4, ospitant għandu jissottometti dikjarazzjoni li jkun fiha l-informazzjoni li ġejja:

(a)

għal kull unità:

(i)

l-indirizz speċifiku tal-unità inkluż, fejn applikabbli, in-numru tiegħu, in-numru tal-kaxxa postali, jekk differenti, is-sular fejn tinsab l-unità, ir-referenza tar-reġistru tal-artijiet jew kwalunkwe tip ieħor ta’ informazzjoni li tippermetti li l-unità tiġi identifikata b’mod preċiż;

(ii)

it-tip ta’ unità;

(iii)

jekk l-unità tkunx offruta bħala parti mir-residenza primarja jew sekondarja tal-ospitant jew kollha kemm hi, jew għal skopijiet oħra;

(iv)

l-għadd massimu ta’ sodod disponibbli u ta’ klijenti li l-unità takkomoda;

(v)

fejn applikabbli, jekk l-unità hijiex soġġetta għal skema ta’ awtorizzazzjoni li skontha l-ospitant huwa meħtieġ jikseb awtorizzazzjoni sabiex joffri servizzi ta’ kiri ta’ akkomodazzjoni għal żmien qasir mill-awtorità kompetenti, u jekk dan ikun il-każ, jekk l-ospitant ikunx kiseb tali awtorizzazzjoni;

(b)

meta ospitant ikun persuna fiżika:

(i)

isem dik il-persuna;

(ii)

numru ta’ identifikazzjoni nazzjonali jew informazzjoni oħra li tippermetti l-identifikazzjoni tal-persuna;

(iii)

l-indirizzi ta’ dik il-persuna;

(iv)

in-numru ta’ kuntatt bit-telefown ta’ dik il-persuna;

(v)

l-indirizz tal-posta elettronika li l-awtorità kompetenti tuża għal komunikazzjoni bil-miktub;

(c)

meta ospitant ikun persuna ġuridika:

(i)

isimha;

(ii)

in-numru nazzjonali tar-reġistrazzjoni tan-negozju;

(iii)

l-isem ta’ rappreżentant legali;

(iv)

l-indirizz irreġistrat tagħha;

(v)

in-numru ta’ kuntatt bit-telefown ta’ tal-anqas rappreżentant wieħed ta’ dik il-persuna ġuridika;

(vi)

indirizz tal-posta elettronika li l-awtorità kompetenti tista’ tuża għal komunikazzjoni bil-miktub.

2.   L-Istati Membri jistgħu jirrikjedu li l-informazzjoni sottomessa skont il-paragrafu 1 tkun akkumpanjata minn dokumentazzjoni ta’ sostenn xierqa. Fir-rigward tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, il-punt (a)(v), meta l-ospitant jiddikjara li l-unità tkun soġġetta għal awtorizzazzjoni, jew fejn l-informazzjoni l-oħra msemmija fil-paragrafu 1 tippermetti determinazzjoni awtomatika li jkun japplika rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni, l-Istati Membri jistgħu jitolbu kopja tal-awtorizzazzjoni jew referenza ċara għaliha.

3.   Meta Stat Membru jeħtieġ li l-ospitanti jissottomettu aktar informazzjoni u dokumentazzjoni, inkluż informazzjoni u dokumentazzjoni dwar il-konformità mar-regoli msemmija fl-Artikolu 2(2), il-punt (a), is-sottomissjoni ta’ dik l-informazzjoni u d-dokumentazzjoni tkun mingħajr preġudizzju għall-ħruġ tan-numru tar-reġistrazzjoni, f’konformità mal-Artikolu 4(3), il-punt (b). Fejn xieraq, l-Istati Membri jistgħu wkoll jippermettu lill-ospitanti jiddikjaraw servizzi addizzjonali li jkunu anċillari għas-servizzi ta’ kiri ta’ akkomodazzjoni għal żmien qasir.

4.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 6, meta jkun hemm bidla materjali fis-sitwazzjoni ssostanzjata mill-informazzjoni u mid-dokumentazzjoni pprovduti skont il-paragrafi 1 u 2, l-ospitanti għandhom jaġġornaw dik l-informazzjoni u d-dokumentazzjoni u l-Istati Membri għandhom jiżguraw li tali aġġornament isir permezz tal-funzjonalità msemmija fl-Artikolu 4(3), il-punt (e).

5.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni jew id-dokumentazzjoni sottomessa skont proċedura ta’ reġistrazzjoni msemmija fl-Artikolu 4 tinżamm b’mod sigur u biss għal perjodu li jkun meħtieġ għall-identifikazzjoni tal-unità u mhux iktar minn 18-il xahar wara li l-ospitant ikun indika, permezz tal-funzjonalità msemmija fl-Artikolu 4(3), il-punt (g), li l-unità jenħtieġ li titneħħa mir-reġistru. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni u d-dokumentazzjoni pprovduti mill-ospitant skont il-paragrafi 1 u 2 jiġu pproċessati biss biex jinħareġ in-numru tar-reġistrazzjoni u biex tiġi żgurata l-konformità mar-regoli applikabbli tal-Istat Membru dwar l-aċċess għal servizzi ta’ kiri ta’ akkomodazzjoni għal żmien qasir u l-forniment tagħhom.

6.   L-ospitanti għandhom ikunu responsabbli għall-akkuratezza tal-informazzjoni li jipprovdu lill-awtoritajiet kompetenti skont dan l-Artikolu, kif ukoll tal-informazzjoni li jipprovdu lill-pjattaformi online ta’ kiri għal żmien qasir skont l-Artikolu 7 ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 6

Verifika mill-awtoritajiet kompetenti

1.   L-awtoritajiet kompetenti jistgħu, fi kwalunkwe ħin wara li jkun inħareġ in-numru tar-reġistrazzjoni, jivverifikaw id-dikjarazzjoni u kwalunkwe dokumentazzjoni ta’ sostenn sottomessa minn ospitant skont l-Artikolu 5(1) u (2).

2.   Meta awtorità kompetenti, wara verifika skont il-paragrafu 1, issib li l-informazzjoni jew id-dokumentazzjoni sottomessa skont l-Artikolu 5(1) u (2) ma tkunx kompluta jew tkun skorretta, l-awtorità kompetenti għandu jkollha s-setgħa li titlob lill-ospitant jirrettifika l-informazzjoni u d-dokumentazzjoni pprovduti permezz tal-funzjonalità msemmija fl-Artikolu 4(3), il-punt (e), fi żmien perjodu raġonevoli li jiġi speċifikat mill-awtorità kompetenti.

3.   Meta ospitant jonqos milli jirrettifika l-informazzjoni jew id-dokumentazzjoni mitluba skont il-paragrafu 2, l-awtorità kompetenti għandu jkollha s-setgħa li tissospendi l-validità tan-numru jew tan-numri tar-reġistrazzjoni affettwati u li toħroġ ordni li titlob lill-pjattaformi online ta’ kiri għal żmien qasir ineħħu jew jiddiżattivaw l-aċċess għal kwalunkwe elenkar relatat mal-unità jew l-unitajiet inkwistjoni mingħajr dewmien żejjed.

4.   Meta awtorità kompetenti, wara verifika skont il-paragrafu 1, issib li jkun hemm dubji evidenti u serji fir-rigward tal-awtentiċità u l-validità tal-informazzjoni jew tad-dokumentazzjoni sottomessi skont l-Artikolu 5(1) u (2), din għandu jkollha s-setgħa li tissospendi l-validità tan-numri tar-reġistrazzjoni affettwati u li toħroġ ordni li titlob lill-pjattaformi online ta’ kiri għal żmien qasir jipprovdu aktar informazzjoni biex l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jivverifikaw l-awtentiċità u l-validità tan-numru jew tan-numri tar-reġistrazzjoni affettwati, jew biex ineħħu jew jiddiżattivaw l-aċċess għal kwalunkwe elenkar relatat mal-unità jew l-unitajiet inkwistjoni mingħajr dewmien żejjed.

5.   Meta awtorità kompetenti tkun biħsiebha tissospendi l-validità ta’ numru jew numri tar-reġistrazzjoni skont il-paragrafi 3 jew 4, jew tirtira n-numru jew numri skont il-paragrafu 6, din għandha tinnotifika lill-ospitant bil-miktub fejn tiddikjara r-raġunijiet għal dik l-intenzjoni. L-ospitant għandu jingħata l-opportunità li jinstema’ u, meta jkun xieraq, li jirrettifika l-informazzjoni jew id-dokumentazzjoni inkwistjoni fi żmien perjodu raġonevoli li għandu jiġi speċifikat mill-awtorità kompetenti. Meta, wara li tkun semgħet lill-ospitant, l-awtorità kompetenti tikkonferma l-intenzjoni tagħha li tissospendi, jew tirtira, il-validità ta’ numru jew numri tar-reġistrazzjoni, hija għandha tinnotifika lill-ospitant bil-miktub bid-deċiżjoni li tissospendi l-validità ta’ numru jew numri ta’ reġistrazzjoni, flimkien ma’ kopja tal-ordni msemmija fil-paragrafu 3 jew 4, jew tad-deċiżjoni li tirtira n-numru jew numri ta’ reġistrazzjoni, flimkien ma’ kopja tal-ordni f’konformità mal-paragrafu 6.

6.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 5, meta l-ospitant ikun naqas, permezz ta’ imġiba ħażina volontarja jew negliġenza serja, milli jirrettifika l-informazzjoni mitluba f’konformità mal-paragrafu 3, jew ikun ipprovda informazzjoni mhux awtentika jew invalida f’konformità mal-paragrafu 4, l-awtoritajiet kompetenti għandu jkollhom is-setgħa jirtiraw in-numru jew in-numri tar-reġistrazzjoni u joħorġu ordni li titlob lill-pjattaformi online ta’ kiri għal żmien qasir ineħħu jew jiddiżattivaw l-aċċess għal kwalunkwe elenkar relatat mal-unità jew l-unitajiet inkwistjoni mingħajr dewmien żejjed.

7.   L-ordnijiet maħruġin skont il-paragrafi 3, 4 , 6 u 11 għandu jkun fihom tal-anqas l-informazzjoni li ġejja:

(a)

dikjarazzjoni tar-raġunijiet;

(b)

informazzjoni ċara li tippermetti lill-fornitur tal-pjattaforma online ta’ kiri għal żmien qasir jidentifika u jillokalizza kwalunkwe elenkar ikkonċernat, bħal URL preċiż wieħed jew aktar u l-identità tal-awtorità kompetenti;

(c)

meta disponibbli, l-identità tal-ospitant u n-numru tar-reġistrazzjoni tal-unità offruta għal servizzi ta’ kiri ta’ akkomodazzjoni għal żmien qasir, jew, meta applikabbli, kwalunkwe informazzjoni oħra li tista’ tgħin biex jiġu identifikati l-ospitant u l-unità.

8.   Il-validità ta’ numru tar-reġistrazzjoni għandha tibqa’ sospiża sakemm l-ospitant ikun irrettifika l-informazzjoni u d-dokumentazzjoni rilevanti mal-awtoritajiet kompetenti. Wara li jirċievu, permezz tal-funzjonalità msemmija fl-Artikolu 4(3), il-punt (e), u jivverifikaw l-akkuratezza, il-kompletezza u l-korrettezza tal-informazzjoni u d-dokumentazzjoni pprovduti mill-ospitant, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jerġgħu jattivaw in-numru tar-reġistrazzjoni.

9.   L-awtorità kompetenti għandha tinforma lill-ospitanti dwar il-mekkaniżmi ta’ rimedju disponibbli b’rabta mal-passi meħudin skont il-paragrafi 2 sa 6 u 8.

10.   Meta Stat Membru jeħtieġ li l-ospitanti jissottomettu aktar informazzjoni u dokumentazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 5(3), u meta l-awtorità kompetenti ssib li jkun hemm dubji serji rigwardil-konformità mar-regoli nazzjonali, reġjonali jew lokali msemmija fl-Artikolu 2(2), il-punt (a), hija tista’ tapplika d-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu għal din l-informazzjoni jew id-dokumentazzjoni dment li r-rekwiżit inkwistjoni ma jkunx diskriminatorju u jkun proporzjonat, u jikkonforma mal-liġi tal-Unjoni.

11.   Meta tkun tapplika proċedura ta’ reġistrazzjoni, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-liġi nazzjonali tippermetti lill-awtoritajiet kompetenti jordnaw lill-fornituri ta’ pjattaformi online ta’ kiri għal żmien qasir biex jipprovdu l-informazzjoni mitluba u biex ineħħu l-elenkar relatat mal-unitajiet offruti mingħajr numru tar-reġistrazzjoni jew b’numru tar-reġistrazzjoni invalidu, jew fil-każijiet li jinvolvu l-użu ħażin ta’ numru tar-reġistrazzjoni.

Artikolu 7

Konformità sa mit-tfassil

1.   Il-pjattaformi online ta’ kiri għal żmien qasir għandhom:

(a)

ifasslu u jorganizzaw l-interfaċċa online tagħhom b’mod li jkun meħtieġ li l-ospitanti jiddikjaraw huma stess jekk l-unità offruta għal servizzi ta’ kiri ta’ akkomodazzjoni għal żmien qasir tkunx tinsab f’żona fejn tkun ġiet stabbilita jew tapplika proċedura ta’ reġistrazzjoni;

(b)

ifasslu u jorganizzaw l-interfaċċa online tagħhom b’mod li, meta l-ospitanti jiddikjaraw li unità offruta għal servizzi ta’ kiri ta’ akkomodazzjoni għal żmien qasir tinsab f’żona fejn tkun ġiet stabbilita jew applikata proċedura ta’ reġistrazzjoni, l-utenti jidentifikaw l-unità permezz ta’ numru tar-reġistrazzjoni; u jiżguraw li l-ospitanti jkunu pprovdew numru tar-reġistrazzjoni qabel ma jippermettu l-offerta tas-servizzi ta’ kiri ta’ akkomodazzjoni għal żmien qasir fir-rigward ta’ dik l-unità, u li l-ospitanti juru dak in-numru tar-reġistrazzjoni b’mod ċar bħala parti mill-elenkar tagħhom;

(c)

jagħmlu sforzi raġonevoli biex jivverifikaw, b’mod aleatorju u fuq bażi regolari, id-dikjarazzjonijiet tal-ospitanti dwar l-eżistenza jew in-nuqqas ta’ proċedura ta’ reġistrazzjoni, filwaqt li titqies il-lista magħmula disponibbli skont l-Artikolu 13(1), il-punt (a) u, fejn tkun teżisti proċedura bħal din, il-validità tan-numru tar-reġistrazzjoni pprovdut mill-ospitant, permezz tal-użu tal-funzjonalitajiet offruti mill-punti ta’ dħul diġitali uniċi msemmija fl-Artikolu 10(2), il-punt (b), wara li tkun ġiet permessa l-offerta tas-servizzi ta’ kiri ta’ akkomodazzjoni għal żmien qasir mill-ospitant.

2.   Il-pjattaformi online ta’ kiri għal żmien qasir għandhom jinfurmaw lill-awtoritajiet kompetenti u lill-ospitanti, mingħajr dewmien żejjed, bir-riżultati tal-kontrolli aleatorji msemmija fil-paragrafu 1, il-punt (c), dwar dikjarazzjonijiet skorretti tal-ospitanti, l-użu ħażin ta’ numru tar-reġistrazzjoni, jew numri tar-reġistrazzjoni mhux validi.

3.   Il-pjattaformi online ta’ kiri għal żmien qasir għandhom jinfurmaw lill-ospitanti b’mod adegwat dwar l-applikabbiltà f’qasam partikolari tal-proċeduri tar-reġistrazzjoni, filwaqt li jqisu l-listi msemmija fl-Artikolu 13, u l-informazzjoni msemmija fit-tieni kolonna, ringiela “N. Servizzi”, punt 4, tal-Anness I tar-Regolament (UE) 2018/1724, li trid ssir disponibbli mill-Istati Membri.

Artikolu 8

Obbligi oħra għal pjattaformi online ta’ kiri għal żmien qasir

Il-pjattaformi online ta’ kiri għal żmien qasir għandhom, malli jirċievu l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 7(1), il-punt (a), u qabel ma jippermettu lill-ospitant ikkonċernat juża s-servizzi tiegħu, jagħmlu l-aħjar sforzi bl-użu tal-listi li jsiru disponibbli skont l-Artikolu 13(1), il-punt (a), biex jivvalutaw jekk l-awtodikjarazzjoni msemmija fl-Artikolu 7(1), il-punt (a), li l-ospitanti huma unikament responsabbli għall-akkuratezza tagħha għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, hijiex kompluta, dment li l-valutazzjoni tkun tista’ titwettaq b’mod proporzjonat minn għodod awtomatizzati kif previst fl-Artikolu 10. L-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu ma għandhiex twassal għal obbligu ġenerali ta’ monitoraġġ.

KAPITOLU III

RAPPURTAR TAD-DATA

Artikolu 9

Obbligu għall-pjattaformi online ta’ kiri għal żmien qasir li jittrażmettu data dwar l-attivitajiet u n-numri tar-reġistrazzjoni

1.   Meta elenkar ikun jikkonċerna unità li tinsab f’żona inkluża fil-lista msemmija fl-Artikolu 13(1), il-punt (b), il-fornituri ta’ pjattaformi online ta’ kiri għal żmien qasir għandhom jiġbru u kull xahar jittrażmettu lill-punt ta’ dħul diġitali uniku tal-Istat Membru fejn tinsab l-unità, id-data dwar l-attivitajiet għal kull unità, flimkien man-numru tar-reġistrazzjoni korrispondenti kif ipprovdut mill-ospitant , l-indirizz speċifiku tal-unità u l-URL tal-elenkar. Dik it-trażmissjoni għandha ssir permezz ta’ komunikazzjoni bejn magna u oħra.

2.   B’deroga mill-paragrafu 1, pjattaformi żgħar jew mikro online ta’ kiri għal żmien qasir li fit-trimestru preċedenti ma jkunux laħqu medja ta’ 4 250 elenkar jew aktar kull xahar għandhom jittrażmettu d-data dwar l-attivitajiet ta’ kull unità, flimkien man-numru tar-reġistrazzjoni korrispondenti, l-indirizz speċifiku tal-unità u l-URL tal-elenkar, fi tmiem it-trimestru, permezz ta’ komunikazzjoni bejn magna u oħra jew inkella b’mod manwali f’konformità mal-liġi nazzjonali, lill-punt ta’ dħul diġitali uniku tal-Istat Membru fejn tinsab l-unità.

3.   Il-pjattaformi online ta’ kiri għal żmien qasir għandhom, abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-ospitanti, jiżguraw li s-settijiet ta’ data li jittrażmettu lill-awtoritajiet kompetenti skont dan l-Artikolu jkunu kompluti u akkurati.

Artikolu 10

Stabbiliment u funzjonalitajiet tal-punti ta’ dħul diġitali uniċi

1.   Meta Stat Membru jkun stabbilixxa proċedura jew proċeduri ta’ reġistrazzjoni skont l-Artikolu 4(1), dak l-Istat Membru għandu jistabbilixxi punt ta’ dħul diġitali uniku biex jiġu riċevuti u jintbagħtu d-data dwar l-attivitajiet, in-numru tar-reġistrazzjoni rilevanti, l-indirizz speċifiku tal-unità u l-URLs tal-elenkar ipprovduti mill-pjattaformi online ta’ kiri għal żmien qasir skont l-Artikolu 9. Dak l-Istat Membru għandu jaħtar l-awtorità li tkun responsabbli għat-tħaddim tal-punt ta’ dħul diġitali uniku.

2.   Il-punt ta’ dħul diġitali uniku msemmi fil-paragrafu 1 għandu:

(a)

jipprovdi interfaċċa teknika għall-pjattaformi online ta’ kiri għal żmien qasir li tippermetti t-trażmissjoni bejn magna u oħra u manwali tad-data dwar l-attivitajiet, tan-numru tar-reġistrazzjoni rilevanti u tal-URLs tal-elenkar, li, sabiex tiġi żgurata l-interoperabbiltà, trid tiġi implimentata bl-użu ta’ interfaċċa għall-programmi tal-applikazzjonijiet li tkun ibbażata fuq rekwiżiti tekniċi definiti mill-Kummissjoni;

(b)

jiffaċilita l-kontrolli aleatorji mill-pjattaformi online ta’ kiri għal żmien qasir skont l-Artikolu 7(1), il-punt (c);

(c)

jipprovdi interfaċċa teknika biex l-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikolu 12 jirċievu d-data dwar l-attivitajiet, in-numru tar-reġistrazzjoni rilevanti, l-indirizz speċifiku tal-unità u l-URLs tal-elenkar, trażmessi mill-pjattaformi online ta’ kiri għal żmien qasir, għall-finijiet elenkati fl-Artikolu 12(2) biss, rigward l-unitajiet fit-territorju tagħhom;

(d)

jiffaċilita l-kondiviżjoni tal-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 13.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-punt ta’ dħul diġitali uniku msemmi fil-paragrafu 1 jipprevedi:

(a)

interoperabbiltà mar-reġistri msemmija fl-Artikolu 4(5);

(b)

bażi ta’ data online jew interfaċċa online aċċessibbli liberament u li tinqara minn magna għall-kontrolli msemmija fl-Artikolu 7(1), il-punt (c), u għall-valutazzjoni msemmija fl-Artikolu 8;

(c)

il-possibbiltà li l-informazzjoni jew id-dokumentazzjoni li trid tiġi pprovduta mill-ospitanti terġa’ tintuża skont l-Artikolu 5, jekk l-istess informazzjoni jew dokumentazzjoni tintalab minn diversi reġistri msemmija fl-Artikolu 4(5) fl-istess Stat Membru;

(d)

il-kunfidenzjalità, l-integrità u s-sigurtà tal-ipproċessar tad-data dwar l-attivitajiet, in-numri tar-reġistrazzjoni, l-indirizzi speċifiċi tal-unità, u l-URLs tal-elenkar trażmessi mill-pjattaformi online ta’ kiri għal żmien qasir f’konformità mal-Artikolu 9.

4.   Il-Punt ta’ dħul diġitali uniku msemmi fil-paragrafu 1 għandu jiżgura l-ipproċessar awtomatiku, intermedju u temporanju tad-data personali li tkun strettament meħtieġa biex l-awtoritajiet imsemmija fl-Artikolu 12 jingħataw aċċess għad-data dwar l-attivitajiet, in-numri tar-reġistrazzjoni, l-indirizzi speċifiċi tal-unità u l-URLs tal-elenkar ipprovduti mill-pjattaformi online ta’ kiri għal żmien qasir.

5.   Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu speċifikazzjonijiet u proċeduri tekniċi komuni biex tiżgura l-interoperabbiltà tas-soluzzjonijiet għall-funzjonament tal-punti ta’ dħul diġitali uniċi u l-iskambju bla xkiel tad-data, inkluż speċifikazzjonijiet komuni biex tiġi stabbilita struttura standardizzata tan-numri tar-reġistrazzjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 16(2).

Artikolu 11

Koordinazzjoni tal-punti ta’ dħul diġitali uniċi

1.   Kull Stat Membru għandu jaħtar koordinatur nazzjonali. Dawk il-koordinaturi nazzjonali għandhom jaġixxu bħala punti ta’ kuntatt għall-amministrazzjonijiet rispettivi tagħhom għall-kwistjonijiet kollha relatati mal-punt ta’ dħul diġitali uniku.

Il-koordinatur nazzjonali għal kull Stat Membru għandu jkun responsabbli għall-kuntatti mal-Kummissjoni fir-rigward tal-kwistjonijiet kollha relatati mal-punt ta’ dħul diġitali uniku. Kull Stat Membru għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni bl-isem u bid-dettalji ta’ kuntatt tal-koordinatur nazzjonali tiegħu. Il-Kummissjoni għandha żżomm u tmantni lista tal-koordinaturi nazzjonali u d-dettalji ta’ kuntatt tagħhom.

2.   B’dan huwa stabbilit il-grupp ta’ koordinazzjoni tal-punti ta’ dħul diġitali uniċi (“il-grupp ta’ koordinazzjoni”). Il-grupp ta’ koordinazzjoni għandu jkun magħmul mill-koordinatur nazzjonali minn kull Stat Membru u għandu jkun presedut mill-Kummissjoni. Il-grupp ta’ koordinazzjoni għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu. Il-Kummissjoni għandha tappoġġa l-funzjonament tal-grupp ta’ koordinazzjoni. Il-grupp ta’ koordinazzjoni jista’, fejn xieraq, jikkonsulta lill-partijiet ikkonċernati rilevanti fir-rigward ta’ punti speċifiċi, inkluż il-format armonizzat tal-kondiviżjoni tad-data.

3.   Il-grupp ta’ koordinazzjoni għandu jappoġġa l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament li jikkonċernaw il-punti ta’ dħul diġitali uniċi. B’mod partikolari, il-grupp ta’ koordinazzjoni għandu jwettaq il-kompiti li ġejjin:

(a)

jiffaċilita l-iskambju tal-aħjar prattiki fi kwistjonijiet relatati mal-koordinazzjoni tal-implimentazzjoni fil-livell nazzjonali, b’mod partikolari fir-rigward tad-dispożizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 10;

(b)

jgħin lill-Kummissjoni fil-promozzjoni tal-użu ta’ soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà għall-funzjonament tal-punti ta’ dħul diġitali uniċi, l-iskambju tad-data, u l-kontrolli awtomatizzati, inkluż kontrolli tal-elenkar u tan-numri tar-reġistrazzjoni kollha;

(c)

jgħin lill-Kummissjoni fl-iżvilupp ta’ approċċ komuni għall-format tal-messaġġi għat-trażmissjoni tad-data dwar l-attivitajiet u n-numri tar-reġistrazzjoni u, jekk ikun xieraq, ta’ struttura komuni tan-numri tar-reġistrazzjoni.

Artikolu 12

Aċċess għad-data

1.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu lista tal-awtoritajiet kompetenti responsabbli għaż-żoni fejn tapplika proċedura ta’ reġistrazzjoni skont l-Artikolu 4.

2.   L-aċċess għall-informazzjoni trażmessa skont l-Artikolu 9 għandu jingħata lill-awtorità kompetenti biss meta l-iskop intenzjonat tal-ipproċessar ikun wieħed minn dawn li ġejjin:

(a)

il-monitoraġġ tal-konformità mal-proċeduri ta’ reġistrazzjoni msemmija fl-Artikolu 4;

(b)

l-implimentazzjoni ta’, u l-iżgurar tal-konformità ma’, ir-regoli li jirregolaw l-aċċess għal servizzi ta’ kiri ta’ akkomodazzjoni għal żmien qasir u l-forniment tagħhom f’konformità mal-liġi tal-Unjoni.

3.   L-awtoritajiet kompetenti elenkati skont il-paragrafu 1 għandhom iżommu d-data dwar l-attivitajiet b’mod sigur sakemm ikun meħtieġ għall-finijiet imsemmija fil-paragrafu 2 u mhux aktar minn 18-il xahar wara li jirċevuha. Dawk l-awtoritajiet kompetenti jistgħu, f’konformità mal-liġijiet tal-Istat Membru kkonċernat, jikkondividu d-data dwar l-attivitajiet mingħajr kwalunkwe data li tista’ tidentifika lil unitajiet jew lil ospitanti individwali, inkluż in-numri tar-reġistrazzjoni u l-URLs tal-elenkar u l-informazzjoni rilevanti trażmessi skont l-Artikolu 5(1)(a), il-punti (i) sa (iv), b’mod partikolari ma’ dawn li ġejjin:

(a)

l-awtoritajiet inkarigati mill-iżvilupp ta’ liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi dwar l-aċċess għal servizzi ta’ kiri ta’ akkomodazzjoni għal żmien qasir u l-forniment tagħhom;

(b)

entitajiet jew persuni li jwettqu riċerka xjentifika, attivitajiet analitiċi jew li jiżviluppaw mudelli ta’ negozju ġodda, meta dan ikun neċessarju għall-finijiet ta’ dawk l-attivitajiet.

Minkejja dan, li dawk l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jikkondividu mal-awtoritajiet imsemmija fil punt (a) l-informazzjoni li tinsab fl-Artikolu 5(1)(a), il-punti (i) sa (iv), f’konformità mal-liġijiet tal-Istat Membru u soġġetti għal salvagwardji xierqa għall-protezzjoni tad-data, inkluż, fejn applikabbli, l-Artikolu 6(4) tar-Regolament (UE) 2016/679.

4.   L-Istati Membri għandhom jaħtru l-entità nazzjonali responsabbli biex tittrażmetti, għal kull unità, id-data dwar l-attivitajiet u n-numru tar-reġistrazzjoni miksuba skont l-Artikoli 5 u 9, il-muniċipalità fejn tinsab l-unità u l-għadd massimu ta’ sodod disponibbli li l-unità takkomoda, kull xahar, lill-uffiċċji tal-istatistika nazzjonali u, fejn rilevanti, reġjonali u tagħmel tali data disponibbli għall-Eurostat għall-fini ta’ kompilazzjoni tal-istatistika f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (23). L-aċċess għall dik id-data mill-uffiċċji tal-istatistika nazzjonali jew reġjonali għandu jkun soġġett għal salvagwardji xierqa għall-protezzjoni tad-data.

KAPITOLU IV

INFORMAZZJONI, MONITORAĠĠ U INFURZAR

Artikolu 13

Obbligi ta’ informazzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom ifasslu, jagħmlu disponibbli permezz tal-punt ta’ dħul diġitali uniku u jaġġornaw regolarment il-listi li ġejjin:

(a)

il-lista taż-żoni fejn tapplika proċedura ta’ reġistrazzjoni fit-territorju tagħhom, għall-finijiet tal-Artikolu 7(1), il-punt (c), u l-Artikolu 8;

(b)

il-lista taż-żoni li għalihom l-awtoritajiet kompetenti jkunu talbu data mingħand il-fornituri ta’ pjattaformi online ta’ kiri għal żmien qasir, għall-finijiet tal-Artikolu 9(1).

2.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jippromwovu sensibilizzazzjoni dwar id-drittijiet u l-obbligi skont dan ir-Regolament fit-territorji rispettivi tagħhom.

3.   L-Istati Membri għandhom ukoll jippubblikaw, mingħajr ħlas, il-listi msemmija fil-paragrafu 1.

Artikolu 14

Monitoraġġ

Kull Stat Membru għandu jaħtar awtorità li tkun responsabbli għall-monitoraġġtal-implimentazzjoni tal-obbligi stabbiliti f’dan ir-Regolament fit-territorju tagħhom. Dik l-awtorità għandha tirrapporta lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni ta’ dawk l-obbligi kull sentejn.

Artikolu 15

Infurzar

1.   Għall-finijiet tal-infurzar tal-Artikolu 7(1) u l-Artikolu 8 ta’ dan ir-Regolament, għandu japplika l-Kapitolu IV tar-Regolament (UE) 2022/2065, u kwalunkwe referenza fih għall-konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (UE) 2022/2065 għandha titqies bħala li tinkludi l-Artikolu 7(1) u l-Artikolu 8 ta’ dan ir-Regolament. Sa fejn jingħataw setgħat lill-Kummissjoni skont il-Kapitolu IV tar-Regolament (UE) 2022/2065, dawk is-setgħat għandhom ikopru wkoll l-applikazzjoni tal-Artikolu 7(1) u l-Artikolu 8 ta’ dan ir-Regolament.

2.   L-awtoritajiet maħturin mill-Istat Membru tal-punt ta’ dħul diġitali uniku rilevanti għandhom ikunu kompetenti sabiex jinfurzaw l-Artikolu 6, l-Artikolu 7(2) u (3) u l-Artikolu 9 ta’ dan ir-Regolament.

3.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dwar il-penali applikabbli għall-ksur tal-Artikoli 6, 7(2), 7(3) u 9 minn pjattaformi online ta’ kiri għal żmien qasir u, fejn xieraq mill-ospitanti. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawk il-penali jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

4.   L-Istati Membri għandhom sas-20 ta’ Mejju 2026, jadottaw u jippubblikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw mal-paragrafu 3 u għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni b’dan mingħajr dewmien.

KAPITOLU V

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 16

Kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tiġi megħjuna minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 17

Emendi għar-Regolament (UE) 2018/1724

Ir-Regolament (UE) 2018/1724 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Anness I, fit-tieni kolonna, fir-ringiela “N. Servizzi”, jiżdied il-punt li ġej:

“4.

informazzjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-forniment ta’ servizzi ta’ kiri ta’ akkomodazzjoni għal żmien qasir, inkluż il-listi msemmija fl-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) 2024/1028 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1)

(*1)  Ir-Regolament (UE) 2024/1028 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ April 2024 dwar il-ġbir u l-kondiviżjoni ta’ data b’rabta mas-servizzi ta’ kiri ta’ akkomodazzjoni għal żmien qasir u li jemenda r-Regolament (UE) 2018/1724 (ĠU L, 2024/1028, 29.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1028/oj).” "

(2)

l-Anness II huwa emendat kif ġej:

(a)

fit-tieni kolonna, fir-ringiela“Il-bidu, it-tmexxija u l-għeluq ta’ negozju”, dan li ġej jiżdied bħala ringiela ġdida:

“Dikjarazzjonijiet mill-ospitanti għall-proċeduri ta’ reġistrazzjoni b’rabta mas-servizzi ta’ kiri ta’ akkomodazzjoni għal żmien qasir;”;

(b)

fit-tielet kolonna, fir-ringiela “‘Il-bidu, it-tmexxija u l-għeluq ta’ negozju”, dan li ġej jiżdied bħala ringiela ġdida:

“Il-ħruġ ta’ numru tar-reġistrazzjoni”.

Artikolu 18

Evalwazzjoni u rieżami

1.   Mhux aktar tard mis-20 ta’ Mejju 2031, il-Kummissjoni għandha tevalwa dan ir-Regolament u tissottometti rapport dwar is-sejbiet ewlenin tagħha lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni. Dak ir-rapport għandu jkun ibbażat fuq ir-rapport ippreżentat mill-Istati Membri skont l-Artikolu 14 u, fejn rilevanti, id-data trażmessa lill-Eurostat f’konformità mal-Artikolu 12(4).

2.   L-evalwazzjoni magħmula skont il-paragrafu 1 għandha tivvaluta b’mod partikolari:

(a)

l-impatt ta’ dan ir-Regolament fuq l-obbligi imposti fuq pjattaformi online ta’ kiri għal żmien qasir;

(b)

l-impatt ta’ dan ir-Regolament fuq id-disponibbiltà ta’ data relatata mal-forniment mill-ospitanti ta’ servizzi ta’ kiri ta’ akkomodazzjoni għal żmien qasir offruti fl-Unjoni permezz ta’ pjattaformi online ta’ kiri għal żmien qasir;

(c)

il-punt sa fejn il-pjattaformi online ta’ kiri għal żmien qasir jikkonformaw mal-obbligi stabbiliti skont dan ir-Regolament, filwaqt li jitqies ir-rappurtar mill-awtoritajiet kompetenti;

(d)

sa fejn ikun possibbli, l-impatt ta’ dan ir-Regolament fuq il-kontenut, l-infurzar u l-proporzjonalità tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolatorji jew amministrattivi nazzjonali relatati mal-aċċess għal servizzi ta’ kiri ta’ akkomodazzjoni għal żmien qasir u mal-forniment tagħhom;

(e)

sa fejn ikun possibbli, l-impatt ta’ dan ir-Regolament fuq l-effettività tal-infurzar u l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti fil-livell transfruntier, fejn is-servizzi ta’ kiri ta’ akkomodazzjoni għal żmien qasir jiġu pprovduti fuq bażi transfruntier; u

(f)

il-ħtieġa li jiġi stabbilit punt ta’ dħul diġitali uniku ċentralizzat fil-livell tal-Unjoni sabiex tiġi prevista interfaċċa unika għal pjattaformi online ta’ kiri għal żmien qasir u tiġi ffaċilitata l-kondiviżjoni tad-data dwar l-attivitajiet.

Artikolu 19

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mis-20 ta’ Mejju 2026.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ April 2024.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

R. METSOLA

Għall-Kunsill

Il-President

V. DE BUE


(1)   ĠU C 146, 27.4.2023, p. 29.

(2)   ĠU C 188, 30.5.2023, p. 19.

(3)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta’ Frar 2024 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-18 ta’ Marzu 2024.

(4)  Id-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU L 376, 27.12.2006, p. 36).

(5)  Ir-Regolament (UE) 2022/2065 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Ottubru 2022 dwar Suq Uniku għas-Servizzi Diġitali u li jemenda d-Direttiva 2000/31/KE (l-Att dwar is-Servizzi Diġitali), (ĠU L 277, 27.10.2022, p. 1).

(6)  Ir-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal tranżazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern u li jħassar id-Direttiva 1999/93/KE (ĠU L 257, 28.8.2014, p. 73).

(7)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(8)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Mejju 2003 li tikkonċerna d-definizzjoni ta’ intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju (notifikat bid-dokument (C(2003) 1422) (2003/361/KE) (ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36).

(9)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(10)  Ir-Regolament (UE) Nru 692/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Lulju 2011 dwar l-istatistika Ewropea dwar it-turiżmu u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 95/57/KE (ĠU L 192, 22.7.2011, p. 17).

(11)  Id-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (“Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku”) (ĠU L 178, 17.7.2000, p. 1).

(12)  Ir-Regolament (UE) 2018/1724 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta’ Ottubru 2018 li jistabbilixxi gateway diġitali unika li tipprovdi aċċess għal informazzjoni, għal proċeduri u għas-servizzi ta’ assistenza u ta’ soluzzjoni tal-problemi u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 1).

(13)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1463 tal-5 ta’ Awwissu 2022 li jistabbilixxi speċifikazzjonijiet tekniċi u operazzjonali tas-sistema teknika għall-iskambju awtomatizzat transfruntier tal-evidenza u l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ “darba biss” f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1724 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill C/2022/5628 (ĠU L 231, 6.9.2022, p. 1).

(14)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE, (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).

(15)   ĠU C 60, 17.2.2023, p. 14.

(16)  Ir-Regolament (UE) 2019/1150 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar il-promozzjoni tal-korrettezza u tat-trasparenza għall-utenti kummerċjali tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online (ĠU L 186, 11.7.2019, p. 57).

(17)  Ir-Regolament (UE) 2022/1925 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Settembru 2022 dwar swieq kontestabbli u ġusti fis-settur diġitali u li jemenda d-Direttivi (UE) 2019/1937 u (UE) 2020/1828 (ĠU L 265, 12.10.2022, p. 1).

(18)  Id-Direttiva (UE) 2015/1535 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Settembru 2015 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tar-regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika (ĠU L 241, 17.9.2015, p. 1).

(19)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2010/24/UE tas-16 ta’ Marzu 2010 dwar l-assistenza reċiproka għall-irkupru ta’ talbiet relatati ma’ taxxi, dazji u miżuri oħra, (ĠU L 84, 31.3.2010, p. 1).

(20)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE tal-15 ta’ Frar 2011 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni u li tħassar id-Direttiva 77/799/KEE (ĠU L 64, 11.3.2011, p. 1).

(21)  Ir-Regolament (KE) Nru 1893/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-klassifikazzjoni tal-istatistika ta’ attivitajiet ekonomiċi tan-NACE Reviżjoni 2 u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3037/90 kif ukoll ċerti Regolamenti tal-KE dwar setturi speċifiċi tal-istatistika (ĠU L 393, 30.12.2006, p. 1).

(22)  Ir-Regolament (KE) Nru 1059/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Mejju 2003 dwar l-istabbiliment ta’ klassifikazzjoni komuni ta’ unitajiet territorjali għall-istatistika (NUTS) (ĠU L 154, 21.6.2003, p. 1).

(23)  Ir-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2009 dwar l-Istatistika Ewropea u li jħassar ir-Regolament (Euratom, KE) Nru 1101/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-trażmissjoni ta’ data suġġetta għall-kunfidenzjalità statistika lill-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 322/97 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 89/382/KEE, Euratom li tistabbilixxi Kumitat dwar il-Programmi tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 87, 31.3.2009, p. 164).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1028/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)