European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/1018

2.4.2024

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2024/1018

tal-25 ta’ Marzu 2024

li tistieden lill-Istati Membri jirratifikaw il-Konvenzjoni dwar il-Vjolenza u l-Fastidju, 2019 (Nru 190) tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 153(2), flimkien mal--Artikolu 153(1), il-punt (a), l-Artikoli 157(3) u l-Artikolu 218(6), il-punt (a)(v) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew,

Billi:

(1)

Fl-2019, fil-108 sessjoni tagħha, il-Konferenza Internazzjonali dwar ix-Xogħol adottat il-Konvenzjoni Nru 190 tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) dwar l-eliminazzjoni tal-vjolenza u tal-fastidju fid-dinja tax-xogħol, 2019 li tista’ tiġi kkwotata bħala l-Konvenzjoni dwar il-Vjolenza u l-Fastidju, 2019 (il-“Konvenzjoni”).

(2)

L-Unjoni tippromwovi r-ratifika tal-konvenzjonijiet internazzjonali tax-xogħol li ġew ikklassifikati mill-ILO bħala aġġornati sabiex jiġi promoss xogħol deċenti għal kulħadd, għas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol u għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri, kif ukoll biex tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni.

(3)

Il-Konvenzjoni taqa’ fil-kompetenza kondiviża tal-Unjoni. Kemm ir-regoli rilevanti eżistenti tal-Unjoni kif ukoll id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni jistabbilixxu rekwiżiti minimi. Il-Konvenzjoni ma tirriskjax li taffettwa r-regoli eżistenti tal-Unjoni jew tbiddel il-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom.

(4)

Huwa meqjus xieraq li l-Unjoni teżerċita l-kompetenza tagħha fir-rigward ta’ dawk il-partijiet tal-Konvenzjoni li jikkonċernaw speċifikament it-titjib tal-ambjent tax-xogħol sabiex jiġu protetti s-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema u l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol, sa fejn l-Unjoni tkun adottat ir-regoli tagħha.

(5)

L-Unjoni ma tistax tirratifika l-Konvenzjoni, ladarba l-Istati biss jistgħu jkunu partijiet għaliha.

(6)

F’din is-sitwazzjoni, il-kompetenza esterna tal-Unjoni tista’ tiġi eżerċitata permezz tal-Istati Membri li jaġixxu ta’ intermedjarji.

(7)

L-Istati Membri kollha tal-UE appoġġaw l-objettivi tal-Konvenzjoni u kellhom rwol ewlieni għall-adozzjoni tagħha. Fil-korp tripartitiku li jipproponi l-adozzjoni tal-Konvenzjoni, l-ebda Stat Membru ma vvota kontra jew astjena.

(8)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jiġu mistiedna jirratifikaw dawk il-partijiet tal-Konvenzjoni li jikkonċernaw speċifikament it-titjib tal-ambjent tax-xogħol għall-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema u l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol, sa fejn l-Unjoni tkun adottat ir-regoli tagħha, f’konformità mal-proċeduri u l-prattiki nazzjonali u kostituzzjonali applikabbli u l-Artikolu 19(5) tal-ILO,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Istati Membri huma b’dan mistiedna jirratifikaw, għall-partijiet li jikkonċernaw speċifikament it-titjib tal-ambjent tax-xogħol għall-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema u l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol skont l-Artikolu 153(1), il-punt (a), l-Artikolu 153(2) u l-Artikolu 157(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-Konvenzjoni dwar il-Vjolenza u l-Fastidju, 2019, tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Marzu 2024.

Għall-Kunsill

Il-President

A. MARON


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/1018/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)