European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/1011

3.4.2024

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2024/1011

tal-25 ta’ Marzu 2024

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat GNSS UE/ASECNA stabbilit bil-Ftehim ta’ Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Aġenzija għas-Sigurtà tan-Navigazzjoni bl-Ajru fl-Afrika u f’Madagascar (ASECNA) dwar l-iżvilupp tar-radjunavigazzjoni bis-satellita u l-għoti ta’ servizzi relatati fil-qasam ta’ kompetenza tal-ASECNA għall-benefiċċju tal-avjazzjoni ċivili, fir-rigward tal-adozzjoni tar-regoli ta’ proċedura ta’ dak il-Kumitat

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 189, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Ftehim ta’ Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Aġenzija għas-Sigurtà tan-Navigazzjoni bl-Ajru fl-Afrika u f’Madagascar (ASECNA) dwar l-iżvilupp tar-radjunavigazzjoni bis-satellita u l-għoti ta’ servizzi assoċjati fil-qasam ta’ kompetenza tal-ASECNA għall-benefiċċju tal-avjazzjoni ċivili (1) (il-“Ftehim”) ġie konkluż skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1603 (2) u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Novembru 2018.

(2)

L-Artikolu 29 tal-Ftehim jistabbilixxi kumitat konġunt, imsejjaħ il-"Kumitat GNSS UE/ASECNA" (il-“Kumitat Konġunt"), u jipprevedi li l-Kumitat Konġunt għandu jistabbilixxi r-regoli ta’ proċedura tiegħu inkluż, fost dispożizzjonijiet oħra, l-arranġamenti biex jitlaqqgħu l-laqgħat, jinħatar il-president, jiġi definit il-mandat tal-president u l-kuntatti bejn il-partijiet.

(3)

Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Konġunt, fir-rigward tal-adozzjoni tar-regoli ta’ proċedura tal-Kumitat Konġunt, peress li d-deċiżjoni dwar l-adozzjoni tagħhom ser ikollha effetti legali fl-Unjoni.

(4)

Għalhekk jenħtieġ li l-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Kumitat Konġunt tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ Deċiżjoni mehmuż,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat tal-GNSS UE/ASECNA stabbilit bil-Ftehim ta’ Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Aġenzija għas-Sigurtà tan-Navigazzjoni bl-Ajru fl-Afrika u f’Madagascar (ASECNA) dwar l-iżvilupp tar-radjunavigazzjoni bis-satellita u l-għoti ta’ servizzi relatati fil-qasam ta’ kompetenza tal-ASECNA għall-benefiċċju tal-avjazzjoni ċivili (il-“Kumitat Konġunt”) fir-rigward tal-adozzjoni tar-regoli ta’ proċedura tal-Kumitat Konġunt għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ Deċiżjoni mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

2.   Ir-rappreżentanti tal-Unjoni fil-Kumitat Konġunt jistgħu jaċċettaw li jsiru emendi żgħar għall-abbozz ta’ Deċiżjoni mingħajr il-ħtieġa ta’ deċiżjoni ġdida tal-Kunsill.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Marzu 2024.

Għall-Kunsill

Il-President

A. MARON


(1)   ĠU L 268, 26.10.2018, p. 3.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1603 tat-18 ta’ Settembru 2018 dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni, tal-Ftehim ta' Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Aġenzija għas-Sigurtà tan-Navigazzjoni bl-Ajru fl-Afrika u f'Madagascar (ASECNA) dwar l-iżvilupp tar-radjunavigazzjoni bis-satellita u l-provvista ta' servizzi relatati fiż-żona ta' kompetenza tal-ASECNA għall-benefiċċju tal-avjazzjoni ċivili (ĠU L 268, 26.10.2018, p. 1).


ABBOZZ

DEĊIŻJONI Nru 1/2024 tal-KUMITAT GNSS UE/ASECNA

ta' …

li tadotta r-regoli ta' proċedura tiegħu

IL-KUMITAT GNSS UE/ASECNA,

Wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Aġenzija għas-Sigurtà tan-Navigazzjoni bl-Ajru fl-Afrika u f'Madagascar (ASECNA) dwar l-iżvilupp tar-radjunavigazzjoni bis-satellita u l-għoti ta' servizzi relatati fiż-żona ta' kompetenza tal-ASECNA għall-benefiċċju tal-avjazzjoni ċivili, u b'mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Billi:

(1)

Il-Ftehim ta’ Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Aġenzija għas-Sigurtà tan-Navigazzjoni bl-Ajru fl-Afrika u fil-Madagaskar (ASECNA) dwar l-iżvilupp tan-navigazzjoni bis-satellita u l-forniment ta’ servizzi assoċjati fil-qasam ta’ kompetenza tal-ASECNA għall-benefiċċju tal-avjazzjoni ċivili (1) (il-“Ftehim”) ġie ffirmat fi Brussell fil-5 ta' Diċembru 2016 u daħal fis-seħħ fl-1 ta' Novembru 2018.

(2)

F’konformità mal-Artikolu 29(2) tal-Ftehim, jenħtieġ li l-Kumitat GNSS/UE ASECNA (il-"Kumitat Konġunt") jistabbilixxi r-regoli ta' proċedura tiegħu.

(3)

F'konformità mal-Artikolu 29(4) tal-Ftehim, il-Kumitat Konġunt jista' jiddeċiedi li jifforma kwalunkwe grupp ta' ħidma jew grupp ta' esperti li jitqies adattat sabiex jassistuh fit-twettiq tal-kompiti tiegħu.

(4)

F'konformità mal-Artikolu 29(1) tal-Ftehim, il-Kumitat Konġunt għandu jkun magħmul minn rappreżentanti mill-ASECNA u minn rappreżentanti mill-Unjoni Ewropea,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Ir-regoli ta' proċedura tal-Kumitat Konġunt kif stabbilit fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni huma b'dan adottati.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul bil-Franċiż fi Brussell fi … 2024 u f'Dakar fi ... 2024.

Għall-Kumitat Konġunt

Il-President

Is-Segretarju għall-Unjoni Ewropea

Is-Segretarju għall-ASECNA


(1)   ĠU UE L 268, 26.10.2018, p. 3.


ANNESS

REGOLI TA' PROĊEDURA TAL-KUMITAT GNSS UE/ASECNA

Artikolu 1

Kamp ta' applikazzjoni

Dawn ir-regoli ta’ proċedura għandhom jistabbilixxu r-regoli ta’ tmexxija tal-Kumitat GNSS UE/ASECNA (il-"Kumitat Konġunt") stabbilit bl-Artikolu 29(1) tal-Ftehim ta' Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Aġenzija għas-Sigurtà tan-Navigazzjoni bl-Ajru fl-Afrika u f'Madagascar (ASECNA) dwar l-iżvilupp tar-radjunavigazzjoni bis-satellita u l-għoti ta’ servizzi relatati fiż-żona ta’ kompetenza tal-ASECNA għall-benefiċċju tal-avjazzjoni ċivili (il-“Ftehim”), iffirmat fil-5 ta' Diċembru 2016 fi Brussell, u li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Novembru 2018.

Artikolu 2

Kompożizzjoni tal-Kumitat Konġunt

1.   Il-Kumitat Konġunt għandu jkun magħmul, minn naħa waħda, għall-Unjoni Ewropea, minn rappreżentanti tal-Kummissjoni Ewropea ("il-Kummissjoni") u, min-naħa l-oħra, minn rappreżentanti tal-Aġenzija għas-Sigurtà tan-Navigazzjoni bl-Ajru fl-Afrika u f'Madagascar (ASECNA").

2.   Ir-rappreżentanti tal-partijiet jistgħu jkunu akkumpanjati minn persuni li jaġixxu f'isem il-partijiet minħabba l-kompetenza speċifika tagħhom.

Artikolu 3

Presidenza

1.   Kull parti għandu jkollha l-presidenza tal-Kumitat Konġunt b'mod alternat, għal perjodu ta' sena kalendarja.

2.   Il-presidenza għandha tinżamm mill-ASECNA matul is-sena kalendarja li fiha jidħol fis-seħħ il-Ftehim.

3.   Il-parti li jkollha l-presidenza għandha taħtar lill-president tal-Kumitat Konġunt u lill-viċi president.

4.   Il-president għandu jmexxi l-ħidma tal-Kumitat Konġunt.

Artikolu 4

Osservaturi

Bi ftehim komuni bejn il-partijiet, il-Kumitat Konġunt jista' jiddeċiedi li jistieden persuni fil-kapaċità tagħhom ta' esperti jew rappreżentanti ta' korpi oħra biex jattendu l-laqgħat tal-Kumitat Konġunt bħala osservaturi sabiex jipprovdu informazzjoni dwar suġġetti speċifiċi. Il-Kumitat Konġunt għandu jistabbilixxi t-termini u l-kundizzjonijiet li bihom l-osservaturi jkunu jistgħu jattendu għal-laqgħat. Il-persuni mistiedna mill-Kumitat Konġunt bħala esperti jew osservaturi ma għandhomx jikkontribwixxu għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet fil-laqgħat tal-Kumitat Konġunt.

Artikolu 5

Segretarjat

1.   Uffiċjal tal-Kummissjoni u uffiċjal tal-ASECNA għandhom jaġixxu b'mod konġunt bħala segretarji tal-Kumitat Konġunt.

2.   Is-segretarjat tal-Kumitat Konġunt għandu jkun responsabbli għall-komunikazzjoni bejn il-partijiet, inkluż it-trażmissjoni ta' dokumenti.

3.   Il-parti li jkollha l-presidenza għandha tkun responsabbli għall-kompiti segretarjali.

Artikolu 6

Laqgħat tal-Kumitat Konġunt

1.   Il-Kumitat Konġunt għandu jiltaqa' skont il-bżonn, fil-prinċipju darba fis-sena.

Wara konsultazzjonijiet mal-partijiet, il-president għandu jsejjaħ il-laqgħa tal-Kumitat Konġunt f'ħin u f'post miftiehma flimkien. Jekk il-partijiet jaqblu jistgħu jsiru wkoll awdjokonferenzi u vidjokonferenzi.

Il-president għandu jsejjaħ seduta speċjali tal-Kumitat Konġunt fuq talba l-Unjoni Ewropea jew l-ASECNA.

Il-Kumitat Konġunt għandu jiltaqa' fi żmien 15-il jum kalendarju minn meta ssir it-tali talba skont l-Artikolu 29(3) tal-Ftehim.

2.   Il-Kumitat Konġunt għandu jiltaqa' fi Brussell jew f'Dakar, skont liema parti jkollha l-presidenza, sakemm il-partijiet ma jiftehmux mod ieħor.

3.   Il-president għandu jibgħat l-avviż dwar is-sejħa tal-laqgħa, flimkien mal-abbozz tal-aġenda u d-dokumenti meħtieġa għal-laqgħa, lir-rappreżentanti tal-partijiet mill-inqas 21 jum kalendarju qabel il-laqgħa. Id-dokumenti għal-laqgħat imsejħa f'konformità mal-Artikolu 29(3) tal-Ftehim, għandhom jintbagħtu sa mhux iktar tard minn 7 ijiem kalendarji qabel il-laqgħa.

4.   Bi ftehim mal-partijiet, il-president jista' jqassar il-limiti ta' żmien stipulati fil-paragrafu 3 biex jitqiesu r-rekwiżiti ta' xi kwistjoni partikolari.

5.   Il-president għandu jiġi infurmat dwar il-kompożizzjoni tad-delegazzjoni ta' kull parti mill-inqas 7 ijiem kalendarji qabel kull laqgħa.

6.   Il-laqgħat tal-Kumitat Konġunt ma għandhomx ikunu pubbliċi sakemm il-partijiet ma jiddeċidux mod ieħor.

Artikolu 7

Aġenda

1.   Il-president, bl-għajnuna tas-segretarji, għandu jfassal l-aġenda proviżorja għal kull laqgħa.

2.   Kull parti tista' tipproponi li jiddaħħlu kwistjonijiet addizzjonali fl-aġenda. Din it-talba għandha tkun issostanzjata kif xieraq u tintbagħat bil-miktub lill-President mill-inqas 7 ijiem kalendarji qabel il-laqgħa.

3.   Il-Kumitat Konġunt għandu japprova l-aġenda fil-bidu tal-laqgħa.

Artikolu 8

Tmexxija tal-laqgħat

Il-president, bl-għajnuna tas-segretarji, għandu jiżgura l-applikazzjoni ta' dawn ir-regoli ta' proċedura, imexxi l-laqgħat u jidderieġi d-dibattiti filwaqt li jiżgura li d-dibattiti jkunu strutturati u ffukati fuq is-suġġett. Il-president jagħti l-kelma lill-kelliema skont l-ordni li fiha jkunu esprimew ix-xewqa tagħhom li jitkellmu u jista' jitlob lil kelliem biex jillimita l-kummenti tiegħu għall-kwistjoni li tkun qed tiġi diskussa.

Artikolu 9

Gruppi ta' ħidma tal-Kumitat Konġunt

1.   Il-kompożizzjoni u l-funzjonament tal-gruppi ta' ħidma jew tal-gruppi ta' esperti, li għandhom jiġu stabbiliti f'konformità mal-Artikolu 29(4) tal-Ftehim, għandhom jiġu miftiehma abbażi ta' mandat stabbilit mill-Kumitat Konġunt.

2.   Il-gruppi ta' ħidma jew il-gruppi ta' esperti għandhom japplikaw dawn ir-regoli ta' proċedura mutatis mutandis.

3.   Il-gruppi ta' ħidma jew il-gruppi ta' esperti għandhom jaħdmu taħt l-awtorità tal-Kumitat Konġunt u jibagħtulu rapport wara kull laqgħa li jkollhom. Dawn mhumiex awtorizzati li jieħdu deċiżjonijiet, iżda jistgħu jressqu rakkomandazzjonijiet għall-attenzjoni tal-Kumitat Konġunt.

4.   Il-Kumitat Konġunt jista' jiddeċiedi li jemenda jew li jtemm il-mandat tal-gruppi ta' ħidma jew tal-gruppi ta' esperti.

Artikolu 10

Deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.   Il-Kumitat Konġunt għandu jieħu d-deċiżjonijiet u jfassal ir-rakkomandazzjonijiet permezz ta' ftehim komuni bejn il-partijiet, f'konformità mal-Ftehim. It-titoli tad-deċiżjonijiet u tar-rakkomandazzjonijiet għandhom jinkludu l-kelma "Deċiżjoni" jew "Rakkomandazzjoni", skont il-każ, segwit b'numru ta' sekwenza, id-data tal-adozzjoni u referenza għas-suġġett tagħhom.

2.   Id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat Konġunt għandhom jiġu ffirmati mill-president u mis-segretarji u jitqassmu lill-partijiet.

3.   Dment li jiġu osservati r-regoli dwar il-kunfidenzjalità stabbiliti fl-Artikolu 12, kwalunkwe parti tista' tiddeċiedi li tippubblika d-deċiżjoni jew ir-rakkomandazzjoni adottata mill-Kumitat Konġunt skont ir-regoli tagħha stess. Il-partijiet għandhom jinfurmaw lil xulxin bl-intenzjoni tagħhom li jippubblikaw deċiżjoni jew rakkomandazzjoni.

4.   Il-Kumitat Konġunt jista' jadotta d-deċiżjonijiet jew ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu permezz ta' proċedura bil-miktub jekk il-partijiet jaqblu li jsir hekk. Il-proċedura bil-miktub għandha tikkonsisti minn skambju ta' noti bejn is-segretarji, li jaġixxu bi qbil mal-partijiet. Għal dak il-għan, it-test tad-deċiżjoni jew tar-rakkomandazzjoni proposta għandu jintbagħat lill-partijiet skont l-Artikolu 5, għall-adozzjoni fi żmien 21 jum kalendarju li fih għandha tiġi mgħarrfa kwalunkwe riżerva jew talba għal emenda., il-president jista' jqassar il-limitu taż-żmien, bi qbil mal-partijiet, sabiex jieħu kont ta’ ċirkostanzi speċjali. Ladarba jiġi miftiehem it-test, id-deċiżjoni jew ir-rakkomandazzjoni għandha tiġi ffirmata mill-president u mis-segretarji.

Artikolu 11

Minuti

1.   Is-segretarjat għandu jħejji l-abbozz tal-minuti ta' kull laqgħa fi żmien 21 jum kalendarju minn dik il-laqgħa. L-abbozz tal-minuti għandu jindika d-deċiżjonijiet li jkunu ttieħdu u r-rakkomandazzjonijiet li jkunu tħejjew.

2.   L-abbozz tal-minuti għandu jitressaq għall-approvazzjoni tal-Kumitat Konġunt permezz ta' proċedura bil-miktub jew fil-laqgħa sussegwenti tal-Kumitat Konġunt. Ladarba jiġu adottati mill-Kumitat Konġunt, il-minuti għandhom ikunu ffirmati mill-president u mis-segretarji.

Artikolu 12

Kunfidenzjalità

Meta parti tressaq lill-Kumitat Konġunt informazzjoni li tkun indikata bħala klassifikata jew sensittiva, il-parti l-oħra għandha tittratta din l-informazzjoni bħala tali. Il-partijiet għandhom jiskambjaw informazzjoni klassifikata biss jekk ikunu kkonkludew ftehim dwar dan. Huma għandhom jagħmlu kull sforz sabiex jistabbilixxu qafas ġuridiku komplut u koerenti li jippermetti l-konklużjoni ta' ftehim bħal dan.

Artikolu 13

Spejjeż

1.   Kull parti għandha tħallas kwalunkwe spiża li ġġarrab marbuta mal-parteċipazzjoni tagħha fil-laqgħat tal-Kumitat Konġunt u tal-gruppi ta' ħidma jew tal-gruppi ta' esperti.

2.   Il-Kumitat Konġunt għandu jaqbel dwar il-qsim tal-ispejjeż għal kwalunkwe missjoni assenjata lill-esperti.

3.   L-ispejjeż marbuta mal-organizzazzjoni tal-laqgħat u mar-riproduzzjoni tad-dokumenti għandhom jitħallsu mill-parti li tkun qiegħda torganizza l-laqgħa.

Artikolu 14

Korrispondenza

Il-korrispondenza kollha indirizzata lill-president tal-Kumitat Konġunt jew mibgħuta minnu għandha tintbagħat lis-segretarjat tal-Kumitat Konġunt.

Artikolu 15

Emendar tar-regoli ta' proċedura

Dawn ir-regoli ta' proċedura jistgħu jiġu emendati b'deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt meħuda f'konformità mal-Artikolu 10 tiegħu.

Artikolu 16

Dħul fis-seħħ

Dawn ir-regoli ta' proċedura għandhom jidħlu fis-seħħ fid-data tal-iffirmar tagħhom.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/1011/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)