European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/1000

4.4.2024

DEĊIŻJONI TAL-AWTORITÀ TA’ SORVELJANZA TAL-EFTA Nru 185/23/COL

tat-13 ta’ Diċembru 2023

dwar ċerta għajnuna mill-Istat mogħtija bl-iskema Catapult (In-Norveġja) [2024/1000]

L-AWTORITÀ TA’ SORVELJANZA TAL-EFTA (“L-ESA”),

Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-Ftehim ŻEE”), b’mod partikolari l-Artikoli 61 u 62,

Wara li kkunsidrat il-Protokoll 26 tal-Ftehim ŻEE,

Wara li kkunsidrat il-Ftehim bejn l-Istati tal-EFTA dwar l-Istabbiliment ta’ Awtorità ta’ Sorveljanza u ta’ Qorti tal-Ġustizzja (“il-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti”), b’mod partikolari l-Artikolu 24,

Wara li kkunsidrat l-SCA skont il-Protokoll 3 tal-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti (il-“Protokoll 3”), b’mod partikolari l-Artikoli 7(5) u 14 tal-Parti II, u

wara li stiednet lill-partijiet interessati jressqu l-kummenti tagħhom (1) u wara li kkunsidrat il-kummenti tagħhom,

Billi:

I.   FATTI

1.   Proċedura

(1)

B’ittra datata s-7 ta’ Novembru 2017, l-awtoritajiet Norveġiżi ppreżentaw lill-ESA l-informazzjoni fil-qosor dwar l-iskema Catapult (“l-Iskema”) (2). Skont l-awtoritajiet Norveġiżi, l-Iskema kienet konformi mar-Regolament Ġenerali ta’ Eżenzjoni ta’ Kategorija (“il-GBER”) (3), u l-informazzjoni fil-qosor ġiet ippreżentata skont l-Artikolu 11(1) ta’ dak ir-Regolament. B’ittra datata l-4 ta’ Diċembru 2020, l-awtoritajiet Norveġiżi ppreżentaw l-informazzjoni fil-qosor dwar l-estensjoni tal-Iskema (4).

(2)

F’konformità mal-Kapitolu II tal-GBER, l-ESA timmonitorja l-miżuri ta’ għajnuna kkunsidrati mill-Istati tal-EFTA taż-ŻEE (5) biex jikkonformaw mal-GBER. Matul iċ-ċiklu ta’ monitoraġġ tagħha tal-2018, l-ESA vvalutat l-għajnuna mogħtija bl-Iskema (6). Bħala parti mill-eżerċizzju ta’ monitoraġġ, l-ESA rrakkomandat li (7) l-awtoritajiet Norveġiżi jirkupraw l-ammonti ta’ għajnuna ta’ hawn taħt mill-benefiċjarji li ġejjin (“ir-Rakkomandazzjoni ta’ Rkupru”):

Future Materials: NOK 58,8 miljun.

Manufacturing Technology: NOK 42,9 miljun.

Sustainable Energy: NOK 57,4 miljun.

Ocean Innovation: NOK 18,5-il miljun.

Digicat: NOK 21,9 miljun.

(3)

Wara li l-awtoritajiet Norveġiżi infurmaw lill-ESA bid-deċiżjoni tagħhom li ma jsegwux ir-Rakkomandazzjoni ta’ Rkupru, it-tim ta’ monitoraġġ tal-ESA għalaq il-każ ta’ monitoraġġ b’rakkomandazzjoni għall-ESA biex tiftaħ investigazzjoni formali (8).

(4)

Permezz tad-Deċiżjoni Nru 173/22/COL (“id-Deċiżjoni tal-Ftuħ”) (9), l-ESA bdiet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Il-proċedura qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ hija deskritta fit-Taqsima 2 tagħha.

(5)

Id-Deċiżjoni tal-Ftuħ indirizzat ċerti għotjiet ta’ għajnuna individwali mogħtija bl-Iskema bħala għajnuna għall-investiment għal assi tanġibbli skont l-Artikolu 27 tal-GBER (10). Dawn l-għotjiet ta’ għajnuna ġew identifikati fit-Taqsimiet 3.2 sa 3.6 tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ (“l-Għotjiet ta’ Għajnuna Individwali”) (11).

(6)

Fil-paragrafu 149 tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ, l-ESA stiednet lill-awtoritajiet Norveġiżi jissottomettu l-kummenti tagħhom sas-6 ta’ Ottubru 2022. L-ESA ppubblikat ukoll sommarju sinifikattiv tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ u stiednet lill-partijiet interessati biex jissottomettu kummenti fi żmien xahar mid-data tal-pubblikazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-UE u fis-Suppliment taż-ŻEE tiegħu (12).

(7)

Permezz ta’ ittra datata l-5 ta’ Diċembru 2022, wara li l-estensjonijiet tal-iskadenza ġew approvati mill-ESA (13), l-awtoritajiet Norveġiżi ssottomettew kummenti għad-Deċiżjoni tal-Ftuħ flimkien mal-annessi (14). L-ebda parti interessata oħra ma ssottomettiet kummenti lill-ESA.

(8)

Permezz ta’ ittra datata l-24 ta’ Mejju 2023, l-ESA talbet informazzjoni addizzjonali mingħand l-awtoritajiet Norveġiżi (15). Permezz ta’ ittra datata s-6 ta’ Lulju 2023, l-awtoritajiet Norveġiżi ssottomettew l-informazzjoni addizzjonali (16).

(9)

Fid-29 ta’ Novembru 2023, l-ESA talbet informazzjoni addizzjonali mingħand l-awtoritajiet Norveġiżi (17). Permezz ta’ ittra li waslet fl-4 ta’ Diċembru 2023, l-awtoritajiet Norveġiżi ssottomettew informazzjoni addizzjonali (18). L-ESA talbet ukoll informazzjoni addizzjonali fl-1 ta’ Diċembru 2023 (19), li l-awtoritajiet Norveġiżi ssottomettew fis-6 ta’ Diċembru 2023 (20). Fit-8 ta’ Diċembru 2023, l-awtoritajiet Norveġiżi ssottomettew kjarifika addizzjonali (21).

2.   Deskrizzjoni tal-iskema

2.1.    Informazzjoni ġenerali

(10)

Kif spjegat mill-awtoritajiet Norveġiżi, l-Iskema tirriżulta minn ħtieġa identifikata qabel għal strument biex tiġi ffinanzjata l-infrastruttura għall-iżvilupp u l-innovazzjoni (22).

(11)

F’rapport tal-2015, Siva SF, Innovation Norway u l-Kunsill tar-Riċerka tan-Norveġja pproponew il-programm il-ġdid “Norwegian Catapult”, li jkopri ħtieġa akbar biex jiġu ttestjati, simulati u viżwalizzati teknoloġija, komponenti, prodotti, servizzi, proċessi u soluzzjonijiet (23).

(12)

F’white paper tal-2017 (24), il-Gvern Norveġiż innota l-importanza tal-kapaċità ta’ ttestjar qabel l-investiment, b’enfasi speċjali fuq l-SMEs (25).

(13)

Fl-20 ta’ Diċembru 2016, il-Parlament Norveġiż adotta Riżoluzzjoni dwar il-proposta għall-baġit tal-Gvern tal-2017 (26). Il-proposta għall-baġit tal-2017 talbet lil Siva SF tistabbilixxi skema għall-appoġġ ta’ investimenti f’faċilitajiet ta’ ttestjar u dimostrazzjoni u proġetti ta’ kollaborazzjoni (27).

(14)

Permezz tal-Ittra tal-Inkarigu tal-2017, il-Ministeru għan-Negozju u s-Sajd (“il-Ministeru”) ta struzzjonijiet lil Siva SF biex tistabbilixxi skema ta’ għajnuna li tappoġġa investimenti f’ċentri catapult, li diversi kumpaniji u possibbilment atturi tal-R&Ż jistgħu jużaw fuq bażi kondiviża biex jippromwovu proġetti kollaborattivi b’kostijiet għoljin ta’ investiment (28).

(15)

Siva SF (“Siva”) (29) hija l-Korporazzjoni għall-Iżvilupp Industrijali tan-Norveġja, stabbilita fl-1968 u proprjetà tal-Ministeru. Il-kompiti ewlenin ta’ Siva jinkludu l-iffaċilitar tal-infrastruttura nazzjonali għall-innovazzjoni li tikkonsisti f’inkubaturi, ġonna tan-negozju, ċentri catapult, intrapriżi tal-innovazzjoni, ċentri tal-innovazzjoni u proprjetà immobbli industrijali (30).

2.2.    Il-karatteristiċi ewlenin tal-Iskema

(16)

L-Iskema ġiet implimentata skont l-Artikolu 27 tal-GBER bħala għajnuna għall-investiment għall-kostruzzjoni jew għat-titjib tar-raggruppamenti tal-innovazzjoni, u l-Artikolu 25 tal-GBER bħala għajnuna għal proġetti ta’ riċerka u żvilupp relatati mal-iżvilupp sperimentali (31). L-Iskema hija ffinanzjata permezz tal-Baġit tal-Istat Norveġiż.

(17)

Abbażi tal-Ittra ta’ Inkarigu tal-2017, Siva adottat deskrizzjoni tal-Programm għall-Iskema. Id-deskrizzjoni tal-programm tindirizza speċifikament l-għan tal-Iskema kif ukoll ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat li taħthom taqa’ l-Iskema.

(18)

Siva ppubblikat sejħa għall-ammissjoni fl-Iskema fl-2017 (32). Fl-2019, Siva ħabbret żewġ sejħiet addizzjonali għat-tisħiħ, u l-espansjoni taċ-Ċentri Catapult (33). Taħt is-sejħiet tal-2019, iċ-Ċentri Catapult jistgħu japplikaw għal finanzjament biex jitlesta u jinxtara tagħmir ġdid tal-ittestjar u tal-laboratorju kif ukoll l-adattamenti meħtieġa konnessi magħhom. Siva adottat ukoll linji gwida ġodda dwar il-finanzjament u l-awditjar.

(19)

Wara s-sejħa ewlenija fl-2017, Siva rċeviet applikazzjonijiet estensivi. L-applikanti aċċettati fil-programm kisbu l-istatus ta’ Ċentru Catapult u daħlu fi Ftehim Ewlieni ma’ Siva. L-applikanti kellhom jinkludu l-pjanijiet ta’ investiment u l-baġits annwali (34), b’intensità massima tal-għajnuna ta’ 50 %. Qabel ma tat l-għajnuna, Siva wettqet djalogi dwar l-investiment mal-applikanti, inkluża l-valutazzjoni tal-ħtieġa għal tagħmir ġdid kontra t-tagħmir u l-faċilitajiet eżistenti, u l-iżvilupp strateġiku tal-applikant. Siva pparteċipat ukoll bħala osservatur fil-korpi ta’ governanza taċ-Ċentri Catapult, u żgurat perspettiva sħiħa tal-proġetti.

3.   Iċ-Ċentri Catapult

(20)

L-Iskema u l-Għotjiet ta’ Għajnuna Individwali kellhom l-għan li jappoġġaw iċ-Ċentri Catapult. Abbażi tal-informazzjoni ppreżentata mill-awtoritajiet Norveġiżi, iċ-Ċentri Catapult ġew stabbiliti taħt qafas kuntrattwali bejn Siva, il-Faċilitaturi u l-kumpaniji industrijali jew l-organizzazzjonijiet tar-riċerka (“is-Sħab Ewlenin”).

(21)

Skont il-ftehimiet ta’ finanzjament bejn Siva u l-ħames Ċentri Catapult, il-Faċilitaturi jaġixxu bħala interkonnessjonijiet bejn Siva u s-Sħab Ewlenin li jiffurmaw ċentru. Il-Faċilitaturi ġew inkarigati wkoll li jimmobilizzaw il-klijenti u jippromwovu l-Iskema. Il-Faċilitaturi huma stabbiliti bħala kumpaniji b’responsabbiltà limitata u ħafna drabi huma proprjetà tas-Sħab Ewlenin.

(22)

Il-Faċilitaturi ħadu sehem ukoll fil-konklużjoni ta’ ftehimiet ta’ konsorzju bejn is-Sħab Ewlenin għall-istabbiliment u nnegozjaw ftehimiet ta’ investiment mas-Sħab Ewlenin dwar il-ħtiġijiet tal-bażi tal-assi taċ-ċentri.

(23)

L-awtoritajiet Norveġiżi spjegaw ukoll li l-attivitajiet taċ-Ċentri Catapult isiru fil-biċċa l-kbira permezz tas-Sħab Ewlenin billi dawn jagħmlu l-infrastrutturi teknoloġiċi tagħhom disponibbli għal partijiet terzi kif stabbilit fil-ftehimiet ta’ konsorzju. Is-Sħab Ewlenin jiżviluppaw ukoll ir-rutini u l-kapaċità u s-servizzi organizzattivi taċ-ċentru; u jistabbilixxu timijiet ta’ esperti industrijali għall-proġetti tal-utenti taċ-ċentri.

4.   Benefiċjarji

(24)

Kif spjegat mill-awtoritajiet Norveġiżi, l-Għotjiet ta’ Għajnuna Individwali kienu indirizzati liċ-Ċentri Catapult li ġejjin, li jikkonsistu kemm minn Faċilitaturi kif ukoll minn Sħab Ewlenin.

4.1.    Future Materials

(25)

Future Materials huwa ċentru nazzjonali għall-iżvilupp u l-ittestjar, li joffri faċilitajiet tal-ittestjar, kompetenza u network biex jiġu żviluppati materjali avvanzati sostenibbli (35).

(26)

Iċ-ċentru joffri faċilitajiet f’oqsma bħat-teknoloġija tal-batteriji, l-ekonomija ċirkolari u r-riċiklaġġ, tal-plastik u kompost, l-immaniġġar u t-trattament ta’ minerali u metalli u t-teknoloġija tat-trab. Il-kumpaniji jistgħu jiżviluppaw, jittestjaw, ikejlu u jinkwadraw il-prodotti u l-materjali tagħhom fuq skala tal-laboratorju jew f’ittestjar pilota fuq skala sħiħa f’ambjent industrijali. Il-fokus partikolari taċ-ċentru huwa fuq l-għażla ta’ materjali sostenibbli, id-disinn għall-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ u l-immaniġġar tal-flussi min-naħa industrijali biex jitnaqqas l-ammont ta’ skart li jintbagħat fil-landfill.

(27)

Future Materials jikkonsisti minn Faċilitatur: Future Materials AS (36) u s-Sħab Ewlenin: Elkem AS, Norner AS, ReSiTec AS, Mechatronics Innovation Lab AS, u Arendals Fossekompani AS.

(28)

Id-Deċiżjoni tal-Ftuħ kienet tkopri l-għotjiet ta’ għajnuna għall-investiment li ġejjin mogħtija lil Future Materials minn Siva (37): l-ittra datata d-9 ta’ Novembru 2018 għall-attivitajiet fl-2018 (38), l-ittra datata wkoll id-9 ta’ Novembru 2018 għall-attivitajiet fl-2019 (39), u l-ittra datata l-24 ta’ Frar 2020 għall-attivitajiet fl-2020 (“l-Ittra tal-2020 ta’ Future Materials”) (40).

4.2.    Manufacturing Technology

(29)

Manufacturing Technology jipprovdi infrastruttura u għarfien espert li jikkontribwixxu biex l-industrija tal-produzzjoni tal-prodotti ssir aktar ekoloġika, aktar intelliġenti, u aktar innovattiva, li min-naħa tagħha tikkontribwixxi għal tnaqqis fl-emissjonijiet tal-industrija. Iċ-ċentru jipprovdi kemm faċilitajiet fuq skala żgħira kif ukoll faċilitajiet fuq skala sħiħa għall-ittestjar imfassal apposta u l-ħolqien ta’ prototipi ta’ prodotti u proċessi u jkopri oqsma bħad-disinn (eż., il-manifattura, is-sostenibbiltà), l-industrija 4.0, il-manifattura u t-tagħqid ta’ addittivi, l-iffurmar awtomatizzat b’injezzjoni u l-ikkoljar tal-fibra, l-iffurmar u l-ipproċessar tal-metall, l-assemblaġġ awtomatizzat u flessibbli.

(30)

Manufacturing Technology jikkonsisti f’Faċilitatur (41): Manufacturing Technology Norwegian Catapult Centre AS (42) u s-Sħab Ewlenin: NCE Manufacturing AS, SINTEF Manufacturing AS u Total.

(31)

Id-Deċiżjoni tal-Ftuħ kienet tkopri l-għotjiet ta’ għajnuna għall-investiment li ġejjin lil Manufacturing Technology minn Siva (43): l-ittra datata s-17 ta’ Ottubru 2018 għall-attivitajiet fl-2018 (44); l-ittra datata wkoll is-17 ta’ Ottubru 2018 għall-attivitajiet fl-2019 (45); u l-ittra datata s-26 ta’ Frar 2020 għall-attivitajiet fl-2020 (46).

4.3.    Sustainable Energy

(32)

Sustainable Energy jopera fi ħdan l-oqsma ewlenin tas-sistemi tal-enerġija eolika lil hinn mill-kosta galleġġanti, tat-trasport marittimu ekoloġiku, u tal-enerġija ekoloġika. Iċ-ċentru jipprovdi faċilitajiet fuq skala sħiħa u ċelloli tal-ittestjar disponibbli fuq l-art, fuq il-baħar u fuq il-bastimenti biex jissimulaw soluzzjonijiet tal-enerġija sostenibbli. Iċ-ċentru jipprovdi servizzi bħal ittestjar fuq skala sħiħa f’kundizzjonijiet operattivi reali fuq l-art (Energy House) u fuq bastimenti f’segmenti differenti (bastimenti veloċi tal-ibħra fondi u bastimenti offshore) u fi ħdan tipi differenti ta’ sistemi tal-enerġija.

(33)

Sustainable Energy jikkonsisti minn Faċilitatur: Sustainable Energy AS (47) u s-Sħab Ewlenin: Alltec Services AS, SEAM AS, Unitech Offshore AS, The Switch Marine Drives Norway AS, Future Energy Solutions AS, Alma Clean Power AS, SINTEF Ocean AS u Testbygg AS.

(34)

Id-Deċiżjoni tal-Ftuħ kienet tkopri l-għotjiet ta’ għajnuna għall-investiment li ġejjin lil Sustainable Energy minn Siva (48): l-ittra datata s-27 ta’ Ġunju 2019 għall-attivitajiet fl-2019 (49); u l-ittra datata s-26 ta’ Frar 2020 għall-attivitajiet fl-2020 (50).

4.4.    Ocean Innovation

(35)

Ocean Innovation jibni u jagħmel disponibbli għarfien espert u infrastruttura biex jaċċellera t-tkabbir u l-iżvilupp sostenibbli tal-industriji marittimi. Iċ-ċentru jiffoka fuq tliet oqsma ewlenin: l-Akkwakultura, it-Teknoloġija ta’ Taħt il-Baħar, il-manifattura Addittiva bħala teknoloġija abilitanti fi ħdan l-industrija tal-oċeani. Huwa jipprovdi infrastruttura tal-ittestjar b’kollox minn laboratorji żgħar għal faċilitajiet tal-akkwakultura fuq skala żgħira u sħiħa. Il-faċilitajiet huma ta’ użu partikolari għas-sottokuntratturi tal-industrija taż-żejt u tal-gass li jaddattaw biex jipprovdu soluzzjonijiet lil industriji oħra relatati mal-oċeani. Il-faċilitajiet huma importanti wkoll għall-iżvilupp ta’ kontroll aktar effettiv tal-parassiti tas-salamun u għat-tnaqqis tal-proliferazzjoni tal-algi.

(36)

Ocean Innovation jikkonsisti minn Faċilitatur: Ocean Innovation AS (51) u s-Sħab Ewlenin: Marineholmen RASlab AS, Additech AS u Aquacloud AS.

(37)

Id-Deċiżjoni tal-Ftuħ kienet tkopri l-għotjiet ta’ għajnuna għall-investiment li ġejjin lil Ocean Innovation minn Siva (52): l-ittra datata t-3 ta’ Ġunju 2019 għall-attivitajiet fl-2019 (53).

4.5.    Digicat

(38)

Digicat għandu l-għan li jnaqqas id-distakk dejjem jikber fil-veloċità tal-innovazzjoni bejn il-kumpaniji ewlenin u s-sottokuntratturi iżgħar fis-segment tal-SMEs fl-industrija marittima. Digicat joffri faċilitajiet tal-ittestjar, għarfien espert u networks għall-ħolqien ta’ prototipi virtwali u l-iżvilupp ta’ tewmin diġitali għat-tipi kollha ta’ industriji fis-setturi kollha. Atturi żgħar u kbar jistgħu jittestjaw u jivvalidaw ideat, kunċetti, u għodod aktar malajr, b’mod aktar effiċjenti u b’anqas riskju mill-ittestjar fid-dinja fiżika.

(39)

Digicat jikkonsisti minn Faċilitatur: ÅKP AS (54) u s-Sħab Ewlenin: OSC AS, NTNU, SINTEF Narvik AS u SINTEF Ocean AS, Smart Construction Cluster, Ulstein Group AS, Kongsberg Maritime AS, Ocean Visioneering AS, ÅKP Blue Innovation Arena AS, u Invig AS.

(40)

Id-Deċiżjoni tal-Ftuħ kienet tkopri l-għotjiet ta’ għajnuna għall-investiment li ġejjin lil Digicat minn Siva (55): l-ittra datata t-3 ta’ Ġunju 2019 għall-attivitajiet fl-2019 (56); u l-ittra datata s-26 ta’ Frar 2020 għall-attivitajiet fl-2020 (57).

5.   Raġunijiet għall-bidu tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali

(41)

Fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ, il-fehma preliminari tal-ESA kienet li l-Għotjiet ta’ Għajnuna Individwali kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat kif definita fl-Artikolu 61(1) tal-Ftehim ŻEE.

(42)

Skont l-Artikolu 27(5) tal-GBER, l-għajnuna għall-investiment tista’ tingħata għall-kostruzzjoni jew għat-titjib ta’ raggruppamenti tal-innovazzjoni. Il-kostijiet eliġibbli huma speċifikati bħala l-kostijiet tal-investiment f’assi intanġibbli u tanġibbli.

(43)

L-ESA esprimiet dubji dwar l-għotjiet ta’ għajnuna mogħtija bħala għajnuna għall-investiment għal assi tanġibbli skont l-Artikolu 27(5) tal-GBER. Il-fehim preliminari tal-ESA kien li l-għajnuna għall-investiment inkwistjoni, ħlief għal xi wħud mill-investimenti minn Manufacturing Technology, ingħatat esklussivament fir-rigward ta’ assi tanġibbli mhux proprjetà tal-benefiċjarji (58). Il-fehim tal-ESA, iffurmat abbażi tal-informazzjoni disponibbli f’dak iż-żmien, kien li l-benefiċjarji kienu l-Faċilitaturi taċ-Ċentri Catapult.

(44)

Kien ukoll il-fehim tal-ESA li, f’dawk il-każijiet fejn l-assi tanġibbli ma kinux proprjetà tal-benefiċjarji, il-kostijiet ikkunsidrati bħala eliġibbli mill-awtoritajiet Norveġiżi skont l-Artikolu 27(5) tal-GBER kienu l-kostijiet tal-lokazzjoni tal-assi. Il-fehim preliminari tal-ESA kien li l-lokatarji ma kellhom l-ebda obbligu li jixtru dawn l-assi mikrija.

(45)

Għal dawn ir-raġunijiet, l-ESA qieset b’mod preliminari li l-għajnuna - ikkwalifikata bħala għajnuna għall-investiment mill-awtoritajiet Norveġiżi - ingħatat fir-rigward ta’ kostijiet mhux eliġibbli skont l-Artikolu 27(5) tal-GBER. Barra minn hekk, l-ESA qieset fuq bażi preliminari li dawn l-għotjiet ta’ għajnuna ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet għar-riċeviment ta’ għajnuna operatorja skont l-Artikolu 27(7) sa (9) tal-GBER.

(46)

Fir-rigward tal-Ittra tal-2020 ta’ Future Materials, ma kienx ċar jekk l-applikazzjoni relatata għall-għajnuna tal-20 ta’ Diċembru 2019 kinitx tikkonċerna proġett/attività waħda jew diversi. Kien jidher li partijiet mill-kostijiet ibbaġitjati saru qabel ma ġiet ippreżentata l-applikazzjoni. Dan ikun ifisser li l-għajnuna mogħtija fir-rigward tal-proġett/attività li għaliha jirreferu dawn il-kostijiet, ma kellhiex effett ta’ inċentiv skont it-tifsira tal-Artikolu 6(2) tal-GBER (ara t-Taqsima 6.4 tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ).

(47)

Għaldaqstant, il-fehma preliminari tal-ESA kienet li l-għajnuna għall-investiment mogħtija skont l-Għotjiet ta’ Għajnuna Individwali ma kinitx konformi mal-GBER u kienet tammonta għal għajnuna illegali.

(48)

L-ESA kellha wkoll dubji li l-għajnuna tkun kompatibbli mal-funzjonament tal-Ftehim ŻEE.

(49)

L-ewwel nett, l-ESA kellha dubji dwar kemm l-għajnuna setgħet tiġi ddikjarata bħala kompatibbli fuq il-bażi tal-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għar-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni (“il-Linji Gwida dwar ir-RŻI”) (59). Fir-rigward tal-għajnuna għall-kostruzzjoni jew it-titjib tar-raggruppamenti tal-innovazzjoni, il-kostijiet eliġibbli huma definiti f’dawn il-linji gwida bħala l-kostijiet tal-investiment f’assi intanġibbli u tanġibbli. Abbażi ta’ raġunament simili għal dak fir-rigward tal-Artikolu 27(5) tal-GBER, l-ESA kkonkludiet b’mod preliminari li l-għajnuna ma tissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Linji Gwida dwar ir-RŻI.

(50)

Fir-rigward tad-dikjarazzjoni tal-għajnuna bħala kompatibbli direttament skont l-Artikolu 61(3)(c) tal-Ftehim ŻEE, l-ESA identifikat diversi fatturi li jqajmu dubji dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna. Skont id-Deċiżjoni tal-Ftuħ, dawn il-fatturi jinkludu, b’mod partikolari, il-kwistjonijiet dwar jekk l-għajnuna kinitx xierqa u proporzjonali. Barra minn hekk, l-ESA qieset li jkun irid jiġi stabbilit effett ta’ inċentiv reali fir-rigward tal-għajnuna għall-investiment mogħtija skont l-Ittra tal-2020 ta’ Future Materials.

6.   Kummenti min-naħa tal-awtoritajiet Norveġiżi

6.1.    Il-konformità mal-GBER

Għajnuna għall-investiment f’konformità mal-Artikolu 27(5) tal-GBER

(51)

L-awtoritajiet Norveġiżi spjegaw li l-Iskema kellha l-għan li tappoġġa liċ-Ċentri Catapult, li jikkonsistu minn Faċilitaturi u Sħab Ewlenin (ara wkoll it-Taqsima 3 aktar ’il fuq). Għaldaqstant, l-għajnuna taħt l-Għotjiet ta’ Għajnuna Individwali ngħatat fir-rigward ta’ investimenti mwettqa jew mill-Faċilitaturi jew mis-Sħab Ewlenin għall-ħtiġijiet taċ-ċentri.

(52)

L-awtoritajiet Norveġiżi spjegaw ukoll li l-għajnuna għall-investiment inkwistjoni ġiet implimentata fit-tliet xenarji li ġejjin:

 

Xenarju 1: ix-xiri ta’ assi minn Faċilitatur

Isir investiment minn Faċilitatur billi jixtri assi għall-benefiċċju ta’ Ċentru Catapult.

 

Xenarju 2: ix-xiri ta’ assi minn Sieħeb Ewlieni

Isir investiment minn Sieħeb Ewlieni billi jixtri assi għall-benefiċċju ta’ Ċentru Catapult. Filwaqt li assi jibqa’ proprjetà tas-Sieħeb Ewlieni, dawn jiġu mgħoddija għall-użu miċ-ċentru.

 

Xenarju 3: Assi eżistenti tas-Sieħeb Ewlieni

F’dak ix-xenarju, Sieħeb Ewlieni jibqa’ s-sid ta’ assi eżistenti li huwa jgħaddi lil Ċentru Catapult. L-għajnuna għall-investiment tingħata biss għall-fini ta’ titjib tal-assi biex dan ikun adattat għall-użu miċ-Ċentru.

(53)

Kemm fix-xenarju 2 kif ukoll fix-xenarju 3, il-ftehimiet ta’ konsorzju rilevanti jirrikjedu li l-assi (inkluża l-kontribuzzjoni in natura) għandhom jibqgħu f’Ċentru Catapult u ma jistgħux jiġu rtirati minnu mingħajr il-kunsens ta’ Siva (60). Kif ikkonfermat mill-awtoritajiet Norveġiżi, dawn l-assi kollha għadhom fiċ-ċentri rispettivi u ma ġewx irtirati minnhom.

(54)

L-għajnuna għall-investiment tista’ tiġi pariġġata mill-benefiċjarji bħala finanzjament fi flus u/jew kontribuzzjoni in natura (tagħmir u sigħat ta’ xogħol relatati (61)). Il-valutazzjoni tal-kontribuzzjonijiet in natura ssir f’konformità mal-linji gwida dwar l-awditjar ta’ Siva, ippreżentati wkoll lill-ESA. Il-valutazzjoni tal-assi tista’ jew titwettaq minn stimatur awtorizzat jew minn fornitur rilevanti. B’mod alternattiv, il-valur deprezzat tat-tagħmir jista’ jiġi ddeterminat abbażi tal-kontijiet annwali preċedenti tas-sħab ewlenin.

(55)

Minbarra t-tagħmir mixtri jew imtejjeb bl-appoġġ ta’ Siva, is-Sħab Ewlenin għamlu assi oħra disponibbli għall-benefiċċju tal-utenti taċ-ċentri, li wassal għal żieda konsiderevoli tal-valur fil-bażi tal-assi disponibbli. Għal dan it-tagħmir, Siva ma tatx għajnuna lis-Sħab Ewlenin.

(56)

Fil-qosor, l-awtoritajiet Norveġiżi jqisu li l-għajnuna għall-investiment mogħtija taħt l-Għotjiet ta’ Għajnuna Individwali hija konformi mal-Artikolu 27(5) tal-GBER.

L-Ittra tal-2020 ta’ Future Materials u l-konformità mal-Artikolu 6(2) tal-GBER

(57)

Fir-rigward tal-Ittra tal-2020 ta’ Future Materials, l-awtoritajiet Norveġiżi ma jqisux li kienu mġarrba xi kostijiet qabel is-sottomissjoni ta’ applikazzjoni għall-għajnuna.

(58)

L-Ittra tal-2020 ta’ Future Materials tirrigwarda l-espansjoni tal-qasam ewlieni taċ-ċentru biex jinkludi l-infrastruttura tat-teknoloġija tal-batteriji. L-investimenti li Future Materials l-ewwel applika għall-finanzjament ta’ Siva għalihom fl-2019 jikkonċernaw lil Norner AS, Sieħeb Ewlieni taċ-ċentru mill-2019. Future Materials inizjalment applika għall-għajnuna fir-rigward ta’ dawn l-investimenti ta’ Norner AS imwettqa għall-benefiċċju taċ-ċentru fid-29 ta’ Marzu 2019, u reġa’ applika fl-20 ta’ Diċembru 2019 (62). Il-ħtieġa ta’ applikazzjoni mill-ġdid għal dik l-għajnuna kienet minħabba raġunijiet amministrattivi relatati mal-Iskema (63). Il-kostijiet inkwistjoni kienu mġarrba fit-tremestri 2 sa 4 tal-2019. Għaldaqstant, ix-xogħlijiet ma kinux bdew qabel is-sottomissjoni tal-applikazzjoni għall-għajnuna.

6.2.    Valutazzjoni tal-kompatibbiltà skont il-Linji Gwida dwar ir-RŻI u l-Ftehim ŻEE

(59)

L-awtoritajiet Norveġiżi jqisu li l-Għotjiet ta’ Għajnuna Individwali jistgħu jiġu ddikjarati bħala kompatibbli skont l-Artikolu 61(3)(c) tal-Ftehim ŻEE flimkien mal-Linji gwida dwar ir-RŻI.

Iffaċilitar tal-attivitajiet ekonomiċi, is-swieq affettwati u l-effett ta’ inċentiv

(60)

Skont l-awtoritajiet Norveġiżi, l-għotjiet ta’ għajnuna ffaċilitaw l-attivitajiet ekonomiċi taċ-Ċentri Catapult u għandhom impatt pożittiv fuq l-attivitajiet ekonomiċi tal-utenti. Il-ħames Ċentri Catapult joffru aċċess għal faċilitajiet fl-oqsma rispettivi tagħhom li huma wkoll is-swieq affettwati.

(61)

Iċ-Ċentri Catapult huma stabbiliti bħala kombinazzjoni ta’ assi ġodda u eżistenti adattati għall-ħtiġijiet taċ-ċentri u magħmula disponibbli għal partijiet terzi (ara wkoll it-Taqsima 6.1 hawn fuq). Dawn l-investimenti u l-aċċess miftuħ għall-faċilitajiet tas-Sħab Ewlenin ma kinux iseħħu mingħajr l-għajnuna. L-għotjiet ta’ għajnuna għalhekk għandhom effett ta’ inċentiv.

Effetti pożittivi

(62)

Skont l-awtoritajiet Norveġiżi, l-iżviluppi teknoloġiċi rapidi joħolqu sfida għall-għarfien espert, il-proċessi tal-produzzjoni, il-mudelli tan-negozju eżistenti u fl-aħħar mill-aħħar għall-prodotti u s-servizzi. Abbażi ta’ diversi eżempji, l-awtoritajiet Norveġiżi jqisu li l-għajnuna ppermettiet lin-negozji, b’mod partikolari lill-SMEs, ikollhom aċċess miftuħ u faċli għal tagħmir u għarfien espert għall-ittestjar, il-viżwalizzazzjoni u s-simulazzjoni tal-ideat u l-prodotti tagħhom.

Effetti negattivi limitati

(63)

L-awtoritajiet Norveġiżi jqisu li l-għotjiet ta’ għajnuna għamluha possibbli li l-problemi ta’ koordinazzjoni jiġu indirizzati b’mod kosteffiċjenti permezz tal-kombinazzjoni ta’ assi ġodda u eżistenti. L-involviment attiv tas-Sħab Ewlenin jiffaċilita l-iskambju ta’ għarfien espert u kompetenza fiċ-ċentri. L-għotjiet ta’ għajnuna huma konformi wkoll mar-regoli dwar l-intensità tal-għajnuna tal-Linji gwida dwar ir-RŻI. Dwar il-bilanċ, l-awtoritajiet Norveġiżi jsostnu li l-effetti pożittivi tal-Għotjiet ta’ Għajnuna Individwali huma akbar mill-effetti negattivi potenzjali tagħhom fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ, li huma limitati fi kwalunkwe każ.

II.   VALUTAZZJONI

7.   Preżenza ta’ għajnuna mill-Istat

(64)

L-Artikolu 61(1) tal-Ftehim ŻEE jaqra kif ġej: “Bla ħsara għal dispożizzjonijiet kuntrarji f’dan il-Ftehim, kull għajnuna, ta’ kwalunkwe forma, mogħtija mill-Istati Membri tal-KE, l-Istati tal-EFTA jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat li xxekkel jew thedded li xxekkel il-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew il-produzzjoni ta’ ċerti prodotti għandha, safejn tolqot il-kummerċ bejn il-Partijiet Kontraenti, tkun inkompatibbli ma’ dan il-Ftehim.”

(65)

Għalhekk, il-kwalifika ta’ miżura bħala għajnuna skont it-tifsira ta’ din id-dispożizzjoni teħtieġ li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kumulattivi li ġejjin: (i) il-miżura trid tingħata mill-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat; (ii) hija trid tagħti vantaġġ lil impriża; (iii) tiffavorixxi ċerti impriżi (selettività); u (iv) thedded li tfixkel il-kompetizzjoni u taffettwa l-kummerċ.

(66)

Fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ, l-ESA qieset li l-Iskema u l-Għotjiet ta’ Għajnuna Individwali jammontaw għal għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 61(1) tal-Ftehim ŻEE. Fil-kummenti għad-Deċiżjoni tal-Ftuħ, l-awtoritajiet Norveġiżi ma argumentawx kontra l-kwalifika tal-Iskema u lanqas tal-Għotjiet ta’ Għajnuna Individwali bħala għajnuna mill-Istat. L-ESA ma għandha l-ebda informazzjoni li tissuġġerixxi li l-Iskema jew l-Għotjiet ta’ Għajnuna Individwali ma jammontawx għal għajnuna mill-Istat.

(67)

L-ESA tfakkar li l-Għotjiet ta’ Għajnuna Individwali jipprevedu għotjiet diretti li huma ffinanzjati mill-baġit tal-Istat u ġestiti u mogħtija minn kumpanija tal-Istat, li ġiet maħtura għal dak il-għan mill-Istat. Barra minn hekk, l-Għotjiet ta’ Għajnuna Individwali jiffavorixxu lill-benefiċjarji li jinvolvu ruħhom f’attivitajiet ekonomiċi f’diversi setturi tal-ekonomija miftuħa għall-kompetizzjoni b’impatt kummerċjali fi ħdan iż-ŻEE.

(68)

F’dan l-isfond, l-ESA ma għandha l-ebda raġuni biex titbiegħed mill-konklużjoni inizjali tagħha fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ u tqis li l-Għotjiet ta’ Għajnuna Individwali jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 61(1) tal-Ftehim ŻEE.

8.   Skema ta’ għajnuna jew għajnuna individwali u l-legalità tal-għajnuna

(69)

L-Għotjiet ta’ Għajnuna Individwali ngħataw abbażi ta’ miżura, implimentata mill-awtoritajiet Norveġiżi bħala skema ta’ għajnuna. L-ESA qasmet dik il-valutazzjoni fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ (64). L-ESA ma għandha l-ebda raġuni biex titbiegħed minn dik il-valutazzjoni.

(70)

Skont l-Artikolu 1(e) tal-Parti II tal-Protokoll 3, “għajnuna individwali” għandha tfisser għajnuna li ma tingħatax abbażi ta’ skema ta’ għajnuna u għotjiet ta’ għajnuna notifikabbli abbażi ta’ skema ta’ għajnuna.

(71)

Id-Deċiżjoni tal-Ftuħ esprimiet dubji dwar il-konformità tal-Għotjiet ta’ Għajnuna Individwali ma’ ċerti kundizzjonijiet stabbiliti fil-Kapitolu I u III tal-GBER (65). Kif spjegat aktar fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ (66), skont l-Artikolu 3 tal-GBER, miżura ta’ għajnuna tkun kompatibbli mal-funzjonament tal-Ftehim ŻEE u eżentata mir-rekwiżit ta’ notifika skont l-Artikolu 1(3) tal-Parti I tal-Protokoll 3, dment li l-miżura tissodisfa l-kundizzjonijiet fil-Kapitolu I, kif ukoll il-kundizzjonijiet speċifiċi għall-kategorija kkonċernata ta’ għajnuna fil-Kapitolu III tal-GBER.

(72)

Skont l-Artikolu 1(f) tal-Parti II tal-Protokoll 3, “għajnuna illegali” għandha tfisser għajnuna ġdida li tidħol fis-seħħ bi ksur tal-Artikolu 1(3) fil-Parti I. L-Artikolu 1(c) tal-Parti II tal-Protokoll 3 jiddefinixxi “għajnuna ġdida” bħala skemi ta’ għajnuna u għajnuna individwali, li ma hijiex għajnuna eżistenti, inklużi bidliet fl-għajnuna eżistenti. L-ebda waħda mill-kundizzjonijiet għas-sejbien ta’ għajnuna eżistenti (67) ma tidher li kienet, jew ġie argumentat li kienet, preżenti mill-awtoritajiet Norveġiżi. Għalhekk, in-nuqqas ta’ konformità mal-kundizzjonijiet tal-GBER iwassal għall-konklużjoni li l-Għotjiet ta’ Għajnuna Individwali huma għajnuna illegali (68).

(73)

Fid-dawl tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ, l-ESA tipproċedi billi tivvaluta jekk l-għajnuna għall-investiment mogħtija taħt l-Għotjiet ta’ Għajnuna Individwali tikkonformax mal-Artikolu 27(5) tal-GBER. Fir-rigward tal-Ittra tal-2020 ta’ Future Materials, l-ESA se tivvaluta wkoll jekk l-għajnuna għall-investiment hijiex konformi mal-Artikolu 6(2) tal-GBER.

9.   Il-konformità tal-Għotjiet ta’ Għajnuna Individwali mal-GBER

9.1.    L-Artikolu 27(5) tal-GBER (għajnuna għall-investiment)

9.1.1.   Introduzzjoni

(74)

Il-fehim inizjali tal-ESA kien li l-għajnuna għall-investiment ingħatat fir-rigward ta’ assi mhux proprjetà tal-benefiċjarji, jiġifieri l-Faċilitaturi, u li xi wħud mill-assi ffinanzjati kienu mikrija mingħajr obbligi ta’ xiri (69). Il-konklużjoni preliminari tal-ESA għalhekk kienet li l-għajnuna ngħatat fir-rigward ta’ kostijiet mhux eliġibbli għall-investiment skont l-Artikolu 27(5) tal-GBER (70).

(75)

Fid-dawl tal-kummenti sottomessi mill-awtoritajiet Norveġiżi, l-ESA ssib li l-ewwel huwa meħtieġ li jiġi eżaminat iċ-ċirku ta’ benefiċjarji taħt l-Għotjiet ta’ Għajnuna Individwali. Wara, l-ESA tivvaluta jekk l-Għotjiet ta’ Għajnuna Individwali humiex konformi mal-Artikolu 27(5) tal-GBER. Skont l-Artikolu 27(5) tal-GBER, l-għajnuna għall-investiment tista’ tingħata għall-kostruzzjoni jew għat-titjib ta’ raggruppamenti tal-innovazzjoni. Il-kostijiet eliġibbli huma speċifikati bħala l-kostijiet tal-investiment f’assi intanġibbli u tanġibbli.

9.1.2.   Benefiċjarji tal-Għotjiet ta’ Għajnuna Individwali

(76)

Kif spjegat mill-awtoritajiet Norveġiżi, ir-regoli tal-Iskema li biha ngħataw l-Għotjiet ta’ Għajnuna Individwali kellhom l-għan li jistabbilixxu Ċentri Catapult (ara wkoll it-Taqsimiet 2 u 3). Għaldaqstant, l-għajnuna għall-investiment taħt l-Għotjiet ta’ Għajnuna Individwali ngħatat liċ-Ċentri Catapult pjuttost milli lill-Faċilitaturi biss.

(77)

L-awtoritajiet Norveġiżi spjegaw li ċ-Ċentri Catapult jikkonsistu mill-Faċilitaturi u s-Sħab Ewlenin. Id-drittijiet u l-obbligi tal-Faċilitaturi u tas-Sħab Ewlenin fil-fażi tal-istabbiliment taċ-Ċentri Catapult, l-investiment fihom u l-ġestjoni tagħhom huma stabbiliti fil-Ftehimiet Ewlenin ma’ Siva għall-finanzjament mill-Istat, il-ftehimiet ta’ investiment, u l-Ftehimiet ta’ Konsorzju. L-awtoritajiet Norveġiżi ssottomettew ukoll il-ftehimiet lill-ESA.

(78)

Abbażi ta’ dawn l-ispjegazzjonijiet u l-evidenza ppreżentata wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ, l-ESA taqbel mal-awtoritajiet Norveġiżi li l-Iskema u l-Għotjiet ta’ Għajnuna Individwali kellhom l-għan li jipprovdu għajnuna għall-investiment liċ-Ċentri Catapult, li jikkonsistu mill-Faċilitaturi u s-Sħab Ewlenin. L-għotjiet ta’ għajnuna ma kinux maħsuba li jkunu limitati għall-għoti ta’ għajnuna lill-Faċilitaturi biss.

(79)

Skont il-Ftehimiet Ewlenin ma’ Siva u l-Ftehimiet ta’ Konsorzju, iċ-Ċentri Catapult kienu ffurmati u operati bħala sforz konġunt tal-Faċilitaturi u tas-Sħab Ewlenin, b’kompiti kuntrattwalment maqsuma bejn dawn l-atturi.

(80)

Skont il-Ftehimiet Ewlenin ma’ Siva, l-għajnuna għall-investiment kienet immirata lejn ir-realizzazzjoni u l-iżvilupp taċ-Ċentri Catapult. Dawn il-ftehimiet kienu jirrikonoxxu l-istruttura organizzattiva u l-funzjonament taċ-ċentri li kienu jikkonsistu f’diversi atturi (jiġifieri l-Faċilitaturi u s-Sħab Ewlenin).

(81)

L-istess jista’ jiġi konkluż abbażi tal-formulazzjoni tal-ittri tal-għoti ta’ għajnuna minn Siva, li jikkostitwixxu l-Għotjiet ta’ Għajnuna Individwali, fejn il-Faċilitaturi jaġixxu f’isem iċ-ċentri.

(82)

L-investimenti ffinanzjati minn Siva kienu dettaljati fil-pjanijiet ta’ investiment u fil-baġits. Bħala osservatur fil-korpi ta’ governanza taċ-Ċentri Catapult (ara l-paragrafu (19)), Siva kellha informazzjoni sħiħa dwar l-istruttura, il-prinċipji operattivi, u d-deċiżjonijiet ta’ investiment individwali taċ-Ċentri Catapult.

(83)

L-ESA tikkonkludi li bl-Għotjiet ta’ Għajnuna Individwali, il-benefiċjarji tal-għajnuna għall-investiment kienu ċ-Ċentri Catapult, kif rappreżentati mill-Faċilitaturi u li jikkonsistu mill-Faċilitaturi u s-Sħab Ewlenin.

9.1.3.   Konformità mal-Artikolu 27(5) tal-GBER

(84)

Fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ, l-ESA esprimiet dubji dwar jekk Siva kinitx tat għajnuna għall-investiment fir-rigward ta’ assi mhux proprjetà tal-benefiċjarji.

(85)

Madankollu, kif ikkonkludiet l-ESA fit-taqsima preċedenti, għajnuna għall-investiment skont id-Deċiżjonijiet dwar l-Għoti ta’ Għajnuna Individwali ngħatat liċ-Ċentri Catapult, li jikkonsistu mill-Faċilitaturi u s-Sħab Ewlenin.

(86)

L-ESA tirreferi għat-Taqsima 6.1, li tiddeskrivi f’aktar dettall l-implimentazzjoni tal-għajnuna għall-investiment mogħtija taħt l-Għotjiet ta’ Għajnuna Individwali. L-evidenza ppreżentata mill-awtoritajiet Norveġiżi turi li l-assi megħjuna ġew akkwistati u kienu proprjetà jew tal-Faċilitaturi jew tas-Sħab Ewlenin taċ-Ċentri Catapult rilevanti.

(87)

L-awtoritajiet Norveġiżi kkonfermaw li billi l-għajnuna għall-investiment inkwistjoni ma ngħatat lill-ebda persuna għajr il-Faċilitaturi u s-Sħab Ewlenin, lanqas ma ngħatat għajnuna għal-lokazzjoni ta’ assi mingħajr obbligu ta’ xiri. Lanqas ma ngħata finanzjament minn Siva bħala pagament ta’ kumpens lil Sieħeb Ewlieni talli għadda assi lil Ċentru Catapult. L-ESA ma għandha l-ebda informazzjoni li tindika tali possibbiltajiet lanqas.

(88)

L-ESA għalhekk tqis li t-tħassib inizjali tagħha espress fit-Taqsima 6.2 tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ tnaqqas, peress li l-għajnuna għall-investiment ingħatat fir-rigward ta’ assi akkwistati mill-Faċilitaturi u mis-Sħab Ewlenin għall-benefiċċju taċ-Ċentri Catapult. Għaldaqstant, l-ESA tikkonkludi li l-għajnuna inkwistjoni ngħatat fir-rigward ta’ kostijiet eliġibbli għal għajnuna għall-investiment skont l-Artikolu 27(5) tal-GBER.

9.2.    L-Artikolu 27(7) sa (9) tal-GBER (Għajnuna Operatorja – It-Taqsima 6.3 tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ)

(89)

Fit-Taqsima 6.2 tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ, l-ESA kkunsidrat b’mod preliminari li l-għajnuna għall-investiment mogħtija taħt l-Għotjiet ta’ Għajnuna Individwali ma kinitx konformi mal-Artikolu 27(5) tal-GBER. Għalhekk, fit-Taqsima 6.3 tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ, l-ESA sabet li kien xieraq li teżamina jekk dik l-għajnuna kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet għall-għajnuna operatorja skont l-Artikolu 27(7) sa (9) tal-GBER.

(90)

Kif ikkonkludiet l-ESA fit-Taqsima 9.1.3 ta’ din id-Deċiżjoni, l-għajnuna inkwistjoni tikkostitwixxi għajnuna għall-investiment li tikkonforma mal-Artikolu 27(5) tal-GBER. Konsegwentement, il-valutazzjoni ta’ jekk dik l-istess għajnuna hijiex għajnuna operatorja f’konformità mal-Artikolu 27(7) sa (9) tal-GBER ma għadhiex rilevanti.

9.3.    L-Artikolu 6(2) tal-GBER (Ittra tal-2020 ta’ Future Materials)

(91)

Skont l-Artikolu 6(2) tal-GBER, “l-għajnuna għandha tiġi kkunsidrata li għandha effett ta’ inċentiv jekk il-benefiċjarju jkun ippreżenta applikazzjoni bil-miktub għall-għajnuna lill-Istat Membru kkonċernat qabel ma jkun inbeda x-xogħol fuq il-proġett jew l-attività.”

(92)

Skont l-Artikolu 2(23) tal-GBER, “bidu tax-xogħlijiet” tfisser l-ewwel waħda minn jew il-bidu tax-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni relatati mal-investiment, jew l-ewwel impenn legalment vinkolanti biex jiġi ordnat it-tagħmir jew kwalunkwe impenn ieħor li jagħmel l-investiment irriversibbli. Ix-xiri tal-art u xogħlijiet preparatorji bħall-kisba tal-permessi u t-twettiq ta’ studji tal-fattibbiltà ma humiex meqjusa bħala bidu tax-xogħlijiet. […]”

(93)

Fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ (it-Taqsima 6.4), l-ESA qieset li ma kienx ċar jekk l-għajnuna għall-investiment mogħtija skont l-Ittra tal-2020 ta’ Future Materials kinitx tikkonċerna kostijiet imġarrba qabel ma ġiet ippreżentata l-applikazzjoni għall-għajnuna tal-20 ta’ Diċembru 2019. B’mod partikolari, il-baġit relatat mal-applikazzjoni għall-għajnuna tal-20 ta’ Diċembru 2019 kien jidher li jinkludi kostijiet imġarrba fl-aħħar tliet tremestri tal-2019 (Q2, Q3 u Q4).

(94)

Wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ, l-awtoritajiet Norveġiżi ssottomettew spjegazzjonijiet u evidenza addizzjonali dwar dik l-għajnuna.

(95)

Kif spjegat mill-awtoritajiet Norveġiżi, l-investimenti inkwistjoni jikkonċernaw l-espansjoni tal-qasam ewlieni taċ-ċentru biex jinkludi l-infrastruttura tat-teknoloġija tal-batteriji (ara l-paragrafu (58)).

(96)

L-evidenza ppreżentata turi li l-investimenti li Future Materials l-ewwel applika għall-għajnuna għalihom fl-2019 jikkonċernaw lil Norner AS, is-Sieħeb Ewlieni taċ-Ċentru Catapult mill-2019. Future Materials inizjalment applika għal għajnuna li tikkonċerna dawn l-investimenti ta’ Norner AS għall-benefiċċju taċ-ċentru fid-29 ta’ Marzu 2019, u reġa’ applika fl-20 ta’ Diċembru 2019, minħabba raġunijiet amministrattivi mhux relatati maċ-Ċentru Catapult u Norner AS (ara l-paragrafu (58)). Il-kostijiet inkwistjoni kienu mġarrba fit-tremestri 2 sa 4 tal-2019.

(97)

Għalhekk, abbażi tal-informazzjoni ppreżentata mill-awtoritajiet Norveġiżi, il-kostijiet ta’ Norner AS koperti mill-Ittra tal-2020 ta’ Future Materials kienu mġarrba wara l-applikazzjoni għall-għajnuna fid-29 ta’ Marzu 2019. Il-ħtieġa ta’ applikazzjoni mill-ġdid għall-għajnuna minħabba raġunijiet esterni għal Future Materials ma tbiddilx il-fatt li l-kostijiet rilevanti kienu mġarrba għall-ewwel darba wara d-29 ta’ Marzu 2019. Għalhekk, l-ESA tqis li Future Materials kien issottometta l-applikazzjoni għall-għajnuna qabel il-bidu tax-xogħlijiet, f’konformità mal-Artikolu 6(2) tal-GBER.

(98)

L-ESA tinnota wkoll li partita fil-baġit tal-għajnuna tal-2019 tikkonċerna investiment fl-2019 minn Sieħeb Ewlieni differenti minn Norner AS. Madankollu, l-evidenza ppreżentata mill-awtoritajiet Norveġiżi tikkonferma li Future Materials applika għall-ewwel darba għall-għajnuna fir-rigward ta’ dak l-investiment diġà fl-2018.

(99)

Fuq din il-bażi, l-ESA tqis li t-tħassib inizjali tagħha fir-rigward tal-Ittra tal-2020 ta’ Future Materials tnaqqas u tikkonkludi li l-għotja ta’ għajnuna hija konformi mal-Artikolu 6(2) tal-GBER.

9.4.    Konklużjoni fir-rigward tal-issodisfar tal-Artikolu 6(2) u 27(5) tal-GBER

(100)

Fir-rigward tal-Artikolu 6(2) tal-GBER u tal-Ittra tal-2020 ta’ Future Materials, l-ESA tikkonkludi li l-għajnuna inkwistjoni hija konformi ma’ dik id-dispożizzjoni (ara t-Taqsima 9.3).

(101)

Fir-rigward tal-Artikolu 27(5) tal-GBER, l-ESA tikkonkludi li l-għajnuna għall-investiment mogħtija taħt l-Għotjiet ta’ Għajnuna Individwali hija konformi ma’ dik id-dispożizzjoni (ara t-Taqsima 9.1).

(102)

Billi d-Deċiżjoni tal-Ftuħ kienet limitata għall-valutazzjoni tal-konformità tal-għajnuna għall-investiment mogħtija taħt l-Għotjiet ta’ Għajnuna Individwali mal-Artikoli 6(2) (71) u 27(5) tal-GBER (72), l-ESA tqis li l-għajnuna hija eżentata mir-rekwiżit ta’ notifika fl-Artikolu 1(3) tal-Parti I tal-Protokoll 3 u kompatibbli mal-Artikolu 61(3) tal-Ftehim ŻEE, f’konformità mal-Artikolu 3 tal-GBER.

(103)

L-ESA tinnota li, għar-raġunijiet ta’ hawn fuq, il-valutazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ dik l-għajnuna mal-funzjonament tal-Ftehim ŻEE jew flimkien mal-Linji Gwida dwar ir-RŻI jew direttament ma għadhiex meħtieġa.

10.   Konklużjoni

(104)

Abbażi tal-valutazzjoni ta’ hawn fuq, l-ESA tqis li l-għajnuna għall-investiment mogħtija taħt l-Għotjiet ta’ Għajnuna Individwali tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 61(1) tal-Ftehim ŻEE.

(105)

Skont l-Artikolu 3 tal-GBER, l-ESA tqis dik l-għajnuna bħala kompatibbli mal-funzjonament tal-Ftehim ŻEE, skont l-Artikolu 61(3) tiegħu, u bħala eżentata mir-rekwiżit ta’ notifika fl-Artikolu 1(3) tal-Parti I tal-Protokoll 3.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

F’konformità mal-Artikolu 3 tal-GBER, l-għajnuna għall-investiment mogħtija taħt l-Għotjiet ta’ Għajnuna Individwali hija kompatibbli mal-funzjonament tal-Ftehim ŻEE, skont l-Artikolu 61(3) tiegħu u eżentata mir-rekwiżit ta’ notifika fl-Artikolu 1(3) tal-Parti I tal-Protokoll 3. Il-proċedura ta’ investigazzjoni formali hija b’dan magħluqa.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tan-Norveġja.

Artikolu 3

L-unika verżjoni awtentika ta’ din id-Deċiżjoni hija dik bil-lingwa Ingliża.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Diċembru 2023.

Għall-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA,

Arne RØKSUND

Il-President

Membru tal-Kulleġġ Responsabbli

Stefan BARRIGA

Membru tal-Kulleġġ

Árni Páll ÁRNASON

Membru tal-Kulleġġ

Melpo-Menie JOSÉPHIDÈS

Kontrofirmatarju bħala Direttur,

Affarijiet Legali u Eżekuttivi


(1)  Id-Deċiżjoni Nru 173/22/COL tas-7 ta’ Settembru 2022 biex tinfetaħ investigazzjoni formali dwar ċerta għajnuna mill-Istat mogħtija bl-iskema ta’ għajnuna tan-Norwegian Catapult (ĠU C 428, 10.11.2022, p 7 u Suppliment taż-ŻEE Nru. 73, 10.11.2022, p. 2).

(2)  L-iskeda tas-sommarju bir-referenza GBER 38/2017/R&D&I.

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 tas-17 ta’ Ġunju 2014 li jiddikjara li ċerti kategoriji ta’ għajnuna huma kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat (ĠU L 187, 26.6.2014, p. 1), imsemmi fil-punt 1j tal-Anness XV tal-Ftehim ŻEE, ara d-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt Nru 152/2014, ippubblikata fil-ĠU L 342, 27.11.2014, p. 63, u fis-Suppliment taż-ŻEE Nru 71, 27.11.2014, p. 61, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/1084 tal-14 ta’ Ġunju 2017 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 651/2014 f’dak li għandu x’jaqsam ma’ għajnuna għal infrastruttura tal-portijiet u tal-ajruporti, livelli limitu ta’ notifika għal għajnuna għall-kultura u l-konservazzjoni tal-patrimonju u għajnuna għall-infrastrutturi għall-isport u għar-rikreazzjoni multifunzjonali, u l-iskemi ta’ għajnuna operatorja reġjonali għar-reġjuni ultraperiferiċi u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 702/2014 f’dak li jirrigwarda l-kalkolu tal-ispejjeż eliġibbli (ĠU L 156, 20.6.2017, p. 1), ara d-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt Nru 185/2017, ippubblikata fil-ĠU L 174, 27.6.2019, p. 56, u fis-Suppliment taż-ŻEE Nru 67, 19.10.2017, p. 668, u r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2020/972 tat-2 ta’ Lulju 2020 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1407/2013 fir-rigward tal-estensjoni tiegħu u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 651/2014 fir-rigward tal-estensjoni tiegħu u l-aġġustamenti rilevanti (ĠU L 215, 7.7.2020, p. 3), ara d-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt Nru 115/2020, għadha ma ġietx ippubblikata, u r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2021/1237 tat-23 ta’ Lulju 2021 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 651/2014 li jiddikjara ċerti kategoriji ta’ għajnuna bħala kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat (ĠU L 270, 29.7.2021, p. 39), ara d-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt Nru 196/2022, għadha ma ġietx ippubblikata.

(4)  L-iskeda tas-sommarju bir-referenza GBER 58/2020/R&D&I.

(5)  L-Iżlanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja.

(6)  Il-korrispondenza dwar il-monitoraġġ hija ppreżentata fil-Każ 87323.

(7)  Ara l-paragrafu 7 tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ.

(8)  Ara l-paragrafi 8 u 9 tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ.

(9)  Ara n-nota 1 f’qiegħ il-paġna.

(10)  Ara l-paragrafu 13 tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ. L-ESA tinnota li hija qieset fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ (it-Taqsimiet 3.2.1, 3.3.1, 3.4.1 u 3.6.1) li xi finanzjament indikat bħala għajnuna għall-istabbiliment kien jidher li ngħata f’konformità mad-dispożizzjonijiet dwar l-għajnuna operatorja skont l-Artikolu 27 tal-GBER u ma qajmitx dubji fir-rigward ta’ dawn l-għajnuniet. In-Norveġja kkonfermat li l-fehim tal-ESA kien korrett.

(11)  Ara wkoll it-Taqsimiet 4.1 sa 4.5 ta’ din id-Deċiżjoni.

(12)   ĠU C 428, 10.11.2022, p. 7 u s-Suppliment taż-ŻEE Nru 73, 10.11.2022, p. 2.

(13)  Id-Dokumenti Nru 1329262 u 1330232.

(14)  Id-Dokument Nru 1334726 flimkien mal-Annessi 1–16.

(15)  Id-Dokument Nru 1358377.

(16)  Id-Dokument Nru 1386374 flimkien mal-Annessi 1 - 20.

(17)  Id-Dokument Nru 1418389.

(18)  Id-Dokument Nru 1420121 flimkien mal-Annessi 1 - 25.

(19)  Id-Dokument Nru 1419444.

(20)  Id-Dokument Nru 1421792 flimkien mal-Annessi 1 - 8.

(21)  Id-Dokument Nru 1422151 u Anness.

(22)  Ara, pereżempju, Tools for growth – on Innovation Norway and Siva SF, 2012.

(23)   «NORSK KATAPULT», Forslag til program for å dekke økt behov for å teste, simulere og visualisere. 9 ta’ Frar 2015.

(24)  Meld. St. nr. 27 (2016-2017). Industrien – grønnere, smartere og mer nyskapendem, Marzu 2017. Sommarju bl-Ingliż: A greener, smarter and more innovative industry authorities.

(25)  Intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju.

(26)  Statsbudsjettet for 2017. Saldert budsjett for 2017 vedtatt i Stortinget høsten 2016. Ara wkoll Prop. 1 S (2016 – 2017). Proposisjon til Stortinget (forslag til stortingsvedtak). FOR BUDSJETTÅRET 2017.

(27)  Ir-Riżoluzzjoni dwar il-baġit tal-2017, il-paġni 128 u 193.

(28)  Statsbudsjettet 2017 - Oppdragsbrev til Siva, il-paġni 4 u 5. L-ESA tinnota li l-ittri tal-inkarigu tal-Ministeru għall-2018, l-2019 u l-2020 lil Siva kien fihom essenzjalment l-istess istrutturi fir-rigward taċ-ċentri catapult: L-ittra tal-inkarigu tal-2017, l-ittra tal-inkarigu tal-2018, l-ittra tal-inkarigu tal-2019 u l-ittra tal-inkarigu tal-2020.

(29)  SF jew Statsforetak tfisser Intrapriża tal-Istat, li hija tip ta’ kumpanija fin-Norveġja. L-SFs huma kompletament proprjetà tal-Gvern tan-Norveġja, iżda dan ma għandux responsabbiltà limitata fil-kumpanija.

(30)  Ara siva.no/English, u t-Taqsima 2 tal-Istatuti ta’ Siva tas-16 ta’ Ġunju 2021 (l-Istatuti).

(31)  Ara n-noti 2 u 4 f’qiegħ il-paġna, l-iskedi bir-referenzi GBER 38/2017/R&D&I u GBER 58/2020/R&D&I.

(32)  Id-Dokument Nru 1420115.

(33)  Id-Dokumenti Nru 1420117 u 1420111.

(34)  Peress li l-finanzjament tal-Iskema kien ibbażat fuq il-baġit tal-Istat, li jiġi adottat kull sena, Siva talbet ukoll baġits annwali li jidentifikaw il-pjanijiet ta’ investiment dettaljati minn kull ċentru.

(35)  Ara About Future Materials.

(36)  L-azzjonisti ta’ Future Materials AS huma Arendals Fossekompani ASA, Elkem ASA, Norner AS, ReSiTec AS u l-Università ta’ Agder.

(37)  Ara t-Taqsimiet 3.2 u 6.6.1 tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ.

(38)  Id-Dokument Nru 1191214.

(39)  Id-Dokument Nru 1191216.

(40)  Id-Dokument Nru 1191224.

(41)  Fis-snin 2018-2020, SINTEF Manufacturing AS serviet bħala l-organizzazzjoni faċilitatur fiċ-ċentru catapult. F’Jannar 2021, Manufacturing Technology Norwegian Catapult Centre AS ġiet stabbilita bħala entità legali separata.

(42)  L-azzjonisti ta’ Manufacturing Technology AS huma SINTEF Manufacturing AS, NCE Manufacturing u Total.

(43)  Ara t-Taqsima 3.3 u 6.6.2 tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ.

(44)  Id-Dokument Nru 1191218.

(45)  Id-Dokument Nru 1191220.

(46)  Id-Dokument Nru 1191222.

(47)  L-azzjonisti ta’ Sustainable Energy AS huma Haugland Kraft AS, NCE Maritime CleanTech, Vestlandets Innovasjonsselskap, Unitech Energy Group AS, The Switch Marine Drives Norway AS, NORCE Norwegian Research Centre u Norwegian Marine & Energy Complex.

(48)  Ara t-Taqsimiet 3.4 u 6.6.3 tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ.

(49)  Id-Dokument Nru 1191228.

(50)  Id-Dokument Nru 1191230.

(51)  L-azzjonisti ta’ Ocean Innovation AS huma GCE Ocean Technology, Vestlandets Innovasjonsselskap, NCE Seafood Innovation Cluster, Additech u Marineholmen Raslab AS.

(52)  Ara t-Taqsimiet 3.5 u 6.6.4 tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ.

(53)  Id-Dokument Nru 1191212.

(54)  ÅKP AS hija proprjetà konġunta ta’ korpi pubbliċi u l-industrija u, b’Siva u l-Muniċipalità ta’ Ålesund bħala l-akbar azzjonisti.

(55)  Ara t-Taqsimiet 3.6 u 6.6.5 tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ.

(56)  Id-Dokument Nru 1191228.

(57)  Id-Dokument Nru 1191230.

(58)  Il-paragrafu 49 tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ.

(59)  Id-Deċiżjoni tal-ESA Nru 271/14/COL tad-9 ta’ Lulju 2014 li temenda għas-sebgħa u disgħin darba r-regoli proċedurali u sostantivi fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat billi tadotta Linji Gwida ġodda għar-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni [2015/1359], ippubblikata fil-ĠU L 209, 6.8.2015, p. 17 u fis-Suppliment taż-ŻEE Nru 44, 6.8.2015, p.1, fil-paragrafu 14. Il-Linji gwida ġew emendati bid-Deċiżjoni tal-ESA Nru: 090/20/COL tal-15 ta’ Lulju 2020, ippubblikata fil-ĠU L 359, 29.10.2020, p. 6 u fis-Suppliment taż-ŻEE Nru 68, 29.10.2020, p. 4.

(60)  Kif spjegat mill-awtoritajiet Norveġiżi, fil-perjodu 2017-2020, l-użu tal-assi kien regolat fil-ftehimiet ta’ investiment u kooperazzjoni fiċ-ċentri catapult, ibbażati fuq l-istess prinċipji.

(61)  Limitati għas-sigħat ta’ xogħol meħtieġa għall-istabbiliment tat-tagħmir f’ċentru.

(62)  Kif spjegat mill-awtoritajiet Norveġiżi, Siva ddeċidiet li tħabbar żewġ sejħiet addizzjonali fl-2019 għat-tisħiħ u l-espansjoni taċ-Ċentri Catapult bil-għan li ċentri oħra jkunu jistgħu japplikaw għall-finanzjament ukoll.

(63)  L-awtoritajiet Norveġiżi jinnotaw li partita fil-baġit tal-għajnuna tal-2019 tikkonċerna wkoll investiment fl-2019 minn Sieħeb Ewlieni ieħor. Madankollu, Future Materials kien issottometta applikazzjoni għall-għajnuna għal dik il-partita diġà fl-2018.

(64)  Skema ta’ għajnuna kif definita fl-Artikolu 1(d) tal-Parti II tal-Protokoll 3. Il-paragrafu 58 tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ.

(65)  It-Taqsima 6.6 tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ.

(66)  Il-paragrafu 60 tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ.

(67)  L-Artikolu 1(b) tal-Parti II tal-Protokoll 3.

(68)  It-Taqsima 6.7 tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ. Ara, pereżempju, is-Sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Settembru 2020, Kerkosand vs Il-Kummissjoni, T-745/17, EU:T:2020:400, il-punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata.

(69)  Ara t-Taqsimiet 3, 6.2 u 6.6 tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ.

(70)  Ara l-paragrafu 71 tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ.

(71)  Fir-rigward tal-Ittra tal-2020 ta’ Future Materials.

(72)  Ara t-Taqsima 6.6 tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/1000/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)