European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje L


2024/956

26.3.2024

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2024/956

tal-4 ta’ Marzu 2024

dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE rigward l-emendar tal-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE, dwar il-kooperazzjoni f’oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba’ libertajiet (EDIRPA)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 173(3), flimkien mal-Artikolu 218(9), tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2894/94 tat-28 ta’ Novembru 1994 dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 1(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (2) (“il-Ftehim ŻEE”) daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1994.

(2)

Skont l-Artikolu 98 tal-Ftehim ŻEE, il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE jista’ jiddeċiedi li jemenda, fost l-oħrajn, il-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE, dwar il-kooperazzjoni f’oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba’ libertajiet.

(3)

Huwa xieraq li l-kooperazzjoni tal-Partijiet Kontraenti għall-Ftehim ŻEE tiġi estiża sabiex jiġi kopert ir-Regolament (UE) 2023/2418 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).

(4)

Għalhekk, jenħtieġ li l-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE jiġi emendat sabiex il-kooperazzjoni estiża tkun tista’ sseħħ b’mod retroattiv mis-27 ta’ Ottubru 2023.

(5)

Għalhekk, il-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE jenħtieġ li tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ Deċiżjoni mehmuż,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE dwar l-emendar propost tal-Protokoll 31 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE, dwar il-kooperazzjoni f’oqsma speċifiċi barra mill-erba’ libertajiet, għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta’ Marzu 2024.

Għall-Kunsill

Il-President

A. VERLINDEN


(1)   ĠU L 305, 30.11.1994, p. 6.

(2)   ĠU L 1, 3.1.1994, p. 3.

(3)  Ir-Regolament (UE) 2023/2418 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ottubru 2023 dwar l-istabbiliment ta’ strument għat-tisħiħ tal-Industrija Ewropea tad-Difiża permezz tal-Akkwist Komuni (EDIRPA) (ĠU L, 2023/2418, 26.10.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/2418/oj).


ABBOZZ

TA’ DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE Nru …

ta’ …

li temenda l-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE, dwar il-kooperazzjoni f’oqsma speċifiċi barra mill-erba’ libertajiet

IL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE,

Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-Ftehim ŻEE”), u b’mod partikolari l-Artikoli 86 u 98 tiegħu,

Billi:

(1)

Huwa xieraq li tiġi estiża l-kooperazzjoni tal-Partijiet Kontraenti għall-Ftehim ŻEE biex tkopri r-Regolament (UE) 2023/2418 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ottubru 2023 dwar l-istabbiliment ta’ strument għat-tisħiħ tal-Industrija Ewropea tad-Difiża permezz tal-Akkwist Komuni (EDIRPA) (1).

(2)

Huwa xieraq li l-parteċipazzjoni tal-Istati tal-EFTA fl-attivitajiet li jirriżultaw mir-Regolament (UE) 2023/2418 tibda mis-27 ta’ Ottubru 2023, irrispettivament minn meta din id-Deċiżjoni tiġi adottata, jew jekk it-twettiq tar-rekwiżiti kostituzzjonali għal din id-Deċiżjoni, jekk ikun hemm, ikun innotifikat wara l-10 ta’ Lulju 2023.

(3)

Entitajiet stabbiliti fl-Istati tal-EFTA jenħtieġ li jkunu intitolati li jipparteċipaw f’attivitajiet li jibdew qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni. Il-kostijiet imġarrba għall-attivitajiet li l-implimentazzjoni tagħhom tibda wara s-27 ta’ Ottubru 2023 jistgħu jitqiesu bħala eliġibbli taħt l-istess kundizzjonijiet bħal dawk applikabbli għall-kostijiet imġarrba minn entitajiet stabbiliti fl-Istati Membri tal-UE dment li din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ qabel it-tmiem tal-azzjoni kkonċernata. Il-klawżola dwar azzjonijiet eliġibbli b’mod retroattiv fl-Artikolu 6(3) tar-Regolament (UE) 2023/2418 tapplika wkoll.

(4)

Il-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni tal-Istati tal-EFTA u l-istituzzjonijiet, l-impriżi, l-organizzazzjonijiet u ċ-ċittadini tagħhom fil-programmi tal-Unjoni Ewropea huma stabbiliti fil-Ftehim ŻEE, u b’mod partikolari fl-Artikolu 81 tiegħu.

(5)

Għalhekk, il-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE jenħtieġ li jiġi emendat sabiex din il-kooperazzjoni estiża tkun tista’ tibda sseħħ mis-27 ta’ Ottubru 2023,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-paragrafu segwenti jinżdied wara l-paragrafu 15 tal-Artikolu 7 tal-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE:

“16.

32023 R 2418: Ir-Regolament (UE) 2023/2418 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ottubru 2023 dwar l-istabbiliment ta’ strument għat-tisħiħ tal-Industrija Ewropea tad-Difiża permezz tal-Akkwist Komuni (EDIRPA) (ĠU L, 2023/2418, 26.10.2023).

L-Istati tal-EFTA għandhom, mis-27 ta’ Ottubru 2023, jipparteċipaw fl-azzjonijiet tal-Unjoni relatati mal-linji baġitarji li ġejjin tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea:

Linja baġitarja 13 01 04: “Nefqa ta’ appoġġ għall-Istrument tad-Difiża fuq Medda Qasira dwar akkwist komuni”.

Linja baġitarja 13 06 01: “Strument tad-Difiża fuq Medda Qasira dwar akkwist komuni”.

Il-kostijiet imġarrba għal attivitajiet li l-implimentazzjoni tagħhom tibda wara s-27 ta’ Ottubru 2023 jew, jekk il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 6(3) tar-Regolament (UE) 2023/2418 jiġu ssodisfati, wara l-24 ta’ Frar 2022 jistgħu jitqiesu bħala eliġibbli mid-data tal-bidu tal-azzjoni msemmija fil-ftehim tal-għotja jew fid-deċiżjonijiet tal-għotja kkonċernati, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fihom, dment li d-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru ... ta’ ... [Din id-Deċiżjoni] tidħol fis-seħħ qabel tmiem l-azzjoni.

L-Iżlanda u l-Liechtenstein għandhom jiġu eżentati mill-parteċipazzjoni fl-Istrument stabbilit mir-Regolament (UE) 2023/2418 u mill-kontribuzzjoni finanzjarja għalih.”

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-aħħar notifika skont l-Artikolu 103(1) tal-Ftehim ŻEE (*1).

Għandha tapplika mis-27 ta’ Ottubru 2023.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fit-Taqsima taż-ŻEE ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, u fis-Suppliment tiegħu dwar iż-ŻEE.

Magħmul fi ..., ...

Għall-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

Il-President

Is-Segretarji

tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE


(1)   ĠU L, 2023/2418, 26.10.2023.

(*1)  [Ma huma indikati l-ebda rekwiżiti kostituzzjonali.] [Huma indikati rekwiżiti kostituzzjonali.]


Dikjarazzjoni mill-Istati tal-EFTA għad-Deċiżjoni Nru ... [Din id-Deċiżjoni] li temenda l-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE biex tiġi estiża l-kooperazzjoni tal-Partijiet Kontraenti sabiex tiġi inkluża l-parteċipazzjoni tal-Istati tal-EFTA fl-Istrument stabbilit mir-Regolament (UE) 2023/2418

Din id-Deċiżjoni testendi l-kooperazzjoni tal-Partijiet Kontraenti sabiex tiġi inkluża l-parteċipazzjoni tal-Istati tal-EFTA fl-Istrument stabbilit bir-Regolament (UE) 2023/2418 (“l-Istrument”). L-Istati tal-EFTA jqisu li l-kwistjonijiet ta’ difiża jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim ŻEE, u għalhekk li l-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni ma testendix il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim ŻEE biex tinkludi kwistjonijiet ta’ difiża lil hinn mill-parteċipazzjoni fl-Istrument. L-Istati tal-EFTA jenfasizzaw ukoll li l-Iżlanda u l-Liechtenstein ma għandhomx jipparteċipaw fl-Istrument u ma għandhomx jikkontribwixxu finanzjarjament għalih.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/956/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)