Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Serje L |
2024/947 |
25.3.2024 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2024/947
tal-4 ta’ Marzu 2024
li tawtorizza l-ftuħ ta' negozjati mal-Iżlanda għal ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Iżlanda dwar it-trasferiment ta' data tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) mill-Unjoni Ewropea lill-Iżlanda għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta' reati terroristiċi u kriminalità serja
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 16(2) u l-Artikolu 87(2), il-punt (a), flimkien mal-Artikolu 218(3) u (4) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1) |
Jenħtieġ li n-negozjati jinfetħu bil-ħsieb li jiġi konkluż ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Iżlanda dwar it-trasferiment ta' data tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) mill-Unjoni Ewropea lill-Iżlanda għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta' reati terroristiċi u kriminalità serja (il-“Ftehim”). |
(2) |
Jenħtieġ li l-Ftehim jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti b'mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-“Karta”), kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari, id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja, rikonoxxut fl-Artikolu 7 tal-Karta, id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali rikonoxxut fl-Artikolu 8 tal-Karta u d-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali rikonoxxut fl-Artikolu 47 tal-Karta. Jenħtieġ li l-Ftehim jiġi applikat f'konformità ma' dawk id-drittijiet u l-prinċipji filwaqt li jqis b'mod xieraq il-prinċipju ta' proporzjonalità f'konformità mal-Artikolu 52(1) tal-Karta. |
(3) |
Jenħtieġ li d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim jiġu stabbiliti b’żieda mal-istandards internazzjonali applikabbli dwar data tal-PNR, kif jinsabu fil-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali, jiġifieri fl-Anness 9 (Faċilitazzjoni), il-Kapitolu 9 (Sistema ta' skambju ta' data dwar il-passiġġieri), it-Taqsima D (Data tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR)) għaliha. |
(4) |
Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f'konformità mal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) u ta opinjoni fit-30 ta’ Ottubru 2023. |
(5) |
F'konformità mal-Artikolu 3 tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), l-Irlanda, permezz ta' ittra tal-15 ta’ Frar 2024, innotifikat ix-xewqa tagħha li tieħu sehem fl-adozzjoni u fl-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni. |
(6) |
F'konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-TUE u mat-TFUE, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u mhix marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
1. Il-Kummissjoni hija b'dan awtorizzata tiftaħ negozjati mal-Iżlanda għal ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Iżlanda dwar it-trasferiment ta' data tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) mill-Unjoni Ewropea lill-Iżlanda għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta' reati terroristiċi u kriminalità serja.
2. In-negozjati għandhom jitwettqu abbażi tad-direttivi ta' negozjar tal-Kunsill stipulati fl-addendum ta’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Il-Kummissjoni hija b'dan maħtura bħala n-negozjatur tal-Unjoni.
Artikolu 3
1. In-negozjati għandhom jitwettqu b'konsultazzjoni mal-Grupp ta' Ħidma tal-Kunsill dwar l-Iskambju ta' Informazzjoni tal-ĠAI (IXIM), soġġett għal kwalunkwe direttiva li l-Kunsill jista' sussegwentement jipprovdi lill-Kummissjoni.
2. Il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Kunsill dwar kemm it-twettiq kif ukoll l-eżitu tan-negozjati fuq bażi regolari u kull meta tintalab mill-Kunsill, u għandha tibgħatlu d-dokumenti rilevanti kmieni kemm jista' jkun sabiex il-membri tal-Kunsill ikollhom żmien raġonevoli biex iħejju ruħhom kif xieraq għan-negozjati li ġejjin.
Fejn adatt, jew meta mitlub mill-Kunsill, il-Kummissjoni għandha tipproduċi rapport bil-miktub.
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.
Magħmul fi Brussell, l-4 ta’ Marzu 2024.
Għall-Kunsill
Il-President
A. VERLINDEN
(1) Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/947/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)