European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje L


2024/920

22.3.2024

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/920

tat-13 ta’ Diċembru 2023

li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/2402 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw l-iskattaturi relatati mal-prestazzjoni u l-kriterji għall-kalibrazzjoni ta’ dawk l-iskattaturi

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2017/2402 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2017 li jistabbilixxi qafas ġenerali għat-titolizzazzjoni u li joħloq qafas speċifiku għal titolizzazzjoni sempliċi, trasparenti u standardizzata, u li jemenda d-Direttivi 2009/65/KE, 2009/138/KE u 2011/61/UE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 648/2012 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 26c(5), is-sitt subparagrafu tiegħu,

Billi:

(1)

Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-iskattaturi b’ħarsa lura msemmija fl-Artikolu 26c(5), it-tielet subparagrafu, il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2017/2402, huwa meħtieġ li jiġi speċifikat il-punt tat-tluq li minnu għandha titkejjel iż-żieda fl-ammont kumulattiv ta’ skoperturi inadempjenti jew iż-żieda fit-telf kumulattiv. Bħala regola ġenerali, id-data tal-għeluq tat-tranżazzjoni għandha tittieħed bħala l-punt tal-bidu tal-kejl. Madankollu, jista’ jkun hemm każijiet fejn ma jkunx possibbli li tintuża dik id-data tal-għeluq tat-tranżazzjoni bħala punt ta’ kejl tal-bidu, inkluż fejn it-tranżazzjoni tinkludi perjodu ta’ rikostituzzjoni, jew perjodu predefinit li fih jinbena l-portafoll titolizzat, wara d-data tal-għeluq. Huwa għalhekk meħtieġ li jiġu stabbiliti regoli speċifiċi għal dawk il-każijiet.

(2)

Il-punt ta’ distakkament (D) ta’ segment jiddetermina l-punt li fih il-kapital ta’ dak is-segment jitnaqqas kompletament bħala riżultat ta’ telf fil-pula sottostanti. Konsegwentement, meta s-segment protett jibda jġorr it-telf, il-punt ta’ distakkament jonqos b’mod korrispondenti. Sabiex jiġi evitat li s-segmenti li jipprovdu titjib fil-kreditu jkunu diġà ġew amortizzati meta jseħħ telf sinifikanti fi tmiem it-tranżazzjoni, l-iskattatur addizzjonali li jħares lura msemmi fil-punt (b) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 26c(5) tar-Regolament (UE) 2017/2402 jenħtieġ li jkun marbut ma’ tnaqqis tal-punt ta’ distakkament tas-segment protett l-aktar superjuri, sabiex jiġi ggarantit it-titjib tal-kreditu pprovdut mis-segment protett l-aktar superjuri meta mqabbel mas-segmenti aktar superjuri miżmuma mill-oriġinatur matul il-ħajja tat-tranżazzjoni. Għall-istess raġuni, l-iskattatur li jħares ’il quddiem imsemmi fl-Artikolu 26c(5), it-tielet subparagrafu, il-punt (c), tar-Regolament (UE) 2017/2402 jenħtieġ li jseħħ meta l-prestazzjoni mistennija tal-aggregazzjoni ta’ skoperturi sottostanti titnaqqas b’żieda fir-riskju ta’ konċentrazzjoni fit-titolizzazzjoni maż-żmien jew, għal tranżazzjonijiet fejn ir-riskju tal-konċentrazzjoni jkun inqas evidenti, minn deterjorament tal-kwalità kreditizja medja ta’ dak l-aggregazzjoni ta’ skoperturi sottostanti maż-żmien.

(3)

Aggregazzjoni kkonċentrata ħafna ta’ skoperturi sottostanti żżid ir-riskju ta’ telf kbir fit-titolizzazzjoni. Peress li r-riskju ta’ konċentrazzjoni huwa aktar prevalenti f’aggregazzjonijiet ta’ skoperturi sottostanti li għandhom granularità baxxa, huwa meħtieġ li jiġi stabbilit limitu għall-granularità minima tal-aggregazzjoni ta’ skoperturi sottostanti mkejla bin-numru effettiv ta’ skoperturi fl-aggregazzjoni. Meta r-riskju ta’ konċentrazzjoni jkun inqas prevalenti, l-iskattatur li jħares ’il quddiem jenħtieġ li jkun soġġett għall-kwalità kreditizja medja tal-portafoll sottostanti. Sabiex jiġi stabbilit dak l-iskattatur, il-kwalità kreditizja tal-portafoll sottostanti jenħtieġ li titkejjel mill-oriġinazzjoni tat-titolizzazzjoni.

(4)

Peress li mhuwiex possibbli li tiġi prevista kalibrazzjoni waħda tajba għal kulħadd li tkun applikabbli għat-tranżazzjonijiet kollha, minħabba l-varjetà fit-tipi ta’ portafolli u strutturi sottostanti fit-titolizzazzjonijiet fil-karta tal-bilanċ, huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti kriterji għall-istabbiliment tal-livelli tal-iskattaturi relatati mal-prestazzjoni msemmija fl-Artikolu 26c(5), it-tielet subparagrafu, tar-Regolament (UE) 2017/2402. Sabiex jiġi żgurat li ma jkun hemm l-ebda riskju sinifikanti li s-segmenti li jipprovdu titjib fil-kreditu jamortizzaw sal-punt li ma jkunx hemm biżżejjed protezzjoni biex jiġi assorbit telf sinifikanti li jseħħ fi tmiem it-tranżazzjoni, jenħtieġ li dawk il-kriterji jiġu stabbiliti b’mod prudenti. Għal dak l-għan, il-partijiet għat-titolizzazzjoni jenħtieġ li jittestjaw l-effettività tal-iskattaturi li jħarsu lura f’xenarju ta’ distribuzzjoni tat-telf differit filwaqt li jqisu t-telf mistenni matul il-maturità sħiħa tat-tranżazzjoni fid-data tal-għeluq tagħha.

(5)

Sabiex ma jkunx hemm interferenza mal-kuntratti eżistenti konklużi qabel l-ispeċifikazzjoni tal-iskattaturi obbligatorji relatati mal-prestazzjoni u l-kriterji għall-kalibrazzjoni tagħhom, huwa meħtieġ li jiġi previst reġim tranżizzjonali għat-titolizzazzjonijiet STS pendenti fil-karta tal-bilanċ.

(6)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji ppreżentat lill-Kummissjoni mill-Awtorità Bankarja Ewropea.

(7)

L-Awtorità Bankarja Ewropea wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-standards tekniċi regolatorji abbozzati li fuqu huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji relatati potenzjali u talbet il-parir tal-Grupp tal-Partijiet Bankarji Interessati stabbilit f’konformità mal-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2),

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“l-aktar segment superjuri protett” f’titolizzazzjoni tfisser l-inqas segment subordinat f’termini ta’ distribuzzjoni tat-telf li jibbenefika mill-protezzjoni tal-kreditu eliġibbli skont il-ftehim ta’ protezzjoni tal-kreditu;

(2)

“medda ta’ riskju ta’ kreditu” tfisser segment tal-portafoll sottostanti li għalih huma assenjati l-iskoperturi minn dak il-portafoll f’konformità mal-Artikolu 4(5) u li jinvolvi grad ta’ riskju ta’ kreditu kif imkejjel fuq il-bażi ta’ kriterji relatati mar-riskju ta’ kreditu, fejn kull segment reċiprokament esklussiv jinvolvi riskju ta’ kreditu li huwa ikbar minn jew inqas minn segment ieħor;

(3)

“xenarju ta’ distribuzzjoni tat-telf pospost” tfisser xenarju li fih żewġ terzi tal-ammont assolut ta’ telf mistenni li jseħħ matul il-maturità sħiħa tat-tranżazzjoni fid-data tal-għeluq tagħha jseħħ fl-aħħar parti tal-maturità mistennija tagħha.

Artikolu 2

Speċifikazzjoni tal-ammont pendenti tal-portafoll sottostanti għall-iskattaturi li jħarsu lura msemmija fl-Artikolu 26c(5), it-tielet subparagrafu, il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2017/2402

1.   Ħlief għall-każijiet imsemmija fil-paragrafi 2 u 3, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-iskattaturi b’ħarsa lura msemmija fl-Artikolu 26c(5), it-tielet subparagrafu, il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2017/2402, l-ammont pendenti tal-portafoll sottostanti għandu jkun l-ammont pendenti fid-data tal-għeluq tat-tranżazzjoni.

2.   Meta t-titolizzazzjoni tinkludi perjodu ta’ rikostituzzjoni, l-ammont pendenti tal-portafoll sottostanti jkun l-inqas wieħed minn dawn li ġejjin:

(a)

l-ammont pendenti fid-data tal-għeluq tat-tranżazzjoni;

(b)

l-ammont pendenti fi tmiem il-perjodu ta’ rikostituzzjoni.

3.   Meta t-titolizzazzjoni tinkludi perjodu predefinit li matulu jinbena l-portafoll ta’ skoperturi titolizzati, u li jibda fid-data tal-għeluq tat-tranżazzjoni, u fejn il-ftehim ta’ protezzjoni tal-kreditu jkun applikabbli mid-data tal-għeluq tat-tranżazzjoni, l-ammont pendenti tal-portafoll sottostanti għandu jkun dan li ġej:

(a)

matul il-perjodu ta’ akkumulazzjoni predefinit, l-ammont pendenti għandu jkun l-ammont massimu tal-iskoperturi titolizzati permessi fil-ftehim ta’ protezzjoni tal-kreditu fi tmiem dak il-perjodu predefinit;

(b)

wara t-tmiem tal-perjodu ta’ akkumulazzjoni predefinit, l-ammont pendenti għandu jkun l-ammont pendenti fi tmiem dak il-perjodu predefinit.

4.   Għall-finijiet tal-paragrafi 1 sa 3, il-partijiet għall-ftehim ta’ protezzjoni tal-kreditu għandhom jikkalkulaw iż-żieda fl-ammont kumulattiv ta’ skoperturi inadempjenti jew iż-żieda fit-telf kumulattiv mid-data tal-għeluq tat-tranżazzjoni.

Artikolu 3

Speċifikazzjoni tal-applikazzjoni tal-iskattatur addizzjonali li jħares lura msemmi fl-Artikolu 26c(5), it-tielet subparagrafu, il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2017/2402

1.   Il-partijiet għall-ftehim ta’ protezzjoni tal-kreditu għandhom jistabbilixxu limitu għall-perċentwal tat-tnaqqis tal-punt ta’ distakkament tas-segment l-aktar superjuri protett, ikkalkulat f’konformità mal-Artikolu 256(2) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), mil-livell tiegħu fid-data tal-għeluq tat-tranżazzjoni, jew, fejn it-titolizzazzjoni tinkludi perjodu predefinit li matulu jinbena l-portafoll ta’ skoperturi titolizzati, fi tmiem dak il-perjodu ta’ akkumulazzjoni predefinit.

2.   L-iskattatur addizzjonali li jħares lura msemmi fl-Artikolu 26c(5), it-tielet subparagrafu, il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2017/2402 għandu jseħħ fi kwalunkwe ħin wara d-data tal-għeluq tat-tranżazzjoni fejn it-tnaqqis tal-punt ta’ distakkament jaqbeż il-limitu ddeterminat f’konformità mal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

Artikolu 4

Speċifikazzjoni tal-applikazzjoni tal-iskattatur li jħares ’il quddiem imsemmi fl-Artikolu 26c(5), it-tielet subparagrafu, il-punt (c), tar-Regolament (UE) 2017/2402

1.   L-iskattatur li jħares ’il quddiem għandu jiġi ddeterminat f’konformità mal-paragrafu 2 jew mal-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu, skont in-numru effettiv ta’ skoperturi fl-aggregazzjoni (“N”), ikkalkolat f’konformità mal-Artikolu 259(4) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, fid-data tal-għeluq tat-tranżazzjoni.

2.   Fejn N huwa inqas minn 100, il-partijiet għall-ftehim ta’ protezzjoni tal-kreditu għandhom jistabbilixxu limitu għan-numru tal-akbar skoperturi titolizzati lejn debituri individwali, ikkalkulat skont il-paragrafu 3.

L-iskattatur li jħares ’il quddiem għandu jseħħ meta, fi kwalunkwe ħin, in-numru tal-akbar skoperturi titolizzati lejn debituri individwali, ikkalkulat skont il-paragrafu 3, jaqa’ taħt il-limitu stabbilit skont l-ewwel subparagrafu.

3.   Sabiex jiġi ddeterminat in-numru tal-akbar skoperturi titolizzati lejn obbliganti individwali, kif imsemmi fil-paragrafu 2, il-partijiet għat-titolizzazzjoni għandhom jieħdu l-passi li ġejjin fl-ordni li ġejja:

(a)

huma għandhom jikkonsolidaw skoperturi multipli lill-istess debitur u jittrattawhom bħala skopertura waħda;

(b)

huma għandhom jisseparaw l-iskoperturi konsolidati lil debituri individwali bl-ammont pendenti tagħhom, f’ordni dixxendenti;

(c)

huma għandhom iżidu l-ammonti pendenti tal-iskoperturi titolizzati lejn debituri individwali, billi jibdew bl-akbar skopertura, f’ordni dixxendenti;

(d)

iż-żieda msemmija fil-punt (c) għandha tieqaf qabel ma tiżdied l-iskopertura li jmiss tirriżulta fit-total li jkun ogħla mis-somma tal-ammonti pendenti tas-segment protett l-aktar superjuri u tas-segmenti subordinati għalih.

4.   Fejn N hija ugwali għal jew akbar minn 100, il-partijiet għall-ftehim ta’ protezzjoni tal-kreditu għandhom jistabbilixxu limitu għaż-żieda bejn il-proporzjon tal-ammont pendenti tal-meded ta’ riskju ta’ kreditu ogħla, kif determinat skont il-paragrafu 8, diviż bl-ammont pendenti totali tal-iskoperturi titolizzati kollha (“proporzjon tat-taqsimiet tar-riskju ta’ kreditu ogħla”), u l-proporzjon korrispondenti fid-data tal-għeluq tat-tranżazzjoni.

L-iskattatur li jħares ’il quddiem għandu jseħħ meta, fi kwalunkwe ħin, jinkiser il-limitu stabbilit f’konformità mal-ewwel subparagrafu.

5.   Il-partijiet għall-ftehim ta’ protezzjoni tal-kreditu għandhom jistabbilixxu b’mod ċar fid-dokumentazzjoni tat-tranżazzjoni l-kriterji għall-assenjazzjoni tal-iskoperturi għall-meded tar-riskju ta’ kreditu.

Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu, il-partijiet għall-ftehim ta’ protezzjoni tal-kreditu għandhom jiddeterminaw, fil-ftehim ta’ protezzjoni tal-kreditu, id-differenzjazzjoni bejn it-taqsimiet tar-riskju ta’ kreditu individwali abbażi ta’ dan li ġej:

(a)

il-gradi msemmija fl-Artikolu 170(1), il-punt (b), tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, meta l-oriġinatur japplika l-Approċċ IRB f’konformità mal-Parti Tlieta, it-Titolu II, il-Kapitolu 3 ta’ dak ir-Regolament sabiex jiddetermina r-rekwiżiti ta’ fondi proprji għar-riskju ta’ kreditu għal skoperturi titolizzati għal korporattivi, bl-eċċezzjoni tal-iskoperturi ta’ għoti ta’ self speċjalizzat imsemmija fil-punt (b), l-istituzzjonijiet u l-gvernijiet ċentrali u l-banek ċentrali;

(b)

il-gradi msemmija fl-Artikolu 170(2) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, fejn l-oriġinatur japplika l-Approċċ IRB f’konformità mal-Parti Tlieta, it-Titolu II, il-Kapitolu 3 ta’ dak ir-Regolament sabiex jiddetermina r-rekwiżiti ta’ fondi proprji għar-riskju ta’ kreditu għal skoperturi titolizzati li huma ttrattati bħala skoperturi ta’ għoti ta’ self speċjalizzat li għalihom japplikaw il-metodi stabbiliti fl-Artikolu 153(5) ta’ dak ir-Regolament;

(c)

il-gradi jew l-aggregazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 170(3), il-punt (b), tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 meta l-oriġinatur japplika l-Approċċ IRB f’konformità mal-Parti Tlieta, it-Titolu II, il-Kapitolu 3 ta’ dak ir-Regolament sabiex jiddetermina r-rekwiżiti ta’ fondi proprji għar-riskju ta’ kreditu għal skoperturi titolizzati li huma ttrattati bħala skoperturi fil-livell tal-konsumatur;

(d)

fil-każijiet l-oħra kollha, skont il-qafas kontabilistiku applikabbli applikat mill-oriġinatur fir-rapporti finanzjarji tiegħu.

6.   Il-partijiet għall-ftehim ta’ protezzjoni tal-kreditu għandhom jassenjaw l-iskoperturi li ġejjin għal meded tar-riskju ta’ kreditu ogħla mill-meded tar-riskju ta’ kreditu ddeterminati f’konformità mal-paragrafu 5:

(a)

l-iskoperturi iskoperturi kollha f’inadempjenza kif imsemmija fl-Artikolu 178(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(b)

l-iskoperturi kollha għal debitur bi kreditu indebolit;

(c)

l-iskoperturi l-oħra kollha li jinvolvu riskju ta’ kreditu ogħla skont il-ftehim ta’ protezzjoni tal-kreditu, minbarra dawk imsemmija fil-punti (a) u (b).

Il-partijiet għall-ftehim ta’ protezzjoni tal-kreditu għandhom jeskludu mill-assenjazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu l-iskoperturi kollha li kienu soġġetti għal avveniment ta’ kreditu skont il-ftehim ta’ protezzjoni tal-kreditu u li għalihom ikun sar pagament interim jew finali ta’ protezzjoni tal-kreditu li jkun naqqas l-ammont totali tas-segment protett u s-segmenti l-oħrajn li huma subordinati għalih.

7.   Meta l-iskoperturi titolizzati jinkludu aktar minn wieħed mill-gruppi ta’ skoperturi msemmija fil-punti (a) sa (d) tal-paragrafu 5, il-partijiet għall-ftehim ta’ protezzjoni tal-kreditu għandhom jassenjaw l-iskoperturi għall-meded tar-riskju ta’ kreditu ogħla għal kull wieħed minn dawn il-gruppi ddeterminati f’konformità mal-paragrafu 5.

8.   Għall-finijiet tal-paragrafu 4, l-ammont pendenti tal-meded ta’ riskju ta’ kreditu ogħla għandu jkun is-somma tal-ammonti pendenti tal-iskoperturi titolizzati kollha assenjati għat-taqsimiet f’konformità mal-paragrafu 6 u 7.

Artikolu 5

Kriterji għall-iffissar tal-livell tal-iskattaturi msemmija fl-Artikolu 26c(5), it-tielet subparagrafu, tar-Regolament (UE) 2017/2402

Il-partijiet għall-ftehim ta’ protezzjoni tal-kreditu għandhom jistabbilixxu l-limiti għall-iskattaturi relatati mal-prestazzjoni msemmija fl-Artikolu 26c(5), it-tielet subparagrafu, tar-Regolament (UE) 2017/2402 f’livell li jiżgura li jiġu ssodisfati l-kriterji kollha li ġejjin:

(a)

l-iskattaturi jiġu attivati qabel ma s-segmenti li jipprovdu protezzjoni tal-kreditu jkunu ġew amortizzati sal-punt li dawk is-segmenti ma jkunux jistgħu jassorbu telf sinifikanti li jseħħ fl-aħħar parti tal-maturità tat-tranżazzjoni;

(b)

fir-rigward ta’ skattaturi li jħarsu lura, l-effettività ta’ dawk l-iskattaturi ġiet ittestjata f’xenarju ta’ distribuzzjoni tat-telf differit;

(c)

meta l-oriġinatur japplika l-Parti Tlieta, it-Titolu II, il-Kapitolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 biex jiddetermina r-rekwiżiti ta’ fondi proprji għall-iskopertura tiegħu għat-titolizzazzjoni, kemm il-kalkolu tat-telf mistenni tul il-ħajja kif ukoll is-suppożizzjonijiet li għandhom isiru f’xenarju ta’ distribuzzjoni tat-telf differit huma konsistenti ma’ dawk użati għall-valutazzjoni tat-trasferiment tar-riskju sinifikanti u proporzjonat skont l-Artikolu 245 ta’ dak ir-Regolament.

Artikolu 6

Titolizzazzjonijiet pendenti ta’ STSs fil-karta tal-bilanċ li juru prijorità mhux sekwenzjali ta’ pagamenti

Għal titolizzazzjonijiet STS fil-karta tal-bilanċ li għandhom prijorità mhux sekwenzjali ta’ pagamenti u skattaturi relatati mal-prestazzjoni f’konformità mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 26c(5) tar-Regolament (UE) 2017/2402, u li ġew innotifikati lill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq f’konformità mal-Artikolu 27(1) ta’ dak ir-Regolament qabel 11 ta' April 2024, l-oriġinaturi u l-SSPEs jistgħu, mingħajr ma jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 1 sa 5 ta’ dan ir-Regolament, ikomplu jużaw id-deżinjazzjoni “STS” jew “sempliċi, trasparenti u standardizzata” jew deżinjazzjoni li tirreferi direttament jew indirettament għal dawk it-termini, dment li dawk it-titolizzazzjonijiet jikkonformaw mal-Artikolu 18 ta’ dak ir-Regolament

Artikolu 7

Daħla fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Diċembru 2023.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 347, 28.12.2017, p. 35.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2024/920/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)