European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje L


2024/918

26.3.2024

REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/918

tal-25 ta’ Marzu 2024

li jemenda l-Anness VII tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ ċerti rekwiżiti ta’ rapportar għall-Istati Membri dwar programmi nazzjonali ta’ tnissil biex jagħżlu annimali reżistenti għall-enċefalopatiji sponġiformi trażmissibbli

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 999/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2001 li jistabbilixxi regoli għall-prevenzjoni, kontroll u eradikazzjoni ta’ ċerti enċefalopatiji sponġiformi (1) li jinxterdu, u b’mod partikolari l-Artikolu 23a, il-punt (m) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-rekwiżiti ta’ rapportar għandhom rwol fundamentali fl-iżgurar tal-monitoraġġ xieraq u l-infurzar korrett tal-leġiżlazzjoni. Madankollu, huwa importanti li dawk ir-rekwiżiti jiġu ssimplifikati, sabiex jiġi żgurat li jissodisfaw l-għan li għalih kienu previsti u li jillimitaw il-piż amministrattiv.

(2)

Ir-Regolament (KE) Nru 999/2001 fih għadd ta’ rekwiżiti ta’ rapportar fil-qasam tas-saħħa tal-annimali, li għalhekk jenħtieġ li jiġu ssimplifikati, f’konformità mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar “Il-kompetittività fit-tul tal-UE: inħarsu lil hinn mill-2030 (2)”.

(3)

Ir-Regolament (KE) Nru 999/2001 jistabbilixxi r-regoli għall-prevenzjoni, il-kontroll u l-eradikazzjoni ta’ ċertu enċefalopatija sponġiformi li tinxtered (TSE) f’annimali bovini, ovini u kaprini.

(4)

L-Artikolu 6a tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 jipprevedi li l-Istati Membri jistgħu jintroduċu programmi ta’ tnissil biex jagħżlu annimali reżistenti għat-TSE fil-popolazzjonijiet ovini tagħhom (il-programmi ta’ tnissil). Skont l-Artikolu 6a(3) ta’ dak ir-Regolament, l-Istati Membri li jintroduċu programmi ta’ tnissil huma meħtieġa jippreżentaw rapporti regolari lill-Kummissjoni (ir-rapporti).

(5)

L-Anness VII, il-Kapitolu C, il-Parti 5 tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 jesiġi li r-rapporti jiġu ppreżentati lill-Kummissjoni fuq bażi annwali.

(6)

L-emenda proposta se tissimplifika r-rekwiżiti ta’ rapportar għall-Istati Membri billi timxi minn rapportar annwali sistematiku għal rapportar meta jkun hemm ħtieġa ċara, jiġifieri meta jkunu saru bidliet fil-programmi ta’ tnissil. L-emenda proposta mhux se jkollha impatt fuq l-objettiv ewlieni ta’ politika li huwa li jiġi żgurat li l-Istati Membri jkomplu jimmonitorjaw u jirrapportaw dwar is-sitwazzjoni epidemjoloġika tagħhom fir-rigward tat-TSEs.

(7)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (KE) Nru 999/2001 jiġi emendat skont dan.

(8)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness VII tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 huwa emendat skont l-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Marzu 2024.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 147, 31.5.2001, p. 1.

(2)  COM (2023) 168.


ANNESS

Fl-Anness VII għar-Regolament (KE) Nru 999/2001, fil-Kapitolu C, il-Parti 5 hija sostitwita b’dan li ġej:

PARTI 5

Rapporti li l-Istati Membri għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni

L-Istati Membri li jintroduċu programmi nazzjonali ta’ tnissil biex jagħżlu annimali reżistenti għat-TSE fil-popolazzjonijiet ovini tagħhom għandhom:

1.

jinnotifikaw lill-Kummissjoni r-rekwiżiti għal dawn il-programmi;

2.

jippreżentaw rapport lill-Kummissjoni meta jsiru bidliet għal dawn il-programmi.”


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/918/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)