European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje L


2024/912

25.3.2024

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/912

tal-15 ta’ Diċembru 2023

li jissupplimenta d-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw l-informazzjoni li għandha tiġi nnotifikata fir-rigward tal-attivitajiet transfruntiera tal-maniġers ta’ fondi ta’ investiment alternattivi (AIFMs)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2011 dwar Maniġers ta’ Fondi ta’ Investiment Alternattivi u li temenda d-Direttivi 2003/41/KE u 2009/65/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 1095/2010 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 33(7), it-tieni subparagrafu tagħha,

Billi:

(1)

L-ambitu u l-kontenut tal-informazzjoni li għandha tiġi nnotifikata lill-awtoritajiet kompetenti skont l-Artikolu 33(2) u (3) tad-Direttiva 2011/61/UE, ivarjaw skont l-iskop u l-forma tan-notifika. Għalhekk huwa xieraq li tiġi speċifikata l-informazzjoni li għandha tiġi nnotifikata mill-maniġers ta’ fondi ta’ investiment alternattivi (“AIFMs”) għal kull tip ta’ notifika.

(2)

Sabiex jiġi żgurat li l-awtoritajiet kompetenti jkunu infurmati f’kull ħin dwar l-attivitajiet tal-AIFMs u sabiex dawk l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jeżerċitaw kif xieraq is-setgħat superviżorji tagħhom, jenħtieġ li jiġu infurmati dwar kull bidla fl-informazzjoni notifikata. Dan jinkludi kwalunkwe rtirar, kanċellazzjoni ta’, jew bidla fl-awtorizzazzjoni mogħtija inizjalment lil AIFM.

(3)

L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiġu pprovduti b’informazzjoni dwar persuni responsabbli għall-ġestjoni tal-fergħa u d-dettalji ta’ kuntatt tagħhom. Il-persuni jenħtieġ li jitqiesu responsabbli għall-ġestjoni tal-fergħa jekk ikollhom is-setgħa li jistabbilixxu l-istrateġija, l-objettivi u d-direzzjoni ġenerali tal-fergħa, biex jidderieġu b’mod effettiv in-negozju tal-fergħa jew jekk ikunu responsabbli għan-negozju ta’ kuljum tal-fergħa f’kapaċità maniġerjali. Sabiex tiġi evitata kwalunkwe lakuna, jenħtieġ li jiġi żgurat li għal kull parti tal-attivitajiet, l-oqsma tan-negozju u l-funzjonijiet maniġerjali tal-fergħa, il-persuni fil-pożizzjoni ta’ tmexxija rispettiva jiġu nnotifikati.

(4)

In-numru Internazzjonali għall-Identifikazzjoni tat-Titoli (ISIN) u l-Identifikatur tal-Entità Ġuridika (LEI) ta’ fond ta’ investiment alternattiv (AIF) huma estremament importanti biex jippermettu identifikazzjoni unika tal-AIF b’mezzi elettroniċi. Dan ir-Regolament għalhekk jinkludi n-notifika obbligatorja tal-ISIN u tal-LEI fejn ikunu ġew assenjati lill-AIF u għalhekk ikunu disponibbli.

(5)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozzi tal-istandards tekniċi regolatorji ppreżentati lill-Kummissjoni mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq.

(6)

L-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji li fuqhom huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet il-parir tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tat-Titoli u s-Swieq li kien ġie stabbilit f’konformità mal-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2).

(7)

Id-dispożizzjonijiet f’dan ir-Regolament huma marbuta mill-qrib peress li jittrattaw il-forma u l-kontenut tal-informazzjoni li għandha tiġi skambjata bejn l-AIFMs u l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali tal-Istati Membri tad-domiċilju u dawk ospitanti fejn l-AIFM ikun biħsiebu jipprovdi servizzi transfruntiera. Sabiex tiġi żgurata l-koerenza bejn dawk id-dispożizzjonijiet, li jenħtieġ li jidħlu fis-seħħ fl-istess ħin, u biex tiġi ffaċilitata perspettiva komprensiva u aċċess effiċjenti għall-AIFMs u l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali, huwa xieraq li jiġu inklużi f’regolament wieħed.

(8)

Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari d-dritt tal-protezzjoni tad-data personali. L-ipproċessar ta’ data personali fil-kuntest ta’ dan ir-Regolament għandu jikkonforma mar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).

(9)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat skont l-Artikolu 42 tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) u ta l-opinjoni tiegħu fl-10 ta’ Ottubru 2023.

(10)

Sabiex l-AIFMs u l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jadattaw għar-rekwiżiti l-ġodda stabbiliti f’dan ir-Regolament, huwa xieraq li l-applikazzjoni tiegħu tiġi differita,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Informazzjoni li għandha tiġi kkomunikata skont l-Artikolu 33(2) tad-Direttiva 2011/61/UE

1.   L-informazzjoni li l-AIFMs għandhom jikkomunikaw skont l-Artikolu 33(2), il-punt (a), tad-Direttiva 2011/61/UE għandu jkun fiha dan kollu li ġej:

(a)

l-isem, l-indirizz u d-dettalji ta’ kuntatt tal-AIFM;

(b)

l-isem u d-dettalji ta’ kuntatt tad-dipartiment jew tal-punt ta’ kuntatt tal-AIFM li huwa responsabbli għall-iskambju ta’ informazzjoni mal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-AIFM.

2.   L-informazzjoni li l-AIFMs għandhom jikkomunikaw skont l-Artikolu 33(2), il-punt (b), tad-Direttiva 2011/61/UE għandu jkun fiha dan kollu li ġej:

(a)

l-attivitajiet partikolari tal-immaniġġjar tal-portafoll kollettiv stabbiliti fl-Anness I tad-Direttiva 2011/61/UE u tas-servizzi partikolari stabbiliti fl-Artikolu 6(4) ta’ dik id-Direttiva li se jiġu pprovduti;

(b)

l-istrateġija tan-negozju tal-AIFM fl-Istat Membru ospitanti, u b’mod partikolari l-kategoriji ta’ klijenti u investituri fil-mira li l-AIFM se jkun qed jinnegozja magħhom fl-Istat Membru ospitanti u kif l-AIFM se jittratta ma’ dawk l-investituri;

(c)

sommarju tal-kontrolli fuq l-arranġamenti ta’ delega ma’ partijiet terzi b’rabta mal-attivitajiet imwettqa fl-Istat Membru ospitanti;

(d)

informazzjoni dwar l-AIFs li l-AIFM bi ħsiebu jimmaniġġja fl-Istat Membru ospitanti, inklużi dawn kollha li ġejjin:

(i)

l-isem, l-Istat Membru ta’ domiċilju, il-forma ġuridika, l-istrateġija ta’ investiment u, jekk applikabbli, it-tul ta’ żmien tal-AIF;

(ii)

il-kodiċi ta’ identifikazzjoni nazzjonali, in-Numru Internazzjonali għall-Identifikazzjoni tat-Titoli (ISIN) u l-Identifikatur ta’ Entità Ġuridika (LEI) tal-AIF, fejn disponibbli;

(iii)

fil-każ ta’ strutturi prinċipali-alimentatriċi, l-isem tal-AIF prinċipali, fejn disponibbli l-LEI tiegħu, u, fejn l-AIFM tal-AIF prinċipali jkun differenti mill-AIFM tal-AIF li għandu jiġi mmaniġġjat, l-AIFM tal-fond prinċipali, l-Istat Membru tad-domiċilju tiegħu u, fejn disponibbli, il-LEI tiegħu.

Artikolu 2

Informazzjoni li għandha tiġi pprovduta skont l-Artikolu 33(3) tad-Direttiva 2011/61/UE

1.   L-informazzjoni li l-AIFMs għandhom jipprovdu skont l-Artikolu 33(3), il-punt (b), tad-Direttiva 2011/61/UE għandu jkun fiha l-isem, l-indirizz, fejn disponibbli l-kodiċijiet ta’ identifikazzjoni nazzjonali, u d-dettalji ta’ kuntatt tad-dipartiment jew tal-punt ta’ kuntatt fi ħdan il-fergħa li jkun responsabbli għall-iskambju ta’ informazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-AIFM jew mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru fejn tkun stabbilita l-fergħa.

2.   L-informazzjoni li l-AIFMs għandhom jipprovdu skont l-Artikolu 33(3), il-punt (c), tad-Direttiva 2011/61/UE dwar persuni responsabbli mill-immaniġġjar tal-fergħa għandu jkun fiha l-isem, il-pożizzjoni, l-indirizz tal-posta elettronika, u n-numru tat-telefon ta’ individwi li jwettqu funzjonijiet ewlenin f’pożizzjoni ewlenija fir-rigward tal-fergħa.

3.   L-informazzjoni li l-istruttura organizzazzjonali li l-AIFMs għandhom jipprovdu skont l-Artikolu 33(3), il-punt (a), tad-Direttiva 2011/61/UE għandu jkun fiha dan kollu li ġej:

(a)

jekk l-AIFM huwiex membru ta’ grupp;

(b)

spjegazzjoni ta’ kif il-fergħa se tikkontribwixxi għall-istrateġija tal-AIFM, jew tal-grupp tal-AIFM;

(c)

l-informazzjoni li ġejja dwar l-organizzazzjoni tal-fergħa:

(i)

linji ta’ rappurtar funzjonali, ġeografiċi u legali;

(ii)

deskrizzjoni ta’ kif il-fergħa tidħol fl-istruttura korporattiva tal-AIFM, jew, fejn l-AIFM ikun membru ta’ grupp, fl-istruttura korporattiva tal-grupp;

(iii)

ir-regoli għar-rappurtar mill-fergħa lill-AIFM;

(iv)

deskrizzjoni tal-proċess tal-kejl u l-immaniġġjar tar-riskji stabbilit mill-AIFM fil-livell tal-fergħa skont l-Artikolu 45 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 231/2013 (5);

(d)

sommarju tas-sistemi u l-kontrolli li se jiġu stabbiliti, inklużi dawn kollha li ġejjin:

(i)

il-proċeduri stabbiliti u r-riżorsi umani u materjali allokati, għall-konformità mar-regoli mfassla mill-Istat Membru ospitanti tal-AIFM skont l-Artikoli 12 u 14 tad-Direttiva 2011/61/UE;

(ii)

il-proċeduri stabbiliti u r-riżorsi umani u materjali allokati, għall-konformità mal-obbligi tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu stabbiliti fid-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6);

(iii)

kontrolli fuq l-arranġamenti ta’ delega ma’ partijiet terzi b’rabta mal-attivitajiet imwettqa mill-fergħa;

(e)

rapporti ta’ tbassir kemm għall-profitt jew it-telf kif ukoll għall-fluss tal-flus, għall-ewwel 36-il xahar.

Artikolu 3

Notifika ta’ kwalunkwe bidla fl-informazzjoni kkomunikata jew ipprovduta skont l-Artikolu 33(2), (3) u (6) tad-Direttiva 2011/61/UE

1.   L-AIFMs għandhom jinnotifikaw lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tagħhom dwar kwalunkwe bidla fl-informazzjoni msemmija fl-Artikoli 1 u 2.

2.   L-AIFMs għandhom jinfurmaw lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tagħhom dwar it-terminazzjoni ppjanata ta’ fergħa stabbilita fi Stat Membru ieħor, u għandhom jipprovdu lil dawk l-awtoritajiet kompetenti b’dan kollu li ġej:

(a)

l-isem, l-indirizz tal-posta elettronika u n-numru tat-telefon tal-persuna jew persuni li se jkunu responsabbli għall-proċess tat-terminazzjoni tal-operat tal-fergħa;

(b)

l-iskeda ta’ żmien għat-terminazzjoni pjanata;

(c)

id-dettalji u l-proċessi proposti għall-istralċ tal-operazzjonijiet tan-negozju, inklużi dettalji dwar kif l-interessi tal-investituri se jiġu protetti, kif l-ilmenti se jiġu solvuti, u kif kwalunkwe obbligazzjoni pendenti se tiġi rilaxxata.

Artikolu 4

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu japplika minn 25 ta' Ġunju 2024.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Diċembru 2023.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 174, 1.7.2011, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).

(5)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 231/2013 tad-19 ta’ Diċembru 2012 li jissupplimenta d-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-eżenzjonijiet, il-kundizzjonijiet ġenerali tal-operat, id-depożitarji, l-ingranaġġ, it-trasparenza u s-superviżjoni (ĠU L 83, 22.3.2013, p. 1).

(6)  Id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2024/912/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)