|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Serje L |
|
2024/911 |
25.3.2024 |
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/911
tal-15 ta’ Diċembru 2023
li jissupplimenta d-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw l-informazzjoni li għandha tiġi notifikata fir-rigward tal-attivitajiet transfruntieri tal-kumpaniji maniġerjali u tal-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS)
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 17(10), it-tieni subparagrafu, l-Artikolu 18(5), it-tieni subparagrafu, u l-Artikolu 20(5), it-tieni subparagrafu tagħha,
Billi:
|
(1) |
L-ambitu u l-kontenut tal-informazzjoni li għandha tiġi notifikata lill-awtoritajiet kompetenti skont l-Artikolu 17(1), (2), (3), (8) u (9), l-Artikolu 18(1), (2) u (4), u l-Artikolu 20(1) u (4) tad-Direttiva 2009/65/KE, ivarjaw skont l-iskop u l-forma tan-notifika. Għalhekk huwa xieraq li tiġi speċifikata l-informazzjoni li għandha tiġi notifikata mill-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli u mill-kumpaniji maniġerjali ta’ impriżi għall-investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (“kumpaniji maniġerjali”) għal kull tip ta’ notifika. |
|
(2) |
Sabiex jiġi żgurat li l-awtoritajiet kompetenti jkunu infurmati l-ħin kollu dwar l-attivitajiet tal-kumpaniji maniġerjali u sabiex l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jeżerċitaw kif suppost is-setgħat superviżorji tagħhom, jenħtieġ li huma jiġu infurmati dwar kull bidla fl-informazzjoni notifikata. Dan jinkludi kwalunkwe rtirar, kanċellazzjoni jew bidla fl-awtorizzazzjoni mogħtija inizjalment lil kumpanija maniġerjali. |
|
(3) |
In-Numru Internazzjonali għall-Identifikazzjoni tat-Titoli (ISIN) u l-Identifikatur tal-Entità Ġuridika (LEI) tal-UCITS huma importanti ferm biex jippermettu identifikazzjoni unika tal-UCITS b’mezzi elettroniċi. Għalhekk, dan ir-Regolament jinkludi n-notifika obbligatorja tal-ISIN u tal-LEI meta jkunu ġew assenjati lill-UCITS u għalhekk ikunu disponibbli. |
|
(4) |
Jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jiġu pprovduti b’informazzjoni dwar persuni responsabbli għall-ġestjoni tal-fergħa u d-dettalji ta’ kuntatt tagħhom. Jenħtieġ li l-persuni jitqiesu responsabbli għall-ġestjoni tal-fergħa jekk ikollhom is-setgħa li jistabbilixxu l-istrateġija, l-objettivi u d-direzzjoni ġenerali tal-fergħa, biex jidderieġu b’mod effettiv in-negozju tal-fergħa jew jekk ikunu responsabbli għan-negozju ta’ kuljum tal-fergħa f’kapaċità maniġerjali. Sabiex tiġi evitata kwalunkwe lakuna, jenħtieġ li jiġi żgurat li għal kull parti tal-attivitajiet, l-oqsma tan-negozju u l-funzjonijiet maniġerjali tal-fergħa, il-persuni fil-pożizzjoni ta’ tmexxija rispettiva jiġu notifikati. |
|
(5) |
Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji ppreżentat lill-Kummissjoni mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq. |
|
(6) |
L-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji li fuqhom huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet il-parir tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tat-Titoli u s-Swieq li ġie stabbilit f’konformità mal-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2). |
|
(7) |
Id-dispożizzjonijiet f’dan ir-Regolament huma marbuta mill-qrib peress li jittrattaw il-forma u l-kontenut tal-informazzjoni li għandha tiġi skambjata bejn il-kumpaniji maniġerjali u l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali tal-Istati Membri tad-domiċilju u dawk ospitanti meta l-kumpanija maniġerjali jkollha l-ħsieb li tipprovdi servizzi transfruntieri. Sabiex tiġi żgurata koerenza bejn dawk id-dispożizzjonijiet, li jenħtieġ li jidħlu fis-seħħ fl-istess waqt, u biex tiġi ffaċilitata perspettiva komprensiva u aċċess effiċjenti għall-kumpaniji maniġerjali u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, huwa opportun li jiġu inklużi f’regolament wieħed. |
|
(8) |
Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali. L-ipproċessar tad-data personali fil-kuntest ta’ dan ir-Regolament għandu jikkonforma mar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3). |
|
(9) |
Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat skont l-Artikolu 42 tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) u ta l-opinjoni tiegħu fl-10 ta’ Ottubru 2023. |
|
(10) |
Sabiex il-kumpaniji maniġerjali u l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jadattaw għar-rekwiżiti l-ġodda stabbiliti f’dan ir-Regolament, huwa xieraq li l-applikazzjoni tiegħu tiġi differita, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Informazzjoni li għandha tiġi pprovduta skont l-Artikolu 17(1) u (2) tad-Direttiva 2009/65/KE
1. L-informazzjoni li l-kumpaniji maniġerjali għandhom jipprovdu skont l-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2009/65/KE għandu jkun fiha dan kollu li ġej:
|
(a) |
l-isem, l-indirizz, l-LEI u d-dettalji ta’ kuntatt tal-kumpanija maniġerjali; |
|
(b) |
l-isem u d-dettalji ta’ kuntatt tad-dipartiment jew tal-punt ta’ kuntatt fil-kumpanija maniġerjali li hija responsabbli għall-iskambju tal-informazzjoni mal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-kumpanija maniġerjali. |
2. Id-deskrizzjoni tal-attivitajiet u tas-servizzi li għandhom jiġu inklużi fil-programm tal-operazzjonijiet li l-kumpaniji maniġerjali għandhom jikkomunikaw skont l-Artikolu 17(2), il-punt (b), tad-Direttiva 2009/65/KE għandu jkun fiha dan kollu li ġej:
|
(a) |
l-attivitajiet u s-servizzi partikolari msemmija fl-Artikolu 6(2) u (3) tad-Direttiva 2009/65/KE li se jiġu pprovduti fl-Istat Membru ospitanti; |
|
(b) |
jekk il-kumpanija maniġerjali hijiex membru ta’ grupp; |
|
(c) |
spjegazzjoni ta’ kif il-fergħa se tikkontribwixxi għall-istrateġija tal-kumpanija maniġerjali, jew tal-grupp tal-kumpanija maniġerjali; |
|
(d) |
deskrizzjoni tal-istrateġija kummerċjali tal-fergħa; |
|
(e) |
tbassir tal-fergħa dwar profitt u telf u dwar il-flussi tal-flus, għall-ewwel 36 xahar. |
3. Id-deskrizzjoni tal-istruttura organizzazzjonali tal-fergħa li trid tiġi inkluża fil-programm tal-operazzjonijiet li l-kumpaniji maniġerjali għandhom jikkomunikaw skont l-Artikolu 17(2), il-punt (b), tad-Direttiva 2009/65/KE għandu jkun fiha dan kollu li ġej:
|
(a) |
linji ta’ rappurtar funzjonali, ġeografiċi u legali; |
|
(b) |
deskrizzjoni ta’ kif il-fergħa tidħol fl-istruttura interna tal-kumpanija maniġerjali, jew, meta l-kumpanija maniġerjali tkun membru ta’ grupp, fl-istruttura interna tal-grupp, inklużi dettalji dwar kwalunkwe unità operazzjonali stabbilita fil-livell tal-fergħa u indikazzjoni tar-riżorsi umani allokati lill-fergħa; |
|
(c) |
ir-regoli għar-rappurtar mill-fergħa lill-kumpanija maniġerjali; |
|
(d) |
deskrizzjoni tal-proċess tal-kejl u tal-immaniġġjar tar-riskji stabbilit mill-kumpanija maniġerjali fil-livell tal-fergħa skont l-Artikoli 40 sa 43 tad-Direttiva tal-Kummissjoni 2010/43/UE (5); |
|
(e) |
deskrizzjoni tal-proċeduri u l-arranġamenti meħuda skont l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2009/65/KE; |
|
(f) |
sommarju tas-sistemi u l-kontrolli stabbiliti mill-kumpanija maniġerjali fil-livell tal-fergħa, inklużi dawn kollha li ġejjin:
|
4. L-informazzjoni li l-kumpaniji maniġerjali għandhom jipprovdu skont l-Artikolu 17(2), il-punt (d), tad-Direttiva 2009/65/KE dwar il-persuni responsabbli mill-immaniġġjar tal-fergħa għandu jkun fiha l-isem, il-pożizzjoni, l-indirizz tal-email u n-numru tat-telefon ta’ individwi li jwettqu funzjonijiet ewlenin f’pożizzjoni ewlenija fir-rigward tal-fergħa.
Artikolu 2
Informazzjoni li għandha tiġi kkomunikata skont l-Artikolu 18(1) u (2) tad-Direttiva 2009/65/KE
1. L-informazzjoni li l-kumpaniji maniġerjali għandhom jikkomunikaw skont l-Artikolu 18(1), il-punt (a), tad-Direttiva 2009/65/KE għandu jkun fiha dan kollu li ġej:
|
(a) |
l-isem, l-indirizz, l-LEI u d-dettalji ta’ kuntatt tal-kumpanija maniġerjali; |
|
(b) |
l-isem u d-dettalji ta’ kuntatt tad-dipartiment jew tal-punt ta’ kuntatt fil-kumpanija maniġerjali li hija responsabbli għall-iskambju tal-informazzjoni mal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-kumpanija maniġerjali. |
2. Id-deskrizzjoni tas-servizzi u tal-attivitajiet li għandhom jiġu inklużi fil-programm tal-operazzjonijiet li l-kumpaniji maniġerjali għandhom jikkomunikaw skont l-Artikolu 18(1), il-punt (b), tad-Direttiva 2009/65/KE għandu jkun fiha dan kollu li ġej:
|
(a) |
l-attivitajiet u s-servizzi partikolari msemmija fl-Artikolu 6(2) u (3) tad-Direttiva 2009/65/KE li se jiġu pprovduti fl-Istat Membru ospitanti; |
|
(b) |
jekk il-kumpanija maniġerjali hijiex membru ta’ grupp; |
|
(c) |
spjegazzjoni ta’ kif l-attivitajiet li għandhom jitwettqu fl-Istat Membru ospitanti se jikkontribwixxu għall-istrateġija tal-kumpanija maniġerjali, jew tal-grupp tal-kumpanija maniġerjali. |
Artikolu 3
Informazzjoni li għandha tiġi pprovduta skont l-Artikolu 20(1), il-punt (b), tad-Direttiva 2009/65/KE
L-informazzjoni li l-kumpaniji maniġerjali għandhom jipprovdu skont l-Artikolu 20(1), il-punt (b), tad-Direttiva 2009/65/KE għandu jkun fiha dan kollu li ġej:
|
(a) |
lista ta’ funzjonijiet rigward l-immaniġġjar jew il-ġestjoni tal-investiment soġġetti għal delega; |
|
(b) |
l-isem, l-indirizz u d-dettalji ta’ kuntatt tad-delegat. |
Artikolu 4
Notifika ta’ kwalunkwe bidla fl-informazzjoni pprovduta skont l-Artikolu 17(1), (2), (3), (8) u (9), l-Artikolu 18(1), (2) u (4), u l-Artikolu 20(1) u (4) tad-Direttiva 2009/65/KE
1. Il-kumpaniji maniġerjali għandhom jinfurmaw lill-awtoritajiet kompetenti kkonċernati dwar kwalunkwe bidla fl-informazzjoni msemmija fl-Artikoli minn 1 sa 3.
2. Il-kumpaniji maniġerjali għandhom jinfurmaw lill-awtoritajiet kompetenti kkonċernati dwar it-terminazzjoni ppjanata tal-operat ta’ fergħa stabbilita fi Stat Membru ieħor, u għandhom jipprovdu lil dawk l-awtoritajiet kompetenti bl-informazzjoni kollha li ġejja:
|
(a) |
l-isem, l-indirizz tal-email u n-numru tat-telefon tal-persuna jew persuni li se jkunu responsabbli għall-proċess tat-terminazzjoni tal-operat tal-fergħa; |
|
(b) |
l-iskeda ta’ żmien tat-terminazzjoni pjanata; |
|
(c) |
id-dettalji ta’ u l-proċessi proposti għall-istralċ tal-operazzjonijiet kummerċjali, inklużi dettalji dwar kif l-interessi tal-investituri se jiġu protetti, l-ilmenti se jiġu solvuti, u kwalunkwe obbligu pendenti se jitwettaq. |
Artikolu 5
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu japplika minn 25 ta’ Ġunju 2024.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Diċembru 2023.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 302, 17.11.2009, p. 32.
(2) Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).
(3) Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).
(4) Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).
(5) Id-Direttiva tal-Kummissjoni Nru 2010/43/UE tal-1 ta’ Lulju 2010 li timplimenta d-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżiti organizzazzjonali, il-konflitti ta’ interess, il-kondotta fin-negozju, l-immaniġġjar tar-riskji u l-kontenut tal-ftehim ta’ bejn id-depożitarju u l-kumpanija maniġerjali (ĠU L 176, 10.7.2010, p. 42).
(6) Id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73).
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2024/911/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)