European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje L


2024/894

20.3.2024

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/894

tat-13 ta’ Marzu 2024

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 139/2014 fir-rigward tar-rapportar tal-okkorrenzi

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2018 dwar regoli komuni fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili u li jistabbilixxi Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 2111/2005, (KE) Nru 1008/2008, (UE) Nru 996/2010, (UE) Nru 376/2014 u d-Direttivi 2014/30/UE u 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 552/2004 u (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3922/91 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 72(5) u l-Artikolu 62(15), il-punt (c) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 139/2014 (2) jistabbilixxi rekwiżiti u proċeduri amministrattivi b’rabta mal-ajrudromi, filwaqt li jindirizza, fost l-oħrajn, ir-rwol tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fir-rigward tas-sorveljanza u ċ-ċertifikazzjoni tal-ajrudromi, tal-operaturi tal-ajrudromi u tal-fornituri ta’ servizzi tal-immaniġġjar tar-rampa.

(2)

Ir-Regolament (UE) Nru 376/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) jistabbilixxi obbligi speċifiċi għall-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri biex jistabbilixxu sistemi għar-rapportar, l-analiżi u s-segwitu tal-okkorrenzi fl-avjazzjoni ċivili bħala parti mis-sistema ta’ mmaniġġjar tagħhom. Dawk l-obbligi jeżistu b’mod parallel mar-rekwiżiti ta’ rapportar stabbiliti skont ir-Regolament (UE) Nru 139/2014. Sabiex jiġu żgurati l-konformità u l-implimentazzjoni uniformi tagħhom, is-sistemi ta’ rapportar tal-okkorrenzi tal-awtoritajiet kompetenti nazzjonali stabbiliti skont ir-Regolament (UE) Nru 139/2014 jenħtieġ li jiġu allinjati mal-prinċipji tar-Regolament (UE) Nru 376/2014 dwar ir-rapportar, l-analiżi u s-segwitu ta’ okkorrenzi fl-avjazzjoni ċivili.

(3)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma bbażati fuq l-Opinjoni Nru 04/2023 (4) tal-Aġenzija f’konformità mal-Artikolu 75(2), il-punt (b) u (c), u mal-Artikolu 76(1) tar-Regolament (UE) 2018/1139.

(4)

Għaldaqstant, ir-Regolament (UE) Nru 139/2014 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan.

(5)

Sabiex tiġi żgurata implimentazzjoni bla xkiel tal-miżuri introdotti b’dan ir-Regolament filwaqt li s-sikurezza tal-avjazzjoni ċivili fl-Unjoni tinżamm f’livell għoli u uniformi, l-industrija u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jenħtieġ li jingħataw biżżejjed żmien biex jadattaw għall-miżuri introdotti b’dan ir-Regolament, u għalhekk jenħtieġ li jibda japplika 12-il xahar wara d-dħul fis-seħħ tiegħu.

(6)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-kumitat stabbilit bl-Artikolu 127 tar-Regolament (UE) 2018/1139,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) Nru 139/2014 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-Artikoli 4 u 5 jitħassru.

(2)

L-Anness II huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-20 ta’ Marzu 2025.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Marzu 2024.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 212, 22.8.2018, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1139/oj.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 139/2014 tat-12 ta’ Frar 2014 li jistabbilixxi rekwiżiti u proċeduri amministrattivi b’rabta mal-ajrudromi skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 44, 14.2.2014, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2014/139/oj).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 376/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 3 ta’ April 2014 dwar ir-rappurtar, l-analiżi u s-segwitu ta’ okkorrenzi fl-avjazzjoni ċivili, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 996/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva 2003/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 1321/2007 u (KE) Nru 1330/2007 (ĠU L 122, 24.4.2014, p. 18, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2014/376/oj).

(4)  https://www.easa.europa.eu/en/document-library/opinions/opinion-no-042023.


ANNESS

L-Anness II għar-Regolament (UE) Nru 139/2014 (il-Parti-ADR.AR) huwa emendat kif ġej:

(1)

fil-punt ADR.AR.A.025, il-punti (a) u (b) huma sostitwiti b’dan li ġej:

“(a)

Meta l-Awtorità Kompetenti tkun saret taf bi kwalunkwe problema sinifikanti bl-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) u bl-atti delegati u ta’ implimentazzjoni tiegħu, għandha tinnotifika lill-Aġenzija mingħajr dewmien żejjed, u fi kwalunkwe każ fi żmien 30 jum minn meta tkun saret taf b’dawk il-problemi sinifikanti.

(b)

Mingħajr preġudizzju għar-Regolament (UE) Nru 376/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) u għall-atti delegati u ta’ implimentazzjoni adottati abbażi tiegħu, l-Awtorità Kompetenti għandha tipprovdi lill-Aġenzija informazzjoni sinifikanti għas-sikurezza li tirriżulta minn rapporti dwar l-okkorrenzi maħżuna fil-bażi tad-data nazzjonali skont l-Artikolu 6(6) tar-Regolament (UE) Nru 376/2014 malajr kemm jista’ jkun.

(1)  Ir-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2018 dwar regoli komuni fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili u li jistabbilixxi Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 2111/2005, (KE) Nru 1008/2008, (UE) Nru 996/2010, (UE) Nru 376/2014 u d-Direttivi 2014/30/UE u 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 552/2004 u (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3922/91, Test b’rilevanza għaż-ŻEE (ĠU L 212, 22.8.2018, p. 1)."

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 376/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ April 2014 dwar ir-rappurtar, l-analiżi u s-segwitu ta’ okkorrenzi fl-avjazzjoni ċivili, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 996/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva 2003/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 1321/2007 u (KE) Nru 1330/2007 Test b’rilevanza għaż-ŻEE (ĠU L 122, 24.4.2014, p. 18)”;"

(2)

fil-punt ADR.AR.A.030, il-punti (a), (b) u (c) huma sostitwiti b’dan li ġej:

“(a)

Mingħajr preġudizzju għar-Regolament (UE) Nru 376/2014 u għall-atti delegati u ta’ implimentazzjoni tiegħu, l-Awtorità Kompetenti għandha timplimenta sistema biex tiġbor, tanalizza u xxerred kif xieraq l-informazzjoni dwar is-sikurezza.

(b)

L-Aġenzija għandha timplimenta sistema biex tanalizza b’mod xieraq kwalunkwe informazzjoni rilevanti marbuta mas-sikurezza li tkun irċeviet, u tipprovdi mingħajr dewmien żejjed kwalunkwe informazzjoni lill-awtorità rilevanti tal-Istati Membri u lill-Kummissjoni, fosthom rakkomandazzjonijiet jew azzjonijiet korrettivi li għandhom jittieħdu, li jkunu jeħtieġu biex jirreaġixxu fil-waqt għal problema tas-sikurezza li tkun tinvolvi l-ajrudromi, l-operaturi tal-ajrudromi u l-organizzazzjonijiet responsabbli għad-dispożizzjonijiet tal-AMS, soġġetti għar-Regolament (UE) 2018/1139 u għall-atti delegati u ta’ implimentazzjoni adottati abbażi tiegħu.

(c)

Kif tirċievi l-informazzjoni msemmija f’(a) u (b), l-Awtorità Kompetenti għandha tieħu miżuri adegwati sabiex tindirizza l-problema ta’ sikurezza, inkluż dik tal-ħruġ ta’ direttivi dwar is-sikurezza f’konformità mal-punt ADR.AR.A.040.”;

(3)

il-punt ADR.AR.B.005 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punt (a)(1) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(1)

politiki u proċeduri dokumentati biex jiddeskrivu l-organizzazzjoni, il-mezzi u l-metodi tagħha biex tinkiseb konformità mar-Regolament (UE) 2018/1139 u mal-atti delegati u ta’ implimentazzjoni adottati abbażi tiegħu. Il-proċeduri għandhom jinżammu aġġornati u jservu bħala d-dokumenti bażiċi ta’ ħidma f’dik l-awtorità kompetenti għall-kompiti relatati kollha;”;

(b)

il-punt (c) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(c)

L-Awtorità Kompetenti għandha tistabbilixxi proċeduri għall-parteċipazzjoni fi skambju reċiproku tal-informazzjoni u tal-assistenza kollha meħtieġa ma’ awtorità kompetenti oħra kkonċernata, kemm jekk mill-istess Stat Membru kif ukoll jekk minn Stati Membri oħrajn, inkluż dwar:

(1)

is-sejbiet rilevanti li tqajmu, u l-azzjonijiet ta’ segwitu meħuda b’riżultat ta’ sorveljanza tal-organizzazzjonijiet responsabbli mill-forniment tal-AMS fit-territorju ta’ Stat Membru, iżda li jkunu ddikjaraw l-attivitajiet tagħhom ma’ aktar minn awtorità kompetenti waħda jew f’aktar minn Stat Membru wieħed;

(2)

informazzjoni li tirriżulta mir-rapportar obbligatorju u volontarju tal-okkorrenzi kif meħtieġ skont il-punti ADR.OR.C.030 u ADR.OR.F.055.”;

(4)

il-punt ADR.AR.B.015 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“ADR.AR.B.015

Tibdil fis-sistema ta’ mmaniġġjar

(a)

L-Awtorità Kompetenti għandu jkollha fis-seħħ sistema biex tidentifika l-bidliet li jaffettwaw il-kapaċità tagħha li twettaq il-kompiti u terfa’ r-responsabbiltajiet tagħha kif stabbilit fir-Regolament (UE) 2018/1139 u fl-atti delegati u ta’ implimentazzjoni adottati abbażi tiegħu. Dik is-sistema għandha tippermettilha tieħu azzjoni kif xieraq biex tiżgura li s-sistema ta’ mmaniġġjar tagħha tibqa’ adegwata u effettiva.

(b)

L-Awtorità Kompetenti għandha taġġorna fil-waqt is-sistema ta’ mmaniġġjar tagħha biex tirrifletti kwalunkwe bidla fir-Regolament (UE) 2018/1139 u fl-atti delegati u ta’ implimentazzjoni adottati abbażi tiegħu, sabiex tiżgura l-implimentazzjoni effettiva tas-sistemi ta’ mmaniġġjar tagħha.

(c)

L-Awtorità Kompetenti għandha tinnotifika lill-Aġenzija bil-bidliet li jaffettwaw il-kapaċità tagħha li twettaq il-kompiti u terfa’ r-responsabbiltajiet tagħha kif stabbilit fir-Regolament (UE) 2018/1139 u fl-atti delegati u ta’ implimentazzjoni adottati abbażi tiegħu.”.


(1)  Ir-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2018 dwar regoli komuni fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili u li jistabbilixxi Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 2111/2005, (KE) Nru 1008/2008, (UE) Nru 996/2010, (UE) Nru 376/2014 u d-Direttivi 2014/30/UE u 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 552/2004 u (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3922/91, Test b’rilevanza għaż-ŻEE (ĠU L 212, 22.8.2018, p. 1).

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 376/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ April 2014 dwar ir-rappurtar, l-analiżi u s-segwitu ta’ okkorrenzi fl-avjazzjoni ċivili, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 996/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva 2003/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 1321/2007 u (KE) Nru 1330/2007 Test b’rilevanza għaż-ŻEE (ĠU L 122, 24.4.2014, p. 18)”;”


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/894/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)